Language of document :

Edizzjoni Provviżorja

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

MEDINA

ippreżentati fis‑6 ta’ Ġunju 2024 (1)

Kawża C158/23 [Keren] (i)

T.G.

vs

Minister van Sociale Zaken en Werkgelegenheid

(Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mir-Raad van State (il‑Kunsill tal-Istat, il-Pajjiżi l-Baxxi))

(Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Politika tal-ażil – Direttiva 2011/95/UE – Benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali – Refuġjati – Artikolu 34 – Aċċess għal faċilitajiet ta’ integrazzjoni – Obbligu li jiġi żgurat aċċess għal programmi ta’ integrazzjoni – Konvenzjoni ta’ Genève – Artikolu 34 – Leġiżlazzjoni nazzjonali li timponi obbligu ta’ integrazzjoni ċivika fuq ir-refuġjati – Obbligu ta’ attendenza għal korsijiet u li jiġu sostnuti l-ispejjeż tagħhom – Possibbiltà ta’ applikazzjoni għal self sabiex jiġu ffinanzjati dawn l-ispejjeż – Obbligu li wieħed jgħaddi minn eżami fi żmien tliet snin – Nuqqas ta’ tlestija ta’programm ta’ integrazzjoni fil-perijodu stipulat – Obbligu ta’ ħlas ta’ multa – Obbligu ta’ ħlas lura tas‑self)






1.        L-integrazzjoni tar-refuġjati hija proċess importanti u kumpless li jeħtieġ sforzi mill-partijiet kollha kkonċernati, jiġifieri, ir-refuġjati stess u s-soċjetà tal-Istat ospitanti. Il-proċess ta’ integrazzjoni jinkludi aspetti legali, ekonomiċi, soċjali u kulturali. Għalhekk, huwa naturali li strumenti internazzjonali, bħall-Konvenzjoni ta’ Genève (2), jimponu obbligu legali fuq l-Istati kontraenti sabiex jiffaċilitaw l-“assimilazzjoni u n-naturalizzazzjoni” tar-refuġjati (3). Dan l-obbligu ġie traspost fid-dritt tal-Unjoni permezz tal-Artikolu 34 tad-Direttiva dwar il-kwalifika (4), li jipprevedi obbligu għall-Istati Membri li “għandhom jiżguraw aċċess għal programmi ta’ integrazzjoni [...], jew joħolqu kundizzjonijiet minn qabel li jiggarantixxu aċċess għal dawn il-programmi”.

2.        Din it-talba għal deċiżjoni preliminari saret f’kawża bejn T.G. u l-Minister van Sociale Zaken en Werkgelegenheid (il-Ministru għall-Affarijiet Soċjali u l-Impjieg, il-Pajjiżi l-Baxxi; iktar ’il quddiem il-“Ministru”). Il‑kawża tirrigwarda d-deċiżjoni tal-Ministru, fl-ewwel lok, li jimponi multa ta’ EUR 500 fuq T.G., li huwa refuġjat, għaliex ma għaddiex minn eżami ta’ integrazzjoni ċivika fit-terminu stipulat, u fit-tieni lok, li jordna lil T.G. iħallas lura self ta’ EUR 10 000 li kien ingħatalu mill-awtoritajiet tal‑Pajjiżi l-Baxxi sabiex jiffinanzja l-ispejjeż ta’ programmi ta’ integrazzjoni ċivika. Din id-deċiżjoni ttieħdet għaliex T.G. ma ssodisfax l-obbligu ta’ integrazzjoni ċivika tiegħu fil-perijodu preskritt.

3.        F’dan l-isfond, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk u sa fejn Stati Membri jistgħu jimponu fuq benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali (“refuġjati”) (5), taħt id-Direttiva dwar il-kwalifika, obbligu, taħt piena ta’ multa, li jgħaddu minn eżami ta’ integrazzjoni ċivika fi żmien stipulat u li jħallsu l-ispejjeż ta’ dak l-eżami u tal-korsijiet ta’ preparazzjoni relatati. Fattur speċifiku ta’ din il-kawża huwa li programmi ta’ integrazzjoni ċivika nazzjonali huma, fil-kuntest ta’ kompetenzi kondiviżi bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri, kemm dritt għal refuġjat taħt id-dritt tal-Unjoni u obbligu għal refuġjat bis-saħħa tal-leġiżlazzjoni nazzjonali.

I.      Ilqafas legali

A.      Iddritt talUnjoni

4.        Il-premessi 3, 4, 12, 13, 15, 16, 40, 41 u 47 tad-Direttiva dwar il-kwalifika huma rilevanti għal dan il-każ.

5.        L-Artikolu 34 tad-Direttiva dwar il-kwalifika, intitolat “Aċċess għal faċilitajiet ta’ integrazzjoni”, jipprovdi:

“Sabiex tiġi faċilitata l-integrazzjoni ta’ benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali fis-soċjetà, l-Istati Membri għandhom jiżguraw aċċess għal programmi ta’ integrazzjoni li jqisu li huma xierqa sabiex jiġu kkunsidrati l-bżonnijiet speċifiċi tal-benefiċjarji tal-istatus ta’ refuġjat jew tal-istatus ta’ protezzjoni sussidjarja, jew joħolqu kundizzjonijiet minn qabel li jiggarantixxu aċċess għal dawn il-programmi.”

B.      Iddritt talPajjiżi lBaxxi

6.        L-Artikolu 34 tad-Direttiva dwar il-kwalifika ġie traspost fil-Liġi tal-Pajjiżi l-Baxxi permezz tal-Wet inburgering (il-Liġi dwar l-Integrazzjoni Ċivika), li għandha l-għan li tinkoraġġixxi lil ċittadini barranin jieħdu responsabbiltà għall-integrazzjoni tagħhom stess. Taħt l-Artikolu 3 ta’ din il-liġi, fil-verżjoni applikabbli fil-mument tal-fatti inkwistjoni fil-kawża prinċipali, refuġjati huma suġġetti għall-obbligu ta’ integrazzjoni ċivika bl-istess mod bħal detenturi ta’ ċerti permessi ta’ residenza oħra, bħal residenti għat-tul. Bħala regola, kull persuna suġġetta għall-obbligu ta’ integrazzjoni ċivika għandha tgħaddi mill‑partijiet kollha tal-eżami ta’ integrazzjoni ċivika f’perijodu ta’ tliet snin (iktar ’il quddiem il-“perijodu ta’ integrazzjoni ċivika”).

7.        Il-qorti tar-rinviju tiddikjara li, skont l-Artikolu 7b tal-Liġi dwar l-Integrazzjoni Ċivika, il-Ministru għandu jestendi dan il-perijodu għal integrazzjoni ċivika f’każijiet fejn il-persuna suġġetta għall-obbligu ta’ integrazzjoni ċivika ma jkollhiex tort li tkun eċċediet dan il-perijodu jew meta tali persuna tkun qiegħda tattendi kors ta’ litteriżmu. Il-Ministru jista’ jestendi l-perijodu ta’ integrazzjoni ċivika f’każijiet fejn il-persuna suġġetta għall-obbligu ta’ integrazzjoni ċivika tkun għamlet sforzi evidenti sabiex tintegra. F’ċerti każijiet, il-Ministru jista’ jeżenta lill-persuna kkonċernata minn dan l-obbligu.

8.        Il-qorti tar-rinviju tkompli li, bħala regola, l-ispejjeż ta’ programmi ta’ integrazzjoni nazzjonali għandhom ikunu sostnuti mill‑persuni suġġetti għall-obbligu ta’ integrazzjoni ċivika, li jistgħu japplikaw għal self sa EUR 10 000 għal dan il-għan. Is-self jista’ jintuża għal korsijiet ta’ integrazzjoni ċivika, eżamijiet ta’ integrazzjoni ċivili u/jew korsijiet ta’ litteriżmu. Ir-refuġjati ma humiex mitluba jħallsu lura s-self jekk jgħaddu mill-partijiet kollha tal-eżami ta’ integrazzjoni ċivika fil-perijodu ta’ integrazzjoni ċivika jew jekk huma eżentati jew meħlusa mill-obbligu ta’ integrazzjoni ċivika matul dan il-perijodu. Jekk ma jissodisfawx l-obbligu ta’ integrazzjoni ċivika tagħhom jew jissodisfawh tard, huma għandhom, bħala regola, iħallsu lura s-self kollu.

9.        L-Artikolu 4.16a tar-Regeling inburgering (ir-Regoli dwar l-Integrazzjoni Ċivika) daħal fis‑seħħ fl‑1 ta’ Jannar 2022. Taħt din id-dispożizzjoni, li tapplika għal persuni fil-proċess li jħallsu lura s-self tagħhom f’dik id-data, is-self kollu jew parti minnu jista’ jinħafer. Bħala regola, il-Ministru jaħfer biss parti mid-dejn jekk il-persuna suġġetta għall-obbligu ta’ integrazzjoni ċivika tissodisfa dak l-obbligu fi żmien sitt xhur mill-iskadenza tat-terminu jew jekk tiġi eżentata minn dak l-obbligu f’dak il-perijodu. F’każijiet eċċezzjonali, il-Ministru jista’ wkoll jikkanċella parti mid-dejn jekk il‑persuna suġġetta għall-obbligu ta’ integrazzjoni ċivika ma tkunx issodisfat l-obbligu ta’ integrazzjoni ċivika fi żmien sitt xhur, jew jista’ jikkanċella d-dejn kompletament.

10.      Il-perijodu għall-ħlas lura tas-self ma jistax jeċċedi 10 snin, b’teħid inkunsiderazzjoni tal-kapaċità tad-debitur li jħallas. F’każ li ma jkunx jista’ jħallas, il-Ministru jista’ jistabbilixxi l-ammont li għandu jitħallas bħala EUR 0 fix-xahar. Kwalunkwe bilanċ li jibqa’ wara 10 snin għandu jinħafer, bl-eċċezzjoni ta’ pagamenti skaduti.

11.      L-Artikolu 31(1) tal-Liġi dwar l-Integrazzjoni Ċivika jistipula li l‑Ministru għandu jimponi multa amministrattiva fuq kull persuna suġġetta għall-obbligu ta’ integrazzjoni ċivika li ma tkunx għaddiet minn ċerti partijiet tal-eżami ta’ integrazzjoni ċivika fil-perijodu ta’ tliet snin jew fil-perijodu estiż.

12.      L-Artikolu 32 ta’ dik il-liġi jistipula:

“Fid-deċiżjoni li timponi l-multa msemmija fl-Artikolu 31(1), il-Ministru għandu jistipula perijodu massimu ġdid ta’ sentejn li fih il-persuna suġġetta għall-obbligu ta’ integrazzjoni ċivika għandha, wara n-notifika tad-deċiżjoni li timponi l-multa, finalment tgħaddi mill-partijiet tal-eżami ta’ integrazzjoni ċivika msemmija fl-Artikolu 7(2)(b) u (c).”

13.      Taħt l-Artikolu 33 ta’ din il-liġi:

“1.      Il-Ministru għandu jimponi multa amministrattiva fuq persuna suġġetta għall-obbligu ta’ integrazzjoni ċivika li ma għaddietx mill‑partijiet tal-eżami ta’ integrazzjoni ċivika msemmija fl‑Artikolu 7(2)(b) u (c) fit-terminu stipulat fl-Artikolu 32. L-Artikolu 32 għandu japplika mutatis mutandis.

2.      Jekk il-persuna suġġetta għall-obbligu ta’ integrazzjoni ċivika, wara l-iskadenza tal-perijodu stipulat fl-Artikolu 32, ma tgħaddix mill‑partijiet tal-eżami ta’ integrazzjoni ċivika msemmija fl‑Artikolu 7(2)(b) u (c), il-Ministru għandu jimponi multa amministrattiva fuq dik il-persuna kull sentejn.”

14.      L-Artikolu 1(1) tal-Beleidsregel boetevaststelling inburgering (il-Linji Gwida għad-Determinazzjoni tal-Multi fil-kuntest tal-Integrazzjoni Ċivika), fil-verżjoni applikabbli fil-mument tal-fatti inkwistjoni fil‑kawża prinċipali, jistipula l-kriterji li għandhom jiġu kkunsidrati sabiex jiġi stabbilit l-ammont tal-multa. Dawk il-kriterji jinkludu n‑numru ta’ sigħat ta’ attendenza mill-persuna suġġetta għall-obbligu ta’ integrazzjoni ċivika f’kors ta’ integrazzjoni ċivika jew kors tal-Olandiż bħala t-tieni lingwa, in-numru ta’ drabi li l-persuna kkonċernata għamlet partijiet tal-eżami ta’ integrazzjoni ċivika jew l-eżami tal-Istat tal-Olandiż bħala t-tieni lingwa, u n-numru tal-partijiet ta’ dawk l-eżamijiet li l‑persuna tkun għaddiet minnhom. L-Artikolu 1(2) tal-Linji Gwida jipprevedi li l-ammont tal-multa huwa stabbilit abbażi tat-tabella ta’ multi, li tinsab fl-anness ma’ dawn il-linji gwida.

15.      L-Anness mal-Artikolu 1(2) jinkludi tabella li tistipula kif il-multa hija stabbilita bħala EUR 1 250 għal 0 sa 149 sigħat ta’ parteċipazzjoni f’lezzjonijiet, EUR 875 għal 150 sa 299 sigħat ta’ parteċipazzjoni u EUR 500 għal 300 siegħa jew iktar ta’ parteċipazzjoni. Barra minn hekk, tista’ tingħata estensjoni għall-perijodu ta’ integrazzjoni ċivika, f’liema każ ma tiġi imposta l-ebda multa. L-ammont tal-multa jista’ jitnaqqas b’20 % jekk wieħed jgħaddi minn parti waħda tal-eżami, b’40 % jekk wieħed jgħaddi minn żewġ partijiet, b’60 % jekk wieħed jgħaddi minn tliet partijiet u b’80 % jekk wieħed jgħaddi minn erba’ partijiet jew iktar.

II.    Ilkwistjoni filkawża prinċipali u ddomandi preliminari magħmula

16.      T.G., ċittadin tal-Eritrea, wasal fil-Pajjiżi l-Baxxi fl-età ta’ 17-il sena. Sussegwentament akkwista permess ta’ residenza temporanja maħruġ lil persuni li jingħataw ażil, biex b’hekk irċieva protezzjoni internazzjonali fil-Pajjiżi l-Baxxi.

17.      Fit‑8 ta’ Jannar 2016, meta T.G. kellu 18-il sena, il-Ministru informah li, b’effett mill‑1 ta’ Frar 2016, kien ser ikun suġġett għall-obbligu ta’ integrazzjoni ċivika taħt il-Liġi dwar l-Integrazzjoni Ċivika. Dan kien ifisser, bħala regola, li kellu jgħaddi mill-partijiet kollha tal-eżami ta’ integrazzjoni ċivika f’perijodu ta’ tliet snin. Il-Ministru estenda dan il-perijodu sal‑1 ta’ Frar 2020 minħabba li T.G. kien residenti f’ċentru ta’ akkomodazzjoni għal perijodu sinjifikattivament twil u kien ingħata taħriġ.

18.      Peress li T.G. ma ssodisfax l-obbligu ta’ integrazzjoni ċivika tiegħu fil-perijodu preskritt, il-Ministru imponilu multa ta’ EUR 500 u ordna l-ħlas lura kollu tas-self ta’ EUR 10 000 li kien ħa mid-Dienst Uitvoering Onderwijs (l‑Aġenzija Eżekuttiva tal-Edukazzjoni, il-Pajjiżi l-Baxxi).

