Language of document : ECLI:EU:C:2012:421

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

5 ta’ Lulju 2012 (*)

“Ugwaljanza fit-trattament fil-qasam tal-impjieg u tax-xogħol — Projbizzjoni tad-diskriminazzjonijiet bbażati fuq l-età — Leġiżlazzjoni nazzjonali li tagħti dritt inkundizzjonat li wieħed jaħdem sal-età ta’ 67 sena u li tawtorizza t-terminazzjoni awtomatiku tal-kuntratt ta’ xogħol fi tmiem ix-xahar li matulu l-ħaddiem jilħaq din l-età — Assenza tat-teħid inkunsiderazzjoni tal-ammont tal-pensjoni tal-irtirar”

Fil-Kawża C-141/11,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mis-Södertörns tingsrätt (l-Isvezja), permezz ta’ deċiżjoni tat-18 ta’ Marzu 2011, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-21 ta’ Marzu 2011, fil-proċedura

Torsten Hörnfeldt

vs

Posten Meddelande AB,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

komposta minn J. N. Cunha Rodrigues, President tal-Awla, U. Lõhmus, A. Rosas, A. Arabadjiev (Relatur) u C. G. Fernlund, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: Y. Bot,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal T. Hörnfeldt, minnu stess,

–        għal Posten Meddelande AB, minn L. Bäckström,

–        għall-Gvern Svediż, minn A. Falk, bħala aġent,

–        għall-Gvern Ġermaniż, minn T. Henze u J. Möller, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn J. Enegren u K. Simonsson, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 6 tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE, tas-27 ta’ Novembru 2000, li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 79).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn T. Hörnfeldt u l-persuna li kienet timpjegah fil-passat, Posten Meddelande AB, dwar it-tmiem tal-kuntratt ta’ xogħol tiegħu fl-aħħar jum tax-xahar li matulu huwa laħaq l-età ta’ 67 sena.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

3        Il-premessi 8, 9 u 11 tad-Direttiva 2000/78 jipprevedu:

“(8) Il-Linji Gwida ta’ l-Impjieg għall-2000 miftehma mill-Kunsill Ewropew f’Helsinki fl-10 u l-11 ta’ Diċembru 1999 emfasizzaw il-bżonn li jiġi promoss suq tax-xogħol favorevoli għall-integrazzjoni soċjali permezz tal-formolazzjoni ta’ għadd ta’ linji politiċi koerenti bl-iskop li jikkumbattu diskriminazzjoni kontra gruppi bħal ta’ persuni b’diżabilità. Jenfasizzaw wkoll il-bżonn li tingħata attenzjoni partikolari lis-sostenn ta’ ħaddiema anzjani, sabiex tiżdied il-parteċipazzjoni tagħhom fil-forza tax-xogħol.

(9) L-Impjieg u x-xogħol huma elementi ewlenija biex jiggarantixxu opportunitajiet ugwali għal kulħadd u jikkontribwixxu f’miżura wiesgħa għall-parteċipazzjoni sħiħa taċ-ċittadini fil-ħajja ekonomika, kulturali u soċjali u biex jilħqu l-potenzjal tagħhom.

[...]

(11) Id-diskriminazzjoni bbażata fuq [...] età [...] tista’ tikkomprometti t-twettiq tal-miri tat-Trattat tal-KE, speċjalment li jintlaħaq livell għoli ta’ mpjieg u protezzjoni soċjali, li jiġi mgħolli l-istandard tal-ħajja u l-kwalità tal-ħajja, kif ukoll il-koeżjoni ekonomika u soċjali u s-solidarjetà, u l-moviment liberu tal-persuni.”

4        L-Artikolu 6 tad-Direttiva 2000/78, intitolat “Il-ġustifikazzjoni għal trattament differenti fuq bażi ta’ età”, jipprovdi, fl-Artikolu 6(1)(a):

“1.       Minkejja l-Artikolu 2(2), l-Istati Membri jistgħu jipprovdu li trattament differenti fuq bażi ta’ età m’għandux jikkostitwixxi diskriminazzjoni, jekk, fil-kuntest tal-liġi nazzjonali, hu objettivament u raġonevolment iġġustifikat b’għan leġittimu, inkluża politika leġittima ta’ l-impjieg, tas-suq tax-xogħol u ta’ objettivi ta’ taħriġ professjonali, u jekk il-mezzi biex jintlaħqu dawk l-għanjiet ikunu approprjati u neċessarji.

