Language of document : ECLI:EU:T:2014:167

DIGRIET TAL-QORTI ĠENERALI (Is-Sitt Awla)

20 ta’ Marzu 2014 (*)

“Rikors għad-danni — Membri tal-Parlament Ewropew — Verifika tal-kredenzjali — Deċiżjoni tal-Parlament li tiddikjara mhux validu mandat ta’ deputat Ewropew — Annullament tad-deċiżjoni tal-Parlament b’sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja — Rikors parzjalment manifestament inammissibbli u parzjalment manifestament infondat fid-dritt”

Fil-Kawża T‑43/13,

Beniamino Donnici, residenti fi Castrolibero (l-Italja), irrappreżentat minn V. Vallefuoco u J.-M. Van Gyseghem, avukati,

rikorrent,

vs

Il-Parlament Ewropew, irrappreżentat minn N. Lorenz u S. Seyr, bħala aġenti,

konvenut,

li għandha bħala suġġett rikors għal danni intiż biex jinkiseb kumpens għad-dannu li r-rikorrent allegatament bata minħabba l-adozzjoni tad-deċiżjoni tal-Parlament tal-24 ta’ Mejju 2007 dwar il-verifika tal-kredenzjali tiegħu u li ġiet annullata b’sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fit-30 ta’ April 2009, L-Italja u Donnici vs Il-Parlament (C‑393/07 u C‑9/08, Ġabra p. I-3679),

IL-QORTI ĠENERALI (Is-Sitt Awla),

komposta minn S. Frimodt Nielsen (Relatur), President, F. Dehousse u A. Collins, Imħallfin,

Reġistratur: E. Coulon,

tagħti l-preżenti

Digriet

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Fl-elezzjoni tal-membri tal-Parlament Ewropew li seħħet fit-12 u t-13 ta’ Ġunju 2004, ir-rikorrent, Beniamino Donnici kien kandidat fil-lista komuni “Società Civile Di Pietro – Occhetto”. Din il-lista kisbet żewġ siġġijiet, l-ewwel wieħed fid-distrett tan-Nofsinhar tal-Italja u t-tieni fid-distrett tal-Majjistral tal-Italja. Antonio Di Pietro, li kien l-ewwel elett fiż-żewġ distretti, għażel id-distrett tan-Nofsinhar tal-Italja.

2        Achille Occhetto ġie t-tieni fil-listi elettorali meta jittieħed inkunsiderazzjoni n-numru ta’ voti miksuba fiż-żewġ distretti, u b’hekk għadda lir-rikorrent fid-distrett tan-Nofsinhar tal-Italja u lil Giulietto Chiesa fid-distrett tal-Majjistral tal-Italja. Peress li A. Di Pietro għażel is-siġġu tad-distrett tan-Nofsinhar tal-Italja, A. Occhetto kellu jiġi ddikjarat elett fid-distrett tal-Majjistral tal-Italja. Madankollu, b’dikjarazzjoni bil-miktub tas-6 ta’ Lulju 2004, li waslet l-għada fl-Ufficio elettorale nazionale per il Parlamento europeo presso la Corte di cassazione (Uffiċċju elettorali nazzjonali għall-Parlament Ewropew tal-Qorti ta’ Kassazzjoni Taljana, iktar ’il quddiem l-“uffiċċju elettorali Taljan”), A. Ochetto, li dak iż-żmien kellu mandat fis-Senat tar-Repubblika Taljana, irrinunzja għas-siġġu tiegħu fil-Parlament Ewropew fiż-żewġ distretti.

3        Wara din ir-rinunzja, l-uffiċċju elettorali Taljan iddikjara, fit-18 ta’ Lulju 2004, lil G. Chiesa bħala elett fid-distrett tal-Majjistral tal-Italja kif ukoll li A. Di Pietro bħala elett f’dak tan-Nofsinhar tal-Italja u fit-12 ta’ Novembru 2004, ikkomunika l-isem tar-rikorrent bħala l-ewwel fil-lista tas-sostituti ta’ A. Di Pietro għad-distrett tan-Nofsinhar tal-Italja, filwaqt li A. Occhetto, li kien irtira mill-elezzjoni, ma kienx jinsab f’din il-lista.

4        Fl-elezzjonijiet leġiżlattivi tad-9 u l-10 ta’ April 2006 fl-Italja, A. Di Pietro ġie elett bħala deputat fil-Parlament tar-Repubblika Taljana u għażel il-mandat nazzjonali tiegħu, b’effett mit-28 ta’ April 2006. Skont l-Artikolu 7(2) tal-Att dwar l-Elezzjoni tar-Rappreżentanti fil-Parlament Ewropew b’suffraġġ universali dirett anness mad-Deċiżjoni 76/78/KEKA, KKE, Euratom tal-Kunsill, tal-20 ta’ Settembru 1976 (ĠU L 278, p. 1), kif emendata u renumerata bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/772/KE, tal-25 ta’ Ġunju u tat-23 ta’ Settembru 2002, (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 4, p. 137), peress li din il-funzjoni kienet inkompatibbli mal-istatus ta’ Membru tal-Parlament Ewropew, dan tal-aħħar ikkonstata li s-siġġu inkwistjoni huwa vojt.

