Language of document : ECLI:EU:C:2019:23

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

16 ta’ Jannar 2019 (*)

“Appell – Kontroll ta’ konċentrazzjonijiet bejn impriżi – Akkwist ta’ TNT Express minn UPS – Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tiddikjara l-konċentrazzjoni inkompatibbli mas-suq intern u mal-funzjonament tal-Ftehim ŻEE – Mudell ekonometriku mfassal mill-Kummissjoni – Nuqqas ta’ komunikazzjoni tal-emendi li saru għall-mudell ekonometriku – Ksur tad-drittijiet tad-difiża”

Fil-Kawża C‑265/17 P,

li għandha bħala suġġett appell skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, imressaq fis-16 ta’ Mejju 2017,

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn T. Christoforou, N. Khan, H. Leupold u A. Biolan, bħala aġenti,

rikorrenti,

il-partijiet l-oħra fil-kawża li huma:

United Parcel Service, Inc., stabbilita f’Atlanta, Georgia (l-Istati Uniti), irrappreżentata minn A. Ryan, solicitor, F. Hoseinian, advokat, W. Knibbeler, S. A. Pliego u P. van den Berg, advocaten, u F. Roscam Abbing, advocate,

rikorrenti fl-ewwel istanza,

FedEx Corp., stabbilita f’Memphis, Tennessee (l-Istati Uniti), irrappreżentata minn F. Carlin, barrister, G. Bushell, solicitor, u N. Niejahr, Rechtsanwältin,

intervenjenti fl-ewwel istanza,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn R. Silva de Lapuerta, Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja, li qed taġixxi bħala President tal-Ewwel Awla, A. Arabadjiev, E. Regan, C. G. Fernlund (Relatur) u S. Rodin, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Kokott,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-25 ta’ Lulju 2018,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz tal-appell tagħha, il-Kummissjoni Ewropea titlob l-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tas-7 ta’ Marzu 2017, United Parcel Service vs Il-Kummissjoni (T-194/13, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”, EU:T:2017:144), li permezz tagħha din annullat id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2013) 431 tat-30 ta’ Jannar 2013 li tiddikjara konċentrazzjoni inkompatibbli mas-suq intern u t-tħaddim tal-Ftehim taż-ŻEE (Każ COMP/M.6570 – UPS/TNT Express) (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni inkwistjoni”).

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

2        Mis-sentenza appellata jirriżulta li United Parcel Service Inc. (iktar ’il quddiem “UPS”) u TNT Express NV (iktar ’il quddiem “TNT”) huma żewġ kumpanniji preżenti fis-swieq tas-servizzi internazzjonali ta’ distribuzzjoni espressa ta’ pakketti żgħar.

3        Fil-15 ta’ Ġunju 2012, UPS innotifikat lill-Kummissjoni bil-proġett tagħha ta’ akkwist ta’ TNT, skont l-Artikolu 4 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 tal-20 ta’ Jannar 2004 dwar il-kontroll ta’ konċentrazzjonijiet bejn impriżi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 3, p. 40).

4        Fit-30 ta’ Jannar 2013, il-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni inkwistjoni. Il-Kummissjoni ddikjarat li l-konċentrazzjoni nnotifikata kienet inkompatibbli mas-suq intern u mal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, tat-2 ta’ Mejju 1992 (ĠU 1994, L 1, p. 3), wara li kkonstatat li hija kienet tikkostitwixxi ostakolu sinjifikattiv għal kompetizzjoni effettiva fis-swieq tas-servizzi inkwistjoni fi ħmistax-il Stat Membru, jiġifieri fil-Bulgarija, fir-Repubblika Ċeka, fid-Danimarka, fl-Estonja, fil-Latvja, fil-Litwanja, fl-Ungerija, f’Malta, fil-Pajjiżi l-Baxxi, fil-Polonja, fir-Rumanija, fis-Slovenja, fis-Slovakkja, fil-Finlandja u fl-Isvezja.

 Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza appellata

5        Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-5 ta’ April 2013, UPS ippreżentat rikors intiż għall-annullament tad-deċiżjoni inkwistjoni. Insostenn ta’ dan ir-rikors, UPS kienet invokat b’mod partikolari motiv ibbażat fuq il-ksur tad-drittijiet tad-difiża li permezz tiegħu hija allegat li l-Kummissjoni kienet adottat id-deċiżjoni inkwistjoni abbażi ta’ mudell ekonometriku differenti minn dak li kien is-suġġett ta’ dibattitu kontradittorju matul il-proċedura amministrattiva.

6        Permezz tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali laqgħet dan il-motiv u annullat id-deċiżjoni inkwistjoni.

 It-talbiet tal-partijiet

7        Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tannulla s-sentenza appellata;

–        tibgħat il-kawża lura quddiem il-Qorti Ġenerali, u

–        tirriżerva l-ispejjeż ta’ din l-istanza.

8        UPS titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tiddikjara l-appell inammissibbli u/jew ineffettiv; jew

–        tiċħdu fl-intier tiegħu, jew,

–        sussidjarjament, tagħti sentenza finali li tikkonferma d-dispożittiv tas-sentenza appellata permezz ta’ sostituzzjoni tal-motivi, u

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż tal-appell u tal-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali.

 Fuq l-appell

 Fuq l-ammissibbiltà

9        Preliminarjament, UPS issostni li, minħabba ċerti żbalji proċedurali, l-appell għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli u, fi kwalunkwe każ, bħala ineffettiv.

10      Fl-ewwel lok, UPS issostni li l-Kummissjoni tikkritika ċerti konstatazzjonijiet fattwali magħmula mill-Qorti Ġenerali fis-sentenza appellata, mingħajr madankollu ma tinvoka żnaturament tal-fatti.

