Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mil-Landgericht Köln (il-Ġermanja) fid-19 ta’ Marzu 2021 – EF vs Deutsche Lufthansa AG

(Kawża C-172/21)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Qorti tar-rinviju

Landgericht Köln

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: EF

Konvenut: Deutsche Lufthansa AG

Domandi preliminari

Tariffa korporattiva, li hija iktar favorevoli minn tariffa normali (fil-każ ineżami EUR 152.00 minflok EUR 169.00) u li hija bbażata fuq kuntratt qafas bejn kumpannija tal-ajru u kumpannija oħra u li tista’ tiġi rriżervata biss għall-impjegati tal-kumpannija kkonċernata għal finijiet ta’ vjaġġi professjonali, hija tariffa mnaqqsa fis-sens tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 3(3) tar-Regolament (KE) Nru 261/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Frar 2004 li jistabbilixxi regoli komuni dwar il-kumpens u l-assistenza għal passiġġieri fil-każ li ma jitħallewx jitilgħu u ta’ kanċellazzjoni jew dewmien twil ta’ titjiriet, u li li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 295/91 1 , li ma hijiex direttament jew indirettament disponibbli lill-pubbliku?

Fil-każ li tingħata risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda: tali tariffa korporattiva lanqas ma hija programm ta’ min itir ta’ spiss jew programm kummerċjali ieħor ta’ kumpannija tal-ajru jew ta’ kumpannija tal-ivvjaġġar fis-sens tat-tieni sentenza tal-Artikolu 3(3) tar-Regolament Nru 261/2004?

____________

1     ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 8, p. 10.