Language of document : ECLI:EU:F:2010:167

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU (It-Tielet Awla)

15 ta’ Diċembru 2010

Kawża F-14/09

Ana Maria Almeida Campos et

vs

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

“Servizz pubbliku — Uffiċjali — Promozzjoni — Proċedura ta’ promozzjoni 2008 — Eżami komparattiv tal-merti bejn amministraturi assenjati għal pożizzjonijiet ta’ lingwisti u amministraturi assenjati għal pożizzjonijiet ġenerali”

Suġġett: Rikors ippreżentat skont l-Artikoli 236 KE u 152 KEEA, li permezz tiegħu A. M. Almeida Campos u erba’ uffiċjali oħra tal‑Kunsill jitolbu l-annullament, minn naħa, tad‑deċiżjonijiet tal-Kunsill li jirrifjutaw li jinkluduhom fil-lista tal-uffiċjali promossi fil-grad AD 12 skont il-proċedura ta’ promozzjoni 2008 u, min-naħa l-oħra, tad-deċiżjonijiet ta’ promozzjoni fil-grad AD 12 tal-uffiċjali fil-grupp ta’ funzjonijiet AD assenjati għal dmirijiet oħra barra dawk lingwistiċi.

Deċiżjoni: Id-deċiżjonijiet li permezz tagħhom il-Kunsill irrifjuta li r-rikorrenti jiġu promossi fil‑grad AD 12 skont il-proċedura ta’ promozzjoni 2008 huma annullati. Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud. Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea huwa kkundannat għall‑ispejjeż kollha.

Sommarju

1.      Uffiċjali — Rikorsi — Ilment amministrattiv li għandu jitressaq qabel — Identiċità tas-suġġett u tal-kawża

(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 90 u 91)

2.      Uffiċjali — Promozzjoni — Eżami komparattiv tal-merti — Metodi — Setgħa diskrezzjonali tal-amministrazzjoni — Limiti — Osservanza tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament

(Regolamenti tal-Persunal, Artikoliu 45(1); Regolament tal-Kunsill Nru 723/2004)

1.      Ir-regola tal-konkordanza bejn l-ilment u r-rikors tinkiser biss jekk ir-rikors inkwistjoni jibdel is-suġġett tal-ilment jew il-bażi legali tiegħu, fejn dan l-aħħar kunċett tal-“bażi legali” għandu jiġi interpretat f’sens wiesa’. Skont tali interpretazzjoni, u fir-rigward tat-talbiet għal annullament, “bażi legali tal-kawża” tfisser il-kontestazzjoni mir-rikorrent tal-legalità interna tal-att ikkontestat jew, alternattivament, il-kontestazzjoni tal-legalità esterna tiegħu.

Issa, peress li fl-ilmenti tagħhom ir-rikorrenti ikkontestaw il-legalità interna tal-atti kkontestati fil-kuntest tar-rikorsi tagħhom, motiv intiż li jikkontesta l-legalità interna tal-imsemmijin atti huwa wkoll ammissibbli.

(ara l-punt 28)

Referenza: It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku 1 ta’ Lulju 2010, Mandt vs Il‑Parlament, F‑45/07, punti 119 u 120

2.      Mit-termini tal-Artikolu 45(1) tar-Regolamenti tal‑Persunal jirriżulta espressament li fil-kuntest ta’ proċedura ta’ promozzjoni, l-Awtorità tal-Ħatra hija obbligata li tagħmel l-għażla tagħha abbażi ta’ eżami komparattiv tal-merti tal-uffiċjali eliġibbli għall-promozzjoni.

Għalkemm ir-Regolamenti tal-persunal jagħtu lill-Awtorità tal-Ħatra s-setgħa li tagħmel tali eżami skont il‑proċedura jew il-metodu li jidhrilha l-aktar xierqa, tali setgħa hija limitata mill‑ħtieġa li l-imsemmi eżami jitwettaq bir-reqqa u b’imparzjalità, fl-interess tas-servizz u skont il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament. Fil-prattika, dan l-eżami għandu jsir fuq bażi ta’ ugwaljanza u minn użu ta’ sorsi ta’ informazzjoni paragunabbli.

Barra minn hekk, l-Artikolu 45(1) tar-Regolamenti tal-Persunal, li jobbliga lill-Awtorità tal-Ħatra twettaq eżami komparattiv tal-merti tal-uffiċjali li huma eliġibbli għal promozzjoni, tippresupponi li tali eżami jiġi estiż għall-uffiċjali kollha eliġibbli għal promozzjoni, irrispettivament mid-doveri li jwettqu. Fil-fatt, rekwiżit bħal dan huwa l-espressjoni kemm tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament tal-uffiċjali kif ukoll tal-prinċipju ta’ eliġibbiltà tagħhom għal karriera.

