Language of document : ECLI:EU:T:2022:261

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla)

27 ta’ April 2022 (*)

“Responsabbiltà mhux kuntrattwali – Kooperazzjoni tal-pulizija u ta’ servizzi oħra fl-infurzar tal-liġi tal-Istati Membri – Ġlieda kontra l-kriminalità – Komunikazzjoni ta’ informazzjoni mill-Europol lil Stat Membru – Allegat ipproċessar illegali ta’ data – Regolament (UE) 2016/794 – Artikolu 50(1) – Dannu morali”

Fil-Kawża T‑436/21,

Leon Leonard Johan Veen, residenti f’Oss (il-Pajjiżi l-Baxxi), irrappreżentat minn T. Lysina, avukat,

rikorrent,

vs

L-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fl-Infurzar tal-Liġi (Europol), irrappreżentata minn A. Nunzi, bħala aġent, assistit minn G. Ziegenhorn u M. Kottmann, avukati,

konvenuta,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla),

komposta minn J. Svenningsen (Relatur), President, R. Barents u C. Mac Eochaidh, Imħallfin,

Reġistratur: E. Coulon,

wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura,

wara li rat li ma kienx hemm talba għall-iffissar ta’ seduta mressqa mill-partijiet fit-terminu ta’ tliet ġimgħat mid-data tan-notifika tal-għeluq tal-fażi bil-miktub tal-proċedura u wara li ddeċidiet, skont l-Artikolu 106(3) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, li tagħti deċiżjoni mingħajr il-fażi orali tal-proċedura,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz tar-rikors tiegħu bbażat fuq l-Artikolu 268 TFUE, ir-rikorrent, Leon Leonard Johan Veen, jitlob kumpens għad-dannu li huwa ġarrab wara l-ipproċessar illegali ta’ data personali mill-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fl-Infurzar tal-Liġi (Europol).

 Ilfatti li wasslu għallkawża

2        Fil-kuntest tal-investigazzjoni wara qbid ta’ 1.5 tunnellata metamfetamina, il-pulizija Slovakka talbet l-assistenza tal-Europol abbażi tal-Artikolu 3(1) u tal-Artikolu 4(1)(a), (b) u (h) tar-Regolament (UE) 2016/794 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑11 ta’ Mejju 2016 dwar l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fl-Infurzar tal-Liġi (Europol) u li jissostitwixxi u jħassar id-Deċiżjonijiet tal-Kunsill 2009/371/ĠAI, 2009/934/ĠAI, 2009/935/ĠAI, 2009/936/ĠAI u 2009/968/ĠAI (ĠU 2016, L 135, p. 53), billi indikatilha b’mod partikolari li r-rikorrent kien taħt suspett li kien involut fit-traffikar ta’ din is-sustanza.

3        Abbażi ta’ informazzjoni trażmessa mill-Istati Membri u pproċessata skont l-Artikolu 17(1)(a), l-Artikolu 18(1) u (2)(a), (c) u (d) u l-Artikolu 31 tar-Regolament 2016/794, Europol wettqet operazzjoni ta’ kontroverifika skont l-Artikolu 18(2)(a) tal-imsemmi regolament, u sussegwentement fasslet rapport (iktar ’il quddiem ir-“rapport”).

4        Ir-rapport, li l-livell ta’ kunfidenzjalità tiegħu kien “Europol mhux ikklassifikat – Livell ta’ protezzjoni bażika”, ġie kkomunikat biss lir-Repubblika Franċiża, lir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, lir-Repubblika Slovakka u lill-United States Drug Enforcement Administration (l-Amministrazzjoni għall-Ġlieda Kontra d-Droga, l-Istati Uniti tal-Amerika).

5        Fir-rapport, redatt bl-Ingliż, l-isem tar-rikorrent jinsab fil-paragrafu li ġej:

“Both, Leon Leonard Johan Veen and [A] came into noticed in several Dutch investigations concerning suspicious transactions. In addition, Leon Leonard Johan Veen had been reported also in a Swedish investigation concerning drugs trafficking and a Polish investigation concerning fraud.” (Leonard Johan Veen u [A] kienu t-tnejn implikati f’diversi investigazzjonijiet Olandiżi dwar tranżazzjonijiet suspettużi. Barra minn hekk, Leonard Johan Veen kien ukoll irrapportat f’investigazzjoni Svediża dwar traffikar tad-droga u f’investigazzjoni Pollakka dwar frodi).