Dan it-trattament differenti jista’ b’mod partikolari jinkludi:

a)       l-istabbiliment ta’ kondizzjonijiet speċjali għall-aċċess għall-impjieg u t-taħriġ professjonali, l-impjieg u x-xogħol, inkluzi l-kundizzjonijiet ta’ sensji u pagi, għaż-żgħażagħ, ħaddiema ta’ età, u persuni li jkollhom responsabbilitajiet li jieħdu ħsieb persuni oħra sabiex jippromwovu l-integrazzjoni professjonali tagħhom jew jiżguraw il-protezzjoni tagħhom.”

 Id-dritt Svediż

5        Id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2000/78 dwar id-diskriminazzjoni bbażata fuq l-età ġew trasposti fid-dritt Svediż bil-Liġi (2008:567) dwar id-diskriminazzjonijiet [diskrimineringslagen (2008:567)].

6        Ir-regoli ta’ bażi dwar il-protezzjoni tal-impjieg u l-kundizzjonijiet tax-xogħol huma mniżżla fil-Liġi (1982:80) dwar il-protezzjoni tal-impjieg u l-kundizzjonijiet tax-xogħol (1982:80) om anställningsskydd, SFS 1982, Nru 80, iktar ’il quddiem il-“LAS”),

“Bla ħsara għad-dispożizzjonijiet ta’ din il-liġi, ħaddiem impjegat għandu d-dritt li jżomm l-impjieg tiegħu sa tmiem ix-xahar li fih jilħaq l-età ta’ sitta u sebgħin sena.”

7        Skont l-Artikolu 33 tal-LAS, “[jekk] persuna li timpjega tixtieq li impjegat itemm l-impjieg tiegħu fi tmiem ix-xahar li fih jilħaq l-età ta’ sebgħa u sittin sena, huwa għandu jindirizza lilu preavviż bil-mitkub ta’ tmiem ta’ impjieg ta’ mhux inqas minn xahar”.

8        L-Artikoli 32a u 33 tal-LAS jikkostitwixxu flimkien dik li nftiehem li tissejjaħ ir-“regola tas-67 sena”. Skont din ir-regola, kull ħaddiem impjegat igawdi mid-dritt inkundizzjonat ta’ ħaddiem sal-aħħar jum tax-xahar li fih jagħlaq sebgħa u sittin sena, data li fiha l-kuntratt ta’ xogħol jista’ jiġi mitmum mingħajr tkeċċija.

9        Mill-proċess ippreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li d-dispożizzjonijiet nazzjonali li jippermettu li jiġi tterminat kuntratt ta’ xogħol meta l-ħaddiem ikollu d-dritt li jirċievi pensjoni ta’ rtirar jew jilħaq ċerta età ġew introdotti fid-dritt Svediż matul is-sena 1974. Fis-snin 1980, l-età ta’ bidu tal-irtirar u, għaldaqstant, dik tat-tmiem tal-kuntratt ta’ xogħol tniżżlet minn 67 sa 65 sena. Matul is-sena 1991, l-età ta’ bidu tal-irtirar reġgħet għoliet għal 67 sena, iżda l-liġi kienet dejjem ippermettiet li jintlaħaq ftehim kollettiv dwar it-tmiem tal-kuntratt ta’ xogħol qabel din l-età. Skont ir-regola tas-67 sena, huwa pprojbit, mill-31 ta’ Diċembru 2002, kemm permezz ta’ kuntratt individwali jew permezz ta’ ftehim kollettiv, li tiġi prevista età obbligatorja ta’ bidu ta’ rtirar inqas minn 67 sena.

10      Skont il-prinċipju ta’ teħid inkunsiderazzjoni tad-dħul miksub matul il-karriera kollha, introdott mill-iskema ġdida tal-pensjonijiet tal-irtirar fl-1 ta’ Jannar 1996, id-dħul miksub matul il-karriera professjonali kollha jservi bħala bażi sabiex jiġi ddeterminat l-ammont tal-pensjoni tal-irtirar.

11      Il-kuntratt ta’ xogħol ta’ T. Hörnfeldt jaqa’ taħt il-ftehim kollettiv konkluż bejn l-organizzazzjoni tal-persuni li jimpjegaw Almega Tjänsteförbunden u s-sindakat tal-ħaddiema tas-sengħa, tas-servizzi u tal-komunikazzjonijiet (SEKO).

