Language of document : ECLI:EU:T:2014:986

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla)

25 ta’ Novembru 2014 (*)

“Politika barranija u ta’ sigurtà komuni — Miżuri restrittivi meħuda kontra l-Iran bil-għan li tiġi evitata l-proliferazzjoni nukleari — Iffriżar ta’ fondi — Żball ta’ evalwazzjoni — Dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva — Talba għad-danni”

Fil-Kawża T‑384/11,

Safa Nicu Sepahan Co., stabbilita f’Esfahan (l-Iran), irrappreżentata minn A. Bahrami, avukat,

rikorrenti,

vs

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, inizjalment irrappreżentat minn A. Vitro u R. Liudvinaviciute-Cordeiro, sussegwentement minn Liudvinaviciute-Cordeiro u I. Gurov, bħala aġenti,

konvenut,

li għandha bħala suġġett, minn naħa, talba għall-annullament tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 503/2011, tat-23 ta’ Mejju 2011, li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 961/2010 dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran (ĠU L 136, p. 26), u tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 267/2012, tat-23 ta’ Marzu 2012, dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran u u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 961/2010 (ĠU L 88, p. 1), u, min-naħa l-oħra, talba għad-danni,

IL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla),

komposta minn H. Kanninen, President, I. Pelikánová (Relatur) u E. Buttigieg, Imħallfin,

Reġistratur: N. Rosner, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-4 ta’ Marzu 2014,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Din il-kawża taqa’ fil-kuntest tal-miżuri restrittivi li ġew introdotti sabiex issir pressjoni fuq ir-Repubblika Iżlamika tal-Iran sabiex din ittemm l-attivitajiet nukleari b’riskju ta’ proliferazzjoni u l-iżvilupp ta’ sistemi li jwasslu l-armi nukleari (iktar ’il quddiem, il-“proliferazzjoni nukleari”).

2        Ir-rikorrenti, Safa Nicu Sepahan Co., hija kumpannija pubblika ta’ responsabbiltà limitata.

3        L-isem ta’ identità identifikata bħala “Safa Nicu” ġie inkluż fil-lista tal-entitajiet involuti fil-proliferazzjoni nukleari li tinsab fl-Anness II tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/413/PESK, tas-26 ta’ Lulju 2010, dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran u li tħassar il-Pożizzjoni Komuni 2007/140/PESK (ĠU L 195, p. 39), permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/299/PESK, tat-23 ta’ Mejju 2011, li temenda d-Deċiżjoni 2010/413/PESK (ĠU L 136, p. 65).

4        Konsegwentement, l-isem tal-entità identifikata bħala “Safa Nicu” ġiet inkluża fil-lista li tinsab fl-Anness VIII tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 961/2010, tal-25 ta’ Ottubru 2010, dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 423/2007 (ĠU L 281, p. 1), permezz tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 503/2011, tat-23 ta’ Mejju 2011, li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 961/201 (ĠU L 136, p. 26).

5        Fil-motivazzjoni tat-Deċiżjoni 2011/299 u tar-Regolament ta’ implementazzjoni Nru 503/2011, l-entità identifikata bħala “Safa Nicu” ġiet deskritta bħala “[d]itta tal-Komunikazzjoni li pprovdiet tagħmir għall-faċilità ta’ (Qom) Fordow li nbniet mingħajr ma ġiet iddikjarata lill-IAEA”.

6        Wara li ġiet mgħarrfa minn waħda mill-imsieħba kummerċjali tagħha, ir-rikorrenti talbet lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, permezz ta’ ittra tas-7 ta’ Ġunju 2011, jemenda l-Anness VIII tar-Regolament Nru 961/2010 jew billi jikkompleta u jikkoreġi l-inklużjoni tal-entità identifikata bħala “Safa Nicu” fuq il-lista kkonċernata, jew billi jikkanċellaha. Hija sostniet, f’dan ir-rigward, li, jew l-imsemmija inklużjoni kienet tikkonċerna entità differenti minnha, jew inkella l-Kunsill kien wettaq żball meta inkluda isimha fil-lista li tinsab fl-Anness VIII tar-Regolament Nru 961/2010.

7        Peress li ma rċevietx risposta għall-ittra tagħha tas-7 ta’ Ġunju 2011, ir-rikorrenti kkuntattjat lill-Kunsill permezz tat-telefon, u wara bagħtitlu ittra ġdida fit-23 ta’ Ġunju 2011.

8        L-inklużjoni tal-entità identifikata bħala “Safa Nicu” fil-lista tal-Anness II tad-Deċiżjoni 2010/413 u f’dik tal-Anness VIII tar-Regolament 961/2010 nżammet fid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/783/PESK, tal-1 ta’ Diċembru 2011, li temenda d-Deċiżjoni 2010/413/PESK (ĠU L 319, p. 71), u fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 1245/2011, tal-1 ta’ Diċembru 2011, li jimplimenta r-Regolament Nru 961/2010 (ĠU L 319, p. 11).

9        Fid-Deċiżjoni 2011/783 u fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 1245/2011, il-kliem “Safa Nicu” ġie mibdul b’“Safa Nicu, magħrufa wkoll bħala ‘Safa Nicu Sepahan’, ‘Safanco Company’, ‘Safa Nicu Afghanistan Company’, ‘Safa Al-Noor Company’ u ‘Safa Nicu Ltd Company’”. Barra minn hekk, ġew inklużi ħames indirizzi fl-Iran, fl-Emirati Għarab Magħquda u fl-Afganistan bħala informazzjoni ta’ identifikazzjoni li tikkonċerna l-entità inkwistjoni.

10      Permezz ta’ ittra tal-5 ta’ Diċembru 2011, il-Kunsill informa lir‑rikorrenti dwar iż-żamma ta’ ismu fil-listi tal-Anness II tad‑Deċiżjoni 2010/413 u tal-Anness VIII tar-Regolament Nru 961/2010. Huwa kkonstata li l-osservazzjonijiet ippreżentati mir-rikorrenti fis-7 ta’ Ġunju 2011 ma kinux jiġġustifikaw it-tneħħija tal-miżuri restrittivi. Huwa ppreċiża li l-iskrizzjoni tal-entità identifikata bħala “Safa Nicu” kienet tirreferi għar-rikorrenti, minkejja li isimha kien miktub b’mod inkomplet. Huwa informa lir-rikorrenti wkoll bl-emendi invokati fil-punt 9 iktar ’il fuq.

11      Peress li r-Regolament Nru 961/2010 kien tħassar bir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 267/2012, tat-23 ta’ Marzu 2012, dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran (ĠU L 88, p. 1), isem ir-rikorrenti ġie inkluż mill-Kunsill fl-Anness IX ta’ dan l-aħħar regolament. Il-motivazzjoni li tikkonċerna lir-rikorrenti hija identika għal dik li tinsab fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 1245/2011.

12      Permezz ta’ ittra tal-11 ta’ Diċembru 2012, il-Kunsill informa lir-rikorrenti biż-żamma ta’ isimha fuq il-listi tal-Anness II tad-Deċiżjoni 2010/413 u tal-Anness IX tar-Regolament Nru 267/2012 u kkomunikalha, f’anness, dan l-aħħar regolament.

13      Permezz ta’ Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/222/PESK, tas-16 ta’ April 2014, li temenda d-Deċiżjoni 2010/413/PESK (ĠU L 119, p. 65), isem ir-rikorrenti tneħħa mil-lista fl-Anness II tad-Deċiżjoni 2010/413. Permezz tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 397/2014, tas-16 ta’ April 2014, li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 267/2012 (ĠU L 119, p. 1), isimha tneħħa, konsegwentement, mil-lista fl-Anness IX tar-Regolament Nru 267/2012.

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

14      Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-22 ta’ Lulju 2011, ir-rikorrenti ppreżentat dan ir-rikors.

15      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-31 ta’ Jannar 2013, ir-rikorrenti aġġustat it-talbiet tagħha wara l-adozzjoni tar-Regolament Nru 267/2012.

16      Peress illi kien hemm bidla fil-kompożizzjoni tal-Awli tal-Qorti Ġenerali u l-Imħallef Relatur ġie assenjat lill-Ewwel Awla, din il-kawża ġiet għalhekk assenjata lil din l-Awla.

17      Fil-kuntest ta’ miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura previsti fl-Artikolu 64 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, il-partijiet ġew mistiedna, permezz ta’ ittra tas-16 ta’ Jannar, jirrispondi bil-miktub għal ċerti domandi. Il-partijiet ippreżentaw ir-risposti tagħhom fil-31 ta’ Jannar 2014.

18      Fl-4 ta’ Frar 2014, il-partijiet ġew mistiedna jippreżentaw l-osservazzjoni tagħhom dwar ir-risposti tal-parti l-oħra għad-domandi magħmula fis-16 ta’ Jannar 2014. Il-partijiet ippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom fl-20 ta’ Frar 2014. L-osservazzjonijiet tar-rikorrenti kienu jinkludu, f’anness, dokumenti supplimentari sabiex jiġi stabbilit id-dannu li kienet allegatament sostniet.

19      It-trattazzjoni tal-partijiet u r-risposti tagħhom għad-domandi bil-miktub u orali magħmula mill-Qorti Ġenerali nstemgħu fis-seduta tal-4 ta’ Marzu 2014.

20      Wara rinunzji parzjali li saru fir-replika u fir-risposta tagħha għad-domandi tal-Qorti Ġenerali magħmula fil-31 ta’ Jannar 2014 u wara l-adattament tat-talbiet wara l-adozzjoni tar-Regolament Nru 267/2012, ir-rikorrenti titlob lill-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla l-punt 19 tal-Parti I(B) tal-Anness I tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 503/2011 u l-punt 61 tal-Parti I(B) tal-Anness IX tar-Regolament Nru 267/2012 sa fejn isemmi lir-rikorrenti u lill-kumpanniji affiljati tagħha;

–        tikkundanna lill-Kunsill iħallas lir-rikorrenti l-ammont ta’ EUR 7 662 737.40 bħala danni flimkien mal-interessi bir-rata ta’ 5 % mill-1 ta’ Jannar 2013;

–        tikkundanna lill-Kunsill għall-ispejjeż.

21      Il-Kunsill jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Id-dritt

1.     Fuq it-talba għall-annullament tal-inklużjoni ta’ isem ir-rikorrenti fuq il-listi inkwistjoni

22      Fil-kitbiet tagħha, ir-rikorrenti invokat tliet motivi insostenn tat-talba għal annullament ibbażati, l-ewwel wieħed, fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni, it-tieni wieħed, fuq żball ta’ evalwazzjoni kif ukoll fuq “abbuż ta’ poter”, u t-tielet, fuq ksur tad-drittijiet tagħha tad-difiża u tad-dritt tagħha għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva.

23      Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li, fil-kuntest tal-ewwel motiv, ir-rikorrenti sempliċement issostni li l-atti kkontestati ma kienux jinkludu elementi suffiċjentement preċiżi li jippermettu li jiġi konkluż li hija kienet effettivament affettwata bl-inklużjoni tal-entità identifikata bħala “Safa Nicu”.

