Language of document : ECLI:EU:T:2022:263

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Id-Disa’ Awla)

27 ta’ April 2022 (*)

“Disinn Komunitarju – Proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità – Disinn Komunitarju rreġistrat li jirrappreżenta drejn għall-evakwazzjoni tal-ilma tad-doċċa – Disinn preċedenti ppreżentat wara l‑preżentata tal-applikazzjoni għal dikjarazzjoni ta’ invalidità – Artikolu 28(1)(b)(v) tar-Regolament (KE) Nru 2245/2002 – Setgħa diskrezzjonali tal-Bord tal-Appell – Kamp ta’ applikazzjoni – Artikolu 63(2) tar-Regolament (KE) Nru 6/2002 – Proċedura orali u miżuri istruttorji – Artikolu 64 u 65 tar-Regolament Nru 6/2002 – Raġunijiet għal invalidità – Karattru individwali – Artikolu 6 u Artikolu 25(1)(b) tar-Regolament (KE) Nru 6/2002 – Identifikazzjoni tad-disinn preċedenti – Preċedenza kompatta – Determinazzjoni tal‑karatteristiċi tad-disinn ikkontestat – Paragun globali”

Fil-Kawża T‑327/20,

Group Nivelles NV, stabbilita f’Gingelom (il-Belġju), irrappreżentata minn J. Jonkhout, avukat,

rikorrenti,

vs

L-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO), irrappreżentat minn A. Folliard-Monguiral u G. Predonzani, bħala aġenti,

konvenuta,

il-parti l-oħra fil-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell tal-EUIPO, intervenjenti quddiem il-Qorti Ġenerali, hija

Easy Sanitary Solutions BV, stabbilita f’Oldenzaal (il-Pajjiżi l-Baxxi), irrappreżentata minn F. Eijsvogels, avukat,

li għandha bħala suġġett rikors ippreżentat kontra d-deċiżjoni tat-Tielet Awla tal-EUIPO tas-17 ta’ Marzu 2020 (Każ R 2664/2017-3), dwar proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità bejn Group Nivelles u Easy Sanitary Solutions,

IL-QORTI ĠENERALI (Id-Disa’ Awla),

komposta minn M. J. Costeira, Presidenta, M. Kancheva (Relatur) u T. Perišin, Imħallfin,

Reġistratur: A. Juhász-Tóth, Amministratriċi,

wara li rat ir-rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-28 ta’ Mejju 2020,

wara li r-rat ir-risposta tal-EUIPO ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fid-29 ta’ Settembru 2020,

wara li rat ir-risposta tal-intervenjenti ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-2 ta’ Ottubru 2020,

wara li rat il-ħatra ta’ Mħallef ieħor sabiex jikkompleta l-Awla wara l-impediment ta’ wieħed mill-membri tagħha,

wara s-seduta tat-13 ta’ Ottubru 2021,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Fit-28 ta’ Novembru 2003, l-intervenjenti, Easy Sanitary Solutions BV, ippreżentat applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ disinn Komunitarju quddiem l-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO), skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 6/2002, tat-12 ta’ Diċembru 2001, dwar id-disinji Komunitarji (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 27, p. 142).

2        Id-disinn Komunitarju li għalih saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni u li huwa kkontestat f’dan il-każ huwa rrappreżentat fil-perspettivi li ġejjin:

25.1Image not found      25.2Image not found      25.3Image not found

3        Il-prodotti li fihom id-disinn ikkontestat huwa intiż li jiġi inkorporat jaqgħu fil-klassi 23–02 fis-sens tal-Ftehim ta’ Locarno tat-8 ta’ Ottubru 1968 li jistabbilixxi klassifikazzjoni internazzjonali għad-disinni industrijali, kif emendat, u jikkorrispondu għad-deskrizzjoni li ġejja: “Drejn għall-evakwazzjoni tal-ilma tad-doċċa” (shower drains).

4        Id-disinn ikkontestat ġie rreġistrat fid-9 ta’ Marzu 2004 bħala disinn Komunitarju bin-numru 107834-0025 u ppubblikat fl-istess jum fil-Bullettin ta’ Disinni Komunitarji Nru 19/2004. Dan iġġedded diversi drabi, fosthom fis-16 ta’ Ġunju 2018.

5        Fit-3 ta’ Settembru 2009, I-Drain BVBA, il-predeċessur legali tar-rikorrenti, Group Nivelles NV, ressqet, skont l-Artikolu 52 tar-Regolament Nru 6/2002, applikazzjoni għal dikjarazzjoni ta’ invalidità tad-disinn ikkontestat.

6        Ir-raġunijiet invokati insostenn tal-applikazzjoni għal dikjarazzjoni ta’ invalidità kienu dawk imsemmija fl-Artikolu 25(1)(b) tar-Regolament Nru 6/2002, moqri flimkien mal-Artikoli 4 sa 9 tal-istess regolament.

7        I-Drain annettiet mal-applikazzjoni għal dikjarazzjoni ta’ invalidità tagħha kopja tar-reġistrazzjoni internazzjonali DM/059828 (iktar ’il quddiem ir-“reġistrazzjoni DM/059828”), ippreżentat u rreġistrat fit-2 ta’ April 2002 mill-intervenjenti u ppubblikat fit-30 ta’ Ġunju 2002 kif ġej:

Image not found

8        Fit-2 ta’ April 2010, fir-risposta tagħha għall-osservazzjonijiet tal-intervenjenti, wara t-tressiq tal-applikazzjoni għal dikjarazzjoni ta’ invalidità tagħha, I-Drain ippreżentat dokumenti ġodda dwar disinni oħra, fosthom, b’mod partikolari, estratti bbażati fuq żewġ katalogi ta’ prodotti Blücher tal-1998 u tal-2000 li jinkludu, kull wieħed fil-paġna 33, l-istampa segwenti, li fiċ-ċentru tagħha kien hemm pjanċa li tiġbor (iktar ’il quddiem il-“pjanċa li tiġbor tal-katalogi Blücher”):

Image not found

9        Fit-30 ta’ Awwissu 2010, wara amalgamazzjoni b’akkwist, ir-rikorrenti assumiet id-drittijiet u l-obbligi ta’ I-Drain, li ma baqgħetx teżisti bħala persuna ġuridika.

10      Permezz ta’ deċiżjoni tat-23 ta’ Settembru 2010, id-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni laqgħet l-applikazzjoni għal dikjarazzjoni ta’ invalidità u ddikjarat invalidu d-disinn ikkontestat abbażi tal-Artikolu 25(1)(b) tar-Regolament Nru 6/2002, minħabba n-nuqqas ta’ novità tiegħu, fis-sens tal-Artikolu 5 tal-istess regolament, fir-rigward tal-pjanċa li tiġbor tal-katalogi Blücher.

11      Fil-15 ta’ Ottubru 2010, l-intervenjenti ppreżentat appell quddiem l-EUIPO, skont l-Artikoli 55 sa 60 tar-Regolament Nru 6/2002, kontra d-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni.

12      Permezz ta’ deċiżjoni tal-4 ta’ Ottubru 2012 (iktar ’il quddiem l-“ewwel deċiżjoni”), it-Tielet Bord tal-Appell tal-EUIPO laqa’ l-appell u annulla d-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni sa fejn din kienet ibbażata fuq l-Artikolu 25(1)(b) tar-Regolament Nru 6/2002, moqri flimkien mal-Artikolu 4(1) u mal-Artikolu 5 tal-istess regolament, jiġifieri sa fejn din ikkonkludiet li d-disinn ikkontestat ma kellux novità. Huwa bagħat lura l-każ lid-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni sabiex din teżamina mill-ġdid l-applikazzjoni għal dikjarazzjoni ta’ invalidità sa fejn din kienet ibbażata fuq l-Artikolu 25(1)(b) ta’ dan ir-regolament, moqri flimkien mal-Artikolu 4(1) u mal-Artikolu 6 tal-imsemmi regolament, jiġifieri minħabba l-assenza ta’ karattru individwali tad-disinn ikkontestat.

13      Fis-7 ta’ Jannar 2013, ir-rikorrenti ppreżentat rikors quddiem il-Qorti Ġenerali, skont l-Artikolu 61 tar-Regolament Nru 6/2002, kontra l-ewwel deċiżjoni.

14      Permezz ta’ sentenza tat-13 ta’ Mejju 2015, Group Nivelles vs UASI – Easy Sanitary Solutions (Drejn għall-evakwazzjoni tal-ilma tad-doċċa) (T‑15/13, iktar ’il quddiem l-“ewwel sentenza tal-Qorti Ġenerali”, EU:T:2015:281), il-Qorti Ġenerali annullat l-ewwel deċiżjoni u ċaħdet ir-rikors għall-bqija. Bħall-EUIPO sa dak il-mument, il-Qorti Ġenerali ħadet inkunsiderazzjoni, bħala (parti minn) disinn preċedenti, il-pjanċa li tiġbor tal-katalogi Blücher, iżda mhux id-disinn DM/059828.

15      Fil-11 ta’ Lulju u fl-24 ta’ Lulju 2015, l-intervenjenti u l-EUIPO ppreżentaw appelli rispettivi quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja kontra l-ewwel sentenza tal-Qorti Ġenerali.

16      Permezz ta’ sentenza tal-21 ta’ Settembru 2017, Easy Sanitary Solutions u EUIPO vs Group Nivelles (C‑361/15 P u C‑405/15 P, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”, EU:C:2017:720), il-Qorti tal-Ġustizzja ċaħdet l-appelli, wara li madankollu kkonstatat, fil-punti 72 u 134 ta’ din is-sentenza, żewġ żbalji ta’ liġi mwettqa mill-Qorti Ġenerali. Fl-ewwel lok, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Qorti Ġenerali kienet wettqet żball ta’ liġi, fil-punti 77 sa 79 u 84 tal-ewwel sentenza tal-Qorti Ġenerali, billi rrikjediet lill-EUIPO li jipproċedi, fil-kuntest tal-evalwazzjoni tan-novità tad-disinn ikkontestat, għall-kombinazzjoni tal-elementi differenti ta’ disinn jew ta’ diversi disinni preċedenti li jinsabu f’estratti differenti mill-katalogi Blücher annessi mal-applikazzjoni għal dikjarazzjoni ta’ invalidità, minkejja li l-applikant għal dikjarazzjoni ta’ invalidità ma kienx irriproduċa d-disinn kollu li huwa kien qiegħed jinvoka l-preċedenza tiegħu. Fit-tieni lok, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Qorti Ġenerali kienet wettqet żball ta’ liġi, fil-punt 132 tal-ewwel sentenza tal-Qorti Ġenerali, meta eżiġiet, fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-karattru individwali tad-disinn ikkontestat, li l-utent avżat ta’ dan id-disinn kien jaf il-prodott li fih id-disinn preċedenti kien ġie inkorporat jew li għalih kien japplika. Madankollu, peress li l-appelli ġew miċħuda, l-annullament tal-ewwel deċiżjoni permezz tal-ewwel sentenza tal-Qorti Ġenerali sar res judicata u l-kawża ntbagħtet lura quddiem l-EUIPO.

17      Fid-19 ta’ Diċembru 2017, il-partijiet quddiem l-EUIPO ġew informati bil-fatt li l-appell mid-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni kien ġie ppreżentat quddiem it-Tielet Bord tal-Appell, li ddeċieda f’kompożizzjoni ġdida, bin-numru R 2664/2017-3.

18      Fl-24 ta’ Lulju 2018, ir-relatur tal-Bord tal-Appell bagħat lill-partijiet quddiem l-EUIPO komunikazzjoni li informathom li d-disinn preċedenti ppreżentat lill-Bord tal-Appell kien id-disinn DM/059828, li kien l-uniku wieħed imsemmi fl-applikazzjoni għal dikjarazzjoni ta’ invalidità, għall-kuntrarju tal-pjanċa li tiġbor tal-katalogi Blücher. Fil-fatt, ir-relatur, waqt li eżamina mill-ġdid il-fajl wara r-rinviju mill-Qorti tal-Ġustizzja, kien ikkonstata li d-disinn preċedenti eżaminat mill-qrati li ddeċidew preċedentement ma kienx jidher fl-applikazzjoni għal dikjarazzjoni ta’ invalidità u li ebda disinn ieħor ma kien imsemmi fl-imsemmija applikazzjoni. Il-partijiet ingħataw terminu ta’ xahrejn sabiex jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom.

19      Fil-21 ta’ Settembru 2018, ir-rikorrenti ppreżentat l-osservazzjonijiet tagħha.

20      Permezz ta’ deċiżjoni tas-17 ta’ Marzu 2020 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), it-Tielet Bord tal-Appell tal-EUIPO laqa’ l-appell tal-intervenjenti, annulla d-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni u ċaħad l-applikazzjoni għal dikjarazzjoni ta’ invalidità. Preliminarjament, huwa kkonstata li, fl-applikazzjoni għal dikjarazzjoni ta’ invalidità, ir-rikorrenti kienet indikat bħala disinn preċedenti biss id-disinn DM/059828 u li d-disinni l-oħra, bħal dak tal-katalogi Blücher, kienu ġew invokati sussegwentement, f’osservazzjonijiet komplementari. Issa, huwa fakkar li l-Artikolu 63(2) tar-Regolament Nru 6/2002 ma kienx jawtorizza lill-applikant jestendi s-suġġett tal-proċedura billi jibbaża l-applikazzjoni tiegħu fuq disinni ġodda preċedenti.

21      Fir-rigward tad-disinn ikkontestat u tal-karatteristiċi viżibbli tiegħu, il-Bord tal-Appell qies li kien irreġistrat għal drejns għall-evakwazzjoni tal-ilma tad-doċċa magħmula minn sifun, minn tank u minn pjanċa li tiġbor u, b’mod partikolari, li l-prodott irrappreżentat fid-disinn ikkontestat kellu kanali laterali minn naħa u minn naħa oħra u ġnub esterni fini, filwaqt li l-pjanċa li tiġbor kienet ornata b’punti fuq il-wiċċ kollu tagħha. Il-Bord tal-Appell fakkar li, skont l-ewwel sentenza tal-Qorti Ġenerali, fil-punt 49, wara l-installazzjoni tad-“(drejn għall-evakwazzjoni tal-ilma) tad-doċċa (shower drain)” ikkonċernat mid-disinn ikkontestat, jiġifieri l-integrazzjoni tiegħu fl-art tad-doċċa, ma kinitx biss il-parti ta’ fuq tal-pjanċa li kienet viżibbli, iżda wkoll iż-żewġ kanali laterali kif ukoll il-parti superjuri tal-bordura tat-tank.

22      Fir-rigward tad-disinn preċedenti, il-Bord tal-Appell qies li huwa kellu jwettaq eżami komplet tal-provi prodotti sabiex jistabbilixxi b’mod preċiż fiex kien jikkonsisti, peress li, wara s-sentenza tal-appell u l-ewwel sentenza tal-Qorti Ġenerali, dan ma setax ikun il-pjanċa li tiġbor li tinsab fiċ-ċentru tal-istampa fil-paġna 33 tal-katalogi Blücher, li ma kinitx tirrappreżenta dispożittiv ta’ evakwazzjoni ta’ likwidi komplet. Wara li fakkar li l-applikazzjoni għal dikjarazzjoni ta’ invalidità kienet tiddefinixxi s-suġġett tal-proċedimenti, li kien jirriżulta, minn naħa, mid-disinn ikkontestat u, min-naħa l-oħra, mid-disinni preċedenti invokati, il-Bord tal-Appell qies li, f’dan il-każ, ir-rikorrenti kienet ibbażat l-applikazzjoni għal dikjarazzjoni ta’ invalidità tagħha fuq id-disinn DM/059828 (irriprodott fil-punt 7 iktar ’il fuq).

23      Fir-rigward tal-funzjoni teknika tad-disinn ikkontestat, il-Bord tal-Appell qies li ebda waħda mill-karatteristiċi tiegħu ma kienet imposta esklużivament mill-funzjoni teknika tiegħu u, konsegwentement, ma kellha tiġi eskluża mill-protezzjoni, u lanqas ma kellu jiġi attribwit rwol sostanzjalment imnaqqas fl-effett tagħha fuq il-paragun globali. Hija indikat ukoll li d-disinn f’dan il-qasam kien jinkludi komponent estetiku qawwi.

24      Fir-rigward tal-karattru individwali tad-disinn ikkontestat, l-ewwel nett, il-Bord tal-Appell qies li l-utent avżat kien persuna li kienet taf il-karatteristiċi u l-konfigurazzjonijiet bażiċi tad-drejns għar-rimi tal-ilma disponibbli fil-ħajja normali tal-kummerċ u li kienet tagħmel parti kemm mill-pubbliku professjonali (kompost, pereżempju, mill-bejjiegħa bl-imnut li jbigħu id-drejns għar-rimi tal-ilma lil terzi, plamers li kienu jinstallawhom jew il-periti interni li kienu jfittxu u jagħżlu l-kanali għall-klijenti tagħhom fid-dawl tal-apparenza estetika tagħhom) u mill-pubbliku mhux professjonali, li kien għalhekk jinkludi lill-utenti finali li kienu jagħżluhom u jixtruwhom huma stess bil-għan li jiġu installati u li jintużaw fi kwalunkwe settur jew ambjent. It-tieni nett, il-Bord tal-Appell qies li l-libertà tal-kreatur kienet relattivament wiesgħa, peress li, anki jekk l-utent avżat, bħala tali, kien jaf li d-drejns għar-rimi tal-ilma, sabiex jaqdu l-funzjoni tagħhom ta’ evakwazzjoni tal-ilma, kellhom ikunu akkumpanjati minn tank b’għeluq laterali u fit-tarf, b’sifun marbut mal-kanalar kif ukoll bi gradilji jew gradilja, jew bi pjanċa magħluqa bi xquq jew fetħiet li minnhom kien jgħaddi l-ilma, madankollu kien jibqa’ l-fatt li d-dehra speċifika ta’ dawn il-karatteristiċi, b’mod partikolari f’dak li kien jikkonċerna l-forma, il-materjal, id-daqs u l-proporzjonijiet, setgħet tvarja, peress li ma kinux jeżistu obbligi speċifiċi ħlief dawk li jippermettu li jiġi żgurat ir-rimi tal-ilma. It-tielet nett, wara li stabbilixxa l-karatteristiċi tad-disinn ikkontestat u tad-disinni preċedenti żvelati, meħuda individwalment, u wara li qabbel l-impressjonijiet globali tagħhom (ara l-punti 117 sa 127 iktar ’il quddiem), il-Bord tal-Appell ikkonkluda li d-disinn ikkontestat kellu karattru individwali u li ma jistax, a fortiori, ikun nieqes minn novità, b’tali mod li kien validu.

 It-talbiet tal-partijiet

25      Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        tiddeċiedi mill-ġdid u tiddikjara null, billi tikkorreġi l-motivi, id-disinn ikkontestat;

–        tikkundanna lill-EUIPO għall-ispejjeż.