19.      T.G. ressaq oġġezzjoni kontra din id-deċiżjoni, li ġiet iddikjarata infondata mill-Ministru fil‑25 ta’ Frar 2021. Fl‑4 ta’ Novembru 2021, ir‑rechtbank Amsterdam (il-Qorti Distrettwali, Amsterdam, il-Pajjiżi l-Baxxi) qieset il-kawża ppreżentata minn T.G. kontra d-deċiżjoni tal‑25 ta’ Frar 2021 bħala infondata. Dik il-qorti qieset li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma tiksirx l-Artikolu 34 tad‑Direttiva dwar il-kwalifika, peress li tistabbilixxi skema li toffri possibilitajiet għal estensjonijiet u eżenzjonijiet. Hija tippermetti wkoll li kwalunkwe self mogħti jitħallas lura abbażi tal-kapaċità finanzjarja tal‑individwu. Dik il-qorti qieset li ma kienx hemm ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, peress li l-Ministru indirizza u qies ċ-ċirkustanzi kollha b’mod raġonevoli. Skont ir-rechtbank Amsterdam (il-Qorti Distrettwali, Amsterdam), il-Ministru qies b’mod suffiċjenti s‑sitwazzjoni personali tar-rikorrent fil-kawża prinċipali billi estenda l‑perijodu ta’ integrazzjoni ċivika minn tlieta għal erba’ snin u billi naqqas l-ammont tal-multa. Din il-qorti ma qisitx il-multa bħala eċċessivament għolja b’riferiment għas-sentenza mogħtija fil-kawża P u S (6). Skont din il-qorti, il-Ministru ma kellux jaħfer il-multa jew l-obbligu li jitħallas lura s-self.

20.      Fit‑2 ta’ Diċembru 2021, jiġifieri, sena u 10 xhur wara l-iskadenza tal-perijodu ta’ integrazzjoni ċivika, T.G. kien eżentat mir-rekwiżit ta’ integrazzjoni ċivika għaliex, skont il-Ministru, sa dak iż-żmien, kien għamel biżżejjed sforzi biex jispiċċa l-kors ta’ integrazzjoni ċivika. Dik l-eżenzjoni kienet mingħajr preġudizzju għall-obbligu ta’ T.G. li jħallas il-multa u jħallas lura s-self.

21.      T.G. appella quddiem ir-Raad van State (il-Kunsill tal-Istat, il‑Pajjiżi l-Baxxi), li hija l-qorti tar-rinviju, mis-sentenza tal‑4 ta’ Novembru 2021.

22.      Il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-Artikolu 34 tad-Direttiva dwar il‑kwalifika jipprekludix l-impożizzjoni ta’ obbligu ta’ integrazzjoni ċivika fuq benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali – li jinkludi l‑obbligu li wieħed jgħaddi, taħt piena ta’ multa, minn eżami, bħala prinċipju fi żmien tliet snin – u jipprekludix li l-ispejjeż ta’ programmi ta’ integrazzjoni jiġu sostnuti mill-persuni suġġetti għal dan l-obbligu.

23.      Fir-rigward, l-ewwel nett, tal-obbligu ta’ integrazzjoni ċivika, il‑qorti tar-rinviju għandha dubji dwar jekk is-sentenza P u S (7) hijiex applikabbli għal dan il-każ, peress li din is-sentenza tirrigwarda l‑Artikolu 5(2) tad‑Direttiva tal-Kunsill 2003/109/KE tal‑25 ta’ Novembru 2003 dwar l‑istatus ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu residenti għat-tul (8), li tistipula li Stati Membri jistgħu jimponu obbligu ta’ integrazzjoni, filwaqt li tali possibilità ma hijiex disponibbli taħt id-Direttiva dwar il-kwalifika.

24.      It-tieni nett, f’każ li obbligu ta’ integrazzjoni ċivika jista’ jiġi impost taħt id-dritt tal-Unjoni, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk dritt pożittiv idderivat mid-dritt tal-Unjoni ta’ aċċess għal programmi ta’ integrazzjoni jistax finalment, taħt leġiżlazzjoni nazzjonali, iwassal għal prattika pprojbita, li tista’ tkun ippenalizzata jekk dan id-dritt ma jiġix eżerċitat.

25.      It-tielet nett, fir-rigward tal-ispejjeż ta’ programmi ta’ integrazzjoni, il-qorti tar-rinviju hija tal-opinjoni li r-rekwiżit li refuġjati jħallsu l-ispejjeż kollha jikser l-Artikolu 34 tad-Direttiva dwar il‑kwalifika. F’dan ir-rigward, l-Artikolu 34 ta’ dik id-direttiva jitlob li l‑Istati Membri għandhom jiżguraw aċċess għal programmi ta’ integrazzjoni għar-refuġjati kollha. Il-qorti tar-rinviju tkompli li l-fatt li l-persuni kkonċernati jistgħu jidħlu f’arranġament ta’ ħlas ma jidhirx li huwa rilevanti, peress li l-obbligu biex jitħallas lura dejn sostanzjali jibqa’ għal perijodu ta’ 10 snin, u dan jista’ jtellef l-integrazzjoni effettiva fl-Istat Membru ospitanti.

26.      Ir-raba’ nett, tqum il-kwistjoni dwar jekk il-livell tal-multi u tas‑self jimminax it-twettiq tal-għan u l-effettività tal-Artikolu 34 tad-Direttiva dwar il-kwalifika. F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tispjega li l-awtoritajiet nazzjonali huma mitluba jnaqqsu l-multa jekk dan huwa meħtieġ sabiex tiġi żgurata l-proporzjonalità tagħha. Madankollu, is-self, flimkien mal-multa, jistgħu jiġu meqjusa bħala li jmorru lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħaq l-għan ta’ din id-dispożizzjoni, jiġifieri li tiġi ffaċilitata l-integrazzjoni. Ċerti arranġamenti ta’ ħlas lura jistgħu jimmitigaw l-effetti ta’ dawn il-penalitajiet finanzjarji. Madankollu, fil-kawża prinċipali, T.G. jallega li l-miżura inkwistjoni tista’ sservi bħala diżinċentiv għax-xogħol, li timmina l‑integrazzjoni tiegħu.

27.      F’dawn iċ-ċirkustanzi r-Raad van State (il-Kunsill tal-Istat, il-Pajjiżi l-Baxxi) iddeċieda li jissospendi l-proċeduri u li jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja s-segwenti domandi preliminari:

“(1)      L-Artikolu 34 tad-Direttiva [dwar il-kwalifika] għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik prevista fl-Artikolu 7b tal-Wet inburgering (il-Liġi dwar l-Integrazzjoni Ċivika), li abbażi tagħha [refuġjati] għandhom l-obbligu li jgħaddu minn eżami ta’ integrazzjoni ċivika, u jekk ma jagħmlux dan jeħlu multa?

(2)      L-Artikolu 34 tad-Direttiva dwar il-Kwalifika għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li għandha bħala prinċipju li [refuġjati] isostnu huma stess l-ispejjeż kollha tal-programmi ta’ integrazzjoni?

(3)      Il-fatt li [refuġjati] jisgħu jiksbu self mingħand l-awtoritajiet pubbliċi sabiex iħallsu l-ispejjeż tal-programmi ta’ integrazzjoni u li d‑dejn tagħhom għal dan is-self jinħafer fil-każ li huma jgħaddu, fi żmien xieraq, mill-eżami tagħhom ta’ integrazzjoni ċivika jew fil-każ ta’ eżenzjoni jew rilaxx, fi żmien xieraq, mill-obbligu ta’ integrazzjoni ċivika, huwa rilevanti għar-risposta għat-tieni domanda?

(4)      Jekk l-Artikolu 34 tad-Direttiva dwar il-Kwalifika jippermetti li [refuġjati jiġu suġġetti għal] obbligu li jgħaddu minn eżami ta’ integrazzjoni ċivika, u jekk ma jagħmlux dan jeħlu multa, u jippermetti li huma jkollhom isostnu l-ispejjeż kollha tal-programmi ta’ integrazzjoni, l‑ammont tas-self li għandu jiġi rrimborsat, flimkien jew le mal-multa, jippreġudika t-twettiq tal-għan u tal-effett utli tal-Artikolu 34 tad‑Direttiva dwar il-Kwalifika?”

28.      T.G., il-Gvern Olandiż u l-Kummissjoni Ewropea ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub. Is-sottomissjonijiet orali tal-partijiet instemgħu fis-seduta tal‑20 ta’ Frar 2024.

III. Evalwazzjoni

29.      Din it-talba għal deċiżjoni preliminari tqajjem il-kwistjoni dwar sa fejn Stati Membri jistgħu, taħt id-Direttiva dwar il-kwalifika, jimponu fuq refuġjati, fl-ewwel lok, obbligu li jgħaddu minn eżami ta’ integrazzjoni ċivika, taħt piena ta’ multa, u, fit-tieni lok, obbligu li jsostnu l-ispejjeż kollha jew parzjalment ta’ korsijiet ta’ integrazzjoni ċivika u l‑eżami relatat.

30.      Preliminarjament, nosserva li l-Liġi tal-Pajjiżi l-Baxxi tinkludi erba’ tipi distinti ta’ obbligi, jiġifieri, l-ewwel nett, l-obbligu ta’ parteċipazzjoni f’korsijiet ta’ integrazzjoni ċivika, it-tieni nett, l-obbligu li jiġu sostnuti l‑ispejjeż ta’ dawn il-korsijiet (li għalihom jista’ jingħata self), it-tielet nett, l-obbligu li wieħed jagħmel u jgħaddi minn eżami ta’ integrazzjoni ċivika (u l-ħlas tal-miżati tagħhom), u r-raba’ nett, l-obbligi finanzjarji li jirriżultaw f’każ li wieħed ma jgħaddix minn dak l-eżami, jiġifieri l-ħlas ta’ multa u l-ħlas lura tas-self.

31.      Peress li l-obbligu ta’ attendenza għal korsijiet ta’ integrazzjoni ċivika jġib miegħu l-obbligu li jiġu sostnuti l-ispejjeż tagħhom, dawn iż-żewġ obbligi jimxu flimkien u għandhom jiġu analizzati flimkien. Kronoloġikament, dawn iż-żewġ obbligi jiġu qabel l-obbligu li wieħed jagħmel u jgħaddi minn eżami ta’ integrazzjoni u l-obbligi finanzjarji li jirriżultaw jekk wieħed ma jgħaddix minn dan l-eżami. Għalhekk, f’dawn il-konklużjonijiet, ser neżamina jekk dawn l-obbligi humiex konformi mal-Artikolu 34 tad‑Direttiva dwar il-kwalifika mhux fl-ordni indikata mill-qorti tar‑rinviju, iżda fl-ordni kronoloġiku tagħhom. Barra minn hekk, permezz tar-raba’ domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju titlob lill-Qorti tal‑Ġustizzja, essenzjalment, sabiex teżamina jekk l-obbligi hawn fuq imsemmija jimminawx l-effettività (effett utili) ta’ dik id-direttiva. Ser nindirizza din il-kwistjoni flimkien mad-domandi l-oħra.

32.      F’dan l-isfond, ser nibda billi neżamina l-obbligu ta’ attendenza għal korsijiet ta’ integrazzjoni ċivika u li jiġu sostnuti l-ispejjeż tagħhom, li huwa s-suġġett tat-tieni u tat-tielet domandi, u tal-ewwel parti tar-raba’ domanda (Taqsima A). Sussegwentament, ser neżamina l-obbligu li wieħed jagħmel u jgħaddi mill-eżami ta’ integrazzjoni ċivika u l-obbligi finanzjarji li jirriżultaw f’każ li ma wieħed ma jgħaddix minn dan l-eżami, li huma s-suġġett tal-ewwel domanda u tat-tieni parti tar-raba’ domanda (Taqsima B).

A.      Lobbligu ta’ attendenza għal korsijiet ta’ integrazzjoni ċivika u lobbligu li jiġu sostnuti lispejjeż tagħhom

33.      Permezz tat-tieni u tat-tielet domanda, u tal-ewwel parti tar-raba’ domanda, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 34 tad-Direttiva dwar il-kwalifika għandux jiġi interpretat bħala li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tirrikjedi li refuġjati jsostnu l-ispejjeż kollha tal-korsijiet ta’ integrazzjoni ċivika, u jekk huwiex rilevanti li refuġjati jistgħu jirċievu self pubbliku sabiex jiffinanzjaw l‑ispejjeż ta’ dawk il-korsijiet u li s-self jinħafer jekk jgħaddu mill-eżami ta’ integrazzjoni ċivika jew jekk ikunu ġew eżentati mir-rekwiżit ta’ integrazzjoni ċivika fil-ħin.

34.      Qabel nirrispondi dawn id-domandi, inqis li huwa neċessarju li nagħmel xi rimarki preliminari fir-rigward tal-kunċetti ta’ integrazzjoni, ta’ korsijiet ta’ integrazzjoni ċivika u ta’ eżamijiet ta’ integrazzjoni. Sussegwentament, peress li l-obbligu ta’ parteċipazzjoni f’dawn il-korsijiet jinkludi l-obbligu tal-ħlas għalihom, ser nanalizza l-kompatibbiltà tal-ewwel obbligu mal-Artikolu 34 tad-Direttiva dwar il-kwalifika. Ikun biss wara li ser indur biex neżamina t-tieni obbligu.

1.      Rimarki preliminari firrigward talkorsijiet ta’ integrazzjoni ċivika u leżamijiet tarrefuġjati

35.      Qabelxejn, l-ewwel nett, għandi nirrimarka li, kif spjegat mill‑qorti tar-rinviju, la l-għoti u lanqas iż-żamma tal-istatus ta’ refuġjat ma jiddependu fuq ir-regoli nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

36.      It-tieni nett, mill-ispjegazzjonijiet tal-qorti tar-rinviju nifhem li, taħt il-leġiżlazzjoni tal-Pajjiżi l-Baxxi, il-persuni suġġetti għall-obbligu ta’ integrazzjoni ċivika għandhom, f’perijodu ta’ tliet snin — li, madankollu, jista’ jiġi estiż — jgħaddu minn eżami li jikkonsisti f’diversi testijiet, inkluż ħiliet orali u bil-miktub fil-lingwa Olandiża, tal-inqas f’livell A2, u dwar għarfien tas-soċjetà tal-Pajjiżi l-Baxxi (9). Il-korsijiet jidher li huma marbuta ma’ dan l-eżami, li jinkludu għalhekk il-korsijiet tal-lingwa u tal-għarfien tas-soċjetà tal-Pajjiżi l-Baxxi (10). Għalhekk, għall-finijiet tal-analiżi f’dawn il-konklużjonijiet, it-terminu “korsijiet ta’ integrazzjoni ċivika” jirreferi għal korsijiet relatati mal-għarfien tal‑lingwa u tas-soċjetà tal-Istat ospitanti (l-element “ċiviku” ta’ dik l‑espressjoni), u l-istess japplika għall-“eżami ta’ integrazzjoni ċivika”, li jinkludi eżami dwar l-għarfien tal-lingwa u tas-soċjetà tal-Istat ospitanti (11).

37.      It-tielet nett, għall-finijiet ta’ dawn il-konklużjonijiet, huwa importanti li ssir distinzjoni bejn il-kunċett ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz u dak ta’ refuġjat, b’dan tal-aħħar biss jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal‑Konvenzjoni ta’ Genève u tad-Direttiva dwar il-kwalifika (12).  “[F]ejn ir-refuġjati huma inklużi fil-kategorija usa’ ta’ ‘migranti’, il-kontroll tal‑movimenti tagħhom probabbilment jieħu preċedenza fuq il‑protezzjoni tagħhom. Hekk kif il-linja bejn ‘migrant’ u ‘refuġjat’ tiċċajpar, l-istess jiġri fil-każ tad-distinzjoni bejn il-kontroll tal‑migrazzjoni u l-protezzjoni tar-refuġjati” (13).

38.      F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja, fil-punt 48 tas-sentenza P u S (14) iddikjarat li obbligu li persuna tgħaddi minn eżami ta’ integrazzjoni ċivika jippermetti li jiġi żgurat l-akkwist miċ-ċittadini ta’ pajjiż terz ikkonċernati ta’ għarfien li jirriżulta, mingħajr kontestazzjoni, utli sabiex jiġu stabbiliti rabtiet mal-Istat Membru ospitanti u li tali obbligu, flimkien ma’ multa, jista’ jikkontribwixxi sabiex jintlaħqu l-għanijiet tad‑Direttiva 2003/109. Madankollu, peress li l-Artikolu 5(2) ta’ dik id‑Direttiva jipprevedi li Stati Membri jistgħu jimponu obbligu ta’ integrazzjoni, filwaqt li tali possibilità ma hijiex disponibbli taħt id‑Direttiva dwar il-kwalifika, dik is-sentenza ma hijiex applikabbli mutatis mutandis għal din il-kawża.