5        Permezz ta’ dikjarazzjoni tas-27 ta’ April 2006, indirizzata lill-uffiċċju elettorali Taljan, A. Occhetto, li kien kandidat għall-istess elezzjonijiet nazzjonali iżda ma kienx ġie elett mill-ġdid, irrevoka r-rinunzja tiegħu tas-6 ta’ Lulju 2004 u talab li jokkupa s-siġġu li sar vakanti wara l-għażla ta’ A. Di Pietro għall-Parlament nazzjonali.

6        Wara din id-dikjarazzjoni, l-uffiċċju elettorali Taljan fit-8 ta’ Mejju 2006, iddikjara li A. Occhetto ġie elett fil-Parlament Ewropew u f’din l-istess data kkomunika ismu lill-imsemmi Parlament bħala s-sostitut ta’ A. Di Pietro.

7        B’sentenza tal-21 ta’ Lulju 2006, it-Tribunale amministrativo regionale del Lazio (Tribunal amministrattiv reġjonali ta’ Lazio, l-Italja) ċaħad bħala infondat ir-rikors għal annullament ippreżentat mir-rikorrent kontra din id-dikjarazzjoni.

8        Ir-rikorrent ikkontesta wkoll quddiem il-Parlament Ewropew id-dikjarazzjoni ta’ A. Occhetto li tipprovdi li huwa hu d-deputat Ewropew minflok A. Di Pietro. Din il-kontestazzjoni ġiet eżaminata mill-Kumitat għall-Affarijiet Legali tal-Parlament Ewropew, fil-laqgħa tiegħu tal-21 ta’ Ġunju 2006. Wara li kkonstatat li, skont l-Artikolu 12 tal-Att dwar l-Elezzjoni tar-Rappreżentanti fil-Parlament Ewropew b’suffraġġ universali dirett anness mad-Deċiżjoni 76/78, kif emendata u renumerata, din il-kontestazzjoni ma kinitx ammissibbli minħabba li kienet ibbażat fuq il- legge Nru 18, Elezione dei membri del Parlamento europeo spettanti all’Italia (Liġi Nru 18, dwar l-elezzjonijiet tar-rappreżentanti Taljani fil-Parlament Ewropew) tal-24 ta’ Jannar 1979 (GURI n° 29, tat-30 ta’ Jannar 1979, p. 947), l-imsemmi Kumitat Affarijiet Legali tal-Parlament Ewropew ippropona, unanimament, li l-mandat ta’ A. Occhetto huwa validu. Fit-3 ta’ Lulju 2006, il-Parlament Ewropew irratifika l-mandat ta’ A. Occhetto.

9        Permezz ta’ sentenza tas-6 ta’ Diċembru 2006, il-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat, l-Italja) laqa’ l-appell tar-rikorrent mis-sentenza tat-Tribunale amministrativo regionale del Lazio u annulla d-dikjarazzjoni ta’ A. Occhetto bħala membru tal-Parlament, magħmula mill-uffiċċju elettorali Taljan fit-8 ta’ Mejju 2006.

10      Is-sentenza tal-Consiglio di Stato saret res judicata wara s-sentenza tas-26 ta’ Marzu 2007 tal-Corte suprema di cassazione (Qorti ta’ Kassazzjoni, l-Italja), li ddikjarat ir-rikors ta’ A. Occhetto bħala inammissibbli minħabba difett proċedurali.

11      Fid-29 ta’ Marzu 2007, l-uffiċċju elettorali Taljan ħa nota tas-sentenza tal-Consiglio di Stato u ddikjara li r-rikorrent huwa elett bħala membru tal-Parlament għad-distrett tan-Nofsinhar tal-Italja, u b’hekk irrevoka l-mandat ta’ A. Occhetto. Peress li din id-dikjarazzjoni ġiet ikkomunikata lill-Parlament Ewropew, dan tal-aħħar ħa nota tagħha fir-rapport tas-sessjoni plenarja tat-23 ta’ April 2007 li permezz tagħha r-rikorrent kien jokkupa siġġu fil-Parlament, iżda biss b’mod provviżorju u suġġett għad-deċiżjoni ulterjuri ta’ dan il-Parlament fuq il-verifika tal-kredenzjali tiegħu.

12      Sadanittant, permezz ta’ ittra tal-5 ta’ April 2007, A. Occhetto qajjem oġġezzjoni u talab li l-Parlament jikkonferma l-mandat tiegħu kif ukoll ma jivvalidax dak ta’ tar-rikorrent. Insegwitu għal din il-kontestazzjoni, il-Parlament issuġġetta l-mandat tar-rikorrent għall-eżami mill-Kumitat għall-Affarijiet Legali tiegħu.