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

12      T. Hörnfeldt beda jaħdem mal-ex Postverket (aġenzija tas-servizzi postali) matul is-sena 1989. Minkejja li kien talab diversi drabi sabiex jaħdem iktar, huwa ħadem biss, bejn is-sena 1989 u s-sena 2006, jum fil-ġimgħa fuq bażi ta’ sigħat. Bejn is-sena 2006 u s-sena 2008, T. Hörnfeldt żamm impjieg għal tliet kwarti tal-ħin. Bejn il-11 ta’ Ottubru 2008 u l-31 ta’ Mejju 2009, huwa bbenefika minn kuntratt ta’ xogħol għal żmien indeterminat għal tliet kwarti tal-ħin.

13      T. Hörnfeldt kellu 67 sena fil-15 ta’ Mejju 2009 u l-kuntratt ta’ xogħol tiegħu ġie tterminat fl-aħħar jum ta’ dan ix-xahar abbażi tar-regola tas-67 sena mniżżla fil-LAS u fil-ftehim kollettiv li kien jaqa’ taħtu. L-ammont tal-pensjoni tal-irtirar li huwa jirċievi minn dak iż-żmien tela’ għal SEK 5 847 nett fix-xahar.

14      Permezz tar-rikors tiegħu ppreżentat quddiem il-qorti tar-rinviju, T. Hörnfeldt jitlob l-annullament tal-waqfien tal-kuntratt ta’ xogħol tiegħu minħabba li r-regola tas-67 sena tikkostitwixxi diskriminazzjoni illeċita bbażata fuq l-età.

15      Filwaqt li bbażat ruħha, b’mod partikolari, fuq is-sentenza tat-22 ta’ Novembru 2005, Mangold (C‑144/04, Ġabra p. I‑9981), il-qorti tar-rinviju tikkunsidra li liġi nazzjonali u ftehim kollettiv li għandhom bħala effett li l-kuntratti ta’ xogħol jiġu tterminati fl-aħħar jum tax-xahar li matulu l-ħaddiem jilħaq l-età ta’ 67 sena jikkostitwixxu differenza fit-trattament direttament ibbażata fuq l-età. Din il-qorti tistaqsi għalhekk jekk din il-liġi tistax tiġi kkunsidrata li hija oġġettivament u raġonevolment iġġustifikata minn għanijiet leġittimi u jekk hijiex utli u neċessarja sabiex dawn jintlaħqu.

16      Minn naħa, il-qorti tar-rinviju tikkonstata li r-regola tas-67 sena ġiet stabbilita sabiex tagħti lill-individwi d-dritt li jaħdmu għal iktar żmien u sabiex itejbu l-ammont tal-pensjoni tal-irtirar tagħhom. Din il-qorti tindika li din ir-regola tista’ tiġi kkunsidrata li tirrifletti ekwilibriju bejn kunsiderazzjonijiet ta’ baġit, ta’ politika tal-impjieg u ta’ politika tas-suq tax-xogħol. Hija tirrileva madankollu li x-xogħlijiet preparatorji għall-introduzzjoni ta’ din ir-regola fil-LAS ma jimmotivawx espressament id-dritt inkundizzjonat mogħti lil persuna li timpjega li tittermina l-kuntratt ta’ xogħol f’din l-iskadenza.

17      Min-naħa l-oħra, mis-sentenza tas-16 ta’ Ottubru 2007, Palacios de la Villa (C‑411/05, Ġabra p. I‑8531) jirriżulta li waħda mill-kundizzjonijiet sabiex il-kuntratt ta’ xogħol jista’ jiġi tterminat meta l-ħaddiem jilħaq ċerta età hija li dan il-ħaddiem ikun jista’ jibbenefika minn kumpens finanzjarju permezz tal-għoti ta’ pensjoni tal-irtirar iffinanzjata minn kontribuzzjonijiet. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja, fis-sentenza tat-12 ta’ Ottubru 2010, Rosenbladt (C‑45/09, Ġabra p. I-9391), ma għamlitx riferiment għal-livell tal-pensjoni tal-irtirar li l-persuna kkonċernata tirċievi. F’dan il-każ, ir-regola tas-67 sena hija mingħajr ebda rabta mal-ammont tal-pensjoni tal-irtirar li jkun ser jirċievi l-ħaddiem.

