Language of document : ECLI:EU:T:2017:633

Kawża T-350/13

Jordi Nogues, SL

vs

L-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea

“Trade mark tal-Unjoni Ewropea – Proċedimenti ta’ oppożizzjoni – Applikazzjoni għal trade mark tal-Unjoni Ewropea figurattiva BADTORO – Trade marks tal-Unjoni Ewropea verbali u nazzjonali figurattivi preċedenti TORO – Raġuni relattiva għal rifjut – Probabbiltà ta’ konfużjoni – Xebh tas-sinjali – Xebh tal-prodotti u tas-servizzi – Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009”

Sommarju – Sentenza tal-Qorti Ġenerali (Is-Seba’ Awla) tal-20 ta’ Settembru 2017

1.      Trade mark tal-Unjoni Ewropea – Definizzjoni u kisba tat-trade mark tal-Unjoni Ewropea – Raġunijiet relattivi għal rifjut – Oppożizzjoni mill-proprjetarju ta’ trade mark preċedenti identika jew li tixxiebah irreġistrata għal prodotti jew servizzi identiċi jew li jixxiebhu – Probabbiltà ta’ konfużjoni mat-trade mark preċedenti – Trade mark figurattiva BADTORO u trade marks verbali u figurattivi TORO

(Regolament tal-Kunsill Nru 207/2009, Artikolu 8(1)(b))

2.      Trade mark tal-Unjoni Ewropea – Definizzjoni u kisba tat-trade mark tal-Unjoni Ewropea – Raġunijiet relattivi għal rifjut – Oppożizzjoni mill-proprjetarju ta’ trade mark preċedenti identika jew li tixxiebah irreġistrata għal prodotti jew servizzi identiċi jew li jixxiebhu – Xebh bejn it-trade marks ikkonċernati – Kriterji ta’ evalwazzjoni – Trade mark kumplessa

(Regolament tal-Kunsill Nru 207/2009, Artikolu 8(1)(b))

3.      Trade mark tal-Unjoni Ewropea – Definizzjoni u kisba tat-trade mark tal-Unjoni Ewropea – Raġunijiet relattivi għal rifjut – Oppożizzjoni mill-proprjetarju ta’ trade mark preċedenti identika jew li tixxiebah irreġistrata għal prodotti jew servizzi identiċi jew li jixxiebhu – Xebh bejn it-trade marks ikkonċernati – Xebh viżiv bejn trade mark figurattiva u trade mark verbali

(Regolament tal-Kunsill Nru 207/2009, Artikolu 8(1)(b))

4.      Trade mark tal-Unjoni Ewropea – Definizzjoni u kisba tat-trade mark tal-Unjoni Ewropea – Raġunijiet relattivi għal rifjut – Oppożizzjoni mill-proprjetarju ta’ trade mark preċedenti identika jew li tixxiebah irreġistrata għal prodotti jew servizzi identiċi jew li jixxiebhu – Xebh bejn it-trade marks ikkonċernati – Kriterji ta’ evalwazzjoni – Trade mark kumplessa – Element komuni għaż-żewġ trade marks li għandu pożizzjoni distintiva awtonoma fit-trade mark posterjuri

(Regolament tal-Kunsill Nru 207/2009, Artikolu 8(1)(b))

1.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 19-21, 68-70)

2.      L-evalwazzjoni globali tal-probabbiltà ta’ konfużjoni għandha, f’dak li jirrigwarda x-xebh viżiv, fonetiku jew kunċettwali tas-sinjali f’kunflitt, tkun ibbażata fuq l-impressjoni globali prodotta minnhom, filwaqt li jittieħdu inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, l-elementi distintivi u dominanti tagħhom. Il-perċezzjoni tat-trade marks li jkollu l-konsumatur medju tal-prodotti jew tas-servizzi inkwistjoni għandha rwol determinanti fl-evalwazzjoni globali tal-imsemmija probabbiltà. F’dan ir-rigward, il-konsumatur medju normalment jipperċepixxi trade mark fl-intier tagħha u ma joqgħodx jeżamina d-diversi dettalji tagħha.

