Language of document : ECLI:EU:T:2022:46

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Id-Disa’ Awla Estiża)

2 ta’ Frar 2022 (*)

“Politika ekonomika u monetarja – Superviżjoni prudenzjali tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu – Kompiti speċifiċi ta’ superviżjoni fdati lill-BĊE – Deċiżjoni ta’ rtirar tal-awtorizzazzjoni ta’ istituzzjoni ta’ kreditu – Akkuża tal-azzjonarju prinċipali f’pajjiż terz – Kriterju ta’ reputazzjoni tajba – Perċezzjoni tar-reputazzjoni tajba mis-suq – Preżunzjoni ta’ innoċenza – Proporzjonalità – Drittijiet tad-difiża”

Fil-Kawża T‑27/19,

Pilatus Bank plc, stabbilita f’Ta’ Xbiex (Malta),

Pilatus Holding Ltd., stabbilita f’Ta’Xbiex,

irrappreżentati minn O. Behrends, avukat,

rikorrenti,

vs

Il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE), irrappreżentat minn E. Yoo, M. Puidokas u A. Karpf, bħala aġenti,

konvenut,

sostnuta minn

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn D. Triantafyllou, A. Nijenhuis u A. Steiblytė, bħala aġenti,

intervenjenti,

li għandha bħala suġġett talba bbażata fuq l-Artikolu 263 TFUE u intiża għall-annullament tad-deċiżjoni tal-BĊE tat‑2 ta’ Novembru 2018 li tirtira l-awtorizzazzjoni ta’ Pilatus Bank li twettaq attivitajiet ta’ istituzzjoni ta’ kreditu,

IL-QORTI ĠENERALI (Id-Disa’ Awla Estiża),

komposta minn M. van der Woude, President, M. J. Costeira (Relatur), M. Kancheva, B. Berke u T. Perišin, Imħallfin,

Reġistratur: I. Pollalis, Amministratur,

wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura u wara s-seduta tas‑26 ta’ Frar 2021,

tagħti l-preżenti

Sentenza

I.      Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Ir-rikorrenti, Pilatus Bank plc u Pilatus Holding Ltd, huma rispettivament, istituzzjoni ta’ kreditu inqas sinjifikattiva stabbilita f’Malta u suġġetta għas-superviżjoni prudenzjali diretta tal-Malta Financial Services Authority (l-Awtorità Maltija tas-Servizzi Finanzjarji, iktar ’il quddiem il-“MFSA”,) u l-azzjonist maġġoritarju dirett ta’ din l-istituzzjoni ta’ kreditu.

2        Skont stqarrija għall-istampa ppubblikata mill-United States Department of Justice (il-Ministeru tal-Ġustizzja tal-Istati Uniti), fid‑19 ta’ Marzu 2018, Ali Sadr, l-azzjonist tal-ewwel rikorrenti li kellu indirettament 100 % tal-kapital tiegħu u tad-drittijiet tal-vot, ġie arrestat fl-Istati Uniti taħt sitt kapijiet ta’ akkuża marbuta mal-allegata parteċipazzjoni tiegħu fi skema li permezz tagħha madwar USD 115 miljun imħallsa sabiex jiġi ffinanzjat proġett fil-Venezwela ġew miżapproprjati favur persuni u impriżi Iranjani.

3        Skont l-att ta’ akkuża adottat mill-United States Attorney for the Southern District of New York (il-Prosekutur tal-Istati Uniti għad-Distrett tan-Naħa ta’ Isfel ta’ New York), ċerti fondi użati sabiex tiġi stabbilita u ffinanzjata l-ewwel rikorrenti fl-2013 kellhom sors illegali marbut mal-proġett fil-Venezwela.

4        Wara l-akkuża ta’ A. Sadr fl-Istati Uniti, l-ewwel rikorrenti rċeviet b’mod partikolari talbiet għall-irtirar ta’ depożiti għal ammont totali ta’ EUR 51.4 miljun, jiġifieri madwar 40 % tad-depożiti li jidhru fil-bilanċ tagħha.

5        Fil‑21 ta’ Marzu 2018, il-MFSA adottat direttiva dwar l-irtirar jew is-sospensjoni tad-drittijiet tal-vot li permezz tagħha hija ordnat, fost l-oħrajn, li A. Sadr jitneħħa mill-kariga tiegħu ta’ direttur tal-ewwel rikorrenti b’effett immedjat kif ukoll mill-funzjonijiet deċiżjonali l-oħra kollha tiegħu fi ħdanha, li jissospendi l-eżerċizzju tad-drittijiet tiegħu tal-vot u li jastjeni minn kull rappreżentanza legali jew ġudizzjarja tal-imsemmija rikorrenti.

6        Fl-istess jum, il-MFSA adottat id-direttiva dwar il-moratorju, li permezz tagħha ordnat lill-ewwel rikorrenti ma tawtorizza ebda tranżazzjoni bankarja, b’mod partikolari l-irtirar u d-depożiti mill-azzjonisti u mill-membri tal-bord tad-diretturi tal-imsemmija rikorrenti.

7        Fit‑22 ta’ Marzu 2018, il-MFSA adottat id-direttiva dwar il-ħatra ta’ persuna kompetenti, sabiex tafda lil din il-persuna, essenzjalment, bl-eżerċizzju tal-parti l-kbira tas-setgħat normalment fdati lill-korpi ta’ tmexxija tal-ewwel rikorrenti fir-rigward tal-attivitajiet speċifiċi u tal-assi ta’ din tal-aħħar.

8        Fid‑29 ta’ Ġunju 2018, il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) irċieva proposta mill-MFSA li jirtira l-awtorizzazzjoni ta’ aċċess għall-attivitajiet ta’ istituzzjoni ta’ kreditu tal-ewwel rikorrent, skont l-Artikolu 14(5) tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1024/2013 tal‑15 ta’ Ottubru 2013 li jikkonferixxi kompiti speċifiċi lill-Bank Ċentrali Ewropew fir-rigward ta’ politiki relatati mas-superviżjoni prudenzjali ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu (ĠU 2013, L 287, p. 63).

9        Fit‑2 ta’ Awwissu 2018, il-MFSA ssottomettiet lill-BĊE proposta reveduta għall-irtirar tal-awtorizzazzjoni ta’ aċċess għall-attivitajiet ta’ istituzzjoni ta’ kreditu tal-ewwel rikorrenti.

10      Permezz ta’ ittra tal‑31 ta’ Awwissu 2018, il-BĊE stieden lill-ewwel rikorrenti tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha dwar l-abbozz ta’ deċiżjoni ta’ rtirar ta’ awtorizzazzjoni fi żmien ħamest ijiem tax-xogħol wara d-data ta’ riċezzjoni tal-imsemmija ittra.

11      Fis‑6 ta’ Settembru 2018, l-ewwel rikorrenti talbet estensjoni tat-terminu għas-smigħ ta’ 14-il jum kif ukoll l-aċċess għall-fajl ta’ din il-proċedura.

12      Fuq talba tal-ewwel rikorrenti, it-terminu ġie estiż għall-ewwel darba sas‑17 ta’ Settembru 2018, imbagħad għat-tieni darba sal‑21 ta’ Settembru sussegwenti.

13      Permezz ta’ ittra tat‑13 ta’ Settembru 2018, il-BĊE ta aċċess għall-fajl tal-proċedura amministrattiva lill-ewwel rikorrenti.

14      Fil‑21 ta’ Settembru 2018, l-ewwel rikorrenti bagħtet l-osservazzjonijiet tagħha dwar l-abbozz ta’ deċiżjoni ta’ rtirar ta’ awtorizzazzjoni, fejn esprimiet l-oppożizzjoni tal-bord tad-diretturi tagħha u tal-azzjonisti tagħha għal tali abbozz.

15      Fit‑2 ta’ Novembru 2018, il-BĊE adotta, skont l-Artikolu 4(1)(a) u l-Artikolu 14(5) tar-Regolament Nru 1024/2013, id-deċiżjoni li permezz tagħha huwa rtira l-awtorizzazzjoni tal-ewwel rikorrent għall-aċċess għall-attivitajiet ta’ istituzzjoni ta’ kreditu (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”).

II.    Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

16      Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil‑15 ta’ Jannar 2019, ir-rikorrenti ppreżentaw dan ir-rikors.

17      Il-BĊE ppreżenta r-risposta fit‑28 ta’ Marzu 2019.

18      B’deċiżjoni tas‑17 ta’ Mejju 2019, il-President tad-Disa’ Awla preċedenti tal-Qorti Ġenerali awtorizza l-intervent tal-Kummissjoni Ewropea insostenn tat-talbiet tal-BĊE.

19      Il-Kummissjoni ppreżentat nota ta’ intervent fit-terminu stabbilit.

20      Ir-rikorrenti ppreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom dwar in-nota ta’ intervent fit‑2 ta’ Awwissu 2019.

21      Ir-rikorrenti ppreżentaw ir-replika fit‑28 ta’ Ġunju 2019 u l-BĊE ppreżentat il-kontroreplika fil‑21 ta’ Awwissu 2019.

22      Peress illi kien hemm bidla fil-kompożizzjoni tal-Awli tal-Qorti Ġenerali, skont l-Artikolu 27(5) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, l-Imħallef Relatur ġie assenjat lid-Disa’ Awla, u konsegwentement din il-kawża ġiet assenjata lil din l-awla.

23      Fuq proposta tat-Tieni Awla tal-Qorti Ġenerali, din tal-aħħar iddeċidiet, skont l-Artikolu 28 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, li tibgħat il-kawża lura quddiem kulleġġ ġudikanti estiż.

24      Permezz ta’ deċiżjoni tal-President tal-Qorti Ġenerali tal‑25 ta’ Frar 2021, inħatar Imħallef assessur ġdid u President tal-Awla sabiex jikkompleta l-kulleġġ.

25      Fuq proposta tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali (Id-Disa’ Awla Estiża) iddeċidiet li tiftaħ il-fażi orali tal-proċedura u l-partijiet instemgħu fis-sottomissjonijiet orali matul is-seduta tas‑26 ta’ Frar 2021.

26      Fis‑26 ta’ Frar 2021, fuq proposta tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali, fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura previsti fl-Artikolu 89 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, stiednet lill-BĊE sabiex iwieġeb mistoqsija u lill-partijiet l-oħra jippreżentaw l-opinjoni tagħhom. Il-partijiet ikkonformaw ruħhom ma’ din it-talba fit-termini stabbiliti.

27      Permezz ta’ deċiżjoni tal-President tal-Qorti Ġenerali tat‑12 ta’ Awwissu 2021, din il-kawża ġiet assenjata lil Imħallef Relatur ġdid.

28      Wara l-mewt tal-Imħallef Berke fl‑1 ta’ Awwissu 2021, it-tliet imħallfin li ffirmaw din is-sentenza ssoktaw bid-deliberazzjonijiet, skont l-Artikoli 22 u 24(1) tar-Regoli tal-Proċedura.

29      Ir-rikorrenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        tikkundanna lill-BĊE għall-ispejjeż.

30      Il-BĊE, sostnut mill-Kummissjoni, jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors bħala infondat fir-rigward tat-tieni rikorrenti;

–        sussidjarjament, tiċħad ir-rikors bħala infondat fir-rigward tal-imsemmija rikorrenti.

–        tiċħad ir-rikors bħala infondat fir-rigward tal-ewwel rikorrenti;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

III. Id-dritt

A.      Fuq l-ammissibbiltà

31      Il-BĊE, sostnut mill-Kummissjoni, isostni, essenzjalment, li r-rikors huwa inammissibbli sa fejn ġie ppreżentat f’isem u għan-nom tat-tieni rikorrenti, peress li din ma wrietx li għandha interess personali u distint għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata u li hija direttament u individwalment ikkonċernata mill-imsemmija deċiżjoni.

32      Ir-rikorrenti jindikaw li r-rikors huwa ammissibbli sa fejn ġie ppreżentat mit-tieni rikorrenti, li hija l-azzjonista maġġoritarja diretta tal-ewwel rikorrenti.

33      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-azzjonisti ta’ istituzzjoni ta’ kreditu li l-awtorizzazzjoni tagħha sabiex twettaq attivitajiet ta’ istituzzjoni ta’ kreditu tkun ġiet irtirata, ma humiex direttament ikkonċernati mid-deċiżjoni tal-irtirar tal-awtorizzazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑5 ta’ Novembru 2019, BĊE et vs Trasta Komercbanka et, C‑663/17 P, C‑665/17 P u C‑669/17 P, EU:C:2019:923, punti 107 sa 115 u d-dispożittiv).

34      Għalhekk, u kif isostnu l-BĊE u l-Kummissjoni, ir-rikors huwa inammissibbli sa fejn ġie ppreżentat mit-tieni rikorrenti.

B.      Fuq il-mertu

35      Insostenn tar-rikors, ir-rikorrenti jinvokaw ħdax-il motiv.

36      L-ewwel motiv huwa bbażat fuq ksur tal-Artikolu 14(5) tar-Regolament Nru 1024/2013 u tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba. It-tieni motiv huwa bbażat fuq żball ta’ evalwazzjoni fir-rigward tal-eżistenza ta’ raġuni għall-irtirar ta’ awtorizzazzjoni. It-tielet motiv huwa bbażat fuq nuqqas ta’ eżerċizzju mill-BĊE tas-setgħa diskrezzjonali tiegħu jew fuq eżerċizzju mhux xieraq ta’ din is-setgħa. Ir-raba’ motiv huwa bbażat fuq l-assenza ta’ eżami tal-fatti rilevanti u ta’ evalwazzjoni imparzjali u oġġettiva ta’ dawn il-fatti. Il-ħames sat-tmien motiv huma bbażati, rispettivament, fuq ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, fuq ksur tal-prinċipju nemo auditur, fuq ksur tad-dritt għall-preżunzjoni ta’ innoċenza u fuq ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament. Id-disa’ motiv huwa bbażat fuq ksur tal-Artikolu 19 u tal-premessa 75 tar-Regolament Nru 1024/2013 kif ukoll fuq użu ħażin ta’ poter. L-għaxar motiv huwa bbażat fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża u, b’mod partikolari, tad-dritt għal smigħ u l-ħdax-il motiv huwa bbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni.

1.      Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 14(5) tar-Regolament Nru 1024/2013 u tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba

37      Ir-rikorrenti jsostnu li l-BĊE ma assumiex ir-responsabbiltajiet tiegħu skont l-Artikolu 14(5) tar-Regolament Nru 1024/2013 u li kiser l-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea billi ppermetta lill-MFSA twettaq de facto irtirar ta’ awtorizzazzjoni fl-assenza ta’ kwalunkwe proċedura regolari billi adottat id-direttivi tal‑21 u tat‑22 ta’ Marzu 2018 u sa fejn din sempliċement ikkonfermat id-deċiżjoni tal-MFSA.

38      Id-deċiżjoni kkontestata hija illegali, peress li effettivament hija biss sempliċi konferma ta’ fatt irriversibbli mill-MFSA, u mhux deċiżjoni vera tal-BĊE.

39      F’dan il-kuntest, il-BĊE kellu, skont ir-rikorrenti, jintervjeni skont l-Artikolu 6(5)(c) tar-Regolament Nru 1024/2013 u skont l-obbligu tiegħu li jiżgura standards għoljin ta’ superviżjoni, essenzjalment, sabiex jiggarantixxi l-osservanza tar-rekwiżiti prudenzjali kkonċernati, tat-tqassim tal-kompetenzi f’dak li jirrigwarda d-deċiżjonijiet ta’ rtirar ta’ approvazzjoni u tar-regoli proċedurali fundamentali, b’mod partikolari l-bżonn ta’ kull bank li jkun verament irrappreżentat mir-rappreżentanti tiegħu stess fir-rigward tal-awtorità regolatorja, pjuttost milli jkun “irrappreżentat” minn persuna kkontrollata minn din l-awtorità.

40      Il-BĊE u l-Kummissjoni jikkontestaw dawn l-argumenti.

41      Fl-ewwel lok, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament Nru 1024/2013, il-BĊE biss huwa kompetenti li jawtorizza l-istituzzjonijiet ta’ kreditu u jirtira l-awtorizzazzjonijiet fir-rigward b’mod partikolari tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu kollha stabbiliti fl-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro.

