Language of document :

Rikors ippreżentat fit-3 ta' Ġunju 2009 - Freistaat Sachsen vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-215/09)

Lingwa tal-kawża: Il-Ġermaniż

Partijiet

Rikorrent: Freistaat Sachsen (rappreżentanti: U. Soltész u P. Melcher, avukati)

Konvenuta: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

Talbiet tar-rikorrent

tiddikjara bħala nulla, skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 231 KE, id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2009) 2010 finali, tal-24 ta' Marzu 2009 (NN 4/2009, ex N 361/2008 - il-Ġermanja, l-ajruport ta' Dresden) sa fejn f'din id-deċiżjoni l-Kummissjoni tikkwalifika bħala għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE l-kontribuzzjoni ta' kapital mogħtija mill-Ġermanja għar-rinnovament u l-estensjoni tar-runway fl-ajruport ta' Dresden, u

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim'Istanza tal-Komunitajiet Ewropej.

Motivi u argumenti prinċipali

Ir-rikorrent qiegħed jikkontesta d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2009) 2010 finali, tal-24 ta' Marzu 2009 (NN 4/2009, ex N 361/2008 - il-Ġermanja, l-ajruport ta' Dresden), li permezz tagħha l-Kummissjoni approvat bħala miżura kompatibbli mas-suq komuni taħt l-Artikolu 87(3)(ċ) KE l-kontribuzzjoni ta' kapital mogħtija mill-Ġermanja għar-rinnovament u l-estensjoni tar-runway fl-ajruport ta' Dresden. Ir-rikorrent qed jitlob l-annullament tad-Deċiżjoni sa fejn il-Kummissjoni kkwalifikat il-miżura inkwistjoni bħala għajnuna mill-Istat.

Insostenn tar-rikors tiegħu, ir-rikorrent isostni, fl-ewwel lok, li l-Kummissjoni kisret it-tqassim tal-kompetenzi stabbilit fit-Trattat KE u l-prinċipju tal-limiti tal-poteri stabbilit fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 5 KE meta applikat id-dritt dwar l-għajnuna mill-Istat għall-miżura inkwistjoni f'din il-kawża. Il-finanzjament mill-Istat għall-kostruzzjoni ta' infrastruttura li tkun aċċessibbli għall-utenti potenzjali kollha taħt kundizzjonijiet oġġettivi u mhux diskriminatorji, bħala miżura ta' politika ekonomika pubblika, ma jaqax, bħala prinċipju, fil-kamp ta' applikazzjoni tad-dritt dwar l-għajnuna mill-Istat.

Fit-tieni motiv, ir-rikorrent isostni li, fir-rigward tat-tibdil tar-runway il-qadima permezz ta' rinnovament, Flughafen Dresden GmbH ġiet ikkwalifikata bħala impriża fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE.

Barra minn hekk, ir-rikorrent isostni li l-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-fatt li Flughafen Dresden GmbH hija kumpannija tal-Istat bi skop wieħed ("single purpose vehicle") li għandha forma organizzattiva taħt id-dritt privat u li, għalhekk, sa fejn l-Istat jipprovdilha r-riżorsi meħtieġa għat-twettiq tal-funzjonijiet tagħha, ma tistax tiġi kkunsidrata bħala benefiċjarja ta' għajnuna mill-Istat.

Fir-raba' lok, ir-rikorrent isostni li l-Linji gwida tal-2005 1 li ġew applikati jmorru kontra d-dritt Komunitarju primarju minħabba li, fid-dawl tal-fatt li l-operatur ta' ajruport reġjonali m'għandux in-natura ta' impriża, dawn il-linji gwida huma, minnhom infushom, kontradittorji. Dawn il-linji gwida kellhom jikkomplementaw il-Linji gwida tal-1994 2 u mhux jissostitwixxuhom. Fil-Linji gwida tal-2005, anki l-kostruzzjoni ta' ajruporti taqa' taħt id-dritt dwar l-għajnuna mill-Istat. Taħt il-Linji gwida preċedenti tal-1994, li għadhom applikabbli llum il-ġurnata, din l-attività kienet espressament eskluża mill-kamp ta' applikazzjoni tad-dritt dwar l-għajnuna mill-Istat.

Sussidjarjament, fil-ħames motiv, ir-rikorrent isostni li l-miżura inkwistjoni tissodisfa r-rekwiżiti kollha stabbiliti fis-sentenza Altmark Trans 3 u għalhekk, finalment, mhijiex għajnuna mill-Istat.

____________

1 - Komunikazzjoni tal-Kummissjoni - Linji gwida Komunitarji dwar il-finanzjament ta' ajruporti u l-għajnuna għall-bidu mill-Istat mogħtija lil linji tal-ajru li jitilqu minn ajruporti reġjonali (ĠU C 312, 09.12.2005, p. 1).

2 - Komunikazzjoni tal-Kummissjoni - Applikazzjoni tal-Artikoli 92 u 93 tat-Trattat KE u tal-Artikolu 61 tal-Ftehim ŻEE għal għajnuna mill-Istat għat-trasport bl-ajru (ĠU 1994, C 350, p. 7).

3 - Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-24 ta' Lulju 2003, Altmark Trans u Regierungspräsidium Magdeburg (C-280/00, Ġabra p. I-7747, punti 88 et seq.).