Language of document : ECLI:EU:C:2021:763

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

HOGAN

ippreżentati fit‑23 ta’ Settembru 2021 (1)

Kawża C433/20

Austro-Mechana Gesellschaft zur Wahrnehmung mechanisch-musikalischer Urheberrechte Gesellschaft mbH

vs

Strato AG

(Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Oberlandesgericht Wien (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Vjenna, l-Awstrija))

“Talba għal deċiżjoni preliminari – Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet – Dritt tal-awtur u drittijiet relatati – Direttiva 2001/29/KE – Artikolu 2 – Dritt ta’ riproduzzjoni – Artikolu 5(2)(b) – Eċċezzjoni ta’ kopja privata – Servers li jappartjenu lil terzi li jiġu magħmula disponibbli għal individwi għal użu privat – Provvista ta’ servizz ‘cloud computing’ – Interpretazzjoni tat-termini ‘[fuq] kull mezz’ – Kumpens ġust”






I.      Introduzzjoni

1.        Il-miġja tal-fotokopjatur kummerċjali mill-aħħar tas-snin 50 ’il quddiem kien x’aktarx l-ewwel wieħed minn serje ta’ żviluppi teknoloġiċi li ppreżentaw sfida għal fehmiet tradizzjonali tad-dritt tal-awtur u drittijiet relatati u, b’mod partikolari, għall-eċċezzjonijiet u l-limitazzjonijiet tagħhom. Il-wasla tal-fotokopjatur fissret li l-materjal tad-dritt tal-awtur seta’ faċilment jiġi riprodott b’mod li kien impossibbli li jiġi rregolat jew maqbud. Ir-rivoluzzjoni diġitali, li ilha għaddejja sa mill-bidu tal-internet u tal-world wide web fil-bidu tas-snin 90, ippreżentat sfidi dejjem ikbar għal dawn il-fehmiet tradizzjonali.

2.        Din it-talba għal deċiżjoni preliminari tippreżenta aspett ieħor ta’ din il-problema emerġenti. Persuna fiżika li legalment tippossjedi materjal suġġett għad-dritt tal-awtur hija intitolata tagħmel kopja ta’ dan il-materjal purament għall-għanijiet privati tagħha u, bil-ħlas ta’ miżata, sabiex taħżinha fuq server kummerċjali li juża tekniki ta’ cloud computing u, jekk iva, xi ħlas, jekk xejn, ikun imbagħad dovut lid-detentur tad-dritt tal-awtur? Din hija, essenzjalment, il-kwistjoni ppreżentata f’dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari mill-Oberlandesgericht Wien (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Vjenna, l-Awstrija), li ġie sottomess fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea fil‑15 ta’ Settembru 2020. Ir-rinviju jikkonċerna l-interpretazzjoni tal-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva 2001/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑22 ta’ Mejju 2001 dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ drittijiet ta’ l-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà ta’ l-informazzjoni (2).

3.        Ir-rinviju sar f’kawża bejn Austro-Mechana Gesellschaft zur Wahrnehmung mechanisch-musikalischer Urheberrechte Gesellschaft mbH (iktar ’il quddiem “Austro-Mechana”), soċjetà ta’ ġestjoni kollettiva tad-drittijiet tal-awtur, minn naħa, u Strato AG (iktar ’il quddiem “Strato”), kumpannija stabbilita fil-Ġermanja li tipprovdi servizz għall-ħażna tad-data fuq il-cloud, min-naħa l-oħra. Il-proċedura quddiem il-qorti tar-rinviju tikkonċerna l-kwistjoni dwar jekk huwiex dovut kumpens minn Strato għall-isfruttament tad-dritt ta’ riproduzzjoni fir-rigward tal-kapaċità ta’ ħażna bbażata fuq il-cloud ipprovduta minnha fl-Awstrija lil persuni fiżiċi għal użu privat.

4.        Din it-talba għal deċiżjoni preliminari tipprovdi lill-Qorti tal-Ġustizzja b’opportunità biex teżamina l-kwistjoni tal-ikkopjar minn persuni fiżiċi għall-użu privat fl-ambjent diġitali u, iktar speċifikament, ir-riproduzzjoni jew il-ħażna fuq il-cloud (3) ta’ kontenut protett mid-dritt tal-awtur.

5.        Huwa importanti li jiġi enfasizzat li fejn eċċezzjoni ta’ “kkupjar privat” għad-dritt esklużiv ta’ riproduzzjoni previst fl-Artikolu 2 tad-Direttiva 2001/29 tkun ġiet adottata minn Stat Membru skont l-Artikolu 5(2)(b) ta’ din id-direttiva, tali kkopjar imbagħad ikun legali sakemm jitħallas dak deskritt bħala kumpens ġust lid-detentur tad-dritt. Fil-każ, naturalment, li l-Istat Membru inkwistjoni ma japplikax l-eċċezzjoni tal-Artikolu 5(2)(b), allura tali riproduzzjoni ta’ materjal protett bid-drittijiet tal-awtur mingħajr il-kunsens tad-detentur tad-dritt tkun b’mod ċar illegali inkwantu kuntrarja għall-Artikolu 2 (4).

6.        F’din il-kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja hija meħtieġa li l-ewwel teżamina jekk tapplikax ukoll u, jekk iva, sa liema punt tapplika l-eċċezzjoni ta’ kopja privata fir-rigward ta’ riproduzzjonijiet fil-cloud magħmula minn persuni fiżiċi għal użu privat ta’ kontenut protett bid-drittijiet tal-awtur. Fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja kellha tikkunsidra li l-eċċezzjoni ta’ kopja privata tapplika wkoll fir-rigward ta’ tali riproduzzjonijiet, il-Qorti tal-Ġustizzja mbagħad ikollha teżamina l-kwistjoni ta’ xi jkun (jekk hemm) il-“kumpens ġust” skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva 2001/29 li jkun dovut lid-detenturi tad-dritt fir-rigward tal-ħażna fuq il-cloud li tkun magħmula disponibbli lil persuni fiżiċi għal użu privat minn fornituri ta’ aċċess għall-internet.

7.        B’mod partikolari, peress li diġà setgħet tħallset imposta minn persuni fiżiċi fuq ix-xiri ta’ apparat, midja jew tagħmir – bħal smartphones, tablets jew kompjuters (5) – li jippermettu l-ħażna u għalhekk ir-riproduzzjoni ta’ kontenut protett bid-drittijiet tal-awtur fuq il-cloud u għalhekk jipprovdu kumpens (ġust) lid-detenturi tad-dritt għad-dannu sostnut b’riżultat tal-ikkopjar, sussegwentement tqum il-mistoqsija dwar jekk għandhiex titħallas imposta (oħra) minn fornituri ta’ aċċess għall-internet li jqiegħdu għad-dispożizzjoni l-ħażna fuq il-cloud għal dak l-istess kontenut bħala l-“kumpens ġust” meħtieġ mill-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva 2001/29.

8.        Qabel ma jiġu eżaminati dawn il-kwistjonijiet, madankollu, huwa l-ewwel neċessarju li jiġi stabbilit il-kuntest ġuridiku li minnu toriġina din il-kawża.

II.    Il-kuntest ġuridiku

A.      Id-Direttiva 2001/29

9.        Il-premessi 2, 5, 9, 10, 31, 32, 35, 38 u 44 tad-Direttiva 2001/29 huma fformulati kif ġej:

“(2)      Il-Kunsill Ewropew, meta ltaqa’ f’Korfu fl‑24 u l-25 ta’ Ġunju 1994, enfasizza l-ħtieġa li jifforma qafas legali ġenerali u flessibbli f’livell tal-Komunità sabiex jinkoraġġixxi l-iżvilupp tas-soċjetà ta’ l-informazzjoni fl-Ewropa. Dan jeħtieġ, fost affarijiet oħra, l-eżistenza ta’ suq intern għal prodotti u servizzi ġodda. Leġislazzjoni importanti mill-Komunità diġà teżisti, jew l-adozzjoni tagħha miexja l quddiem sewwa. Id-drittijiet ta’ l-awtur u drittijiet relatati għandhom rwol importanti f’dan il-kuntest għax dawn jipproteġu u jistimulaw l-iżvilupp u l-kummerċ ta’ prodotti u servizzi ġodda u l-ħolqien u l-isfruttar tal-kontenut kreattiv tagħhom.

[…]

(5)      L-iżvilupp teknoloġiku kabbar u ddiversifika l-gwidi tal-kreazzjoni, il-produzzjoni u l-isfruttament. Filwaqt li m’huma meħtieġa l-ebda kunċetti ġodda għall-protezzjoni ta’ proprjetà intellettwali, il-liġi preżenti dwar id-drittijiet ta’ l-awtur u drittijiet relatati għandha tiġi adottata u miżjuda biex tirreaġixxi b’mod adekwat għar-realtajiet ekonomiċi bħal forom ġodda ta’ sfruttament.

[…]

(9)      Kull armonizzazzjoni tad-drittijiet ta’ l-awtur u drittijiet relatati għandha tkun bażata fuq livell għoli ta’ protezzjoni, għar-raġuni li dawn id-drittijiet huma kruċjali għall-kreazzjoni intellettwali. Il-protezzjoni tagħhom tgħinhom jiżguraw it-tkomplija u l-iżvilupp tal-kreattivita fl-interessi ta’ l-awturi, artisti, produtturi, konsumaturi, kultura, industrija u l-pubbliku in ġenerali. Proprjetà intellettwali ġiet għalhekk rikonoxxuta bħala parti integrali ta’ proprjetà.

(10)      Jekk awturi jew artisti għandhom ikomplu bix-xogħol kreattiv u artistiku tagħhom, huma għandhom jirċievu kumpens xieraq għall-użu tax-xogħol tagħhom, kif għandhom jirċievu produtturi sabiex ikunu jistgħu jiffinanzjaw xogħolhom. […]

[…]

(31)      Bilanċ ġust ta’ drittijiet u interessi bejn il-kategoriji differenti ta’ detenturi ta’ drittijiet, kif ukoll bejn il-kategoriji differenti ta’ detenturi ta’ drittijiet u utentu ta’ materjal protett għandhom ikunu salvagwardati. […]

(32)      Din id-Direttiva tipprovdi għal elenku eżawrjenti ta’ eċċezzjonijiet u limitazzjonijiet għad-dritt ta’ riproduzzjoni u d-dritt ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku. Xi eċċezzjonijiet jew limitazzjonijiet japplikaw biss għad-dritt ta’ riproduzzjoni, fejn hu xieraq. Dan l-elenku jikkunsidra kif inhu xieraq it-tradizzjonijiet legali differenti fl-Istati Membri, filwaqt li, fl-istess ħin, għandu bħala skop li jiżgura suq intern li jiffunzjona. L-Istati Membri għandhom jaslu għal applikazzjoni koerenti ta’ dawn l-eċċezzjonijiet u limitazzjonijiet, li ssir stima tagħhom meta jirrevedu l-leġislazzjoni implimentattiva fil-futur.

[…]

(35)      F’ċerti każi ta’ eċċezzjonijiet jew limitazzjonijiet, detenturi ta’ drittijiet għandhom jirċievu kumpens ġust biex jikkumpensawhom b’mod adekwat għall-użu magħmul mix-xogħolijiet protetti tagħhom jew materjal ieħor. Meta jistabilixxu l-forma, l-arranġamenti dettaljati u livell possibbli ta’ dan il-kumpens ġust, għandhom jiġu kkunsidrati ċirkustanzi partikolari ta’ kull każ. Meta jevalwaw dawn iċ-ċirkustanzi, kriterju validu jista’ jkun il-ħsara li tista’ ssir lid-detenturi tad-drittijiet li tirriżulta mill-att fil-kwistjoni. Fil-każi fejn id-detenturi tad-drittijiet ikunu diġà rċevew pagament f’xi forma jew oħra, per eżempju bħala parti minn ħlas ta’ liċenzja, l-ebda pagament speċifiku jew separat ma jkollu jitħallas. Il-livell ta’ kumpens ġust għandu jikkunsidra bis-sħiħ il-grad ta’ użu ta’ miżuri ta’ protezzjoni teknoloġika msemmija f’din id-Direttiva. F’ċerti sitwazzjonijiet fejn il-preġudizzju għad-detentur tad-drittijiet ikun minimu, ma jista’ jkun hemm l-ebda obbligu għal ħlas.

[…]

(38)      L-Istati Membri għandhom jitħallew jipprovdu għal eċċezzjoni jew limitazzjoni għad-dritt ta’ riproduzzjoni għal ċerti tipi ta’ riproduzzjoni ta’ materjal awdjo, viżiv jew awdjo-viżiv għal użu privat, akkumpanjat b’kumpens ġust. Dan jista’ jinkludi l-introduzzjoni jew kontinwazzjoni ta’ skemi ta’ rimunerazzjoni biex jikkumpensaw għal preġudizzju għal detenturi tad-drittijiet. […]

[…]

(44)      Meta japplikaw l-eċċezzjonijiet u limitazzjonijiet li hemm provdut dwarhom f’din id-Direttiva, huma għandhom ikunu eżerċitati skond l-obbligi internazzjonali. Dawn l-eċċezzjonijiet u limitazzjonijiet ma jistgħux jiġu applikati b’mod li jippreġudika l-interessi leġittimi tad-detentur tad-drittijiet jew li jmorru kontra l-isfruttar normali tax-xogħol tiegħu jew ta’ suġġett ieħor. Id-disposizzjonijiet ta’ dawn l-eċċezzjonijiet jew limitazzjonijiet mill-Istati Membri għandhom, b’mod partikolari, jirriflettu kif inhu xieraq, l-impatt ekonomiku miżjud li dawn l-eċċezzjonijiet jistgħu jkollhom fil-kuntest ta’ l-ambjent elettroniku ġdid. Għalhekk, l-iskop ta’ ċerti eċċezzjonijiet jew limitazzjonijiet jista’ jkollu jkun aktar limitat meta jiġi għal ċertu użu ġdid ieħor ta’ xogħolijiet bid-drittijiet ta’ l-awtur u suġġett ieħor.”

10.      Skont l‑Artikolu 2 tad‑Direttiva 2001/29, intitolat “Dritt ta’ riproduzzjoni”:

“L-Istati Membri għandhom jipprovdu għad-dritt esklussiv li jawtorizza jew jipprojbixxi riproduzzjoni diretta jew indiretta, temporanja jew permanenti b’kull mezz u f’kull forma, kollha jew parti:

(a)      għall-awturi, tax-xogħolijiet tagħhom;

(b)      għall-artisti, ta’ l-iffissar tal-wirjiet tagħhom;

(ċ)      għall-produtturi ta’ fonogrammi, tal-fonogrammi tagħhom;

(d)      għall-produtturi ta’ l-ewwel iffissar ta’ films, rigward l-oriġinal u l-kopji tal-films tagħhom;

(e)      għall-organizzazzjonijiet tax-xandir, ta’ l-iffissar tax-xandiriet tagħhom, sew jekk dawk ix-xandirijiet huma trasmessi bil-fili sew jekk bl-arja, magħduda bil-cable jew bis-satellita.”

