Language of document : ECLI:EU:T:2020:406

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Is-Seba’ Awla)

9 ta’ Settembru 2020 (*)

“Responsabbiltà mhux kuntrattwali – Kooperazzjoni għall-iżvilupp – Implimentazzjoni tal-baġit tal-Unjoni permezz ta’ ġestjoni indiretta – Deċiżjoni li tissospendi l-possibbiltà għar-rikorrenti li tikkonkludi mal-Kummissjoni ftehimiet ġodda ta’ ġestjoni indiretta – Illegalità – Ksur suffiċjentement serju ta’ dispożizzjoni legali li tagħti drittijiet lill-individwi – Talba għal ordni – Tardività – Bidla fin-natura tal-kumpens mitlub – Inammissibbiltà”

Fil-Kawża T‑381/15 RENV,

International Management Group (IMG), stabbilita fi Brussell (il-Belġju), irrappreżentata minn L. Levi u J.-Y. de Cara, avukati,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn J. Baquero Cruz u J. Norris, bħala aġenti,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett talba bbażata fuq l-Artikolu 268 TFUE u intiża sabiex jinkiseb kumpens għad-dannu li r-rikorrenti allegatament ġarrbet minħabba d-deċiżjoni tal-Kummissjoni, inkluża fl-ittra tagħha tat‑8 ta’ Mejju 2015, li ma tikkonkludix magħha ftehimiet ġodda ta’ ġestjoni indiretta “sakemm ikun hemm ċertezza assoluta dwar l-istatus [tagħha] ta’ organizzazzjoni internazzjonali”,

IL-QORTI ĠENERALI (Is-Seba’ Awla),

komposta minn R. da Silva Passos, President, L. Truchot (Relatur) u M. Sampol Pucurull, Imħallfin,

Reġistratur: L. Ramette, Amministratur,

wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura u wara s-seduta tat‑12 ta’ Marzu 2020,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

 Preżentazzjoni tar-rikorrenti

1        Skont l-istatuti tagħha, hekk kif jidhru fil-fajl, ir-rikorrenti, International Management Group (IMG), ġiet stabbilita fil‑25 ta’ Novembru 1994 bħala organizzazzjoni internazzjonali, imsejħa “International Management Group – Infrastructure for Bosnia and Herzegovina” u li għandha s-sede tagħha f’Belgrad (is-Serbja), sabiex l-Istati parteċipanti fir-rikostruzzjoni tal-Bosnja-Ħerzegovina jkollhom għal dan il-għan entità ddedikata. Sa minn dakinhar, IMG gradwalment estendiet l-ambitu tal-attivitajiet tagħha, imbagħad ikkonkludiet, fit‑13 ta’ Ġunju 2012, ftehim dwar is-sede mar-Renju tal-Belġju.

2        Fil-kuntest tal-attivitajiet tagħha, ir-rikorrenti kkonkludiet diversi ftehimiet mal-Kummissjoni Ewropea, b’applikazzjoni b’mod partikolari tal-metodu ta’ implimentazzjoni tal-baġit tal-Unjoni Ewropea msejjaħ ta’ “ġestjoni indiretta jew konġunta” previst mil-leġiżlazzjoni finanzjarja tal-Unjoni (iktar ’il quddiem il-“ftehimiet ta’ ġestjoni indiretta”), deskritt iktar ’il quddiem.

 Metodu ta’ ġestjoni konġunta ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali (ġestjoni indiretta)

3        Il-ġestjoni indiretta hija metodu ta’ implimentazzjoni tal-baġit tal-Unjoni li jirriżulta mill-Artikoli 53 u 53d tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal‑25 ta’ Ġunju 2002 rigward ir-Regolament Finanazjarju applikabbli ghall-bagit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 4, p. 74) kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1995/2006 tat‑13 ta’ Diċembru 2006 (ĠU 2006, L 390, p. 1, rettifika fil-ĠU 2008, L 48, p. 88), u mill-Artikolu 43 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE, Euratom) Nru 2342/2002 tat‑23 ta’ Diċembru 2002 li jippreskrivi regoli ddettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 4, p. 145), kif emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE, Euratom) Nru 478/2007 tat‑23 ta’ April 2007 (ĠU 2008, L 56M, p. 337) (iktar ’il quddiem, ikkunsidrati flimkien mar-Regolament Nru 1605/2002, il-“leġiżlazzjoni finanzjarja tal-2002”).

4        L-Artikolu 53 tar-Regolament Nru 1605/2002 jipprevedi:

“Il-Kummissjoni għandha timplimenta l-baġit skond id-dispożizzjonijiet imniżżin fl-Artikoli 53a sa 53d fi kwalunkwe minn dawn il-metodi:

1      fuq bażi ċentralizzata;

2.      b’ġestjoni maqsuma jew deċentralizzata;

(ċ)      b’ġestjoni konġunta ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali.”

5        L-Artikolu 53d ta’ dan ir-regolament jipprovdi dan li ġej:

“1.      Meta l-Kummissjoni timplimenta l-baġit permezz ta’ amministrazzjoni konġunta, ċerti kompiti implimentattivi għandhom ikunu delegati lill-organizzazzjonijiet internazzjonali

[…]

2.      Il-ftehim individwali li ntlaħqu ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali għall-għoti ta’ finanzjament għandu jinkludi dispożizzjonijiet dettaljati għall-implimentazzjoni tal-kompiti fdati f’idejn it-tali organizzazzjonijiet internazzjonali.

[…]”

6        L-Artikolu 43(2) tar-Regolament Nru 2342/2002 huwa fformulat kif ġej:

“L-organizzazzjonijiet internazzjonali msemmija fl-Artikolu 53d tar-Regolament [Nru 1605/2002] huma dawn li ġejjin:

a)      organizzazzjonijiet internazzjonali tas-settur pubbliku [tad-dritt internazzjonali pubbliku] mwaqqfa permezz ta’ ftehimiet intergovernattivi, u aġenziji speċjalizzati mwaqqfa minn dawn l-organizzazzjonijiet;

[…]”

7        Ir-Regolament Nru 1605/2002 ġie ssostitwit, b’effett mill‑1 ta’ Jannar 2013, permezz tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal‑25 ta’ Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 (ĠU 2012, L 298, p. 1). Madankollu, l-Artikolu 212(a) tar-Regolament Nru 966/2012 ippreveda, b’mod partikolari, li l-Artikoli 53 u 53d tar-Regolament Nru 1605/2002 għandhom jibqgħu japplikaw għall-impenji kollha konklużi sal‑31 ta’ Diċembru 2013.

8        Ir-Regolament Nru 2342/2002 ġie ssostitwit, b’effett mill‑1 ta’ Jannar 2013, bir-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1268/2012, tad‑29 ta’ Ottubru 2012, dwar ir-regoli tal-applikazzjoni tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 (ĠU 2012, L 362, p. 1) (iktar ’il quddiem, ikkunsidrati flimkien mar-Regolament Nru 966/2012, il-“leġiżlazzjoni finanzjarja tal‑2012”).

9        Ir-Regolament Nru 966/2012 daħal fis-seħħ fis‑27 ta’ Ottubru 2012, skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 214 tiegħu. Dan huwa applikabbli sa mill‑1 ta’ Jannar 2013, skont it-tieni paragrafu ta’ dan l-artikolu, bla ħsara għad-dati ta’ applikazzjoni speċifiċi previsti għal ċerti artikoli tal-imsemmi regolament.

10      Fost dawn l-aħħar artikoli hemm l-Artikolu 58, intitolat “Metodi ta’ implimentazzjoni tal-baġit”, applikabbli għall-impenji konklużi mill-1 ta’ Jannar 2014, li l-paragrafu 1 tiegħu huwa fformulat kif ġej:

“Il-Kummissjoni għandha timplimenta l-baġit b’dawn il-modi:

1.      direttament (‘ġestjoni diretta’), permezz tad-dipartimenti tagħha […]

2.      taħt ġestjoni kondiviża mal-Istati Membri (‘ġestjoni kondiviża’); or

3.      indirettament (‘ġestjoni indiretta’), […] billi tafda kompiti tal-implimentazzjoni tal-baġit lil:

1.      pajjiżi terzi jew il-korpi nnominati minnhom;

2.      organizzazzjonijiet internazzjonali u l-aġenziji tagħhom;

[…]”

11      L-Artikolu 43 tar-Regolament ta’ Delega Nru 1268/2012 intitolat “Dispożizzjonijiet speċifiċi għal ġestjoni indiretta ma’ Organizzazzjonijiet Internazzjonali”, jipprovdi fil-paragrafu 1 tiegħu dan li ġej:

“L-organizzazzjonijiet internazzjonali msemmija fil-punt (ii) tal-Artikolu 58(1)(c) tar-Regolament [Nru 966/2012] jkunu:

a)      organizzazzjonijiet tas-settur pubbliku internazzjonali stabbiliti permezz ta’ ftehimiet intergovernattivi u aġenziji speċjalizzati mwaqqfa minn tali organizzazzjonijiet;

[…]”

 Investigazzjoni tal-OLAF u l-konsegwenzi tagħha

12      Fis‑17 ta’ Frar 2014, l-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (OLAF) informa lill-Kummissjoni, skont l-Artikolu 7(6) tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑11 ta’ Settembru 2013 dwar investigazzjonijiet immexxija mill-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) u li jħassar ir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 1073/1999 u r-Regolament tal-Kunsill (Euratom) Nru 1074/1999 (ĠU 2013, L 248, p. 1), li huwa kien fetaħ investigazzjoni (investigazzjoni OF/2011/1002) dwar l-istatus legali tar-rikorrenti, bħala “organizzazzjoni internazzjonali” fis-sens tal-leġiżlazzjoni finanzjarja tal‑2002 u tal‑2012.

