Language of document :

Rikors ippreżentat fit-2 ta’ Awwissu 2013 – Companhia Previdente e Socitrel vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-409/13)

Lingwa tal-kawża: il-Portugiż

Partijiet

Rikorrenti: COMPANHIA PREVIDENTE - Sociedade de Controle de Participações Financeiras, SA (Lisbona, il-Portugall) u SOCITREL – Sociedade Industrial de Trefilaria, SA (Trofa, il-Portugall) (rappreżentanti: D. Proença de Carvalho, J. Caimoto Duarte, F. Proença de Carvalho u T. Luísa Faria, avukati)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

tiddikjara r-rikors ammissibbli u fondat;

tannulla d-Deċiżjoni tad-Direttorat Ġenerali għall-Kompetizzjoni tal-Kummissjoni Ewropea D/2013/048425, tal-24 ta’ Mejju 2013, dwar ir-rifjut għal tnaqqis minħabba assenza ta’ kapaċità kontributtiva, tal-multa imposta fuq SOCITREL taħt ksur tal-proċedura skont l-Artikolu 101 TFUE u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE, li ddikjarat ukoll li COMPANY PREVIDENTE hija responsabbli in solidum għall-ħlas ta’ din il-multa;

tapplika fir-rigward tar-rikorrenti t-tnaqqis tal-multa, minħabba assenza ta’ kapaċità kontributtiva.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti jinvokaw żewġ motivi.

L-ewwel motiv ibbażat fuq ksur mill-Kummissjoni Ewropea tal-obbligu ta’ motivazzjoni taħt l-Artikolu 296 TFUE, minħabba li ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-provi mressqa mill-grupp COMPANHIA PREVIDENTE dwar l-insolvenza tagħha

Ir-rikorrenti jallegaw li kien hemm ksur tal-Artikolu 296 TFUE , minħabba li r-rifjut tat-tnaqqis tal-multa minħabba assenza ta’ kapaċità kontributtiva ma kienx sostanzjat b’mod xieraq, peress li ma humiex analizzati speċifikament il-kundizzjonijiet li, skont il-prattika deċiżjonali tal-Kummissjoni Ewropea (b’mod partikolari, skont il-punt 35 tal-Linji Gwida għall-kalkolu tal-multi imposti skont l-Artikolu 23(2)(a) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 1 , iktar ’il quddiem il-“Linji Gwida”), u skont il-ġurisprudenza tal-qrati tal-Unjoni Ewropea dwar l-insolvenza, għandhom ikunu sodisfatti sabiex jingħata tnaqqis tal-multa f’dan il-kuntest, u sa fejn l-argumenti invokati minn COMPANHIA PREVIDENTE matul il-proċedura inkwistjoni quddiem il-Kummissjoni Ewropea ma ġewx indirizzati b’mod xieraq, f’dak li jikkonċerna l-osservanza ta’ dawn il-kundizzjonijiet mill-grupp COMPANHIA PREVIDENTE.

It-tieni motiv ibbażat fuq żball ta’ fatt, żball manifest ta’ evalwazzjoni u ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, minħabba li l-Kummissjoni ma kinitx naqqset il-multa minħabba assenza ta’ kapaċità kontributtiva tal-grupp COMPANHIA PREVIDENTE

Ir-rikorrenti jallegaw li kien hemm żball ta’ fatt, żball manifest ta’ evalwazzjoni u ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, peress li l-fatti rilevanti kollha ma ġewx ikkunsidrati b’mod xieraq u minħabba li l-provi prodotti minn COMPANHIA PREVIDENTE ma ġewx eżaminati adegwatament matul il-proċedura ta’ reviżjoni tal-multa minħabba assenza ta’ kapaċità kontributtiva, skont l-punt 35 tal-Linji Gwida, u l-multa baqgħet waħda li tmur lil hinn mill-possibbiltajiet finanzjarji attwali tal-grupp COMPANHIA PREVIDENTE.

Barra minn hekk, ir-rikorrenti jitolbu skont l-Artikolu 261 TFUE, it-tnaqqis, minħabba assenza ta’ kapaċità kontributtiva, tal-multa imposta fuq SOCITREL, li COMPANY PREVIDENTE hija responsabbli in solidum għaliha.

____________

1 ĠU 2006, C 210, p. 2.