Language of document : ECLI:EU:C:2009:475

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

16 ta’ Lulju 2009 (*)

“Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili u kummerċjali – Ġurisdizzjoni u eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet ta’ sentenzi – Regolament (KE) Nru 44/2001 – Kunċett ta’ ‛post fejn l-avveniment dannuż ikun twettaq’”

Fil-Kawża C‑189/08,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-Hoge Raad der Nederlanden (l-Olanda), permezz ta’ deċiżjoni tal-4 ta’ April 2008, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-8 ta’ Mejju 2008, fil-proċedura

Zuid-Chemie BV

vs

Philippo’s Mineralenfabriek NV/SA,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn P. Jann, President tal-Awla, M. Ilešič, A. Tizzano, E. Levits (Relatur) u J.-J. Kasel, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Mazák,

Reġistratur: R. Șereş, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-23 ta’ April 2009

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal Zuid-Chemie BV, minn P. Knijp, advocaat,

–        għal Philippo’s Mineralenfabriek NV/SA, minn M. Polak, advocaat,

–        għall-Gvern Olandiż, minn C. Wissels u M. Noort, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn A.‑M. Rouchaud-Joët u P. van Nuffel, bħala aġenti,

–        wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001, tat-22 ta’ Diċembru 2000, dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 4, p. 42).

2        Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn Zuid-Chemie BV (iktar ’il quddiem “Zuid-Chemie”), impriża li timmanifattura l-fertilizzanti u li għandha s-sede tagħha f’Sas van Gent (l-Olanda), u Philippo’s Mineralenfabriek NV/SA (iktar ’il quddiem “Philippo’s”), stabbilita f’Essen (il-Belġju), dwar il-kunsinna minn din tal-aħħar lil Zuid-Chemie ta’ prodott ikkontaminat użat fil-produzzjoni ta’ fertilizzant.

 Il-kuntest ġuridiku

3        Skont l-Artikolu 2(1) tar-Regolament Nru 44/2001, li jinsab fis-Sezzjoni 1 tal-Kapitolu II tiegħu, bit-titolu “Disposizzjonijiet ġenerali”:

“Bla preġudizzju għal dan ir-Regolament, persuni b’domiċilju fi Stat Membru għandhom, independentament min-nazzjonalità tagħhom, jiġu mfittxija fil-qrati ta’ dak l-Istat Membru”.

4        L-Artikolu 3(1) tal-istess regolament jipprovdi:

“Persuni domiċiljati fi Stat Membru jistgħu jiġi mfittxija fil-qrati ta’ Stat Membru ieħor biss bis-saħħa tar-regoli mniżżla f’Sezzjonijiet 2 sa 7 ta’ dan il-Kapitolu”.

5        L-Artikolu 5 tal-imsemmi regolament, li jinsab fis-Sezzjoni 2 tal-istess Kapitolu II, bit-titolu “Ġurisdizzjoni speċjali”, jipprovdi:

“Persuna domiċiljata fi Stat Membru tista’, fi Stat Membru ieħor, tkun imfittxijja:

[…]

3)      f’materji li għandhom x’jaqsmu ma’ tort, delitt jew kwasi delitt, fil-qrati tal-post fejn l-effett tal-ħsara [l-avveniment dannuż] jkun twettaq jew jista’ jitwettaq;

[…]”

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

6        Zuid-Chemie hija impriża li timmanifattura l-fertilizzanti u xtrat, matul ix-xahar ta’ Lulju tas-sena 2000, żewġ kunsinni ta’ prodott imsejjaħ “micromix” mingħand HCI Chemicals Benelux BV (iktar ’il quddiem “HCI”), impriża stabbilita f’Rotterdam (l-Olanda).

