Language of document : ECLI:EU:T:2014:901

Kawża T‑453/11

Gilbert Szajner

vs

L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI)

“Trade mark Komunitarja — Proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità — Trade mark Komunitarja verbali LAGUIOLE — Isem kummerċjali Franċiż preċedenti Forge de Laguiole — Artikolu 53(1)(c) u Artikolu 8(4) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009”

Sommarju — Sentenza tal-Qorti Ġenerali (L‑Ewwel Awla) tal-21 ta’ Ottubru 2014

1.      Trade mark Komunitarja — Proċedura għat-tressiq ta’ kawża — Kawża mressqa quddiem il-qorti tal-Unjoni — Ġurisdizzjoni tal-Qorti Ġenerali — Eżami mill-ġdid tal-fatti fid-dawl tal-provi prodotti għall-ewwel darba quddiemha — Esklużjoni

(Regolament tal-Kunsill Nru 207/2009, Artikolu 65)

2.      Trade mark Komunitarja — Proċedura għat-tressiq ta’ kawża — Kawża mressqa quddiem il-qorti tal-Unjoni — Legalità tad-deċiżjoni ta’ Bord tal-Appell — Teħid inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali, tal-elementi bbażati fuq il-leġiżlazzjoni jew fuq il-ġurisprudenza nazzjonali mhux invokati quddiem l-Uffiċċju — Ammissibbiltà

(Regolament tal-Kunsill Nru 207/2009, Artikolu 65)

3.      Trade mark Komunitarja — Ċessjoni, revoka u invalidità — Raġunijiet relattivi ta’ invalidità — Eżistenza ta’ dritt preċedenti msemmi fl-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 207/2009 — Kundizzjonijiet — Interpretazzjoni fid-dawl tad-dritt tal-Unjoni — Evalwazzjoni fir-rigward tal-kriterji stabbiliti mid-dritt nazzjonali li jirregolaw is-sinjal invokat

(Regolament tal-Kunsill Nru 207/2009, Artikoli 1(2), 8(4) u 53(1)(c))

4.      Trade mark Komunitarja — Proċedura għat-tressiq ta’ kawża — Kawża mressqa quddiem il-qorti tal-Unjoni — Legalità tad-deċiżjoni ta’ Bord tal-Appell — Teħid inkunsiderazzjoni, għall-finijiet tal-interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali, ta’ sentenza sussegwenti għad-deċiżjoni kkontestata li twettaq bidla fil-ġurisprudenza nazzjonali — Ammissibbiltà

(Regolament tal-Kunsill Nru 207/2009, Artikolu 65)

5.      Trade mark Komunitarja — Preżentata tal-applikazzjoni għal trade mark Komunitarja — Identifikazzjoni tal-prodotti jew tas-servizzi kkonċernati mit-trade mark — Użu tal-indikazzjonijiet ġenerali ta’ titoli ta’ klassijiet tal-Klassifikazzjoni ta’ Nice — Portata

(Regolament tal-Kummissjoni Nru 2868/95, Regola 2(4))

6.      Trade mark Komunitarja — Ċessjoni, revoka u invalidità — Raġunijiet relattivi ta’ invalidità — Eżistenza ta’ dritt preċedenti msemmi fl-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 207/2009 — Karattru distintiv għoli tad-dritt preċedenti — Kriterji ta’ evalwazzjoni

(Regolament tal-Kunsill Nru 207/2009, Artikolu 8(4) u (5))

7.      Trade mark Komunitarja — Ċessjoni, revoka u invalidità — Raġunijiet relattivi ta’ invalidità — Eżistenza ta’ dritt preċedenti msemmi fl-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 207/2009 — Trade mark verbali LAGUIOLE — Isem kummerċjali Forge de Laguiole

(Regolament tal-Kunsill Nru 207/2009, Artikolu 8(4))

1.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punt 21)

2.      La l-partijiet u lanqas il-Qorti Ġenerali stess ma jistgħu jiġu preklużi milli jispiraw ruħhom, fl-interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali li għalih id-dritt tal-Unjoni jagħmel riferiment, minn elementi bbażati fuq il-leġiżlazzjoni jew fuq il-ġurisprudenza nazzjonali, peress li ma hijiex kwistjoni li l-Bord tal-Appell jiġi kkritikat li ma ħax inkunsiderazzjoni punti ta’ fatt f’sentenza ta’ qorti nazzjonali preċiża, iżda hija kwistjoni li jiġu invokati dispożizzjonijiet legali jew sentenzi insostenn ta’ motiv ibbażat fuq l-applikazzjoni żbaljata mill-Bordijiet tal-Appell ta’ dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali.

