Language of document :

Appell ippreżentat fid-9 ta' Diċembru 2011 minn Mario Paulo da Silva Tenreiro kontra s-sentenza mogħtija fid-29 ta' Settembru 2011 mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fil-Kawża F-72/10, da Silva Tenreiro vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-634/11 P)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Appellant: Mario Paulo da Silva Renreiro (Kraainem, il-Belġju) (rappreżentant: S. Orlandi, A. Coolen, J.-N. Louis, É. Marchal u D. Abreu Caldas, avukati)

Appellata: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

L-appellant jitlob lill-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tiddikjara u tiddeċiedi,

li s-sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku mogħtija fid-29 ta' Settembru 2011 (Kawża F-72/10, da Silva Tenreiro vs Il-Kummissjoni) li tiċħad l-azzjoni tar-rikorrent, hija annullata;

tiddeċiedi permezz ta' dispożizzjonijiet ġodda,

tiddikjara u tiddeċiedi,

li d-deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea li tiċħad il-kandidatura tal-appellant għall-pożizzjoni vakanti ta' direttur tad-Direzzjoni E "Ġustizzja" tad-Direttorat Ġenerali (DĠ) "Ġustizzja, libertà u sigurtà", kif ukoll id-deċiżjoni li taħtar lil K f'din il-pożizzjoni, huma annullati;

li l-Kummissjoni hija kkundannata għall-ispejjeż taż-żewġ istanzi.

Aggravji u argumenti prinċipali

Insostenn tal-appell tiegħu, l-appellant jinvoka erba' aggravji.

L-ewwel aggravju bbażat fuq żball ta' liġi peress li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ċaħad il-motiv ibbażat fuq użu ħażin ta' poter minkejja l-indizji serji ta' tali abbuż li allega r-rikorrent, filwaqt li l-inverżjoni tal-oneru tal-prova għandha tiġi kkonstatata b'osservanza tal-prinċipju ta' ugwaljanza tal-partijiet quddiem il-Qorti Ġenerali.

It-tieni aggravju bbażat fuq in-nuqqas ta' ossservanza tal-opportunitajiet ugwali tal-partijiet meta ġie rrifjutat li tiġi ordnata l-produzzjoni, fost oħrajn, tar-rapport ta' evalwazzjoni ta' K għall-perijodu li matulu hija wettqet il-funzjonijiet ta' direttur tad-Direzzjoni "Sigurtà" tad-DĠ "Ġustizzja, libertà u sigurtà", filwaqt li l-Awtorità tal-Ħatra tiġġustifika ċ-ċaħda tal-kandidatura tagħha għal dan l-impjieg fuq inkapaċità plawżibbli wara li ġie tenut kont tar-rendiment tagħha bħala direttur par interim, u dan kollu filwaqt li tqis li din tista' tinħatar fl-impjieg ta' direttur tad-direzzjoni "Ġustizzja" tal-istess DĠ minħabba din l-istess esperjenza bħala direttur.

It-tielet aggravju bbażat fuq żnaturament tal-fatti peress li t-TSP iddeċieda li ż-żewġ proċeduri ta' għoti tal-impjiegi ta' diretturi ("Ġustizzja" u "Sigurtà") kienu distinti u li r-riżultat ta' waħda mill-proċeduri ma jinfluwenzax l-eżitu tal-oħra.

Ir-raba' aggravju bbażat fuq nuqqas ta' osservanza tal-prinċipju ta' kontradittorju, tad-drittijiet tad-difiża u tal-obbligu ta' motivazzjoni peress li t-TSP naqas milli jagħmel riferiment għall-iżball manifest ta' evalwazzjoni mqajjem mir-rikorrenti waqt is-seduta, fuq il-bażi tat-tabella ta' evalwazzjoni tal-bord ta' preselezzjoni li r-rikorrent sar jaf biha fl-anness tad-difiża, billi t-TSP kien qies li ma kienx hemm lok li jsir it-tieni skambju ta' sottomissjonijiet.

____________