7        HCI, li ma għandhiex il-kapaċità li tipproduċi hija stess il-micromix, ordnatu mingħand Philippo’s u pprovditilha, bl-eċċezzjoni ta’ komponent wieħed, il-materja prima meħtieġa għall-produzzjoni ta’ dan il-prodott. Bi ftehim ma’ HCI, Philippo’s xtrat din il-materja prima li kienet nieqsa, jiġifieri, is-sulfat taż-żingu, mingħand G. J. de Poorter, li topera taħt l-isem Poortershaven, f’Rotterdam.

8        Philippo’s ipproduċiet il-micromix fil-fabbrika tagħha li tinsab fil-Belġju u Zuid-Chemie ġabret il-kunsinna ta’ dan il-prodott minn hemmhekk.

9        Zuid-Chemie ttrasformat l-imsemmi micromix sabiex tipproduċi diversi kunsinni ta’ fertilizzant fil-fabbrika tagħha fl-Olanda u biegħet u bagħtet parti minnu lill-klijenti tagħha.

10      Sussegwentement, irriżulta li l-livell ta’ kadjum fis-sulfat taż-żingu li nxtara mingħand Poortershaven kien għoli wisq, u b’hekk il-fertilizzant ma setax jibqa’ jintuża jew seta’ jintuża f’ammonti żgħar biss, ħaġa li, skont Zuid-Chemie, ikkawżatilha dannu.

11      Fis-17 ta’ Jannar 2003, Zuid-Chemie ħarrket lil Philippo’s quddiem il-Rechtbank Middelburg (l-Olanda), u talbitha tiddikjara lil Philippo’s responsabbli għad-danni li tagħhom hija kienet il-vittma u tikkundanna lil din l-impriża sabiex tħallasha diversi ammonti ta’ flus relattivi għad-dannu li hija tqis li sofriet kif ukoll li tagħtiha kumpens għad-danni flimkien mal-interessi, u l-ispejjeż.

12      B’sentenza tal-10 ta’ Diċembru 2003, il-Rechtbank Middelburg iddikjarat li ma kellhiex ġurisdizzjoni sabiex tisma’ l-kawża li tressqet quddiema għaliex, għall-finijet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 44/2001, il-kunċett tal-“post fejn l-effett tal-ħsara [l-avveniment dannuż] jkun twettaq” ikopri kemm il-post tal-avveniment kawżali (“Handlungsort”) kif ukoll il-post fejn id-dannu inizjali seħħ (“Erfolgsort”). Issa, fir-rigward tal-post fejn seħħ id-dannu, l-imsemmija qorti tqis li d-dannu inizjali sofrut minn Zuid-Chemie seħħ f’Essen għaliex huwa minn dan il-post li din l-impriża ġabret il-kunsinna tal-prodott ikkontaminat.

13      L-ebda waħda mill-partijiet, quddiem il-Gerechtshof te ’s-Gravenhage (Qorti tal-Appell ta’ Den Haag), ma kkontestat il-fatt li Essen huwa l-post tal-avveniment kawżali, peress illi l-micromix ikkontaminat ġie mmanifatturat f’dan il-post. Din il-qorti, fir-rigward tal-post fejn seħħ id-dannu, ikkonfermat is-sentenza tal-qorti tal-ewwel istanza. F’dan ir-rigward, hija qieset li l-element deċiżiv kien l-aġir allegatament kolpuż ta’ Philippo’s u mhux il-fatt li l-micromix ikkontaminat wassal għall-kontaminazzjoni tal-fertilizzant immanifatturat minn Zuid-Chemie fl-Olanda. B’hekk id-dannu (inizjali) subit minn din tal-aħħar seħħ f’Essen, għaliex il-prodott ikkontaminat ingħatalha “ex factory”, jiġifieri kellu jittieħed mill-fabbrika.

14      Zuid-Chemie appellat fuq punt ta’ liġi mis-sentenza tal-Gerechtshof te ’s-Gravenhage quddiem il-qorti tar-rinviju. Din tal-aħħar qieset li d-diskussjoni tirrigwarda l-kunċett tal-“post fejn l-effett tal-ħsara [l-avveniment dannuż] jkun twettaq”, fis-sens tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 44/2001, u li l-interpretazzjoni ta’ dan il-kunċett hija meħtieġa għall-eżitu tal-kawża li ġiet adita biha.

