Language of document : ECLI:EU:T:2015:953

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla)

10 ta’ Diċembru 2015 (*)

“Relazzjonijiet barranin — Ftehim taħt forma ta’ skambju ta’ ittri bejn l-Unjoni u l-Marokk — Liberalizzazzjoni reċiproka fuq il-prodotti agrikoli, il-prodotti agrikoli pproċessati, il-ħut u l-prodotti tas-sajd — Applikazzjoni tal-Ftehim għas-Saħara tal-Punent — Front Polisario — Rikors għal annullament — Locus standi — Interess dirett u individwali — Ammissibbiltà — Konformità mad-dritt internazzjonali — Obbligu ta’ motivazzjoni — Drittijiet tad-difiża”

Fil-Kawża T‑512/12,

Front populaire pour la libération de la saguia-el-hamra et du rio de oro (Front Polisario), inizjalment irrappreżentat minn C.‑E. Hafiz u G. Devers, sussegwentement minn Devers, avukati,

rikorrent,

vs

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, irrappreżentat minn S. Kyriakopoulou, Á. de Elera‑San Miguel Hurtado, A. Westerhof Löfflerová u N. Rouam, bħala aġenti,

konvenut,

sostnut minn

Il-Kummissjoni Ewropea, inizjalment irrappreżentata minn F. Castillo de la Torre, E. Paasivirta u D. Stefanov, sussegwentement minn Castillo de la Torre u Paasivirta, bħala aġenti,

intervenjenti,

li għandha bħala suġġett talba għal annullament tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2012/497/UE tat‑8 ta’ Marzu 2012, dwar il-konklużjoni ta’ Ftehim fil-forma ta’ Skambju ta’ Ittri bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju tal-Marokk li jittratta miżuri reċiproċi ta’ liberalizzazzjoni fuq il-prodotti agrikoli, il-prodotti agrikoli pproċessati, il-ħut u l-prodotti tas-sajd, is-sostituzzjoni tal-Protokolli Nri 1, 2 u 3 u tal-annessi tagħhom u l-emendi għall-Ftehim Ewro-Mediterranju li jistabbilixxi assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa, u r-Renju tal-Marokk, min-naħa l-oħra (ĠU L 241, p. 2),

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla),

komposta minn D. Gratsias (Relatur), President, M. Kancheva u C. Wetter, Imħallfin,

Reġistratur: S. Bukšek Tomac, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas‑16 ta’ Ġunju 2015,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

 Fuq l-istatus internazzjonali tas-Saħara tal-Punent

1        Is-Saħara tal-Punent huwa territorju fil-Majjistral tal-Afrika, fruntiera mal-Marokk fit-Tramuntana, mal-Alġerija fil-Grigal, mal-Mawritanja fil-Lvant u fin-Nofsinhar, filwaqt li l-kosta tagħha fil-Punent tħares lejn l-Atlantiku. Hija ġiet ikkolonizzata mir-Renju ta’ Spanja wara l-Konferenza ta’ Berlin (il-Ġermanja) tal‑1884 u, wara t-Tieni Gwerra Dinjija, hija kienet provinċja Spanjola. Wara li kiseb l-indipendenza tiegħu fl-1956, ir-Renju tal-Marokk invoka l-“liberazzjoni” tas-Saħara tal-Punent, fejn kien iqis li dan it-territorju kien jappartjeni lilu.

2        Fl‑14 ta’ Diċembru 1960, l-Assemblea Ġenerali tal-Organizzazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti (ONU) adottat ir-Riżoluzzjoni 1514 (XV) dwar l-għoti tal-indipendenza lill-pajjiżi u lill-popli kolonjali.

3        Fl-1963, wara trażmissjoni ta’ informazzjoni mir-Renju ta’ Spanja skont l-Artikolu 73(e) tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti, l-ONU inkludiet is-Saħara tal-Punent fil-lista tagħha tat-territorji mhux awtonomi. Huwa għadu jinsab f’din il-lista.

4        Fl‑20 ta’ Diċembru 1966, l-Assemblea Ġenerali tal-ONU adottat ir-Riżoluzzjoni 2229 (XXI) dwar il-kwistjoni tal-Ifni u tas-Saħara Spanjol, fejn reġa’ ġie mtenni d-“dritt inaljenabbli [tal-]popl[u] [...] tas-Saħara Spanjol għall-awtodeterminazzjoni”. Hija talbet lir-Renju ta’ Spanja, fil-kapaċità tiegħu bħala awtorità amministrattiva, sabiex “kemm jista’ jkun malajr, konformement mal-aspirazzjonijiet tal-popolazzjoni awtoktona tas-Saħara Spanjol u b’konsultazzjoni mal-Gvern Marokkin u Mawritan u ma’ kull parti oħra kkonċernata, tistabbilixxi l-modalitajiet tal-organizzazzjoni ta’ referendum li [għandu] jinżamm taħt l-awspiċji tal-[ONU] sabiex il-popolazzjoni awtoktona tat-territorju tkun tista’ teżerċita liberament id-dritt tagħha għall-awtodeterminazzjoni”.

5        Ir-rikorrent, il-Front populaire pour la libération de la saguia-el-hamra et du rio de oro (Front Polisario), inħoloq fl‑10 ta’ Mejju 1973. Skont l-Artikolu 1 tal-Istatuti tiegħu, stabbiliti waqt it-tlettax-il kungress tiegħu f’Diċembru 2011, huwa “moviment ta’ liberazzjoni nazzjonali, frott tar-reżistenza twila saħarija kontra d-diversi forom ta’ okkupazzjoni barranija”.

6        Fl-20 ta’ Awwissu 1974, ir-Renju ta’ Spanja informa lill-ONU li kien qed jipproponi li jorganizza, taħt l-awspiċji ta’ din tal-aħħar, referendum fis-Saħara tal-Punent.

7        Permezz tar-Riżoluzzjoni 3292 (XXIX) dwar il-kwistjoni tas-Saħara Spanjol, adottata fit‑13 ta’ Diċembru 1974, l-Assemblea Ġenerali tal-ONU ddeċidiet li titlob opinjoni konsultattiva lill-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja dwar il-kwistjoni jekk is-Saħara tal-Punent (Rio de Oro u Sakiet el Hamra) kienx, fil-mument tal-kolonizzazzjoni tiegħu mir-Renju ta’ Spanja, territorju mingħajr sid (terra nullius). Fil-każ fejn ir-risposta għal din id-domanda kienet tkun fin-negattiv, il-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja ntalbet ukoll tiddeċiedi dwar il-kwistjoni tar-rabtiet ġuridiċi tas-Saħara tal-Punent mar-Renju tal-Marokk u mat-territorju Mawritan. Barra minn hekk, l-Assemblea Ġenerali tal-ONU stiednet lir-Renju ta’ Spanja, li hija kkwalifikat bħala awtorità amministrattiva, sabiex jissospendi l-proċedura għal referendum li huwa kellu l-intenzjoni li jorganizza fis-Saħara tal-Punent, sakemm hija tiddeċiedi dwar il-politika li għandha tiġi segwita sabiex jiġi aċċelerat il-proċess ta’ dekolonizzazzjoni tat-territorju. Hija talbet ukoll lill-kumitat speċjali inkarigat milli jistudja s-sitwazzjoni fir-rigward tal-applikazzjoni tar-riżoluzzjoni tagħha msemmija fil-punt 2 iktar ’il fuq sabiex “isegwi s-sitwazzjoni fit-territorju, inkluż l-iskjerament ta’ missjoni ta’ żjara fit-territorju”.

8        Fis‑16 ta’ Ottubru 1975, il-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja tat l-opinjoni konsultattiva li kienet intalbet mingħandha (Saħara tal-Punent, opinjoni konsultattiva, QIĠ Ġabra 1975, p. 12). Skont din l-opinjoni, is-Saħara tal-Punent (Rio de Oro u Sakiet el Hamra) ma kienx territorju mingħajr sid (terra nullius) fil-mument tal-kolonizzazzjoni mir-Renju ta’ Spanja. Il-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja osservat ukoll fl-opinjoni tagħha li s-Saħara tal-Punent kellu rabtiet ġuridiċi, mar-Renju tal-Marokk u mat-territorju Mawritan, iżda li l-elementi u l-informazzjoni miġjuba għall-għarfien tagħha ma kienu jistabbilixxu l-eżistenza ta’ ebda rabta ta’ sovranità bejn is-Saħara tal-Punent, minn naħa, u r-Renju tal-Marokk jew mat-territorju Mawritan, min-naħa l-oħra. B’hekk hija sostniet, fil-punt 162 tal-opinjoni tagħha, li hija ma kinitx ikkonstatat l-eżistenza ta’ rabtiet ġuridiċi ta’ natura li jbiddlu l-applikazzjoni tar-Riżoluzzjoni 1514 (XV) tal-Assemblea Ġenerali tal-ONU, tal‑14 ta’ Diċembru 1960, dwar l-għoti tal‑indipendenza lill-pajjiżi u lill-popli kolonjali (ara l-punt 2 iktar ’il fuq) fir-rigward tad-dekolonizzazzjoni tas-Saħara tal-Punent u, b’mod partikolari, tal-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ awtodeterminazzjoni permezz tal-espressjoni libera u awtentika tar-rieda tal-popolazzjonijiet tat-territorju.

9        Matul il-ħarifa tal-1975, is-sitwazzjoni fis-Saħara tal-Punent iddeterjorat. F’diskors magħmul fil-ġurnata li fiha ġiet ippubblikata l-opinjoni msemmija iktar ’il fuq tal-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja, ir-Re tal-Marokk qies li peress li “kulħadd” kien irrikonoxxa li s-Saħara tal-Punent kien jappartjeni lill-Marokk, u li kien jifdal biss li l-Marokkini “jokkupaw it-territorju [tagħhom]”, sejjaħ sabiex tiġi organizzata “mixja paċifika” lejn is-Saħara tal-Punent, bil-parteċipazzjoni ta’ 350 000 persuna.

10      Il-Kunsill tas-Sigurtà tal-ONU (iktar ’il quddiem il-“Kunsill tas-Sigurtà”) sejjaħ lill-partijiet ikkonċernati u interessati sabiex juru prudenza u moderazzjoni u esprima l-preokkupazzjoni tiegħu fir-rigward tas-sitwazzjoni gravi fir-reġjun permezz ta’ tliet riżoluzzjonijiet dwar is-Saħara tal-Punent, jiġifieri r-Riżoluzzjonijiet 377 (1975), tat‑22 ta’ Ottubru 1975, 379 (1975), tat‑2 ta’ Novembru 1975, u 380 (1975), tas‑6 ta’ Novembru 1975. Fl-aħħar waħda minn dawn ir-riżoluzzjonijiet, huwa ddeplora t-twettiq tal-mixja mħabbra mir-Re tal-Marokk u talab lir-Renju tal-Marokk l-irtirar immedjat mit-territorju tas-Saħara tal-Punent tal-parteċipanti kollha fl-imsemmija mixja.

11      Fl‑14 ta’ Novembru 1975, dikjarazzjoni ta’ prinċipju dwar is-Saħara tal-Punent (Ftehim ta’ Madrid) ġiet iffirmata f’Madrid (Spanja) mir-Renju ta’ Spanja, ir-Renju tal-Marokk u r-Repubblika Iżlamika tal-Mawritanja. F’din id-dikjarazzjoni, ir-Renju ta’ Spanja reġa’ tenna r-riżoluzzjoni tiegħu li jiddekolonizza s-Saħara tal-Punent. Barra minn hekk, ġie miftiehem li l-awtorità u r-responsabbiltajiet tar-Renju ta’ Spanja, fil-kapaċità tagħha bħala awtorità amministrattiva tas-Saħara tal-Punent, kellhom jiġu ttrasferiti lil amministrazzjoni tripartita temporanja.

12      Fis‑26 ta’ Frar 1976, ir-Renju ta’ Spanja informa lis-Segretarju Ġenerali tal-ONU li, minn din id-data, huwa kien qiegħed itemm il-preżenza tiegħu fit-territorju tas-Saħara tal-Punent u li minn dak il-mument kien iqiegħed iqis ruħu ħieles minn kull responsabbiltà ta’ natura internazzjonali relatata mal-amministrazzjoni tiegħu. Fl-istess waqt, kunflitt armat bejn ir-Renju tal-Marokk, ir-Repubblika Iżlamika tal-Mawritanja u l-Front Polisario nqala’ fis-Saħara tal-Punent.

13      Fl‑14 ta’ April 1976, ir-Renju tal-Marokk u r-Repubblika Iżlamika tal-Mawritanja ffirmaw ftehim fir-rigward tad-delineazzjoni tal-fruntiera tagħhom, fejn skont dan il-ftehim kienu qed jaqsmu bejniethom it-territorju tas-Saħara tal-Punent. Madankollu, skont ftehim ta’ paċi konkluż f’Awwissu 1979 bejnha u l-Front Polisario, ir-Repubblika Iżlamika tal-Mawritanja rtirat ruħha mit-territorju tas-Saħara tal-Punent. Wara dan l-irtirar, il-Marokk estenda l-okkupazzjoni tiegħu fit-territorju evakwat mill-Mawritanja.

14      Fir-Riżoluzzjoni 34/37 tagħha, tal‑21 ta’ Novembru 1979, dwar il-kwistjoni tas-Saħara tal-Punent, l-Assemblea Ġenerali tal-ONU reġgħet tenniet “id-dritt inaljenabbli tal-poplu tas-Saħara tal-Punent għall-awtodeterminazzjoni u għall-indipendenza” u esprimiet is-sodisfazzjon tagħha għall-ftehim ta’ paċi konkluż bejn ir-Repubblika Iżlamika tal-Mawritanja u l-Front Polisario (punt 13 iktar ’il fuq). Barra minn hekk hija ddeplorat bil-qawwa “l-aggravazzjoni tas-sitwazzjoni li kienet tirriżulta mill-persistenza tal-okkupazzjoni tas-Saħara tal-Punent mill-Marokk u tal-estensjoni ta’ din l-okkupazzjoni għat-territorju reċentement evakwat mill-Mawritanja”. Hija talbet lir-Renju tal-Marokk jimpenja ruħu wkoll fid-dinamika tal-paċi u, f’dan is-sens, hija rrakkomandat li l-Front Polisario, “rappreżentant tal-poplu tas-Saħara tal-Punent, jipparteċipa bis-sħiħ f’kull tiftixa ta’ soluzzjoni politika ġusta, dewwiema u definittiva tal-kwistjoni tas-Saħara tal-Punent”.

15      Il-kunflitt armat tkompla bejn il-Front Polisario u r-Renju tal-Marokk. Madankollu, fit‑30 ta’ Awwissu 1988, iż-żewġ partijiet aċċettaw bħala prinċipju proposti ta’ regolament imressqa, b’mod partikolari, mis-Segretarju Ġenerali tal-ONU. Dan il-pjan kien ibbażat fuq waqfien mill-ġlied bejn il-partijiet fil-kunflitt u kien jipprevedi perijodu tranżitorju li kellu jippermetti l-organizzazzjoni ta’ referendum ta’ awtodeterminazzjoni taħt il-kontroll tal-ONU. Permezz tar-Riżoluzzjoni 690 (1991) tiegħu, tad‑29 ta’ April 1991, dwar is-sitwazzjoni li tirrigwarda s-Saħara tal-Punent, il-Kunsill ta’ Sigurtà stabbilixxa taħt l-awtorità tiegħu missjoni tan-Nazzjonijiet Uniti għall-organizzazzjoni ta’ referendum fis-Saħara tal-Punent (MINURSO). Wara l-iskjerament tal-MINURSO, il-waqfien mill-ġlied konkluż bejn ir-Renju tal-Marokk u l-Front Polisario ġie globalment osservat, iżda r-referendum ma kienx għadu ġie organizzat, minkejja li l-isforzi f’dan is-sens u d-diskussjonijiet bejn iż-żewġ partijiet ikkonċernati tkomplew.

16      Attwalment, l-ikbar parti tat-territorju tas-Saħara tal-Punent hija kkontrollata mir-Renju tal-Marokk, filwaqt li l-Front Polisario jikkontrolla porzjon ta’ daqs iżgħar u mhux wisq ippopolata, fil-Lvant tat-territorju. It-territorju kkontrollat mill-Front Polisario huwa separat mit-territorju kkontrollat mir-Renju tal-Marokk permezz ta’ ħajt tar-ramel mibni minn dan tal-aħħar u ssorveljat mill-armata Marokkina. Numru importanti ta’ refuġjati oriġinarji mis-Saħara tal-Punent jgħixu f’kampjiet amministrati mill-Front Polisario, li jinsabu fit-territorju Alġerin, ħdejn is-Saħara tal-Punent.

 Fuq id-deċiżjoni kkontestata u l-fatti li wasslu għaliha

17      Il-Ftehim Ewro-Mediterranju li jistabbilixxi Assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom minn naħa, u r-Renju tal-Marokk, min-naħa l-oħra (ĠU 2000, L 70, p. 2, iktar ’il quddiem il-“Ftehim ta’ Assoċjazzjoni mal-Marokk”), ġie konkluż fi Brussell fis‑26 ta Frar 1996.

18      Skont l-Artikolu 1 tagħha, huwa jistabbilixxi assoċjazzjoni bejn, minn naħa, il-Komunità Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Faħam u tal-Azzar (ikkunsidrati flimkien fil-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni mal-Marokk bħala l-“Komunità”) kif ukoll l-Istati Membri tagħhom u, min-naħa l-oħra, ir-Renju tal-Marokk. Il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni mal-Marokk huwa suddiviż fi tmien titoli relatati, rispettivament, mal-moviment liberu tal-merkanzija, mad-dritt għall-istabbiliment u mas-servizzi, mal-“[p]agamenti, [mal-]kompetizzjoni u [mad-]dispożizzjonijet ekonomiċi l-oħra” [traduzzjoni mhux uffiċjali], mal-kooperazzjoni ekonomika, mal-kooperazzjoni soċjali u kulturali, mal-kooperazzjoni finanzjarja u, fl-aħħar nett, mad-dispożizzjonijiet istituzzjonali ġenerali u finali. Il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni mal-Marokk jinkludi wkoll seba’ annessi fejn l-ewwel sitta jelenkaw il-prodotti msemmija minn ċerti dispożizzjonijiet tal-Artikoli 10, 11 u 12 (taħt it-titolu relatat mal-moviment liberu tal-merkanzija), filwaqt li s-seba’ anness jirrigwarda l-proprjetà intellettwali, industrijali u kummerċjali. Barra minn hekk, ħames protokolli huma annessi mal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni mal-Marokk, relatati, rispettivament, mas-sistema applikabbli għall-importazzjoni fil-Komunità tal-prodotti agrikoli li joriġinaw mill-Marokk, mas-sistema applikabbli għall-importazzjoni fil-Komunità tal-prodotti tas-sajd li joriġinaw mill-Marokk, mas-sistema applikabbli għall-importazzjoni fil-Marokk tal-prodotti agrikoli li joriġinaw mill-Komunità, mad-definizzjoni tal-kunċett ta’ “prodotti li joriġinaw” u mal-metodi ta’ kooperazzjoni amministrattiva u, fl-aħħar nett, mal-assistenza reċiproka fil-qasam doganali bejn l-awtoritajiet amministrattivi. Il-Protokolli Nri 1, 4 u 5 għandhom l-annessi tagħhom stess, li, fil-każ tal-protokoll Nru 4 dwar id-definizzjoni tal-kunċett ta’ “prodotti li joriġinaw”, huma voluminużi ħafna.

19      Il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni mal-Marokk, il-protokolli inklużi bħala annessi kif ukoll id-dikjarazzjonijiet u l-iskambji ta’ ittri annessi mal-att finali ġew approvati f’isem il-Komunità Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Faħam u tal-Azzar permezz tad-Deċiżjoni 2000/204/KE, KEFA tal-Kunsill u tal-Kummissjoni, tal‑24 ta’ Jannar 2000, dwar il-konklużjoni tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni mal-Marokk (ĠU L 70, p. 1).

20      Skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill, tat‑8 ta’ Marzu 2012, dwar il-konklużjoni ta’ Ftehim fil-forma ta’ Skambju ta’ Ittri bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju tal-Marokk li jittratta miżuri reċiproċi ta’ liberalizzazzjoni fuq il-prodotti agrikoli, il-prodotti agrikoli pproċessati, il-ħut u l-prodotti tas-sajd, is-sostituzzjoni tal-Protokolli Nri 1, 2 u 3 u tal-annessi tagħhom u l-emendi għall-Ftehim Ewro-Mediterranju li jistabbilixxi assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa, u r-Renju tal-Marokk, min-naħa l-oħra (ĠU L 241, p. 2, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea approva, f’isem l-Unjoni Ewropea, il-Ftehim fil-forma ta’ skambju ta’ ittri bejn l-Unjoni u r-Renju tal-Marokk li jittratta miżuri reċiproċi ta’ liberalizzazzjoni, is-sostituzzjoni tal-Protokolli Nri 1 sa 3 u tal-annessi tagħhom u l-emendi għall-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni mal-Marokk.

21      It-test tal-Ftehim approvat mid-deċiżjoni kkontestata, li ġie ppubblikat f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, iħassar l-Artikolu 10 tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni mal-Marokk, li jagħmel parti mit-Titolu II tiegħu, dwar il-moviment liberu tal‑merkanzija, u jemenda l-Artikoli 7, 15, 17 u 18 tal-istess titolu kif ukoll il-formulazzjoni tal-Kapitolu II li wkoll jaqa’ wkoll taħt dan it-titolu. Barra minn hekk, il-Ftehim approvat bid-deċiżjoni kkontestata jissostitwixxi t-test tal-Protokolli Nri 1 sa 3 tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni mal-Marokk.

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

22      Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fid‑19 ta’ Novembru 2009, ir-rikorrent ressaq din il-kawża. B’risposta għal talba ta’ regolarizzazzjoni, ir-rikorrent b’mod partikolari pproduċa, fit‑2 u fil‑31 ta’ Jannar 2013, il-prova li l-mandat mogħti lill-avukat tiegħu kien ġie stabbilit minn persuna maħtura sabiex taġixxi f’isem il-Front Polisario kif ukoll l-istatuti ta’ dan tal-aħħar.

