Language of document : ECLI:EU:T:2024:126

Kawża T390/20

(pubblikazzjoni ta’ estratti)

Scandlines Danmark ApS
u
Scandlines Deutschland GmbH

vs

Kummissjoni Ewropea

 Sentenza talQorti Ġenerali (LEwwel Awla Estiża) tat28 ta’ Frar 2024

“Għajnuna mill-Istat – Finanzjament pubbliku tal-konnessjoni fissa bil-ferrovija u bit-triq fl-Istrett ta’ Fehmarn – Għajnuna mogħtija mid-Danimarka lil Femern – Deċiżjoni li tiddikjara l-għajnuna kompatibbli mas-suq intern – Għajnuna individwali – Proġett importanti ta’ interess Ewropew komuni – Neċessità tal-għajnuna – Proporzjonalità – Ibbilanċjar tal-effetti benefiċi tal-għajnuna mal-effetti negattivi tagħha fuq il-kundizzjonijiet tal-kummerċ u fuq iż-żamma ta’ kompetizzjoni mhux distorta – Komunikazzjoni dwar il-kriterji relatati mal-analiżi tal-kompatibbiltà mas-suq intern tal-għajnuna mill-Istat maħsuba biex tippromwovi t-twettiq ta’ proġetti importanti ta’ interess Ewropew komuni”

1.      Għajnuna mogħtija mill-Istati – Eżami mill-Kummissjoni – Klassifikazzjoni ta’ diversi interventi konsekuttivi bħala għajnuna individwali – Kundizzjonijiet – Interventi li jippreżentaw rabtiet inseparabbli bejniethom – Konsegwenza – Assenza ta’ obbligu ta’ komunikazzjoni minn qabel ta’ kull pagament mħallas bħala għajnuna individwali

(Regolament tal-Kunsill 2015/1589, Artikolu 1(e))

(ara l-punti 37-51, 62-64)

2.      Għajnuna mogħtija mill-Istati – Projbizzjoni – Derogi – Għajnuna li tista’ titqies li hija kompatibbli mas-suq intern – Għajnuna intiża għat-twettiq ta’ proġett importanti ta’ interess Ewropew – Għoti ta’ sensiela ta’ għajnuna individwali imħallsa b’diversi pagamenti intiżi għall-finanzjament tal-istess proġett – Eżami konġunt tal-kompatibbiltà tal-imsemmija għajnuna mas-suq intern – Ammissibbiltà

(Artikolu 107(3)(b) TFUE)

(ara l-punti 52 sa 61)

3.      Għajnuna mogħtija mill-Istati – Projbizzjoni – Derogi – Għajnuna li tista’ titqies li hija kompatibbli mas-suq intern – Għajnuna intiża għat-twettiq ta’ proġett importanti ta’ interess Ewropew – Proġett importanti ta’ interess Ewropew komuni – Kunċett – Proġett li jissodisfa l-kriterji ġenerali kif ukoll indikatur pożittiv ġenerali previst mill-Komunikazzjoni dwar it-twettiq ta’ proġetti importanti ta’ interess Ewropew komuni – Inklużjoni

(Artikolu 107(3)(b) TFUE; Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 2014/C 188/02, punti 14 sa 20)

(ara l-punti 69, 70, 91 sa 102)

4.      Għajnuna mogħtija mill-Istati – Projbizzjoni – Derogi – Għajnuna li tista’ titqies li hija kompatibbli mas-suq intern – Għajnuna intiża għat-twettiq ta’ proġett importanti ta’ interess Ewropew – Proġett importanti ta’ interess Ewropew komuni – Kriterji – Kofinanzjament ta’ proġett għall-benefiċjarju tal-għajnuna

(Artikolu 107(3)(b) TFUE; Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 2014/C 188/02, punt 18)

(ara l-punti 82 sa 85)

5.      Għajnuna mogħtija mill-Istati – Projbizzjoni – Derogi – Għajnuna li tista’ titqies li hija kompatibbli mas-suq intern – Għajnuna intiża għat-twettiq ta’ proġett importanti ta’ interess Ewropew – Neċessità tal-għajnuna – Effett ta’ inċentiv tal-għajnuna – Introduzzjoni ta’ talba għal għajnuna qabel il-bidu tax-xogħlijiet – Kumpannija b’għan speċifiku maħluqa mill-awtoritajiet pubbliċi għat-twettiq ta’ proġett partikolari – Talba għal għajnuna inerenti għall-ħolqien ta’ din il-kumpannija