Għalkemm huwa veru li parti li titlob l-applikazzjoni ta’ regola nazzjonali hija obbligata li tippreżenta lill-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) l-elementi li jistabbilixxu l-kontenut tagħha, dan ma jfissirx li l-applikazzjoni tar-regola nazzjonali effettwata mill-Uffiċċju ma tistax tiġi mistħarrġa mill-Qorti Ġenerali fid-dawl ta’ sentenza nazzjonali sussegwenti għall-adozzjoni tad-deċiżjoni tal-Uffiċċju u invokata għall-ewwel darba quddiem il-Qorti Ġenerali minn parti fil-proċeduri.

(ara l-punti 23, 24)

3.      Skont l-Artikolu 53(1)(c) tar-Regolament Nru 207/2009 dwar it-trade mark tal-Komunità, moqri flimkien mal-Artikolu 8(4) tal-istess regolament, l-eżistenza ta’ sinjal minbarra trade mark tippermetti li tinkiseb l-invalidità ta’ trade mark Komunitarja jekk dan jissodisfa kumulattivament erba’ kundizzjonijiet: dan is-sinjal għandu jintuża fil-kors tal-kummerċ; għandu jkollu portata li ma hijiex biss lokali; id-dritt għal dan is-sinjal għandu jkun inkiseb skont id-dritt tal-Istat Membru fejn is-sinjal intuża qabel id-data tal-preżentata tal-applikazzjoni għal trade mark Komunitarja; fl-aħħar nett, dan is-sinjal għandu jirrikonoxxi lill-proprjetarju tiegħu l-possibbiltà li jipprojbixxi l-użu ta’ trade mark iżjed reċenti. Dawn l-erba’ kundizzjonijiet jillimitaw in-numru ta’ sinjali minbarra t-trade marks li jistgħu jiġu invokati sabiex tiġi kkontestata l-validità ta’ trade mark Komunitarja fit-territorju Komunitarju kollu, skont l-Artikolu 1(2) tar-Regolament Nru 207/2009.

L-ewwel żewġ kundizzjonijiet, jiġifieri dawk relatati mal-użu u mal-portata tas-sinjal invokat, u li din tal-aħħar ma għandhiex tkun lokali biss, jirriżultaw mill-formulazzjoni stess tal-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 207/2009 u għalhekk għandhom jiġu interpretati fid-dawl tad-dritt tal-Unjoni. Għalhekk, ir-Regolament Nru 207/2009 jistabbilixxi standards uniformi, relatati mal-użu tas-sinjali u mal-portata tagħhom, li huma koerenti mal-prinċipji li jispiraw is-sistema stabbilita minn dan ir-regolament.

Min-naħa l-oħra, mill-frażi “meta u sal-limitu li, bis-saħħa tal-leġiżlazzjoni tal-liġi tal-Istat Membru li jirregola dak is-sinjal” jirriżulta li ż-żewġ kundizzjonijiet l-oħra, stabbiliti fl-Artikolu 8(4)(a) u (b) tar-Regolament Nru 207/2009, jikkostitwixxu kundizzjonijiet stabbiliti minn dan ir-regolament li, b’differenza minn dawk preċedenti, jiġu evalwati fid-dawl tal-kriterji stabbiliti mid-dritt li jirregola s-sinjal invokat. Dan ir-riferiment għad-dritt li jirregola s-sinjal invokat huwa kompletament iġġustifikat, peress li r-Regolament Nru 207/2009 rrikonoxxa lil sinjali li ma humiex parti mis-sistema tat-trade mark Komunitarja l-possibbiltà li jiġu invokati kontra trade mark Komunitarja. Għalhekk, huwa biss id-dritt li jirregola s-sinjal invokat li jippermetti li jiġi stabbilit jekk dan kienx jeżisti qabel it-trade mark Komunitarja u jekk jistax jiġġustifika l-projbizzjoni ta’ użu ta’ trademark iktar reċenti.

(ara l-punti 27-29)

4.      Sentenza ta’ qorti nazzjonali, li twettaq bidla fil-ġurisprudenza, tista’ tittieħed inkunsiderazzjoni mill-Qorti Ġenerali fl-eżami tagħha tal-interpretazzjoni mill-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) tad-dritt nazzjonali li għalih id-dritt tal-Unjoni jagħmel riferiment, anki jekk hija sussegwentement għad-deċiżjoni kkontestata. Fil-fatt, tali bidliet, bħala prinċipju, japplikaw retroattivament għas-sitwazzjonijiet eżistenti.