23      Wara li ressaq ir-risposta tiegħu, fis‑16 ta’ April 2013, il-Qorti Ġenerali talbet lir-rikorrent, fil-kuntest ta’ miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, sabiex iwieġeb ċerti mistoqsijiet. F’dan il-kuntest, hija stednitu b’mod partikolari sabiex jindika, bil-provi, jekk huwa kienx ġie kkostitwit bħala persuna ġuridika skont il-liġi ta’ Stat internazzjonalment rikonoxxut. Barra minn hekk, hija talbitu jressaq l-osservazzjonijiet tiegħu dwar l-argument, espost mill-Kunsill fir-risposta tiegħu, li r-rikors kellu jiġi miċħud bħala inammissibbli.

24      Ir-rikorrent wieġeb il-mistoqsijiet tal-Qorti Ġenerali permezz ta’ nota ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis‑26 ta’ Settembru 2013.

25      Permezz ta’ digriet tal-President tat-Tmien Awla tal-Qorti Ġenerali tas-6 ta’ Novembru 2013, il-Kummissjoni ġiet ammessa sabiex tintervjeni fil-kawża insostenn tat-talbiet tal-Kunsill. Hija ppreżentat in-nota ta’ intervent tagħha fis-17 ta’ Diċembru 2013. Il-Kunsill u r-rikorrent ressqu l-osservazzjonijiet tagħhom dwar l-imsemmija nota rispettivament fl‑24 ta’ Jannar u l‑20 ta’ Frar 2014.

26      Fuq proposta tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali (it-Tmien Awla) iddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali. Permezz ta’ miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, hija stiednet lill-Kunsill u lill-Kummissjoni sabiex iwieġbu mistoqsija. Huma wieġbu fit-terminu stabbilit.

27      Permezz ta’ att ippreżentat fir-reġistru tal-Qorti Ġenerali fit‑2 ta’ Ġunju 2015, ir-rikorrent talab sabiex jinkludi fil-proċess tliet dokumenti li ma ġewx ippreżentati qabel, u li kien iqis li huma rilevanti għas-soluzzjoni tat-tilwima. Permezz ta’ deċiżjoni tat‑12 ta’ Ġunju 2015, il-President tat-Tmien Awla tal-Qorti Ġenerali ddeċieda li jinkludi din it-talba kif ukoll id-dokumenti li kienu annessi magħha fil-proċess tal-kawża.

28      Waqt is-seduta, il-partijiet konvenuti u intervenjenti ppreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom relatati mad-dokumenti inkwistjoni. F’dan il-kuntest, il-Kunsill sostna li dawn kienu ġew prodotti tardivament u li, fi kwalunkwe każ, huma ma kienu jikkontribwixxu ebda element ġdid għad-dibattitu. Min-naħa tagħha, il-Kummissjoni esprimiet ir-riżervi tagħha fir-rigward tar-rilevanza tagħhom għas-soluzzjoni tat-tilwima.

29      Ir-rikorrent jitlob l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata, “u[,] konsegwentement, l-atti kollha ta’ applikazzjoni”.

30      Madankollu, waqt is-seduta, ir-rappreżentant tar-rikorrent indika li r-riferiment għall-“atti kollha ta’ applikazzjoni” kien jirriżulta għal żball tal-pinna u li t-talbiet tar-rikorrent kellhom jinftiehmu fis-sens li kien qed jitlob biss l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata. Ittieħdet nota ta’ din id-dikjarazzjoni fil-proċess-verbali tas-seduta.

31      Barra minn hekk, fl-osservazzjonijiet tiegħu dwar in-nota ta’ intervent tal-Kummissjoni, ir-rikorrenti talab, b’mod partikolari, il-kundanna tal-Kunsill u tal-Kummissjoni għall-ispejjeż.

32      Il-Kunsill jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors bħala inammissibbli;

–        fil-każ li l-Qorti Ġenerali kellha tiddeċiedi li r-rikors huwa ammissibbli, tiċħad ir-rikors bħala infondat;

–        tikkundanna lir-rikorrent għall-ispejjeż.

33      Il-Kummissjoni ssostni t-talbiet tal-Kunsill intiżi għaċ-ċaħda tar-rikors bħala inammissibbli jew, fin-nuqqas, bħala infondat u titlob, barra minn hekk, il-kundanna tar-rikorrent għall-ispejjeż.

 Fuq l-ammissibbiltà

 Fuq il-locus standi in judicio tal-Front Polisario

34      Skont ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, kull persuna fiżika jew ġuridika tista’, taħt il-kundizzjonijiet previsti fl-ewwel u fit-tieni paragrafi tal-imsemmi artikolu, tippreżenta rikors kontra att indirizzat lilha jew li jirrigwardaha direttament u individwalment, kif ukoll kontra atti regolatorji li jirrigwardawha direttament u li ma jinvolvux miżuri ta’ implementazzjoni.

35      L-Artikolu 44(5) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali tat‑2 ta’ Mejju 1991, li kien japplika fil-mument tal-preżentata tar-rikors, kien jipprovdi kif ġej:

“Jekk ir-rikorrent ikun persuna ġuridika rregolata mid-dritt privat, huwa għandu jehmeż mar-rikors tiegħu:

a)      l-istatut tiegħu jew estratt reċenti mir-Reġistru tal-kumpanniji, jew estratt reċenti mir-reġistru ta’ l-assoċjazzjonijiet jew kull prova oħra li turi l-eżistenza ġuridika tiegħu;

b)      prova li l-mandat ġie mogħti regolarment lill-avukat minn rappreżentant awtorizzat għal dan l-iskop.”

36      Barra minn hekk, skont l-Artikolu 44(6) tar-Regoli tal-Proċedura tat‑2 ta’ Mejju 1991, jekk ir-rikors ma jkunx konformi mal-kundizzjonijiet elenkati fil-paragrafi 3 sa 5 tal-istess artikolu, ir-Reġistratur għandu jiffissa terminu raġonevoli lir-rikorrent għall-finijiet tar-regolarizzazzjoni tar-rikors jew tal-produzzjoni tad-dokumenti msemmija fl-imsemmija paragrafi.

37      Fir-rikors tiegħu, ir-rikorrent jindika li “huwa suġġett tad-dritt internazzjonali, li għandu personalità ġuridika internazzjonali rikonoxxuta lill-movimenti nazzjonali ta’ liberazzjoni taħt id-dritt internazzjonali”. Barra minn hekk huwa jsostni, billi jinvoka numru ta’ testi li inkluda mar-rikors, li huwa ġie “rikonoxxut bħala rappreżentant tal-poplu tas-Saħara tal-Punent [...] mill-istanzi tal-ONU, tal-Unjoni Ewropea u mir-[Renju tal-]Marokk, għan-negozjati”. Huwa jżid li kemm il-Kunsill tas-Sigurtà kif ukoll l-Assemblea Ġenerali tal-ONU rrikonoxxew il-validità tal-ftehim ta’ paċi li kien ikkonkluda mal-Mawritanja f’Awwissu 1979 (ara l-punt 13, iktar ’il fuq). Fl-aħħar nett, huwa jinvoka l-fatt li, f’żewġ riżoluzzjonijiet, il-Parlament Ewropew talab kemm lilu kif ukoll lir-Renju tal-Marokk sabiex jikkoopera bis-sħiħ mal-Kumitat Internazzjonali tas-Salib l-Aħmar kif ukoll mal-ONU.

38      Ir-rikorrent ma kienx inkluda mar-rikors tiegħu dokumenti bħal dawk previsti fl-Artikolu 44(5) tar-Regoli tal-Proċedura tat‑2 ta’ Mejju 1991. Wara l-iffissar ta’ terminu mir-reġistru għall-finijiet tar-regolarizzazzjoni tar-rikors, huwa pproduċa estratti tal-istatuti tiegħu, mandat lill-avukat tiegħu stabbilit minn persuna awtorizzata f’dan is-sens mill-imsemmija statuti, jiġifieri mis-segretarju ġenerali tiegħu, kif ukoll il-prova tal-elezzjoni ta’ dan tal-aħħar. Min-naħa l-oħra, huwa ma pproduċiex dokumenti addizzjonali sabiex jipprova li kellu personalità ġuridika.

39      Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Qorti Ġenerali adottat il-miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura msemmija fil-punt 23 iktar ’il fuq.

40      Bi tweġiba għall-mistoqsijiet tal-Qorti Ġenerali, ir-rikorrent iddikjara kif ġej:

“Il-Front Polisario ma huwa kkostitwit bħala persuna ġuridika skont id-dritt ta’ ebda Stat internazzjonalment rikonoxxut jew mhux rikonoxxut. Xejn iktar minn Stat barrani jew mill-Unjoni Ewropea nnifisha, il-Front Polisario ma jistax jislet l-eżistenza legali tiegħu mid-dritt intern ta’ Stat.”

41      Barra minn hekk huwa sostna li kien “suġġett tad-dritt internazzjonali pubbliku” u żied:

“[I]l-Front Polisario bl-ebda mod ma għandu jipproduċi l-prova tal-kostituzzjoni tiegħu skont id-dritt intern ta’ Stat internazzjonalment rikonoxxut. Inkarnazzjoni tas-sovranità tal-poplu tas-Saħara tal-Punent, l-eżistenza tiegħu ma jistax jiddependi mill-ordinament ġuridiku tal-awtorità kolonjali, ir-Renju ta’ Spanja, li ilu erbgħin sena jonqos mid-dmirijiet internazzjonali tiegħu, u wisq inqas [mill-]awtorità okkupanti, il-Marokk, li timponi l-ordinament ġuridiku tagħha permezz ta’ użu illegali ta’ forza armata [...]”

42      Il-Kunsill isostni li r-rikorrent “ma pprovax l-eżistenza tal-kapaċità ġuridika tiegħu li jippreżenta dan ir-rikors”. Fil-fehma tiegħu, ir-rikorrent jidher li qiegħed ixebbah il-kwalità tiegħu bħala rappreżentant tal-poplu tas-Saħara tal-Punent mal-eżistenza tal-personalità ġuridika ipso jure fir-rigward tad-dritt internazzjonali, li għandhom l-Istati sovrani. Il-Kunsill jikkontesta l-argument li dawn iż-żewġ kunċetti jistgħu jixxiebhu u li r-rikorrent jista’ jixxebbah ma’ Stat.

43      Il-Kunsill iżid li, kieku kellu jitqies li r-rikorrent ġie rrikonoxxut bħala moviment ta’ liberazzjoni nazzjonali u li għandu, minħabba f’hekk, personalità ġuridika, dan ma jimplikax awtomatikament locus standi quddiem il-qrati tal-Unjoni. Skont il-Kunsill, ir-rikonoxximent tar-rikorrent mill-ONU bħala rappreżentant tal-poplu tas-Saħara tal-Punent jagħtih l-iktar il-kapaċità li jipparteċipa fin-negozjati li jirrigwardaw l-istatus tas-Saħara tal-Punent li huma mmexxija mill-ONU, u li jkun, flimkien mar-Renju tal-Marokk, l-interlokutur tiegħu għal dan il-għan. Min-naħa l-oħra, dan ir-rikonoxximent ma jagħtihx locus standi quddiem il-qrati u tribunali barra mill-kuntest tal-ONU u li ma għandhomx ġurisdizzjoni jsovlu t-tilwima internazzjonali bejnu u r-Renju tal-Marokk.

44      Il-Kummissjoni tiddikjara li ma tikkontestax “il-kwalità ta’ rappreżentant tal-poplu tas-Saħara tal-Punent li minnu jgawdi l-Front Polisario u li ġiet irrikonoxxuta lilu mill-Assemblea Ġenerali tal-ONU”.

45      Madankollu, hija żżid:

“[I]l-personalità ġuridika tal-Front Polisario hija dubjuża. Fil-kapaċità tiegħu bħala rappreżentant tal-poplu tas-Saħara tal-Punent huwa ma għandux ikollu iktar minn personalità ġuridika funzjonali u tranżitorja.”

46      Fir-rigward tal-argumenti tal-partijiet, għandu jiġi ppreċiżat li, f’dan il-każ, ma għandu jiġi ddeterminat la jekk il-Front Polisario jistax jiġi kkwalifikat bħala “moviment nazzjonali ta’ liberazzjoni”, u lanqas jekk din il-kwalifika, li kieku minnha, hijiex biżżejjed sabiex tikkonferilu l-personalità ġuridika. Il-kwistjoni li l-Qorti Ġenerali hija mitluba tiddeċiedi hija dik dwar jekk il-Front Polisario għandux locus standi in judicio quddiemha sabiex titlob, skont ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata.

47      Sussegwentement, għandu jiġi osservat li mill-kliem tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE jirriżulta li huma biss il-persuni fiżiċi u l-entitajiet mogħnija b’personalità ġuridika li jistgħu jippreżentaw rikors għal annullament skont din id‑dispożizzjoni. B’hekk, fis-sentenza tagħha tas‑27 ta’ Novembru 1984, Bensider et vs Il‑Kummissjoni (50/84, Ġabra, EU:C:1984:365, punt 9), il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea ċaħdet bħala inammissibbli rikors inkwantu kien ġie ppreżentat minn kumpannija kummerċjali li, fil-mument tal-preżentata tal-imsemmi rikors, kienet għadha ma kisbitx personalità ġuridika.

48      Madankollu, fis-sentenza tagħha tat‑28 ta’ Ottubru 1982, Groupement des Agences de voyages vs Il‑Kummissjoni (135/81, Ġabra, EU:C:1984:371, punt 10), il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea kkonstatat li l-kunċett ta’ “persuna ġuridika”, hekk kif jirriżulta fir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, ma kienx neċessarjament jaqbel ma’ dawk tal-ordnijiet ġuridiċi differenti tal-Istati Membri. B’hekk, fil-kawża li tat lok għal din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja aċċettat l-ammissibbiltà ta’ rikors ippreżentat minn “assoċjazzjoni eċċezzjonali ta’ għaxar aġenziji tal-ivvjaġġar miġbura sabiex iwieġbu flimkien għal sejħa għal offerti” kontra deċiżjoni tal-Kummissjoni li teskludi lil din l-assoċjazzjoni minn sejħa għal offerti. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja osservat li l-Kummissjoni nnifisha kienet laqgħet l-ammissibbiltà tal-offerta magħmula mill-assoċjazzjoni inkwistjoni u kienet ċaħditha wara eżami komparattiv tal-offerenti kollha. Konsegwentement, skont il-Qorti tal-Ġustizzja, il-Kummissjoni ma setgħetx tikkontesta l-locus standi in judicio ta’ entità li hija kienet aċċettat sabiex tipparteċipa f’sejħa għal offerti u li lilha kienet indirizzat deċiżjoni negattiva wara eżami komparattiv tal-offerenti kollha (sentenza Groupement des Agences des voyages vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il-fuq, EU:C:1982:371, punti 9 sa 12).

49      Bl-istess mod, fis-sentenzi tagħha tat‑8 ta’ Ottubru 1974, Union syndicale – Service public européen et vs Il-Kunsill (175/73, Ġabra, EU:C:1974:95, punti 9 sa 17) u Syndicat général du personnel des organismes européens vs Il‑Kummissjoni (18/74, Ġabra, EU:C:1974:96, punti 5 sa 13), il-Qorti tal-Ġustizzja elenkat ċertu numru ta’ elementi, jiġifieri, l-ewwel nett, il-fatt li l-uffiċjali tal-Unjoni jgawdu mid-dritt ta’ assoċjazzjoni u jistgħu b’mod partikolari jkunu membri ta’ organizzazzjonijiet sindakali u professjonisti, it-tieni nett, il-fatt li r-rikorrenti f’dawn iż-żewġ kawżi kienu unions li jiġbru fi ħdanhom numru importanti ta’ uffiċjali u ta’ membri tal-persunal tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni, it-tielet nett, il-fatt li l-istatuti tagħhom u l-istruttura interna tagħhom kienu tali li jħallulhom l-awtonomija neċessarja sabiex jaġixxu bħala entitajiet responsabbli fir-relazzjonijiet ġuridiċi u, ir-raba’ nett, il-fatt li l-Kummissjoni kienet irrikonoxxiethom bħala interlokuturi fl-okkażjoni ta’ negozjati, sabiex tikkonkludi li ma tistax tiġi miċħuda lilhom il-locus standi in judicio quddiem il-qrati tal-Unjoni, billi jippreżentaw rikors għal annullament b’osservanza tal-kundizzjonijiet tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE.

50      Fl-aħħar nett, għandu jitfakkar ukoll li, fis-sentenza tagħha tat‑18 ta’ Jannar 2007, PKK u KNK vs Il-Kunsill (C‑229/05 P, Ġabra, EU:C:2007:32, punti 109 sa 112), il-Qorti tal-Ġustizzja laqgħet l-ammissibbiltà ta’ rikors għal annullament ippreżentat minn entità li kienet suġġetta għal miżuri restrittivi fil-kuntest tal-ġlieda kontra t-terroriżmu, mingħajr ma eżaminat jekk din l-entità kellhiex personalità ġuridika. Filwaqt li fakkret il-ġurisprudenza li skontha l-Unjoni hija Unjoni ta’ dritt, il-Qorti tal-Ġustizzja osservat li, kieku l-leġiżlatur tal-Unjoni kellu jqis li l-entità inkwistjoni kellha eżistenza suffiċjenti sabiex tkun suġġetta għall-miżuri restrittivi inkwistjoni, il-koerenza u l-ġustizzja kienu jimponu li jiġi rikonoxxut li din l-entità jkollha l-kapaċità li tikkontesta din id-deċiżjoni. Kull konklużjoni oħra jkollha bħala riżultat li organizzazzjoni tista’ tiġi inkluża fil-lista inkwistjoni mingħajr ma tkun tista’ tippreżenta rikors kontra din l-inklużjoni.

51      Madankollu, filwaqt li l-ġurisprudenza ċċitata iktar ’il fuq turi li l-qrati tal-Unjoni jistgħu jaċċettaw il-locus standi in judicio quddiemhom ta’ entità li ma għandhiex kapaċità ġuridika analoga għal dik li jagħti d-dritt ta’ Stat Membru jew ta’ Stat terz, jew saħansitra li ma għandhiex il-personalità ġuridika fir-rigward ta’ dan id-dritt, għandu jiġi osservat li, fid-digriet tagħha tal‑14 ta’ Novembru 1963, Lassalle vs Il‑Parlament (15/63, Ġabra EU:C:1963:47, p. 97, 100), il-Qorti tal-Ġustizzja osservat li l-elementi li kienu jikkostitwixxu l-bażi tal-locus standi in judicio quddiem il-qrati tal-Unjoni kienu jinkludu b’mod partikolari awtonomija u responsabbiltà, anki limitati, u hija ċaħdet talba għal intervent imressqa mill-kumitat tal-persunal tal-Parlament li, fil-fehma tagħha, ma kienx jissodisfa dawn il-kriterji. Din il-kunsiderazzjoni hija riflessa wkoll fil-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 49 iktar ’il fuq, sa fejn hija tispjega l-konstatazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja, li l-istatuti u l-istruttura interna tal-unions li ppreżentaw ir-rikorsi fil-kawżi inkwistjoni kienu jiżgurawlhom l-awtonomija neċessarja sabiex jaġixxu bħala entitajiet responsabbli fir-relazzjonijiet ġuridiċi.

52      Fir-rigward ta’ din il-ġurisprudenza, għandu jiġi konkluż li, f’ċerti każijiet partikolari, entità li ma għandhiex il-personalità ġuridika skont id-dritt ta’ Stat Membru jew ta’ Stat terz tista’ xorta waħda titqies li għandha “personalità ġuridika” fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, u tista’ tiġi aċċettata tippreżenta rikors għal annullament abbażi ta’ din id-dispożizzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Groupement des Agences de voyages vs Il‑Kummissjoni, punt 48 iktar ’il fuq, EU:C:1982:371, punti 9 sa 12, u PKK u KNK vs Il-Kunsill, punt 50 iktar ’il fuq, EU:C:2007:32, punti 109 sa 112). Dan huwa b’mod partikolari l-każ meta, fl-atti u l-aġir tagħhom, l-Unjoni u l-istituzzjonijiet tagħha jittrattaw lill-entità inkwistjoni bħala suġġett distint, li jista’ jkollha drittijiet speċifiċi għaliha jew li tista’ tkun suġġetta għal obbligi jew għal restrizzjonijiet.

53      Dan madankollu jippreżupponi li l-entità inkwistjoni għandha statuti u struttura interna li tiżguralha l-awtonomija neċessarja sabiex taġixxi bħala entità responsabbli fir-relazzjonijiet ġuridiċi (ara, f’dan is-sens, id-digriet Lassalle vs Il‑Parlament, punt 51 iktar ’il fuq, EU:C:1963:47, p. 100; sentenzi Union syndicale – Service public européen et vs Il‑Kunsill, punt 49 iktar ’il fuq, EU:C:1974:95, punti 9 sa 17, u Syndicat général du personnel des organismes européens vs Il‑Kummissjoni, punt 49 iktar ’il fuq, EU:C:1974:96, punti 5 sa 13).

54      F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li l-kundizzjonijiet imsemmija fil-punt 53 iktar ’il fuq huma ssodisfatti għal dak li jirrigwarda l-Front Polisario. Fil-fatt, huwa għandu l-istatuti tiegħu nnifsu, li tagħhom ipproduċa kopja, kif ukoll struttura interna fissa, fejn għandu b’mod partikolari segretarju ġenerali li ta mandat lir-rappreżentant legali tiegħu għall-finijiet tal-preżentata ta’ dan ir-rikors. Jidher li din l-istruttura tippermettilu jaġixxi bħala entità responsabbli fir-relazzjonijiet ġuridiċi, u dan huwa wisq iżjed minnu meta, hekk kif jixhdu d-diversi testi invokati minnu, huwa pparteċipa f’negozjati taħt il-patroċinju tal-ONU, u saħansitra ffirma ftehim ta’ paċi ma’ Stat rikonoxxut internazzjonalment, jiġifieri r-Repubblika Iżlamika tal-Mawritanja.

55      Fir-rigward tal-kunsiderazzjonijiet imsemmija fil-punt 52 iktar ’il fuq, huwa ċertament minnu li l-Front Polisario ma kienx suġġett għal atti tal-Unjoni jew tal-istituzzjonijiet tagħha ta’ natura analoga għal dawk inkwistjoni fil-kawżi li taw lok għas-sentenzi Groupement des Agences de voyages vs Il‑Kummissjoni, punt 48 iktar ’il fuq (EU:C:1982:371), u PKK u KNK vs Il‑Kunsill, punt 50 iktar ’il fuq (EU:C:2007:32). Iż-żewġ riżoluzzjonijiet tal-Parlament invokati minnu (ara l-punt 37 iktar ’il fuq) huma ta’ natura differenti, billi ma jipprovdux, mill-inqas fir-rigward tiegħu, effetti legali vinkolanti.