18      F’dawn iċ-ċirkustanzi, is-Södertörns tingsrätt iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)       Leġiżlazzjoni nazzjonali li, bħar-regola magħrufa bħala r-regola ‘tas-67 sena’, twassal għal differenza fit-trattament ibbażata fuq l-età tista’ tiġi ġġustifikata meta l-objettivi jew l-għanijiet tagħha ma jirriżultaw la mil-kuntest tal-adozzjoni tagħha u lanqas minn xi fattur ieħor?

2)       Leġiżlazzjoni nazzjonali dwar l-età tal-irtirar li, bħar-regola magħrufa bħala r-regola ‘tas-67 sena’, tapplika għal kulħadd u li, b’mod partikolari, b’ebda mod ma tieħu inkunsiderazzjoni l-livell tal-pensjoni ta’ rtirar li ser tirċievi l-persuna kkonċernata, tmur lil hinn minn dak li huwa utli u xieraq sabiex jintlaħqu l-objettiv u l-għan imfittxa?”

 Fuq id-domandi preliminari

19      Permess taż-żewġ domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2000/78 għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi miżura nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tippermetti lil persuna li timpjega milli ttermina l-kuntratt ta’ xogħol ta’ impjegat għar-raġuni biss li dan tal-aħħar ikun laħaq l-età ta’ 67 sena u li ma tiħux inkunsiderazzjoni l-livell tal-pensjoni tal-irtirar li tirċievi l-persuna kkonċernata.

20      Hekk kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju u mill-osservazzjonijiet ippreżentati quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, huwa paċifiku li r-regola tas-67 sena, li tgħid li kull ħaddiem impjegat igawdi mid-dritt inkundizzjonat ta’ ħaddiem sal-aħħar jum tax-xahar li fih jagħlaq sebgħa u sittin sena, data li fiha l-kuntratt ta’ xogħol huwa tterminat mingħajr tkeċċija, ħlief abbażi ta’ ftehim kuntrarju bejn il-ħaddiem u l-persuna li timpjega, tikkostitwixxi differenza fit-trattament abbażi tal-età fis-sens tal-Artikolu 6(1)(a) tad-Direttiva 2000/78.

21      Mill-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2000/78 jirriżulta li differenza fit-trattament ibbażata fuq l-età ma tikkostitwixxix diskriminazzjoni, jekk, fil-kuntest tal-liġi nazzjonali, hija oġġettivament u raġonevolment iġġustifikata b’għan leġittimu, b’mod partikolari minn politika leġittima tal-impjieg, tas-suq tax-xogħol u ta’ għanijiet ta’ taħriġ professjonali, u jekk il-mezzi biex jintlaħqu dawn l-għanijiet ikunu xierqa u neċessarji.

22      Għalhekk, sabiex tingħata risposta għad-domandi magħmula, hemm lok li jiġi vverifikat jekk ir-regola tas-67 sena hijiex iġġustifikata minn għan leġittimu u jekk il-mezzi implementati sabiex jintlaħaq dan il-għan humiex xierqa u neċessarji.

23      Għandhom jiġu eżaminati l-konsegwenzi tal-assenza ta’ riferiment preċiż fil-LAS dwar l-għan segwit mir-regola tas-67 sena u, b’mod partikolari, mill-Artikolu 33 ta’ din il-liġi. Fil-fatt, skont il-qorti tar-rinviju, il-LAS ma tippreċiżax b’mod ċar l-għan segwit mir-regola tas-67 sena, meta tiffissa l-limitu ta’ età tal-ħaddiema għal 67 sena.

24      Madankollu din iċ-ċirkustanza ma hijiex determinanti. Fil-fatt, mill-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2000/78 ma jistax jiġi dedott li l-fatt li l-leġiżlazzjoni inkwistjoni ma tippreċiżax l-għan segwit iwassal sabiex jiġi eskluż awtomatikament li din il-leġiżlazzjoni tista’ tkun iġġustifikata taħt id-dispożizzjoni msemmija. Fin-nuqqas ta’ tali preċiżazzjoni, huma elementi oħra misluta mill-kuntest ġenerali tal-miżura kkonċernata li għandhom jippermettu l-identifikazzjoni tal-għan li fuqu tkun ibbażata din il-miżura għall-finijiet tal-eżerċizzju ta’ stħarriġ ġudizzjarju fir-rigward tal-leġittimità tagħha u fir-rigward tan-natura xierqa u neċessarja tal-mezzi implementati sabiex jintlaħaq dan il-għan (ara s-sentenza tal-21 ta’ Lulju 2011, Fuchs u Köhler, C‑159/10 u C‑160/10, Ġabra p. I-6919), punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata).

