Language of document :

Rikors ippreżentat fit-13 ta’ Ġunju 2014 – Remolcadores Nosa Terra u Hospital Povisa vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-432/14)

Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol

Partijiet

Rikorrenti: Remolcadores Nosa Terra, SA (Vigo, Spanja); u Hospital Povisa, SA (Vigo) (rappreżentant: J. Otero Novas, avukat)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

tannulla d-deċiżjoni kkontestata sa fejn tordna l-irkupru tal-vantaġġi li, skont din l-istess deċiżjoni kkontestata, irċevew il-kumpanniji rikorrenti bħala membri ta’ diversi gruppi b’interess ekonomiku (iktar ’il quddiem il-“GIE”), u

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Id-deċiżjoni li qiegħda tiġi kkontestata f’din il-kawża hija l-istess bħal dik fil-Kawża T-515/13, Spanja vs Il-Kummissjoni.

Insotenn tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti jinvokaw il-kunsiderazzjonijiet fattwali segwenti:

Is-Sistema Spanjola tat-Taxxa tal-Lokazzjoni (iktar ’il quddiem is-“STL”) tikkostitwixxi sistema integrata waħda li fiha d-diversi miżuri li jikkostitwixxuha – li min-naħa tagħhom huma legali jew illegali skont il-kriterji tal-Kummissjoni – huma essenzjali sabiex jiġu konklużi kuntratti għall-kostruzzjoni ta’ bastimenti ma’ tarzni Spanjoli

Għalkemm il-vantaġġi diretti meqjusa bħala illegali mill-Kummissjoni ngħataw lill-GIE parteċipanti, is-sistema sħiħa kienet maħsuba u implementata b’tali mod li dawn il-vantaġġi jgħaddu sussegwentement lill-parteċipanti kollha fis-sistema: it-tarzni, il-GIE, is-sidien tal-bastimenti, il-banek organizzaturi u kumpanniji intermedjarji fir-rigward ta’ diversi tranżazzjonijiet.Fid-deċiżjoni tagħha, il-Kummissjoni ordnat lill-Istat jirkupra l-għajnuna mogħtija illegalment iżda dan biss mingħand il-GIE, b’tali mod li eskludiet lill-parteċipanti l-oħra fis-sistema mill-oneru ta’ rkupru.Il-Kummissjoni ma mmotivatx id-deċiżjoni tagħha li teżerċita l-possibbiltà ta’ rkupru u lanqas ma spjegat għalfejn l-oneru ta’ rkupru jaqa’ biss fuq il-GIE.Id-deċiżjoni li l-oneru ta’ rkupru jaqa’ biss fuq il-GIE saret għal raġunijiet differenti minn dawk li jiġġustifikaw l-għoti lill-Kummissjoni tas-setgħa li tordna tali rkupru.