56      Ma huwiex inqas minnu l-fatt li, hekk kif jirriżulta mill-informazzjoni spjegata fil-qosor fil-punti 1 sa 16 iktar ’il fuq, is-Saħara tal-Punent huwa territorju li l-istatus internazzjonali tiegħu attwalment għadu ma huwiex determinat. Kemm ir-Renju tal-Marokk kif ukoll ir-rikorrent jinvokaw pretensjonijiet fuq it-territorju u l-ONU ilha taħdem għal żmien twil bil-għan li ssib riżoluzzjoni paċifika għal dan il-kontenzjuż. Kif jirriżulta mis-sottomissjonijiet bil-miktub tal-Kunsill u tal-Kummissjoni, kemm l-Unjoni kif ukoll l-Istati Membri tagħha jastjenu ruħhom minn kull intervent u minn kull teħid ta’ pożizzjoni f’dan il-kontenzjuż u, jekk ikun il-każ, jaċċettaw kull soluzzjoni deċiża konformement mad-dritt internazzjonali, taħt il-patroċinju tal-ONU. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni żżid tgħid li hija ssostni l-isforzi tas-Segretarju Ġenerali tal-ONU bil-għan li jasal għal soluzzjoni politika ġusta, dewwiema u reċiprokament aċċettabbli, li tippermetti l-awtodeterminazzjoni tal-poplu tas-Saħara tal-Punent. Hija tkompli billi tosserva li, “[s]akemm tinsab soluzzjoni, is-Saħara tal-Punent jibqa’ territorju mhux awtonomu amministrat de facto mir-Renju tal-Marokk”.

57      L-ewwel nett, għandu jiġi għalhekk ikkonstatat li r-rikorrent huwa wieħed mill-partijiet f’kontenzjuż li jirrigwarda d-destin ta’ dan it-territorju mhux awtonomu u, bħala parti f’dan il-kontenzjuż, jissemma b’ismu fit-testi relatati miegħu, inklużi r-riżoluzzjonijiet tal-Parlament imsemmija fil-punt 37 iktar ’il fuq.

58      It-tieni nett, għandu jiġi kkonstatat ukoll li, attwalment, huwa impossibbli għall-Front Polisario li jikkostitwixxi ruħu formalment bħala persuna ġuridika rregolata mid-dritt tas-Saħara tal-Punent, peress li dan id-dritt għadu ineżistenti. Għalkemm huwa minnu li, bħal ma tosserva l-Kummissjoni, ir-Renju tal-Marokk jamministra de facto prattikament it-territorju kollu tas-Saħara tal-Punent, din hija sitwazzjoni ta’ fatt li l-Front Polisario jopponi u li hija, preċiżament, ir-raġuni għall-kontenzjuż bejnu u r-Renju tal-Marokk, li l-ONU għandha l-intenzjoni li ssolvi. Huwa ċertament possibbli għall-Front Polisario li jikkostitwixxi ruħu bħala persuna ġuridika konformement mal-liġi ta’ Stat terz, iżda ma jistax jiġi rikjest minnu li jagħmel dan.

59      It-tielet nett, fl-aħħar nett, għandu jitfakkar li l-Kunsill u l-Kummissjoni nnifishom jirrikonoxxu li l-istatus internazzjonali u s-sitwazzjoni ġuridika tas-Saħara tal-Punent jippreżentaw il-partikolaritajiet imsemmija fil-punt 58 iktar ’il fuq u jqisu li l-istatus definittiv ta’ dan it-territorju u, għaldaqstant, id-dritt li japplika għalih għandhom jiġu ffissati fil-kuntest ta’ proċess ta’ paċi taħt l-awspiċji tal-ONU. Issa, hija preċiżament l-ONU li tqis lill-Front Polisario bħala parteċipant essenzjali f’tali proċess.

60      Fid-dawl ta’ dawn iċ-ċirkustanzi għal kollox partikolari, għandu jiġi konkluż li l-Front Polisario għandu jitqies li huwa “persuna ġuridika”, fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 u li jista’ jippreżenta rikors għal annullament quddiem il-qorti tal-Unjoni, minkejja li huwa ma għandux il-personalità ġuridika skont id-dritt ta’ Stat Membru jew ta’ Stat terz. Fil-fatt, hekk kif ġie osservat iktar ’il fuq, huwa jista’ jkollu personalità ġuridika ta’ dan it-tip biss konformement mad-dritt tas-Saħara tal-Punent li madankollu, attwalment, ma huwiex Stat rikonoxxut mill-Unjoni u l-Istati Membri tagħha u ma għandux id-dritt tiegħu.

 Fuq l-effett dirett u individwali tad-deċiżjoni kkontestata fuq il-Front Polisario

61      Ir-rikorrent isostni li d-deċiżjoni kkontestata tippreġudikah b’mod individwali “minħabba kwalitajiet ġuridiċi li huma partikolari għalih, ġaladarba huwa r-rappreżentant leġittimu tal-[p]oplu [s]arawi, rikonoxxut bħala tali mill-ONU u mill-Unjoni”. Huwa jżid li huwa “l-uniku kkwalifikat sabiex jirrappreżenta l-poplu” li jgħix fit-territorju tas-Saħara tal-Punent.

62      Huwa jgħid ukoll li d-deċiżjoni kkontestata “ċertament tipproduċi effetti fuq is-sitwazzjoni ġuridika tal-poplu tas-Saħara tal-Punent peress li hija ma tħalli ebda setgħa diskrezzjonali lill-Istati Membri fir-rigward tal-applikazzjoni” tal-ftehim imsemmi minnha. Skont ir-rikorrent, l-implementazzjoni ta’ dan il-ftehim ma jeħtieġx mill-Istat Membri l-adozzjoni ta’ miżuri ta’ implementazzjoni u kull Stat Membru, ir-Renju tal-Marokk u kull impriża jistgħu jinvokaw l-effett dirett tad-deċiżjoni kkontestata.

63      Il-Kunsill, sostnut mill-Kummissjoni, jikkontestaw l-effett dirett u individwali tad-deċiżjoni kkontestata fuq ir-rikorrent.

64      Fir-rigward tal-effett dirett, il-Kunsill isostni li huwa diffiċli li wieħed jifhem kif id-deċiżjoni kkontestata, li tirrigwarda l-konklużjoni ta’ ftehim internazzjonali bejn l-Unjoni u r-Renju tal-Marokk, jista’ jipproduċi direttament effetti fuq is-sitwazzjoni ġuridika tar-rikorrent. Fil-fehma tiegħu, din id-deċiżjoni ma tistax, min-natura tagħha, tipproduċi effetti ġuridiċi fir-rigward ta’ terzi, peress li hija sempliċement tesprimi, f’isem l-Unjoni, l-approvazzjoni ta’ ftehim internazzjonali. L-effetti ġuridiċi tagħha għandhom jipproduċu ruħhom biss fir-rigward tal-Unjoni u tal-istituzzjonijiet tagħha u mhux ta’ terzi persuni.

65      Fir-rigward tal-interess individwali tar-rikorrent, il-Kunsill isostni li d-deċiżjoni kkontestata hija intiża li tikkonkludi ftehim bejn ir-Renju tal-Marokk u l-Unjoni u tirrigwarda biss lil dawn iż-żewġ suġġetti b’mod individwali.

66      Huwa jżid li l-eżistenza ta’ kontenzjuż bejn ir-rikorrent u r-Renju tal-Marokk ma hijiex marbuta mad-deċiżjoni kkontestata, u bl-ebda mod ma hija affettwata mill-ftehim konkluż skont din id-deċiżjoni.

67      Għandu jitfakkar li r-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE jipprevedi żewġ każijiet fejn il-locus standi huwa rikonoxxut lil persuna fiżika jew ġuridika sabiex tippreżenta rikors kontra att li tiegħu hija ma hijiex destinatarja. Minn naħa, tali rikors jista’ jiġi ppreżentat sakemm dan l-att jikkonċernaha direttament u individwalment. Min-naħa l-oħra, tali persuna tista’ tippreżenta rikors kontra att regolatorju li ma jinvolvix miżuri ta’ eżekuzzjoni jekk dan jikkonċernaha direttament (ara, f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenzi tad‑19 ta’ Diċembru 2013, Telefónica vs Il‑Kummissjoni, C‑274/12 P, Ġabra, EU:C:2013:852, punt 19, u tas‑27 ta’ Frar 2014, Stichting Woonpunt et vs Il‑Kummissjoni, C‑133/12 P, Ġabra, EU:C:2014:105, punt 31).

68      Skont il-ġurisprudenza, il-kunċett ta’ “att regolatorju”, fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE għandu jinftiehem fis-sens li jipprevedi kull att ta’ portata ġenerali bl-eċċezzjoni tal-atti leġiżlattivi (sentenza tat‑3 ta’ Ottubru 2013, Inuit Tapiriit Kanatami et vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, C‑583/11 P, Ġabra, EU:C:2013:625, punti 60 u 61).

69      Id-distinzjoni bejn att leġiżlattiv u att regolatorju tistrieħ, skont it-Trattat FUE, fuq il-kriterju tal-proċedura, sew jekk leġiżlattiva, sew jekk le, li waslet għall-adozzjoni tiegħu (digriet tas‑6 ta’ Settembru 2011 Inuit Tapiriit Kanatami et vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, T‑18/10, Ġabra, EU:T:2011:419, punt 65).

70      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Artikolu 289(3) TFUE jippreċiża li l-atti ġuridiċi adottati bi proċedura leġiżlattiva jikkostitwixxu atti leġiżlattivi. Issir distinzjoni bejn il-proċedura leġiżlattiva ordinarja, li, hekk kif tfakkar it-tieni sentenza tal-Artikolu 289(1) TFUE, hija ddefinita fl-Artikolu 249 TFUE, u l-proċeduri leġiżlattivi speċjali. F’dan ir-rigward, l-Artikolu 289(2) FUE jipprovdi li, fil-każijiet speċifiċi previsti mit-Trattati, l-adozzjoni, b’mod partikolari, ta’ deċiżjoni mill-Kunsill bil-parteċipazzjoni tal-Parlament tikkostitwixxi proċedura leġiżlattiva speċjali.

71      F’dan il-każ, hekk kif jirriżulta mill-preambolu tagħha, id-deċiżjoni kkontestata ġiet adottata skont il-proċedura ddefinita fl-Artikolu 218(6)(a) TFUE li jipprovdi li l-Kunsill, fuq proposta tan-negozjatur, f’dan il-każ il-Kummissjoni, għandu jadotta d-deċiżjoni ta’ konklużjoni tal-ftehim wara l-approvazzjoni tal-Parlament. Din il-proċedura tissodisfa l-kriterji ddefiniti fl-Artikolu 289(2) TFUE u, konsegwentement, tikkostitwixxi proċedura leġiżlattiva speċjali.

72      Għalhekk jirriżulta li d-deċiżjoni kkontestata hija att leġiżlattiv u, b’hekk, ma tikkostitwixxix att regolatorju. Għaldaqstant hija l-ewwel waħda miż-żewġ ipoteżi msemmija fil-punt 67 iktar ’il fuq li hija rilevanti f’dan il-każ. B’danakollu, u fid-dawl tal-fatt li r-rikorrent ma huwiex id-destinatarju tad-deċiżjoni kkontestata, sabiex dan ir-rikors ikun ammissibbli, għandu jintwera li l-imsemmija deċiżjoni tikkonċernah direttament u individwalment.

73      Sabiex tiġi eżaminata din il-kwistjoni, għandu jiġi ddeterminat jekk il-ftehim li l-konklużjoni tiegħu ġiet approvata mid-deċiżjoni kkontestata japplikax jew le għat-territorju tas-Saħara tal-Punent, sa fejn ir-rikorrent jistax jiġi affetwat direttament u individwalment mill-att ikkontestat minħabba l-kwalità tiegħu bħala parti involuta fil-proċess ta’ soluzzjoni tad-destin tat-territorju inkwistjoni (ara l-punt 57 iktar ’il fuq) u tal-pretensjoni min-naħa tiegħu li jkun ir-rappreżentant leġittimu tal-poplu tas-Saħara tal-Punent (ara l-punt 61 iktar ’il fuq).

74      F’dan ir-rigward, il-Kunsill u l-Kummissjoni jsostnu li, skont l-Artikolu 94 tiegħu, il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni mal-Marokk għandu japplika għat-territorju tar-Renju tal-Marokk. Skont il-Kunsill, peress li dan l-artikolu ma jiddefinixxix it-territorju tar-Renju tal-Marokk, il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni mal-Marokk ma jippreġudikax l-istatus ġuridiku tas-Saħara tal-Punent u ma jagħti lok għal ebda rikonoxximent formali tad-drittijiet li r-Renju tal-Marokk jinvoka fir-rigward ta’ dan it-territorju. Ebda dispożizzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, jew tal-ftehim approvat minn din id-deċiżjoni, ma tipprovdi li dan il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din tal-aħħar jestendi ruħu wkoll għas-Saħara tal-Punent.

75      Il-Kummissjoni tfakkar, f’dan ir-rigward, il-kliem tad-Dikjarazzjoni dwar il-prinċipji tad-dritt internazzjonali marbuta mar-relazzjonijiet ta’ ħbiberija u mal-kooperazzjoni bejn l-Istati konformement mal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti, approvata permezz tar-Riżoluzzjoni 2625 (XXV) tal-Assemblea Ġenerali tal-ONU, tal‑24 ta’ Ottubru 1970, li tipprovdi li “t-territorju ta’ kolonja jew ta’ territorju ieħor mhux awtonomu għandu jkollu, skont il-[Karta tan-Nazzjonijiet Uniti], status separat u distint minn dak tat-territorju tal-Istat li jamministrah” u skontha “dan l-istatus separat u distint skont [l-imsemmija] karta jeżisti għal daqs kemm il-poplu tal-kolonja jew tat-territorju mhux awtonomu ilu ma jeżerċitax id-dritt tiegħu li jiddeċiedi għalih innifsu konformement mal-Karta [tan-Nazzjonijiet Uniti] u, b’mod iktar partikolari, mal-għanijiet u l-prinċipji tagħha”. Minn dan jirriżulta, skont il-Kummissjoni, li territorju mhux awtonomu ma jagħmilx parti mill-awtorità tal-entità li tamministrah, iżda għandu status distint fir-rigward tad-dritt internazzjonali. Il-Ftehimiet internazzjonali konklużi mill-awtorità li tamministra territorju mhux awtonomu ma għandhomx japplikaw fuq dan it-territorju, ħlief jekk ikun hemm estensjoni espliċita f’dan is-sens. Għalhekk il-Kummissjoni ssostni li, f’dan is-sens, fin-nuqqas ta’ tali estensjoni, il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni mal-Marokk japplika biss għall-prodotti li joriġinaw mir-Renju tal-Marokk, Stat li, fid-dritt internazzjonali, ma jinkludix lis-Saħara tal-Punent.

76      Il-Front Polisario jwieġeb li r-Renju tal-Marokk ma jamministrax is-Saħara tal-Punent skont l-Artikolu 73 tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti, iżda jokkupah militarment. Mill-perspettiva tal-ONU, ir-Renju ta’ Spanja għadha l-awtorità li teżerċita l-amministrazzjoni tas-Saħara tal-Punent. Ir-Renju tal-Marokk hija l-awtorità okkupanti, fis-sens tad-dritt internazzjonali umanitarju.

77      Il-Front Polisario jżid li r-Renju tal-Marokk ma japplika għas-Saħara tal-Punent il-ftehimiet konklużi mal-Unjoni, inkluż il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni mal-Marokk. Dan huwa fatt magħruf kemm mill-Kunsill kif ukoll mill-Kummissjoni. Il-Front Polisario jinvoka numru ta’ elementi insostenn ta’ din l-affermazzjoni.

78      L-ewwel nett, huwa jinvoka t-tweġiba komuni mogħtija mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà, Viċi President tal-Kummissjoni, is-Sinjura Catherine Ashton, f’isem il-Kummissjoni għall-mistoqsijiet bil-miktub magħmul mid-deputati fil-Parlament bir-referenzi E‑001004/11, P‑001023/11 u E‑002315/11 (ĠU 2011, C 286 E, p. 1).

79      It-tieni nett, huwa jsostni li, bħal ma jindikaw numru ta’ dokumenti disponibbli fis-sit internet tad-Direttorat Ġenerali (DĠ) “Saħħa u sigurtà tal-ikel” tal-Kummissjoni, wara l-konklużjoni tal-Ftehim ta’ assoċjazzjoni mal-Marokk, l-Uffiċċju alimentari u veterinarju, li jaqa’ taħt dan id-DĠ, wettaq numru ta’ żjarat fis-Saħara tal-Punent sabiex jiżgura ruħu mill-osservanza min-naħa tal-awtoritajiet Marokkini tar-regoli sanitarji stabbiliti mill-Unjoni.

80      It-tielet nett, huwa jsostni li l-lista tal-esportaturi Marokkini ċċertifikati skont il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni mal-Marokk, ippubblikata fis-sit internet tal-Kummissjoni, tinkludi, b’mod totali, 140 impriża bbażati fis-Saħara tal-Punent.

81      Mistieden, fil-kuntest ta’ miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, sabiex jippreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu dwar l-allegazzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq tal-Front Polisario, il-Kunsill osserva li kien isostni b’mod sħiħ l-isforzi tal-ONU għall-finijiet tas-sejba ta’ soluzzjoni stabbli u dewwiema għall-kwistjoni tas-Saħara tal-Punent u li ebda istituzzjoni tal-Unjoni ma kien qatt irrikonoxxa la de facto u lanqas de jure xi forma ta’ sovranità Marokkina fuq it-territorju tas-Saħara tal-Punent.

82      Madankollu, skont il-Kunsill, l-istituzzjonijiet tal-Unjoni ma jistgħux jinjoraw ir-realtà tal-fatti, jiġifieri li r-Renju tal-Marokk huwa l-awtorità li teżerċita de facto l-amministrazzjoni tas-Saħara tal-Punent. Għaldaqstant fir-rigward tat-territorju tas-Saħara tal-Punent, dan ifisser li l-Unjoni għandha tindirizza ruħha lill-awtoritajiet Marokkini, li huma l-uniċi awtoritajiet li jistgħu jagħtu eżitu għad-dispożizzjonijiet tal-Ftehim f’dan it-territorju, b’osservanza tal-interessi u tad-drittijiet tal-poplu tas-Saħara tal-Punent. Dan il-fatt ma jagħti lok għal ebda rikonoxximent, la de facto u lanqas de jure, għal xi tip ta’ sovranità tar-Renju tal-Marokk fuq it-territorju tas-Saħara tal-Punent.

83      Min-naħa tagħha, il-Kummissjoni indikat b’mod partikolari, fl-istess kuntest, li t-tweġiba komuni għall-mistoqsijiet bil-miktub magħmula mid-deputati tal-Parlament bir-referenzi E‑1004/11, P‑1023/11 u E‑2315/11 turi li l-esportazzjonijiet tas-Saħara tal-Punent kienu jibbenefikaw “de facto” (u mhux de jure) mill-vantaġġi kummerċjali u fakkret l-obbligi tar-Renju tal-Marokk bħala “awtorità [li teżerċita l-amministrazzjoni] de facto” ta’ territorju mhux awtonomu. Skont il-Kummissjoni, wieħed ma għandux jara f’dan kollu rikonoxximent jew annessjoni tas-Saħara tal-Punent mir-Renju tal-Marokk, u lanqas ta’ sovranità Marokkina fuq dan it-territorju.

84      Fir-rigward tad-dokumenti msemmija fil-punt 79 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni osservat li dawn kienu rapporti ta’ natura purament teknika tal-Uffiċċju alimentari u veterinarju tagħha. Hija żiedet tgħid li tali spezzjonijiet tas-saħħa kienu neċessarji għal kull prodott intiż li jiġi importat fl-Unjoni, sew jekk kienx jirriżulta minn ftehim ta’ assoċjazzjoni, sew jekk le. Fl-assenza tagħhom, ebda prodott ma jkun jista’ jiġi esportat lejn l-Unjoni mit-territorju inkwistjoni, liema fatt ma jkunx favorevoli għall-interessi tal-popolazzjonijiet lokali. Il-fatt li dawn ir-rapporti jikkwalifikaw lill-awtorità Marokkina bħala “awtorità kompetenti” jirrifletti sempliċement l-istatus tar-Renju tal-Marokk bħala awtorità li teżerċita l-amministrazzjoni de facto tas-Saħara tal-Punent u ma jimplika ebda rikonoxximent tas-sovranità tiegħu.

85      Skont il-Kummissjoni, ħlief sabiex jeskludi kull esportazzjoni mis-Saħara tal-Punent, il-Front Polisario ma jistax serjament jippretendi li, fil-qasam tas-saħħa pubblika tas-Saħara tal-Punent, l-Uffiċċju alimentari u veterinarju għandu jkollu lilu bħala interlokutur esklużiv. Il-Front Polisario ma jeżerċita ebda awtorità reali fuq it-territorju kkonċernat u lanqas ma jista’ jiżgura li l-esportazzjonijiet josservaw ir-regoli tas-saħħa pubblika.

86      Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni essenzjalment ikkonfermat il-preżenza, fuq il-lista tal-esportaturi ċċertifikati msemmija fil-punt 80 iktar ’il fuq, bħala impriżi stabbiliti fis-Saħara tal-Punent. Madankollu hija indikat li, għal “raġunijiet ta’ kumdità”, il-lista inkwistjoni kienet tirreferi għar-reġjuni hekk kif iddefiniti mir-Renju tal-Marokk, mingħajr ma dan kien indikazzjoni ta’ xi tip ta’ rikonoxximent ta’ annessjoni.

87      Barra minn hekk, waqt is-seduta, kemm il-Kunsill kif ukoll il-Kummissjoni indikaw, bi tweġiba għal mistoqsija tal-Qorti Ġenerali, li l-ftehim imsemmi mid-deċiżjoni kkontestata ġie applikat de facto fit-territorju tas-Saħara tal-Punent. Ittieħdet nota ta’ din id-dikjarazzjoni fil-proċess verbal tas-seduta.

88      Għandu jiġi osservat li l-mistoqsija magħmula fil-punt 73 iktar ’il fuq tirrikjedi, b’mod definittiv, interpretazzjoni tal-Ftehim li l-konklużjoni tiegħu ġie approvat mid-deċiżjoni kkontestata.