26      L-EUIPO jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

27      L-intervenjenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad l-ilmenti invokati insostenn tal-ewwel, tat-tieni, tar-raba’, tal-ħames u tas-sitt motivi;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Fid-dritt

28      Insostenn tar-rikors, ir-rikorrenti tqajjem sitt motivi, ibbażati, essenzjalment, fuq żbalji ta’ evalwazzjoni mwettqa mill-Bord tal-Appell, l-ewwel, fil-punt 24 tad-deċiżjoni kkontestata (kif ukoll fl-ewwel żewġ paragrafi tat-tieni paġna tal-komunikazzjoni tar-relatur tal-24 ta’ Lulju 2018, li għalihom jirreferi dan il-punt), it-tieni, fil-punt 26 tal-istess deċiżjoni, it-tielet, fil-punti 38 u 39 ta’ din id-deċiżjoni, flimkien mal-punti 58 u 62 sa 65 tal-imsemmija deċiżjoni, ir-raba’, fil-punti 98 sa 110 u 112 tad-deċiżjoni kkontestata,u l-ħames, fil-punt 111 tal-istess deċiżjoni, flimkien mal-punti 29 u 30 ta’ din id-deċiżjoni, u, is-sitta, fil-punti 114 sa 117 tad-deċiżjoni msemmija.

29      Il-Qorti Ġenerali tqis opportun li teżamina, qabel kollox, it-tielet u l-ewwel motivi, li jikkonċernaw l-identifikazzjoni tad-disinn preċedenti, sussegwentement, it-tieni motiv, li jirrigwarda d-determinazzjoni tal-karatteristiċi tad-disinn ikkontestat, u, fl-aħħar nett, ir-raba’, il-ħames u s-sitt motivi, li jikkonċernaw il-paragun tad-disinni kunfliġġenti u l-evalwazzjoni tal-karattru individwali tad-disinn ikkontestat.

 Fuq l-ewwel u t-tielet motiv, dwar l-identifikazzjoni tad-disinn preċedenti

 Fuq it-tielet motiv

30      Permezz tat-tielet motiv, ir-rikorrenti tallega li l-Bord tal-Appell, fil-punti 38 u 39 tad-deċiżjoni kkontestata, flimkien mal-punti 58 u 62 sa 65 tal-istess deċiżjoni, wettaq żball u kiser l-Artikolu 63(2) tar-Regolament Nru 6/2002 billi qies li huma biss il-provi ppreżentati fil-kuntest tal-applikazzjoni għal dikjarazzjoni ta’ invalidità quddiem id-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni, f’dan il-każ l-applikazzjoni tal-predeċessur legali tar-rikorrenti tat-3 ta’ Settembru 2009, li kienu ammessi u li setgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-invalidità. Hija tqis, fid-dritt, li tali setgħa hija rrikonoxxuta lill-EUIPO fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-fatti u tal-provi prodotti fi proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità jekk u sa fejn l-EUIPO jkollu jieħu deċiżjoni f’dawn l-istess proċedimenti. Min-naħa l-oħra, fil-fehma tagħha, din is-setgħa ma tistax tiġi invokata fir-rigward ta’ fatti u ta’ provi ppreżentati fi proċedimenti li fihom l-EUIPO jkun diġà ddeċieda u li diġà kien is-suġġett ta’ deċiżjoni definittiva u preċedenti min-naħa tiegħu.

31      F’dan il-każ, skont ir-rikorrenti, xi proċedimenti kienu diġà taw lok għal deċiżjoni definittiva u preċedenti, jiġifieri l-proċedimenti quddiem id-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni tal-EUIPO li wasslu għad-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni tat-23 ta’ Settembru 2010 u l-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell tal-EUIPO li wasslu għall-ewwel deċiżjoni, tal-4 ta’ Ottubru 2012. Dawn iż-żewġ proċedimenti wasslu għall-konklużjoni li l-fatti u l-provi kollha setgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni. Fil-proċeduri ulterjuri quddiem il-Qorti Ġenerali u quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, il-kwistjoni tal-ammissibbiltà tal-fatti u tal-provi ppreżentati mill-partijiet fil-kuntest tal-proċedimenti preċedenti quddiem id-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni u l-Bord tal-Appell la ġiet invokata u lanqas ikkontestata, ex officio jew mod ieħor. B’mod partikolari, il-konklużjoni li r-relatur, fil-komunikazzjoni tiegħu tal-24 ta’ Lulju 2018, jaħseb li jasal għaliha mis-sentenza mogħtija fl-appell, li tgħid li huwa impossibbli li jiġi ppreżentat ir-ritratt li jinsab fil-paġna 33 tal-katalogi Blücher, hija wkoll ineżatta. L-intervenjenti u l-EUIPO qatt ma kkontestaw dawn il-konstatazzjonijiet tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni u tal-Bord tal-Appell f’dan ir-rigward, la quddiem il-Qorti Ġenerali u lanqas quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

32      Ir-rikorrenti ssostni għalhekk li l-Bord tal-Appell, meta fformula din il-konstatazzjoni fil-punti kkonċernati tad-deċiżjoni kkontestata, mar lura fuq deċiżjonijiet definittivi preċedenti. Dan imur kontra l-prinċipji ġenerali ta’ amministrazzjoni tajba u ta’ riżoluzzjoni ta’ tilwim, kif previsti fl-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, kif ukoll kontra l-prinċipji ta’ ċertezza legali, ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi u ta’ diliġenza proċedurali. Hija tikkonkludi li l-Bord tal-Appell ma setax jeżerċita, b’effett retroattiv, is-setgħa mogħtija mill-Artikolu 63(2) tar-Regolament Nru 6/2002.

33      L-EUIPO jikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

34      L-intervenjenti tissottometti ruħha għall-ġudizzju tal-Qorti Ġenerali f’dak li jikkonċerna l-ilment ta’ dritt imqajjem mir-rikorrenti f’dan il-motiv.

35      Fil-punti 38 u 39 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell qies li, peress li l-Qorti tal-Ġustizzja qieset fis-sentenza appellata li huwa kien ħa inkunsiderazzjoni fl-ewwel deċiżjoni disinn preċedenti mhux xieraq, kellhom jiġu eżaminati disinni preċedenti oħra invokati mir-rikorrenti. Fl-applikazzjoni għal dikjarazzjoni ta’ invalidità, din tal-aħħar kienet indikat bħala disinn preċedenti d-disinn DM/059828, u ebda disinn ieħor. Id-disinni l-oħra kienu ġew invokati sussegwentement mill-predeċessur legali tar-rikorrenti, f’osservazzjonijiet addizzjonali. F’dan ir-rigward, il-Bord tal-Appell żied li kellu jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li l-Artikolu 63(2) tar-Regolament Nru 6/2002 ma kienx jawtorizza lill-applikant jestendi s-suġġett tal-proċedura billi jibbaża l-applikazzjoni tiegħu fuq disinni ġodda preċedenti, għaliex tali approċċ ikollu l-effett li jtawwal il-proċedura u jibdel is-suġġett tagħha. Issa, id-disinni preċedenti ġodda, ippreżentati mill-predeċessur legali tar-rikorrenti fl-osservazzjonijiet ulterjuri tagħha, jiġifieri dawk li jidhru fil-katalogi Blücher, ma kinux ġew invokati bħala disinni preċedenti fl-applikazzjoni għal dikjarazzjoni ta’ invalidità.

36      Fil-punt 58 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell fakkar li, kif kien diġà ddeċieda f’diversi deċiżjonijiet preċedenti, l-applikazzjoni għal dikjarazzjoni ta’ invalidità kienet tiddefinixxi s-suġġett tal-proċedimenti, li kien jirriżulta, minn naħa, mid-disinn ikkontestat u, min-naħa l-oħra, mid-disinni preċedenti invokati, u li, għal din ir-raġuni, ma kienx għadu possibbli li jiġu ppreżentati fil-proċedimenti disinni preċedenti oħra li jistgħu jostakolaw in-novità jew il-karattru individwali tad-disinn ikkontestat wara l-preżentata tal-applikazzjon i.

37      Fil-punt 62 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell osserva li l-pjanċa li tiġbor li tidher fiċ-ċentru tal-istampa ppreżentata fil-paġna 33 tal-katalogi Blücher, indikata mill-predeċessur legali tar-rikorrenti bħala d-disinn jew wieħed mid-disinni preċedenti li suppost juru li d-disinn ikkontestat ma kellux novità u karattru individwali, kienet ġiet ippreżentata biss b’risposta għall-osservazzjonijiet tal-intervenjenti. Huwa ppreċiża li l-fatt li l-istanzi li ddeċidew preċedentement kienu qiesu l-imsemmija pjanċa bħala disinn preċedenti ammissibbli jmur kontra l-prinċipji msemmija iktar ’il fuq, li jgħidu li s-suġġett tal-proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità kien iddefinit fl-applikazzjoni u li ma kienx permess li jiġu ppreżentati disinni preċedenti oħra f’dawn il-proċedimenti wara l-preżentata tal-applikazzjoni għal dikjarazzjoni ta’ invalidità.

38      Fil-punt 63 tad-deċiżjoni kkontestata, għall-finijiet ta’ kompletezza, il-Bord tal-Appell osserva li l-ammissibbiltà ta’ fatti, provi u dokumenti addizzjonali dwar disinni jew drittijiet preċedenti diġà msemmija fl-applikazzjoni għal dikjarazzjoni ta’ invalidità kienet suġġetta għas-setgħat diskrezzjonali mogħtija lid-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni skont l-Artikolu 63(2) tar-Regolament Nru 6/2002. Madankollu, din id-dispożizzjoni ma tippermettix li l-applikant għal dikjarazzjoni ta’ invalidità jestendi s-suġġett tal-proċedimenti billi jibbaża l-applikazzjoni fuq disinni ġodda preċedenti, għaliex tali approċċ ikollu l-effett li jtawwal il-proċedimenti u jibdel is-suġġett tagħha. Għaldaqstant, peress li d-disinni ċċitati, b’mod partikolari, fid-dokumenti annessi 3a u 3b, jiġifieri fil-katalogi Blücher, ma kinux issemmew fl-applikazzjoni għal dikjarazzjoni ta’ invalidità, la d-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni u lanqas il-Bord tal-Appell ma kellhom setgħa diskrezzjonali f’dan ir-rigward. Konsegwentement, id-disinni li jidhru f’dawn id-dokumenti ma jistgħux jitqiesu arti preċedenti ammissibbli għall-finijiet ta’ dan il-proċediment għal dikjarazzjoni ta’ invalidità. Fil-punt 64 tal-istess deċiżjoni, il-Bord tal-Appell ikkonstata li, għall-istess raġunijiet, id-dokumenti u r-ritratti msemmija mir-rikorrenti fl-osservazzjonijiet tagħha bi tweġiba għall-komunikazzjoni tar-relatur li kienu jikkonċernaw disinni oħra minbarra dawk li jinsabu fid-disinn DM/059828 ma jistgħux jikkostitwixxu arti preċedenti ammissibbli.

39      Fil-punt 65 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell ikkonkluda, għalhekk, li, skont il-komunikazzjoni tar-relatur, l-uniku disinn preċedenti f’dan il-każ kien id-disinn DM/059828.

40      Permezz tat-tielet motiv, ir-rikorrenti tqis, essenzjalment, li l-Bord tal-Appell wettaq żball u kiser l-Artikolu 63(2) tar-Regolament Nru 6/2002 billi bbaża d-deċiżjoni tiegħu biss fuq id-disinni preċedenti rrappreżentati fl-applikazzjoni għal dikjarazzjoni ta’ invalidità, mingħajr kunsiderazzjoni għall-provi, bħall-katalogi Blücher, prodotti wara l-preżentata ta’ din l-applikazzjoni għal dikjarazzjoni ta’ invalidità, li fuqhom il-Bord tal-Appell ibbaża ruħu biss fl-ewwel deċiżjoni tiegħu, li kienet saret res judicata.

41      F’dan ir-rigward, qabel kollox, għandu jiġi kkonstatat li l-kwistjoni tal-identifikazzjoni tad-disinni preċedenti li għandhom jiġu pparagunati mad-disinn ikkontestat qatt ma ġiet deċiża b’mod definittiv matul il-proċedimenti preċedenti quddiem l-EUIPO, il-Qorti Ġenerali u l-Qorti tal-Ġustizzja.

42      Fil-fatt, minn naħa, l-ewwel deċiżjoni tal-Bord tal-Appell, li barra minn hekk ma kinitx iddeċidiet espliċitament dwar l-ammissibbiltà tad-dokumenti prodotti mir-rikorrenti wara l-preżentata tal-applikazzjoni tagħha għal dikjarazzjoni ta’ invalidità, ġiet annullata permezz tal-ewwel sentenza tal-Qorti Ġenerali, li d-dispożittiv tagħha sar res judicata (ara l-punti 14 u 16 iktar ’il fuq). Issa, skont ġurisprudenza stabbilita, sentenza ta’ annullament topera ex tunc u għalhekk għandha l-effett li telimina b’mod retroattiv l-att annullat mill-ordinament ġuridiku (ara s-sentenzi tas-27 ta’ Ġunju 2013, Beifa Group vs UASI – Schwan-Stabilo Schwanhäußer (Strumenti tal-kitba), T‑608/11, mhux ippubblikata, EU:T:2013:334, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tat-23 ta’ Settembru 2020, CEDC International vs EUIPO – Underberg (Forma ta’ werqa ħaxixa ġewwa flixkun), T‑796/16, EU:T:2020:439, punt 72 (mhux ippubblikata) u l-ġurisprudenza ċċitata). Għaldaqstant, l-ewwel deċiżjoni għebet mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni Ewropea u bl-ebda mod ma saret res judicata.

43      Min-naħa l-oħra, fl-ewwel sentenza tal-Qorti Ġenerali (ara l-punt 14 iktar ’il fuq), din tal-aħħar lanqas ma ddeċidiet dwar l-ammissibbiltà tal-imsemmija dokumenti, u wisq inqas dwar is-suġġett tad-disinni preċedenti li jkollhom jiġu pparagunati mad-disinn ikkontestat. Fil-fatt, dan il-punt ma tqajjem la mill-partijiet u lanqas ex officio mill-Qorti Ġenerali. Barra minn hekk, is-sentenza mogħtija fl-appell (ara l-punt 16 iktar ’il fuq) kienet limitata biss għall-punti ta’ liġi mqajma fl-appelli. Għaldaqstant, il-kwistjoni tal-identifikazzjoni tad-disinni preċedenti li fuqha kienet ibbażata l-applikazzjoni għal dikjarazzjoni ta’ invalidità kif ukoll dik tar-rilevanza tad-dokumenti ppreżentati sussegwentement sabiex jiġi ddefinit liema huma d-disinni preċedenti la tqajmu u nqatgħu fl-ewwel sentenza tal-Qorti Ġenerali kif ukoll fis-sentenza tal-appell.

44      Wara dan, għandu jiġi kkonstatat li dan il-motiv huwa bbażat fuq il-premessa li tgħid li l-Artikolu 63(2) tar-Regolament Nru 6/2002 huwa applikabbli f’ċirkustanzi bħal dawk ta’ din il-kawża. Għaldaqstant, għandu jiġi eżaminat jekk din id-dispożizzjoni hijiex applikabbli f’dan il-każ, tal-inqas għall-kwistjoni tal-identifikazzjoni tad-disinn preċedenti, fid-dawl, b’mod partikolari, tal-Artikolu 28(1)(b)(v) u (vi) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2245/2002 tal-21 ta’ Ottubru 2002 li jimplimenta r-Regolament Nru 6/2002 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 31, p. 14).

45      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 63(2) tar-Regolament Nru 6/2002, l-EUIPO jistax jieħu inkunsiderazzjoni fatti li l-partijiet ma jkunux invokaw jew provi li ma jkunux ipproduċew f’ħin xieraq. Din id-dispożizzjoni tagħti għalhekk setgħa diskrezzjonali kemm lid-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni kif ukoll lill-Bord tal-Appell tal-EUIPO.

46      Skont ġurisprudenza stabbilita, mill-kliem tal-Artikolu 63(2) tar-Regolament Nru 6/2002 jirriżulta li, bħala regola ġenerali u sakemm ma jkunx hemm dispożizzjoni kuntrarja, il-preżentazzjoni ta’ fatti u ta’ provi mill-partijiet tibqa’ possibbli wara l-iskadenza tat-termini li għalihom tkun suġġetta tali preżentazzjoni, b’applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 6/2002, u li l-EUIPO ma huwa bl-ebda mod ipprojbit milli jieħu inkunsiderazzjoni fatti u provi invokati jew prodotti tardivament. Billi tippreċiża li dan tal-aħħar “jista’” ma jiħux inkunsiderazzjoni fatti u provi bħal dawn, l-imsemmija dispożizzjoni tagħti fil-fatt lill-EUIPO marġni diskrezzjonali wiesa’ sabiex jiddeċiedi, filwaqt li jagħti r-raġunijiet għad-deċiżjoni tiegħu fuq dan il-punt, jekk ikunx hemm lok li jeħodhom inkunsiderazzjoni jew le (ara s-sentenza tal-5 ta’ Lulju 2017, Gamet vs EUIPO – “Metal-Bud II” Robert Gubała (Pum ta’ bieb), T‑306/16, mhux ippubblikata, EU:T:2017:466, punti 15 u 16 u l-ġurisprudenza ċċitata).

47      Fir-rigward tal-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali tal-EUIPO għall-finijiet tal-eventwali teħid inkunsiderazzjoni ta’ provi ppreżentati tardivament, tali teħid inkunsiderazzjoni mill-EUIPO, meta jintalab jiddeċiedi fil-kuntest ta’ proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità, jista’, b’mod partikolari, jiġġustifika ruħu meta jqis li, minn naħa, il‑provi prodotti tardivament jistgħu prima facie jkollhom rilevanza vera għal dak li jirrigwarda l-eżitu tal-applikazzjoni għal dikjarazzjoni ta’ invalidità mressqa quddiemu u, min-naħa l-oħra, l-istadju tal-proċedura li fih isseħħ din il-produzzjoni tardiva u ċ-ċirkustanzi relatati ma jkunux jipprekludu dan it-teħid inkunsiderazzjoni. Minn dan jirriżulta li hija l-Qorti Ġenerali li għandha tevalwa jekk il-Bord tal-Appell ikunx eżerċita b’mod effettiv is-setgħa diskrezzjonali wiesgħa li huwa għandu sabiex jiddeċiedi, b’mod motivat u billi jieħu debitament inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi rilevanti kollha, kemm jekk kienx hemm lok jew le li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-provi prodotti għall-ewwel darba quddiemu sabiex jagħti d-deċiżjoni li huwa kien mitlub jieħu. Barra minn hekk, hija għandha tistħarreġ jekk il-Bord tal-Appell ikunx għamel użu xieraq mis-setgħa diskrezzjonali mogħtija lilu mill-Artikolu 63(2) tar-Regolament Nru 6/2002 (ara s-sentenza tal-5 ta’ Lulju 2017, Pum ta’ bieb, T‑306/16, mhux ippubblikata, EU:T:2017:466, punti 17 u 18 u l-ġurisprudenza ċċitata).