11.      L-Artikolu 3 tad-Direttiva 2001/29, intitolat “Id-dritt ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku ta’ xogħolijiet u d-dritt li jagħmlu disponibbli għall-pubbliku suġġett ieħor” jipprovdi:

“1.      L-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-awturi bid-dritt esklussiv li jawtorizzaw jew jipprojbixxu kull komunikazzjoni lill-pubbliku tax-xogħolijiet tagħhom, bil-fili jew mezzi mingħajr fili, inklużi li jagħmlu disponibbli lill-pubbliku x-xogħolijiet tagħhom b’mod li membri tal-pubbliku jistgħu jkollhom aċċess għalihom minn post u f’ħin magħżul individwalment minnhom.

2.      L-Istati Membri għandhom jipprovdu għad-dritt esklussiv biex jawtorizzaw jew jipprojbixxu li jagħmlu disponibbli lill-pubbliku, permezz tal-fili jew mingħajr fili, b’mod li l-membri tal-pubbliku jkunu jistgħu jkollhom aċċess għalihom minn post u f’ħin magħżul individwalment minnhom:

(a)      għall-artisti, ta’ l-iffissar tal-wirjiet tagħhom;

(b)      għall-produtturi ta’ fonogrammi, tal-fonogrammi tagħhom;

(ċ)      għall-produtturi ta’ l-ewwel iffissar tal-films, ta’ l-oriġinal u l-kopji tal-films tagħhom;

(d)      għall-organizzazzjonijiet tax-xandir, ta’ l-iffissar tax-xandiriet tagħhom, sew jekk dawn ix-xandirijiet ikunu trasmessi bil-fili jew bl-arja, magħduda bil-cable jew bis-satellita.

3.      Id-drittijiet imsemmija fil-paragrafi 1 u 2 m’għandhomx jiġu eżawriti bl-ebda att ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku jew li jagħmilhom disponibbli għall-pubbliku kif stipulat f’dan l-Artikolu.”

12.      L‑Artikolu 5(2)(b) tad‑Direttiva 2001/29, intotolat “Eċċezzjonijiet u limitazzjonijiet”, jiddikjara:

“L-Istati Membri jistgħu jipprovdu l-eċċezzjonijiet u l-limitazzjonijiet għad-dritt ta’ riproduzzjoni provdut fl-Artikolu 2 fil-każi li ġejjin:

[…]

(b)      rigward riproduzzjonijiet ta’ kull mezz magħmula minn ċittadin fiżiku għal użu privat u għal skopijiet li huma la direttament u l-anqas indirettament kummerċjali, bil-kondizzjoni li d-detenturi jirċievu kumpens ġust li jikkunsidra li jiġu jew ma jiġux applikati miżuri teknoloġiċi msemmija fl-Artikolu 6 tax-xogħol jew tas-suġġett relatat.”

13.      L‑Artikolu 5(5) ta’ din id-direttiva jipprovdi:

“L-eċċezzjonijiet u l-limitazzjonijiet li hemm provdut dwarhom fil-paragrafi 1, 2, 3 u 4 għandhom ikunu applikati biss f’ċerti każi speċjali li ma jmorrux kontra l-isfruttament normali tax-xogħol jew suġġett ieħor u ma jippreġudikawx b’mod bla raġuni l-interessi leġittimi tad-detentur tad-drittijiet.”

B.      Id-dritt Awstrijak

14.      Il-paragrafu 42b(1) tal-Urheberrechtsgesetz Awstrijaka (il-Liġi dwar id-Dritt tal-Awtur) (6) (iktar ’il quddiem l-“UrhG”), fil-verżjoni applikabbli fi żmien il-kawża prinċipali (7), jipprovdi:

“(1)      Jekk xogħol […] min-natura tiegħu x’aktarx jiġi riprodott għal użu personali jew privat billi jiġi rrekordjat fuq mezz ta’ ħażna […], l-awtur għandu jkun intitolat għal kumpens xieraq […] (remunerazzjoni għall-isfruttament tad-dritt ta’ riproduzzjoni fuq mezzi ta’ ħażna) fil-każ fejn mezzi ta’ ħażna ta’ kwalunkwe tip li huwa xieraq għal tali riproduzzjonijiet jiġi, matul attività kummerċjali, imqiegħed fis-suq fit-territorju nazzjonali.”

III. Il-fatti tal-kawża prinċipali u r-rinviju għal deċiżjoni preliminari

15.      Austro-Mechana hija soċjetà ta’ ġestjoni kollettiva tad-drittijiet tal-awtur li tipproteġi, f’kapaċità fiduċjarja, id-drittijiet ta’ użu u d-drittijiet għar-remunerazzjoni fir-rigward ta’ xogħlijiet ta’ mużika (bi u mingħajr lirika) f’isimha stess iżda fl-interess tal-benefiċjajri ta’ dawn id-drittijiet u f’isimhom. L-interessi protetti minn soċjetajiet ta’ ġestjoni kollettiva bħal Austro-Mechana jinkludu, b’mod partikolari, id-drittijiet legali għar-remunerazzjoni previsti fil-paragrafu 42b(1) tal-UrhG, jiġifieri, id-dritt għar-remunerazzjoni fir-rigward tal-isfruttament tad-dritt ta’ riproduzzjoni fuq mezzi ta’ ħażna.

16.      Austro-Mechana ppreżentat rikors quddiem il-Handelsgericht Wien (il-Qorti Kummerċjali ta’ Vjenna, l-Awstrija) kontra Strato, kumpannija stabbilita fil-Ġermanja, li tipprovdi servizz bl-isem “HiDrive”. Is-servizz inkwistjoni huwa deskritt mill-fornitur tiegħu bħala “soluzzjoni virtwali ta’ ħażna fuq il-cloud li kapaċi tintuża malajr u faċilment daqs hard disk (esterna)”. Strato tiddikjara li s-soluzzjoni ta’ ħażna tagħha “toffri biżżejjed spazju biex jiġu maħżuna ritratti, mużika u films f’post ċentrali wieħed”.

17.      Austro-Mechana talbet digriet li jippermettilha tiffattura, u sussegwentement titħallas remunerazzjoni, dovuta minn Strato skont il-paragrafu 42b(1) tal-UrhG għall-isfruttament tad-dritt ta’ riproduzzjoni fuq mezzi ta’ ħażna. Hija ssostni li minħabba li l-formulazzjoni tal-kliem użati fil-paragrafu 42b(1) tal-UrhG hija minnha nnifisha intenzjonalment imfassla f’termini ġenerali, remunerazzjoni għall-isfruttament tad-dritt ta’ riproduzzjoni fuq mezz ta’ ħażna għandha titħallas anki fil-każ fejn il-mezz ta’ ħażna ta’ kull tip jiġi, matul attività kummerċjali, “imqiegħed fis-suq” – bi kwalunkwe mezz u fi kwalunkwe forma – fi ħdan it-territorju nazzjonali, inkluż f’sitwazzjonijiet li jinvolvu l-provvista ta’ spazju għall-ħażna bbażat fuq il-cloud. Hija tipprevedi li l-kliem deskrittivi “imqiegħed fis-suq” ma jagħmlux riferiment għad-distribuzzjoni fiżika iżda intenzjonalment iħallu lok għall-inklużjoni tal-proċessi kollha li għandhom l-effett li jagħmlu l-ispazju għall-ħażna disponibbli lil utenti fit-territorju nazzjonali għall-għanijiet ta’ riproduzzjoni għal użu privat (jew personali). Barra minn hekk, il-paragrafu 42b(3) tal-UrhG jagħmilha ċara li huwa irrilevanti jekk il-mezz ta’ ħażna mqiegħed fis-suq joriġinax fit-territorju nazzjonali jew f’pajjiżi oħra.

18.      Strato kkontestat ir-rikors. Hija sostniet li l-verżjoni applikabbli tal-UrhG ma tipprevedix ir-remunerazzjoni għal servizzi tal-cloud u li l-leġiżlatur, li jaf bil-possibbiltajiet tekniċi disponibbli, għamel għażla intenzjonali kontra din l-għażla. Skont Strato, is-servizzi tal-cloud u mezz ta’ ħażna fiżika ma humiex paragunabbli. Interpretazzjoni li tinkludi servizzi tal-cloud ma hijiex possibbli peress li mezz ta’ ħażna ma jitqigħedx fis-suq; l-ispazju għall-ħażna sempliċement jiġi magħmul disponibbli. Strato sostniet li hija la tbigħ u lanqas tikri mezz ta’ ħażna fiżika lill-Awstrija iżda sempliċement toffri spazju għall-ħażna online fuq is-servers tagħha li jinsabu fil-Ġermanja. Strato ddikjarat ukoll li hija diġà ħallset indirettament il-miżata tad-dritt tal-awtur għas-servers tagħha fil-Ġermanja (bħala parti mill-prezz impost mill-manifattur/importatur). Barra minn hekk, l-utenti Awstrijaċi diġà ħallsu miżata tad-dritt tal-awtur għall-apparat li mingħajru l-kontenut lanqas biss jista’ jiġi mtella’ fuq il-cloud fl-ewwel lok. L-impożizzjoni ta’ miżata addizzjonali bħala remunerazzjoni għall-isfruttament tad-dritt ta’ riproduzzjoni fuq mezz ta’ ħażna, għal ħażna fuq il-cloud, skont Strato, ikollha l-effett tal-irduppjar jew anki l-ittriplar tal-obbligu li titħallas miżata.

19.      Il-Handelsgericht Wien (il-Qorti Kummerċjali ta’ Vjenna) ċaħdet ir-rikors. Hija essenzjalment iddeċidiet li d-detenturi tad-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati (iktar ’il quddiem id-“detenturi tad-drittijiet”) huma intitolati għal kumpens xieraq fil-każ fejn il-mezz ta’ ħażna (minn post fit-territorju nazzjonali jew pajjiż ieħor) jiġi, matul attività kummerċjali, imqiegħed fis-suq fit-territorju nazzjonali, jekk oġġett li jeħtieġ il-protezzjoni min-natura tiegħu x’aktarx li jiġi riprodott għal użu personali jew privat billi jiġi rrekordjat fuq mezz ta’ ħażna (b’mod permess skont il-paragrafu 42(2) sa (7) tal-UrhG), jiġifieri, fir-rigward ta’ mezz ta’ ħażna ta’ kull tip li huwa adattat għal tali riproduzzjonijiet.

20.      Il-Handelsgericht Wien (il-Qorti Kummerċjali ta’ Vjenna) iddikjarat li l-paragrafu 42b(1) tal-UrhG, li espressament jagħmel riferiment għal “mezz ta’ ħażna ta’ kull tip”, jinkludi – internament u esternament – il-hard disks tal-kompjuter. Hija ddikjarat ukoll li servizzi tal-cloud jeżistu fl-iktar forom differenti. Il-qalba ta’ kwalunkwe tali servizz hija li jiġi żgurat li l-utent ikollu ċerta kapaċità ta’ ħażna, iżda dan ma jinkludix id-dritt għall-utent li jħalli l-kontenut tiegħu jew tagħha maħżun fuq server jew servers partikolari, peress li l-intitolament tiegħu jew tagħha huma limitati għal li jkunu jistgħu jaċċedu l-kapaċità tagħhom “xi mkien fil-cloud tal-[fornitur]”. Skont din il-qorti, Strato għaldaqstant ma tipprovdix lill-klijenti tagħha mezz ta’ ħażna iżda tagħmel disponibbli l-kapaċità tal-ħażna – bħala servizz – b’mod online. Hija nnotat li matul il-proċedura inter pares tal-abbozz tal-Urh-Nov (8), saret sejħa espressa biex tittieħed inkunsiderazzjoni l-ħażna fuq il-cloud u ġew issuġġeriti forom ta’ kliem proposti għal dan il-għan. Madankollu, il-leġiżlatur intenzjonalment għażel li ma jinkludix tali dispożizzjoni.

21.      Austro-Mechana appellat minn din is-sentenza quddiem il-qorti tar-rinviju. Il-qorti tar-rinviju tikkunsidra li l-kwistjoni dwar jekk l-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva 2001/29 ikoprix il-ħażna ta’ kontenut protett bid-drittijiet tal-awtur fuq il-cloud ma hijiex kompletament ċara. F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tinnota li fis-sentenza tad‑29 ta’ Novembru 2017, VCAST (C‑265/16, EU:C:2017:913, iktar ’il quddiem is-“sentenza VCAST”), il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li l-ħażna ta’ kontenut protett fuq cloud għandha tiġi kkunsidrata bħala sfruttament tad-drittijiet li l-awtur biss jista’ jwettaq.

22.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Oberlandesgericht Wien (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Vjenna, l-Awstrija), iddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u li tagħmel id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1.      Il-kunċett ta’ ‘[fuq] kull mezz’ skont l-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva [2001/29/KE] għandu jiġi interpretat fis-sens li jinkludi wkoll servers li jappartjenu lil terzi persuni, li jipprovdu spazju għall-ħażna lil individwi (klijenti) għal użu privat (u mhux għal skopijiet kummerċjali diretti jew indiretti), li l-klijenti jużaw biex joħolqu kopji permezz tal-ħażna (‘cloud computing’)?

2.      Jekk ir-risposta hija fl-affermattiv: id-dispożizzjoni ċċitata fl-ewwel domanda għandha tiġi interpretata fis-sens li din tapplika għal leġiżlazzjoni nazzjonali li abbażi tagħha l-awtur għandu dritt għal kumpens xieraq (kumpens għall-mezz ta’ ħażna),

–        jekk xogħol (imxandar, magħmul disponibbli għall-pubbliku jew maħżun fuq mezz ta’ ħażna prodott għal skopijiet kummerċjali) huwa min-natura tiegħu mistenni li jiġi riprodott għal użu personali jew privat billi jinħażen fuq ‘mezz ta’ ħażna ta’ kull tip li huwa xieraq għal tali riproduzzjoni u li huwa kummerċjalment disponibbli fit-territorju nazzjonali’,

–        u jekk jintuża l-metodu ta’ ħażna deskritt fl-ewwel domanda?”

IV.    Proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

23.      Austro‑Mechana, Strato, il-Gvern Daniż, Franċiż, tal-Pajjiżi l-Baxxi u Awstrijak u l-Kummissjoni Ewropea ssottomettew osservazzjonijiet bil-miktub.

24.      Fis-seduta tal-Qorti tal-Ġustizzja tas‑7 ta’ Lulju 2021, ilkoll għamlu osservazzjonijiet orali ħlief għall-Gvern Daniż.

V.      Analiżi

A.      L-ewwel domanda

25.      Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tixtieq tikkonstata jekk l-eċċezzjoni ta’ kopja privata inkluża fl-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva 2001/29 tagħmilx riferiment għal riproduzzjonijiet magħmula minn persuni fiżiċi għal użu privat fuq spazju għall-ħażna jew kapaċità għaliha (fil-cloud) magħmula disponibbli jew ipprovduti minn terz li jkun fornitur ta’ aċċess għall-internet. Din il-qorti tistaqsi, essenzjalment, jekk it-termini “riproduzzjonijiet ta’ kull mezz” inkluż fl-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva 2001/29 jinkludux riproduzzjoni bbażata fuq servizzi ta’ cloud computing ipprovduti minn terzi.