13      B’deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tal-24 ta’ Mejju 2007, dwar il-verifika tal-kredenzjali tar-rikorrent (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), il-mandat tar-rikorrent ġie ddikjarat invalidu u dak ta’ A. Occhetto ġie kkonfermat.

14      Id-deċiżjoni kkontestata ġiet innotifikata lir-rikorrent fid-29 ta’ Mejju 2007.

15      Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-22 ta’ Ġunju 2007, ir-rikorrent ressaq rikors għal annullament kontra d-deċiżjoni kkontestata.

16      Barra minn hekk, ir-rikorrent ippreżenta talba għas-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni kkontestata. L-Imħallef għall-miżuri provviżorji laqa’ din it-talba permezz ta’ digriet tal-15 ta’ Novembru 2007, Donnici vs Il-Parlament Ewropew (T‑215/07 R, Ġabra p. II-4673) u ssospenda l-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni kkontestata. Għalhekk, ir-rikorrent seta’, mill-ġdid, ipoġġi fil-Parlament Ewropew.

17      Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fid-9 ta’ Awwissu 2007, irreġistrat bir-referenza C‑393/07, ir-Repubblika Taljana ressqet talba għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata.

18      Permezz ta’ digriet tat-13 ta’ Diċembru 2007, Donnici vs Il-Parlament (T-215/07, Ġabra p. II-5239), il-Qorti Ġenerali rrinunzjat il-kompetenza tagħha favur il-Qorti tal-Ġustizzja sabiex din tkun tista’ tiddeċiedi fuq ir-rikors għal annullament. Dan ġie inkluż fir-reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja taħt ir-Referenza C-9/08.

19      Permezz tas-sentenza tat-30 ta’ April 2009, L-Italja u Donnici vs Il-Parlament (C‑393/07 u C‑9/08, Ġabra p. I‑3679), il-Qorti tal-Ġustizzja annullat id-deċiżjoni kkontestata.

20      B’ittra tas-6 ta’ Lulju 2010, ir-rikorrent ikkuntattja lill-Parlament Ewropew biex jitlob kumpens għad-dannu subit insegwitu għall-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata.

21      Is-Segretarju Ġenerali tal-Parlament Ewropew wieġeb l-ittra tal-1 ta’ Ottubru 2010 u ċaħad it-talba għal danni tar-rikorrent.

22      B’ittra tat-22 ta’ Ġunju 2011, ir-rikorrent wieġeb l-ittra tas-Segretarju Ġenerali tal-Parlament Ewropew tal-1 ta’ Ottubru 2010 billi reġa’ sostna t-talba tiegħu għal danni u billi formalment intima lill-imsemmi Parlament. Huwa ma rċieva l-ebda tweġiba mingħand il-Parlament.

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

23      Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-reġistru tal-Qorti Ġenerali fid-29 ta’ Jannar 2013, ir-rikorrent ippreżenta dan ir-rikors.

24      B’att separat, ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-25 ta’ April 2013, il-Parlament Ewropew qajjem eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà skont l-Artikolu 114(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali. Ir-rikorrent ppreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu fuq din l-eċċezzjoni fit-10 ta’ Ġunju 2013.

25      Ir-rikorrent jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tikkundanna lill-Parlament Ewropew għall-ħlas tas-somma ta’ EUR 1 720 470 jew somma inferjuri ffissata mill-Qorti Ġenerali;

–        tikkundanna lill-Parlament Ewropew għall-ispejjeż.

26      Fl-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà, il-Parlament jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors bħala inammissibbli;

–        tikkundanna lir-rikorrent għall-ispejjeż.

27      Fl-osservazzjonijiet tiegħu dwar l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà, ir-rikorrent jitlob li l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà tiġi miċħuda u li t-talbiet tiegħu fir-rikors jintlaqgħu.

 Id-dritt

 L-argumenti tal-partijiet

28      Il-Parlament Ewropew isostni li r-rikors ġie ppreżentat wara l-iskadenza tat-terminu ta’ ħames snin previst bl-Artikolu 46 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

29      Ir-rikorrent essenzjalment jikkontesta li ppreżenta r-rikors għal kumpens wara l-iskadenza tat-terminu ta’ preskrizzjoni ta’ ħames snin u jitlob, min-naħa l-oħra, li l-Qorti Ġenerali tiddeċiedi fil-kontumaċja u tilqa’ t-talbiet tiegħu, peress li l-Parlament Ewropew, fil-fehma tiegħu, ippreżenta l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà tiegħu wara t-terminu ta’ xahrejn li huwa impost fuq il-konvenut biex jippreżenta r-risposta, liema terminu għandu japplika għall-ippreżentar tal-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà.