48      Mill-ġurisprudenza jirriżulta wkoll li l-preżentazzjoni ta’ provi li jiżdiedu ma’ provi li huma stess ikunu ġew prodotti f’terminu stabbilit għal dan il-għan mill-EUIPO tibqa’ possibbli wara l-iskadenza tal-imsemmi terminu u li bl-ebda mod ma huwa pprojbit lill-EUIPO milli jieħu inkunsiderazzjoni provi addizzjonali prodotti tardivament (ara s-sentenza tal-14 ta’ Marzu 2018, Crocs vs EUIPO – Gifi Diffusion (Żraben), T-651/16, mhux ippubblikata, EU:T:2018:137, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata; ara wkoll, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tas-26 ta’ Settembru 2013, Centrotherm Systemtechnik vs UASI u centrotherm Clean Solutions, C‑610/11 P, EU:C:2013:593, punt 88).

49      Madankollu, għandu jitfakkar ukoll li l-Artikolu 52(2) tar-Regolament Nru 6/2002 jipprovdi li l-applikazzjoni għal dikjarazzjoni ta’ invalidità għandha tiġi ppreżentata bil-miktub u għandha tkun motivata. L-Artikolu 28(1)(b)(i) u (vi) tar-Regolament Nru 2245/2002 jippreċiża li applikazzjoni għal dikjarazzjoni ta’ invalidità għandha tinkludi dikjarazzjoni li tispeċifika r-raġunijiet għal invalidità kif ukoll il-fatti, il-provi u l-osservazzjonijiet ippreżentati insostenn ta’ din l-applikazzjoni. L-Artikolu 28(1)(b)(v) ta’ dan l-aħħar regolament jipprevedi, barra minn hekk, li, meta l-applikazzjoni għal dikjarazzjoni ta’ invalidità tkun ibbażata fuq l-assenza ta’ novità jew ta’ karattru individwali tad-disinn Komunitarju rreġistrat, hija għandha tinkludi l-indikazzjoni u r-riproduzzjoni tad-disinni preċedenti li jkunu jistgħu jostakolaw in-novità jew il-karattru individwali tad-disinn Komunitarju rreġistrat kif ukoll id-dokumenti li jipprovaw l-eżistenza ta’ dawn id-disinni preċedenti.

50      Skont il-ġurisprudenza, hija l-parti promotriċi tal-applikazzjoni għal dikjarazzjoni ta’ invalidità li għandha tipprovdi lill-EUIPO l-indikazzjonijiet neċessarji u, b’mod partikolari, l-identifikazzjoni u r-riproduzzjoni preċiżi u sħaħ tad-disinn li tkun qegħda tiġi allegata l-preċedenza tiegħu, sabiex jintwera li d-disinn ikkontestat ma setax jiġi rreġistrat b’mod validu. Għalhekk, ma huwiex l-EUIPO, iżda l-persuna li tressaq applikazzjoni għal dikjarazzjoni ta’ invalidità, li għandha tipprovdi l-elementi ta’ natura li juru r-realtà ta’ din ir-raġuni (sentenza fl-appell, punti 59 u 65; ara, ukoll, is-sentenza tas-17 ta’ Settembru 2019, Aroma Essence vs EUIPO - Refan Bulgaria (Sponża tal-kamra tal-banju), T‑532/18, mhux ippubblikata, EU:T:2019:609, punt 25 u l-ġurisprudenza ċċitata).

51      Għandu jiġi ppreċiżat li l-prova tal-eżistenza u tal-identifikazzjoni tad-disinn preċedenti għandha tiġi prodotta għal kull waħda mir-raġunijiet ta’ invalidità mqajma mill-persuna li tressaq l-applikazzjoni. F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li la l-EUIPO u lanqas l-applikant għal dikjarazzjoni ta’ invalidità ma jistgħu, insostenn tan-nuqqas ta’ karattru individwali (Artikolu 6 tar-Regolament Nru 6/2002), jibbażaw ruħhom fuq uħud mid-disinni preċedenti invokati, jekk mill-applikazzjoni għal dikjarazzjoni ta’ invalidità jirriżulta li l-imsemmija disinni preċedenti jkunu ġew invokati biss insostenn ta’ raġuni oħra ta’ invalidità, bħan-nuqqas ta’ novità (Artikolu 5 tal-istess regolament) (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-14 ta’ Marzu 2018, Gifi Diffusion vs EUIPO – Crocs (Żraben), T‑424/16, mhux ippubblikata, EU:T:2018:136, punti 46 sa 48).

52      Barra minn hekk, konformement mal-Artikolu 63(1) tar-Regolament Nru 6/2002, fil-kuntest ta’ azzjoni għal dikjarazzjoni ta’ invalidità, l-eżami tal-EUIPO għandu jkun limitat għall-motivi invokati u għat-talbiet imressqa mill-partijiet. Huwa r-rikorrent li għandu jiżgura li d-disinni preċedenti kollha invokati jiġu identifikati u rriprodotti b’mod ċar, sa fejn il-proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità jagħmlu parti mill-proċeduri inter partes. Għaldaqstant, waqt l-eżami tal-applikazzjoni għal dikjarazzjoni ta’ invalidità, l-EUIPO għandu jieħu inkunsiderazzjoni biss id-disinni espressament invokati mir-rikorrenti fl-applikazzjoni għal dikjarazzjoni ta’ invalidità, u mhux f’dokument ulterjuri (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-17 ta’ Settembru 2019, Sponża tal-kamra tal-banju, T‑532/18, mhux ippubblikata, EU:T:2019:609, punti 30 u 36).

53      Għalhekk, l-Artikolu 28(1)(b)(v) tar-Regolament Nru 2245/2002 (ara l-punt 49 iktar ’il fuq) jippreżumi li l-identifikazzjoni tad-disinn jew disinni preċedenti ssir sa mill-preżentata tal-applikazzjoni għal dikjarazzjoni ta’ invalidità, għaliex din tiddefinixxi s-suġġett tal-kawża u sabiex il-proprjetarju tad-disinn ikkontestat ikun jista’ jieħu pożizzjoni fuq il-fondatezza tal-applikazzjoni. Fil-fatt, l-iżvolġiment tajjeb tal-proċedura u l-preżervazzjoni tal-interess leġittimu tal-proprjetarju tad-disinn ikkontestat li ma jiġix espost għal tilwima li s-suġġett tagħha jkun f’bidla kontinwa jipprekludu l-possibbiltà għal applikant li jinvoka, kemm irid, disinni preċedenti oħra matul l-iżvolġiment tal-proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità. Għal din ir-raġuni, l-osservanza ta’ din id-dispożizzjoni tikkostitwixxi kundizzjoni ta’ ammissibbiltà tal-applikazzjoni għal dikjarazzjoni ta’ invalidità, skont l-Artikolu 30(1) tal-istess regolament.

54      Konsegwentement, għandu jitqies, bħalma jagħmel l-EUIPO, li l-loġika segwita mill-Artikolu 28(1)(b)(v) tar-Regolament Nru 2245/2002 hija li jiġi impost terminu “ffissat minn qabel” jew ta’ dekadenza, jiġifieri terminu li n-nuqqas ta’ osservanza tiegħu jikkostitwixxi eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà, għall-preżentata tal-provi li jikkonċernaw l-elementi essenzjali tal-applikazzjoni għal dikjarazzjoni ta’ invalidità li jiffissaw u jiddefinixxu l-kuntest ġuridiku tal-applikazzjoni. Sakemm l-EUIPO ma jeżiġix regolarizzazzjoni tal-applikazzjoni skont l-Artikolu 30(1) tal-istess regolament, provi ġodda dwar l-indikazzjoni u r-riproduzzjoni tad-disinni preċedenti ma jkunux jistgħu jiġu prodotti iktar, peress li dan iwessa’ l-kuntest ġuridiku tal-applikazzjoni għal dikjarazzjoni ta’ invalidità.

55      Għalhekk, mill-Artikolu 28(1)(b)(v) tar-Regolament Nru 2245/2002 jirriżulta li l-applikazzjoni għal dikjarazzjoni ta’ invalidità tiddefinixxi s-suġġett tal-kawża, li joħroġ, minn naħa, mid-disinn ikkontestat u, min-naħa l-oħra, mid-disinni preċedenti invokati. Għalhekk, wara li tkun ressqet l-applikazzjoni għal dikjarazzjoni ta’ invalidità, ma jkunx iktar possibbli li fil-proċedimenti jitressqu disinni preċedenti oħra li jkunu jistgħu jostakolaw in-novità jew il-karattru individwali tad-disinn ikkontestat.

56      Għaldaqstant, għandu jiġi konkluż, fid-dawl tal-Artikolu 28(1)(b)(v) tar-Regolament Nru 2245/2002, li, fil-proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità ta’ disinn Komunitarju, l-EUIPO għandu jeżamina biss id-disinni preċedenti identifikati fl-applikazzjoni għal dikjarazzjoni ta’ invalidità, u mhux disinni oħra invokati sussegwentement bħala disinni preċedenti.

57      Barra minn hekk, għandu jiġi ppreċiżat il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 28(1)(b)(vi) tar-Regolament Nru 2245/2002, li jipprovdi li l-applikazzjoni għal dikjarazzjoni ta’ invalidità għandha tinkludi “l-fatti, il-provi u l-osservazzjonijiet ippreżentati insostenn tat-talba” [traduzzjoni mhux uffiċjali], u, għaldaqstant, il-kamp ta’ applikazzjoni tas-setgħa diskrezzjonali mogħtija lill-EUIPO mill-Artikolu 63(2) tar-Regolament Nru 6/2002.

58      F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat, kif għamel l-EUIPO, li l-Artikolu 28(1)(b)(v) u (vi) tar-Regolament Nru 2245/2002 jagħmel distinzjoni essenzjali bejn il-provi li jikkonċernaw l-“indikazzjoni u r-riproduzzjoni tad-disinnji preċedenti”, meħtieġa mill-Artikolu 28(1)(b)(v) tal-imsemmi regolament, u l-“fatti u l-provi” l-oħra, imsemmija fl-Artikolu 28(1)(b)(vi) ta’ dan l-istess regolament, pereżempju l-fatti u l-provi li jikkonċernaw l-iżvelar ta’ disinn preċedenti (Artikolu 7 tar-Regolament Nru 6/2002) jew provi li jikkonċernaw il-funzjonalità tad-disinn ikkontestat (Artikolu 8 tar-Regolament Nru 6/2002).

59      Minn dan isegwi li s-setgħa diskrezzjonali mogħtija lill-EUIPO mill-Artikolu 63(2) tar-Regolament Nru 6/2002 li “jista’ ma jagħtix kas tal-fatti jew tax-xhieda li ma jiġux sottomessi fiż-żmien dovut mill-partijiet interessati” tista’ tapplika biss għall-“fatti u provi” msemmija fl-Artikolu 28(1)(b)(vi) tar-Regolament Nru 2245/2002, u mhux għall-“indikazzjoni u r-riproduzzjoni tad-disinnji preċedenti” meħtieġa mill-Artikolu 28(1)(b)(v) tal-istess regolament. B’mod partikolari, l-Artikolu 63(2) tar-Regolament Nru 6/2002 ma huwiex applikabbli għall-kwistjoni tal-identifikazzjoni tad-disinn preċedenti.

60      B’hekk, l-Artikolu 63(2) tar-Regolament Nru 6/2002, għalkemm jippermetti li jittieħdu inkunsiderazzjoni provi addizzjonali (ara l-punt 48 iktar ’il fuq), pereżempju rappreżentazzjoni iktar preċiża jew prova tal-pubblikazzjoni ta’ disinn diġà invokat fl-applikazzjoni għal dikjarazzjoni ta’ invalidità, ma tippermettix, min-naħa l-oħra, li jitwessa’ l-kuntest ġuridiku ta’ din l-applikazzjoni bil-produzzjoni ta’ provi totalment ġodda, billi l-applikant jiġi awtorizzat jibbaża l-imsemmija applikazzjoni fuq disinni preċedenti oħra, għaliex tali proċess ibiddel is-suġġett tal-kawża, minbarra li jtawwal it-tul tal-proċedimenti.

61      Huwa għalhekk ġustament li, fil-punt 39 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell b’mod partikolari afferma li l-Artikolu 63(2) tar-Regolament Nru 6/2002 ma jawtorizzax lill-persuna li tressaq applikazzjoni għal dikjarazzjoni ta’ invalidità twessa’ s-suġġett tal-proċedimenti billi tibbaża l-applikazzjoni tagħha fuq disinni ġodda preċedenti.

62      F’dan il-każ, huwa paċifiku, kif essenzjalment ikkonstata l-Bord tal-Appell fil-punt 61 tad-deċiżjoni kkontestata, li wara li stieden lill-partijiet sabiex jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom, id-disinn irriprodott fil-katalogi Blücher ma ġiex invokat, u lanqas ma ġie rrappreżentat, fil-kuntest tal-applikazzjoni għal dikjarazzjoni ta’ invalidità tat-3 ta’ Settembru 2009, iżda biss fir-risposta għall-osservazzjonijiet tal-intervenjenti, bid-data tat-2 ta’ April 2010 (ara l-punti 7 u 8 iktar ’il fuq).

63      Issa, dan id-disinn ma huwiex identiku għad-disinn inizjalment invokat fl-applikazzjoni għal dikjarazzjoni ta’ invalidità, sa fejn il-pjanċa li tiġbor li tidher fih hija differenti mid-disinni preċedenti li huma s-suġġett tar-reġistrazzjoni DM/059828. Għaldaqstant, dawn bl-ebda mod ma huma “rappreżentazzjonijiet tal-istess disinn preċedenti”, fis-sens tal-ġurisprudenza tal-Qorti Ġenerali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-22 ta’ Ġunju 2010, Shenzhen Taiden vs UASI – Bosch Security Systems (Apparat għall-komunikazzjoni), T‑153/08, EU:T:2010:248, punt 25). Ebda regolarizzazzjoni bis-saħħa tal-Artikolu 30(1) tar-Regolament Nru 2245/2002 ma kienet barra minn hekk neċessarja, peress li l-predeċessur legali tar-rikorrenti kien identifika korrettament id-disinni preċedenti invokati insostenn tal-applikazzjoni għal dikjarazzjoni ta’ invalidità tagħha, jiġifieri dawk li jinsabu fir-reġistrazzjoni DM/059828.

64      F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jitqies, bħalma għamel l-EUIPO, li teħid inkunsiderazzjoni eventwali tal-provi prodotti wara t-tressiq tal-applikazzjoni għal dikjarazzjoni ta’ invalidità, skont l-Artikolu 63(2) tar-Regolament Nru 6/2002, seta’ biss jiġi permess għall-finijiet li jintwerew il-modalitajiet ta’ użu tal-prodotti konkreti li fihom id-disinni pparagunati jiġu inkorporati, jew sabiex isostni kwalunkwe fatt ieħor jew kull allegazzjoni diġà mqajma fl-applikazzjoni għal dikjarazzjoni ta’ invalidità. F’dan is-sens, ċertament, il-Bord tal-Appell ma eskludiex strettament l-ammissibbiltà tal-imsemmija provi, sa fejn dawn huma intiżi li jikkompletaw argument diġà ppreżentat u relatat mad-disinn preċedenti identifikat fl-applikazzjoni għal dikjarazzjoni ta’ invalidità.

65      Madankollu, l-ammissibbiltà formali ta’ tali provi ma tistax tawtorizza ż-żieda ta’ disinn ġdid preċedenti għal dawk inizjalment invokati fl-applikazzjoni għal dikjarazzjoni ta’ invalidità, fid-dawl tal-Artikolu 28(1)(b)(v) tar-Regolament Nru 2245/2002. Fil-fatt, f’din il-perspettiva, il-produzzjoni tal-katalogi Blücher wara t-tressiq tal-applikazzjoni għal dikjarazzjoni ta’ invalidità hija ekwivalenti għall-produzzjoni ta’ prova kompletament “ġdida”, għall-kuntrarju ta’ prova “supplimentari”, fis-sens tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja u tal-Qorti Ġenerali dwar l-Artikolu 63(2) tar-Regolament Nru 6/2002 (ara l-punt 48 iktar ’il fuq).

66      Huwa għalhekk ġustament li l-Bord tal-Appell, fil-punt 63 tad-deċiżjoni kkontestata, qies, essenzjalment, li, għalkemm it-teħid inkunsiderazzjoni ta’ provi supplimentari seta’ ċertament iwassal li jitwessa’ l-kuntest fattwali tal-applikazzjoni għal dikjarazzjoni ta’ invalidità billi jiżdied ma’ provi oħra dwar id-disinni preċedenti diġà invokati, huwa ma setax madankollu jwessa’ l-kuntest ġuridiku ta’ din l-applikazzjoni għal disinni preċedenti invokati mill-ġdid, peress li l-portata tal-imsemmija applikazzjoni għal dikjarazzjoni ta’ invalidità kienet ġiet stabbilita b’mod definittiv mill-predeċessur legali tar-rikorrenti fid-data tal-introduzzjoni tagħha billi identifikat id-disinni preċedenti invokati insostenn tal-applikazzjoni inkwistjoni.

67      Kien ukoll ġustament li l-Bord tal-Appell, fil-punti 65 u 66 tad-deċiżjoni kkontestata, ikkonkluda li l-uniku disinn preċedenti regolarment invokat f’dan il-każ kien id-disinn DM/059828, li kien ġie żvelat lill-pubbliku, fis-sens tal-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 6/2002, qabel id-data tal-preżentata tad-disinn ikkontestat. Barra minn hekk, l-eżistenza u l-preċedenza ta’ dan l-iżvelar ma humiex ikkontestati.

68      Konsegwentement, għandu jiġi konkluż, kuntrarjament għal dak li tallega r-rikorrenti, qabel kollox, li l-Bord tal-Appell bl-ebda mod ma mar lura fuq deċiżjonijiet definittivi preċedenti u ma kiser ebda wieħed mill-prinċipji ġenerali msemmija fil-punt 32 iktar ’il fuq u, sussegwentement, li l-Bord tal-Appell ma kisirx l-Artikolu 63(2) tar-Regolament Nru 6/2002, iżda applika debitament l-Artikolu 28(1)(b)(v) tar-Regolament Nru 2245/2002.

69      It-tielet motiv, għaldaqstant, għandu jiġi miċħud bħala infondat.

 Fuq l-ewwel motiv

70      Permezz tal-ewwel motiv, maqsum fi tliet partijiet, ir-rikorrenti tallega li l-Bord tal-Appell wettaq diversi żbalji ta’ evalwazzjoni fil-punt 24 tad-deċiżjoni kkontestata, moqri flimkien mal-komunikazzjoni tar-relatur tal-24 ta’ Lulju 2018.

71      Permezz tal-ewwel parti, ir-rikorrenti tikkritika lill-Bord tal-Appell talli qies b’mod żbaljat li r-relatur kien qies, fil-komunikazzjoni tiegħu, li d-disinn preċedenti li kellu jittieħed inkunsiderazzjoni kien biss id-disinn DM/059828, peress li kien l-uniku wieħed imsemmi fl-applikazzjoni għal dikjarazzjoni ta’ invalidità. Issa, ir-raġuni li tinsab fl-imsemmi punt, jiġifieri li dan id-disinn biss kien mehmuż mal-applikazzjoni għal dikjarazzjoni ta’ invalidità, ma hijiex dedotta mill-komunikazzjoni tar-relatur u lanqas ma hija motivata fid-deċiżjoni kkontestata.