26.      Mill-proċess quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-ewwel domanda magħmula oriġinat minħabba, inter alia, l-użu tat-termini “imqiegħed fis-suq fit-territorju nazzjonali” fil-paragrafu 42b(1) tal-UrhG. Strato sostniet kemm quddiem il-qorti tar-rinviju kif ukoll quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja li bl-użu ta’ dawn it-termini l-leġiżlatur Awstrijak kellu b’mod ċar l-intenzjoni li jistabbilixxi mudell għall-kumpens tad-detenturi tad-dritt li jiffoka esklużivament fuq ir-reklamar ta’ mezzi/sottostrati ta’ rrekordjar fiżiċi u għalhekk jeskludi l-użu ta’ servizzi ta’ cloud computing ipprovduti minn terzi (9).

27.      Jidher ukoll mit-talba għal deċiżjoni preliminari li l-qorti tar-rinviju tixtieq kjarifika tas-sentenza VCAST u, b’mod partikolari, il-punt sa fejn din is-sentenza tista’ tiġi applikata għall-fatti u t-tilwima fil-kawża prinċipali.

28.      Għandu jiġi nnotat li b’differenza mill-eċċezzjoni li tinsab fl-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2001/29 li hija obbligatorja min-natura tagħha, l-eċċezzjonijiet jew limitazzjonijiet inklużi fl-Artikolu 5(2) u (3) ta’ din id-direttiva fir-rigward tad-dritt ta’ riproduzzjoni huma sempliċement fakultattivi għall-Istati Membri (10)

29.      Fil-konklużjonijiet tagħha fil-kawżi magħquda VG Wort (C‑457/11 sa C‑460/11, EU:C:2013:34, punti 35 sa 37), l-Avukat Ġenerali Sharpston innotat li n-natura fakultattiva tal-eċċezzjonijiet jew limitazzjonijiet tagħti lill-Istati Membri ċerta libertà f’dan il-qasam. Għalhekk hija kkunsidrat li Stat Membru jista’ jintroduċi miżura li ma tasalx sa fejn jaslu d-dispożizzjonijiet inkwistjoni. Pereżempju, skont l-Avukat Ġenerali Sharpston, Stat Membru jista’ fuq il-bażi tal-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva 2001/29, jistabbilixxi eċċezzjoni għar-riproduzzjonijiet magħmula minn persuna fiżika biss meta dawn isiru fuq il-karta u esklużivament biex jintużaw għal studju privat, minħabba li l-kamp ta’ applikazzjoni tal-eċċezzjoni jkun iżjed ristrett minn, iżda xorta kompriż, f’dak li huwa awtorizzat.

30.      Madankollu, jista’ jiġi nnotat li sussegwentement il-Qorti tal-Ġustizzja, fis-sentenza tagħha tal‑5 ta’ Marzu 2015, Copydan Båndkopi (C‑463/12, EU:C:2015:144, punt 33) iddikjarat li l-Istati Membri ma jistgħux jipprevedu modalitajiet ta’ kumpens ġust li jintroduċu inugwaljanza fit-trattament li ma tkunx iġġustifikata bejn id-diversi kategoriji ta’ operaturi ekonomiċi li jikkummerċjalizzaw oġġetti paragunabbli koperti mill-eċċezzjoni għall-ikkopjar għal użu privat jew bejn id-diversi kategoriji ta’ utenti ta’ oġġetti protetti.

31.      Min-naħa tiegħi, nikkunsidra li l-istess approċċ għandu japplika għas-servizzi. Jista’ jingħad b’mod iktar ġenerali li anki jekk l-Istati Membri jgawdu minn marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ (11) fir-rigward tal-mod li bih japplikaw l-eċċezzjoni tal-Artikolu 5(2)(b) fil-liġijiet nazzjonali tagħhom, huma xorta waħda ma jistgħux jilleġiżlaw għal dan l-għan b’mod li jikkontradixxi jew inkella jkun oppost għall-prinċipju li fuqu hija bbażata d-Direttiva 2001/29 innifisha (12) Huwa, pereżempju, importanti li jiġi enfasizzat li l-Istati Membri li jagħżlu li japplikaw l-eċċezzjoni tal-Artikolu 5(2)(b) għandhom jagħmlu dan b’mod teknoloġikament newtrali (13).

32.      Għaldaqstant, dak li huwa inkwistjoni f’din il-kawża huwa l-kamp ta’ applikazzjoni attwali tal-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva 2001/29 pjuttost milli l-punt sa fejn il-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu jista’ jiġi ristrett minn Stat Membru fit-traspożizzjoni ta’ din id-dispożizzjoni fid-dritt nazzjonali bl-applikazzjoni ta’ imposta għall-ikkopjar privat, x’aktarx mingħajr ġustifikazzjoni, biss għal ċerti oġġetti jew servizzi. Hawn il-formulazzjoni tal-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva 2001/29 hija pjuttost ċara. L-Istati Membri jistgħu jipprevedu eċċezzjoni għad-dritt ta’ riproduzzjoni esklużiv previst fl-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva fil-każ ta’ riproduzzjonijiet fuq kwalunkwe mezz magħmula minn persuna fiżika (14) għal użu privat u għal għanijiet li ma humiex direttament jew indirettament kummerċjali, bil-kundizzjoni li d-detenturi tad-dritt esklużiv jirċievu kumpens ġust (15).

33.      Skont il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, dispożizzjonijiet bħall-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva 2001/29 li jidderogaw mid-dritt ta’ riproduzzjoni stabbilit mill-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva huma ta’ interpretazzjoni stretta, b’tali mod li ma jistgħux jagħtu lok għal interpretazzjoni li tmur lil hinn mill-każijiet previsti b’mod espliċitu (16). Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li l-ikkuppjar mminn persuni fiżiċi li jaġixxu f’kapaċità privata għandu jitqies bħala att li x’aktarx jikkawża ħsara lid-detentur tad-dritt ikkonċernat, fil-każ fejn dan isir mingħajr ma tintalab l-awtorizzazzjoni minn qabel tal-imsemmi detentur (17). Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, filwaqt li l-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva 2001/29 għandu jinftiehem fis-sens li l-eċċezzjoni ta’ kkopjar privat tipprojbixxi lid-detentur milli jinvoka d-dritt esklużiv tiegħu li jawtorizza jew jipprojbixxi riproduzzjonijiet fir-rigward ta’ persuni li jagħmlu kopji privati tax-xogħlijiet tiegħu, din id-dispożizzjoni ma għandhiex tinftiehem li teħtieġ, lil hinn minn din il-limitazzjoni espressa, li d-detentur tad-dritt jittollera ksur tad-drittijiet tiegħu li jista’ jakkumpanja t-twettiq ta’ kopji privati (18).

34.      Fit-talba tagħha għal deċiżjoni preliminari l-qorti tar-rinviju ddikjarat li l-paragrafu 42b(1) tal-UrhG jittrasponi l-eċċezzjoni ta’ kopja privata inkluża fl-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva 2001/29. L-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva 2001/29 ma jużax, madankollu, termini ekwivalenti għat-termini “imqiegħed fis-suq fit-territorju nazzjonali” inklużi fil-paragrafu 42b(1) tal-UrhG. Lanqas ma hemm xi indikazzjoni li l-leġiżlatur tal-Unjoni kellu l-intenzjoni jillimita l-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva 2001/29 esklużivament għal mezzi jew sottostrati fiżiċi.

35.      Minflok, tingħata l-impressjoni ċara li l-użu tat-termini ġenerali u teknoloġikament newtrali – “riproduzzjonijiet ta’ kull mezz” (19) – li jinsabu fl-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva 2001/29, jimmilitaw kontra interpretazzjoni bħal din (20). L-interpretazzjoni letterali ta’ dawn it-termini waħedhom (21) tiżgura, fil-fehma tiegħi, li l-eċċezzjoni ma tkunx ristretta għal riproduzzjonijiet fuq mezzi jew sottostrati fiżiċi jew, tabilħaqq, f’forma analoga jew mhux diġitali (22). L-eċċezzjoni għalhekk tkopri, inter alia, riproduzzjonijiet f’forom analogi u diġitali (23) u riproduzzjonijiet fuq sottostrat fiżiku bħal karta jew CDs/DVDs jew b’mezz/sottostrat iktar intanġibbli bħal fil-każ fil-kawża prinċipali fejn l-ispazju għall-ħażna jew il-kapaċità għaliha (24) huma magħmula disponibbli fuq il-cloud minn fornitur ta’ aċċess għall-internet. F’dan ir-rigward, il-formulazzjoni tal-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva 2001/29 għandha tiġi kkuntrastata mal-Artikolu 5(2)(a) ta’ din id-direttiva, peress li din espressament tipprevedi li l-kamp ta’ applikazzjoni tagħha huwa limitat għal “riproduzzjonijiet fuq il-karta jew mezz ieħor simili” (25).

36.      Din il-konklużjoni hija, barra minn hekk, sostnuta minn wieħed mill-għanijiet prinċipali li d-Direttiva 2001/29 għandha l-intenzjoni li tilħaq, jiġifieri, li jiġi żgurat li l-protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur fl-Unjoni ma ssirx skaduta u obsoleta minħabba l-avvanz tal-iżvilupp teknoloġiku u l-ħolqien ta’ forom ġodda ta’ sfruttament ta’ kontenut protett mid-drittijiet tal-awtur (26). Dan l-għan, madankollu, jiġi mminat jekk l-eċċezzjonijiet u l-limitazzjonijiet għal din il-protezzjoni li, skont il-premessa 31 tad-Direttiva 2001/29, ġew adottati fid-dawl tal-ambjent elettroniku l-ġdid jiġu interpretati b’tali mod li jkollu l-effett li jeskludi t-teħid inkunsiderazzjoni simili ta’ tali żviluppi teknoloġiċi u l-ħolqien b’mod partikolari ta’ mezzi diġitali u servizzi ta’ cloud computing (27).

37.      Il-konklużjoni tiegħi dwar din il-kwistjoni ma tinbidilx minħabba l-fatt li l-kontenut protett bid-drittijiet tal-awtur huwa riprodott fuq spazju għall-ħażna fi ħdan il-cloud magħmul disponibbli jew ipprovdut minn terz li huwa fornitur ta’ aċċess għall-internet. Fis-sentenza tagħha VCAST (28), li wkoll kienet tikkonċerna servizzi ta’ cloud computing – iżda fil-kuntest differenti ta’ faċilizzazzjoni tat-tniżżil illegali ta’ materjal televiżiv kopert bid-drittijiet tal-awtur – il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat mill-ġdid il-ġurisprudenza stabbilita tagħha li sabiex jiġi invokat l-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva 2001/29 ma huwiex neċessarju li l-persuni fiżiċi kkonċernati jipposjedu tagħmir ta’ riproduzzjoni. Apparat jew servizzi tal-ikkopjar jistgħu għalhekk jiġu pprovduti minn terzi, li hija l-prekundizzjoni fattwali biex dawn il-persuni fiżiċi jiksbu kopji privati (29).

38.      Kif diġà indikajt, fil-kawża li rriżultat fis-sentenza VCAST, it-teknoloġija cloud intużat minn VCAST biex jiġi pprovdut l-aċċess fuq bażi kummerċjali għal programmi televiżivi (protetti bid-drittijiet tal-awtur) prodotti minn organizzazzjonijiet televiżivi Taljani. F’din il-kawża, VCAST illegalment għamlet disponibbli lill-klijenti tagħha permezz tal-internet sistema ta’ rrekordjar bil-vidjo li tuża spazju għall-ħażna fi ħdan il-cloud għal dan l-għan (30). B’kuntrast, il-kawża prinċipali sempliċement tikkonċerna t-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-kapaċità tal-ħażna fuq il-cloud u l-ħażna potenzjali minn persuni fiżiċi għal użu privat ta’ materjal kopert bid-drittijiet tal-awtur akkwistat legalment fuq il-kompjuters/servers tal-fornitur tas-servizz. Dawn l-avvanzi teknoloġiċi moderni madankollu ma għandhomx joskuraw il-fatt li, minn perspettiva ġuridika, dan jista’ jkun ekwivalenti għal iffotokopjar tat-totalità ta’ ktieb jew l-ikkopjar ta’ CD fuq il-hard drive ta’ kompjuter fejn, fl-eżempji mogħtija, il-ktieb u s-CD it-tnejn inxtraw mill-konsumatur inkwistjoni (31).

39.      Il-ksur tad-drittijiet tal-awtur żvelat fis-sentenza VCAST kien fil-fatt iktar gravi u ta’ ħsara għad-detentur tad-dritt milli dak potenzjalment żvelat mill-fatti ta’ din il-kawża, peress li l-komunikazzjoni lill-pubbliku f’dik il-kawża ħadet il-forma ta’ xandir illegali li ma kienx awtorizzat mid-detentur tad-dritt. Xorta jibqa’ l-fatt li ż-żewġ kawżi jinvolvu l-att ta’ riproduzzjoni minn persuna fiżika tal-kontenut protett bid-drittijiet tal-awtur fuq “mezz”. Għalhekk huwa ċar mis-sentenza VCAST (u, tabilħaqq, mill-ġurisprudenza preċedenti) li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà impliċitament aċċettat li din il-ġurisprudenza u l-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva 2001/29 japplikaw għal tali riproduzzjonijiet ta’ kontenut protett bid-drittijiet tal-awtur fuq il-cloud (32). Għal darba oħra, wieħed ma jistax jinjora l-fatt li f’dawn l-istanzi fejn Stat Membru japplika l-għażla fl-Artikolu 5(2)(b), allura l-att ta’ riproduzzjoni minn persuna fiżika għall-għanijiet privati tagħha ma huwiex illegali (33), ħlief li f’dan il-każ ikollu jitħallas kumpens ġust.

40.      Il-fornitur ta’ tali apparat ta’ riproduzzjoni jew servizzi tal-ikkopjar ma jistax, madankollu, iqiegħed għad-dispożizzjoni kontenut protett bid-drittijiet tal-awtur mingħajr l-awtorizzazzjoni tad-detentur tad-dritt. L-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva 2001/29 għalhekk jimplika li mill-kumplament id-detentur tad-dritt ma huwiex prekluż mid-dritt tiegħu li jipprojbixxi jew jawtorizza l-aċċess għall-kontenut protett li persuni fiżiċi jistgħu jkunu jixtiequ jikkopjaw għal użu privat skont id-dispożizzjonijiet tiegħu (34). Fil-fatt, fis-sentenza tagħha tal‑10 ta’ April 2014, ACI Adam et (C‑435/12, EU:C:2014:254, punt 41), il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li l-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva 2001/29 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jkoprix il-każ ta’ kopji privati magħmula minn sors illegali (35).

41.      Skont l-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva 2001/29, l-eċċezzjoni jew limitazzjoni previsti fih huma relatati esklużivament mad-drittt ta’ riproduzzjoni previst fl-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva (36). Dawn ma jestendux, inter alia, għad-dritt ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku ta’ xogħlijiet u d-dritt tad-disponibbiltà lill-pubbliku ta’ suġġetti oħra msemmija fl-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva.

