Language of document : ECLI:EU:T:2004:154

SENTENZA TAL-QORTI TAL-PRIM'ISTANZA (it-Tieni Awla)

25 ta' Mejju 2004 (*)

"Regolament (KEE) Nru 822/87 – Organizzizzjoni komuni tas-suq ta' l-inbid – Regolament (KEE) Nru 1780/89 – Regolament (KEE) Nru 2710/93 – Regolament (KE) Nru 416/96 – Bejgħ ta’ alkoliċi miksuba permezz ta’ distillazzjoni – Regolament (KEE) Nru 3390/90 – Kuntratt permezz ta' appalt għall-użu fis-settur tal-karburanti – Rifjut tal-Kummissjoni li temenda ċerti kundizzjonijiet ta’ l-appalt – Force majeure – Responsabbiltà tal-Komunità li ma tirriżultax minn kuntratt - Ammissibbiltà"

Fil-kawża T-154/01,

Distilleria F. Palma SpA, li qiegħda fi stralċ, stabbilita f'Napli (l-Italja), irrappreżentata minn F. Caruso, avukat,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn L. Visaggiou u C. Cattabriga, bħala aġenti, assistiti minn A. Dal Ferro, avukat, b'indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

konvenuta

li għandha bħala għan talba, taħt l-Artikolu 235 KE u t-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 288 KE, intiża sabiex tikseb kumpens għad-dannu subit minħabba l-allegata illegalità fl-imġiba tal-Kummissjoni, kif tirriżulta mill-ittra ndirizzata, minn din l-istituzzjoni lill-awtoritajiet Taljani, iddatata l-11 ta’ Novembru 1996,

 

IL-QORTI TAL-PRIM'ISTANZA TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ (It-Tieni Awla),

komposta minn J. Pirrung, President, A. W. H. Meij u N. J. Forwood, Imħallfin,

Reġistratur: J. Palacio González, Amministratur Principali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-17 ta' Diċembru 2003,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Kuntest Legali u ta’ Fatt

1       Permezz tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3390/90 tas-26 ta’ Novembru 1990 dwar il-ftuħ tal-bejgħ speċjali, permezz ta’ sejħa għall-offerti, ta’ alkoħol imnissel mill-inbid, miżmum minn aġenziji ta’ l-intervent, sabiex jintuża fil-Komunità fis-settur tal-karburanti (ĠU L327, p. 21), il-Kummissjoni fetħet il-Proċedura ta’ Sejħa għall-Offerti Nru 8/90 KE għall-bejgħ ta’ 1.6 miljun ettolitru ta’ alkoħol, maqsum f’ħames lottijiet ta’ 320,000 ettolitru kull wieħed, li kien joriġina minn impjanti ta’ distillazzjoni li jaqgħu taħt id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikoli 35, 36 u 39 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 822/87 tas-16 ta’ Marzu 1987 dwar l-organizzazzjoni komuni tas-suq fl-inbid (ĠU L84, p. 1, aktar’il quddiem l-"sejħa għall-offerti").

2       L-ewwel Artikolu tar-Regolament Nru 3390/90 jipprovdi, b’mod partikolari, li l-alkoħol li huwa disponibbli għall-bejgħ permezz ta’ sejħa għall-offerti huwa intiż għall-użu fis-settur tal-karburanti tal-Komunità.

3       L-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 3390/90 jipprovdi li l-eliminazzjoni ta' l-alkoħol għandha sseħħ skond id-disposizzjonijiet tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 1780/89 tal-21 a’ Ġunju 1989, li jistabilixxi regoli dettaljati għall-bejgħ ta’ alkoħol mnissel mill-operazzjonijiet ta’ distillazzjoni msemmija fl-Artikoli 35, 36 u 39 tar-Regolament (KEE) Nru 822/87 u miżmum minn aġenziji ta’ l-intervent (ĠU L 178, p. 1).

4       L-Artikolu 4 tar-Regolament 3390/90 jipprovdi li l-kundizzjonijiet speċifiċi ta’ s-sejħa għall-offerti għandhom jiġu rripetuti fl-Avviż ta’ Sejħa għall-Offerti speċjali Nru 8/90 (ĠU C296, pħ 14, aktar 'il quddiem l-"avviż ta’ sejħa għall-offerti").

5       L-Artikolu 24(2) tar-Regolament 1780/89, kif emendet għal diversi drabi u, b’mod partikolari, permezz tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 3391/90 tas-26 ta’ Novembru 1990 (ĠU L 3237, p. 23), jipprovdi illi min jitfa' offerta huwa marbut li jagħti lill-aġenzija ta’ l-intervent ta' l-Istat Membru fejn l-huwa għandu s-sede prinċipali tiegħu, prova tal-kostituzzjoni ta’ garanzija għall-eżekuzzjoni tajba tal-kuntratt li tassigura li l-alkoħol jintuża għall-iskopijiet previsti fl-avviż ta’ sejħa għall-offerti.

6       Skond l-Artikolu 28(4) tar-Regolament Nru 1780/89, fil-verżjoni li kienet fis-seħħ meta nfetħet is-sejħa għall-offerti u skond il-punt X ta’ l-avviż ta’ sejħa għall-offerti, l-alkoħol appaltat għandu jintuża fi żmien sena, li għandha tibda’ tiddekorri mid-data ta’ l-aħħar tneħħija ta’ kull lott ta’ alkoħol.