Dan il-prinċipju huwa ġġustifikat mill-kunsiderazzjoni li l-interpretazzjoni ġurisprudenzjali ta’ regola f’mument partikolari ma tistax tkun differenti skont iż-żmien tal-fatti kkunsidrati u bl-ebda mod ma tista’ tibbaża fuq dritt kweżit sabiex tipproduċi ġurisprudenza statika. Għalkemm huwa veru li dan il-prinċipju jista’ jsir iktar dgħajjef sa fejn, f’sitwazzjonijiet eċċezzjonali, il-qrati jistgħu jitbiegħdu minn dawn il-premessi sabiex jimmodulaw l-effett ratione temporis tar-retroattività ta’ bidla, ir-retroattività tal-bidliet tibqa’ l-prinċipju.

Għalhekk, anki jekk sentenza ta’ qorti nazzjonali li twettaq bidla fil-ġurisprudenza hija inkwantu tali fatt ġdid, din sempliċement tirrifletti d-dritt nazzjonali hekk kif kellu jiġi applikat mill-Uffiċċju fid-deċiżjoni kkontestata u kif għandu jiġi applikat mill-Qorti Ġenerali.

(ara l-punti 45-50)

5.      Il-Klassifikazzjoni ta’ Nice għandha biss għan amministrattiv, li huwa intiż unikament sabiex jiffaċilita l-ifformular u l-ipproċessar ta’ applikazzjonijiet għal trade marks, billi tipproponi ċerti klassijiet u kategoriji ta’ prodotti u ta’ servizzi. Min-naħa l-oħra, it-titoli tal-klassijiet ma jikkostitwixxux sistema li fiha huwa eskluż li prodott jew servizz li jinsab fi klassi jew f’kategorija jista’ wkoll jagħmel parti minn klassi jew kategorija oħra, hekk kif jirriżulta b’mod partikolari mir-Regola 2(4) tar-Regolament Nru 2868/95, li jimplimenta r-Regolament tal-Kunsill Nru 40/94 dwar it-trade mark tal-Komunità.

(ara l-punt 88)

6.      L-eżistenza ta’ karattru distintiv superjuri għan-normali, minħabba l-konoxxenza li l-pubbliku għandu ta’ isem kummerċjali fis-suq, tippreżupponi neċessarjament li dan l-isem kummerċjali jkun magħruf lil tal-inqas minn parti sinjifikattiva mill-pubbliku kkonċernat, mingħajr ma huwa neċessarju li jkollu reputazzjoni fis-sens tal-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 207/2009 dwar it-trade mark tal-Komunità. Ma jistax jiġi indikat b’mod ġenerali, pereżempju billi jiġu applikati perċentwali speċifiċi dwar il-livell ta’ konoxxenza li l-pubbliku għandu tal-isem kummerċjali fi ċrieki kkonċernati, li dan għandu karattru distintiv għoli. Madankollu, hemm lok li tiġi rrikonoxxuta ċerta interdipendenza bejn il-konoxxenza li l-pubbliku għandu ta’ isem kummerċjali u l-karattru distintiv tiegħu fis-sens li, iktar mal-isem kummerċjali jkun magħruf mill-pubbliku kkonċernat, iktar il-karattru distintiv tiegħu jkun imsaħħaħ. Sabiex jiġi eżaminat jekk isem kummerċjali għandux karattru distintiv għoli minħabba l-konoxxenza li l-pubbliku għandu tiegħu, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-elementi rilevanti kollha inkwistjoni, jiġifieri, b’mod partikolari, is-sehem mis-suq miżmum mill-kumpannija inkwistjoni, l-intensità, il-portata ġeografika u t-tul ta’ żmien tal-użu tiegħu, l-importanza tal-investimenti mwettqa mill-impriża sabiex tippromwovih, il-proporzjon taċ-ċrieki interessati li jidentifikaw il-prodotti jew is-servizzi bħala li ġejjin minn impriża speċifika permezz tal-isem kummerċjali kif ukoll id-dikjarazzjonijiet tal-kmamar tal-kummerċ u tal-industrija jew ta’ assoċjazzjonijiet professjonali oħra.

(ara l-punt 132)

7.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 161-166)