13      Fid‑9 ta’ Diċembru 2014, l-OLAF ħejja r-rapport finali tiegħu (iktar ’il quddiem ir-“rapport tal-OLAF”), irċevut mill-Kummissjoni fil‑15 ta’ Diċembru 2014. Ir-rapport tal-OLAF kien jinkludi sensiela ta’ rakkomandazzjonijiet bħala konsegwenzi amministrattivi u finanzjarji.

14      Fir-rapport tiegħu, l-OLAF jikkunsidra, essenzjalment, li r-rikorrenti ma hijiex “organizzazzjoni internazzjonali” fis-sens tal-leġiżlazzjoni finanzjarja tal‑2002 u tal‑2012 u li hija jista’ lanqas ma għandha personalità ġuridika proprja. L-OLAF għaldaqstant jirrakkomanda lill-Kummissjoni li timponi sanzjonijiet amministrattivi u finanzjarji fuq ir-rikorrenti u li tipproċedi għall-irkupru tal-ammonti li tħallsu lilha.

15      Fit‑8 ta’ Mejju 2015, il-Kummissjoni bagħtet ittra lir-rikorrenti (iktar ’il quddiem l-“ittra tat‑8 ta’ Mejju 2015”), intiża sabiex tinformaha dwar l-azzjonijiet li kellha l-intenzjoni tieħu fir-rigward tar-rapport tal-OLAF.

16      Fl-ittra tat‑8 ta’ Mejju 2015, fl-ewwel lok, il-Kummissjoni indikat b’mod partikolari li hija kienet aċċettat ir-rakkomandazzjoni tal-OLAF dwar miżuri msaħħa ta’ awditu kif ukoll dwar l-attivitajiet ta’ monitoraġġ u li senjalazzjoni ta’ verifika fil-kuntest tas-sistema ta’ twissija bikrija (iktar ’il quddiem is-“STB”) kienet ġiet introdotta fir-rigward tar-rikorrenti.

17      Fit-tieni lok, il-Kummissjoni indikat li hija ma kinitx qed titlob ir-rimbors tal-fondi li kienu ġew allokati lir-rikorrenti taħt kuntratt ta’ ġestjoni diretta u li hija ma kellhiex l-intenzjoni, abbażi tal-provi disponibbli, li titlob l-irkupru tal-fondi allokati lir-rikorrenti b’ġestjoni indiretta. Għalhekk, skont il-Kummissjoni, il-kuntratti konklużi mar-rikorrenti u li kienu fis-seħħ kienu ser jibqgħu jiġu implimentati, b’tali mod li din kienet ser tħallas l-ammonti dovuti lir-rikorrenti bħala korrispettiv għall-attivitajiet li din tal-aħħar tkun effettivament wettqet. Madankollu, il-Kummissjoni ppreċiżat li l-implimentazzjoni tal-kuntratti fis-seħħ kienet ser tkun is-suġġett ta’ “monitoraġġ imsaħħaħ” u ta’ “miżuri xierqa addizzjonali” sabiex jiġu protetti l-interessi finanzjarji tal-Unjoni.

18      Fit-tielet lok, il-Kummissjoni indikat li, “sakemm ikun hemm ċertezza assoluta dwar l-istatus ta’ organizzazzjoni internazzjonali [tar-rikorrenti]”, id-dipartimenti tagħha ma kinux ser jikkonkludu magħha ftehimiet ġodda ta’ ġestjoni indiretta.

 Proċeduri preċedenti quddiem il-Qorti Ġenerali u quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

19      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali tal‑14 ta’ Lulju 2015, ir-rikorrenti ppreżentat rikors taħt in-Numru T‑381/15. Dan ir-rikors kien intiż, essenzjalment, għall-annullament tal-ittra tat‑8 ta’ Mejju 2015, sa fejn il-Kummissjoni, minn naħa, ordnat permezz tagħha t-twettiq ta’ miżuri msaħħa ta’ awditu u ta’ monitoraġġ kif ukoll senjalazzjoni ta’ verifika fil-kuntest tas-STB u, min-naħa l-oħra, irrifjutat fir-rigward tagħha l-kwalità ta’ organizzazzjoni internazzjonali taħt il-leġiżlazzjoni finanzjarja tal‑2002 u tal‑2012. Barra minn hekk, ir-rikorrenti talbet kumpens għad-dannu materjali u morali tagħha.

20      Il-Kummissjoni talbet li r-rikors jiġi miċħud bħala inammissibbli, totalment jew parzjalment, u, sussidjarjament, li r-rikors jiġi miċħud bħala infondat.

21      Permezz ta’ sentenza tat‑2 ta’ Frar 2017, IMG vs Il-Kummissjoni (T‑381/15, mhux ippubblikata, iktar ’il quddiem is-“sentenza inizjali”, EU:T:2017:57), il-Qorti Ġenerali:

–        ikkonstatat li ma kienx għad hemm lok li tingħata deċiżjoni fuq ir-rikors, sa fejn ir-rikorrenti talbet l-annullament tal-inklużjoni tagħha f’senjalazzjoni ta’ verifika fis-STB;

–        ċaħdet ir-rikors bħala inammissibbli sa fejn dan kien jirrigwarda, minn naħa, il-miżuri ta’ awditu msaħħa u ta’ monitoring u, min-naħa l-oħra, miżuri addizzjonali sabiex jiġu protetti l-interessi finanzjarji tal-Unjoni, peress li dawn ma kinux atti li jistgħu jiġu kkontestati;

–        ċaħdet il-kumplament tar-rikors għal annullament bħala infondat;

–        ċaħdet ir-rikors għad-danni.

22      Permezz ta’ nota ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fil‑11 ta’ April 2017, ir-rikorrenti ppreżentat appell, irreġistrat bin-numru C‑184/17 P, kontra s-sentenza inizjali. Hija titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        “tannulla [is-sentenza inizjali];

–        konsegwentement, tilqa’ t-talbiet tal-appellanti mressqa fl-ewwel istanza kif irriveduti u, għalhekk:

–      tannulla d-deċiżjoni tal-Kummissjoni tat‑8 ta’ Mejju 2015 li tirrifjuta [lilha] il-kwalità ta’ organizzazzjoni internazzjonali skont ir-regolament finanzjarju;

–      tikkundanna lill-appellata għall-ħlas ta’ kumpens għad-dannu materjali u morali stmat, rispettivament, għal EUR 28 miljun u għal EUR 1 miljun,

–        […]”

23      Il-Kummissjoni, minbarra li talbet li l-appell prinċipali jiġi miċħud, ippreżentat appell inċidentali, li permezz tiegħu talbet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minn naħa, tannulla s-sentenza inizjali, sa fejn il-Qorti Ġenerali kienet ċaħdet l-eċċezzjonijiet ta’ inammissibbiltà tagħha, u, min-naħa l-oħra, sabiex tiddeċiedi definittivament il-kawża, biċ-ċaħda tar-rikors bħala inammissibbli.

24      Permezz ta’ deċiżjoni tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal‑20 ta’ Marzu 2018, il-Kawża C‑184/17 P ingħaqdet mal-Kawża C‑183/17 P, li kellha bħala suġġett appell ippreżentat mir-rikorrenti kontra s-sentenza tat‑2 ta’ Frar 2017, International Management Group vs Il-Kummissjoni (T‑29/15, mhux ippubblikata, EU:T:2017:56), li permezz tagħha l-Qorti Ġenerali kienet ċaħdet ir-rikors tagħha intiż għall-annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tattribwixxi mill-ġdid lil entità differenti mir-rikorrenti l-implimentazzjoni, b’ġestjoni indiretta, ta’ programm għall-iżvilupp tal-kummerċ li jirrigwarda l-Mjanmar/Burma.

25      Permezz ta’ sentenza tal‑31 ta’ Jannar 2019, International Management Group vs Il-Kummissjoni (C‑183/17 P u C‑184/17 P, iktar ’il quddiem is-“sentenza fl-appell”, EU:C:2019:78), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet dan li ġej:

“1)      Is-[sentenza] tat‑2 ta’ Frar 2017, International Management Group vs Il-Kummissjoni (T‑29/15, mhux ippubblikata, EU:T:2017:56), u [is-sentenza inizjali] huma annullati.

[…]

3)      Id-deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea li ma tibqax tikkonkludi ftehimiet ta’ delega permezz ta’ ġestjoni indiretta ġodda [mar-rikorrenti], li tinsab fl-ittra tagħha tat‑8 ta’ Mejju 2015, hija annullata.

4)      Il-Kawża T‑381/15 hija rrinvijata lill-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea sabiex din tiddeċiedi dwar it-talba għal kumpens [tar-rikorrenti] fir-rigward tad-danni li allegatament ġew ikkawżati lil din l-entità permezz tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni msemmija fil-punt 3 ta’ dan id-dispożittiv.

5)      L-appelli inċidentali huma miċħuda.

6)      Il-Kummissjoni hija kkundannata għall-ispejjeż fil-Kawżi C‑183/17 P, C‑184/17 P u T‑29/15.

7)      L-ispejjeż huma rriżervati fil-Kawża T‑381/15.”

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet wara l-annullament u r-rinviju

26      Permezz ta’ ittri tas‑6 ta’ Frar 2019, ir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali stieden lill-partijiet sabiex jippreżentaw l-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom, skont l-Artikolu 217(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, dwar it-tkomplija tal-proċedura (iktar ’il quddiem l-“osservazzjonijiet dwar it-tkomplija tal-proċedura”). Ir-rikorrenti u l-Kummissjoni ppreżentaw fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali dawn l-osservazzjonijiet fit-terminu stabbilit.

