Language of document : ECLI:EU:T:2016:577

Kawża T-437/14

Ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“FAEGG, taqsima ‘Garanziji’ – FAEG u FAEŻR – Spejjeż esklużi mill-finanzjament – Sistema integrata ta’ ġestjoni u ta’ kontroll – Tnaqqis u esklużjonijiet f’każ ta’ inosservanza tar-regoli tal-kundizzjonalità – Korrezzjoni finanzjarja b’rata fissa stabbilita mill-Kummissjoni skont id-direzzjonijiet interni adottati f’dan il-qasam – Oneru tal-prova – Interpretazzjoni tal-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 73/2009”

Sommarju – Sentenza tal-Qorti Ġenerali (Ir-Raba’ Awla) tat-28 ta’ Settembru 2016

1.      Dritt tal-Unjoni Ewropea – Interpretazzjoni – Metodi – Interpretazzjoni litterali, sistematika u teleoloġika

2.      Agrikoltura – Politika Agrikola Komuni – Skemi ta’ għajnuna diretta – Regoli komuni –Rekwiżiti regolatorji fil-qasam tal-ġestjoni – Rekwiżti fil-qasam tal-identifikazzjoni u ta’ reġistrazzjoni ta’ annimali – Portata

(Regolamenti tal-Kunsill Nru 21/2004, Artikolu 3 sa 8, u Nru 73/2009, Artikolu 4 u Anness II)

3.      Rikors għal annullament – Suġġett – Deċiżjoni bbażata fuq diversi punti ta’ raġunament, li kollha huma suffiċjenti sabiex id-dispożittiv ikun ibbażat fuqhom – Annullament ta’ deċiżjoni bħal din – Kundizzjonijiet

(Artikolu 263 TFUE)

1.      Fl-interpretazzjoni ta’ diżpożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni Ewropea, hemm lok li jiġu kkunsidrati mhux biss it-termini tagħha, iżda wkoll il-kuntest tagħha u l-għanijiet segwiti mil-leġiżlazzjoni li tagħmel parti minnha. F’dan ir-rigward, meta l-interpretazzjonijiet litterali u storiċi ta’ leġiżlazzjoni, u b’mod partikolari ta’ waħda mid-dispożizzjonijiet tagħha, ma jippermettux li tiġi evalwata l-portata preċiża tagħha, l-interpretazzjoni tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni għandha tiġi bbażata kemm fuq l-għan tiegħu kif ukoll fuq l-istruttura ġenerali tagħha.

(ara l-punti 59, 60)

2.      Fir-rigward tar-rekwiżiti regolatorji fil-qasam tal-ġestjoni li l-bdiewa li jirċievu ħlasijiet diretti huma obbligati li josservaw skont l-Artikolu 4 tar-Regolament 73/2009 li jistabbilixxi regoli komuni għal skemi ta’ appoġġ dirett għal bdiewa fi ħdan il-politika agrikola komuni u li jistabbilixxi ċerti skemi ta’ appoġġ għal bdiewa, ir-rekwiżti Nru 8, inkluż fl-Anness II tal-imsemmi regolament jagħmel riferiment, għall-identifikazzjoni u r-reġistrazzjoni tal-annimali, għall-Artikoli 3, 4 u 5 tar-Regolament Nru 21/2004, li jistabbilixxi sistema għall-identifikazzjoni u r-reġistrazzjoni tal-annimali ovini u kaprini.

Fir-rigward tas-sens li jeħtieġ li jingħata lir-riferiment magħmul mill-imsemmi rekwiżit għall-Artikoli 3 sa 5 tar-Regolament Nru 21/2004, hemm lok li jiġi kkunsidrat li l-uniċi elementi msemmija fl-Artikoli 4 u 5 u elenkati fl-Artikolu 3(a) u (b) tal-istess regolament, huma elevati bħala rekwiżiti ta’ kundizzjonalità.Il-loġika ta’ din l-interpretazzjoni hija kkonfermata mid-differenza tan-natura bejn, minn naħa, l-elementi elenkati fl-Artikolu 3(a) u (b) tar-Regolament Nru 21/2004 u riprodotti fl-Artikoli 4 u 5 tal-imsemmi regolament, u min-naħa l-oħra, l-elementi msemmija fl-Artikolu 3(c) u (d) tar-Regolament Nru 21/2004 u riprodotti fl-Artikoli 6 sa 8 tal-imsemmi regolament. Fil-fatt, għall-kuntrarju tal-elementi li jinsabu fl-Artikoli 4 sa 5 tar-Regolament Nru 21/2004, l-elementi previsti fl-Artikoli 6 sa 8 tal-imsemmi regolament jikkonċernaw l-obbligi imposti essenzjalment fuq l-Istati Membri biss, fatt li jista’ jispjega l-volontà tal-leġiżlatur li ma jirrendix l-osservanza tagħhom kundizzjoni għall-ħlasijiet favur il-bdiewa.Konsegwentement, għalkemm Stat Membru huwa marbut bir-Regolament Nru 21/2004 fl-intier tiegħu, li jinkludi l-Artikoli 5 sa 8 tiegħu, l-osservanza ta’ dawn l-Artikoli ma tistax tiġi kkunsidrata, inkluż permezz tar-riferiment għall-Artikolu 3 tiegħu mir-rekwiżit regolatorju fil-qasam tal-ġestjoni Nru 8, bħala li tikkundizzjona l-ħlasijiet favur il-bdiewa.

(ara l-punti 63, 66, 67, 70)

3.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punt 73)