Fil-kuntest ta’ proċedura ta’ promozzjoni li hija magħmula minn żewġ stadji suċċessivi, l-ewwel nett, l-ewwel stadju li jikkonsisti f’eżami preliminari, minn żewġ kumitati konsultattivi ta’ promozzjoni distinti, tal-merti tal-amministraturi assenjati għal kompiti lingwistiċi u dawk assenjati għal kompiti oħra, sussegwentement, it-tieni stadju bbażat fuq eżami komparattiv, mill-Awtorità tal-Ħatra, tal-merti tal-amministraturi li rispettivament jiffurmaw parti minn wieħed u mill-ieħor ta’ dawn iż-żewġ gruppi, l-ewwel stadju tal-proċedura ta’ promozzjoni, jiġifieri l-eżami preliminari minn żewġ kumitati konsultattivi tal-promozzjoni distinti tal-merti taż-żewġ gruppi ta’ amministraturi, fid-dawl tal-ispeċifiċità tal‑kompiti assenjati lil tal-ewwel grupp meta mqabbla ma’ dawk fdati lit-tieni grupp, tali eżami, li huwa intiż biss biex jipprovdi lill-Awtorità tal-Ħatra b’informazzjoni dwar l-isem tal-uffiċjali li għandhom jiġu promossi, mhux probabbli li jxekkel eżami komparattiv xieraq tal-merti tal-kandidati u huwa konformi, bil-maqlub, mal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba.

Min-naħa l-oħra, fir-rigward tat-tieni stadju tal-proċedura ta’ promozzjoni, jiġifieri l-eżami mill-Awtorità tal-Ħatra tal-merti tal-uffiċjali eliġibbli għal promozzjoni, ir-Regolament Nru 723/2004 li jemenda kemm ir-Regolamenti tal-Persunal kif ukoll il-Kondizzjonijiet tal-impjieg ta’ impjegati oħra tal-Unjoni Ewropea, temm id-distinzjoni li qabel kienet issir bejn il-pożizzjonijiet ta’ natura mhux lingwistika eżerċitati mill-uffiċjali fil-kategoriji A sa D u l-pożizzjonijiet ta’ natura lingwistika eżerċitati mill-uffiċjali koperti mil-qafas LA, u ħoloq struttura ġdida ta’ karrieri li fiha żewġ gruppi ta’ funzjonijiet, jiġifieri l-grupp ta’ funzjonijiet tal-assistenti (AST), li huwa intiż li jissostitwixxi l-kategoriji l-qodma C u B, u l-grupp ta’ funzjoni tal-amministraturi (AD), intiż biex jissostitwixxi l-kategorija l-qadima A, kif ukoll l-qafas lingwistiku LA. Għalhekk, peress li l-leġiżlatur ried li jgħaqqad fi grupp ta’ funzjonijiet wieħed l-amministraturi kollha, li jeżerċitaw funzjonijiet lingiwtiċi jew funzjonijiet oħra, hija l-Awtorità tal-Ħatra, li hija kompetenti li tiddeċiedi dwar il-promozzjonijiet, li għandha tagħmel eżami komparattiv wieħed tal-merti għall-amministraturi kollha li huma eliġibbli għal promozzjoni fil-grad AD 12.

(ara l-punti 29 sa 31 u 33 sa 35)

Referenza: Il-Qorti tal-Ġustizzja 1 ta’ Lulju 1976, de Wind vs Il‑Kummissjoni, 62/75, Ġabra p. 1167, punt 17; Il-Qorti tal-Prim’Istanza 30 ta’ Novembru 1993, Tsirimokos vs Il‑Parlament, T‑76/92, Ġabra p. II‑1281, punt 21; 9 ta’ April 2003, Tejada Fernández vs Il‑Kummissjoni, T‑134/02, ĠabraSP p. I‑A‑125 u II‑609, punt 41; 13 ta’ Lulju 1995, Rasmussen vs Il‑Kummissjoni, T‑557/93, ĠabraSP p. I‑A‑195 u II‑603, punti 20 u 21; 19 ta’ Marzu 2003, Tsarnavas vs Il‑Kummissjoni, T‑188/01 sa T-190/01, ĠabraSP p. I‑A‑95 u II‑495, punti 98 u 121