30      Ir-rikorrent jitlob kumpens għal erba’ kapijiet ta’ dannu: l-ewwel nett, in-nuqqas ta’ għoti tal-kumpens għal servizzi marbuta mal-funzjoni li kellu jirċievi bejn id-29 ta’ Marzu u l-15 ta’ Novembru 2007 kif ukoll, għall-istess perijodu, bosta kumpensi u bosta rimborsi fil-forom ta’ somom f’daqqa ta’ spejjez li huma marbuta mal-funzjoni ta’ deputat; it-tieni nett, it-telf tal-possibbiltà li jerġa’ jiġi elett għal mandat ġdid; it-tielet nett, il-fatt li ġie mċaħħad, bid-deċiżjoni kkontestata, milli jeżerċita d-dritt politiku tiegħu bħala membru tal-Parlament Ewropew matul kważi għoxrin fil-mija tat-tul tal-mandat tiegħu u, ir-raba’ nett, il-konsegwenzi dannużi tal-fatt li ġie prekluż milli jieħu s-siġġu tiegħu fuq id-drittijiet għall-pensjoni li huwa seta’ jikseb bħala membru tal-imsemmi Parlament.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

31      Skont l-Artikolu 114(1) tar-Regoli tal-Proċedura, jekk waħda mill-partijiet tagħmel talba f’dan is-sens, il-Qorti Ġenerali tista’ tieħu deċiżjoni dwar l-inammissibbiltà mingħajr ma tidħol fil-mertu tal-kawża. Skont il-paragrafu 3 tal-istess artikolu, il-proċeduri għandhom jitkomplew oralment sakemm il-Qorti Ġenerali ma tiddeċidix mod ieħor.

32      Skont l-Artikolu 111 tar-Regoli ta’ Proċedura, meta l-Qorti Ġenerali tkun manifestament inkompetenti li tieħu konjizzjoni ta’ rikors, jew fil-każ li tali rikors huwa manifestament inammissibbli jew manifestament infondat fid-dritt, il-Qorti Ġenerali tista’ tiddeċiedi permezz ta’ digriet motivat, u dan mingħajr ma tkompli l-proċedura.

33      F’din il-kawża, il-Qorti Ġenerali tqis li l-atti tal-proċess jipprovdulha biżżejjed informazzjoni, u li ma hemmx lok għalfejn jingħata bidu għall-proċedura orali.

 Fuq in-natura tardiva tal-ippreżentar tal-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà

34      Ir-rikorrent essenzjalment isostni li għandha tittieħed deċiżjoni fil-kontumaċja u li jintlaqgħu t-talbiet tiegħu, għaliex il-Parlament Ewropew, fil-fehma tiegħu, ippreżenta l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà wara l-iskadenza tat-terminu ta’ xahrejn, previst bl-Artikolu 46(1) tar-Regoli tal-Proċedura għall-ippreżentar tar-risposta, li japplika wkoll għall-ippreżentar tal-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà.

35      F’din il-kawża, ir-rikors ġie ppreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fid-29 ta’ Jannar 2013, ġie nnotifikat lill-Parlament Ewropew fit-18 ta’ Frar 2013 u rċevih fid-19 ta’ Frar 2013 (ara l-Anness B1 tal-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà).

36      Il-Parlament Ewropew ippreżenta l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà fil-25 ta’ April 2013.

37      Huwa paċifiku li t-terminu għall-ippreżentar tar-risposta huwa ta’ xahrejn.

38      Dan it-terminu huwa dak mogħti lill-istituzzjoni konvenuta biex twieġeb għar-rikors billi tagħżel jew li twieġeb fil-mertu, billi tippreżenta risposta, jew billi tqajjem l-inammissibbiltà tar-rikors, billi tippreżenta eċċezzjoni dwar dan, skont l-Artikolu 114(1) tar-Regoli tal-Proċedura.

39      Għandu jiġi kkunsidrat li t-terminu għall-ippreżentar tal-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà huwa wkoll ta’ xahrejn.

40      Madankollu, skont l-Artikolu 102(2) tar-Regoli tal-Proċedura, “it-termini tal-proċedura għandhom jiżdiedu darba b’terminu ta’ għaxart ijiem għal raġuni ta’ distanza”.

41      Barra minn hekk, ġie deċiż li t-terminu previst fl-Artikolu 46(1) tar-Regoli tal-Proċedura għall-ippreżentar tar-risposta jibda jiddekorri biss mid-data li fiha l-konvenuta tirċievi r-rikors (digriet tal-Qorti Ġenerali tal-14 ta’ Diċembru 1992, Lenz vs Il-Kummissjoni, T‑47/92, Ġabra p. II‑2523, punt 34).

42      Għandu jiġi kkunsidrat li din il-ġurisprudenza tapplika wkoll għat-terminu tal-ippreżentar tal-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà.

43      Għalhekk, f’din il-kawża t-terminu kien jintemm fid-29 ta’ April 2013.

44      Peress li l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà ġiet ippreżentata mill-Parlament Ewropew fil-25 ta’ April 2013, din għalhekk ma ġietx ippreżentata wara t-terminu.