24      Issa, kif jirriżulta mir-risposta tar-rikorrenti għad-domandi tal-Qorti Ġenerali ppreżentata fil-31 ta’ Jannar 2014, fid-dawl tal-ispjegazzjonijiet ipprovduti mill-Kunsill fis-sottomissjonijiet tiegħu bil-miktub, u sussegwentement fl-ittra tiegħu tal-5 ta’ Diċembru 2011 u wara l-emenda li saret bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 1245/2011, hija ma tikkontestax iktar li hija affettwata bil-kliem inkwistjoni.

25      F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma huwiex neċessarju li jiġi eżaminat l-ewwel motiv.

26      Permezz tat-tieni motiv, ir-rikorrenti ssostni li l-Kunsill wettaq żball ta’ evalwazzjoni kif ukoll “abbuż ta’ poter” meta adotta miżuri restrittivi fil-konfronti tagħha.

27      Minn naħa, ir-rikorrenti tippreċiża li hija ma hijiex kumpannija ta’ komunikazzjoni u li ma kinitx involuta fil-provvista ta’ tagħmir tas-sit ta’ Fordow (Qom). Hija żżid, f’dan il-kuntest, li l-Kunsill ma ppreżenta l-ebda prova dwar it-tagħmir li hija allegatament ipprovdiet lil dan is-sit.

28      Min-naħa l-oħra, ir-rikorrenti ssostni li, skont l-informazzjoni li hija kisbet b’mod mhux uffiċjali, isimha ġie inkluż fil-lista tal-entitajiet affettwati minn miżuri restrittivi abbażi ta’ informazzjoni ineżatta pprovduta minn kompetitur Ewropew sabiex ifixkilha milli tipparteċipa f’sejħiet għal offerti importanti.

29      Minn naħa, il-Kunsill jirrispondi li l-motiv ibbażat fuq il-fatt li r-rikorrenti pprovdiet tagħmir għas-sit ta’ Fordow (Qom) huwa validu. Min-naħa l-oħra, huwa jikkunsidra li l-allegazzjoni li l-inklużjoni ta’ isem ir-rikorrenti fuq il-lista inkwistjoni hija bbażata fuq informazzjoni ineżatta pprovduta minn kompetitur Ewropew hija żbaljata u ma hijiex sostnuta.

30      Fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-ilment ibbażat fuq “abbuż ta’ poter”, għandu jitfakkar li att ikun ivvizzjat b’użu ħażin ta’ poter biss jekk jidher, fuq il-bażi ta’ indizji oġġettivi, rilevanti u konkordanti, li ttieħed bil-għan esklużiv, jew minn tal-inqas bil-għan determinanti, li jilħaq għanijiet differenti minn dawk indikati jew bil-għan li tiġi evitata proċedura prevista speċifikament mit-Trattat għaċ-ċirkustanzi inkwistjoni (ara s-sentenza tal-14 ta’ Ottubru 2009, Bank Melli Iran vs Il-Kunsill, T-390/10, Ġabra, EU:T:2009:401, punt 50 u l-ġurisprudenza ċċitata).

31      F’dan il-każ, ir-rikorrenti ma ssostni bl-ebda mod l-allegazzjoni tagħha li isimha kien inkluż fil-lista tal-entitajiet affettwati mill-miżuri restrittivi abbażi ta’ informazzjoni ineżatta pprovduta minn kompetitur Ewropew, mingħajr ma tipprovdi l-iċken indizju jew żvilupp insostenn tagħha, u mingħajr lanqas ma tippreċiża liema huwa l-għan realment intiż mill-Kunsill, minbarra dak li tiġi evitata l-proliferazzjoni nukleari u l-finanzjament tagħha, billi adottat l-atti kkontestati. L-ilment ibbażat fuq abbuż ta’ poter ma jissodisfax l-eżiġenzi tal-Artikolu 44(1)(c) tar-Regoli ta’ Proċedura, peress li ma huwiex biżżejjed ċar u preċiż sabiex jippermetti lill-Kunsill jipprepara d-difiża tiegħu u lill-Qorti Ġenerali li tiddeċiedi dwar it-talba għal annullament, skont il-każ, mingħajr ma jkollha informazzjoni addizzjonali. Għaldaqstant dan għandu jiġi ddikjarat bħala inammissibbli.

32      Fir-rigward, fit-tieni lok, tal-ilment ibbażat fuq żball ta’ evalwazzjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret fl-istħarriġ ta’ miżuri restrittivi li l-Qrati tal-Unjoni għandhom, b’mod konformi mal-kompetenzi li huma għandhom taħt it-trattat FUE, jiżguraw stħarriġ, bħala prinċipju komplut, tal-legalità tal-atti kollha tal-Unjoni fid-dawl tad-drittijiet fundamentali li jifformaw parti integrali mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni (ara s-sentenza tat-28 ta’ Novembru 2013, Il-Kunsill vs Fulmen u Mahmoudian, C‑280/12 P, Ġabra, EU:C:2013:775, punt 58 u l-ġurisprudenza ċċitata).

33      Fuq quddiem ta’ dawn id-drittijiet fundamentali tidher, b’mod partikolari, l-osservanza tad-drittijiet tad-difiża u tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva (ara s-sentenza Il-Kunsill vs Fulmen u Mahmoudian, EU:C:2013:775, punt 59 u l-ġurisprudenza ċċitata).

34      L-effettività tal-istħarriġ ġudizzjarju, iggarantit mill-Artikolu 47 tal-Karta dwar id-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, teżiġi wkoll li l-qorti tal-Unjoni tiżgura li l-att inkwistjoni, li għandu portata individwali għall-persuna jew l-entità kkonċernata, ikun ibbażat fuq bażi fattwali suffiċjentement solida. Dan jimplika verifika tal-fatti allegati fl-espożizzjoni tal-motivi li huma l-bażi tal-imsemmi att, b’mod li l-istħarriġ ġudizzjarju ma jkunx limitat għall-evalwazzjoni tas-sunt veru tal-motivi invokati, iżda jirrigwarda l-punt jekk dawn il-motivi, jew għall-inqas wieħed minnhom, jitqiesx li huwa suffiċjenti fih innifsu sabiex isostni din l-istess deċiżjoni, humiex sostnuti (ara f’dan is-sens, is-sentenza Il-Kunsill vs Fulmen u Mahmoudian, EU:C:2013:775, punt 64 u l-ġurisprudenza ċċitata).

35      Għal dan il-għan, hija l-qorti tal-Unjoni li għandha tagħmel dan l-eżami billi titlob, skont il-każ, lill-awtorità kompetenti tal-Unjoni tipproduċi informazzjoni jew provi, kunfidenzjali jew mhux, rilevanti għall-finijiet ta’ tali eżami (ara s-sentenza Il-Kunsill vs Fulmen u Mahmoudian, EU:C:2013:775, punt 65 u l-ġurisprudenza ċċitata).

36      Hija, fil-fatt l-awtorità kompetenti tal-Unjoni li għandha l-obbligu, fil-każ ta’ kontestazzjoni, li tistabbilixxi l-fondatezza tal-motivi meqjusa kontra l-persuna kkonċernata, u mhux din tal-aħħar li għandha tipproduċi l-prova negattiva tal-assenza ta’ fondatezza ta’ dawn il-motivi (ara s-sentenza Il-Kunsill vs Fulmen u Mahmoudian, EU:C:2013:775, punt 66 u l-ġurisprudenza ċċitata).

37      F’dan il-każ, f’risposta għal talba tal-Qorti Ġenerali, il-Kunsill indika li l-uniku element għad-dispożizzjoni tiegħu dwar l-adozzjoni u ż-żamma tal-miżuri restrittivi li jaffettwaw lir-rikorrenti kien proposta ta’ inklużjoni ġejja minn Stat Membru. Huwa ppreċiża li l-informazzjoni li kienet tinsab f’din il-proposta kienet ġiet riprodotta fil-motivazzjoni tal-atti kkontestati.

38      F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi konkluż li, filwaqt li, quddiem il-Qorti Ġenerali, ir-rikorrenti kkontestat li hija kumpannija ta’ komunikazzjoni li pprovdiet materjal għas-sit ta’ Fordow (Qom), il-Kunsill ma pprovax il-fondatezza ta’ din l-allegazzjoni, li tikkostitwixxi l-uniku motiv miżmum kontra r-rikorrenti.

39      Għaldaqstant, it-tieni motiv għandu jiġi milqugħ.

40      Konsegwentement, l-inklużjoni ta’ isem ir-rikorrenti fil-punt 19 tal-Parti I(B) tal-Anness I tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 503/2011 u fil-punt 61 tal-Parti I(B) tal-Anness IX tar-Regolament Nru 267/2012, mingħajr ma huwa neċessarju li jiġi eżaminat it-tielet motiv.

2.     Fuq it-talba għall-annullament tal-inklużjoni ta’ isem “il-kumpanniji affiljati” tar-rikorrenti minn fuq il-lista inkwistjoni

41      Ir-rikorrenti ssostni li l-motivazzjoni tal-inklużjoni tal-entità identifikata bħala “Safa Nicu” fil-listi inkwistjoni, kif emendata bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 1245/2011, u sussegwentement riprodotta fir-Regolament Nru 267/2012, tinkludi, minbarra hija stess, diversi “kumpanniji affiljati” tagħha. Konsegwentement, hija talbet, fir-replika, l-annullament tal-inklużjoni tal-isem tal-imsemmija kumpanniji fuq l-imsemmija listi.

42      Il-Kunsill jispjega li l-emendi tal-informazzjoni ta’ identifikazzjoni li tirreferi għar-rikorrenti, introdotti bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 1245/2011, ma kellhomx l-effett li jinkludu l-“kumpanniji affiljati” tagħha fost l-entitajiet affettwati minn miżuri restrittivi. Fil-fatt, billi mmodifikat l-imsemmija informazzjoni, hija llimitat ruħha sabiex iżżid diversi ismijiet li hija wkoll magħrufa bihom u indirizzi użati mir-rikorrenti, li tibqa’ l-unika entità affettwata.

43      F’dan ir-rigward, għalkemm il-formulazzjoni tal-inklużjoni fil-listi inkwistjoni tal-entità identifikata bħala “Safa Nicu” introdotta bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 1245/2011, u sussegwentement riprodotta fl-Anness IV tar-Regolament Nru 267/2012, setgħet toħloq ċertu grad ta’ inċertezza fir-rikorrenti, din tikkorrabora, madankollu, l-ispjegazzjoni pprovduta mill-Kunsill. Fil-fatt, fiż-żewġ atti msemmija iktar ’il fuq, l-ismijiet minbarra “Safa Nicu” huma msemmija sabiex jindikaw isem differenti tar-rikorrenti u mhux jirreferu għal persuni differenti minn din tal-aħħar. Bl-istess mod, il-motivazzjoni pprovduta hija fformulata fis-singular, li jimplika a priori li hija tirreferi għal entità waħda.

44      Għaldaqstant, fid-dawl tal-ispjegazzjonijiet ipprovduti mill-Kunsill, għandu jiġi konkluż li l-inklużjoni tal-entità identifikata bħala “Safa Nicu” fuq il-listi inkwistjoni taffettwa biss lir-rikorrenti, li jimplika li t-talba għall-annullament tal-inklużjoni tal-isem tal-“kumpannija affiljati” tagħha għandha tiġi miċħuda bħala inammissibbli.