27      Permezz ta’ ittri tas‑26 ta’ April 2019, ir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali stieden lill-partijiet sabiex jippreżentaw noti addizzjonali ta’ osservazzjonijiet bil-miktub, skont l-Artikolu 217(3) tar-Regoli tal-Proċedura (iktar ’il quddiem in-“noti addizzjonali”). Ir-rikorrenti u l-Kummissjoni ppreżentaw fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali n-noti addizzjonali tagħhom fit-terminu stabbilit, kif estiż wara talba mressqa għal dan il-għan mir-rikorrenti.

28      Fin-nota komplementari tagħha, il-Kummissjoni talbet li l-proċedura tiġi sospiża, skont l-Artikolu 69 tar-Regoli tal-Proċedura, sad-data li fiha hija tkun evalwat mill-ġdid l-istatus legali tar-rikorrenti, fil-kuntest tal-eżekuzzjoni tas-sentenza fl-appell.

29      Permezz ta’ ittra ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit‑12 ta’ Lulju 2019, ir-rikorrenti opponiet it-talba għal sospensjoni mressqa mill-Kummissjoni. Permezz ta’ deċiżjoni tal-President tas-Seba’ Awla tal-Qorti Ġenerali tas‑16 ta’ Lulju 2019, din it-talba ġiet miċħuda.

30      Skont l-Artikolu 106(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-Kummissjoni ressqet, fl‑24 ta’ Lulju 2019, talba għal smigħ waqt seduta għas-sottomissjonijiet orali.

31      Peress li l-kompożizzjoni tal-Qorti Ġenerali nbidlet, permezz ta’ deċiżjoni tas‑16 ta’ Ottubru 2019, il-President tal-Qorti Ġenerali, skont l-Artikolu 27(3) tar-Regoli tal-Proċedura, assenja mill-ġdid il-kawża lil Imħallef Relatur ġdid, assenjat lis-Seba’ Awla, fil-kompożizzjoni l-ġdida tagħha.

32      Fuq proposta tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali (Id-Seba’ Awla) iddeċidiet li tiftaħ il-fażi orali tal-proċedura u, fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura previsti fl-Artikolu 89 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, għamlet numru ta’ mistoqsijiet lill-partijiet sabiex iwiġbuhom bil-miktub qabel is-seduta. Il-partijiet wieġbu għal dawn il-mistoqsijiet fit-terminu stabbilit.

33      Fit-tweġiba tagħha għall-mistoqsijiet tal-Qorti Ġenerali, il-Kummissjoni indikat li r-rikorrenti kienet ressqet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja talba għall-interpretazzjoni tas-sentenza fl-appell u stiednet lill-Qorti Ġenerali tissospendi l-proċedura sad-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-imsemmija talba.

34      B’deċiżjoni tat‑28 ta’ Frar 2020, il-President tas-Seba’ Awla tal-Qorti Ġenerali ċaħad it-talba għas-sospensjoni tal-proċedura mressqa mill-Kummissjoni.

35      Permezz ta’ digriet tad‑9 ta’ Ġunju 2020, International Management Group vs Il-Kummissjoni (C‑183/17 P-INT, mhux ippubblikat, EU:C:2020:447), il-Qorti tal-Ġustizzja ċaħdet it-talba għal interpretazzjoni bħala manifestament inammissibbli.

36      Is-sottomissjonijiet orali tal-partijiet u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet tal-Qorti Ġenerali nstemgħu fis-seduta tat‑12 ta’ Marzu 2020.

37      Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiddikjara dan ir-rikors bħala ammissibbli u fondat;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-kumpens għad-danni materjali u morali;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

38      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors għad-danni ppreżentat mir-rikorrenti bħala parzjalment inammissibbli u, fi kwalunkwe każ, infondat;

–        tikkundanna lir-rikorrent għall-ispejjeż.

 Id-dritt

 Fuq is-suġġett tat-tilwima wara l-annullament u r-rinviju

39      Waqt is-seduta, bi tweġiba għal mistoqsija tal-Qorti Ġenerali, il-partijiet ikkonfermaw li s-suġġett ta’ din it-tilwima ma kienx jeċċedi l-kumpens għad-dannu li jirriżulta mid-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tinsab fl-ittra tat‑8 ta’ Mejju 2015, annullata mill-Qorti tal-Ġustizzja, li ma tikkonkludix mar-rikorrenti ftehimiet ġodda ta’ ġestjoni indiretta “sakemm ikun hemm ċertezza assoluta dwar [l-istatus tagħha] bħala organizzazzjoni internazzjonali” (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kontenzjuża”). Ittieħdet nota ta’ dawn id-dikjarazzjonijiet tal-partijiet fil-proċess verbali tas-seduta.

 Fuq l-ammissibbiltà

40      Fl-osservazzjonijiet tagħha fuq it-tkomplija tal-proċedura, bħala kumpens għad-dannu materjali, ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        “tordna lill-Kummissjoni tafda[lha] […] volum ta’ attività ta’ EUR 68.5 miljun […] bħala kumpens għat-telf ta’ attività mġarrab [bejn l‑2015 u l‑2019]”;

–        tordna lill-Kummissjoni “taġixxi f’dan is-sens fi żmien limitat, li [hija] tqis li huwa raġonevoli li jiġi stabbilit għal [tliet] snin”;

–        “tissuġġetta l-ordni tagħha għal kundanna tal-Kummissjoni għall-ħlas [ta’] interessi moratorji, ikkalkolati bir-rata ta’ 3.5 % li jibdew jiddekorru mill‑1 ta’ Jannar 2021 u applikabbli għall-ammont tal-volum ta’ attivitajiet ta’ [EUR] 68.5 miljun li ma ngħatax lir-rikorrenti fil‑31 ta’ Diċembru 2020”;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni tħallasha s-somma ta’ EUR 6.841 miljun, flimkien mal-interessi moratorji kkalkolati bir-rata annwali ta’ 3.5 %, komposta mill-ammonti li ġejjin:

–        EUR 2.45 miljun, “bħala rikostituzzjoni tar-riżervi”, f’dak li jirrigwarda kemm it-tnaqqis tar-riżervi eżistenti bejn tmiem l‑2014 u tmiem l‑2018, kif ukoll ir-riżervi addizzjonali li r-rikorrenti normalment setgħet tiġbor;

–        EUR 3 miljun, bħala “pakketti ta’ spejjeż indiretti” li r-rikorrenti kienet tkun ibbenefikat minnhom li kieku l-Kummissjoni kienet ikkonkludiet magħha ftehimiet ta’ ġestjoni indiretta għal EUR 42.5 miljun, filwaqt li għandu jiġi ppreċiżat li tali dannu jisparixxi jekk tali ftehimiet jiġu konklużi wara miżuri ordnati mill-Qorti Ġenerali;

–        EUR 120 000, bħala allowances ta’ tkeċċija tal-persunal;

–        EUR 516 000 għar-rikostituzzjoni tal-persunal;

–        EUR 305 000, għall-istabbiliment mill-ġdid tal-funzjonament tal-informatika;

–        EUR 150 000, għall-istabbiliment mill-ġdid ta’ spejjeż oħra ta’ funzjonament;

–        EUR 300 000, għall-kampanja ta’ komunikazzjoni neċessarja sabiex jiġu stabbiliti mill-ġdid l-immaġni u r-reputazzjoni internazzjonali tar-rikorrenti.

41      Fir-rigward tad-dannu morali, minn naħa, ir-rikorrenti titlob, bħala kumpens, il-ħlas tas-somma ta’ EUR 10 miljun flimkien mal-interessi bir-rata legali ta’ 3.5 % fis-sena mit‑8 ta’ Mejju 2015.

42      Għall-kuntrarju, bħala rimedju xieraq, hija titlob lill-Qorti Ġenerali tordna lill-Kummissjoni:

–        “tippubblika stqarrija għall-istampa li permezz [ta’ din tal-aħħar] tieħu att b’mod ċar u pubbliku [tal-]fatt li [ir-rikorrenti] hija organizzazzjoni internazzjonali fis-sens tar-regolament finanzjarju u tad-dritt internazzjonali”;

–        “tirrikonoxxi li konsegwentement [ir-rikorrenti] għandha aċċess sħiħ għas-sistema ta’ delega ta’ kreditu rriżervat għall-organizzazzjonijiet internazzjonali u għal organi awtorizzati oħra”;

–        “li tħallas għall-pubblikazzjoni fl-ewwel paġna tal-gazzetti u rivisti indikati mir-[rikorrenti] ta’ artikoli sostanzjali li permezz tagħhom l-akkużi u l-għajdut li [din] kienet is-suġġett tagħhom ikunu kkonfutati formalment”.

43      L-ewwel nett, il-Kummissjoni ssostni li t-talbiet tar-rikorrenti intiżi sabiex il-Qorti Ġenerali tagħtiha ordnijiet huma inammissibbli, sa fejn dawn ma ġewx ippreżentati fir-rikors inizjali u sa fejn ir-rikorrenti ma tistax tbiddel in-natura tat-talbiet tagħha fil-kuntest tal-proċedura li tirriżulta minn rinviju wara annullament. Fir-rigward tat-talbiet għal ordni li jirrigwardaw id-dannu materjali, il-Kummissjoni żżid li l-qorti tal-Unjoni ma għandhiex tinterferixxi fuq il-prerogattivi tal-awtorità amministrattiva u għalhekk ma tistax tindirizza ordnijiet lill-istituzzjonijiet. Barra minn hekk, l-ordnijiet mitluba mir-rikorrenti jmorru kontra l-prinċipju ta’ amministrazzjoni finanzjarja tajba u l-marġni ta’ diskrezzjoni li għandha l-Kummissjoni fl-għażla tal-modalitajiet ta’ implimentazzjoni tal-baġit tal-Unjoni.