42      Barra minn hekk, l-Artikolu 14(5) tar-Regolament Nru 1024/2013 jipprovdi li l-BĊE jista’ jirtira l-awtorizzazzjoni ex officio fil-każijiet stabbiliti fid-dritt rilevanti tal-Unjoni, wara konsultazzjoni mal-awtorità nazzjonali kompetenti tal-Istat Membru parteċipanti fejn tkun stabbilita l-istituzzjoni ta’ kreditu, jew fuq proposta minn tali awtorità nazzjonali kompetenti.

43      Kif jirriżulta mill-Artikolu 4(1) (a) u mill-Artikolu 14(5) tar-Regolament Nru 1024/2013, il-MFSA ma għandhiex il-kompetenza li tirtira l-awtorizzazzjonijiet tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu, iżda biss li tipproponi, jekk ikun il-każ, lill-BĊE jipproċedi għal tali rtirar.

44      Kif tfakkar fil-punti 8 u 9 iktar ’il fuq, huwa l-BĊE li, konformement mal-Artikolu 14(5) tar-Regolament Nru 1024/2013, iddeċieda li jirtira l-awtorizzazzjoni tal-ewwel rikorrenti fuq proposta tal-MFSA.

45      Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li, minkejja li l-MFSA eċċediet il-kompetenzi tagħha u adottat deċiżjoni ta’ rtirar ta’ approvazzjoni, tali deċiżjoni, adottata minn awtorità kompetenti nazzjonali, ma tikkostitwixxix, b’differenza mid-deċiżjoni li tat lok għas-sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2018, Berlusconi u Fininvest (C‑219/17, EU:C:2018:1023), att ta’ inizjattiva, ta’ preparazzjoni jew ta’ proposta mhux vinkolanti tad-deċiżjoni kkontestata u għalhekk ma hijiex ta’ natura li tivvizzja din id-deċiżjoni b’illegalità (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2018, Berlusconi u Fininvest, C‑219/17, EU:C:2018:1023, punt 44).

46      Bl-istess mod, peress li d-direttivi tal-MFSA fuq il-moratorju u fuq il-ħatra tal-persuna kompetenti, li jissemmew fil-punti 6 u 7 iktar ’il fuq, ma humiex atti ta’ inizjattiva, ta’ preparazzjoni jew ta’ proposta mhux vinkolanti tad-deċiżjoni kkontestata, l-illegalità eventwali tagħhom ma hijiex ta’ natura li tivvizzja d-deċiżjoni kkontestata b’illegalità.

47      Fil-fatt, id-direttivi tal-MFSA inkwistjoni, għalkemm jikkonċernaw l-istess sitwazzjoni, huma deċiżjonijiet oħra li ma ġewx adottati skont l-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament Nru 1024/2013.

48      Għaldaqstant, l-argumenti tar-rikorrenti ma jippermettux li jitqies li d-deċiżjoni kkontestata ġiet adottata bi ksur tal-Artikolu 14(5) tar-Regolament Nru 1024/2013.

49      Fit-tieni lok, fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti li l-BĊE kellu jintervjeni skont l-Artikolu 6(5)(b) tar-Regolament Nru 1024/2013, għandu jitfakkar li, skont din id-dispożizzjoni, jekk dan jirriżulta neċessarju sabiex tiġi żgurata applikazzjoni koerenti ta’ standards superviżorji għoljin, il-BĊE jista’ jiddeċiedi li jeżerċita huwa stess direttament il-kompetenzi rilevanti kollha fir-rigward ta’ istituzzjoni ta’ kreditu waħda jew iktar.

50      Madankollu, l-Artikolu 6(5)(b) tar-Regolament Nru 1024/2013 jagħti lill-BĊE l-fakultà li jiddeċiedi li jeżerċita huwa stess direttament il-kompetenzi rilevanti kollha fir-rigward ta’ istituzzjoni ta’ kreditu, iżda ma jimponix fuqu l-obbligu li jeżerċita huwa stess is-superviżjoni diretta ta’ istituzzjoni ta’ kreditu.

51      Minn dan jirriżulta li l-BĊE jista’ jiddeċiedi li jintervjeni, skont l-Artikolu 6(5)(b) tar-Regolament Nru 1024/2013, jekk u meta jqis li l-intervent tiegħu huwa neċessarju sabiex tiġi evitata applikazzjoni inkoerenti ta’ standards għolja ta’ superviżjoni mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti.

52      Peress li r-rikorrenti ma jurux li l-assenza ta’ intervent tal-BĊE, f’dan il-każ, wasslet għal applikazzjoni inkoerenti tal-istandards superviżorji għoljin, il-BĊE ma jistax jiġi validament ikkritikat li ma intervjenix skont l-Artikolu 6(5)(b) tar-Regolament Nru 1024/2013 skont allegat obbligu li jiġu żgurati standards għolja ta’ sorveljanza.

53      Minn dan jirriżulta li l-fatt li l-BĊE ma ddeċidiex li jeżerċita huwa stess is-superviżjoni diretta tal-ewwel rikorrenti ma jistax jivvizzja d-deċiżjoni kkontestata b’illegalità.

54      Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, l-argumenti tar-rikorrenti ma jippermettux li jitqies li d-deċiżjoni kkontestata ġiet adottata bi ksur tal-Artikolu 14(5) u tal-Artikolu 6(5)(c) tar-Regolament Nru 1024/2013.

55      Fit-tielet lok, fir-rigward tal-ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, ir-rikorrenti sempliċement jaffermaw li, billi ppermetta lill-MFSA twettaq de facto rtirar ta’ awtorizzazzjoni fl-assenza ta’ kull proċedura regolari, il-BĊE kiser id-dritt tagħhom li l-affarijiet tagħhom jiġu ttrattati b’mod imparzjali, ġust u fi żmien raġonevoli.

56      Peress li r-rikorrenti ma jsostnux l-ilment tagħhom ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba b’argumenti speċifiċi u sempliċement jirreferu għal dan il-prinċipju, għandu jitqies li dan l-ilment huwa inammissibbli skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 21 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, applikabbli għall-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 53 tal-istess statut, u skont l-Artikolu 76(d) tar-Regoli tal-Proċedura.

57      Konsegwentement, l-ewwel motiv għandu jiġi miċħud.

2.      Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq żball ta’ evalwazzjoni fir-rigward tal-eżistenza ta’ raġuni għall-irtirar ta’ awtorizzazzjoni

58      Ir-rikorrenti jsostnu, essenzjalment, li d-deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata bi żball ta’ evalwazzjoni sa fejn il-BĊE bbaża l-irtirar tal-awtorizzazzjoni fuq l-eżistenza ta’ att ta’ akkuża għal reati finanzjarji fir-rigward ta’ A. Sadr.

59      F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti jsostnu li l-BĊE ma setax jibbaża ruħu fuq sempliċi stqarrija għall-istampa maħruġa mill-awtoritajiet tal-Istati Uniti, b’mod partikolari sa fejn din l-istqarrija kienet tippreċiża li kull fatt li kien fiha kellu jitqies bħala allegazzjoni.

60      Barra minn hekk, ir-rikorrenti jqisu li l-BĊE ma eżaminax il-fatti deskritti fl-att ta’ akkuża inkwistjoni u lanqas ma rrileva n-natura ġenerali tagħhom. B’mod partikolari, huma jsostnu li l-BĊE ma ħax inkunsiderazzjoni l-fatt li din kienet akkuża minħabba ksur tar-regoli dwar is-sanzjonijiet tal-Istati Uniti kontra r-Repubblika Iżlamika tal-Iran, filwaqt li l-aġir inkriminat ma huwiex illegali mill-perspettiva tad-dritt tal-Unjoni.

61      Il-Kunsill u l-Kummissjoni jikkontestaw dan l-argument.

62      Għandu jitfakkar il-kuntest ġuridiku applikabbli għall-irtirar ta’ awtorizzazzjoni u l-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata dwar l-eżistenza ta’ raġuni għall-irtirar ta’ awtorizzazzjoni, u sussegwentement għandu jiġi vverifikat jekk, kif isostnu r-rikorrenti, il-BĊE wettaqx żball ta’ evalwazzjoni f’dan ir-rigward.

63      Fl-ewwel lok, peress li l-azzjonist u l-istituzzjoni ta’ kreditu huma żewġ persuni distinti, għandu jiġi vverifikat, preliminarjament, jekk fatt dwar azzjonist ta’ istituzzjoni ta’ kreditu jistax ikun rilevanti għal deċiżjoni ta’ superviżjoni prudenzjali ta’ din l-istituzzjoni, bħalma huwa l-irtirar tal-awtorizzazzjoni tiegħu.

64      F’dan ir-rigward, qabelxejn, għandu jitfakkar li l-Artikolu 4(1)(a) u l-Artikolu 14(5) tar-Regolament Nru 1024/2013, li ġie adottat sabiex jiżgura s-sigurtà u s-solidità tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u l-istabbiltà tas-sistema finanzjarja fi ħdan l-Unjoni u f’kull Stat Membru (Artikolu 1(1) tal-imsemmi regolament), jipprevedu li l-BĊE huwa kompetenti sabiex japprova l-istituzzjonijiet ta’ kreditu u jirtira l-awtorizzazzjonijiet tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu fil-każijiet previsti mid-dritt applikabbli tal-Unjoni.

65      Kif ġie ppreċiżat fil-premessa 20 tar-Regolament Nru 1024/2013, l-awtorizzazzjoni preliminari għall-operat ta’ istituzzjoni ta’ kreditu hija teknika prudenzjali essenzjali sabiex jiġi żgurat li dawk l-attivitajiet jitwettqu biss minn operaturi b’bażi ekonomika soda, b’organizzazzjoni kapaċi tittratta r-riskji speċifiċi inerenti għat-teħid ta’ depożiti u l-provvediment ta’ krediti, u b’diretturi xierqa.

66      Barra minnhekk, skont l-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1024/2013, għall-finijiet tat-twettiq tal-kompiti kkonferiti lilu b’dan ir-regolament, u bl-għan li jiġu żgurati standards għoljin ta’ superviżjoni, il-BĊE għandu japplika d-dispożizzjonijiet rilevanti kollha tad-dritt tal-Unjoni u, fejn dan ikun kompost minn direttivi, il-leġiżlazzjoni nazzjonali li tittrasponi dawk id-direttivi.

67      Sussegwentement, minn naħa, għandu jiġi kkonstatat li l-Artikolu 14(2) tad-Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Ġunju 2013 dwar l-aċċess għall-attività tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u s-superviżjoni prudenzjali tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u tad-ditti tal-investiment, li temenda d-Direttiva 2002/87/KE u li tħassar id-Direttivi 2006/48/KE u 2006/49/KE (ĠU 2013, L 176, p. 338, rettifiki fil-ĠU 2013, L 208, p. 73, fil-ĠU 2017, L 20, p. 1 u fil-ĠU 2020, L 203, p. 95), jipprovdi li l-awtoritajiet kompetenti għandhom jirrifjutaw l-awtorizzazzjoni sabiex jibdew l-attività ta’ istituzzjoni ta’ kreditu jekk, fid-dawl tan-neċessità li tiġi ggarantita ġestjoni soda u prudenti ta’ din l-istituzzjoni, ma jkunux issodisfatti, b’mod partikolari, il-kriterji stabbiliti.

68      L-Artikolu 23(1) tad-Direttiva 2013/36 jipprevedi l-kriterji li azzjonist kandidat għall-akkwist ta’ holding kwalifikanti f’istituzzjoni ta’ kreditu għandu josserva sabiex jitqies xieraq fid-dawl tal-għan li tiġi ggarantita ġestjoni soda u prudenti tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu fir-rigward tal-influwenza probabbli tiegħu fuq l-istituzzjoni ta’ kreditu kkonċernata. Fost dawn il-kriterji hemm, b’mod partikolari, kriterju ta’ reputazzjoni tajba.

69      Il-kriterju ta’ reputazzjoni tajba previst fl-Artikolu 23 tad-Direttiva 2013/36 huwa riprodott fid-dritt Malti fl-Artikolu 13(A)(9) tal-Banking Act (l-Att dwar il-Kummerċ Bankarju, Kapitolu 371 tal-Liġijiet ta’ Malta), tal‑15 ta’ Novembru 1994, li jirriproduċi l-istess formulazzjoni bħad-Direttiva.

70      Min-naħa l-oħra, skont l-Artikolu 18 tad-Direttiva 2013/36, l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jirtiraw awtorizzazzjoni mogħtija meta istituzzjoni ta’ kreditu ma tibqax tissodisfa l-kundizzjonijiet għall-għoti tal-awtorizzazzjoni.

71      Minn qari flimkien tad-dispożizzjonijiet imsemmija fil-punti 64 sa 70 iktar ’il fuq jirriżulta li l-kriterji li l-applikanti akkwirenti għandhom josservaw sabiex ikunu awtorizzati jakkwistaw holding kwalifikanti, inkluż il-kriterju tar-reputazzjoni tajba, huma applikabbli għall-evalwazzjoni tal-kwalità tal-azzjonisti magħmula għall-finijiet tal-irtirar ta’ awtorizzazzjoni għall-aċċess għall-attivitajiet ta’ istituzzjoni ta’ kreditu.

72      Minn dan isegwi li awtorizzazzjoni għall-aċċess għall-attivitajiet ta’ istituzzjoni ta’ kreditu tista’ tiġi rtirata mill-awtoritajiet kompetenti jekk, fid-dawl tan-neċessità li tiġi ggarantita ġestjoni soda u prudenti ta’ din l-istituzzjoni u li tiġi żgurata s-salvagwardja u s-solidità tas-sistema finanzjarja fi ħdan l-Unjoni u f’kull Stat Membru, l-imsemmija awtoritajiet ma jkunux issodisfatti mill-kwalità tal-azzjonisti jew tas-soċji li jistgħu jeżerċitaw influwenza fuqha, b’mod partikolari minħabba n-nuqqas ta’ reputazzjoni tajba tagħhom.

73      Fit-tieni lok, għandu jiġi rrilevat li l-kunċett ta’ reputazzjoni tajba huwa kunċett ġuridiku indeterminat. Fil-fatt, l-Artikolu 23(1) tad-Direttiva 2013/36 ma jinkludix definizzjoni eżawrjenti tal-imsemmi kunċett jew lista ta’ aġir li jista’ jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmi kunċett. Dan jippreżumi li l-awtoritajiet kompetenti għandhom jeżaminaw każ b’każ jekk il-kriterju ta’ reputazzjoni huwiex osservat minn azzjonist kandidat għall-akkwist ta’ holding kwalifikanti f’istituzzjoni ta’ kreditu, filwaqt li jieħdu inkunsiderazzjoni l-fatti rilevanti, ir-raġunijiet li fuqhom huwa bbażat dan il-kriterju u l-għanijiet li dan il-kriterju huwa intiż li jiżgura. Għaldaqstant, il-prinċipju ta’ ċertezza legali ma jipprekludix li l-imsemmija awtoritajiet igawdu minn marġni ta’ diskrezzjoni fl-applikazzjoni tal-kriterju inkwistjoni.

74      Madankollu, skont ġurisprudenza stabbilita għall-finijiet tal-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni mhux biss il-kliem ta’ din id-dispożizzjoni, iżda wkoll il-kuntest tagħha u l-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni li hija tagħmel parti minnha (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tas‑7 ta’ Ġunju 2005, Egenberger, VEMW et, C‑17/03, EU:C:2005:362, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata).

75      F’dan ir-rigward, l-ewwel, il-punt 10.9 tal-linji gwida komuni dwar l-evalwazzjoni prudenzjali tal-akkwisti u taż-żidiet ta’ holdings kwalifikati f’entitajiet tas-settur finanzjarju, adottati mill-Awtorità Bankarja Ewropea (EBA), l-Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol (EIOPA) u l-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (ESMA), jindika, minn naħa, li akkwirent propost għandu jitqies li għandu reputazzjoni tajba jekk ma tkun teżisti ebda prova affidabbli għall-kuntrarju u jekk l-awtorità ta’ sorveljanza fil-mira ma jkollhiex raġuni raġonevoli li tiddubita mir-reputazzjoni tajba tiegħu, u min-naħa l-oħra, li l-informazzjoni rilevanti disponibbli għall-finijiet tal-evalwazzjoni tittieħed inkunsiderazzjoni.