(Artikolu 107(3)(b) TFUE; Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 2014/C 188/02, punt 28)

(ara l-punti 109 sa 137)

6.      Għajnuna mogħtija mill-Istati – Projbizzjoni – Derogi – Għajnuna li tista’ titqies li hija kompatibbli mas-suq intern – Għajnuna intiża għat-twettiq ta’ proġett importanti ta’ interess Ewropew – Neċessità tal-għajnuna – Evalwazzjoni fid-dawl ta’ xenarju kontrofattwali – Xenarju kontrofattwali li jikkonsisti fl-assenza ta’ proġett alternattiv – Ammissibbiltà – Kundizzjonijiet

(Artikolu 107(3)(b) TFUE; Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 2014/C 188/02, punt 29)

(ara l-punti 141 sa 163)

7.      Għajnuna mogħtija mill-Istati – Projbizzjoni – Derogi – Għajnuna li tista’ titqies li hija kompatibbli mas-suq intern – Għajnuna intiża għat-twettiq ta’ proġett importanti ta’ interess Ewropew – Neċessità tal-għajnuna – Evalwazzjoni tal-assenza ta’ proġett alternattiv – Ammont tal-għajnuna ma jistax jeċċedi l-minimu neċessarju – Kalkolu tar-rata ta’ rendiment interna tal-proġett – Determinazzjoni tat-tul tal-ħajja rilevanti tal-proġett b’teħid inkusiderazzjoni tal-aġir tal-investituri fis-suq

(Artikolu 107(3)(b) TFUE; Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 2014/C 188/02, punt 30)

(ara l-punti 168, 171, 176 sa 178)

8.      Għajnuna mogħtija mill-Istati – Projbizzjoni – Derogi – Għajnuna li tista’ titqies li hija kompatibbli mas-suq intern – Għajnuna intiża għat-twettiq ta’ proġett importanti ta’ interess Ewropew – Proporzjonalità tal-għajnuna – Kalkolu tal-livell massimu tal-għajnuna skont id-defiċit ta’ finanzjament – Kalkolu tad-defiċit ta’ finanzjament – Determinazzjoni tat-tul tal-proġett b’teħid inkusiderazzjoni tal-aġir tal-investituri fis-suq

(Artikolu 107(3)(b) TFUE; Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 2014/C 188/02, punt 31)

(ara l-punti 169, 170, 179)

9.      Għajnuna mogħtija mill-Istati – Projbizzjoni – Derogi – Għajnuna li tista’ titqies li hija kompatibbli mas-suq intern – Għajnuna intiża għat-twettiq ta’ proġett importanti ta’ interess Ewropew – Għajnuna taħt forma ta’ garanzija jew ta’ self – Rekwiżit ta’ limitazzjoni ratione temporis tal-għajnuna

(Artikolu 107(3)(b) TFUE; Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 2014/C 188/02, punt 36)

(ara l-punti 195 sa 206)

10.    Għajnuna mogħtija mill-Istati – Projbizzjoni – Derogi – Għajnuna li tista’ titqies li hija kompatibbli mas-suq intern – Għajnuna intiża għat-twettiq ta’ proġett importanti ta’ interess Ewropew – Proporzjonalità tal-għajnuna – Kalkolu tal-livell massimu tal-għajnuna skont id-defiċit ta’ finanzjament – Kalkolu tad-defiċit ta’ finanzjament – Dħul u spejjeż ikkunsidrati

(Artikolu 107(3)(b) TFUE; Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 2014/C 188/02, punt 31)

(ara l-punti 218 sa 247)

11.    Għajnuna mogħtija mill-Istati – Projbizzjoni – Derogi – Għajnuna li tista’ titqies li hija kompatibbli mas-suq intern – Għajnuna għall-funzjonament – Esklużjoni – Garanziji statali u self mill-Istat limitati għall-ispejjeż tal-ippjanar u tal-kostruzzjoni ta’ proġett importanti ta’ interess Ewropew komuni – Miżuri li jikkostitwixxu għajnuna għall-investiment

(Artikolu 107(3)(b) TFUE)

(ara l-punti 248 sa 250)