89      F’dan ir-rigward għandu jitfakkar, qabel kollox, li ftehim ma’ Stat terz konkluż mill-Kunsill, konformement mal-Artikoli 217 TFUE u 218 TFUE, jikkostitwixxi, f’dak li jikkonċerna l-Unjoni, att meħud minn istituzzjoni tal-Unjoni, fis-sens tal-punt (b) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 267 TFUE, sussegwentement, li, sa mid-dħul fis-seħħ ta’ ftehim bħal dan, id-dispożizzjonijiet tiegħu jagħmlu parti integrali mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni u li, fl-aħħar nett, fil-kuntest ta’ dan l-ordinament ġuridiku, il-qrati tal-Unjoni għandhom ġurisdizzjoni sabiex jiddeċiedu dwar l-interpretazzjoni ta’ dan il-ftehim (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑25 ta’ Frar 2010, Brita, C‑386/08, Ġabra, EU:C:2010:91, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata).

90      Barra minn hekk, peress li huwa konkluż bejn żewġ suġġetti tad-dritt internazzjonali pubbliku, il-ftehim kopert mid-deċiżjoni kkontestata huwa rregolat mid-dritt internazzjonali u, b’mod iktar partikolari, f’dak li jirrigwarda l-interpretazzjoni tiegħu, mil-liġi internazzjonali dwar it-trattati (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Brita, punt 89 iktar ’il fuq, EU:C:2010:91, punt 39).

91      Il-liġi internazzjonali dwar it-trattati ġie kkodifikat, essenzjalment, fil-Konvenzjoni ta’ Vjenna dwar il-liġi tat-trattati, tat‑23 ta’ Mejju 1969 (Ġabra tat-Trattati tan-Nazzjonijiet Uniti, 1155, p. 331) (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Vjenna”).

92      Ir-regoli li jinsabu fil-Konvenzjoni ta’ Vjenna japplikaw għal ftehim konkluż bejn Stat u organizzazzjoni internazzjonali, bħall-ftehim kopert mid-deċiżjoni kkontestata, sa fejn dawn ir-regoli huma l-espressjoni tad-dritt internazzjonali ġenerali ta’ natura konswetudinali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Brita, punt 89, EU:C:2010:91, punt 41). Għalhekk, il-ftehim kopert mid-deċiżjoni kkontestata għandu jiġi interpretat skont dawn ir-regoli.

93      Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li, minkejja li din ma torbot la lill-Unjoni u lanqas lill-Istati Membri kollha, sensiela ta’ dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna kienu jirriflettu r-regoli tad-dritt konswetudinarju internazzjonali, li, bħala tali, jorbtu lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni u jagħmlu parti mill-ordinament ġuridiku tiegħu (ara s-sentenza Brita, punti 89, iktar ’il fuq, EU:C:2010:91, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata).

94      Skont l-Artikolu 31 tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna, trattat għandu jiġi interpretat in bona fide fis-sens ordinarju li għandu jingħata lit-termini tat-trattat fil-kuntest tagħhom u fid-dawl tal-għan u s-suġġett tiegħu. F’dan ir-rigward, għandha tittieħed inkunsiderazzjoni, flimkien mal-kuntest, kull regola rilevanti tad-dritt internazzjonali applikabbli fir-relazzjonijiet bejn il-partijiet.

95      Fis-sentenza Brita, punt 89 iktar ’il fuq (EU:C:2010:91, punti 44 sa 53), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li ftehim ta’ assoċjazzjoni bejn l-Unjoni u l-Istat ta’ Iżrael applikabbli, skont il-kliem tagħha, “għat-territorju tal-Istat ta’ Iżrael” kellu jiġi interpretat fis-sens li ma kienx japplika għall-prodotti li joriġinaw mix-xatt tal-Punent, territorju li jinsab barra mit-territorju tal-Istat ta’ Iżrael, hekk kif inhu internazzjonalment rikonoxxut, iżda li għandu kolonji ta’ popolazzjoni Iżraeljana, ikkontrollati mill-Istat ta’ Iżrael.

96      Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja waslet għal din il-konklużjoni billi ħadet inkunsiderazzjoni, minn naħa, il-prinċipju ta’ dritt internazzjonali ġenerali tal-effett relattiv tat-trattati, li skontu t-trattati la għandhom jikkawżaw preġudizzju u lanqas vantaġġi lil suġġetti terzi (pacta tertiis nec nocent nec prosunt), li, skont il-Qorti tal-Ġustizzja, huwa espress b’mod partikolari fl-Artikolu 34 tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna, li jgħid li trattat la joħloq obbligi u lanqas drittijiet għal Stat terz mingħajr il-kunsens tiegħu (sentenza Brita, punt 89 iktar ’il fuq, EU:C:2010:91, punt 44), u, min-naħa l-oħra, il-fatt li l-Unjoni kienet ikkonkludiet ukoll ftehim ta’ assoċjazzjoni mal-Organizzazzjoni tal-Liberazzjoni tal-Palestina (OLP) li kienet qed taġixxi f’isem l-Awtorità Palestinjana tax-Xatt tal-Punent u tal-Medda ta’ Gaża, fejn dan l-aħħar ftehim kien applikabbli b’mod partikolari, skont il-kliem tiegħu, għat-territorju tax-Xatt tal-Punent (sentenza Brita, punt 89 iktar ’il fuq, EU:C:2010:91, punti 46 u 47).

97      Iċ-ċirkustanzi ta’ din il-kawża huma differenti, sa fejn, f’dan il-każ, l-Unjoni ma kkonkludietx ftehim ta’ assoċjazzjoni dwar il-prodotti li joriġinaw mis-Saħara tal-Punent, la mal-Front Polisario u lanqas ma’ Stat ieħor jew entità oħra.

98      Il-ftehim li l-konklużjoni tiegħu ġie approvat permezz tad-deċiżjoni kkontestata għandu għalhekk jiġi interpretat konformement mal-Artikolu 31 tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna (ara l-punt 94 iktar ’il fuq).

99      Konformement ma’ dan l-artikolu, jeħtieġ li jittieħed inkunsiderazzjoni b’mod partikolari l-kuntest li fih jidħol trattat internazzjonali bħall-ftehim kopert mid-deċiżjoni kkontestata. L-elementi kollha msemmija fil-punti 77 sa 87 iktar ’il fuq jagħmlu parti minn dan il-kuntest u juru li l-istituzzjonijiet tal-Unjoni kienu jafu dwar l-applikazzjoni, mill-awtoritajiet Marokkini, tad-dispożizzjonijiet tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni mal-Marokk ukoll għall-parti tas-Saħara tal-Punent ikkontrollata mir-Renju tal-Marokk u ma kkontestawx din l-applikazzjoni. Bil-kontra, il-Kummissjoni kkooperat, b’ċertu mod, mal-awtoritajiet Marokkini fid-dawl ta’ din l-applikazzjoni u rrikonoxxiet ir-riżultati tagħha, billi inkludiet impriżi stabbiliti fis-Saħara tal-Punent fost dawk inklużi fil-lista msemmija fil-punt 74 iktar ’il fuq.

100    Għandu jitfakkar ukoll li teżisti diverġenza bejn it-teżijiet rispettivi tal-Unjoni u tar-Renju tal-Marokk fir-rigward tal-istatus internazzjonali tas-Saħara tal-Punent. Filwaqt li t-teżi tal-Unjoni hija suffiċjentement u korrettement spjegata mill-Kunsill u mill-Kummissjoni (ara l-punti 74 u 75 iktar ’il fuq), huwa paċifiku li r‑Renju tal-Marokk għandu idea tal-affarijiet li hi għal kollox differenti. Fil-fehma tiegħu, is-Saħara tal-Punent jagħmel parti sħiħa mit-territorju tiegħu.

101    B’hekk, fl-Artikolu 94 tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni mal-Marokk, ir-riferiment għat-territorju tar-Renju tal-Marokk seta’ jinftiehem mill-awtoritajiet Marokkini bħala li jinkludi s-Saħara tal-Punent jew, mill-inqas, l-iktar parti importanti tiegħu kkontrollata mir-Renju tal-Marokk. Minkejja li l-istituzzjonijiet tal-Unjoni kienu, hekk kif diġà ġie osservat, kuxjenti dwar din it-teżi sostnuta mir-Renju tal-Marokk, il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni mal-Marokk ma jinkludi ebda klawżola interpretattiva u ebda dispożizzjoni oħra li jkollha bħala riżultat li teskludi t-territorju tas-Saħara tal-Punent mill-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu.

102    Għandu jittieħed inkunsiderazzjoni wkoll il-fatt li l-ftehim kopert mid-deċiżjoni kkontestata ġie konkluż tnax‑il sena wara l-approvazzjoni tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni mal-Marokk u filwaqt li dan il-ftehim kien ġie implementat matul dan il-perijodu kollu. Li kieku l-istituzzjonijiet tal-Unjoni xtaqu jikkontestaw l-applikazzjoni tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni għas-Saħara tal-Punent, kif emendat bid-deċiżjoni kkontestata, huma setgħu jinsistu sabiex tiġi inkluża, fit-test tal-Ftehim approvat minn din id-deċiżjoni, klawżola li teskludi tali applikazzjoni. In-nuqqas tagħhom fuq dan il-punt juri li huma aċċettaw, mill-inqas impliċitament, l-interpretazzjoni tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni mal-Marokk u tal-ftehim approvat mid-deċiżjoni kkontestata, skont liema dawn il-ftehimiet japplikaw ukoll għall-parti tas-Saħara tal-Punent ikkontrollata mir-Renju tal-Marokk.

103    F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi konkluż li l-ftehim li l-konklużjoni tiegħu ġiet approvata mid-deċiżjoni kkontestata, imqiegħed mill-ġdid fil-kuntest tiegħu hekk kif ġie ddefinit iktar ’il fuq, japplika wkoll għat-territorju tas-Saħara tal-Punent jew, b’mod iktar speċifiku, għall-ikbar parti minn dan it-territorju, ikkontrollata mir-Renju tal-Marokk.

104    Huwa billi tittieħed inkunsiderazzjoni din il-konklużjoni li għandu jiġi evalwat l-effett dirett u individwali tad-deċiżjoni kkontestata fuq il-Front Polisario.

105    Fir-rigward tal-effett dirett, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li l-kundizzjoni li skontha persuna fiżika jew ġuridika għandha tkun “direttament ikkonċernata” mill-att li huwa s-suġġett tar-rikors teħtieġ li jiġu ssodisfatti żewġ kriterji kumulattivi, jiġifieri li l-miżura kkontestata, fl-ewwel lok, tipproduċi direttament effetti fuq is-sitwazzjoni ġuridika tal-persuna kkonċernata u, fit-tieni lok, li ma tħalli ebda setgħa diskrezzjonali lid-destinatarji tagħha li għandhom jimplementawha, peress li din hija ta’ natura purament awtomatika u tirriżulta biss mill-leġiżlazzjoni tal-Unjoni, mingħajr applikazzjoni ta’ regoli oħra intermedjarji (ara s-sentenza tal‑10 ta’ Settembru 2009, Il-Kummissjoni vs Ente per le Ville Vesuviane u Ente per le Ville Vesuviane vs Il‑Kummissjoni, C‑445/07 P u C‑455/07 P, Ġabra, EU:C:2009:529, punt 45 u l-ġurisprudenza ċċitata).

106    F’dan ir-rigward għandu jiġi osservat li l-fatt, invokat mill-Kunsill (ara l-punt 63 iktar ’il fuq), li d-deċiżjoni kkontestata tirrigwarda l-konklużjoni ta’ ftehim internazzjonali bejn l-Unjoni u r-Renju tal-Marokk ma jeskludix li jista’ jipproduċi effetti ġuridiċi fil-konfront ta’ terzi.

107    Fil-fatt, skont ġurisprudenza stabbilita, dispożizzjoni ta’ ftehim konkluż mill-Unjoni u mill-Istati Membri tagħha ma’ Stati terzi għandha titqies li għandha effett dirett meta, fid-dawl tal-kliem tagħha kif ukoll tal-għan u tan-natura ta’ dan il-ftehim, hija tinkludi obbligu ċar u speċifiku li ma huwa suġġett, fl-eżekuzzjoni jew fl-effetti tiegħu, għal intervent ta’ ebda att ulterjuri (ara s-sentenza tat‑8 ta’ Marzu 2011, Lesoochranárske zoskupenie, C‑240/09, Ġabra, EU:C:2011:125, punt 44 u l-ġurisprudenza ċċitata).

108    F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li l-ftehim taħt forma ta’ skambju ta’ ittri konkluż skont id-deċiżjoni kkontestata jinkludi dispożizzjonijiet b’obbligi ċari u preċiżi, li ma humiex suġġetti, fl-eżekuzzjoni jew fl-effetti tagħhom, għall-intervent ta’ atti ulterjuri. Għandu jissemma, bħala eżempju, li l-Protokoll Nru 1 tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni mal-Marokk, dwar l-arranġamenti applikabbli għall-importazzjoni fl-Unjoni tal-prodotti agrikoli, tal-prodotti agrikoli pproċessati, tal-ħut u tal-prodotti tas-sajd li joriġinaw fir-Renju tal-Marokk, jinkludi l-Artikolu 2 issostitwit bis-saħħa tal-ftehim kopert mid-deċiżjoni kkontestata, li jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu, li d-dazji doganali, applikabbli għall-importazzjonijiet fl-Unjoni ta’ prodotti agrikoli, ta’ prodotti agrikoli pproċessati, ta’ ħut u ta’ prodotti tas-sajd li joriġinaw mill-Marokk, għandhom jiġu eliminati, sakemm ma jiġix ipprovdut mod ieħor fil-paragrafi 2 u 3 għall-prodotti agrikoli u fl-Artikolu 5 tal-istess protokoll għall-prodotti agrikoli pproċessati. Għandu jissemma wkoll li l-Protokoll Nru 2 tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni mal-Marokk, dwar l-arranġamenti applikabbli għall-importazzjoni fl-Unjoni tal-prodotti agrikoli, tal-prodotti agrikoli pproċessati, tal-ħut u tal-prodotti tas-sajd li joriġinaw fir-Renju tal-Marokk, jinkludi l-Artikolu 2 issostitwit bis-saħħa tal-ftehim approvat mid-deċiżjoni kkontestata, li jinkludi, dispożizzjonijiet tariffarji speċifiċi, applikabbli għall-importazzjonijiet fir-Renju tal-Marokk ta’ prodotti agrikoli, ta’ prodotti agrikoli pproċessati, ta’ ħut u ta’ prodotti tas-sajd li joriġinaw mill-Unjoni.

109    Dawn id-dispożizzjonijiet jipproduċu effetti fuq is-sitwazzjoni ġuridika tat-territorju kollu li fuqu japplika l-ftehim (u, għaldaqstant, fuq it-territorju tas-Saħara tal-Punent ikkontrollat mir-Renju tal-Marokk), fis-sens li jiddeterminaw il-kundizzjonijiet li fihom prodotti agrikoli u tas-sajd jistgħu jiġu esportati f’dan it-territorju lejn l-Unjoni jew jistgħu jiġu importati mill-Unjoni fit-territorju inkwistjoni.

110    Issa, dawn l-effetti jirrigwardaw direttament mhux biss lir-Renju tal-Marokk iżda wkoll lill-Front Polisario, sa fejn, kif jirriżulta mill-elementi msemmija fil-punti 1 sa 6 iktar ’il fuq, l-istatus internazzjonali definittiva ta’ dan it-territorju għadu ma ġiex iddeterminat fil-kuntest ta’ proċedura ta’ negozjati, taħt il-patroċinju tal-ONU, bejn ir-Renju tal-Marokk u, speċifikament, il-Front Polisario.

111    Għall-istess raġuni, il-Front Polisario għandu jitqies li huwa individwalment ikkonċernat mid-deċiżjoni kkontestata.

112    Għandu jitfakkar, f’dan ir-rigward, li skont ġurisprudenza stabbilita, il-persuni fiżiċi jew ġuridiċi jissodisfaw il-kundizzjoni dwar l-interess individwali biss jekk l-att ikkontestat jippreġudikahom minħabba ċerti kwalitajiet partikolari għalihom jew minħabba sitwazzjoni fattwali li tikkaratterizzahom meta mqabbla ma’ kull persuna oħra u, minħabba dan, tindividwalizzahom b’mod simili għal dak tad-destinatarju (sentenzi tal‑15 ta’ Lulju 1963, Plaumann vs Il‑Kummissjoni, 25/62, Ġabra, EU:C:1963:17, p. 23, u Inuit Tapiriit Kanatami et vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, punt 68 iktar ’il fuq, EU:C:2013:625, punt 72).

113    Issa, iċ-ċirkustanzi msemmija fil-punt 110 iktar ’il fuq effettivament jikkostitwixxu sitwazzjoni fattwali li tikkaratterizza lill-Front Polisario meta mqabbel ma’ kull persuna oħra u tagħtih kwalità partikolari. Fil-fatt, il-Front Polisario huwa l-uniku interlokutur ieħor li jipparteċipa fin-negozjati mmexxija taħt il-patroċinju tal-ONU, bejnu u r-Renju tal-Marokk, bil-għan tad-determinazzjoni tal-istatus internazzjonali definittiv tas-Saħara tal-Punent.

114    Għaldaqstant għandu jiġi konkluż li, peress li l-Front Polisario huwa direttament u individwalment ikkonċernat bid-deċiżjoni kkontestata, minn dan l-aspett ma jeżisti ebda dubju fir-rigward tal-ammissibbiltà tar-rikors, kuntrarjament għal dak li jsostnu l-Kunsill u l-Kummissjoni.

 Fuq il-mertu

115    Insostenn tar-rikors tiegħu, il-Front Polisario jinvoka ħdax‑il motiv:

–        l-ewwel motiv, ibbażat fuq motivazzjoni insuffiċjenti tad-deċiżjoni kkontestata;

–        it-tieni motiv, ibbażat fuq in-nuqqas ta’ osservanza tal-“prinċipju ta’ konsultazzjoni”;

–        it-tielet motiv, ibbażat fuq il-ksur tad-drittijiet fundamentali;

–        ir-raba’ motiv, ibbażat fuq il-“ksur tal-prinċipju ta’ koerenza tal-politika tal-Unjoni, minħabba n-nuqqas ta’ osservanza tal-prinċipju ta’ [...] sovranità”;

–        il-ħames motiv, ibbażat fuq il-“ksur tal-valuri li fuqhom hija bbażata l-Unjoni [...] u tal-prinċipji li jirregolaw l-azzjoni esterna tagħha”;

–        is-sitt motiv, ibbażat fuq in-“nuqqas ta’ twettiq tal-għan ta’ żvilupp sostenibbli”;

–        is-seba’ motiv, ibbażat fuq in-“natura kuntrarja” tad-deċiżjoni kkontestata “fir-rigward tal-prinċipji u għanijiet tal-azzjoni esterna tal-Unjoni fil-qasam tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp”;

–        it-tmien motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi;

–        id-disa’ motiv, ibbażat fuq in-“natura kuntrarja” tad-deċiżjoni kkontestata “ma’ numru ta’ ftehimiet konklużi mill-Unjoni”;

–        l-għaxar motiv, ibbażat fuq in-“natura kuntrarja” tad-deċiżjoni kkontestata mad-“dritt internazzjonali ġenerali”;

–        u, fl-aħħar nett, il-ħdax‑il motiv, ibbażat fuq id-“dritt tar-responsabbiltà internazzjonali fid-dritt tal-Unjoni”.

116    Preliminarjament, għandu jiġi kkonstatat li mill-argumenti mressqa mill-Front Polisario insostenn tal-motivi kollha tiegħu jirriżulta li r-rikors tiegħu huwa intiż għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata sa fejn din approvat l-applikazzjoni, fis-Saħara tal-Punent, tal-Ftehim kopert minnha. Fil-fatt, kif jirriżulta mill-kunsiderazzjonijiet esposti hawn fuq, fir-rigward tal-effett dirett u individwali fuq il-Front Polisario tad-deċiżjoni kkontestata, huwa preċiżament mill-fatt li dan il-ftehim japplika wkoll għas-Saħara tal-Punent li l-Front Polisario huwa direttament u individwalment ikkonċernat mid-deċiżjoni kkontestata.

117    Għandu jiġi kkonstatat ukoll li l-Front Polisario jinvoka numru ta’ motivi, fosthom l-ewwel żewġ motivi li jirrigwardaw il-legalità esterna tad-deċiżjoni kkontestata, filwaqt li l-oħrajn jirrigwardaw il-legalità interna tagħha. Essenzjalment, ir-rikorrent jinvoka illegalità tad-deċiżjoni kkontestata minħabba li din tikser id-dritt tal-Unjoni kif ukoll id-dritt internazzjonali. Dawn il-motivi kollha fil-verità jittrattaw il-kwistjoni tal-eżistenza jew in-nuqqas ta’ eżistenza ta’ projbizzjoni assoluta ta’ konklużjoni, f’isem l-Unjoni, ta’ ftehim internazzjonali li jista’ jiġi applikat għal territorju kkontrollat de facto minn Stat terz, mingħajr madankollu s-sovranità ta’ dan l-Istat fuq dan it-territorju ma hija rikonoxxuta mill-Unjoni u mill-Istati Membri tagħha jew, b’mod iktar ġenerali, mill-Istati l-oħra kollha (iktar ’il quddiem “territorju kkontestat”), kif ukoll, jekk ikun il-każ, il-kwistjoni tal-eżistenza ta’ setgħa diskrezzjonali tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni f’dan ir-rigward, tal-limiti ta’ din is-setgħa u l-kundizzjonijiet għall-eżerċizzju tagħha.

118    Għaldaqstant, qabel kollox għandhom jiġu eżaminati l-ewwel żewġ motivi li, bħal ma josserva r-rikorrent innifsu, jirrigwardaw il-legalità esterna tad-deċiżjoni kkontestata.

 Fuq l-ewwel motiv

119    Il-Front Polisario jsostni li d-deċiżjoni kkontestata ma hijiex suffiċjentement immotivata. Hija kienet issemmi biss, fil-premessa 1 tagħha “l-implementazzjoni b’mod progressiv ta’ l-ikbar liberalizzazzjoni reċiproka ta’ kummerċ” u, fil-premessa 2, il-“pjan ta’ azzjoni tal-politika Ewropea tal-viċinat li tinkludi dispożizzjoni speċifika li għandha bħala għan liberalizzazzjoni ikbar fil-kummerċ”, adottat f’Lulju 2005 mill-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni UE‑Marokk. Issa, il-politika Ewro-Mediterranja ma tillimitax ruħha biss għal-liberalizzazzjoni tal-kummerċ, iżda tinkludi valuri oħra li huma fundamentali għall-Unjoni.