76      It-tieni, għandu jiġi rrilevat li, fis-sens kurrenti, ir-reputazzjoni tajba tirreferi għall-kwalità ta’ persuna li tikkonforma ruħha mal-istandards u mar-regoli ta’ użu kif ukoll għar-reputazzjoni li din il-persuna tgawdi fost il-pubbliku fir-rigward ta’ din il-kapaċità u tal-aġir tagħha.

77      Għalhekk, ir-reputazzjoni tajba tiddependi mhux biss mill-aġir ta’ persuna, iżda wkoll mill-perċezzjoni ta’ dan l-aġir minn ħaddieħor.

78      It-tielet, għandu jitfakkar li l-evalwazzjoni tar-reputazzjoni tajba tal-azzjonisti tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu hija intiża li tiżgura ġestjoni soda u prudenti ta’ dawn l-istituzzjonijiet, li tiggarantixxi b’mod permanenti l-kwalità u s-solidità finanzjarja tal-proprjetarji tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u, għalhekk, li tiżgura s-salvagwardja u s-solidità tas-sistema finanzjarja fi ħdan l-Unjoni u f’kull Stat Membru (premessi 16, 17 u 22 tar-Regolament 1024/2013).

79      It-twettiq tal-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni li jagħmel parti minnha l-Artikolu 23(1) tad-Direttiva 2013/36 jiddependi mill-qrib fuq il-fiduċja tal-pubbliku u tal-atturi fis-suq bankarju fir-rigward tal-istabbilimenti ta’ kreditu. Fil-fatt, it-telf ta’ tali fiduċja jista’ jwassal għal telf ta’ finanzjament għal dawn l-istabbilimenti u b’hekk joħloq riskju mhux biss għall-istabbiliment inkwistjoni, iżda għas-sistema finanzjarja fi ħdan l-Unjoni u f’kull Stat Membru.

80      Għaldaqstant, għandu jitqies li r-reputazzjoni tajba tal-azzjonisti tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu għandha tiġi evalwata billi tittieħed inkunsiderazzjoni l-konformità tal-aġir tagħhom mal-liġijiet u r-regolamenti applikabbli kif ukoll il-perċezzjoni ta’ dan l-aġir u tar-reputazzjoni tagħhom mill-pubbliku u mill-atturi tas-swieq finanzjarji.

81      Fit-tielet lok, għandu jitfakkar li, fid-deċiżjoni kkontestata, il-BĊE qies li l-ewwel rikorrenti ma kinitx għadha tissodisfa l-kundizzjonijiet sabiex tibbenefika minn awtorizzazzjoni ta’ aċċess għall-attivitajiet ta’ istituzzjoni ta’ kreditu u li din is-sitwazzjoni ma setgħetx tiġi korretta minħabba danni irriversibbli għar-reputazzjoni u għall-mudell kummerċjali tagħha.

82      Qabelxejn, il-BĊE fakkar li A. Sadr kellu indirettament 100 % tal-kapital u tad-drittijiet ta’ vot tal-ewwel rikorrenti.

83      Sussegwentement, il-BĊE rrileva li minn stqarrija għall-istampa ppubblikata fid‑19 ta’ Marzu 2018 mill-Ministeru għall-Ġustizzja tal-Istati Uniti kien jirriżulta li A. Sadr kien ġie arrestat fl-Istati Uniti taħt sitt kapijiet ta’ akkuża, marbuta mal-allegata parteċipazzjoni tiegħu fi skema li permezz tagħha saru pagamenti ta’ madwar USD 115 miljun sabiex jiġi ffinanzjat kumpless ta’ residenzi fil-Venezwela kienu ġew miżapproprjati għall-benefiċċju ta’ persuni u impriżi Iranjani, u li huwa kien ġie lliberat taħt garanzija wara li ppreżenta l-passaporti tiegħu u d-dokumenti tal-ivvjaġġar tiegħu, filwaqt li kien suġġett għal sorveljanza elettronika.

84      Barra minn hekk, il-BĊE indika li l-att ta’ akkuża inkwistjoni kien wassal għal attenzjoni qawwija tal-midja internazzjonali kif ukoll għal artikli tal-istampa negattivi fuq l-ewwel rikorrenti, li kellu l-effett li jimmina serjament ir-reputazzjoni ta’ din tal-aħħar, b’mod partikolari minħabba l-allegazzjonijiet tal-prosekutur tal-Istati Uniti għad-Distrett tan-Naħa ta’ Isfel ta’ New York, li ċerti fondi użati sabiex tiġi stabbilita u ffinanzjata l-imsemmija rikorrenti fl‑2013 kellhom oriġini illegali marbuta mal-proġett fil-Venezwela.

85      Il-BĊE għalhekk qies, essenzjalment, li, filwaqt li ħa inkunsiderazzjoni l-preżunzjoni tal-innoċenza u l-fatt li l-akkużi kontra A. Sadr kienu biss sempliċi allegazzjonijiet, il-kundanna tiegħu kienet ta’ natura li tqajjem dubji serji fir-rigward tal-integrità tiegħu bħala azzjonist tal-ewwel rikorrenti.

86      Il-BĊE ppreċiża wkoll li, skont il-linji gwida komuni msemmija fil-punt 75 iktar ’il fuq, l-integrità ta’ azzjonist hija evalwata każ b’każ u li din ma hijiex ikkontestata biss fil-każ ta’ kundanna definittiva, iżda għandha tittieħed inkunsiderazzjoni kull informazzjoni li toriġina minn sorsi kredibbli u affidabbli. Għalhekk, proċeduri kriminali pendenti, b’mod partikolari fir-rigward tal-imputazzjoni ta’ ċerti reati kriminali, bħall-frodi jew il-kriminalità finanzjarja, inkluż il-ħasil tal-flus, seta’ jkollhom effett fuq ir-reputazzjoni tal-persuna kkonċernata u, għaldaqstant, fuq l-istituzzjoni ta’ kreditu ssorveljata.

87      Il-BĊE żied li, f’dan il-każ, l-istruttura tal-azzjonisti tal-ewwel rikorrenti kienet ta’ rilevanza partikolari, sa fejn din l-istruttura kienet tfisser li A. Sadr kien l-azzjonist aħħari u uniku li jikkontrolla l-imsemmija rikorrenti.

88      Peress li A. Sadr, fil-kwalità tiegħu ta’ detentur ta’ holding azzjonarja kwalifikata li tagħtih il-kontroll tal-ewwel rikorrenti, ma kellux iktar, skont il-BĊE, il-kwalità neċessarja fis-sens tal-Artikolu 14(2) u tal-Artikolu 23(1)(a) tad-Direttiva 2013/36 kif ukoll tad-dispożizzjonijiet nazzjonali ta’ traspożizzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, hija ddeduċiet minn dan li kien hemm raġunijiet li jitqies li l-imsemmija rikorrenti ma kinitx għadha tissodisfa l-kundizzjonijiet li fihom kienet ingħatatilha l-awtorizzazzjoni tagħha.

89      Barra minn hekk, il-BĊE ddettaljat, essenzjalment, ir-raġunijiet għaliex l-eżistenza ta’ proċeduri kienet suffiċjenti, fil-kuntest tas-superviżjoni prudenzjali li, b’differenza mill-proċeduri kriminali, għandha l-għan li tantiċipa u li tipprevjeni r-riskji, u mhux li tissanzjona persuni, sabiex tpoġġi f’dubju r-reputazzjoni tajba tal-azzjonist ikkonċernat.

90      Fil-fatt, skont il-BĊE, is-superviżjoni prudenzjali teħtieġ perspettiva prospettiva li tieħu inkunsiderazzjoni d-dipendenza tas-swieq finanzjarji fuq il-fiduċja tal-pubbliku fl-atturi tas-swieq finanzjarji, b’tali mod li kien iġġustifikat li tittieħed inkunsiderazzjoni l-akkuża ta’ A. Sadr. Hija qieset, fil-fatt, li l-imsemmija akkuża kienet tqiegħed direttament inkwistjoni r-reputazzjoni tal-azzjonist uniku tal-ewwel rikorrenti mal-pubbliku, minkejja l-assenza ta’ kundanna definittiva.

91      Dan huwa a fortiori l-każ peress li l-proċeduri inkwistjoni kellhom, f’dan il-każ, impatt fuq ir-reputazzjoni tal-ewwel rikorrenti nnifisha, li wassal għal sentiment ta’ suq detrimentali attestat min-numru sinjifikattiv ta’ talbiet għall-irtirar tad-depożiti li saru wara l-bidu tal-proċeduri, li jirrappreżentaw iktar minn 40 % tal-ammont totali tad-depożiti li jidhru fil-karta tal-bilanċ tal-imsemmija rikorrenti, iżda wkoll għat-tmiem tar-relazzjonijiet bankarji korrispondenti.

92      Barra minn hekk, l-akkuża ta’ A. Sadr kienet waħda mill-fatturi tad-degradazzjoni tal-proporzjon ta’ riskju, stabbilit minn aġenzija ta’ klassifikazzjoni, tas-settur bankarju Malti kollu kemm hu, u dan jirriżulta mir-riferimenti għal dawn il-proċeduri, fost oħrajn, fir-rapport ta’ evalwazzjoni ta’ din l-aġenzija.

93      Barra minn hekk, minn naħa, il-BĊE bbaża ruħu fuq ittra tas-sellief prinċipali tal-ewwel rikorrenti li talab it-tmiem antiċipat tas-self tiegħu, li kien jirrappreżenta 90 % tal-kuntratti ta’ self tal-imsemmija rikorrenti, u li, għaldaqstant, kien is-sors prinċipali tad-dħul ta’ din tal-aħħar.

94      Min-naħa l-oħra, il-BĊE ħa inkunsiderazzjoni l-fatt li, fost l-10 % tal-kuntratti ta’ self li kien għad fadal, li jirrappreżentaw ħames selfiet, tliet selliefa ma baqgħux jonoraw il-pagamenti tal-kapital u tal-interessi, filwaqt li t-tnejn l-oħra kienu talbu t-tmiem antiċipat tas-self tagħhom.

95      Id-deċiżjoni kkontestata kienet għalhekk espliċitament immotivata mid-diversi raġunijiet deskritti fil-punti 81 sa 94 iktar ’il fuq, li kienu jikkonfutaw l-għan li tiġi ggarantita ġestjoni soda u prudenti ta’ din l-istituzzjoni ta’ kreditu u dak li tiġi żgurata s-salvagwardja tas-sistema finanzjarja fi ħdan l-Unjoni u f’kull Stat Membru.

96      Fir-raba’ lok, f’dan il-kuntest, għandu jiġi evalwat jekk, f’dan il-każ, il-kundanna inkwistjoni, skont id-dritt ta’ pajjiż terz, tal-azzjonist li għandu indirettament il-kontroll sħiħ tal-ewwel rikorrenti, għal ksur finanzjarju ta’ ċerta gravità, kinitx f’pożizzjoni li taffettwa l-integrità tagħha b’mod li tikkontesta s-sitwazzjoni finanzjarja tal-istabbiliment u s-solidità tas-sistema finanzjarja fi ħdan l-Unjoni u f’kull Stat Membru.

97      L-ewwel, fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti li d-deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata bi żball ta’ evalwazzjoni sa fejn il-BĊE bbaża l-irtirar tal-awtorizzazzjoni fuq l-eżistenza ta’ att ta’ akkuża għal ksur finanzjarju fir-rigward ta’ A. Sadr, hemm lok li jiġi kkonstatat li l-BĊE qies li l-imsemmija akkuża setgħet toħloq dubju dwar ir-reputazzjoni tajba u l-kwalità ta’ dan l-azzjonist li jkollu holding azzjonarju kwalifikanti f’istituzzjoni ta’ kreditu fis-sens tal-Artikolu 23 tad-Direttiva 2013/36, u għaldaqstant, fir-rigward tas-solidità u tal-prudenza tal-ġestjoni ta’ din l-istituzzjoni.

98      Għandu jiġi rrilevat ukoll li l-BĊE enfasizza li, fid-dawl tal-karatteristiċi speċifiċi tas-suq bankarju, li jiddependi mill-qrib mill-fiduċja tad-depożitanti u tal-imsieħba ta’ istituzzjoni ta’ kreditu, u b’mod iktar wiesa’ mill-pubbliku, tali dubju kellu jitqies bħala suffiċjenti sabiex jiġġustifika li l-awtoritajiet kompetenti kellhom l-intenzjoni jadottaw miżuri intiżi li jillimitaw l-effett ta’ tali ineffiċjenzi fuq il-ġestjoni tal-istituzzjoni ta’ kreditu inkwistjoni u fuq is-solidità tas-sistema finanzjarja fi ħdan l-Unjoni u f’kull Stat Membru.

99      B’mod iktar partikolari, id-deċiżjoni ta’ rtirar kienet immotivata mill-effetti negattivi konkreti li l-att ta’ akkuża, fir-rigward tal-azzjonist li indirettament kellu kontroll totali fuq l-ewwel rikorrenti, kellu fuq ir-reputazzjoni ta’ dan l-azzjonist u ta’ din ir-rikorrenti, fuq il-fiduċja tal-pubbliku fir-rigward tiegħu u, konsegwentement, fuq is-solidità tal-ġestjoni tiegħu u l-istabbiltà tas-sistema finanzjarja fi ħdan l-Unjoni u f’kull Stat Membru.

100    Fost dawn l-effetti, il-BĊE identifika t-talbiet sinjifikattivi għall-irtirar tad-depożiti li implika l-att ta’ akkuża, li jirrappreżentaw iktar minn 40 % tal-ammont totali tad-depożiti li jidhru fil-karta tal-bilanċ tal-ewwel rikorrenti, it-terminazzjoni tar-relazzjonijiet bankarji korrispondenti u x-xoljiment tal-kuntratti tas-selliefa prinċipali tal-imsemmija rikorrenti, iżda wkoll id-degradazzjoni tal-proporzjon ta’ riskju stabbilit minn aġenzija ta’ klassifikazzjoni li tikkonċerna s-settur bankarju Malti kollu kemm hu.

101    F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li, għalkemm l-akkuża ta’ azzjonist li indirettament għandu holding kwalifikanti f’istituzzjoni ta’ kreditu ma hijiex biżżejjed, waħedha, sabiex tikkonfuta r-reputazzjoni tajba tagħha, il-perċezzjoni negattiva ta’ din ir-reputazzjoni mill-pubbliku u l-klijenti kif ukoll mill-imsieħba ta’ din l-istituzzjoni ta’ kreditu, wara tali akkuża, bil-kundizzjoni li tintwera abbażi ta’ elementi konkreti, tista’ tiġġustifika l-irtirar tal-awtorizzazzjoni tal-istituzzjoni kkonċernata kollha sakemm din tkun ta’ natura li toħloq riskju għall-imsemmija istituzzjoni u għas-suq bankarju fl-intier tiegħu.

102    Fil-fatt, minħabba l-importanza tal-fiduċja tal-pubbliku fl-atturi tas-suq bankarju, it-teħid inkunsiderazzjoni tal-perċezzjoni tiegħu tar-reputazzjoni tajba ta’ azzjonist akkużat huwa ġġustifikat fid-dawl tal-għanijiet tas-superviżjoni prudenzjali, sa fejn din hija intiża sabiex tikkontribwixxi għat-twettiq tal-għan li tiġi ssalvagwardata s-solidità tas-sistema finanzjarja fi ħdan l-Unjoni u f’kull Stat Membru.

103    It-tieni, fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti bbażat fuq il-fatt li l-BĊE ma ħax inkunsiderazzjoni l-impatt tal-att ta’ akkuża fuq il-ġestjoni soda u prudenti tal-ewwel rikorrenti, għandu jiġi ppreċiżat li l-perċezzjoni tar-reputazzjoni tajba mis-suq hija element li għandu jiġi ddeterminat b’riferiment għaċ-ċirkustanzi oġġettivi tal-każ inkwistjoni.