3.     Fuq it-talba għad-danni

45      Ir-rikorrenti ssostni li l-adozzjoni tal-miżuri restrittivi fil-konfronti tagħha kkważatilha danni kemm morali kif ukoll materjali li hija qiegħda titlob kumpens għalihom.

46      Il-Kunsill jikkontesta l-fondatezza tal-argumenti tar-rikorrenti.

47      Skont ġurisprudenza stabbilita, ir-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni, fis-sens tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE għal aġir illegali tal-korpi tagħha hija suġġetta għall-eżistenza ta’ numru ta’ kundizzjonijiet, jiġifieri l-illegalità tal-allegat aġir tal-istituzzjonijiet, ir-realtà tad-dannu, u l-eżistenza ta’ rabta kawżali bejn l-allegat aġir u d-dannu invokat (ara s-sentenza tad-9 ta’ Settembru 2008, FIAMM et vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, C‑120/06 P u C‑121/06 P, Ġabra, EU:C:2008:476, punt 106 u l-ġurisprudenza ċċitata; sentenza tal-11 ta’ Lulju 2007, Schneider Electric vs Il-Kummissjoni, T‑351/03, Ġabra, EU:T:2007:212, punt 113).

48      In-natura kumulattiva ta’ dawn it-tliet kundizzjonijiet ta’ responsabbiltà timplika li, meta waħda minnhom ma tiġix sodisfatta, ir-rikors għal danni għandu jiġi miċħud, mingħajr ma jkun meħtieġ li jiġu eżaminati l-kundizzjonijiet l-oħra (sentenza tat-8 ta’ Mejju 2003, T. Port vs Il-Kummissjoni, C‑122/01 P, Ġabra, EU:C:2003:259, punt 30; sentenza Schneider Electric vs Il-Kummissjoni, EU:T:2007:212, punt 120).

 Fuq l-illegalità tal-aġir li huwa akkużat bih il-Kunsill

49      Mill-punti 26 sa 40 iktar ’il fuq jirriżulta li l-atti kkontestati huma illegali sa fejn il-Kunsill ma pprovax li r-rikorrenti tissodisfa tal-inqas wieħed mill-kriterji previsti mir-Regolament Nru 961/2010 u r-Regolament Nru 267/2012 għall-adozzjoni tal-miżuri restrittivi.

50      Madankollu, skont ġurisprudenza stabbilita sew, il-konstatazzjoni tal-illegalità ta’ att ġuridiku, tkun kemm tkun ċensurabbli din l-illegalità, ma hijiex suffiċjenti sabiex jiġi kkunsidrat li l-kundizzjoni tal-applikazzjoni tar-responsabbiltà tal-Unjoni li tikkonċerna l-illegalità tal-aġir attribwit lill-istituzzjonijiet hija sodisfatta. Biex jiġi aċċettat li ġiet sodisfatta l-kundizzjoni tal-applikazzjoni tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni fir-rigward tal-illegalità tal-aġir attribwit lill-istituzzjonijiet, il-ġurisprudenza teżiġi li jiġi stabbilit ksur suffiċjentement serju ta’ regola ta’ dritt li għandha bħala għan li tagħti drittijiet lill-individwi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-23 ta’ Novembru 2011, Sison vs Il-Kunsill, T‑341/07, Ġabra, EU:T:2011:687, punti 31 u 33 u l-ġurisprudenza ċċitata).

51      Din l-eżiġenza hija intiża, tkun liema tkun in-natura tal-att illegali inkwistjoni, sabiex jiġi evitat li r-riskju ta’ ħlas tad-danni allegati mill-impriżi kkonċernati jostakola l-kapaċità tal-istituzzjoni kkonċernata li teżerċita b’mod sħiħ il-kompetenzi tagħha fl-interess ġenerali, kemm fil-kuntest tal-attività tagħha ta’ natura leġiżlattiva jew li timplika għażliet ta’ politika ekonomika kif ukoll fl-isfera tal-kompetenza amministrattiva tagħha, mingħajr madankollu ma tattribwixxi lil individwi r-responsabbiltà tal-konsegwenzi ta’ nuqqasijiet flagranti u li ma humiex skużabbli (ara s-sentenza Sison vs Il-Kunsill, EU:T:2011:687, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata).

52      Il-kriterju deċiżiv li jippermetti li jiġi kkunsidrat jekk din il-kundizzjoni hijiex sodisfatta huwa dak tan-nuqqas manifest u gravi, mill-istituzzjoni kkonċernata, li tosserva l-limiti imposti fuq is-setgħa diskrezzjonali tagħha. Għalhekk, dak li huwa determinanti sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ tali ksur, huwa l-marġni ta’ diskrezzjoni li tiddisponi minnu l-istituzzjoni inkwistjoni. Għalhekk, mill-kriterji derivanti mill-ġurisprudenza jirriżulta li, meta l-istituzzjoni kkonċernata jkollha biss marġni diskrezzjonali kunsiderevolment ridott, jew saħansitra ineżistenti, is-sempliċi ksur tad-dritt tal-Unjoni jista’ jkun biżżejjed biex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ ksur suffiċjentement serju (ara s-sentenza Sison vs Il-Kunsill, EU:T:2011:687, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata).

53      Madankollu, din il-ġurisprudenza ma tirrikonoxxi ebda rabta awtomatika bejn, minn naħa, l-assenza ta’ setgħa diskrezzjonali tal-istituzzjoni kkonċernata u, min-naħa l-oħra, il-klassifikazzjoni tal-ksur bħala ksur suffiċjentement serju tad-dritt tal-Unjoni. Fil-fatt, għalkemm hija ta’ natura determinanti, il-portata tas-setgħa diskrezzjonali tal-istituzzjoni kkonċernata ma hijiex kriterju esklużiv. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret b’mod kostanti li s-sistema li hija użat skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 288 KE (li sar it-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE), tieħu, barra minn hekk, b’mod partikolari, inkunsiderazzjoni l-kumplessità tas-sitwazzjonijiet li għandhom jiġu solvuti u d-diffikultajiet relatati mal-applikazzjoni jew mal-interpretazzjoni tat-testi (ara s-sentenza Sison vs Il-Kunsill, EU:T:2011:687, punti 36 u 37 u l-ġurisprudenza ċċitata).

54      Minn dan jirriżulta li hija biss il-konstatazzjoni ta’ irregolarità li ma tkunx wettqet, f’ċirkustanzi simili, amministrazzjoni normalment prudenti u diliġenti li tagħti lok għar-responsabbiltà tal-Unjoni (ara s-sentenza Sison vs Il-Kunsill, EU:T:2011:687, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata).

55      Hija l-qorti tal-Unjoni, li għandha, wara li tiddetermina, qabel xejn, jekk l-istituzzjoni kkonċernata kellhiex marġni ta’ diskrezzjoni, li sussegwentement tieħu inkunsiderazzjoni l-kumplessità tas-sitwazzjoni li għandha tiġi solvuta, id-diffikultajiet ta’ applikazzjoni jew ta’ interpretazzjoni tat-testi, il-livell ta’ ċarezza u ta’ preċiżjoni tar-regola li ġiet miksura u n-natura intenzjonali jew mhux skużabbli tal-iżball imwettaq. Fi kwalunkwe każ, ksur tad-dritt tal-Unjoni huwa manifestament gravi meta jibqa’ jeżisti minkejja li tkun ingħatat sentenza li tikkonstata n-nuqqas allegat, sentenza preliminari jew ġurisprudenza stabbilita sew fil-qasam, li minnhom jirriżulta li l-aġir inkwistjoni jikkostitwixxi ksur (ara s-sentenza Sison vs Il-Kunsill, EU:T:2011:687, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata).

56      F’dan il-każ, l-ewwel nett, l-impożizzjoni tal-miżuri restrittivi li tirriżulta mill-adozzjoni tal-atti kkontestati tikser id-dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regolament Nru 961/2010 u tar-Regolament Nru 267/2012.

57      Minkejja li dawn l-atti għandhom essenzjalment l-għan li jippermettu l-impożizzjoni mill-Kunsill ta’ ċerti restrizzjonijiet għad-drittijiet tal-individwi, sabiex tiġi evitata l-proliferazzjoni nukleari u l-finanzjament tagħha, id-dispożizzjonijiet li jistabbilixxu, b’mod limitat, il-kundizzjonijiet li taħthom tali restrizzjonijiet huma permessi, bħal dawk inkwistjoni, essenzjalment huma intiżi, għall-kuntrarju, sabiex jipproteġu l-interessi individwali tal-individwi kkonċernati, billi jillimitaw il-każijiet ta’ applikazzjoni, il-portata jew l-intensità tal-miżuri restrittivi li għalihom dawn jistgħu jkunu imposti (ara s-sentenza Sison vs Il-Kunsill, EU:T:2011:687, punt 51 u l-ġurisprudenza ċċitata).

58      Tali dispożizzjonijiet jiżguraw il-protezzjoni tal-interessi individwali ta’ persuni u ta’ entitajiet li jistgħu jkunu kkonċernati u li, għalhekk, huma meqjusa bħala regoli tad-dritt intiżi biex jagħtu drittijiet lill-individwi. Jekk il-kundizzjonijiet fundamentali ma jkunux sodisfatti, l-individwu jew l-entità kkonċernata għandha fil-fatt id-dritt li ma jiġux imposti fuqha l-miżuri inkwistjoni. Tali dritt jimplika neċessarjament li l-persuna jew l-entità li għaliha l-miżuri restrittivi huma imposti taħt kundizzjonijiet li ma humiex koperti mid-dispożizzjonijiet inkwistjoni jista’ jitlob għal kumpens minħabba fil-ħsara kkawżata minn dawn il-miżuri, jekk ikun jidher li l-impożizzjoni tagħhom hija bbażata fuq ksur suffiċjentement serju tar-regoli applikati mill-Kunsill (ara, b’analoġija, is-sentenza Sison vs Il-Kunsill, EU:T:2011:687, punt 52 u l-ġurisprudenza ċċitata).

59      It-tieni nett, fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk il-Kunsill għandux tali marġni ta’ diskrezzjoni, mill-punti 32 sa 40 iktar ’il fuq jirriżulta li l-illegalità li tivvizzja l-atti kkontestati hija relatata mal-fatt li l-Kunsill ma għandux informazzjoni jew provi li jistabbilixxu, b’mod suffiċjenti skont il-liġi, il-fondatezza tal-miżuri restrittivi fil-konfronti tar-rikorrenti u li għalhekk, konsegwentement, impossibbli li tipproduċihom quddiem il-Qorti Ġenerali.

60      Issa, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 32 sa 36 iktar ’il fuq, l-obbligu tal-Kunsill li jistabbilixxi l-fondatezza ta’ miżuri restrittivi adottati huwa ddettat mill-osservanza tad-drittijiet fundamentali tal-persuni u tal-entitajiet ikkonċernati, u, b’mod partikolari, tad-dritt tagħhom għal protezzjoni ġuridika effettiva, li jimplika li ma għandux marġni ta’ diskrezzjoni f’dan ir-rigward.