11      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, konformement mal-Artikolu 256 TFUE u mal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 58 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, l-appell għandu jkun limitat għal kwistjonijiet ta’ liġi. Għaldaqstant, hija biss il-Qorti Ġenerali li hija kompetenti sabiex tikkonstata u tevalwa l-fatti rilevanti kif ukoll sabiex tevalwa l-provi. Għaldaqstant, l-evalwazzjoni tal-fatti u tal-provi ma tikkostitwixxix, bla ħsara għall-każ ta’ żnaturament tagħhom, kwistjoni ta’ dritt suġġetta, bħala tali, għall-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ appell (sentenza tas-26 ta’ Jannar 2017, Masco et vs Il-Kummissjoni, C-614/13 P, EU:C:2017:63, punt 35 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

12      F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li l-iżbalji ta’ liġi invokati mill-Kummissjoni insostenn tal-appell tagħha jirrigwardaw l-osservanza tar-regoli proċedurali mill-Qorti Ġenerali, bħall-obbligu li timmotiva d-deċiżjonijiet tagħha u li tiddeċiedi fuq il-motivi u l-argumenti mressqa quddiemha. Il-Kummissjoni tikkontesta, barra minn hekk, il-motivi li permezz tagħhom il-Qorti Ġenerali kkonkludiet li hija kellha tikkomunika l-emendi għall-mudell ekonometriku matul il-proċedura amministrattiva kif ukoll il-konsegwenzi legali ta’ tali nuqqas ta’ komunikazzjoni fir-rigward tal-validità tad-deċiżjoni inkwistjoni. Kuntrarjament għad-dikjarazzjonijiet ta’ UPS, il-kritika indirizzata mill-Kummissjoni kontra s-sentenza appellata ma tikkonċernax konstatazzjonijiet fattwali iżda tikkonċerna diversi żbalji ta’ liġi mwettqa mill-Qorti Ġenerali.

13      UPS issostni, fit-tieni lok, li l-appell huwa inammissibbli peress li l-Kummissjoni sempliċement ittenni, b’mod partikolari fl-ewwel żewġ partijiet tal-ewwel aggravju tagħha, l-argument li ġie miċħud mill-Qorti Ġenerali, b’mod partikolari, fil-punti 176, 181, 185, 186, 198 u 203 sa 209 tas-sentenza appellata.

14      Huwa minnu li appell huwa inammissibbli sa fejn sempliċement jirrepeti l-motivi u l-argumenti li diġà ġew ippreżentati quddiem il-Qorti Ġenerali, inklużi dawk li kienu bbażati fuq fatti espressament miċħuda minn din il-qorti. Fil-fatt, tali appell jikkostitwixxi, fir-realtà, talba intiża li jinkiseb sempliċi eżami mill-ġdid tar-rikors ippreżentat quddiem il-Qorti Ġenerali, liema eżami ma jaqax taħt il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ appell (sentenza tal-10 ta’ Novembru 2016, DTS Distribuidora de Televisión Digital vs Il-Kummissjoni, C‑449/14 P, EU:C:2016:848, punt 28).

15      Min-naħa l-oħra, meta appellant jikkontesta l-interpretazzjoni jew l-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni magħmula mill-Qorti Ġenerali, il-punti ta’ dritt eżaminati fl-ewwel istanza jistgħu jiġu diskussi mill-ġdid matul il-proċedura ta’ appell. Fil-fatt, li kieku appellant ma jistax jibbaża l-appell tiegħu fuq motivi u argumenti li diġà ntużaw quddiem il-Qorti Ġenerali, l-imsemmija proċedura tkun imċaħħda minn parti mir-ratio tagħha (sentenza tal-10 ta’ Novembru 2016, DTS Distribuidora de Televisión Digital vs Il-Kummissjoni, C‑449/14 P, EU:C:2016:848, punt 29).

16      F’dan il-każ, kuntrarjament għal dak li ssostni UPS, il-Kummissjoni, fl-appell tagħha, ma tirriproduċix sempliċement l-argumenti li hija ppreżentat fl-ewwel istanza. Fil-fatt, il-Kummissjoni tikkritika l-motivi ta’ liġi invokati mill-Qorti Ġenerali fis-sentenza appellata, b’mod partikolari permezz tal-ewwel żewġ partijiet tal-ewwel aggravju tagħha, li permezz tagħhom hija tikkritika lill-Qorti Ġenerali talli naqset milli tiddeċiedi dwar ċerti argumenti tad-difiża tagħha.

17      Fit-tielet lok, UPS tallega li l-appell għandu f’kull każ jiġi miċħud bħala ineffettiv peress li ma jistax iwassal għar-rinviju tal-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali kif mitlub mill-Kummissjoni. Fil-fatt, fil-każ li fih l-appell jintlaqa’, UPS titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja żżomm, permezz ta’ sostituzzjoni tal-motivi, l-annullament tad-deċiżjoni inkwistjoni minħabba n-nuqqas ta’ motivazzjoni tagħha u l-ksur tad-drittijiet tad-difiża mill-Kummissjoni.

18      F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li l-kwistjoni dwar jekk appell huwiex kompletament jew parzjalment ineffettiv ma taqax taħt l-eżami tal-ammissibbiltà ta’ dan l-appell, iżda taħt dik tal-fondatezza tiegħu.

19      Fid-dawl ta’ dawn il-fatturi, hemm lok li jiġi miċħud l-argument kollu ta’ UPS intiż sabiex tiġi kkontestata l-ammissibbiltà tal-appell u ta’ ċerti aggravji tiegħu.