104    F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li r-rikorrenti ma jikkontestawx il-fatt li l-akkuża tal-azzjonist prinċipali tal-ewwel rikorrenti kellha effett negattiv fuq l-evalwazzjoni tal-proporzjon ta’ riskju stabbilit minn aġenzija ta’ klassifikazzjoni tas-settur bankarju Malti fl-intier tiegħu u wasslet għall-irtirar ta’ depożiti u għat-terminazzjoni tar-relazzjonijiet bankarji korrispondenti kif ukoll għax-xoljiment tal-kuntratti tas-self prinċipali tagħha.

105    Ir-rikorrenti sempliċement jaffermaw li l-att ta’ akkuża inkwistjoni kellu effett limitat u li l-irtirar tad-depożiti kien limitat ħafna.

106    Madankollu, mill-provi prodotti mill-BĊE b’risposta għal miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura adottata mill-Qorti Ġenerali jirriżulta li s-sitwazzjoni tal-ewwel rikorrenti ddeterjorat ħafna wara l-akkuża ta’ A. Sadr.

107    B’mod partikolari, kif ġie indikat fid-deċiżjoni kkontestata u kif tixhed it-talba għax-xoljiment tas-self tas-sellief prinċipali, iżda wkoll l-awtorizzazzjoni tal-MFSA lill-ewwel rikorrenti li taċċetta r-rimbors antiċipat ta’ dan is-self, ipprovduti mill-BĊE, l-imsemmija rikorrenti kienet tilfet il-parti l-kbira tal-portafoll tas-self tagħha u, għaldaqstant, il-kapaċità tagħha li tiġġenera dħul.

108    Barra minn hekk, kif ġie indikat fid-deċiżjoni kkontestata u kif jixhdu t-talbiet għall-għeluq tal-kontijiet u għat-trasferimenti ta’ fondi korrispondenti minn diversi depożitanti, ipprovduti mill-BĊE, l-ewwel rikorrenti kienet irċeviet talbiet importanti għall-irtirar min-naħa tad-depożitanti.

109    Id-diffikultajiet ta’ kapitalizzazzjoni u ta’ likwidità tal-ewwel rikorrenti ġew ukoll irrikonoxxuti mill-membri tal-Bord Eżekuttiv fl-ittra tagħhom lill-persuna kompetenti tal‑10 ta’ Mejju 2018, kif ukoll it-talbiet għall-irtirar ta’ depożiti min-naħa ta’ tliet depożitanti, li ġew ipprovduti mill-BĊE. F’din l-ittra, id-diriġenti jantiċipaw ukoll ir-rimbors f’terminu raġonevoli tad-depożitanti kollha.

110    Barra minn hekk, anki jekk jitqies li l-irtirar tad-depożiti kien iktar limitat minn dak li l-BĊE kkunsidra, kif isostnu r-rikorrenti, l-effetti l-oħra identifikati huma suffiċjenti, fi kwalunkwe każ, sabiex juru li l-att ta’ akkuża inkwistjoni, sa fejn ippreġudika r-reputazzjoni tajba tal-azzjonist uniku tal-ewwel rikorrenti kif ipperċepit mill-pubbliku, kellu effetti negattivi sinjifikattivi fuq is-solidità tal-ġestjoni ta’ din ir-rikorrenti u l-istabbiltà tas-sistema finanzjarja fi ħdan l-Unjoni.

111    Konsegwentement, peress li l-akkuża ta’ A. Sadr affettwat ir-reputazzjoni personali tiegħu u dik tal-ewwel rikorrenti, li kien l-uniku azzjonist tagħha, u wasslet għal sensiela ta’ effetti negattivi li jikkonfutaw is-solidità tas-sistema finanzjarja fi ħdan l-Unjoni u f’kull Stat Membru, l-argument tar-rikorrenti bbażat fuq il-fatt li l-BĊE ma ħax inkunsiderazzjoni l-effett tal-att ta’ akkuża inkwistjoni fuq il-ġestjoni soda u prudenti tal-imsemmija rikorrenti għandu wkoll jiġi miċħud.

112    Fil-fatt, kif jirriżulta mill-punti 99 sa 111 iktar ’il fuq, il-BĊE bbaża ruħu fuq sensiela ta’ fatturi u ta’ effetti negattivi li kienu s-segwitu tal-att ta’ akkuża inkwistjoni u li juru, fuq bażi oġġettiva, il-perċezzjoni negattiva mill-klijenti tar-reputazzjoni tal-azzjonist tagħha u n-nuqqas ta’ fiduċja tagħhom fl-ewwel rikorrenti wara dan l-att, li kienu joħolqu riskju għall-imsemmija rikorrenti u għas-sistema finanzjarja fi ħdan l-Unjoni u f’kull Stat Membru.

113    Għalhekk, fid-dawl tan-neċessità li tiġi żgurata l-ġestjoni soda u prudenti tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u s-salvagwardja u s-solidità tas-sistema finanzjarja fi ħdan l-Unjoni u f’kull Stat Membru, il-BĊE ma wettaqx żball meta qies li, minħabba l-akkuża ta’ A. Sadr u l-perċezzjoni korrelattiva tar-reputazzjoni tagħha mid-depożitanti u mis-selliefa tal-ewwel rikorrenti, li rriżultaw f’konsegwenzi negattivi sinjifikattivi għas-sitwazzjoni ta’ din tal-aħħar, in-nuqqas ta’ reputazzjoni tajba kif ipperċepita mis-suq bankarju kien jiġġustifika l-irtirar tal-awtorizzazzjoni tal-imsemmija rikorrenti ta’ aċċess għall-attivitajiet ta’ istituzzjoni ta’ kreditu.

114    It-tielet, fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti li l-BĊE kellu jeżamina l-aġir ikkritikat fl-att ta’ akkuża inkwistjoni u l-fatti reali, minn naħa, għandu jiġi kkonstatat li l-BĊE ma għandux setgħat ta’ investigazzjoni kriminali u ma jistax jinterferixxi mal-attivitajiet tal-awtoritajiet li għandhom tali setgħat. Min-naħa l-oħra, l-impożizzjoni fuq il-BĊE li jwettaq verifiki fattwali ta’ att ta’ akkuża qabel ma jieħu l-miżuri intiżi li jillimitaw ir-riskji għas-suq iġġenerati minn istituzzjoni ta’ kreditu li l-azzjonist tagħha ġie akkużat fuq suspetti ta’ ksur finanzjarju li fir-rigward tagħhom diġà bdew iseħħu effetti negattivi, tmur kontra l-għan tal-Artikolu 4(1)(a) u tal-Artikolu 14(5) tar-Regolament Nru 1024/2013 kif ukoll tal-Artikolu 14(2) u tal-Artikolu 23 tad-Direttiva 2013/36, li jimplikaw reazzjoni preventiva rapida u effikaċi.

115    F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li r-rikorrenti ma jikkontestawx il-fatti li taw lok għall-att ta’ akkuża, iżda sempliċement jaffermaw li huma ma humiex illegali fid-dritt tal-Unjoni u li l-illegalità tagħhom fid-dritt tal-Istat terz ikkonċernat tqajjem dubji.

116    Madankollu, fid-dawl tal-effetti negattivi konkreti għall-ewwel rikorrenti u għas-settur bankarju Malti li kienu diġà bdew jidhru, il-BĊE ma jistax jiġi kkritikat b’mod validu li ma ħax inkunsiderazzjoni l-fatt li l-att ta’ akkuża inkwistjoni kien jikkonċerna ksur tar-regoli dwar is-sanzjonijiet tal-Istati Uniti kontra r-Repubblika Iżlamika tal-Iran, filwaqt li l-aġir inkriminat jista’ ma jkunx illegali mill-perspettiva tad-dritt tal-Unjoni jew tal-fatt li dan huwa ksur esklużivament tekniku li fir-rigward tiegħu setgħu jeżistu dubji.

117    Fil-fatt, anki jekk jitqies li l-aġir li ġġustifika l-akkuża ta’ A. Sadr fl-Istati Uniti ma huwiex illegali skont id-dritt tal-Unjoni jew anki skont id-dritt tal-Istat terz ikkonċernat, l-iktar element importanti li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni ma kienx, kif indika l-BĊE fil-paġna 8 tad-deċiżjoni kkontestata, il-fondatezza tal-proċeduri li jinsabu fl-att ta’ akkuża inkwistjoni, li barra minn hekk ma jaqax taħt il-kompetenza tiegħu, iżda l-konsegwenzi tal-imsemmija proċeduri fuq ir-reputazzjoni ta’ A. Sadr, fuq is-sitwazzjoni tal-ewwel rikorrenti u fuq is-suq bankarju fl-intier tiegħu.

118    Fil-fatt, il-BĊE evalwa l-integrità tal-azzjonist tal-ewwel rikorrenti, kif ipperċepit mill-pubbliku, u l-atturi kkonċernati rreaġixxew għall-akkuża ta’ dan l-azzjonist mingħajr ma ħadu inkunsiderazzjoni l-fondatezza tiegħu b’applikazzjoni tad-dritt tal-Istat terz ikkonċernat jew tad-dritt tal-Unjoni.

119    Xorta jibqa’ l-fatt li, f’tali ipoteżi, huwa l-BĊE li għandu jieħu inkunsiderazzjoni, jekk ikun il-każ, kull element ippreżentat fil-kuntest tal-proċedura amministrattiva li jista’ juri l-assenza ta’ effett ta’ tali proċeduri fuq ir-reputazzjoni jew il-ġestjoni tal-istabbiliment ikkonċernat u li jista’ jirriżulta, eventwalment, min-natura abbużiva jew manifestament infondata ta’ tali proċeduri.

120    Ir-raba’, għall-istess raġunijiet, u kuntrarjament għal dak li jsostnu r-rikorrenti, lanqas ma jista’ jitqies li, billi adotta d-deċiżjoni kkontestata, il-BĊE rrikonoxxa jew renda eżegwibbli s-sanzjonijiet adottati mill-Istati Uniti kontra l-operaturi li jinnegozjaw mal-Iran fis-sens tal-Artikolu 4 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2271/96 tat‑22 ta’ Novembru 1996 li jipproteġi kontra l-effetti ta’ l-applikazzjoni estraterritorjali tal-leġislazzjoni adottata minn pajjiż terz, u l-azzjonijiet ibbażati fuqha jew li jirriżultaw minnha (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 10, Vol. 1, p. 75), kif emendat bir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2018/1100 tas‑6 ta’ Ġunju 2018 li jemenda l-Anness għar-Regolament tal-Kunsill Nru 2271/96 (ĠU 2018, L 199 I, p. 1).

121    Il-ħames, ir-rikorrenti jiddikjaraw li l-effetti identifikati fid-deċiżjoni kkontestata jirriżultaw mhux biss mill-att ta’ akkuża inkwistjoni, iżda wkoll mill-miżuri prudenzjali adottati mill-MFSA wara dan l-att ta’ akkuża.

122    Madankollu, irrispettivament mill-effett tal-miżuri tal-MFSA, il-BĊE ma jistax jiġi validament ikkritikat talli silet il-konsegwenzi tal-effetti negattivi għall-ġestjoni tal-ewwel rikorrenti u għas-suq bankarju li kienu diġà seħħew wara l-att ta’ akkuża inkwistjoni billi rtira l-awtorizzazzjoni tal-imsemmija rikorrenti.

123    Is-sitt, kuntrarjament għal dak li jqisu ir-rikorrenti, huwa irrilevanti li l-influwenza probabbli ta’ A. Sadr kienet, fil-mument tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, temporanjament sospiża mill-miżuri prudenzjali adottati mill-MFSA minħabba s-sospensjoni tad-drittijiet tal-vot tiegħu.

124    Fil-fatt, minħabba n-natura temporanja tagħhom, il-miżuri tal-MFSA ma kinux ta’ natura li jeskludu fit-tul l-influwenza tal-azzjonist ikkonċernat fuq il-ġestjoni tal-ewwel rikorrenti.

125    Barra minn hekk, id-deċiżjoni kkontestata ma kinitx immotivata biss mir-riskji li jista’ jkollu l-azzjonist ikkonċernat fuq il-ġestjoni tal-ewwel rikorrenti, iżda wkoll bl-eżistenza ta’ effetti negattivi konkreti fuq ir-reputazzjoni u s-solidità tal-ġestjoni ta’ din ir-rikorrenti li l-att ta’ akkuża inkwistjoni kien diġà pproduċa, indipendentement minn kull deċiżjoni ta’ dan l-azzjonist.

126    L-argument tar-rikorrenti bbażat fuq il-fatt li l-BĊE ma ħax inkunsiderazzjoni t-tneħħija tal-influwenza probabbli tal-azzjonist ikkonċernat fuq l-ewwel rikorrenti, li kienet trendi r-reputazzjoni tajba tiegħu irrelevanti, għandu għalhekk jiġi miċħud.

127    Is-seba’, fid-dawl tal-effetti negattivi konkreti mġarrba mill-ewwel rikorrenti u identifikati fid-deċiżjoni kkontestata, l-allegazzjonijiet tar-rikorrenti li l-kapijiet ta’ akkuża fir-rigward ta’ A. Sadr ma kellhomx rabta mal-imsemmija rikorrenti u l-fatti rilevanti kienu jippreċedu l-eżistenza tagħha, għandhom jiġu miċħuda bħala ineffettivi.

128    It-tmienja, f’dak li jirrigwarda l-argument tar-rikorrenti li r-riferiment għal irtirar ta’ depożiti ma huwiex rilevanti, peress li l-irtirar ta’ awtorizzazzjoni kien ibbażat fuq il-kwalità tal-azzjonist li kellu indirettament il-kontroll tal-ewwel rikorrenti, u mhux fuq nuqqas ta’ likwidità jew insuffiċjenza ta’ fondi proprji, dan ma jistax jintlaqa’, sa fejn l-imsemmi rtirar ġie identifikat bħala konsegwenza negattiva konkreta tal-problemi ta’ reputazzjoni u ta’ ġestjoni tal-imsemmija rikorrenti, li seħħew fir-rigward ta’ dan l-att ta’ ffriżar indirett u ta’ insuffiċjenza ta’ fondi.

129    Id-disa’, kif ġie konkluż fil-punt 71 iktar ’il fuq, u kuntrarjament għal dak li jsostnu r-rikorrenti, l-Artikolu 14(2) tad-Direttiva 2013/36, moqri flimkien mal-Artikolu 18(2) tagħha, irendi l-kriterji użati sabiex jiġi evalwat jekk akkwist ta’ holdings kwalifikanti fi stabbiliment ta’ kreditu għandux jiġi awtorizzat applikabbli għall-evalwazzjoni tal-possibbiltà li tingħata jew li tiġi rtirata awtorizzazzjoni ta’ aċċess għall-attivitajiet ta’ istituzzjoni ta’ kreditu.

130    Għaldaqstant, il-BĊE ma jistax jiġi kkritikat b’mod validu li bbaża ruħu, għall-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ reputazzjoni tajba, fuq il-linji gwida tal-EBA dwar l-akkwisti ta’ holdings ikkwalifikati, insostenn tar-raġunament tiegħu.

131    Madankollu, mid-dispożizzjonijiet imsemmija fil-punt 130 iktar ’il fuq jew mid-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2013/36 ma jirriżultax li l-proċedura li għandha tiġi segwita għall-irtirar ta’ awtorizzazzjoni hija suġġetta għall-istess rekwiżiti bħall-proċedura li għandha tiġi segwita għall-applikazzjonijiet għal awtorizzazzjoni ta’ holdings kwalifikanti.

132    Kuntrarjament għal dak li jsostnu r-rikorrenti, id-deċiżjoni kkontestata għalhekk ma hijiex ivvizzjata bi żball sa fejn ġiet adottata wara proċedura ta’ rtirar ta’ awtorizzazzjoni li ma osservatx ir-rekwiżiti, b’mod partikolari f’termini ta’ skadenzi, previsti għall-proċedura ta’ awtorizzazzjoni ta’ holdings kwalifikanti, peress li dawn ir-rekwiżiti ma jistgħux jiġu applikati b’analoġija għall-proċedura ta’ rtirar ta’ approvazzjoni li għaliha ma humiex previsti tali rekwiżiti.