42.      Mill-fatti fis-sentenza VCAST huwa ċar li f’din il-kawża l-fornitur ta’ aċċess għall-internet kien ipprovda żewġ servizzi li kienu jikkonsistu fir-riproduzzjoni u t-tqegħid għad-dispożizzjoni tax-xogħlijiet u s-suġġett inkwistjoni li sussegwentement ġew issejvjati fuq spazju għall-ħażna ta’ data fuq cloud li nxtara mill-utent minn fornitur ieħor (37). Kif diġà indikajt, ma hemm ebda indikazzjoni fil-fatti ppreżentati mill-qorti tar-rinviju li Strato pprovdiet xi servizzi lil persuni fiżiċi għall-użu privat minbarra l-kapaċità ta’ ħażna fuq il-cloud.

43.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti nikkunsidra li t-termini “riproduzzjonijiet ta’ kull mezz” fl-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva 2001/29 jinkludu riproduzzjoni bbażata fuq servizzi ta’ cloud computing ipprovduti minn terzi.

B.      It-tieni domanda

44.      Fid-dawl tal-konklużjoni tiegħi dwar l-ewwel domanda magħmula, huwa neċessarju li tingħata risposta għat-tieni domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju. Permezz ta’ din id-domanda, il-qorti tar-rinviju, essenzjalment, tfittex li tikkonstata jekk l-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva 2001/29 jeħtieġx li leġiżlazzjoni nazzjonali dwar l-ikkopjar privat bħall-paragrafu 42b(1) tal-UrhG tipprevedi ħlas ta’ kumpens ġust lid-detenturi tad-dritt fir-rigward tal-kapaċità ta’ ħażna fuq il-cloud magħmula disponibbli minn terzi lil persuni fiżiċi għall-użu privat. Din id-domanda saret fid-dawl tal-fatt li l-paragrafu 42b(1) tal-UrhG ma jipprovdix għall-ħlas ta’ imposti fir-rigward ta’ servizzi ta’ cloud. Madankollu din id-dispożizzjoni tipprovdi imposti fir-rigward ta’ firxa ta’ mezzi.

45.      F’dan ir-rigward għandu jitfakkar li Strato ddikjarat quddiem il-qorti tar-rinviju li hija “diġà ħallset indirettament il-miżata tad-drittijiet tal-awtur għas-servers tagħha fil-Ġermanja (bħala parti mill-prezz impost mill-manifattur/importatur), u li l-utenti (Awstrijaċi) wkoll diġà ħallsu miżata tad-drittijiet tal-awtur għall-apparat li mingħajru l-kontenut lanqas biss jista’ jittella’ fuq il-cloud fl-ewwel lok. L-impożizzjoni ta’ miżata oħra bħala remunerazzjoni għall-isfruttament tad-dritt ta’ riproduzzjoni fuq mezz ta’ ħażna, għal ħażna fuq il-cloud, ikollha l-effett li jiġi rduppjat jew anki ttriplikat l-obbligu li titħallas miżata”.

1.      Argumenti

46.      Austro-Mechana tikkunsidra li riproduzzjonijiet fuq il-cloud jikkawżaw ħsara lid-detenturi tad-dritt b’mod simili għad-distribuzzjoni ta’ mezzi ta’ rrekordjar jew apparat ta’ riproduzzjoni jew għall-provvista ta’ servizzi ta’ riproduzzjoni u għalhekk għandhom ikunu suġġetti għal kumpens ġust. Għalhekk hija tikkunsidra li l-punt 42b(1) tal-UrhG għandu jiġi interpretat konformement mal-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva 2001/29 fis-sens li l-kumpens ġust previst fih huwa dovut fir-rigward tal-provvista ta’ servizzi għar-riproduzzjoni fuq il-cloud.

47.      Strato tikkunsidra li servizzi ta’ cloud computing kienu speċifikament esklużi mill-paragrafu 42b(1) tal-UrhG mil-leġiżlatur Awstrijak sabiex jiġi evitat il-ħlas ta’ imposti doppji jew saħansitra tripli. F’dan ir-rigward, hija tinnota li sabiex japprofitta mis-servizzi ta’ cloud computing, il-materjal protett għandu jkun fuq mezz ta’ ħażna qabel ma jista’ jiġi mtella’ fuq il-cloud. Skont id-dritt Awstrijak, għandha titħallas imposta tad-dritt tal-awtur għall-mezz ta’ ħażna – mowbajl, kompjuter, tablet – li permezz tiegħu ssir il-kopja privata. Barra minn hekk, skont Strato, l-utent iħallas tariffa sabiex jaċċedi l-oriġinal. Barra minn hekk, Strato ssostni li l-utent ma jistax jagħmel wisq bis-sempliċi rrekordjar innifsu tal-kopja privata fuq il-cloud. L-utent privat pjuttost juża l-cloud sabiex jikkonsulta l-kontenut imniżżel fuq xi tagħmir terminali ieħor jew biex jissejvah fuqu. Madankollu, tali tagħmir ikollu l-mezz ta’ ħażna tiegħu li huwa suġġett għal imposta. Għalhekk, skont Strato, min-naħa tal-utent biss, id-detenturi tad-dritt għandhom sa tliet sorsi ta’ dħul: l-ewwel, l-akkwist inizjali tax-xogħol, it-tieni, il-ħażna fuq it-tagħmir terminali użat sabiex dan jittella’, li huwa suġġett għal imposta, u t-tielet, il-ħażna fuq it-tagħmir terminali użat għat-tniżżil, li huwa wkoll suġġett għal imposta. Strato tikkunsidra wkoll, b’analoġija mas-sentenza tas‑27 ta’ Ġunju 2013, VG Wort et (C‑457/11 sa C‑460/11, EU:C:2013:426, punt 78), li fejn tintuża sensiela ta’ apparati għall-ħolqien ta’ kopja privata, ir-rekwiżit tal-kumpens ġust jista’ jiġi impost fuq apparat wieħed f’din is-sensiela.

48.      Il-Gvern Awstrijak jikkunsidra li server li permezz tiegħu jiġu offruti servizzi ta’ cloud computing lil persuni privati jikkostitwixxi mezz ta’ rrekordjar li fir-rigward tiegħu l-produttur jew importatur huwa obbligat iħallas remunerazzjoni. Din ir-remunerazzjoni hija mgħoddija lill-fornitur tas-servizzi ta’ cloud computing. Talba addizzjonali għal remunerazzjoni kontra l-fornitur tas-servizz cloud għalhekk ma tkunx neċessarja u tgħaddi mir-riskju li tirriżulta f’kumpens żejjed.

49.      Il-Gvern Daniż jikkunsidra li servizzi ta’ cloud computing ma jistgħux jiġu ekwiparati mat-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ tagħmir ta’ riproduzzjoni diġitali, apparati u mezzi lil persuni privati jew il-provvista lilhom ta’ servizz ta’ riproduzzjoni. Huwa għaldaqstant jikkunsidra li s-sentenza Padawan li tapplika għal mezz ta’ ħażna fiżika bħal CDs u DVDs u li jippreċedi żmien il-cloud computing ma hijiex trasponibbli għall-fatti f’din il-kawża. Skont il-Gvern Daniż, il-cloud computing ma huwiex neċessarju għal persuni fiżiċi biex jakkwistaw kopji privati. Servizz ta’ cloud computing huwa biss spazju għall-ħażna diġitali għal kontenut diġitali, u l-kontenut maħżun b’dan il-mod jista’ jiġi aċċessat biss minn persuni privati permezz tat-tip ta’ mezz ta’ ħażna li jintuża sabiex isseħħ il-ħażna fl-ewwel lok, b’mod partikolari smartphones jew kompjuters. Għalhekk huma dawn il-mezzi ta’ ħażna – u mhux is-servizz ta’ cloud computing – li huma l-prekundizzjoni neċessarja għal individwi biex jiksbu pussess ta’ kopja privata. Għaldaqstant ma jidhirx li sistema li fiha s-servizzi ta’ cloud computing huma suġġetti għal imposta hija konformi mar-rekwiżit ta’ “bilanċ ġust” li jinsab fil-premessa 31 tad-Direttiva 2001/29. Il-Gvern Daniż jikkunsidra li jista’ jkun hemm riskju mhux negliġibbli ta’ kumpens żejjed, li jikkonsisti fil-ħlas ta’ diversi drabi għall-istess kopja privata. Dan jista’ jseħħ b’mod partikolari f’każijiet fejn jitħallsu żewġ imposti għall-mezz ta’ ħażna li fuqu ssir il-kopja u għas-servizz sussegwenti li jikkonsisti fil-ħażna tagħha (pereżempju, servizz ta’ cloud computing).

50.      Il-Gvern Franċiż jinnota li s-servers użati minn fornituri ta’ servizz, anki jekk suġġetti għall-ħlas ta’ imposta għal kopja privata, ma humiex neċessarjament introdotti u akkwistati fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat mill-ikkoppjar privat. Għaldaqstant, il-fatt li ma jistax jiġi eskluż kumpens doppju ma għandux iwassal għall-esklużjoni tal-possibbiltà ta’ Stat Membru li jagħmel lil fornituri ta’ servizzi ta’ ħażna fuq cloud li jipprovdu servizzi lil utenti residenti fit-territorju tagħhom suġġetti għall-imposti. Inkella l-kumpens effettiv għat-telf li jirrżulta minn kopji privati magħmula f’dan il-kuntest ikun ineżistenti (38). Fi kwalunkwe każ, l-imposti għal kopji privati mħallsa fl-Istat Membru kkonċernat fuq l-apparati neċessarji sabiex jittella’ l-kontenut minn servizz tal-cloud ma jikkostitwixxux ħlas doppju fir-rigward tar-remunerazzjoni li għandha titħallas mill-operatur ta’ dan is-servizz. Riproduzzjonijiet magħmula fuq dawn l-apparati li jagħtu lok għall-imposta għal kopja privata jikkostitwixxu atti ta’ kkopjar privat li huma differenti minn dawk magħmula fuq is-servizz tal-cloud. Kull wieħed minn dawn l-atti ta’ riproduzzjoni jagħti lok għal ħsara differenti fl-Istat Membru kkonċernat u jeħtieġ il-ħlas ta’ kumpens ġust.

2.      Is-sentenza Padawan

51.      Peress li l-kwistjoni kollha ta’ kkopjar privat u kumpens ġust ġiet ikkunsidrata għall-ewwel darba mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Padawan, x’aktarx ikun konvenjenti li din id-deċiżjoni tiġi kkunsidrata fi ftit dettall.

52.      F’din il-kawża aġenzija Spanjola ta’ ġestjoni kollettiva tad-drittijiet tal-awtur fittxet li tirkupra dik li ġiet deskritta bħala imposta fuq l-ikkopjar privat prevista mid-dritt Spanjol minn entità li kienet tikkummerċjalizza CDs, DVDs kif ukoll apparati MP3. Saret oġġezzjoni għal dan minħabba li l‑applikazzjoni ta’ din l-imposta għal dawn il‑mezzi diġitali, mingħajr distinzjoni u indipendentement mill‑funzjoni li għaliha huma intiżi, hija inkompatibbli mad‑Direttiva 2001/29.

53.      Il-Qorti tal-Ġustizzja l-ewwel osservat li l-ikkopjar “minn persuna fiżika li taġixxi b’mod privat għandu jiġi kkunsidrat bħala att ta’ natura li joħloq ħsara lill‑awtur tax‑xogħol ikkonċernat” (39). Filwaqt li rrikonoxxiet li bħala prinċipju hija din il‑persuna li għandha tagħmel tajjeb “għall‑ħsara marbuta ma’ din ir‑riproduzzjoni, billi tiffinanzja l‑kumpens li għandu jitħallas lil dan id‑detentur” (40), hija wkoll ġibdet l-attenzjoni għad-diffikultajiet prattiċi kunsiderevoli fl-identifikazzjoni tal-ksur minn utenti privati, flimkien mal-fatt li l-ħsara kkawżata minn tali ksur individwali tista’ sempliċement tkun de minimis u għalhekk ma tirriżultax f’obbligu ta’ ħlas.

54.      Il-Qorti tal-Ġustizzja mbagħad iddikjarat li “huwa possibbli għall‑Istati Membri li jistabbilixxu, għall‑finijiet tal‑finanzjament tal‑kumpens ġust, ‘sistema ta’ ħlas għal kopja privata’ li għandhom iħallsuha mhux il‑persuni privati kkonċernati, imma dawk li jkollhom apparat, tagħmir u mezzi ta’ riproduzzjoni diġitali u li, għalhekk, fid‑dritt jew fil‑fatt, ipoġġu dan it‑tagħmir għad‑dispożizzjoni tal‑persuni privati jew jagħtu lil dawn tal‑aħħar servizz ta’ riproduzzjoni. Fil‑kuntest ta’ tali sistema, huma l‑persuni li għandhom dan l‑apparat li għandhom jagħmlu l‑ħlas għal kopja privata. Ċertament, f’tali sistema, kuntrarjament għal dak li jidher li teħtieġ il‑premessa 31 tad‑Direttiva 2001/29, ma humiex l‑utenti tal‑oġġetti protetti li huma l‑persuni responsabbli għall‑ħlas tal‑finanzjament tal‑kumpens ġust. Madankollu, għandu jiġi osservat li, minn naħa, l‑attività tal‑persuni responsabbli għall‑ħlas ta’ dan il‑finanzjament, jiġifieri it‑tqegħid għad‑dispożizzjoni tal‑utenti privati ta’ apparat, tagħmir u mezzi ta’ riproduzzjoni, jew is‑servizz ta’ riproduzzjoni li jagħtu, tikkostitwixxi l‑premessa fattwali neċessarja sabiex il‑persuni fiżiċi jkunu jistgħu jiksbu kopji privati. Min‑naħa l‑oħra, xejn ma jipprekludi lil dawn il‑persuni responsabbli għall‑ħlas milli jinkludu l‑ammont tal‑ħlas għal kopja privata fil‑prezz ta’ tqegħid għad‑dispożizzjoni tal‑imsemmi apparat, tagħmir u mezzi ta’ riproduzzjoni jew fil‑prezz tas‑servizz ta’ riproduzzjoni mogħti. Għalhekk, il‑ħlas fil‑fatt isir mill‑utent privat li jħallas dan il‑prezz. F’dawn iċ-ċirkustanzi, l‑utent privat li għandu għad‑dispożizzjoni tiegħu dan l‑apparat, tagħmir u mezzi ta’ riproduzzjoni diġitali jew li jgawdi minn servizz ta’ riproduzzjoni, fil‑verità, għandu jiġi kkunsidrat bħala l‑‘persuna indirettament responsabbli għall‑ħlas’ tal‑kumpens ġust” (41).

55.      Il-Qorti tal-Ġustizzja mbagħad ikkonkludiet li peress li s-sistema ta’ imposta tippermetti lill-persuna responsabbli għall-ħlas tal-kumpens lill-kumpanniji ta’ ġestjoni kollettiva li jaġixxu f’isem id-detentur tad-dritt biex tirkupra din l-ispiża minn utenti privati mal-bejgħ ta’, pereżempju, tagħmir ta’ rrekordjar, tali sistema għandha tiġi kkunsidrata bħala konformi, bħala prinċipju, mal-bilanċ ġust meħtieġ bejn l-interessi tad-detentur tad-dritt u oħrajn (42).

