Language of document :

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tat-2 ta’ Marzu 2021 (talba għal deċiżjoni preliminari tan-Naczelny Sąd Administracyjny – il-Polonja) – A.B., C.D., E.F., G.H., I.J. vs Krajowa Rada Sądownictwa

(Kawża C-824/18) 1

(Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Artikolu 2 u t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE – Stat tad-dritt – Protezzjoni ġudizzjarja effettiva – Prinċipju ta’ indipendenza ġudizzjarja – Proċedura ta’ ħatra għall-pożizzjoni ta’ mħallfin fis-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema, il-Polonja) – Ħatra mill-President tar-Repubblika tal-Polonja fuq riżoluzzjoni mill-Kunsill Nazzjonali għall-Ġudikatura – Nuqqas ta’ indipendenza ta’ dan il-kunsill – Assenza ta’ effettività tal-azzjoni ġudizzjarja miftuħa kontra tali riżoluzzjoni – Sentenza tat-Trybunał Konstytucyjny (il-Qorti Kostituzzjonali, il-Polonja) li tħassar id-dispożizzjoni li fuqha hija bbażata l-kompetenza tal-qorti tar-rinviju – Adozzjoni ta’ leġiżlazzjoni li tiddekreta li ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni ipso jure f’kawżi pendenti u li teskludi fil-futur kull azzjoni ġudizzjarja f’tali kawżi – Artikolu 267 TFUE – Possibbiltà u/jew obbligu għall-qrati nazzjonali li jagħmlu rinviju preliminari u li jżommuh – Artikolu 4(3) TUE – Prinċipju ta’ kooperazzjoni leali – Supremazija tad-dritt tal-Unjoni – Setgħa li jitħallew mhux applikati d-dispożizzjonijiet nazzjonali mhux konformi mad-dritt tal-Unjoni)

Lingwa tal-kawża: il-Pollakk

Qorti tar-rinviju

Naczelny Sąd Administracyjny

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: A.B., C.D., E.F., G.H., I.J.

Konvenut: Krajowa Rada Sądownictwa

fil-preżenza ta’: Prokurator Generalny, Rzecznik Praw Obywatelskich

Dispożittiv

Fil-preżenza ta’ emendi fl-ordinament ġuridiku nazzjonali li, l-ewwel nett, iċaħħdu lil qorti nazzjonali mill-kompetenza tagħha sabiex tagħti deċiżjoni fl-ewwel u l-aħħar istanza fuq rikorsi ppreżentati minn kandidati għal pożizzjonijiet ta’ mħallfin f’qorti bħas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema, il-Polonja) kontra deċiżjonijiet ta’ korp bħalma huwa l-Krajowa Rada Sądownictwa (il-Kunsill Nazzjonali għall-Ġudikatura, il-Polonja) li ma jippreżentax il-kandidatura tagħhom, iżda li jippreżenta dik ta’ kandidati oħra lill-President tar-Repubblika tal-Polonja bl-għan li jinħatru għal dawn il-pożizzjonijiet, li, it-tieni, jiddekretaw li ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni ipso jure fuq tali rikorsi meta jkunu għadhom pendenti, billi jeskludu li l-eżami tagħhom ikun jista’ jitkompla jew li jkunu jistgħu jerġgħu jiġu introdotti, u li, it-tielet, iċaħħdu, b’dan il-mod, lil tali qorti nazzjonali mill-possibbiltà li tikseb risposta għad-domandi preliminari li hija tkun indirizzat lill-Qorti tal-Ġustizzja:

l-Artikolu 267 TFUE u l-Artikolu 4(3) TUE għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu tali emendi meta jidher, li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa abbażi tal-elementi rilevanti kollha, li dawn l-emendi kellhom bħala effetti speċifiċi li jipprekludu lill-Qorti tal-Ġustizzja milli tagħti deċiżjoni fuq domandi preliminari bħal dawk li sarulha minn din il-qorti u li jeskludu kull possibbiltà ta’ repetizzjoni futura, minn qorti nazzjonali, ta’ domandi analogi għalihom;

it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi tali emendi meta jidher, li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa abbażi tal-elementi rilevanti kollha, li dawn l-emendi huma ta’ natura li joħolqu dubji leġittimi, f’moħħ il-partijiet fil-kawża, fir-rigward tal-impermeabbiltà tal-imħallfin maħtura, mill-President tar-Repubblika tal-Polonja, abbażi tal-imsemmija deċiżjonijiet tal-Krajowa Rada Sądownictwa (il-Kunsill Nazzjonali għall-Ġudikatura), fir-rigward ta’ elementi esterni, b’mod partikolari, ta’ influwenzi diretti jew indiretti tas-setgħa leġiżlattiva u dik eżekuttiva, u dwar in-newtralità tagħhom fil-konfront tal-interessi quddiemhom u, għaldaqstant, jistgħu jwasslu għal assenza ta’ apparenza ta’ indipendenza jew ta’ imparzjalità ta’ dawn l-imħallfin li tkun ta’ natura li tippreġudika l-fiduċja li l-ġustizzja għandha tispira fil-persuni fil-kawża f’soċjetà demokratika u Stat tad-dritt.