44      It-tieni nett, il-Kummissjoni tosserva li s-somma ta’ EUR 6.841 miljun li titlobha tħallas ir-rikorrenti tikkorrispondi parzjalment għal danni differenti minn dawk invokati fil-proċedura qabel l-annullament u r-rinviju. Ir-rikorrenti biddlet is-suġġett tat-tilwima, b’mod inkompatibbli mar-regoli li jirregolaw il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali. Madankollu, il-Kummissjoni tirrikonoxxi li t-talba għall-ħlas tas-somma ta’ EUR 3 miljun, ifformulata bħala “pakketti ta’ spejjeż indiretti”, ma tikkostitwixxix talba ġdida.

45      It-tielet nett, il-Kummissjoni tenfasizza li, fir-rikors, ir-rikorrenti kienet talbet il-ħlas ta’ euro simboliku, bħala kumpens għad-dannu morali. Skont il-Kummissjoni, għalkemm ir-rikorrenti ppreċiżat li din it-talba ġiet ippreżentata “suġġett għal żieda”, hija ma spjegatx ir-raġunijiet għalfejn dan id-dannu issa laħaq ammont ta’ EUR 10 miljun. Il-Kummissjoni tosserva li l-provi prodotti mir-rikorrenti, annessi mal-osservazzjonijiet tagħha fuq it-tkomplija tal-proċedura, sabiex tissostanzja t-talba l-ġdida tagħha, huma artikli tal-istampa preċedenti għall-preżentata tar-rikors inizjali, mingħajr ma r-rikorrenti ġġustifikat id-dewmien fil-produzzjoni ta’ dawn id-dokumenti. Dawn il-provi huma għalhekk inammissibbli, skont l-Artikolu 85 tar-Regoli tal-Proċedura.

46      Fir-risposti bil-miktub tagħha għall-mistoqsijiet tal-Qorti Ġenerali (ara l-punt 32 iktar ’il fuq) dwar l-eċċezzjonijiet ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Kummissjoni fin-nota komplementari, ir-rikorrenti ssostni, qabelxejn, li d-danni li għalihom hija titlob kumpens u dawk li jidhru fir-rikors huma identiċi. Hija sempliċement tippreċiża t-talbiet tagħha, tiċċara l-ammonti mitluba u tispjega l-kap tad-dannu relatat mar-“rikostituzzjoni” tagħha. Fuq id-dannu morali, ir-rikorrenti tenfasizza li t-talba tagħha għall-għoti ta’ euro simboliku kienet ġiet ippreżentata “suġġett għal żieda”.

47      Filwaqt li tirreferi, b’mod partikolari, għas-sentenza tal‑10 ta’ Mejju 2006, Galileo International Technology et vs Il-Kummissjoni (T‑279/03, EU:T:2006:121), ir-rikorrenti ssostni, sussegwentement, li l-ġurisprudenza diġà aċċettat li parti tista’ titlob lill-Qorti Ġenerali, fil-kuntest ta’ rikors għad-danni, tindirizza lill-istituzzjoni konvenuta ordni jew projbizzjoni. Hija tenfasizza li hija l-karatteristika ta’ ordni li tillimita s-setgħa diskrezzjonali ta’ istituzzjoni fid-definizzjoni tal-miżuri ta’ implimentazzjoni tal-missjoni ta’ servizz pubbliku mogħtija lilha. Il-prinċipju ta’ separazzjoni tal-poteri, invokat mill-Kummissjoni, ma jipprekludix li l-qorti tillimita s-setgħa tal-amministrazzjoni. Barra minn hekk, skont ir-rikorrenti, it-talba tagħha tħalli lill-Kummissjoni marġni ta’ diskrezzjoni fir-rigward tal-mod li bih hija għandha l-intenzjoni tiddefinixxi l-volum ta’ attività ta’ EUR 68.5 miljun li għandu jiġi attribwit lilha.

48      Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti tippreċiża li t-talbiet li jinsabu fl-ewwel sat-tielet inċiż tal-punt 40 iktar ’il fuq issostitwixxew it-talba għad-danni li hija kienet ressqet quddiem il-Qorti Ġenerali matul il-proċedura qabel l-annullament u r-rinviju, li kienet intiża sabiex tikseb il-ħlas tas-somma ta’ EUR 14-il miljun fis-sena, għas-snin 2015 u 2016.

49      Fl-ewwel lok, fir-rigward tat-talbiet tar-rikorrenti li jinsabu fl-ewwel sat-tielet inċiż tal-punt 40 iktar ’il fuq, dwar il-kumpens in natura tad-dannu materjali, u fl-ewwel sat-tielet inċiż tal-punt 42 iktar ’il fuq, dwar il-kumpens in natura tad-dannu morali, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 76(e) tar-Regoli tal-Proċedura, ir-rikorrenti hija obbligata tindika t-talbiet tagħha fir-rikors tagħha. Għalhekk, bħala prinċipju, huma biss it-talbiet esposti fir-rikors promotur li jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni u l-fondatezza tar-rikors għandha tiġi eżaminata biss fid-dawl tat-talbiet li jinsabu fir-rikors promotur (sentenza tal‑24 ta’ Ottubru 2018, Epsilon International vs Il-Kummissjoni, T‑477/16, mhux ippubblikata, EU:T:2018:714, punt 45; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑8 ta’ Lulju 1965, Krawczynski vs Il-Kummissjoni, 83/63, EU:C:1965:70, p. 785, u tal‑25 ta’ Settembru 1979, Il-Kummissjoni vs Franza, 232/78, EU:C:1979:215, punt 3).

50      L-Artikolu 84(1) tar-Regoli tal-Proċedura jippermetti l-produzzjoni ta’ motivi ġodda sakemm dawn huma bbażati fuq provi ta’ liġi u ta’ fatt li ġew żvelati waqt il-proċedura. Mill-ġurisprudenza jirriżulta li din il-kundizzjoni tirregola a fortiori kull emenda tat-talbiet u li, fin-nuqqas ta’ punti ta’ liġi u ta’ fatt żvelati matul il-fażi bil-miktub tal-proċedura, huma biss it-talbiet tar-rikors li jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni (sentenzi tat‑13 ta’ Settembru 2013, Berliner Institut für Vergleichende Sozialforschung vs Il-Kummissjoni, T‑73/08, mhux ippubblikata, EU:T:2013:433, punt 43, u tal‑24 ta’ Ottubru 2018, Epsilon International vs Il-Kummissjoni, T‑477/16, mhux ippubblikata, EU:T:2018:714, punt 46).

51      Dawn il-prinċipji huma applikabbli matul din il-proċedura wara l-annullament u r-rinviju, peress li din tikkostitwixxi l-estensjoni parzjali tal-istess kawża li kienet bdiet bil-preżentata tar-rikors (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑13 ta’ Diċembru 2018, Kakol vs Il-Kummissjoni, T‑641/16 RENV u T‑137/17, mhux ippubblikata, EU:T:2018:958, punt 70).

52      Minn dan isegwi li, għalkemm jista’ jiġi ammess li, minħabba ż-żmien li għadda mill-preżentata tar-rikors, ir-rikorrenti tadatta, f’dan l-istadju tal-proċedura, l-ammonti indikati fit-talbiet għal kumpens inizjali, sakemm hija tispjega r-raġunijiet, madankollu huwa eskluż li hija tista’ tbiddel in-natura stess tat-tqassim mitlub (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑15 ta’ Lulju 1963, Plaumann vs Il-Kummissjoni, 25/62, EU:C:1963:17, p. 224, u tal‑11 ta’ Jannar 2002, Biret u Cie vs Il-Kunsill, T‑210/00, EU:T:2002:3, punti 48 u 49; ara wkoll, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tat‑8 ta’ Marzu 1990, Schwedler vs Il-Parlament, T‑41/89, EU:T:1990:19, punt 34).

53      F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li, fir-rikors promotur, ir-rikorrenti ma kinitx ippreżentat lill-Qorti Ġenerali t-talbiet għal ordni jew għal projbizzjoni, imsemmija fl-ewwel sat-tielet inċiż tal-punt 40, u fl-ewwel sat-tielet inċiż tal-punt 42 iktar ’il fuq, li hija tifformula fl-osservazzjonijiet tagħha dwar it-tkomplija tal-proċedura. Tali allegazzjonijiet lanqas ma jidhru fir-replika jew fil-proċess verbal tas-seduta li saret quddiem il-Qorti Ġenerali fl‑20 ta’ Ottubru 2016, li jikkostitwixxi att awtentiku, skont l-Artikolu 114(1) tar-Regoli tal-Proċedura. Fil-fatt, mir-rikors, mir-replika u mill-imsemmi proċess verbal jirriżulta li, matul il-proċedura qabel ir-rinviju, ir-rikorrenti kienet talbet il-ħlas, għad-dannu morali, ta’ euro simboliku u, għad-dannu materjali, kumpens ta’ EUR 14-il miljun għal kull sena mill-adozzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża (ara l-punt 22 iktar ’il fuq).

54      Barra minn hekk, ir-rikorrenti kkonfermat dawn l-aħħar talbiet meta talbet lill-Qorti tal-Ġustizzja, fil-kuntest tal-appell li hija ppreżentat kontra s-sentenza inizjali, tilqa’ t-talbiet tagħha ppreżentati fl-ewwel istanza (ara l-punt 22 iktar ’il fuq). Il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li l-kundizzjonijiet ma kinux issodisfatti sabiex hija stess tkun tista’ tiddeċiedi fuq it-talbiet għal kumpens tar-rikorrenti, b’tali mod li, fuq dan il-punt, il-kawża għandha tintbagħat lura quddiem il-Qorti Ġenerali. It-talbiet għal kumpens li r-rikorrenti kienet ressqet quddiemha ma humiex madankollu l-istess bħal dawk li hija fformulat f’din il-proċedura wara l-annullament u r-rinviju.

