Language of document : ECLI:EU:T:2014:832

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla)

26 ta’ Settembru 2014 (*)

“Kuntratti pubbliċi għal servizzi — Proċedura ta’ sejħa għal offerti — Provvista ta’ servizzi ta’ trasport bl-ajru mhux regolari ta’ passiġġieri u kiri ta’ ajruplani użati bħala taxi — Ċaħda tal-kandidatura — Artikolu 94(b) tar-regolament finanzjarju — Drittijiet tad-difiża — Artikolu 134(5) tal-modalitajiet ta’ eżekuzzjoni tar-regolament finanzjarju — Rikors għal annullament — Ittra li tirrispondi għal talba tar-rikorrenti — Att li ma jistax jiġi kkontestat — Deċiżjoni ta’ attribuzzjoni — Nuqqas ta’ interess dirett — Inammissibbiltà — Responsabbiltà mhux kuntrattwali”

Fil-Kawżi magħquda T‑91/12 u T‑280/12,

Flying Holding NV, stabbilita f’Wilrijk (il-Belġju),

Flying Group Lux SA, stabbilita fil-Lussemburgu (il-Lussemburgu),

Flying Service NV, stabbilita f’Deurne (il-Belġju),

irrappreżentati minn C. Doutrelepont u V. Chapoulaud, avukati,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, inizjalment irrappreżentata minn S. Delaude u D. Calciu, sussegwentement minn S. Delaude, bħala aġenti, assistiti minn V. Vanden Acker, avukat,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett, minn naħa, talba għall-annullament tad-deċiżjonijiet inklużi fl-ittri tal-Kummissjoni tal-15 ta’ Diċembru 2011 u tas-17 ta’ Jannar 2012 li jiċħdu l-kandidatura ppreżentata mir-rikorrenti fil-kuntest ta’ proċedura ta’ sejħa għal offerti ristretta dwar il-provvista ta’ servizzi ta’ trasport bl-ajru mhux regolari ta’ passiġġieri u l-kiri ta’ ajrupjali użati bħala taxi (ĠU 2011/S 192-312059) kif ukoll tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-28 ta’ Frar 2012 li tattribwixxi l-kuntratt lil kumpannija oħra u, min-naħa l-oħra, talba għad-danni,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla),

komposta minn M. E. Martins Ribeiro, President, S. Gervasoni (Relatur) u L. Madise, Imħallfin,

Reġistratur: S. Spyropoulos, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-28 ta’ Frar 2014,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Permezz ta’ avviż ta’ kuntratt tas-6 ta’ Ottubru 2011, ippubblikat fis-Suppliment ta’ Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2011/S 192-312059), il-Kummissjoni Ewropea ħabbret is-sejħa għal offerti PMO2/PR/2011/103 dwar il-konklużjoni ta’ ftehim-qafas intitolat “Provvista ta’ servizzi ta’ trasport bl-ajru mhux regolari ta’ passiġġieri, kiri ta’ ajruplani użati bħala taxi”. L-għan ta’ din is-sejħa għal offerti kien l-għażla ta’ fornitur ta’ servizzi ta’ trasport bl-ajru mhux regolari, inkarigat li jikri ajruplani użati bħala taxi u li jiżgura t-trasport tal-president u ta’ membri oħra tal-Kummissjoni, tal-Presidenza tal-Parlament Ewropew, tal-Presidenza tal-Kunsill Ewropew, tar-rappreżentant għoli tal-Unjoni għall-affarijiet barranin u l-politika ta’ sigurtà, kif ukoll persuni li jakkumpanjawhom, prinċipalment fit-territorju tal-Unjoni Ewropea.

2        Il-proċedura prevista mill-avviż għall-għoti ta’ kuntratt inkwistjoni kienet proċedura ristretta rregolata mill-Artikolu 91(1)(b) tar-Regolament tal-Kunsill (KE, EURATOM) Nru 1605/25, tal-25 ta’ Ġunju 2002, rigward ir-Regolament Finanazjarju applikabbli ghall-bagit generali tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 4, p. 74), kif emendat (iktar ʼil quddiem ir-“regolament finanzjarju”), u mill-Artikolu 122(2) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE, EURATOM) Nru 2342/2002, tat-23 ta’ Diċembru 2002, li jippreskrivi regoli ddettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 fuq ir-Regolamenti Finanzjaru li jgħodd għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 4, p. 145), kif emendat (iktar ʼil quddiem il-“modalitajiet ta’ eżekuzzjoni”). Din il-proċedura ġiet organizzata f’żewġ fażijiet. L-ewwel fażi tikkonsisti fil-verifika tal-assenza ta’ kriterji ta’ esklużjoni previsti fl-Artikoli 93 u 94 tar-regolament finanzjarju kif ukoll tal-osservanza tal-kriterji ta’ selezzjoni previsti mill-avviż tal-kuntratt. Kull operatur ekonomiku interessat jista’ jipparteċipa f’din il-fażi tal-proċedura. Fit-tieni fażi, huma biss il-kandidati li jissodisfaw il-kriterji ta’ selezzjoni u li ma jaqgħux taħt wieħed mill-każijiet ta’ esklużjoni li jiġu mistiedna jippreżentaw offerta u għandhom jissottomettu, għal dan l-għan, l-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt.

3        Id-dokumenti u l-informazzjoni li għandhom jiġu trażmessi mill-kandidati fl-ewwel fażi sabiex jikkonfermaw il-kapaċità teknika tagħhom huma deskritti fil-punt III.2.3 tal-avviż tal-kuntratt, li huwa redatt kif ġej:

“Informazzjoni u formalitajiet neċessarji sabiex jiġi evalwat jekk ġewx sodisfatti dawn ir-rekwiżiti:

[...]

* Is-sigurtà u s-sikurezza:

taħt piena ta’ ċaħda tal-kandidatura, il-kandidat għandu jipprovdi:

–        kopja ta’ parti A ‘Ġeneralitajiet’ tal-manwal tal-operat tal-kumpannija,

–        id-deskrizzjoni tal-ERP (pjan ta’ intervent ta’ urġenza), tal-programm ta’ sigurtà tat-titjiriet u tal-programm tagħha ta’ sikurezza,

–        id-dettalji sħaħ tal-organu jew organi responsabbli għan- navigabbiltà u l-manutenzjoni tal-ajruplani.

Għall-perijodu ta’ bejn l-1.1.2007 sad-data tal-pubblikazzjoni ta’ dan l-avviż tal-kuntratt:

–        għall-ajruplani kollha li qegħdin jintużaw, il-lista eżawrjenti ta’ aċċidenti i[u] inċidenti gravi li ġraw, ir-rapporti korrispondenti li jirriżultaw mill-awtoritajiet kompetenti u l-konklużjonijiet disponibbli fir-rigward tal-kawża probabbli tagħhom,

–        ir-rapporti tal-awditu annwali ta’ sigurtà u ta’ sikurezza tal-awtoritajiet kompetenti (obbligator[j]u) jew ta’ terzi (fakultattiv), kif ukoll sinteżi tal-konstatazzjonijiet u tas-segwiti ta’ dawn tal-aħħar,

–        l-ink[l]użjoni tal-ispezzjonijiet kollha mwettqa skont id-Direttiva 2004/36/KE (SAFA).

[...]”

4        Fis-7 ta’ Novembru 2011, Flying Holding NV ippreżentat, f’isem iż-żewġ sussidjarji tagħha, Flying Group Lux SA u Flying Service NV (iktar ʼil quddiem, meħuda flimkien, ir-“rikorrenti”), talba għal parteċipazzjoni fil-proċedura ristretta inkwistjoni.

5        Fit-18 ta’ Novembru 2011, il-Kummissjoni talbet lir-rikorrenti sabiex jipprovdulha informazzjoni addizzjonali b’mod partikolari dwar il-kapaċitajiet tekniċi tagħhom. Ir-rikorrenti rrispondew lill-Kummissjoni fit-28 ta’ Novembru 2011, billi kkomunikawlha diversi dokumenti.

6        Fit-2 ta’ Diċembru 2011, il-Kummissjoni talbet informazzjoni addizzjonali ġdida mingħand ir-rikorrenti, filwaqt li fakkrithom li l-avviż tal-kuntratt kien jitlob li huma jipprovdu, taħt piena ta’ ċaħda tal-kandidatura tagħhom, id-dettalji sħaħ tal-organi jew organi responsabbli għall-manutenzjoni tal-ajruplani u, fir-rigward ta’ Flying Group Lux, id-deskrizzjoni tal-ERP tagħha (pjan ta’ intervent ta’ urġenza) u r-rapporti tal-awditu annwali tas-sigurtà u tas-sikurezza.

7        Ir-rikorrenti bagħtu dokumenti ġodda lill-Kummissjoni fis-6 ta’ Diċembru 2011, fejn speċifikaw li huma pprovdew biss ir-rapport tal-awditu annwali ta’ sigurtà u ta’ sikurezza għall-2011, peress li Flying Group Lux inħolqot fl-aħħar tal-2008 u ma kien ġie prodott l-ebda rapport tal-awditu annwali ta’ sigurtà u ta’ sikurezza mill-awtoritajiet tal-avjazzjoni ċivili Lussemburgiża għall-2009 u l-2010.

8        Permezz ta’ ittra tat-12 ta’ Diċembru 2011 mibgħuta lill-Kummissjoni b’risposta għall-ittra elettronika tagħha tat-8 ta’ Diċembru 2011, id-Direttorat tal-avjazzjoni ċivili Lussemburgiż indika li huwa ra diversi awditi ta’ Flying Group Lux, fosthom diversi awditi ġenerali, bil-għan li joħroġ il-liċenzja ta’ trasportatur bl-ajru (Air Officer’s Certification, iktar ʼil quddiem “AOC”) u li jġedded din il-liċenzja, fl-2009, 2010 u 2011.

9        Fil-15 ta’ Diċembru 2011, il-Kummissjoni informat lir-rikorrenti biċ-ċaħda tat-talba tagħhom għal parteċipazzjoni fil-proċedura ristretta. Hija qieset li l-fajl ta’ kandidatura ma kienx “eżatt, ġenwin u sħiħ”. Fil-fatt, ir-rikorrenti ma kinux ipproduċew id-dokumenti kollha mitluba mill-avviż tal-kuntratt taħt l-intestatura “Sigurtà u sikurezza”, meta l-Kummissjoni kienet ġiet informata biż-żamma ta’ awditi ta’ sigurtà u ta’ sikurezza fir-rigward ta’ Flying Group Lux fl-2009 u fl-2010. Ġie indikat ukoll li l-kumitat ta’ evalwazzjoni ddeċieda li jiċħad il-kandidatura tar-rikorrenti skont l-Artikolu 94(b) tar-regolament finanzjarju, li jipprevedi li jiġu esklużi mill-attribuzzjoni ta’ kuntratt il-kandidati li, fl-okkażjoni tal-proċedura tal-għoti ta’ dan il-kuntratt, ikunu responsabbli għal dikjarazzjonijiet foloz fl-għoti tal-informazzjoni mitluba mill-awtorità kontraenti għall-parteċipazzjoni tagħhom fil-kuntratt, jew ma jkunux ipprovdew din l-informazzjoni.