12.    Għajnuna mogħtija mill-Istati – Proċedura amministrattiva – Determinazzjoni tal-ammont tal-għajnuna – Għajnuna intiża għat-twettiq ta’ proġett importanti ta’ interess Ewropew – Għajnuna li tinkludi garanziji tal-Istat u self mill-Istat – Kalkolu tal-ammont tal-għajnuna – Ammont tal-għajnuna li ma jikkorrispondix għall-ammonti kollha koperti mis-self mill-Istat u mis-self li jibbenefika minn garanzija mill-Istat – Ammont tal-għajnuna li jikkorrispondi għall-ammont ta’ defiċit ta’ finanzjament ta’ proġett inkwistjoni – Ammissibbiltà

(Artikolu 107(1)(b) TFUE; Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 2008/C 155/02, punt 4.1)

(ara l-punti 256 sa 262, 264 sa 271)

13.    Għajnuna mogħtija mill-Istati – Projbizzjoni – Derogi – Għajnuna li tista’ titqies li hija kompatibbli mas-suq intern – Għajnuna intiża għat-twettiq ta’ proġett importanti ta’ interess Ewropew – Proporzjonalità tal-għajnuna – Ibbilanċjar tal-effetti pożittivi tal-għajnuna fil-qasam tal-kontribut għall-għan ta’ interess Ewropew komuni mal-effetti negattivi tagħha f’termini ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni u ta’ effett fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri – Assenza ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni mwettaq mill-Kummissjoni

(Artikolu 107(3)(b) TFUE; Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 2014/C 188/02, punti 41 sa 43)

(ara l-punti 279 sa 327)

Sunt

Il-Qorti Ġenerali tiċħad ir-rikors għal annullament ippreżentat mill-kumpanniji marittimi Scandlines Danmark ApS u Scandlines Deutschland GmbH kontra d-deċiżjoni tal-Kummissjoni tal‑20 ta’ Marzu 2020 (1) li permezz tagħha din tal-aħħar ikkonstatat li l-miżuri ta’ appoġġ mogħtija mid-Danimarka lill-impriża pubblika Femern A/S għall-ippjanar, għall-kostruzzjoni u għall-operat ta’ konnessjoni fissa bil-ferrovija u bit-triq tal-Istrett ta’ Fehmarn bejn id-Danimarka u l-Ġermanja jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat kompatibbli mas-suq intern. F’dan il-kuntest, il-Qorti Ġenerali tagħmel preċiżazzjonijiet dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Kummissjoni ta’ miżuri ta’ għajnuna li huma s-suġġett ta’ ħlas f’diversi partijiet. Il-Qorti Ġenerali għandha wkoll tistħarreġ l-applikazzjoni mill-Kummissjoni ta’ ċerti punti tal-Komunikazzjoni tagħha dwar it-twettiq ta’ proġetti importanti ta’ interess Ewropew komuni (2) (iktar ’il quddiem il- “Komunikazzjoni dwar l-IPCEI”).

Fl-2008, id-Danimarka u l-Ġermanja ffirmaw trattat dwar proġett ta’ konnessjoni fissa tal-Istrett ta’ Fehmarn li jikkonsisti, minn naħa, f’mina ferrovjarja u triq taħt il-Baħar Baltiku bejn id-Danimarka u l-Ġermanja (iktar ’il quddiem il-“konnessjoni fissa”) u, min-naħa l-oħra, f’konnessjonijiet bit-triq u dawk ferrovjarji lejn il-partijiet interni tat-territorju Daniż.

L-impriża pubblika Daniża Femern kienet responsabbli għall-finanzjament, għall-kostruzzjoni u għall-operat tal-konnessjoni fissa. Peress li bbenefikat minn injezzjonijiet ta’ kapital, minn self iggarantit mill-Istat kif ukoll minn self mogħti mid-Danimarka, Femern ser tiġbor tariffi mill-utenti mit-tqegħid fis-servizz tal-konnessjoni fissa bil-għan li tirrimborsa d-dejn tagħha.

Fit-tmiem tal-2014, l-awtoritajiet Daniżi nnotifikaw lill-Kummissjoni bil-mudell ta’ finanzjament tal-proġett ta’ konnessjoni fissa tal-Istrett ta’ Fehmarn. Mingħajr ma fetħet il-proċedura ta’ investigazzjoni formali, il-Kummissjoni ddeċidiet li ma tqajjimx oġġezzjonijiet fir-rigward tal-miżuri nnotifikati (3).