 Fuq il-mertu

20      Insostenn tal-appell tagħha, il-Kummissjoni tinvoka erba’ aggravji. Essenzjalment, permezz ta’ dawn l-aggravji, li d-diversi partijiet tagħhom jikkoinċidu parzjalment, il-Kummissjoni tallega li l-Qorti Ġenerali wettqet tliet żbalji ta’ liġi. L-ewwel tnejn jirrigwardaw il-ksur tad-drittijiet tad-difiża u l-konsegwenzi li jirriżultaw minnu, u t-tielet aggravju jirrigwarda l-ksur tal-obbligu tal-Qorti Ġenerali li timmotiva d-deċiżjonijiet tagħha.

 Fuq il-ksur tad-drittijiet tad-difiża

–       L-argumenti tal-partijiet

21      Il-Kummissjoni, permezz tat-tieni u tat-tielet parti tal-ewwel aggravju tagħha, tikkontesta l-motiv espost fil-punt 209 tas-sentenza appellata, li jipprovdi li “l-Kummissjoni ma tistax tallega li hija ma kellhiex l-obbligu li tikkomunika lir-rikorrenti l-mudell finali tal-analiżi ekonometrika qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni [inkwistjoni]”.

22      Il-Kummissjoni tiċħad l-eżistenza ta’ tali obbligu.

23      Fl-ewwel lok, il-Kummissjoni tqis, wara l-istadju tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, li ma hijiex obbligata tiżvela kwalunkwe evalwazzjonijiet intermedjarji sussegwenti ta’ punti li fuqhom hija bbażat l-oġġezzjonijiet tagħha, peress li dawn l-evalwazzjonijiet jistgħu jinbidlu matul il-proċedura. F’dan il-każ, l-analiżi tar-rapporti bejn il-livell ta’ konċentrazzjoni u l-prezzijiet twettqet skont id-data pprovduta minn UPS u TNT. Il-metodoloġija li biha ġiet evalwata din id-data permezz ta’ mudell ekonometriku ġiet irfinata fid-dawl tal-argumenti ta’ UPS. Il-kontestazzjoni tal-evalwazzjoni mill-Kummissjoni dwar din id-data ma taqax taħt id-drittijiet tad-difiża iżda taħt l-analiżi tal-fondatezza tad-deċiżjoni inkwistjoni.

24      Fit-tieni lok, il-Kummissjoni tikkontesta l-motivi esposti fil-punti 199 u 200 tas-sentenza appellata li bbażat ruħha fuqhom il-Qorti Ġenerali sabiex tqis, fil-punt 209 ta’ din is-sentenza, li l-Kummissjoni kienet obbligata tipprovdi lil UPS il-verżjoni finali tal-mudell qabel ma adottat id-deċiżjoni inkwistjoni. Hija ssostni li r-riferiment għas-sentenza tal-10 ta’ Lulju 2008, Bertelsmann u Sony Corporation of America vs Impala (C-413/06 P, EU:C:2008:392, punt 61), fil-punt 200 tas-sentenza appellata, ma huwiex rilevanti. Fil-fatt, minn din is-sentenza jirriżulta li, għalkemm il-Kummissjoni ma tistax tikkunsidra fid-deċiżjoni finali tagħha motivi oħra għajr dawk li ġew ikkomunikati lill-impriżi, din il-komunikazzjoni tibqa’ provviżorja u tista’ tiġi emendata, peress li l-uniku obbligu f’dan ir-rigward huwa l-motivazzjoni tad-deċiżjoni finali.

25      Fir-rigward tar-riferiment għas-sentenza tad-9 ta’ Marzu 2015, Deutsche Börse vs Il-Kummissjoni (T-175/12, mhux ippubblikata, EU:T:2015:148, punt 247), fil-punt 199 tas-sentenza appellata, il-Kummissjoni tqis ukoll li dan ma huwiex rilevanti. Fil-fatt, f’din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali ċaħdet l-argument ibbażat fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża, fuq il-bażi tal-fatt li l-Kummissjoni ma hijiex obbligata żżomm l-evalwazzjonijiet magħmula fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, u lanqas ma tispjega, fid-deċiżjoni finali, kwalunkwe differenzi fir-rigward tal-evalwazzjonijiet tagħha f’din il-komunikazzjoni.

26      Fit-tielet lok, il-Kummissjoni ssostni li l-approċċ segwit mill-Qorti Ġenerali huwa inkompatibbli mal-iskema u mat-termini tar-Regolament Nru 139/2004. Il-Qorti Ġenerali implikat, fis-sentenza appellata, li l-Kummissjoni għandha tiżvela lill-partijiet notifikanti l-kunsiderazzjonijiet interni kollha tagħha qabel ma tadotta d-deċiżjoni tagħha. Skont l-Artikolu 17(3) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 802/2004 tas-7 ta’ April 2004 li jimplimenta r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 dwar il-kontroll ta’ konċentrazzjonijiet bejn impriżi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 3, p. 40), id-dritt ta’ aċċess għall-fajl ma jkoprix id-dokumenti interni tal-Kummissjoni. Tali approċċ, li l-Qorti Ġenerali ma llimitatx, barra minn hekk, għal analiżijiet ekonometriċi, jista’ jipperikola l-proċedura ta’ kontroll ta’ konċentrazzjonijiet, li hija suġġetta għal skadenzi qosra ħafna.

27      UPS tikkontesta dan l-argument.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

28      Preliminarjament, għandu jitfakkar li r-rispett tad-drittijiet tad-difiża jikkostitwixxi prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni li japplika meta l-amministrazzjoni jkollha l-intenzjoni tadotta att li ser jippreġudika persuna (sentenza tat-18 ta’ Diċembru 2008, Sopropé, C‑349/07, EU:C:2008:746, punt 36).