133    Fid-dawl tal-fatturi kollha identifikati fid-deċiżjoni kkontestata sabiex jiġi stabbilit, minn naħa, in-nuqqas ta’ reputazzjoni tajba tal-azzjonist tal-ewwel rikorrenti, b’mod partikolari fid-dawl tal-perċezzjoni tiegħu mill-pubbliku kkonċernat, u, min-naħa l-oħra, l-effetti negattivi li din il-perċezzjoni kellha fuq l-imsemmija rikorrenti, meħuda flimkien, l-argumenti tar-rikorrenti li d-deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata bi żball ta’ evalwazzjoni, sa fejn il-BĊE bbaża l-irtirar tal-approvazzjoni fuq l-eżistenza ta’ att ta’ akkuża fil-konfront ta’ A. Sadr għal reati finanzjarju, għandhom jiġu miċħuda.

134    Konsegwentement, it-tieni motiv għandu jiġi miċħud.

3.      Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq nuqqas ta’ eżerċizzju mill-BĊE tas-setgħa diskrezzjonali tiegħu jew fuq eżerċizzju mhux xieraq ta’ din is-setgħa

135    Ir-rikorrenti jsostnu li d-deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata sa fejn il-BĊE ma eżerċitax is-setgħa diskrezzjonali tiegħu jew eżerċitaha b’mod mhux xieraq.

136    Ir-rikorrenti jindikaw li l-fatt li l-BĊE ddeċieda li jirtira l-approvazzjoni jimplika li huwa qies li ma kellux setgħa diskrezzjonali, li huwa sempliċement ikkonferma l-fatt imwettaq mill-MFSA u li huwa biddel l-opinjoni tiegħu wara li inizjalment ikkonkluda li l-irtirar ta’ awtorizzazzjoni ma kienx iġġustifikat.

137    Il-BĊE u l-Kummissjoni jikkontestaw dawn l-argumenti.

138    F’dan ir-rigward, qabelxejn, għandu jiġi rrilevat li l-fatt li l-BĊE ddeċieda li jirtira l-approvazzjoni u l-fatt li huwa segwa l-proposta tal-MFSA ma jistgħux jistabbilixxu li huwa ma eżerċitax setgħa diskrezzjonali.

139    Sussegwentement, għandu jiġi kkonstatat li l-BĊE wettaq analiżi ddettaljata tiegħu stess,, kif jirriżulta mill-paġni 5 sa 12 tad-deċiżjoni kkontestata, tas-sitwazzjoni tal-ewwel rikorrenti u ma llimitax ruħu li jislet il-konsegwenzi tad-deċiżjonijiet tal-MFSA.

140    Għalhekk il-BĊE ma jistax jiġi kkritikat b’mod validu, kuntrarjament għal dak li jsostnu r-rikorrenti, talli kkonferma l-fatt imwettaq mill-MFSA u talli ma eżerċitax is-setgħa diskrezzjonali tiegħu.

141    Fl-aħħar, anki jekk jitqies li l-BĊE biddel l-opinjoni tiegħu matul il-proċedura amministrattiva, tali fattur ma huwiex ta’ natura li juri nuqqas ta’ eżerċizzju jew eżerċizzju mhux xieraq tas-setgħa diskrezzjonali tiegħu.

142    Għall-kuntrarju, il-fatt li l-BĊE ppreveda soluzzjonijiet differenti, jekk jitqies li huwa stabbilit, pjuttost jikkonferma li huwa effettivament wettaq evalwazzjoni u ma llimitax ruħu li jislet il-konsegwenzi tad-deċiżjonijiet tal-MFSA.

143    Għaldaqstant, ir-rikorrenti baqgħu ma wrewx li l-BĊE ma eżerċitax is-setgħa diskrezzjonali tiegħu jew li eżerċitaha b’mod mhux xieraq.

144    Għaldaqstant, it-tielet motiv għandu jiġi miċħud.

4.      Fuq ir-raba’ motiv, ibbażat fuq l-assenza ta’ eżami tal-fatti rilevanti u ta’ evalwazzjoni imparzjali u oġġettiva ta’ dawn il-fatti

145    Ir-rikorrenti jsostnu, essenzjalment, li l-BĊE ma eżaminax il-fatti rilevanti b’mod imparzjali u oġġettiv, sa fejn huwa ma evalwax l-effett reali tal-akkuża ta’ A. Sadr fuq ir-reputazzjoni tal-ewwel rikorrenti jew għamel distinzjoni bejn il-fatti inkwistjoni u l-effetti tal-miżuri adottati mill-MFSA u minn dikjarazzjonijiet pubbliċi tal-BĊE, peress li d-deċiżjoni kkontestata hija bbażata fuq konklużjonijiet tal-MFSA li huma bbażati fuq allegazzjonijiet tal-awtoritajiet repressivi tal-Istati Uniti li huma sempliċement preliminari u approssimattivi ħafna.

146    Il-BĊE u l-Kummissjoni jikkontestaw dawn l-argumenti.

147    F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li, insostenn tar-raba’ motiv, ir-rikorrenti sempliċement itennu l-argumenti fformulati insostenn tat-tieni motiv.

148    Għall-istess raġunijiet bħal dawk imsemmija fil-punti 62 sa 134 iktar ’il fuq, ir-raba’ motiv għandu għalhekk jiġi miċħud.

5.      Fuq il-ħames motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità

149    Ir-rikorrenti jsostnu li d-deċiżjoni kkontestata tmur kontra l-prinċipju ta’ proporzjonalità sa fejn, essenzjalment, il-kunsiderazzjonijiet dwar il-proporzjonalità ma humiex relatati mar-raġuni għall-irtirar tal-awtorizzazzjoni, jiġifieri l-akkuża ta’ A. Sadr fl-Istati Uniti, sa fejn l-influwenza relattiva ta’ dan l-azzjonist ma kinitx tiġġustifika li jiġi rrikonoxxut li l-akkuża tiegħu kienet ta’ riskju għall-ġestjoni tal-ewwel rikorrent u sa fejn il-BĊE ma kkunsidrax b’mod xieraq soluzzjonijiet oħra inqas restrittivi minn irtirar ta’ awtorizzazzjoni.

150    Il-BĊE u l-Kummissjoni jikkontestaw dawn l-argumenti.

151    Fid-deċiżjoni kkontestata, qabelxejn, il-BĊE indika li l-għan tal-irtirar ta’ awtorizzazzjoni kien li jintemm in-nuqqas ta’ osservanza tal-liġi mill-ewwel rikorrenti u li jipprevjeni danni lid-depożitanti u lill-kredituri l-oħra ta’ dan ir-rikorrent kif ukoll lis-settur bankarju nazzjonali fl-intier tiegħu li jista’ jirriżulta mit-telf tal-kwalità tal-azzjonist prinċipali tal-imsemmija rikorrenti.

152    Barra minn hekk, fir-rigward tal-karta tal-bilanċ u tad-danni li seħħew għar-reputazzjoni tal-ewwel rikorrenti, il-BĊE qies li l-bejgħ ta’ din ir-rikorrenti lil terz ma kellux possibbiltajiet realistiċi ta’ suċċess, b’mod partikolari minħabba l-assenza probabbli ħafna tagħha ta’ valur ta’ eżenzjoni.

153    F’dan ir-rigward, il-BĊE speċifika li jieħu inkunsiderazzjoni d-deterjorament tal-kapital tal-ewwel rikorrenti kif ukoll il-likwidità ta’ din tal-aħħar, marbuta mad-danni għar-reputazzjoni tagħha fid-dawl tal-kopertura medika negattiva li hija kienet suġġetta għaliha, u bbaża ruħu fuq informazzjoni, ipprovduta mill-persuna kompetenti fuq talba tal-MFSA, li tiċċertifika, essenzjalment, l-assenza ta’ vijabbiltà tal-ewwel rikorrenti.

154    Il-BĊE bbaża ruħu wkoll fuq ittra tas-sellief tal-ewwel rikorrenti li titlob, fid-dawl tal-fatti msemmija b’mod partikolari fl-att ta’ akkuża, it-tmiem antiċipat ta’ self, li kien jirrappreżenta 90 % tal-kuntratti ta’ self tal-imsemmija rikorrenti u, għaldaqstant, is-sors prinċipali tad-dħul ta’ din tal-aħħar.

155    Barra minn hekk, il-BĊE ħa inkunsiderazzjoni l-fatt li, fost l-10 % tal-kuntratti ta’ self tal-ewwel rikorrenti li baqa’, li jirrappreżentaw ħames selfiet, tliet selliefa ma baqgħux jonoraw il-pagamenti tal-kapital u tal-interessi, filwaqt li t-tnejn l-oħra kienu talbu t-tmiem antiċipat tas-self tagħhom.

156    Barra minn hekk, il-BĊE enfasizza li l-possibbiltajiet tal-ewwel rikorrenti li tirrifinanzja ruħha kienu limitati ħafna, peress li l-portafoll ta’ self tagħha kien naqas minn EUR 159 miljun f’Marzu 2017 għal EUR 66 miljun f’Marzu 2018, li hija kienet sofriet kopertura negattiva, minħabba l-akkuża ta’ A. Sadr u minħabba investigazzjoni tal-EBA fuq ksur potenzjali tal-liġi mill-awtoritajiet Maltin fis-superviżjoni tagħha, u li t-tmiem tal-maġġoranza tar-relazzjonijiet tagħha mal-banek korrispondenti kienu ġiegħluha tittrasferixxi l-fondi miżmuma ma’ dawn il-banek l-oħra lill-Bank Ċentrali ta’ Malta.

157    Sussegwentement, il-BĊE indika li mill-informazzjoni pprovduta mill-persuna kompetenti kien jirriżulta, essenzjalment, li l-kapital tal-ewwel rikorrent kien qiegħed jiddeterjora, li huwa kien imċaħħad minn sorsi ta’ finanzjament u ftit kellu perspettiva sabiex isib oħrajn ġodda u li l-likwidità tiegħu kienet għadha prekarja.

158    Fl-aħħar, wara li indika li l-miżuri adottati mill-MFSA ma setgħux jirrimedjaw is-sitwazzjoni u jirrestawraw il-vijabbiltà tal-ewwel rikorrenti, iżda wkoll li dan tal-aħħar ġarrab telf operattiv mensili, il-BĊE qies li, fir-rigward tar-riskju għad-depożitanti u l-kredituri tal-imsemmija rikorrenti, kull miżura prudenzjali oħra ekwivalenti f’terminu raġonevoli kellha titqies li ma kinitx realistika.

159    Minn dan il-BĊE kkonkluda li kien neċessarju li jirtira l-approvazzjoni tal-ewwel rikorrenti.

160    L-irtirar tal-awtorizzazzjoni tal-ewwel rikorrenti għalhekk tqies bħala proporzjonat, minħabba li din il-miżura kienet neċessarja fid-dawl tad-diffikultajiet ta’ finanzjament, tal-gravità tan-nuqqasijiet ta’ twettiq ta’ obbligu u tan-nuqqas ta’ vijabbiltà tal-imsemmija rikorrenti li rriżultat mill-fatt li l-azzjonist uniku tagħha ma kienx baqa’ jissodisfa l-kundizzjoni ta’ reputazzjoni tajba fid-dawl tal-perċezzjoni tiegħu mill-pubbliku, sabiex jiġi żgurat l-għan ta’ stabbiliment mill-ġdid tal-legalità, tiġi ggarantita l-ġestjoni soda tagħha, u jiġu limitati r-riskji għad-depożitanti u l-kredituri tagħha kif ukoll ir-riskji għas-sistema finanzjarja fi ħdan l-Unjoni u f’Malta.

161    Barra minn hekk, l-għan segwit bl-irtirar tal-approvazzjoni tal-ewwel rikorrenti tqies li ma setax jintlaħaq permezz ta’ miżuri prudenzjali oħra jew tal-bejgħ lil terzi minħabba l-ħsara għar-reputazzjoni, l-assenza ta’ valur u diffikultajiet ta’ finanzjament u l-likwidità tal-imsemmija rikorrenti.

162    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-prinċipju ta’ proporzjonalità jeżiġi, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, li l-atti tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni jkunu adatti sabiex jilħqu l-għanijiet leġittimi mfittxija mil-leġiżlazzjoni kkonċernata u ma jmorrux lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex dawn l-għanijiet jintlaħqu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑16 ta’ Ġunju 2015, Gauweiler et, C‑62/14, EU:C:2015:400, punt 67 u l-ġurisprudenza ċċitata).

163    Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-għan segwit bl-irtirar tal-approvazzjoni tal-ewwel rikorrenti, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li d-deċiżjoni kkontestata ssegwi, b’mod partikolari, l-għan leġittimu previst mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni li tiġi żgurata l-ġestjoni soda u prudenti tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu kif ukoll is-salvagwardja u s-solidità tas-sistema finanzjarja fi ħdan l-Unjoni u f’kull Stat Membru.

164    Peress li dan ma huwiex l-uniku għan segwit, l-argument tar-rikorrenti dwar in-natura allegatament astratta tal-għan ta’ stabbiliment mill-ġdid tal-legalità ma jistax jikkonfuta l-legalità tad-deċiżjoni kkontestata.

165    Fit-tieni lok, fir-rigward tal-kapaċità tad-deċiżjoni kkontestata li tiżgura t-twettiq tal-għanijiet li jikkonsistu fil-garanzija tal-ġestjoni soda u prudenti tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu kif ukoll fis-salvagwardja u s-solidità tas-sistema finanzjarja fi ħdan l-Unjoni u f’kull Stat Membru, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li l-irtirar tal-approvazzjoni ta’ istituzzjoni ta’ kreditu, sa fejn jipprekludi lil din l-istituzzjoni milli tkompli teżerċita l-attivitajiet tagħha, huwa adatt sabiex jikkontribwixxi għall-għan li jiġi evitat li l-ġestjoni ta’ din l-istituzzjoni ta’ kreditu la tkun solida u lanqas prudenti u li l-attivitajiet tagħha joħolqu riskju għas-salvagwardja u għas-solidità tas-sistema finanzjarja fi ħdan l-Unjoni u f’kull Stat Membru.

166    Fit-tielet lok, għandu għalhekk jiġi vverifikat jekk id-deċiżjoni kkontestata eċċedietx il-limiti ta’ dak li huwa neċessarju għat-twettiq ta’ dawn l-għanijiet.

167    F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti jsostnu li l-għanijiet imfittxija setgħu jintlaħqu b’mod iktar proporzjonat, minn naħa, mill-bejgħ tal-ewwel rikorrenti lil terz u, min-naħa l-oħra, minn dikjarazzjonijiet pubbliċi tal-BĊE intiżi, essenzjalment, sabiex jimminimizzaw l-effetti tal-akkuża tal-azzjonist tal-imsemmija rikorrenti.

168    Fir-rigward, l-ewwel, tal-bejgħ lil terz, il-BĊE qies li, fid-dawl tat-talbiet għall-irtirar ta’ depożiti, tat-terminazzjoni tar-relazzjonijiet bankarji korrispondenti li ġiegħlu lill-ewwel rikorrenti tittrasferixxi l-fondi tagħha miżmuma flimkien mal-Bank Ċentrali ta’ Malta, tal-assenza probabbli ħafna ta’ valur ta’ eżenzjoni u ta’ vijabbiltà, tad-deterjorazzjoni tal-kapital u tal-likwidità kif ukoll tax-xoljiment tal-kuntratti tas-selliefa prinċipali ta’ din ir-rikorrenti, il-bejgħ ta’ din tal-aħħar lil terz ma kellux possibbiltajiet realistiċi.

169    Ir-rikorrenti ma jikkontestawx l-eżistenza ta’ talbiet għall-irtirar ta’ depożiti lil-ewwel rikorrenti, iżda biss il-portata tagħhom. Huma lanqas ma jikkontestaw il-waqfien tar-relazzjonijiet bankarji korrispondenti, it-trasferiment tal-fondi tal-ewwel rikorrenti lill-Bank Ċentrali ta’ Malta u t-tluq tas-selliefa prinċipali tagħha, li kienu s-sors prinċipali tagħha ta’ finanzjament.