25      Hekk kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju, ix-xogħlijiet preparatorji li jikkonċernaw il-LAS u l-Liġi (2008:567) dwar id-diskriminazzjonijiet jirreferu għal diversi għanijiet li huma relatati mal-politika tal-impjieg u mas-suq tax-xogħol. Ir-regola tas-67 sena hija intiża, b’mod partikolari, sabiex ittejjeb l-ammont tal-irtirar futur billi tippermetti li persuna taħdem wara l-età ta’ 65 sena u sabiex tikkumpensa n-nuqqas ta’ ħaddiema li jseħħ f’perijodi fil-qrib ta’ tluq u tal-irtirar. Il-qorti tar-rinviju barra minn hekk tirrileva li, skont l-Ombudsman dwar id-diskriminazzjonijiet (Diskrimineringsombudsmannen), ir-regola tas-67 sena hija ġġustifikata peress li hija tippermetti li jiġu liberati postijiet għaż-żgħażagħ fis-suq tax-xogħol.

26      Il-Gvern Svediż isostni li r-regola tas-67 sena hija intiża, l-ewwel nett, sabiex jiġu evitati waqfien ta’ kuntratti ta’ xogħol f’kundizzjonijiet umiljanti għall-ħaddiema minħabba l-età sinjifikattiva tagħhom, it-tieni nett, sabiex tippermetti adattament tal-iskemi ta’ pensjoni tal-irtirar li jkun ibbażat fuq il-prinċipju ta’ teħid inkunsiderazzjoni tad-dħul miksub matul il-karriera professjonali kollha, it-tielet nett, sabiex jitnaqqsu l-ostakoli għal dawk li jixtiequ jaħdmu lil hinn minn meta jagħlqu 65 sena, ir-raba’ nett, sabiex isir adattament għall-iżviluppi demografiċi u sabiex jiġi antiċipat ir-riskju ta’ nuqqas ta’ ħaddiema kif ukoll, il-ħames nett, sabiex jiġi stabbilit dritt u mhux obbligu ta’ xogħol sa 67 sena, fis-sens li r-relazzjoni ta’ impjieg tista’ tkompli lil hinn mill-età ta’ 65 sena. L-iffissar ta’ età ta’ bidu obbligatorju jippermetti wkoll li jiġi ffaċilitat id-dħul taż-żgħażagħ fis-suq tax-xogħol.

27      Skont dan il-gvern, tali limitu ta’ età jirrifletti l-kunsens politiku u soċjali li pprevala għal żmien twil mal-imsieħba soċjali. Dan il-kunsens huwa r-riflessjoni tal-għan tal-politika tal-impjieg intiża sabiex tħeġġeġ lill-ħaddiema li għandhom ċerta età li jkomplu bil-karriera tagħhom u tistabbilixxi ekwilibriju bejn, minn naħa, l-interessi tal-ħaddiem sabiex jaħdem għal żmien twil u, min-naħa l-oħra, ir-rieda li tiġi favorizzata tranżizzjoni mingħajr problemi bejn il-ħajja attiva u l-irtirar.

28      F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li t-terminazzjoni awtomatika tal-kuntratti ta’ xogħol tal-impjegati li jissodisfaw il-kundizzjonijiet tal-età u ta’ kontribuzzjonijiet sabiex jibbenefikaw mill-kalkolu tad-drittijiet għall-pensjoni tagħhom, jagħmel parti, sa minn żmien twil, mid-dritt tax-xogħol ta’ diversi Stati Membri u għandu użu estensiv fir-relazzjonijiet ta’ xogħol. Dan il-mekkaniżmu jibbaża ruħu fuq ekwilibriju bejn kunsiderazzjonijiet politiċi, ekonomiċi, soċjali, demografiċi u/jew tal-baġit u jiddependi mill-għażla li jittawwal it-tul tal-ħajja attiva tal-ħaddiema jew, bil-kontra, li tipprevedi l-bidu tal-irtirar kmieni ta’ dawn tal-aħħar (sentenza Rosenbladt, iċċitata iktar ’il fuq, punt 44).

