Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Augstākā tiesa (Senāts) (il-Latvja) fil-11 ta’ Jannar 2021 – Sabiedrisko pakalpojumu regulēšanas komisija, Ekonomikas ministrija, Finanšu ministrija vs SIA “GM”

(Kawża C-17/21)

Lingwa tal-kawża: il-Latvjan

Qorti tar-rinviju

Augstākā tiesa (Senāts)

Partijiet fil-kawża prinċipali

Konvenuta u appellanti fl-appell: Sabiedrisko pakalpojumu regulēšanas komisija

Rikorrenti u appellata fl-appell: SIA “GM”

Partijiet oħra fil-proċedura: Ekonomikas ministrija, Finanšu ministrija

Domandi preliminari

L-obbligu impost fuq l-operatur pubbliku li jixtri l-elettriku mingħand produtturi li jużaw sorsi rinnovabbli ta’ enerġija għal prezz superjuri għall-prezz tas-suq, billi jibbenefika mill-obbligu impost fuq il-konsumatur finali li jħallas prezz proporzjonali għall-konsum, għandu jiġi kkunsidrat bħala intervent tal-Istat jew bħala għajnuna mogħtija permezz tar-riżorsi tal-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea?

Il-kunċett ta’ “liberalizzazzjoni tas-suq tal-elettriku” għandu jiġi interpretat fis-sens li jista’ jiġi kkunsidrat li l-liberalizzazzjoni diġà seħħet meta jkunu jeżistu ċerti elementi ta’ kummerċ ħieles, bħal, pereżempju, kuntratti konklużi minn operatur pubbliku ma’ fornituri ta’ Stati Membri oħra? Jista’ jiġi kkunsidrat li l-liberalizzazzjoni tas-suq tal-elettriku tibda fil-mument meta l-liġi tagħti lil parti mill-utenti tal-elettriku (pereżempju, l-utenti tal-elettriku konnessi man-netwerk ta’ trasport jew l-utenti tal-elettriku mhux residenzjali konnessi man-netwerk ta’ distribuzzjoni) id-dritt li wieħed jibdel il-fornitur tal-elettriku? L-evoluzzjoni tal-leġiżlazzjoni tas-suq tal-elettriku fil-Latvja, b’mod partikolari s-sitwazzjoni qabel is-sena 2007, għandha effett fuq l-evalwazzjoni tal-għajnuna mogħtija lill-produtturi tal-elettriku, fid-dawl tal-Artikolu 107(1) TFUE (għall-iskop tar-risposta għall-ewwel domanda)?

Fil-każ li r-risposta għall-ewwel u t-tieni domanda tkun fis-sens li l-għajnuna mogħtija lill-produtturi tal-elettriku ma tikkostitwixxix għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, il-fatt li r-rikorrenti topera attwalment f’ suq tal-elettriku liberalizzat u li l-ħlas ta’ kumpens jagħtiha, fil-preżent, vantaġġ meta mqabbla ma’ operaturi oħra fis-suq inkwistjoni, iwassal sabiex il-kumpens jiġi kkunsidrat bħala għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE?

Fil-każ li r-risposta għall-ewwel u t-tieni domanda tkun fis-sens li l-għajnuna mogħtija lill-produtturi tal-elettriku tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, it-talba tar-rikorrenti intiża għal kumpens għat-telf imġarrab minħabba l-eżerċizzju mhux komplet tad-dritt legali għal ħlas ogħla għall-elettriku prodott għandha, fil-kuntest tal-eżami tal-għajnuna mill-Istat prevista fl-Artikolu 107 TFUE, tiġi kkunsidrata bħala talba għall-għoti ta’ għajnuna mill-Istat ġdida jew inkella bħala talba għall-ħlas ta’ parti mill-għajnuna mill-Istat li ma kinitx ġiet riċevuta preċedentement?

Fil-każ li r-risposta għar-raba’ domanda tkun li t-talba għal kumpens għandha tiġi kkunsidrata, fil-kuntest taċ-ċirkostanzi preċedenti, bħala talba għall-ħlas ta’ parti mill-għajnuna mill-Istat li ma kinitx ġiet riċevuta preċedentement, mill-Artikolu 107(1) TFUE jirriżulta li, fil-preżent, sabiex jiġi deċiż dwar il-ħlas ta’ tali għajnuna mill-Istat, huwa neċessarju li tiġi eżaminata s-sitwazzjoni attwali tas-suq u li tittieħed inkunsiderazzjoni l-leġiżlazzjoni fis-seħħ (inkluż restrizzjonijiet attwali fil-qasam tal-kumpens eċċessiv)?

Il-fatt li, b’differenza miċ-ċentrali idroelettriċi, iċ-ċentrali bir-riħ ibbenefikaw, fil-passat, minn għajnuna mill-Istat sħiħa, huwa relevanti għall-interpretazzjoni tal-Artikolu 107(1) TFUE?