72      Permezz tat-tieni parti, ir-rikorrenti tikkritika lill-Bord tal-Appell li qies b’mod żbaljat li r-ritratt tal-paġna 33 tal-katalogi Blücher ma jistax jittieħed inkunsiderazzjoni għar-raġuni li s-sentenza tal-appell tipprekludi l-produzzjoni tiegħu bħala disinn preċedenti fil-proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità. Skont huwa, minn din is-sentenza l-Bord tal-Appell wasal għal konklużjoni li ma għandhiex bażi. Barra minn hekk, l-EUIPO ma adottax miżuri istruttorji, kuntrarjament għall-punt 71 tas-sentenza tal-appell.

73      Permezz tat-tielet parti, ir-rikorrenti tallega li l-Bord tal-Appell qies b’mod żbaljat li huwa biss id-disinn DM/059828, kif prodott mir-rikorrenti fl-applikazzjoni għal dikjarazzjoni ta’ invalidità, li seta’ jiġi eżaminat bħala disinn preċedenti, peress li r-relatur kien ikkonstata li d-“disinn preċedenti eżaminat mill-istanzi li ddeċidew preċedentement” ma kienx jidher fl-applikazzjoni għal dikjarazzjoni ta’ invalidità tal-predeċessur legali tar-rikorrenti tat-3 ta’ Settembru 2009. Din il-konklużjoni hija iktar wiesgħa minn dik tal-komunikazzjoni tar-relatur, li bl-ebda mod ma tistabbilixxi li d-disinn preċedenti eżaminat mill-qrati li ddeċidew preċedentement ma kienx imsemmi fl-applikazzjoni għal dikjarazzjoni ta’ invalidità.

74      L-EUIPO u l-intervenjenti jikkontestaw l-argumenti tar-rikorrenti.

75      Fil-punt 24 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell fakkar li, fl-24 ta’ Lulju 2018, ir-relatur kien bagħat lill-partijiet komunikazzjoni li informathom li d-disinn preċedenti li ġie sottomess lilu kien id-disinn DM/059828, l-uniku wieħed imsemmi fl-applikazzjoni għal dikjarazzjoni ta’ invalidità. Huwa wera li r-relatur, waqt li eżamina mill-ġdid il-fajl wara r-rinviju mill-Qorti tal-Ġustizzja, kien ikkonstata li d-disinn preċedenti eżaminat mill-qrati li ddeċidew preċedentement ma kienx jidher fl-applikazzjoni għal dikjarazzjoni ta’ invalidità u li ebda disinn ieħor ma kien imsemmi fl-imsemmija applikazzjoni.

76      Permezz tal-ewwel parti, essenzjalment, ir-rikorrenti tikkritika lir-relatur, fil-komunikazzjoni tiegħu tal-24 ta’ Lulju 2018, u lill-Bord tal-Appell, fil-punt 24 tad-deċiżjoni kkontestata, li ma mmotivax ir-raġuni għalfejn kienu biss id-disinni li huma s-suġġett tar-reġistrazzjoni DM/059828 (ara l-punt 7 iktar ’il fuq) li kellhom jittieħdu inkunsiderazzjoni, bl-esklużjoni tar-rappreżentazzjoni rriprodotta fil-punt 8 iktar ’il fuq.

77      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, bis-saħħa tal-ewwel frażi tal-Artikolu 62 tar-Regolament Nru 6/2002, id-deċiżjonijiet tal-EUIPO għandhom ikunu motivati. Dan l-obbligu ta’ motivazzjoni għandu l-istess portata bħal dik li tirriżulta mill-Artikolu hux ekwivoku. Dan l-obbligu għandu l-għan doppju li jippermetti, minn naħa, lill-persuni interessati jsiru jafu bil-ġustifikazzjonijiet għall-miżura li tkun ittieħdet sabiex jiddefendu d-drittijiet tagħhom, u min-naħa l-oħra, lill-qorti tal-Unjoni Ewropea teżerċita l-istħarriġ tagħha fuq il-legalità tad-deċiżjoni. Il-kwistjoni dwar jekk il-motivazzjoni ta’ deċiżjoni tissodisfax ir-rekwiżiti għandha tiġi evalwata mhux biss fid-dawl tal-formulazzjoni tagħha, iżda wkoll fid-dawl tal-kuntest tagħha kif ukoll tas-sett ta’ regoli legali li jirregolaw il-qasam ikkonċernat (ara s-sentenza tat-13 ta’ Ġunju 2019, Visi/one vs EUIPO – EasyFix (Tabelli li jiddendlu għall-karozzi), T‑74/18, EU:T:2019:417, punt 57 u l-ġurisprudenza ċċitata).

78      F’dan il-każ, qabel kollox, għandu jiġi rrilevat li l-obbligu ta’ motivazzjoni jikkonċerna biss id-deċiżjoni kkontestata u mhux il-komunikazzjoni tar-relatur tal-kawża, li ma hijiex att li jista’ jiġi kkontestat. Fil-fatt, mill-ġurisprudenza jirriżulta li deċiżjoni tal-Bord tal-Appell tista’ tiġi kkontestata quddiem il-qorti tal-Unjoni jekk tipproduċi “effetti legali vinkolanti” fir-rigward tal-parti fil-proċedimenti quddiem l-EUIPO (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tas-17 ta’ Marzu 2009, Laytoncrest vs UASI – Erico (TRENTON), T‑171/06, EU:T:2009:70, punt 21). Dan ma huwiex il-każ għall-komunikazzjoni tar-relatur quddiem il-Bord tal-Appell.

79      Sussegwentement, mill-eżami tat-tielet motiv jirriżulta (ara l-punti 30 sa 69 iktar ’il fuq) li, fil-punti 38 u 39 u 53 sa 67 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell spjega b’mod ċar ir-raġunijiet għalfejn disinn preċedenti biss li rappreżentazzjoni tiegħu kienet mehmuża insostenn ta’ applikazzjoni għal dikjarazzjoni ta’ invalidità seta’ jittieħed inkunsiderazzjoni għall-eżami tar-rekwiżiti previsti fl-Artikoli 5 u 6 tar-Regolament Nru 6/2002. B’mod partikolari, il-Bord tal-Appell ibbaża ruħu fuq interpretazzjoni tal-Artikolu 63(2) tar-Regolament Nru 6/2002 fid-dawl tal-Artikolu 28(1)(b)(i)(v) u (vi) tar-Regolament Nru 2245/2002, li barra minn hekk huwa nieqes minn żball, kif ġie kkonstatat waqt l-eżami tat-tielet motiv. Dan ir-raġunament elaborat jissodisfa kompletament l-obbligu ta’ motivazzjoni stabbilit fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 62 tar-Regolament Nru 6/2002.

80      Għaldaqstant, l-ewwel parti ta’ dan il-motiv għandha tiġi miċħuda bħala infondata.

81      Permezz tat-tieni parti, essenzjalment, ir-rikorrenti tikkritika lill-Bord tal-Appell li ma ħax inkunsiderazzjoni r-rappreżentazzjonijiet li jinsabu fil-katalogi Blücher, b’mod partikolari dik irriprodotta fil-punt 8 iktar ’il fuq, minkejja li l-ammissibbiltà u r-rilevanza ta’ din ir-rappreżentazzjoni tal-aħħar huma koperti mill-awtorità ta’ res judicata, wara s-sentenza fl-appell.

82      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, bis-saħħa tal-Artikolu 61(6) tar-Regolament Nru 6/2002, l-EUIPO huwa marbut li jieħu l-miżuri li jwasslu għall-eżekuzzjoni tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

83      Skont ġurisprudenza stabbilita, sabiex tikkonforma ruħha mas-sentenza ta’ annullament u sabiex din tingħata eżekuzzjoni sħiħa, l-istituzzjoni li tkun l-awtur tal-att annullat għandha tosserva mhux biss id-dispożittiv tas-sentenza, iżda wkoll il-motivi li jkunu wasslu għal tali sentenza u li jikkostitwixxu l-bażi meħtieġa tagħha, fis-sens li huma indispensabbli sabiex tiġi ddeterminata t-tifsira eżatta ta’ dak li jkun ġie deċiż fid-dispożittiv. Fil-fatt, huma dawn il-motivi li, minn naħa, jidentifikaw id-dispożizzjoni eżatta meqjusa illegali u, min-naħa l-oħra, juru r-raġunijiet eżatti tal-illegalità kkonstatata fid-dispożittiv u li l-istituzzjoni kkonċernata għandha tieħu inkunsiderazzjoni meta tissostitwixxi l-att annullat (ara s-sentenza tas-27 ta’ Ġunju 2013, Strumenti tal-kitba, T‑608/11, mhux ippubblikata, EU:T:2013:334, punt 33 u l‑ġurisprudenza ċċitata).

84      F’dan il-każ, għandu jiġi rrilevat li, fil-punti 69 sa 71 tas-sentenza tagħha fl-appell, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet dan li ġej:

“69      Issa, ma jistax jiġi rikjest mill-EUIPO li dan iwettaq, b’mod partikolari fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-karattru ġdid tad-disinn ikkontestat, għall-ġbir flimkien tal-elementi differenti tad-disinn preċedenti (jiġifieri t-tank ta’ evakwazzjoni u l-pjanċa li tiġbor riprodotta fil-punt 8 iktar ’il fuq), peress li hija l-persuna li titlob l-invalidità li għandha tipproduċi rappreżentazzjoni sħiħa ta’ dan id-disinn preċedenti. Barra minn hekk, kull ġabra possibbli tkun tinkludi, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 152 tal-konklużjonijiet tiegħu, imperfezzjonijiet sa fejn din timplika neċessarjament xi approssimazzjonijiet.

70      F’dawn iċ-ċirkustanzi, kif ġustament isostni l-EUIPO u għall-kuntrarju ta’ dak li ddeċidiet il-Qorti Ġenerali fil-punt 78 tas-sentenza appellata, iċ-ċirkustanza li d-disinn ikkontestat jikkonsisti biss f’ġabra ta’ disinni diġà żvelati lill-pubbliku u li fir-rigward tagħhom diġà ġie indikat li dawn kienu maħsuba li jintużaw flimkien, ma tistax, fl-assenza ta’ indikazzjoni u ta’ riproduzzjoni sħiħa tad-disinn li hija allegata l-prijorità tiegħu, tkun rilevanti għall-finijiet tal-eżami tal-karattru ġdid, fis-sens tal-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 6/2002.

71      F’dan ir-rigward, hemm lok li jiżdied li ċ-ċirkustanza, irrilevata mill-Qorti Ġenerali fil-punt 68 tas-sentenza appellata, li ESS, intervenjenti quddiem il-Qorti Ġenerali, ipproduċiet estratti minn katalogu tal-impriża Blücher, li huma differenti minn dawk prodotti minn Group Nivelles fl-applikazzjoni tagħha għal dikjarazzjoni ta’ invalidità, li kienu jinkludu stampa ta’ pjanċa li sservi bħala għatu bħal dik li tinsab fiċ-ċentru tal-illustrazzjoni riprodotta fil-punt 23 ta’ din is-sentenza, impoġġija fuq drejn li jinkludi, fil-parti t’isfel, sifun tal-evakwazzjoni, ma tistax tagħmel tajjeb għall-assenza ta’ indikazzjoni u ta’ riproduzzjoni preċiżi tad-disinn preċedenti invokat minn Group Nivelles. Għalkemm tali ċirkustanza setgħet tittieħed inkunsiderazzjoni mill-EUIPO bil-għan li jadotta miżuri istruttorji, abbażi tal-Artikolu 65(1) tar-Regolament Nru 6/2002, għall-kuntrarju, ma kienx il-kompitu tiegħu li jgħaqqad flimkien l-elementi differenti ta’ disinn wieħed jew iktar żvelati lill-pubbliku separatament f’estratti differenti minn katalogi mehmuża mal-applikazzjoni għal dikjarazzjoni ta’ invalidità, sabiex jikseb id-dehra sħiħa tad-disinn preċedenti invokat. Fil-fatt, mingħajr il-ħtieġa li jiġi eżaminat l-argument tal-EUIPO, li l-punti 68 u 76 tas-sentenza appellata huma vvizzjati bi żnaturament tal-fatti, jeħtieġ li jiġi kkonstatat li l-Qorti Ġenerali, f’din is-sentenza, bl-ebda mod ma tikkonferma li l-istampa prodotta minn ESS tikkostitwixxi stampa sħiħa tad-disinn preċiż preċedenti li ġiet allegata l-preċedenza tiegħu minn Group Nivelles.”

85      F’dan ir-rigward, qabel kollox, għandu jitfakkar li diġà ġie kkonstatat, fil-kuntest tal-eżami tat-tielet motiv, li l-kwistjoni tal-identifikazzjoni tad-disinni preċedenti li għandhom jiġu pparagunati mad-disinn ikkontestat qatt ma ġiet deċiża b’mod definittiv matul il-proċedimenti preċedenti quddiem l-EUIPO, il-Qorti Ġenerali u l-Qorti tal-Ġustizzja (ara l-punti 41 sa 43 iktar ‘il fuq). Għaldaqstant, l-obbligu li tiġi osservata l-awtorità ta’ res judicata ma japplikax għal din il-kwistjoni preċiża.

86      Sussegwentement, għandu jiġi osservat li s-silta mis-sentenza fl-appell iċċitata mill-appellanti tikkonċerna biss l-obbligu li jiġu prodotti “riproduzzjonijiet kompluti” ta’ disinn preċedenti. Min-naħa l-oħra, il-Qorti tal-Ġustizzja ma tatx deċiżjoni dwar il-possibbiltà li tiġi prodotta tali “rappreżentazzjoni kompleta” wara l-preżentata tal-applikazzjoni għal dikjarazzjoni ta’ invalidità. Għaldaqstant, l-obbligu li tiġi osservata l-awtorità ta’ res judicata ma japplikax għal din il-kwistjoni preċiża.

87      Barra minn hekk, sa fejn ir-rikorrenti tikkritika lill-Bord tal-Appell li ma ordnax miżuri istruttorji abbażi tal-Artikolu 65 tar-Regolament Nru 6/2002, din il-kritika hija infondata. Ir-rikorrenti effettivament talbet li jinstemgħu xhieda fl-osservazzjonijiet tagħha tal-21 ta’ Settembru 2018, iżda hija ma tippreċiżax kif l-ommissjoni li jiġu adottati tali miżuri istruttorji tikkostitwixxi żball ta’ evalwazzjoni. Ċertament, tali xhieda setgħu jsostnu l-allegazzjoni li disinni qrib tad-disinn ikkontestat kienu diġà magħrufa fid-data tal-preżentata ta’ dan tal-aħħar. Madankollu, tali kontribuzzjoni kienet ineffettiva, peress li l-kwistjoni fundamentali deċiża mill-Bord tal-Appell, jiġifieri l-identifikazzjoni tad-disinni preċedenti li kellhom jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex tiġi evalwata n-novità u l-karattru individwali tad-disinn ikkontestat, setgħet tinqata’ fid-dritt, fuq il-fundament ġuridiku ta’ interpretazzjoni tal-Artikolu 63(2) tar-Regolament Nru 6/2002 fid-dawl tal-Artikolu 28(1)(b)(i)(v) u (vi) tar-Regolament Nru 2245/2002. It-testimonjanzi fattwali tal-periti setgħu għaldaqstant ikunu, f’kull każ, mingħajr ebda rilevanza f’kuntest bħal dan.

88      Fl-aħħar nett, għandu jiġi enfasizzat li la l-Qorti Ġenerali u lanqas il-Qorti tal-Ġustizzja ma ħadu pożizzjoni dwar in-neċessità ta’ dawn il-miżuri istruttorji mitluba u li, barra minn hekk, la l-Qorti Ġenerali u lanqas il-Qorti tal-Ġustizzja ma kellhom il-kompetenza li jindirizzaw lill-EUIPO ordnijiet, b’mod partikolari għall-finijiet tal-adozzjoni ta’ tali miżuri istruttorji (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-9 ta’ Frar 2017, Mast-Jägermeister vs EUIPO (Kalċijiet), T‑16/16, EU:T:2017:68, punt 27).

89      Għaldaqstant, l-ewwel parti ta’ dan il-motiv għandha tiġi miċħuda bħala infondata.

90      Permezz tat-tielet parti, ir-rikorrenti tindirizza diversi kritiki lill‑komunikazzjoni tar-relatur tal-24 ta’ Lulju 2018.

91      F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li din it-tielet parti hija inammissibbli, sa fejn il-motivi ta’ annullament imqajma f’rikors jistgħu jikkonċernaw biss id-deċiżjoni kkontestata, u mhux att ta’ proċedura preċedenti li ma jipproduċi ebda effett ġuridiku fih innifsu u li jikkostitwixxi att li ma jistax jiġi kkontestat.

92      Barra minn hekk, din it-tielet parti hija infondata sa fejn tikkonċerna l-awtorità ta’ res judicata marbuta mas-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja u tal-Qorti Ġenerali, għar-raġunijiet diġà esposti fil-punti 41 sa 43 u 84 iktar ‘il fuq.

93      Għaldaqstant, it-tielet parti ta’ dan il-motiv għandha tiġi miċħuda bħala inammissibbli u, barra minn hekk, infondata.

94      Għaldaqstant l-ewwel motiv għandu jiġi miċħud.

 Fuq it-tieni motiv, dwar id-determinazzjoni tal-karatteristiċi tad-disinn ikkontestat

95      Permezz tat-tieni motiv, ir-rikorrenti tallega li, fil-punt 26 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell wettaq żball fid-determinazzjoni tal-karatteristiċi tad-disinn ikkontestat. Hija u tistrieħ mill-ġdid fuq il-punt 69 tas-sentenza fl-appell (ara l-punt 84 iktar ‘il fuq), hija ssostni li ma jista’ jintalab mingħand l-EUIPO li jipproċedi, fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-karattru ta’ novità tad-disinn ikkontestat, għall paragun ta’ diversi elementi (f’dan il-każ, tank ta’ evakwazzjoni u pjanċa li tiġbor) sabiex tikseb id-dehra kompleta ta’ dan id-disinn. Fil-fehma tagħha, il-kwistjoni rilevanti hija dik tal-“karatteristika distintiva” tad-disinn ikkontestat. Issa, mill-osservazzjonijiet tal-intervenjenti tat-8 ta’ Diċembru 2009 jirriżulta li din tal-aħħar, fil-fatt, ma riditx tirreġistra d-dehra ta’ drejn għall-evakwazzjoni tal-ilma tad-doċċa, iżda biss l-apparenza ta’ pjanċa li tiġbor intiża li tintuża fuq drejns għall-evakwazzjoni rettangolari u oblongi. Minn żewġ sentenzi mogħtija mill-qrati Olandiżi jirriżulta wkoll li l-unika “karatteristika distintiva” tad-disinn ikkontestat kienet “il-pjanċa li tiġbor magħluqa” jew “il-gradilja (imsejħa) “żero”, jiġifieri “gradilja mingħajr toqob, li permezz tagħha l-ilma jista’ jgħaddi permezz ta’ kanali preżenti minn naħa u oħrajn tal-gradilja”. Bl-istess mod, id-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni tal-EUIPO qieset li l-unika karatteristika viżibbli tad-disinn ikkontestat waqt użu normali kienet il-parti ta’ fuq tal-pjanċa.