10      Permezz ta’ ittra tal-20 ta’ Diċembru 2011 mibgħuta lill-Kummissjoni, ir-rikorrenti spjegaw li l-assenza tal-provvista tar-rapporti mitluba għas-snin 2009 u 2010 kienet tirriżulta mill-fatt li huma kienu fehmu li l-avviż tal-kuntratt kien jirreferi għal awditi speċifiċi ta’ sigurtà u ta’ sikurezza u mhux għal awditi ġenerali li jinkludu parti relatata mas-sigurtà u mas-sikurezza, li f’dan il-każ ġew stabbiliti biss mill-awtoritajiet tal-avjazzjoni ċivili Lussemburgiża. Barra minn hekk, huma invokaw l-implementazzjoni ta’ database ġdida mill-bidu tas-sena 2011, li fiha ma ddaħħlitx l-informazzjoni relatata mas-snin 2009 u 2010, bil-konsegwenza li ngħatat l-impressjoni li dawn ma kinux jeżistu. Fl-aħħar nett, huma pprovdew ir-rapporti tal-awditu ġenerali “pre-AOC” għas-sena 2009, “AOC Continuous Oversight Audit” (awditu ta’ sorveljanza kontinwa ta’ AOC) għas-sena 2010 u “Sorveljanza kontinwa ta’ AOC” għas-sena 2011.

11      Fis-17 ta’ Jannar 2012, il-Kummissjoni kkonfermat id-deċiżjoni tagħha li tiċħad il-kandidatura tar-rikorrenti. Fil-fatt, hija qieset li ma kienet teżisti l-ebda ambigwità dwar id-dokumenti li kellhom jiġu prodotti.

12      Fit-18 ta’ Jannar 2012, ir-rikorrenti informaw lill-Kummissjoni bl-intenzjoni tagħhom li jikkontestaw din id-deċiżjoni quddiem il-Qorti Ġenerali u ħabbru l-produzzjoni “fil-jiem li ġejjin” tal-prova li r-rapporti mitluba għal Flying Group Lux ma kinux disponibbli, peress li ma kinux ġew stabbiliti mill-awtorità kompetenti, id-Direttorat tal-avjazzjoni ċivili Lussemburgiż.

13      Fil-25 ta’ Jannar 2012, id-Direttorat tal-avjazzjoni ċivili Lussemburgiż kiteb lil Flying Group Lux dan li ġej:

“[Id-Direttorat tal-avjazzjoni ċivili Lussemburgiż] jispjega li l-awditi ġenerali pre-AOC kif ukoll l-awditi ta’ tiġdid tal-AOC kienu jinkludu l-partijiet ‘Quality system, flight safety management u security (s)’. Barra minn hekk, mis-sena 2012, id-Direttorat tal-avjazzjoni ċivili [Lussemburgiż] ser iwettaq ukoll awditi iktar speċjalizzati fosthom awditi mmirati lejn is-sigurtà kif maqbula skont programm annwali ta’ awditi u ta’ spezzjonijiet bejn l-awtorità u l-operaturi.”

14      Id-Direttorat tal-avjazzjoni ċivili Lussemburgiż bagħat, fl-istess jum, ittra bl-istess kontenut lill-Kummissjoni fejn żied li huwa kien speċifika lil Flying Group Lux, permezz ta’ ittra tat-12 ta’ Frar 2010, li kopja tagħha kienet annessa, il-kamp ta’ kopertura tal-awditi mwettqa.

15      Wara l-ewwel fażi tal-proċedura ristretta, kandidat wieħed biss, Abelag Aviation NV, ġie mistieden jissottometti offerta. Wara analiżi ta’ din l-offerta, dan ingħata l-kuntratt fit-28 ta’ Frar 2012. L-avviż tal-attribuzzjoni ġie ppubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali tat-28 ta’ April 2012 (ĠU S 83-135396, p. 101).

 Proċedura u t-talbiet tal-partijiet

16      Permezz ta’ atti ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali, fit-23 ta’ Frar u fit-28 ta’ Ġunju 2012 rispettivament, ir-rikorrenti ressqu dawn ir-rikorsi.

17      Il-kawżi T-91/12 u T-280/12 ġew magħquda għall-finijiet tal-proċedura orali u tas-sentenza permezz ta’ digriet tal-President tat-Tmien Awla tal-4 ta’ Settembru 2012.

18      Peress illi kien hemm bidla fil-kompożizzjoni tal-Awli tal-Qorti Ġenerali u l-Imħallef Relatur ġie assenjat lit-Tieni Awla, din il-kawża ġiet għalhekk assenjata lil din l-awla.

19      Fuq rapport tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali (It-Tieni Awla) iddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali u, fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, stiednet lill-partijiet jirrispondu għal ċerti mistoqsijiet oralment waqt is-seduta.

20      Il-partijiet instemgħu fis-sottomissjonijiet orali kif ukoll fit-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet bil-miktub u orali magħmula mill-Qorti Ġenerali fis-seduta tat-28 ta’ Frar 2014.

21      Fil-Kawża T‑91/12, ir-rikorrenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjonijiet inklużi fl-ittri tal-Kummissjoni tal-15 ta’ Diċembru 2011 u tas-17 ta’ Jannar 2012 li tiċħad il-kandidatura tagħhom fil-kuntest tal-proċedura ta’ sejħa għal offerti ristretta li tikkonċerna l-kuntratt inkwistjoni;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

22      F’din il-kawża, il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

23      Fil-Kawża T‑280/12, ir-rikorrenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-28 ta’ Frar 2012 li tattribwixxi l-kuntratt inkwistjoni lil kumpannija oħra;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni tikkumpensahom għad-dannu subit fl-ammont ta’ EUR 1 014 400, miżjuda bl-interessi bir-rata ta’ 2.9 % sad-data tas-sentenza li ser tingħata, u wara bl-interessi moratorji bir-rata ta’ 3 % sa minn dik id-data u sal-ħlas sħiħ;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

24      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors bħala inammissibbli jew, sussidjarjament, bħala infondat;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Id-dritt

25      Ir-rikorrenti jitolbu, minn naħa, l-annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-15 ta’ Diċembru 2011, li tiċħad il-kandidatura tagħhom fis-sejħa għal offerti inkwistjoni, tad-deċiżjoni li allegatament tinsab fl-ittra tal-Kummissjoni tas-17 ta’ Jannar 2012, li tikkonferma din iċ-ċaħda, kif ukoll tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-28 ta’ Frar 2012, li tattribwixxi l-kuntratt lil kumpannija oħra u, min-naħa l-oħra, l-għoti tal-interessi.

A –  Fuq it-talbiet għal annullament (Kawżi T-91/12 u T-280/12)

1.     Fuq it-talbiet għal annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-15 ta’ Diċembru 2011 u dik allegatament inkluża fl-ittra tas-17 ta’ Jannar 2012 (Kawża T-91/12)

a)     Fuq it-talba għal annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-15 ta’ Diċembru 2011

26      Ir-rikorrenti jsostnu li, billi adottat id-deċiżjoni tal-15 ta’ Diċembru 2011, il-Kummissjoni kisret, fl-ewwel lok, l-Artikolu 135(5) tal-modalitajiet ta’ eżekuzzjoni u l-Artikolu 89(1) tar-regolament finanzjarju, fit-tieni lok, id-drittijiet tad-difiża tagħhom, il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba kif ukoll l-Artikolu 134(5) tal-modalitajiet ta’ eżekuzzjoni u, fit-tielet lok, il-prinċipju ta’ proporzjonalità.

 Fuq il-motiv ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 89(1) tar-regolament finanzjarju u tal-Artikolu 135(5) tal-modalitajiet ta’ eżekuzzjoni

27      Ir-rikorrenti jinvokaw il-ksur mill-Kummissjoni tal-Artikolu 135 tal-modalitajiet ta’ eżekuzzjoni, sa fejn din talbet il-komunikazzjoni ta’ informazzjoni li tmur lil hinn mis-suġġett tal-kuntratt mingħajr ma ħadet inkunsiderazzjoni l-interessi leġittimi tal-operaturi ekonomiċi, billi talbet il-produzzjoni ta’ dokumenti li jingħataw mill-awtoritajiet Lussemburgiżi. Għaldaqstant, il-Kummissjoni kisret ukoll l-Artikolu 89 tar-regolament finanzjarju, li jeżiġi l-osservanza tal-prinċipji ta’ trasparenza, ta’ proporzjonalità, ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ nondiskriminazzjoni.

28      Dwar l-ewwel parti ta’ dan il-motiv, ibbażat fuq ksur mill-Kummissjoni tal-Artikolu 135(5) tal-modalitajiet ta’ eżekuzzjoni, jeħtieġ li jitfakkar li, skont din id-dispożizzjoni:

“Il-portata tal-informazzjoni mitluba mill-awtorità kontraenti bħala prova tal-kapaċità finanzjarja, ekonomika, teknika u professjonali tal-kandidat jew tal-offerent u l-livelli minimi ta’ kapaċità meħtieġa skont il-paragrafu 2, ma jistgħux imorru lil hinn mis-suġġett tal-kuntratt u [għandhom] jqisu l-interessi leġittimi tal-operaturi ekonomiċi b’mod partikolari fir-rigward tas-sigrieti tekniċi u kummerċjali tal-kumpanija.”

29      F’dan il-każ, il-Kummissjoni effettivament talbet il-produzzjoni, fir-rigward ta’ Flying Group Lux, ta’ rapporti ta’ awditu annwali ta’ sigurtà u ta’ sikurezza li jingħataw mid-Direttorat tal-avjazzjoni ċivili Lussemburgiż (ara l-punti 6 u 7 iktar ʼil fuq).

30      Madankollu, hemm lok li jiġi rrilevat, minn naħa, li, skont il-punt II.1.2 tal-avviż tal-kuntratt, il-maġġoranza tat-titjiriet huma previsti li jitilqu minn Brussell (il-Belġju), iżda mingħajr l-esklużjoni ta’ tluq minn postijiet oħra bħall-Lussemburgu (il-Lussemburgu), li huwa wkoll is-sede tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni, u, min-naħa l-oħra, li l-kumpannija kandidata Flying Group Lux hija bbażata fil-Lussemburgu.

31      F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-rekwiżit ta’ dokumenti li jingħataw mill-awtoritajiet Lussemburgiżi ma jmurx lil hinn mir-rekwiżiti tal-kuntratt, u lanqas kontra l-interessi tal-operatur ikkonċernat, li lanqas seta’ biss jippreżenta l-kandidatura tiegħu mingħajr ma jipproduċi tali dokumenti.

32      Fir-rigward tat-tieni parti tal-istess motiv, ibbażat fuq il-ksur mill-Kummissjoni tal-Artikolu 89(1) tar-Regolament finanzjarju, li jeżiġi l-osservanza tal-prinċipji ta’ trasparenza, ta’ proporzjonalità, ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ nondiskriminazzjoni, huwa suffiċjenti li jiġi rrilevat li r-rikorrenti sempliċement jiddeduċu l-imsemmi ksur mill-ksur tal-Artikolu 135(5) tal-modalitajiet ta’ eżekuzzjoni u ma jressqu l-ebda argument speċifiku insostenn ta’ din l-allegazzjoni.

33      Il-motiv ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 89(1) tar-regolament finanzjarju u tal-Artikolu 135(5) tal-modalitajiet ta’ eżekuzzjoni għandu, konsegwentement, jitwarrab.