Permezz ta’ sentenzi tat‑13 ta’ Diċembru 2018 (4), il-Qorti Ġenerali annullat parzjalment dik id-deċiżjoni. Fir-rigward tal-finanzjamenti pubbliċi mogħtija lil Femern, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li l-Kummissjoni kienet naqset milli twettaq l-obbligu tagħha taħt l-Artikolu 108(3) TFUE li tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali minħabba l-eżistenza ta’ diffikultajiet serji.

Wara li fetħet il-proċedura ta’ investigazzjoni formali wara dawn is-sentenzi, il-Kummissjoni qieset, permezz tad-deċiżjoni tagħha tal‑20 ta’ Marzu 2020, li l-miżuri li jikkonsistu f’injezzjonijiet ta’ kapital u f’kombinazzjoni ta’ self mill-Istat u ta’ garanziji mill-Istat mogħtija lil Femern għall-ippjanar, għall-kostruzzjoni u għall-operat tal-konnessjoni fissa kienu jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat kompatibbli mas-suq intern abbażi tal-Artikolu 107(3)(b) TFUE (5), sa fejn dawn kienu intiżi sabiex jippromwovu t-twettiq ta’ proġett importanti ta’ interess Ewropew komuni b’osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità.

Il-kumpanniji marittimi Scandlines Danmark u Scandlines Deutschland ippreżentaw rikors għal annullament ta’ din id-deċiżjoni quddiem il-Qorti Ġenerali.

Ilkunsiderazzjonijiet talQorti Ġenerali

Fid-dawl tal-fatt li l-garanziji mill-Istat u s-self mill-Istat favur Femern kienu ngħataw f’partijiet suċċessivi mħallsa skont il-progress tal-proġett ta’ konnessjoni fissa, ir-rikorrenti kkritikaw lill-Kummissjoni talli kkunsidrat b’mod żbaljat, fid-deċiżjoni kkontestata, li d-diversi miżuri ta’ appoġġ finanzjarju setgħu jinġabru fi tliet għajnuniet individwali, jiġifieri l-ewwel għajnuna fil-forma ta’ injezzjoni ta’ kapital magħmula fl‑2005, it-tieni għajnuna fil-forma ta’ injezzjoni ta’ kapital, ta’ garanziji mill-Istat u ta’ self mill-Istat mogħtija skont liġi adottata fl‑2009 (6) kif ukoll it-tielet għajnuna fil-forma ta’ self mill-Istat u ta’ garanziji mill-Istat mogħtija skont liġi adottata fl‑2015 (7).

Dwar dan il-punt, il-Qorti Ġenerali ammettiet li diversi interventi konsekuttivi tal-Istat jistgħu jitqiesu bħala intervent wieħed, bil-kundizzjoni li dawn jippreżentaw, fir-rigward, b’mod partikolari, tal-kronoloġija tagħhom, tal-għan tagħhom u tas-sitwazzjoni tal-impriża fil-mumemt ta’ dawn l-interventi, rabtiet tant stretti bejniethom li jkun impossibbli li dawn jiġu sseparati. Peress li din il-kundizzjoni kienet issodisfatta għall-finanzjamenti kollha mogħtija skont il-liġi adottata fl‑2009 kif ukoll għal dawk mogħtija skont il-liġi adottata fl‑2015, il-Kummissjoni ma kinitx wettqet żball meta kklassifikathom bħala għajnuna individwali. Minn dan isegwi li l-Kummissjoni lanqas ma kienet obbligata teżiġi li l-awtoritajiet Daniżi jinnotifikawha separatament dwar kull self mill-Istat u kull garanzija mill-Istat mogħtija lil Femern skont l-imsemmija liġijiet.

Barra minn hekk, peress li t-tliet għajnuniet individwali mogħtija lil Femern fl‑2005, fl‑2009 u fl‑2015 kienu intiżi għall-finanzjament tal-istess proġett, il-Kummissjoni ma marritx lil hinn mil-limiti tas-setgħa diskrezzjonali tagħha meta eżaminat flimkien il-kompatibbiltà tagħhom mas-suq intern. Huwa preċiżament billi tieħu inkunsiderazzjoni dawn l-għajnuniet kollha li l-Kummissjoni tista’ tevalwa l-effett tagħhom fuq il-kompetizzjoni fil-kuntest tal-eżami ta’ waħda mid-derogi previsti fl-Artikolu 107(3) TFUE, b’mod partikolari għal proġett importanti ta’ interess Ewropew komuni li t-twettiq tiegħu jimplika l-ħlas ta’ finanzjamenti pubbliċi fuq perijodu twil.