29      Fir-rigward tal-proċeduri għall-kontroll ta’ konċentrazzjonijiet, dan il-prinċipju huwa stabbilit fl-Artikolu 18(3) tar-Regolament Nru 139/2004 kif ukoll, b’mod iktar preċiż, fl-Artikolu 13(2) tar-Regolament Nru 802/2004. Dawn l-aħħar dispożizzjonijiet jeżiġu b’mod partikolari il-komunikazzjoni bil-miktub tal-oġġezzjonijiet tal-Kummissjoni lill-partijiet notifikanti, b’indikazzjoni lil dawn tal-aħħar tat-terminu li fih huma jistgħu jinfurmaw bil-miktub lill-Kummissjoni bl-opinjoni tagħhom (sentenza tal-10 ta’ Lulju 2008, Bertelsmann u Sony Corporation of America vs Impala, C-413/06 P, EU:C:2008:392, punt 62).

30      Dawn id-dispożizzjonijiet huma kkompletati b’dawk dwar l-aċċess għall-fajl, li jikkostitwixxi l-korollarju tal-prinċipju tar-rispett tad-drittijiet tad-difiża (sentenza tas-7 ta’ Jannar 2004, Aalborg Portland et vs Il-Kummissjoni, C-204/00 P, C‑205/00 P, C-211/00 P, C-213/00 P, C-217/00 P u C-219/00 P, EU:C:2004:6, punt 68). B’hekk, mill-Artikolu 18(3) tar-Regolament Nru 139/2004 u mill-Artikolu 17 tar-Regolament Nru 802/2004 jirriżulta li l-aċċess għall-fajl għandu jkun miftuħ għall-partijiet ikkonċernati direttament, wara n-notifika tal-oġġezzjonijiet, bla ħsara, b’mod partikolari, għall-interess leġittimu tal-impriżi li s-sigrieti kummerċjali tagħhom ma jiġux żvelati, peress li dan l-aċċess għad-dokumenti la jestendi għal informazzjoni kunfidenzjali u lanqas għal dokumenti interni tal-Kummissjoni jew tal-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri.

31      Ir-rispett tad-drittijiet tad-difiża qabel l-adozzjoni ta’ deċiżjoni fil-qasam tal-kontroll ta’ konċentrazzjonijiet jeżiġi għalhekk li l-partijiet notifikanti jkunu jistgħu jikkomunikaw b’mod effettiv l-opinjoni tagħhom dwar il-preċiżjoni u r-rilevanza tal-fatturi kollha li l-Kummissjoni għandha l-intenzjoni tibbaża ruħha fuqhom (ara, b’analoġija, is-sentenza tat-22 ta’ Ottubru 2013, Sabou (C-276/12, EU:C:2013:678), punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata).

32      Fir-rigward tal-mudelli ekonometriċi użati fi proċeduri ta’ kontroll ta’ konċentrazzjonijiet, għandu jitfakkar li l-analiżi prospettiva neċessarja f’dan il-qasam tikkonsisti f’eżami ta’ kif tali konċentrazzjoni tista’ tbiddel il-fatturi li jiddeterminaw l-istat tal-kompetizzjoni fis-swieq affettwati. Din it-tip ta’ analiżi teħtieġ li ssir previżjoni tad-diversi katini ta’ kawża u effett bil-għan li jiġi stabbilit liema fosthom huma l-iktar probabbli (sentenza tal-15 ta’ Frar 2005, Il-Kummissjoni vs Tetra Laval, C-12/03 P, EU:C:2005:87, punti 42 u 43).

33      Għal dan il-għan, l-użu ta’ mudelli ekonometriċi jippermetti fehim tal-operazzjoni proposta billi jiġi identifikat u, fejn applikabbli, jiġu kkwantifikati l-effetti tiegħu, u b’hekk ikun hemm konribut għall-kwalità tad-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni. Huwa għalhekk neċessarju li, meta l-Kummissjoni jkollha l-intenzjoni tibbaża d-deċiżjoni tagħha fuq tali mudelli, il-partijiet notifikanti jitqiegħdu f’pożizzjoni li jkunu jistgħu jressqu l-osservazzjonijiet tagħhom f’dan ir-rigward.

34      L-iżvelar ta’ dawn il-mudelli u ta’ għażliet metodoloġiċi sottostanti t-tfassil tagħhom huwa a fortiori neċessarju sa fejn dan jikkontribwixxi, kif tirrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 43 tal-konklużjonijiet tagħha, sabiex jiġi żgurat li l-proċedura hija ġusta, skont il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba stabbilit fl-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

35      Il-Kummissjoni tallega madankollu li ma hijiex obbligata tiżvela l-emendi kollha li jkunu saru għal mudell imfassal b’kollaborazzjoni mal-partijiet fil-konċentrazzjoni u li fuqu huma bbażati l-ilmenti kkomunikati. Il-Kummissjoni tenfasizza li, f’tali stadju, l-ilmenti jistgħu jinbidlu u l-emendi li jkunu saru għall-mudelli huma simili għal dokumenti interni li ma humiex suġġetti għal aċċess għall-fajl.

36      Ċertament, id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet hija, min-natura tagħha, provviżorja u suġġetta għal emendi matul l-evalwazzjoni mwettqa mill-Kummissjoni sussegwentement abbażi tal-osservazzjonijiet li jkunu ġew ippreżentati lilha bħala risposta mingħand il-partijiet kif ukoll abbażi ta’ kunsiderazzjonijiet fattwali oħra (sentenza tal-10 ta’ Lulju 2008, Bertelsmann u Sony Corporation of America vs Impala, C-413/06 P, EU:C:2008:392, punt 63). Minħabba din in-natura provviżorja, id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet bl-ebda mod ma timpedixxi lill-Kummissjoni milli tbiddel il-pożizzjoni tagħha favur l-impriżi kkonċernati, mingħajr ma tkun obbligata tispjega d-differenzi eventwali fir-rigward tal-evalwazzjonijiet provviżorji tagħha li jinsabu f’din il-komunikazzjoni (sentenza tal-10 ta’ Lulju 2008, Bertelsmann u Sony Corporation of America vs Impala, C‑413/06 P, EU:C:2008:392, punti 63 sa 65).