61      Għalhekk, f’dan ir-rigward, il-Kunsill huwa akkużat bil-ksur ta’ obbligu li fir-rigward tiegħu huwa ma għandux marġni ta’ diskrezzjoni.

62      It-tielet nett, għandu jiġi kkonstatat li r-regola li timponi lill-Kunsill li jistabbilixxi l-fondatezza tal-miżuri adottati ma tirriżultax minn sitwazzjoni partikolarment kumplessa u li hija ċara u preċiża, b’mod li ma toħloqx diffikultajiet ta’ applikazzjoni jew ta’ interpretazzjoni.

63      Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li r-regola inkwistjoni ġiet stabbilita mill-ġurisprudenza preċedenti għall-adozzjoni tal-ewwel fost l-atti kkontestati li saret fit-23 ta’ Mejju 2011.

64      Għalhekk, fir-rigward ta’ miżuri restrittivi li jikkonċernaw l-Iran, mill-punt 37 tas-sentenza Bank Melli Iran vs Il-Kunsill, EU:T:2009:401, jirriżulta li l-istħarriġ ġudizzjarju tal-legalità ta’ deċiżjoni li bih ikunu ġew adottati miżuri restrittivi, jestendi għall-evalwazzjoni tal-fatti u taċ-ċirkustanzi invokati sabiex jiġġustifikawh, kif ukoll għall-verifika tal-provi u tal-informazzjoni li tkun ibbażata fuqhom din l-evalwazzjoni. Fil-punt 107 tal-istess sentenza, il-Qorti Ġenerali ddeduċiet minn din il-konstatazzjoni l-obbligu għall-Kunsill li jippreżenta, f’każ ta’ kontestazzjoni, il-provi u l-informazzjoni li fuqhom hija bbażata l-evalwazzjoni tiegħu sabiex dawn jiġu vverifikati mill-qorti tal-Unjoni.

65      L-istess regola ġiet stabbilita permezz tal-ġurisprudenza mogħtija fil-qasam relatat tal-miżuri restrittivi relatat mal-allegati attivitajiet terroristiċi. Għalhekk, fil-punt 154 tas-sentenza tat-12 ta’ Diċembru 2006, Organisation des Modjahedines du peuple d’Iran vs Il-Kunsill (T‑228/02, Ġabra, EU:T:2006:384), il-Qorti Ġenerali, b’mod partikolari, ikkunsidrat li l-istħarriġ ġudizzjarju tal-legalità tad-deċiżjoni li tadotta miżuri restrittivi japplika għall-evalwazzjoni tal-fatti u ċirkustanzi invokati li jiġġustifikawha, l-istess bħall-verifika tal-provi u tal-informazzjoni li fuqhom hija bbażata din l-evalwazzjoni.

66      B’mod analogu, skont il-punt 138 tas-sentenza tat-23 ta’ Ottubru 2008, People’s Mojahedin Organization of Iran vs l-Kunsill (T‑256/07, Ġabra, EU:T:2008:461), il-qorti tal-Unjoni għandha mhux biss tivverifika l-eżattezza materjali tal-provi invokati, l-affidabbiltà u l-koerenza tagħhom, iżda għandha tistħarreġ ukoll jekk dawn il-provi jikkostitwixxux l-informazzjoni rilevanti kollha li għandha titqies għall-evalwazzjoni tas-sitwazzjoni u jekk dawn humiex ta’ natura li jissostanzjaw il-konklużjonijiet misluta minnhom.

67      Fl-aħħar nett, fil-punti 54 u 55 tas-sentenza tal-4 ta’ Diċembru 2008, People’s Mojahedin Organization of Iran vs Il-Kunsill (T‑284/08, Ġabra, EU:T:2008:550), il-Qorti Ġenerali tenniet ir-regola esposta fil-punt 66 iktar ’il fuq. Fil-punti 56 sa 79 tal-istess sentenza, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li l-provi ppreżentati mill-Kunsill ma kinux jippermettu li tiġi vverifikata l-fondatezza tad-deċiżjoni kkontestata u minn dan iddeduċiet li l-motivi bbażati fuq ksur tal-oneru tal-prova u tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva kienu fondati.

68      Fid-dawl ta’ dak kollu li jippreċedi, għandu jiġi kkunsidrat li amministrazzjoni normalment prudenti u diliġenti, fiċ-ċirkustanzi tal-każ, kienet tkun f’pożizzjoni li tifhem, fil-mument tal-adozzjoni tal-ewwel att ikkontestat, li hija kellha tiġbor l-informazzjoni jew il-provi li jiġġustifikaw il-miżuri restrittivi li jaffettwaw lir-rikorrenti sabiex tiġi stabbilita, f’każ ta’ kontestazzjoni, il-fondatezza tal-imsemmija miżuri għall-produzzjoni tal-imsemmija informazzjoni jew tal-imsemmija provi quddiem il-qorti tal-Unjoni.

69      Billi ma aġixxiex b’dan il-mod, il-Kunsill huwa responsabbli għal ksur biżżejjed serju ta’ regola tad-dritt li għandha l-għan li tikkonferixxi drittijiet fuq l-individwi, fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 50 iktar ’il fuq.

 Fuq ir-realtà tad-dannu u l-eżistenza ta’ rabta kawżali

70      F’dak li jikkonċerna l-kundizzjoni tar-realtà tad-dannu, skont il-ġurisprudenza, l-Unjoni tista’ tkun responsabbli biss jekk ir-rikorrent ikun effettivament sostna dannu “reali u ċert” (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-27 ta’ Jannar 1982, Birra Wührer et vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, 256/80, 257/80, 265/80, 267/80 u 5/81, Ġabra, EU:C:1984:341, punt 9, u De Franceschi vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, 51/81, EU:C:1982:20, punt 9; sentenza tas-16 ta’ Jannar 1996, Candiotte vs Il-Kunsill, T‑108/94, Ġabra, EU:T:1996:5, punt 54). Huwa r-rikorrent li għandu jipproduċi prova lill-qorti tal-Unjoni sabiex tiġi ddeterminata l-eżistenza u l-portata ta’ tali dannu (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja, tal-21 ta’ Mejju 1976, Roquette Frères vs Il‑Kummissjoni, 26/74, Ġabra, EU:C:1976:69, punti 22 sa 24, u tad-9 ta’ Jannar 1996, Koelman vs Il-Kummissjoni, T‑575/93, Ġabra, EU:T:1996:1, punt 97).

71      Fir-rigward tal-kundizzjoni dwar l-eżistenza ta’ rabta kawżali bejn l-aġir allegat u d-dannu invokat, l-imsemmi dannu għandu jirriżulta b’mod biżżejjed dirett mill-aġir ilmentat, peress li dan tal-aħħar għandu jikkostitwixxi l-kawża determinanti tad-dannu, ladarba ma hemm ebda obbligu li jiġu kkumpensati l-konsegwenzi kollha dannużi, anki jekk fit-tul, ta’ sitwazzjoni illegali (ara s-sentenzi tal-4 ta’ Ottubru 1979, Dumortier et vs Il‑Kunsill, 64/76, 113/76, 167/78, 239/78, 27/79, 28/79 u 45/79, Ġabra, EU:C:1979:223, punt 21, u tal-10 ta’ Mejju 2006, Galileo International Technology et vs Il-Kummissjoni, T‑279/03, Ġabra, EU:T:2006:121, punt 130, u l-ġurisprudenza ċċitata). Huwa r-rikorrent li għandu jipproduċi l-prova tal-eżistenza ta’ rabta kawżali bejn l-aġir ilmentat u dannu invokat (ara s-sentenza tat-30 ta’ Settembru 1998, Coldiretti et vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, T‑149/96, Ġabra, EU:T:1998:228, punt 101 u l-ġurisprudenza ċċitata).

72      F’dan il-każ, ir-rikorrenti titlob kumpens, minn naħa, għal dannu morali u, min-naħa l-oħra, għal dannu materjali li jirriżulta, l-ewwel nett, mill-għeluq ta’ ċerti kontijiet bankarji tagħha u mis-sospensjoni tal-ħlasijiet tagħha f’euro mill-banek Ewropej, sussegwentement, il-waqfien tar-relazzjonijiet kummerċjali mill-fornituri Ewropej tagħha, u, fl-aħħar nett, l-impossibbiltà li timplementa, kompletament jew parzjalment, erba’ kuntratti miftiehma mal-klijenti tagħha. Ir-rikorrenti titlob ukoll li l-ammont tal-kumpens jiġi miżjud bl-interessi bir-rata ta’ 5 % li jibdew jiddekorru mill-1 ta’ Jannar 2013.

73      Il-Kunsill jikkontesta l-fondatezza tal-argumenti tar-rikorrenti kif ukoll l-ammissibbiltà ta’ parti mill-provi li hija pproduċiet.

74      Fid-dawl tal-iżvilupp tal-argumenti tal-partijiet, il-Qorti Ġenerali ser tistħarreġ simultanjament il-kundizzjonijiet marbuta mar-realtà tad-dannu u mal-eżistenza ta’ rabta kawżali tad-diversi danni invokati.

75      Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat, minn naħa, li, skont l-ispjegazzjonijiet ipprovduti mir-rikorrenti fir-risposta tagħha għad-domandi tal-Qorti Ġenerali ppreżentati fil-31 ta’ Jannar 2014, it-talba għall-kumpens għad-dannu morali li hija allegatament sostniet tinkludi wkoll il-konsegwenzi tal-adozzjoni tal-miżuri restrittivi meħuda fil-konfronti tagħha fuq ir-relazzjonijiet mal-fornituri u l-klijenti tagħha. Issa, b’hekk, din it-talba tikkoinċidi mat-talba għall-kumpens għad-dannu materjali.

76      Minn naħa, fost l-erbgħa kuntratti invokati fil-punt 72 iktar ’il fuq, il-kuntratt għall-ftuħ mill-ġdid ta’ ċentrali elettrika ta’ Derbendikhan (l-Iraq) allegatament ma setax jiġi implementat minħabba li ġie bblokkat ħlas minn bank intermedju Ewropew, filwaqt li t-tliet kuntratti l-oħra ġew affettwati mill-waqfien tar-relazzjonijiet kummerċjali mal-fornituri Ewropej tar-rikorrenti.

77      F’dawn iċ-ċirkustanzi, sabiex tiġi limitata b’mod ċar il-portata tad-diversi talbiet tar-rikorrenti, għandu jiġi eżaminat, fl-ewwel lok, id-dannu morali li hija allegatament sostniet, bl-esklużjoni tal-impatt materjali tal-miżuri restrittivi fuq ir-relazzjonijiet mal-fornituri u l-klijenti tagħha. Fit-tieni lok, il-Qorti Ġenerali ser tikkunsidra d-dannu materjali allegatament sostnut minħabba l-għeluq ta’ ċerti kontijiet bankarji tar-rikorrenti u s-sospensjoni tal-ħlasijiet tagħha f’euro mill-banek Ewropej, inkluż id-dannu allegatament marbut mal-kuntratt għall-ftuħ mill-ġdid taċ-ċentrali elettrika ta’ Derbendikhan. Fit-tielet lok, għandu jiġi evalwat id-dannu materjali allegatament sostnut minħabba l-waqfien tar-relazzjonijiet kummerċjali mill-fornituri Ewropej tar-rikorrenti, inkluż it-tliet kuntratti l-oħra msemmija fil-punt 72 iktar ’il fuq. Fir-raba’ u l-aħħar lok, il-Qorti Ġenerali se teżamina t-talba għall-interessi.