 Fuq il-motivi bbażati fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti, tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba u tal-Artikolu 134(5) tal-modalitajiet ta’ eżekuzzjoni

34      Permezz ta’ dawn il-motivi, ir-rikorrenti jikkritikaw essenzjalment lill-Kummissjoni li daħlet f’kuntatt mal-awtoritajiet Lussemburgiżi sabiex tikseb informazzjoni li hija tqis neċessarja (ksur tal-Artikolu 134(5) tal-modalitajiet ta’ eżekuzzjoni) u sussegwentement ibbażat ruħha fuq din l-informazzjoni, mingħajr ma kkomunikatha qabel lilhom u mingħajr ma tathom l-opportunità jesprimu ruħhom fuqha (ksur tad-drittijiet tad-difiża u tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba). Għaldaqstant jeħtieġ li jiġi eżaminat, fl-ewwel lok, il-motiv ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 134(5) tal-modalitajiet ta’ eżekuzzjoni u, fit-tieni lok, il-motivi bbażati fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti u tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba.

–       Fuq il-motiv ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 134(5) tal-modalitajiet ta’ eżekuzzjoni

35      Ir-rikorrenti jsostnu, fir-replika, li l-Kummissjoni kisret l-Artikolu 134(5) tal-modalitajiet ta’ eżekuzzjoni, billi daħlet f’kuntatt direttament mal-awtoritajiet Lussemburgiżi sabiex tikseb l-informazzjoni li hija qieset neċessarja. Fil-fatt, id-Direttorat tal-avjazzjoni ċivili Lussemburgiż ma huwiex wieħed mill-awtoritajiet previsti fil-paragrafu 3 ta’ dan l-artikolu. Ir-rikorrenti jispeċifikaw li dan il-motiv huwa ammissibbli, sa fejn huwa bbażat fuq punti ta’ liġi rrilevati mill-Kummissjoni fir-replika tagħha.

36      Preliminarjament jeħtieġ li tiġi eżaminata l-ammissibbiltà tal-motiv, li hija kkontestata mill-Kummissjoni.

37      L-Artikolu 48(2)(1) tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Qorti Ġenerali jistabbilixxi li ebda motiv ġdid ma jista’ jiġi ppreżentat matul il-kawża sakemm dan il-motiv ma jkunx ibbażat fuq punti ta’ fatt u ta’ liġi li joħorġu matul il-proċedura.

38      F’dan il-każ, huwa stabbilit, minn naħa, li l-Kummissjoni semmiet għall-ewwel darba fir-risposta tagħha l-Artikolu 134(5) tal-modalitajiet ta’ eżekuzzjoni sabiex tindika li hija kellha dritt tinterroga lill-awtoritajiet tal-avjazzjoni ċivili Lussemburgiżi bil-għan li tivverifika d-dikjarazzjonijiet tar-rikorrenti u, min-naħa l-oħra, li r-rikorrenti qajmu għall-ewwel darba fir-risposta l-motiv ibbażat fuq ksur tal-imsemmi artikolu.

39      Minn dan jirriżulta li l-motiv tar-rikorrenti huwa bbażat fuq punt ta’ liġi, f’dan il-każ il-bażi legali tal-konsultazzjoni tal-awtoritajiet nazzjonali kkonċernati, li ġie rrilevat matul din il-proċedura. Fil-fatt, dan il-motiv huwa bbażat fuq ksur tad-dispożizzjoni inkwistjoni u mhux fuq l-illegalità tal-konsultazzjoni tal-awtoritajiet nazzjonali. Għalhekk, għall-kuntrarju ta’ dak li ssostni l-Kummissjoni, huwa irrilevanti f’dan il-każ li din il-konsultazzjoni ssemmiet fl-ittra tal-15 ta’ Diċembru 2011 li hija s-suġġett ta’ dan ir-rikors.

40      Għaldaqstant, il-motiv ibbażat fuq il-ksur mill-Kummissjoni tal-Artikolu 134(5) tal-modalitajiet ta’ eżekuzzjoni għandu jitqies li huwa ammissibbli.

41      Dwar il-fondatezza ta’ dan il-motiv, hemm lok li jitfakkar il-kontenut tad-dispożizzjoni inkwistjoni:

“Fejn ikollhom dubji dwar jekk kandidati jew appaltaturi jkunux f’waħda mis-sitwazzjonijiet ta’ esklużjoni, l-awtoritajiet kontraenti jistgħu huma stess jirreferu għall-awtoritajiet kompetenti msemmija fil-paragrafu 3 sabiex jiksbu kwalunkwe informazzjoni li jkunu jikkunsidraw neċessarja dwar dik is-sitwazzjoni.”

42      L-Artikolu 134(3) tal-modalitajiet ta’ eżekuzzjoni jipprovdi kif ġej:

“L-awtorità kontraenti għandha taċċetta estratt riċenti minn rekord ġudizzjarju, jew fin-nuqqas ta’ dan, dokument ekwivalenti riċenti maħruġ mill-awtorità ġudizzjarja jew amminstrattiva fil-pajjiż ta’ l-oriġini jew tal-provenjenza, bħala evidenza soddisfaċenti li l-kandidat jew min qed jitfa’ l-offerta ma jinsabx f’waħda mis-sitwazzjonijiet deskritti fil-punt (a), (b) jew (e) ta’ l-Artikolu 93(1) tar-Regolament Finanzjarju, li juri li dawk il-kundizzjonijiet huma ssodisfati. L-awtorità kontraenti għandha taċċetta ċertifikat riċenti maħruġ mill-awtorità kompetenti ta’ l-Istat ikkonċernat bħala evidenza li l-kandidat jew min qed jitfa’ l-offerta ma jinsabx fis-sitwazzjoni deskritta fil-punt (d) ta’ l-Artikolu 93(1) tar-Regolament Finanzjarju.

[...]”

43      F’dan il-każ, kif isostnu ġustament ir-rikorrenti, id-Direttorat tal-avjazzjoni ċivili Lussemburgiż ma jifformax parti mill-awtoritajiet previsti mill-Artikolu 134(3) tal-modalitajiet ta’ eżekuzzjoni, li jagħmel riferiment għalihom il-paragrafu 5 tal-istess artikolu. Fil-fatt, l-Artikolu 134(3) tal-modalitajiet ta’ eżekuzzjoni, moqri flimkien mal-Artikolu 93(1) tar-Regolament Finanzjarju, jagħmel riferiment biss għal “awtoritajiet ġudizzjarji u amministrattivi” li jistgħu jipprovdu estratt mir-rekord ġudizzjarju jew dokument ekwivalenti (l-ewwel sentenza) kif ukoll għal “awtoritajiet kompetenti” sabiex jinħareġ ċertifikat ta’ ħlas ta’ kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali jew ta’ ħlas tat-taxxa (it-tieni sentenza).

44      Madankollu minn dan ma jistax jiġi dedott li nkiser l-Artikolu 134(5) tal-modalitajiet ta’ eżekuzzjoni, peress li din id-dispożizzjoni ma hijiex applikabbli għal każ bħal dak inkwistjoni f’din il-kawża, li fih il-Kummissjoni tidħol tikkonsulta lill-awtoritajiet nazzjonali bil-għan li tivverifika l-eżistenza ta’ każijiet ta’ esklużjoni previsti fl-Artikolu 94(b) tar-regolament finanzjarju.

45      Fil-fatt, jirriżulta b’mod ċar mill-istruttura tal-Artikolu 134 tal-modalitajiet ta’ eżekuzzjoni u mill-kliem tal-paragrafu 5 tiegħu li dan tal-aħħar japplika biss fil-każijiet fejn l-awtorità kontraenti jkollha dubji dwar l-eżistenza ta’ każijiet ta’ esklużjoni previsti fl-Artikolu 93(1)(a), (b), (d) u (e) tar-regolament finanzjarju.

46      F’dan ir-rigward, hemm lok li jitfakkar li l-Artikolu 134(1) tal-modalitajiet ta’ eżekuzzjoni jipprevedi li l-kandidati u l-offerenti għandhom jipprovdu dikjarazzjoni ġuramentata, debitament datata u ffirmata, li ssemmi li huma ma jinsabux f’waħda mis-sitwazzjonijiet previsti fl-Artikoli 93 u 94 tar-regolament finanzjarju (l-ewwel paragrafu). Madankollu, dan l-artikolu jipprevedi li għal ċerti proċeduri, il-kandidati għandhom jipprovdu ċ-ċertifikati msemmija fil-paragrafu 3 (it-tieni sentenza).

47      Għalhekk, anki jekk l-Artikolu 134(5) tal-modalitajiet ta’ eżekuzzjoni jagħmel riferiment b’mod ġenerali għal “każijiet ta’ esklużjoni”, jirriżulta mir-riferiment tal-imsemmi paragrafu għall-paragrafu 3 tal-istess artikolu u tal-ispeċifikazzjoni li “l-awtoritajiet kontraenti jistgħu huma stess jirreferu għall-awtoritajiet kompetenti”, imsemmija fil-paragrafu 3, li l-paragrafu 5 jikkonċerna l-każ fejn, peress li l-kandidati ma humiex obbligati jipprovdu ċ-ċertifikati previsti fil-paragrafu 3 marbuta mal-każijiet ta’ esklużjoni msemmija fl-Artikolu 93(1)(a), (b), (d) u (e) tar-regolament finanzjarju, l-awtorità kontraenti tkun tixtieq xorta waħda tiżgura ruħha li dawn il-kandidati ma jinsabux f’wieħed mill-każijiet ta’ esklużjoni.

48      Konsegwentement, peress li l-Kummissjoni riedet f’dan il-każ tiżgura ruħha dwar l-assenza ta’ dikjarazzjonijiet foloz mir-rikorrenti skont l-Artikolu 94(b) tar-regolament finanzjarju, u mhux abbażi tal-Artikolu 93(1) tal-istess regolament, hija ma kinitx obbligata tosserva d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 134(5) tal-modalitajiet ta’ eżekuzzjoni.

49      Minn dan jirriżulta li l-motiv ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 134(5) tal-modalitajiet ta’ eżekuzzjoni għandu jiġi miċħud bħala ineffettiv.

50      Barra minn hekk, peress li r-rikorrenti ma jinvokaw l-ebda motiv ieħor ta’ illegalità ħlief il-konsultazzjoni tal-awtoritajiet nazzjonali mill-Kummissjoni, hemm lok li jiġi vverifikat jekk teżistix bażi legali oħra fid-dispożizzjonijiet jew fil-prinċipji applikabbli li fuqhom hija bbażata l-imsemmija konsultazzjoni.

–       Fuq il-motivi bbażati fuq il-ksur tad-drittijiet tad-difiża u tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba

51      Ir-rikorrenti jsostnu li d-drittijiet tagħhom tad-difiża ġew miksura, peress li l-Kummissjoni ġġustifikat l-applikazzjoni tal-Artikolu 94(b) tar-regolament finanzjarju u, għaldaqstant, iċ-ċaħda tal-kandidatura tagħhom billi invokat informazzjoni miksuba mingħand l-awtoritajiet Lussemburgiżi li ma kinux ġew ikkomunikati lilhom bil-għan li jkunu jistgħu jikkummentaw fuqhom qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni tal-15 ta’ Diċembru 2011.

52      Ir-rikorrenti jsostnu li, billi adottat id-deċiżjoni tal-15 ta’ Diċembru 2011 mingħajr ma tathom l-okkażjoni li jesprimu l-opinjoni tagħhom dwar l-informazzjoni miksuba mill-awtoritajiet Lussemburgiżi, il-Kummissjoni kisret ukoll il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba.