15      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Hoge Raad der Nederlanden iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u tressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari segwenti:

“1)      Fil-każ ta’ ħtija bħal dik li fuqu bbażat il-pretensjoni tagħha Zuid-Chemie, x’dannu għandu jiġi kkunsidrat bħala d-dannu inizjali li jirriżulta minn din il-ħtija: id-dannu li jseħħ minħabba l-kunsinna ta’ prodotti difettużi jew id-dannu li jseħħ minħabba l-użu normali tal-prodott għall-finijiet li għalihom huwa intiż?

2)      Fit-tieni sitwazzjoni, allura l-post fejn dan id-dannu seħħ jista’ jkun ikkunsidrat bħala l-‛post fejn l-effett tal-ħsara [l-avveniment dannuż] jkun twettaq’ skont l-Artikolu 5(3) tar-Regolament [Nru 44/2001] biss jekk id-dannu jikkonsisti f’dannu fiżiku lill-persuni jew oġġetti jew dan huwa possibbli wkoll meta (f’dan l-istadju) ikun seħħ biss dannu finanzjarju?”

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq l-ewwel domanda

16      Bl-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 44/2001 għandux jiġi interpretat fis-sens li fil-kuntest ta’ kawża bħal dik prinċipali, il-frażi “l-post fejn l-effett tal-ħsara [l-avveniment dannuż] jkun twettaq” tirreferi għall-post tal-kunsinna tal-prodott difettuż lix-xerrej jew tirreferi għall-post fejn id-dannu inizjali seħħ minħabba l-użu normali tal-prodott għall-finijiet li għalihom huwa intiż.

17      Sabiex tingħata risposta għal din id-domanda, għandu jiġi mfakkar minn naħa li, skont ġurisprudenza stabbilita, id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 44/2001 għandhom jiġu interpretati b’mod awtonomu, billi ssir referenza għas-sistema u għall-għanijiet tiegħu (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-2 ta’ Ottubru 2008, Hassett u Doherty, C‑372/07, Ġabra p. I-7403, punt 17, kif ukoll tat-23 ta’ April 2009, Draka NK Cables et, C‑167/08, Ġabra p. I-3477, punt 19).

18      Min-naħa l-oħra, sa fejn ir-Regolament Nru 44/2001 issa jissostitwixxi, fir-relazzjonijiet bejn l-Istati Membri, il-Konvenzjoni tas-27 ta’ Settembru 1968 dwar ġurisdizzjoni u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU 1972, L 299, p. 32), hekk kif emendata b’konvenzjonijiet suċċessivi relattivi għall-adeżjoni tal-Istati Membri l-ġodda ma’ din il-konvenzjoni (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Brussell”) l-interpretazzjoni pprovduta mill-Qorti tal-Ġustizzja f’dak li jikkonċerna d-dispożizzjonijeit ta’ din il-konvenzjoni tapplika wkoll għal dawk tal-imsemmi regolament, meta d-dispożizzjonijiet ta’ dawn l-atti leġiżlattivi Komunitarji jistgħu jiġu deskritti bħala ekwivalenti.

19      Issa, id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 44/2001 li huma rilevanti għall-kawża preżenti jirriflettu l-istess struttura bħal dik fil-Konvenzjoni ta’ Brussell u jużaw, barra minn hekk, kważi l-istess kliem. Fid-dawl ta’ din l-ekwivalenza, huwa importanti li tiġi żgurata, b’mod konformi mal-premessa 19 tar-Regolament Nru 44/2001, il-kontinwità fl-interpretazzjoni ta’ dawn iż-żewġ atti leġiżlattivi (ara s-sentenzi Draka NK Cables et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 20, kif ukoll tal-14 ta’ Mejju 2009, Ilsinger, C‑180/06, Ġabra p. I-3961, punt 58).