29      Minbarra dan, skont il-ġurisprudenza, il-promozzjoni tar-reklutaġġ tikkostitwixxi, b’mod li ma jistax jiġi kkontestat, għan leġittimu tal-politika soċjali jew tal-impjieg tal-Istati Membri, b’mod partikolari meta tiffavorixxi l-aċċess taż-żgħażagħ għall-eżerċizzju ta’ professjoni (sentenzi tat-18 ta’ Novembru 2010, Georgiev, C‑250/09 u C‑268/09, Ġabra p. I‑11869), punt 45, kif ukoll Fuchs u Köhler, iċċitata iktar ’il fuq, punt 49).

30      Għaldaqstant, għanijiet ta’ natura bħal dawk indikati mill-Gvern Svediż għandhom, fil-prinċipju, jitqiesu li jiġġustifikaw “objettivament u raġonevolment”, “fil-kuntest tal-liġi nazzjonali”, kif previst fl-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2000/78, differenza fit-trattament abbażi tal-età, bħal dik stabbilita fl-Artikolu 33 tal-LAS (ara, b’analoġija, is-sentenza Rosenbladt, iċċitata iktar ’il fuq, punt 45).

31      Għandu jiġi eżaminat ukoll, skont il-kliem tal-istess Artikolu 6(1), jekk il-miżuri li ġew implementati sabiex jitwettqu dawn l-għanijiet humiex xierqa u neċessarji.

32      Fid-dawl tal-marġni ta’ diskrezzjoni wiesgħa rrikonoxxuta lill-Istati Membri u, skont il-każ, lill-imsieħba soċjali fil-livell nazzjonali fl-għażla mhux biss tat-twettiq ta’ għan partikolari fil-qasam ta’ politika soċjali u tal-impjieg, iżda wkoll fid-definizzjoni tal-miżuri li jistgħu jwettquh, ma jidhirx irraġonevoli għalihom li jqisu li miżura bħar-regola tas-67 sena tista’ tkun xierqa sabiex jintlaħqu l-għanijiet evokati preċedentement (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza Rosenbladt, iċċitata iktar ’il fuq, punti 41 u 69).

33      Fil-fatt, minn naħa, jista’ jiġi aċċettat li r-regola tas-67 sena, billi tistabbilixxi dritt għal xogħol sa din l-età, tippermetti li jitnaqqsu l-ostakoli għal dawk li jixtiequ jaħdmu lil hinn minn meta jagħlqu sitta u ħamsin sena, li tadatta l-iskemi tal-pensjoni tal-irtirar mal-prinċipju tat-teħid inkunsiderazzjoni tad-dħul miksub matul il-karriera professjonali kollha, li tadatta għall-iżviluppi demografiċi u tantiċipa r-riskju ta’ nuqqas ta’ ħaddiema.

34      Min-naħa l-oħra, jista’ wkoll jiġi aċċettat li r-regola tas-67 sena, billi tawtorizza lil persuna li timpjega li tittermina l-kuntratt ta’ xogħol meta l-ħaddiem jilħaq din l-età, tippermetti li jiġu evitati waqfien ta’ kuntratti ta’ xogħol f’kundizzjonijiet umiljanti għall-ħaddiema li jkunu laħqu età sinjifikattiva. Jista’ wkoll jiġi aċċettat li, skont is-sitwazzjoni fis-suq tax-xogħol inkwistjoni jew fl-impriża kkonċernata, meta n-numru ta’ impjegati intiż ikun limitat, din ir-regola tippermetti li jiġi ffaċilitat id-dħul u/jew iż-żamma taż-żgħażagħ fis-suq tax-xogħol.

35      Il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi lilha nnifisha dwar in-natura strettament neċessarja tal-mekkaniżmu ta’ terminazzjoni awtomatika tal-kuntratt ta’ xogħol previst fl-Artikolu 33 tal-LAS, sa fejn dan ma jipprovdix li l-livell tal-pensjoni tal-irtirar li tirċievi l-persuna kkonċernata jista’ jittieħed inkunsiderazzjoni.

36      T. Hörnfeldt isostni f’dan ir-rigward li, peress li okkupa xogħol part-time għal perijodu twil, il-preżenza tiegħu fis-suq tax-xogħol kienet qasira b’mod abnormali u għaldaqstant, l-ammont baxx tal-pensjoni tal-irtirar tiegħu ma huwiex raġonevoli. It-tkomplija tal-kuntratt ta’ xogħol tiegħu matul sentejn jew tliet snin jippermetti li jiżdied l-ammont tal-pensjoni tal-irtirar tiegħu għal madwar SEK 2 000 fix-xahar. T. Hörnfeldt isostni li eċċezzjoni għar-regola tas-67 sena għandha għalhekk tiġi aċċettata fir-rigward tal-ħaddiema li, bħalu, jixtiequ jkomplu jaħdmu.