 Fuq id-dannu morali

78      Ir-rikorrenti ssostni li l-adozzjoni u ż-żamma tal-miżuri restrittivi fil-konfronti tagħha kkawżaw dannu għad-drittijiet tal-persuna tagħha, u b’mod partikolari għar-reputazzjoni tagħha. Hija evalwat l-ammont ta’ dan id-dannu għal EUR 1 500 000 fir-risposta tagħha għad-domandi tal-Qorti Ġenerali ppreżentata fil-31 ta’ Jannar 2014, u wara għal EUR 2 000 000 fl-osservazzjonijiet tagħha tal-20 ta’ Frar 2014.

79      Il‑Kunsill jikkontesta l‑fondatezza tal‑argumenti tar‑rikorrenti. Minn naħa, għandu jiġi kkonstatat li mis-sentenza tal-Qorti Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem Uj vs L-Ungerija (Nru 23954/10, 19 ta’ Lulju 2011) jirriżulta li r-rikorrenti għandha dritt għall-protezzjoni tar-reputazzjoni tagħha f’miżura limitata. Min-naħa l-oħra, fi kwalunkwe każ, anki jekk jiġi stabbilit attakk fuq ir-reputazzjoni tar-rikorrenti, dan ma jkunx il-konsegwenza tal-adozzjoni tal-miżuri restrittivi fil-konfronti tagħha, iżda tal-pubblikazzjoni tagħhom. Issa, din il-pubblikazzjoni hija obbligu legali li għandu l-Kunsill u għalhekk ma tistax tiġi interpretata fis-sens li tikkostitwixxi dannu.

80      F’dan ir-rigward, meta entità tkun affettwata minn miżuri restrittivi, minħabba s-sostenn li hija allegatament tat għall-proliferazzjoni nukleari, hija tiġi assoċjata pubblikament ma’ aġir li jitqies li huwa theddida gravi għall-paċi u għas-sigurtà internazzjonali, bil-konsegwenza li tqajjem l-istmerrija u s-suspett fil-konfronti tagħha, li jaffettwalha r-reputazzjoni tagħha, u li għaldaqstant jikkawżawlha dannu morali.

81      F’dan il-kuntest, huwa b’mod żbaljat li l-Kunsill juża s-sentenza Uj vs L-Ungerija, punt 79 iktar ’il fuq, li kienet tikkonċerna l-pubblikazzjoni tal-opinjoni ta’ ġurnalist dwar il-kwalità tal-prodotti ta’ kumpannija kummerċjali.

82      Minn naħa, fil-fatt, l-istmerrija u l-isfiduċja kkawżata minn miżuri restrittivi bħala dawk inkwistjoni f’dan il-każ ma jikkonċernawx il-kapaċitajiet ekonomiċi u kummerċjali tal-entità kkonċernata, iżda l-volontà tagħha li tkun involuta f’attivitajiet ikkunsidrati kundannabbli mill-komunità internazzjonali. B’hekk, l-entità kkonċernata tiġi affettwata lil hinn mill-isfera tal-interessi kummerċjali kurrenti tagħha.

83      Min-naħa l-oħra, l-attakk fuq ir-reputazzjoni tal-entità inkwistjoni jerġa’ huwa iktar gravi peress li jirriżulta mhux mill-espressjoni ta’ opinjoni personali, iżda minn teħid ta’ pożizzjoni uffiċjali ta’ istituzzjoni tal-Unjoni, ippubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u li jġib miegħu konsegwenzi ġuridiċi vinkolanti.

84      Barra minn hekk, il-pubblikazzjoni tal-miżuri restrittivi li jaffettwaw lir-rikorrenti fil-Ġurnal Uffiċjali tikkostitwixxi parti integranti mill-proċess tal-adozzjoni tagħhom, peress li b’mod partikolari tikkundizzjona d-dħul fis-seħħ tagħhom fil-konfront ta’ terzi persuni. F’dawn iċ-ċirkustanzi, kuntrarjament għal dak li jallega l-Kunsill, il-pubblikazzjoni tal-imsemmija miżuri fil-Ġurnal Uffiċjali ma tikkostitwixxix ċirkustanza suxxettibbli li tikser ir-rabta kawżali bejn l-adozzjoni u ż-żamma tal-miżuri restrittivi inkwistjoni u l-attakk fuq ir-reputazzjoni tar-rikorrenti.

85      Fid-dawl ta’ dak li jippreċedi, għandu jiġi rikonoxxut li l-adozzjoni u ż-żamma illegali tal-miżuri restrittivi li jaffettwaw lir-rikorrenti kkważawlha dannu morali, differenti mid-dannu materjali dovut għall-effett fuq ir-relazzjonijiet kummerċjali tagħha. Konsegwentement, hemm lok li jiġilha rikonoxxut id-dritt għal kumpens għal dan id-dannu.

86      Fir-rigward tal-ammont ta’ kumpens li għandu jingħata, għandu jiġi rrilevat, preliminarjament, li l-annullament tal-atti kkontestati huwa ta’ natura li jikkostitwixxi forma ta’ kumpens għad-dannu morali li r-rikorrenti sostniet, peress li din is-sentenza tikkonstata li l-assoċjazzjoni tagħha mal-proliferazzjoni nukleari hija inġustifikata u, għaldaqstant, illegali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-28 ta’ Mejju 2013, Abdulrahim vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, C‑239/12 P, Ġabra, EU:C:2013:331, punt 72).

87      Madankollu, fiċ-ċirkustanzi tal-każ, l-annullament tal-inklużjoni tar-rikorrenti huwa suxxettibbli li jimmodera l-ammont tal-kumpens mogħti, iżda mhux li jikkostitwixxi kumpens integrali għad-dannu sostnut.

88      Fil-fatt, mill-provi tal-proċess jirriżulta li l-allegazzjoni tal-involviment tar-rikorrenti fil-proliferazzjoni nukleari affettwa l-aġir ta’ entitajiet terzi, li jinsabu fil-parti l-kbira tagħhom barra mill-Unjoni, fil-konfront ta’ din. Issa, dawn l-effetti, li damu għal madwar tliet snin u taw lok għad-dannu morali sostnut mir-rikorrenti, ma humiex suxxettibbli li jiġu kontrabilanċjati kompletament permezz tal-konstatazzjoni a posteriori tal-illegalità tal-atti kkontestati, peress li l-adozzjoni tal-miżuri restrittivi fil-konfront ta’ entità għandha t-tendenza li tattira iktar attenzjoni u twassal għal iktar reazzjonijiet, b’mod partikolari barra mill-Unjoni, milli l-annullament sussegwenti tagħhom.

89      Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat, qabel xejn, li l-allegazzjoni tal-Kunsill kontra r-rikorrenti hija partikolarment gravi, peress li tassoċjaha mal-proliferazzjoni nukleari Iranjana, jiġifieri ma’ attività li skont il-Kunsill hija ta’ perikolu għall-paċi u s-sigurtà internazzjonali.

90      Sussegwentement, kif jirriżulta mill-punti 32 sa 38 iktar ’il fuq, l-allegazzjoni tal-Kunsill kontra r-rikorrenti ma ġietx sostnuta bl-iċken element ta’ informazzjoni jew prova rilevanti.

91      Fl-aħħar nett, għalkemm l-inklużjoni ta’ isem ir-rikorrenti, li kienet ġiet ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali, setgħet tiġi rtirata mill-Kunsill fi kwalunkwe mument, huwa żammha għal kważi tliet snin, minkejja l-protesti tar-rikorrenti. F’dan ir-rigward, il-proċess ma jinkludix elementi li jissuġġerixxu li l-Kunsill ivverifika, fuq l-inizjattiva proprja tiegħu jew b’risposta għall-protesti tar-rikorrenti, il-fondatezza tal-imsemmija allegazzjoni, sabiex jillimita l-konsegwenzi dannużi li kienu jirriżultaw minnha għar-rikorrenti.

92      Fid-dawl ta’ dak li jippreċedi, il-Qorti Ġenerali, filwaqt li tevalwa d-danni morali subiti mir-rikorrenti ex aequo et bono, tqis li l-għoti ta’ ammont ta’ EUR 50 000 jikkostitwixxi kumpens xieraq.

 Fuq id-dannu materjali marbut mal-għeluq ta’ ċerti kontijiet bankarji tar-rikorrenti u s-sospensjoni tal-ħlasijiet tagħha f’euro mill-banek Ewropej

93      Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti ssostni li, minħabba l-adozzjoni tal-miżuri restrittivi fil-konfronti tagħha, l-Emirate National Bank of Dubai għalqet il-kontijiet kollha tagħha, li permezz tagħhom hija kienet tittrażmetti l-parti l-kbira tal-ħlas imwettqa fil-kuntest tal-proġetti internazzjonali tagħha. Fl-istess ħin, il-banek Ewropej ibblokkaw it-trasferiment tal-ħlasijiet kollha f’euro ordnati minnha jew li hija kienet il-benefiċjarja tagħhom. Minħabba f’hekk, hija sostniet dannu ta’ diversi għexieren ta’ miljuni ta’ euro.

94      Fit-tieni lok, ir-rikorrenti ssostni li, b’mod iktar konkret, minħabba l-fatt li ħlas mill-Bank mondjali ma setgħax isir iktar, hija ma kinitx f’pożizzjoni li timplementa kuntratt għall-ftuħ mill-ġdid taċ-ċentru elettriku ta’ Derbendikhan. B’hekk, hija sostniet dannu ta’ iktar minn 30 % tal-valur tal-kuntratt, jiġifieri EUR 1 508 526.60 li jikkorrispondu għax-xogħol ta’ preparazzjoni magħmul (10 % tal-valur) u l-marġni ta’ profitt (20 % tal-valur).

95      Fir-rigward tal-ewwel ilment, ir-rikorrenti ppreżentat, fl-Anness 1.20 tar-replika, ittra li permezz tagħha l-Emirate National Bank of Dubai informaha bl-għeluq tal-kontijiet tagħha.

96      Għalkemm din l-ittra ma ssemmiex espliċitament il-miżuri restrittivi li jaffettwaw lir-rikorrenti, ir-riferiment għal-“kontrolli u politiki interni” u għar-“ristrutturazzjoni ta’ ċerti kontijiet” jissuġġerixxi, fl-assenza ta’ spjegazzjoni plawżibbli oħra, li l-għeluq ta’ dawn il-kontijiet huwa konsegwenza tal-adozzjoni tagħhom, ftit żmien qabel. F’dan il-kuntest, għandu jiġi osservat li l-fatt li l-Emirate National Bank of Dubai kompliet tipprovdi servizzi finanzjarji lir-rikorrenti wara l-adozzjoni tal-miżuri restrittivi li jaffettwawha, jista’, jekk ikun il-każ, jiġġustifika l-adozzjoni tal-istess miżuri restrittivi fil-konfront tagħha.