39.      F’dan il-każ, peress li T.G. ingħata l-istatus ta’ refuġjat, dawn il‑konklużjonijiet jirrigwardaw biss id-drittijiet mogħtija lir-refuġjati. F’dan l-isfond, il-kwistjoni ewlenija hija jekk Stati Membri, li għandhom obbligu pożittiv li jiffaċilitaw l-integrazzjoni tar-refuġjati, jistgħux jimponu obbligi fuq ir-refuġjati fir-rigward ta’ miżuri ta’ integrazzjoni u, jekk iva, liema miżuri.

2.      Obbligu ta’ attendenza għal korsijiet ta’ integrazzjoni ċivika

40.      Mid-digriet tar-rinviju għal deċiżjoni preliminari jidher li l-iskema ta’ integrazzjoni ċivika tal-Pajjiżi l-Baxxi hija meqjusa, sa fejn tipprovdi obbligu għall-Istati Membri li jagħtu aċċess għal programmi ta’ integrazzjoni u dritt korollarju għar-refuġjati li jiksbu aċċess għal tali programmi, bħala miżura li tittrasponi l-Artikolu 34 tad-Direttiva dwar il-kwalifika (15). Għalhekk għandha tiġi eżaminata n-natura legali ta’ dik il-miżura u r-rekwiżiti tal-Artikolu 34 tad-Direttiva dwar il-kwalifika sabiex jiġi stabbilit jekk Stati Membri jistgħux jimponu obbligu fuq refuġjati sabiex jattendu korsijiet ta’ integrazzjoni ċivika.

a)      Stati Membri għandhom diskrezzjoni dwar jekk parteċipazzjoni fi programmi ta’ integrazzjoni tkunx mandatorja jew le

41.      Qabelxejn għandu jiġi nnotat li, fil-qasam ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja, l-Unjoni u l-Istati Membri għandhom kompetenzi kondiviżi, skont l-Artikolu 4(2)(j) TFUE (16). Skont l-Artikolu 2(2) TFUE, meta t‑Trattati jagħtu lill-Unjoni kompetenza kondiviża mal-Istati Membri f’qasam speċifiku, l-Istati Membri jistgħu jeżerċitaw il-kompetenzi tagħhom sa fejn l-Unjoni ma tkunx eżerċitat il-kompetenza tagħha (17). Fir‑rigward tal-programmi ta’ integrazzjoni, il-leġiżlatur tal-Unjoni adotta l-Artikolu 34 tad-Direttiva dwar il-kwalifika, li jimponi obbligu fuq l-Istati Membri li jiżguraw aċċess għall-programmi ta’ integrazzjoni. Dan l-obbligu jsegwi mit-terminoloġija stess ta’ din id-dispożizzjoni, li tistipula li “l-Istati Membri għandhom jiżguraw aċċess għal programmi ta’ integrazzjoni”. Bħala korollarju għal dan l-obbligu, l-Artikolu 34 tad‑Direttiva dwar il-kwalifika jagħti lir-refuġjati dritt ta’ aċċess għal dawk il-programmi (18).

42.      Minn dan isegwi li din id-dispożizzjoni tistabbilixxi obbligu fuq lIstati Membri – u fuq l-Istati Membri biss – sabiex jiżguraw aċċess għal dawk il-programmi u, bl-għoti ta’ dak l-aċċess, għandhom jikkunsidraw il-bżonnijiet speċifiċi ta’ refuġjati (19). Għalhekk, il-kliem ta’ din id‑dispożizzjoni ma jissuġġerixxix li refuġjati huma mitluba jipparteċipaw f’miżuri ta’ integrazzjoni. Fl-opinjoni tiegħi, dan ir-rekwiżit imur lil hinn mill-għan tal-leġiżlatur tal-Unjoni (20). Fir-rigward ta’ refuġjati, id‑Direttiva dwar il-kwalifika tagħti dritt ta’ aċċess għal programmi ta’ integrazzjoni u ma timponix dmir korrispondenti fuq ir-refuġjat. Sakemm l-eżerċizzju ta’ dan id-dritt ma huwiex suġġett għal limitazzjonijiet li jmorru kontra d-dritt tal-Unjoni u, b’mod partikolari, id-Direttiva dwar il‑kwalifika, l-Istati Membri għandhom diskrezzjoni dwar jekk il‑parteċipazzjoni fi programmi ta’ integrazzjoni hijiex mandatorja jew le. Għalhekk, Stat Membru jista’ jobbliga refuġjati jattendu korsijiet ta’ integrazzjoni ċivika, peress li dan l-obbligu ma jaqax fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva u għalhekk tad-dritt tal-Unjoni (21).

43.      Il-kwistjoni li tqum sussegwentament hija dwar sa fejn l‑Artikolu 34 tad-Direttiva dwar il-kwalifika jipprekludi lil Stati Membri milli jistipulaw fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom li refuġjati huma obbligati jipparteċipaw fi programmi ta’ integrazzjoni, minħabba li tali obbligu jista’ jimmina d-drittijiet relatati mal-istatus ta’ refuġjat, inkluż id-dritt ta’ aċċess għal dawn il-programmi.

b)      Rekwiżiti taħt idDirettiva dwar ilkwalifika

44.      Kif il-Qorti tal-Ġustizzja diġà stabbilixxiet, Stati Membri ma jistgħux japplikaw leġiżlazzjoni nazzjonali li tista’ tipperikola t-twettiq tal-għanijiet segwiti permezz tad-Direttiva dwar il-kwalifika u għaldaqstant tneħħi l-effettività tagħha (22). Huwa importanti li d-dispożizzjonijiet nazzjonali applikabbli ma jkunux jikkompromettu l‑istandards minimi introdotti b’dik id-direttiva u, b’mod partikolari, l-Artikolu 34 tagħha.

45.      Skont ġurisprudenza stabbilita, għall-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, ma għandux jiġi kkunsidrat biss il‑kliem tagħha, iżda wkoll il-kuntest tagħha u l-għanijiet tal-leġiżlazzjoni li minnha hija tagħmel parti (23).

1)      Interpretazzjoni testwali

46.      Fir-rigward tal-kliem tal-Artikolu 34 tad-Direttiva dwar il-kwalifika, kif diġà ddikjarat hawn fuq (24), l-ewwel nett, dan l-Artikolu jipprevedi obbligu fuq l-Istati Membri li jiżguraw aċċess għal programmi ta’ integrazzjoni u dritt korollarju għar-refuġjati li jkollhom aċċess għal dawk il-programmi.

47.      Fir-rigward tat-termini “integrazzjoni” u “faċilitar”, huwa importanti li ssir distinzjoni bejn dawn iż-żewġ kunċetti. Integrazzjoni tipikament isseħħ meta individwi jkunu jistgħu jadottaw in-normi kulturali tal-kultura dominanti jew ospitanti filwaqt li jżommu l-kultura ta’ oriġini tagħhom – u hija għalhekk ħafna drabi sinonima ma’ bikulturaliżmu – (25) filwaqt li l-espressjoni “faċilitar ta’ integrazzjoni” għandha tinftiehem bħala li jiġu adottati miżuri li, fost l-oħrajn, jipprovdu lir-refuġjati b’appoġġ u pariri, sigurtà, stabbiltà, programmi ta’ integrazzjoni, rabtiet kulturali, korsijiet tal-lingwa jew korsijiet ta’ tagħlim dwar il-kultura, il-valuri nazzjonali, ir-regoli fundamentali, il-prinċipji u l-istili ta’ ħajja (26). Minn dan isegwi li l-għan li tiġi ffaċilitata l-integrazzjoni iġib miegħu obbligu fi ħdan is-soċjetà tal-Istat Membru ospitanti. Għalhekk, meta l-Artikolu 34 tad-Direttiva dwar il-kwalifika jsemmi tali faċilitar, jimponi obbligu fuq l-Istati Membri, li għandhom jieħdu miżuri pożittivi li jippermettu lir-refuġjati jintegraw (27). Barra minn hekk, essenzjalment, dan it-terminu jinkludi mhux biss korsijiet, iżda wkoll il-ħolqien ta’ rabtiet oħra legali, ekonomiċi u soċjali, u kulturali u l-implimentazzjoni ta’ sensiela ta’ miżuri ta’ appoġġ. Minn dan isegwi li programmi ta’ integrazzjoni, li normalment jieħdu l-forma ta’ korsijiet ta’ integrazzjoni ċivika, huma mod wieħed, fost ħafna oħrajn, ta’ kif tiġi ffaċilitata l-integrazzjoni. Kif jidher mill-premessa 47 tad-Direttiva dwar il-kwalifika, tali programmi jinkludu, jekk ikun meħtieġ, taħriġ fil-lingwa u “l-proviżjoni ta’ informazzjoni li tirrigwarda drittijiet u obbligi individwali relatati mal-istatus ta’ protezzjoni [ta’ refuġjati] fl-Istat Membru kkonċernat” (28).

48.      It-tieni nett, l-Artikolu 34 tad-Direttiva dwar il-kwalifika jipprevedi obbligu li “jiżguraw aċċess għal programmi ta’ integrazzjoni” jew li “joħolqu kundizzjonijiet minn qabel li jiggarantixxu aċċess għal dawn il-programmi”. L-espressjoni li “joħolqu kundizzjonijiet minn qabel li jiggarantixxu aċċess għal [...] programmi [ta’ integrazzjoni]” tissuġġerixxi li l-Istati Membri għandhom obbligu pożittiv li jistabbilixxu kundizzjonijiet li jiżguraw li refuġjati jkollhom l-opportunità li jipparteċipaw fi programmi ta’ integrazzjoni. Minkejja l-użu tal-konġunzjoni “jew” f’dik id-dispożizzjoni, l-inferenza loġika hija li l-obbligu li jinħolqu dawn il-kundizzjonijiet minn qabel huwa obbligu addizzjonali apparti dak li jiġi żgurat aċċess għal programmi ta’ integrazzjoni, u huwa wieħed li japplika jekk il-persuna kkonċernata għandha bżonn l-assistenza sabiex taċċessa dawk il-programmi.

49.      It-tielet nett, l-Artikolu 34 tad-Direttiva dwar il-kwalifika jiddikjara li programmi ta’ integrazzjoni għandhom ikunu “xierqa sabiex jiġu kkunsidrati l-bżonnijiet speċifiċi tal-benefiċjarji tal-istatus ta’ refuġjat”. Dan l-obbligu jfisser li, kif iddikjarat fil-premessa 47, il‑programmi ta’ integrazzjoni pprovduti lir-refuġjati għandhom jieħdu inkunsiderazzjoni, kemm jista’ jkun, il-bżonnijiet u l-partikolaritajiet speċifiċi tas-sitwazzjoni tar-refuġjati, inkluż, fejn xieraq, taħriġ fil-lingwa u l-għoti ta’ informazzjoni li tirrigwarda drittijiet u obbligi individwali relatati mal-istatus ta’ protezzjoni tagħhom fl-Istat Membru kkonċernat.

50.      Minn dan isegwi li, filwaqt li interpretazzjoni letterali tal‑Artikolu 34 tad-Direttiva dwar il-kwalifika jobbliga lill-Istati Membri sabiex jieħdu inkunsiderazzjoni l-bżonnijiet speċifiċi tar‑refuġjati, din ma tippermettix li jiġi stabbilit jekk l-Istati Membri jistgħux jimponu obbligu fuq refuġjati sabiex jattendu korsijiet ta’ integrazzjoni ċivika. Għalhekk huwa essenzjali li jiġu eżaminati l-kuntest ta’ din id-dispożizzjoni u l-għan tad-Direttiva.

2)      Interpretazzjoni kuntestwali

51.      Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, id-Direttiva dwar il-kwalifika għandha tiġi interpretata b’mod konsistenti mal‑Konvenzjoni ta’ Genève u t-Trattati l-oħra rilevanti msemmija fl‑Artikolu 78(1) TFUE kif ukoll mad-drittijiet irrikonoxxuti mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (il-“Karta”) (29). Barra minn hekk, għandha tittieħed inkunsiderazzjoni l-ġurisprudenza fir‑rigward tad-drittijiet mogħtija mill-Kapitolu VII ta’ dik id-direttiva.

i)      LArtikolu 34 talKonvenzjoni ta’ Genève

52.      L-Artikolu 34 tad-Direttiva dwar il-kwalifika jittrasponi, għalkemm parzjalment, l-Artikolu 34 tal-Konvenzjoni ta’ Genève fid-dritt tal-Unjoni, li jfisser li tal-ewwel għandu jiġi interpretat fid-dawl tad-dispożizzjoni ta’ dik il-konvenzjoni, iżda biss sa fejn ġiet inkorporata fid-dritt tal-Unjoni. L-Artikolu 34 tad-Direttiva dwar il-kwalifika għandu jagħti livell ta’ protezzjoni tal-inqas ekwivalenti għal dak mogħti mill‑Artikolu 34 tal-Konvenzjoni ta’ Genève (30).

53.      F’dan ir-rigward, mill-kliem tal-Artikolu 34 tal-Konvenzjoni ta’ Genève jidher ċar li l-Istati kontraenti huma mitluba, inter alia, jiffaċilitaw kemm jista’ jkun l-assimilazzjoni tar-refuġjati. Il‑Kummentarju dwar il-Konvenzjoni ta’ Genève (31) jappoġġja l-proposta li l-Konvenzjoni ta’ Genève tobbliga lill-Partijiet kontraenti jipprovdu aċċess għal tagħlim tal-lingwa. It-terminu “assimilazzjoni” jirreferi għal korsijiet tal-lingwa u ta’ għarfien tas-soċjetà. B’hekk, l-Artikolu 34 tad‑Direttiva dwar il-kwalifika għandu għalhekk jinqara bħala li jistabbilixxi l-livell minimu ta’ integrazzjoni fis-soċjetà tal-Istat Membru ospitanti.

54.      Barra minn hekk, mill-kunċett ta’ “faċilitar” fl-Artikolu 34 tal-Konvenzjoni ta’ Genève jirriżulta li l-Istati għandhom jieħdu inkunsiderazzjoni l-vulnerabbiltajiet ta’ persuna bi status ta’ refuġjat li huma ċentrali għal din il-konvenzjoni. L-awturi tal-Konvenzjoni ta’ Genève eskludew l-impożizzjoni ta’ koerżjoni jew ta’ obbligu fuq refuġjati (32). L-Uffiċċju tal-UNHCR jenfasizza wkoll li minħabba l‑vulnerabbiltà speċifika tar-refuġjati, l-ebda sanzjoni ma għandha tiġi imposta fuq refuġjati li ma jgħaddux minn test tal-lingwa (33). L-għan tal-“iffaċilitar tal-integrazzjoni” taħt l-Artikolu 34 tal-Konvenzjoni ta’ Genève huwa sabiex ir-refuġjati jgawdu minn sensiela ta’ drittijiet relatati mal-istatus ta’ refuġjat. Minn dan isegwi li l-Artikolu 34 tad-Direttiva dwar il-kwalifika, moqri fid-dawl tal-Konvenzjoni ta’ Genève, għandu jiġi interpretat bħala li huwa intiż sabiex jippromwovi l-integrazzjoni u mhux biex jimponi restrizzjonijiet li jistgħu jtellfu dan il-għan. Bl-istess mod, din id-dispożizzjoni għandha tiġi interpretata bħala li tfisser li, bl-iffaċilitar tal-integrazzjoni, l-Istati Membri għandhom jieħdu inkunsiderazzjoni l-vulnerabbiltajiet ta’ persuni bi status ta’ refuġjat u jiżguraw it-tgawdija tad-drittijiet relatati ma’ dak l-istatus.

ii)    Dritt għal ażil stabbilit flArtikolu 18 talKarta

55.      L-Artikolu 18 tal-Karta jistabbilixxi d-“dritt għal ażil”. Skont l‑ispjegazzjonijiet relatati ma’ din id-dispożizzjoni, li għandhom jiġu kkunsidrati meta tiġi interpretata (34), “[i]t-test tal-Artikolu kien ibbażat fuq [l-ex Artikolu 63 KE], issa ssostitwit bl-Artikolu 78 [TFUE], li jitlob lill-Unjoni tosserva l-Konvenzjoni ta’ Genève dwar ir-refuġjati” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. L-ispjegazzjonijiet għalhekk jissuġġerixxu, kif xi akkadamiċi argumentaw, li l-Artikolu 18 tal-Karta ma għandux kontenut awtonomu, iżda sempliċement jagħti effett lill-garanziji stabbiliti fil-Konvenzjoni ta’ Genève u fil-Protokoll tagħha (35).  