7       L-Artikolu 30(1)(e) tar-Regolament Nru 1780/89, li ssir referenza għalih fil-punt I 5 (c) ta’ l-avviż ta’ sejħa għall-offerti, jipprovdi li, sabiex offerta tkun ammissibbli, hija għandha ssir bil-miktub u għandha tinkludi impenn mill-proponenti li jirrispettaw ir-regoli kollha li japplikaw għall-proċedura ta’ sejħa għall-offerti.

8       F’Jannar 1991, il-kwantità ta’ alkoħol li tpoġġiet għall-bejgħ fil-kuntest tas-sejħa għall-offerti speċjali Nru 8/90 ġiet attribwita lil Distilleria F. Palma SpA [aktar 'il quddiem "Palma", bħalissa Fallimento Distilleria F. Palma SpA (Distilleria F. Palma, fi stralċ), aktar 'il quddiem ir-"rikorrenti"] wara li din għamlet offerta ta' 3 ECU għal kull ettolitru ta’ alkoħol b’volum ta’ 100%.

9       Fil-kuntest ta’ din is-sejħa għall-offerti, Palma ikkostitwiet garanzija bankarja mal-bank San Paolo di Torino favur l-aġenzija ta’ l-intervent kompetenti, jiġifieri l-Azienda di Stato per gli interventi nel mercato agricolo (aġenzija ta’ l-Istat għall-interventi fis-suq agrikolu, aktar 'il quddiem l-"AIMA").

10     Palma kellha xi diffikultajiet sabiex tneħħi u tiddisponi mill-alkoħol aġġudikat u, fil-fatt, hija għarrfet lil Kummissjoni b’dan. Wara li ħadet in konsiderazzjoni, b’mod partikolari, dawn id-diffikultajiet, il-Kummissjoni adottat ir-Regolament (KEE) Nru 2710/93 tat-30 ta’ Settembru 1993 dwar xi bejgħ partikolari permezz ta’ sejħa għall-offerti speċjali ta’ alkoħol li joriġina mill-inbid u miżmum minn aġenziji ta’ l-intervent għall-użu fis-settur tal-karburanti fil-Komunità [traduzzjoni mhux uffiċjali] (ĠU L2 45, p. 131).

11     Permezz ta’ l-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 2710/93, il-Kummissjoni annullat parzjalment is-sejħa għall-offerti speċjali Nru 8/90 KE, f’dak li kien jirrigwarda lottijiet ta’ alkoħol li ma kinux għadhom ġew irtirati minn Palma, jiġifieri tlieta mill-ħames lottijiet aġġudikati. Il-garanzija għall-eżekuzzjoni tajba tal-kuntratt li kienet tirrigwarda dawn it-tliet lottijiet ġiet ċeduta.

12     Skond l-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 2710/93, l-użu ta’ l-alkoħol ta’ l-ewwel żewġ lottijiet ta’ l-għotja ta’ l-offerti speċjali Nru 8/90 KE (jiġifieri 640,000 ettolitru) kellu jintemm sal-1 ta' Ottubru 1995 sakemm ma jkumx hemm każ ta’ force majeure,.

13     L-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 2710/93 jipprovdi li l-garanzija għall-eżekuzzjoni tajba tal-kuntratt, f’dak li kienet tirrigwarda l-ewwel żewġ lottijiet mogħtija b’dan il-kuntratt b'appalt, kellha tiġi ċeduta mill-aġenzija ta’ l-intervent meta l-alkoħol kollu f’dawn iż-żewġ lottijiet kien ikun intuża fis-settur tal-karburanti fil-Komunità.

14     Minkejja l-adozzjoni tar-Regolament Nru. 2710/93, Palma ltaqgħet mill-ġdid ma' ċirkostanzi li, skond ir-rikorrenti, kienu jikkostitwixxu ostakoli kbar għall-eżekuzzjoni ta’ l-impennji tagħha.

15     B’ittra tat-18 ta’ Settembru 1995, Palma talbet lill-Kummissjoni sabiex tagħtiha proroga ġdida tat-terminu stabbilit mill-Artikolu 2 tar-Regolament Nru. 2710/93 għall-użu ta’ l-alkoħol. F’din l-ittra Palma semmiet ċirkostanzi li, allegatament, kienu jikkostitwixxu każ ta’ force majeure u li kienu waqqfuha milli teżegwixxi l-impennji kollha tagħha fit-terminu stipulat.

16     B’ittra tas-27 ta’ Novembru, Palma reġgħet qajjmet it-talba tagħha għall-proroga ta’ l-imsemmi terminu, li kien ilu li skada mill-1 ta' Ottubru 1995.

17     B’ittra tad-19 ta’ Diċembru 1995, il-Kummissjoni informat lil Palma li, fi żmien qasir, hija kienet se tiddeċiedi dwar il-possibilità ta’ proroga tat-terminu għall-użu ta’ l-alkoħol.