45      Għalhekk it-talba tar-rikorrent intiża biex il-Qorti Ġenerali tiddeċiedi fil-kontumaċja għandha tiġi miċħuda.

 Fuq il-preskrizzjoni

46      Skont l-Artikolu 46 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-azzjonijiet kontra l-Unjoni Ewropea f’materja ta’ responsabbiltà mhux kuntrattwali jiġu preskritti b’ħames snin li jingħaddu minn meta jiġri l-fatt li jagħti lok għalihom.

47      It-terminu ta’ preskrizzjoni hekk kif previst ġie ddeterminat bit-teħid inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, taż-żmien neċessarju għall-parti allegatament leża sabiex tiġbor l-informazzjoni xierqa għal rikors eventwali u sabiex tivverifika l-fatti li jistgħu jiġu invokati insostenn ta’ dan ir-rikors (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-8 ta’ Novembru 2012, Evropaïki Dynamiki vs Il-Kummissjoni, C‑469/11 P, punt 33, u l-ġurisprudenza ċċitata).

48      Skont ġurisprudenza stabbilita, dan it-terminu jibda jiddekorri meta jkunu sodisfatti r-rekwiżiti li għalihom huwa suġġett l-obbligu ta’ kumpens u, b’mod partikolari, meta jimmaterjalizza ruħu d-dannu li jrid jiġi kkumpensat (ara s-sentenza Evropaïki Dynamiki vs Il-Kummissjoni, punt 47 iktar ’il fuq, punt 34, u l-ġurisprudenza ċċitata).

49      Ċertament, l-Artikolu 46 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja għandu jiġi interpretat fis-sens li l-preskrizzjoni ma tistax tiġi invokata kontra vittma li sofriet danni u li saret taf biss tard wisq bil-fatt li ta lok għal dawn id-danni u għalhekk ma setgħetx ikollha żmien raġonevoli biex tippreżenta r-rikors jew it-talba tagħha qabel l-iskadenza tal-perijodu ta’ preskrizzjoni (ara s-sentenza Evropaïki Dynamiki vs Il-Kummissjoni, punt 47 iktar ’il fuq, punt 35, u l-ġurisprudenza ċċitata).

50      Madankollu, ir-rekwiżiti li huwa suġġett għalihom l-obbligu ta’ kumpens għad-danni previsti fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE u, għaldaqstant, ir-regoli ta’ preskrizzjoni li jirregolaw l-azzjonijiet intiżi għall-kumpens tal-imsemmija danni, jistgħu jkunu bbażati biss fuq kriterji strettament oġġettivi (ara s-sentenza Evropaïki Dynamiki vs Il-Kummissjoni, punt 47 iktar ’il fuq, punt 36, u l-ġurisprudenza ċċitata).

51      Għalhekk, għarfien preċiż tal-fatti tal-kawża ma jinsabx fost l-elementi li għandhom jiġu sodisfatti sabiex jibda jiddekorri t-terminu ta’ preskrizzjoni. Bl-istess mod, l-evalwazzjoni suġġettiva tar-realtà tad-dannu mill-vittma ta’ dan id-dannu ma tistax tittieħed inkunsiderazzjoni fid-determinazzjoni tal-bidu tad-dekorrenza tat-terminu ta’ preskrizzjoni tal-azzjoni għal responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni Ewropea (ara s-sentenza Evropaïki Dynamiki vs Il-Kummissjoni, punt 47 iktar ’il fuq, punt 37, u l-ġurisprudenza ċċitata).

52      Fil-każ ta’ tilwimiet li joriġinaw minn atti individwali, it-terminu ta’ preskrizzjoni jibda jiddekorri minn meta d-deċiżjoni pproduċiet l-effetti tagħha fir-rigward tal-persuni kkonċernati minnha (ara s-sentenza Evropaïki Dynamiki vs Il-Kummissjoni, punt 47 iktar ’il fuq, punt 38, u l-ġurisprudenza ċċitata).

53      F’din il-kawża, it-talba għal kumpens tar-rikorrent hija bbażata fuq id-deċiżjoni kkontestata li permezz tagħha l-Parlament Ewropew iddikjara bħala invalidu l-mandat tar-rikorrent u kkonferma l-mandat ta’ A. Occhetto.

54      Għalhekk, id-deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tikkostitwixxi l-fatt li wassal għad-dannu li jista’ jagħti lok għar-responsabbiltà kuntrattwali tal-Unjoni, fatt li r-rikorrent isostni huwa stess fil-punt 40 tar-rikors.

55      L-effetti dannużi tad-deċiżjoni kkontestata konsegwentement seħħew fir-rigward tar-rikorrent mill-mument li fih il-Parlament Ewropew innotifikalu d-deċiżjoni kkontestata.