37      Madankollu, dawn il-kunsiderazzjonijiet ma jippermettux li jitqies li, wara d-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, il-Kummissjoni tista’ temenda is-sostanza ta’ mudell ekonometriku li fuq il-bażi tiegħu hija għandha l-intenzjoni tibbaża l-oġġezzjonijiet tagħha mingħajr ma din il-bidla titressaq għall-attenzjoni tal-kumpanniji kkonċernati u tippermettilhom jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom f’dan ir-rigward. Fil-fatt, tali interpretazzjoni tkun tmur kontra l-prinċipju tar-rispett tad-drittijiet tad-difiża u tal-Artikolu 18(3) tar-Regolament Nru 139/2004 li, minn naħa, jeżiġu li l-Kummissjoni tibbaża d-deċiżjonijiet tagħha biss fuq l-oġġezzjonijiet li dwarhom l-impriżi kkonċernati setgħu jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom u, min-naħa l-oħra, jipprovdu għal dritt ta’ aċċess għall-fajl miftuħ mill-inqas għall-partijiet direttament ikkonċernati. Huwa wkoll eskluż li elementi bħal dawn jistgħu jiġu kklassifikati bħala dokumenti interni fis-sens tal-Artikolu 17 tar-Regolament Nru 802/2004.

38      Barra minn hekk, għandu jitfakkar li r-rekwiżit tal-ħeffa li jikkaratterizza l-istruttura ġenerali tar-Regolament Nru 139/2004 jeżiġi li l-Kummissjoni tosserva t-termini stretti għall-adozzjoni tad-deċiżjoni finali (sentenza tal-10 ta’ Lulju 2008, Bertelsmann u Sony Corporation of America vs Impala, C-413/06 P, EU:C:2008:392, punt 49). Il-Kummissjoni hija obbligata tirrikonċilja dan ir-rekwiżit ta’ ħeffa mar-rispett tad-drittijiet tad-difiża.

39      F’dan il-każ, wara li esponiet b’mod korrett, fil-punti 199 u 200 tas-sentenza appellata, ir-rekwiżiti li jirriżultaw mill-prinċipju tar-rispett tad-drittijiet tad-difiża, il-Qorti Ġenerali għamlet diversi konstatazzjonijiet ta’ natura fattwali li ma ġewx ikkontestati mill-Kummissjoni fl-appell tagħha.

40      B’hekk, il-Qorti Ġenerali kkonstatat, fil-punti 201 u 211 sa 213 tas-sentenza appellata, li l-Kummissjoni bbażat ruħha fuq il-verżjoni finali tal-mudell ekonometriku sabiex tidentifika in-numru ta’ Stati Membri li fit-territorju tagħhom il-konċentrazzjoni ppjanata twassal għal ostakolu sinjifikattiv għal kompetizzjoni effettiva.

41      Fil-punt 202 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali rrilevat li l-verżjoni finali tal-mudell ekonometriku kienet ġiet adottata fil-21 ta’ Novembru 2012, jiġifieri iktar minn xahrejn qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni inkwistjoni u, fil-punt 203, li l-Kummissjoni ma kkomunikatx il-verżjoni finali lil UPS. Fil-punti 205 sa 208 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li l-emendi fl-imsemmija verżjoni finali meta mqabbla mal-mudelli diskussi matul il-proċedura amministrattiva ma kinux negliġibbli.

42      Barra minn hekk, kif irrilevat l-Avukat Ġenerali fil-punt 61 tal-konklużjonijiet tagħha, il-Kummissjoni ma pprovdiet ebda informazzjoni dwar il-motivi speċifiċi li minħabba fihom kien impossibbli għaliha, f’dak iż-żmien, li tistabbilixxi terminu qasir lil UPS sabiex tagħti l-opinjoni tagħha dwar l-imsemmija verżjoni finali.

43      Fid-dawl ta’ dawn il-fatturi, il-Qorti Ġenerali għaldaqstant ma wettqitx żball ta’ liġi meta kkonkludiet, fil-punt 209 tas-sentenza appellata, li “l-Kummissjoni ma tistax tallega li hija ma kellhiex l-obbligu li tikkomunika lir-rikorrenti l-mudell finali tal-analiżi ekonometriku qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni [inkwistjoni]”.

44      Għaldaqstant, it-tieni u t-tielet parti tal-ewwel aggravju għandhom jiġu miċħuda bħala infondati.

 Fuq il-konsegwenzi li għandhom jinsiltu minn ksur tad-drittijiet tad-difiża

–       L-argumenti tal-partijiet

45      Il-Kummissjoni tikkontesta, permezz tal-ewwel u tat-tieni parti tat-tieni aggravju u tal-ewwel u tat-tieni parti tar-raba’ aggravju, l-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali fil-punt 210 tas-sentenza appellata, li permezz tagħha ġie kkonstatat li “id-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti ma ġewx miksura, b’tali mod li hemm lok li tiġi annullata d-deċiżjoni [inkwistjoni], sa fejn ir-rikorrenti wriet suffiċjentment mhux li, fin-nuqqas ta’ din l-irregolarità proċedurali, id-deċiżjoni [inkwistjoni] kien ikollha kontenut differenti, iżda li hija seta’ jkollha l-opportunità, anki jekk ridotta, li tiżgura aħjar id-difiża tagħha (ara f’dan is-sens, is-sentenza tal-25 ta’ Ottubru 2011, Solvay vs Il-Kummissjoni, C-109/10 P, EU:C:2011:686, punt 57).”

46      Fl-ewwel lok, il-Kummissjoni ssostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta applikat f’dan il-każ il-kriterju ġurisprudenzjali li jirriżulta mill-punt 57 tas-sentenza tal-25 ta’ Ottubru 2011, Solvay vs Il-Kummissjoni (C-109/10 P, EU:C:2011:686).