96      Skont ir-rikorrenti, ikun kompletament koerenti li d-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni, li kienet waslet għal din il-konklużjoni, tibbaża r-raġunament tagħha fuq paragun bejn id-dehra tal-pjanċa li tiġbor “żero” tad-disinn ikkontestat u d-dehra tal-pjanċi l-oħra kollha ta’ rkupru preċedenti, b’mod partikolari dik li tinsab fil-paġna 33 tal-katalogi Blücher. Il-fatt li dawn il-pjanċi ta’ rkupru huma intiżi, jekk ikun il-każ, għal użu flimkien ma’ tank rettangolari u oblong, u b’hekk jifforma drejn għall-evakwazzjoni tal-ilma tad-doċċa, ftit għandu importanza f’dan ir-rigward, peress li, skont l-intervenjenti, il-karatteristiċi tagħhom ma għandhomx jitqiesu li huma distintivi, ġodda jew individwali u li t-tank rettangolari u oblong, kif ukoll il-karatteristiċi relatati magħhom, ma jkunux viżibbli waqt użu normali tad-drejn.

97      L-EUIPO u l-intervenjenti jikkontestaw l-argumenti tar-rikorrenti.

98      Fil-punt 26 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell fakkar li, fil-21 ta’ Settembru 2018, ir-rikorrenti f’dak il-każ kienet ippreżentat applikazzjoni għal smigħ u ppreżentat l-osservazzjonijiet tagħha bbażati, essenzjalment, fuq diversi argumenti, li l-Bord elenka. B’mod partikolari, ir-rikorrenti kienet irreferiet għad-dikjarazzjonijiet ippreżentati matul il-proċedura preċedenti, li, skont din, kienu juru li ċ-ċirkoli speċjalizzati kienu jafu bl-eżistenza ta’ disinni ta’ drejn għall-evakwazzjoni tal-ilma tad-doċċa li d-dehra tagħhom kienet tikkonsisti f’baċir rettangolari ta’ forma oblonga bl-istess pjanċa li tiġbor magħluqa. Ir-rikorrenti kienet b’mod partikolari rreferiet għad-dokumenti annessi 5 sa 7 u talbet lill-awla tisma’ dawn ix-xhieda.

99      Permezz tat-tieni motiv, ir-rikorrenti essenzjalment issostni li l-Bord tal-Appell wettaq żball fid-determinazzjoni tal-karatteristiċi tad-disinn ikkontestat. Il-Bord tal-Appell wettaq l-iżball li jieħu inkunsiderazzjoni ċerti karatteristiċi tad-disinn ikkontestat, bħall-kanali laterali, filwaqt li l-intervenjenti tinvoka drittijiet esklużivi biss fuq “id-dehra ta’ pjanċa li tiġbor drejn għall-evakwazzjoni tal-ilma, intiża għall-użu ma’ drejn għall-evakwazzjoni tal-ilma (tad-doċċa) rettangolari u oblonga”. Fi kliem ieħor, il-forma ta’ drejn għall-evakwazzjoni, rettangolari u oblonga, u l-kanali laterali ma jaqgħux taħt is-suġġett tal-protezzjoni tad-disinn ikkontestat. Hija biss il-forma tal-pjanċa li tiġbor drejn tal-ilma tad-doċċa li tista’ tiddistingwi dan id-disinn mid-disinni preċedenti.

100    Qabel kollox, għandu jiġi osservat li l-punt 26 tad-deċiżjoni kkontestata ma jinsabx fost ir-“raġunijiet [tal-imsemmija] deċiżjoni” (punti 27 sa 116), iżda fis-“sunt tal-fatti” (punti 1 sa 26), peress li dan huwa sunt tal-argumenti tar-rikorrenti, u mhux ta’ evalwazzjoni tal-Bord tal-Appell.

101    Issa, skont il-ġurisprudenza, aggravji li ma humiex intiżi li jikkontestaw il-motivi li għalihom il-Bord tal-Appell ikun ċaħad l-appell ippreżentat quddiemu għandhom jitqiesu li jkunu ineffettivi (ara d-digriet tas-16 ta’ Ottubru 2020, L. Oliva Torras vs EUIPO – Mecánica del Frío (Ganċijiet għal vetturi), T‑629/19, mhux ippubblikat, EU:T:2020:506, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata). Dan huwa l-każ ukoll f’din il-kawża.

102    Barra minn hekk, għandu jitfakkar, bħalma għamel l-EUIPO, li s-suġġett ta’ disinn ikkontestat u l-karatteristiċi tiegħu għandhom jiġu ddeterminati esklużivament b’riferiment għar-rappreżentazzjonijiet prodotti insostenn tal-applikazzjoni għal reġistrazzjoni.

103    Fil-fatt, waqt l-evalwazzjoni tan-novità jew tal-karattru individwali tad-disinn ikkontestat, dan għandu jiġi pparagunat mad-disinni preċedenti fil-forma li fiha jkun irreġistrat (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenzi tat-8 ta’ Diċembru 2005, Castellblanch vs UASI – Champagne Roederer (CRISTAL CASTELLBLANCH), T‑29/04, EU:T:2005:438, punt 57, u tal-21 ta’ April 2021, Chanel vs EUIPO – Huawei Technologies (Rappreżentazzjoni ta’ ċirku li fih żewġ kurvi mdawra), T‑44/20, mhux ippubblikata, EU:T:2021:207, punt 25).

104    Barra minn hekk, il-konklużjonijiet dwar is-suġġett u l-karatteristiċi ta’ disinn ikkontestat ma jistgħux jitħallew għall-evalwazzjoni tal-partijiet u, fl-aħħar mill-aħħar, għad-dispożizzjoni libera tagħhom (ara, f’dan is-sens, dwar il-klassifikazzjoni legali tal-att ta’ żvelar, is-sentenza tat-23 ta’ Ottubru 2018, Mamas and Papas vs EUIPO – Wall-Budden (Torri tas-sodda tat-tfal), T‑672/17, mhux ippubblikata, EU:T:2018:707, punt 60).

105    It-tieni motiv għandu għaldaqstant jiġi miċħud bħala infondat.

 Fuq ir-raba’, il-ħames u s-sitt motiv, dwar il-paragun tad-disinni kunfliġġenti u l-evalwazzjoni tal-karattru individwali tad-disinn ikkontestat

 Tfakkira tal-leġiżlazzjoni u tal-ġurisprudenza

106    Bis-saħħa tal-Artikolu 25(1)(b) tar-Regolament Nru 6/2002, disinn Komunitarju jista’ jiġi ddikjarat invalidu jekk ma jissodisfax il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 4 sa 9 tal-imsemmi regolament, fosthom, b’mod partikolari, in-novità u l-karattru individwali.

107    Skont l-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 6/2002, disinn Komunitarju rreġistrat għandu jitqies li jkollu karattru individwali jekk l‑impressjoni ġenerali li jħalli fuq utent informat tkun differenti mill‑impressjoni ġenerali li titħalla fuq dan l-utent minn kull disinn li jkun ġie żvelat lill‑pubbliku qabel id-data tal-preżentata tal-applikazzjoni għar‑reġistrazzjoni jew, jekk ikun hemm applikazzjoni dwar il-prijorità, id‑data tal-prijorità. L-Artikolu 6(2) tar-Regolament Nru 6/2002 jippreċiża barra minn hekk li, fl-evalwazzjoni tal-karattru individwali, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-grad tal-libertà tad-disinjatur fl-iżvilupp tad-disinn.

108    L-evalwazzjoni tal-karattru individwali ta’ disinn Komunitarju ssir, essenzjalment, minn eżami f’erba’ stadji. Dan l-eżami jikkonsisti f’li jiġi ddeterminat, fl-ewwel lok, is-settur tal-prodotti li fih id-disinn ikun iddestinat li jiġi inkorporat jew li miegħu jkun iddestinat li jiġi applikat, fit-tieni lok, l-utent avżat tal-imsemmija prodotti skont l-iskop tagħhom u, b’riferiment għal dan l-utent avżat, il-grad ta’ għarfien ta’ arti preċedenti kif ukoll il-livell ta’ attenzjoni għas-similitudnijiet u għad-differenzi fit-tqabbil tad-disinni, fit-tielet lok, il-grad ta’ libertà tad-disinjatur fl-elaborazzjoni tad-disinn, li tiegħu l-influwenza tad-disinjatur hija proporzjonalment inversa, u, fir-raba’ lok, filwaqt li wieħed jieħu inkunsiderazzjoni dan kollu, ir-riżultat tat-tqabbil, dirett jew possibbli, tal-impressjonijiet globali prodotti fuq l-utent avżat mid-disinn ikkontestat u minn kull disinn preċedenti żvelat lill-pubbliku, meħud individwalment (ara s-sentenza tat-13 ta’ Ġunju 2019, Tabelli li jiddendlu għall-karozzi, T-74/18, EU:T:2019:417, punt 66 u l-ġurisprudenza ċċitata).

109    Fir-rigward tad-disinni preċedenti, l-evalwazzjoni tal-karattru individwali ta’ disinn għandu jitwettaq fid-dawl ta’ disinn preċedenti wieħed jew iktar, meħuda individwalment minn fost id-disinni żvelati lill-pubbliku qabel, u mhux permezz ta’ kombinazzjoni ta’ elementi iżolati, meħuda minn għadd ta’ disinni preċedenti (sentenzi tad-19 ta’ Ġunju 2014, Karen Millen Fashions, C‑345/13, EU:C:2014:2013, punti 25 u 35, u tat-13 ta’ Ġunju 2019, Tabelli li jiddendlu għall-karozzi, T‑74/18, EU:T:2019:417, punt 84; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza fuq appell, punt 61). B’hekk, disinn preċedenti għandu jikkostitwixxi preċedenza “kompatta” jew “ta’ kull komponent” u ma jistax ikun ir-riżultat ta’ kombinazzjoni.

110    Huwa essenzjali li l-istanzi tal-EUIPO jkollhom stampa ta’ disinn preċedenti li tippermetti li tirrifletti d-dehra tal-prodott li fih ikun inkorporat id-disinn u li jiġi identifikat b’mod preċiż u ċert id-disinn preċedenti sabiex wieħed ikun jista’ jipproċedi, skont l-Artikoli 5 sa 7 tar-Regolament Nru 6/2002, bl-evalwazzjoni tal-karattru ta’ novità u tal-karattru individwali tad-disinn ikkontestat u għall-paragun li din tinvolvi bejn id-disinni inkwistjoni. Fil-fatt, l-eżami dwar jekk id-disinn ikkontestat ikunx effettivament nieqes minn novità jew minn karattru individwali jirrikjedi li dak li jkun ikollu disinn preċedenti preċiż u ddeterminat. Skont il-ġurisprudenza, hija l-parti promotriċi tal-applikazzjoni għal dikjarazzjoni ta’ invalidità li għandha tipprovdi lill-EUIPO l-indikazzjonijiet neċessarji u, b’mod partikolari, l-identifikazzjoni u r-riproduzzjoni preċiżi u sħaħ tad-disinn li tiegħu tkun qegħda tiġi allegata l-prijorità, bil-għan li jintwera li d-disinn ikkontestat ma jkunx seta’ jiġi rreġistrat b’mod validu. Issa, ma jistax jiġi rikjest mill-EUIPO li dan iwettaq, b’mod partikolari fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-karattru ġdid tad-disinn ikkontestat, il-ġbir flimkien tal-elementi differenti tad-disinn preċedenti, peress li hija l-persuna li titlob id-dikjarazzjoni ta’ invalidità li għandha tipproduċi rappreżentazzjoni sħiħa ta’ dan id-disinn preċedenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza fuq l-appell, punti 64, 65 u 69).

111    Barra minn hekk, għandu jiġi enfasizzat li huwa irrilevanti li wieħed ikun jaf is-settur tal-prodotti msemmija fl-applikazzjoni għal reġistrazzjoni f’dak li jirrigwarda l-invokazzjoni tad-disinn preċedenti fi proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità, bħal, wara kollox, f’dak li jirrigwarda l-portata tal-protezzjoni tad-disinn fi proċedimenti ta’ kontrafazzjoni, fid-dawl tal-Artikolu 36(6) tar-Regolament Nru 6/2002. B’hekk, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, ma huwiex mitlub mill-utent avżat tad-disinn ikkontestat li jkun jaf il-prodott li fih id-disinn preċedenti jiġi inkorporat jew li għalih japplika (ara, f’dan is-sens, is-sentenza fuq l-appell, punt 134). Fi kliem ieħor, disinn preċedenti inkorporat fi prodott differenti minn dak ikkonċernat mid-disinn ikkontestat jikkostitwixxi, bħala prinċipju, disinn preċedenti rilevanti għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-karattru individwali, fis-sens tal-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 6/2002, tad-disinn ikkontestat

112    Fir-rigward tad-disinn ikkontestat, il-karatteristiċi mhux viżibbli tal-prodott, li ma jkunux relatati mad-dehra tiegħu, ma jistgħux jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex jiġi ddeterminat jekk id-disinn ikkontestat setax ikun is-suġġett ta’ protezzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-9 ta’ Settembru 2014, Biscuits Poult vs UASI – Banketbakkerij Merba (Gallettina), T‑494/12, EU:T:2014:757, punt 29).

113    Fir-rigward tal-paragun tad-disinni kunfliġġenti, skont ġurisprudenza stabbilita, il-karattru individwali ta’ disinn jirriżulta minn impressjoni globali ta’ differenza, jew ta’ assenza ta’ “déjà vu”, mill-perspettal-utent avżat, meta mqabbel ma’ kull preżedent fi ħdan il-patrimonju tad-disinni, mingħajr ma jittieħdu inkunsiderazzjoni ta’ differenzi insuffiċjentement markati biex jaffettwaw l’imsemmija impressjoni globali, minkejja li jinqabżu dettalji insinjifikanti, imma meta jittieħdu inkunsiderazzjoni differenzi suffiċjentement markati li joħolqu impressjonijiet globali differenti (ara s-sentenza tat-13 ta’ Ġunju 2019, Tabelli li jiddendlu għall-karozzi, T‑74/18, EU:T:2019:417, punt 83 u l-ġurisprudenza ċċitata).

114    Il-paragun tal-impressjonijiet ġenerali prodotti mid-disinni kunfliġġenti għandu jkun sintetiku u ma jistax ikun sempliċement paragun analitiku ta’ elenkar ta’ similitudnijiet u ta’ differenzi. Dan il-paragun għandu jkun ibbażat fuq il-karatteristiċi żvelati fid-disinn ikkontestat u għandu jirrigwarda biss il-karatteristiċi protetti, mingħajr ma jittieħdu inkunsiderazzjoni l-karatteristiċi, b’mod partikolari l-karatteristiċi tekniċi, esklużi mill-protezzjoni. L-imsemmi paragun għandu jirrigwarda d-disinni, bħala prinċipju, kif irreġistrati, mingħajr ma jkun mitlub mill-applikant għal dikjarazzjoni ta’ invalidità rappreżentazzjoni grafika tad-disinn invokat, komparabbli mar-rappreżentazzjoni li tidher fl-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tad-disinn ikkontestat (ara s‑sentenza tat-13 ta’ Ġunju 2019, Tabelli li jiddendlu għall-karozzi, T‑74/18, EU:T:2019:417, punt 84 u l-ġurisprudenza ċċitata).

115    Huwa fid-dawl ta’ din il-ġurisprudenza li għandhom jiġu eżaminati r-raba’, il-ħames u s-sitt motiv tar-rikorrenti, wara li rriproduċiet individwalment id-disinni kunfliġġenti u fakkret l-evalwazzjonijiet imwettqa mill-Bord tal-Appell fil-punti 98 sa 112 tad-deċiżjoni kkontestata.

 Riproduzzjoni individwali tad-disinni kunfliġġenti u tfakkira tad-deċiżjoni kkontestata

116    Id-disinni kunfliġġenti huma rrappreżentati kif ġej, is-sitta huma s-suġġett tar-reġistrazzjoni DM/059828 li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni individwalment, peress li kull forma, bla ħsara għall-eżami tar-raba’ motiv (ara l-punti 128 sa 147 iktar ‘il quddiem), għandha preċedenza kompatta (ara l-punt 109 iktar ’il fuq):

Image not found

25.1      25.2      25.3

Image not found

Disinn preċedenti

Disinni Komunitarji

Image not found

25.1      25.2      25.3

Image not found

Disinn preċedenti

Disinni Komunitarji

Image not found

25.1      25.2      25.3

Image not found

Disinn preċedenti

Disinni Komunitarji


Image not found

25.1      25.2      25.3

Image not found

Disinn preċedenti

Disinni Komunitarji

Image not found

25.1      25.2      25.3

Image not found

Disinn preċedenti

Disinni Komunitarji

Image not found

25.1      25.2      25.3

Image not found

Disinn preċedenti

Disinni Komunitarji

Image not found

25.1      25.2      25.3

Image not found

Disinn preċedenti

Disinni Komunitarji

117    Fil-punti 98 u 99 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell osserva li d-disinni preċedenti Nri 1 u 3 kienu l-uniċi li jippreżentaw pjanċa li tiġbor mhux imtaqqba, filwaqt li d-disinni preċedenti l-oħra kienu mtaqqab bi xquq, li n-numru u l-forma tagħhom kienu differenti. Peress li l-preżenza ta’ fjuri kkontribwixxiet ħafna sabiex tipproduċi impressjoni globali nettament differenti meta mqabbla mad-disinn ikkontestat, il-Bord tal-Appell qies li, waqt l-evalwazzjoni tal-karattru individwali, kellha tingħata attenzjoni partikolari lid-disinni preċedenti Nri 1 u 3. Madankollu, għal finijiet ta’ kompletezza, huwa ħa inkunsiderazzjoni wkoll disinni preċedenti oħra, jiġifieri d-disinni preċedenti Nri 2, 4, 5 u 6, peress li, skont ir-rikorrenti, uħud minnhom kellhom dimensjonijiet u proporzjonijiet li kienu jikkoinċidu ma’ dawk ta’ drejn għall-evakwazzjoni tal-ilma tad-doċċa rrappreżentat mid-disinn ikkontestat. Huwa żied li, waqt il-paragun tad-disinni inkwistjoni, huwa kien ħa inkunsiderazzjoni biss l-apparenza tal-karatteristiċi li jibqgħu viżibbli wara l-installazzjoni ta’ drejn għall-evakwazzjoni tal-ilma tad-doċċa.