56      F’dan il-kuntest, il-fatt li d-deċiżjoni kkontestata ġiet annullata bis-sentenza L-Italja u Donnici vs Il-Parlament, punt 19 iktar ’il fuq, ma huwiex rilevanti. Fil-fatt, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li ma tagħmilx differenza, għall-bidu tat-terminu ta’ preskrizzjoni, li l-aġir illegali tal-Unjoni ġie kkonstatat b’deċiżjoni tal-qorti (ara s-sentenza Evropaïki Dynamiki vs Il-Kummissjoni, punt 47 iktar ’il fuq, punt 42, u l-ġurisprudenza ċċitata). L-argument tar-rikorrent imnissel mis-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-27 ta’ Jannar 1982, Birra Wührer et vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni (256/80, 257/80, 265/80, 267/80 u 5/81, Ġabra p. 85), u De Franceschi vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni (51/81, Ġabra p. 117), u tal-Qorti Ġenerali tas-27 ta’ Settembru 2007, Pelle u Konrad vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni (T‑8/95 u T‑9/95, Ġabra p. II‑4117), li jipprovdu li l-preskrizzjoni tibda tiddekorri mill-mument li fih il-Qorti tal-Ġustizzja tiddikjara att illegali, tirriżulta minn qari żbaljat tagħhom u għandu jiġi għalhekk injorat.

57      Ċertament, skont l-Artikolu 46 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, it-terminu ta’ preskrizzjoni jista’ jiġi interrott bit-tressiq ta’ talba preliminari indirizzata lill-istituzzjoni kompetenti. Madankollu, f’dan il-każ, l-interruzzjoni tal-preskrizzjoni tinkiseb biss jekk it-talba hija segwita b’rikors fit-terminu stabbiliti b’riferiment għall-Artikolu 263 TFUE jew għall-Artikolu 265 TFUE.

58      Issa, f’din il-kawża, l-ittri tas-6 ta’ Lulju 2010 u tat-22 ta’ Ġunju 2011, indirizzati mir-rikorrent lill-Parlament Ewropew ma ġewx segwiti b’rikors fit-terminu stabbiliti b’riferiment għall-Artikolu 263 TFUE jew għall-Artikolu 265 TFUE. L-imsemmija ittri huma għalhekk bla effett fuq it-terminu ta’ preskrizzjoni ta’ ħames snin previst bl-Artikolu 46 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja.

59      Madankollu, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, dannu jitqies li huwa ta’ natura kontinwa minħabba li l-ammont tiegħu jiżdied b’relazzjoni man-numru ta’ jiem li jgħaddu (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-28 ta’ Frar 2013, Inalca u Cremonini vs Il-Kummissjoni, C‑460/09 P, punt 80).

60      Issa, fil-każ ta’ dannu kontinwu, il-preskrizzjoni msemmija fl-Artikolu 46 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tapplika, skont id-data tal-att li jinterrompi, għall-perijodu preċedenti ta’ iktar minn ħames snin minn din id-data, mingħajr ma taffettwa drittijiet eventwali maħluqa matul il-perijodi sussegwenti (digrieti tal-Qorti Ġenerali tal-14 ta’ Diċembru 2005, Arizona Chemical et vs Il-Kummissjoni, T‑369/03, Ġabra p. II‑5839, punt 116, u tal-10 ta’ April 2008, 2K-Teint et vs Il-Kummissjoni u BEI, T‑336/06, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 106).

61      Konsegwentement, il-kapijiet differenti ta’ dannu li dwarhom ir-rikorrent qed jitlob kumpens għandhom jiġu eżaminati.

62      L-ewwel nett, ir-rikorrent jitlob li jitħallas is-somma ta’ EUR 90 000 (EUR 12 000 × 7.5-il xahar) abbażi tal-kumpens għal servizzi marbuta mal-funzjoni mhux riċevuti bejn id-29 ta’ Marzu u l-15 ta’ Novembru 2007.

63      Ir-rikorrent jitlob ukoll li jingħata kumpens, għall-istess perijodu mid-29 ta’ Marzu sal-15 ta’ Novembru 2007, għall-kapijiet differenti ta’ dannu segwenti, minħabba t-telf ta’ possibbiltà, skont koeffiċjent li huwa qies f’90 %: EUR 45 000 abbażi ta’ rimbors fil-forma ta’ somma f’daqqa għall-ispejjeż tal-ajru (EUR 1 500 × 4 ġimgħat × 7.5-il xahar), EUR 2 000 abbażi ta’ rimbors fil-forma ta’ somma f’daqqa għal kungressi u laqgħat organizzati madwar mejda tonda (EUR 3 800 fis-sena), EUR 43 500 abbażi ta’ kumpens għal residenza (EUR 290 × 5 ijiem ta’ xogħol × 4 ġimgħat × 7.5-il xahar), EUR 112 500 abbażi tal-assenza ta’ assistenti parlamentari (EUR 15 000 × 7.5-il xahar) u EUR 30 000 abbażi ta’ rimbors fil-forma ta’ somma f’daqqa għall-ispejjeż iġġenerati, jiġifieri total ta’ EUR 234 300 li, immultiplikati b’90 %, iwasslu għall-ammont finali ta’ EUR 210 870.