 Ittalbiet talpartijiet

6        Ir-rikorrent jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tikkundanna lill-Europol tħallsu s-somma ta’ EUR 50 000;

–        tikkundanna lill-Europol għall-ispejjeż.

7        Europol titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrent għall-ispejjeż.

 Iddritt

8        Permezz ta’ dan ir-rikors, ir-rikorrent jinvoka l-aġir dannuż ta’ Europol, li jirriżulta minn operazzjonijiet ta’ pproċessar ta’ data illegali, u jitlob il-kumpens, sa EUR 50 000, għad-dannu morali li jirriżulta minn dan l-aġir, abbażi tal-Artikoli 268 u 340 TFUE kif ukoll tal-Artikolu 50(1) tar-Regolament 2016/794.

9        Skont l-Artikolu 50(1) tar-Regolament 2016/794, kull individwu li jkun ġarrab dannu minħabba operazzjoni ta’ pproċessar illegali għandu jkollu d-dritt għal kumpens għad-dannu mġarrab, jew mill-Europol konformement mal-Artikolu 340 TFUE, jew mill-Istat Membru li fih seħħ l-avveniment li wassal għad-dannu konformement mal-liġi nazzjonali tiegħu.

10      Peress li r-rikorrent adixxa lill-Qorti Ġenerali b’rikors kontra l-Europol, ir-rikors tiegħu għandu jiġi eżaminat abbażi tal-Artikoli 268 u 340 TFUE.

 Fuq lammissibbiltà

11      Europol tqis li r-rikors huwa inammissibbli minħabba nuqqas ta’ ċarezza u ta’ preċiżjoni tar-rikors.

12      Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 21 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, applikabbli għall-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali abbażi tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 53 tal-istess statut, kif ukoll tal-Artikolu 76(d) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, ir-rikors għandu jinkludi s-suġġett tal-kawża, it-talbiet u l-argumenti invokati kif ukoll espożizzjoni fil-qosor tal-imsemmija motivi. Dawn l-elementi għandhom ikunu ċari u preċiżi biżżejjed sabiex il-konvenut ikun jista’ jipprepara d-difiża tiegħu u l-Qorti Ġenerali tkun tista’ tiddeċiedi fuq ir-rikors, jekk ikun il-każ, mingħajr informazzjoni oħra. Sabiex tiġi ggarantita ċ-ċertezza legali u amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja, huwa neċessarju, sabiex rikors ikun ammissibbli, li l-elementi essenzjali ta’ fatt u ta’ liġi li dan jibbaża ruħu fuqhom jirriżultaw b’mod koerenti u komprensibbli mit-test tar-rikors innifsu (ara d-digriet tal‑11 ta’ Marzu 2021, Techniplan vs Il‑Kummissjoni, T‑426/20, mhux ippubblikat, EU:T:2021:129, punt 19 u l-ġurisprudenza ċċitata).

13      Sabiex jissodisfa dawn ir-rekwiżiti ta’ ċarezza u preċiżjoni, rikors għal kumpens għal dannu allegatament ikkawżat minn istituzzjoni tal-Unjoni għandu jinkludi l-elementi, il-provi u l-proposti tal-provi li jippermettu li jiġi identifikat l-aġir li r-rikorrent jallega fil-konfront tal-istituzzjoni, ir-raġunijiet li għalihom huwa jqis li teżisti rabta kawżali bejn l-aġir u d-dannu li huwa jallega li sostna, kif ukoll in-natura u l-portata ta’ dan id-dannu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑7 ta’ Ottubru 2015, Accorinti et vs BĊE, T‑79/13, EU:T:2015:756, punt 53 u l-ġurisprudenza ċċitata).

14      F’dan il-każ, mir-rikors jirriżulta li r-rikorrent għandu l-intenzjoni li jikseb kumpens għad-dannu li huwa jqis li ġarrab minħabba ż-żewġ istanzi ta’ aġir ta’ Europol, jiġifieri, minn naħa, ir-riferiment għal data personali li tikkonċernah fir-rapport (l-ewwel kap tat-talba) u, min-naħa l-oħra, il-ħlas minn Europol ta’ dan ir-rapport fil-fajl tal-proċedura kriminali Slovakka mmexxija kontrih (it-tieni kap tat-talba), li fir-rigward tiegħu huwa jesponi n-natura illegali, fid-dawl tad-dispożizzjonijiet li jikkonferixxu drittijiet lil individwu, fosthom dawk li jiggarantixxu l-osservanza tad-data personali tiegħu.