56.      Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li kien hemm rabta neċessarja bejn l-applikazzjoni tal-imposta fuq konsumaturi privati u l-possibbiltà ta’ ħsara li tista’ tiġi kkawżata lid-detenturi tad-dritt bl-ikkopjar privat. Peress li dawn il-konsumaturi huma preżunti li jibbenefikaw minn u “jisfruttaw il‑funzjonijiet kollha assoċjati mal‑imsemmi apparat, inkluża l-funzjoni ta’ riproduzzjoni”, isegwi li l-fatt li dan it-tagħmir jew dan l-apparat huwa kapaċi jagħmel kopji “huwa biżżejjed sabiex jiġġustifika l‑applikazzjoni tas‑sistema ta’ ħlas għal kopja privata, bil‑kundizzjoni li l‑imsemmija apparat jew tagħmir ikun tqiegħed għad‑dispożizzjoni tal‑persuni fiżiċi bħala utenti privati” (43).

3.      Analiżi

57.      Bħalma ġie rrilevat, l-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva 2001/29 jipprovdi li l-Istati Membri li jagħżlu li jistabbilixxu l-eċċezzjoni tal-“użu privat” huma obbligati jiżguraw, fil-qafas tal-kompetenzi tagħhom, il-ġbir effettiv tal-kumpens ġust intiż biex jikkumpensa d-detenturi ta’ dritt (44). Peress li l-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva 2001/29 huwa fakultattiv u ma jipprovdi ebda dettalji ulterjuri dwar il-parametri differenti tal-iskema ta’ kumpens ġust li jeħtieġ li tiġi stabbilita, huwa ċar li l-Istati Membri neċessarjament igawdu minn diskrezzjoni wiesgħa fir-rigward tal-parametri tad-dritt nazzjonali tagħhom (45). L-Istati Membri jistgħu għalhekk jiddeterminaw il-persuni li għandhom iħallsu dan il-kumpens ġust (46), u jiddeterminaw il-forma, l-arranġamenti ddettaljati u l-livell tagħhom, konformement mad-Direttiva 2001/29 u, b’mod iktar ġenerali, mad-dritt tal-Unjoni, anki jekk, bħalma l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet, il-kwistjoni tal-kumpens ġust hija fiha nnifisha terminu awtonomu tad-dritt tal-Unjoni (47). Kif jirriżulta mill-premessi 35 u 38 tad-Direttiva 2001/29, l-Artikolu 5(2)(b) tagħha jirrifletti r-rieda tal-leġiżlatur tal-Unjoni li jistabbilixxi sistema speċifika ta’ kumpens li l-implimentazzjoni tagħha tiskatta bil-preżunzjoni konfutabbli f’ċerti ċirkustanzi tal-eżistenza ta’ dannu kkawżat lid-detenturi ta’ dritt, li jagħti lok, bħala prinċipju, għall-obbligu li dawn tal-aħħar jiġu kkumpensati (48).

58.      Minħabba li l-potenzjal tal-ikkopjar – partikolarment fl-ambjent diġitali – huwa preżenti u huwa mifrux kullimkien, il-leġiżlatur tal-Unjoni introduċa l-eċċezzjoni ta’ kkopjar privat fl-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva 2001/29 bħala mezz biex jiġi żgurat li d-detenturi tad-dritt ma jsofrux indebitament mill-ħsara (49) kkawżata minn tali kkopjar (50). Meta l-Istati Membri jagħżlu li jimplimentaw l-eċċezzjoni ta’ kkopjar privat prevista fl-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva 2001/29 fid-dritt nazzjonali tagħhom, dawn huma meħtieġa, b’mod partikolari, li jipprovdu għall-ħlas ta’ kumpens ġust lid-detentur tad-dritt.

59.      Il-kumpens ġust huwa kumpens li ma jikkumpensax iżżejjed jew mhux biżżejjed (51) lid-detenturi tad-dritt għall-ħsara kkawżata mill-ikkopjar privat. F’dan ir-rigward għandu jiġi nnotat li r-rekwiżit ta’ kumpens ġust fir-rigward ta’ tali kkopjar stabbilit fl-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva 2001/29 huwa min-natura tiegħu korrispettiv għal jew approssimazzjoni tal-ħsara kkawżata lid-detenturi tad-dritt. Minħabba n-natura privata ta’ tali kkopjar, ladarba huwa diffiċli – tabilħaqq, prattikament impossibbli – li jiġi rregolat jew maqbud, il-Qorti tal-Ġustizzja għalhekk ippermettiet lill-Istati Membri jadottaw fi ħdan il-marġni ta’ diskrezzjoni tagħhom ċerti preżunzjonijiet konfutabbli fir-rigward tal-ikkopjar privat (52).

60.      Bħalma l-Qorti tal-Ġustizzja nnotat fil-punt 51 tas-sentenza tal‑11 ta’ Lulju 2013, Amazon.com International Sales et (C‑521/11, EU:C:2013:515), is-sistemi ta’ remunerazzjoni għal kopji privati fil-preżent huma neċessarjament impreċiżi fir-rigward tal-parti l-kbira tal-mezzi ta’ rrekordjar, peress li huwa impossibbli fil-prattika li jiġi ddeterminat liema xogħol ġie riprodott minn liema utent u fuq liema mezz (53). Il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat fir-rigward ta’ tagħmir, apparat u mezzi ta’ riproduzzjoni diġitali li huwa mifhum li l-ammont ta’ tali imposta ffissata minn qabel ma tistax tiġi ffissata fuq il-bażi tal-kriterju tad-dannu effettiv imġarrab, peress li l-portata tiegħu tibqa’ mhux magħrufa, fl-istadju tat-tqiegħed fiċ-ċirkulazzjoni tal-apparati kkonċernati fit-territorju nazzjonali. Għaldaqstant, din l-imposta għandha tkun neċessarjament stabbilita bħala somma f’daqqa (54).

61.      Il-permessa 35 tad-Direttiva 2001/49 tagħmilha ċara wkoll li fil-każijiet fejn id-detenturi tad-dritt ikunu diġà rċevew ħlas “f’xi forma jew oħra, per eżempju bħala parti minn ħlas ta’ liċenzja”, ebda ħlas speċifiku jew separat ma jkollu jitħallas (55). Għalhekk jista’ jkun hemm istanzi, bħalma tagħmilha ċara l-premessa 35 tad-Direttiva 2001/29, fejn “il-preġudizzju għad-detentur tad-drittijiet ikun minimu, ma jista’ jkun hemm l-ebda obbligu għal ħlas”. Ninnota wkoll li skont l-Artikolu 6 tad-Direttiva 2001/29, kif interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha tal‑5 ta’ Marzu 2015, Copydan Båndkopi (C‑463/12, EU:C:2015:144, punt 72), l-Istat Membru kkonċernat jista’ jagħmel il-livell konkret tal-kumpens dovut lid-detenturi tad-dritt dipendenti fuq l-applikazzjoni jew le ta’ miżuri teknoloġiċi, sabiex dawn tal-aħħar jiġu inkoraġġuti jagħmlu użu minnhom u b’hekk jikkontribwixxu b’mod volontarju għall-applikazzjoni korretta tal-eċċezzjoni għall-ikkopjar għal użu privat.

62.      Barra minn hekk, fil-punt 78 tas-sentenza tas‑27 ta’ Ġunju 2013, VG Wort et (C‑457/11 sa C‑460/11, EU:C:2013:426), il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li “[f]il-każ li r-riproduzzjonijiet inkwistjoni jkunu effettwati permezz ta’ proċess uniku, bl-għajnuna ta’ sensiela ta’ apparati, l-Istati Membri jistgħu wkoll imorru lura għal stadji preċedenti, għal dak tal-ikkuppjar u jistabbilixxu, jekk ikun il-każ, sistema fejn il-kumpens ġust ikun imħallas mill-persuni li jkollhom apparat li jagħmel parti minn din is-sensiela ta’ apparati li jikkontribwixxi għal dan il-proċess b’mod mhux awtonomu sa fejn dawn il-persuni jkollhom il-possibbiltà li jgħaddu l-ħlas fuq il-klijenti tagħhom. Madankollu, l-ammont globali tal-kumpens ġust dovut inkambju tal-preġudizzju subit mid-detenturi ta’ drittijiet wara tali proċess uniku, ma għandux ikun essenzjalment differenti minn dak iffissat għar-riproduzzjoni miksuba permezz ta’ apparat wieħed”.

63.      Sussidjarjament, ma nistax ma naħsibx li l-leġiżlatur tal-Unjoni jista’ b’vantaġġ jikkunsidra mill-ġdid dan l-aspett tal-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva 2001/29 (56). It-terminu “kumpens ġust” tant huwa wiesa’ u miftuħ li ċertu livell ta’ evalwazzjoni suġġettiva huwa inevitabbli. Minbarra l-gwida pprovduta mill-Artikolu 5(5) tad-Direttiva 2001/29 u ċerti premessi ta’ din id-direttiva, b’mod partikolari, il-premessi 31 u 35 tagħha, ftit hemm standards ġuridiċi oħra li jistgħu jiggwidaw b’mod utli lill-qrati nazzjonali jew lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar liema kumpens (jekk xejn, fil-fatt) jista’ jiġi kkunsidrat “ġust” f’dan il-kuntest (57).

64.      F’dan ir-rigward, l-Artikolu 5(5) tad-Direttiva 2001/29 jipprevedi essenzjalment li l-eżenzjoni jew limitazzjoni fl-Artikolu 5(2)(b) ta’ din id-direttiva ma jistgħux imorru kontra l-isfruttament normali (58) tax-xogħol jew suġġett ieħor u ma jippreġudikawx mingħajr raġuni l-interessi leġittimi (59) tad-detentur tad-dritt.

4.      L-applikazzjoni ta’ dawn il-prinċipji għal din il-kawża

65.      Issa, fir-rigward ta’ din il-kawża, huwa neċessarju li jiġi evalwat il-punt sa fejn (jekk xejn) id-detenturi tad-dritt għandhom dritt li jirċievu kumpens (addizzjonali) fir-rigward tal-kapaċità ta’ ħażna fuq il-cloud imqiegħda għad-dispożizzjoni ta’ persuni fiżiċi għal użu privat (60) peress li, bħal f’din il-kawża, il-leġiżlazzjoni nazzjonali jidher li diġà tipprevedi l-ħlas ta’ imposti fir-rigward ta’ firxa wiesgħa ħafna ta’ mezzi speċifikati.

66.      Kull stadju fil-proċess ta’ tlugħ u tniżżil ta’ kontenut protett bid-drittijiet tal-awtur fuq il-cloud minn apparati jew mezzi bħal smartphones jikkostitwixxi riproduzzjoni ta’ dan il-kontenut li hija, bħala prinċipju, fi ksur tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2001/29 sakemm tali riproduzzjoni ma tkunx iġġustifikata minħabba eċċezzjoni jew limitazzjoni konformement mal-Artikolu 5 ta’ din id-direttiva. Peress li l-Artikolu 5(2)(b) u l-Artikolu 5(5) tad-Direttiva 2001/29 ugwalment jimmiraw sabiex jevitaw kemm kumpens mhux biżżejjed u kumpens żejjed tad-detentur tad-dritt u għalhekk li jiksbu bilanċ ġust bejn l-utent privat u d-detentur tad-dritt, il-mistoqsija li tqum hija jekk għandhiex titħallas imposta separata fir-rigward ta’ kull stadju f’din is-sekwenza ta’ kopji, inkluża r-riproduzzjoni/ħażna fuq il-cloud, peress li setgħet diġà ġiet imħallsa imposta adegwata mill-utent fuq apparati u mezzi ta’ ħażna użati minnu fis-sekwenza (61).

67.      Fis-seduta tas‑7 ta’ Lulju 2021, kemm Austro-Mechana u l-Gvern Awstrijak iddikjaraw li fl-Awstrija ma hijiex pagabbli imposta fuq il-kopji privati fuq apparati iżda biss fir-rigward ta’ mezzi ta’ ħażna. Jidher, suġġett għal verifika mill-qorti tar-rinviju, li din id-dikjarazzjoni hija kkonfermata mill-Private Copying Global Study 2020 (62). Madankollu,, għandu jiġi nnotat (63) li skont dan l-istudju huma pagabbli imposti fir-rigward ta’ firxa wiesgħa ħafna ta’ mezzi (64). Għalhekk jidher li imposta tkun pagabbli, inter alia, fuq memorja integrata f’telefoni ċellolari bi playback ta’ mużika u/jew vidjo, memorja integrata f’firxa ta’ komputers u tablets, smartwatches b’memorja integrata, DVDs, stikek USB eċċ. Ebda imposta ma hija pagabbli fir-rigward tal-provvista ta’ kapaċità ta’ ħażna fuq il-cloud (65). Ġie ddikjarat ukoll f’dan l-istudju fir-rigward tal-Awstrija fit-taqsima intitolata “Spjegazzjoni dwar Żviluppi” li “hemm, madankollu, tnaqqis sinjifikattiv fil-bejgħ ta’ mezzi fiżiċi bl-eċċezzjoni tat-telefoni ċellolari. In-nies qegħdin dejjem iktar jistrieħu fuq il-cloud għal kopji privati u/jew servizzi ta’ streaming. Għaldaqstant, imposta għal kopji privati fuq il-cloud hija l-għan strateġiku immedjat ta’ Austro-Mechana”. [traduzzjoni libera]

68.      Għalhekk mill-proċess quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, suġġett għall-verifika mill-qorti tar-rinviju, jidher li l-aġir ta’ kkopjar privat minn persuni fiżiċi (66) qiegħed jevolvi, b’dipendenza ikbar fuq numru limitat ta’ apparati u mezzi ta’ ħażna bħal smartphones u tablets flimkien ma’ servizzi ta’ cloud computing pjuttost milli fuq firxa wiesgħa ta’ apparati u mezzi ta’ ħażna waħedhom. Barra minn hekk, jidher, suġġett għal verifika mill-qorti tar-rinviju, li l-apparati u l-mezzi ta’ ħażna jinsabu fil-mira tal-imposti pjuttost milli s-servizzi ta’ cloud computing.

69.      Id-dritt għal kumpens ġust konformement mal-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva 2001/29 jiġi skattat mill-preżunzjoni konfutabbli f’ċerti ċirkustanzi tal-eżistenza ta’ ħsara kkawżata lid-detenturi tad-dritt u jagħti lok, bħala prinċipju, għall-obbligu mill-utenti li jikkumpensawhom. F’dan ir-rigward, fl-evalwazzjoni tal-ħsara lid-detenturi tad-dritt hemm, b’mod partikolari, preżunzjoni konfutabbli li persuni fiżiċi japprofittaw bis-sħiħ mir-riproduzzjoni u l-kapaċità ta’ ħażna ta’ apparati jew mezzi elettroniċi mqiegħda għad-dispożizzjoni tagħhom (67). Barra minn hekk, huwa preżunt li l-ħsara lid-detentur tad-dritt minħabba kopji privati toriġina fl-Istat Membru li fih huwa residenti l-utent finali (68).