97      B’hekk, għandu jiġi rrilevat, l-ewwel nett, li mill-ittra tal-Emirate National Bank of Dubai jirriżulta li din tal-aħħar ma ffriżatx il-fondi fuq il-kontijiet inkwistjoni, iżda rritornathom lir-rikorrenti.

98      It-tieni nett, ir-rikorrenti ma invokat l-ebda element intiż sabiex jistabbilixxi li hija ma kinitx f’pożizzjoni li tikseb servizzi finanzjarji pprovduti preċedentement mill-Emirate National Bank of Dubai min-naħa ta’ bank ieħor u li tidderieġi x’imkien ieħor id-dħul u l-ħruġ tagħha.

99      It-tielet nett, barra mill-każ tal-proġett ta’ ftuħ mill-ġdid taċ-ċentrali elettrika ta’ Derbendikhan, eżaminat fil-punti 102 sa 107 iktar ’il quddiem, ir-rikorrenti ma ppreżentatx elementi konkreti li juru li l-għeluq tal-kontijiet jew l-interruzzjoni tal-ħlasijiet tagħha affettwat ir-relazzjonijiet tagħha mal-imsieħba kummerċjali tagħha jew mal-persuni jew entitajiet, li b’hekk ħolqilha dannu.

100    Ir-raba’ nett, ir-rikorrenti ma ppreżentatx provi li jiġġustifikaw l-ammont tad-dannu allegatament sostnut.

101    F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-ewwel ilment dwar l-għeluq tal-kontijiet tar-rikorrenti mill-Emirate National Bank of Dubai u dwar l-interruzzjoni tal-ħlasijiet mill-banek Ewropej b’mod ġenerali għandu jiġi miċħud bħala infondat.

102    Fir-rigward tat-tieni lment tar-rikorrenti, mill-ittri ppreżentati bħala Annessi A.26 sa A.29 għar-replika li l-kuntratt dwar il-ftuħ mill-ġdid taċ-ċentrali elettrika ta’ Derbendikhan, iffirmat bejn ir-rikorrenti u l-awtoritajiet tal-Kurdistan Iraqin, sar minn dawn tal-aħħar minħabba li r-rikorrenti ma setgħetx tikseb il-ħlas mingħand il-Bank mondjali, ibblokkat minn bank intermedju Ewropew.

103    Madankollu, minn naħa, la l-ittri ppreżentati fl-anness għar-replika, u lanqas il-provi l-oħra ma juru espliċitament li l-ibblokkar inkwistjoni kien jirriżulta mill-adozzjoni tal-miżuri restrittivi li jaffettwaw lir-rikorrenti.

104    Min-naħa l-oħra, anki fl-ipoteżi li l-eżistenza ta’ rabta kawżali tiġi stabbilita biżżejjed skont il-liġi mir-rikorrenti li ssostni, f’dan ir-rigward, li l-imsemmi bblokkar sar ftit wara l-adozzjoni tal-miżuri restrittivi li jaffettwaw lir-rikorrenti u li dan sar minn bank Ewropew, għandu jiġi kkonstatat li r-realtà u l-ammont tad-dannu li hija invokat ma ġiex ipprovat.

105    Fil-fatt, ir-rikorrenti titlob kumpens li jikkorrispondi għal 10 % tal-valur tal-kuntratt inkwistjoni minħabba xogħol preparatorju li sar u għal 20 % tal-valur tal-istess kuntratt bħala “marġni ta’ profitt kurrenti minimu” fis-settur industrijali kkonċernat.

106    Madankollu, l-allegazzjonijiet tar-rikorrenti ma huma sostnuti minn ebda prova. Għalhekk, minn naħa, ir-rikorrenti ma ppreżentat la l-offerta prekuntrattwali tagħha għall-proġett inkwistjoni, li tkun tista’ tistabbilixxi l-marġni ta’ profitt konkret mistenni, u lanqas indikazzjonijiet preċiżi dwar ir-rata ta’ profitabbiltà ġenerali tagħha jew tas-settur industrijali li hija topera fih. Min-naħa l-oħra, lanqas ma kkomunikat lill-Qorti Ġenerali rċevuti tal-ispejjeż sostnuti fil-kuntest tal-proġett ta’ ftuħ mill-ġdid taċ-ċentrali elettrika ta’ Derbendikhan jew elementi oħra li jistgħu juru l-eżistenza u l-ammont tagħhom.

107    F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-ilment tar-rikorrenti dwar il-proġett ta’ ftuħ mill-ġdid taċ-ċentrali elettrika ta’ Derbendikhan għandu jiġi miċħud bħala infondat.

 Fuq id-dannu materjali marbut mal-waqfien tar-relazzjonijiet kummerċjali mill-fornituri Ewropej tar-rikorrenti

108    Ir-rikorrenti ssostni li kemm Siemens AG kif ukoll il-fornituri Ewropej l-oħra waqqfu r-relazzjonijiet kummerċjali magħha. Issa, Siemens kienet l-imsieħba prinċipali tagħha għall-provvista tal-parti l-kbira tal-magni u tal-komponenti li hija kienet tinkludi fl-offerti tagħha, b’mod li l-proġetti attwali u futuri huma bblokkati.

109    Fir-rigward tal-eżistenza ta’ rabta kawżali, il-waqfien tar-relazzjonijiet kummerċjali min-naħa tal-entitajiet li jinsabu fl-Unjoni hija konsegwenza inevitabbli tal-adozzjoni tal-miżuri restrittivi. Dan il-fatt huwa kkonfermat, f’dan il-każ, mill-ittra ta’ Siemens ippreżentata fl-Anness A.21 tar-replika, minn fejn jirriżulta espliċitament li l-waqfien tar-relazzjoni kummerċjali bejn Siemens u r-rikorrenti hija l-konsegwenza diretta tal-adozzjoni tal-miżuri restrittivi fil-konfront tar-rikorrenti.

110    Fir-rigward tal-eżistenza ta’ dannu, il-waqfien tar-relazzjonijiet mal-fornituri importanti jfixkel, ċertament, l-attivitajiet ta’ kumpannija. Madankollu, rifjut ta’ provvista ta’ prodotti ma huwiex, bħala tali, dannu. Fil-fatt, dan tal-aħħar jirriżulta biss jekk ir-rifjut iħalli effetti fir-riżultati ekonomiċi tal-kumpannija kkonċernata. Dan huwa, b’mod partikolari, il-każ meta l-kumpannija tkun obbligata tixtri l-istess prodotti b’kundizzjonijiet inqas favorevoli mingħajr fornituri oħra jew meta r-rifjut ta’ kunsinna jikkawża dewmien fl-eżekuzzjoni tal-kuntratti konklużi ma’ klijenti, li jesponi lill-kumpannija għal sanzjonijiet pekunjarji. Bl-istess mod, fil-każ fejn fornitur alternattiv ma jkunx jista’ jinstab, kuntratti eżistenti jistgħu jiġu xolti u l-kumpannija inkwistjoni tista’ tiġi mċaħħda milli tipparteċipa f’sejħiet għal offerti li jkunu għaddejjin.

111    F’dan il-każ, ir-rikorrenti tinvoka tliet kuntratti konkreti li allegatament ġew affettwati mill-waqfien tar-relazzjonijiet kummerċjali mill-fornituri Ewropej tagħha. Hija tippreżenta wkoll provi intiżi li juru li hija sofriet danni minħabba f’hekk.

–       Fuq il-kuntratt mal-Mobarakeh Steel Company

112    Ir-rikorrenti ssostni li, minħabba r-rifjut li jintbagħat ċertu tagħmir minn Siemens, hija ma kinitx f’pożizzjoni li tissoddisfa l-obbligi kuntrattwali tagħha lejn il-Mobarakeh Steel Company, li annullat il-kuntratt inkwistjoni u eskludiet lir-rikorrenti mis-sejħiet għal offerti futuri. B’hekk hija sostniet dannu ta’ mill-inqas EUR 2 000 000.

113    F’dan ir-rigward, mill-ittra tal-Mobarakeh Steel Company ippreżentata fl-Anness A.24 tar-replika, jirriżulta li din effettivament annullat il-kuntratt konkluż mar-rikorrenti relatat mat-twettiq ta’ installazzjonijiet elettriċi, irriżervat id-dritt li timplementa l-garanziji bankarji pprovduti minn din tal-aħħar u eskludietha minn sejħiet għal offerti futuri.

114    B’hekk, skont l-ewwel paragrafu tal-ittra inkwistjoni, it-terminu ta’ kunsinna previst skont il-kuntratt kien ta’ ħmistax-il xahar mill-15 ta’ Awwissu 2009 u, għaldaqstant, id-data limitu għall-kunsinna kienet il-15 ta’ Novembru 2010. Konsegwentement, fl-ipoteżi li r-rikorrenti kienet osservat l-obbligi kuntrattwali li hija kienet aċċettat, l-adozzjoni tal-ewwel miżuri restrittivi li jikkonċernawha, li saret fit-23 ta’ Mejju 2011, jiġifieri iktar minn sitt xhur wara l-imsemmija data limitu għall-kunsinna, ma kellhiex impatt fuq l-eżekuzzjoni tal-kuntratt miftiehem mal-Mobarakeh Steel Company.

115    Din il-konklużjoni hija kkorraborata mill-ħames paragrafu tal-ittra inkwistjoni, fejn il-Mobarakeh Steel Company tidentifika espliċitament id-dewmien tar-rikorrenti bħala waħda miż-żewġ kawżi tal-annullament tal-kuntratt inkwistjoni.

116    Għalhekk, għandu jiġi konkluż li l-adozzjoni tal-miżuri restrittivi fil-konfronti tar-rikorrenti ma kinitx il-kawża determinanti u diretta tal-annullament tal-kuntratt mal-Mobarakeh Steel Company, li jimplika li r-rikorrenti ma pprovatx l-eżistenza ta’ rabta kawżali bejn l-aġir ikkundannat u d-dannu invokat.

117    F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-ilment dwar il-kuntratt konkluż mal-Mobarakeh Steel Company għandu jiġi miċħud bħala infondat.

–       Fuq il-kuntratt għall-modernizzazzjoni tat-tagħmir elettriku tad-diga ta’ Al-Furat fis-Sirja

118    Ir-rikorrenti ssostni li, minħabba l-waqfien mill-fornituri Ewropej tar-relazzjonijiet kummerċjali magħha, hija ma kinitx f’pożizzjoni li tipprovdi l-parti l-kbira tat-tagħmir, tal-aċċessorji u tal-materjal neċessarju għall-modernizzazzjoni tat-tagħmir elettriku tad-diga ta’ Al-Furat fis-Sirja. Hija ssostni li, bħala konsegwenza, sofriet dannu ta’ mill-inqas 30 % tal-valur tal-parti mill-kuntratt inkwistjoni li kellha titnaqqas jiġifieri EUR 1 425 000, bħala xogħol ta’ preparazzjoni li kien sar u l-marġni ta’ profitt.