18     Palma bagħtet ukoll żewġ noti lill-Kummissjoni, iddatati 19 ta’ Diċembru 1995 u 5 ta’ Jannar 1996 rispettivament, fejn talbet li tiġi awtorizzata tiddistruġġi l-alkoħol li ma kienx għadu ġie użat. Dak iż-żmien, din it-talba kienet tirreferi għal kwantità ta’ 34 000 ettolitru ta’ alkoħol.

19     Permezz tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 416/96 tas-7 ta’ Marzu 1996, li emenda r-Regolament Nru 2710/93 (ĠU L59, p. 5), it-terminu għall-użu tal-lottijiet li kienu diġà ġew rtirati ġie mġedded għal darb’oħra. L-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 2710/93, kif emendat mir-Regolament Nru 416/96, jipprovdi illi:

"B’deroga għall-Artikolu 23 tar-Regolament (KEE) Nru 2220/85 u sakemm ma jkunx hemm każ ta’ force majeure, meta t-terminu (ta’ l-1 ta’ Ottubru 1995), imsemmi fl-Artikolu 2, jiskadi, il-garanzija ta’ 90 ECU għal kull ettolitru ta’ alkoħol b’volum ta’ 100% għall-eżekuzzjoni tajba tal-kuntratt, tintilef fil-proporzjonijiet li ġejjin:

(a)       15% f’kull każ;

(b)       50% ta’ l-ammont li jibqa’ wara li titnaqqas il-15% fejn ma jsirx l-użu skond dan l-Artikolu, qabel it-30 ta’ Ġunju 1996.

Il-garanzija tintilef kollha jekk id-data tal-31 ta’ Diċembru 1996 tiskadi."

[Traduzzjoni mhux uffiċjali]

20     Permezz ta’ nota tat-23 ta’ April 1996, l-AIMA stiednet lil Palma sabiex tħallasha l-ammont ta’ 3 164 220 870 liri Taljani (li jammontaw għal EURO 1 634 183.70), li allegatament kien jikkorrispondi għal 15% tal-garanzija għall-eżekuzzjoni tajba, minħabba li sal-1 ta’ Ottubru 1995, il-kwantità kollha ta’ l-alkoħol ta’ l-ewwel żewġ lottijiet tas-sejħa għall-offerti ma kinitx intużat fis-suq tal-karburanti tal-Komunità. Permezz ta’ ittra tat-3 ta’ Ġunju 1996, Palma ikkontestat il-legalità tat-talba ta’ l-AIMA.

21     F’din l-ittra, Palma rrepetiet ukoll it-talba tagħha lill-Kummissjoni sabiex tkun tista’ tipproċedi bid-distruzzjoni ta’ l-alkoħol li ma kienx għadu intuża, filwaqt li sostniet li din is-soluzzjoni kienet l-aktar waħda adattata u l-aħjar sabiex tassigura l-eliminazzjoni ta’ l-alkoħol mingħajr ma jkun hemm xkiel fis-suq.

22     Fil-11 ta’ Novembru 1996, il-Kummissjoni bagħtet ittra lill-AIMA fejn sostniet illi:

"It-talba tad-distillerija Palma, li għandha bħala għan l-awtorizzazzjoni sabiex tiddistruġġi kwantità residwa ta’ alkoħol ta' sejħa għall-offerti speċjali Nru 8/90, minħabba problemi marbuta mal-kwantità ta’ l-alkoħol ikkonċernat, ma tistax tintlaħaq.

Huwa neċessarju li d-disposizzjonijiet tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 416/96 [dwar it-telf tal-garanzija] jiġu applikati b’mod rigoruż.

[…] Palma hija marbuta bl-obbligu li teżegwixxi tajjeb il-kuntratt, li jfisser li l-alkoħol għandu jintuża fis-settur tal-karburanti, taħt il-kundizzjonijiet previsti mis-Sejħa għall-Offerti Nru 8/90 KE u li dan l-obbligu ma jispiċċax mat-telf tal-garanzija. L-awtoritajiet nazzjonali huma marbuta li jassiguraw dan l-obbligu wara t-telf tal-garanzija, jekk hu meħtieġ permezz ta’ l-eżekuzzjoni forzata. Huwa assolutament essenzjali li jiġi evitat li l-alkoħol jiġi destinat għal settur mhux awtorizzat mis-Sejħa għall-Offerti Nru 8/90 [KE], bħal, per eżempju, is-settur tax-xorb alkoħoliku […]"

23     Din l-ittra intbagħtet mill-AIMA lil Palma fit-3 ta’ Frar 1997.

24     Permezz ta’ nota ta’ l-20 ta’ Novembru 1996, Palma ressqet mill-ġdid il-kritika tagħha dwar it-talba ta’ l-AIMA u pproponiet li tpoġġi l-alkoħol li ma kienx għadu ntuża għad-disposizzjoni ta’ l-AIMA, mingħajr ħlas.

25     L-AIMA għamlet inġunzjoni lil Palma sabiex tħallasha l-garanzija kollha. Pallma kkontestat din l-inġunzjoni quddiem il-qrati nazzjonali.