120    Ir-rikorrent iżid li l-Kunsill lanqas ma ħejja studju ta’ impatt qabel il-konklużjoni tal-Ftehim. Fil-fehma tiegħu, filwaqt li tali studju huwa fakultattiv, dan kellu jkun mandatorju fiċ-ċirkustanzi tal-każ. Għalhekk, il-Kunsill ma għandu ebda tħassib la għas-Saħara tal-Punent u lanqas għal-“legalità internazzjonali”.

121    Għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, il-motivazzjoni rikjesta mill-Artikolu 296 TFUE għandha tiġi adattata għan-natura tal-att in kwistjoni. Hija għandha turi b’mod ċar u inekwivoku r-raġunament tal-istituzzjoni, awtriċi tal-att, b’tali mod li tippermetti lill-partijiet ikkonċernati jsiru jafu l-ġustifikazzjonijiet tal-miżura meħuda u lill-qorti kompetenti li teżerċita l-istħarriġ tagħha. Madankollu, ma huwiex meħtieġ li l-motivazzjoni tispeċifika l-punti kollha ta’ fatt u ta’ liġi rilevanti, sa fejn il-kwistjoni dwar jekk il-motivazzjoni ta’ att tissodisfax ir-rekwiżiti tal-Artikolu 296 TFUE għandha tiġi evalwata mhux biss fid-dawl tal-formulazzjoni tagħha, iżda wkoll fid-dawl tal-kuntest tagħha kif ukoll tar-regoli ġuridiċi kollha li jirregolaw il-qasam ikkonċernat (ara s-sentenza tas‑7 ta’ Settembru 2006, Spanja vs Il‑Kunsill, C-310/04, Ġabra, EU:C:2006:521, punt 57 u l-ġurisprudenza ċċitata).

122    Barra minn hekk, meta, bħal f’dan il-każ, l-att ikun intiż għal applikazzjoni ġenerali, il-motivazzjoni tista’ tieħu l-ħsieb li tindika, minn naħa, is-sitwazzjoni sħiħa li wasslet għall-adozzjoni tiegħu u, min-naħa l-oħra, l-għanijiet ġenerali li jipproponi li għandu jikseb (sentenzi tat‑22 ta’ Novembru 2001, Il‑Pajjiżi l‑Baxxi vs Il‑Kunsill, C‑301/97, Ġabra, EU:C:2001:621, punt 189, u Spanja vs Il‑Kunsill, punt 121 iktar ’il fuq, EU:C:2006:521, punt 59).

123    Fid-dawl ta’ din il-ġurisprudenza, għandu jiġi konkluż li d-deċiżjoni kkontestata hija mmotivata suffiċjentement skont id-dritt. Minn naħa, hija ssemmi s-sitwazzjoni komplessiva li wasslet għall-adozzjoni tagħha, jiġifieri l-eżistenza tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni mal-Marokk li jipprevedi, fl-Artikolu 16 tiegħu, l-implementazzjoni b’mod progressiv ta’ liberalizzazzjoni ikbar ta’ kummerċ reċiproku ta’ prodotti agrikoli, ta’ prodotti agrikoli pproċessati, ta’ ħut u ta’ prodotti tas-sajd (premessa 1 tad-deċiżjoni kkontestata), kif ukoll il-Pjan ta’ Azzjoni tal-Politika Ewropea tal-Viċinat, adottat mill-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni UE‑Marokk f’Lulju 2005, li jinkludi dispożizzjoni speċifika li għandha bħala għan liberalizzazzjoni ikbar tal-kummerċ ta’ prodotti agrikoli, ta’ prodotti agrikoli pproċessati, ta’ ħut u ta’ prodotti tas-sajd (premessa 2 tad-deċiżjoni kkontestata). Min-naħa l-oħra, hija tindika l-għanijiet ġenerali li hija tipproponi li għandha tilħaq, jiġifieri liberalizzazzjoni ikbar ta’ kummerċ reċiproku ta’ prodotti agrikoli, ta’ prodotti agrikoli pproċessati, ta’ ħut u ta’ prodotti tas-sajd, bejn l-Unjoni u r-Renju tal-Marokk.

124    Fir-rigward tal-argumenti tal-Front Polisario li l-Kunsill ma għandu ebda tħassib fir-rigward tas-Saħara tal-Punent, ma wettaqx studju tal-impatt qabel il-konklużjoni tal-ftehim kopert mid-deċiżjoni kkontestata u, li kieku ttratta l-kwistjoni tal-applikabbiltà għat-territorju tas-Saħara tal-Punent tal-ftehim kopert mid-deċiżjoni kkontestata, huwa kien jirrinunzja għall-konklużjoni tiegħu, għandu jiġi kkonstatat li dawn ma għandhom ebda rabta ma’ allegat ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni.

125    Fil-verità, permezz ta’ dawn l-argumenti, il-Front Polisario jakkuża lill-Kunsill talli, qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, huwa ma eżaminax l-elementi rilevanti mal-każ inkwistjoni. Sabiex ikunu jistgħu jiġu eżaminati dawn l-argumenti, qabel kollox għandu jiġi ddeterminat jekk u, jekk ikun il-każ, taħt liema ċirkustanzi l-Kunsill seta’ japprova l-konklużjoni ta’ ftehim mar-Renju tal-Marokk li japplika wkoll għat-territorju tas-Saħara tal-Punent.

126    Konsegwentement, dawn l-argumenti ser jiġu eżaminati fil-punti 223 et seq iktar ’il quddiem, mal-argumenti l-oħra tar-rikorrent li jirrigwardaw l-implementazzjoni u l-osservanza mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni tas-setgħa diskrezzjonali tagħhom.

127    Bir-riżerva tal-eżami ta’ dawn l-argumenti, l-ewwel motiv għandu jiġi miċħud.

 Fuq it-tieni motiv

128    Il-Front Polisario jsostni li d-deċiżjoni kkontestata hija “mogħnija b’nullità minħabba ksur ta’ formalità sostanzjali”, ġaladarba l-Kunsill ma kkonsultahx qabel il-konklużjoni tal-ftehim kopert minn din id-deċiżjoni, minkejja li huwa l-uniku “rappreżentant leġittimu tal-poplu tas-Saħara tal-Punent”.

129    Il-Front Polisario jqis li l-obbligu tal-Kunsill li jikkonsulta jirriżulta mill-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. Huwa jinvoka, fl-istess kuntest, l-Artikolu 220(1) TFUE li jipprovdi kif ġej:

“L-Unjoni għandha tistabbilixxi l-forom kollha xierqa ta’ koperazzjoni ma’ l-organi tan-Nazzjonijiet Uniti u l-istituzzjonijiet speċjalizzati tagħha, mal-Kunsill ta’ l-Ewropa, ma’ l-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Koperazzjoni fl-Ewropa u ma’ l-Organizzazzjoni għall-Koperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiku.

L-Unjoni għandha wkoll iżżomm dawk ir-relazzjonijiet li jkunu opportuni ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali oħra.”

130    Fl-aħħar nett, huwa jinvoka “obbligu ta’ konsultazzjoni ta’ oriġini internazzjonali” li, fil-fehma tiegħu, il-Kunsill kellu fir-rigward tiegħu.

131    Il-Kunsill u l-Kummissjoni jikkontestaw l-argumenti tar-rikorrent, fejn isostnu mill-ġdid li l-prinċipju ta’ kontradittorju ma japplikax għall-proċeduri ta’ natura regolatorja.

132    Fil-fatt hemm lok li jitfakkar li, għalkemm l-Artikolu 41(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali jipprovdi li kull persuna għandha d-dritt li dak kollu li jirrigwardaha jiġi ttrattat b’mod imparzjali, ġust u fi żmien raġonevoli mill-istituzzjonijiet, il-korpi u l-organi tal-Unjoni, l-Artikolu 41(2)(a) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali jipprovdi li dan id-dritt jinkludi, b’mod partikolari, id-dritt li kull persuna tinstema’ qabel ma tittieħed kull miżura individwali fil-konfront tagħha li tolqotha negattivament. B’hekk, il-formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni tirrigwarda biss il-miżuri individwali.

133    Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet numru ta’ drabi li l-ġurisprudenza dwar id-dritt li persuna tinstema’ ma tistax tiġi estiża għall-kuntest ta’ proċedura leġiżlattiva li twassal għall-adozzjoni ta’ miżuri regolatorji jew ta’ portata ġenerali li jinvolvu għażla ta’ politika ekonomika u li japplikaw għall-ġeneralità tal-operaturi kkonċernati (sentenzi tal‑11 ta’ Diċembru 1996, Atlanta et vs Il‑KE, T‑521/93, Ġabra, EU:T:1996:184, punt 70; tal‑11 ta’ Settembru 2002, Alpharma vs Il‑Kunsill, T‑70/99, Ġabra, EU:T:2002:210, punt 388, u tal‑1 ta’ Lulju 2007, Sison vs Il‑Kunsill, T‑47/03, EU:T:2007:207, punt 144).

134    Il-fatt li l-persuna kkonċernata tkun direttament u individwalment ikkonċernata mill-miżura regolatorja jew ta’ portata ġenerali inkwistjoni ma tistax tbiddel din il-konklużjoni (ara s-sentenza Alpharma vs Il‑Kunsill, punt 133 iktar ’il fuq, EU:T:2002:210, punt 388 u l-ġurisprudenza ċċitata).

135    Ċertament, fil-każ ta’ atti ta’ portata ġenerali li jipprevedu miżuri restrittivi fil-kuntest tal-politika barranija u ta’ sigurtà komuni kontra persuni fiżiċi jew entitajiet, ġie deċiż li l-garanzija tad-drittijiet tad-difiża kienet, bħala prinċipju, għal kollox applikabbli u li l-persuna kkonċernata kellha d-dritt li titqiegħed f’pożizzjoni li ssostni utilment il-fehma tagħha fir-rigward tal-elementi kkunsidrati kontriha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑12 ta’ Diċembru 2006, Organisation des Modjahedines du peuple d’Iran vs Il-Kunsill, T-228/02, Ġabra, EU:T:2006:384, punti 91 sa 108, u Sison vs Il‑Kunsill, punt 133 iktar ’il fuq, EU:T:2007:207, punti 139 sa 155).

136    Madankollu, din il-kunsiderazzjoni hija mmotivata bil-fatt li atti ta’ dan it-tip jimponu miżuri restrittivi ekonomiċi u finanzjarji fuq il-persuni jew entitajiet speċifikament milquta minnhom (sentenzi Organisation des Modjahedines du peuple d’Iran vs Il‑Kunsill, punt 135 iktar ’il fuq, EU:T:2006:384, punt 98, u Sison vs Il‑Kunsill, punt 133 iktar ’il fuq, EU:T:2007:207, punt 146). Għalhekk din il-ġurisprudenza ma tistax tiġi trasposta għall-każ inkwistjoni.

137    Għaldaqstant, peress li d-deċiżjoni kkontestata ġiet adottata wara proċedura leġiżlattiva speċjali sabiex tapprova l-konklużjoni ta’ ftehim ta’ portata u ta’ applikazzjoni ġenerali, il-Kunsill ma kellux obbligu jikkonsulta lill-Front Polisario qabel l-adozzjoni tiegħu, kuntrarjament għal dak li jsostni dan tal-aħħar.

138    Barra minn hekk, obbligu li jiġi kkonsultat il-Front Polisario qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata ma jirriżultax ulterjorment mid-dritt internazzjonali. F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li r-rikorrent ma pprovda ebda preċiżazzjoni fir-rigward tal-oriġini u l-portata tal-“obbligu ta’ konsultazzjoni ta’ oriġini internazzjonali” invokat minnu u msemmi vagament fis-sottomissjonijiet bil-miktub tiegħu.

139    Għaldaqstant, it-tieni motiv għandu jiġi miċħud bħala infondat.

 Dwar il-motivi l-oħra

140    It-tielet sal-ħdax‑il motiv tal-Front Polisario kollha jirrigwardaw il-legalità interna tad-deċiżjoni kkontestata. Hekk kif diġà ġie osservat fil-punt 117 iktar ’il fuq, il-Front Polisario jsostni, essenzjalment, li, sa fejn approva l-konklużjoni ta’ ftehim mar-Renju tal-Marokk li japplika wkoll għall-parti tas-Saħara tal-Punent ikkontrollat minn dan tal-aħħar, minkejja l-assenza ta’ rikonoxximent internazzjonali tal-pretensjonijiet Marokkini fuq dan it-territorju, il-Kunsill ivvizzja d-deċiżjoni kkontestata b’illegalità. Din l-illegalità tirriżulta mill-ksur kemm tad-dritt tal-Unjoni, għar-raġunijiet mogħtija fil-kuntest tat-tielet sat-tmien motiv, kif ukoll tad-dritt internazzjonali, għar-raġunijiet mogħtija fil-kuntest tad-disa’ sal-ħdax‑il motiv.

141    Għaldaqstant, għandu jiġi eżaminat jekk u, jekk ikun il-każ, taħt liema ċirkustanzi l-Unjoni tista’ tikkonkludi ma’ Stat terz ftehim bħal dak approvat mid-deċiżjoni kkontestata, li japplika wkoll fuq territorju kkontestat.

 Fuq l-eżistenza ta’ projbizzjoni assoluta ta’ konklużjoni ta’ ftehim li jista’ jiġi applikat għal territorju kkontestat

142    Qabel kollox, għandu jiġi ddeterminat jekk il-motivi u l-argumenti invokati mill-Front Polisario jippermettux li jiġi konkluż li fi kwalunkwe ipoteżi huwa pprojbit li l-Kunsill japprova l-konklużjoni ma’ Stat terz ta’ ftehim li jista’ jiġi applikat għal territorju kkontestat.

–       Fuq it-tielet motiv

143    Fil-kuntest tat-tielet motiv tiegħu, ir-rikorrent jirreferi għad-dispożizzjonijiet u għall-ġurisprudenza relatati mar-rispett tad-drittijiet fundamentali mill-Unjoni sabiex isostni li, billi ddeċieda “li jippubblika ftehim li jiddieħek bid-dritt għall-awtodeterminazzjoni tal-poplu tas-Saħara tal-Punent, u li għandu bħala effett immedjat li jinkoraġġixxi l-politika ta’ annessjoni mmexxija mill-Marokk, awtorità okkupanti, il-Kunsill jikser il-prinċipji ta’ libertà, ta’ sigurtà u ta’ ġustizzja, fejn jagħlaq għajnejh fuq ir-rispett tad-drittijiet fundamentali u tas-sistemi legali tal-Istati Membri”.

144    Skont il-Front Polisario, “il-libertà hija ppreġudikata, peress li l-libertà ta’ poplu hija injorata, u agħar, miġġielda permezz ta’ din id-deċiżjoni, li tippromwovi d-dominanza ekonomika, u tipprova tbiddel l-istrutturi tal-popolazzjoni sabiex tagħmel dejjem iżjed kumplessa l-perspettiva tar-referendum ta’ awtodeterminazzjoni”. Il-Front Polisario jinvoka wkoll “preġudizzju fuq iċ-ċertezza u fuq iċ-ċertezza legali”, billi tagħmel riferiment għall-allegat ksur tad-“drittijiet individwali” tal-“poplu tas-Saħara tal-Punent” minn “reġim annessjonista” kif ukoll l-assenza ta’ valur, fil-fehma tiegħu, taċ-ċertifikati ta’ oriġini li għandhom jinħarġu mill-awtoritajiet Marokkini għall-esportazzjoni tal-prodotti provenjenti mis-Saħara tal-Punent. Fl-aħħar nett, huwa jinvoka “preġudizzju għal-liberajiet, sew tal-libertà kollettiva tal-poplu tas-Saħara tal-Punent [...] kif ukoll tan-nuqqas ta’ rispett tal-proprjetà, tal-libertà ta’ ċirkolazzjoni, tal-libertà ta’ espressjoni, tad-drittijiet tad-difiża u tal-prinċipju ta’ dinjità”.

145    Għandu jiġi osservat li, ċertament, bħal ma jfakkar il-Front Polisario, l-Artikolu 6 TFUE jipprovdi li l-Unjoni għandu jirrikonoxxi d-drittijiet, il-libertajiet u l-prinċipji msemmija fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, filwaqt li, skont l-Artikolu 67 TFUE, l-Unjoni tikkostitwixxi spazju ta’ libertà, ta’ sigurtà u ta’ ġustizzja fir-rispett tad-drittijiet fundamentali u tad-diversi sistemi legali tal-Istati Membri.

146    Madankollu, ma jirriżulta la minn dawn id-dispożizzjonijiet u lanqas minn dawk tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali li hemm projbizzjoni assoluta għall-Unjoni li tikkonkludi ftehim ma Stat terz li jirrigwarda kummerċ fil-qasam ta’ prodotti agrikoli, ta’ prodotti agrikoli pproċessati, ta’ ħut u ta’ prodotti tas-sajd, li jista’ jiġi applikat ukoll għal territorju kkontrollat minn dan l-Istat terz mingħajr ma s-sovranità tiegħu fuq dan it-territorju tkun rikonoxxuta internazzjonalment.

147    Il-kwistjoni dwar taħt liema ċirkustanzi jista’ jiġi konkluż kuntratt ta’ dan it-tip mingħajr ma jinkiser l-obbligu tal-Unjoni li tirrikonoxxi d-drittijiet fundamentali hija eżaminata, flimkien mal-argumenti l-oħra tar-rikorrent dwar l-implementazzjoni u l-osservanza mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni tas-setgħa diskrezzjonali tagħhom, fil-punti 223 et seq iktar ’il quddiem.

148    Taħt riżerva ta’ dan l-eżami, jeħtieġ li jiġi miċħud it-tielet motiv, sa fejn jakkuża lill-Kunsill bi ksur ta’ allegata projbizzjoni assoluta ta’ konklużjoni ta’ ftehim bħal dak inkwistjoni f’dan il-każ.

–       Fuq ir-raba’ motiv

149    Permezz tar-raba’ motiv tiegħu, il-Front Polisario jsostni li d-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi annullata, peress li hija kuntrarja għall-prinċipju ta’ koerenza tal-politika tal-Unjoni previst fl-Artikolu 7 TFUE, li jgħid li “[l]-Unjoni għandha tara li jkun hemm koerenza bejn il-politika u l-attivitajiet differenti tagħha, b’kont meħud ta’ l-objettivi kollha tagħha u skond il-prinċipju ta’ l-għoti tal‑kompetenzi”. Fil-fehma tiegħu, id-deċiżjoni kkontestata “tippermetti sovranità de facto tar-[Renju tal-]Marokk fuq it-territorju tas-Saħara tal-Punent” u “tagħti sostenn politiku u ekonomiku lir-[Renju tal-]Marokk, li jikser id-dritt tal-ONU u l-prinċipju ta’ sovranità”, filwaqt li ebda Stat Ewropew ma rrikonoxxa s-sovranità tar-Renju tal-Marokk fuq is-Saħara tal-Punent fid-dawl tal-fatt li l-Unjoni ġiet aċċettata bħala membru osservatur tal-ONU.

150    Għaldaqstant il-Front Polisario jqis li l-“prinċipju ta’ koerenza” jipprojbixxi lill-Unjoni tadotta atti li għandhom bħala effett dirett li jiksru d-dritt għall-awtodeterminazzjoni, filwaqt li l-Istati Membri jirrispettaw dan id-dritt, billi jirrifjutaw li jirrikonoxxu s-sovranità tar-Renju tal-Marokk fuq is-Saħara tal-Punent.

151    Fl-aħħar nett, il-Front Polisario jsostni li “koerenza oħra hija manifesta”. Fil-fehma tiegħu, l-Unjoni “ma tistax tissanzjona ċertu ksur tad-drittijiet, kif għamlet pereżempju għas-Sirja, filwaqt li tippermetti ksur ieħor, fuq kollox meta dawn jirrigwardaw regoli ta’ jus cogens”.

152    Fir-replika, il-Front Polisario jinvoka “t-tielet inkoerenza min-naħa tal-Unjoni”. Huwa jsostni li s-servizz ta’ għajnuna umanitarja tal-Kummissjoni jagħti għajnuna sostanzjali lir-refuġjati mis-Saħara tal-Punent akkomodati f’kampijiet (ara l-punt 16 iktar ’il fuq), meta, fl-istess waqt, il-Kunsill, permezz tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, “jikkontribwixxi sabiex isaħħaħ l-indħil tar-[Renju tal-]Marokk fuq is-Saħara tal-Punent, u in fine sabiex joħloq refuġjati mis-Saħara tal-Punent”.

153    Għandu jiġi kkonstatat li l-Artikolu 7 TUE ma jistax iservi sabiex jiġu ssostanzjati l-argumenti tal-Front Polisario. Il-politiki differenti tal-Unjoni kollha kemm huma jirriżultaw minn dispożizzjonijiet differenti tat-Trattati kostituttivi u tal-atti adottati skont dawn id-dispożizzjonijiet. L-allegata “inkoerenza” ta’ att mal-politika tal-Unjoni f’qasam determinat timplika neċessarjament li l-att inkwistjoni tkun kuntrarja għal dispożizzjoni, regola jew prinċipju li jirregola din il-politika. Dan is-sempliċi fatt, jekk jiġi pprovat, ikun suffiċjenti biex jingħata lok għall-annullament tal-att inkwistjoni, mingħajr ma jkun neċessarju li jiġi invokat l-Artikolu 7 TUE.

154    F’dan il-każ, sabiex jiġi invokat il-ksur tal-prinċipju ta’ koerenza, il-Front Polisario jibda bil-premessa li l-approvazzjoni mid-deċiżjoni kkontestata tal-ftehim inkwistjoni bejn l-Unjoni u r-Renju tal-Marokk “tippermeti” s-“sovranità” ta’ dan tal-aħħar fuq is-Saħara tal-Punent. Din il-premessa hija madankollu żbaljata: ebda klawżola li għandha effett tali ma tirriżulta fil-ftehim inkwistjoni u s-sempliċi fatt li l-Unjoni tammetti l-applikazzjoni tat-termini tal-Ftehim mir-Renju tal-Marokk fir-rigward tal-prodotti agrikoli jew tas-sajd esortati lejn l-Unjoni mill-parti tat-territorju tas-Saħara tal-Punent li dan jikkontrolla, jew għall-prodotti li huma importati f’dan it-territorju, ma huwiex ekwivalenti għal rikonoxximent tas-sovranità Marokkina fuq dan it-territorju.