56.      Madankollu, ir-riferiment għall-Konvenzjoni ta’ Genève ma jfissirx li l-Artikolu 18 tal-Karta ma għandu l-ebda valur miżjud. L-ewwel nett, id-dritt għal ażil ma huwiex ibbażat fuq leġiżlazzjoni sekondarja tal-Unjoni iżda ġie stabbilit fil-leġiżlazzjoni primarja tal-Unjoni, u mhux biss bħala bażi legali sabiex il-leġiżlatur tal-Unjoni jinkorpora l-Konvenzjoni ta’ Genève fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni, iżda wkoll bħala dritt fundamentali. Differenti mill-Konvenzjoni ta’ Genève li tista’ tinqara biss bħala li sempliċement timponi obbligi internazzjonali fuq il-Partijiet kontraenti, il-Karta tagħti dimensjoni ta’ dritt fundamentali lid-dritt għal ażil.

57.      Fl-opinjoni tiegħi, din id-dimensjoni tappoġġja l-kunsiderazzjoni li l-Artikolu 34 tad-Direttiva dwar il-kwalifika u d-dispożizzjonijiet l-oħra stabbiliti fil-Kapitolu VII tagħha għandhom jiġu interpretati bħala li jistabbilixxu drittijiet, peress li jagħtu espressjoni konkreta lill‑Artikolu 18 tal-Karta (36). B’hekk, il-fatt li huma l-Istati Membri li għandhom jiddeċiedu jekk jimponux fuq ir-refuġjati obbligu li jattendu korsijiet ta’ integrazzjoni ċivika ma jistax jintuża sabiex jiġi kkontestat id-dritt għal ażil fih innifsu, u lanqas jikkomprometti l-effettività tad-drittijiet relatati mal-istatus ta’ refuġjat.

58.      Għalhekk, jidhirli li l-Artikolu 18 tal-Karta jservi sabiex isaħħaħ l-idea li d-dritt għal ażil huwa, l-ewwel u qabelxejn, iktar dwar l-għoti ta’ drittijiet lir-refuġjati milli dwar l-impożizzjoni ta’ obbligi li jistgħu jikkompromettu l-effettività ta’ dawk id-drittijiet.

iii) Iddrittijiet mogħtija bilKapitolu VII tadDirettiva dwar ilkwalifika

59.      Għandha tiġi kkunsidrata n-natura speċifika tal-Kapitolu VII tad‑Direttiva dwar il-kwalifika. B’mod partikolari, fir-rigward tad‑drittijiet mogħtija mill-Kapitolu VII tad-Direttiva 2004/83, li ġie qabel il-Kapitolu VII tad-Direttiva dwar il-kwalifika, il-Qorti tal‑Ġustizzja ddeċidiet li “[p]eress li dawn id-drittijiet ikkonferiti lir-refuġjati huma l-konsegwenza tal-għoti ta’ status ta’ refuġjat […], ir‑refuġjat, sakemm ikollu dan l-istatus, għandu jibbenefika mid-drittijiet li huma ggarantiti lilu mid-Direttiva 2004/83 u dawn jistgħu jiġu llimitati biss b’osservanza tal-kundizzjonijiet stabbiliti mill-Kapitolu VII ta’ din id-direttiva, peress li l-Istati Membri ma għandhomx id-dritt li jżidu restrizzjonijiet li ma jinsabux fiha” (37). Peress li l-Kapitolu VII tad‑Direttiva dwar il-kwalifika fih dispożizzjonijiet li huma kważi identiċi għall-Kapitolu VII tad-direttiva ta’ qabel, dik il-ġurisprudenza tibqa’ rilevanti. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja stabbilixxiet li Stat Membru ma għandu l-ebda setgħa diskrezzjonali dwar jekk ikomplix jagħti lil refuġjat jew jirrifjutalu l-vantaġġi sostanzjali ggarantiti mill-Kapitolu VII tad-Direttiva 2004/83 (38).

60.      Għaldaqstant, huwa neċessarju li jiġi stabbilit jekk l-obbligu ta’ attendenza għal korsijiet ta’ integrazzjoni ċivika inkwistjoni fil-kawża prinċipali jżidx restrizzjonijiet għad-drittijiet relatati mal-istatus ta’ refuġjat li ma humiex stabbiliti fil-Kapitolu VII tad-Direttiva dwar il-kwalifika u, b’mod partikolari, jekk jaffettwax l-aċċess tar-refuġjati għal programmi ta’ integrazzjoni ggarantiti lilhom b’dik id-direttiva (39).

3)      Interpretazzjoni teleoloġika

61.      Kif diġà spjegajt, l-Istati Membri ma jistgħux jipprekludu lir‑refuġjati milli jkollhom aċċess effettiv għal programmi ta’ integrazzjoni u mit-tgawdija ta’ drittijiet oħra relatati mal-istatus ta’ refuġjat (40). Għalhekk, meta l-Istati Membri jimponu kundizzjonijiet li r‑refuġjati għandhom jissodisfaw sabiex jipparteċipaw fi programmi ta’ integrazzjoni, għandhom josservaw iż-żewġ għanijiet li għandhom jiġu segwiti mill-Artikolu 34 tad-Direttiva dwar il-kwalifika: l-ewwel nett, li jiżguraw aċċess għal programmi ta’ integrazzjoni jew joħolqu kundizzjonijiet minn qabel li jiggarantixxu aċċess għal dawn il‑programmi; it-tieni nett, li jieħdu inkunsiderazzjoni l-bżonnijiet speċifiċi tar-refuġjati.

62.      Fir-rigward tal-ewwel għan, fix-xogħol preparatorju, il‑Memorandum ta’ Spjegazzjoni li jakkumpanja l-proposta tal‑Kummissjoni jiddikjara li l-għan tal-programmi ta’ integrazzjoni huwa li jingħata “appoġġ speċifiku lill-gruppi żvantaġġati” “iktar milli jingħataw biss aċċess ugwali għall-impjieg u opportunitajiet ta’ edukazzjoni” (41) [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Għalhekk, sa fejn l-Artikolu 34 tad-Direttiva dwar il-kwalifika jikkostitwixxi miżura ta’ livellar ta’ “grupp żvantaġġat”, sabiex dan il-grupp jitpoġġa fuq livell simili bħal ċittadini tal-Istati Membri ospitanti għal raġunijiet ta’ impjieg u opportunitajiet edukattivi, dik il-miżura għandha tiġi implimentata b’mod li effettivament tippermetti aċċess għal programmi ta’ integrazzjoni (42). Inkella, tali miżura ma tilħaqx il-għan ta’ livellar.

63.      Fir-rigward tat-tieni għan, taħt l-Artikolu 34 tad-Direttiva dwar il-kwalifika, l-Istati Membri għandhom ukoll “[jikkunsidraw] il‑bżonnijiet speċifiċi tal-benefiċjarji tal-istatus ta’ refuġjat” (43). F’dan ir‑rigward, il-premessa 47 iżżid li l-bżonnijiet u l-partikolaritajiet speċifiċi tas-sitwazzjoni ta’ benefiċjarji ta’ status ta’ refuġjat għandhom jiġi kkunsidrati, kemm jista’ jkun, fil-programmi ta’ integrazzjoni li jiġi provdut lilhom inkluż, fejn xieraq, taħriġ fil-lingwa u l-għoti ta’ informazzjoni li tirrigwarda drittijiet u obbligi individwali relatati mal‑istatus ta’ protezzjoni tagħhom fl-Istat Membru kkonċernat.

64.      Barra minn hekk, fix-xogħol preparatorju, il-Kummissjoni ddikjarat, inter alia, fir-rigward tal-aċċess għall-faċilitajiet ta’ integrazzjoni u l-kontenut ta’ protezzjoni taħt id-Direttiva dwar il-kwalifika, li “[s]abiex tiżgura l-eżerċizzju effettiv tad-drittijiet mogħtija formalment lill-benefiċjarji tal-protezzjoni, hu meħtieġ li wieħed jindirizza l-isfidi dwar l-integrazzjoni speċifiċi li qed jħabbtu wiċċhom magħha” (44). Fir-rigward tal-aċċess għal faċilitajiet ta’ integrazzjoni, skont il-Kummissjoni, “opportunitajiet effettivi ta’ integrazzjoni ta’ [refuġjati] se jkunu mtejba jekk l-isfond edukattiv u professjonali differenti jew l-ispeċifikazzjonijiet l-oħra tas-sitwazzjoni tagħhom kienu meħuda inkunsiderazzjoni b’mod adegwat fil-faċilitajiet ta' integrazzjoni” (45).

65.      Is-Sommarju tal-Istima tal-Impatt għal dik il-proposta jiċċita bħala eżempji ta’ tali programmi ta’ integrazzjoni “programmi ta’ introduzzjoni u korsijiet ta’ taħriġ tal-lingwa mfassla kemm jista’ jkun għal dawk il‑bżonnijiet speċifiċi” (46) [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Ir-riferiment għal “adegwatezza” jfisser li Stati Membri “għandhom il-flessibbiltà li japplikaw il-miżuri li huma jqisu l-iktar adegwati u effettivi, filwaqt li jikkunsidraw fatturi rilevanti bħal‑livelli edukattivi u l-esperjenzi professjonali tal-persuni kkonċernati, id-daqs u l-kompożizzjoni tal‑komunitajiet ta’ benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali” (47) [traduzzjoni mhux uffiċjali].

66.      Fl-opinjoni tiegħi, minn dan isegwi li l-impożizzjoni ta’ obbligu fuq refuġjati li jattendu korsijiet ta’ integrazzjoni ċivika ma hijiex fiha nnifisha restrizzjoni tad-dritt ta’ aċċess għal programmi ta’ integrazzjoni u għalhekk ma hijiex prekluża mill-Artikolu 34 tad‑Direttiva dwar il-kwalifika. Madankollu, fid-dawl tal-għan li tiġi ffaċilitata l-integrazzjoni, dawk il-korsijiet għandhom ikunu mfassla kemm jista’ jkun possibbli skont il-bżonnijiet tar-refuġjati u, fejn applikabbli, jikkontribwixxu sabiex ikun hemm livellar ta’ “grupp żvantaġġat”.

c)      Applikazzjoni għal din ilkawża

67.      F’din il-kawża, ma hemmx dubju li l-akkwist ta’ għarfien tal‑lingwa u tas-soċjetà tal-Istat Membru ospitanti jikkontribwixxi sabiex jiffaċilita l-eżerċizzju ta’ kuljum tal-parti l-kbira tad-drittijiet protetti mid‑Direttiva dwar il-kwalifika, b’mod partikolari fir-rigward ta’ aċċess għall-impjieg, l-edukazzjoni, il-protezzjoni soċjali, il-kura tas-saħħa jew l-akkomodazzjoni. Għalhekk, l-attendenza għal korsijiet ta’ integrazzjoni ċivika probabbilment tiffaċilita li jintlaħqu l-għanijiet tad-Direttiva dwar il-kwalifika, u sabiex tagħmel effettiv it-tgawdija tad-drittijiet marbuta mal-istatus ta’ refuġjat. Minn dan isegwi li obbligu ta’ parteċipazzjoni f’tali korsijiet ma għandux fih innifsu jitqies bħala li jillimita aċċess għad-drittijiet mogħtija taħt il-Kapitolu VII ta’ dik id-direttiva u, b’mod partikolari, taħt l-Artikolu 34 tagħha.

68.      Madankollu, l-evalwazzjoni tkun differenti jekk, fil-prattika, obbligu ta’ parteċipazzjoni f’tali korsijiet ikun jirrestrinġi jew itellef l-abbiltà tar-refuġjati li jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom u jirċievu l-benefiċċji ggarantiti mid-Direttiva dwar il-kwalifika. Kif spjegat mill‑Kummissjoni, dan jista’ jkun il-każ, pereżempju, jekk il-frekwenza u t-tul tal-lezzjonijiet, jew ix-xogħol involut fil-preparamenti għal dawk il‑lezzjonijiet, itellfu lir-refuġjati milli jaħdmu jew ifittxu impjieg, jew itellfu d-dritt tagħhom għal edukazzjoni u taħriġ vokazzjonali (48). L-istess japplika fejn il-korsijiet ta’ integrazzjoni ma jiġux adattati għall-bżonnijiet speċifiċi tar-refuġjati, bħal meta refuġjat ikun iffaċċjat minn opportunitajiet limitati ta’ edukazzjoni jew ikollu livell baxx ta’ litteriżmu. Għal finijiet ta’ kompletezza, nispjega li peress li ser nittratta l-aspett finanzjarju ta’ dawk il-korsijiet u eżamijiet fit-Taqsima B tal‑konklużjonijiet, din il-kunsiderazzjoni ma tirreferix għal dak l-aspett.

69.      Għalhekk, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiżgura jekk l-obbligu ta’ attendenza għall-korsijiet ta’ integrazzjoni ċivika inkwistjoni u, b’mod partikolari, jekk l-implimentazzjoni fil-prattika tiegħu tillimitax l-aċċess għad-drittijiet mogħtija mid-Direttiva dwar il-kwalifika u, b’mod partikolari, dawk mogħtija taħt il-Kapitolu VII tagħha. Barra minn hekk, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tistabbilixxi jekk il-kontenut u t-termini ta’ dawk il-korsijiet, li huma mandatorji għar-refuġjati taħt il‑leġiżlazzjoni nazzjonali, jiħdux inkunsiderazzjoni l-bżonnijiet speċifiċi tagħhom. Għal dan il-għan, għandha ssir analiżi dwar jekk id‑diffikultà u l-volum tal-korsijiet humiex adattati għall-bżonnijiet speċifiċi tar-refuġjat, sabiex jintlaħaq l-għan ta’ livellar imsemmi hawn fuq.

3.      Obbligu li jiġu sostnuti lispejjeż talkorsijiet ta’ integrazzjoni ċivika

70.      Il-qorti tar-rinviju ddikjarat li l-iskema prevista fil-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni hija bbażata fuq il-prinċipju li refuġjati stess għandhom isostnu l-ispejjeż ta’ programmi ta’ integrazzjoni. Għal din ir-raġuni, huma jistgħu japplikaw u jieħdu self sa massimu ta’ EUR 10 000. Ir-refuġjati ma jintalbux iħallsu lura s-self jekk jgħaddu mill-partijiet kollha tal-eżami ta’ integrazzjoni ċivika fil-perijodu ta’ integrazzjoni ċivika jew jekk huma eżenti jew meħlusa mill-obbligu ta’ integrazzjoni ċivika f’dak il-perijodu. Min-naħa l-oħra, jekk ma jissodisfawx l-obbligu ta’ integrazzjoni ċivika tagħhom jew jissodisfawh tard wisq, huma għandhom, bħala regola, iħallsu s-self kollu lura.

71.      Qabelxejn, għandi nindika li, f’din il-kawża, T.G. uża l-ammont kollu ta’ EUR 10 000 sabiex jattendi korsijiet ta’ integrazzjoni ċivika u sabiex jagħmel l-eżami. F’dan l-istadju, għalhekk ser nanalizza s-sitwazzjoni speċifika tiegħu, u nħalli apparti każijiet oħra fejn persuna jista’ jkollha bżonn inqas korsijiet sabiex tgħaddi mill-eżami u, għalhekk, tħallas inqas f’miżati għal korsijiet.

72.      Taħt id-Direttiva dwar il-kwalifika, Stati Membri jistgħu jistipulaw, b’konformità mal-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom, il-kundizzjonijiet li għandhom jiġu ssodisfatti sabiex jiġi implimentat l‑obbligu ta’ attendenza għal korsijiet ta’ integrazzjoni ċivika, sakemm jiżguraw li refuġjati għandhom aċċess għall-programmi ta’ integrazzjoni u t-tgawdija effettiva tad-drittijiet l-oħra stipulati fil-Kapitolu VII ta’ dik id-direttiva. Għaldaqstant, Stati Membri jistgħu jiddeċiedu li r-refuġjati stess għandhom isostnu parti mill-ispejjeż jew l-ispejjeż kollha li jirriżultaw minn dak l-obbigu jew li l-persuni taxxabbli għandhom ikopru dawk l‑ispejjeż. Jista’ jkun li, kif diġà ddikjarajt, (49) jekk Stat Membru jagħżel l-ewwel possibbiltà, il‑kundizzjonijiet imposti bil-leġiżlazzjoni nazzjonali tiegħu ma jistgħux jippreġudikaw l-għanijiet segwiti mill‑Artikolu 34 tad-Direttiva dwar il-kwalifika, fejn l-ewwel, l-Istati Membri għandhom jiżguraw aċċess għal programmi ta’ integrazzjoni jew joħolqu kundizzjonijiet minn qabel li jiżguraw aċċess għal tali programmi; it-tieni, għandhom jieħdu inkunsiderazzjoni l-bżonnijiet speċifiċi tar-refuġjati (50).