37      Għandu jiġi rrilevat li l-projbizzjoni tad-diskriminazzjonijiet bbażata fuq l-età stabbilita fid-Direttiva 2000/78 għandha tinqara fid-dawl tad-dritt tal-ħaddiem irrikonoxxut fl-Artikolu 15(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. Minn dan jirriżulta li għandha tingħata attenzjoni partikolari lill-parteċipazzjoni tal-ħaddiema anzjani fil-ħajja professjonali u, b’hekk, fil-ħajja ekonomika, kulturali u soċjali. Iż-żamma ta’ dawn il-persuni fil-ħajja attiva tiffavorixxi d-diversità fl-impjieg, diversità li hija għan irrikonoxxut fil-premessa 25 tad-Direttiva 2000/78. Barra minn hekk, din iż-żamma tikkontribwixxi għall-iżvilupp personali kif ukoll għall-kwalità tal-ħajja tal-ħaddiema kkonċernati, inkonformità mal-preokkupazzjonijiet tal-leġiżlatur tal-Unjoni ddikjarati fil-premessi 8, 9 u 11 ta’ din id-direttiva (sentenza Fuchs u Köhler, iċċitata iktar ’il fuq, punti 62 u 63).

38      Sabiex jiġi eżaminat jekk il-miżura inkwistjoni fil-kawża prinċipali tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħqu l-għanijiet mixtieqa u jekk tippreġudikax eċċessivament l-interessi tal-ħaddiema li jilħqu l-età ta’ 67 sena, din il-miżura għandha titqiegħed fil-kuntest leġiżlattiv li tinsab fih u jittieħed inkunsiderazzjoni kemm id-dannu li hija tista’ tikkawża lill-persuni kkonċernati kif ukoll il-benefiċċji li tikseb minnha s-soċjetà inġenerali u l-individwi li jagħmlu parti minnha (sentenza Rosenbladt, iċċitata iktar ’il fuq, punt 73).

39      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat, l-ewwel nett, li r-regola tas-67 sena tagħti lill-imsieħba soċjali l-possibbiltà li jagħmlu użu, permezz ta’ kuntratt individwali u ta’ ftehim kollettivi, mill-mekkaniżmu ta’ terminazzjoni awtomatika tal-kuntratt ta’ xogħol biss mill-età ta’ 67 sena, peress illi l-Artikolu 32a tal-LAS jipprojbixxi li tiġi prevista età obbligatorja ta’ bidu tal-irtirar inqas minn 67 sena. Għalhekk dan l-artikolu jagħti lill-ħaddiem id-dritt inkundizzjonat li jwettaq attività professjonali sakemm jilħaq l-età ta’ sebgħa u sittin sena, b’mod partikolari sabiex iżid id-dħul li fuq il-bażi tiegħu l-pensjoni tal-irtirar tiegħu tiġi kkalkolata u għalhekk jiżdied l-ammont tagħha.

40      Fit-tieni lok, it-terminazzjoni ipso iure tal-kuntratt ta’ xogħol li tirriżulta minn miżura bħal dik prevista fl-Artikolu 133 tal-LAS ma għandux l-effett awtomatiku li jġiegħel lill-persuni msemmija milli jirtiraw definittivament mis-suq tax-xogħol. Fil-fatt, minn naħa, dan l-artikolu ma jistabbilixxix sistema imperattiva ta’ rtirar mhux volontarju. Huwa jipprovdi l-kundizzjonijiet li fihom persuna li timpjega tista’ tidderoga mill-prinċipju tal-projbizzjoni tad-diskriminazzjonijiet bbażata fuq l-età u tittermina l-kuntratt ta’ xogħol ta’ impjegat għar-raġuni li huwa jkun laħaq l-età ta’ 67 sena.