55      Barra minn hekk, fir-rigward tat-talbiet tar-rikorrenti msemmija fl-ewwel sat-tielet inċiż tal-punt 40 iktar ’il fuq, dwar il-kumpens in natura tad-dannu materjali, għandu jiġi rrilevat ukoll li l-ġurisprudenza aċċettat li mit-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE u mill-Artikolu 268 TFUE, li ma jeskludux l-għoti ta’ kumpens in natura, jirriżulta li l-qorti tal-Unjoni għandha ġurisdizzjoni sabiex timponi fuq l-Unjoni kull forma ta’ kumpens li hija konformi mal-prinċipji ġenerali komuni għad-drittijiet tal-Istati Membri fil-qasam tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali, inkluż, jekk dan jidher konformi ma’ dawn il-prinċipji, kumpens in natura, jekk ikun il-każ fil-forma ta’ ordni jew projbizzjoni (sentenzi tal‑10 ta’ Mejju 2006, Galileo International Technology et vs Il-Kummissjoni, T‑279/03, EU:T:2006:121, punti 62 u 63, u tat‑8 ta’ Novembru 2011, Idromacchine et vs Il-Kummissjoni, T‑88/09, EU:T:2011:641, punt 81).

56      Madankollu, f’dan il-każ, l-ordnijiet mitluba mir-rikorrenti intiżi sabiex tinkiseb, għal perijodu massimu ta’ tliet snin, il-konklużjoni ta’ ftehimiet ta’ ġestjoni indiretta għal ammont ta’ EUR 68.5 miljun ma jippermettux li tiġi żgurata l-osservanza tal-prinċipju ta’ ġestjoni finanzjarja tajba, li huwa prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, imsemmi b’mod partikolari fl-Artikolu 310(5) TFUE u fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 317 TFUE. Fil-fatt, li kieku l-Kummissjoni kienet imġiegħla mill-qorti tikkonkludi l-ftehimiet ta’ ġestjoni indiretta msemmija iktar ’il fuq mar-rikorrenti, hija ma tkunx iktar f’pożizzjoni li tiddetermina, fl-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali tagħha u fl-osservanza tal-prinċipji ta’ amministrazzjoni tajba u ta’ ġestjoni finanzjarja tajba, la l-ammont tal-baġit tal-Unjoni li għandu jiġi ddedikat għal ċerti tipi ta’ proġetti, la l-metodu ta’ implimentazzjoni l-iktar xieraq tal-imsemmi baġit, u lanqas, fil-każ ta’ ġestjoni indiretta, is-sieħeb fl-aħjar pożizzjoni għal proġett speċifiku.

57      Barra minn hekk, l-adozzjoni mill-Qorti Ġenerali ta’ ordnijiet għall-finijiet imfakkra preċedentement tippreġudika l-eżitu tal-evalwazzjoni mill-Kummissjoni, wara l-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża permezz tas-sentenza fl-appell, tal-istatus ta’ organizzazzjoni internazzjonali tar-rikorrenti fis-sens tad-dispożizzjonijiet rilevanti tad-dritt tal-Unjoni. Din l-evalwazzjoni hija neċessarja sabiex tingħata risposta għad-domanda dwar jekk hija tistax tingħata mill-Kummissjoni proġetti ta’ kooperazzjoni għall-iżvilupp permezz tal-konklużjoni ta’ ftehimiet ta’ ġestjoni indiretta.

58      Il-kunsiderazzjonijiet esposti fil-punt 57 iktar ’il fuq japplikaw ukoll għat-talbiet għal ordni tar-rikorrenti li jinsabu fl-ewwel sat-tielet inċiż tal-punt 42 iktar ’il fuq, li huma intiżi, essenzjalment, sabiex jiksbu mingħand il-Kummissjoni dikjarazzjonijiet pubbliċi li jirrikonoxxu l-istatus ta’ organizzazzjoni internazzjonali tar-rikorrenti u l-eliġibbiltà tagħha sabiex tikkonkludi ftehimiet ta’ ġestjoni indiretta magħha.

59      Konsegwentement, it-talbiet tar-rikorrenti msemmija fl-ewwel sat-tielet inċiż tal-punt 40 u fl-ewwel sat-tielet inċiż tal-punt 42 iktar ’il fuq għandhom jiġu miċħuda bħala inammissibbli.

60      Fit-tieni lok, fir-rigward tat-talba tar-rikorrenti li tinsab fir-raba’ inċiż tal-punt 40 iktar ’il fuq, għandu jiġi rrilevat li l-ammonti msemmija f’din it-talba jikkorrispondu għal danni materjali minbarra dawk invokati fil-proċedura qabel l-annullament u r-rinviju, kif jirriżulta mill-punti 53 u 54 iktar ’il fuq, bl-eċċezzjoni tas-somma ta’ EUR 3 miljun ippreżentata bħala “pakketti ta’ spejjeż indiretti”. Għaldaqstant, ir-rikorrenti ma tistax titlob, f’dan l-istadju tal-proċedura, il-kumpens ta’ dawn id-danni ġodda.

61      Fir-rigward tas-somma ta’ EUR 3 miljun li tikkorrispondi għall-“pakketti ta’ spejjeż indiretti”, din tikkonċerna, kif ikkonfermaw il-partijiet waqt is-seduta, l-“ispejjeż indiretti” msemmija fl-Artikolu 14.4 tad-dokument intitolat “Kundizzjonijiet ġenerali għall-ftehimiet ta’ kontribuzzjoni tal-Unjoni Ewropea ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali”, li jinsab fl-anness għall-osservazzjonijiet tal-Kummissjoni dwar it-tkomplija tal-proċedura. Din id-dispożizzjoni tipprevedi li l-entità magħżula tista’ tirċievi perċentwali fissa tal-ispejjeż reali eliġibbli, limitata għal 7 %, għall-ispejjeż indiretti, sabiex tkopri l-ispejjeż amministrattivi ġenerali ta’ din l-entità. Is-somma ta’ EUR 3 miljun mitluba f’dan l-istadju tal-proċedura tirriżulta, essenzjalment, mill-applikazzjoni ta’ dan il-perċentwali għas-somma ta’ EUR 42.5 miljun li għaliha r-rikorrenti stmat il-valur tal-ftehimiet ta’ ġestjoni indiretta li hija setgħet tikkonkludi mal-Kummissjoni bejn l‑2015 u l‑2019, fl-assenza tad-deċiżjoni kontenzjuża.

62      Peress li, kif irrikonoxxiet il-Kummissjoni waqt is-seduta (ara l-punt 44 iktar ’il fuq), l-ammont ta’ EUR 3 miljun jikkorrispondi għall-adattament ta’ kap ta’ dannu materjali li kien jinsab fost dawk li r-rikorrenti kienet talbet kumpens għalihom matul il-proċedura qabel l-annullament u r-rinviju, it-talba għall-ħlas ta’ din is-somma hija ammissibbli.

63      Fit-tielet lok, fir-rigward tat-talba għal kumpens għal dannu morali stmat għas-somma ta’ EUR 10 miljun (ara l-punt 41 iktar ’il fuq), l-ewwel nett, għandu jiġi rrilevat li, meta hija kienet talbet, bħala kumpens għall-istess dannu, l-allokazzjoni ta’ euro simboliku, ir-rikorrenti kienet ippreċiżat li din it-talba kienet ifformulata “suġġett għal żieda”. Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li, peress li l-ammont mitlub, fl-istadju ta’ din il-proċedura wara annullament u rinviju, ma jistax iktar jiġi kklassifikat bħala simboliku, ir-rikorrenti bidlet in-natura tat-talba tagħha għall-kumpens tad-dannu morali invokat.

64      It-tieni nett, għandha tiġi eżaminata l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Kummissjoni fir-rigward tal-provi prodotti mir-rikorrenti fl-anness għall-osservazzjonijiet tagħha dwar it-tkomplija tal-proċedura (ara l-punt 45 iktar ’il fuq).

65      Skont l-Artikolu 85(1) tar-Regoli tal-Proċedura il-provi u l-offerti ta’ provi għandhom jiġu prodotti fil-kuntest tal-ewwel skambju ta’ noti. Skont il-paragrafu 2 ta’ dan it-test, il-partijiet prinċipali jistgħu jipproduċu provi jew jipproponu offerti ta’ provi fir-replika u fil-kontroreplika insostenn tal-argumenti tagħhom, sakemm id-dewmien fil-produzzjoni tagħhom ikun iġġustifikat. Skont il-paragrafu 3, f’każijiet eċċezzjonali, il-partijiet prinċipali jistgħu jipproduċu jew jipproponu offerti ta’ provi ġodda qabel l-għeluq tal-fażi orali tal-proċedura jew qabel ma l-Qorti Ġenerali tiddeċiedi li taqta’ l-kawża mingħajr il-fażi orali tal-proċedura, sakemm id-dewmien fil-produzzjoni tagħhom ikun iġġustifikat.

66      F’dan il-każ, ir-rikors ġie ppreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl‑14 ta’ Lulju 2015 u r-replika ġiet ippreżentata fit‑13 ta’ Mejju 2016. Issa, ħlief għal żewġ eċċezzjonijiet, l-artikli tal-istampa li jinsabu fl-anness imsemmi fil-punt 64 iktar ’il fuq għandhom data preċedenti għal dik tal-preżentata tar-rikors. L-ewwel eċċezzjoni hija kkostitwita minn artiklu ppubblikat fix-xahar ta’ Awwissu 2015 u t-tieni minn artiklu li ma għandux data, iżda li l-kontenut tiegħu jippermetti li jinftiehem li ġie ppubblikat matul is-sena 2015.