73.      Fir-rigward tal-ewwel għan, sa fejn l-Artikolu 34 tad-Direttiva dwar il-kwalifika jikkostitwixxi miżura ta’ livellar ta’ “grupp żvantaġġjat”, sabiex dan il-grupp jitpoġġa fuq l-istess livell bħaċ-ċittadini ta’ Stat Membru ospitanti għall-finijiet ta’ impjieg u ta’ opportunitajiet edukattivi (51), il-prezz li r-refuġjati għandhom iħallsu għall-eżamijiet għandu jkun stabbilit f’livell li effettivament jippermetti aċċess għal programmi ta’ integrazzjoni (52). Inkella, din il-miżura ma tilħaqx l-għan ta’ livellar tagħha (53).

74.      Barra minn hekk, meta jiġi stabbilit dak il-livell, jidhirli li l-Istat Membru kkonċernat għandu jeżamina jekk il-programmi ta’ integrazzjoni inkwistjoni humiex potenzjalment eliġibbli għal finanzjament taħt il-Fond Ewropew għar-Refuġjati (54), li sar il-Fond għall-Ażil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni (AMIF) fl-2014 (55), u, jekk iva, jekk dak il-Fond jintużax fil-prattika sabiex jiffinanzja parti minn dawk il-programmi. F’din il-kawża, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tistabbilixxi jekk il-programmi inkwistjoni jirċevux finanzjament minn dak il-fond u, jekk iva, l-impatt ta’ dak il‑finanzjament fuq l-ispejjeż tal-korsijiet tal-lingwa.

75.      Fejn Stat Membru jirrikjedi li r-refuġjati jsostnu l-ispejjeż ta’ programmi ta’ integrazzjoni, li huma stabbiliti f’livell li effettivament jippermetti aċċess għal programmi ta’ integrazzjoni (56), il-qrati nazzjonali għandhom iħarsu wkoll lejn il-kundizzjonijiet ta’ ħlas marbuta ma’ dawk l-ispejjeż. Dawk il-kundizzjonijiet jistgħu ma jillimitawx id-dritt ta’ aċċess għal dawk il-programmi. Kif iddikjarat iktar ’il fuq, l-Istati Membri ma jistgħux japplikaw leġiżlazzjoni nazzjonali li tista’ tippreġudika li jintlaħqu l-għanijiet tad-Direttiva dwar il-kwalifika u b’hekk jipprekludu lid-direttiva mill-effettività tagħha (57). Minn dan isegwi li l‑ammont li jibqa’ għar-refuġjati biex iħallsu ma għandux jagħmel l‑eżerċizzju tad-dritt ta’ integrazzjoni eċċessivament diffiċli jew impossibbli, peress li l-Istati Membri għandhom l-obbligu li jiffaċilitaw l-integrazzjoni. Barra minn hekk, l-ammont dovut ma għandux ikollu l-konsegwenza li jinterferixxi fl-eżerċizzju ta’ drittijiet oħra taħt il-Kapitolu VII tad-Direttiva dwar il-kwalifika, bħal akkomodazzjoni, kura medika jew edukazzjoni. Refuġjati ma għandhomx ikunu f’pożizzjoni li jkollhom jikkompromettu d-drittijiet tagħhom sabiex ikunu jistgħu jħallsu sabiex jissodisfaw l-obbligu ta’ integrazzjoni ċivika.

76.      F’dan ir-rigward, sabiex jiġi stabbilit jekk persuna għandhiex issostni l-ispejjeż ta’ programmi ta’ integrazzjoni, l-awtoritajiet nazzjonali għandhom jevalwaw is-sitwazzjoni finanzjarja tar-refuġjat b’mod individwali. Din l-evalwazzjoni individwali għandha sservi sabiex tistabbilixxi sa fejn ir-refuġjat għandu jipparteċipa finanzjarjament sabiex iħallas għal programmi ta’ integrazzjoni u eżamijiet (58). Fi kliem ieħor, l‑obbligu finanzjarju inkwistjoni għandu jkun impost skont is-sitwazzjoni finanzjarja u soċjali tar-refuġjat u mhux abbażi ta’ jekk ikunx għadda jew le mill-eżami ta’ integrazzjoni ċivika. Jekk l-awtoritajiet nazzjonali jitfgħu l-ispejjeż ta’ programmi ta’ integrazzjoni ċivika fuq ir-refuġjat mingħajr ma jieħdu inkunsiderazzjoni s-sitwazzjoni finanzjarja u soċjali tiegħu jew tagħha, ikunu qegħdin jonqsu milli “joħolqu kundizzjonijiet minn qabel” li effettivament “jiggarantixxu aċċess għal dawn il-programmi” skont l-Artikolu 34 tad-Direttiva dwar il-kwalifika. Fl-opinjoni tiegħi, it-terminu “kundizzjonijiet minn qabel” ifisser li din l-evalwazzjoni individwali għandha ssir fil-bidu, jiġifieri, qabel mal-persuna tibda l-korsijiet ta’ integrazzjoni (59).

77.      Barra minn hekk, jekk il-livell tal-miżati tal-korsijiet ikun eċċessivament għoli, tqum il-kwistjoni dwar jekk l-Istat Membru jkunx żgura b’mod effettiv aċċess għal programmi ta’ integrazzjoni, meta jitlob lir‑refuġjat iħallas il-miżati tal-korsijiet ta’ integrazzjoni ċivika. Peress li r-rikonoxximent tal-istatus ta’ refuġjat joħloq dritt ta’ aċċess effettiv għal benefiċċji ta’ integrazzjoni taħt id-Direttiva dwar il-kwalifika skont l-Artikolu 34 tagħha, aċċess għal programmi ta’ integrazzjoni b’piż finanzjarju oneruż minħabba l-ispejjeż għolja involuti għar-refuġjat ma jikkostitwixxix aċċess effettiv.

78.      Il-fatt li persuni suġġetti għall-obbligu ta’ integrazzjoni ċivika jistgħu japplikaw għal self sabiex jiffinanzjaw l-ispejjeż ta’ programmi ta’ integrazzjoni ma jibdilx din l-evalwazzjoni, peress li self huwa biss mod li bih tipposponi l-obbligu ta’ ħlas. Barra minn hekk, jekk ikunu dovuti l-interessi fuq is-self, li jidher li huwa l-każ taħt il-leġiżlazzjoni nazzjonali, iżda dan għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju, allura l-obbligu ta’ ħlas ma jkoprix biss il-ħlas tal-miżati iżda wkoll il-ħlas tal-interessi fuq is-self.

79.      Taħt il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni, anki bl-għoti ta’ self lir‑refuġjat, l-obbligu li jsostni l-ispejjeż ta’ integrazzjoni finalment jaqa’ fuq ir-refuġjat. Jekk refuġjat ma jgħaddix mill-eżami ta’ integrazzjoni ċivika jew ma jgħaddix minnu fil-ħin, hu jew hi huma obbligati li jħallsu lura s-self kollu fl-intier tiegħu u jispiċċaw b’livell għoli ta’ dejn. Refuġjati li jibdew ħajjithom fl-Istat Membru ospitanti bid-dejn probabbilment isibuha diffiċli li jintegraw fis-soċjetà ta’ dak l-Istat Membru. B’hekk, ikun hemm riskju ta’ żvantaġġ doppju: l-ewwel nett, l-iżvantaġġ li jkun parti minn grupp vulnerabbli bħala refuġjat u, it-tieni nett, l-iżvantaġġ li jkollu jħallas lura self (kbir) talli ma għaddiex mill-eżami ta’ integrazzjoni ċivika. Barra minn hekk, jekk persuna ma tgħaddix mill-eżami ta’ integrazzjoni, probabbilment ser ikun iktar diffiċli għalih jew għaliha biex issib xogħol, li jfisser li refuġjati li ma jgħaddux mill-eżami huma probabbilment l-iktar grupp żvantaġġat u vulnerabbli mir-refuġjati kollha. Dan l-iżvantaġġ doppju jista’, fl-opinjoni tiegħi, ipoġġi refuġjat f’sitwazzjoni ta’ esklużjoni soċjali, li tpoġġi pressjoni fuq ir-riżorsi pubbliċi u tirriżulta f’dipendenza finanzjara u telf ta’ dinjità għar-refuġjati (60). Dan huwa proprju l-oppost ta’ dak li kellu f’moħħu l-leġiżlatur Ewropew meta ddeċieda li l-Istati Membri għandhom jiffaċilitaw l-integrazzjoni (61). Finalment, fid-dawl tal-għanijiet tal-Artikolu 34 tad-Direttiva dwar il-kwalifika, is-sistema ta’ fatturazzjoni għal korsijiet ta’ integrazzjoni jew eżamijiet ma għandhiex tkun ikkonvertita f’mekkaniżmu punittiv għar-refuġjati li jġibu marki baxxi fl-eżamijiet jew f’opportunità ta’ negozju għal impriżi li jagħmlu profitt minn dawk il-korsijiet u eżamijiet.

80.      F’dan ir-rigward, nosserva li T.G. spjega li l-Kummissjoni Ewropea kontra r-Razziżmu u l-Intolleranza (l-“ECRI”) (62) esprimiet tħassib dwar grupp ta’ refuġjati li applikaw għall-ażil qabel l-2022, peress li baqgħu suġġetti għal-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni u, inter alia, għall-obbligu li jħallsu l-ispejjeż għoljin ta’ korsijiet ta’ integrazzjoni ċivika u, skont il-każ, għall-obbligu li jħallsu multa relattivament kbira minħabba nuqqas ta’ konformità fil-perijodu preskritt (63). Barra minn hekk, l-ECRI kkonkludiet li approċċ punitiv għall-integrazzjoni, b’penalitajiet sinjifikattivi u l-ħlas lura ta’ self sinjifikattiv, ma jistax jiġi meqjus bħala proċess bilaterali li jiffaċilita, jappoġġja u jippromwovi l-integrazzjoni.

81.      Fir-rigward tat-tieni kundizzjoni li l-Istati Membri għandhom jieħdu inkunsiderazzjoni l-bżonnijiet speċifiċi tar-refuġjati (64), kif iddikjarat hawn fuq, din il-kundizzjoni tidher li hija mmirata għall-parti sostantiva tal-korsijiet, li għandhom, sa fejn possibbli, ikunu mfassla apposta għar-refuġjati. F’dan ir-rigward, l-ispiża tal-korsijiet inevitabbilment tiddependi mill-bżonnijiet tar-refuġjati. Madankollu, l-ammont speċifiku li jintalbu jħallsu r-refuġjati ma għandux ikun daqstant għoli li jirrestrinġi l-aċċess effettiv għall-korsijiet. Barra minn hekk, l-ammont ma għandux ikun għoli għar-refuġjati b’diffikultajiet biex jitgħallmu, peress li jkollhom bżonn iktar korsijiet u jispiċċaw iħallsu iktar minkejja li jkunu f’sitwazzjoni partikolarment vulnerabbli. L-approċċ li iktar ma tkun vulnerabbli, iktar ikollok bżonn korsijiet u iktar ikollok tħallas għandu jiġi eskluż.

82.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, jiena tal-opinjoni li l-Artikolu 34 tad-Direttiva dwar il-kwalifika għandu jiġi interpretat bħala li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li timponi fuq refuġjati l-obbligu li jsostnu l-ispejjeż ta’ programmi ta’ integrazzjoni ċivika, mingħajr ma l-awtoritajiet nazzjonali jkunu minn qabel għamlu evalwazzjoni individwali tas-sitwazzjoni finanzjarja u soċjali tagħhom, abbażi tal-fatt li dak l-obbligu huwa inkompatibbli mal-obbligu li jiġi żgurat aċċess għall-programmi ta’ integrazzjoni u ma joħloqx kundizzjonijiet minn qabel li jiżguraw aċċess għal dawk il-programmi. Fi kwalunkwe każ, l-ispejjeż – jekk imposti – ma għandhomx ikunu eċċessivament għoljin li jipprekludu d-dritt ta’ aċċess għal programmi ta’ integrazzjoni mill-effettività tiegħu.

B.      L-obbligu li wieħed jagħmel u jgħaddi minn eżami ta’ integrazzjoni ċivika u l-penalitajiet finnuqqas li jsir dan

83.      Permezz tal-ewwel domanda u tat-tieni parti tar-raba’ domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 34 tad‑Direttiva dwar il-kwalifika għandux jiġi interpretat bħala li jipprekludi regola nazzjonali li timponi obbligu fuq ir-refuġjati, li jgħaddu minn eżami ta’ integrazzjoni ċivika, taħt piena ta’ multa.

1.      Kompatibbiltà tależami ta’ integrazzjoni madDirettiva dwar ilkwalifika

84.      Kif imsemmi hawn fuq, l-Artikolu 34 tad-Direttiva dwar il-kwalifika ma jipprekludix b’mod espress lill-Istati Membri milli jobbligaw lir-refuġjati jipparteċipaw fi programmi ta’ integrazzjoni ċivika u li jagħmlu korsijiet ta’ integrazzjoni. Barra minn hekk, dawk il‑korsijiet jistgħu jwasslu għal eżami u dik id-dispożizzjoni ma tipprekludix Stat Membru milli jobbliga lir-refuġjati jagħmlu eżami ta’ integrazzjoni ċivika (65). Minn din il-perspettiva, huwa neċessarju li jiġi eżaminat jekk l-obbligu inkwistjoni fil-kawża prinċipali li wieħed jagħmel u jgħaddi minn eżami jaffettwax l-aċċess tar-refuġjati għal programmi ta’ integrazzjoni jew drittijiet oħra mogħtija lilhom mid-Direttiva dwar il-kwalifika (66). Madankollu, qabel nanalizza d-distinzjoni bejn li wieħed jagħmel eżami ta’ integrazzjoni u jgħaddi minnu, ser neżamina r-rilevanza tal-ġurisprudenza relatata mal-kompatibbiltà tal-eżamijiet ta’ integrazzjoni ma’ direttivi oħra applikabbli għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi.

a)      Ġurisprudenza dwar leżamijiet ta’ integrazzjoni ċivika firrigward ta’ direttivi oħra

85.      L-ewwel nett, f’P u S (67), il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li d-Direttiva 2003/109 ma tipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li timponi fuq iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li huma diġà fil-pussess tal-istatus ta’ resident għat-tul l-obbligu li jgħaddu minn eżami ta’ integrazzjoni ċivika, taħt piena ta’ multa, sakemm il-mod kif jiġi implimentat dan l-eżami ma jistax jipperikola t-twettiq tal-għanijiet segwiti permezz ta’ dik id‑direttiva, u dan għandu jiġi stabbilit mill-qorti tar-rinviju.

86.      Insostenn ta’ din il-konklużjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja spjegat, inter alia, li, fir-rigward tal-obbligu li wieħed jgħaddi mill-eżami ta’ integrazzjoni ċivika, “ma jistax jiġi kkontestat li l-akkwist ta’ għarfien tal-lingwa u tas-soċjetà tal-Istat Membru ospitanti jiffaċilita ħafna l‑komunikazzjoni bejn iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi u ċ-ċittadini bin-nazzjonalità u, barra minn hekk, jinkoraġġixxi l-interazzjoni u l‑iżvilupp ta’ relazzjonijiet soċjali bejn dawn. Lanqas ma jista’ jiġi kkontestat li l-akkwist tal-għarfien tal-lingwa tal-Istat Membru ospitanti jirrendi inqas diffiċli l-aċċess taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi għas-suq tax‑xogħol u għat-taħriġ professjonali” (68).