118    Fil-punt 100 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell fakkar li, f’dak li jikkonċerna d-disinn ikkontestat, fil-punt 49 tal-ewwel sentenza tal-Qorti Ġenerali (ara l-punt 14 iktar ‘il fuq), din tal-aħħar kienet qieset li l-prodott li miegħu kienet tqabblet kien “drejn għall-evakwazzjoni tal-ilma tad-doċċa” (shower drain) u li, wara l-integrazzjoni tiegħu fil-qiegħ tad-doċċa, ma kinitx biss il-parti ta’ fuq biss li kienet tibqa’ tidher, imma wkoll iż-żewġ kanali laterali kif ukoll il-parti ta’ fuq tal-bordura tas-sifun, b’tali mod li hija għal din l-evidenza li l-Bord tal-Appell, fl-ewwel deċiżjoni tiegħu, irrefera meta evoka l-“borduri esterni fini tad-drejn għall-evakwazzjoni tad-doċċa”. Għaldaqstant, fil-punt 59 tal-imsemmija sentenza, il-Qorti Ġenerali kienet qablet mal-opinjoni tal-Bord tal-Appell, fl-ewwel deċiżjoni tiegħu, li tgħid li, wara l-installazzjoni tad-“drejn għall-evakwazzjoni tal-ilma tad-doċċa” irrappreżentat mid-disinn ikkontestat, il-wiċċ orizzontali tal-pjanċa li tiġbor ma kinitx l-uniku element tagħha li jibqa’ viżibbli.

119    F’dan ir-rigward, għandu jiġi ppreċiżat minnufih, għal raġunijiet ta’ ċarezza u ta’ preċiżjoni terminoloġika, li d-disinn ikkontestat ma huwiex “sifun tad-doċċa” (“douchesifon” bl-Olandiż) f’sens strett, kif affermat il-Qorti Ġenerali fil-verżjoni Franċiża tal-ewwel sentenza tagħha (ara l-punti 49 u 59 tal-imsemmi sentenza), imma pjuttost “drejn għall-evakwazzjoni tad-doċċa” (“douchegoot” jew “doucheput” bl-Olandiż), li jinkludi mhux biss sifun, imma wkoll drejn għall-evakwazzjoni u plakka ta’ ġbir. Mill-bqija, l-espressjoni “drejn għall-evakwazzjoni tal-ilma tad-doċċa” tikkostitwixxi traduzzjoni iktar eżatta tal-espressjoni Ingliża “shower drain”, imsemmija wkoll fl-imsemmija sentenza u li tinsab fl-applikazzjoni għal reġistrazzjoni.

120    Fil-punt 101 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell ikkonstata dan li ġej:

–        id-disinni kunfliġġenti kellhom komuni forma rettangolari u oblonga;

–        id-disinn preċedenti Nru 5 u d-disinn ikkontestat kellhom proporzjonijiet kważi identiċi bejn l-erba’ naħat tal-pjanċa;

–        id-disinni preċedenti Nri 1 u 3 u d-disinn ikkontestat kellhom pjanċa li tiġbor magħluqa;

–        bl-eċċezzjoni tad-disinn preċedenti Nru 5, id-disinni preċedenti l-oħra u d-disinn ikkontestat kellhom borduri esterni fini fuq l-erba’ naħat.

121    Fil-punt 102 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell ikkonstata li, madankollu, id-disinni kunfliġġenti kienu differenti minħabba l‑karatteristiċi li ġejjin:

–        id-disinni preċedenti Nri 1, 2, 3 u 5 kienu jippreżentaw kollettur tal-ilma tond fiċ-ċentru tal-wiċċ tagħhom, li kien jikkorrispondi għas-sifun imqiegħed fil-parti t’isfel, filwaqt li din il-karatteristika ma kinitx preżenti fid-disinn ikkontestat;

–        id-disinni preċedenti Nri 1 u 2 kienu jippreżentaw erba’ rabtiet fuq il-ġnub twal tagħhom u dawn il-karatteristiċi kienu assenti fid-disinni l-oħra, inkluż fid-disinn ikkontestat, iżda, il-viżibbiltà tagħhom kienet l-iktar l-iktar limitata ħafna meta l-prodott kien installat;

–        id-disinni preċedenti Nri 4, 5 u 6 ma kellhomx pjanċa li tiġbor, iżda pjanċa mtaqqba, filwaqt li d-disinn ikkontestat kellu pjanċa li tiġbor magħluqa u b’disinn;

–        il-pjanċa li tiġbor tad-disinn ikkontestat biss kellha kanali laterali fil-ġnub twal, filwaqt li d-disinni preċedenti kellhom kollettur tal-ilma ċirkulari jew gradilji jew perforazzjonijiet;

–        fid-disinni preċedenti, il-pjanċa ma kien fiha ebda element dekorattiv, filwaqt li, fid-disinn ikkontestat, il-pjanċa li tiġbor kienet miksija b’disinn b’punti fuq il-wiċċ kollu tagħha.

122    Fil-punti 103 u 104 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell osserva li l-impressjoni globali li d-disinni preċedenti Nri 1 u 3 kienu jipproduċu fuq l-utent avżat kienet prinċipalment iddeterminata mill-preżenza tal-forma rettangolari u oblonga tat-tank u l-ftuħ ċirkulari fiċ-ċentru li jikkorrispondi għas-sifun imqiegħed taħt l-art. Fil-fehma tiegħu, dawn il-karatteristiċi kienu differenti minn dawk li setgħu jinstabu fis-settur tat-tagħmir ta’ evakwazzjoni ta’ likwidi, li setgħu wkoll ikollhom tank ta’ forma kwadra jew ċirkulari kif ukoll fjuri, ta’ forma rettangolari pereżempju. Min-naħa l-oħra, skont il-Bord, il-ġnub esterni fini tal-erba’ naħat kienu inqas perċettibbli mill-elementi l-oħra u kienu jagħtu inqas effett fuq l-impressjoni globali prodotta.

123    Fil-punti 105 u 106 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell ikkonstata li, barra minn hekk, id-disinn ikkontestat kien jippreżenta pjanċa li tiġbor rettangolari u oblonga, li l-ġnub esterni tagħha kienu viżibbli fuq l-erba’ naħat. Skont il-Bord tal-Appell, madankollu, kuntrarjament għal dak li kien il-każ fid-disinni preċedenti eżaminati, din il-pjanċa li tiġbor kienet kompletament magħluqa, għaliex l-ilma kien jgħaddi mill-kanali laterali fil-ġnub twal tas-sifun tad-doċċa tad-disinn ikkontestat, u dan kien ukoll miksi b’disinn b’punti griżi fuq il-wiċċ tiegħu. Barra minn hekk, f’dan il-każ, il-preżenza ta’ borduri esterni fini ma kinitx partikolarment perċettibbli waqt l-użu tad-dispożittiv ta’ evakwazzjoni inkwistjoni. Fil-fatt, mill-perspettiva vertikali, dawn il-karatteristiċi ma kinux jipproduċu impressjoni partikolari fuq l-utent avżat, li kien jikkonċentra essenzjalment fuq il-linji u l-forom tal-pjanċa li tiġbor.

124    Fil-punt 107 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell, għalhekk, qies li, minkejja li dawn id-disinni u d-disinn ikkontestat kienu komposti minn forom rettangolari u oblongi b’bordura esterna fina li kellhom proporzjonijiet simili għal dawk tad-disinni preċedenti indikati mir-rikorrenti, id-disinn ikkontestat kien jinkludi pjanċa li tiġbor kompletament magħluqa u li kienet, ħaġa li kienet daqstant importanti, imżejna b’kanali laterali. Fil-fehma tiegħu, dawn il-karatteristiċi jagħtu lid-disinn ikkontestat impressjoni differenti minn dik mogħtija mid-disinni preċedenti. F’dawn tal-aħħar, in-nuqqas ta’ dekorazzjoni fuq pjanċa li tiġbor kompletament magħluqa u l-preżenza tal-forma ċirkulari immedjatament perċettibbli tat-tank jew ta’ gradilja bix-xquq jikkontribwixxu b’mod determinanti għall-impressjoni globali li huma jipproduċu.

125    Fil-punt 108 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell enfasizza li dawn id-differenzi la kienu negliġibbli, la minuri u lanqas insinjifikanti b’xi mod ieħor u li din il-konstatazzjoni kienet iktar u iktar minnha meta l-għatu tad-disinn ikkontestat kien imżejjen b’punti griżi żgħar. Fil-fehma tiegħu, ir-rikorrenti ma setgħetx validament issostni li d-dehra, il-linji u l-forom tas-sistemi ta’ evakwazzjoni tal-likwidi inkwistjoni kellhom jiġu skartati minħabba li kienu jissodisfaw għan tekniku, jew li l-provi kienu jindikaw li setgħet teżisti tendenza, fi ħdan is-settur rilevanti, li jipproponu dispożittivi ta’ evakwazzjoni ta’ likwidi b’forma rettangolari u oblonga li jkollhom pjanċa li tiġbor magħluqa. Għall-kuntrarju, il-karatteristiċi inkwistjoni, minkejja li għandhom għan tekniku, kellhom forom, dimensjonijiet u pożizzjonijiet li setgħu jvarjaw fid-dawl tal-grad ta’ libertà relattivament wiesgħa mogħti lid-disinjatur u li kienu ġew iddettati minn kunsiderazzjonijiet estetiċi. Bl-istess mod, l-argument tar-rikorrenti li d-disinn ikkontestat kien identiku għad-disinn DM/059828, ħlief fir-rigward tal-għatu mtaqqab, li, fil-fehma tiegħu, kien impost minn kunsiderazzjonijiet tekniċi, ma setax jintlaqa’. Fil-fatt, skont il-Bord tal-Appell, il-forma u l-pożizzjoni tax-xquq fuq il-gradilja kienu elementi li fil-preparazzjoni tagħhom id-disinjatur kien igawdi minn libertà kunsiderevoli u setgħu jiġu żviluppati indipendentement jew flimkien ma’ kull funzjoni teknika li dawn il-karatteristiċi setgħu wkoll jissodisfaw. Għalhekk, il-forma tax-xquq setgħet tkun differenti minn dispożittiv ta’ evakwazzjoni għal ieħor u l-pożizzjoni u l-konfigurazzjoni tagħhom setgħu jvarjaw ukoll, b’tali mod li d-dehra ta’ dawn il-karatteristiċi seta’ jkollha effett fuq l-impressjoni globali.

126    Fil-punti 109 u 110 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell, konsegwentement, qies li, jekk l-impressjoni globali prodotta mid-disinn ikkontestat kienet dik ta’ drejn għall-evakwazzjoni tal-ilma tad-doċċa eleganti, essenzjali u minimu kompost minn pjanċa li tiġbor magħluqa u mżejna u minn kanali laterali, l-impressjoni globali prodotta mid-disinni preċedenti kienet iddeterminata minn karatteristiċi iktar standardizzati bħall-kollettur tal-ilma ċirkolari fiċ-ċentru jew gradilja laterali. Barra minn hekk, fil-fehma tiegħu, id-disinni preċedenti ma kellhomx karatteristiċi dekorattivi, filwaqt li dawn kienu preżenti fid-disinn ikkontestat. Minkejja li r-rikorrenti tinsisti fuq il-fatt li l-preżenza ta’ kanali laterali fid-drejns għall-evakwazzjoni tal-ilma tad-doċċa li għandhom pjanċa li tiġbor magħluqa kienet komuni u imposta minn funzjoni teknika, il-Bord tal-Appell ikkonkluda li, kif kienu rrappreżentati, dawn il-kanali laterali kellhom ċertu valur estetiku, li kien jikkontribwixxi sabiex jagħti lid-drejn għall-evakwazzjoni tal-ilma tad-doċċa tal-intervenjenti apparenza ġenerali eleganti u minimalista.

127    Fil-punt 112 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell żied li, għall-istess raġunijiet, u fid-dawl ukoll tal-fatt li d-disinni preċedenti Nri 2, 4, 5 u 6 ma kinux jippreżentaw pjanċa li tiġbor magħluqa, iżda pjanċa mitlufa mtaqqba li n-numru, il-forma u d-dimensjonijiet tagħha kienu differenti, huwa qies li l-impressjoni globali prodotta minn dawn id-disinni fuq l-utent avżat kienet differenti minn dik prodotta mid-disinn ikkontestat, li kellu wiċċ magħluq u mżejjen bil-punti, u li dawn id-differenzi kellhom inċidenza determinanti fuq id-dehra tad-disinni kunfliġġenti.

 Fuq ir-raba’ motiv

128    Permezz tar-raba’ motiv, ir-rikorrenti tallega li l-Bord tal-Appell, fil-punti 98 sa 110 u 112 tad-deċiżjoni kkontestata, wettaq żball fil-kuntest tal-evalwazzjoni tan-novità jew tal-karattru individwali tad-disinn ikkontestat billi pparaguna dan tal-aħħar mad-disinni rriprodotti fir-reġistrazzjoni DM/059828. Fil-fehma tagħha, il-paragun huwa żbaljat, peress li l-Bord tal-Appell telaq mill-osservazzjoni ineżatta, fil-punti 98 u 101 tad-deċiżjoni kkontestata, li d-disinn Nru 1 (li jikkorrispondi għan-numri 1.1 u 1.2) u d-disinn Nru 3 (li jikkorrispondu għan-numri 3.1 u 3.2), kif irriprodotti fir-reġistrazzjoni DM/059828, kienu jikkonċernaw kanali ta’ doċċa mgħammra bi pjanċa li tiġbor mhux imtaqqba, imsejħa “żero” (cover of rooster).

129    Issa, minn naħa, id-disinn li jikkorrispondi għan-numri 1.1 u 1.2 jikkonsisti biss f’tank ta’ evakwazzjoni tal-ilma (li n-numru 1.1 tiegħu huwa l-veduta tal-wiċċ u n-numru 1.2 il-perspettiva ta’ taħt), mingħajr pjanċa li tiġbor, imtaqqba jew le, installata fi jew imqiegħda fuqha. Konsegwentement, dan id-disinn ma jippreżentax drejn għall-evakwazzjoni tal-ilma tad-doċċa sħiħ bħad-disinn ikkontestat. Huwa ċert li t-tank ta’ evakwazzjoni tal-ilma ppreżentat mid-disinn li jikkorrispondi għan-numri 1.1 u 1.2 huwa installat fl-art u li ma huwiex viżibbli waqt użu normali (bl-eċċezzjoni ta’ borduri ogħla mit-tank ta’ evakwazzjoni tal-ilma). Għal din ir-raġuni, id-disinn Nru 1 ma jaqax taħt il-protezzjoni tad-disinn Komunitarju. L-istess japplika eżattament għad-disinn l-ieħor iċċitat fil-punti 98 u 101, jiġifieri d-disinn Nru 3 (li jikkorrispondi għan-numri 3.1 u 3.2), li jippreżenta biss, mill-ġdid, tank ta’ evakwazzjoni (li n-numru 3.1 tiegħu huwa l-perspettiva tal-wiċċ u n-numru 3.2 il-perspettiva ta’ taħt), mingħajr pjanċa li tiġbor, imtaqqba jew le, installata fi jew imqiegħda fuqha. Barra minn hekk, il-borduri esterni fini fuq l-erba’ naħat tad-disinni li jikkorrispondu għan-numri 1.1 u 1.2, imsemmija fit-tieni inċiż tal-punti 101 u 102 tad-deċiżjoni kkontestata, jisparixxu wkoll waqt l-installazzjoni fl-art u ma jidhrux inviżibbli waqt użu normali.

130    Min-naħa l-oħra, fir-rigward tad-disinn Nru 5 (li jikkorrispondi għan-numri 5.1 u 5.2) u tad-disinn Nru 6 (li jikkorrispondi għan-numri 6.1 u 6.2), il-Bord tal-Appell iddikjara, fit-tielet inċiż tal-punt 102 tad-deċiżjoni tiegħu, li dawn kienu jikkonċernaw drejns tad-doċċa bi pjanċa li tiġbor imtaqqba. Issa, dawn id-disinni ma jippreżentaw ebda drejn għall-evakwazzjoni tal-ilma tad-doċċa. L-immaġnijiet tad-disinn li jikkorrispondu għan-numri 5.1 u 5.2 juru biss pjanċa li tiġbor imtaqqba (li n-numru 5.1 tagħha huwa l-vista tal-wiċċ, viżibbli biss waqt użu normali, u n-numru 5.2 il-perspettiva ta’ taħt). L-istess konstatazzjoni hija meħtieġa għall-istampi tad-disinn li jikkorrispondu għan-numri 6.1 u 6.2 (peress li n-numru 6.1 huwa l-vista ta’ taħt u n-numru 6.2 il-perspettiva tal-wiċċ, viżibbli biss waqt użu normali). B’dan il-mod, il-Bord tal-Appell jipparaguna d-dehra ta’ drejn għall-evakwazzjoni sħiħa, id-disinn ikkontestat, ma’ dik ta’ pjanċa li tiġbor waħedha, li tifforma parti minn drejn għall-evakwazzjoni tal-ilma.

131    Minn qari tal-punti tad-deċiżjoni kkontestata kkonċernati minn dan il-motiv, kien jidher ċar, skont ir-rikorrenti, li kien ħarab mill-attenzjoni tal-Bord tal-Appell li d-disinni li jikkorrispondu għan-numri 1.1, 1.2, 3.1 u 3.2 jirrigwardaw biss it-tankijiet ta’ evakwazzjoni (mingħajr il-pjanċa li tiġbor), li d-disinni li jikkorrispondu għan-numri 5.1, 5.2, 6.1 u 6.2 jirrigwardaw biss il-pjanċi li jiġbru (imtaqqba) li kienu biss id-disinni numri 2 u 4 li kellhom drejn ta’ evakwazzjoni komplet, bħad-disinn ikkontestat, bit-tank ta’ evakwazzjoni u pjanċa li tiġbor installata jew imqiegħda fuqha. Għaldaqstant, id-disinn li jikkorrispondi għan-numri 1.1 u 1.2 kien jifforma, mad-disinn li jikkorrispondi għan-numri 5.1 u 5.2, id-dehra tad-disinn numru 2, filwaqt li d-disinn li jikkorrispondi għan-numri 3.1 u 3.2 kien jifforma, mad-disinn li jikkorrispondi għan-numri 6.1 u 6.2, id-dehra tad-disinn numru 4. Fil-verità, ir-reġistrazzjoni DM/059828 kienet tirriproduċi biss żewġ disinni preċedenti ta’ drejn ta’ evakwazzjoni komplet, bħad-disinn ikkontestat, jiġifieri d-disinni numri 2 u 4.

132    Ir-rikorrenti żżid li l-konstatazzjoni magħmula fl-ewwel inċiż tal-punt 102 tad-deċiżjoni kkontestata hija wkoll żbaljata. Skont din il-konstatazzjoni, id-disinni Nri 1, 2, 3 u 5 tar-reġistrazzjoni DM/059828 jippreżentaw kollettur tal-ilma tond fiċ-ċentru tal-wiċċ tagħhom. Issa, skont ir-rikorrenti, id-disinni Nri 1 u 3 huma effettivament tankijiet ta’ evakwazzjoni tal-ilma jew kolletturi tal-ilma, iżda ma jkunux viżibbli waqt l-użu normali. Fir-rigward tad-disinni Nri 2 u 5, dawn ma humiex mgħammra b’kollettur tal-ilma, iżda jippreżentaw pjanċa li tiġbor b’perforazzjoni ċirkulari fiċ-ċentru tal-wiċċ tagħha.