15      Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li s-suġġett tar-rikors u l-motivi ppreżentati mir-rikorrent fir-rikors jirriżultaw b’mod suffiċjentement komprensibbli mit-test stess tiegħu. Barra minn hekk, din il-konstatazzjoni hija kkonfermata mill-fatt li Europol kienet f’pożizzjoni li tirrispondi għall-imsemmija motivi.

16      Barra minn hekk, fir-rigward tal-argument tal-Europol dwar l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà bbażata fuq l-insuffiċjenza ta’ provi prodotti mir-rikorrent dwar l-allegat aġir illegali u l-allegat dannu, għandu jiġi kkonstatat li tali kwistjonijiet ma jaqgħux taħt l-evalwazzjoni tal-ammissibbiltà tat-talba għal kumpens, iżda taħt dik tal-fondatezza tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑29 ta’ Settembru 2021, Kočner vs Europol, T‑528/20, mhux ippubblikata, taħt appell, EU:T:2021:631, punt 39).

17      Għaldaqstant, għandu jitqies li r-rikors jissodisfa r-rekwiżiti previsti fl-Artikolu 76(d) tar-Regoli tal-Proċedura u, għalhekk, li huwa ammissibbli.

 Fuq ilmertu

18      Preliminarjament, għandu jitfakkar li, skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE, fil-każ ta’ responsabbiltà mhux kuntrattwali, l-Unjoni għandha, skont il-prinċipji ġenerali komuni għal sistemi legali tal-Istati Membri, tikkumpensa kull dannu kkaġunat mill-istituzzjonijiet tagħha jew mill-membri tal-persunal tagħha fit-twettiq ta’ dmirijiethom.

19      Minn naħa, minn dan jirriżulta li t-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE jagħti kompetenza lill-qorti tal-Unjoni biss sabiex tikkumpensa d-danni kkawżati mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni jew mill-membri tal-persunal tagħhom li jaġixxu fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet tagħhom, jiġifieri sabiex jikkumpensaw id-danni li jistgħu jinvolvu r-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni (digriet tad‑9 ta’ Lulju 2019, Scaloni u Figini vs Il‑Kummissjoni, T‑158/18, mhux ippubblikat, EU:T:2019:491, punt 19, u sentenza tad‑29 ta’ Settembru 2021, Kočner vs Europol, T‑528/20, mhux ippubblikata, taħt appell, EU:T:2021:631, punt 59).

20      F’dan ir-rigward, skont ġurisprudenza stabbilita, il-kunċett ta’ “istituzzjoni” fis-sens tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE jinkorpora mhux biss l-istituzzjonijiet tal-Unjoni elenkati fl-Artikolu 13(1) TUE, iżda wkoll il-korpi u l-organi tal-Unjoni stabbiliti mit-Trattati, jew bis-saħħa tagħhom, u intiżi li jikkontribwixxu għat-twettiq tal-għanijiet tal-Unjoni (ara sentenza tas‑16 ta’ Diċembru 2020, Il‑Kunsill et vs K. Chrysostomides& Co. et, C‑597/18 P, C‑598/18 P, C‑603/18 P u C‑604/18 P, EU:C:2020:1028, punt 80 u l-ġurisprudenza ċċitata), inklużi l-aġenziji tal-Unjoni, għalhekk Europol (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑29 ta’ Settembru 2021, Kočner vs Europol, T‑528/20, mhux ippubblikata, taħt appell, EU:T:2021:631, punt 60).

21      Min-naħa l-oħra, ir-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni, fis-sens tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE, hija suġġetta għal tliet kundizzjonijiet kumulattivi, jiġifieri l-illegalità tal-aġir li bih tkun akkużata l-istituzzjoni tal-Unjoni, ir-realtà tad-dannu u l-eżistenza ta’ rabta kawżali bejn l-aġir ta’ din l-istituzzjoni u d-dannu invokat (sentenza tas‑16 ta’ Diċembru 2020, Il‑Kunsill et vs K. Chrysostomides& Co. et, C‑597/18 P, C‑598/18 P, C‑603/18 P u C‑604/18 P, EU:C:2020:1028, punt 79).