87.      Il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat ukoll li, peress li l-obbligu li wieħed jgħaddi minn eżami “jippermetti li jiġi żgurat l-akkwist miċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi kkonċernati ta’ għarfien li jirriżulta mingħajr kontestazzjoni utli sabiex jiġu stabbiliti rabtiet mal-Istat Membru ospitanti, għandu jitqies li tali obbligu ma jipperikolax, minnu nnifsu, it-twettiq tal‑għanijiet segwiti permezz tad-Direttiva 2003/109 iżda jgħin, bil-kontra, għat-twettiq tagħhom” (69).

88.      It-tieni nett, f’K u A (70), il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat, fuq l-istess linji, li d-Direttiva 2003/86 ma tipprekludix lill-Istati Membri milli jitolbu li ċittadini ta’ pajjiżi terzi jgħaddu minn eżami ta’ integrazzjoni ċivika. Hija qieset li r-rekwiżit li wieħed jgħaddi minn eżami ta’ integrazzjoni ċivika ta’ livell bażiku jippermetti li jiġi żgurat l-akkwist miċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi kkonċernati ta’ għarfien li huwa deċiżament utli sabiex jiġu stabbiliti rabtiet mal-Istat Membru ospitanti.

89.      Huwa veru li l-kunsiderazzjonijiet magħmula fis-sentenza f’P u S (71) u f’K u A (72) ma jistgħux jiġu applikati mutatis mutandis għal din il‑kawża. L-ewwel sentenza tikkonċerna biss ċittadini ta’ pajjiżi terzi li applikaw għal status ta’ residenti għat-tul taħt id-Direttiva 2003/109 (73), li tirrikonoxxi dritt għal status ta’ residenti għat-tul għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi li kellhom residenza għal perijodu ta’ ħames snin fit-territorju ta’ Stat Membru u li, fl-Artikolu 5(2), espliċitament tippermetti lill-Istati Membri jadottaw kundizzjonijiet għall-integrazzjoni sabiex jinkiseb tali status. It-tieni sentenza tikkonċerna l-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 2003/86, li tippermetti lill-Istati Membri li jirrikjedu liċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi jikkonformaw ruħhom mal-miżuri ta’ integrazzjoni, skont il-liġi nazzjonali, għal finijiet ta’ riunifikazzjoni tal-familja taħt dik id-direttiva. Min-naħa l-oħra, fid-Direttiva dwar il-kwalifika ma hemm l-ebda dispożizzjoni ekwivalenti għal dawk iż‑żewġ dispożizzjonijiet. F’dan ir-rigward, kif jidher mill-Artikolu 13 tad-Direttiva dwar il-kwalifika, l-Istati Membri huma mitluba jagħtu status ta’ refuġjat meta l-kundizzjonijiet stipulati fil-Kapitoli II u III ta’ dik id-direttiva huma ssodisfatti. L-integrazzjoni ma hijiex rekwiżit għall-kisba tal-istatus ta’ refuġjat. Barra minn hekk, mill-premessa 12 jirriżulta li l-għan ewlieni tad‑dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva ma huwiex li tiġi żgurata l-integrazzjoni tar-refuġjati fiha nnifisha, iżda li jiżguraw l-applikazzjoni ta’ kriterji komuni għall-identifikazzjoni tal-persuni li għandhom bżonn protezzjoni internazzjonali kif ukoll ta’ livell minimu ta’ vantaġġi lil dawk il-persuni fl-Istati Membri kollha (status uniformi) (74).

90.      Minkejja dan, il-kunsidrazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja f’dawk iż-żewġ każijiet li jirrigwardaw l-utilità u n-neċessità li jiġi akkwistat għarfien tal-lingwa u tas-soċjetà tal-Istat Membru ospitanti sabiex jinkiseb aċċess għas-suq tax-xogħol u għas-sistema edukattiva huma, bħala regola, universali u jistgħu jiġu applikati fir-rigward taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi kollha, irrispettivament mill-istatus tagħhom. Dawk il-kunsiderazzjonijiet huma għalhekk validi fir-rigward ta’ refuġjati. Peress li, b’kuntrast mad-dispożizzjonijiet tad-Direttivi 2003/109 u 2003/86, l-Artikolu 34 tad-Direttiva dwar il-kwalifika jinkludi dritt ta’ aċċess għal programmi ta’ integrazzjoni, għandha ssir distinzjoni bejn l-obbligu li wieħed jagħmel eżami ta’ integrazzjoni u l-obbligu li wieħed jgħaddi minn dan l-eżami.

b)      Obbligu li wieħed jagħmel eżami ta’ integrazzjoni

91.      Jekk refuġjat għandu aċċess għal programmi ta’ integrazzjoni, obbligu li tagħmel korsijiet ta’ integrazzjoni ċivika u li tagħmel eżami jista’ sa ċertu punt jippromwovi l-akkwist tal-għarfien waqt dawk il-korsijiet u għalhekk jiffaċilita l-integrazzjoni. Għar-refuġjat, il-preparazzjoni għal eżami ġġiegħel lil persuna tassimila l-għarfien u timmotivaha sabiex tagħmel sforz ikbar. Għall-Istat Membru, l-organizzazzjoni tal-eżamijiet huwa mod ta’ kif issir evalwazzjoni dwar jekk persuna assimilatx l-għarfien ipprovdut fil-kors. B’hekk, li jsiru l-eżamijiet tista’ tkun għodda utli sabiex tkejjel u tevalwa l-effettività tal-korsijiet – iktar u iktar jekk dawk il-korsijiet huma ffinanzjati minn fondi pubbliċi. Barra minn hekk, tista’ tkun għodda utli sabiex l-Istati Membri jiġbru rispons dwar il-ħiliet u l-għarfien ta’ integrazzjoni mhux biss għar-refuġjati bħala grupp, iżda wkoll bħala refuġjati individwali, bħala mezz li tagħtihom iktar soluzzjonijiet imfassla skont il-bżonn.

92.      Għalhekk, fl-opinjoni tiegħi, il-parteċipazzjoni f’eżamijiet fil-kuntest ta’ korsijiet ta’ integrazzjoni tista’ tikkontribwixxi għall-proċess ta’ tagħlim u għalhekk tiffaċilita l-integrazzjoni ta’ refuġjati. Jiena naħseb li, f’tali każ, il-fatt li Stati Membri jirrikjedu refuġjati li jagħmlu eżami fi tmiem il-programm ma huwiex fih innifsu tali li jikkomprometti li jintlaħqu l-għanijiet tad-Direttiva dwar il-kwalifika, sa fejn it-terminu għall-eżamijiet u l-volum tax-xogħol rikjest ma jaffettwawx it-tgawdija effettiva tad-drittijiet u benefiċċji l-oħra protetti bid-Direttiva dwar il-kwalifika. F’dan ir-rigward, għandu jiġi nnotat li l-qorti tar-rinviju għandha tevalwa wkoll jekk l-obbligu li tagħmel eżami fi żmien tliet snin, kif inhu l-każ bħalissa taħt il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni, huwiex adattat, billi tieħu inkunsiderazzjoni aspetti, bħal, l-ewwel nett, il-kontenut, l-ammont u r-rilevanza tat-tagħlim mogħti fil-korsijiet, it-tieni nett, il-kapaċità tal-persuna kkonċernata tassimila dak it-tagħlim, it-tielet nett, iż-żmien meħtieġ sabiex tikseb dak l-għarfien, u, ir-raba’ nett, jekk l-eżami stess huwiex strutturat u organizzat b’tali mod li l-persuna li tagħmel l‑eżami tista’ turi l-għarfien miksub.

93.      Madankollu, differenti mid-dispożizzjonijiet tad-Direttivi 2003/109 u 2003/86, l-Artikolu 34 tad-Direttiva dwar il-kwalifika jinkludi obbligu għall-Istati Membri li jfasslu l-programmi ta’ integrazzjoni kemm jista’ jkun skont il-bżonnijiet tar-refuġjati (75), li jfisser li, jekk Stati Membri jiddeċiedu li jagħmlu tali eżamijiet, il-kontenut u l-iskadenzi għalihom għandhom ikunu adattati għal dawk il-bżonnijiet, li jistgħu jirrikjedu aġġustament għall-metodi ta’ kif isiru l-eżamijiet.

94.      Minn dan isegwi li l-obbligu li tagħmel eżami jista’ jkun il-mod sabiex jiġi żgurat li l-persuna kkonċernata takkwista għarfien li, għar-refuġjati, huwa bla dubju utli sabiex tistabbilixxi rabtiet mal-Istat Membru ospitanti. Għalhekk, jista’ jiġi kkunsidrat li l-obbligu li tagħmel eżami, ma jipperikolax, fih innifsu, it-twettiq tal-għanijiet segwiti mid-Direttiva dwar il-kwalifika, iżda jista’ jgħin, minn naħa l-oħra, għat-twettiq tagħhom (76). Madankollu, wara li jitqies l-għan tal-eżami kif imsemmi hawn fuq, il-miżata tal-eżami għandha, fl-opinjoni tiegħi, tinħafer għar-refuġjati. Għalkemm, f’din il-kawża, il-ħlas biex tagħmel eżami darba huwa ta’ EUR 290, l-ammont minfuq jiżdied fil-każ ta’ resits (77), li probabbilment ifisser li refuġjati f’dik is-sitwazzjoni jkollhom inqas riżorsi disponibbli sabiex jeżerċitaw drittijiet oħra taħt il-Kapitolu VII tad-Direttiva dwar il-kwalifika.

95.      F’dan ir-rigward, huwa importanti li jiġi nnotat li l-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat fiż-żewġ kawżi hawn fuq imsemmija – P u S (78) u K u A (79) – li l-ammont tal-miżati għall-eżami ta’ integrazzjoni ċivika seta’ jipperikola, rispettivament, it-twettiq tal-għan ta’ integrazzjoni taċ-ċittadini ta’ pajjiż terz taħt id-Direttiva 2003/109 u l-eżerċizzju tad-dritt tar-riunifikazzjoni tal-familja taħt id-Direttiva 2003/86, biex b’hekk iċaħħad l-effettività ta’ dawk id-direttivi (80). Il-kwistjoni f’dawk iż-żewġ każijiet kienet il-ħlas ta’ multa li tippenalizza nuqqas ta’ twettiq tal-obbligu li wieħed jgħaddi mill-eżami ta’ integrazzjoni ċivika, apparti il-ħlas tal-ispejjeż sostnuti fir-rigward tal-eżamijiet magħmula. Dawn id-deċiżjonijiet huma għalhekk rilevanti għar-refuġjati, li jistgħu jbatu sabiex iħallsu miżati tal‑eżamijiet darba jew iktar minn darba. Peress li d-dritt ta’ aċċess għal programmi ta’ integrazzjoni huwa dritt li jingħata lir-refuġjati mid-Direttiva dwar il-kwalifika, miżata biex tagħmel eżami ċċaħħad l-Artikolu 34 mill-effettività tiegħu.

c)      Obbligu li wieħed jgħaddi minn eżami ta’ integrazzjoni

96.      Fir-rigward tal-obbligu li wieħed jgħaddi minn eżami ta’ integrazzjoni, il-liġi tal-Pajjiżi l-Baxxi essenzjalment tipprevedi li r-refuġjati huma mitluba jgħaddu minn eżami li jittestja l-għarfien tagħhom tal-lingwa u tas-soċjetà Olandiża f’ċertu perijodu.

97.      Għandu jiġi osservat li, fil-ġurisprudenza tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja ttrattat kundizzjonijiet minn qabel ta’ integrazzjoni sabiex jinkiseb status ta’ residenti għat-tul u sabiex jiġi eżerċitat id-dritt għar-riunifikazzjoni tal-familja (81). Madankollu, f’dan il-każ, eżamijiet ta’ integrazzjoni jistgħu jitqiesu biss bħala mezz sabiex jitjiebu l-ħiliet u l‑għarfien tal-persuna fl-eżerċizzju tad-drittijiet ta’ dik il-persuna taħt l‑Artikolu 34 tad-Direttiva dwar il-kwalifika. Kif indikat hawn fuq, l-obbligu li wieħed jagħmel u jgħaddi minn eżami ta’ integrazzjoni ċivika ma għandux effett fuq l-akkwist tal-istatus tar-refuġjat. Konsegwentament, kif iddikjarat mill-Kummissjoni, fuq dan il-punt, kunsiderazzjonijiet li jirriżultaw mill-ġurisprudenza relatata mad-Direttivi 2003/109 u 2003/86 ma jistgħux jiġu applikati mutatis mutandis għad-Direttiva dwar il-kwalifika.

98.      Obbligu li wieħed jgħaddi minn eżami jfisser li hemm pass mark li għandha tintlaħaq sabiex wieħed jgħaddi mill-eżami. Fil-kuntest tad-Direttiva dwar il-kwalifika, l-impożizzjoni ta’ din il-pass mark tista’ ma toħloqx sitwazzjoni li tagħmel id-dritt ta’ aċċess għal programmi ta’ integrazzjoni – u li tispiċċa dawk il-programmi b’suċċess – eċċessivament diffiċli jew impossibbli. Il-konsegwenzi li jirriżultaw minn-nuqqas ta’ osservanza ta’ dan l-obbligu li tintlaħaq il-pass mark f’test jistgħu jkunu ta’ demotivazzjoni jew jaqtgħu qalb ir-refuġjati, u b’hekk jipprekludu l-integrazzjoni f’sens prattiku.

99.      Fin-Nota dwar l-Integrazzjoni tar-Refuġjati fl-Unjoni Ewropea, l‑UNHCR enfasizzat li l-introduzzjoni ta’ testijiet tal-lingwa u eżamijiet dwar l-istorja u l-kultura tal-Istat ospitanti li huma diffiċli tista’ tippenalizza ċerti kategoriji ta’ refuġjati, b’mod partikolari l-anzjani u l-persuni illitterati (82).

100. Fid-dawl ta’ dawk il-kunsiderazzjonijiet, taħt l-Artikolu 34 tad‑Direttiva dwar il-kwalifika, l-Istati Membri ma humiex, fl-opinjoni tiegħi, intitolati jitolbu lir-refuġjati jiksbu ċertu marka sabiex jgħaddu mill-eżamijiet ta’ integrazzjoni bħala prova ta’ integrazzjoni. Konsegwentament, il-fatt li Stat Membru jimponi obbligu sabiex wieħed jgħaddi minn eżami dwar l-għarfien tal-lingwa jew tas-soċjetà tal-Istat Membru ospitanti ma jistax jitqies bħala miżura li tikkontribwixxi għat-twettiq tal-għanijiet ta’ dik id-direttiva.

101. Barra minn hekk, ir-rekwiżit li wieħed jgħaddi minn eżami ta’ integrazzjoni neċessarjament jimplika, sabiex jiġi żgurat li s-suċċess fl-eżami huwa mandatorju, nassumi, l-impożizzjoni ta’ penalitajiet (kemm jekk ta’ natura finanzjarja kif ukoll ta’ natura oħra). Issa ser nittratta dan l-aspett.

2.      Ilpenalitajiet: obbligu ta’ ħlas talmulta u obbligu ta’ ħlas lura tasself

102. Hemm żewġ aspetti tas-sistema ta’ penalitajiet. L-ewwel nett, nuqqas li wieħed jgħaddi mill-eżami ta’ integrazzjoni jġib miegħu multa sa massimu ta’ EUR 1 250, li l-impożizzjoni tagħha tista’ tiġi repetuta mill-Ministru. Madankollu, f’din il-kawża, il-Ministru impona fuq T.G. multa ta’ EUR 500 u fil-proċess ma jissemmiex li din il-multa reġgħet ġiet imposta. Għalhekk, din il-kawża ma tirrigwardax l-ammont massimu tal-multa jew l-impożizzjoni repetuta tagħha. It-tieni nett, hemm obbligu li jitħallas lura s-self sa massimu ta’ EUR 10 000. Minkejja li ma hijiex ikklassifikata bħala “penalità” mill-qorti nazzjonali, tista’ ssir hekk jekk ir-refuġjat ma jgħaddix mill-eżami ta’ integrazzjoni fil-perijodu preskritt u, f’dawk iċ-ċirkustanzi, tikseb natura punittiva. Dawn iż-żewġ “penalitajiet” jeżistu flimkien u huma imposti b’mod kumulattiv. F’din il-kawża, T.G. fil-fatt ġie eżentat mill-obbligu ta’ integrazzjoni tiegħu b’effett minn Diċembru 2021 fid-dawl tal-isforzi li huwa għamel, iżda dawn iż-żewġ penalitajiet finanzjarji nżammu.