70.      Fil-fehma tiegħi, minħabba n-natura neċessarjament impreċiża ta’ imposti b’somma f’daqqa fuq apparati jew mezzi, għandha tiġi eżerċitata kawtela qabel ma tali imposti b’somma f’daqqa jiġu kkombinati ma’ sistemi ta’ remunerazzjoni oħra jew qabel ma jintrabtu ma’ imposti oħra fir-rigward ta’ servizzi fuq il-cloud mingħajr ma jitwettaq studju empiriku minn qabel dwar il-kwistjoni – u, b’mod partikolari, mingħajr ma jiġi ddeterminat jekk tiġix ikkawżata ħsara addizzjonali lid-detenturi tad-dritt mill-użu konġunt ta’ tali apparati/mezzi u servizzi – peress li dan jista’ jirriżulta f’kumpens żejjed u jtellef il-bilanċ ċar bejn id-detenturi tad-dritt u l-utenti msemmi fil-premessa 31 tad-Direttiva 2001/29.

71.      Jekk ir-riproduzzjoni/ħażna fil-cloud ma titteħidx inkunsiderazzjoni, jista’ jkun hemm riskju li d-detentur tad-dritt jingħata kumpens li ma jkunx biżżejjed għall-ħsara. Madankollu, peress li t-tlugħ u t-tniżżil ta’ kontenut protett bid-drittijiet tal-awtur fuq il-cloud bl-użu ta’ apparati jew mezzi ta’ ħażna jista’ jiġi kklassifikat bħala proċess uniku għall-għanijiet ta’ kkopjar privat, huma l-Istati Membri fid-dawl tad-diskrezzjoni wiesgħa li jgawdu li għandhom jistabbilixxu, fejn xieraq, sistema li fiha jingħata kumpens ġust biss fir-rigward ta’ apparati jew mezzi ta’ ħażna li jifformaw parti neċessarja minn dan il-proċess suġġett għall-kundizzjoni li dan jirrifletti l-ħsara kkawżata lid-detentur tad-dritt mill-proċess inkwistjoni.

72.      Fil-qosor, għalhekk, ma humiex pagabbli imposta jew miżata separata fir-rigward tar-riproduzzjoni minn persuna fiżika għall-għanijiet personali tagħha bbażata fuq servizzi ta’ cloud computing ipprovduti minn terzi sakemm l-imposti li jitħallsu fir-rigward ta’ apparati/mezzi ta’ ħażna fl-Istat Membru inkwistjoni jirriflettu wkoll il-ħsara kkawżata lid-detentur tad-dritt minn tali riproduzzjoni. Jekk Stat Membru, fil-fatt, jagħżel li jipprovdi sistema ta’ imposti fir-rigward tal-apparati/mezzi ta’ ħażna, il-qorti tar-rinviju bħala prinċipju hija intitolata li tassumi li dan minnu nnifsu jikkostitwixxi “kumpens ġust” fis-sens tal-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva 2001/29, sakemm id-detentur tad-dritt (jew ir-rappreżentant tiegħu) ma jkunx jista’ juri b’mod ċar li tali ħlas ma jkunx adegwat fiċ-ċirkustanzi tal-każ inkwistjoni.

73.      Din l-evalwazzjoni – li teħtieġ esperjenza ekonomika kunsiderevoli u għarfien ta’ firxa ta’ industriji – hija waħda li għandha titwettaq fuq livell nazzjonali mill-qorti tar-rinviju.

VI.    Konklużjoni

74.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domandi magħmula mill-Oberlandesgericht Wien (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Vjenna, l-Awstrija) kif ġej:

It-termini “riproduzzjonijiet ta’ kull mezz” fl-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva 2001/29 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑22 ta’ Mejju 2001 dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ drittijiet ta’ l-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà ta’ l-informazzjoni, jinkludu riproduzzjoni bbażata fuq servizzi ta’ cloud computing ipprovduti minn terz.

Ma humiex pagabbli imposta jew miżata separata fir-rigward tar-riproduzzjoni minn persuna fiżika għall-għanijiet personali tagħha bbażata fuq servizzi ta’ cloud computing ipprovduti minn terzi sakemm l-imposti li jitħallsu fir-rigward ta’ apparati/mezzi ta’ ħażna fl-Istat Membru inkwistjoni jirriflettu wkoll il-ħsara kkawżata lid-detentur tad-dritt minn tali riproduzzjoni. Jekk Stat Membru, fil-fatt, jagħżel li jipprovdi sistema ta’ imposti fir-rigward tal-apparati/mezzi ta’ ħażna, il-qorti tar-rinviju bħala prinċipju hija intitolata li tassumi li dan minnu nnifsu jikkostitwixxi “kumpens ġust” fis-sens tal-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva 2001/29, sakemm id-detentur tad-dritt (jew ir-rappreżentant tiegħu) ma jkunx jista’ juri b’mod ċar li tali ħlas ma jkunx adegwat fiċ-ċirkustanzi tal-każ inkwistjoni.


1      Lingwa oriġinali: l-Ingliż.


2      ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 230.


3      Għal deskrizzjoni ta’ cloud computing, ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Szpunar f’VCAST (C‑265/16, EU:C:2017:649, punti 1 sa 3). L-essenza tal-kunċett ta’ cloud computing ġiet iddefinita min-National Institute of Standards and Technology (l-Istitut Nazzjonali għall-Istandards u t-Teknoloġija) tal-Istati Uniti tal-Amerika (NIST) f’Settembru 2011 bħala “mudell biex jiġi permess aċċess, minn kullimkien, konvenjenti u on-demand min-network għal xirka komuni ta’ riżorsi tal-computing konfigurabbli (e.ż., networks, servers, applikazzjonijiet għall-ħażna, u servizzi) li jistgħu jiġu pprovduti u maħruġa rapidament bi sforz minimu ta’ ġestjoni jew ta’ interazzjoni mal-fornitur tas-servizz. […]” [traduzzjoni libera] Disponibbli fuq https://nvlpubs.nist.gov/nistpubs/Legacy/SP/nistspecialpublication800-145.pdf. L-awturi ta’ din id-definizzjoni nnotaw li l-“cloud computing huwa paradigma li qiegħda tevolvi” [traduzzjoni libera]. Ma jidhirx li hemm definizzjoni ġuridika aċċettata b’mod universali ta’ cloud computing jew ta’ servizzi bbażati fuq cloud. Dan huwa bla dubju minħabba n-natura ubikwa u l-evoluzzjoni rapida ta’ din it-teknoloġija u servizzi relatati. Madankollu nikkunsidra li l-kunċett ta’ “ħażna fuq il-cloud” huwa deskritt b’mod xieraq minn Michael Muchmore & Jill Duffy fl-artikolu tagħhom The Best Cloud Storage and File-Sharing Services for 2021, bħala “ħażna tal-fajls tiegħek xi mkien għajr il-hard drive tal-kompjuter tiegħek, normalment fuq is-servers tal-fornitur. Skont espert tat-teknoloġija: ‘Ma hemm ebda Cloud. Huwa biss il-kompjuter ta’ xi ħadd ieħor.’ Il-fatt li jkollok data fil-cloud jagħtik l-abbiltà li taċċedi dawn il-fajls permezz tal-internet”. Disponibbli fuq https://www.pcmag.com/picks/the-best-cloud-storage-and-file-sharing-services.


4      Sakemm ma tkunx applikabbli waħda mill-eċċezzjonijiet jew limitazzjonijiet oħra stabbiliti fl-Artikolu 5 tad-Direttiva 2001/29.


5      Fil-passat, il-midja popolari kienu oġġetti ta’ ħażna tanġibbli u “vojta” bħal casettes tal-awdjo u tal-vidjo, imbagħad CDs u DVDs u iktar reċentement stikek USB. Apparat bħal kompjuters, smartphones u hard drives esterni jintużaw illum ukoll flimkien ma’ servizzi ta’ ħażna fuq il-cloud computing.


6      9 ta’ April 1936 (BGBI. Nru 111/1936).


7      16 ta’ Awwissu 2018 (BGBI. I 63/2018). Fit-talba tagħha għal deċiżjoni preliminari, il-qorti tar-rinviju ddikjarat li fl-Urheberrechtsgesetznovelle (Emenda għal-Liġi dwar id-Drittijiet tal-Awtur) 1980, BGBI Nru 321/1980, il-leġiżlatur Awstrijak ipprovda dritt għal kumpens xieraq infurzabbli kontra dawk kollha li, matul attività kummerċjali, iqiegħdu fis-suq fi ħdan it-territorju nazzjonali ċerta mezzi intiżi għal riproduzzjoni u ħażna. Sussegwentement din il-leġiżlazzjoni ġiet adattata sabiex issir konformi ma’ bidliet f’ċirkustanzi u mar-rekwiżiti tad-dritt tal-Unjoni, fil-forma tal-Urheberrechts-Novelle (Emenda għal-Leġiżlazzjoni dwar id-Drittijiet tal-Awtur) (iktar ’il quddiem l-“Urh‑Nov”) 2015, BGBI I 99/2015, li, b’mod partikolari, inkludiet il-hard disks tal-kompjuter fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din il-leġiżlazzjoni sa fejn dawn jikkostitwixxu “mezzi ta’ ħażna ta’ kull tip”.


8      Qabel ma ġiet ippreżentata lill-Parlament Awstrijak bħala abbozz ta’ liġi.


9      Ninnota mill-bidu li nikkunsidra li l-ħażna ta’ kontenut protett bid-drittijiet tal-awtur fil-cloud jikkostitwixxi riproduzzjoni ta’ dan il-kontenut. Il-Gvern Daniż iddikjara li “l-ħażna fuq il-cloud tinkiseb billi utent jibgħat, minn mezz ta’ ħażna b’aċċess għall-internet u memorja mibnija fih, bħal smartphone jew kompjuter, il-kontenut magħżul tagħhom biex jiġi maħżun fuq is-server tas-servizz tal-cloud. Billi jagħmel dan, l-utent ikun qiegħed fl-istess ħin jagħmel riproduzzjoni diġitali tal-kontenut magħżul minħabba li l-kontenut issa jiġi maħżun kemm fuq il-mezz ta’ ħażna tal-utent u s-server tas-servizz tal-cloud. Sussegwentement, l-utent jista’ jżomm il-kontenut fuq il-mezz ta’ ħażna tiegħu jew iħassru, pereżempju sabiex jillibera spazju għall-ħażna fuq il-mezz ta’ ħażna tiegħu, sabiex dan jidher biss fuq is-servizz tal-cloud. L-utent jista’ mbagħad jaċċedi l-kontenut fuq is-server tas-servizz tal-cloud minn kwalunkwe apparat li jista’ jikkonnetti mas-servizz tal-cloud, li normalment ikun minn mezz ta’ ħażna tal-utent u sikwit, probabbilment, mill-mezz ta’ ħażna li l-utent oriġinalment uża sabiex jistabbilixxi l-ħażna fuq il-cloud”. Enfasi miżjuda minni.


10      Fis-sentenza tagħha tal‑10 ta’ April 2014, ACI Adam et (C‑435/12, EU:C:2014:254, punt 21), il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li skont it-termini tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2001/29, l-Istati Membri jagħtu lill-awturi d-dritt esklużiv li jawtorizzaw jew jipprojbixxu r-riproduzzjoni diretta jew indiretta, temporanja jew permanenti, b’kull mezz u f’kull forma, kollha jew parti, tax-xogħlijiet tagħhom, u dan, filwaqt li jirriżervaw lil dawn l-Istati Membri l-għażla, bis-saħħa tal-Artikolu 5(2) tal-istess direttiva, li jipprovdu għal eċċezzjonijiet u limitazzjonijiet tal-imsemmi dritt.


11      Sentenza tal‑5 ta’ Marzu 2015, Copydan Båndkopi  (C‑463/12, EU:C:2015:144, punt 20 u l-ġurisprudenza ċċitata).


12      Ara wkoll l-Artikolu 5(5) tad-Direttiva 2001/29.


13      Il-prinċipju ta’ newtralità teknoloġika jirrikjedi li l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2001/29 ma tillimitax l-innovazzjoni u l-progress teknoloġiku. Ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑15 ta’ April 2021, Eutelsat (C‑515/19, EU:C:2021:273, punt 48).


14      Persuni ġuridiċi huma esklużi milli jibbenefikaw minn din l-eċċezzjoni u ma għandhomx dritt jagħmlu kopji privati mingħajr ma jiksbu awtorizzazzjoni minn qabel mingħand id-detenturi ta’ drittijiet fuq ix-xogħlijiet protetti jew materjal ikkonċernat. Il-Qorti tal-Ġustizzja għalhekk iddeċidiet li l-applikazzjoni ta’ imposta għall-ikkopjar privat, b’mod partikolari fir-rigward ta’ tagħmir, ta’ apparat u ta’ mezzi ta’ riproduzzjoni diġitali li jiġu akkwistati minn persuni li ma humiex persuni fiżiċi għal finijiet manifestament differenti minn dawk ta’ tali kkopjar privat, ma hijiex konformi mal-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 2001/29. Sentenza tad‑9 ta’ Ġunju 2016, EGEDA et (C‑470/14, EU:C:2016:418, punti 30 u 31). Madankollu, fis-sentenza tagħha tal‑11 ta’ Lulju 2013, Amazon.com International Sales et (C‑521/11, EU:C:2013:515, punt 37), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva 2001/29 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tapplika mingħajr distinzjoni ħlas għal kopja privata mal-ewwel tqegħid fis-suq fit-territorju nazzjonali tiegħu, għal finijiet kummerċjali u bi ħlas, ta’ mezzi ta’ reġistrazzjoni li jistgħu jservu għar-riproduzzjoni, filwaqt li fl-istess ħin tipprovdi dritt għar-rimbors tal-imposti mħallsa fil-każ fejn l-użu finali ta’ dawn il-mezzi ma jissodisfax il-kriterju previst f’din id-dispożizzjoni, meta, u dan għandu jiġi vverifikat fid-dawl taċ-ċirkustanzi speċifiċi għal kull sistema nazzjonali u tal-limiti imposti mid-Direttiva 2001/29, diffikultajiet prattiċi jiġġustifikaw tali sistema ta’ finanzjament ta’ kumpens ġust u meta dan id-dritt għar-rimbors ikun effettiv u ma jagħmilx ir-restituzzjoni tal-ħlas magħmul eċċessivament diffiċli.


15      Sentenza tal‑21 ta’ Ottubru 2010, Padawan (C‑467/08, EU:C:2010:620, “is-sentenza Padawan”, punt 30).


16      Sentenza tal‑5 ta’ Marzu 2015, Copydan Båndkopi (C‑463/12, EU:C:2015:144, punt 87 u l-ġurisprudenza ċċitata).


17      Sentenza Padawan, punt 45.


18      Ara f’dan is-sens, is-sentenza VCAST, punti 32 sa 34 u l-ġurisprudenza ċċitata. Ara wkoll b’analoġija, is-sentenza tal‑10 ta’ Novembru 2016, Vereniging Openbare Bibliotheken (C‑174/15, EU:C:2016:856, punt 70).