Il-fatt li parti biss miċ-ċentrali idroelettriċi li bbenefikaw minn għajnuna mill-Istat mhux sħiħa issa ngħataw kumpens huwa relevanti għall-interpretazzjoni tal-Artikolu 107(1) TFUE?

L-Artikolu 3(2) u l-Artikolu 7(1) tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1407/2013 tat-18 ta’ Diċembru 2013 dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 107 u 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għall-għajnuna de minimis 1 għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-kriterji previsti għall-għajnuna de minimis huma applikabbli għall-għajnuna inkwistjoni f’din il-kawża sa fejn l-ammont tal-għajnuna ma jmurx lil hinn mil-limitu de minimis? L-Artikolu 5(2) tar-Regolament Nru 1407/2013 għandu jiġi interpretat fis-sens li, f’din il-kawża, il-fatt li t-telf inkwistjoni jiġi kkwalifikat bħala għajnuna de minimis jista’ jagħti lok għal kumulu pprojbit, fid-dawl tal-kundizzjonijiet stabbiliti fid-deċiżjoni tal-Kummissjoni SA.43140 sabiex jiġi evitat kumpens eċċessiv?

Fil-każ li f’dan il-każ jiġi kkunsidrat li ngħatat/tħallset għajnuna mill-Istat, il-punti (b) u (c) tal-Artikolu 1 tar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/1589 tat-13 ta’ Lulju 2015 li jistabblixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea 2 għandhom jiġu interpretati fis-sens li ċirkustanzi bħal dawk fil-każ inkwistjoni jikkorrispondu għal għajnuna mill-Istat ġdida u mhux għal għajnuna mill-Istat eżistenti?

Fil-każ li r-risposta għad-disa’ domanda tkun fl-affermattiv, l-eżami tal-punt dwar jekk is-sitwazzjoni tar-rikorrenti hijiex kompatibbli mal-għoti ta’ għajnuna eżistenti tat-tip imsemmi fl-inċiż (iv) tal-punt b tal-Artikolu 1 tar-Regolament 2015/1589 jimplika li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni biss id-data meta sar il-ħlas effettiv tal-għajnuna bħala l-punt ta’ tluq ta’ preskrizzjoni fis-sens tal-Artikolu 17(2) tar-Regolament 2015/1589?

Fil-każ li jiġi kkunsidrat li ngħatat/tħallset għajnuna mill-Istat, l-Artikolu 108(3) TFUE u l-Artikolu 2(1) u l-Artikolu 3 tar-Regolament 2015/1589 għandhom jiġu interpretati fis-sens li modalitajiet ta’ notifika tal-għajnuna mill-Istat bħal dik inkwistjoni f’din il-kawża huma kkunsidrati adegwati meta l-qorti nazzjonali tilqa’ talba għal danni bil-kundizzjoni li tkun ingħatat deċiżjoni tal-Kummissjoni li tawtorizza l-għajnuna u li tordna lill-Ministeru tal-Ekonomija jinnotifika lill-Kummissjoni l-għajnuna għall-attivitajiet kummerċjali f’terminu ta’ xahrejn mid-data tal-għoti tas-sentenza?

Il-fatt li l-kumpens għad-danni jintalab mingħand awtorità pubblika (il-Kummissjoni Regolatorja tas-Servizzi Pubbliċi) li, storikament, qatt ma kellha tħallas tali spejjeż u li l-baġit tagħha huwa magħmul mit-taxxi Statali mħallsa mill-fornituri ta’ servizzi pubbliċi fis-setturi rregolati, li huma intiżi unikament sabiex jiżguraw il-funzjonament tal-awtorità regolatorja, huwa relevanti għall-interpretazzjoni tal-Artikolu 107(1) TFUE?

Modi ta’ kumpens bħal dawk inkwistjoni f’din il-kawża huma kompatibbli mal-prinċipji li jirregolaw is-setturi rregolati li huma stabbiliti mid-dritt tal-Unjoni, inkluż l-Artikolu 12 u l-premessa 30 tad-Direttiva 2002/20/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Marzu 2002 dwar l-awtorizzazzjoni ta’ networks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi 3 , kif emendata bid-Direttiva 2009/140/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-25 ta’ Novembru 2009 4 ?

____________

1 ĠU 2013, L 352, p. 1.

2 ĠU 2015, L 248, p. 9.

3 ĠU 2020, L 108, p. 21.

4 Direttiva 2009/140/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2009 li temenda d-Direttivi 2002/21/KE dwar qafas regolatorju komuni għan-networks ta’ komunikazzjonijiet u servizzi elettroniċi, 2002/19/KE dwar l-aċċess għal, u l-interkonnessjoni ta’, networks ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi u faċilitajiet assoċjati, u 2002/20/KE dwar l-awtorizzazzjoni ta’ networks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi (ĠU 2009, L 337, p. 37, rettifika fil-ĠU 2013, L 241, p. 8).