Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunale Amministrativo Regionale per il Lazio (l-Italja) fil-21 ta’ Diċembru 2023 – Meta Platforms Ireland Limited vs Autorità per le Garanzie nelle Comunicazioni

(Kawża C-797/23, Meta Platforms Ireland)

Lingwa tal-kawża: it-Taljan

Qorti tar-rinviju

Tribunale Amministrativo Regionale per il Lazio

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: Meta Platforms Ireland Limited

Konvenut: Autorità per le Garanzie nelle Comunicazioni

Domandi preliminari

L-Artikolu 15 [tad-Direttiva (UE) 2019/790 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ April 2019 dwar id-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-Suq Uniku Diġitali u li temenda d-Direttivi 96/9/KE u 2001/29/KE) 1 ] jista’ jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi l-introduzzjoni ta’ dispożizzjonijiet nazzjonali, bħal dawk previsti fl-Artikolu 43a tal-legge sul diritto di autore (il-Liġi dwar id-Drittijiet tal-Awtur) u dawk li jinsabu fid-Delibera AGCom 3/23/CONS (id-Deċiżjoni Nru 3/23/CONS) tal-Autorità per le Garanzie nelle Comunicazioni (l-Awtorità għall-Garanziji fil-Komunikazzjonijiet, iktar ’il quddiem l-“AGCom”)) – fil-punt fejn dawn:

1.a) jimponu fuq il-[fornituri tas-servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni (iktar ʼil quddiem l-“ISSP”)] obbligi ta’ remunerazzjoni (kumpens ġust), flimkien mad-drittijiet esklużivi msemmija fl-Artikolu 15 tad-Direttiva 2019/790, favur il-pubblikaturi;

    .1.b) jimponi obbligi fuq dawn l-ISSP:

– li jibdew negozjati mal-pubblikaturi,

– li jipprovdu lill-pubblikaturi stess u lill-AGCom l-informazzjoni meħtieġa sabiex jiddeterminaw il-kumpens ġust, u

– li ma jillimitawx il-viżibbiltà tal-kontenut tal-pubblikatur fir-riżultati tat-tiftix fl-istennija tat-tmiem tan-negozjati;

1.c) jagħtu lill-AGCom:

– setgħa ta’ sorveljanza u sanzjoni,

– is-setgħa li jiġu ddefiniti l-kriterji ta’ riferiment għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-kumpens ġust,

– is-setgħa li jiġi ddeterminat, f’każ ta’ assenza ta’ ftehim bejn il-partijiet, l-ammont eżatt tal-kumpens ġust?

L-Artikolu 15 tad-Direttiva 2019/790 jipprekludi dispożizzjonijiet nazzjonali, bħal dawk imsemmija fl-ewwel domanda, li jimponu fuq l-ISSP obbligu li jiżvelaw data suġġetta għall-kontroll mill-AGCom innifisha u li n-nuqqas ta’ konformità tagħha jwassal għall-applikazzjoni ta’ sanzjonijiet amministrattivi?

Il-prinċipji, imfakkra qabel, ta’ libertà tal-impriża, imsemmija fl-Artikoli 16 u 52 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, ta’ kompetizzjoni ħielsa, imsemmija fl-Artikolu 109 TFUE, u ta’ proporzjonalità, imsemmija fl-Artikolu 52 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, jipprekludi dispożizzjonijiet nazzjonali, bħal dawk imsemmija iktar ʼil fuq, li:

3a) jintroduċu drittijiet għal remunerazzjoni, minbarra d-drittijiet esklużivi previsti fl-Artikolu 15 tad-Direttiva 2019/790, li l-implimentazzjoni tagħhom hija akkumpanjata mill-imsemmija konfigurazzjoni ta’ obbligu, fuq l-ISSP, li jinbdew negozjati mal-pubblikaturi, obbligu li tiġi pprovduta lill-pubblikaturi u/jew lill-AGCom l-informazzjoni meħtieġa sabiex jiġi ddeterminat kumpens ġust, kif ukoll obbligu li ma jkunx hemm restrizzjoni tal-viżibilità tal-kontenut tal-pubblikatur fir-riżultati tat-tiftix fl-istennija ta’ dawn in-negozjati;

3.b) jagħtu lill-AGCom:

– setgħa ta’ sorveljanza u ta’ sanzjoni,

– is-setgħa li jiġu ddefiniti l-kriterji ta’ riferiment għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-kumpens ġust,

– is-setgħa li jiġi ddeterminat, f’każ ta’ assenza taħ ftehim bejn il-partijiet, is-somma eżatta tal-kumpens ġust?

____________

1     ĠU 2019, L 130, p. 92.