67      Peress li r-rikorrenti ma spjegatx għalfejn hija ma pproduċietx dawn l-artikli fl-anness tar-rikors jew, fin-nuqqas, fir-replika, il-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 85 tar-Regoli tal-Proċedura ma humiex issodisfatti, b’tali mod li dawn il-provi huma inammissibbli.

68      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, hemm lok li jiġi konkluż li dan ir-rikors għad-danni huwa inammissibbli ħlief sa fejn huwa intiż għall-kumpens tad-dannu materjali allegatament imġarrab, bħala “pakketti tal-ispejjeż indiretti”, evalwat għas-somma ta’ EUR 3 miljun, u għall-kumpens ta’ dannu morali evalwat, fir-rikors promotur, għal euro simboliku.

 Fuq il-mertu

69      Skont ġurisprudenza stabbilita, l-istabbiliment tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni, fis-sens tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE, huwa suġġett għall-fatt li jkunu ssodisfatti numru ta’ kundizzjonijiet, jiġifieri l-illegalità tal-aġir ikkritikat fil-konfront tal-istituzzjoni tal-Unjoni, in-natura reali tad-dannu u l-eżistenza ta’ rabta kawżali bejn l-aġir ta’ din l-istituzzjoni u d-dannu invokat (sentenza tal‑5 ta’ Settembru 2019, L-Unjoni Ewropea vs Guardian Europe u Guardian Europe vs L-Unjoni Ewropea, C‑447/17 P u C‑479/17 P, EU:C:2019:672, punt 147 u l-ġursprudenza ċċitata).

 Fuq l-illegalità tal-aġir ikkritikat fil-konfront tal-Kummissjoni

70      Il-kundizzjoni dwar l-illegalità tal-aġir ikkritikat fil-konfront tal-istituzzjonijiet teżiġi li jiġi stabbilit ksur suffiċjentement serju ta’ dispożizzjoni legali intiża li tagħti drittijiet lill-individwi (ara s-sentenza tad‑19 ta’ April 2007, Holcim (Deutschland) vs Il-Kummissjoni, C‑282/05 P, EU:C:2007:226, punt 47 u l-ġurisprudenza ċċitata).

71      Il-partijiet ma jaqblux dwar l-applikazzjoni ta’ dan il-prinċipju għal dan il-każ.

72      Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti ssostni li d-dispożizzjonijiet rilevanti tal-leġiżlazzjoni finanzjarja tal‑2002 u tal‑2012 jagħtu drittijiet lill-organizzazzjonijiet internazzjonali indikati fihom. Fost dawn id-drittijiet hemm, b’mod partikolari, id-dritt ta’ entità li tiġi rrikonoxxuta bħala organizzazzjoni internazzjonali, jekk hija tissodisfa l-kundizzjonijiet previsti għal dan il-għan mill-imsemmija leġiżlazzjoni, kif ukoll il-possibbiltà effettiva li tingħata kompiti ta’ implimentazzjoni baġitarja u li tirċievi l-fondi korrispondenti fil-kuntest ta’ ġestjoni indiretta. Skont ir-rikorrenti, la darba hija tkun irrikonoxxiet l-istatus ta’ organizzazzjoni internazzjonali lil entità, il-Kummissjoni ma tkunx tista’ tirtira dan l-istatus, li jinkiseb, skont id-dritt internazzjonali. Il-Kummissjoni għandha tosserva dan id-dritt, speċjalment meta hija tapplika dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li jagħmlu riferiment għal kunċetti speċifiċi tad-dritt internazzjonali. Barra minn hekk, ir-rikorrenti ssostni li l-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba jipprekludi li l-Kummissjoni tikkontesta l-istatus tagħha ta’ organizzazzjoni internazzjonali. Waqt is-seduta, bi tweġiba għal mistoqsija tal-Qorti Ġenerali, hija ppreċiżat li dan il-prinċipju jobbliga lill-Kummissjoni teżamina s-sitwazzjoni tagħha b’attenzjoni u imparzjalità, fid-dawl tal-informazzjoni utli kollha.

73      Fit-tieni lok, skont ir-rikorrenti, id-dispożizzjonijiet rilevanti tal-leġiżlazzjoni finanzjarja tal‑2002 u tal‑2012 ma jħallu lill-Kummissjoni ebda setgħa diskrezzjonali, b’tali mod li s-sempliċi ksur tagħha jikkostitwixxi ksur suffiċjentement serju.

74      Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

75      Qabelxejn, għandu jitfakkar li hija l-parti li għandha l-intenzjoni li tikkontesta r-responsabbiltà tal-Unjoni li għandha turi li l-kundizzjonijiet meħtieġa għal dan il-għan huma ssodisfatti, b’mod partikolari dik dwar l-eżistenza ta’ ksur suffiċjentement serju ta’ dispożizzjoni legali li għandha l-għan li tagħti drittijiet lill-individwi (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑23 ta’ Marzu 2004, L-Ombudsman vs Lamberts, C‑234/02 P, EU:C:2004:174, punt 52; tas‑6 ta’ Ġunju 2019, Dalli vs Il-Kummissjoni, T‑399/17, mhux ippubblikata, taħt appell, EU:T:2019:384, punt 217, u tat‑18 ta’ Novembru 2014, McCoy vs Il-Kumitat tar-Reġjuni, F‑156/12, EU:F:2014:247, punt 90).

76      F’dan il-każ, ir-rikorrenti ġustament tinnota li l-leġiżlazzjoni finanzjarja tal‑2002 u tal‑2012, meta dawn jużaw, fid-dispożizzjonijiet tagħhom dwar il-ġestjoni indiretta, il-kliem“organizzazzjonijiet internazzjonali” u “organizzazzjonijiet internazzjonali tas-settur pubbliku [tad-dritt internazzjonali pubbliku]”, jieħdu dawn il-kunċetti mid-dritt internazzjonali.

77      Minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li t-testi tad-dritt tal-Unjoni għandhom jiġu interpretati, sa fejn huwa possibbli, fid-dawl tad-dritt internazzjonali (sentenzi tal‑14 ta’ Lulju 1998, Bettati, C‑341/95, EU:C:1998:353, punt 20, u tat‑8 ta’ Settembru 2015, Philips Lighting Poland u Philips Lighting vs Il-Kunsill, C‑511/13 P, EU:C:2015:553, punt 60).

78      Dan huwa l-każ tal-kunċett ta’ organizzazzjoni internazzjonali, li jinsab b’mod partikolari fil-Konvenzjoni ta’ Vjenna dwar il-Liġi tat-Trattati, tat‑23 ta’ Mejju 1969, li kkodifikat regoli internazzjonali tad-dritt konswetudinarju. Skont il-ġurisprudenza, dawn ir-regoli jorbtu lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni u jagħmlu parti mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni (sentenza tas‑16 ta’ Ġunju 1998, Racke, C‑162/96, EU:C:1998:293, punt 46). Madankollu, għandu jiġi ppreċiżat li l-kunċett ta’ organizzazzjoni internazzjonali, meħud mid-dritt internazzjonali, jinsab fil-leġiżlazzjoni finanzjarja tal‑2002 u tal‑2012 għal finijiet li, sa fejn huma inerenti għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Unjoni, huma speċifiċi għad-dritt tal-Unjoni.

79      Għandu jiġi rrilevat li l-Kummissjoni, meta timplimenta l-baġit tal-Unjoni, għandha qabel kollox tikkonforma ruħha mal-prinċipju ta’ amministrazzjoni finanzjarja tajba (ara l-punt 56 iktar ’il fuq).

80      Minn dan isegwi li l-Kummissjoni, meta teżamina l-kwistjoni dwar jekk ir-rikorrenti hijiex organizzazzjoni internazzjonali għall-finijiet tal-konklużjoni ta’ ftehimiet ta’ ġestjoni indiretta, għandha mhux biss tieħu inkunsiderazzjoni l-prinċipji tad-dritt internazzjonali dwar l-organizzazzjonijiet internazzjonali, iżda wkoll tieħu l-miżuri kollha neċessarji sabiex tipproteġi l-interessi finanzjarji tal-Unjoni, skont il-prinċipju msemmi iktar ’il fuq.

81      Għalhekk, anki jekk jitqies li, kif issostni r-rikorrenti, fid-dritt internazzjonali, huwa pprojbit li jiġi kkontestat l-istatus ta’ organizzazzjoni internazzjonali rrikonoxxut lil entità minħabba li dan l-istatus jinkiseb b’mod definittiv, tali projbizzjoni ma tistax madankollu tapplika għall-Kummissjoni meta, fl-eżerċizzju tal-funzjoni tagħha ta’ implimentazzjoni tal-baġit tal-Unjoni, hija tapplika l-kunċett ta’ organizzazzjoni internazzjonali, li jinsab fil-leġiżlazzjoni finanzjarja tal‑2002 u tal‑2012, għall-finijiet biss ta’ din il-leġiżlazzjoni.

82      L-ineżistenza ta’ tali projbizzjoni tirriżulta wkoll mis-sentenza fl-appell, li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet dan li ġej:

“88      [G]lħandu jiġi rrilevat li mill-Artikoli 53 u 53d(1) tar-Regolament Nru 1605/2002, kif ukoll mill-Artikolu 58(1) tar-Regolament Nru 966/2012 […], jirriżulta li l-Kummissjoni tista’, b’mod partikolari, timplimenta l-baġit tal-Unjoni billi tafda kompiti tal-implimentazzjoni tal-baġit lil organizzazzjonijiet internazzjonali.

89      Minn dawn id-dispożizzjonijiet jirriżulta li, meta l-Kummissjoni jkollha l-intenzjoni tadotta deċiżjoni li tafda kompiti ta’ implimentazzjoni tal-baġit lil entità partikolari f’dan ir-rigward, hija għandha l-obbligu li tiżgura ruħha li din ikollha l-istatus ta’ organizzazzjoni internazzjonali.