170    Ir-rikorrenti sempliċement jiddikjaraw li t-talbiet tal-irtirar ta’ depożiti kienu limitati ħafna u li l-ewwel rikorrenti kellha valur ta’ eżenzjoni abbażi ta’ stimi indipendenti, kienet vijabbli u kienet twettaq riżultati tajbin.

171    Madankollu, ir-rikorrenti ma jistgħux validament jallegaw li l-ewwel rikorrenti kienet vijabbli, kellha valur ta’ eżenzjoni u kienet twettaq riżultati tajbin filwaqt li jirrikonoxxu li hija kienet tilfet is-selliefa prinċipali tagħha u s-sorsi prinċipali ta’ finanzjament tagħha u li hija kellha taffaċċja talbiet għall-irtirar ta’ depożiti u għat-terminazzjoni tar-relazzjonijiet mal-banek korrispondenti li wasslu għat-trasferiment tal-fondi tagħha lill-Bank Ċentrali ta’ Malta.

172    Fir-rigward, it-tieni, tal-possibbiltà għall-BĊE li jagħmel dikjarazzjonijiet pubbliċi sabiex, essenzjalment, jimminimizza l-effetti tal-att ta’ akkuża inkwistjoni fuq l-ewwel rikorrenti, għandu jiġi kkonstatat li, fid-dawl tad-dannu għar-reputazzjoni tal-azzjonist tal-imsemmija rikorrenti u, konsegwentement, għar-reputazzjoni ta’ din tal-aħħar kif ukoll tal-importanza tad-diffikultajiet finanzjarji li kienu nqalgħu wara l-akkuża ta’ dan l-azzjonist u qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, tali dikjarazzjonijiet ma setgħux jikkostitwixxu miżura alternattiva adatta sabiex jitwettqu l-għanijiet ta’ ġestjoni soda u prudenti ta’ din ir-rikorrenti u ta’ salvagwardja tas-sistema finanzjarja fi ħdan l-Unjoni u f’kull Stat Membru.

173    Konsegwentement, il-BĊE ma jistax jiġi kkritikat b’mod validu li ma kkunsidrax dawn il-miżuri alternattivi.

174    Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, ma jistax jitqies li d-deċiżjoni kkontestata tmur lil hinn minn dak li kien neċessarju sabiex jintlaħqu l-għanijiet imfittxija.

175    Fir-raba’ lok, ir-rikorrenti jsostnu serje ta’ argumenti, ibbażati fuq żbalji ta’ liġi, fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni u fuq żball ta’ evalwazzjoni.

176    Qabelxejn, ir-rikorrenti jsostnu li d-deċiżjoni kkontestata “ma teżaminax” il-kwistjoni dwar jekk l-irtirar ta’ awtorizzazzjoni huwiex proporzjonat meta jirriżulta li bank għandu azzjonist indirett li allegatament ma għandux iktar il-kwalità meħtieġa, għaliex ġie akkużat fl-Istati Uniti.

177    Huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li l-ispjegazzjonijiet ipprovduti fid-deċiżjoni kkontestata (ara l-punti 152 sa 160 iktar ’il fuq) juru b’mod ċar u inekwivoku r-raġunament tal-BĊE u taw il-possibbiltà lir-rikorrenti li jikkonformaw ir-raġunijiet għall-irtirar tal-awtorizzazzjoni tal-ewwel rikorrenti kif ukoll lill-Qorti Ġenerali sabiex teżerċita l-istħarriġ tagħha (ara l-punti 161 sa 171 iktar ’il fuq).

178    Sussegwentement, ir-rikorrenti jsostnu li l-fatturi invokati dwar is-sitwazzjoni finanzjarja tal-ewwel rikorrenti huma infondati u mhux sostanzjati fir-rigward tal-motiv invokat, jiġifieri n-nuqqas ta’ kwalità xierqa tal-azzjonist prinċipali tagħha.

179    Dan l-argument jirriproduċi, essenzjalment, l-argument tar-rikorrenti li l-BĊE ma vverifikax jew ma pprovax li l-att ta’ akkuża tal-azzjonist tal-ewwel rikorrenti kellu effett fuq ir-reputazzjoni tajba ta’ dan l-azzjonist u li r-reputazzjoni tal-imsemmija rikorrenti setgħet tiġġustifika l-irtirar tal-awtorizzazzjoni ta’ din tal-aħħar.

180    Madankollu, kif jirriżulta mill-analiżi tat-tieni motiv kif ukoll mill-punti 160, 161 u 172 iktar ’il fuq, minħabba t-teħid inkunsiderazzjoni tal-effetti negattivi mġarrba mill-ewwel rikorrenti, il-BĊE ma jistax jiġi validament ikkritikat li ma weriex ir-rabta bejn il-kundanna inkwistjoni u d-diffikultajiet finanzjarji tal-imsemmija rikorrenti identifikati fid-deċiżjoni kkontestata li jirriżultaw mir-reputazzjoni tajba tal-azzjonist ikkonċernat u mill-perċezzjoni ta’ din ir-reputazzjoni mill-pubbliku.

181    Barra minn hekk, ir-rikorrenti jsostnu li d-deċiżjoni kkontestata ma tiħux suffiċjentement inkunsiderazzjoni d-dgħufija tal-influwenza tal-azzjonist ikkonċernat fuq il-ġestjoni tal-ewwel rikorrenti u tar-riskju li dan jirrappreżenta għal din il-ġestjoni.

182    Madankollu, kif jirriżulta mill-punti 124 sa 126 iktar ’il fuq, il-BĊE ma jistax jiġi validament ikkritikat talli ma ħax inkunsiderazzjoni n-nuqqas ta’ influwenza ta’ A. Sadr li tirriżulta mis-sospensjoni tad-drittijiet tiegħu tal-vot mill-MFSA minħabba n-natura temporanja ta’ din il-miżura.

183    Fil-fatt, fid-dawl tal-effetti negattivi konkreti diġà sostnuti mill-ewwel rikorrenti, dan l-argument ma huwiex ta’ natura li juri li l-irtirar tal-awtorizzazzjoni ma setax jitqies bħala neċessarju għas-sempliċi raġuni li l-azzjonist tal-imsemmija rikorrenti kellu influwenza dgħajfa minħabba ċ-ċaħda tad-drittijiet tal-vot tiegħu qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata.

184    Fl-aħħar, fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti li l-BĊE jikkontradixxi lilu nnifsu, peress li, fil-kawża dwar il-Gvernatur tal-Bank Ċentrali tal-Latvja li tat lok għas-sentenza tas‑26 ta’ Frar 2019, Rimšēvičs u BĊE vs Il-Latvja (C‑202/18 u C‑238/18, EU:C:2019:139), huwa sostna quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, kuntrarjament għal dak li għamel fid-deċiżjoni kkontestata, li att ta’ akkuża formali għal korruzzjoni ma kienx jiġġustifika li l-persuna akkużata mill-funzjonijiet tagħha tiġi mċaħħda mill-kariga tagħha u ma insistitx li jiġu prodotti provi konkreti ta’ din il-kawża jiġu prodotti, huwa suffiċjenti li jiġi nnotat li din il-kawża ma kellhiex l-istess suġġett bħall-kawża preżenti u ma kinitx tikkonċerna l-evalwazzjoni tar-reputazzjoni tajba u tal-kwalità ta’ azzjonarju ta’ istituzzjoni ta’ kreditu u lanqas tal-effetti tagħhom fuq tali istituzzjoni.

185    Konsegwentement, il-ħames motiv għandu jiġi miċħud.

6.      Fuq is-sitt motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità

186    Skont ir-rikorrenti, essenzjalment, id-diffikultajiet prinċipali tal-ewwel rikorrenti rriżultaw b’mod deċiżiv mill-atti tal-MFSA, b’mod partikolari mir-reazzjoni mhux xierqa ta’ din tal-aħħar għall-akkuża ta’ A. Sadr fl-Istati Uniti, kif ukoll mill-assenza ta’ intervent tal-BĊE. Huma jqisu li l-problemi ta’ reputazzjoni tal-imsemmija rikorrenti kienu prinċipalment dovuti għad-dikjarazzjonijiet pubbliċi u għar-rilaxx mill-MFSA u mill-BĊE. Għalhekk, din tal-aħħar ma għandhiex tkun tista’ tinvoka insostenn tad-deċiżjoni kkontestata l-konsegwenzi tal-aġir sanzjonabbli tagħha stess minħabba l-fatt li hija ma ssodisfatx b’mod korrett il-missjoni tagħha.

187    Il-BĊE u l-Kummissjoni jikkontestaw dawn l-argumenti.

188    F’dan ir-rigward, kif jirriżulta mill-punt 53 iktar ’il fuq, il-BĊE ma huwiex suġġett għall-obbligu li jeżerċita huwa stess is-superviżjoni diretta ta’ istituzzjoni ta’ kreditu u, konsegwentement, assenza ta’ intervent ma tistax tiġi validament attribwita lilu. Għalhekk, ma jistax jitqies li hija ma ssodisfatx il-missjoni tagħha b’mod korrett f’dan ir-rigward.

189    Għaldaqstant, il-fatt li l-BĊE ma ddeċidiex li jeżerċita huwa stess is-superviżjoni diretta tal-ewwel rikorrenti ma huwiex ta’ natura li jivvizzja d-deċiżjoni kkontestata b’illegalità.

190    Barra minn hekk, għandu jitfakkar li, kif jirriżulta mill-punti 45 sa 53 iktar ’il fuq, il-fatt li atti tal-MFSA li ma ġewx adottati fil-kuntest tal-proċedura li wasslet għall-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata huma illegali ma huwiex ta’ natura li jivvizzja l-imsemmija deċiżjoni b’illegalità sa fejn dawn ma humiex atti preparatorji għal din id-deċiżjoni.

191    Fl-aħħar, f’dak li jirrigwarda l-allegazzjoni tar-rikorrenti li tgħid li l-problemi ta’ reputazzjoni tal-ewwel rikorrenti huma prinċipalment dovuti għad-dikjarazzjonijiet pubbliċi u għar-rilaxx mill-MFSA u mill-BĊE, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li huma ma jidentifikaw ebda dikjarazzjoni jew żvelar insostenn tal-affermazzjoni tagħhom, b’tali mod li dawn il-fatti allegati u l-konsegwenzi li huma jippruvaw jisiltu minn dan ma humiex stabbiliti.

192    L-argumenti dwar ksur tal-prinċipju nemo auditur għandhom għalhekk jiġu miċħuda.

193    Konsegwentement, is-sitt motiv għandu jiġi miċħud.

7.      Fuq is-seba’ motiv, ibbażat fuq ksur tal-preżunzjoni ta’ innoċenza

194    Skont ir-rikorrenti, il-BĊE kiser id-dritt għall-preżunzjoni ta’ innoċenza tal-ewwel rikorrenti billi bbaża ruħu fuq l-att ta’ akkuża inkwistjoni mingħajr ma eżamina l-fatti relatati ma’ dan l-att u billi ma interpretahx b’mod preċiż.

195    Il-BĊE u l-Kummissjoni jikkontestaw dawn l-argumenti.

196    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-prinċipju ta’ preżunzjoni ta’ innoċenza, stabbilit fl-Artikolu 6(2) tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl‑4 ta’ Novembru 1950, u fl-Artikolu 48(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, jikkostitwixxi dritt fundamentali li jagħti lill-individwi drittijiet li l-qorti tal-Unjoni tiggarantixxi r-rispett tagħhom (ara s-sentenza tat‑2 ta’ Settembru 2009, El Morabit vs Il-Kunsill, T‑37/07 u T‑323/07, mhux ippubblikata, EU:T:2009:296, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata).

197    L-osservanza tal-preżunzjoni ta’ innoċenza teħtieġ li kull persuna akkużata bi ksur tkun preżunta innoċenti sakemm il-ħtija tagħha tiġi stabbilita legalment. Din ma tipprekludix l-adozzjoni ta’ miżuri li ma għandhomx bħala għan li jagħtu lok għal proċeduri kriminali kontra l-persuna kkonċernata (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tat‑13 ta’ Settembru 2013, Anbouba vs Il-Kunsill, T‑592/11, mhux ippubblikata, EU:T:2013:427, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata).

198    Il-prinċipju ta’ preżunzjoni tal-innoċenza għalhekk ma jipprekludix l-adozzjoni ta’ miżuri li ma jikkostitwixxux sanzjoni u ma jimplikaw ebda akkuża ta’ natura kriminali (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tal‑14 ta’ Jannar 2015, Gossio vs Il-Kunsill, T‑406/13, mhux ippubblikata, EU:T:2015:7, punt 97), kif ukoll l-adozzjoni ta’ miżuri li ma jikkostitwixxux konstatazzjoni li ġie effettivament kommess ksur (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tat‑18 ta’ Mejju 2017, Makhlouf vs Il-Kunsill, T‑410/16, mhux ippubblikata, EU:T:2017:349, punt 125 u l-ġurisprudenza ċċitata).

199    Għaldaqstant, għandu jiġi vverifikat jekk, fid-dawl ta’ dawn il-prinċipji, l-argumenti tar-rikorrenti jippermettux li jitqies li hemm ksur tal-preżunzjoni ta’ innoċenza tal-ewwel rikorrenti.

200    L-ewwel, l-assenza ta’ eżami mill-ġdid tal-fatti relatati mal-att ta’ akkuża inkwistjoni ma tippermettix li jitqies li hemm ksur tal-preżunzjoni ta’ innoċenza tal-ewwel rikorrenti.

201    Fil-fatt, il-BĊE indika b’mod ċar fid-deċiżjoni kkontestata li l-att ta’ akkuża inkwistjoni kien jinkludi allegazzjonijiet.

202    Għaldaqstant, ma jistax jitqies li d-deċiżjoni kkontestata timplika akkuża ta’ natura kriminali jew tikkostitwixxi konstatazzjoni li effettivament twettaq ksur fis-sens tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 197 u 198 iktar ’il fuq.

203    F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-fatt li l-BĊE ma eżaminax mill-ġdid il-fatti li jinsabu fl-att ta’ akkuża inkwistjoni ma huwiex ta’ natura li jistabbilixxi ksur tal-prinċipju ta’ preżunzjoni ta’ innoċenza.

204    F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li s-superviżjoni prudenzjali, li hija intiża sabiex tiżgura l-ġestjoni tajba tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u s-salvagwardja tas-solidità tas-sistema finanzjarja fi ħdan l-Unjoni u f’kull Stat Membru, issegwi għanijiet differenti mill-għanijiet tal-azzjonijiet kriminali, li huma intiżi li jissanzjonaw aġir punibbli mil-liġi.

205    Għalhekk, l-iktar fattur importanti li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni ma huwiex il-fondatezza tal-azzjonijiet li jinsabu fl-att ta’ akkuża inkwistjoni, li l-BĊE ma ħax pożizzjoni fuqu, iżda l-konsegwenzi tal-imsemmija proċeduri fuq ir-reputazzjoni tal-ewwel rikorrenti u tal-azzjonist uniku tagħha kif ukoll fuq is-solidità tas-sistema finanzjarja fi ħdan l-Unjoni u f’kull Stat Membru.

206    It-tieni, fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti li l-BĊE ma pprovax li kien effettivament twettaq ksur tal-allegati rekwiżiti prudenzjali, għandu jiġi rrilevat li dan jikkoinċidi mal-iżbalji ta’ evalwazzjoni allegati insostenn tat-tieni u tar-raba’ motiv.

207    Dawn l-argumenti għandhom jiġu miċħuda għall-istess motivi bħal dawk stabbiliti fil-punti 62 sa 134 iktar ’il fuq.

208    Konsegwentement, is-seba’ motiv għandu jiġi miċħud.

8.      Fuq it-tmien motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament

209    Ir-rikorrenti jinvokaw diskriminazzjoni li tirriżulta mill-fatt li ebda bank ieħor miżmum minn ċittadin Malti li l-azzjonisti jew id-diretturi tiegħu ġew formalment akkużati ma ġie ttrattat bl-istess mod u mill-fatt li d-deċiżjoni kkontestata ma tinkludi ebda analiżi komparattiva f’dan ir-rigward.

