Language of document : ECLI:EU:T:2015:511

Kawża T‑423/10

(pubblikazzjoni ta’ estratti)

Redaelli Tecna SpA

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Kompetizzjoni — Akkordji — Suq Ewropew tal-azzar għall-prestressing — Iffissar ta’ prezzijiet, qsim tas-suq u skambju ta’ informazzjoni kummerċjali sensittiva — Deċiżjoni li tikkonstata ksur tal-Artikolu 101 TFUE — Kooperazzjoni matul il-proċedura amministrattiva — Terminu raġonevoli”

Sommarju — Sentenza tal-Qorti Ġenerali (Is-Sitt Awla) tal-15 ta’ Lulju 2015

1.      Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Determinazzjoni — Aġġustament tal-ammont bażiku — Regoli dwar il-klemenza — Għanijiet segwiti mill-Kummissjoni meta ssostitwiet l-ewwel Avviż tagħha dwar l-immunità minn multi — Teħid inkunsiderazzjoni mill-qorti tal-Unjoni

(Artikolu 101 TFUE; Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 23(2); Komunikazzjonijiet tal-Kummissjoni 96/C 207/04 u 2002/C 45/03)

2.      Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Determinazzjoni — Aġġustament tal-ammont bażiku — Regoli dwar il-klemenza — Tnaqqis tal-multa inkambju għall-kooperazzjoni tal-impriża implikata — Kundizzjonijiet — Valur miżjud sinjifikattiv tal-provi prodotti mill-impriża kkonċernata — Kriterji ta’ evalwazzjoni — Teħid inkunsiderazzjoni tal-aspett kronoloġiku tal-kooperazzjoni mogħtija

(Artikolu 101 TFUE; Ftehim ŻEE, Artikolu 53; Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 23(2); Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 2002/C 45/03, punti 20 sa 23)

3.      Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Determinazzjoni — Aġġustament tal-ammont bażiku — Regoli dwar il-klemenza — Tnaqqis tal-multa inkambju għall-kooperazzjoni tal-impriża implikata — Kundizzjonijiet — Valur miżjud sinjifikattiv tal-provi prodotti mill-impriża kkonċernata — Setgħa diskrezzjonali tal-Kummissjoni — Stħarriġ ġudizzjarju — Portata

(Artikolu 101 TFUE; Ftehim ŻEE, Artikolu 53; Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 23(2); Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 2002/C 45/03, punti 20 sa 23)

1.      Fil-qasam tal-kompetizzjoni, fl-Avviż tagħha dwar l-immunità minn multi u tnaqqis f’multi f’każijiet ta’ kartell (2002), il-Kummissjoni ddefinixxiet il-kundizzjonijiet li fihom l-impriżi li jikkooperaw magħha matul l-investigazzjoni tagħha ta’ akkordju jistgħu jiġu eżentati mill-multa jew jistgħu jibbenefikaw minn tnaqqis tal-ammont tal-multa li altrimenti kien ikollhom iħallsu. L-imsemmi avviż issostitwixxa avviż inizjali tal-Kummissjoni dwar in-nuqqas ta’ impożizzjoni ta’ multi jew it-tnaqqis tal-ammont tagħhom f’każijiet ta’ akkordji (1996) sabiex jippermettilha tadatta l-politika tagħha f’dan il-qasam fid-dawl tal-esperjenza miksuba wara ħames snin ta’ implementazzjoni. B’mod partikolari, il-Kummissjoni qieset li, għalkemm il-validità tal-prinċipji li fuqhom kien ibbażat l-Avviż tal-1996 kienet ġiet ikkonfermata, l-esperjenza wriet li, jekk it-tnaqqis tal-ammont ta’ dawn il-multi jingħata f’kundizzjonijiet ta’ trasparenza u ta’ ċertezza msaħħa, l-effikaċja ta’ dan l-avviż kienet ser tissaħħaħ. Bl-istess mod, il-Kummissjoni indikat li korrispondenza eqreb bejn il-livell tat-tnaqqis tal-ammont tal-multi u l-importanza tal-kontribuzzjoni tal-impriża għall-istabbiliment tal-ksur setgħet tkompli ttejjeb din l-effikaċja.

Il-Qorti Ġenerali għandha tieħu inkunsiderazzjoni dawn l-iżviluppi mixtieqa mill-Kummissjoni meta ssostitwiet l-Avviż tal-1996 bl-Avviż tal-2002.

(ara l-punti 77-79)

2.      Fil-kuntest tad-determinazzjoni tal-ammont tal-multi imposti minħabba ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni, it-termini tal-Avviż tal-Kummissjoni dwar l-immunità minn multi u tnaqqis f’multi f’każijiet ta’ kartell (Avviż dwar il-klemenza) jeħtieġu distinzjoni bejn żewġ stadji.

L-ewwel nett, sabiex tkun tista’ tibbenefika minn tnaqqis fl-ammont tal-multa, huwa meħtieġ li l-impriża kkonċernata tipprovdi provi li jkollhom valur miżjud sinjifikattiv meta mqabbla mal-provi li jkunu diġà jinsabu fil-pussess tal-Kummissjoni. B’hekk, meta jistabbilixxi li l-provi prodotti minn impriża għandhom jippreżentaw valur miżjud sinjifikattiv meta mqabbla mal-provi li jkunu diġà jinsabu fil-pussess tal-Kummissjoni, l-Avviż dwar il-klemenza jeżiġi paragun bejn il-provi li diġà kellha l-Kummissjoni u dawk miksuba permezz tal-kooperazzjoni min-naħa ta’ min jitlob il-klemenza.