20      B’hekk, għandu jiġi mfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà kkonstatat, meta interpretat l-Artikolu 5(3) tal-Konvenzjoni ta’ Brussell, li s-sistema ta’ regoli komuni għall-attribuzzjoni tal-ġurisdizzjoni, prevista fit-Titolu II ta’ din il-Konvenzjoni, hija bbażata fuq il-prinċipju, sanċit fl-Artikolu 2(1) tiegħu, li jipprovdi li persuni domiċiljati fit-territorju ta’ Stat Kontraenti għandhom jitħarrku fil-qrati ta’ dak l-Istat, indipendentament min-nazzjonalità tal-partijiet (sentenza tal-10 ta’ Ġunju 2004, Kronhofer, C‑168/02, Ġabra p. I‑6009, punt 12).

21      Huwa biss b’deroga għal dan il-prinċipju fundamentali tal-ġurisdizzjoni tal-qrati tad-domiċilju tal-konvenut li s-Sezzjoni 2 tat-Titolu II tal-Konvenzjoni ta’ Brussell tipprevedi ċertu numru ta’ regoli għal ġurisdizzjoni speċjali, fosthom dik li tinsab fl-Artikolu 5(3) ta’ din il-konvenzjoni (sentenza Kronhofer, iċċitata iktar ’il fuq, punt 13).

22      Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li dawn ir-regoli ta’ ġurisdizzjoni speċjali għandhom jiġu interpretati b’mod restrittiv u ma jistgħux jiġu interpretati b’mod li jmur lil hinn mill-każijiet previsti b’mod espliċitu mill-imsemmija konvenzjoni (ara s-sentenzi tas-27 ta’ Settembru 1988 Kalfelis, 189/87, Ġabra p.5565, punt 19; tal-15 Jannar 2004, Blijdenstein, Ġabra p. I‑981, punt 25 u Kronhofer, iċċitata iktar ’il fuq, punt 14).

23      Madankollu, ġurisprudenza stabbilita tipprovdi li, fil-każ li l-post fejn il-fatt li jista’ jagħti lok għal responsabbiltà minħabba delitt jew kważi-delitt seħħ u l-post fejn dan il-fatt irriżulta f’dannu mhumiex identiċi, il-frażi “post fejn l-effett tal-ħsara [l-avveniment dannuż] jkun twettaq”, li tinsab fl-Artikolu 5(3) tal-Konvenzjoni ta’ Brussell, għandha tinftiehem illi tkopri l-post fejn seħħ id-dannu u l-post fejn seħħ l-avveniment li kkawża d-dannu, b’mod illi l-konvenut ikun jista’ jiġi mħarrek, fuq l-għażla tar-rikorrent, quddiem il-qorti ta’ wieħed jew l-ieħor minn dawn iż-żewġ postijiet (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-30 ta’ Novembru 1976, Bier, magħrufa bħala “Mines de potasse d’Alsace”, 21/76, Ġabra p. 1735, punti 24 u 25, tal-1 ta’ Ottubru 2002, Henkel, C-167/00, Ġabra p. I-8111, punt 44; tal-5 ta’ Frar 2004, DFDS Torline, C-18/02, Ġabra p. I-1417, punt 40, u Kronhofer, iċċitata iktar ’il fuq, punt 16).