22      Sa fejn dawn it-tliet kundizzjonijiet għandhom jiġu ssodisfatti b’mod kumulattiv, l-assenza ta’ waħda minnhom hija biżżejjed sabiex rikors għad-danni jiġi miċħud (sentenza tal‑25 ta’ Frar 2021, Dalli vs Il‑Kummissjoni, C‑615/19 P, EU:C:2021:133, punt 42).

23      Huwa fid-dawl tal-prinċipji msemmija iktar ’il fuq li għandha tiġi eżaminata kull waħda miż-żewġ kapijiet tat-talba.

 Fuq lewwel kap tattalba

24      Ir-rikorrent jitlob kumpens għad-dannu li huwa jqis li ġarrab minħabba n-natura mhux eżatta u mhux ipprovata tar-referenza mill-Europol fir-rapport tiegħu għall-fatt li huwa kien is-suġġett ta’ investigazzjoni fl-Isvezja għal traffikar tad-droga u ta’ investigazzjoni fil-Polonja għal frodi, minkejja li ebda investigazzjoni li tikkonċernah ma hija pendenti jew ma twettqet f’dawn l-Istati.

25      Ir-riferiment għal din l-informazzjoni ineżatta u mhux ipprovata dwaru jikkostitwixxi operazzjoni ta’ pproċessar ta’ data personali illegali, li tippreġudika d-dritt tiegħu għar-rispett tal-ħajja privata u tal-ħajja tal-familja, id-dritt tiegħu għall-protezzjoni tad-data personali tiegħu kif ukoll il-prinċipju tal-preżunzjoni tal-innoċenza, kollha ggarantiti mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”). Fil-fatt, din l-informazzjoni tippreżentah bħala persuna involut fit-traffikar tad-droga jew fi frodi.

26      Skont ir-rikorrent, dan il-preġudizzju huwa a fortiori illegali peress li huwa ma setax jesprimi ruħu fuq l-informazzjoni li tinsab fir-rapport, peress li dan tal-aħħar ma kienx ippreċedut minn deċiżjoni ġudizzjarja jew minn deċiżjoni ta’ awtorità amministrattiva indipendenti u li Europol ma kellha ebda prova li turi l-veraċità tal-informazzjoni li tikkonċernah.

27      Minħabba f’hekk, huwa ġarrab sentiment ta’ inġustizzja u kien ġie ppreġudikat fir-rigward tal-unur tiegħu, tar-reputazzjoni tiegħu kif ukoll tal-ħajja privata tiegħu, b’mod partikolari fir-rigward tar-relazzjonijiet mas-sieħba tiegħu u ma’ ibnu.

28      Europol tikkontesta l-argumenti tar-rikorrent.

29      Fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-kundizzjoni tal-illegalità tal-aġir attribwit lil Europol, għandu jiġi rrilevat li l-allegazzjoni tar-rikorrent li r-rapport għamel riferiment illegali għal żewġ investigazzjonijiet fil-konfront tiegħu fl-Isvezja u fil-Polonja tirriżulta minn qari żbaljat ta’ dan ir-rapport.

30      Fil-fatt, u kuntrarjament għal dak li jallega r-rikorrent, il-paragrafu inkwistjoni tar-rapport, minkejja l-iżbalji lingwistiċi tiegħu fil-lingwa Ingliża u l-mod kif ġie interpretat mir-rikorrent, jesponi mhux li r-rikorrent kien is-suġġett ta’ żewġ investigazzjonijiet imwettqa fir-rigward tiegħu fl-Isvezja u fil-Polonja, iżda biss li ismu kien is-suġġett ta’ senjalizzazzjoni fil-kuntest ta’ dawn iż-żewġ rapporti, kif jidher mill-formulazzjoni tar-rapport segwenti: “In addition, Leon Leonard Johan Veen had been reported also in a Swedish investigation concerning drugs trafficking and a Polish investigation concerning fraud.” (Barra minn hekk, Leonard Johan Veen kien ukoll irrapportat f’investigazzjoni Svediża dwar traffikar tad-droga u f’investigazzjoni Pollakka dwar frodi). Barra minn hekk, fir-riposta, Europol spjegat li, meta hija tindika, f’rapport indirizzat lill-pulizija nazzjonali, li persuna hija jew kienet suspettata fil-kuntest ta’ investigazzjoni, hija tindika dan b’mod espress u ċar, b’mod partikolari, billi tuża espressjonijiet bħal “suspettata” jew “hija suġġett ta’ investigazzjoni”.