155    Fir-rigward tal-argument li l-Unjoni tikser id-“dritt tal-ONU” jew il-jus cogens, dan ma għandu ebda rabta mal-ksur allegat tal-Artikolu 7 TFUE. Huwa jerġa’ sempliċement itenni l-argumenti mressqa insostenn tal-għaxar motiv, li huwa eżaminat iktar ’il quddiem.

156    L-argument ibbażat fuq l-adozzjoni mill-Unjoni tal-miżuri restrittivi fir-rigward tas-sitwazzjoni f’pajjiżi oħra ma huwiex ulterjorment suffiċjenti biex juri allegata “inkoerenza” tal-politika tal-Unjoni. Għandu jitfakkar li, kif jirriżulta b’mod partikolari mill-ġurisprudenza relatata mal-miżuri restrittivi adottati fir-rigward tas-sitwazzjoni fis-Sirja, il-Kunsill għandu setgħa diskrezzjonali f’dan il-qasam (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑13 ta’ Settembru 2013, Makhlouf vs Il-Kunsill, T‑383/11, Ġabra, EU:T:2013:431, punt 63). Għaldaqstant, ma jistax jiġi akkużat b’inkoerenza dovuta għall-fatt li adotta miżuri restrittivi fir-rigward tas-sitwazzjoni f’pajjiż, u mhux f’ieħor.

157    Fl-aħħar nett, fir-rigward tat-“tielet inkoerenza” invokata mill-Front Polisario fir-replika, għandu jiġi kkonstatat li l-fatt li l-Unjoni tipprovdi sostenn lir-refuġjati mis-Saħara tal-Punent akkomodati f’kampijiet fl-istess waqt li hija tikkonkludi, mar-Renju tal-Marokk, ftehim bħal dak approvat permezz tad-deċiżjoni kkontestata, liema fatt assolutament ma jikkostitwixxix inkoerenza fil-politika tagħha, juri, bil-kontra, li hija ma tixtieqx tieħu pożizzjoni fil-kontenzjuż bejn ir-rikorrent u r-Renju tal-Marokk, filwaqt li ssostni l-isforzi tal-ONU bil-għan ta’ soluzzjoni ġusta u fit-tul ta’ dan il-kontenzjuż permezz ta’ negozjati.

158    Konsegwentement, ir-raba’ motiv għandu jiġi miċħud.

–       Fuq il-ħames motiv

159    Insostenn tal-ħames motiv tiegħu, il-Front Polisario jinvoka l-Artikolu 2 TUE, l-Artikolu 3(5) TUE u l-Artikolu 21 TUE kif ukoll l-Artikolu 205 TFUE. Huwa jsostni li d-deċiżjoni kkontestata hija kuntrarja għall-valuri fundamentali tal-Unjoni li fuqhom hija msejsa l-azzjoni esterna tagħha. Fil-fehma tiegħu, billi pprova l-konklużjoni tal-ftehim kopert mid-deċiżjoni kkontestata, il-Kunsill “jidħak bir-riżoluzzjonijiet tal-ONU u l-ftehim li sar bejn ir-[Renju tal-]Marokk u l-Front Polisario għall-organizzazzjoni tar-referendum dwar l-awtodeterminazzjoni, billi jinkoraġġixxi politika illegali ta’ annessjoni tar-[Renju tal-]Marokk”. Huwa jqis li “kien meħtieġ sempliċement li jiffriża l-ftehim”, ġaladarba l-Kunsill “[kien jaf] perfettament li l-iżvilupp ekonomiku tar-[Renju tal-]Marokk fit-territorju tas-Saħara tal-Punent [kien] intiż sabiex ibiddel l-istrutturi soċjali u [sabiex] ibiddel l-idea stess tar-referendum”.

160    Skont l-Artikolu 2 TUE:

“L-Unjoni hija bbażata fuq il-valuri tar-rispett għad-dinjità tal-bniedem, il-libertà, id-demokrazija, l- ugwaljanza, l-istat tad-dritt u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, inklużi d-drittijiet ta’ persuni li jagħmlu parti minn minoranzi. Dawn il-valuri huma komuni għall-Istati Membri f’soċjetà fejn jipprevalu l-pluraliżmu, in-non-diskriminazzjoni, it-tolleranza, il-ġustizzja, is-solidarjetà u l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel.”

161    L-Artikolu 3(5) tat-TUE jipprovdi kif ġej:

“Fir-relazzjonijiet tagħha mal-bqija tad-dinja, l-Unjoni għandha tafferma u tippromwovi l-valuri u l-interessi tagħha u tikkontribwixxi għall-protezzjoni taċ-ċittadini tagħha. Hija għandha tikkontribwixxi għall-paċi, is-sigurtà, l-iżvilupp sostenibbli tal-pjaneta, is-solidarjetà u r-rispett reċiproku bejn il-popli, il-kummerċ liberu u ġust, il-qerda tal-faqar u l-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem b’mod partikolari dawk tat-tfal, kif ukoll għar-rispett sħiħ u għall-iżvilupp tad-dritt internazzjonali, partikolarment ir-rispett għall-prinċipji tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti.”

162    L-Artikolu 21 TUE li jaqa’ taħt il-Kapitolu 1 tat-Titolu V tat-Trattat UE huwa fformulat kif ġej:

“1. L-azzjoni ta’ l-Unjoni fix-xena internazzjonali għandha tkun gwidata mill-prinċipji li ispiraw il-ħolqien, l-iżvilupp u t-tkabbir tagħha u li hija tfittex li tippromwovi fil-bqija tad-dinja: id-demokrazija, l-Istat tad-dritt, l-universalità u l-indiviżibbiltà tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, ir-rispett għad-dinjità tal-bniedem, il-prinċipji ta’ l-ugwaljanza u s-solidarjetà, u r-rispett għall-prinċipji tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti u tad-dritt internazzjonali.

L-Unjoni għandha tfittex li tiżviluppa relazzjonijiet u tibni sħubija mal-pajjiżi terzi u ma’ l-organizzazzjonijiet internazzjonali, reġjonali jew globali, li jikkondividu l-prinċipji msemmija fl-ewwel subparagrafu. Hija għandha tippromwovi soluzzjonijiet multilaterali għal problemi komuni, b’mod partikolari fil-qafas tan-Nazzjonijiet Uniti.

2. L-Unjoni għandha tiddefinixxi u twettaq politika u azzjonijiet komuni, u għandha taħdem sabiex tassigura grad għoli ta’ koperazzjoni fl-oqsma kollha tar-relazzjonijiet internazzjonali, sabiex:

a)      tissalvagwardja l-valuri, l-interessi fundamentali, is-sigurtà, l-indipendenza u l-integrità tagħha;

b)      tikkonsolida u tappoġġa d-demokrazija, l-istat tad-dritt, id-drittijiet tal-bniedem u l-prinċipji tad-dritt internazzjonali;

ċ)      tippreserva l-paċi, tipprevjeni l-kunflitti u ssaħħaħ is-sigurtà internazzjonali skond l-għanijiet u l-prinċipji tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti, kif ukoll skond il-prinċipji ta’ l-Att Finali ta’ Helsinki u skond l-objettivi tal-Karta ta’ Pariġi, inklużi dawk dwar il-fruntieri esterni;

d)      tagħti appoġġ għall-iżvilupp sostenibbli fuq il-pjan ekonomiku, soċjali u ambjentali tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw, bl-għan primarju li jinqered il-faqar;

e)      tinkoraġġixxi l-integrazzjoni tal-pajjiżi kollha fl-ekonomija dinjija, permezz tat-tneħħija progressiva tar-restrizzjonijiet fuq il-kummerċ internazzjonali;

f)      tgħin sabiex jiġu żviluppati miżuri internazzjonali sabiex tiġi preservata u mtejba l-kwalità ta’ l- ambjent u l-immaniġġar sostenibbli tar-riżorsi naturali globali, sabiex jiġi assigurat l-iżvilupp sostenibbli;

[…]

3. […]

L-Unjoni għandha tara li jkun hemm koerenza bejn l-oqsma differenti ta’ l-azzjoni esterna tagħha u bejn dawn u l-politika l-oħra tagħha. Il-Kunsill u l-Kummissjoni, assistiti mir-Rappreżentant Għoli ta’ l-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà, għandhom jassiguraw dik il-koerenza u għandhom jikkoperaw għal dan il-għan.”

163    Fl-aħħar nett, l-Artikolu 205 TFUE, li jaqa’ taħt il-ħames parti tat-Trattat FUE, intitolat “Dispożizzjonijiet ġenerali dwar l-azzjoni esterna tal-Unjoni”, jipprovdi li “[l]-azzjoni ta’ l-Unjoni fix-xena internazzjonali, skond din il-parti, għandha tkun gwidata mill-prinċipji, għandha tfittex li tikseb l-għanijiet u għandha titwettaq skond id-dispożizzjonijiet ġenerali previsti fil-Kapitolu 1 tat-Titolu V tat-Trattat [UE]”.

164    Skont il-ġurisprudenza, l-istituzzjonijiet tal-Unjoni jgawdu, fil-qasam tar-relazzjonijiet ekonomiċi esterni li taħthom jaqa’ l-ftehim kopert mid-deċiżjoni kkontestata, minn setgħa diskrezzjonali wiesgħa (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Lulju 1995, Odigitria vs Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni, T‑572/93, Ġabra, EU:T:1995:131, punt 38).

165    Konsegwentement, ma jistax jiġi aċċettat li mill-“valuri li fuqhom hija bbażata l-Unjoni” jew mid-dispożizzjonijiet invokati mill-Front Polisario fil-kuntest ta’ dan il-motiv jirriżulta li l-konklużjoni mill-Kunsill ta’ ftehim ma’ Stat terz li jista’ jiġi applikat f’territorju kkontestat huwa, fi kwalunkwe ipoteżi, ipprojbit.

166    Mill-bqija, il-kwistjoni tal-eżerċizzju mill-Kunsill tas-setgħa diskrezzjonali wiesgħa rrikonoxxuta lilu mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 164 iktar ’il fuq, kif ukoll mill-elementi rilevanti li għandu jieħu inkunsiderazzjoni f’dan il-kuntest, għandu jiġi eżaminat iktar ’il quddiem (ara l-punti 223 et seq iktar ’il quddiem).

167    B’riżerva għal dan l-eżami, il-ħames motiv għandu jiġi miċħud.

–       Fuq is-sitt motiv

168    Fil-kuntest tas-sitt motiv, ir-rikorrent isostni li d-deċiżjoni kkontestata hija kuntrarja għall-għan tal-iżvilupp sostenibbli “peress li hija tippermetti lil awtorità okkupanti tamplifika l-isfruttament tar-riżorsi naturali ta’ poplu awtonomu”. F’dan ir-rigward, huwa jirreferi għall-Artikolu 11 TFUE, li skontu “l-ħtiġijiet għall-ħarsien ta’ l-ambjent għandhom ikunu integrati fid-definizzjoni u l-implimentazzjoni tal-politika u l-attivitajiet ta’ l-Unjoni, partikolarment bl-għan li jinkoraġixxu żvilupp sostenibbli”. Huwa jinvoka wkoll numru ta’ testi tal-ONU u tal-Organizzazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti għall-ikel u l-agrikoltura (FAO).

169    Ir-rikorrent iżid li r-Renju tal-Marokk “imexxi politika ta’ annessjoni, jamministra l-affarijiet tas-Saħara tal-Punent permezz tal-Ministeru tal-Intern tiegħu u jirrifjuta [...] li jagħti kont lill-ONU dwar l-amministrazzjoni tiegħu”. Il-Front Polisario jiddeduċi minn dan li d-deċiżjoni kkontestata “mhux biss [...] iċċaħħad lill-poplu tas-Saħara tal-Punent mid-dritt għall-iżvilupp tiegħu, iżda tinkoraġġixxi politika ta’ spoll ekonomiku li għandu bħala għan prinċipali li jeqred lis-soċjetà tas-Saħara tal-Punent”.

170    Fir-replika, il-Front Polisario jżid li “kumpanniji kbar, ikkontrollati mill-Marokk, jipproċedu għal sfruttament tar-riżorsi [tas-Saħara tal-Punent] fejn l-għan tagħhom huwa li jissakkeġġaw lill-poplu Saħarjan, sabiex isaħħu l-ekonomija tal-Marokk u jsaħħu bil-fatti l-annessjoni Marokkina”.

171    F’dan l-istadju, għandu sempliċement jiġi osservat li la mill-allegazzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq tal-Front Polisario u lanqas mid-dispożizzjonijiet li huwa jinvoka ma jirriżulta li hemm projbizzjoni assoluta għall-Kunsill milli jikkonkludi ftehim ma’ Stat terz li jista’ jiġi applikat fuq territorju kkontestat.

172    Għalhekk, sa fejn dan il-motiv għandu jinftiehem fis-sens li jsostni l-ksur ta’ tali projbizzjoni, huwa għandu jiġi miċħud. Mill-bqija, l-argument tal-Front Polisario għandu jiġi eżaminat fil-kuntest tal-analiżi tal-kwistjoni tal-eżerċizzju mill-Kunsill tas-setgħa diskrezzjonali tiegħu (ara l-punti 223 et seq iktar ’il quddiem).

–       Fuq is-seba’ motiv

173    Is-seba’ motiv huwa, skont it-titolu użat mir-rikorrent, ibbażat fuq in-“natura kuntrarja tad-deċiżjoni [kkontestata] fir-rigward tal-prinċipji u għanijiet tal-azzjoni esterna tal-Unjoni fil-qasam tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp”. Ir-rikorrent jirreferi għall-Artikolu 208(2) TFUE, li skontu “[l]-Unjoni u l-Istati Membri għandhom jonoraw l-impenji tagħhom u jieħdu in konsiderazzjoni l-għanijiet li jkunu approvaw fil-kuntest tan-Nazzjonijiet Uniti u ta’ organizzazzjonijiet internazzjonali oħra kompetenti”. Huwa jinvoka wkoll l-Artikolu 220 TFUE (ara l-punt 129 iktar ’il fuq).

174    Konkretament, il-Front Polisario josserva li “l-formulazzjoni [tal-]Artikolu [208(2) TFUE], li juża l-kliem ‘approvaw’, jippermetti li wieħed jinvoka l-infurzabbiltà min-naħa tal-Unjoni [...] tal-impenji u għanijiet li jinsabu fir-riżoluzzjonjiet tal-[ONU], fosthom id-Dikjarazzjoni tal-millennju u r-riżoluzzjonijiet li għall-elaborazzjoni tagħhom l-[Unjoni] pparteċipat”.

175    Għandu jiġi kkonstatat li l-argument tar-rikorrent hekk kif espost fil-punt 174 iktar ’il fuq assolutament ma jippermettix li wieħed jifhem biex qiegħed jakkuża lill-Kunsill u għal liema raġuni d-deċiżjoni kkontestata hija kuntrarja “għall-prinċipji u għanijiet tal-azzjoni esterna tal-Unjoni” jew għat-testi tal-ONU, fosthom id-Dikjarazzjoni tal-millennju. Għaldaqstant, l-aggravju preżenti għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli.

–       Fuq it-tmien motiv

176    It-tmien motiv huwa bbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi. Wara li fakkar il-ġurisprudenza fil-qasam, il-Front Polisario jsostni li kien leġittimament fondat li jaħseb li l-Unjoni u l-istituzzjonijiet tagħha kienu josservaw id-dritt internazzjonali.

177    Hekk kif ifakkar ir-rikorrent innifsu, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li d-dritt li tiġi invokata l-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi huwa miftuħ għal kull individwu li jinsab f’sitwazzjoni li minnha jirriżulta li l-amministrazzjoni tal-Unjoni, billi tathom assigurazzjonijiet preċiżi, ħolqot aspettattivi fondati fil-konfront tiegħu. Informazzjoni preċiża, inkundizzjonali u konkordanti, li toħroġ minn sorsi awtorizzati u ta’ min joqgħod fuqhom, tikkostitwixxi tali assigurazzjoni, tkun xi tkun il-forma li fiha tiġi kkomunikata. Min-naħa l-oħra, ħadd ma jista’ jinvoka ksur ta’ dan il-prinċipju fl-assenza ta’ assigurazzjonijiet preċiżi li jkunu ngħatawlu mill-amministrazzjoni (ara s-sentenza tad‑19 ta’ Marzu 2003, Denka International vs Il‑Kummissjoni, T‑334/07, Ġabra EU:T:2009:453, punt 148, u l-ġurisprudenza ċċitata).

178    F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrent ma jinvoka ebda assigurazzjoni preċiża mogħtija lilu mill-amministrazzjoni tal-Unjoni fir-rigward tal-aġir tagħha f’dan il-qasam, b’tali mod li dan il-motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, ma jistax jintlaqa’. L-argument li skontu, essenzjalment, id-deċiżjoni kkontestata tikser id-dritt internazzjonali għandu jiġi eżaminat fil-kuntest tal-analiżi tal-ħdax‑il motiv ibbażat, b’mod speċifiku, fuq il-ksur tad-dritt internazzjonali.

–       Kunsiderazzjonijiet preliminari dwar l-effett tad-dritt internazzjonali

179    Sa fejn il-Front Polisario jinvoka kemm ksur ta’ numru ta’ ftehimiet internazzjonali konklużi mill-Unjoni (id-disa’ motiv) kif ukoll il-ksur tad-“dritt internazzjonali ġenerali” (l-għaxar motiv), il-kunsiderazzjonijiet li ġejjin huma rilevanti għall-evalwazzjoni tal-legalità ta’ att tal-Unjoni fir-rigward tad-dritt internazzjonali.

180    Hekk kif jirriżulta mill-Artikolu 3(5) TUE, l-Unjoni għandha tikkontribwixxi għall-osservanza stretta tal-iżvilupp tad-dritt internazzjonali. Konsegwentement, meta tadotta att, hija għandha l-obbligu li tosserva d-dritt internazzjonali kollu kemm hu, inkluż id-dritt internazzjonali konswetudinarju li jorbot l-istituzzjonijiet tal-Unjoni (ara s-sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2011, Air Transport Association of America et, C‑366/10, Ġabra, EU:C:2011:864, punt 101 u l-ġurisprudenza ċċitata).

181    Barra minn hekk, konformement mal-prinċipji tad-dritt internazzjonali, l-istituzzjonijiet tal-Unjoni, li huma kompetenti sabiex jinnegozjaw u jikkonkludu ftehim internazzjonali, jistgħu jiftiehmu mal-Istati terzi kkonċernati dwar l-effetti li d-dispożizzjonijiet ta’ dan il-ftehim għandhom jipproduċu fl-ordinament intern tal-partijiet kontraenti. Huwa biss jekk din l-kwistjoni ma tkunx ġiet irregolata mill-ftehim li l-qrati kompetenti tal-Unjoni għandhom jiddeċiedu din il-kwistjoni bl-istess mod bħal kull kwistjoni oħra ta’ interpretazzjoni dwar l-applikazzjoni tal-ftehim fl-Unjoni (ara s-sentenza Air Transport Association of America et, punt 180 iktar ’il fuq, EU:C:2011:864, punt 49 u l-ġurisprudenza ċċitata).

182    Għandu jitfakkar ukoll li, skont l-Artikolu 216(2) TFUE, meta jiġu konklużi ftehimiet internazzjonali mill-Unjoni Ewropea, l-istituzzjonijiet tal-Unjoni huma marbuta b’dawn il-ftehimiet u, konsegwentement, dawn jipprevalu fuq l-atti tal-Unjoni. Għalhekk il-validità ta’ att tal-Unjoni tista’ tiġi affettwata bl-inkompatibbiltà ta’ dan l-att ma’ dawn ir-regoli tad-dritt internazzjonali (ara s-sentenza Air Transport Association of America et, punt 180 iktar ’il fuq, EU:C:2011:864, punti 50 u 51 u l-ġurisprudenza ċċitata).

183    Madankollu, qabel kollox, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li l-Unjoni kellha tintrabat b’dawn ir-regoli (ara s-sentenza Air Transport Association of America et, punt 180 iktar ’il fuq, EU:C:2011:864, punt 52 u l-ġurisprudenza ċċitata).

184    Sussegwentement, hija kkunsidrat li qorti tal-Unjoni setgħet twettaq eżami tal-validità ta’ att tad-dritt tal-Unjoni fir-rigward ta’ trattat internazzjonali biss meta n-natura u l-formulazzjoni tiegħu ma jipprekludux dan (ara s-sentenza Air Transport Association of America et, punt 180 iktar ’il fuq, EU:C:2011:864, punt 53 u l-ġurisprudenza ċċitata).

185    Fl-aħħar nett, meta n-natura u l-formulazzjoni tat-trattat inkwistjoni jippermettu stħarriġ tal-validità ta’ att tad-dritt tal-Unjoni fid-dawl tad-dispożizzjonijiet ta’ dan it-trattat, ikun meħtieġ ukoll li d-dispożizzjonijiet ta’ dan it-trattat invokati għall-finijiet tal-eżami tal-validità tal-att tad-dritt tal-Unjoni jkunu, mill-perspettiva tal-kontenut tagħhom, inkundizzjonali u suffiċjentement preċiżi. Din il-kundizzjoni tiġi ssodisfatta meta d-dispożizzjoni invokata tinkludi obbligu ċar u preċiż li ma jkunx suġġett, fl-implementazzjoni tiegħu jew fl-effetti tiegħu, għall-intervent ta’ att ieħor ulterjuri (ara s-sentenza Air Transport Association of America et, punt 180 iktar ’il fuq, EU:C:2011:864, punti 54 u 55 u l-ġurisprudenza ċċitata).

186    Jeħtieġ li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-kunsiderazzjonijiet preċedenti waqt l-eżami, iktar ’il quddiem, tad-disa’ sal-ħdax-il motivi.

–       Fuq id-disa’ motiv

187    Fil-kuntest tad-disa’ motiv, ir-rikorrent isostni li d-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi annullata, “peress li hija kuntrarja għal numru ta’ ftehimiet internazzjonali li jorbtu lill-Unjoni”.

188    Fl-ewwel lok, ir-rikorrent jinvoka l-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni mal-Marokk u, b’mod partikolari, il-preambolu tiegħu, li jirreferi għall-osservanza tal-prinċipji tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti, kif ukoll l-Artikolu 2 tiegħu li jiddikjara li l-osservanza tal-prinċipji demokratiċi u tad-drittijiet fundamentali tal-bniedem tispira l-politiki interni u internazzjonali tal-Unjoni u tar-Renju tal-Marokk u tikkostitwixxi element essenzjali ta’ dan il-ftehim.