64      Issa, id-dannu allegat seħħ b’mod definittiv fil-15 ta’ Novembru 2007, skont l-istess rikorrent.

65      Għalhekk, it-terminu ta’ preskrizzjoni kien skada fil-15 ta’ Novembru 2012, u l-ebda att ma interrompa dan it-terminu peress li r-rikors ġie ppreżentat biss fid-29 ta’ Jannar 2013.

66      Għalhekk, it-talba fir-rigward tal-ewwel kap tat-talbiet għal dannu hija preskritta.

67      F’dan ir-rigward, l-argument tar-rikorrent li jipprovdi li d-dannu, fil-15 ta’ Novembru 2007, kien biss prevedibbli u mhux ċert, u li sar ċert biss wara s-sentenza L-Italja u Donnici vs Il-Parlament, li annullat id-deċiżjoni kkontestata, huwa mingħajr bażi.

68      Fil-fatt, id-dannu, ikkostitwit bit-telf tal-kumpens għal servizzi marbuta mal-funzjoni u ta’ kumpens u rimbors fil-forma ta’ somma f’daqqa tal-ispejjeż marbuta mal-imsemmija funzjoni bejn id-29 ta’ Marzu u l-15 ta’ Novembru 2007, kien totalment ikkonkretizzat u, għalhekk, ċert fil-15 ta’ Novembru 2007.

69      Barra minn hekk, fi kwalunkwe każ, il-konstatazzjoni ta’ illegalità tad-deċiżjoni kkontestata hija mingħajr effett fuq il-mument tal-bidu tat-terminu ta’ preskrizzjoni (ara punt 56 iktar ’il fuq).

70      Fl-aħħar nett, b’mod sussidjarju, għandu jiġi rrilevat li r-rikorrent kellu s-siġġu tiegħu — jew tal-inqas kien f’pożizzjoni li jkollu s-siġġu — mit-23 ta’ April 2007 (id-data li fiha l-Parlament Ewropew irrikonoxxa, fil-plenarja, in-nomina tar-rikorrent bħala deputat) sal-24 ta’ Mejju 2007 (id-data li fiha l-Parlament iddikjara l-mandat tar-rikorrent bħala invalidu).

71      It-tieni nett, ir-rikorrent jitlob li jingħata s-somma ta’ EUR 200 000 minħabba li ġie mċaħħad, bid-deċiżjoni kkontestata, milli jeżerċita d-dritt politiku tiegħu bħala membru tal-Parlament Ewropew matul kważi għoxrin fil-mija tat-tul tal-mandat tiegħu.

72      Għandu mill-ġdid jiġi kkonstatat li d-dannu eventwali subit mir-rikorrent kien fi kwalunkwe każ totalment ikkonkretizzat fil-15 ta’ Novembru 2007, skont l-iskritturi tiegħu stess.

73      Għalhekk, it-talba fir-rigward ta’ dan it-tieni kap ta’ talbiet hija wkoll preskritta.

74      Fl-aħħar nett, fit-tielet lok, ir-rikorrent isostni li, peress li ma setax jeżerċita l-funzjonijiet tiegħu matul seba’ xhur u nofs, huwa ma setax jikseb drittijiet għall-pensjoni għall-mandat kollu tiegħu.

75      Għalhekk huwa jitlob li jitħallas is-somma ta’ EUR 831 600, li tikkorrispondi għat-totalità tad-drittijiet li kieku kien ser jikseb matul il-ħames snin tiegħu ta’ mandat, evalwata ex aequo et bono fuq bażi ta’ ħmistax-il sena.

76      Għandu jiġi kkonstatat li d-dannu eventwali subit mir-rikorrent — jiġifieri l-assenza tal-kisba ta’ drittijiet għall-pensjoni bejn Marzu u Novembru 2007 — kien fi kwalunkwe każ totalment ikkonkretizzat fil-15 ta’ Novembru 2007, skont l-iskritturi tiegħu stess.

77      Għalhekk, it-talba fir-rigward ta’ dan it-tielet u l-aħħar kap ta’ talba għal danni hija wkoll preskritta.

78      Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li, minn naħa, peress li kien biss membru supplenti u ma poġġiex bejn it-12 u t-13 ta’ Ġunju 2004 u d-29 ta’ Marzu 2007, ma jistax jippretendi li twaqqaf milli jikseb drittijiet għall-pensjoni matul il-perijodu li fih huwa ma kienx membru tal-Parlament Ewropew. Min-naħa l-oħra, peress li poġġa bejn il-15 ta’ Novembru 2007 u s-6 ta’ Ġunju 2009, data li fiha ntemmet il-leġiżlatura, ir-rikorrent kien f’pożizzjoni li jikseb id-drittijiet għall-pensjoni matul dan il-perijodu.

79      Konsegwentement, għandu jiġi kkunsidrat li l-azzjoni sabiex tiġi kkonstatata r-responsabbiltà mibdija mir-rikorrent kontra l-Parlament Ewropew kienet preskritta fil-mument tal-preżentata tar-rikors fir-rigward tat-tliet kapijiet ta’ dannu eżaminati iktar ’il fuq.