Fil-każ ta’ ksur ipprovat tal-imsemmija artikoli, il-prinċipju ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni għandu jiġi interpretat fis-sens li jimponi fuq il-qorti tar-rinviju li tħalli mhux applikati l-emendi inkwistjoni, irrispettivament minn jekk dawn ikunux ta’ oriġini leġiżlattiva jew kostituzzjonali, u li tkompli, konsegwentement, tassumi l-kompetenza li kienet tagħha sabiex tieħu konjizzjoni tat-tilwim li kellha quddiemha qabel ma twettqu dawn l-emendi.

It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi dispożizzjonijiet li jemendaw l-istat tad-dritt nazzjonali fis-seħħ u li permezz tagħhom:

minn naħa, minkejja l-preżentata, minn kandidat għal pożizzjoni ta’ mħallef f’qorti bħas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema, il-Polonja), ta’ rikors kontra d-deċiżjoni ta’ korp bħall-Krajowa Rada Sądownictwa (il-Kunsill Nazzjonali għall-Ġudikatura, il-Polonja) li ma jaċċettax il-kandidatura tiegħu, iżda li jippreżenta dik ta’ kandidati oħra lill-President tar-Repubblika tal-Polonja, din id-deċiżjoni tkun ta’ natura definittiva sa fejn din tippreżenta lil dawn il-kandidati l-oħra, b’tali mod li dan ir-rikors ma jostakolax il-ħatra ta’ dawn tal-aħħar mill-President tar-Repubblika tal-Polonja u li l-eventwali annullament tal-imsemmija deċiżjoni sa fejn din ma tkunx ippreżentat lir-rikorrent għall-ħatra ma jistax iwassal għal evalwazzjoni ġdida tas-sitwazzjoni ta’ dan tal-aħħar għall-finijiet tal-għoti eventwali tal-pożizzjoni kkonċernata, u,

min-naħa l-oħra, tali rikors ma jistax ikun fondat fuq motiv ibbażat fuq evalwazzjoni mhux xierqa tal-osservanza, mill-kandidati, tal-kriterji meħuda inkunsiderazzjoni meta tittieħed deċiżjoni dwar il-preżentazzjoni tal-proposta ta’ ħatra,

meta jkun jidher, li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa abbażi tal-elementi rilevanti kollha, li dawn id-dispożizzjonijiet huma ta’ natura li joħolqu dubji leġittimi, f’moħħ il-partijiet fil-kawża, dwar l-impermeabbiltà tal-imħallfin hekk maħtura mill-President tar-Repubblika tal-Polonja fuq il-bażi tad-deċiżjonijiet ta’ korp bħall-Krajowa Rada Sądownictwa (il-Kunsill Nazzjonali għall-Ġudikatura), fir-rigward ta’ elementi esterni, b’mod partikolari, ta’ influwenzi diretti jew indiretti tas-setgħa leġiżlattiva u dik eżekuttiva, u fir-rigward tan-newtralità tagħhom fil-konfront tal-interessi quddiemhom u, għaldaqstant, jistgħu jwasslu għal assenza ta’ apparenza ta’ indipendenza jew ta’ imparzjalità ta’ dawn l-imħallfin li tkun ta’ natura li tippreġudika l-fiduċja li l-ġustizzja għandha tispira fil-persuni fil-kawża f’soċjetà demokratika u Stat tad-dritt.

Fil-każ ta’ ksur ikkonfermat tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, il-prinċipju ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni għandu jiġi interpretat fis-sens li jimponi fuq il-qorti tar-rinviju li twarrab l-imsemmija dispożizzjonijiet favur l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet nazzjonali preċedentement fis-seħħ filwaqt li teżerċita hija stess l-istħarriġ ġudizzjarju previst minn dawn id-dispożizzjonijiet tal-aħħar.

____________

1     ĠU C 164, 13.5.2019.