189    Skont ir-rikorrent, id-deċiżjoni kkontestata hija kuntrarja għall-imsemmija prinċipji ġaladarba hija “tikser id-dritt għall-awtodeterminazzjoni u d-drittijiet li jirriżultaw minnha, b’mod partikolari s-sovranità fuq ir-riżorsi naturali u s-supremazija tal-interessi tal-abitanti tas-Saħara tal-Punent”. Ir-rikorrent iżid li “r-[Renju tal-]Marokk jikser id-dritt għall-awtodeterminazzjoni, li huwa l-kundizzjoni sine qua non tar-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u tal-liberatajiet politiċi u ekonomiċi” u jirreferi, mill-ġdid, għall-“politika annessjonista tar-[Renju tal-]Marokk” li hija “intiża sabiex tipprekludi l-organizzazzjoni tar-referendum dwar l-awtodeterminazzjoni”.

190    Fit-tieni lok, ir-rikorrent jinvoka l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti fuq id-dritt tal-baħar, iffirmata f’Montego Bay fl‑10 ta’ Diċembru 1982 (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Montego Bay”), li daħlet fis-seħħ fis‑16 ta’ Novembru 1994 u li ġiet approvata f’isem l-Unjoni permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 98/392/KE, tat‑23 ta’ Marzu 1998, li tirrigwarda l-konklużjoni mill-Komunità Ewropea tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti tal‑10 ta’ Diċembru 1982 dwar il-Liġi tal-Baħar u l-Ftehim tat‑28 ta’ Lulju 1994 li għandu x’jaqsam mal-implimentazzjoni tal-Parti XI tiegħu (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 4, Vol. 3, p. 260). Huwa jsostni li, konformement mad-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ Montego Bay, il-poplu tas-Saħara tal-Punent għandu drittijiet sovrani fuq l-ilmijiet adjaċenti mal-kosta tas-Saħara tal-Punent. Bħala “awtorità okkupanti”, ir-Renju tal-Marokk għandu jeżerċita d-drittijiet tal-poplu tas-Saħara tal-Punent b’osservanza tal-prinċipju ta’ supremazija tal-interessi tiegħu. Madankollu, huwa jidħak b’mod sistematiku b’dawn ir-regoli u juża l-jedd tiegħu fuq il-baħar sabiex iżomm il-preżenza tiegħu fis-Saħara tal-Punent. Min-naħa tiegħu, il-Kunsill jikser “dawn id-dispożizzjonijiet” permezz tad-deċiżjoni kkontestata, peress li, billi “jkabbar il-liberalizzazzjoni tal-kummerċ fil-qasam tas-sajd mal-Marokk, [huwa] jiġġustifika lill-Marokk li indebitament jeżerċita drittijiet fuq din il-parti tal-baħar”. Ir-rikorrent iżid li r-Renju tal-Marokk “jopera f’dawn l-ilmijiet fl-interess esklużiv tiegħu, fit-tiftixa ta’ profitt immedjat u biex joħloq kuntest ekonomiku li jagħmilha iktar diffiċli li jinżamm referendum dwar l-awtodeterminazzjoni”.

191    Fit-tielet lok, ir-rikorrent jinvoka ksur tal-“kriterju ta’ oriġini” li jirriżulta, fil-fehma tiegħu, mill-Konvenzjoni ta’ Montego Bay, mill-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni mal-Marokk u mill-Protokoll Nru 4 tiegħu, mill-Ftehim ta’ sħubija bejn il-Komunità Ewropea u r-Renju tal-Marokk, approvat f’isem il-Komunità permezz tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 764/2006, tat‑22 ta’ Mejju 2006 (ĠU L 294M, p. 131), kif ukoll mill-Ftehim taħt forma ta’ skambju ta’ ittri dwar l-applikazzjoni provviżorja tal-Ftehim ta’ kooperazzjoni fil-qasam tas-sajd fil-baħar bejn il-Komunità Ewropea u r-Renju tal-Marokk, inizjalat fi Brussell fit‑13 ta’ Novembru 1995, u approvat f’isem il-Komunità permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 95/540/KE, tas‑7 ta’ Diċembru 1995 (ĠU L 306, p. 1).

192    Skont ir-rikorrent “[s]abiex jiġi ddeterminat il-kamp ta’ applikazzjoni tal-ftehimiet differenti li jorbtu lill-[Unjoni] u l-Istati Membri tagħha mar-[Renju tal-]Marokk, il-Konvenzjoni [ta’ Montego Bay] tikkostitwixxi r-riferiment rilevanti u tiddefinixxi mingħajr l-inqas ekwivoku dan il-kamp ta’ applikazzjoni bħala t-territorju tar-[Renju tal-]Marokk”.

193    Indipendentement anki mill-kwistjoni dwar jekk il-ftehimiet u konvenzjonijiet differenti msemmija mir-rikorrent jistgħux, fir-rigward tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 184 sa 185 iktar ’il fuq, jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-eżami tal-validità ta’ att tal-Unjoni, jeħtieġ li jiġi kkonstatat li, bl-eċċezzjoni tal-Konvenzjoni ta’ Montego Bay, il-ftehimiet l-oħra invokati mir-rikorrent huma ftehimiet konklużi bejn l-Unjoni u r-Renju tal-Marokk, jiġifieri l-istess partijiet bħal dawk li kkonkludew il-ftehim approvat bid-deċiżjoni kkontestata. Fil-fatt, wieħed minn dawn il-ftehimiet huwa l-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni mal-Marokk li l-ftehim kopert bid-deċiżjoni kkontestata għandu preċiżament l-intenzjoni li jemenda.

194    F’dawn iċ-ċirkustanzi, li kieku kellu jitqies ukoll li ċerti klawżoli tal-ftehim li l-konklużjoni tiegħu ġiet approvata permezz tad-deċiżjoni kkontestata huma f’kontradizzjoni mal-klawżoli tal-ftehimiet sussegwenti konklużi bejn l-Unjoni u r-Renju tal-Marokk u invokati mir-rikorrent, dan ma jkun jikkostitwixxi ebda illegalità, peress li l-Unjoni u r-Renju tal-Marokk huma liberi, f’kull mument, li jemendaw il-ftehimiet magħmula bejniethom permezz ta’ ftehim ġdid, bħal dak ikkonċernat mid-deċiżjoni kkontestata.

195    Fir-rigward tal-Konvenzjoni ta’ Montego Bay, għandu jitfakkar li, kif iddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja, in-natura u l-formulazzjoni ta’ din il-konvenzjoni jipprekludu li l-qrati tal-Unjoni jistgħu jevalwaw il-validità ta’ att tal-Unjoni fir-rigward tagħha (sentenza tat‑3 ta’ Ġunju 2008, Intertanko et, C‑308/06, Ġabra, EU:C:2008:312, punt 65).

196    Madankollu, ir-rikorrent jinvoka din il-konvenzjoni sabiex jallega, essenzjalment, li l-prodotti tas-sajd provenjenti mill-ilmijiet adjaċenti għall-kosta tas-Saħara tal-Punent jagħmlu parti mir-riżorsi naturali ta’ din tal-aħħar.

197    F’dan ir-rigward, diġà ġie osservat li l-ftehim li l-konklużjoni tiegħu ġiet approvata permezz tad-deċiżjoni kkontestata japplika wkoll għas-Saħara tal-Punent u għall-prodotti provenjenti minn dan it-territorju u r-riżorsi naturali tiegħu, ikunu liema jkunu dawn ir-riżorsi u indipendentement mill-kwistjoni dwar jekk dawn għandhomx jew ma għandhomx jiġu ddeterminati bis-saħħa tal-Konvenzjoni ta’ Montego Bay.

198    Madankollu, xejn fl-argumenti invokati mir-rikorrent fil-kuntest ta’ dan il-motiv ma juri li l-konklużjoni mill-Kunsill ta’ ftehim ma’ Stat terz li jirrigwarda territorju kkontestat huwa, fi kwalunkwe ipoteżi, ipprojbit.

199    Għalhekk, sa fejn dan il-motiv għandu jinftiehem fis-sens li jsostni l-ksur ta’ tali projbizzjoni assoluta, huwa għandu jiġi miċħud. Filwaqt li l-argumenti tar-rikorrent, jew uħud minnhom, għandhom jinftiehmu fis-sens li jsostnu żball manifest ta’ evalwazzjoni tal-Kunsill, għandu sempliċement jitfakkar li l-kwistjoni tal-eżerċizzju mill-Kunsill tas-setgħa diskrezzjonali tagħha fil-qasam huwa eżaminat fil-punti 223 et seq iktar ’il quddiem.

–       Fuq l-għaxar motiv

200    Permezz tal-għaxar motiv, il-Front Polisario jsostni li d-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi annullata, peress li hija kuntrarja għad-dritt għall-awtodeterminazzjoni, regola imperattiva tad-dritt internazzjonali, kif ukoll tad-drittijiet li jirriżultaw minnu. Huwa jallega li d-deċiżjoni kkontestata tiġġustifika lir-Renju tal-Marokk fil-politika ta’ okkupazzjoni u ta’ “kolonizzazzjoni ekonomika” tas-Saħara tal-Punent.

201    Il-Front Polisario jsostni wkoll li d-deċiżjoni kkontestata toħloq obbligi li għalihom huwa ma tax il-kunsens tiegħu, bi ksur tal-effett relattiv tat-trattati. Huwa jżid li l-Unjoni għandha l-obbligu li tara li jiġi osservat id-“dritt internazzjonali umanitarju” li taħtu jaqgħu, fil-fehma tiegħu, id-dispożizzjonijiet tar-regolament anness mal-Konvenzjoni dwar il-liġijiet u l-konswetudnijiet tal-gwerra fuq l-art iffirmata f’Den Haag, fit‑18 ta’ Ottubru 1907, tal-Konvenzjoni dwar il-protezzjoni ta’ persuni ċivili fi żmien ta’ gwerra, iffirmata f’Genève, fit‑12 ta’ Awwissu 1949, u tat-Trattat li jistabbilixxi l-Qorti Kriminali Internazzjonali, iffirmata f’Ruma, fis‑17 ta’ Lulju 1998. Huwa jsostni li, billi jadotta d-deċiżjoni kkontestata, il-Kunsill “jippermetti lir-Renju tal-Marokk jikkonsolida l-politika tiegħu ta’ kolonizzazzjoni tas-Saħara tal-Punent mill-perspettiva ekonomika”.

202    Qabel kollox, għandu jiġi kkonstatat li mkien fid-deċiżjoni kkontestata jew fil-ftehim li l-konklużjoni tiegħu ġie approvat minnha ma jimplika r-rikonoxximent, mill-Unjoni, tal-pretensjonijiet Marokkini fuq is-Saħara tal-Punent. Is-sempliċi fatt li l-ftehim inkwistjoni japplika wkoll għall-prodotti esportati minn, jew importati lejn, il-parti tas-Saħara tal-Punent ikkontrollat mir-Renju tal-Marokk ma huwiex ekwivalenti għal tali rikonoxximent.

203    Fir-rigward tal-argument mislut mill-effett relattiv tat-trattati, kuntrarjament għal dak li jsostni l-Front Polisario, il-ftehim kopert mid-deċiżjoni kkontestata, filwaqt li jaffettwaha direttament u individwalment, ma jimplika ebda impenn min-naħa tagħha, sa fejn dan il-ftehim japplika għall-parti tas-Saħara tal-Punent taħt il-kontroll Marokkin u sakemm dan il-kontroll jippersisti. Li kieku l-Front Polisario kellu, jekk ikun il-każ wara r-referendum dwar l-awtodeterminazzjoni ppjanat, jestendi l-kontroll tiegħu fuq it-territorju kollu tas-Saħara tal-Punent, huwa ċar li ma jkunx marbut bid-dispożizzjonijiet tal-ftehim inkwistjoni, konkluż bejn ir-Renju tal-Marokk u l-Unjoni.

204    Fir-rigward tal-argument ibbażat fuq il-ksur tad-dritt umanitarju, jeħtieġ li jiġi kkonstatat li l-argument tar-rikorrent huwa lapidarju u ma jippermettix lil wieħed jifhem kif, u f’xiex, il-konklużjoni tal-ftehim kopert bid-deċiżjoni kkontestata jikser dan id-dritt.

205    B’mod ġenerali, xejn fl-argumenti jew l-elementi invokati mir-rikorrent ma juri l-eżistenza ta’ regola tad-dritt internazzjonali konswetudinarju, li jipprojbixxi l-konklużjoni ta’ trattat internazzjonali li jista’ jiġi applikat fuq territorju kkontestat.

206    Il-Qorti tal-Ġustizzja Internazzjonali ġiet adita bil-kwistjoni, iżda hija ma ddeċidithiex fis-sentenza tagħha mogħtija fil-kawża dwar it-Timor tal-Lvant (Il‑Portugall vs L‑Awstralja, Ġabra QĠI 1995, p. 90), minħabba li, sabiex tiddeċidiha, hija kellha tiddeċiedi dwar il-legalità tal-aġir tar-Repubblika tal-Indoneżja fl-assenza ta’ kunsens ta’ dan l-Istat (sentenza Il‑Portugall vs L‑Awstralja, iċċitata iktar ’il fuq, punt 35).

207    Ir-rikorrent ipproduċa wkoll ittra tad‑29 ta’ Jannar 2002, indirizzata lill-President tal-Kunsill tas-Sigurtà mill-Viċi Segretarju Ġenerali għall-affarijiet ġuridiċi, konsulent ġuridiku tal-ONU, bi tweġiba għal talba mill-Membri tal-Kunsill tas-Sigurtà sabiex jaqsam magħhom l-opinjoni tiegħu dwar il-legalità tad-deċiżjonijiet li adottaw l-awtoritajiet Marokkini fir-rigward tal-offerta u l-iffirmar ta’ kuntratti ta’ esplorazzjoni tar-riżorsi minerali tas-Saħara tal-Punent magħmula ma’ kumpanniji barranin.

208    F’din l-ittra, il-konsulent ġuridiku tal-ONU semma r-regoli tad-dritt internazzjonali, il-ġurisprudenza tal-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja u l-prassi tal-Istati f’dan il-qasam. Huwa osserva, b’mod partikolari, dan li ġej fil-punt 24 tal-ittra tiegħu:

“Il-prassi reċenti tal-Istati, minkejja li limitat[a], tindika li l-awtoritajiet [li jeżerċitaw l-amministrazzjoni ta’ territorju], kif ukoll l-Istati terzi, għandhom l-opinio juris li ġejja: jekk ir-riżorsi tat-territorji mhux awtonomi jiġu sfruttati għall-benefiċċju tal-popli ta’ dawn it-territorji, f’isimhom, jew f’konsultazzjoni mar-rappreżentanti tagħhom, dan l-isfruttament għandu jitqies li huwa kompatibbli mal-obbligi li għandhom l-awtoritajiet [li jeżerċitaw din l-amministrazzjoni] skont il-[Karta tan-Nazzjonijiet Uniti] u li huwa konformi mar-riżoluzzjonijiet tal‑Assemblea Ġenerali, kif ukoll mal-prinċipju tas-‘sovranità permanenti fuq ir-riżorsi naturali’ stabbilit fihom. ”

209    Abbażi ta’ dan, huwa ta r-risposta li ġejja għall-mistoqsija li kienet saritlu:

“[M]inkejja l-fatt li l-kuntratti li huma suġġetti għat-talba tal-Kunsill tas-Sigurtà ma humiex fihom innifishom illegali, li kieku kellhom iseħħu attivitajiet ta’ esplorazzjoni u ta’ sfruttament kontra l-interessi u r-rieda tal-poplu tas-Saħara tal-Punent, huma jmorru kontra l-prinċipji tad-dritt internazzjonali applikabbli għall-attivitajiet li jolqtu r-riżorsi minerali tat-territorji mhux awtonomi.” (punt 25 tal-ittra tiegħu)

210    Minn dan jirriżulta li l-konsulent ġuridiku tal-ONU ma kkunsidrax ulterjorment li l-konklużjoni ta’ ftehim internazzjonali li jista’ jiġi applikat f’territorju kkontestat kien, fi kwalunkwe ipoteżi, ipprojbit mid-dritt internazzjonali.

211    Konsegwentement, sa fejn dan il-motiv għandu jinftiehem fis-sens li jsostni l-ksur, mill-Kunsill, ta’ regola tad-“dritt internazzjonali ġenerali” li minnu tirriżulta projbizzjoni assoluta ta’ konklużjoni ta’ ftehim internazzjonali li jista’ jiġi applikat f’territorju kkontestat, huwa għandu jiġi miċħud. Sa fejn l-argumenti mressqa mir-rikorrent fil-kuntest ta’ dan il-motiv dwar l-eżerċizzju, mill-Kunsill, tas-setgħa diskrezzjonali li huwa għandu, dawn għandhom jiġu eżaminati fil-punti 223 et seq iktar ’il quddiem.

–       Fuq il-ħdax-il motiv

212    Fil-kuntest tal-ħdax u l-aħħar motiv tiegħu, ir-rikorrent jinvoka numru ta’ dispożizzjonijiet mill-abbozz ta’ artikoli dwar ir-responsabbiltà tal-organizzazzjonijiet internazzjonali għal fatt internazzjonalment illegali, hekk kif ġie adottat fl‑2011 mill-Kummissjoni tad-Dritt Internazzjonali tal-ONU, sabiex isostni li, billi adotta d-deċiżjoni kkontestata, il-Kunsill jagħti lok għar-responsabbiltà internazzjonali tal-Unjoni għal fatt internazzjonalment illegali.

213    Dan il-motiv madankollu ma jikkontribwixxi xejn ġdid fir-rigward tal-bqija tal-argument tar-rikorrent. Għandu jitfakkar li dan ir-rikors huwa rikors għal annullament u mhux rikors għal kumpens. Il-kwistjoni ma hijiex dwar jekk l-Unjoni tatx lok għar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tagħha permezz tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, liema fatt jippreżupponi li din tal-aħħar hija vvizzjata b’illegalità. Il-kwistjoni hija, preċiżament, dwar jekk id-deċiżjoni kkontestata hijiex ivvizzjata b’illegalità. Issa, fuq dan il-punt, ir-rikorrent ma jressaq ebda argument ġdid, iżda sempliċement jerġa’ jtenni l-allegazzjonijiet li skonthom, essenzjalment, billi kkonkluda f’isem l-Unjoni l-ftehim approvat permezz tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kunsill kiser id-dritt internazzjonali.

214    Għaldaqstant, dan il-motiv għandu jiġi miċħud.

–       Konklużjoni fuq l-eżistenza jew le ta’ projbizzjoni assoluta ta’ konklużjoni ta’ ftehimiet internazzjonali applikabbli fuq territorju kkontestat

215    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha jirriżulta li xejn fil-motivi u l-argumenti tar-rikorrent ma jippermetti li jiġi konkluż li huwa assolutament ipprojbit, mid-dritt tal-Unjoni jew mid-dritt internazzjonali, li jiġi konkluż ma’ Stat terz ftehim li jista’ jiġi applikat fuq territorju kkontestat.

216    Il-ġurisprudenza tal-Qorti Ġenerali tikkonferma wkoll din il-konklużjoni.

217    Il-Qorti Ġenerali ħadet konjizzjoni tal-kwistjoni tal-legalità ta’ ftehim internazzjonali, konkluż bejn l-Unjoni u Stat terz ieħor u li kien seta’ japplika wkoll fuq territorju kkontestat, fil-kawża tagħha li tat lok għas-sentenza Odigirtria vs Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni, punt 164 iktar ’il fuq (EU:T:1995:131).

218    Din is-sentenza kienet tirrigwarda rikors għal kumpens ippreżentat minn kumpannija proprjetarja ta’ dgħajsa tas-sajd li ttajjar il-bandiera Griega, li kienet ġiet arrestata mill-awtoritajiet tal-Guinea‑Bissau, minħabba l-fatt li kienet qed tistad mingħajr liċenzja fiż-żona marittima ta’ dan l-aħħar Stat. Irriżulta li d-dgħajsa inkwistjoni kellha liċenzja tas-sajd maħruġa mill-awtoritajiet Senegaliżi, iżda li kienet qed tistad f’ibħra b’rivendikazzjonijiet li jagħmlu parti miż-żoni marittimi rispettivi kemm mir-Repubblika tas-Senegali kif ukoll mir-Repubblika tal-Guinea‑Bissau. Il-Komunità Ekonomika Ewropea, kif kienet fiż-żmien, kienet ikkonkludiet ftehimiet tas-sajd kemm ma’ wieħed kif ukoll mal-ieħor minn dawn l-Istati terzi li, fiż-żewġ każijiet, kienu jirrigwardaw iż-żoni marittimi kollha tagħhom. Ir-rikorrenti f’din il-kawża kienet qed tfittex il-ksur, mill-Komunità, tad-dannu li hija allegat li ġarrbet minħabba l-arrest tad-dgħajsa tagħha u, f’dan il-kuntest, hija kienet invokat l-allegata illegalità tal-ommissjoni ta’ esklużjoni mill-kamp ta’ applikazzjoni ftehimiet tas-sajd konklużi bejn il-Komunità u kull wieħed miż-żewġ Stati terzi inkwistjoni fiż-żona li kienet suġġetta għall-kontenzjuż bejniethom (sentenza Odigitria vs Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni, punt 164 iktar ’il fuq, EU:T:1995:131, punti 1 sa 13 u 25).

219    Il-Qorti Ġenerali qieset li din l-ommissjoni ma kienet tikkostitwixxi ebda illegalità. Essenzjalment, hija kkonkludiet, fl-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali wiesgħa li minnha kienu jgawdu l-istituzzjonijiet tal-Unjoni fil-qasam tar-relazzjonijiet ekonomiċi esterni kif ukoll f’dak tal-politika agrikola komuni (li taħtha jaqa’ wkoll is-sajd), huma setgħu, mingħajr ma jwettqu żball manifest ta’ evalwazzjoni, jiddeċiedu li ma kellhiex għalfejn tiġi eskluża ż-żona inkwistjoni tal-ftehimiet tas-sajd konklużi maż-żewġ Stati msemmija iktar ’il fuq, minkejja l-kontenzjuż li kien jeżisti bejniethom fir-rigward tal-ibħra rrivendikati bħala parti miż-żoni marittimi tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Odigitria vs Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni, punt 164 iktar ’il fuq, EU:T:1995:131, punt 38).

220    B’hekk mis-sentenza inkwistjoni jirriżulta a contrario li l-konklużjoni, bejn l-Unjoni u Stat terz, ta’ ftehim li jista’ jiġi applikat f’territorju kkontestat ma hijiex, fi kwalunkwe ipoteżi, kuntrarja għad-dritt tal-Unjoni jew għad-dritt internazzjonali, li l-Unjoni għandha tosserva.