90      Barra minn hekk, meta, wara l-adozzjoni ta’ deċiżjoni li tafda kompiti ta’ implimentazzjoni tal-baġit lil entità partikolari bħala organizzazzjoni internazzjonali, il-Kummissjoni tadotta deċiżjonijiet bħalma [hija d-deċiżjoni kontenzjuża], fuq il-bażi ta’ elementi li huma ta’ natura li, fil-fehma tagħha, tqiegħed inkwistjoni din il-kwalità, l-imsemmija deċiżjonijiet għandhom ikunu ġġustifikati legalment kif ukoll fattwalment.”

83      Minn dan isegwi li, skont il-Qorti tal-Ġustizzja u kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, li l-argumenti tagħha huma mfakkra fil-punt 72 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni tista’ tikkontesta l-istatus ta’ organizzazzjoni internazzjonali li hija rrikonoxxiet lil ċerti entitajiet għall-finijiet tal-konklużjoni ta’ ftehimiet ta’ ġestjoni indiretta, sakemm din il-kontestazzjoni tkun iġġustifikata fil-fatt u fid-dritt.

84      Huwa minnu li, fis-sentenza fl-appell, il-Qorti tal-Ġustizzja annullat is-sentenza inizjali u d-deċiżjoni kontenzjuża sa fejn il-Kummissjoni u, wara ċ-ċaħda tar-rikors tar-rikorrenti, il-Qorti Ġenerali, kienu kkontestaw l-istatus ta’ organizzazzjoni internazzjonali tagħha. Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat dan li ġej:

“91      […] il-kunċett ta’ ‘organizzazzjoni internazzjonali’, imsemmi [fil-leġiżlazzjoni finanzjarja tal‑2002 u tal‑2012] għandu jinkludi, fost l-oħrajn, ‘organizzazzjonijiet internazzjonali tas-settur pubbliku [tad-dritt internazzjonali pubbliku]’ mwaqqfa permezz ta’ ftehimiet intergovernattivi, u aġenziji speċjalizzati mwaqqfa minn dawn l-organizzazzjonijiet.

92      F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li l-Qorti Ġenerali naqset milli tistħarreġ il-legalità tad-deċiżjonijiet kontenzjużi fid-dawl ta’ din id-definizzjoni, iżda kulma għamlet kien li affermat li l-argumenti u l-prova ppreżentati [mir-rikorrenti] ma kinux jikkontestaw id-dubji tal-Kummissjoni fir-rigward tal-istatus ta’ organizzazzjoni internazzjonali [tagħha].

93      Issa, din l-affermazzjoni hija vvizzjata bi żball ta’ liġi, peress li ebda wieħed mill-elementi indikati mill-Qorti Ġenerali sabiex jiġu kkunsidrati bħala ġġustifikati d-dubji tal-Kummissjoni […] ma jista’ legalment ikun ta’ bażi għalihom.

94      Fil-fatt, fir-rigward tal-ewwel wieħed minn dawn l-elementi, dwar jekk diversi Stati ppreżentati [mir-rikorrenti] bħala membri tiegħu kinux effettivament membri tiegħu, mill-konstatazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali nnifisha jirriżulta li d-dubji tal-Kummissjoni f’dan ir-rigward kienet jikkonċernaw biss “uħud” mill-membri [tar-rikorrenti] u, b’mod iktar preċiż, ħamsa minn total ta’ sittax. Madankollu, tali dubji, jekk jitqies li huma fondati, fid-dritt internazzjonali ma għandhomx il-konswegwenza li jċaħħdu lill-entità li tagħha dawn l-Istati ma jkunux — jew ma jkunux għadhom — membri, mill-kwalità ta’ ‘organizzazzjoni internazzjonali’, u dan inqas u inqas meta, bħal f’dan il-każ, l-Istati kkonċernati jkunu jikkostitwixxu biss parti minoritarja sew tal-entità inkwistjoni.

95      F’dak li jikkonċerna t-tieni element, marbut mal-eżistenza ta’ dubji dwar is-setgħat tal-persuni li rrappreżentaw ċerti Stati waqt l-iffirmar tal-att ta’ kostituzzjoni [tar-rikorrenti], għandu, bl-istess mod, jiġi rrilevat li dan jista’ possibbilment iqiegħed f’dubju l-validità tal-firma, minn dawk l-Istati b’mod partikolari, tal-att ta’ kostituzzjoni [tar-rikorrenti], imma mhux il-validità tal-ħolqien stess ta’ dan tal-aħħar, peress li l-irregolaritajiet eventwali ta’ rappreżentanza msemmija kienu jikkonċernaw biss numru limitat ta’ Stati parteċipanti.

[…]

97      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, hemm lok li jiġi konkluż li t-tieni aggravju invokat [mir-rikorrenti] insostenn ta’ kull wieħed mill-appelli tiegħu fil-Kawżi C‑183/17 P u C‑184/17 P, u bbażat fuq l-allegazzjoni li l-Qorti Ġenerali żbaljat […] li l-Kummissjoni ma kinitx wettqet żball ta’ liġi u lanqas żball manifest ta’ evalwazzjoni meta ġġustifikat l-adozzjoni [tad-deċiżjoni kontenzjuża] permezz tad-dubji li kellha fir-rigward tal-istatus ta’ ‘organizzazzjoni internazzjonali’ [tagħha], fis-sens tal-leġiżlazzjoni finanzjarja tal‑2002 u tal‑2012, huwa fondat. […]

104      [K]if jirriżulta mill-punti 92 sa 96 ta’ din is-sentenza, [id-deċiżjoni kontenzjuża hija] illegali peress li l-elementi invokati mill-Kummissjoni insostenn [tagħha] ma humiex ta’ natura li jqiegħdu f’dubju l-kwalità ta’ organizzazzjoni internazzjonali [tar-rikorrenti] fis-sens tal-leġiżlazzjoni finanzjarja tal‑2002 u tal‑2012. Għaldaqstant, hemm lok li l-imsemmija [deċiżjoni tiġi annullata] fl-intier [tagħha].”

85      Minn dawn il-motivi jirriżulta li l-Qorti tal-Ġustizzja bbażat l-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali u tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni fuq l-iżball ta’ liġi u fuq l-iżball manifest ta’ evalwazzjoni li din kienet wettqet meta kkontestat l-istatus ta’ organizzazzjoni internazzjonali tar-rikorrenti, unikament abbażi ta’ elementi li ma kinux jiġġustifikaw, fil-fatt u fid-dritt, l-adozzjoni ta’ tali deċiżjoni.

86      Madankollu, din l-evalwazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja ma taffettwax il-prinċipju, li jirriżulta mill-punti 89 u 90 tas-sentenza fl-appell, li r-rikonoxximent mill-Kummissjoni tal-istatus ta’ organizzazzjoni internazzjonali għall-finijiet tal-leġiżlazzjoni finanzjarja tal‑2002 u tal‑2012 ma huwiex definittiv u jista’ dejjem, taħt ċerti kundizzjonijiet, jiġi kkontestat. Għalhekk, mill-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali u tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja ma jirriżultax li l-imsemmija leġiżlazzjoni finanzjarja tagħti lir-rikorrenti dritt li tibqa’ rrikonoxxuta bħala organizzazzjoni internazzjonali u għalhekk li tkun tista’ tikkonkludi mal-Kummissjoni ftehimiet ġodda ta’ ġestjoni indiretta.

87      Għandu jingħad ukoll li r-rikorrenti ma tindikax kif l-iżball ta’ liġi u l-iżball manifest ta’ evalwazzjoni kkonstatati mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza fl-appell jikkostitwixxu ksur ta’ dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li fihom dispożizzjoni legali li għandha l-għan li tagħti drittijiet lill-individwi. Fil-fatt, ir-rikorrenti, wara li fakkret dawn l-iżbalji u sostniet li d-dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni finanzjarja tal‑2002 u tal‑2012 dwar l-“organizzazzjonijiet internazzjonali tas-settur pubbliku [tad-dritt internazzjonali pubbliku]” jagħtu drittijiet lil dawn l-organizzazzjonijiet, tibbaża t-talbiet tagħha fuq l-argument li d-dritt internazzjonali jipprekludi lill-Kummissjoni milli tikkunsidra mill-ġdid il-pożizzjoni li hija kienet adottat fil-passat, argument li għandu jiġi miċħud għar-raġunijiet esposti fil-punti 81 sa 83 iktar ’il fuq. Ir-rikorrenti ma tippreċiżax id-dispożizzjonijiet legali, li għandhom bħala għan li jagħtuha drittijiet, li ġew miksura mill-Kummissjoni meta din ibbażat id-deċiżjoni tagħha li ma tikkonkludix magħha ftehimiet ġodda ta’ ġestjoni indiretta abbażi ta’ dubji meqjusa li ma humiex issostanzjati biżżejjed mill-Qorti tal-Ġustizzja.

88      Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li d-dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni finanzjarja tal‑2002 u tal‑2012 dwar il-ġestjoni indiretta li jirreferu għall-organizzazzjonijiet internazzjonali ma humiex dispożizzjonijiet legali intiżi li jagħtu lil entitajiet, li fir-rigward tagħhom il-Kummissjoni rrikonoxxiet l-istatus ta’ organizzazzjoni internazzjonali, id-dritt li dan l-istatus ma jiġix ikkontestat u li r-rikorrenti ma stabbilixxietx li d-dubji espressi mill-Kummissjoni, fid-deċiżjoni kkontestata, kienu jikkostitwixxu illegalità ta’ natura li tistabbilixxi r-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni.