47      Filwaqt li dan il-kriterju jikkonċerna biss il-konsegwenzi li għandhom jinsiltu min-nuqqas li jiġi kkomunikat dokument skaġunanti, il-mudell ekonometriku inkwistjoni ma huwiex prova iżda għodda li tippermetti lill-Kummissjoni tevalwa l-effetti probabbli tal-konċentrazzjoni fuq il-prezzijiet. Madankollu, li kieku dan il-mudell kien prova, kien ikun biss prova skaġunanti. Is-sempliċi fatt li wassal sabiex għal tnaqqis tan-numru minn 29 għal 15 ta’ Stati Membri li fihom konċentrazzjoni tista’ tirriżulta f’ostakolu sinjifikattiv għal kompetizzjoni effettiva huwa insuffiċjenti f’dan ir-rigward. Barra minn hekk, il-fatt li wieħed mill-fatturi magħżula mill-Kummissjoni kien iktar sfavorevoli fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet milli fid-deċiżjoni finali ma jippermettix, fih innifsu, li jitqies li, fl-istadju ta’ din id-deċiżjoni, il-provi rilevanti għall-evalwazzjoni ta’ dawn il-fatturi kienu saru provi skaġunanti.

48      Il-Kummissjoni tiddeduċi minn dan li l-Qorti Ġenerali kellha tapplika r-regola dwar il-ksur tad-drittijiet tad-difiża li tirriżulta min-nuqqas ta’ komunikazzjoni ta’ provi inkriminanti stabbilita fis-sentenza tas-7 ta’ Jannar 2004, Aalborg Portland et vs Il-Kummissjoni (C-204/00 P, C-205/00 P, C-211/00 P, C-213/00 P, C‑217/00 P u C-219/00 P, EU:C:2004:6, punti 72 u 73), li tipprovdi li l-eliminazzjoni bħala prova ta’ dokument inkriminanti mhux ikkomunikat tista’ twassal għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata biss fin-nuqqas ta’ provi oħra dokumentali li kellhom għarfien tagħhom il-partijiet matul il-proċedura amministrattiva.

49      Fit-tieni lok, il-Kummissjoni ssostni li, anki jekk kien hemm ksur tad-drittijiet tad-difiża ta’ UPS, tali ksur ma jistax, fi kwalunkwe każ, jimplika l-annullament tad-deċiżjoni inkwistjoni, kuntrarjament għal dak li ddeċidiet il-Qorti Ġenerali fil-punt 222 tas-sentenza appellata.

50      Il-Kummissjoni tfakkar li hija sostniet fl-argumenti tagħha fl-ewwel istanza li, sabiex konċentrazzjoni tiġi ddikjarata inkompatibbli mas-suq intern huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat ostakolu sinjifikattiv għal kompetizzjoni effettiva fuq suq wieħed. Madankollu, fid-Danimarka u fil-Pajjiżi l-Baxxi, l-operazzjoni proposta kienet twassal għal ostakolu sinjifikattiv għal kompetizzjoni effettiva u għal effett negattiv ġenerali fuq il-prezzijiet. Għal dawn iż-żewġt iswieq mill-inqas, kwalunkwe żball fir-rigward tal-mudell ekonometriku dwar il-livell tal-prezzijiet għalhekk ma għandux konsegwenzi, peress li l-konstatazzjoni ta’ restrizzjoni tal-kompetizzjoni hija bbażata fuq fatturi oħra. Fid-dawl ta’ dawn il-fatturi, il-Kummissjoni tqis li l-Qorti Ġenerali kellha tiċħad il-motiv ibbażat fuq il-ksur tad-drittijiet tad-difiża bħala ineffettiv.

51      Fl-aħħar nett, skont il-Kummissjoni, UPS ma tistax tallega li, kieku hija kellha għarfien tal-verżjoni finali tal-mudell ekonometriku, hija kienet tkun f’pożizzjoni li tipproponi miżuri korrettivi.

52      UPS tikkontesta l-argument tal-Kummissjoni.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

53      Kif ġie enfasizzat fil-punti 32 sa 34 ta’ din is-sentenza, il-mudelli ekonometriċi, minħabba n-natura u l-funzjoni tagħhom, huma għodod kwantitattivi rilevanti għall-analiżi prospettiva li l-Kummissjoni twettaq fi proċedimenti ta’ kontroll ta’ konċentrazzjonijiet. Is-sisien metodoloġiċi li fuqhom huma bbażati dawn il-mudelli għandhom ikunu kemm jista’ jkun oġġettivi sabiex ma jiġix affettwat l-eżitu ta’ din l-analiżi b’mod jew ieħor. B’hekk, dawn il-fatturi jikkontribwixxu għall-imparzjalità u għall-kwalità tad-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni li fuqhom tiddependi l-fiduċja li għandhom il-pubbliku u l-impriżi fil-leġittimità tal-proċedura ta’ kontroll ta’ konċentrazzjonijiet tal-Unjoni.

54      Fid-dawl ta’ dawn il-karatteristiċi, mudell ekonometriku ma jistax jiġi kkwalifikat bħala dokument inkriminanti jew skaġunanti abbażi tal-kontenut tar-riżultati li jipproduċi u tal-użu sussegwenti li jsir minnhom għall-finijiet tal-invokazzjoni jew tal-esklużjoni ta’ ċerti oġġezzjonijiet kontra konċentrazzjoni. Fir-rigward tar-rispett tad-drittijiet tad-difiża, il-kwistjoni dwar jekk in-nuqqas ta’ komunikazzjoni lill-partijiet għal konċentrazzjoni ta’ mudell ekonometriku jiġġustifikax l-annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni ma tiddependix mill-klassifikazzjoni minn qabel ta’ dan il-mudell bħala prova inkriminanti jew bħala prova skaġunanti, kif irrilevat l-Avukat Ġenerali fil-punt 40 tal-konklużjonijiet tagħha.