221    Fil-fatt, li kieku dan kellu jkun il-każ, il-Qorti Ġenerali ma kinitx tista’ tirreferi, fil-punt 38 tas-sentenza Odigitria vs Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni, punt 164 iktar ’il fuq (EU:T:1995:131), għal setgħa diskrezzjonali tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni, fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk kellhiex tiġi inkluża jew le ż-żona kkontestata bejn ir-Repubblika tas-Senegal u r-Repubblika tal-Guinea‑Bissau fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-ftehimiet tas-sajd konklużi ma’ dawn iż-żewġ Stati. Li kieku din l-inklużjoni kienet, fi kwalunkwe ipoteżi, kuntrarja għad-dritt tal-Unjoni jew għad-dritt internazzjonali li l-istituzzjonijiet tal-Unjoni għandhom l-obbligu li josservaw, huwa evidenti li huma ma jkollhom ebda setgħa diskrezzjonali fir-rigward ta’ din il-kwistjoni.

222    Għandu jitfakkar ukoll li projbizzjoni assoluta ta’ konklużjoni ta’ ftehim li jirrigwarda territorju kkontestat ma tirriżultax ulterjorment mill-kunsiderazzjonijiet magħmula fl-ittra tal-konsulent ġuridiku tal-ONU, imsemmija fil-punti 207 sa 210 iktar ’il fuq. Fil-fatt, il-konsulent ġuridiku tal-ONU essenzjalment osserva li, biss fil-każ fejn l-isfruttament tar-riżorsi naturali tas-Saħara tal-Punent kien isir “kontra l-interessi u r-rieda tal-poplu” ta’ dan it-territorju, hija “[tmur] kontra l-prinċipji tad-dritt internazzjonali”.

 Fuq is-setgħa diskrezzjonali tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni u fuq l-elementi li huma għandhom jieħdu inkunsiderazzjoni

223    Fir-rigward tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha u hekk kif jirriżulta mill-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 164 iktar ’il fuq, għandu jiġi konkluż li l-istituzzjonijiet tal-Unjoni għandhom setgħa diskrezzjonali wiesgħa, fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk hemmx lok jew le li jiġi konkluż ma’ Stat terz ftehim li għandu jiġi applikat fuq territorju kkontestat.

224    Ir-rikonoxximent lilhom ta’ tali setgħa hija wisq iżjed ġustifikata meta, hekk kif jirriżulta qabel kollox mill-ittra tal-konsulent ġuridiku tal-ONU msemmija iktar ’il fuq, ir-regoli u l-prinċipji tad-dritt internazzjonali applikabbli fil-qasam huma kumplessi u impreċiżi. Għalhekk l-istħarriġ ġudizzjarju għandu neċessarjament jillimita ruħu għall-kwistjoni dwar jekk l-istituzzjoni kompetenti tal-Unjoni, f’dan il-każ il-Kunsill, billi approvat il-konklużjoni ta’ ftehim bħal dak approvat bid-deċiżjoni kkontestata, wettqitx żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑16 ta’ Ġunju 1998, Racke, C-162/96, Ġabra, EU:C:1998:293, punt 52).

225    Għaldaqstant, b’mod partikolari fil-każijiet fejn istituzzjoni tal-Unjoni għandha setgħa diskrezzjonali wiesgħa sabiex tivverifika jekk hija wettqitx żball manifest ta’ evalwazzjoni, il-qorti tal-Unjoni għandha tistħarreġ jekk din l-istituzzjoni eżaminatx, b’reqqa u b’imparzjalità, l-elementi kollha rilevanti tal-każ inkwistjoni, elementi li fuqhom ikunu bbażati l-konklużjonijiet li jinsiltu minnhom (sentenzi tal‑21 ta’ Novembru 1991, Technische Universität München, C‑269/90, Ġabra, EU:C:1991:438, punt 14, u tat‑22 ta’ Diċembru 2010, Gowan Comércio Internacional e Serviços, C‑77/09, Ġabra, EU:C:2010:803, punt 57).

226    Issa, kif ġie osservat fil-punt 125 iktar ’il fuq, il-Front Polisario jikkritika essenzjalment lill-Kunsill, preċiżament talli ma eżaminax, qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, l-elementi rilevanti tal-każ inkwistjoni, b’mod partikolari fir-rigward tal-applikazzjoni eventwali tal-ftehim li l-konklużjoni tiegħu ġie approvat permezz tad-deċiżjoni kkontestata għas-Saħara tal-Punent u għall-prodotti esportati minn dan it-territorju.

227    F’dan ir-rigward, għalkemm huwa minnu li, kif ġie kkonstatat fil-punt 146 iktar ’il fuq, mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, invokata mir-rikorrent fil-kuntest tat-tielet motiv tiegħu, ma jirriżultax li hemm projbizzjoni assoluta għall-Unjoni li tikkonkludi ftehim li jista’ japplika fuq territorju kkontestat, ma huwiex inqas minnu li l-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali tal-popolazzjoni ta’ dan it-territorju għandha importanza partikolari u tikkostitwixxi, konsegwentement, kwistjoni li l-Kunsill għandu jeżamina qabel l-approvazzjoni ta’ tali ftehim.

228    B’mod partikolari, fir-rigward ta’ ftehim intiż li jiffaċilita, b’mod partikolari, l-esportazzjoni lejn l-Unjoni ta’ diversi prodotti mit-territorju inkwistoni, il-Kunsill għandu jeżamina, b’reqqa u b’imparzjalità, l-elementi kollha rilevanti sabiex jiġi żgurat li l-attivitajiet ta’ produzzjoni tal-prodotti intiżi għall-esportazzjoni ma jitwettqux b’determinent tal-popolazzjoni tat-territorju inkwistjoni u ma jinvolvux ksur tad-drittijiet fundamentali tagħha, fosthom, b’mod partikolari, id-drittijiet għad-dinjità tal-bniedem, għall-ħajja u għall-integrità tal-persuna (Artikoli 1 sa 3 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali), il-projbizzjoni tal-iskjavitù u tax-xogħol forzat (Artikolu 5 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali), il-libertà professjonali (Artikolu 15 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali), il-libertà ta’ intrapriża (Artikolu 16 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali), id-dritt għall-proprjetà (Artikolu 17 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali), id-dritt għal kundizzjonijiet ta’ xogħol ġusti u xierqa, il-projbizzjoni ta’ impjieg ta’ tfal u l-protezzjoni taż-żgħażagħ fuq il-post tax-xogħol (Artikoli 31 u 32 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali).

229    Il-kunsiderazzjonijiet tal-konsulent ġuridiku tal-ONU fir-rigward tal-obbligi li jirriżultaw mid-dritt internazzjonali, bħal dawk li ġew spjegati fil-qosor fil-punti 208 u 209 iktar ’il fuq, iwasslu għall-istess konklużjoni.

230    F’dan ir-rigward, il-Kunsill isostni li, “[m]illl-fatt li tkun ikkonkludiet ftehim ma’ pajjiż terz[,] l-Unjoni ma ssirx u ma tistax issir responsabbli għal azzjonijiet eventwali mwettqa minn dan il-pajjiż, sew jekk jikkorrispondu għal ksur tad-drittijiet fundamentali sew jekk le”.

231    Din it-teżi hija korretta, iżda tinjora l-fatt li, jekk l-Unjoni tippermetti l-esportazzjoni lejn l-Istati Membri tagħha prodotti provenjenti minn dan il-pajjiż l-ieħor, li ġew immanifatturati jew miksuba f’ċirkustanzi li ma jirrispettawx id-drittijiet fundamentali tal-popolazzjoni tat-territorju minn fejn jiġu, hija tgħaddi mir-riskju li tinċentiva indirettament dan it-tip ta’ vjolazzjonijiet jew li jinkisbu vantaġġi minnhom.

232    Din il-kunsiderazzjoni hija wisq iżjed importanti fil-każ ta’ territorju, bħas-Saħara tal-Punent, li huwa amministrat, fattwalment, minn Stat terz, f’dan il-każ ir-Renju tal-Marokk, filwaqt li ma huwiex inkluż fil-fruntieri internazzjonalment rikonoxxuti ta’ dan l-Istat terz.

233    Għandu wkoll jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li r-Renju tal-Marokk ma għandu ebda mandat, mogħti mill-ONU jew minn istanza oħra internazzjonali, għall-amministrazzjoni ta’ dan it-territorju u huwa paċifiku li huwa ma jikkomunikax lill-ONU tagħrif relatat ma’ dan it-territorju, bħal dak previst mill-Artikolu 73(e) tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti.

234    Dan l-artikolu jipprovdi kif ġej:

“Il-Membri tan-Nazzjonijiet Uniti li għandhom jew li jassumu r-responsabbiltà sabiex jamministraw territorji li l-popolazzjonijiet tagħhom għadhom ma jamministrawx lilhom infushom kompletament għandhom jirrikonoxxu l-prinċipju tas-supremazija tal-interessi tal-abitanti ta’ dawn it-territorji. Huma għandhom jaċċettaw bħala missjoni sagra l-obbligu li jiffavorizzaw b’kull mod possibbli l-prosperità tagħhom, fil-kuntest tas-sistema ta’ paċi u ta’ sigurtà internazzjonali stabbilita minn din il-Karta u, għal dan il-għan:

[…]

e)      li jikkomunikaw b’mod regolari mas-Segretarju Ġenerali, bħala informazzjoni, suġġett għal eżiġenzi tas-sigurtà u għal kunsiderazzjonijiet ta’ natura kostituzzjonali, tagħrif statistiku u ieħor ta’ natura teknika relatat mal-kundizzjonijiet ekonomiċi, soċjali u tal-edukazzjoni fit-territorji li huma rispettivament responsabbli għalihom, minbarra għal dawk it-territorji li fir-rigward tagħhom japplikaw il-Kapitoli XII [dwar ir-reġim internazzojnali tarégime international ta’ amministrazzjoni fiduċjarja] u XIII [dwar il-Kunsill ta’ Amministrazzjoni Fiduċjarja].”

235    L-assenza ta’ komunikazzjoni tat-tagħrif previst fl-Artikolu 73(e) tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti mir-Renju tal-Marokk fir-rigward tas-Saħara tal-Punent għandha mill-inqas tqajjem dubji fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk ir-Renju tal-Marokk jirrikonoxxix il-prinċipju ta’ supremazija tal-interessi tal-abitanti ta’ dan it-territorju u l-obbligu li jiffavorizza b’kull mod possibbli l-prosperità tagħhom, hekk kif inhu previst minn din id-dispożizzjoni. Barra minn hekk, mill-proċess, u, b’mod partikolari, mit-test prodott mir-rikorrent, f’dan il-każ diskors magħmul mir-Re tal-Marokk fis‑6 ta’ Novembru 2004, jirriżulta li r-Renju tal-Marokk iqis li s-Saħara tal-Punent jagħmel parti mit-territorju tiegħu.

236    Il-Kunsill isostni li ebda waħda mid-dispożizzjonijiet tad-deċiżjoni kkontestata jew mill-ftehim approvat minnha “ma [kien] iwassal sabiex jiġi konkluż li l-isfruttament tar-riżorsi tas-Saħara tal-Punent isir għad-detriment tal-abitanti tal-imsemmi territorju, u lanqas ma [kien] jipprekludi lir-[Renju tal-]Marokk milli jiggarantixxi li l-isfruttament tar-riżorsi naturali jseħħ b’mod li jibbenefika lill-abitanti tas-Saħara tal-Punent u fl-interess tagħhom”.

237    Huwa minnu li l-Front Polisario ma kkritikax lill-Kunsill bl-inklużjoni fid-deċiżjoni kkontestata ta’ kliem li jwasslu għal sfruttament tar-riżorsi tas-Saħara tal-Punent għad-detriment tal-abitanti tiegħu.

238    Madankollu, kif ġie osservat fil-punt 231 iktar ’il fuq, l-esportazzjoni lejn l-Unjoni ta’ prodotti li ġejjin, b’mod partikolari, mis-Saħara tal-Punent hija ffaċilitata bil-ftehim inkwistjoni. Fil-fatt, dan jagħmel parti mill-għanijiet tal-imsemmi ftehim. Konsegwentement, li kieku kellu jirriżulta li r-Renju tal-Marokk kien jisfrutta r-riżorsi tas-Saħara tal-Punent għad-detriment tal-abitanti tagħha, dan l-isfruttament jista’ jiġi indirettament inċentivat bil-konklużjoni tal-ftehim approvat mid-deċiżjoni kkontestata.

239    Fir-rigward tal-argument li r-Renju tal-Marokk ma huwiex prekluż mill-kliem tal-Ftehim li jiggarantixxi li l-isfruttament tar-riżorsi naturali tas-Saħara tal-Punent isir b’mod li jibbenefika lill-abitanti tagħha, jeħtieġ sempliċement li jiġi osservat li l-ftehim ma jiggarantixxix ulterjorment sfruttament tar-riżorsi naturali tas-Saħara tal-Punent vantaġġużi għall-abitanti tiegħu. F’dan ir-rigward, huwa għal kollox newtrali, inkwantu jillimita ruħu b’mod partikolari sabiex jiffaċilita l-esportazzjoni lejn l-Unjoni tal-prodotti tas-Saħara tal-Punent, sew jekk jiġu minn sfruttament vantaġġuż għall-abitanti tiegħu, sew jekk le.

240    Fil-verità, dan l-argument tal-Kunsill juri li, għalih, huwa biss ir-Renju tal-Marokk li għandu l-obbligu li jiżgura ruħu min-natura vantaġġuża, għall-abitanti tal-parti tas-Saħara tal-Punent li huwa jikkontrolla, tal-isfruttament tar-riżorsi naturali tiegħu.

241    Issa, b’mod partikolari fid-dawl tal-fatt li s-sovranità tar-Renju tal-Marokk fuq is-Saħara tal-Punent ma hi rikonoxxuta la mill-Unjoni u l-Istati Membri tagħha u lanqas, b’mod iktar ġenerali, mill-ONU, kif ukoll tal-assenza ta’ kull mandat internazzjonali li jista’ jiġġustifikaw l-preżenza Marokkina f’dan it-territorju, il-Kunsill, fil-kuntest tal-eżami tal-elementi kollha rilevanti tal-każ inkwistjoni bil-għan tal-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali tiegħu fir-rigward tal-konklużjoni, jew le, ta’ ftehim mar-Renju tal-Marokk li jista’ japplika wkoll għas-Saħara tal-Punent, kellu jiżgura ruħu huwa stess li ma kinux jeżistu indikazzjonijiet ta’ sfruttament tar-riżorsi naturali tat-territorju tas-Saħara tal-Punent taħt il-kontroll Marokkin li jista’ jkun li jsir għad-detriment tal-abitanti tiegħu u li jippreġudika d‑drittijiet fundamentali tagħhom. Huwa ma jistax jillimita ruħu sabiex jikkunsidra li huwa r-Renju tal-Marokk li għandu jiżgura li ma jseħħ ebda sfruttament ta’ din in-natura.

242    F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li l-Front Polisario kkwalifika l-isfruttament tar-riżorsi naturali tas-Saħara tal-Punent taħt il-kontroll Marokkin bħala “spoll ekonomiku li l-għan tiegħu huwa l-bidla fl-istruttura tas-soċjetà tas-Saħara tal-Punent”. Huwa jżid li huwa lissen il-protesti tiegħu lill-ONU dwar l-abbozz ta’ ftehim approvat mid-deċiżjoni kkontestata. L-argumenti tiegħu ppreżentati fil-kuntest tal-ħames u s-sitt motivi (ara l-punti 159, 169 u 170 iktar ’il fuq) huma wkoll f’dan is-sens.

243    Il-Front Polisario barra minn hekk inkluda fil-proċess rapport dettaljat tal-kunsill tiegħu li jinkludi b’mod partikolari allegazzjonijiet dwar il-fatt li, essenzjalment, l-operat agrikolu fis-Saħara tal-Punent huwa kkontrollat minn persuni u impriżi barranin mhux indiġeni, huma esklużivament orjentati lejn l-esportazzjoni u huwa bbażat fuq l-estrazzjoni ta’ ilma minn baċiri li ma jġeddux l-ilma tagħhom u li jinsabu fil-fond. Qed isir riferiment għal rapport ippubblikat minn organizzazzjoni mhux governattiva li tikkonferma dawn l-allegazzjonijiet.

244    La mill-argumenti tal-Kunsill u lanqas mill-elementi li dan tal-aħħar inkluda fil-proċess ma jirriżulta li wettaq eżami bħal dak imsemmi fil-punt 241 iktar ’il fuq. Fir-rigward tal-allegazzjonijiet tal-Front Polisario msemmija fil-punti 242 u 243 iktar ’il fuq, il-Kunsill ma ppreżenta ebda kummentarju partikolari u ma kkontestahomx, liema fatt jagħti lil wieħed x’jifhem li huwa ma ddedikax ruħu fuq il-kwistjoni dwar jekk l-isfruttament tar-riżorsi naturali tas-Saħara tal-Punent taħt il-kontroll Marokkin kienx isir jew le favur il-popolazzjoni ta’ dan it-territorju.

245    Madankollu, mill-elementi invokati mill-Front Polisario jidher li dawn l-allegazzjonijiet inxterdu b’xi mod u nġiebu minnu għall-attenzjoni tal-ONU. Għalhekk huma ma setgħux jiġu injorati mill-Kunsill u l-verusimilitudni tagħhom kien jixirqilha li tiġi eżaminata minnu.

246    L-argumenti tal-Kunsill, spjegati fil-qosor fil-punti 230 u 236 iktar ’il fuq, juru bil-kontra li huwa qies li l-kwistjoni dwar jekk l-isfruttament tar-riżorsi tas-Saħara tal-Punent kienx isir jew le għad-detriment tal-popolazzjoni lokali tirrigwarda biss lill-awtoritajiet Marokkini. Issa, għar-raġunijiet imsemmija fil-punti 227 sa 233 iktar ’il fuq, din it-teżi ma tistax tiġi aċċettata.

247    Minn dan jirriżulta li l-Kunsill naqas mill-obbligu tiegħu li jeżamina, qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, l-elementi kollha tal-każ inkwistjoni. Konsegwentement, ir-rikors għandu jintlaqa’ u d-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi annullata inkwantu hija tapprova l-applikazzjoni tal-ftehim kopert minnha għas-Saħara tal-Punent.

248    Fid-dawl ta’ din il-konklużjoni, ma huwiex neċessarju li tingħata deċiżjoni dwar l-ammissibbiltà tad-dokumenti msemmija fil-punt 27 iktar ’il fuq, ġaladarba t-teħid inkunsiderazzjoni tagħhom ma jirriżultax li huwa neċessarju f’dan il-każ.

 Fuq l-ispejjeż

249    Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Barra minn hekk, l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura jipprovdi li l-istituzzjonijiet intervenjenti fil-kawża għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom.

250    F’dan il-każ, il-Kunsill u l-Kummissjoni tilfu. Għalkemm huwa minnu li l-Front Polisario talab sabiex huma jiġu kkundannati għall-ispejjeż fl-osservazzjonijiet tiegħu dwar in-nota ta’ intervent tal-Kummissjoni (ara l-punt 31 iktar ’il fuq), għandu jiġi osservat li, skont il-ġurisprudenza, huwa possibbli għall-partijiet li jippreżentaw, wara l-preżentata tar-rikors u saħansitra waqt is-seduta, talbiet dwar l-ispejjeż, anki jekk ma jkunux ippreżentaw talbiet bħal dawn fir-rikors [ara s-sentenza tal‑14 ta’ Diċembru 2006, Mast‑Jägermeister vs UASI – Licorera Zacapaneca (VENADO avec cadre et), T‑81/03, T‑82/03 u T‑103/03, Ġabra, EU:T:2006:397, punt 116 u l-ġurisprudenza ċċitata].

251    Konsegwentement, il-Kunsill u l-Kummissjoni għandhom jiġu kkundannati jbatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom kif ukoll dawk esposti mill-Front Polisario.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla),

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2012/497/UE tat‑8 ta’ Marzu 2012, dwar il-konklużjoni ta’ Ftehim fil-forma ta’ Skambju ta’ Ittri bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju tal-Marokk li jittratta miżuri reċiproċi ta’ liberalizzazzjoni fuq il-prodotti agrikoli, il-prodotti agrikoli pproċessati, il-ħut u l-prodotti tas-sajd, is-sostituzzjoni tal-Protokolli Nri 1, 2 u 3 u tal-annessi tagħhom u l-emendi għall-Ftehim Ewro-Mediterranju li jistabbilixxi assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa, u r-Renju tal-Marokk, min-naħa l-oħra, hija annullata sa fejn hija tapprova l-applikazzjoni tal-imsemmi ftehim għas-Saħara tal-Punent.

2)      Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Kummissjoni Ewropea għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom kif ukoll dawk esposti mill-Front populaire pour la libération de la saguia-el-hamra et du rio de oro (Front Polisario).

Gratsias

Kancheva

Wetter

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fil‑10 ta’ Diċembru 2015.

Firem

Werrej


Il-fatti li wasslu għall-kawża

Fuq l-istatus internazzjonali tas-Saħara tal-Punent

Fuq id-deċiżjoni kkontestata u l-fatti li wasslu għaliha

Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

Fuq l-ammissibbiltà

Fuq il-locus standi in judicio tal-Front Polisario

Fuq l-effett dirett u individwali tad-deċiżjoni kkontestata fuq il-Front Polisario

Fuq il-mertu

Fuq l-ewwel motiv

Fuq it-tieni motiv

Dwar il-motivi l-oħra

Fuq l-eżistenza ta’ projbizzjoni assoluta ta’ konklużjoni ta’ ftehim li jista’ jiġi applikat għal territorju kkontestat

– Fuq it-tielet motiv

– Fuq ir-raba’ motiv

– Fuq il-ħames motiv

– Fuq is-sitt motiv

– Fuq is-seba’ motiv

– Fuq it-tmien motiv

– Kunsiderazzjonijiet preliminari dwar l-effett tad-dritt internazzjonali

– Fuq id-disa’ motiv

– Fuq l-għaxar motiv

– Fuq il-ħdax-il motiv

– Konklużjoni fuq l-eżistenza jew le ta’ projbizzjoni assoluta ta’ konklużjoni ta’ ftehimiet internazzjonali applikabbli fuq territorju kkontestat

Fuq is-setgħa diskrezzjonali tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni u fuq l-elementi li huma għandhom jieħdu inkunsiderazzjoni

Fuq l-ispejjeż


* Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.