It-tieni nett, sabiex tiġi stabbilita, jekk ikun il-każ, ir-rata tat-tnaqqis tal-ammont tal-multa, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni żewġ kriterji: id-data li fiha jkunu ġew ikkomunikati l-provi u l-livell ta’ valur miżjud li jirrappreżentaw dawn il-provi. F’din l-analiżi, il-Kummissjoni tista’ tieħu inkunsiderazzjoni wkoll il-portata u l-kontinwità tal-kooperazzjoni li l-impriża tkun uriet b’effett mid-data tal-kontribuzzjoni tagħha.

B’hekk, meta l-provi mogħtija lill-Kummissjoni jkollhom valur miżjud sinjifikattiv u meta l-impriża ma tkunx l-ewwel jew it-tieni impriża li tikkomunika tali provi, ir-rata massima tat-tnaqqis tal-ammont tal-multa li altrimenti kienet tiġi imposta mill-Kummissjoni hija ta’ 20 %. Iktar ma l-kooperazzjoni tkun ingħatat fi stadju bikri u iktar ma jkun għoli l-livell ta’ valur miżjud, iktar tiżdied ir-rata ta’ tnaqqis, li tista’ tilħaq massimu ta’ 20 % tal-ammont li altrimenti kien jiġi impost mill-Kummissjoni. Għaldaqstant, l-ordni kronoloġika u r-rapidità tal-kooperazzjoni mogħtija mill-membri tal-akkordju jikkostitwixxu elementi fundamentali tas-sistema implementata permezz tal-Avviż dwar il-klemenza. Dan jgħodd ukoll fir-rigward tal-livell ta’ valur miżjud marbut mad-diversi provi prodotti minn impriża f’dan ir-rigward. F’dan ir-rigward, filwaqt li l-Kummissjoni hija obbligata timmotiva r-raġunijiet għaliex tqis li provi prodotti minn impriżi fil-kuntest tal-Avviż dwar il-klemenza jikkostitwixxu kontribuzzjoni li tiġġustifika jew li ma tiġġustifikax tnaqqis tal-ammont tal-multa imposta, huma għall-kuntrarju l-impriżi li jkunu jixtiequ jikkontestaw id-deċiżjoni tal-Kummissjoni f’dan ir-rigward li għandhom juru li l-informazzjoni prodotta volontarjament minn dawn l-impriżi kienet determinanti sabiex il-Kummissjoni setgħet tipprova l-essenzjal tal-ksur u għalhekk setgħet tadotta deċiżjoni li timponi multi.

Fid-dawl tar-raġuni li tiġġustifika t-tnaqqis, il-Kummissjoni ma tistax tinjora l-utilità tal-informazzjoni pprovduta, li neċessarjament tiddependi mill-provi li diġà kellha fil-pussess tagħha. Fil-fatt, meta fil-kuntest ta’ talba għal klemenza, impriża sempliċement tikkonferma, u dan b’mod inqas preċiż u espliċitu, ċerti elementi tal-informazzjoni li tkun diġà ngħatat minn impriża oħra fil-kuntest tal-kooperazzjoni tagħha, il-livell ta’ kooperazzjoni pprovdut minn din l-impriża, minkejja li jista’ jkun li dan il-livell ta’ kooperazzjoni ma jkunx mingħajr ċerta utilità għall-Kummissjoni, ma jistax jitqies li huwa paragunabbli għal-livell ta’ kooperazzjoni pprovdut mill-ewwel impriża meta tat l-imsemmija informazzjoni. Fil-fatt, dikjarazzjoni li sempliċement tikkorrobora, sa ċertu punt, dikjarazzjoni li l-Kummissjoni kellha diġà ma tiffaċilitax il-kompitu tagħha b’mod sinjifikattiv. Għaldaqstant, tali dikjarazzjoni ma tistax tkun suffiċjenti sabiex tiġġustifika tnaqqis tal-ammont tal-multa taħt l-Avviż dwar il-klemenza.

Barra minn hekk, d-dikjarazzjoni ta’ impriża investigata minħabba l-parteċipazzjoni tagħha f’akkordju, li l-eżattezza tiegħu tkun qiegħda tiġi kkontestata minn diversi impriżi oħra investigati, ma tistax titqies li tikkostitwixxi prova suffiċjenti tal-eżistenza ta’ ksur imwettaq minn dawn tal-aħħar mingħajr ma tkun issostanzjata minn provi oħra.

(ara l-punti 86-94)

3.      Fil-qasam tal-kompetizzjoni, il-Kummissjoni għandha marġni ta’ diskrezzjoni fil-kuntest tal-eżami tal-valur miżjud sinjifikattiv ta’ informazzjoni mogħtija lilha fil-kuntest tal-Avviż dwar l-immunità minn multi u tnaqqis f’multi f’każijiet ta’ kartell. Madankollu, il-qorti tal-Unjoni ma tistax tibbaża ruħha fuq l-imsemmi marġni ta’ diskrezzjoni sabiex tirrinunzja milli teżerċita stħarriġ fil-fond kemm tad-dritt u kemm tal-fatti fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-Kummissjoni f’dan ir-rigward. Dan jgħodd iktar u iktar meta l-qorti tal-Unjoni tkun meħtieġa tevalwa hija stess il-valur li għandu jiġi rrikonoxxut lill-provi ppreżentati matul il-proċedura li wasslet għall-konstatazzjoni ta’ ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni.

(ara l-punti 95, 96)