55      Fid-dawl tal-importanza ta’ mudelli ekonometriċi għall-analiżi prospettiva tal-effetti ta’ konċentrazzjoni, iż-żieda tal-livell probatorju meħtieġ sabiex tiġi annullata deċiżjoni minħabba ksur tad-drittijiet tad-difiża li jwassal, bħal f’din il-kawża, għan-nuqqas ta’ komunikazzjoni ta’ għażliet metodoloġiċi, b’mod partikolari fir-rigward ta’ tekniki statistikali, li huma inerenti għal dawn il-mudelli, kif issostni essenzjalment il-Kummissjoni, tmur kontra l-għan li din tiġi inkoraġġita turi trasparenza fit-tfassil ta’ mudelli ekonometriċi użati fi proċeduri ta’ kontroll tal-konċentrazzjonijiet u tikkomprometti l-effettività tal-istħarriġ ġudizzjarju sussegwenti tad-deċiżjonijiet tagħha.

56      Għaldaqstant, minn dawn il-fatturi jirriżulta li l-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi meta kkonstatat, fil-punt 210 tas-sentenza appellata, li “id-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti ma ġewx miksura, b’tali mod li hemm lok li tiġi annullata d-deċiżjoni [inkwistjoni], sa fejn ir-rikorrenti wriet suffiċjentment mhux li, fin-nuqqas ta’ din l-irregolarità proċedurali, id-deċiżjoni [inkwistjoni] kien ikollha kontenut differenti, iżda li hija seta’ jkollha l-opportunità, anki jekk ridotta, li tiżgura aħjar id-difiża tagħha (ara f’dan is-sens, is-sentenza tal-25 ta’ Ottubru 2011, Solvay vs Il-Kummissjoni, C-109/10 P, EU:C:2011:686, punt 57).”

57      Konsegwentement, u kuntrarjament għal dak li ssostni l-Kummissjoni, il-Qorti Ġenerali ma setgħetx tiddikjara ineffettiv il-motiv ibbażat fuq il-ksur tad-drittijiet tad-difiża invokat minn UPS fl-ewwel istanza minħabba l-fatt li, fir-rigward tas-swieq tad-Danimarka u tal-Pajjiżi l-Baxxi, il-Kummissjoni kkonstatat l-eżistenza ta’ ostakolu sinjifikattiv għal kompetizzjoni effettiva indipendentement minn kull kunsiderazzjoni tal-mudell ekonometriku.

58      Sussegwentement, l-ewwel u t-tieni parti tat-tieni aggravju kif ukoll l-ewwel u t-tieni parti tar-raba’ aggravju, għandhom jiġu miċħuda.

 Fuq il-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni

–       L-argumenti tal-partijiet

59      Fl-ewwel lok, il-Kummissjoni, permezz tal-ewwel parti tal-ewwel aggravju u tat-tieni parti tat-tielet aggravju, tikkontesta l-punt 198 tas-sentenza appellata, li jipprovdi kif ġej:

“Kif jirriżulta mill-ewwel parti tagħha, marbuta mal-effetti probabbli tal-konċentrazzjoni fuq il-prezzijiet, it-tieni motiv jimplika l-verifikazzjoni dwar jekk id-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti ġewx affettwati mill-kundizzjonijiet li fihom l-analiżi ekonometriku inkwistjoni ġie msejjes fuq mudell ekonometriku differenti minn dak li ġie suġġett għal dibattitu kontradittorju matul il-proċedura amministrattiva.”

60      Il-Qorti Ġenerali għalhekk naqset milli tiddeċiedi dwar l-argument tal-Kummissjoni, miġbur fil-qosor fil-punt 181 tas-sentenza appellata, li permezz tiegħu hija sostniet li, peress li d-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet kienet provviżorja, hija kellha d-dritt li tirrevedi jew li żżid elementi sussegwentement, bil-kundizzjoni li d-deċiżjoni tinkludi l-istess ilmenti bħal dawk li kienu diġà ġew żvelati lill-partijiet. Madankollu, in-nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni, b’mod legalment korrett, ta’ kull argument invokat minn parti fl-ewwel istanza jikkostitwixxi żball ta’ liġi (sentenza tat-2 ta’ April 2009, France Télécom vs Il-Kummissjoni, C-202/07 P, EU:C:2009:214, punt 41). Fid-dawl ta’ kwalunkwe nuqqas ta’ spjegazzjoni dwar ir-raġunijiet li għalihom hija qieset li ma kienx neċessarju li tingħata risposta għall-argument prinċipali tal-Kummissjoni, il-Qorti Ġenerali kisret l-obbligu ta’ motivazzjoni tagħha (sentenza tad-19 ta’ Diċembru 2012, Mitteldeutsche Flughafen u Flughafen Leipzig-Halle vs Il-Kummissjoni, C‑288/11 P, EU:C:2012:821, punt 83).

61      Fit-tieni lok, il-Kummissjoni, permezz tal-ewwel parti tat-tielet aggravju, tikkritika lill-Qorti Ġenerali talli naqset milli tieħu nota tal-argument żviluppat fl-ewwel istanza fir-risposti tagħha għad-domandi tal-Qorti Ġenerali magħmula wara s-seduta tas-6 ta’ April 2016, li jgħid li l-użu tal-mudell ekonometriku ta’ varjabbli kontinwu fl-istadju tal-previżjoni mhux biss huwa ġġustifikat, iżda, barra minn hekk, “jirriżulta intuwittivament” mill-metodoloġija proposta minn UPS fir-rigward tal-istadju ta’ evalwazzjoni. Ma jistax jiġi sostnut li s-sentenza appellata fiha motivazzjoni, anki jekk impliċita, dwar dan il-punt, b’tali mod li ma jistax jitqies li l-Qorti Ġenerali eżaminat l-argumenti tal-Kummissjoni.