53      Fir-rigward tal-motiv ibbażat fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti, il-Kummissjoni, waqt is-seduta, ikkontestat l-applikabbiltà tiegħu għal dan il-każ. Hija sostniet li hija kienet osservat id-dispożizzjonijiet kollha applikabbli fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi u li l-ebda waħda minn dawn id-dispożizzjonijiet ma kienu jobbligawha tisma’ lir-rikorrenti qabel ma tadotta deċiżjoni bħal dik ikkontestata f’dan il-każ.

54      F’dan ir-rigward, hemm lok li titfakkar il-ġurisprudenza stabbilita li r-rispett tad-drittijiet tad-difiża f’kull proċedura miftuħa kontra persuna u li tista’ twassal għal att li jikkawżalha preġudizzju jikkostitwixxi prinċipju fundamentali tad-dritt tal-Unjoni, li għandu jiġi żgurat anki fl-assenza ta’ kull leġiżlazzjoni li tikkonċerna l-proċedura inkwistjoni, li tista’ tkun tirrigwarda, pereżempju, is-sospensjoni, it-tnaqqis jew it-tħassir ta’ għajnuna finanzjarja minn Fond Soċjali Ewropew (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-24 ta’ Ottubru 1996, Il-Kummissjoni vs Lisrestal et, C‑32/95 P, Ġabra p. I‑5373, punt 21), fil-kuntest ta’ proċedura ta’ tħassir tad-drittijiet għall-pensjoni ta’ membru tal-Kummissjoni (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-11 ta’ Lulju 2006, Commission/Cresson, C‑432/04, Ġabra p. I‑6387, punt 104) jew waqt il-proċedura ta’ awtorizzazzjoni tal-prodotti fitofarmaċewtiċi (sentenza tal-Qorti Ġenerali tad-9 ta’ Settembru 2008, Bayer CropScience et vs Il‑Kummissjoni, T‑75/06, Ġabra p. II‑2081, punt 130).

55      Għalhekk, iċ-ċirkustanza li l-ebda dispożizzjoni tar-regolament finanzjarju jew tal-modalitajiet ta’ eżekuzzjoni ma tipprevedi r-rispett tad-drittijiet tad-difiża f’każ bħal dak espost f’din il-kawża ma timplikax, waħedha, l-esklużjoni ta’ tali garanzija abbażi tal-prinċipju ġenerali ta’ rispett tad-drittijiet tad-difiża.

56      Madankollu, il-Kummissjoni kkontestat ukoll, waqt is-seduta, l-applikabbiltà ta’ dan il-prinċipju ġenerali għal dan il-każ, peress li, għall-kuntrarju tal-każijiet imsemmija mill-ġurisprudenza msemmija iktar ʼil fuq, id-deċiżjoni tal-15 ta’ Diċembru 2011 ma setgħetx tiġi kklassifikata bħala deċiżjoni ta’ sanzjoni.

57      F’dan ir-rigward, hemm lok li jitqies li, bil-kontra ta’ dak li ssostni l-Kummissjoni, id-deċiżjoni tal-15 ta’ Diċembru 2011 tista’ titqies li timponi sanzjoni fuq ir-rikorrenti.

58      Fil-fatt, din id-deċiżjoni hija fondata, tal-inqas parzjalment, kemm kif jirriżulta mill-kliem tagħha stess kif ukoll, kif ikkonfermat il-Kummissjoni waqt is-seduta, fuq l-Artikolu 94(b) tar-regolament finanzjarju, li jistabbilixxi li jiġu esklużi mill-attribuzzjoni ta’ kuntratt il-kandidati jew l-offerenti li, fl-okkażjoni tal-proċedura tal-għoti ta’ dan il-kuntatt, ikunu “responsabbli” għal dikjarazzjonijiet foloz fil-provvista tal-informazzjoni mitluba mill-awtorità kontraenti għall-parteċipazzjoni tagħhom fil-kuntratt, jew ma jkunux ipprovdew din l-informazzjoni.

59      Għalhekk, id-deċiżjoni tal-15 ta’ Diċembru 2011 ma hijiex sempliċi deċiżjoni li tiċħad il-kandidatura tar-rikorrenti għall-kuntratt inkwistjoni. Din tikkostitwixxi deċiżjoni ta’ esklużjoni immedjata tar-rikorrenti mill-kuntratt, mingħajr eżami, sa fejn jikkonċerna lilhom, tal-kriterji l-oħra ta’ evalwazzjoni tal-kandidaturi, peress li dawn kienu responsabbli għal dikjarazzjonijiet foloz. Fil-fatt, il-Kummissjoni tispjega li hija ġiet informata li, bil-kontra tad-dikjarazzjoni tar-rikorrenti, kienu saru awditi annwali fil-qasam tas-sigurtà u tas-sikurezza fl-2009 u fl-2010 mill-awtoritajiet kompetenti u li l-kandidatura tagħhom kienet, għaldaqstant, “mhux eżatta u ġenwina” u kellha tagħti lok għall-applikazzjoni tal-Artikolu 94(b) tar-regolament finanzjarju.

60      Issa, ġie deċiż li miżuri bħall-esklużjoni temporanja ta’ operatur ekonomiku mill-benefiċċju ta’ sistema ta’ għajnuna tal-Unjoni minħabba dikjarazzjonijiet foloz, jistgħu jiġu kklassifikati bħala sanzjonijiet amministrattivi. Skont din il-ġurisprudenza, fil-kuntest ta’ skema ta’ għajnuna tal-Unjoni, li fiha l-għoti tal-għajnuna huwa neċessarjament suġġett għall-kundizzjoni li l-benefiċjarju jippreżenta l-garanziji kollha ta’ integrità u ta’ affidabbiltà, is-sanzjoni adottata fil-każ ta’ nuqqas ta’ osservanza ta’ dawn ir-rekwiżiti tikkostitwixxi strument amministrattiv speċifiku li jifforma parti integrali mill-iskema ta’ għajnuna u li huwa intiż sabiex jiżgura l-amministrazzjoni finanzjarja tajba tal-fondi pubbliċi tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-5 ta’ Ġunju 2012, Bonda, C‑489/10, punti 28 sa 30, u l-ġurisprudenza ċċitata).

61      Fir-rigward ta’ dawn l-iskemi ta’ għajnuna tal-Unjoni, id-dispożizzjonijiet li jirregolaw il-kuntratti pubbliċi mogħtija mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni pprevedew, fl-Artikoli 93 u 94 tar-regolament finanzjarju, każijiet differenti ta’ esklużjoni mill-parteċipazzjoni fil-proċeduri tal-għoti ta’ dawn il-kuntratti jew ta’ attribuzzjoni tagħhom, bil-għan li jiġu pprevenuti l-irregolaritajiet, li jiġu miġġielda l-frodi u l-korruzzjoni u tiġi promossa ġestjoni b’saħħitha u effikaċi (premessa 25 tar-regolament finanzjarju).

62      Barra minn hekk, l-Artikolu 95 tar-regolament finanzjarju jipprevedi li l-informazzjoni indikata li tikkonċerna lill-kandidati li jinsabu f’waħda mis-sitwazzjonijiet imsemmija b’mod partikolari fl-Artikolu 94 tal-imsemmi regolament huma ċċentralizzati f’database ġestita mill-Kummissjoni u li l-awtoritajiet li jipparteċipaw fl-eżekuzzjoni tal-baġit għandhom aċċess għal din id-database u għandhom jieħduha inkunsiderazzjoni fl-għoti tal-kuntratti assoċjati mal-eżekuzzjoni tal-baġit.

63      Minn dan jirriżulta li d-deċiżjoni ta’ esklużjoni tar-rikorrenti mill-kuntratt inkwistjoni għandha n-natura ta’ sanzjoni amministrattiva, anki jekk, f’dan il-każ, ma ddaħħlet l-ebda informazzjoni li tikkonċerna lir-rikorrenti, kif indikat il-Kummissjoni fis-seduta, fid-database msemmija fl-Artikolu 95 tar-regolament finanzjarju.

64      Fi kwalunkwe każ, anki jekk jiġi preżunt li d-deċiżjoni tal-15 ta’ Diċembru 2011 ma tistax titqies li imponiet sanzjoni fuq ir-rikorrenti, hemm lok li jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza marbuta mal-prinċipju ta’ rispett tad-drittijiet tad-difiża, dan il-prinċipju għandu portata ġenerali u japplika, lil hinn mill-każijiet li fihom istituzzjoni tipprevedi li timponi sanzjoni, għal kull proċedura miftuħa fil-konfront ta’ persuna u li tista’ twassal għal att li jikkawżalha preġudizzju (ara l-punt 54 iktar ʼil fuq; ara, b’analoġija, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-22 ta’ Novembru 2012, M., C‑277/11, punt 85).

65      Issa, f’dan il-każ, id-deċiżjoni tal-15 ta’ Diċembru 2011 tikkostitwixxi, jekk mhux deċiżjoni ta’ sanzjoni, tal-inqas att li jikkawża preġudizzju lir-rikorrenti, jiġifieri li hija tinċidi b’mod sostanzjali fuq l-interessi tagħhom, billi tiġġenera konsegwenzi ekonomiċi serji (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tad-9 ta’ Lulju 1999, New Europe Consulting u Brown vs Il-Kummissjoni, T‑231/97, Ġabra p. II‑2403, punt 43) jew, b’mod iktar ġenerali, konsegwenzi serji fuq is-sitwazzjoni tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tat-28 ta’ Settembru 2011, AZ vs Il-Kummissjoni, F‑26/10, punt 51). Fil-fatt, deċiżjoni bħal dik li tiċħad il-kandidatura tar-rikorrenti minħabba, b’mod partikolari, dikjarazzjonijiet foloz abbażi tal-Artikolu 94(b) tar-regolament finanzjarju tista’ tal-inqas tippreġudika r-reputazzjoni tagħhom u, kif intqal fil-punt 62 iktar ʼil fuq, jista’ jkollha konsegwenzi li jmorru lil hinn mill-kuntratt inkwistjoni.

66      Barra minn hekk, hemm lok li jitqies li d-deċiżjoni tal-15 ta’ Diċembru 2011 ma tikkostitwixxix simpliċi risposta tal-amministrazzjoni għal att ta’ kandidatura għal sejħa għal offerti bil-għan li jingħata kuntratt pubbliku. Din id-deċiżjoni ssegwi talba għal informazzjoni mibgħuta lill-awtoritajiet Lussemburgiżi, minħabba dubji li kellha l-Kummissjoni dwar il-veraċità tad-dikjarazzjonijiet tar-rikorrenti inklużi fl-ittra tagħhom tas-6 ta’ Diċembru 2011 (ara l-punt 7 iktar ʼil fuq), li ddikjaraw li ma kien sar ebda rapport ta’ awditu ta’ sigurtà u ta’ sikurezza fir-rigward ta’ Flying Group Lux għas-snin 2009 u 2010. Għalhekk, il-Kummissjoni approfondiet l-eżami ta’ element tal-kandidatura tar-rikorrenti u, permezz ta’ din it-talba għal informazzjoni, bdiet proċess maħsub sabiex tivverifika d-dikjarazzjonijiet tar-rikorrenti li wassal għall-adozzjoni tad-deċiżjoni tal-15 ta’ Diċembru 2011.

67      Minn dak kollu li ntqal jirriżulta li l-prinċipju ġenerali ta’ rispett tad-drittijiet tad-difiża għandu jiġi applikat f’dan il-każ mill-Kummissjoni.