19      Enfasi miżjuda minni.


20      Għandu jiġi nnotat li l-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva 2001/29 ma jagħmel ebda riferiment espress għad-dritt tal-Istati Membri. F’dan ir-rigward, hija ġurisprudenza stabbilita li kemm l‑eżiġenzi tal‑applikazzjoni uniformi tad‑dritt tal‑Unjoni kif ukoll dawk tal‑prinċipju ta’ ugwaljanza jirrikjedu li fejn dispożizzjonijiet tad‑dritt tal‑Unjoni ma jinkludu ebda riferiment espress għad‑dritt tal‑Istati Membri sabiex jiġu ddeterminati s‑sens u l‑portata tagħhom dawn għandhom normalment jiġu interpretati b’mod awtonomu u uniformi fl-Unjoni kollha. Ara b’analoġija, is-sentenza Padawan punti 31 sa 33, dwar il-kunċett ta’ “kumpens ġust” imsemmi fl-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva 2001/29. Jiena għalhekk nikkunsidra li t-termini “riproduzzjonijiet ta’ kull mezz” għandhom jingħataw interpretazzjoni awtonoma u uniformi fl-Unjoni kollha.


21      Ara b’kuntrast, is-sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2019, Nederlands Uitgeversverbond u Groep Algemene Uitgevers (C‑263/18, EU:C:2019:1111, punt 37). F’din il-kawża l-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li ma kienx ċar mill-formulazzjoni, inter alia, tal-Artikolu 4 tad-Direttiva 2001/29 jew ta’ kwalunkwe dispożizzjoni oħra ta’ din id-direttiva jekk il-provvista permezz ta’ tniżżil ta’ ktieb elettroniku għal użu permanenti tikkostitwixxix komunikazzjoni lill-pubbliku skont l-Artikolu 3 tal-imsemmija direttiva, b’mod partikolari tqegħid għad-dispożizzjoni lill-pubbliku ta’ xogħol b’mod li l-individwi jkunu jistgħu jkollhom aċċess għalih minn post u f’mument li huma jagħżlu individwalment, jew att ta’ distribuzzjoni għall-iskopijiet tal-Artikolu 4 ta’ din id-direttiva. Wara li ħadet inkunsiderazzjoni, inter alia, l-għanijiet li jridu jintlaħqu mill-Artikoli 3 u 4 tad-Direttiva 2001/29, it-Trattat tal-WIPO dwar id-Dritt tal-Awtur (iktar ’il quddiem il-“WCT”) f’Genève, fl‑20 ta’ Diċembru 1996, trattat li ġie approvat f’isem il-Komunità Ewropea permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/278/KE, tas‑16 ta’ Marzu 2000 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 33, p. 208), u li daħal fis-seħħ fir-rigward tal-Unjoni fl‑14 ta’ Marzu 2010 (ĠU 2010, L 32, p. 1), u l-istorja leġiżlattiva tad-Direttiva 2001/29, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-provvista lill-pubbliku permezz tat-tniżżil, għal użu permanenti, ta’ ktieb elettroniku huwa kopert mill-kunċett ta’ “komunikazzjoni lill-pubbliku” fis-sens tal-Artikolu 3(1) tal-imsemmija direttiva.


22      Filwaqt li l-eċċezzjoni fl-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva 2001/29 għandha tiġi interpretata restrittivament, it-termini ta’ din id-dispożizzjoni madankollu b’mod ġenerali jirriflettu d-dritt korrispondenti ta’ riproduzzjoni esklużiva li huwa ddefinit b’mod ġenerali u teknoloġikament newtrali fl-Artikolu 2 tad-Direttiva 2001/29. Din id-dispożizzjoni tiddikjara li l-Istati Membri għandhom jipprovdu d-dritt esklużiv ta’ awtorizzazzjoni jew ta’ projbizzjoni ta’ riproduzzjoni diretta jew indiretta, temporanja jew permanenti b’kull mezz u f’kull forma. Ara wkoll l-Artikolu 9(1) tal-Konvenzjoni ta’ Berna għall-Protezzjoni ta’ Xogħlijiet Letterarji u Artistiċi (Att ta’ Pariġi tal‑24 ta’ Lulju 1971), kif emendata fit‑28 ta’ Settembru 1979.


23      Fis-sentenza tagħha tas‑27 ta’ Ġunju 2013, VG Wort et (C‑457/11 sa C‑460/11, EU:C:2013:426, punt 67), il-Qorti tal-Ġustizzja eskludiet mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 5(2)(a) tad-Direttiva 2001/29, kull mezz ta’ riproduzzjoni mhux analoġiku, jiġifieri, b’mod partikolari, diġitali, peress li, sabiex ikun simili għall-karta bħala mezz ta’ riproduzzjoni, sottostrat għandu jkun kapaċi juri rappreżentazzjoni fiżika li tista’ tiġi pperċepita mis-sensi umani. Ara b’kuntrast, is-sentenza tal‑5 ta’ Marzu 2015, Copydan Båndkopi (C‑463/12, EU:C:2015:144, punt 25), li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li t-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ tagħmir, apparati u mezzi ta’ riproduzzjoni diġitali li għandhom funzjoni li jagħmlu l-kopji, għall-persuni fiżiċi inkwantu utenti privati, huwa biżżejjed minnu nnifsu biex jiġġustifika l-applikazzjoni tal-imposta għall-ikkopjar għal użu privat.


24      Il-kliem “mezz […] pjuttost iktar intanġibbli” huma, fil-fatt, intenzjonalment impreċiżi. Anki fil-każ ta’ cloud computing u servizzi ta’ ħażna bbażati fuq il-cloud jew fuq l-internet, id-data inkwistjoni – li tista’ tinkludi kontenut protett bid-drittijiet tal-awtur jew le – finalment tiġi maħżuna f’format diġitali mill-fornitur tas-servizz tal-cloud computing fuq mezzi/sottostrati fiżiċi bħal servers.


25      Enfasi miżjuda minni. Fis-sentenza tagħha tas‑27 ta’ Ġunju 2013, VG Wort et (C‑457/11 sa C‑460/11, EU:C:2013:426, punti 65 u 66), il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li mill-formulazzjoni tal-Artikolu 5(2)(a) tad-Direttiva 2001/29, li speċifikament tagħmel riferiment għall-karta, jirriżulta li mezzi li ma għandhomx kwalitajiet paragunabbli u ekwivalenti għal dawk tal-karta ma jidħlux fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-eċċezzjoni msemmija minn din id-dispożizzjoni. Fil-fatt, kieku kien mod ieħor, l-effettività ta’ din l-eċċezzjoni ma tkunx tista’ tiġi żgurata, b’mod partikolari fid-dawl tal-eċċezzjoni msemmija fl-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva 2001/29, li tirrigwarda “riproduzzjonijiet ta’ kull mezz”. Fil-konklużjonijiet tagħha fil-kawżi magħquda VG Wort (C‑457/11 sa C‑460/11, EU:C:2013:34, punt 39), l-Avukat Ġenerali Sharpston innotat li filwaqt li d-definizzjoni fl-Artikolu 5(2)(a) hija ċċirkoskritta biss f’dak li jirrigwarda l-mod ta’ riproduzzjoni u l-mezz użat, dik fl-Artikolu 5(2)(b) tirreferi esklużivament għall-identità tal-persuna li tkun qiegħda tagħmel ir-riproduzzjoni u l-iskopijiet li għalihom tkun qiegħda tagħmel dan. Għal evalwazzjoni tad-differenza fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 5(2)(a) u l-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva 2001/29, ara wkoll, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Cruz Villalón f’Hewlett-Packard Belgium (C‑572/13, EU:C:2015:389, punti 35 sa 54). Ara wkoll is-sentenza tat‑12 ta’ Novembru 2015, Hewlett-Packard Belgium (C‑572/13, EU:C:2015:750, punti 28 sa 43) dwar is-sovrappożizzjoni bejn il-kuntesti rispettivi tal-Artikolu 5(2)(a) u (b) tad-Direttiva 2001/29.


26      Ara l-premessa 5 tad-Direttiva 2001/29.


27      Il-premessa 31 tad-Direttiva 2001/29 speċifikament tagħmel riferiment għall-fatt li l-eċċezzjonijiet u limitazzjonijiet eżistenti għad-drittijiet kif stabbiliti mill-Istati Membri għandhom jiġu evalwati mill-ġdid fid-dawl tal-ambjent elettroniku ġdid. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha tal‑4 ta’ Ottubru 2011, Football Association Premier League et (C‑403/08 u C‑429/08, EU:C:2011:631, punti 161 sa 164) iddikjarat fir-rigward tal-eċċezzjoni mandatorja għad-dritt ta’ riproduzzjoni previst fl-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2001/29 li l-interpretazzjoni tal-kundizzjonijiet stabbiliti f’din id-dispożizzjoni għandha tippermetti li tiġi ssalvagwardjata l-effettività tal-eċċezzjoni hekk stabbilita u għandha tippermetti l-osservanza tal-għan tal-eċċezzjoni kif jirriżulta b’mod partikolari mill-premessa 31 ta’ din id-direttiva. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat ulterjorment li “[b]’mod konformi mal-għan tagħha, din l-eċċezzjoni għandha għalhekk tippermetti u tiżgura l-iżvilupp u l-funzjonament ta’ teknoloġiji ġodda, kif ukoll iżżomm bilanċ ġust bejn id-drittijiet u l-interessi tal-proprjetarji ta’ drittijiet, minn naħa, u l-utenti ta’ xogħlijiet protetti li jkunu jixtiequ jibbenefikaw minn dawn it-teknoloġiji ġodda, min-naħa l-oħra”. Ara wkoll, is-sentenza tal‑5 ta’ Ġunju 2014, Public Relations Consultants Association (C‑360/13, EU:C:2014:1195, punt 24). Ma nara ebda raġuni għalfejn għandi nitbiegħed minn dan l-approċċ f’din il-kawża minkejja n-natura fakultattiva tal-eċċezzjoni inkluża fl-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva 2001/29 u r-rekwiżit li l-kamp ta’ applikazzjoni tagħha jiġi interpretat ristrettivament.


28      Ara l-punt 35 tas-sentenza VCAST u l-ġurisprudenza ċċitata.


29      Fis-sentenza tal‑5 ta’ Marzu 2015, Copydan Båndkopi  (C‑463/12, EU:C:2015:144, punt 86), il-Qorti tal-Ġustizzja nnotat li l-formulazzjoni tal-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva 2001/29 b’ebda mod ma tispeċifika l-karatteristiċi tal-mezzi li permezz tagħhom jew bl-għajnuna tagħhom jitwettaq l-ikkopjar għal użu privat. B’mod partikolari, din id-dispożizzjoni ma tinkludi ebda riferiment għan-natura ġuridika tar-rabta, bħad-dritt għall-proprjetà, li tista’ teżisti bejn il-persuna fiżika, li tagħmel ir-riproduzzjoni għal użu privat, u t-tagħmir użat minnha. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll fil-punt 91 ta’ din is-sentenza li d-Direttiva 2001/29 ma tipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi kumpens ġust għal riproduzzjonijiet ta’ xogħlijiet protetti li jsiru minn persuna fiżika permezz jew bl-għajnuna ta’ tagħmir li jappartjeni lil terzi.


30      Fil-punt 15 tas-sentenza VCAST il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li “fil-prattika, l-utent jagħżel xandira fuq is-sit tal-internet ta’ VCAST, li tinkludi l-organizzazzjoni tal-programmi kollu tal-istazzjonijiet televiżivi inklużi fis-servizz mogħti minn din il-kumpannija. L-utent jista’ jew jindika xandira speċifika, jew ħin. Imbagħad is-sistema ġestita minn VCAST taqbad is-sinjal tat-televiżjoni bl-għajnuna tal-antenni tagħha stess u tirreġistra l-ħin tax-xandira magħżula fuq l-ispazju ta’ ħażna tad-data fis-sħaba indikata mill-utent Dan l-ispazju ta’ ħażna jinxtara minn dan tal-aħħar minn fornitur ieħor”. Enfasi miżjuda minni.


31      Il-Gvern Franċiż innota li individwu privat jista’ jirrekordja l-librerija tal-mużika jew tal-vidjo li huwa jew hija akkwistaw legalment fuq il-cloud, sabiex ikollhom aċċess faċli għaliha, mingħajr ma jkollhom għalfejn jużaw l-appoġġ fiżiku ta’ dawn ix-xogħlijiet.


32      Fil-konklużjonijiet tiegħu f’VCAST (C‑265/16, EU:C:2017:649, punti 23 sa 28), l-Avukat Ġenerali Szpunar ikkunsidra li ma kien hemm xejn x’jindika li l-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva 2001/29 jipprekludi r-riproduzzjoni taħt l-eċċezzjoni prevista f’din id-dispożizzjoni fuq spazju għall-ħażna fuq il-cloud. L-Avukat Ġenerali Szpunar irrikonoxxa li r-riproduzzjonijiet u l-ħażna tagħhom fuq il-cloud jeħtieġu l-intervent ta’ terzi. Huwa kkunsidra, madankollu, li din il-forma ta’ riproduzzjoni ma għandhiex tiġi eskluża mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-eċċezzjoni ta’ kopja privata fl-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva 2001/29 sempliċement minħabba l-intervent ta’ terz li jmur lil hinn mis-sempliċi tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ mezzi jew apparat. Skont l-Avukat Ġenerali Szpunar, sakemm huwa l-utent li jieħu l-inizjattiva tar-riproduzzjoni u li jistabbilixxi l-għan u l-modalitajiet tagħha ma hemmx differenza deċiżiva bejn tali att u r-riproduzzjoni magħmula minn dan l-istess utent bl-għajnuna ta’ apparat ikkontrollat direttament minnu.


33      Sakemm ikollhom aċċess legali għall-kontenut protett mid-drittijiet tal-awtur.


34      Sentenza VCAST, punt 39.


35      Fis-sentenza tagħha tal‑5 ta’ Marzu 2015, Copydan Båndkopi  (C‑463/12, EU:C:2015:144, punt 82), il-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat li l-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva 2001/29 jipprevedi eċċezzjoni għad-dritt esklużiv ta’ detentur li jawtorizza jew jipprojbixxi r-riproduzzjoni tax-xogħol inkwistjoni. Dan jippreżupponi neċessarjament li s-suġġett tar-riproduzzjoni kopert mill-istess dispożizzjoni jkun xogħol protett, mhux iffalsifikat jew ikkoppjat.


36      Ara l-premessa 32 tad-Direttiva 2001/29 li tiddikjara, inter alia, li “[x]i eċċezzjonijiet jew limitazzjonijiet japplikaw biss għad-dritt ta’ riproduzzjoni, fejn hu xieraq”. L-eċċezzjoni tal-ikkopjar privat fl-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva 2001/29 tapplika għar-riproduzzjoni ta’ xogħlijiet, l-iffissar tal-wirjiet, fonogrammi, l-iffissar ta’ films u l-iffissar tax-xandiriet.


37      VCAST għamlet disponibbli lill-klijenti tagħha permezz tal-internet sistema ta’ rrekordjar bil-vidjo, fuq spazju għall-ħażna fi ħdan il-cloud, għal programmi terrestri ta’ organizzazzjonijiet televiżivi Taljani. L-utent kien jagħżel programm jew ħin fuq is-sit internet ta’ VCAST. Imbagħad is-sistema ġestita minn VCAST kienet taqbad is-sinjal televiżiv u tirreġistra l-ħin għall-programm magħżul fuq l-ispazju għall-ħażna tad-data fuq il-cloud indikat mill-utent. Dan l-ispazju għall-ħażna nxtara mill-utent minn fornitur ieħor. Din il-kawża hija għalhekk ġdida peress li VCAST, b’differenza minn Strato, ma kinitx tagħmel il-ħażna tad-data disponibbli hija stess.