62      Fit-tielet lok, permezz tat-tieni parti tat-tieni aggravju u tat-tielet parti tar-raba’ aggravju, il-Kummissjoni ssostni li l-Qorti Ġenerali, fil-punti 198 sa 222 tas-sentenza appellata, naqset milli tirrispondi għall-argument tagħha li l-motiv ta’ UPS ibbażat fuq il-ksur tad-drittijiet tad-difiża kien ineffettiv minħabba l-fatt li l-konstatazzjoni ta’ ostakolu sinjifikattiv għal kompetizzjoni effettiva fis-swieq tad-Danimarka u tal-Pajjiżi l-Baxxi ma kinitx ibbażata esklużivament fuq ir-riżultati tal-mudell ekonometriku. Ikun kontradittorju għas-sentenza appellata li tiġi annullata d-deċiżjoni inkwistjoni minħabba ksur tad-drittijiet tad-difiża filwaqt li ġie kkonstatat, fil-punti 217 u 218 tas-sentenza appellata, li l-verżjoni finali tal-mudell ekonometriku setgħet, minn naħa, “tal-inqas f’ċerti Stati, [ixxekkel] l-informazzjoni kwalitattiva meħuda inkunsiderazzjoni mill-Kummissjoni” u, min-naħa l-oħra, kienet tippermetti lil din tal-aħħar tnaqqas in-numru ta’ Stati li fihom l-operazzjoni ta’ konċentrazzjoni kienet tat lok għal ostakolu sinjifikattiv għal kompetizzjoni effettiva.

63      UPS tikkontesta l-argument tal-Kummissjoni.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

64      Fir-rigward tal-ewwel ilment, espost fl-ewwel parti tal-ewwel aggravju u fit-tieni parti tat-tielet aggravju, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li, permezz tal-motivi msemmija fil-punti 198 sa 209 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali impliċitament iżda neċessarjament indirizzat l-argument tal-Kummissjoni miġbur fil-qosor fil-punt 181 tas-sentenza appellata. Għaldaqstant, dan l-ewwel ilment għandu jiġi miċħud bħala infondat.

65      Fir-rigward tat-tieni ilment, espost fl-ewwel parti tat-tielet aggravju, għandu jitfakkar li, għar-raġunijiet esposti fil-punti 198 sa 208 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ġġustifikat legalment l-evalwazzjoni tagħha, fil-punt 209 ta’ din is-sentenza, li tipprovdi li l-“il-Kummissjoni ma tistax tallega li hija ma kellhiex l-obbligu li tikkomunika lir-rikorrenti l-mudell finali tal-analiżi ekonometriku qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni [inkwistjoni]”.

66      Il-Qorti Ġenerali, b’mod partikolari, ikkonstatat fil-punt 205 tas-sentenza appellata li l-emendi tal-Kummissjoni għall-mudell ekonometriku ma kinux negliġibbli. Il-Qorti Ġenerali, barra minn hekk, irrilevat, fil-punt 207 tas-sentenza appellata, li “il-Kummissjoni [kienet] bbażat ruħha fuq varjabbli ddiskretizzat fl-istadju tal-kalkulazzjoni u fuq varjabbli kontinwu fl-istadju tal-previżjoni” u kkonstatat, fil-punt 208 ta’ din is-sentenza, li “għalkemm l-użu ta’ varjabbli ddiskretizzat huwa suġġett għal diskussjonijiet ripetuti matul il-proċedura amministrattiva, mill-proċess ma jirriżultax li dan huwa l-każ ukoll fir-rigward tal-applikazzjoni ta’ varjabbli differenti għall-istadji differenti li jikkomponu l-analiżi ekonometriku”.

67      Għal dawn il-motivi, il-Qorti Ġenerali ġġustifikat legalment id-deċiżjoni tagħha u ċaħdet impliċitament iżda neċessarjament l-argument li permezz tiegħu l-Kummissjoni sostniet li UPS kienet “intuwittivament” f’pożizzjoni li tidentifika l-emendi li kienu saru lill-mudell ekonometriku. Għaldaqstant, it-tieni ilment għandu jiġi miċħud bħala infondat.

68      Fir-rigward tat-tielet ilment, espost fit-tieni parti tat-tieni aggravju kif ukoll fit-tielet parti tar-raba’ aggravju, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li dan l-argument huwa bbażat fuq il-premessa li tgħid li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ddeċidiet, fil-punt 210 tas-sentenza appellata, li l-ksur tad-drittijiet tad-difiża kkonstatat implika l-annullament “sa fejn ir-rikorrenti wriet suffiċjentment mhux li, fin-nuqqas ta’ din l-irregolarità proċedurali, id-deċiżjoni [inkwistjoni] kien ikollha kontenut differenti, iżda li hija seta’ jkollha l-opportunità, anki jekk ridotta, li tiżgura aħjar id-difiża tagħha”. Madankollu, għar-raġunijiet esposti preċedentement fil-punti 53 sa 58 ta’ din is-sentenza, din il-premessa hija żbaljata. Għaldaqstant, it-tielet aggravju għandu jiġi miċħud bħala infondat.

69      Mill-kunsiderazzjonijiet kollha esposti iktar ’il fuq jirriżulta li l-appell għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu.

 Fuq l-ispejjeż

70      Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura, applikabbli għall-proċedura tal-appell bis-saħħa tal-Artikolu 184(1) tal-istess Regoli, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li l-Kummissjoni tilfet, hemm lok li hija tiġi kkundannata għall-ispejjeż kif mitlub minn UPS.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-appell huwa miċħud.

2)      Il-Kummissjoni Ewropea hija kkundannata għall-ispejjeż.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.