 Fuq it-telf ta’ possibbiltà li jiġi elett mill-ġdid għal ħames snin addizzjonali

80      Ir-rikorrent jitlob li jingħata EUR 388 000 minħabba t-telf tal-possibbiltà li jerġa’ jiġi elett għal ħames snin addizzjonali, sa fejn, essenzjalment, huwa ġie prekluż milli jkollu s-siġġu għal seba’ xhur u nofs u wara ġie involut f’kawża ġudizzjarja li segwiet dan u li damet tkarkar għal iktar minn sentejn. Huwa jqis li għalhekk twarrab mill-ħajja politika għal kważi għoxrin fil-mija tat-tul tal-mandat tiegħu, fatt li waqqfu milli jiżviluppa netwerk permezz ta’ attività politika kompluta. Huwa jqis li d-dannu tiegħu jirriżulta kemm mit-telf ta’ kumpens minħabba servizzi marbuta mal-funzjoni li kien ikollu dritt għalihom kieku ġie elett, kif ukoll mill-iżvilupp ġdid li dan il-mandat kien ser ikollu għall-karriera politika tiegħu, ta’ valur ekonomiku partikolari b’għoti ta’ funzjonijiet istituzzjonali oħrajn prestiġjużi.

81      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, ir-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni u l-implementazzjoni tad-dritt għal kumpens tad-dannu subit, skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 288 KE, jiddependu mill-issodisfar ta’ numru ta’ kundizzjonijiet li jikkonċernaw l-illegalità tal-aġir li bih huma akkużati l-istituzzjonijiet, ir-realtà ta’ dannu u l-eżistenza ta’ rabta kawżali bejn dan l-aġir u d-dannu invokat (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-18 ta’ Marzu 2010, Trubowest Handel u Makarov vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni , C‑419/08 P, Ġabra p. I‑2259, punt 40, u l-ġurisprudenza ċċitata).

82      Sa fejn it-tliet kundizzjonijiet tar-responsabbiltà prevista fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 288 KE għandhom ikunu kumulattivament sodisfatti, il-fatt li waħda minnhom tkun nieqsa huwa biżżejjed biex jinċaħad rikors għad-danni (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-9 ta’ Settembru 1999, Lucaccioni vs Il-Kummissjoni, C‑257/98 P, Ġabra p. I‑5251, punt 14).

83      Barra minn hekk, ma jeżisti ebda obbligu li jiġu eżaminati l-kundizzjonijiet tar-responsabbiltà ta’ istituzzjoni f’ordni determinat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Lucaccioni vs Il-Kummissjoni, punt 82 iktar ’il fuq, punt 13).

84      Il-prinċipji komuni fl-ordinamenti ġuridiċi tal-Istati Membri li jirreferi għalihom it-tieni paragrafu tal-Artikolu 288KE ma jistgħux jiġu invokati insostenn tal-eżistenza ta’ obbligu impost fuq l-Unjoni biex jikkumpensa kull konsegwenza dannuża, anki limitata, tal-aġir tal-korpi tagħha. Fil-fatt, il-kundizzjoni dwar ir-rabta kawżali tirrigwarda l-eżistenza ta’ rabta suffiċjentement diretta ta’ kawża u effett bejn l-aġir tal-istituzzjonijiet u d-dannu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Trubowest Handel u Makarov Il-Kunsill vs Il-Kummissjoni, punt 81 iktar ’il fuq, punt 53 u l-ġurisprudenza ċċitata).

85      Issa, f’din il-kawża, ir-rikorrent sempliċement jallega li ma reġax ġie elett minħabba li twaqqaf milli jokkupa s-siġġu bejn id-29 ta’ Marzu u l-15 ta’ Novembru 2007 u li dan id-dannu kkonkretizza fil-jum li fih huwa ma reġax tela’; madankollu, huwa ma jistabbilixxi bl-ebda mod ir-rabta suffiċjentement diretta ta’ kawża u effett bejn dawn iż-żewġ avvenimenti.

86      Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li r-rikorrent lanqas ma stabbilixxa li kien kandidat għall-elezzjonijiet Ewropej u li f’din l-okkażjoni kien f’lista elettorali.

87      Għalhekk, f’dan ir-rigward, għandu jiġi kkunsidrat li t-talba tiegħu hija manifestament inammissibbli u manifestament infondata fid-dritt.

88      Bħala konklużjoni, ir-rikors għandu jiġi miċħud kollu kemm hu.

 Fuq l-ispejjeż

89      Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li r-rikorrent tilef, hemm lok li jiġi kkundannat għall-ispejjeż marbutin ma’ din il-proċedura, kif mitlub mill-Parlament Ewropew.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Is-Sitt Awla)

tordna:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Beniamino Donnici huwa kkundannat għall-ispejjeż marbutin ma’ din il-proċedura.

Il-Lussemburgu, 20 ta’ Marzu 2014.

Reġistratur

 

      Il-President

E. Coulon

 

      S. Frimodt Nielsen


* Lingwa tal-kawża: it-Taljan.