31      Għaldaqstant, ir-rikorrent huwa żbaljat meta jikkritika lill-Europol talli semmiet illegalment, fir-rapport, il-fatt li huwa kien is-suġġett ta’ żewġ investigazzjonijiet fl-Isvezja u fil-Polonja u, għaldaqstant, li identifikatu bħala persuna involuta fit-traffikar tad-droga jew fi frodi.

32      Fi kwalunkwe każ, ir-riferiment f’rapport tal-Europol għal informazzjoni personali dwar persuna li l-kunjom jew id-data personali tagħha nġabru jew jinħażnu minn din l-aġenzija ma jistax fih innifsu jikkostitwixxi illegalità li tista’ twassal għar-responsabbiltà tagħha.

33      Fil-fatt, kif jirriżulta mill-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 2016/794, moqri flimkien mal-premessi 12 u 13 tiegħu, Europol tikkostitwixxi ċentru nevjaġiku tal-iskambju ta’ informazzjoni fil-qasam tal-informazzjoni kriminali bejn l-aġenziji tal-infurzar tal-liġi tal-Istati Membri intiż sabiex isostni u jsaħħaħ l-azzjoni tal-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri u l-kollaborazzjoni reċiproka tagħhom fil-prevenzjoni ta’ ċerti forom serji ta’ kriminalità li jaffettwaw żewġ Stati Membri jew iktar.

34      Sabiex jintlaħqu dawn l-għanijiet u skont l-Artikolu 4(1)(a) u (b) tar-Regolament 2016/794, Europol għandha b’mod partikolari l-kompitu li tiġbor, taħżen, tipproċessa, tanalizza u tiskambja informazzjoni, inklużi elementi ta’ informazzjoni kriminali, kif ukoll li tikkomunika mingħajr dewmien lill-Istati Membri kull informazzjoni jew kull rabta eżistenti bejn ir-reati kriminali li jikkonċernawhom, fejn din il-komunikazzjoni tista’ wkoll tkun ta’ natura obbligatorja skont l-Artikolu 22 tal-imsemmi regolament.

35      Għal dan il-għan, l-Artikolu 18(1) u (2) tar-Regolament Nru 2016/794, moqri flimkien mal-premessi 24 u 25 tiegħu, jawtorizza lill-Europol tipproċessa informazzjoni, inklużi data personali, b’mod partikolari billi twettaq kontroverifiki intiżi sabiex jistabbilixxu rabtiet jew relazzjonijiet rilevanti oħra bejn informazzjoni dwar kategoriji differenti ta’ persuni.

36      Madankollu, l-Artikolu 18(4) tar-Regolament 2016/794 jimponi fuq il-Europol l-obbligu li tosserva l-garanziji dwar il-protezzjoni tad-data previsti minn dan ir-regolament. Kif jirriżulta mill-Kapitolu VI ta’ dan ir-regolament, intitolat “Garanziji għall-protezzjoni tad-data”, kif ukoll mill-premessa 40 tiegħu, din il-protezzjoni għandha natura awtonoma u adattata għan-natura speċifika tal-ipproċessar tad-data personali f’kuntest repressiv, li tippermetti d-Dikjarazzjoni Nru 21 dwar il-protezzjoni tad-data personali fil-qasam tal-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali u l-kooperazzjoni mill-pulizija annessa mat-Trattat UE u mat-Trattat FUE li tirrikonoxxi n-natura speċifika tal-ipproċessar tad-data personali fil-kuntest tal-infurzar tal-liġi.

37      F’dan il-kuntest, l-Artikolu 38(2), (4), (5) u (7) tar-Regolament 2016/794, moqri flimkien mal-premessa 47 tiegħu, jippreċiża t-tqassim tar-responsabbiltà fil-qasam tal-protezzjoni tad-data personali bejn b’mod partikolari Europol u l-Istati Membri.