24      F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li r-regola ta’ ġurisdizzjoni speċjali, stabbilita fl-Artikolu 5(3) tal-Konvenzjoni ta’ Brussell, hija bbażata fuq l-eżistenza ta’ rabta partikolarment stretta bejn l-ilment u l-qorti tal-post fejn seħħ il-fatt dannuż, u li b’hekk tiġġustifika l-attribuzzjoni tal-ġurisdizzjoni lil din tal-aħħar għal raġunijiet ta’ amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja u l-organizzazzjoni xierqa tal-proċeduri (ara f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenzi Mines de potasse d’Alsace, iċċitata iktar ’il fuq, punt 11; tal-11 ta’ Jannar 1990, Dumez France u Tracoba, C‑220/88, Ġabra p. I-49, punt 17; tas-7 ta’ Marzu 1995, Shevill et, C‑68/93, Ġabra p. I-415, punt 19, kif ukoll tad-19 ta’ Settembru 1995, Marinari, C‑364/93, Ġabra p. I-2719, punt 10). Fil-fatt, il-qorti ta’ fejn seħħ il-fatt dannuż hija normalment fl-aħjar pożizzjoni sabiex taqta’ l-kawża, b’mod partikolari minħabba raġunijiet ta’ prossimità tal-kawża u ta’ faċilità tal-amministrazzjoni tal-provi (ara s-sentenza Henkel, iċċitata iktar ’il fuq, punt 46).

25      Għalkemm, kif ġie rrilevat fil-punt 13 tal-kawża preżenti, huwa paċifiku bejn il-partijiet fil-kawża prinċipali li Essen huwa l-post fejn seħħ l-avveniment kawżali (“Handlungsort”), ma hemmx, bejn dawn tal-aħħar, qbil dwar liema huwa l-post fejn seħħ id-dannu (Erfolgsort).

26      Dan l-aħħar post, skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 23 tas-sentenza preżenti, huwa l-post fejn il-fatt li jista’ jagħti lok għal responsabbiltà minħabba delitt jew kważi-delitt irriżulta f’dannu.

27      Issa, il-post fejn seħħ id-dannu ma għandux jiġi mħawwad ma’ dak fejn seħħ il-fatt li kkawża d-dannu lill-prodott stess, u dan il-post tal-aħħar huwa, fil-fatt, dak fejn l-avveniment kawżali seħħ. Min-naħa l-oħra, il-post tal-“konkretizzazzjoni tad-dannu” (ara s-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq, Mines de potasse d’Alsace, punt 15, kif ukoll Shevill et, punt 21) huwa dak fejn il-fatt jipproduċi l-effetti dannużi tiegħu, jiġifieri dak fejn id-dannu li jirriżulta mill-prodott difettuż jimmanifesta ruħu b’mod konkret.

28      Fil-fatt, għandu jiġi mfakkar li l-ġurisprudenza tagħmel distinzjoni ċara bejn id-dannu u l-fatt li minnu oriġina dan id-dannu, u ddeċidiet f’dan ir-rigward li responsabbiltà għal delitt jew kważi-delitt tista’ titqies biss jekk tista’ tiġi stabbilita rabta kawżali bejn dawn iż-żewġ elementi (ara s-sentenza Mines de potasse d’Alsace, iċċitata iktar ’il fuq, punt 16).

29      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet esposti iktar ’il fuq, il-post fejn id-dannu seħħ jista’ jkun biss il-fabbrika ta’ Zuid-Chemie fl-Olanda, fejn il-micromix, li kien il-prodott difettuż, ġie ttrasformat f’fertilizzant, biex b’hekk ikkawża lil dan tal-aħħar dannu materjali li sofrietu Zuid-Chemie u li jmur lil hinn mid-dannu inerenti għall-micromix innifsu.

30      Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li l-possibbiltà li b’hekk għandha Zuid-Chemie li tadixxi l-qrati Olandiżi tippermetti, b’mod partikolari għar-raġunijiet ipprovduti fil-punt 24 tas-sentenza preżenti, li tkun il-qorti li tinsab fl-aħjar pożizzjoni li taqta’ l-kawża li tagħmel dan, u għalhekk, li r-regola tal-ġurisdizzjoni speċjali stabbilita fl-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 44/2001 tipproduċi l-effett utli tagħha.