41      Min-naħa l-oħra, il-Gvern Svediż isostni li, jekk kuntratt ta’ xogħol jiġi tterminat, persuna li timpjega tista’ tipproponi lill-ħaddiem ikkonċernat kuntratt ta’ xogħol għal żmien determinat. Il-persuna li timpjega u l-ħaddiem jistgħu għalhekk jiftiehmu liberament dwar it-tul ta’ dan il-kuntratt u jistgħu wkoll, fejn ikun hemm il-bżonn, iġedduh.

42      Fit-tielet lok, ir-regola tas-67 sena ma hijiex ibbażata esklużivament fuq il-fatt li tkun intlaħqet ċerta età, iżda hija tieħu inkunsiderazzjoni essenzjalment iċ-ċirkustanza li l-ħaddiem jibbenefika fi tmiem il-karriera professjonali tiegħu minn kumpens finanzjarju permezz ta’ dħul sostituttiv li jieħu l-forma ta’ pensjoni tal-irtirar (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza Rosenbladt, iċċitata iktar ’il fuq, punt 48).

43      Fil-fatt, mill-osservazzjonijiet ippreżentati lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-età indikata fl-Artikolu 33 tal-LAS, minn naħa, tikkorrispondi ma’ dik li kienet, fiż-żmien tal-fatti fil-kawża prinċipali, l-età legali ta’ bidu tal-irtirar u, min-naħa l-oħra, hija ogħla mill-età ta’ ammissjoni għall-benefiċċju ta’ pensjoni tal-irtirar, peress li hija tinkludi, inġenerali, tliet elementi, jiġifieri l-irtirar proporzjonali, il-pensjoni bbażata fuq il-premium u l-irtirar komplementari.

44      Fir-raba’ lok, mill-osservazzjonijiet ippreżentati lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li dawk li ma jistgħux jibbenefikaw minn pensjoni tal-irtirar marbuta mad-dħul, jew fejn l-ammont tagħha jkun żgħir, jistgħu jibbenefikaw minn pensjoni tal-irtirar taħt il-forma ta’ kopertura bażika minn meta jagħlqu 65 sena, taħt il-forma ta’ pensjoni garanzija, ta’ allowance għall-akkomodazzjoni u/jew ta’ allowance tax-xjuħija.

45      Hemm lok f’dan ir-rigward li jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja, fil-punt 47 tas-sentenza Rosenbladt, iċċitata iktar ’il fuq, ikkonkludiet li ma kienx hemm ksur eċċessiv tal-interessi tal-ħaddiema kkonċernati, minkejja li, fil-kawża li tat lok għal din is-sentenza, l-età ta’ bidu tal-irtirar kienet inqas minn dik prevista fl-Artikolu 33 tal-LAS u li l-ammont tal-pensjoni tal-irtirar li G. Rosenbladt irċeviet kien nettament inqas minn dak li T. Hörnfeldt jista’ jitlob.

46      Fid-dawl ta’ dawn l-elementi kollha, li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika l-eżattezza tagħhom, ma jistax jiġi validament sostnut li d-Direttiva 2000/78 tipprekludi miżura nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

47      Konsegwentement, ir-risposta għad-domandi magħmula għandha tkun li t-tieni subparagafu tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2000/78 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix miżura nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tippermetti lil persuna li timpjega li tittermina kuntratt ta’ xogħol ta’ impjegat għar-raġuni biss li dan tal-aħħar ikun laħaq l-età ta’ 67 sena u ma tiħux inkunsiderazzjoni l-livell tal-pensjoni tar-irtirar li l-persuna kkonċernata tkun ser tirċievi, peress li din hija oġġettivament u raġonevolment iġġustifikata minn għan leġittimu dwar il-politika tal-impjieg u tas-suq tax-xogħol u tikkostitwixxi mezz xieraq u neċessarju għat-twettiq tagħha.

 Fuq l-ispejjeż

48      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE, tas-27 ta’ Novembru 2000, li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix miżura nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tippermetti lil persuna li timpjega li tittermina kuntratt ta’ xogħol ta’ impjegat għar-raġuni biss li dan tal-aħħar ikun laħaq l-età ta’ 67 sena u ma tiħux inkunsiderazzjoni l-livell tal-pensjoni tal-irtirar li l-persuna kkonċernata tkun ser tirċievi, peress li din hija oġġettivament u raġonevolment iġġustifikata minn għan leġittimu dwar il-politika tal-impjieg u tas-suq tax-xogħol u tikkostitwixxi mezz xieraq u neċessarju għat-twettiq tagħha.

Firem


*Lingwa tal-kawża: l-Isvediż.