26     Il-falliment ta’ Palma ġie ddikjarat fid-9 ta’ Lulju 1999.

 Proċedura

27     Ir-rikorrenti ressaq din il-kawża permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fid-9 ta’ Lulju 2001.

28     Fuq rapport ta’ l-Imħallef Relatur, il-Qorti tal-Prim’Istanza (It-Tieni Awla) iddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali u, fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura previsti mill-Artikolu 64 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza, hija għamlet xi mistoqsijiet bil-miktub lill-partijiet u stednithom sabiex iweġbuhom matul is-seduta

29     Matul is-seduta tas-17 ta’ Diċembru 2003, il-Qorti tal-Prim’Istanza semgħet is-sottomissjonijiet orali tal-partijiet u t-tweġibiet li huma taw għall-mistoqsijiet bil-miktub u orali magħmula mill-istess Qorti. 

 Talbiet tal-partijiet

30     Ir-rikorrenti titlob lill-Qorti tal-Prim’Istanza sabiex:

–       tikkundanna lill-Kummissjoni tħallas id-danni subiti;

–       tikkundanna lill-Kummissjoni tbati l-ispejjeż.

31     Il-Kummissjoni titlob lill-Qorti tal-Prim’Istanza sabiex:

–       tiċħad ir-rikors bħala inammissibbli jew bħala mhux fondat;

–       tikkundanna lir-rikorrenti sabiex ibati l-ispejjeż.

 Il-kuntest legali

32     Il-Kummissjoni qiegħda tikkontesta l-ammissibilità tar-rikors mingħajr ma ressqet l-eċċezzjoni ta’ l-inammissibilità f’att separat. F’dan ir-rigward, hija qiegħda tressaq tliet motivi għall-inammissibilità. L-ewwel motiv, li ġie mressaq bħala l-motiv prinċipali, huwa bbażat fuq in-nuqqas ta’ kompetenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza. It-tieni motiv huwa bbażat fuq il-fatt li r-rikors sar tard u t-tielet wieħed huwa bbażat fuq il-ksur tad-disposizzjonijiet ta’ l-Artikolu 44(1)(c) tar-Regoli tal-Proċedura. Dawn l-aħħar żewġ motivi ġew imressqa b’mod alternattiv.

33     Ir-rikorrenti isostni li r-rikors tiegħu huwa ammissibbli.

 Dwar il-motiv ta’ inammissibilità bbażat fuq in-nuqqas ta’ kompetenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza

 L-Argumenti tal-Partijiet

34     Il-Kummissjoni ssostni li l-kontestazzjoni hija marbuta, fit-totalità tagħha, maċ-ċirkostanza oġġettiva li tikkonsisti fil-fatt li Palma ma rrispettatx l-obbligu preċiż tagħha li tuża l-alkoħol, miksub fil-kuntest ta’ kuntratt b'appalt speċjali Nru 8/90 KE, u mal-konsegwenzi ta’ dan in-nuqqas li teżegwixxi dan l-obbligu. Ir-relazzjoni legali kkonċernata f’dan il-każ hija ta’ natura kuntrattwali. Għaldaqstant, ir-responsabbilità potenzjali tal-Kummissjoni tista’ toħroġ biss minn din ir-relazzjoni kuntrattwali. Konsegwentement, minn naħa, ir-rikors ġie żbaljatament ibbażat fuq it-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 288 u, min-naħa l-oħra, ir-rikors ma jaqax taħt il-kompetenza limitata ta’ l-imħallef komunitarju, li tirriżulta mill-Artikolu 240 KE (ara, f’dan ir-rigward, id-digriet tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-18 ta’ Lulju 1997, Oleifici Italiani vs il-Kummissjoni, T-44/96, Ġabra, p. II-1331, punt 38).

35     Ir-rikorrenti issostni li l-Qorti tal-Prim’Istanza hija kompetenti sabiex tiddeċiedi dwar ir-rikors tagħha għaliex dan għandu l-għan li jistabilixxi r-responsabbiltà li ma tirriżultax minn kuntratt tal-Kummissjoni. Ir-rikorrenti issostni, f’dan ir-rigward, illi, għall-kuntrarju ta’ dak li ssostni l-Kummissjoni, il-kwistjoni ma taqa’ bl-ebda mod fil-kuntest ta’ relazzjoni kuntrattwali li tista’ teżisti bejn Palma u din l-istituzzjoni. Fil-każ preżenti, il-kawża tad-danni subiti tinstab fl-ittra tal-11 ta’ Novembru 1996 li, bħala att unilaterali tal-Kummissjoni, ma tistax tidħol fil-kuntest kuntrattwali.

36     Barra minn dan, safejn, minn naħa, tiċħad it-talbiet it-talbiet ta’ Palma dwar id-distruzzjoni ta’ l-alkoħol li kien baqa’ u, min-naħa l-oħra, tagħti deċiżjoni ta’ l-infurzar tal-garanzija mogħtija fil-kuntest tal-kuntratt b'appalt Nru 8/90 KE, l-ittra tal-11 ta’ Novembru 1996 hija miżura b'effetti legali li jorbtu u li huma ta' natura li jkollhom effett fuq l-interessi ta’ Palma billi jbiddlu, b’mod distint, is-sitwazzjoni ġuridika tagħha (ara, f’dak ir-rigward, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza ta’ l-10 ta’ Lulju 1990, Automec vs il-Kummissjoni, T-64/89, Ġabra, p. II-367, punt 42).