Il-Qorti Ġenerali tiċħad, barra minn hekk, il-motiv għal annullament ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 107(3)(b) TFUE, li jirriżulta mill-fatt li l-Kummissjoni kklassifikat b’mod żbaljat il-proġett inkwistjoni bħala proġett ta’ interess Ewropew komuni u fuq dak li hija kkonkludiet b’mod żbaljat dwar in-natura neċessarja u proporzjonata tal-għajnuna.

L-ewwel, fir-rigward tal-klassifikazzjoni tal-proġett ta’ konnessjoni fissa bħala proġett ta’ interess Ewropew komuni fis-sens tal-Artikolu 107(3)(b) TFUE, il-Qorti Ġenerali tfakkar li l-kunċett ta’ “interess Ewropew komuni” previst f’din id-dispożizzjoni għandu jiġi interpretat b’mod strett u li inizjattiva hija kklassifikata bħala proġett ta’ interess Ewropew komuni biss meta tkun tagħmel parti minn programm transkonfinali Ewropew, sostnut b’mod konġunt minn gvernijiet differenti ta’ Stati Membri jew meta tkun taqa’ taħt azzjoni miftiehma ta’ Stati Membri differenti bl-għan li tiġi miġġielda theddida komuni.

Il-kunċett ta’ “interess Ewropew komuni” ġie, barra minn hekk, ippreċiżat mill-Kummissjoni fil-Komunikazzjoni dwar l-IPCEI, li tistabbilixxi l-kriterji kumulattivi ġenerali li għandhom jiġu ssodisfatti sabiex proġett ikun jista’ jaqa’ taħt dan il-kunċett, kif ukoll indikaturi pożittivi li jiġġustifikaw approċċ iktar favorevoli tal-Kummissjoni għall-finijiet tal-klassifikazzjoni bħala proġett ta’ interess Ewropew komuni, fosthom dak tal-kofinanzjament tal-proġett minn fond tal-Unjoni.

Issa, peress li l-proġett ta’ konnessjoni fissa kien jissodisfa l-kriterji kumulattivi ġenerali stabbiliti fil-Komunikazzjoni dwar l-IPCEI u li dan il-proġett kien, barra minn hekk, ibbenefika minn finanzjament tal-Unjoni, il-Kummissjoni setgħet validament tikkonkludi, abbażi ta’ dawn il-kriterji u indikaturi biss, li l-proġett ta’ konnessjoni fissa kien jippreżenta interess Ewropew komuni.

It-tieni, fir-rigward tan-natura neċessarja tal-għajnuna, il-Qorti Ġenerali ppreċiżat li, fil-kuntest tal-Artikolu 107(3)(b) TFUE, l-għajnuna intiża sabiex tippromwovi l-eżekuzzjoni ta’ proġett importanti ta’ interess Ewropew komuni għandu jkollha, sabiex tkun kompatibbli mas-suq intern, effett ta’ inċentiv fuq l-impriżi benefiċjarji. Għal dan l-għan, għandu jiġi pprovat li, fl-assenza tal-għajnuna ppjanata, l-investiment intiż għat-twettiq tal-proġett inkwistjoni ma jsirx. F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali tfakkar li l-konstatazzjoni ta’ nuqqas ta’ neċessità ta’ għajnuna tista’ b’mod partikolari toħroġ mill-fatt li l-proġett megħjun ikun diġà nbeda, jew saħansitra jkun tlesta, mill-impriża kkonċernata qabel ma t-talba għal għajnuna tkun tressqet quddiem l-awtoritajiet kompetenti, li jeskludi l-possibbiltà li l-għajnuna kkonċernata jkollha effett ta’ inċentiv (kriterju tal-preeżistenza tat-talba).

Dwar dan l-aħħar punt, il-Qorti Ġenerali tikkonferma l-argument tal-Kummissjoni li, f’dan il-każ, il-kriterju tal-preċedenza tat-talba kien issodisfatt minħabba li l-applikazzjoni għal għajnuna kienet inerenti għall-ħolqien ta’ Femern. F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali tenfasizza li, bħala kumpannija b’għan speċifiku maħluqa mill-awtoritajiet pubbliċi għat-twettiq tal-proġett ta’ konnessjoni fissa, Femern tiddependi mill-finanzjamenti pubbliċi sakemm tibda topera l-konnessjoni fissa. Barra minn hekk, peress li l-Kummissjoni setgħet teżamina flimkien il-kompatibbiltà mas-suq intern tal-finanzjamenti kollha mogħtija lil Femern sa mill-ħolqien tagħha, il-kriterju tal-preeżistenza tat-talba ma kellux jiġi vverifikat għal kull waħda mit-tliet għajnuniet individwali.