119    Mill-ittri tal-Ministeru tal-Irrigazzjoni Sirjan lir-rikorrenti, ippreżentat fl-Anness A.31 u A.32 tar-replika jirriżulta li l-bidu u l-kalendarju tax-xogħlijiet inkwistjoni ġew posposti u li r-rikorrenti ġiet awtorizzata tuża “kokontraenti sekondarji”.

120    B’hekk, fl-ewwel lok, l-ittri inkwistjoni ma jurux li, kif tallega r-rikorrenti, il-kawża tad-dewmien fit-twettiq tal-proġett u tar-rikors għal “kokontraenti sekondarji” hija l-adozzjoni tal-miżuri restrittivi fil-konfronti tagħha.

121    F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti, ċertament, ippreżentat, fl-Anness A.33 tar-replika, il-lista tal-magni u komponenti proposti fl-offerta tagħha għall-proġett inkwistjoni. Issa, għalkemm din il-lista tinkludi prodotti li joriġinaw minn produtturi Ewropej, l-ebda prova ma ġiet prodotta li tistabbilixxi li l-kunsinna tal-imsemmija prodotti ma setgħetx issir minħabba l-adozzjoni tal-miżuri restrittivi.

122    Fit-tieni lok, għalkemm ir-rikorrenti tallega li sostniet dannu ta’ mill-inqas 30 % tal-valur tal-parti tal-kuntratt inkwistjoni li kellha tingħata f’sullokazzjoni, hija ma pproduċietx provi li jistabbilixxu dan id-dannu.

123    Minn naħa, fil-fatt, il-valur tal-parti sullokata tal-kuntratt hija unikament imsemmija fit-tabella ppreżentata fl-Anness A.5 tar-rikors. Issa, din it-tabella ġiet ippreparata mir-rikorrenti stess. Barra minn hekk, hija tindika biss l-ammont globali allegatament sullokat, mingħajr ma tidentifika d-diversi tagħmir affettwat u l-valur tagħhom.

124    Min-naħa l-oħra, il-proċess tal-Qorti Ġenerali ma jinkludix provi li jippermettu li jiġi ddeterminat il-marġni tal-profitt tar-rikorrenti u l-ammont tal-ispejjeż magħmula fil-kuntest tal-proġett ikkonċernat. Għalhekk, ir-rikorrenti ma ppreżentatx l-offerta prekuntrattwali tagħha, peress li l-anness tal-kuntratt jindika d-dettall tal-prezzijiet, tal-irċevuti tal-ispejjeż jew elementi oħra li jistgħu jsostnu allegazzjonijiet fir-rigward tad-dannu sostnut.

125    F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-ilment tar-rikorrent dwar il-proġett ta’ modernizzazzjoni tat-tagħmir elettriku tad-diga ta’ Al-Furat għandu jiġi miċħud bħala infondat.

–       Fuq il-kuntratt dwar il-kostruzzjoni tas-sub-stations elettriċi f’Kunduz u f’Baghlan (l-Afganistan)

126    Ir-rikorrenti ssostni li, minħabba l-waqfien tar-relazzjonijiet kummerċjali mill-fornituri Ewropej, hija ma kinitx f’pożizzjoni li tipprovdi parti mill-magni u mit-tagħmir neċessarju għall-kostruzzjoni tas-sub-stations elettriċi f’Kunduz u f’Baghalan. Hija ssostni li, bħala konsegwenza ta’ dan, hija sostniet dannu ta’ mill-inqas 10 % tal-valur tal-parti tal-proġett li hija kellha tissulloka, jiġifieri EUR 729 210.80.

127    Sabiex issostni l-allegazzjoni tagħha, ir-rikorrenti ppreżentat, fl-Anness A.34 tar-replika, il-kuntratt inkwistjoni, li jinkludi anness li jelenka l-magni u l-komponenti proposti, fosthom prodotti li joriġinaw mill-produtturi Ewropej.

128    Fir-risposta tagħha għad-domandi tal-Qorti Ġenerali ppreżentata fil-31 ta’ Jannar 2014, ir-rikorrenti, barra minn hekk, ippreċiżat li l-ittra ta’ Siemens li tikkonċerna l-annullament tal-ordni bir-referenza P06000/CO/3060, ippreżentata fl-Anness A.21 tar-replika, kienet tirrigwarda tagħmir intiż għall-kostruzzjoni ta’ sub-stations elettriċi f’Kunduz u f’Baghalan, kif ukoll ċerti proġetti li jinsabu fl-Iran.

129    Issa, l-ewwel nett, il-proċess tal-Qorti Ġenerali ma jinkludix elementi bħal ittri skambjati mal-awtoritajiet Afgani, intiżi sabiex juru li t-termini tal-kuntratt inkwistjoni kellhom jiġu emendati wara l-adozzjoni tal-miżuri restrittivi fil-konfront tar-rikorrenti, b’mod partikolari billi jsir rikors għal sullokazzjonijiet.

130    It-tieni nett, fl-assenza ta’ preċiżazzjonijiet f’dan ir-rigward, ma ġiex stabbilit li l-annullament tal-ordni bir-referenza P06000/CO/3060 minn Siemens saret b’konsegwenza tal-impossibbiltà għar-rikorrenti li teżegwixxi l-kuntratt inkwistjoni mingħajr ma tirrikorri għal sullokazzjoni.

131    It-tielet nett, ir-rikorrenti ma ppreċiżatx jekk id-dannu allegatament sostnut kienx magħmul minn nuqqas ta’ qligħ, minħabba spejjeż sostnuti fil-kuntest tal-proġett ikkonċernat jew minn dannu ieħor. Lanqas ma ppreżentat elementi li jistabbilixxu l-ammont tal-parti allegatament sullokata tal-kuntratt inkwistjoni u l-fatt li d-dannu sostnut kien jikkorrispondi għal 10 % ta’ dan l-ammont.

132    F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi miċħud l-ilment tar-rikorrenti dwar il-proġett ta’ kostruzzjoni tas-sub-stations elettriċi f’Kunduz u f’Baghlan bħala infondat.

–       Fuq l-elementi l-oħra ppreżentati mir-rikorrenti

133    Fl-ewwel lok, fl-Anness A.5 tar-rikors, ir-rikorrenti ppreżentat tabella li tirrappreżenta, fil-parti A, il-proġetti barranin tagħha li huma allegatament affettwati mill-miżuri restrittivi, fil-parti B, is-sejħiet għal offerti barranin li hija allegatament tilfet minħabba l-adozzjoni tagħhom u, fil-parti C, il-valur tat-tagħmir li hija xtrat jew kienet ser tixtri mingħand fornituri Ewropej u li allegatament ma setgħux jiġu kkunsinnati minħabba l-istess raġuni.

134    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat, l-ewwel nett, li l-proġetti li jinsabu taħt in-numri 1 sa 3 tal-parti A tat-tabella inkwistjoni huma dawk ikkonċernati mill-ilmenti eżaminati rispettivament fil-punti 102 sa 107 u 118 sa 132 iktar ’il fuq.

135    Sussegwentement, fir-rigward tal-proġett li jinsab taħt in-Nru 4 tal-parti A tat-tabella inkwistjoni u tal-erba’ sejħiet għal offerti li jinsabu fil-parti B tal-imsemmija tabella, għandu jiġi rrimarkat li din tal-aħħar ġiet ippreparata mir-rikorrenti stess, li ma hijiex sostnuta minn elementi oħra u li ma tinkludi l-ebda indikazzjoni ta’ natura li tistabbilixxi li d-dannu allegatament sostnut mir-rikorrenti huwa effettivament dovut għall-waqfien tar-relazzjonijiet kummerċjali mill-fornituri Ewropej.

136    Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-parti C tat-tabella inkwistjoni, diġà ġie rrilevat fil-punt 110 iktar ’il fuq li rifjut li jiġu pprovduti prodotti kien jikkawża danni biss jekk dan kien jeffettwa r-riżultati ekonomiċi tal-kumpannija kkonċernata. Issa, ir-rikorrenti sempliċement tindika l-valur totali tal-prodotti allegatament ikkonċernati, mingħajr ma tidentifikahom bl-ebda mod u mingħajr ma tippreċiża l-konsegwenzi dannużi konkreti tar-rifjut ta’ kunsinna tal-prodotti kkonċernati.

137    Għal dawn ir-raġunijiet, l-Anness A.5 tar-rikors ma jikkostitwixxix prova suffiċjenti li r-rikorrenti sostniet dannu minħabba l-adozzjoni ta’ miżuri restrittivi fil-konfront tagħha.

138    Fit-tieni lok, fl-Anness A.7 tar-rikors, ir-rikorrenti ppreżentat lista tal-fornituri barranin tagħha, li tinkludi numru importanti ta’ fornituri Ewropej. Madankollu, bħall-parti C tat-tabella ppreżentata fl-Anness A.5 tar-rikors, din il-lista ma tinkludix indikazzjonijiet dwar l-ordnijiet li effettivament saru għand il-kumpanniji inkwistjoni li ma ġewx ikkunsinnati, u lanqas ma tippreċiża l-konsegwenzi dannużi konkreti tar-rifjut tal-kunsinna, u għalhekk ma tikkostitwixxix prova suffiċjenti li r-rikorrenti sostniet dannu.

139    L-Anness A.7 tar-rikors lanqas ma jsostni l-allegazzjoni iktar ġenerali tar-rikorrenti li l-proġetti attwali u futuri tagħha huma bblokkati, peress li xejn fil-lista tal-fornituri barranin tagħha ma jippermetti li jiġi ddeterminat il-proporzjon tat-tagħmir mixtri mir-rikorrenti mingħand fornituri Ewropej, lanqas il-fatt li t-tagħmir inkwistjoni ma jistax jiġi sostitwit minn dak ta’ oriġini Ewropea.

140    Fit-tielet lok, l-ittra ta’ Siemens ippreżentata fl-Anness A.21 tar-replika ssemmi li l-ordni tar-rikorrenti bir-referenza P06000/CO/3060 ma setgħetx tiġi aċċettata minħabba l-adozzjoni tal-miżuri restrittivi fil-konfronti tagħha.

141    Kif diġà ġie rrilevat fil-punt 128 iktar ’il fuq, skont l-indikazzjonijiet tar-rikorrenti, l-ordni inkwistjoni kienet tikkonċerna tagħmir intiż għall-kostruzzjoni ta’ sub-stations elettriċi f’Kunduz u f’Baghlan kif ukoll ċerti proġetti li jinsabu fl-Iran.

142    Minn naħa, sa fejn huwa kkonċernat il-proġett ta’ kostruzzjoni ta’ sub-stations elettriċi f’Kunduz u f’Baghlan, huwa biżżejjed li jsir riferiment għall-punti 126 sa 132 iktar ’il fuq.

143    Min-naħa l-oħra, peress li l-ittra ta’ Siemens tikkonċerna proġetti Iranjani msemmija mir-rikorrenti u mhux eżaminati fil-punti 126 sa 132 iktar ’il fuq, hija ma tikkostitwixxix, fiha nfisha, prova suffiċjenti li r-rikorrenti sofriet dannu. Fil-fatt, sabiex tali prova tiġi pprovduta, huwa neċessarju li jiġu pprovduti, tal-inqas, provi dwar l-identità u l-kundizzjonijiet tal-proġetti inkwistjoni u l-impatt tal-annullament tal-ordni bir-referenza P06000/CO/3060 għat-twettiq tagħhom.