210    Il-BĊE u l-Kummissjoni jikkontestaw dawn l-argumenti.

211    Skont ġurisprudenza stabbilita, il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament jeżiġi li sitwazzjonijiet paragunabbli ma jiġux ittrattati b’mod differenti u li sitwazzjonijiet differenti ma jiġux trattati bl-istess mod sakemm dan ma jkunx oġġettivament iġġustifikat (sentenza tal‑15 ta’ April 2010, Gualtieri vs Il-Kummissjoni, C‑485/08 P, EU:C:2010:188, punt 70).

212    F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti sempliċement jallegaw li diversi azzjonisti u anki diretturi ta’ diversi banek ġew formalment akkużati mill-awtoritajiet mingħajr ma dan affettwa s-sitwazzjoni tagħhom, mingħajr madankollu ma jipproduċu ebda prova insostenn ta’ tali allegazzjoni. Għalhekk, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li huma ma stabbilixxewx li bank ieħor miżmum minn ċittadin Malti u li l-azzjonisti jew id-diretturi tiegħu kienu formalment akkużati b’reati kriminali finanzjarji kien ġie ttrattat b’mod differenti.

213    Barra minn hekk, mill-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament ma jirriżultax li l-BĊE huwa obbligat, sabiex jiġġustifika l-osservanza tal-imsemmi prinċipju, jinkludi fil-motivazzjoni ta’ kull waħda mid-deċiżjonijiet tiegħu ta’ natura prudenzjali analiżi komparattiva li tippreżenta, jekk ikun il-każ, stabbilimenti oħra f’sitwazzjoni simili u l-miżuri li huwa jkun iddeċieda li jadotta fil-konfront tagħhom.

214    L-argument ibbażat fuq nuqqas ta’ analiżi komparattiva fid-deċiżjoni kkontestata għandu għalhekk jiġi miċħud ukoll.

215    Konsegwentement, it-tmien motiv għandu jiġi miċħud.

9.      Fuq id-disa’ motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 19 u tal-premessa 75 tar-Regolament Nru 1024/2013 u fuq użu ħażin ta’ poter

216    Skont ir-rikorrenti, il-kronoloġija tal-adozzjoni tad-deċiżjonijiet tal-MFSA u tal-BĊE, l-allegata formulazzjoni ta’ kritika u ta’ allegazzjonijiet foloz minn parti ta’ oppożizzjoni u minn ċerti midja, iżda wkoll mill-MFSA u mill-ABE, u ċ-ċirkustanzi suspettużi tal-ħatra tal-persuna kompetenti, kif ukoll iċ-ċirkustanzi tal-kawża kollha u l-assenza ta’ ġustifikazzjoni plawżibbli fid-deċiżjoni kkontestata, jagħtu raġunijiet għall-ħsieb, essenzjalment, li l-MFSA ma eżaminatx b’mod xieraq l-akkuża ta’ A. Sadr.

217    Minn dan ir-rikorrenti jiddeduċu li x-xewqa li titqies bħala awtorità regolatorja effettiva kif ukoll l-intenzjoni li jinħoloq xogħol lukrattiv għal kumpannija ta’ konsulenza li l-persuna maħtura jkollha rabtiet magħha kienu l-motivazzjonijiet veri li fuqhom kienu bbażati l-miżuri tal-MFSA u, għaldaqstant, id-deċiżjoni kkontestata, li tirrappreżenta ksur mill-BĊE tal-obbligu ta’ indipendenza tiegħu u ta’ użu ħażin ta’ poter.

218    Il-BĊE u l-Kummissjoni jikkontestaw dawn l-argumenti.

219    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, skont l-Artikolu 19 tar-Regolament Nru 1024/2013, il-BĊE u l-awtoritajiet kompetenti nazzjonali li jaġixxu fi ħdan il-mekkaniżmu superviżorju uniku jaġixxu b’mod indipendenti fit-twettiq tal-kompiti kkonferiti lilhom mill-imsemmi regolament. Fir-rigward tal-premessa 75 ta’ dan ir-regolament, din tipprovdi li, sabiex iwettaq il-kompiti superviżorji tiegħu b’mod effikaċi, il-BĊE għandu jeżerċitahom b’indipendenza sħiħa, u b’mod partikolari indipendentement minn kull influwenza politika indebita u minn kull interferenza min-naħa tal-industrija li jistgħu jaffettwaw l-indipendenza operazzjonali tiegħu.

220    Għandu jitfakkar ukoll li att ikun ivvizzjat b’użu ħażin ta’ poter biss jekk jidher, fuq il-bażi ta’ indizji oġġettivi, rilevanti u konkordanti, li jkun ġie adottat bil-għan esklużiv, jew tal-inqas determinanti, li jilħaq skopijiet differenti minn dawk iddikjarati jew li jevita proċedura prevista speċifikament mit-Trattat sabiex tittratta ċ-ċirkustanzi tal-każ ineżami (sentenza tal‑10 ta’ Marzu 2005, Spanja vs Il-Kunsill, C‑342/03, EU:C:2005:151, punt 64).

221    Għaldaqstant, għandu jiġi vverifikat jekk l-argumenti tar-rikorrenti jippermettux li jitqies li d-deċiżjoni kkontestata ġiet adottata bi ksur tal-Artikolu 19 u tal-premessa 75 tar-Regolament Nru 1024/2013 u jekk jinkludux indizji oġġettivi, rilevanti u konkordanti li din id-deċiżjoni ttieħdet bil-għan determinanti li jintlaħqu għanijiet differenti minn dawk iddikjarati jew sabiex tiġi evitata proċedura prevista speċifikament mit-Trattat għaċ-ċirkustanzi tal-każ ineżami.

222    Qabelxejn, għandu jiġi kkonstatat li l-argumenti tar-rikorrenti jikkonċernaw esklużivament it-tfittxija tal-għanijiet differenti mill-MFSA għajr dawk imfittxija mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni. u allegat nuqqas ta’ indipendenza ta’ din l-awtorità nazzjonali u li huma jsostnu li tali fatturi huma ta’ natura li jivvizzjaw id-deċiżjoni kkontestata b’illegalità.

223    Madankollu, anki jekk jitqies li l-MFSA naqset mill-obbligu tagħha ta’ indipendenza u segwiet għanijiet oħra għajr l-għanijiet iddikjarati, minn dan ma jistax jiġi dedott li d-deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata bl-istess difetti.

224    Fil-fatt, skont l-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament Nru 1024/2013, il-BĊE biss huwa kompetenti sabiex japprova l-istituzzjonijiet ta’ kreditu u jirtira l-awtorizzazzjonijiet tagħhom.

225    Id-deċiżjonijiet tal-BĊE huma għalhekk adottati abbażi ta’ evalwazzjoni awtonoma minn dik tal-MFSA, skont iċ-ċirkustanzi rilevanti kollha, inkluż l-informazzjoni li tinsabu fid-deċiżjoni ta’ proposta tal-MFSA.

226    Peress li minn dan jirriżulta li l-BĊE ma huwiex obbligat li jsegwi d-deċiżjoni ta’ proposta tal-MFSA, l-allegati nuqqasijiet tal-MFSA ma jistgħux jikkostitwixxu nuqqas ta’ indipendenza min-naħa tal-BĊE u, għaldaqstant, ksur tal-Artikolu 19 u tal-premessa 75 tar-Regolament Nru 1024/2013.

227    Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ma jipproduċu ebda prova li tista’ turi, abbażi ta’ indizji oġġettivi, rilevanti u konkordanti, li d-deċiżjoni kkontestata ġiet adottata mill-BĊE bil-għan esklużiv, jew tal-inqas determinanti, li jintlaħqu għanijiet differenti minn dawk iddikjarati jew sabiex tiġi evitata proċedura prevista speċifikament mit-Trattat għaċ-ċirkustanzi tal-każ inkwistjoni.

228    Barra minn hekk, kif jirriżulta mill-analiżi tat-tieni motiv, id-deċiżjoni kkontestata ġiet adottata mill-BĊE bil-għan li jiġu żgurati s-salvagwardja u s-solidità tas-sistema finanzjarja fi ħdan l-Unjoni u f’kull Stat Membru.

229    Għaldaqstant, ir-rikorrenti baqgħet ma wrietx li d-deċiżjoni kkontestata kellha għanijiet differenti mill-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni rilevanti.

230    Konsegwentement, id-disa’ motiv għandu jiġi miċħud.

10.    Fuq l-għaxar motiv, ibbażat fuq ksur tad-tad-drittijiet tad-difiża u, b’mod partikolari, tad-dritt għal smigħ

231    Qabelxejn, ir-rikorrenti jiddikjaraw li d-drittijiet tad-difiża u d-dritt għal smigħ tal-ewwel rikorrenti ġew miksura, peress li din tal-aħħar ġiet imċaħħda mir-rappreżentanza legali tagħha u minn rappreżentazzjoni effettiva minħabba l-ħatra tal-persuna kompetenti, li, matul il-proċedura amministrattiva, tqieset bħala l-unika rappreżentant tal-imsemmija rikorrenti.

232    Minn dan ir-rikorrenti jiddeduċu li d-dritt għal smigħ tal-ewwel rikorrenti ma ġiex irrispettat, peress li dan ingħata lill-persuna kompetenti, minkejja li kellu jingħata lill-amministraturi tal-imsemmija rikorrenti.

233    Barra minn hekk, l-amministraturi tal-ewwel rikorrenti ma għandhomx aċċess għad-dokumenti u għas-sistemi informatiċi miżmuma mill-imsemmija rikorrenti, u lanqas għar-riżorsi finanzjarji tagħha, li jipprekludi lil din tal-aħħar milli ssostni bi provi l-allegazzjonijiet tagħha dwar il-valur tagħha u l-osservanza tar-rekwiżiti leġiżlattivi. Din ir-rikorrenti lanqas ma setgħet, u għadha ma tistax, tiffinanzja r-rappreżentanza legali tagħha.

234    Il-BĊE u l-Kummissjoni jikkontestaw dawn l-argumenti.

235    F’dan ir-rigward, fl-ewwel lok, għandu jiġi rrilevat li d-drittijiet tad-difiża, li jinkludu d-dritt għal smigħ, huma fost id-drittijiet fundamentali li jiffurmaw parti integrali mill-ordinament ġuridiku (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑23 ta’ Settembru 2015, Cerafogli vs BĊE, T‑114/13 P, EU:T:2015:678, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tal‑5 ta’ Ottubru 2016, ECDC vs CJ, T‑395/15 P, mhux ippubblikata, EU:T:2016:598, punt 53).

236    Id-dritt għal smigħ huwa llum stabbilit mhux biss fl-Artikoli 47 u 48 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, li jiggarantixxu r-rispett tad-drittijiet tad-difiża kif ukoll id-dritt għal smigħ xieraq fil-kuntest ta’ kull proċedura ġudizzjarja, iżda wkoll permezz tal-Artikolu 41 tagħha, li jiżgura d-dritt għal amministrazzjoni tajba.

237    L-Artikolu 41(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea jipprovdi għalhekk li d-dritt għal amministrazzjoni tajba jinkludi, b’mod partikolari, id-dritt ta’ kull persuna li tinstema’ qabel ma tittieħed kwalunkwe miżura individwali li taffettwaha sfavorevolment (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑5 ta’ Ottubru 2016, ECDC vs CJ, T‑395/15 P, mhux ippubblikata, EU:T:2016:598, punt 54 u l-ġurisprudenza ċċitata).

238    Ir-rispett tad-drittijiet tad-difiża jeżiġi li kull persuna li fir-rigward tagħha tkun ittieħdet deċiżjoni li tikkawżalha preġudizzju tista’ tkun f’pożizzjoni li tinvoka l-fehma tagħha fir-rigward tal-provi li jkunu ġew prodotti kontriha u li huma l-bażi tad-deċiżjoni kkontestata (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑7 ta’ Jannar 2004, Aalborg Portland et vs Il-Kummissjoni, C‑204/00 P, C‑205/00 P, C‑211/00 P, C‑213/00 P, C‑217/00 P u C‑219/00 P, EU:C:2004:6, punt 66, tad‑19 ta’ Jannar 2016, Mitsubishi Electric vs Il-Kummissjoni, T‑409/12, EU:T:2016:17, punt 38, u tat‑12 ta’ Diċembru 2006, Organisation des Modjahedines du peuple d’Iran vs Il-Kunsill, T‑228/02, EU:T:2006:384, punt 91).

239    F’dan ir-rigward, hemm lok li jittieħed inkunsiderazzjoni, fatt li barra minn hekk ir-rikorrenti ma jikkontestawx, il-fatt li l-ewwel rikorrenti rċeviet l-ittra tal-BĊE tal‑31 ta’ Awwissu 2018, li fiha huwa stedinha tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha dwar l-abbozz ta’ deċiżjoni ta’ rtirar ta’ awtorizzazzjoni, kif ukoll l-ittra tagħha tat‑13 ta’ Settembru 2018, li permezz tagħha hija tatha aċċess għall-fajl tal-proċedura amministrattiva, li għalihom hija sempliċement irrispondiet li hija kienet tikkonferma l-oppożizzjoni tagħha għad-deċiżjoni prevista.

240    Għandu wkoll jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li l-ewwel rikorrenti kellha terminu ta’ tliet ġimgħat b’kollox sabiex tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha dwar l-abbozz ta’ deċiżjoni ta’ rtirar ta’ awtorizzazzjoni.

241    F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jitqies li l-ewwel rikorrenti tqiegħdet f’pożizzjoni li tesprimi b’mod utli l-perspettiva tagħha dwar il-provi użati kontriha fid-deċiżjoni kkontestata.

242    Fit-tieni lok, fir-rigward tal-argumenti tar-rikorrenti li d-drittijiet tad-difiża tal-ewwel rikorrenti ġew miksura minħabba l-impossibbiltà, għall-amministraturi tagħha, li jirremunaw lill-avukat tagħha u li jaċċedu għar-riżorsi u għall-informazzjoni tagħha, għandu jiġi kkonstatat li dawn iċ-ċirkustanzi jirriżultaw esklużivament mill-indikazzjoni tal-persuna kompetenti, ikkunsidrata matul il-proċedura amministrattiva bħala l-unika rappreżentant tal-imsemmija rikorrenti, li taqa’ taħt il-kompetenza esklużiva tal-MFSA skont id-dritt Malti.

243    Kif jirriżulta mill-punti 45 u 46 iktar ’il fuq, tali deċiżjoni nazzjonali ta’ nomina ta’ persuna kompetenti ma tikkostitwixxix att, adottat minn awtorità kompetenti nazzjonali, ta’ inizjattiva, ta’ preparazzjoni jew ta’ proposta mhux vinkolanti tad-deċiżjoni kkontestata u għalhekk ma hijiex ta’ natura, fi kwalunkwe każ, li tivvizzja din id-deċiżjoni b’illegalità (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2018, Berlusconi u Fininvest, C‑219/17, EU:C:2018:1023, punt 44).

244    Fi kwalunkwe każ, fir-rigward ta’ deċiżjoni prevista mid-dritt Malti u li taqa’ taħt il-kompetenza tal-MFSA, il-BĊE ma jistax jinżamm responsabbli għall-konsegwenzi li tat lok għalihom tali deċiżjoni.

245    Fil-fatt, l-obbligu li jiġi rrispettat id-dritt għal smigħ tad-destinatarji tad-deċiżjonijiet tagħha ma jimplikax, għal istituzzjoni, l-obbligu li tiżgura ruħha u li tippermetti li, skont id-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali, dawn id-destinatarji jkollhom il-possibbiltà li jirremuneraw avukat u li jkollhom aċċess għar-riżorsi tagħhom sabiex ikunu jistgħu jeżerċitaw id-dritt tagħhom għal smigħ.

246    Li kieku dan ma kienx il-każ, dan ikun ifisser li d-deċiżjonijiet tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni jistgħu jkunu vvizzjati b’illegalità għal raġunijiet marbuta mal-applikazzjoni ta’ regoli tad-dritt nazzjonali, li ma jaqgħux taħt il-kompetenza tagħhom, u li fuqha huma ma għandhom ebda kontroll.