38      Għalhekk, Europol tassumi b’mod partikolari r-responsabbiltà tal-osservanza tal-prinċipji ġenerali fil-qasam tal-protezzjoni tad-data, imsemmija fl-Artikolu 28 ta’ dan ir-regolament, bl-eċċezzjoni tar-rekwiżit ta’ preċiżjoni u ta’ żamma aġġornata ta’ din id-data, kif ukoll ir-responsabbiltà tal-operazzjonijiet kollha ta’ pproċessar tad-data li twettaq, ħlief għal dak li jirriżulta mill-iskambji bilaterali ta’ data mwettqa permezz tal-istrutturi tagħha. L-Istati Membri huma, min-naħa tagħhom, responsabbli għall-kwalità tad-data personali li huma jipprovdu lill-Europol kif ukoll għal-legalità tat-trasferiment tagħha.

39      Madankollu, f’dan il-każ, ir-rikorrent ma jipprovdi ebda element ta’ natura li jistabbilixxi li, fir-rigward tal-indikazzjoni ta’ ismu jew ta’ data personali li tikkonċernah fir-rapport, Europol naqset milli twettaq wieħed jew ieħor mill-obbligi imposti fuqha skont ir-Regolament 2016/794 u li fir-rigward tagħhom huwa jista’ jinżamm responsabbli skont l-Artikolu 38 tal-imsemmi regolament, moqri flimkien mal-Artikolu 50(1) tiegħu.

40      F’dan is-sens, ir-rikorrent la jallega u lanqas a fortiori ma juri li, billi wettqet kontroverifiki tal-informazzjoni għad-dispożizzjoni tagħha li tikkonċernah, sussegwentement billi ttrażmettietha b’mod kunfidenzjali lil numru limitat ta’ servizzi ta’ infurzar tal-liġi, Europol aġixxiet barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament 2016/794, iddefinit fl-Artikolu 18(5), jew eċċediet is-setgħat mogħtija lilha b’mod partikolari mill-Artikolu 18(2) tal-imsemmi regolament.

41      Sa fejn ir-rikorrent jagħti x’jifhem li l-informazzjoni li tikkonċernah li tinsab fir-rapport hija falza, għandu jiġi rrilevat li huwa bl-ebda mod ma sostna li ismu ma kienx deher fil-kuntest tal-imsemmija investigazzjonijiet.

42      Anki jekk jitqies li l-imsemmija informazzjoni hija falza, bl-ebda mod ma huwa stabbilit li Europol tista’ tinżamm responsabbli għal din l-ineżattezza. Fil-fatt, kif ġie indikat fil-punt 38 iktar ’il fuq, hija ma tistax tinżamm responsabbli għall-ineżattezza eventwali tad-data trażmessa minn Stat Membru. Madankollu, ir-rikorrent bl-ebda mod ma pproduċa provi jew provi prima facie li jippermettu tal-inqas li wieħed jagħti x’jifhem li Europol immodifikat l-informazzjoni trażmessa mill-awtoritajiet Svediżi u Pollakki.

43      Fl-aħħar nett, sa fejn ir-rikorrent jikkritika lil Europol talli ma semgħetux qabel ma semmiet fir-rapport data personali li tikkonċernah jew talli pproċessat din id-data mingħajr awtorizzazzjoni minn qabel ta’ mħallef jew ta’ awtorità amministrattiva indipendenti, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li tali obbligi ma humiex previsti mir-Regolament 2016/794.

44      B’mod partikolari, il-fatt li Europol tintalab tisma’ kull persuna qabel ma jsir riferiment għal data personali li tikkonċernaha f’rapport intiż eskużivament għall-pulizija u għal servizzi ta’ infurzar speċifiċi jista’ jippreġudika l-effett utli tar-Regolament Nru 2016/794 kif ukoll l-azzjoni tal-imsemmija awtoritajiet u servizzi li r-Regolament huwa intiż li jsostni u li jsaħħaħ.

45      Barra minn hekk, l-argumenti bbażati fuq il-ksur tal-Artikoli 7 u 8 kif ukoll tal-Artikolu 48(1) tal-Karta, relatati, rispettivament, mar-rispett tal-ħajja privata u tal-familja, mal-protezzjoni tad-data personali u mal-preżunzjoni ta’ innoċenza, għandhom jiġu miċħuda.