89      Fir-rigward tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba previst fl-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, li r-rikorrenti tinvoka l-ksur tiegħu, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, dan ma jagħtix, fih innifsu, drittijiet lill-individwi, ħlief meta jikkostitwixxi l-espressjoni ta’ drittijiet speċifiċi bħad-dritt li l-kawżi tagħha jiġu ttrattati b’mod imparzjali, ġust u f’terminu raġonevoli (sentenzi tal‑4 ta’ Ottubru 2006, Tillack vs Il-Kummissjoni, T‑193/04, EU:T:2006:292, punt 127, u tad‑29 ta’ Novembru 2016, T & L Sugars u Sidul Açúcares vs Il-Kummissjoni, T‑103/12, mhux ippubblikata, EU:T:2016:682, punt 65; ara wkoll, f’dan is-sens, id-digriet tat‑22 ta’ Marzu 2010, SPM vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, C‑39/09 P, mhux ippubblikat, EU:C:2010:157, punti 65 sa 67).

90      Issa, f’din il-proċedura wara annullament u rinviju, ir-rikorrenti invokat il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba insostenn tal-argument li l-Kummissjoni ma setgħetx tikkontesta l-istatus ta’ organizzazzjoni internazzjonali li hija kienet irrikonoxxiet fil-passat. Fis-seduta, bi tweġiba għal mistoqsija tal-Qorti Ġenerali, ir-rikorrenti sostniet li, skont l-imsemmi prinċipju, il-Kummissjoni kellha teżamina s-sitwazzjoni tagħha b’attenzjoni u imparzjalità, fid-dawl tal-informazzjoni utli kollha.

91      Għandu jitfakkar li l-Kummissjoni hija obbligata tiżgura ruħha mill-istatus ta’ organizzazzjoni internazzjonali tal-entità li magħha hija tikkonkludi ftehim ta’ ġestjoni indiretta, anki meta hija tkun diġà kkonkludiet ftehim tal-istess natura ma’ din l-entità, peress li r-rikonoxximent ta’ tali status ma jistax jitqies li jkun inkiseb b’mod definittiv (ara l-punti 81, 83 u 86 iktar ’il fuq). Skont il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba u l-prinċipju ta’ amministrazzjoni finanzjarja tajba (ara l-punt 56 iktar ’il fuq), il-Kummissjoni ma tistax tiġi kkritikata li ma kkonkludietx ftehimiet ta’ ġestjoni indiretta ġodda ma’ entità, meta l-istatus ta’ organizzazzjoni internazzjonali tagħha jista’ jiġi kkontestat wara provi f’dan is-sens miġjuba għall-attenzjoni ta’ din l-istituzzjoni.

92      Barra minn hekk, ir-rikorrenti ma tindikax kif l-iżball ta’ liġi u l-iżball manifest ta’ evalwazzjoni li wasslu lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tannulla d-deċiżjoni kontenzjuża jikkostitwixxu ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, b’mod partikolari fir-rigward tal-obbligu għall-Kummissjoni li taġixxi b’imparzjalità, li jissodisfa l-kundizzjonijiet imsemmija mill-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 89 iktar ’il fuq u li għalhekk jista’ jistabbilixxi r-responsabbiltà tal-Unjoni.

93      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu jiġi deċiż li r-rikorrenti ma stabbilixxietx il-ksur mill-Kummissjoni ta’ dispożizzjoni legali li għandha l-għan li tagħti drittijiet lill-individwi.

94      Fi kwalunkwe każ, anki jekk jitqies li l-Kummissjoni wettqet tali ksur, sabiex tkun tista’ tiġi stabbilita r-responsabbiltà tal-Unjoni, ikun meħtieġ li jiġi kkonstatat li dan il-ksur ikun suffiċjentement serju.

95      Skont il-ġurisprudenza, ksur suffiċjentement serju jimplika nuqqas manifest u gravi mill-istituzzjoni kkonċernata tal-limiti imposti fuq is-setgħa diskrezzjonali tagħha, fejn l-elementi li jridu jittieħdu inkunsiderazzjoni f’dan ir-rigward huma, b’mod partikolari, il-kumplessità tas-sitwazzjonijiet li għandhom jiġu deċiżi, il-livell ta’ ċarezza u ta’ preċiżjoni tad-dispożizzjoni li tinkiser kif ukoll il-portata tal-marġni ta’ diskrezzjoni li d-dispożizzjoni li tinkiser tħalli lill-istituzzjoni tal-Unjoni (ara s-sentenza tal‑10 ta’ Settembru 2019, HTTS vs Il-Kunsill, C‑123/18 P, EU:C:2019:694, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata).

96      Ir-rikorrenti tallega (ara l-punt 73 iktar ’il fuq) li s-sempliċi ksur tad-dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni finanzjarja tal‑2002 u tal‑2012 dwar il-ġestjoni indiretta jikkostitwixxi ksur suffiċjentement serju, peress li, fil-fehma tagħha, il-Kummissjoni ma għandha l-ebda marġni ta’ diskrezzjoni fir-rigward tal-osservanza ta’ dawn id-dispożizzjonijiet.

97      Madankollu, l-assenza ta’ marġni ta’ diskrezzjoni invokat mir-rikorrenti tirriżulta mill-argument tagħha li d-dritt internazzjonali jipprekludi lill-Kummissjoni milli tikkontesta l-istatus ta’ organizzazzjoni internazzjonali li hija kienet irrikonoxxitilha. Peress li dan l-argument ġie miċħud, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ma wrietx li l-kwistjoni dwar jekk għandux jiġi rrikonoxxut lilha l-imsemmi status mill-Kummissjoni ma hijiex kumplessa. Minn dawn l-elementi jirriżulta li din tal-aħħar għandha marġni ta’ diskrezzjoni f’dan ir-rigward.

98      F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkonstatat li l-ewwel kundizzjoni għall-istabbiliment tar-responsabbiltà tal-Unjoni ma hijiex issodisfatta.

 Konklużjonijiet

99      Skont ġurisprudenza stabbilita, in-natura kumulattiva tat-tliet kundizzjonijiet għall-istabbiliment tar-responsabbiltà tal-Unjoni timplika li, meta waħda minnhom ma tkunx issodisfatta, ir-rikors għad-danni għandu jiġi miċħud, mingħajr ma jkun neċessarju li jiġu eżaminati l-kundizzjonijiet l-oħra (sentenzi tad‑9 ta’ Settembru 1999, Lucaccioni vs Il-Kummissjoni, C‑257/98 P, EU:C:1999:402, punt 14; tat‑30 ta’ April 2009, CAS Succhi di Frutta vs Il-Kummissjoni, C‑497/06 P, mhux ippubblikata, EU:C:2009:273, punt 40, u tat‑22 ta’ Mejju 2007, Mebrom vs Il-Kummissjoni, T‑198/05, mhux ippubblikata, EU:T:2007:147, punt 34).

100    Konsegwentement, dan ir-rikors għad-danni, sa fejn huwa intiż għall-kumpens għad-dannu materjali allegatament imġarrab mir-rikorrenti fl-ammont ta’ EUR 3 miljun, bħala “pakketti ta’ spejjeż indiretti”, u għall-kumpens ta’ dannu morali ta’ euro simboliku, għandu jiġi miċħud bħala infondat.

101    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-rikors għad-danni għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu.

 Fuq l-ispejjeż

102    Skont l-Artikolu 219 tar-Regoli tal-Proċedura, fid-deċiżjonijiet tal-Qorti Ġenerali mogħtija wara annullament u rinviju, hija għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż relattivi, minn naħa, għall-proċeduri ppreżentati quddiem il-Qorti Ġenerali u, min-naħa l-oħra, għall-proċedura ta’ appell quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

103    Madankollu, fis-sentenza fl-appell, il-Qorti tal-Ġustizzja, filwaqt li rriżervat l-ispejjeż relatati mal-Kawża T‑381/15, iddeċidiet hija stess fuq dawk relatati mal-Kawża C‑184/17 P (ara l-punt 25 iktar ’il fuq).

104    Għaldaqstant, hija l-Qorti Ġenerali li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż relatati mal-proċeduri li seħħew quddiemha.

105    Skont l-Artikolu 134(3) tar-Regoli tal-Proċedura, jekk il-partijiet jitilfu rispettivament fuq waħda jew iktar mit-talbiet tagħhom, kull parti għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 137 tar-Regoli tal-Proċedura, f’każ li ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni, il-Qorti Ġenerali għandha tiddeċiedi liberament dwar l-ispejjeż.

106    L-ewwel nett, għandu jitfakkar li, skont is-sentenza fl-appell, li annullat id-deċiżjoni kontenzjuża, ir-rikorrenti rebħet parzjalment fir-rigward tat-talbiet għal annullament li hija kienet ippreżentat fir-rikors quddiem il-Qorti Ġenerali. It-tieni nett, l-imsemmija sentenza ma kkontestatx l-assenza parzjali ta’ lok li tingħata deċiżjoni u l-inammissibbiltà parzjali tat-talbiet għal annullament tar-rikorrenti msemmija fl-ewwel u fit-tieni inċiż tal-punt 21 iktar ’il fuq. It-tielet nett, mill-punti 68 u 100 iktar ’il fuq jirriżulta li t-talbiet tagħha għad-danni għandhom jiġu miċħuda.

107    F’dawn iċ-ċirkustanzi, hemm lok li jiġi deċiż li kull parti għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha relatati mal-proċeduri quddiem il-Qorti Ġenerali.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Is-Seba’ Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors għad-danni huwa miċħud.

2)      Kull parti għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha relatati mal-proċeduri quddiem il-Qorti Ġenerali.

da Silva Passos

Truchot

Sampol Pucurull

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fid-9 ta’ Settembru 2020.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.