247    Il-BĊE lanqas ma jista’ jiġi kkritikat b’mod validu li, skont is-setgħa ġenerali tiegħu li jagħti istruzzjonijiet lill-awtoritajiet kompetenti nazzjonali fil-kuntest tal-mekkaniżmu superviżorju uniku, ma pprekludiex lill-MFSA milli tadotta d-deċiżjoni, intiża sabiex tiżgura l-osservanza tar-regoli prudenzjali, ta’ ħatra ta’ persuna kompetenti, bl-uniku għan li l-amministraturi tal-ewwel rikorrenti jkunu jistgħu jiddisponu mill-fondi tagħha sabiex jirremuneraw il-bord tagħhom u li jkollhom aċċess għal dokumenti u għal informazzjoni intiża sabiex tippermettilhom jeżerċitaw id-dritt tagħhom li jkunu jistgħu jeżerċitaw id-dritt tagħhom.

248    Fil-fatt, minn naħa, il-BĊE ma huwa marbut b’ebda obbligu f’dan ir-rigward, lil hinn mill-obbligu li jirċievi l-osservazzjonijiet tad-destinatarji tad-deċiżjonijiet tiegħu, u, min-naħa l-oħra, jekk dan ikun il-każ, it-twettiq tal-għanijiet tar-regoli ta’ superviżjoni prudenzjali nazzjonali u tal-Unjoni jkun kompromess.

249    Konsegwentement, iċ-ċirkustanzi mressqa mir-rikorrenti, anki jekk jitqiesu li huma stabbiliti, ma humiex ta’ natura li jivvizzjaw id-deċiżjoni kkontestata b’illegalità.

250    F’tali ċirkustanzi, huma r-rikorrenti li għandhom jikkontestaw il-legalità tal-ħatra tal-persuna kompetenti fil-livell nazzjonali u, jekk ikun il-każ, tad-deċiżjonijiet ta’ din il-persuna li rrifjutat li tilqa’ t-talbiet tagħhom għal fondi intiżi sabiex jirremuneraw l-avukat tagħhom jew it-talbiet tagħhom għal aċċess għal riżorsi jew għal informazzjoni, jekk ikun hemm bżonn, billi jressqu talba għal deċiżjoni preliminari sabiex jitolbu lill-Qorti tal-Ġustizzja tevalwa jekk id-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari d-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva, jipprekludix tali deċiżjonijiet jew il-ħatra ta’ persuna kompetenti.

251    L-ewwel rikorrenti setgħet ukoll, bil-kundizzjoni li tissodisfa l-kundizzjonijiet mitluba, titlob l-aċċess għal dokumenti jew għal informazzjoni mingħand il-BĊE, iżda wkoll titlob għajnuna legali min-naħa tal-Qorti Ġenerali jew talba għal miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura intiża sabiex jinkisbu dokumenti utli.

252    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat ukoll li, minkejja diversi talbiet għall-posponiment tat-termini jew għas-seduta u talbiet għal sospensjoni matul din il-proċedura, ir-rikorrenti ma semmewx quddiem il-Qorti Ġenerali provi li juru li l-ewwel rikorrenti kienet ħadet passi, matul din il-proċedura, quddiem il-MFSA jew quddiem il-qrati Maltin sabiex tippermetti lill-konsulent tagħha jikseb l-aċċess għal riżorsi jew għal dokumenti.

253    Konsegwentement, l-għaxar motiv għandu jiġi miċħud.

11.    Fuq il-ħdax-il motiv, ibbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni

254    Skont ir-rikorrenti, id-deċiżjoni kkontestata ġiet adottata bi ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni minħabba n-natura superfiċjali u vaga tar-raġunament tagħha, li ma jippermettix li jiġi ddeterminat jekk dan kienx iġġustifikat, li tiġi evalwata l-gravità tal-aġir allegatament oġġezzjonabbli li ta lok għall-akkuża ta’ A. Sadr fl-Istati Uniti u li jiġi vverifikat jekk l-imsemmi aġir kienx kundannabbli mill-perspettiva tad-dritt tal-Unjoni.

255    Il-BĊE u l-Kummissjoni jikkontestaw dawn l-argumenti.

256    Għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, l-obbligu ta’ motivazzjoni ta’ att li jikkawża preġudizzju, li jikkostitwixxi korollarju tal-prinċipju ta’ rispett tad-drittijiet tad-difiża, għandu l-għan, minn naħa, li jipprovdi lill-persuna kkonċernata b’indikazzjoni suffiċjenti sabiex tkun taf jekk l-att huwiex fondat jew jekk jistax ikun ivvizzjat b’difett li jippermetti li tiġi kkontestata l-validità tiegħu quddiem il-qorti tal-Unjoni u, min-naħa l-oħra, li jippermetti lil din tal-aħħar teżerċita l-istħarriġ tagħha dwar il-legalità ta’ dan l-att (sentenzi tat‑28 ta’ Ġunju 2005, Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni, C‑189/02 P, C‑202/02 P, C‑205/02 P sa C‑208/02 P u C‑213/02 P, EU:C:2005:408, punt 462; tad‑29 ta’ Settembru 2011, Elf Aquitaine vs Il-Kummissjoni, C‑521/09 P, EU:C:2011:620, punt 148, u tas‑6 ta’ Settembru 2013, Iran Insurance vs Il-Kunsill, T‑12/11, mhux ippubblikata, EU:T:2013:401, punt 70).

257    Il-motivazzjoni meħtieġa mill-Artikolu 296 TFUE għandha turi b’mod ċar u inekwivoku r-raġunament segwit mill-istituzzjoni, li tkun adottat l-att, b’mod li tippermetti lill-persuni kkonċernati jkunu jafu l-ġustifikazzjoni tal-miżura adottata u lill-qorti kompetenti teżerċita l-istħarriġ tagħha (ara sentenza tal‑15 ta’ Novembru 2012, Al‑Aqsa vs Il-Kunsill u Il-Pajjiżi l-Baxxi vs Al‑Aqsa, C‑539/10 P u C‑550/10 P, EU:C:2012:711, punt 138 u l-ġurisprudenza ċċitata).

258    Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, għalkemm il-motivazzjoni ta’ att tal-Unjoni, meħtieġa mit-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE, għandha turi b’mod ċar u inekwivoku r-raġunament tal-awtur tal-att inkwistjoni b’mod li tippermetti lill-persuni kkonċernati jkunu jafu bil-ġustifikazzjonijiet tal-miżura meħuda u lill-Qorti tal-Ġustizzja teżerċita l-istħarriġ tagħha, ma huwiex madankollu meħtieġ li din tispeċifika l-punti ta’ liġi jew ta’ fatt rilevanti kollha (sentenzi tad‑19 ta’ Novembru 2013, Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill, C‑63/12, EU:C:2013:752, punt 98, u tas‑16 ta’ Ġunju 2015, Gauweiler et, C‑62/14, EU:C:2015:400, punt 70).

259    Fl-ewwel lok, għandu jiġi kkonstatat li d-deċiżjoni kkontestata turi b’mod ċar u inekwivoku r-raġunament tal-BĊE, b’tali mod li l-motivazzjoni tagħha tippermetti lill-ewwel rikorrenti li ssir taf il-ġustifikazzjonijiet tal-miżuri meħuda u lill-qorti kompetenti teżerċita l-istħarriġ tagħha.

260    Fil-fatt, mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta b’mod ċar li din kienet immotivata mill-akkuża ta’ A. Sadr fl-Istati Uniti għal ksur ta’ natura finanzjarja u l-effett negattiv ta’ dan l-abbuż fuq ir-reputazzjoni tiegħu u s-sitwazzjoni finanzjarja tal-ewwel rikorrenti, li kienu jikkonfutaw l-għan li tiġi ggarantita ġestjoni soda u prudenti ta’ din l-istituzzjoni ta’ kreditu.

261    Jidher ukoll ċar li l-irtirar tal-awtorizzazzjoni tal-ewwel rikorrent tqies bħala proporzjonat, abbażi tal-fatt li din il-miżura kienet neċessarja, fid-dawl tad-diffikultajiet ta’ finanzjament, tal-gravità tan-nuqqasijiet ta’ twettiq ta’ obbligu u tan-nuqqas ta’ vijabbiltà tal-bank li rriżulta mill-akkuża tal-azzjonist tiegħu u mill-ħsara għar-reputazzjoni tiegħu, sabiex jiġi żgurat l-għan ta’ stabbiliment mill-ġdid tal-legalità, tiġi ggarantita l-ġestjoni soda tiegħu u jiġu limitati r-riskji għad-depożitanti u għall-kredituri tiegħu kif ukoll ir-riskji għas-suq bankarju Malti u Ewropew.

262    Barra minn hekk, l-għan imfittex minn dan l-irtirar tqies li ma setax jintlaħaq permezz ta’ miżuri prudenzjali oħra jew mill-bejgħ tal-ewwel rikorrenti lil terzi minħabba l-preġudizzju għar-reputazzjoni tagħha, l-assenza ta’ valur tagħha u d-diffikultajiet ta’ finanzjament u ta’ likwidità tagħha.

263    F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-argument tar-rikorrenti li n-natura superfiċjali u vaga tar-raġunament li jinsab fid-deċiżjoni kkontestata ma jippermettix li jiġi ddeterminat jekk dan kienx iġġustifikat għandu jiġi miċħud.

264    Fit-tieni lok, ir-rikorrenti jsostnu li l-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata ma tippermettix li tiġi evalwata l-gravità tal-aġir allegatament oġġezzjonabbli li ta lok għall-akkuża ta’ A. Sadr fl-Istati Uniti u li jiġi vverifikat jekk l-imsemmi aġir kienx oġġezzjonabbli.

265    Madankollu, huwa ppreċiżat fid-deċiżjoni kkontestata li l-att ta’ akkuża inkwistjoni jikkonċerna ksur finanzjarju, identifikat, li jitqies li huwa ta’ natura li jqajjem dubji serji fir-rigward tal-integrità tiegħu bħala azzjonist tal-ewwel rikorrenti.

266    Barra minn hekk, id-deċiżjoni kkontestata tinkludi riferiment għal links lejn siti tal-internet uffiċjali fejn tista’ ssir konsultazzjoni tal-att ta’ akkuża ta’ A. Sadr fl-Istati Uniti u tal-istqarrija għall-istampa ppubblikata f’din l-okkażjoni.

267    Peress li l-akkużi li wasslu għall-akkuża ta’ A. Sadr fl-Istati Uniti huma identifikati fid-deċiżjoni kkontestata u peress li din tirreferi għall-att ta’ akkuża inkwistjoni, ma jistax jitqies li l-motivazzjoni tal-imsemmija deċiżjoni ma tippermettix li tiġi evalwata l-gravità tal-aġir allegatament kundannabbli li ta lok għall-imsemmija akkuża, kuntrarjament għal dak li jsostnu r-rikorrenti.

268    L-argumenti tar-rikorrenti fir-rigward tal-impossibbiltà li tiġi evalwata l-gravità tal-aġir allegatament kundannabbli li ta lok għall-akkuża ta’ A. Sadr fl-Istati Uniti u li jiġi vverifikat jekk l-imsemmi aġir kienx kundannabbli għalhekk ma jistgħux jintlaqgħu.

269    Konsegwentement, il-ħdax-il motiv għandu jiġi miċħud.

IV.    Fuq it-talbiet għal sospensjoni, għal miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura u għal miżuri istruttorji tar-rikorrenti

270    Fl-ewwel lok, permezz ta’ ittra tal‑25 ta’ Frar 2021, ir-rikorrenti ressqu talba għal miżura ta’ organizzazzjoni, ta’ istruttorja u ta’ perizja intiża li jiġi stabbilit li, matul il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali, l-allegazzjonijiet kontra A. Sadr huma s-suġġett ta’ sitwazzjoni fejn ma kienx hemm lok li tingħata deċiżjoni fl-Istati Uniti.

271    Il-BĊE u l-Kummissjoni ppreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom dwar din it-talba.

272    Għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, il-legalità ta’ att tal-Unjoni għandha tiġi evalwata skont il-punti ta’ fatt u ta’ liġi li kienu jeżistu fid-data li fiha dan l-att ġie adottat (ara s-sentenza tal‑11 ta’ Mejju 2017, L-Isvezja vs Il-Kummissjoni, C‑562/14 P, EU:C:2017:356, punt 63 u l-ġurisprudenza ċċitata), b’tali mod li atti sussegwenti għall-adozzjoni ta’ deċiżjoni ma jistgħux jaffettwaw il-validità tagħha (sentenza tas‑17 ta’ Ottubru 2019, Alcogroup u Alcodis vs Il-Kummissjoni, C‑403/18 P, EU:C:2019:870, punti 45 u 46).

273    Peress li l-irtirar tal-akkużi kontra A. Sadr seħħ wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, l-imsemmi rtirar ma kienx, skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 272 iktar ’il fuq, ta’ natura li jaffettwa l-legalità tiegħu, b’tali mod li ma hemmx lok li tintlaqa’ t-talba tar-rikorrenti.

274    Fit-tieni lok, permezz ta’ ittra tal‑21 ta’ Mejju 2021, ir-rikorrenti ressqu talba għal miżura ta’ organizzazzjoni u għal istruzzjoni intiża li tippermettilhom jieħdu pożizzjoni dwar il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Hogan fil-kawża Bank Melli Iran (C‑124/20, EU:C:2021:386), li jikkonċernaw l-interpretazzjoni tar-Regolament Nru 2271/96 kif emendat l-aħħar bir-Regolament ta’ Delega 2018/1100.

275    Il-BĊE u l-Kummissjoni ppreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom dwar din it-talba.

276    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, għar-raġunijiet esposti fil-punt 120 iktar ’il fuq, ir-Regolament Nru 2271/96 ma huwiex rilevanti għal dan ir-rikors.

277    Fil-fatt, il-BĊE ma rrikonoxxiex jew ma rrendiex eżekuttiva deċiżjoni ta’ sanzjoni fis-sens tar-Regolament Nru 2271/96, peress li huwa evalwa r-reputazzjoni tal-azzjonist ikkonċernat kif ipperċepit mis-suq u l-atturi kkonċernati rreaġixxew għall-akkuża mingħajr ma ħadu inkunsiderazzjoni l-mertu tagħha skont id-dritt tal-Istat terz ikkonċernat jew id-dritt tal-Unjoni.

278    Għaldaqstant, ma hemmx lok li tintlaqa’ t-talba tar-rikorrenti.

279    Fit-tielet lok, f’ittra tal‑21 ta’ Frar 2021, ir-rikorrenti talbu sospensjoni tal-proċedura sabiex “jagħtu lill-BĊE u lill-MFSA l-possibbiltà li jikkonformaw ruħhom mal-ġurisprudenza ġdida Maltija li tikkonferma li l-aċċess għall-bank huwa kundizzjoni preliminari għal rappreżentanza effettiva”.

280    Il-BĊE u l-Kummissjoni nstemgħu fuq din it-talba.

281    Peress li, kif ġie indikat fil-punti 245 u 246 iktar ’il fuq, il-BĊE ma huwa marbut b’ebda obbligu li jikkonforma mal-ġurisprudenza Maltija u peress li l-ewwel rikorrenti ma rreferiet għal ebda rappreżentazzjonijiet quddiem il-MFSA jew il-qrati Maltin, is-sospensjoni ta’ din il-proċedura ma tistax titqies li hija meħtieġa mill-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja fis-sens tal-Artikolu 69(d) tar-Regoli tal-Proċedura.

282    Għaldaqstant, ma hemmx lok li tintlaqa’ din it-talba tar-rikorrenti.

283    Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal, ir-rikors għandu jiġi miċħud kollu kemm hu.

V.      Fuq l-ispejjeż

284    Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li r-rikorrenti tilfu, hemm lok li jiġu ordnati jbatu l-ispejjeż tal-BĊE, kif mitlub minn dan tal-aħħar.

285    Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura, l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet li jintervjenu fil-kawża għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom. Għaldaqstant, il-Kummissjoni għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Id-Disa’ Awla Estiża)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Pilatus Bank plc u Pilatus Holding Ltd. huma kkundannati jbatu, minbarra l-ispejjeż rispettivi tagħhom, dawk sostnuti mill-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE).

3)      Il-Kummissjoni għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha.

Van der Woude

Costeira

Kancheva

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit-2 ta’ Frar 2022.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.