46      Fir-rigward tal-allegazzjonijiet ta’ ksur tal-Artikoli 7 u 8 tal-Karta, għandu jitfakkar li l-Artikolu 52(1) tagħha jipprevedi li kull limitazzjoni fl-eżerċizzju tad-drittijiet u tal-libertajiet irrikonoxxuti minnha għandha tkun prevista mil-liġi, li jimplika, b’mod partikolari, li l-bażi legali li tippermetti l-interferenza f’dawn id-drittijiet għandha tiddefinixxi hija stess il-portata tal-limitazzjoni tal-eżerċizzju tad-dritt ikkonċernat u li l-leġiżlazzjoni li tinkludi miżura li tippermetti tali interferenza għandha tipprevedi regoli ċari u preċiżi li jirregolaw il-portata u l-applikazzjoni tal-miżura inkwistjoni b’tali mod li jkunu jistgħu jiġu imposti rekwiżiti minimi, b’mod li l-persuni li d-data personali tagħhom tkun ġiet trażmessa jiddisponu minn garanziji suffiċjenti li jippermettu li tiġi protetta b’mod effikaċi d-data kontra r-riskji ta’ abbuż (ara sentenza tal‑24 ta’ Frar 2022, Valsts ieņēmumu dienests (Ipproċessar ta’ data personali għal finijiet fiskali), C‑175/20, EU:C:2022:124, punti 54 u 55 u l-ġurisprudenza ċċitata).

47      Kif imsemmi fil-premessa 76 tar-Regolament 2016/794, dan ir-regolament tfassal sabiex jiżgura b’mod partikolari r-rispett tad-dritt għall-protezzjoni tad-data personali u d-dritt għar-rispett tal-ħajja privata, kif iggarantiti mill-Artikoli 8 u 7 tal-Karta, filwaqt li jfittex l-għan leġittimu u neċessarju tal-ġlieda effikaċi kontra l-forom serji ta’ kriminalità li jaffettwaw żewġ Stati Membri jew iktar, jew li jmorru lil hinn mill-fruntieri esterni tal-Unjoni.

48      F’dan il-kuntest u kif jirriżulta b’mod partikolari mill-Kapitolu VI tar-Regolament 2016/794, moqri flimkien mal-premessa 50 tiegħu, il-leġiżlatur tal-Unjoni elabora regoli ċari u preċiżi dwar il-portata tas-setgħat mogħtija lil Europol, akkumpanja, bl-azzjoni ta’ dan tal-aħħar, rekwiżiti minimi fil-qasam tal-protezzjoni tad-data personali u stabbilixxa strutturi ta’ kontroll indipendenti, trasparenti u responsabbli.

49      Għalhekk, peress li r-rikorrent naqas milli jistabbilixxi li Europol kienet naqset milli twettaq l-obbligi tagħha billi semmiet fir-rapport data personali li tikkonċernah, ma jista’ jiġi kkonstatat ebda ksur tal-Artikoli 7 u 8 tal-Karta.

50      Fir-rigward tal-allegazzjoni ta’ ksur tal-Artikolu 48(1) tal-Karta, dwar il-preżunzjoni tal-innoċenza, din ma hija sostnuta minn ebda argument. Għaldaqstant, hija ma tissodisfax ir-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 76(d) tar-Regoli tal-Proċedura u, għaldaqstant, hija inammissibbli.

51      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li r-rikorrent baqa’ ma stabbilixxiex l-eżistenza ta’ aġir illegali min-naħa ta’ Europol fir-rigward tal-ewwel kap tat-talba.

52      Fir-rigward, fit-tieni lok u fi kwalunkwe każ, tal-kundizzjonijiet marbuta mar-realtà tad-dannu allegat u mal-eżistenza ta’ rabta kawżali bejn dan id-dannu u l-aġir ta’ Europol, għandu jiġi rrilevat li r-rikorrent sempliċement sostna li r-rapport kien “aċċessibbli” għall-prosekutur, għall-investigatur, għall-qorti nazzjonali kif ukoll għall-partijiet fil-proċedura, li barra minn hekk huwa ma jidentifikax.

53      Fin-nuqqas li jiġi stabbilit ksur tal-kunfidenzjalità li għaliha kien suġġett ir-rapport mill-Europol jew li persuni oħra għajr dawk li jsemmi huwa stess kellhom aċċess għalih, ir-rikorrent ma huwiex fondat li jsostni li l-indikazzjoni fl-imsemmija rapport ta’ data personali li tikkonċernah kienet tippreġudika r-reputazzjoni jew l-unur tiegħu.