31      F’dan ir-rigward, huwa utli li jiġi mfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja qieset, permezz tal-interpretazzjoni tagħha tal-Artikolu 5(3) tal-Konvenzjoni ta’ Brussell fis-sens li din id-dispożizzjoni tirrigwarda mhux biss il-post tal-avveniment kawżali, imma wkoll dak fejn id-dannu seħħ, li l-għażla unika tal-post tal-avveniment kawżali jkollha bħala effett li twassal, f’numru sostanzjali ta’ każijiet, għal konfużjoni bejn il-bażijiet ta’ ġurisdizzjoni pprovduti fl-Artikoli 2 u 5(3) tal-imsemmija Konvenzjoni, b’mod illi din aħħar dispożizzjoni titlef b’hekk l-effettività tagħha (ara s-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Mines de potasse d’Alsace, punti 15 u 20, kif ukoll Shevill et, punt 22). Fil-fatt, din il-kunsiderazzjoni dwar il-konfużjoni bejn il-bażijiet ta’ ġurisdizzjoni tista’ tapplika bl-istess mod fir-rigward tan-nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni, jekk ikun il-każ, ta’ post fejn seħħ id-dannu li huwa differenti minn dak tal-avveniment kawżali.

32      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet li huma esposti iktar ’il fuq, l-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 44/2001 għandu jiġi interpretat fis-sens li fil-kuntest ta’ kawża bħal dik prinċipali, il-frażi “post fejn l-effett tal-ħsara [l-avveniment dannuż] jkun twettaq” tirreferi għall-post fejn id-dannu inizjali seħħ minħabba l-użu normali tal-prodott għall-finijiet li għalihom huwa intiż.

 Fuq it-tieni domanda

33      Fil-każ li r-risposta għall-ewwel domanda tkun li l-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 44/2001 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-frażi “post fejn l-effett tal-ħsara [l-avveniment dannuż] jkun twettaq” tirreferi għall-post fejn id-dannu inizjali seħħ minħabba l-użu normali tal-prodott għall-finijiet li għalihom huwa intiż, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, barra minn hekk, jekk dan id-dannu għandux jikkonsisti f’dannu fiżiku lill-persuni jew lill-oġġetti jew jekk jistax jikkonsisti (f’dan l-istadju) f’dannu purament finanzjarju.

34      F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar, kif diġà ntqal fil-punti 9 u 10 tas-sentenza preżenti, li t-trasformazzjoni li għamlet Zuid-Chemie tal-micromix ikkontaminat fi fertilizzant rendiet il-fertilizzant utilizzabbli f’ammonti żgħar, jew saħansitra inutilizzabbli, ħaġa li, skont Zuid-Chemie, ikkawżatilha dannu.

35      B’hekk, billi d-dannu inizjali li Zuid-Chemie sofriet jikkonsisti f’dannu fiżiku lill-oġġetti, għandu jiġi kkonstatat li l-kwistjoni dwar jekk dannu purament finanzjarju kienx, f’dan l-istadju, ikun biżżejjed sabiex iwassal għall-interpretazzjoni pprovduta fil-punt 32 tas-sentenza preżenti, hija ta’ natura ipotetika.

36      Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet u tar-rwol tal-Qorti tal-Ġustizzja, li mhuwiex dak li tifformula opinjonijiet konsultattivi fuq domandi ġenerali jew ipotetiċi iżda li tikkontribwixxi għall-amministrazzjoni tal-ġustizzja fl-Istati Membri (sentenza tat-18 ta’ Diċembru 2007, ZF Zefeser, C-62/06, Ġabra p. I-11995, punt 15), ma hemmx lok li tingħata risposta għat-tieni domanda.

 Fuq l-ispejjeż

37      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja, (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

L-Artikolu 5(3) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001, tat-22 ta’ Diċembru 2000, dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili, għandu jiġi interpretat fis-sens li fil-kuntest ta’ kawża bħal dik prinċipali, il-frażi “post fejn l-effett tal-ħsara [l-avveniment dannuż] jkun twettaq” tirreferi għall-post fejn id-dannu inizjali seħħ minħabba l-użu normali tal-prodott għall-finijiet li għalihom huwa intiż.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.