68      Din il-kunsiderazzjoni ma ġietx ikkontestata mill-argument tal-Kummissjoni, invokat fis-seduta, li l-komunikazzjoni ta’ ittra lill-awtoritajiet Lussemburgiżi tat-12 ta’ Diċembru 2011 lir-rikorrenti, bil-għan li jiġi żgurat ir-rispett tad-drittijiet tad-difiża, kienet tikser l-Artikolu 99 tar-regolament finanzjarju u l-Artikolu 148 tal-modalitajiet ta’ eżekuzzjoni, li jipprovdu, essenzjalment, li, matul l-iżvolġiment ta’ proċedura għall-għoti ta’ kuntratti, il-kuntatti bejn l-awtorità kontraenti u l-kandidati jistgħu jsiru biss f’kundizzjonijiet li jiggarantixxu t-trasparenza u l-ugwaljanza fit-trattament. Skont il-Kummissjoni, il-komunikazzjoni ta’ ittra tad-Direttorat tal-avjazzjoni ċivili Lussemburgiż lir-rikorrenti kienet tagħtihom il-possibbiltà li jikkompletaw il-kandidatura tagħhom u kienet tipprivileġġahom għad-detriment ta’ kandidati oħrajn.

69      F’dan ir-rigward, huwa suffiċjenti li jitfakkar li skont ġurisprudenza stabbilita, il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament jipprojbixxi li sitwazzjonijiet komparabbli jiġu ttrattati b’mod differenti jew li sitwazzjonijiet differenti jiġu ttrattati bl-istess mod, sakemm tali trattamenti ma jkunux iġġustifikati oġġettivament (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-25 ta’ Novembru 1986, Klensch et, 201/85 u 202/85, Ġabra p. 3477, punt 9, u s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-17 ta’ Marzu 2005, AFCon Management Consultants et vs Il-Kummissjoni, T‑160/03, Ġabra p. II‑981, punt 91).

70      Issa, f’dan il-każ, ir-rikorrenti, lil hinn mill-kwalità tagħhom ta’ kandidat bil-għan li jipparteċipaw fil-proċedura ristretta inkwistjoni, peress li din il-kwalità kienet komuni fost il-kandidati l-oħra kollha ddikjarati, jinsabu f’sitwazzjoni li tindividwahom u li ma tistax titqies li hija komparabbli ma’ dik ta’ kandidati oħra, peress li huma l-uniċi li fir-rigward tagħhom il-Kummissjoni wettqet verifiki (ara l-punt 66 iktar ʼil fuq). Għalhekk, il-komunikazzjoni mill-Kummissjoni lir-rikorrenti tal-ittra li ntbagħtet mill-awtoritajiet Lussemburgiżi fil-kuntest ta’ din il-verifika ma kisritx il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament.

71      Madankollu, ma jistax jiġi dedott minn dak kollu li ntqal li l-assenza ta’ komunikazzjoni mill-Kummissjoni lir-rikorrenti tal-ittra tal-awtoritajiet tal-avjazzjoni ċivili Lussemburgiża, irregolarità li taffetwa d-drittijiet tad-difiża, iwasslu għall-annullament tad-deċiżjoni tal-15 ta’ Diċembru 2011.

72      Fil-fatt, skont ġurisprudenza stabbilita, hija l-qorti li għandha tivverifika, meta din tqis li jkun hemm tali irregolarità, jekk, skont iċ-ċirkustanzi ta’ fatt u ta’ dritt speċifiċi tal-każ, il-proċedura inkwistjoni setgħetx twassal għal riżultat differenti kieku r-rikorrenti setgħu jiżguraw aħjar id-difiża tagħhom fl-assenza ta’ din l-irregolarità (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-1 ta’ Ottubru 2009, Foshan Shunde Yongjian Housewares & Hardware vs Il-Kunsill, C‑141/08 P, Ġabra p. I‑9147, punti 81, 88, 92, 94 u 107; ara, b’analoġija, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-10 ta’ Settembru 2013, G. u R., C‑383/13 PPU, punt 40).

73      Għaldaqstant, hekk lok li jiġi eżaminat, jekk fil-każ li l-Kummissjoni kienet poġġiet lir-rikorrenti f’pożizzjoni li jsostnu l-osservazzjonijiet tagħhom fuq l-ittra tad-Direttorat tal-avjazzjoni ċivili Lussemburgiża tat-12 ta’ Diċembru 2011, kinitx tieħu l-istess deċiżjoni ta’ esklużjoni abbażi ta’ dikjarazzjonijiet foloz fis-sens tal-Artikolu 94(b) tar-regolament finanzjarju.

74      Minn naħa, mill-atti tal-proċess jirriżulta li l-Kummissjoni kienet fondata, fid-dawl tal-ittra tal-awtoritajiet Lussemburgiżi suesposti, li tikkunsidra li d-dikjarazzjonijiet tar-rikorrenti kienu ineżatti. Fil-fatt, dawn tal-aħħar ikkonfermaw fl-ittra tas-6 ta’ Diċembru 2011 li ma kien sar l-ebda rapport ta’ awditu ta’ sigurtà u ta’ sikurezza fir-rigward ta’ Flying Group Lux għas-snin 2009 u 2010, meta d-Direttorat tal-avjazzjoni ċivili Lussemburgiża indikat fl-ittra tagħha tat-12 ta’ Diċembru 2011 li kienu saru rapporti ġenerali marbuta mal-għoti u t-tiġdid tal-AOC għal dawk is-snin u dawn kienu jinkludu l-partijiet “sigurtà” u “sikurezza”. Barra minn hekk, ir-rikorrenti rrikonoxxew, fl-ittra tagħhom tal-20 ta’ Diċembru 2011, mibgħuta b’risposta għad-deċiżjoni tal-15 ta’ Diċembru 2011 li takkużahom b’dikjarazzjonijiet foloz, li r-rapporti ġenerali suesposti kienu jinkludu data marbuta mal-evalwazzjoni tas-sigurtà u tas-sikurezza tal-kumpannija tal-ajru inkwistjoni, bil-kontra ta’ dak li huma sostnew fl-atti tagħhom (ara l-punt 80 iktar ʼil fuq), peress li indikaw fl-anness ta’ din l-ittra l-imsemmija rapporti ġenerali “fejn immarkaw l-aspetti li jikkonċernaw is-sigurtà u s-sikurezza” (ara wkoll il-punti 81 sa 87 iktar ʼil quddiem).

75      Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni ma għandha l-ebda għażla oħra, meta, bħal f’dan il-każ, ikun hemm komunikazzjoni ta’ informazzjoni ineżatta, ħlief li timplementa l-Artikolu 94(b) tar-regolament finanzjarju billi tiċħad il-kandidatura kkonċernata. Fil-fatt, kif enfasizzat il-Kummissjoni ġustament waqt is-seduta, il-kunċett ta’ “dikjarazzjonijiet foloz” ikopri kemm id-dikjarazzjonijiet li jkunu żbaljati volontarjament kif ukoll dawk li jkunu żbaljati b’negliġenza u għaldaqstant ma jinvolvix l-evalwazzjoni ta’ ġustifikazzjonijiet tal-ineżattezza ġaladarba din tkun ġiet stabbilita.

76      F’dawn iċ-ċirkustanzi, għalkemm ir-rikorrenti ġew informati bl-ittra tal-awtoritajiet Lussemburgiżi tat-12 ta’ Diċembru 2011 u spjegaw li d-dikjarazzjoni tagħhom dwar l-ineżistenza tar-rapporti mitluba kienet dovuta għal interpretazzjoni żbaljata, kif sostnew ukoll sussegwentement fl-ittra tagħhom tal-20 ta’ Diċembru 2011, il-Kummissjoni ma setgħetx tagħmel mod ieħor ħlief li tikkonstata li din id-dikjarazzjoni tibqa’ ineżatta, kif enfasizzat, barra minn hekk, waqt is-seduta.

77      Dan tixhdu, barra minn hekk, l-ittra tal-Kummissjoni tas-17 ta’ Jannar 2012, mibgħuta b’risposta għall-ittra suesposta tar-rikorrenti tal-20 ta’ Diċembru 2011. Fil-fatt, fiha l-Kummissjoni eżaminat l-argument tar-rikorrenti dwar l-eżistenza ta’ interpretazzjoni żbaljata unikament bħala li tista’ tiġġustifika n-natura inkompleta tal-kandidatura tagħhom, fejn qieset b’hekk impliċitament, kif hija indikat waqt is-seduta b’risposta għal mistoqsija magħmula mill-Qorti Ġenerali, li dan l-argument ma setgħax jiġġustifika, u lanqas a fortiori jpoġġi f’dubju, il-il-konstatazzjoni ta’ dikjarazzjonijiet foloz.

78      Minn dan jirriżulta li, għalkemm ir-rikorrenti ma tpoġġewx f’pożizzjoni fejn ikunu jistgħu jagħmlu l-osservazzjonijiet tagħhom qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni tal-15 ta’ Diċembru 2011, din iċ-ċirkustanza ma hijiex, fid-dawl tal-informazzjoni partikolari tal-kawża, ta’ natura li tiġġustifika l-annullament ta’ din id-deċiżjoni. Konsegwentement il-motiv ibbażat fuq il-ksur tad-drittijiet tad-difiża għandu jiġi miċħud.

79      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-motiv ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, ibbażat fuq l-istess argument bħal dak invokat insostenn tal-motiv ibbażat fuq il-ksur tad-drittijiet tad-difiża, lanqas ma jista’ jintlaqa’. Fil-fatt, il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, kif huwa allegat mir-rikorrenti, jikkoinċidi mad-dritt għal smigħ li jaqa’ taħt il-prinċipju ta’ rispett tad-drittijiet tad-difiża.

 Fuq il-motiv li jirriżulta minn ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità

80      Skont ir-rikorrenti, id-deċiżjoni tal-15 ta’ Diċembru 2011 tikser il-prinċipju ta’ proporzjonalità billi impediethom milli jipparteċipaw fil-proċedura ristretta inkwistjoni, minkejja li l-informazzjoni rilevanti u b’konnessjoni diretta mas-suġġett tal-kuntratt ġew trażmessi fil-ħin lill-Kummissjoni. Fil-fatt, ir-rikorrenti ma kinux f’pożizzjoni li jipproduċu r-rapporti ta’ awditu annwali ta’ sigurtà u ta’ sikurezza mitluba mill-avviż tal-kuntratt għas-snin 2009 u 2010, peress li tali rapporti ma ġewx stabbiliti mill-awtoritajiet Lussemburgiżi u peress li r-rapporti “pre-AOC” u “AOC Continuous Oversight Audit” ma kinux jikkorrispondu ma dawk mitluba mill-avviż tal-kuntratt. Huma jispeċifikaw li l-Kummissjoni ġiet informata permezz ta’ ittra tal-25 ta’ Jannar 2012 mill-awtoritajiet Lussemburgiżi li r-rapporti suesposti ta’ għoti u ta’ tiġdid tal-AOC ma kinux jikkorrispondu ma’ dawk mitluba mill-avviż tal-kuntratt, sa fejn dawn ma kinux jinkludu ċerta informazzjoni marbuta mas-sigurtà, u li r-rapporti speċifiċi marbuta mas-sigurtà ġew stabbiliti biss mill-2012. Barra minn hekk, ir-rapport “pre-AOC” ma għandux, bħala l-għan speċifiku tiegħu, l-evalwazzjoni tas-sigurtà u tas-sikurezza tal-operatur u jirriżulta mir-rapport “AOC Continuous Oversight Audit”, li l-awditu annwali għall-2009 ma ġiex iffinalizzat u li dak tal-2010 ma kienx għadu beda.