 Il-Kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

37     Għandu jiġi kkonstatat illi l-kompetenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza sabiex tiddeċiedi dwar din il-kwistjoni tiddependi fuq it-tweġiba li għandha tingħata lill-mistoqsija preliminari dwar jekk ir-responsabbiltà li l-Komunità jista’ jkollha f’dan il-każ minħabba l-mġiba kkontestata tal-Kummissjoni, hijiex jew le ta’ natura kuntrattwali (ara f’dan ir-rigward, d-digriet tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-18 ta’ Lulju 1998, Nutria vs Kummissjoni, T-180/95, p. II-1317, punt 28).

38     F’dan ir-rigward, qabel kollox, għandu jiġi nnutat li r-rikorrenti u l-Kummissjoni huma marbuta b' kuntratt. Fil-fatt, mill-Artikolu 30(1)(e) tar-Regolament Nru 1780/89 jirriżulta li, meta ssottomettiet sejħa fis-sejħa għall-offerti miftuħa permezz tar-Regolament Nru 3390/90, Palma espressament intrabtet li tirrispetta d-disposizzjonijiet kollha li jirrigwardaw din is-sejħa għall-offerti. Wara li ħadet dawn il-kundizzjonijiet in konsiderazzjoni, Palma ssottomettiet offerta għall-prezz ta’ tliet ECU għal kull ettolitru ta’ alkoħol b’volum ta’ 100% li tpoġġa għall-bejgħ fil-kuntest tas-sejħa. Meta attribwiet il-kwantità ta’ alkoħol li tpoġġiet għal bejgħ, il-Kummissjoni aċċettat il-prezz propost minn Palma u l-impennji l-oħra li din ħadet. B’dan il-mod, b’riżultat ta’ l-offerta ta’ Palma u l-aċċettazzjoni tagħha mill-Kummissjoni, id-disposizzjonijiet relevanti tar-Regolamenti Nru 1780/89 u 3390/90 u ta’ l-avviż ta’ sejħa għall-offerti, flimkien mal-prezz offrut minn Palma saru l-klawżoli ta’ kuntratt li jorbot liż-żewġ partijiet f’din il-kawża (ara, f’dan ir-rigward, id-digriet tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-3 ta’ Ottubru 1997, Mutual Aid Administration Services vs il-Kummissjoni, T-186/96, Ġabra p. II-1633, punt 39 u s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tad-9 ta' Ottubru 2002, Hans Fuchs vs il-Kummissjoni, T-134/01, Ġabra p. II-3909, punt 53).

39     Għandu jiġi wkoll innutat li, wara li ġie konkluż, dan il-kuntratt kien emendat. Fil-fatt, wara t-talbiet, b’mod partikolari, ta’ Palma, il-Kummissjoni adottat ir-Regolamenti Nru 2710/93 u 416/96, li annullaw b’mod parzjali s-sejħa tal-offerti u li emendaw il-kundizzjonijiet għall-użu ta’ l-alkoħol li attwalment inbiegħ kif ukoll il-kundizzjonijiet għar-rinunzja tal-garanzija ta’ l-eżekuzzjoni tajba relatata ma' dan l-alkoħol. Dawn l-emendi huma parti integrali tal-kuntratt.

40     Għandu jiġi wkoll eżaminat jekk l-allegati nuqqasijiet tal-Kummissjoni, li huma il-bażi ta’ dan ir-rikors għad-danni, jirreferux għal obbligi li l-Kummissjoni għandha b’riżultat ta’ dan il-kuntratt (ara, f’dan ir-rigward, id-digriet Mutual Aid Administration Services vs Kummissjoni, ċċitata aktar ’il fuq fil-punt 40).

41     In-nuqqasijiet allegati mir-rikorrenti huma tlieta. L-ewwelnett, il-Kummissjoni allegatament ma ħaditx in konsiderazzjoni l-eżistenza ta’ każ ta’ force majeure li jeżonera lil Palma min-nuqqas tagħha fir-rigward ta’ l-obbligu li tuża l-alkoħol li ġie aġġudikat f’terminu stabbilit. Minn dan jirriżulta nuqqas ta’ għarfien ta’ l-effett eżoneratorju ta’ każ ta’ force majeure. It-tieni nett, il-Kummissjoni rrifjutat li temenda għal darb’oħra l-kundizzjonijiet ta' l-użu ta’ l-akoħol li effettivament inbiegħ, fatt li jikkostitwixxi vjolazzjoni tal-prinċipju ta’ proporzjonalità. It-tielet nett, il-Kummissjoni ma tatx il-motivi għal dan iċ-ċaħda, fatt li jikkostitwixxi vjolazzjoni ta’ l-obbligu li ta' motivazzjoni li din l-istituzzjoni għandha bis-saħħa ta' l-Artikolu 253 KE.

42     F’dak li jirrigwarda, l-ewwelnett, l-obbligu tal-Kummissjoni li tqis l-eżistenza ta’ każ ta’ force majeure, għandu jiġi kkunsidrat li l-Kummissjoni għandha dan l-obbligu b’riżultat ta’ kuntratt. Fil-fatt, dan l-obbligu jirriżulta mid-disposizzjonijiet kuntrattwali previsti mill-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 2710/93 kif ukoll mill-Artikolu 3 ta’ l-istess Regolament, kif emendat mir-Regolament Nru 416/96. Konsegwentement, l-allegata vjolazzjoni ta’ l-obbligu li jitqies każ ta’ force majeure tagħmel parti mill-qasam kuntrattwali u, f’dan il-każ, tista’ tirriżulta fir-responsabbiltà kuntrattwali tal-Komunità.