133    Ir-rikorrenti ssostni li l-konstatazzjoni magħmula fil-ħames inċiż tal-punt 102 u fil-punti 106 u 107 tad-deċiżjoni kkontestata hija wkoll żbaljata. Skont din il-konstatazzjoni, il-pjanċi li jiġbru tal-mudelli ta’ drejn għall-evakwazzjoni tal-ilma li jidhru fir-reġistrazzjoni DM/059828 (u għalhekk, fil-fehma tagħha, id-disinni Nri 2 u 4 biss) ma fihom ebda element dekorattiv, filwaqt li, fid-disinn ikkontestat, il-pjanċa li tiġbor hija mżejna b’disinn bil-punti. Ir-rikorrenti, min-naħa tagħha, tqis li l-pjanċi li jiġbru tad-disinni tar-reġistrazzjoni DM/059828 jinkludu dekorazzjoni fil-forma ta’ disinn ta’ perforazzjonijiet iddefinit. Min-naħa l-oħra, il-pjanċa li tiġbor tad-disinn ikkontestat hija kkaratterizzata mill-assenza ta’ element dekorattiv, peress li tikkonsisti biss fi pjanċa li tiġbor tal-azzar inossidabbli lixx, magħrufa wkoll bl-isem ta’ pjanċa li tiġbor “żero”. Din il-pjanċa li tiġbor ma tippreżenta l-ebda dekorazzjoni, la fil-forma ta’ punti u lanqas f’kull forma oħra.

134    Ir-rikorrenti tqis għalhekk li l-Bord tal-Appell wettaq żball fir-rigward tan-natura u tal-apparenza tal-oġġetti li għandhom jitqabblu bħala disinni preċedenti, peress li huwa qabbel id-disinn ikkontestat l-ewwel mad-dehra ta’ tank ta’ evakwazzjoni tal-ilma tad-doċċa, sussegwentement mad-dehra ta’ pjanċa li tiġbor ta’ drejn għall-evakwazzjoni tal-ilma tad-doċċa u fl-aħħar nett ma’ drejn għall-evakwazzjoni tal-ilma tad-doċċa komplet. Minn dan hija tikkonkludi li l-karatteristika jew il-karatteristiċi li jippermettu li ssir distinzjoni bejn id-dehra tad-disinn ikkontestat u d-disinni preċedenti huma wkoll is-suġġett ta’ inċertezzi.

135    L-EUIPO u l-intervenjenti jikkontestaw l-argumenti tar-rikorrenti.

136    Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li r-rikorrenti ma tikkontestax id-definizzjoni tal-utent avżat adottata fil-punt 85 tad-deċiżjoni kkontestata, u lanqas l-evalwazzjoni li l-libertà tad-disinjatur hija relattivament wiesgħa, fil-punt 88 tal-istess deċiżjoni (ara l-punt 24 iktar ’il fuq). Hija lanqas ma tikkontesta l-evalwazzjoni tal-Bord tal-Appell, fil-punt 77 tal-imsemmija deċiżjoni, li tgħid li ebda waħda mill-karatteristiċi tad-disinn ikkontestat ma kienet imposta esklużivament mill-funzjoni teknika tiegħu u, konsegwentement, ma kellha tiġi eskluża mill-protezzjoni, u lanqas ma kellu jiġi attribwit rwol sostanzjalment ridott fl-effett tiegħu fuq il-paragun globali (ara l-punt 23 iktar ’il fuq). Barra minn hekk, ma hemmx lok li tiġi kkontestata din id-definizzjoni u dawn l-evalwazzjonijiet.

137    Huwa wkoll paċifiku, wara s-sentenza tal-appell, li bl-ebda mod ma huwa meħtieġ li l-utent avżat tad-disinn ikkontestat ikun jaf il-prodott li fih id-disinn preċedenti jkun inkorporat jew li għalih ikun applikabbli. Fi kliem ieħor, disinn preċedenti inkorporat fi prodott differenti minn dak ikkonċernat mid-disinn ikkontestat jikkostitwixxi, bħala prinċipju, disinn preċedenti rilevanti għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-karattru individwali, fis-sens tal-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 6/2002, tad-disinn ikkontestat (ara l-punt 111 iktar ‘il fuq). F’dan il-każ, il-fatt li d-disinni preċedenti jkunu intiżi għal użu industrijali għall-evakwazzjoni tal-likwidi, u mhux għal użu bħala drejn għall-evakwazzjoni tal-ilma tad-doċċa f’żona sanitarja bħal kamra tal-banju, ma jipprekludix għalhekk it-teħid inkunsiderazzjoni tagħhom bħala disinni preċedenti rilevanti għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-karattru individwali tad-disinn ikkontestat.

138    Permezz tar-raba’ motiv, ir-rikorrenti essenzjalment issostni li l-Bord tal-Appell wettaq żball fit-tqabbil tad-disinn ikkontestat mad-disinni preċedenti rrappreżentati fir-reġistrazzjoni DM/059828. Il-Bord tal-Appell allegatament qies b’mod żbaljat li d-disinni preċedenti rrappreżentati mid-disinni li jikkorrispondu għan-numri 1.1 u 1.2, u sussegwentement 3.1 u 3.2, kienu jikkonċernaw pjanċa li tiġbor mhux imtaqqba, meta dawn kienu jikkonċernaw biss tank ta’ evakwazzjoni. Issa, skont ir-rikorrenti, dawn id-disinni preċedenti ma jkunux viżibbli waqt użu normali (jiġifieri ladarba jiddaħħlu fl-art), b’tali mod li ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-protezzjoni tad-disinni Komunitarji (ara l-punti 98 u 101 iktar ‘il fuq). Bl-istess mod, il-Bord tal-Appell wettaq żball meta qies li d-disinni preċedenti li jikkorrispondu għan-numri 5.1, 5.2, 6.1 u 6.2 kienu jikkonċernaw drejns għall-evakwazzjoni tal-ilma bi pjanċa li tiġbor imtaqqba, filwaqt li kien jirrigwarda pjanċa li tiġbor biss. Ir-rikorrenti tikkonkludi li huma biss id-disinni Nri 2 u 4 tar-reġistrazzjoni DM/059828 li jirrappreżentaw drejn għall-evakwazzjoni sħiħ, bħad-disinn ikkontestat, bit-tank ta’ evakwazzjoni u pjanċa li tiġbor integrata jew imqiegħda fuq.

139    Fi kliem ieħor, għandu jiġi rrilevat li r-rikorrenti tqis li d-disinn ikkontestat seta’ jiġi pparagunat biss maż-żewġ disinni preċedenti Nri 2 u 4, sa fejn dawn iż-żewġ disinni kienu l-uniċi, fi ħdan ir-reġistrazzjoni DM/059828, li jikkonċernaw “drejn għall-evakwazzjoni tal-ilma tad-doċċa” kompluti u komposti minn żewġ elementi, jiġifieri t-tank ta’ evakwazzjoni u l-pjanċa li tiġbor.

Image not found

Image not found

Disinn Nru 2 tar-reġistrazzjoni DM/059828

Disinn Nru 4 tar-reġistrazzjoni DM/059828


140    F’dan ir-rigward, qabelxejn, għandu jiġi enfasizzat, kif għamel l-EUIPO, li żball possibbli li l-Bord tal-Appell seta’ jwettaq fid-definizzjoni tal-karatteristiċi tad-disinni minbarra d-disinni Nri 2 u 4 tar-reġistrazzjoni DM/059828 ma jista’ jkollu ebda effett fuq il-legalità tad-deċiżjoni kkontestata, peress li l-Bord tal-Appell effettivament ipparaguna d-disinn ikkontestat mad-disinni preċedenti Nri 2 u 4 kompleti, jiġifieri dawk li jirrappreżentaw prodott kumpless kompost minn żewġ elementi li huma tank ta’ evakwazzjoni u pjanċa li tiġbor li jifformaw drejns ta’ evakwazzjoni ta’ doċċa. Anki jekk jiġi preżunt li l-Bord tal-Appell ipparaguna wkoll id-disinn ikkontestat mad-dehra ta’ tank ta’ evakwazzjoni tal-ilma waħdu jew ma’ pjanċa li tiġbor biss meta eżamina d-disinni preċedenti Nri 1, 3, 5 u 6, dan ma jistax jinvalida r-riżultat tal-paragun tad-disinn ikkontestat mad-drejn għall-evakwazzjoni tad-doċċa sħiħa li huma d-disinni preċedenti Nri 2 u 4.

141    Sussegwentement, hemm lok li jiġi kkonstatat li l-paragun magħmul bejn id-disinn ikkontestat u d-disinni preċedenti Nri 2 u 4 ma fihx żball. Dan huwa l-każ anki jekk, kuntrarjament għal dak li jingħad fit-tielet inċiż tal-punt 102 tad-deċiżjoni kkontestata, id-disinn preċedenti Nru 4 jinkludi pjanċa li tiġbor. Fil-fatt, huwa biżżejjed li dan id-disinn jinkludi, kif irrileva l-Bord tal-Appell, pjanċa mtaqqba li r-raġuni tagħha ma hijiex dekorattiva, iżda funzjonali, sabiex il-konstatazzjonijiet tal-punti 109, 110 u 112 tad-deċiżjoni kkontestata jkunu validi u mingħajr żball fir-rigward tar-riżultat. L-iżball minuri mwettaq mill-Bord tal-Appell fit-tielet inċiż tal-punt 102 tal-imsemmija deċiżjoni għalhekk ma jista’ jkollu ebda effett determinanti fuq il-legalità ta’ din id-deċiżjoni.

142    Fl-aħħar nett, għandu jiġi rrilevat li, fl-atti tagħha, ir-rikorrenti ma tressaq ebda argument ta’ natura li jikkontesta l-konstatazzjonijiet magħmula fil-punti 109, 110 u 112 tad-deċiżjoni kkontestata.

143    Barra minn hekk, waqt is-seduta, ir-rikorrenti rrikonoxxiet li kien hemm “problema” mar-rappreżentazzjonijiet tal-katalogi Blücher, peress li t-tank ta’ evakwazzjoni kien jidher fuq ritratt u l-pjanċa li tiġbor fuq ritratt ieħor, iżda li dan it-tank u din il-pjanċa ma kinux irrappreżentati flimkien. F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat ukoll li disinn preċedenti għandu jikkostitwixxi preċedenza “kompatta” jew “ta’ kull komponent” u ma jistax ikun ir-riżultat ta’ kombinazzjoni, b’mod partikolari bis-saħħa tas-sentenza tad-19 ta’ Ġunju 2014, Karen Millen Fashions (C‑345/13, EU:C:2014:2013, punti 25 u 35), iċċitata fil-punt 109 iktar ’il fuq. Issa, f’dan il-każ, hemm lok li jiġi rrilevat, kif għamel l-EUIPO waqt is-seduta, li mill-proċess jirriżulta li r-rikorrenti ma pproduċiet ebda rappreżentazzjoni ta’ sistema ta’ evakwazzjoni sħiħa li tirriproduċi t-tank ta’ evakwazzjoni u l-pjanċa li tiġbor, kif mibjugħ fil-katalogi Blücher. Għaldaqstant, l-uniċi preċedenzi kompatti li fuqhom tista’ tibbaża ruħha r-rikorrenti huma, fi kwalunkwe każ, id-disinni numri 2 u 4 li jidhru fir-reġistrazzjoni DM/059828, li jirrappreżentaw drejn għall-evakwazzjoni tal-ilma tad-doċċa sħaħ.

144    Huwa għaldaqstant ġustament li l-Bord tal-Appell, fil-punti 109 u 110 tad-deċiżjoni kkontestata, qies, sostanzjalment, li, għalkemm l-impressjoni globali prodotta mid-disinn ikkontestat kienet dik ta’ drejn ta’ evakwazzjoni ta’ doċċa “eleganti, essenzjali u minima” kompost minn pjanċa li tiġbor magħluqa, imżejna bid-dekorazzjonijiet, u minn xquq laterali li l-valur estetiku tagħhom kien jikkontribwixxi għal din id-dehra “eleganti u minimalista”, min-naħa l-oħra, l-impressjoni globali prodotta mid-disinni preċedenti, b’mod partikolari d-disinni numri 2 u 4, kienet differenti, għaliex kienet iddeterminata minn karatteristiċi iktar “normalizzati”, funzjonali u mhux dekorattivi, bħall-kollettur tal-ilma ċirkulari fin-nofs (tad-disinn numru 2, konformement mal-perspettiva tad-disinn li jikkorrispondi għan-numri 1.1 u 1.2, u għad-disinn numru 4, konformement mal-perspettiva tad-disinn li tikkorrispondi għan-numri 3.1 u 3.2) jew gradilja bi xquq (tad-disinn numru 2, konformement mal-perspettivi tad-disinn li jikkorrispondi għan-numri 5.1 u 5.2, u tad-disinn numru 4, konformement mal-perspettivi tad-disinn li jikkorrispondi għan-numri 6.1 u 6.2).

145    Huwa għaldaqstant ukoll ġustament li, fil-punt 112 tad-deċiżjoni kkontestata, moqri flimkien mal-punt 107 ta’ din id-deċiżjoni, il-Bord tal-Appell żied, essenzjalment, li, għall-istess raġunijiet bħal dawk imsemmija fil-punti 109 u 110 tal-imsemmija deċiżjoni, u fid-dawl ukoll tal-fatt li d-disinni preċedenti Nri 2 u 4 kienu jippreżentaw pjanċa bi xquq u funzjonali, mingħajr dekorazzjoni, huwa qies li l-impressjoni globali prodotta minn dawn id-disinni fuq l-utent avżat kienet differenti minn dik prodotta mid-disinn ikkontestat, li kien jippreżenta pjanċa li tiġbor magħluqa, imżejna b’dekorazzjoni bil-punti, kif ukoll borduri laterali li għandhom valur estetiku.

146    Fl-aħħar nett, huwa ġustament li, fil-punt 113 tad-deċiżjoni kkontestata, mhux espressament ikkontestat mir-rikorrenti, il-Bord tal-Appell qies, essenzjalment, li d-differenza msemmija iktar ‘il fuq fid-dehra tal-karatteristiċi li kienu s-suġġett tax-xogħol ta’ disinjatur, li l-grad ta’ libertà tiegħu kien għoli, kienet biżżejjed sabiex tipproduċi impressjoni globali differenti, minkejja l-eżistenza ta’ ċerti koinċidenzi, u li għalhekk ikkonkluda li, abbażi tad-disinni preċedenti indikati fl-applikazzjoni għal dikjarazzjoni ta’ invalidità, b’mod partikolari, skont id-disinni Nru 2 jew disinni (konformement mal-perspettivi tad-disinni numri 1.1, 1.2, 5.1 u 5.2), u numru 4 (konformement mal-perspettivi tad-disinni numri 3.1, 3.2, 6.1 u 6.2), id-disinni ikkontestat kien jippreżenta karattru individwali.

147    Għaldaqstant, ir-raba’ motiv għandu jiġi miċħud bħala infondat.

 Fuq il-ħames motiv

148    Permezz tal-ħames motiv, ir-rikorrenti tallega li l-Bord tal-Appell qies b’mod żbaljat, fil-punt 111 tad-deċiżjoni kkontestata, flimkien mal-punti 29 u 30 tal-istess deċiżjoni, li d-dikjarazzjonijiet li għalihom tirreferi r-rikorrenti ma kinux saru taħt ġurament jew b’mod solenni, peress li l-parti l-kbira ta’ dawn id-dikjarazzjonijiet kienu ittri elettroniċi u barra minn hekk kienu joriġinaw mill-isfera tar-rikorrenti stess u ma kienu sostnuti minn ebda dikjarazzjoni indipendenti. Ir-rikorrenti tippreżumi li dawn huma l-annessi Nri 4 sa 7 mehmuża minnha mar-risposta tagħha tat-2 ta’ April 2010, li għalihom hija rreferiet ukoll fil-punt 20 tal-osservazzjonijiet tagħha tal-21 ta’ Settembru 2018. Fil-fehma tagħha, ma kien hemm ebda raġuni għalfejn ma jitteħidx inkunsiderazzjoni l-kontenut ta’ dawn id-dikjarazzjonijiet għall-finijiet tal-evalwazzjoni tan-novità u tal-karattru individwali tad-disinn ikkontestat.

149    Qabel kollox, ir-rikorrenti tqis “stramba u inkoerenti”, fid-dawl tat-tielet motiv, li l-Bord tal-Appell ħa dawn id-dikjarazzjonijiet inkunsiderazzjoni. Fil-fatt, ir-rikorrenti pproduċiet l-annessi inkwistjoni fl-istess ħin tar-ritratt tal-paġna 33 tal-katalogi Blücher, li l-Bord tal-Appell ċaħad b’applikazzjoni tal-Artikolu 63(2) tar-Regolament Nru 6/2002 minħabba li din ma kinitx ġiet prodotta fil-kuntest tal-applikazzjoni għal dikjarazzjoni ta’ invalidità tat-3 ta’ Settembru 2009. Anki jekk ir-rikorrenti tirrikonoxxi li l-parti l-kbira ta’ dawn id-dikjarazzjonijiet huma ittri elettroniċi, hija madankollu tirrileva li ebda parti involuta, u l-ebda istanza li ddeċidiet preċedentement, kienet ikkontestat l-eżattezza jew l-integrità ta’ dawn l-ittri elettroniċi. Dawn id-dikjarazzjonijiet u l-kontenut tagħhom qatt ma kienu s-suġġett ta’ xi kontestazzjoni. Barra minn hekk, ir-rikorrenti żżid li dawn id-dikjarazzjonijiet ma joħorġux mill-isfera tagħha stess, iżda li l-Annessi Nri 4, 5 u 7 joriġinaw mill-kumpannija Blücher, impriża totalment indipendenti minnha, mingħajr ebda rabta kuntrattwali, assoċjazzjoni jew oħra, filwaqt li l-Anness Nru 6 jirriżulta mill-konsulent legali tal-intervenjenti.

150    L-EUIPO u l-intervenjenti jikkontestaw l-argumenti tar-rikorrenti.

151    Fil-punt 111 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell osserva li d-dikjarazzjonijiet li tirreferi għalihom ir-rikorrenti ma kinux saru taħt ġurament jew b’mod solenni, peress li l-parti l-kbira ta’ dawn id-dikjarazzjonijiet kienu ittri elettroniċi, u li, barra minn hekk, dawn kienu joriġinaw mill-isfera tar-rikorrenti stess u ma kienu sostnuti minn ebda dikjarazzjoni indipendenti li tirriżulta, pereżempju, minn assoċjazzjonijiet ta’ manifatturi jew ta’ kmamar tal-kummerċ. Għaldaqstant, il-Bord tal-Appell ikkunsidra li huwa ma jistax iċaħħad lid-diversi karatteristiċi tad-disinn ikkontestat minn valur estetiku fid-dawl tad-dokumenti li għalihom tirreferi r-rikorrenti. Għall-kuntrarju, f’dan il-każ, Fil-fehma tiegħu, kellu jittieħed inkunsiderazzjoni d-disinn kollu kemm hu kif ukoll il-forma, id-daqs, il-pożizzjoni u l-proporzjon tal-elementi li kienu jikkomponuh.