144    Fir-raba’ lok, ir-rikorrenti ppreżentat, fl-anness għall-osservazzjonijiet tagħha tal-20 ta’ Frar 2014, estratti mill-kontabbiltà tagħha għas-snin finanzjarji 2010/2011, 2011/2012 u 2012/2013 kif ukoll tabella ta’ rekapitulazzjoni. Dawn id-dokumenti juru, skont hi, in-nuqqas kbir fid-dħul mill-bejgħ tagħha u, għalhekk, dannu li hija sofriet minħabba l-adozzjoni u ż-żamma tal-miżuri restrittivi fil-konfronti tagħha.

145    F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li, għalkemm l-estratti tal-kontabbiltà tar-rikorrenti u t-tabella ta’ rekapitulazzjoni inkwistjoni jixhdu effettivament tnaqqis sinjifikattiv tad-dħul mill-bejgħ tagħha, dawn ma jistabbilixxux il-kawżi ta’ din l-evoluzzjoni. Konsegwentement, huwa impossibbli li jiġi ddeterminat jew, u skont il-każ, sa fejn l-imsemmi tnaqqis huwa dovut għall-adozzjoni u għaż-żamma tal-miżuri restrittivi fil-konfronti tar-rikorrenti milli pjuttost għal fatturi oħra bħall-evoluzzjoni ġenerali tal-klima ekonomika.

146    Dan huwa iktar u iktar il-każ peress li, kif jirriżulta mit-tabella ta’ rekapitulazzjoni inkwistjoni, il-parti l-kbira tat-tnaqqis ikkonċernat, f’termini assoluti, hija marbuta mal-proġetti li jinsabu fl-Iran. Min-naħa l-oħra, bl-eċċezzjoni tal-ittra ta’ Siemens ippreżentata fl-Anness A.21 tar-replika, eżaminata f’dan il-kuntest fil-punt 143 iktar ’il fuq, il-provi l-oħra speċifiċi ppreżentati mir-rikorrenti jikkonċernaw proġetti li jinsabu barra l-Iran. Konsegwentement, dawn l-aħħar provi ma jistgħux jikkompletaw utilment id-dokumenti l-oħra annessi għall-osservazzjonijiet tar-rikorrenti tal-20 ta’ Frar 2014 sabiex jinsiltu konklużjonijiet biżżejjed sodi fir-rigward tal-eżistenza u tal-grad tar-rabta kawżali bejn il-miżuri restrittivi fil-konfront tar-rikorrenti u t-tnaqqis tad-dħul mill-bejgħ tagħha.

147    Anki fl-ipoteżi li tali rabta kawżali tista’ tiġi dedotta, b’digriet suffiċjenti ta’ ċertezza, mill-eżistenza stess tal-miżuri restrittivi kkonċernati, li huma intiżi, mid-definizzjoni tagħhom, li jillimitaw l-eżerċizzju liberu tal-attività ekonomika tar-rikorrenti, xorta jibqa’ l-fatt li r-rikorrenti ma pproduċietx provi li jippermettu li tiġi evalwata l-portata tad-dannu sostnut. Fil-fatt, ir-rikorrenti ma pproduċietx provi li jippermettu, minn naħa, li jiġi evalwat il-proporzjon tat-tnaqqis tad-dħul mill-bejgħ tagħha attribwibbli għall-miżuri restrittivi fil-konfronti tagħha u, min-naħa l-oħra, li jiġi ddeterminat l-ammont tad-dannu effettivament sostnut minħabba tali tnaqqis. Issa, tali indikazzjonijiet huma iktar u iktar neċessarji, f’dan il-każ, peress li, skont id-dokumenti pprovduti, il-profitabbiltà tar-rikorrenti ma ġietx affettwata mill-imsemmija miżuri bl-istess mod bħad-dħul mill-bejgħ tagħha.

148    Fid-dawl ta’ dak li jippreċedi, l-ilment tar-rikorrenti marbut mal-waqfien tar-relazzjonijiet kummerċjali mill-fornituri Ewropej għandu jiġi miċħud, mingħajr ma huwa neċessarju li tiġi eżaminata l-ammissibbiltà tal-elementi ppreżentati fl-anness tal-osservazzjonijiet tar-rikorrenti fl-20 ta’ Frar 2014, ikkontestata mill-Kunsill.

149    Bħala konklużjoni, ir-rikorrenti għandha tingħata kumpens ta’ EUR 50 000 għad-dannu morali sostnut u t-talba tagħha għal dannu materjali għandha tiġi miċħuda.

 Fuq l-interessi

150    Fir-rigward tat-talba tar-rikorrenti dwar l-għoti ta’ interessi, għandu jingħad, minn naħa, li l-ammont tal-kumpens mogħti jieħu inkunsiderazzjoni d-dannu morali sostnut mir-rikorrenti sal-ġurnata tal-għoti ta’ din is-sentenza. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma hemmx lok li jingħataw interessi għall-perijodu ta’ qabel din il-ġurnata.

151    Min-naħa l-oħra, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-ammont tal-kumpens dovut jista’ jkun jinkludi interessi moratorji mid-data tas-sentenza li tikkonstata l-obbligu ta’ kumpens għad-danni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Dumortier et vs Il-Kunsill, EU:C:1979:223, punt 25, u tas-27 ta’ Jannar 2000, Mulder et vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, C‑104/89 u C‑37/90, Ġabra, EU:C:2000:38, punt 35; sentenza tas-26 ta’ Novembru 2008, Agraz et vs Il-Kummissjoni, T‑285/03, EU:T:2008:526, punt 55). Skont il-ġurisprudenza, ir-rata ta’ interessi li għandha tiġi applikata hija kkalkolata abbażi ta’ rata stabbilita mill-Bank Ċentrali Ewropew gћall-operazzjonijiet prinċipali ta’ finanzjament mill-ġdid, li kienet tapplika matul il-perijodu kkonċernat, miżjuda b’żewġ punti perċentwali (sentenzi tat-13 ta’ Lulju 2005, Camar vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, T‑260/97, Ġabra, EU:T:2005:283, punt 146, u Agraz et vs Il-Kummissjoni, EU:T:2008:526, punt 55).

152    F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkunsidrat li l-Kunsill għandu jħallas l‑interessi moratorji sa mill-għoti ta’ din is-sentenza sal-ħlas sħiħ tal‑imsemmi kumpens, skont ir-rata stabbilita mill-Bank Ċentrali Ewropew għall‑operazzjonijiet ewlenin ta’ rifinanzjament, applikabbli matul il‑perijodu kkonċernat, miżjud b’żewġ punti.

 Fuq l-ispejjeż

153    Trid tittieħed deċiżjoni dwar, minn naħa, l-ispejjeż tal-proċedura prinċipali u, min-naħa l-oħra, dwar dawk tal-proċedura għal miżuri provviżorji, li ġew riżervati fid-digriet tat-28 ta’ Settembru 2011, Safa Nicu Sepahan vs Il-Kunsill (T‑384/11 R, EU:T:2011:545).

154    F’dan ir-rigward, skont l-Artikolu 87(3) tar-Regoli tal-Proċedura, jekk il-partijiet ikunu telliefa rispettivament fuq kap jew iktar tat-talbiet tagħhom, il-Qorti Ġenerali tista’ tiddeċiedi li taqsam l-ispejjeż jew tiddeċiedi li kull parti tbati l-ispejjeż tagħha.

155    F’dan il-każ, il-Kunsill tilef it-talba għall-annullament tal-inklużjoni ta’ isem ir-rikorrenti u fuq parti mit-talba għal danni u interessi, filwaqt li r-rikorrenti tilfet, b’mod partikolari, fuq il-maġġoranza ta’ din l-aħħar talba. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kunsill għandu jbati l-ispejjeż tiegħu, kif ukoll nofs l-ispejjeż tar-rikorrenti, li għandha tbati n-nofs l-ieħor tal-ispejjeż tagħha.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      F’dak li jikkonċerna lil Safa Nicu Sepahan Co., huma annullati:

–        il-punt 19 tal-parti I(B), tal-Anness I tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 503/2011, tat-23 ta’ Mejju 2011, li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 961/2010 dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran;

–        il-punt 61 tal-parti I(B), tal-Anness IX tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 267/2012, tat-23 ta' Marzu 2012, dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 961/2010.

2)      Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea huwa kkundannat iħallas lil Safa Nicu Sepahan is-somma ta’ EUR 50 000 bħala kumpens għad-dannu immaterjali li din tal-aħħar sostniet.

3)      Il-kumpens li għandu jingħata lil Safa Nicu Sepahan għandu jiżdied bl-interessi moratorji, mill-ġurnata tal-għoti ta’ din is-sentenza sa meta jitħallas kompletament l-imsemmi kumpens, bir-rata stabbilita mill-Bank Ċentrali Ewropew għall-operazzjonijiet ewlenin ta’ rifinanzjament, biż-żieda ta’ żewġ punti.

4)      Ir-rikors huwa miċħud għall-bqija.

5)      Il-Kunsill għandu jbati l-ispejjeż tiegħu relatati mal-proċedura prinċipali u mal-proċeduri għal miżuri provviżorji, kif ukoll nofs l-ispejjeż ta’ Safa Nicu Sepahan relatati mal-istess proċeduri. Safa Nicu Sepahan għandha tbati nofs l-ispejjeż tagħha relatati mal-proċedura prinċipali u mal-proċeduri għal miżuri provviżorji.

Kanninen

Pelikánová

Buttigieg

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fil-25 ta’ Novembru 2014.

Firem

Werrej


Il-fatti li wasslu għall-kawża

Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

Id-dritt

1.  Fuq it-talba għall-annullament tal-inklużjoni ta’ isem ir-rikorrenti fuq il-listi inkwistjoni

2.  Fuq it-talba għall-annullament tal-inklużjoni ta’ isem “il-kumpanniji affiljati” tar-rikorrenti minn fuq il-lista inkwistjoni

3.  Fuq it-talba għad-danni

Fuq l-illegalità tal-aġir li huwa akkużat bih il-Kunsill

Fuq ir-realtà tad-dannu u l-eżistenza ta’ rabta kawżali

Fuq id-dannu morali

Fuq id-dannu materjali marbut mal-għeluq ta’ ċerti kontijiet bankarji tar-rikorrenti u s-sospensjoni tal-ħlasijiet tagħha f’euro mill-banek Ewropej

Fuq id-dannu materjali marbut mal-waqfien tar-relazzjonijiet kummerċjali mill-fornituri Ewropej tar-rikorrenti

–  Fuq il-kuntratt mal-Mobarakeh Steel Company

–  Fuq il-kuntratt għall-modernizzazzjoni tat-tagħmir elettriku tad-diga ta’ Al-Furat fis-Sirja

–  Fuq il-kuntratt dwar il-kostruzzjoni tas-sub-stations elettriċi f’Kunduz u f’Baghlan (l-Afganistan)

–  Fuq l-elementi l-oħra ppreżentati mir-rikorrenti

Fuq l-interessi

Fuq l-ispejjeż


* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.