43     It-tieni nett, f’dak li jirrigwarda l-allegat obbligu tal-Kummissjoni li taċċetta li temenda l-kundizzjonijiet ta’ l-użu ta’ l-alkoħol effettivament mibjugħ għaliex tali emendi huma rikjesti mill-prinċipju ta’ proporzjonalità, għandu jiġi kkunsidrat li, anki kieku tali obbligu jeżisti, huwa jista' biss jiġi impost fuq il-Kummissjoni permezz ta’ kuntratt.

44     Huwa veru li t-tielet paragrafu ta’ l-Artikolu 5 KE, li jistabilixxi l-prinċipju ta’ proporzjonalità, huwa ntiż sabiex jirregola kull tip ta’ azzjoni tal-Komunità, kemm kuntrattwali kemm le.

45     Madanakollu, skond il-prinċipju pacta sunt servanda, li hu prinċipju fundamentali tas-sistemi ġuridiċi kollha (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-16 ta’ Ġunju 1998, Racke, C-162/96, Ġabra, p. I-3655, punt 49), il-kuntratt konkluż bejn il-Kummissjoni u Palma, fil-prinċipju, ma jistax jintmess. Għaldaqstant, l-obbligu possibli tal-Kummissjoni li taċċetta waħda mill-emendi għall-kuntratt proposti minn Palma jista’ joħroġ biss jew mill-kuntratt stess jew mill-prinċipji ġenerali li jirregolaw ir-relazzjonijiet kuntrattwali, fosthom il-prinċipju ta’ proporzjonalità. L-allegata vjolazzjoni ta’ dan l-obbligu li jiġi emendat il-kuntratt, tista' biss, jekk ikun il-każ, twassal għar-responsabbilità kuntrattwali tal-Komunità.

46     Fl-aħħarnett, għal dak li jirrigwarda l-allegazzjoni tar-rikorrenti ta’ vjolazzjoni ta’ l-obbligu ta' motivazzjoni, jeħtieġ li jiġi biss innutat li huwa l-Artikolu 253 KE li jimponi dan l-obbligu fuq il-Kummissjoni. Madankollu, dan l-obbligu japplika biss għal azzjonijiet unilaterali tal-Kummissjoni. Għaldaqstant, huwa ma japplikax għall-Kummissjoni b’riżultat tal-kuntratt li jorbot lill-Kummissjoni ma’ Palma. Konsegwentement, dan l-obbligu jista' jwassal biss għar-responsabbiltà tal-Kummissjoni li ma tirriżultax minn kuntratt.

47     Minn dak li jippreċedi jirriżulta li, minbarra l-allegazzjoni ta’ vjolazzjoni ta’ l-obbligu ta' motivazzjoni, sabiex issostni r-rikors għad-danni tagħha, ir-rikorrenti qiegħda tallega l-vjolazzjoni ta’ obbligi ta' natura kuntrattwali mill-Kummissjoni u, għaldaqstant, l-azzjoni li ġiet imressqa għandha bażi kuntrattwali. (ara, f’dan ir-rigward, is-digriet Nutria vs Il-Kummissjoni, iċċitata aktar ’il fuq, punt 36).

48     Skond id-disposizzjonijiet ta’ l-Artikoli 225 KE u 238 KE, meħuda flimkien, il-Qorti tal-Prim’Istanza għandha biss il-kompetenza sabiex tiddeċiedi, fil-prim’istanza, dwar kwistjonijiet ta’ natura kuntrattwali mressqa quddiemha minn persuni fiżiċi jew ġuridiċi, jekk ikun hemm klawżola ta’ arbitraġġ li, f’dan il-każ, ma hemmx.

49     Peress li, fil-kontestazzjoni preżenti, il-Kummissjoni qiegħda tikkontesta l-kompetenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza, il-fatt li r-rikorrenti ressqet il-kawża quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza ma jistax jitqies bħala l-espressjoni tar-rieda komuni tal-partijiet li jagħtu l-kompetenza fil-qasam kuntrattwali lill-imħallef komunitarju.

50     Meta jiġi mressaq quddiemha rikors għad-danni ibbażat fuq l-Artikolu 235 KE, fin-nuqqas ta’ klawżola ta’ arbitraġġ skond l-Artikolu 238 KE, il-Qorti tal-Prim’Istanza ma tistax tiddeċiedi dwaru f’dak illi, fil-verità, tali rikors jirrigwarda talba għal danni u interessi li joħorġu minn kuntratt. Jekk tagħmel dan, il-Qorti tal-Prim’Istanza tkun qed testendi l-kompetenza ġudizzjarja tagħha ’l hinn mill-kwistjonijiet li kienu limitatament fdati lilha permezz ta’ l-Artikolu 240 KE meta, minn naħa l-oħra, din l-istess disposizzjoni tafda lill-qrati nazzjonali il-kompetenza li toħroġ mid-dritt ordinarju li jisimgħu kontestazzjonijiet li fihom il-Komunità hija parti.(ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tal-Qorti tal-21 ta’ Mejju 1987, Rau et, 133/85 sa 136/85, Ġabra p. 2289, punt 10 u d-digriet Mutual Aid Administration Services vs il-Kummissjoni, iċċitat aktar’il fuq, punt 47).