Il-Kummissjoni lanqas ma wettqet żball meta qieset li x-xenarju kontrofattwali meħud inkunsiderazzjoni, skont il-Komunikazzjoni dwar l-IPCEI, għall-finijiet tal-evalwazzjoni tan-neċessità tal-għajnuna nnotifikata, kien jikkonsisti fl-assenza ta’ proġett alternattiv. B’mod iktar partikolari, ir-rikorrenti u l-intervenjenti ma wrewx li kien jeżisti proġett alternattiv li jista’ jitwettaq mingħajr għajnuna ta’ skala jew ta’ daqs paragunabbli jew li jagħti benefiċċji ekwivalenti għal dawk mistennija mill-proġett ta’ konnessjoni fissa.

Il-Qorti Ġenerali tiċħad, barra minn hekk, l-ilment li l-Kummissjoni wettqet żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni billi bbażat ruħha fuq tul tal-ħajja ta’ 40 sena sabiex twettaq kemm il-kalkolu tar-rata ta’ rendiment interna tal-proġett ta’ konnessjoni fissa (neċessità tal-għajnuna) kif ukoll il-kalkolu tad-defiċit ta’ finanzjament (proporzjonalità tal-għajnuna), filwaqt li l-proġett ta’ konnessjoni fissa jkollu tul ta’ ħajja ta’ 120 sena.

F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali tfakkar, minn naħa, li, skont il-paragrafu 30 tal-Komunikazzjoni dwar l-IPCEI, fl-assenza ta’ proġett alternattiv, il-Kummissjoni għandha tivverifika li l-ammont tal-għajnuna ma jeċċedix il-minimu neċessarju sabiex il-proġett li jibbenefika mill-għajnuna jkun suffiċjentement profittabbli, filwaqt li għandu jiġi ppreċiżat li l-ispejjeż u l-vantaġġi kollha mistennija kkonċernati għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni matul it-tul tal-ħajja tal-proġett. Peress li dan ir-riferiment għat-tul tal-ħajja li għandu jinftiehem bħala li jkopri t-tul tal-ħajja ekonomika tal-proġett ta’ investiment u mhux tal-infrastruttura fuq livell tekniku, il-Kummissjoni ma wettqitx żball meta rreferiet għall-aġir tal-investituri fis-suq ikkonċernat sabiex tikkalkola r-rata ta’ rendiment interna abbażi ta’ tul tal-ħajja ekonomika tal-investiment ta’ 40 sena.

Min-naħa l-oħra, skont il-paragrafu 31 tal-Komunikazzjoni dwar l-IPCEI, l-ammont massimu tal-għajnuna huwa ddeterminat skont id-defiċit ta’ finanzjament, li jikkorrispondi għad-differenza bejn il-flussi tal-flus pożittivi u l-flussi tal-flus negattivi tul il-ħajja tal-investiment. Issa, peress li l-analiżi tad-defiċit tal-finanzjament hija intiża sabiex tiddetermina sa fejn il-proġett jista’ jiġi ffinanzjat skont il-kundizzjonijiet tas-suq, il-Kummissjoni ma tistax tiġi kkritikata li ħadet inkunsiderazzjoni, sabiex twettaq din l-analiżi, it-tul ta’ żmien li investitur raġonevoli f’dan il-proġett kien ħa inkunsiderazzjoni, stmat għal 40 sena.

It-tielet, f’dak li jirrigwarda n-natura proporzjonata tal-għajnuna, il-Qorti Ġenerali tirrileva, qabelxejn, li r-rikorrenti ma jistgħux jikkritikaw lill-Kummissjoni li kisret ir-rekwiżit ta’ limitazzjoni ratione temporis tal-għajnuna fil-forma ta’ garanzija jew ta’ self, kif stabbilit fil-Komunikazzjoni dwar l-IPCEI, peress li d-deċiżjoni kkontestata tippreċiża, minn naħa, li, sa mhux iktar tard minn sittax-il sena wara l-ftuħ tal-konnessjoni fissa, is-self kollu li jibbenefika minn garanzija għandu jkun ingħalaq u s-self kollu mill-Istat kellu jiġi rrimborsat u, min-naħa l-oħra, li l-awtoritajiet Daniżi ma humiex awtorizzati jagħtu tali self u garanziji lil Femern għal ammont li jeċċedi l-ammont massimu ggarantit stabbilit għal 69.3 biljun krona Daniża (DKK) (madwar EUR 9.3 biljun).