103. Qabelxejn, infakkar li, kif tenfasizza l-UNHCR, fid-dawl tal-vulnerabbiltà speċifika tar-refuġjati, ma għandha tiġi imposta l-ebda penalità fuq persuni li ma jgħaddux minn eżami ta’ integrazzjoni. L-awturi tal-Konvenzjoni ta’ Genève espressament ma kellhomx l-intenzjoni li jimponu koerżjoni jew obbligu fuq refuġjati (83). In-nuqqas ta’ koerżjoni għandu jkun il-gwida għall-interpretazzjoni tal-Artikolu 34 tad-Direttiva dwar il-kwalifika (84). B’mod partikolari, in-nuqqas ta’ koerżjoni jfisser li miżuri li jfittxu li jiffaċilitaw integrazzjoni ma jistax ikollhom natura punittiva.

104. Fir-rigward tal-obbligu li tħallas lura s-self, l-Artikolu 34 tad-Direttiva dwar il-kwalifika jobbliga lill-Istati Membri sabiex “joħolqu kundizzjonijiet minn qabel” li jiżguraw li r-refuġjati jkollhom aċċess għal programmi ta’ integrazzjoni. Għalhekk, l-obbligu li ssostni l‑ispejjeż ta’ korsijiet ta’ integrazzjoni ċivika u eżamijiet meta refuġjat ma jgħaddix minn eżami ta’ integrazzjoni ċivika fit-terminu preskritt għandu natura punittiva u, fih innifsu, jipprekludi l-għan segwit minn dik id-dispożizzjoni. Ir-refuġjati l-iktar vulnerabbli li ma jgħaddux mill-eżamijiet fil-perijodu preskritt huma fost il-persuni l-iktar affettwati mill-miżura punittiva (85).

105. Il-fatt li refuġjati jistgħu jidħlu fi skema ta’ pagamenti li tikkunsidra l-kapaċità tagħhom li jħallsu għandu inqas importanza f’dan ir-rigward. F’dawk iċ-ċirkustanzi, l-obbligu li tħallas lura dejn sinjifikattiv jibqa’ fis-seħħ sa massimu ta’ 10 snin, li jista’ fil-fatt jipprekludi l-integrazzjoni effettiva fl-Istat Membru. Kif iddikjarat mill‑ECRI, approċċ punittiv għall-integrazzjoni, permezz ta’ penalitajiet u l-ħlas lura ta’ self kbir, ma jistax jitqies bħala proċess li jiffaċilita, jappoġġja u jippromwovi l-integrazzjoni (86).

106. Barra minn hekk, l-impożizzjoni ta’ tali multa fuq refuġjati neċessarjament twassal għal tnaqqis fir-riżorsi finanzjarji tagħhom, li jista’ jkollu impatt negattiv fuq l-eżerċizzju tad-drittijiet tagħhom stipulati fil-Kapitolu VII tad-Direttiva dwar il-kwalifika, b’mod partikolari jekk ir-riżorsi finanzjarji tagħhom huma diġà limitati.

107. Kif iddikjarat mill-Kummissjoni, l-impożizzjoni minn Stat Membru ta’ obbligu li wieħed jgħaddi minn eżami ta’ integrazzjoni, taħt piena ta’ multa, tista’ tiskoraġġixxi ċittadini ta’ pajjiżi terzi milli japplikaw għall-protezzjoni internazzjonali fl-Istat Membru kkonċernat jew twassal għal movimenti sekondarji lejn Stati Membri li ma jimponux tali obbligu. Madankollu, wieħed mill-għanijiet tad-Direttiva dwar il-kwalifika huwa li jikkontribwixxi sabiex jonqsu l-movimenti sekondarji lejn Stati Membri, kif jidher mill-premessa 13 ta’ dik id-direttiva.

108. Fi kwalunkwe każ, anki jekk il-Qorti tal-Ġustizzja kellha tiddeċiedi li tista’ tiġi imposta multa li tippenalizza n-nuqqas ta’ konformità mal-obbligu li wieħed jgħaddi mill-eżami ta’ integrazzjoni ċivika, l‑ammont ta’ EUR 500 jidher li huwa sproporzjonat u għalhekk jikser id‑dritt tal-Unjoni (87).

109. Għal dawn ir-raġunijiet, inqis li l-impożizzjoni minn Stat Membru ta’ obbligu li jirrikjedi lir-refuġjati jgħaddu minn eżami ta’ integrazzjoni, taħt piena ta’ ħlas lura ta’ self jew ta’ multa, jipperikola t-twettiq tal-għanijiet tad-Direttiva dwar il-kwalifika u jimmina l-effettività tal-Artikolu 34 tagħha.

IV.    Konklużjoni

110. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domandi magħmula fir-rinviju għal deċiżjoni preliminari mir-Raad van State (il-Kunsill tal-Istat, il-Pajjiżi l-Baxxi) bil-mod segwenti:

Id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2011/95/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑13 ta’ Diċembru 2011 dwar standards għall-kwalifika ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali, għal stat uniformi għar-refuġjati jew għal persuni eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja, u għall-kontenut tal-protezzjoni mogħtija, u, b’mod partikolari, l-Artikolu 34 tagħha,

għandhom jiġu interpretati bħala li

–        ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali li tirrikjedi refuġjati jattendu korsijiet ta’ integrazzjoni ċivika, sakemm dan l-obbligu ma jillimitax aċċess għad-drittijiet mogħtija lilhom minn din id-direttiva u, b’mod partikolari, mill-Kapitolu VII tagħha, u jieħu inkunsiderazzjoni il-bżonnijiet speċifiċi tagħhom;

–        jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li timponi fuq refuġjati l-obbligu li jsostnu l-ispejjeż għoljin ta’ programmi ta’ integrazzjoni, mingħajr ma l-awtoritajiet nazzjonali jkunu minn qabel għamlu evalwazzjoni individwali tas-sitwazzjoni finanzjarja u soċjali tagħhom, abbażi tal-fatt li dan l-obbligu huwa inkompatibbli mal-obbligu li jiġi żgurat aċċess għall-programmi ta’ integrazzjoni u ma joħloqx kundizzjonijiet minn qabel li jiżguraw aċċess għal dawn il-programmi;

–        ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali li tirrikjedi refuġjati jagħmlu eżami ta’ integrazzjoni ċivika li jkopri ħiliet orali u bil-miktub fil-lingwa uffiċjali tal-Istat Membru ospitanti u għarfien tas-soċjetà ta’ dak l-Istat Membru; u

–        jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li tirrikjedi refuġjati jgħaddu minn tali eżami, taħt piena li jħallsu lura self u jingħataw multa, sa fejn din tippreġudika t-twettiq tal-għanijiet tad-Direttiva 2011/95 u timmina l-effettività tal-Artikolu 34 tagħha.


1      Lingwa oriġinali: l-Ingliż.


i      L-isem ta’ din il-kawża huwa fittizju. Dan l-isem ma jikkorrispondi għall-isem reali ta’ ebda waħda mill-partijiet fil‑proċedura.


2      Il-Konvenzjoni relatata mal-Istatus tar-Refuġjati, (iffirmata f’Genève fit‑28 ta’ Lulju 1951 (Ġabra tat-Trattati tan-Nazzjonijiet Uniti, Vol. 189, p. 150, Nru 2545 (1954), p. 150), daħlet fis-seħħ fit‑22 ta’ April 1954. Din ġiet issupplimentata u emendata bil-Protokoll relatat mal-Istatus tar-Refuġjati, konkluż fi New York fil‑31 ta’ Jannar 1967, li daħal fis-seħħ fl‑4 ta’ Ottubru 1967 (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Genève”).


3      L-Artikolu 34 ta’ din il-konvenzjoni, intitolat “Naturalizzazzjoni”, jipprevedi li “[l]‑Istati Kontraenti għandhom sa fejn possibbli jiffaċilitaw l-assimilazzjoni u n‑naturalizzazzjoni tar-refuġjati. B’mod partikolari għandhom jagħmlu l-isforzi kollha sabiex iħaffu l-proċedimenti ta’ naturalizzazzjoni u jnaqqsu kemm jista’ jkun il-ħlasijiet u l-ispejjeż ta’ dawn il-proċedimenti”.


4      Direttiva 2011/95/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑13 ta’ Diċembru 2011 dwar standards għall-kwalifika ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali, għal stat uniformi għar-refuġjati jew għal persuni eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja, u għall-kontenut tal-protezzjoni mogħtija (ĠU 2011, L 337, p. 9).


5      Filwaqt li t-talba għal deċiżjoni preliminari u d-domandi preliminari jirreferu għal “benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali”, kif jidher minn dak ir-riferiment, T.G. għandu l-istatus ta’ refuġjat u ma jidhirx li huwa meħtieġ li f’dawn il-konklużjonijiet tiġi analizzata s-sitwazzjoni ta’ persuni li għandhom protezzjoni sussidjarja. L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 1(A)(2) tal-Konvenzjoni ta’ Genève jipprevedi li t-terminu “refuġjat” għandu japplika għal kull min, “minħabba f’biża’ ġustifikat li jiġi persegwitat għar-raġunijiet ta’ razziżmu, reliġjon, nazzjonalità, opinjoni politika jew sħubija ta’ grupp soċjali partikolari, huwa barra mill-pajjiż ta’ nazzjonalità u ma jistax, jew minħabba dan il-biża’, ma jixtieqx japprofitta ruħu mill‑protezzjoni ta’ dak il-pajjiż”. Dik id-definizzjoni ġiet inkorporata fl-Artikolu 2(d) tad-Direttiva dwar il-kwalifika.


6      Sentenza tal‑4 ta’ Ġunju 2015 (C‑579/13, EU:C:2015:369).


7      Sentenza tal‑4 ta’ Ġunju 2015, P u S (C-579/13, EU:C:2015:369, punt 48).


8      ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 272.


9      L-Artikolu 7(2) tal-Liġi dwar l-Integrazzjoni Ċivika.


10      Ara l-Artikolu 16 tal-Liġi dwar l-Integrazzjoni Ċivika.


11      Il-Professur Grahl-Madsen jiddikjara, inter alia, li “[d]ak li fissret fl-Artikolu 34 huwa fil-fatt it-tqegħid tal-bażi jew stepping stones sabiex ir-refuġjat ikun jista’ jiffamiljarizza ruħu mal-lingwa, mal-użanzi u mal-istil ta’ ħajja tan-nazzjoni fejn jgħix, sabiex huwa – mingħajr ebda sens ta’ koerżjoni – ikun jista’ jintegra ruħu aħjar fil-ħajja ekonomika, soċjali u kulturali tal-pajjiż ta’ refuġju tiegħu” (ara l-Kummissjoni Għolja tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Refuġjati [il-“UNHCR”] Commentary on the Refugee Convention 1951 (Artikoli 2 sa 11, 13 sa 37), Ottubru 1997, p. 146).


12      Ara, b’mod partikolari, il-premessi 3, 4 u 15 tad-Direttiva dwar il-kwalifika.


13      Feller, E., ex Assistent Kummissarju Għoli għall-Protezzjoni tar-Refuġjati mal-UNHCR.


14      Sentenza tal‑4 ta’ Ġunju 2015 (C‑579/13, EU:C:2015:369).


15      Ara l-punt 4 tad-digriet tar-rinviju.


16      L-Artikolu 67(2) TFUE jistipula li l-Unjoni Ewropea għandha tiżviluppa politika komuni dwar, inter alia, l-ażil. Barra minn hekk, l-Artikolu 78(1) TFUE jipprevedi li l-Unjoni għandha tiżviluppa politika komuni dwar l-ażil, b’konformità mal‑Konvenzjoni ta’ Genève. L-Artikolu 78(2) TFUE jkompli li, għal dan il-għan, għandhom jiġu adottati miżuri mil-leġiżlatur tal-UE.


17      Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tad‑19 ta’ Settembru 2013, Panellinios Syndesmos Viomichanion Metapoiisis Kapnou (C‑373/11, EU:C:2013:567, punt 26).


18      Ara, f’dan ir-rigward, il-premessi 12 u 40 u l-Artikolu 23(2) tad-Direttiva dwar il-kwalifika, u s-sentenzi tal‑24 ta’ Ġunju 2015, T. (C‑373/13, EU:C:2015:413, punti 95, 96 u 97), u tal‑14 ta’ Mejju 2019, M et (Revoka ta’ status ta’ refuġjat) (C‑391/16, C‑77/17 u C‑78/17, EU:C:2019:403, punti 91 u 99).


19      Ara, b’mod partikolari, il-Memorandum ta’ Spjegazzjoni mal-Proposta għal Direttiva tal-Kunsill dwar livelli stabbiliti minimi għall-kwalifika u l-istat ta' ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala refuġjati jew bħala persuni li nkella jeħtieġu protezzjoni internazzjonali u l-kontenut tal-protezzjoni mogħtija (COM/2001/0510 finali). Fir-rigward tal-Artikolu 31 (li sar l-Artikolu 34 tad‑Direttiva tal-Kunsill 2004/83/KE tad‑29 ta’ April 2004 dwar livelli stabbiliti minimi għall-kwalifika u l-istat ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala refuġjati jew bħala persuni li nkella jeħtieġu protezzjoni internazzjonali u l-kontenut tal-protezzjoni mogħtija (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 7, p. 96)), il-Kummissjoni tispjega li “huwa meħtieġ li jingħata appoġġ speċifiku lill-gruppi żvantaġġjati, inklużi ħafna refuġjati, iktar milli jingħataw biss aċċess ugwali għall-impjieg u opportunitajiet ta’ edukazzjoni”.


20      Min-naħa l-oħra, fil-Proposta tagħha għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar standards għall-kwalifika ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali, għal stat uniformi għar refuġjati jew għal persuni eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja, u għall-kontenut tal-protezzjoni mogħtija u li jemenda d-Direttiva tal-Kunsill 2003/109/KE tal‑25 ta’ Novembru 2003 dwar l istatus ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu residenti għat-tul (COM/2016/0466 final), il-leġiżlatura introduċiet dispożizzjoni li tippermetti lill-Istati Membri jagħmlu mandatorja l-parteċipazzjoni ta’ benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali f’miżuri ta’ integrazzjoni (l-Artikolu 38(2) ta’ dik il-proposta).


21      Ara, b’analoġija, is-sentenzi tal‑24 ta’ Ottubru 2013, Drozdovs (C‑277/12, EU:C:2013:685, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata), u tal‑14 ta’ Settembru 2017, Delgado Mendes (C‑503/16, EU:C:2017:681, punt 47).


22      Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tal‑4 ta’ Ġunju 2015, P u S (C‑579/13, EU:C:2015:369, punt 45). Ara wkoll, l-Artikolu 4(3) TEU, li minnu jirriżulta li l‑Istati Membri għandhom jieħdu kull miżura xierqa sabiex jiżguraw li l-obbligi li joħorġu mid-Direttiva dwar il-kwalifika jitwettqu u joqogħdu lura minn kwalunkwe miżura li tista’ tqiegħed f’perikolu l-kisba tal-għanijiet ta’ dik id-direttiva. Ara, b’analoġija, is-sentenzi tal‑4 ta’ Marzu 2010, Chakroun (C‑578/08, EU:C:2010:117, punt 43), fir‑rigward ta’ riunifikazzjoni tal-familja, u tat‑28 ta’ April 2011, El Dridi (C‑61/11 PPU, EU:C:2011:268, punti 53 u 55), fir-rigward ta’ immigrazzjoni u residenzi illegali.


23      Sentenza tal‑10 ta’ Settembru 2014, Ben Alaya (C‑491/13, EU:C:2014:2187, punt 22 u l-ġurisprudenza ċċitata).


24      Ara l-punti 41 u 42 iktar ’il fuq.


25      Berry, J.W., “Acculturation and adaptation in a new society”, International Migration, Vol. 30, 1992, p. 69 sa 85.