51     Minn dak li ntqal qabel, jirriżulta li l-motiv ta’ inammissibilità bbażat fuq in-nuqqas ta’ kompetenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza għandu jiġi milqugħ safejn r-rikors huwa bbażat fuq l-allegat ksur ta’, minn naħa, l-obbligu li tittieħed in konsiderazzjoni l-possibilità ta’ l-eżistenza ta’ każ ta’ force majeure u, min-naħa l-oħra, l-allegat obbligu li jiġu aċċettati l-emendi fil-kuntratt proposti minn Palma minħabba l-prinċipju ta’ proporzjonalità.

52     Peress li l-motiv prinċipali ta’ inammissibilità ma jiġġustifikax li r-rikors jiġi miċħud fit-totalità tiegħu, għandu jiġi ezaminat il-motiv ta’ inammissibilità bbażat fuq il-ksur tad-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 44(1)(c) tar-Regoli tal-Proċedura safejn ir-rikorrenti tilmenta li kien hemm ksur ta’ l-obbligu ta' motivazzjoni. 

 Dwar il-motiv ta’ inammissibilità bbażat fuq il-ksur tad-disposiżżjonijiet ta’ l-Artikolu 44(1)(c) tar-Regoli tal-Proċedura

 L-Argumenti tal-Partijiet

53     Il-Kummissjoni ssostni li r-rikors huwa inammissibbli safejn, għall-kuntrarju tar-rekwiżiti ta’ l-Artikolu 44(1)(c) tar-Regoli tal-Proċedura, huwa ma jipprovdi ebda indikazzjoni konkreta u preċiża dwar l-eżistenza u l-ammont tad-dannu allegatament subit. F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni m’hijiex f’pożizzjoni li tidentifika d-dannu li r-rikorrenti qiegħed jibbaża fuqu sabiex jitlob il-kumpens.

54     Il-Kummissjoni ssostni wkoll li hemm nuqqas ta’ koerenza bejn ir-rikors u r-replika f'dak li jirrigwarda l-kriterji sabiex jiġi stabbilit id-dannu. Fil-fatt, l-ispejjeż ta’ trasport u ta’ ħażna, li għalihom ir-rikorrenti qiegħed jitlob il-kumpens fir-rikors, saru qabel l-ittra tal-11 ta’ Novembru 1996 li, skond ir-rikorrenti kienet il-kawża tad-dannu allegat. Min-naħa l-oħra, ir-replika semmiet l-ispejjeż ta’ trasport u ta’ ħażna magħmula minn Palma minħabba l-ittra tal-11 ta’ Novembru 1996.

55     Ir-rikorrenti ssostni li r-rikors tagħha jissodisfa r-rekwiżiti ta’ l-Artikolu 44(1)(c) tar-Regoli tal-Proċedura. Hija tissottometti, f’dan ir-rigward, illi hija indikat, kif inhu dovut, x’kienu d-danni subiti u li r-rikors isemmi l-aspetti differenti tad-dannu u l-kriterji fundamentali li għandhom jintużaw sabiex issir kwantifikazzjoni ta’ tali dannu. Skond il-ġurisprudenza, dawn l-elementi huma biżżejjed sabiex jiġu sodisfatti r-rekwiżiti ta’ l-Artikolu 44(1)(c) tar-Regoli tal-Proċedura (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-15 ta’ Ġunju 1999, Ismeri Europa vs Il-Qorti ta’ l-Awdituri, T-277/97, Ġabra, p. II-1825, punt 67). Fl-aħħarnett, ir-rikorrenti ssostni illi l-kritika magħmula mill-Kummissjoni għandha x’taqsam ma’ l-evalwazzjoni tal-fondatezza tar-rikors u li, konsegwentement, għandha tiġi eżaminata f’dan il-kuntest (sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-16 ta’ April 1997, Saint u Murray vs Il-Kunsill u L-Kummissjoni, T-554/93, Ġabra, p. II-563, punt 59; ta’ l-10 ta’ Lulju 1997, Guérin automobiles vs il-Kummissjoni, T-38/96, Ġabra p. II-1223, punt 42, u tat-28 ta’ April 1998, Dorsch Consult vs Il-Kunsill u L-Kummissjoni, T-184/95, Ġabra p. II-667, punt 23).

 Il-Kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

56     Skond l-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 21 ta’ l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, li japplika għall-proċedura quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza skond l-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 53 ta’ l-istess Statut u ta’ l-Artikolu 44(1)(c) tar-Regoli tal-Proċedura, kull rikors għandu jindika, b’mod partikolari, l-għan tal-kawża u jagħti deskrizzjoni qasira tat-talbiet mressqa.

57     Peress li dan huwa rekwiżit ta’ ordni pubbliku, il-Qorti tal-Prim’Istanza tista’ tiddeċiedi ex officio li tivverifika jekk ir-rikors jissodisfax dawn ir-rekwiżiti (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-21 ta’ Marzu 2002, Joynson vs il-Kummissjoni, T-231/99, Ġabra p. II-2085, punt 154).