Barra minn hekk, l-evalwazzjoni tax-xebh bejn żewġ trade marks ma tistax tkun limitata biss għall-kunsiderazzjoni ta’ komponent ta’ trade mark kumplessa u għat-tqabbil tiegħu ma’ trade mark oħra. Għall-kuntrarju, il-paragun għandu jsir billi jiġu eżaminati t-trade marks inkwistjoni, kull waħda kkunsidrata fl-intier tagħha, proċess dan li ma jeskludix li l-impressjoni ġenerali maħluqa fil-memorja tal-pubbliku rilevanti minn trade mark kumplessa tista’, f’ċerti ċirkustanzi, tkun iddominata minn wieħed jew iktar mill-komponenti tagħha. Huwa biss jekk il-komponenti l-oħra kollha tat-trade mark ikunu negliġibbli li l-evalwazzjoni tax-xebh tkun tista’ ssir fuq il-bażi biss tal-element dominanti. Dan jista’ jkun il-każ, b’mod partikolari, meta dan il-komponent ikun jista’ jiddomina waħdu l-immaġni ta’ dik it-trade mark f’moħħ il-pubbliku rilevanti, b’tali mod li l-komponenti l-oħra kollha tat-trade mark ikunu irrilevanti fl-impressjoni ġenerali mogħtija minnha.

(ara l-punti 23, 24)

3.      Minkejja li, meta trade mark tkun komposta minn elementi verbali u figurattivi, tal-ewwel ikunu, bħala prinċipju, iktar distintivi minn tat-tieni, peress li l-konsumatur medju jirreferi iktar faċilment għall-prodotti inkwistjoni billi jsemmi l-isem tat-trade mark milli billi jiddeskrivi l-element figurattiv tagħha, dan ma jfissirx li l-elementi verbali ta’ trade mark għandhom dejjem jitqiesu li huma iktar distintivi mill-elementi figurattivi. Fil-fatt, fil-każ ta’ trade mark kumplessa, l-element figurattiv jista’ jżomm post ekwivalenti għal dak tal-element verbali. Għalhekk, għandhom jiġu eżaminati l-kwalitajiet intrinsiċi tal-element figurattiv u dawk tal-element verbali tat-trade mark ikkontestata kif ukoll il-pożizzjonijiet rispettivi tagħhom, sabiex jiġi identifikat il-komponent dominanti.

(ara l-punt 29)

4.      F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li, għalkemm l-element komuni tat-trade marks kunfliġġenti ma għandux jitqies li jiddomina l-impressjoni globali, huwa għandu jittieħed inkunsiderazzjoni fl-evalwazzjoni tax-xebh tagħhom, sa fejn dan jikkostitwixxi fih innifsu t-trade mark preċedenti u jżomm pożizzjoni distintiva awtonoma fit-trade mark komposta b’mod partikolari minn dan l-element u li għaliha saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni. Fil-fatt fil-każ fejn element komuni jżomm pożizzjoni distintiva awtonoma fis-sinjal kompost, l-impressjoni globali maħluqa minn dan is-sinjal tista’ twassal lill-pubbliku sabiex jaħseb li l-prodotti jew is-servizzi inkwistjoni joriġinaw, minn tal-inqas, minn impriżi ekonomikament konnessi, f’liema każ għandu jiġi konkluż li hemm probabbiltà ta’ konfużjoni.

L-eżami ta’ jekk wieħed mill-elementi ta’ sinjal kompost għandux pożizzjoni distintiva awtonoma huwa għalhekk intiż sabiex jiddetermina liema minn dawn l-elementi huma pperċepiti mill-pubbliku rilevanti.

F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li element ta’ sinjal kompost ma jżommx tali pożizzjoni distintiva awtonoma jekk dan l-element, flimkien mal-element jew l-elementi l-oħra tas-sinjal, meħuda globalment, jifforma unità li għandha sens differenti meta mqabbel mas-sens ta’ dawn l-elementi meħuda separatament.

(ara l-punti 32-34)