81      Hemm lok li jiġi rrilevat, preliminarjament, kif irrikonoxxew ir-rikorrenti stess fl-ittra tal-20 ta’ Diċembru 2011, mibgħuta b’risposta għad-deċiżjoni tal-15 ta’ Diċembru 2011, li r-rapporti “pre-AOC” u “AOC Continuous Oversight Audit” kienu jinkludu informazzjoni marbuta mal-evalwazzjoni tas-sigurtà u tas-sikurezza tal-kumpannija tal-ajru inkwistjoni (ara l-punt 74 iktar ʼil fuq), u minn dan jista’ jiġi dedott li l-imsemmija rapporti jikkorrispondu għar-rekwiżiti tal-avviż tal-kuntratt, fl-assenza ta’ stabbiliment mill-awtoritajiet Lussemburgiżi ta’ rapporti speċifiċi fil-qasam tas-sigurtà u tas-sikurezza għas-snin 2009 u 2010.

82      L-argumenti avvanzati fil-kuntest ta’ din l-istanza ma jippermettux li tiġi kkontestata din il-kunsiderazzjoni.

83      Fl-ewwel lok, ir-rapport “pre-AOC” ċertament ma għandux bħala l-għan prinċipali tiegħu l-evalwazzjoni tas-sigurtà u tas-sikurezza tal-operatur. Ir-rikorrenti b’hekk spjegaw fir-replika tagħhom, mingħajr ma ġew kontradetti mill-Kummissjoni, li r-rapport “pre-AOC” kien sar matul il-fażi preparatorja għall-ħruġ tal-AOC u li l-ispezzjoni “pre-AOC” issir bil-għan li tiġi vverifikata l-kapaċità tal-operatur li jippjana, li jipprepara u li jmexxi l-operazzjonijiet tiegħu.

84      Madankollu, mir-rapport li jinsab fl-anness tal-ittra tar-rikorrenti tal-20 ta’ Diċembru 2011 jirriżulta li diversi elementi li huma suġġetti għal kontroll huma marbuta mas-sigurtà u mas-sikurezza tal-kumpannija tal-ajru kkontrollata. B’hekk huma inklużi l-kapaċitajiet tal-persunal tan-navigazzjoni, partikolarment il-piloti, jew anki informazzjoni marbuta mal-proċeduri ta’ urġenza. Hija prevista wkoll espressament l-intestatura “Sigurtà”. Fil-fatt, kif tenfasizza ġustament il-Kummissjoni, l-għan tal-kontroll qabel l-għoti ta’ liċenzja ta’ trasportatur bl-ajru huwa li jiġi vverifikat li l-imsemmi trasportatur ikollu l-kapaċitajiet professjonali u l-organizzazzjoni neċessarji sabiex jiżgura s-sigurtà tal-ajruplani kkonċernati. Jirriżulta effettivament mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni, iċċitata barra minn hekk mid-Direttorat tal-avjazzjoni ċivili Lussemburgiża fl-ittri tiegħu mibgħuta lir-rikorrenti li tikkostitwixxi l-bażi ġuridika tat-twettiq tal-awditu inkwistjoni, li għandu jiġi żgurat livell għoli u uniformi ta’ protezzjoni taċ-ċittadini Ewropej f’kull mument fl-avjazzjoni ċivili bl-adozzjoni ta’ regoli ta’ sikurezza komuni [premessa 1 tar-Regolament (KE) Nru 216/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-20 ta’ Frar 2008, dwar regoli komuni fil-kamp tal-avjazzjoni ċivili u li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni, u li jħassar id-Direttiva tal-Kunsill 91/670/KEE, ir-Regolament (KE) Nru 1592/2002 u d-Direttiva 2004/36/KE (ĠU L 79, p. 1); ara wkoll it-tieni premessa tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3922/91, tas-16 ta’ Diċembru 1991, dwar l-armonizzazzjoni tal-ħtiġijiet tekniċi u proċeduri amministrattivi fil-qasam tal-avjazzjoni ċivili (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 1, p. 348)].

85      Fit-tieni lok, ir-rikorrenti huma żbaljati meta jikkonfermaw li, fir-rapport “AOC Continuous Oversight Audit” tal-2010, l-ispetturi tad-Direttorat tal-avjazzjoni ċivili Lussemburgiża kkonstataw li l-awditu annwali għall-2009 ma ġiex iffinalizzat u li dak tal-2010 ma kienx għadu nbeda. Fil-fatt, jirriżulta minn dan ir-rapport, kif tosserva l-Kummissjoni, li l-istqarrija li “l-awditu tal-2009 ma ġiex iffinalizzat u l-awditu tal-2010 ma nbediex” tinsab fil-parti intitolata “Quality System” (sistema ta’ kwalità) u b’hekk tikkonċerna l-evalwazzjoni tal-parti “Kwalità”, filwaqt li l-parti “Flight Safety” (sikurezza tat-titjiriet) effettivament kienet suġġetta għal awditu, kif jikkonfermaw il-kummentarji varji li jinsabu taħt din l-intestatura.

86      Fit-tielet lok, l-allegazzjonijiet tar-rikorrenti bbażati fuq l-ittra tal-25 ta’ Jannar 2012 mibgħuta mill-awtoritajiet Lussemburgiżi lill-Kummissjoni ma jistgħux jittieħdu inkunsiderazzjoni, fid-dawl tal-ġurisprudenza stabbilita li l-qorti tal-Unjoni għandha tevalwa l-legalità ta’ att skont elementi ta’ fatt u ta’ liġi eżistenti fid-data meta jkun ġie adottat l-att, u b’mod partikolari elementi ta’ informazzjoni li l-istituzzjoni seta’ jkollha għad-dispożizzjoni tagħha fil-mument meta adottatu (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Frar 1979, Franza vs Il-Kummissjoni, 15/76 u 16/76, Ġabra p. 321, punt 7; ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-11 ta’ Settembru 2003, Il-Belġju vs Il‑Kummissjoni, C‑197/99 P, Ġabra p. I‑8461, punt 86).

87      Fi kwalunkwe każ, mill-kliem tal-ittra tal-awtoritajiet Lussemburgiżi tal-25 ta’ Jannar 2012 jirriżulta li l-allegazzjoni tar-rikorrenti li r-rapporti “pre-AOC” u “AOC Continuous Oversight Audit” kienu jinkludu biss informazzjoni marbuta mas-sikurezza tat-titjiriet għandha titwarrab. Fil-fatt, din l-ittra tagħmel riferiment b’mod espress għas-“sigurtà” tat-titjiriet billi tindika li “l-awditi ġenerali pre-AOC kif ukoll l-awditi ta’ tiġdid tal-AOC, imwettqa mid-[Direttorat tal-avjazzjoni ċivili], jinkludu partijiet Quality system, flight safety, management u security (sikurezza)”. Sa fejn jintużaw kemm il-kliem “safety” kif ukoll “security”, ma jistax jiġi dedott mit-terminu “sikurezza” li jinsab fil-parenteżi wara t-terminu “security” li l-parti “sikurezza” hija suġġetta għal kontroll. Din l-interpretazzjoni hija kkonfermata mill-ittra mehmuża mal-ittra tal-25 ta’ Jannar 2012, li tiġbor fiha l-kontenut tal-ispezzjoni ta’ tiġdid tal-AOC billi tagħmel riferiment b’mod espress u b’mod distint għall-kontroll tas-sikurezza u għall-kontroll tas-sigurtà. Din l-interpretazzjoni ma hijiex ikkontestata mid-dikjarazzjoni fl-ittra tal-25 ta’ Jannar 2012 tal-istabbiliment tal-awditi speċjalizzati ffokati fuq is-sigurtà mill-2012, li minnha jista’ jiġi dedott biss ma ma kinux jeżistu rapporti speċifiċi fil-qasam tas-sigurtà qabel l-2012, iżda mhux li r-rapporti ġenerali marbuta mal-AOC ma jinkludux parti speċifika dwar is-sigurtà.

88      Barra minn hekk, peress li r-rikorrenti huma kumpanniji tal-ajru u għalhekk professjonisti tas-settur tal-ajru, huma kellhom neċessarjament konoxxenza tal-għan tal-kontrolli mwettqa, sabiex jinkiseb iċ-ċertifikat li jippermettilhom itiru, li huwa l-AOC. Dan jixduh barra minn hekk l-ittri li ntbagħtulhom mid-Direttorat tal-avjazzjoni ċivili Lussemburgiża qabel it-twettiq tal-kontrolli marbuta mat-tiġdid tal-AOC, li huma kkomunikaw fl-anness tal-ittra tagħhom tal-20 ta’ Diċembru 2011 u li jindikaw il-partijiet differenti ta’ dawn il-kontrolli u, b’mod partikolari, il-partijiet “Flight safety management” (ġestjoni tas-sikurezza tat-titjiriet) u “Sigurtà”.

89      Minn dak kollu li ntqal jirriżulta li, billi ma ttrażmettewx lill-Kummissjoni r-rapporti “pre-AOC” tal-2009 u “AOC Continuous Oversight Audit” tal-2010 b’risposta għall-ittra tagħha tat-2 ta’ Diċembru 2011, ir-rikorrenti ma kkomunikawlhiex l-informazzjoni kollha rilevanti fil-ħin.

90      F’dawn iċ-ċirkustanzi, billi ċaħdet il-kandidatura tar-rikorrenti, ma jistax jiġi allegat li l-Kummissjoni ma użatx il-mezzi adatti sabiex twettaq l-għanijiet oġġettivi leġittimi mfittxija mil-leġiżlazzjoni fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi, u li marret lil hinn minn dak li kien neċessarju sabiex tilħaqhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-12 ta’ Mejju 2011, Il-Lussemburgu vs Il-Parlament u Il‑Kunsill, C‑176/09, Ġabra p. I‑3727, punt 61, u l-ġurisprudenza ċċitata).

91      Konsegwentement, il-motiv ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità għandu jiġi miċħud.

92      Minn dak kollu li ntqal jirriżulta li t-talba għall-annullament tad-deċiżjoni tal-15 ta’ Diċembru 2011 għandha tiġi miċħuda.

b)     Fuq it-talba għal annullament tad-deċiżjoni allegatament inkluża fl-ittra tal-Kummissjoni tas-17 ta’ Jannar 2012

93      Mingħajr ma tqajjem formalment eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà abbażi tal-Artikolu 114 tar-Regoli tal-Proċedura, il-Kummissjoni ssostni li r-rikorrenti ma għandhomx interess ġuridiku fir-rigward tad-deċiżjoni tas-17 ta’ Jannar 2012 li l-annullament tagħha ma jista’ jiġġeneralha l-ebda benefiċċju, peress li hija biss id-deċiżjoni tal-15 ta’ Diċembru 2011 li tikkostitwixxi d-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-kandidatura tagħhom.

94      Waqt is-seduta, il-Kummissjoni ppreċiżat, b’risposta għall-mistoqsija magħmula mill-Qorti Ġenerali, li hija tikkontesta wkoll in-natura ta’ att li jista’ jiġi kkontestat tal-ittra tas-17 ta’ Jannar 2012. Skont il-Kummissjoni, din l-ittra ma tikkostitwixxix deċiżjoni fis-sens tal-ġurisprudenza, sa fejn hija ma temendax is-sitwazzjoni ġuridika tar-rikorrenti diġà ddeterminata bid-deċiżjoni tal-15 ta’ Diċembru 2011. Is-suġġett tal-ittra tas-17 ta’ Jannar 2012 kienet biss risposta għall-ittra tar-rikorrenti tal-20 ta’ Diċembru 2011, li tinvoka interpretazzjoni żbaljata, filwaqt li tiċħad din l-allegazzjoni.