58     Għandu mfakkar li l-indikazzjoni msemmija fil-punt 56 aktar 'il fuq, għandha tkun ċara u preċiża biżżejjed sabiex tippermetti lill-konvenuta tipprepara d-difiża tagħha u sabiex tippermetti lill-Qorti tal-Prim’Istanza tiddeċiedi fuq ir-rikors, jekk ikun il-każ, mingħajr ebda informazzjoni oħra li ssostnieh. Sabiex tkun garantita ċ-ċertezza legali u l-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja jeħtieġ li, sabiex rikors ikun ammissibbli, l-elementi essenzjali ta’ fatt u ta’ dritt li fuqhom huwa bbażat joħorġu - anki jekk fil-qosor - b’mod ċar u li jinftiehem mit-test tar-rikors stess (digriet tal-Qorti tal-Prim'Istanza tad-29 ta' Novembru 1993, Koelman vs Il-Kummissjoni, T-56/92, Ġabra II-1267, punt 21, u sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tas-6 ta' Mejju 1997, Guérin automobiles vs Il-Kummissjoni, T-195/95, Ġabra p. II-679, punt 20).

59     Sabiex jiġu sodisfatti dawn ir-rekwiżiti, rikors għal kumpens ta' danni kkawżati minn istituzzjoni komunitarja għandu jinkludi l-elementi li jippermettu l-identifikazzjoni ta' l-imġiba ta' l-istituzzjoni li r-rikorrenti qiegħed jilmenta dwarha, ir-raġunijiet għaliex huwa jħoss li hemm rabta kawżali bejn din l-imġiba u d-dannu li hu jallega li bata kif ukoll in-natura u l-firxa tad-dannu (sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tat-18 ta' Settembru 1996, Asia Motor France et vs Il-Kummissjoni, T-387/94, Ġabra p. II-961, punt 107).

60     Fil-każ preżenti, mill-eżami ta' l-ewwel talba, jirriżulta li l-Qorti tal-Prim'Istanza m'għandiex il-kompetenza sabiex teżamina l-allegat nuqqas ta' motivazzjoni ta' l-ittra tal-11 ta' Novembru 1996 li biha l-Kummissjoni rrifjutat li taċċetta l-emenda li Palma ssuġġeriet li ssir lill-kuntratt. Għaldaqstant, fil-kuntest ta' l-eżami ta' din it-talba, għandu jiġi kkunsidrat li l-ilment magħmul mir-rikorrenti lill-Kummissjoni jammonta għall-allegat ksur ta' l-obbligu ta' motivazzjoni ta' l-ittra tal-11 ta' Novembru 1996 li, f'kull każ, ma jistax iwassal għar-responsabbiltà tal-Komunità (ara, f'dan ir-rigward, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta' Settembru 1982, Kind vs il-Kunsill u l-Kummissjoni, 106/81, Ġabra p. 2885, punt 14 u tat-30 ta' Settembru 2003, Eurocoton et vs Il-Kunsill, C-76/01 P, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 98).

61     Mir-rikors jirriżulta li r-rikorrenti qiegħda tallega li batiet dannu, li hija tistma li jammonta għal ITL 22 000 000 000 (EUR 11 382 051. 78). Madanakollu, għandu jiġi kkonstatat li r-rikors ma jinkludi ebda indikazzjoni dwar ir-raġunijiet li jwasslu r-rikorrenti sabiex tikkunsidra li hemm rabta kawżali bejn l-allegat nuqqas ta' motivazzjoni fl-ittra tal-11 ta' Novembru 1996 u d-dannu li tallega li sofriet. Fil-fatt, fil-fażi ta' l-att introduttiv tar-rikors, ir-rikorrenti tillimita ruħha sabiex tallega li l-allegat dannu huwa l-konsegwenza diretta u evidenti ta' l-ittra tal-11 ta' Novembru 1996.

62     Minn dan jirriżulta illi r-rekwiżiti ta' l-ewwel paragrafu ta' l-Artikolu 21 ta' l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja u ta' l-Artikolu 44(1)(c) tar-Regoli tal-Proċedura m'humiex sodisfatti.

63     Fid-dawl ta' dak kollu li jippreċedi, hemm lok li r-rikors jiġi miċħud bħala inammissibbli, mingħajr ma huwa neċessarju li jiġu eżaminati t-talbiet u l-argumenti l-oħra mressqa mill-Kummissjoni li jsostnu l-inammissibilità tar-rikors.

 Dwar l-ispejjeż

64     Skond l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li r-rikorrenti tilfet, tilfet, hemm lok li hija tiġi ordnata tbati l-ispejjeż kif mitlub mill-Kummissjoni.

 

Għal dawn il-motivi,

 

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (It-Tieni Awla)

 

taqta’ u tiddeċiedi illi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud bħala inammissibbli

2)      Ir-rikorenti hija kkundannata ibati l-ispejjeż.

 

 

 

Pirrung

Meij

Forwood

Mogħtija fil-Qorti bil-miftuħ, fil-Lussemburgu, il-25 ta' Mejju 2004.

H. Jung

 

       J. Pirrung

Reġistratur

 

       President



* Lingwa tal-kawża: it-Taljan.