54      Għal raġunijiet simili u fin-nuqqas ta’ prova mressqa insostenn tal-allegazzjoni tiegħu, ir-rikorrent lanqas ma stabbilixxa li r-riferiment għal din l-istess data fir-rapport kien affettwa r-relazzjonijiet tiegħu mas-sieħba u mal-wild tiegħu, li, fid-dawl tal-provi prodotti quddiem il-Qorti Ġenerali, ma kellhomx aċċess għall-imsemmi rapport.

55      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-ewwel parti tat-talba għad-danni għandha tiġi miċħuda bħala infondata.

 Fuq ittieni kap tattalba

56      Ir-rikorrent jitlob kumpens għad-dannu li huwa jqis li ġarrab minħabba l-inklużjoni, minn Europol, tar-rapport fil-fajl tal-proċeduri kriminali Slovakki mmexxija kontrih, sa fejn din l-inklużjoni kkawżatlu wkoll sentiment ta’ inġustizzja u ppreġudikat l-unur tiegħu, ir-reputazzjoni tiegħu kif ukoll id-dritt tiegħu għal ħajja tal-familja.

57      Europol tikkontesta l-argumenti tar-rikorrent billi ssostni b’mod partikolari li hija ma inkludietx ir-rapport fil-fajl tal-proċeduri kriminali inkwistjoni.

58      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li r-rikorrent ma jipproduċi ebda prova, u lanqas prova prima facie, li tippermetti li jiġi stabbilit li l-inklużjoni tar-rapport fil-fajl tal-imsemmija proċedura kriminali effettivament twettqet minn Europol, u mhux mill-aġenziji ta’ infurzar tal-liġi Slovakki.

59      Barra minn hekk, mill-punt 17 tar-rikors jirriżulta b’mod espliċitu li, skont ir-rikorrent stess, Europol ikkomunikat ir-rapport lill-pulizija Slovakka.

60      Din il-konstatazzjoni hija barra minn hekk ikkorroborata mil-loġika tar-Regolament 2016/794 u mill-missjoni mogħtija lil Europol fis-sistema ta’ kooperazzjoni fl-infurzar tal-liġi implimentata minn dan l-istess regolament.

61      Fil-fatt, mill-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 2016/794 jirriżulta li Europol għandha l-kompitu li tappoġġa u ssaħħaħ l-azzjonijiet tal-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri, iddefiniti fl-Artikolu 2(a) tal-imsemmi regolament bħala “l-awtoritajiet tal-pulizija u servizzi oħra ta’ l-infurzar tal-liġi fl-Istati Membri li huma kompetenti, skont il-liġi nazzjonali, dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra r-reati kriminali”.

62      Għaldaqstant, kuntrarjament għal dak li jsostni r-rikorrent u fid-dawl tal-provi li huwa pprovda lill-Qorti Ġenerali, l-inklużjoni tar-rapport fil-proċess tal-proċedura kriminali Slovakka mibdija kontrih ma tistax titqies li twettqet minn Europol.

63      Konsegwentement, id-dannu li allegatament jirriżulta mill-inklużjoni tar-rapport fil-fajl tal-proċeduri kriminali ma huwiex imputabbli lil Europol.

64      Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li t-tieni kap tat-talba għad-danni għandu jiġi miċħud bħala infondat, l-istess bħar-rikors kollu kemm hu, mingħajr ma jkun neċessarju li tingħata deċiżjoni dwar il-proposta ta’ prova tar-rikorrent kif ukoll dwar it-talbiet tiegħu għal miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura u ta’ struzzjoni u, b’mod partikolari, fuq l-ammissibbiltà tagħhom, sa fejn il-Qorti Ġenerali tqis li għandha biżżejjed informazzjoni mill-provi inklużi fil-proċess sabiex taqta’ l-kawża.

 Fuq lispejjeż

65      Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Billi r-rikorrent tilef, hemm lok li jiġi kkundannat għall-ispejjeż, skont it-talbiet ta’ Europol.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Leon Leonard Johan Veen huwa kkundannat għall-ispejjeż.

Svenningsen

Barents

Mac Eochaidh

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fis‑27 ta’ April 2022.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: is-Slovakk.