95      Għandha titfakkar, f’dan ir-rigward, il-ġurisprudenza stabbilita li jifformaw atti jew deċiżjonijiet, kapaċi li jkunu s-suġġett ta’ rikors għal annullament, il-miżuri li jipproduċu effetti legali vinkolanti li jistgħu jaffettwaw l-interessi tar-rikorrent, billi jbiddlu b’mod sinjifikattiv is-sitwazzjoni ġuridika tiegħu (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-11 ta’ Novembru 1981, IBM vs Il-Kummissjoni, 60/81, Ġabra p. 2639, punt 9, u sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-16 ta’ Lulju 1998, Regione Toscana vs Il-Kummissjoni, T‑81/97, Ġabra p. II‑2889, punt 21).

96      F’dan il-każ, l-ittra tal-Kummissjoni tas-17 ta’ Jannar 2012 ma tistax titqies li tbiddel b’mod ikkaratterizzat is-sitwazzjoni legali tar-rikorrenti. Hija biss id-deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-15 ta’ Diċembru 2011, li ċaħdet il-kandidatura tagħhom fil-kuntest tal-kuntratt inwkistjoni, li tipproduċi tali effett.

97      Fil-fatt, l-ittra tas-17 ta’ Jannar 2012 tinkludi biss elementi ta’ natura purament informattiva u elementi li jispjegaw id-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-kandidatura tar-rikorrenti. Il-Kummissjoni sempliċement tfakkar l-iżvolġiment tal-proċedura ta’ qabel ma ntbagħtet din l-ittra, inkluża l-ittra tal-20 ta’ Diċembru 2011 (l-ewwel sal-ħames paragrafi), u tinforma lir-rikorrenti dwar ir-rapporti ta’ awditu eżistenti fil-qasam tas-sigurtà tat-trasport bl-ajru Ewropea u internazzjonali (is-sitt paragrafu) kif ukoll dwar l-assenza ta’ talba għal kjarifika tal-punt tal-avviż tal-kuntratt kkonċernat mill-kandidati l-oħra (id-disa’ paragrafu). Barra minn hekk, fiha l-Kummissjoni tispjega r-raġunijiet taċ-ċaħda tal-kandidatura tar-rikorrenti billi tindika, minn naħa, li ma seta’ jissussisti l-ebda dubju dwar in-natura tar-rapporti mitluba (is-seba’ paragrafu), min-naħa l-oħra, li r-rikorrenti setgħu jipprovdu r-rapporti mitluba bħal ta’ Flying Group Belgium (it-tmien paragrafu) u, fl-aħħar nett, li interpretazzjoni żbaljata anki jekk in bona fide ma setgħetx tiġi ammessa, b’tali mod li l-kumitat ta’ evalwazzjoni kellu jikkonferma d-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-kandidatura tagħhom (l-għaxar paragrafu).

98      Barra minn hekk, anki jekk jiġi preżunt li, fl-assenza ta’ proċedura formali ta’ eżami mill-ġdid prevista mid-dispożizzjonijiet applikabbli, l-eżami mill-ġdid imwettaq b’risposta għal talba f’dan is-sens tista’ tagħti lok għal att li jista’ jkun suġġett għal rikors, tali eżami mill-ġdid ma sarx f’dan il-każ.

99      Fil-fatt, bil-kontra ta’ dak li jsostnu r-rikorrenti, l-ittra tas-17 ta’ Jannar 2012 ma ssegwix eżami mill-ġdid reali tad-deċiżjoni tal-15 ta’ Diċembru 2011, li l-Kummissjoni kienet tibda fuq talba tar-rikorrenti, u ma tistax tiġi analizzata bħala deċiżjoni ġdida, li tista’ tkun suġġetta għal rikors.

100    L-ittra tar-rikorrenti tal-20 ta’ Diċembru 2011 tista’ ċertament tiġi interpretata li tikkontesta ċ-ċaħda tal-kandidatura tagħhom fil-kuntest tal-kuntratt inkwistjoni u li titlob l-eżami mill-ġdid ta’ din iċ-ċaħda. Wara li spjegaw dak li huma kienu jqisu li hija interpretazzjoni żbaljata tar-rekwiżit tal-avviż tal-kuntratt marbut mal-produzzjoni tar-rapporti annwali ta’ sigurtà u ta’ sikurezza li jingħataw mill-awtoritajiet kompetenti (it-tieni, il-ħames u s-sitt paragrafi), ir-rikorrenti fil-fatt fiha esprimew it-tħassib tagħhom fir-rigward taċ-ċaħda tal-kandidatura tagħhom u fir-rigward tal-akkuża ta’ dikjarazzjonijiet foloz (id-disa’ paragrafu) u talbu laqgħa mad-dipartimenti tal-Kummissjoni (it-tieni paragrafu), filwaqt li esprimew it-tama li l-ittra tagħhom twassal lill-Kummissjoni tqishom sħab ta’ fiduċja għall-kuntratt inkwistjoni (il-ħdax-il paragrafu).

101    Madankollu, jirriżulta kemm mill-kliem tal-ittra tas-17 ta’ Jannar 2012, li tirrispondi għall-ittra tar-rikorrenti tal-20 ta’ Diċembru 2011, kif ukoll mill-kuntest li fih din ġiet ifformulata, li l-Kummissjoni ma wettqitx eżami mill-ġdid tad-deċiżjoni tal-15 ta’ Diċembru 2011.

102    Għalhekk, il-Kummissjoni ppreċiżat, waqt is-seduta, li l-ittra tar-rikorrenti tal-20 ta’ Diċembru 2011 u l-annessi tagħha ma ġewx sottomessi lil-kumitat ta’ evalwazzjoni. Id-dikjarazzjoni ta’ dan il-kumitat fl-aħħar tal-ittra tas-17 ta’ Jannar 2012 kienet, għaldaqstant, purament formali. Barra minn hekk, peress li minn din l-ittra ma jirriżulta l-ebda element ta’ analiżi tal-annessi suesposti, il-Kummissjoni sempliċement irrispondiet għall-allegazzjoni tar-rikorrenti dwar l-eżistenza ta’ interpretazzjoni żbaljata dwar ir-rapporti li għandhom jiġu kkomunikati, fatt li ma jippermettix li jitqies, bħala tali, li l-ittra inkwistjoni ġiet adottata wara eżami mill-ġdid tas-sitwazzjoni tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tad-9 ta’ Settembru 2009, Brink’s Security Luxembourg vs Il-Kummissjoni, T‑437/05, Ġabra p. II‑3233, punti 65 u 66, u d-Digriet tal-Qorti Ġenerali tat-8 ta’ Marzu 2012, Octapharma Pharmazeutika vs EMA, T‑573/10, punt 57).

103    Konsegwentement jeħtieġ li t-talba għal annullament tal-ittra tal-Kummissjoni tas-17 ta’ Jannar 2012 tiġi ddikjarata inammissibbli, mingħajr ma hemm lok li tingħata deċiżjoni fuq l-interess ġuridiku tar-rikorrenti fir-rigward ta’ din l-ittra, li huwa kkontestat ukoll mill-Kummissjoni.

2.     Fuq it-talba għall-annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-28 ta’ Frar 2012 (Kawża T-280/12)

104    Peress li l-kundizzjonijiet ta’ ammissibbiltà ta’ rikors, b’mod partikolari l-locus standi tar-rikorrenti, jaqgħu taħt eċċezzjonijiet ta’ inammissibbiltà ta’ ordni pubbliku, hija l-Qorti Ġenerali li għandha tivverifika ex officio jekk ir-rikorrenti għandhomx il-locus standi fir-rigward tad-deċiżjoni tat-28 ta’ Frar 2012 (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-2 ta’ Mejju 2006, Regione Siciliana vs Il-Kummissjoni, C‑417/04 P, Ġabra p. I‑3881, punt 36, u s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-14 ta’ April 2005, Sniace vs Il-Kummissjoni, T‑88/01, Ġabra p. II‑1165, punt 53).

105    Skont ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, kull persuna fiżika jew ġuridika ġuridika tista’ tippreżenta rikors kontra l-atti indirizzati lilha jew li jikkonċernawha direttament u individwalment. Peress li huwa stabbilit li d-destinatarju tad-deċiżjoni ta’ attribuzzjoni tat-28 ta’ Frar 2012 huwa l-persuna li ngħata l-kuntratt inkwistjoni u mhux ir-rikorrenti, jeħtieġ li jiġi vverifikat jekk dawn tal-aħħar humiex direttament u individwalment ikkonċernati minn din id-deċiżjoni.

106    Peress li l-partijiet skambjaw, fl-atti tagħhom, argumenti li jirrigwardaw unikament il-kwistjoni tal-interess ġuridiku tar-rikorrenti kontra d-deċiżjoni tat-28 ta’ Frar 2012, il-Qorti Ġenerali interrogathom bil-miktub dwar il-konsegwenzi li għandhom jinsiltu, għall-finijiet tat-talba għal annullament tal-imsemmija deċiżjoni, mis-sentenza tagħha tal-20 ta’ Marzu 2013, Nexans France vs Entreprise commune Fusion for Energy (T‑415/10, punti 54 sa 58), li fiha hija tat deċiżjoni dwar l-interess dirett ta’ kandidat mhux magħżul minn deċiżjoni ta’ attribuzzjoni ta’ kuntratt.

107    Hemm lok li jitfakkar, f’dan ir-rigward li persuna fiżika jew ġuridika ma tistax tkun direttament ikkonċernata minn att, fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, ħlief bil-kundizzjoni li dan ma jipproduċix direttament effetti fuq is-sitwazzjoni legali tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-5 ta’ Mejju 1998, Dreyfus vs Il‑Kummissjoni, C‑386/96 P, Ġabra p. I‑2309, punti 43 u 45, u s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-26 ta’ Settembru 2000, Starway vs Il‑Kunsill, T‑80/97, Ġabra p. II‑3099, punt 61).

108    Issa, ġie deċiż b’mod konsistenti li meta l-offerta ta’ offerent tiġi miċħuda qabel l-istadju preċedenti għad-deċiżjoni ta’ għoti ta’ kuntratt, b’tali mod li din ma titqabbilx mal-offerti l-oħra, l-ammissibbiltà tar-rikors ippreżentat mill-offerent ikkonċernat kontra d-deċiżjoni ta’ għoti hija suġġetta għall-annullament tad-deċiżjoni li tiċħad l-offerta tiegħu (sentenzi tal-Qorti Ġenerali tat-13 ta’ Settembru 2011, Dredging International u Ondernemingen Jan de Nul vs EMSA, T‑8/09, Ġabra p. II‑6123, punti 134 u 135, u tat-22 ta’ Mejju 2012, Evropaïki Dynamiki vs Il‑Kummissjoni, T‑17/09, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punti 118 u 119).