Sussegwentement, il-Kummissjoni ma ssottovalutatx id-dħul ta’ Femern sabiex iżżid b’mod artifiċjali d-defiċit ta’ finanzjament. Minn naħa, il-Komunikazzjoni dwar l-IPCEI ma teħtieġx li d-dħul ikopri l-ispejjeż kollha tal-proġett. Min-naħa l-oħra, ir-rikorrenti u l-intervenjenti ma pproduċewx il-prova li struttura ta’ prezzijiet għat-traffiku fit-triq differenti minn dik adottata mill-Kummissjoni twassal awtomatikament għal żieda fid-dħul minħabba l-elastiċità tad-domanda u l-kompetizzjoni fis-suq.

Fl-aħħar, il-Kummissjoni ma kisritx il-Komunikazzjoni dwar l-IPCEI billi inkludiet spejjeż tal-operat tal-konnessjoni fissa fl-ispejjeż eliġibbli għall-kalkolu tad-defiċit tal-finanzjament. Fil-fatt, l-inklużjoni ta’ dawn l-ispejjeż fil-flussi ta’ flus negattivi tal-proġett ta’ konnessjoni fissa ma għandhiex bħala effett l-għoti ta’ għajnuna għall-funzjonament, peress li d-dħul mill-operat ta’ din il-konnessjoni fissa, li għandu wkoll jittieħed inkunsiderazzjoni bħala flussi tal-flus pożittivi, jaqbeż sew l-ispejjeż tal-operat. Barra minn hekk, ebda element ta’ natura li jikkontesta l-ispjegazzjonijiet tal-Kummissjoni insostenn tal-inklużjoni ta’ dawn l-ispejjeż fl-analiżi tad-defiċit tal-finanzjament ma ġie prodott.

Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha, il-Qorti Ġenerali tiċħad ir-rikors għal annullament tad-deċiżjoni kkontestata.


1      Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2020) 1683 final tal‑20 ta’ Marzu 2020 dwar l-għajnuna mill-Istat SA.39078 – 2019/C (ex 2014/N) li implimentat id-Danimarka għal Femern A/S (ĠU 2020, L 339, p. 1).


2      Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal‑20 ta’ Ġunju 2014 dwar il-kriterji għall-analiżi tal-kompatibilità mas-suq intern tal-għajnuna mill-Istat biex tippromwovi l-eżekuzzjoni ta’ proġetti importanti ta’ interess Ewropew komuni (ĠU 2014, C 188, p. 4).


3      Deċiżjoni C(2015) 5023 final, dwar l‑Għajnuna mill-Istat SA.39078 (2014/N) (id-Danimarka), dwar il-finanzjament tal-proġett ta’ konnessjoni fissa fl-Istrett ta’ Fehmarn (ĠU 2015, C 325, p. 5).


4      Sentenzi tat‑13 ta’ Diċembru 2018, Scandlines Danmark u Scandlines Deutschland vs Il‑Kummissjoni (T‑630/15, mhux ippubblikata, EU:T:2018:942) u tat‑13 ta’ Diċembru 2018, Stena Line Scandinavia vs Il‑Kummissjoni (T‑631/15, mhux ippubblikata, EU:T:2018:944).


5      Skont din id-dispożizzjoni, l-għajnuna maħsuba sabiex tippromwovi t-twettiq ta’ proġett importanti ta’ interess Ewropew komuni tista’ titqies li hija kompatibbli mas-suq intern.


6      Liġi Nru 285 dwar l-Ippjanar tal-Konnessjoni Fissa fl-Istrett ta’ Fehmarn u tal-Konnessjonijiet mal-Partijiet Interni tat-Territorju Daniż, tal‑15 ta’ April 2009.


7      Liġi Nru 575 dwar il-Kostruzzjoni u l-Operat tal‑Konnessjoni Fissa fl-Istrett ta’ Fehmarn u tal-Konnessjonijiet lejn il-Partijiet Interni tat-Territorju Daniż, tal‑4 ta’ Mejju 2015.