152    Permezz tal-ħames motiv, essenzjalment, ir-rikorrenti tqis li l-Bord tal-Appell wettaq żball meta ċaħad il-valur probatorju ta’ dawn id-dikjarazzjonijiet u dan l-iskambji ta’ posta elettronika, li joriġinaw b’mod partikolari minn impjegati ta’ Blücher jew minn I-Drain.

153    Qabelxejn, għandu jiġi kkonstatat li dan il-motiv huwa bbażat fuq qari żbaljat tad-deċiżjoni kkontestata. Fil-fatt, fil-punt 111 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell ma kellux l-intenzjoni li jċaħħad minn kull valur probatorju d-dikjarazzjonijiet prodotti mir-rikorrenti fl-Annessi Nri 4 sa 7 tar-risposta tagħha tat-2 ta’ April 2010 għall-osservazzjonijiet tal-intervenjenti quddiem id-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni u li jikkonċernaw, essenzjalment, il-karattru ftit jew wisq estetiku jew funzjonali tad-disinn ikkontestat. Il-Bord tal-Appell sempliċement irrefera għal ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti Ġenerali li tgħid li, essenzjalment, id-dikjarazzjonijiet ta’ terzi għandhom ċertu valur probatorju li l-forza tiegħu tonqos madankollu proporzjonalment mal-interess tal-firmatarju għas-suċċess tal-kawża (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-16 ta’ Lulju 2014, Nanu-Nana Joachim Hoepp vs UASI – Stal-Florez Botero (in-nana), T‑196/13, mhux ippubblikata, EU:T:2014:674, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tas-16 ta’ Ġunju 2015, H.P. Gauff Ingenieure vs UASI – Gauff (Gauff JBG Ingenieure), T‑585/13, mhux ippubblikata, EU:T:2015:386, punt 28).

154    Sussegwentement, indipendentement mill-valur probatorju tal-imsemmija dikjarazzjonijiet, għandu jiġi kkonstatat ukoll li l-Bord tal-Appell ħa inkunsiderazzjoni dawn id-dokumenti, kif jirriżulta mill-analiżi tiegħu fil-punt 111 tad-deċiżjoni kkontestata. Il-Bord tal-Appell b’hekk uża s-setgħa diskrezzjonali tiegħu li jagħtih l-Artikolu 63(2) tar-Regolament Nru 6/2002 (ara l-punti 44 sa 48 iktar ‘il fuq). Huwa kien liberu li jagħmel dan, peress li d-dokumenti identifikati bħala l-Annessi Nri 4 sa 7 tar-risposta tar-rikorrenti tat-2 ta’ April 2010 ma kinux jikkonċernaw l-identifikazzjoni tad-disinni preċedenti. Min-naħa l-oħra, għandu jitfakkar li identifikazzjoni bħal din hija ffissata mil-kuntest strett tal-applikazzjoni għal dikjarazzjoni ta’ invalidità, li ma tippermettix l-eżerċizzju ta’ tali setgħa diskrezzjonali (ara r-risposta tal-Qorti Ġenerali għat-tielet motiv fil-punti 40 sa 69 iktar ’il fuq).

155    Fl-aħħar nett, fil-kuntest tal-evalwazzjoni libera tiegħu tal-fatti, il-Bord tal-Appell ma kienx marbut minn dawn id-dikjarazzjonijiet. Huwa seta’ jqis, mingħajr żball ta’ liġi, li tali dikjarazzjonijiet ma setgħux jikkontestaw il-konklużjoni li d-disinn ikkontestat kellu aspetti estetiċi iktar milli esklużivament funzjonali. Huma dawn l-aspetti estetiċi li jiddistingwu l-impressjoni globali prodotta mid-disinn ikkontestat, li hija dik ta’ drejn għall-evakwazzjoni tal-ilma tad-doċċa “eleganti, essenzjali u minimu”, tal-impressjoni iktar funzjonali jew “standardizzata” prodotta mid-disinni preċedenti, kif ikkonstata ġustament il-Bord tal-Appell fil-punt 109 tad-deċiżjoni kkontestata (ara l-punt 144 iktar ’il fuq).

156    Barra minn hekk, sa fejn l-argumenti tar-rikorrenti jistgħu jiġu interpretati fis-sens li hija ġiet imċaħħda mill-opportunità li tagħti xhieda lit-terzi firmatarji tad-dikjarazzjonijiet fil-kuntest ta’ proċedura orali u minn smigħ ta’ xhieda quddiem il-Bord tal-Appell, kif mitluba minnha bis-saħħa tal-Artikoli 64 u 65 tar-Regolament Nru 6/2002, hemm lok li jiġi rrilevat li, fil-punti 29 u 30 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell qies, qabel kollox, li proċedura orali la kienet ġiet indikata, f’dan il-każ, u lanqas ma kienet neċessarja, barra minn hekk, f’dan il-każ, li l-Bord tal-Appell qies, qabel kollox, li proċedura orali la kienet ġiet indikata, f’dan il-każ, u lanqas ma kienet neċessarja, u barra minn hekk, li, fil-proċedura preċedenti ir-rikorrenti kienet opponiet it-talba għal seduta tal-intervenjenti, u fl-aħħar nett, kien jiddisponi minn biżżejjed elementi, fatti, argumenti u provi biex jieħu deċiżjoni. Il-Bord tal-Appell għaldaqstant ċaħad it-talba għal seduta kif ukoll, għall-istess raġunijiet, it-talba għas-smigħ tax-xhieda.

157    Minn naħa, fir-rigward tat-talba għal proċedura orali, l-Artikolu 64(1) tar-Regolament Nru 6/2002 jipprevedi li l-EUIPO għandu jirrikorri għall-proċedura orali, jew ex officio, jew fuq talba ta’ waħda mill-partijiet fil-proċedura, bil-kundizzjoni li huwa jqis li din tkun utli.

158    Għalhekk, mill-formulazzjoni tal-Artikolu 64 tar-Regolament Nru 6/2002 u mill-espressjoni “sakemm huwa jqis utli” jirriżulta li l-EUIPO għandu setgħa diskrezzjonali wiesgħa sabiex jorganizza proċedura orali.

159    Barra minn hekk, mill-ġurisprudenza fil-qasam tad-disinni jirriżulta li l-Bord tal-Appell għandu marġni ta’ diskrezzjoni fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk proċedura orali quddiemha tkunx realment neċessarja. Din il-marġni ta’ diskrezzjoni fir-rigward tan-neċessità li tinżamm proċedura orali hija applikabbli wkoll meta parti titlob li tiġi organizzata proċedura orali (sentenza tat-13 ta’ Diċembru 2017, Delfin Wellness vs EUIPO – Laher (Kabini infra-ħomor u sawna), T‑114/16, mhux ippubblikata, EU:T:2017:899, punt 114).

160    B’analoġija, skont il-ġurisprudenza fil-qasam tat-trade marks, rifjut ma jkun ivvizzjat minn ebda żball manifest meta l-parti li titlob proċedura orali ma tistabbilixxix li l-Bord tal-Appell ma kellux l-elementi kollha neċessarji għall-adozzjoni tad-deċiżjoni tiegħu (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tas-27 ta’ Frar 2018, Hansen Medical vs EUIPO – Covidien (MAGELLAN), T‑222/16, mhux ippubblikata, EU:T:2018:99, punti 56 sa 59).

161    Issa, dan huwa l-każ fis-sitwazzjoni preżenti. Il-Bord tal-Appell ma wettaqx żball meta eżerċita s-setgħa diskrezzjonali wiesgħa tiegħu, billi qies ruħu fil-pussess tal-informazzjoni kollha neċessarja sabiex jagħti d-deċiżjoni kkontestata. Barra minn hekk, ma hemm xejn fil-proċess li jissuġġerixxi li l-Bord tal-Appell ma kellux l-elementi kollha neċessarji sabiex jiġġustifika d-dispożittiv ta’ din id-deċiżjoni.

162    Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 65(1) tar-Regolament Nru 6/2002 jipprevedi li, f’kull proċediment quddiem l-EUIPO, jistgħu jittieħdu miżuri istruttorji, li jikkonsistu b’mod partikolari fis-smigħ tal-partijiet, talba għal informazzjoni, il-produzzjoni ta’ dokumenti u ta’ provi, is-smigħ tax-xhieda, il-perizja u d-dikjarazzjonijiet bil-miktub magħmula taħt ġurament jew solenni jew li jkollhom effett ekwivalenti skont il-leġiżlazzjoni tal-Istat fejn isiru. Skont l-Artikolu 65(3) ta’ dan ir-regolament, jekk l-EUIPO jqis neċessarju li parti, xhud jew perit jiddeponi oralment, huwa għandu jħarrek lill-persuna kkonċernata sabiex tidher quddiemu għal smigħ.

163    B’hekk, mill-formulazzjoni tal-Artikolu 65 tar-Regolament Nru 6/2002 u mill-espressjoni “jekk l-Uffiċċju jqis neċessarju”, jirriżulta li l-EUIPO jgawdi minn setgħa diskrezzjonali wiesa’ għall-finijiet tal-organizzazzjoni tas-smigħ tax-xhieda (ara wkoll, f’dan is-sens, id-digriet tal-14 ta’ Ġunju 2021, TrekStor vs EUIPO – Zagg (kopertura ta’ protezzjoni tal-materjal informatiku), T‑512/20, mhux ippubblikat, EU:T:2021:359, punt 32).

164    Għalhekk, il-Bord tal-Appell ma kienx marbut jisma’ x-xhieda proposti, imma kellu setgħa diskrezzjonali wiesgħa f’dan ir-rigward, li seta’ jeżerċita mingħajr ma jwettaq żball f’dan il-każ.

165    Fil-fatt, mill-ġurisprudenza fil-qasam tat-trade marks, b’analoġija, jirriżulta li rifjut ma jkun ivvizzjat minn ebda żball manifest meta l-parti li tkun ippreżentat ir-rikors għas-smigħ tax-xhieda tkun tista’ tipproduċi d-dikjarazzjonijiet tal-imsemmija xhieda bil-miktub (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, id-digriet tat-18 ta’ Jannar 2018, W & O medical esthetics vs EUIPO – Fidia farmaceutici (HYALSTYLE), T‑178/17, mhux ippubblikat, EU:T:2018:18, punti 15 sa 24). Dan ikun iktar u iktar validu, meta, bħal f’dan il-każ, dawn id-dikjarazzjonijiet tax-xhieda jkunu ġew effettivament prodotti bil-miktub. Barra minn hekk, hemm lok li jsir riferiment għar-raġunijiet diġà indikati fil-punt 87 iktar ’il fuq.

166    Għaldaqstant, il-ħames motiv għandu jiġi miċħud bħala infondat.

 Fuq is-sitt motiv

167    Permezz tas-sitt motiv, fl-ewwel lok, ir-rikorrenti tallega li l-Bord tal-Appell wettaq żball meta qies, fil-punti 114 u 115 tad-deċiżjoni kkontestata, li d-disinn ikkontestat ma kienx nieqes minn karattru individwali, u lanqas, għaldaqstant, min-novità, b’tali mod li kien validu. Hija tirreferi għal kull wieħed mill-motivi preċedenti, meqjusa wkoll bħala magħquda ma’ xulxin. Fit-tieni lok, hija ssostni li l-miżuri istruttorji, bħal dawk imsemmija fl-Artikolu 65 tar-Regolament Nru 6/2002, ma ġewx adottati, u lanqas previsti, b’kontradizzjoni mal-punt 71 tas-sentenza tal-appell. Bl-istess mod, il-Bord tal-Appell lanqas ma wieġeb għall-proposta tar-rikorrenti li tipproduċi provi addizzjonali, b’mod partikolari billi pproduċa xhieda msemmija speċifikament, peress li tali proposta kienet, “sa fejn meħtieġ”, imtennija quddiem il-Qorti Ġenerali.

168    L-EUIPO u l-intervenjenti jikkontestaw l-argumenti tar-rikorrenti.

169    Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-punti 114 u 115 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell qies li, peress li d-disinn ikkontestat kellu karattru individwali, dan ma setax, a fortiori, ikun nieqes minn novità fis-sens tal-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 6/2002, u għalhekk kien validu.

170    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li r-rekwiżit tal-karattru individwali, imsemmi fl-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 6/2002, huwa iktar eżiġenti mir-rekwiżit ta’ novità, stabbilit fl-Artikolu 5 tal-istess regolament, permezz tal-grad ta’ differenzazzjoni li hija teħtieġ fir-rigward ta’ kull disinn preċedenti. B’hekk, skont il-ġurisprudenza, disinn ġdid jista’ jkollu jew ma jkollux karattru individwali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-6 ta’ Ġunju 2013, Kastenholz vs UASI – Qwatchme (Uċuħ tal-arloġġi), T‑68/11, EU:T:2013:298, punt 38). Min-naħa l-oħra, disinn li ma jkunx ġdid ma jistax, iktar u iktar, ikollu karattru individwali.

171    L-eżistenza tal-karattru individwali tippermetti li tiġi dedotta, a fortiori, in-novità, bħal f’dan il-każ, filwaqt li l-assenza ta’ karattru individwali ma tippreġudikax neċessarjament l-assenza ta’ novità, iżda, fi kwalunkwe każ, hija suffiċjenti sabiex jiġi annullat disinn. Min-naħa l-oħra, l-assenza ta’ novità tirriżulta deċiżiva għall-assenza ta’ karattru individwali, filwaqt li n-novità ma tippreġudikax neċessarjament l-eżistenza tal-karattru individwali, meħtieġa wkoll għall-validità ta’ disinn.

172    Konsegwentement, meta, bħal f’dan il-każ, l-invalidità ta’ disinn tintalab abbażi tar-raġunijiet stabbiliti fl-Artikoli 5 u 6 tar-Regolament Nru 6/2002 u fid-dawl tal-istess disinni preċedenti, il-konstatazzjoni tal-karattru individwali tad-disinn ikkontestat timplika l-validità tiegħu fid-dawl tal-imsemmija raġunijiet għal dikjarazzjoni ta’ invalidità u tal-imsemmija disinni preċedenti.

173    F’tali ċirkustanzi fejn l-eżistenza tal-karattru individwali tiġi kkonstatata, bħal f’dan il-każ, ma jkunx neċessarju, għall-istanzi tal-EUIPO, li jeżaminaw b’mod iddettaljat ir-rekwiżit ta’ novità, peress li l-eżami prijoritarju tal-karattru individwali jista’ jkun iġġustifikat għal raġunijiet ta’ metodoloġija u ta’ ekonomija tal-ġudizzju. Għall-kuntrarju, f’ċirkustanzi oħra fejn tiġi kkonstatata l-assenza ta’ novità, l-eżami prijoritarju tar-rekwiżit ta’ novità jista’ wkoll jiġi ġġustifikat għall-istess raġunijiet ta’ metodoloġija u ta’ ekonomija tal-ġudizzju, peress li tali assenza neċessarjament twassal għan-nullità tad-disinn inkwistjoni, mingħajr ma jkun hemm bżonn li jiġi eżaminat espressament ir-rekwiżit tal-karattru individwali.

174    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet ippreżentati fil-punti 170 sa 173 iktar ’il fuq, għandu jiġi kkonstatat li l-Bord tal-Appell ma wettaqx żball meta eżamina, għal raġunijiet ta’ metodoloġija u ta’ ekonomija tal-ġudizzju, l-eżistenza tal-karattru individwali tad-disinn ikkontestat qabel ma ddeduċa, a fortiori, dik tan-novità tal-istess disinn.

175    Fit-tieni lok, fir-rigward tal-miżuri istruttorji, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li, fil-punt 71 tas-sentenza tagħha fl-appell (iċċitata fil-punt 84 iktar’ il fuq), il-Qorti tal-Ġustizzja sempliċement invokat il-fatt li “tali ċirkustanza setgħet tittieħed inkunsiderazzjoni mill-EUIPO sabiex jiġu adottati miżuri istruttorji, abbażi tal-Artikolu 65(1) tar-Regolament Nru 6/2002”. Bl-użu tat-terminu “seta’”, il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet għalhekk is-setgħa diskrezzjonali wiesgħa li l-EUIPO għandu sabiex jadotta miżuri istruttorji, skont din id-dispożizzjoni (ara l-punti 162 u 163 iktar ’il fuq). Konsegwentement, l-assenza ta’ adozzjoni ta’ miżuri istruttorji, b’mod partikolari ta’ smigħ ta’ xhieda, mill-Bord tal-Appell bis-saħħa tas-setgħa diskrezzjonali wiesgħa tiegħu bl-ebda mod ma tista’ tmur kontra s-sentenza tal-appell, u lanqas ma tista’ tkun żbaljata b’xi mod ieħor.

176    Barra minn hekk, għal dak li jirrigwarda l-provi prodotti mill-ġdid quddiem il-Qorti Ġenerali, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 85(3) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, “il-partijiet prinċipali jistgħu jipproduċu jew jipproponu provi ġodda qabel l-għeluq tal-fażi orali tal-proċedura […], bil-kundizzjoni li jiġġustifikaw għaliex dawn il-provi ġew prodotti jew proposti tard”. F’dan il-każ, fir-rigward ta’ proċedura amministrattiva mibdija fl-2009, u fid-dawl tal-assenza ta’ element ġdid quddiem il-Qorti Ġenerali, id-dewmien fil-produzzjoni ta’ tali provi ma jistax, fi kwalunkwe każ, jiġi ġġustifikat. Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali tqis li l-atti tal-proċess jipprovdulha biżżejjed informazzjoni li dawn il-provi ma humiex neċessarji għaliha sabiex tiddeċiedi.

177    Għaldaqstant, is-sitt motiv għandu jiġi miċħud bħala infondat.

178    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, hemm lok li jiġi miċħud ir-rikors kollu kemm hu.

 Fuq l-ispejjeż

179    Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu.

180    Peress li r-rikorrenti tilfet, hija għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, kif mitlub mill-UASI u mill-intervenjenti.

Għal dawn ir-raġunijiet,

IL-QORTI ĠENERALI (Id-Disa’ Awla)

Taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Grupp Nivelles hija kkundannata għall-ispejjeż.

Costeira

Kancheva

Perišin

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fis-27 ta’ April 2022.

Firem


Werrej


Il-fatti li wasslu għall-kawża

It-talbiet tal-partijiet

Fid-dritt

Fuq l-ewwel u t-tielet motiv, dwar l-identifikazzjoni tad-disinn preċedenti

Fuq it-tielet motiv

Fuq l-ewwel motiv

Fuq it-tieni motiv, dwar id-determinazzjoni tal-karatteristiċi tad-disinn ikkontestat

Fuq ir-raba’, il-ħames u s-sitt motiv, dwar il-paragun tad-disinni kunfliġġenti u l-evalwazzjoni tal-karattru individwali tad-disinn ikkontestat

Tfakkira tal-leġiżlazzjoni u tal-ġurisprudenza

Riproduzzjoni individwali tad-disinni kunfliġġenti u tfakkira tad-deċiżjoni kkontestata

Fuq ir-raba’ motiv

Fuq il-ħames motiv

Fuq is-sitt motiv

Fuq l-ispejjeż


*      Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.