109    Fil-fatt, huwa biss jekk din l-aħħar deċiżjoni tiġi annullata li d-deċiżjoni ta’ għoti ta’ kuntratt tista’ tipproduċi effetti diretti fuq is-sitwazzjoni legali tal-offerent li l-offerta tiegħu tkun ġiet miċħuda qabel l-istadju preċedenti għad-deċiżjoni ta’ għoti tal-kuntratt. Għall-kuntrarju, meta t-talba għal annullament tad-deċiżjoni li tiċħad l-offerta tiġi miċħuda, id-deċiżjoni ta’ għoti ta’ kuntratt ma jistax ikollha konsegwenzi legali għall-offerent li l-offerta tiegħu tkun ġiet miċħuda qabel l-istadju preċedenti għad-deċiżjoni ta’ għoti. F’dan il-każ, id-deċiżjoni li tiċħad l-offerta tostakola l-possibbiltà li l-offerent ikkonċernat jintlaqat direttament mid-deċiżjoni li tattribwixxi l-kuntratt lil offerent ieħor (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Nexans France vs Entreprise commune Fusion for Energy, punt 106 iktar ʼil fuq, punt 56).

110    Għalhekk, meta, bħal f’dan il-każ, il-kandidatura tar-rikorrenti tiġi miċħuda waqt l-ewwel stadju tal-proċedura ristretta, huwa biss jekk ir-rikorrenti jaslu juru li kien b’mod żbaljat li l-kandidatura tagħhom ġiet miċħuda li huma jkunu jistgħu jistabbilixxu li huma kellhom dritt li din tal-aħħar tiġi pparagunata ma’ dik ta’ offerenti oħra u, għaldaqstant, li d-deċiżjoni li tattribwixxi l-kuntratt lil kandidat ieħor tipproduċi effetti b’mod dirett fuq is-sitwazzjoni legali tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Nexans France vs Entreprise commune Fusion for Energy, punt 106 iktar ʼil fuq, punt 57).

111    Konsegwentement, f’dan il-każ, peress li t-talba għal annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-15 ta’ Diċembru 2011 li tiċħad il-kandidatura tagħhom għall-kuntratt inkwistjoni ġiet miċħuda, ir-rikorrenti ma jistgħux jitqiesu li ġew affettwati direttament mid-deċiżjoni ta’ attribuzzjoni tat-28 ta’ Frar 2012. It-talba għal annullament ta’ din l-aħħar deċiżjoni għandha, għaldaqstant, tiġi miċħuda bħala inammissibbli, mingħajr ma hemm lok li tingħata deċiżjoni fuq l-interess ġuridiku tar-rikorrenti fir-rigward tal-imsemmija deċiżjoni, li hija kkontestata mill-Kummissjoni.

B –  Fuq it-talba għad-danni (Kawża T-280/12)

112    Fir-rigward tal-illegalità allegatament imwettqa mill-Kummissjoni, ir-rikorrenti jsostnu li din l-ewwel kundizzjoni għall-istabbiliment tar-responsabbiltà tal-istituzzjonijiet hija ssodisfatta f’dan il-każ, fid-dawl tal-illegalitajiet suffiċjentement ikkaratterizzati li jivvizzjaw kemm id-deċiżjonijiet ta’ ċaħda kif ukoll id-deċiżjoni ta’ attribuzzjoni tal-kuntratt inkwistjoni. Huma jagħmlu riferiment f’dan ir-rigward għall-atti tagħhom fil-Kawża T-91/12, kif ukoll, f’din il-kawża, billi jsemmu b’mod iktar partikolari l-assimilazzjoni legali tar-rapporti “pre-AOC” u “AOC Continuous Oversight Audit” mar-rapporti tal-awditu annwali ta’ sigurtà u ta’ sikurezza previsti fl-avviż tal-kuntratt, ir-rifjut illegali li jittieħdu inkunsiderazzjoni r-rapporti trażmessi fl-anness għall-ittra tagħhom tal-20 ta’ Diċembru 2011 li jikser l-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, kif ukoll il-ksur tal-Artikolu 89 tar-regolament finanzjarju u tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 123(1) tal-modalitajiet ta’ eżekuzzjoni. Ir-rikorrenti jżidu li r-rifjut tal-Kummissjoni li tikkomunikalhom id-deċiżjoni ta’ attribuzzjoni tal-kuntratt tikkostitwixxi wkoll aġir illegali fir-rigward tal-formalitajiet sostanzjali imposti fuqha u tad-dispożizzjonijiet tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali li jiggarantixxu rimedju effettiv u aċċess għad-dokumenti tal-istituzzjonijiet.

113    Fir-rigward tar-realtà tad-danni, ir-rikorrenti jsostnu li huma tilfu kull opportunità li jipparteċipaw fil-proċedura ristretta u li jingħataw il-kuntratt, u dan jikkostitwixxi dannu materjali li jista’ jiġi kkumpensat. Fid-dawl tad-dimensjoni tagħhom, iżda wkoll tal-ispejjeż u l-benefiċċji kkalkolati, huma jikkalkolaw li l-ammont tad-dannu huwa ta’ EUR 1 014 400, jiġifieri 8 % tal-valur totali tal-kuntratt inkwistjoni għal erba’ snin ta’ eżekuzzjoni tal-kuntratt, fejn dan il-perċentwal jirrappreżenta l-parti li tikkostitwixxi l-eżekuzzjoni tal-kuntratt fid-dħul mill-bejgħ tagħhom. Barra minn hekk, ir-rikorrenti jqisu li dan l-ammont għandu jiżdied bl-interessi kumpensatorji bir-rata ta’ 2.9 % u bl-interessi moratorji bir-rata ta’ 3 %.

114    Fir-rigward tar-rabta kawżali, ir-rikorrenti jqisu li d-danni allegati jirriżultaw direttament mid-deċiżjonijiet illegali adottati mill-Kummissjoni fil-kuntest tal-kuntratt inkwistjoni.

115    Jeħtieġ li jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, l-istabbiliment tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni, fis-sens tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE, għal aġir illegali tal-korpi tagħha, hija ssubordinata għall-unifikazzjoni tal-kundizzjonijiet kollha, jiġifieri l-illegalità tal-aġir attribwit lill-istituzzjonijiet, ir-realtà tad-dannu u l-eżistenza ta’ rabta kawżali bejn l-aġir allegat u d-dannu invokat. Meta waħda minn dawn il-kundizzjonijiet ma tkunx issodisfatta, ir-rikors għandu jiġi miċħud kollu kemm hu mingħajr ma jkun hemm bżonn li jiġu eżaminati l-kundizzjonijiet l-oħra (ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-15 ta’ Ottubru 2013, Evropaïki Dynamiki vs Il-Kummissjoni, T‑457/10, punt 226, u l-ġurisprudenza ċċitata).

116    Insostenn tat-talba tagħhom għad-danni, ir-rikorrenti jinvokaw, fir-rigward tal-kundizzjoni marbuta man-nuqqas, l-illegalità tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-15 ta’ Diċembru 2011, billi tennew li, billi adottat din id-deċiżjoni, il-Kummissjoni kisret l-Artikolu 89(1) tar-regolament finanzjarju, l-Artikolu 134(5) u l-Artikolu 135(5) tal-modalitajiet ta’ eżekuzzjoni kif ukoll il-prinċipju ta’ proporzjonalità, b’mod partikolari billi assimilat b’mod illegali r-rapporti “pre-AOC ” u “AOC Continuous Oversight Audit” mar-rapporti tal-awditu annwali ta’ sigurtà u ta’ sikurezza previsti fl-avviż tal-kuntratt.

117    Peress li dawn il-motivi u l-argumenti ġew miċħuda (ara l-punti 33, 49, 81 u 91 iktar ʼil fuq), it-talba għal kumpens tar-rikorrenti għandha tiġi miċħuda, sa fejn din hija bbażata fuq dawn l-allegati illegalitajiet.

118    Fir-rigward tal-illegalitajiet l-oħra allegati mir-rikorrenti, hemm lok li titfakkar il-ġurisprudenza stabbilita li d-dannu allegat għandu jirriżulta b’mod suffiċjentement dirett mill-aġir allegat, peress li dan tal-aħħar għandu jikkostitwixxi l-kawża determinanti tad-dannu. Fil-fatt, l-istituzzjonijiet ma humiex obbligati jikkumpensaw il-konsegwenzi kollha dannużi, anki jekk fit-tul, ta’ sitwazzjoni illegali (ara s-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-4 ta’ Ottubru 1979, Dumortier frères et vs Il‑Kunsill, 64/76, 113/76, 167/78, 239/78, 27/79, 28/79 u 45/79, Ġabra p. 3091, punt 21, u tal-Qorti Ġenerali tal-10 ta’ Mejju 2006, Galileo International Technology et vs Il-Kummissjoni, T‑279/03, Ġabra p. II‑1291, punt 130, u l-ġurisprudenza ċċitata). Għalhekk, anki fil-każ ta’ kontribuzzjoni eventwali tal-istituzzjonijiet għad-dannu li fir-rigward tiegħu qed issir talba għall-kumpens, l-imsemmija kontribuzzjoni tista’ tkun wisq remota minħabba responsabbiltà li taqa’ fuq individwi oħra, jekk ikun il-każ tar-rikorrenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-18 ta’ Marzu 2010, Trubowest Handel u Makarov vs Il‑Kunsill u Il-Kummissjoni, C‑419/08 P, Ġabra p. I‑2259, punti 59 u 61).

119    F’dan il-każ, mill-eżami tal-legalità tad-deċiżjoni tal-15 ta’ Diċembru 2011 jirriżulta li r-rikorrenti rrispondew għat-talba għal informazzjoni tal-Kummissjoni permezz ta’ dikjarazzjonijiet ineżatti (ara l-punt 74 iktar ʼil fuq). Issa, huma dawn id-dikjarazzjonijiet ineżatti tar-rikorrenti li wasslu, minn naħa, għaċ-ċaħda tal-kandidatura tagħhom u b’hekk impedewhom milli jippreżentaw offerta u, min-naħa l-oħra u b’konsegwenza ta’ dan, sabiex il-kuntratt inkwistjoni ma ġiex attribwit lilhom. Fil-fatt, il-Kummissjoni ma kellha l-ebda għażla oħra, fil-preżenza ta’ dikjarazzjonijiet ineżatti, kemm jekk dawn kienu żbaljati volontarjament u kemm jekk kienu żbaljati minħabba n-negliġenza tar-rikorrenti, ħlief li timplementa l-Artikolu 94(b) tar-regolament finanzjarju billi ċaħdet il-kandidatura tar-rikorrenti (ara l-punt 75 iktar ʼil fuq).

120    Konsegwentement, ir-rikorrenti, permezz tal-aġir tagħhom, kisru r-rabta kawżali allegata bejn l-illegalitajiet u d-danni invokati, b’tali mod li la l-irregolarità li taffettwa d-drittijiet tad-difiża tagħhom, la l-allegati illegalitajiet li jivvizzjaw l-ittra tas-17 ta’ Jannar 2012 u d-deċiżjoni tat-28 ta’ Frar 2012, u lanqas l-allegat rifjut illegali tal-Kummissjoni li tikkomunikalhom din l-aħħar deċiżjoni ma tista’ titqies li tikkostitwixxi l-kawża determinanti tal-imsemmija danni.

121    Isegwi li, peress li hemm nuqqas tal-inqas waħda mill-kundizzjonijiet għall-istabbiliment tar-responsabbiltà għal kull wieħed mill-ilmenti allegati, it-talba għad-danni għandha tiġi miċħuda.

122    Konsegwentement dan ir-rikors għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu.

 Fuq l-ispejjeż

123    Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu.

124    Peress li r-rikorrenti tilfu, hemm lok li huma jiġu kkundannati għall-ispejjeż, kif mitlub mill-Kummissjoni.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Flying Holding NV, Flying Group Lux SA u Flying Service NV huma kkundannati għall-ispejjeż.

Martins Ribeiro

Gervasoni

Madise

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fis-26 ta’ Settembru 2014.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.