38      Il-Gvern Franċiż iċċita s-sentenza tal‑11 ta’ Lulju 2013, Amazon.com International Sales et (C‑521/11, EU:C:2013:515, punti 64 u 65), li għamlet riferiment għall-possibbiltà li persuna li preċedentement ħallset din l-imposta fi Stat Membru li ma għandux kompetenza territorjali titlob il-ħlas lura tagħha skont id-dritt nazzjonali tiegħu.


39      Sentenza Padawan, punt 44.


40      Sentenza Padawan, punt 45.


41      Sentenza Padawan, punt 46 sa 48.


42      Sentenza Padawan, punt 49. It-tfittxija ta’ bilanċ ġust fil-kuntest tad-drittijiet tal-awtur tista’ wkoll turi l-ħtieġa li jiġu rrikonċiljati d-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali żgurati mill-Artikolu 17(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”), il-libertà tal-espressjoni u tal-informazzjoni żgurata mill-Artikolu 11 tal-Karta u tabilħaqq l-interess pubbliku. Ara s-sentenza tad‑9 ta’ Marzu 2021, VG Bild-Kunst  (C‑392/19, EU:C:2021:181, punt 54 u l-ġurisprudenza ċċitata). Ara wkoll għal diskussjoni ġenerali dwar in-natura u l-kumplessitajiet tal-eċċezzjonijiet u limitazzjonijiet li jinsabu fl-Artikolu 5(2) u (3) tad-Direttiva 2001/29, is-sentenza tad‑29 ta’ Lulju 2019, Funke Medien NRW (C‑469/17, EU:C:2019:623, punti 34 sa 54). Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret li l-eċċezzjonijiet previsti fl-Artikolu 5 tad-Direttiva 2001/29 għandhom jiġu applikati billi jiġi osservat il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament stabbilit fl-Artikolu 20 tal-Karta u li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, jirrikjedi li sitwazzjonijiet paragunabbli ma jiġux ittrattati b’mod differenti u li sitwazzjonijiet differenti ma jiġux ittrattati bl-istess mod, sakemm tali trattament ma jkunx oġġettivament iġġustifikat. Sentenza tat‑22 ta’ Settembru 2016, Microsoft Mobile Sales International et (C‑110/15, EU:C:2016:717, punt 44).


43      Sentenza Padawan, punti 55 u 56.


44      Sentenza tad‑9 ta’ Ġunju 2016, EGEDA et (C‑470/14, EU:C:2016:418, punt 21).


45      Il-kamp ta’ applikazzjoni tal-marġni ta’ diskrezzjoni li għandhom l-Istati Membri fir-rigward tat-traspożizzjoni fid-dritt nazzjonali ta’ eċċezzjoni jew ta’ limitazzjoni partikolari prevista fl-Artikolu 5(2) jew (3) tad-Direttiva 2001/29 għandu jiġi ddeterminat każ b’każ, b’mod partikolari konformement mal-formulazzjoni tad-dispożizzjoni inkwistjoni, sa fejn il-livell ta’ armonizzazzjoni tal-eċċezzjonijiet u tal-limitazzjonijiet previst mil-leġiżlatur tal-Unjoni jiddependi mill-impatt tagħhom fuq il-funzjonament tajjeb tas-suq intern, kif iddikjarat fil-premessa 31 tad-Direttiva 2001/29. Sentenza tad‑29 ta’ Lulju 2019, Funke Medien NRW (C‑469/17, EU:C:2019:623, punt 40).


46      Sakemm dan il-kumpens jiġi finalment sostnut mill-utenti privati. Fid-dawl tad-diffikultajiet prattiċi tal-ġbir tal-kumpens ġust minn utenti privati, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Istati Membri jistgħu jiffinanzjaw dan il-kumpens ġust permezz ta’ imposta fuq il-persuni li jqiegħdu t-tagħmir, apparat jew mezzi ta’ riproduzzjoni għad-dispożizzjoni ta’ persuni fiżiċi. Peress li l-ammont tal-imposta għal kopja privata jista’ jgħaddi għal fuq l-utent privat billi jiġi inkluż fil-prezz tat-tqegħid għad-dispożizzjoni tat-tagħmir, apparat u mezzi ta’ riproduzzjoni jew fil-prezz tas-servizz ta’ kkopjar ipprovdut tali sistema hija aċċettabbli inkwantu l-oneru għal tali imposta fl-aħħar mill-aħħar ser jiġi sostnut mill-utenti privati li jħallsu dan il-prezz. B’kuntrast, l-Artiklu 5(2)(b) tad-Direttiva 2001/29 jipprekludi sistema ta’ kumpens ġust għal kopja privata li hija ffinanzjata mill-baġit ġenerali tal-Istat b’tali mod li ma huwiex possibbli li jiġi żgurat li l-ispiża ta’ dan il-kumpens ġust tiġi sostnuta mill-utenti ta’ kopji privati. Ara f’dan is-sens, is-sentenza tad‑9 ta’ Ġunju 2016, EGEDA et (C‑470/14, EU:C:2016:418, punti 33 sa 42).


47      Sentenza Padawan, punt 37.


48      Ara, is-sentenzi tal‑11 ta’ Lulju 2013, Amazon.com International Sales et (C‑521/11, EU:C:2013:515, punt 40) u s-sentenza tat‑22 ta’ Settembru 2016, Microsoft Mobile Sales International et (C‑110/15, EU:C:2016:717, punt 26).


49      L-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva 2001/29 jimponi fuq l-Istat Membru li jkun stabbilixxa l-eċċezzjoni ta’ kkopjar privat fid-dritt nazzjonali tiegħu obbligu li jikseb ċertu riżultat, fis-sens li dan l-Istat għandu jiżgura, fil-qafas tas-setgħat tiegħu, li l-kumpens ġust intiż li jikkumpensa lid-detenturi tad-dritt esklużiv ta’ riproduzzjoni leżi għad-dannu mġarrab, jiġi effettivament irkuprat b’mod partikolari jekk dan id-dannu jkun seħħ fit-territorju tal-imsemmi Stat Membru. F’dan ir-rigward huwa preżunt li l-ħsara lid-detentur tad-dritt minħabba l-ikkopjar privat toriġina fl-Istat Membru li fih huwa residenti l-utent finali. Sentenza tal‑11 ta’ Lulju 2013, Amazon.com International Sales et (C‑521/11, EU:C:2013:515, punti 57 u 58 u l-ġurisprudenza ċċitata).


50      Għandu jitfakkar li l-eċċezzjoni ta’ kopja privata hija applikabbli biss fejn ir-riproduzzjoni għal użu privat issir minn sors legali. Sistema ta’ imposta privata li ma tiddistingwixxix bejn riproduzzjonijiet li jsiru minn sors legali u dawk magħmula minn sors illegali tqieset mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha tal‑10 ta’ April 2014, ACI Adam et (C‑435/12, EU:C:2014:254) li ma tirrispettax il-bilanċ ġust bejn id-detentur tad-dritt u l-utenti.


51      Tali sitwazzjonijiet ma josservawx ir-rekwiżit ta’ “bilanċ ġust” meħtieġ mill-premessa 31 tad-Direttiva 2001/29. Sentenzi tat‑12 ta’ Novembru 2015, Hewlett-Packard Belgium (C‑572/13, EU:C:2015:750, punt 86) u tat‑22 ta’ Settembru 2016, Microsoft Mobile Sales International et (C‑110/15, EU:C:2016:717, punt 51).


52      Sentenza tal‑11 ta’ Lulju 2013, Amazon.com International Sales et (C‑521/11, EU:C:2013:515, punti 41 sa 45 u l-ġurisprudenza ċċitata).


53      Ara wkoll is-sentenza tat‑22 ta’ Settembru 2016, Microsoft Mobile Sales International et (C‑110/15, EU:C:2016:717, punt 35). Għaldaqstant huwa minnu li minn perspettiva purament teoretika l-fatt li titħallas tali imposta ma huwiex sostitut għal evalwazzjoni individwalizzata tal-ħsara lid-detenturi tad-dritt f’kull każ.


54      Sentenza tat‑12 ta’ Novembru 2015, Hewlett-Packard Belgium (C‑572/13, EU:C:2015:750, punti 70 u 71).


55      Fil-konklużjonijiet tiegħu f’Copydan Båndkopi (C‑463/12, EU:C:2014:2001, punti 60 u 61), l-Avukat Ġenerali Cruz Villalón innota li l-premessa 35 tad-Direttiva 2001/29 tistabbilixxi li, “[f]il-każi fejn id-detenturi tad-drittijiet ikunu diġà rċevew pagament f’xi forma jew oħra, per eżempju bħala parti minn ħlas ta’ liċenzja, l-ebda pagament speċifiku jew separat ma jkollu jitħallas”. Huwa kkunsidra li “[m]inn din il-premessa jista’ jiġi dedott li d-Direttiva 2001/29 tiddelega lill-Istati Membri l-kompitu li jiddeċiedu dwar jekk huwiex xieraq li jiġi evitat kull kumpens żejjed, jiġifieri li jiżguraw li l-utenti ma jitqiegħdux f’sitwazzjoni fejn ikollhom iħallsu darbtejn it-tariffa għall-ikkopjar għal użu privat intiża sabiex tiffinanzja l-kumpens ġust, l-ewwel darba mal-akkwist legali fil-kummerċ tal-fajlijiet li jinkludu x-xogħlijiet u t-tieni darba mal-akkwist tal-mezzi ta’ riproduzzjoni, bħalma jidher li jista’ ikun il-każ fil-kawża prinċipali”.


56      Barra minn hekk, il-linji gwida stabbiliti fis-sentenza Padawan, għandhom madankollu jinqraw fil-kuntest u fid-dawl tat-teknoloġija u tad-drawwiet tal-utenti eżistenti fl‑2010 meta ġiet deċiża anki jekk id-deċiżjoni f’din is-sentenza ġiet konsistentement irfinata mill-Qorti tal-Ġustizzja f’kawżi sussegwenti.


57      Il-marġni ta’ diskrezzjoni li għandhom l-Istati Membri fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-eċċezzjonijiet u tal-limitazzjonijiet previsti fl-Artikolu 5(2) u (3) tad-Direttiva 2001/29 huwa għalhekk kunsiderevoli, għalkemm ma jistax jintuża b’mod li jiġu kompromessi l-għanijiet ta’ din id-direttiva li jikkonsistu fl-istabbiliment ta’ livell għoli ta’ protezzjoni favur l-awturi u f’li jiġi żgurat il-funzjonament tajjeb tas-suq intern. Sentenza tad‑29 ta’ Lulju 2019, Funke Medien NRW (C‑469/17, EU:C:2019:623, punt 50 u l-ġurisprudenza ċċitata). Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li mill-premessa 44 tad-Direttiva 2001/29 jirriżulta li l-intenzjoni tal-leġiżlatur tal-Unjoni kienet li jipprevedi li l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ eċċezzjonijiet jew limitazzjonijiet imsemmija f’din id-direttiva jkun jista’ jiġi limitat ulterjorment fir-rigward ta’ ċerti użi ġodda ta’ xogħlijiet jew materjal ieħor protetti bid-drittijiet tal-awtur. Ara s-sentenza tal‑10 ta’ April 2014, ACI Adam et (C‑435/12, EU:C:2014:254, punt 27).


58      Dawn it-termini wkoll ma humiex iddefiniti.


59      Dawn it-termini wkoll ma humiex iddefiniti.


60      U għal għanijiet li la huma direttament u lanqas indirettament kummerċjali.


61      L-eżistenza ta’ tali imposti jidher li tvarja b’mod kunsiderevoli bejn l-Istati Membri peress li huwa possibbli li apparat partikolari (bħal kompjuter personali jew smartphone) jista’ jkun suġġett għal imposta fi Stat Membru wieħed u għal ebda waħda f’ieħor. L-istess jgħodd fir-rigward tal-ammonti ta’ kwalunkwe tali imposta li tista’ tvarja minn Stat Membru għal ieħor. Ara f’dan ir-rigward, Private Copying Global Study 2020. Disponibbli fuq https://www.irma.asso.fr/IMG/pdf/sg20-1067_private_copying_global_study_2020_2020-11-23_en.pdf. Jidher pereżempju minn dan l-istudju li l-Irlanda għandha eżenzjoni għal kopji privati skont l-Artikolu 101 tal-Copyright and Related Rights Act, 2000 (l-Att dwar id-Dritt tal-Awtur u Drittijiet Relatati, 2000) iżda ma hija prevista ebda imposta għal kopji privati.


62      Ara l-paġni 286 sa 296 tal-istudju.


63      Ara l-paġni 286 sa 296 tal-istudju.


64      F’dan ir-rigward, Strato annettiet ukoll mal-osservazzjonijiet tagħha lista tal-imposti ta’ Austro-Mechana fuq mezzi ta’ ħażna mqiegħda fis-suq mill‑1 ta’ Jannar 2018. Ara l-Anness 12.


65      Strato tinnota li bħalissa ebda Stat Membru ma jipprevedi imposta għal ikkopjar privat fir-rigward ta’ servizzi bbażati fuq il-cloud. Il-Gvern Franċiż indika fis-seduta tas‑7 ta’ Lulju 2021, li Franza tipprevedi imposta fir-rigward ta’ servizzi ta’ Rrekordjar ta’ Vidjo Personali Bbażat fuq in-Network.


66      Almenu fl-Awstrija, iżda nissuspetta li fl-Istati Membri kollha.


67      Għandi xi diffikultà b’tali preżunzjonijiet ġaladarba l-emerġenza ta’ servizzi online li jilliċenzjaw kontenut protett bid-drittijiet tal-awtur bħal kotba, mużika, films tista’ tnaqqas b’mod kunsiderevoli l-użu minn persuni fiżiċi ta’ kontenut protett bid-drittijiet tal-awtur bi ksur tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2001/29. Nikkunsidra li l-imposti għandhom jiġu stabbiliti biex jittieħed inkunsiderazzjoni dan il-fenomenu u l-fatt li apparati u mezzi jistgħu jkunu qegħdin jintużaw dejjem iktar sabiex jaħżnu kontenut li sempliċement ma jiksirx id-dritt ta’ riproduzzjoni bħal ritratti privati meħuda minn sid l-apparat.


68      Fir-rigward ta’ dan l-aħħar punt, il-fatt li Strato setgħet ħallset imposti kif tiddikjara li għamlet fuq is-servers tagħha fil-Ġermanja huwa b’mod ġenerali irrilevanti fil-kuntest ta’ dawn il-proċeduri. Jekk huma dovuti xi imposti fir-rigward tal-provvista ta’ servizzi ta’ cloud computing ipprovduti lil persuni fiżiċi residenti fl-Awstrija, dawn huma dovuti fl-Awstrija. Skont is-sentenza tal‑11 ta’ Lulju 2013, Amazon.com International Sales et (C‑521/11, EU:C:2013:515, punt 37), Strato tista’ madankollu titlob rimbors tal-imposti (jew parti minnhom) imħallsa fil-Ġermanja.