26      Akkademiċi pproponew qafas kunċettwali għall-integrazzjoni, miġbura f’erba’ oqsma prinċipali: (i) Fundamentali: status ta’ refuġjat, aċċess għal drittijiet, u ċittadinanza; (ii) Funzjonali: aċċess għal akkomodazzjoni, saħħa, sigurtà soċjali, xogħol deċenti, servizzi finanzjarji u edukazzjoni; (iii) Soċjali: relazzjonijiet u rabtiet soċjali fi ħdan il-komunità ospitanti, konnessjonijiet soċjali, networks, ħolqiet soċjali; (iv) Faċilitazzjoni: lingwa, taħriġ, konsulenza, għarfien kulturali, sigurtà, u stabbiltà. Ara Ager, A., u Strang, A., “Understanding integration: A conceptual framework”, Journal of Refugee Studies, Vol. 21, 2008, pp. 166 sa 191; https://academic.oup.com/jrs/article/21/2/166/1621262. Il-Kapitolu VII tad‑Direttiva dwar il-kwalifika jsemmi b’mod konkret uħud minn dawn l-oqsma fil‑forma ta’ drittijiet mogħtija lir-refuġjati.


27      Fil-liġi dwar id-drittijiet tal-bniedem, tista’ ssir distinzjoni bejn obbligi li jiġu osservati drittijiet, obbligi li jiġu protetti drittijiet u obbligi li jiġu implimentati drittijiet, għalkemm din id-distinzjoni ma hijiex stabbilita. L-Artikolu 34 tad‑Direttiva dwar il-kwalifika jaqa’ fit-tielet kategorija. Min-naħa l-oħra, tista’ ssir distinzjoni bejn obbligi pożittivi u negattivi.


28      Ara wkoll il-Memorandum ta’ Spjegazzjoni għall-proposta oriġinali tad‑Direttiva 2004/83, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 19, fejn il-Kummissjoni tirreferi għal-Linja Gwida Nru 7 tal-Linji Gwida għall-Impjiegi għall-2001 (Deċiżjoni tal-Kunsill 2001/63/KE tad‑19 ta’ Jannar 2001 dwar Linji Gwidi għall‑politika dwar l-Impjiegi għall-Istati Membri għas-sena 2001 (ĠU 2001, L 22, p. 18)) fejn “programmi intiżi sabiex jiffaċilitaw l-integrazzjoni tar-refuġjati fis-soċjetà tal-Istat Membru jistgħu pereżempju jinkludu” “pjan ta’ azzjoni mfassal apposta” dwar “impjieg u edukazzjoni”, “korsijiet tal-lingwa”, “korsijiet ta’ taħriġ bażiċi u avvanzati”, “miżuri immirati sabiex jippromwovu l-kura personali”, “avvenimenti organizzati sabiex jipprovdu introduzzjoni għall-istorja u l-kultura tal-Istat Membru” u “avvenimenti organizzati b’mod konġunt ma’ ċittadini tal-Istat Membru sabiex jippromwovu ftehim reċiproku”.


29      Ara, fost l-oħrajn, is-sentenza tad‑9 ta’ Novembru 2021, Bundesrepublik Deutschland (Żamma tal-unità tal-familja) (C‑91/20, EU:C:2021:898, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata).


30      Ara, għal dan il-għan, is-sentenza tal‑14 ta’ Mejju 2019, M et (Revoka tal-istatus ta’ refuġjat) (C‑391/16, C‑77/17 u C‑78/17, EU:C:2019:403).


31      Kummentarju dwar il-Konvenzjoni dwar ir-Refuġjati, Artikoli 2-11, 13-37, ippubblikat mid-Diviżjoni tal-Protezzjoni Internazzjonali tal-UNHCR, 1997, p. 146.


32      Ara l-kummentarju tal-Professur Grahl-Madsen iċċitat fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 11.


33      Ara UNHCR, Nota dwar l-Integrazzjoni tar-Refuġjati fl-Unjoni Ewropea, Mejju 2007, disponibbli fuq: https://www.refworld.org/policy/legalguidance/unhcr/2007/en/41624.


34      Ara l-Artikolu 52(7) tal-Karta.


35      Lock, T., “Article 18 CFR”, f’Manuel Kellerbauer, Marcus Klamert, u Jonathan Tomkin (edizzjonijiet), The EU Treaties and the Charter of Fundamental Rights: A Commentary, p. 2154.


36      Huwa importanti li jiġi nnotat li l-premessa 16 tiddikjara li d-Direttiva dwar il-kwalifika tfittex li “tiżgura rispett sħiħ għad-dinjità tal-bniedem u d-dritt għall‑ażil għal applikanti u għall-membri tal-familja li jakkompanjawhom u sabiex tippromwovi l-applikazzjoni tal-Artikoli 1, 7, 11, 14, 15, 16, 18, 21, 24, 34 u 35 ta’ dik il-Karta u għandha għalhekk tiġi implimentata kif meħtieġ”.


37      Sentenza tal‑24 ta’ Ġunju 2015, T. (C‑373/13, EU:C:2015:413, punt 97).


38      Ibid., punt 95.


39      Ibid., punt 98.


40      Ara l-punt 44 hawn fuq.


41      Ara l-Artikolu 31 tal-Memorandum ta’ Spjegazzjoni ċċitat fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 19.


42      Ara l-punt 44 iktar ’il fuq.


43      Ara wkoll il-premessa 41 tad-Direttiva dwar il-kwalifika.


44      Memorandum ta’ Spjegazzjoni għall-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar standards minimi għall-kwalifika u l-istatus ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali u l-kontenut tal-protezzjoni mogħtija (SEC(2009) 1373) (SEC(2009) 1374)/(COM(2009) 551 final) – COD 2009/0164/ “Elementi legali tal-proposta”, punt 7.


45      Ibid.


46      Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni mehmuż mal-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-istandards minimi għall‑kwalifika u l-istatus ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala l-benefiċjarji tal-protezzjoni internazzjonali u l-kontenut tal-protezzjoni mogħtija - Sommarju tal-Istima tal-Impatt (COM(2009) 551) (SEC(2009) 1374), p. 33.


47      Ibid.


48      Ara, għal dan il-għan, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Szpunar f’P u S (C‑579/13, EU:C:2015:39, punt 81).


49      Ara l-punt 44 iktar ’il fuq.


50      Ara l-punti 62 u 63 iktar ’il fuq.


51      Ara l-Memorandum ta’ Spjegazzjoni ċċitat fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 19.


52      Ara, bħala analoġija, l-Artikolu 9(4) tal-Konvenzjoni dwar l-Aċċess għall-Informazzjoni, il-Parteċipazzjoni tal-Pubbliku fit-Teħid ta’ Deċiżjonijiet u l-Aċċess għall-Ġustizzja fi Kwistjonijiet Ambjentali, iffirmata f’Aarhus fil‑25 ta’ Ġunju 1998 u approvata f’isem il-Komunità Ewropea permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/370/KE tas‑17 ta’ Frar 2005 (ĠU 2006, L 164M, p. 17), li jispeċifika li proċeduri nazzjonali ta’ reviżjoni ma għandhomx ikunu ta’ spiża projbittiva (sentenza tal‑15 Marzu 2018, North East Pylon Pressure Campaign and Sheehy, C‑470/16, EU:C:2018:185, punt 48).


53      Barra minn hekk, peress li hija miżura ta’ livellar, għandhom jiġu kkunsidrati korsijiet ta’ edukazzjoni simili offruti lil ċittadini tal-Istat Membru ospitanti jew lil ċittadini ta’ pajjiż terz oħra (bħal ħaddiema jew studenti) li huma wkoll intenzjonati bħala miżura ta’ livellar għal dawn il-gruppi soċjali, sabiex tiġi evitata diskriminazzjoni potenzjali tar-refuġjati fir-rigward ta’ dawk il-gruppi.


54      Fit‑28 ta’ Settembru 2000, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2000/596/KE li twaqqaf il-Fond Ewropew għar-Refuġjati bħala miżura ta’ solidarjetà sabiex jippromwovi bilanċ fl-isforzi mill-Istati Membri sabiex jirċievu u jsostnu l-konsegwenzi li jirċievu refuġjati u persuni ’l bogħod minn pajjiżhom.


55      Ara l-Artikolu 8(d) tar-Regolament (EU) Nru 516/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑16 ta’ April 2014 li jistabbilixxi l-Fond għall-Asil, il-Migrazzjoni u l‑Integrazzjoni, li temenda d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/381/KE u li tħassar id‑Deċiżjonijiet Nru 573/2007/KE u Nru 575/2007/KE tal-Parlament Ewropew u tal‑Kunsill u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/435/KE (ĠU 2014, L 150, p. 168), li jipprevedi li l-Fond għandu jappoġġja “korsijiet komprensivi ta’ orjentazzjoni ċivika u tagħlim lingwistiku”.


56      Ara l-punt 44 iktar ’il fuq.


57      B’mod partikolari, fuq il-kwistjoni ta’ effettività, f’P u S, fir-rigward tal-eżamijiet ta’ integrazzjoni ċivika imposti taħt id-Direttiva 2003/109, il-Qorti tal‑Ġustizzja ntalbet tiddeċiedi dwar l-ammont massimu tal-multa fil-każ ta’ nuqqas ta’ persuna li tgħaddi minn dawn l-eżamijiet. Bħala parti mill-evalwazzjoni tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja analizzat l-ispejjeż tar-reġistrazzjoni għall-eżamijiet, l-ispejjeż potenzjali għall-preparazzjoni, u l-fatt li dawk l-ispejjeż ma kinux irrimborsati f’każ li l-persuna ma tgħaddix mill-eżami. F’din il-kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li l-ħlas ta’ multa, apparti l-ispejjeż relatati mal-eżamijiet li jkunu saru, setgħu jippreġudikaw l-għanijiet li għandhom jiġu segwiti mid-Direttiva 2003/109 u b’hekk jipprekluduha mill-effettività tagħha. Ara s-sentenza tal‑4 ta’ Ġunju 2015, P u S (C‑579/13, EU:C:2015:369, punt 54). Fis-sentenza tad‑9 ta’ Lulju 2015, K u A (C‑153/14, EU:C:2015:453), il-Qorti tal-Ġustizzja eżaminat id-Direttiva tal-Kunsill 2003/86/KE tat‑22 ta’ Settembru 2003 dwar id-dritt għal riunifikazzjoni tal-familja (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 224) u l-obbligu taħt il-liġi tal-Pajjiżi l-Baxxi li jgħaddu minn eżami ta’ integrazzjoni ċivika bażiku fl-esteru qabel ma jidħlu fit-territorju tal-Istat Membru. B’mod partikolari, fir-rigward tal-ispejjeż, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, bħala regola, Stati Membri jistgħu jitolbu ċittadini ta’ pajjiżi terzi jħallsu l-ispejjeż u jistabbilixxu l-ammont tagħhom, iżda l-ammont tal-ispejjeż ma għandux ikollu l-għan jew l-effett li jagħmel l-eżerċizzju tad-dritt għal riunifikazzjoni tal-familja eċċessivament diffiċli jew impossibbli.


58      Ara, b’analoġija, il-ġurisprudenza dwar il-kapaċità individwali li tħallas fir-rigward tal-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva taħt l-Artikolu 47 tal-Karta. Kif iddikjarat mill-Avukat Ġenerali fil-konklużjonijiet tagħha f’Edwards (C‑260/11, EU:C:2012:645, punt 38), jista’ jkun li l-għajnuna legali tkun assolutament neċessarja jekk ir-riskji f’termini ta’ spejjeż, li huma aċċettabbli fil-prinċipju, jikkostitwixxu ostakolu insormontabbli għall-aċċess għall-ġustizzja minħabba l‑kapaċità limitata li tħallas tal-persuna kkonċernata. Ara wkoll il-ġurisprudenza ċċitata fis-sentenza tat‑22 ta’ Diċembru 2010, DEB (C‑279/09, EU:C:2010:811, punti 60 u 61), u d-digriet tat‑13 ta’ Ġunju 2012, GREP (C‑156/12, EU:C:2012:342, punt 40 et seq.).


59      Evalwazzjoni ex post tal-kapaċità finanzjarja tista’ wkoll tinterferixxi mad-dritt tar‑refuġjat li jeżerċita drittijiet oħra, bħad-dritt għal impjieg, għaliex il-kunsiderazzjoni tas-sitwazzjoni finanzjarja tiegħu jew tagħha wara l-programm ta’ integrazzjoni tista’ ttellef mill-benesseri ekonomiku u soċjali tiegħu jew tagħha.


60      Ara l-premessa 16 tad-Direttiva dwar il-kwalifika.


61      Memorandum ta’ Spjegazzjoni ċċitat fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 19.


62      Konklużjonijiet tal-ECRI tat‑3 ta’ Marzu 2022 dwar il-Pajjiżi l-Baxxi (CRI(2022) 03), paġna 4, disponibbli fuq: https://www.coe.int/en/web/european-commission-against-racism-and-intolerance/netherlands.,


63      Ibid.


64      Ara l-punti 49, 62, 63 u 65 iktar ’il fuq.


65      Ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑24 ta’ Ġunju 2015, T. (C‑373/13, EU:C:2015:413, punti 47 u 48), li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li l-fatt li l-formulazzjoni tal-Artikolu 24(1) tad-Direttiva 2004/83 ma teskludix b’mod espress il-possibbiltà li jiġi revokat permess ta’ residenza li kien inħareġ qabel lil refuġjat huwa wieħed mill-argumenti li jimmilitaw favur interpretazzjoni li tippermetti lill-Istati Membri jirrikorru għal tali miżura.


66      Ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑24 ta’ Ġunju 2015, T. (C‑373/13, EU:C:2015:413, punt 98).


67      Sentenza tal‑4 ta’ Ġunju 2015 (C‑579/13, EU:C:2015:369).


68      Ibid., punt 47.


69      Ibid., punti 47, 48 u 50.


70      Sentenza tad‑9 ta’ Lulju 2015 (C‑153/14, EU:C:2015:453).


71      Sentenza tal‑4 ta’ Ġunju 2015 (C‑579/13, EU:C:2015:369).


72      Sentenza tad‑9 ta’ Lulju 2015 (C‑153/14, EU:C:2015:453).


73      Huma applikaw għal dan l-istatus bejn l‑1 ta’ Jannar 2007 u l‑1 ta’ Jannar 2010.


74      Sentenza tal‑14 ta’ Mejju 2019, M et (Revoka ta’ status ta’ refuġjat), (C‑391/16, C‑77/17 u C‑78/17, EU:C:2019:403, punt 79).


75      Ara l-punti 49, 62, 63 u 65 iktar ’il fuq.


76      Ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑4 ta’ Ġunju 2015, P u S (C‑579/13, EU:C:2015:369, punt 48).


77      Fil-fatt, mill-proċess jirriżulta li l-miżata tal-eżami titħallas kull darba li jsir l-eżami.


78      Sentenza tal‑4 ta’ Ġunju 2015 (C‑579/13, EU:C:2015:369, punt 54).


79      Sentenza tad‑9 ta’ Lulju 2015 (C‑153/14, EU:C:2015:453, punt 69).


80      Ara s-sentenzi tal‑4 ta’ Ġunju 2015, P u S (C‑579/13, EU:C:2015:369, punt 54), u tad‑9 ta’ Lulju 2015, K u A (C‑153/14, EU:C:2015:453, punt 69).


81      Ibid.


82      Nota fuq l-Integrazzjoni tar-Refuġjati fl-Unjoni Ewropea, Mejju 2007, disponibbli fuq: https://www.refworld.org/policy/legalguidance/unhcr/2007/en/41624.


83      Ara l-kummentarju ċċitat fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 11 iktar ’il fuq.


84      Ara l-punt 54 iktar ’il fuq.


85      Skont rapporti fil-midja, nofs ir-refuġjati u l-migranti ma jtemmux b’suċċess ir-rekwiżiti ta’ integrazzjoni fiż-żmien preskritt, jiġifieri fi żmien tliet snin biex jgħaddu mill-eżami ta’ integrazzjoni; ara https://nos.nl/artikel/2100445-helft-nieuwkomers-haalt-inburgeringsexamen-niet.


86      Ara l-punt 80 iktar ’il fuq.


87      Sentenza tal‑4 ta’ Ġunju 2015, P u S (C‑579/13, EU:C:2015:369, punti 51 sa 54).