Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Juzgado de Primera Instancia nº 8 de Donostia – San Sebastián (Spanja) fis-16 ta’ Novembru 2023 – FG vs Caja Rural de Navarra SCC

(Kawża C-699/23)

Lingwa tal-kawża: L-Ispanjol

Qorti tar-rinviju

Juzgado de Primera Instancia nº 8 de Donostia – San Sebastián.

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: FG.

Konvenut: Caja Rural de Navarra SCC.

Domandi preliminari

Il-prinċipju ta’ trasparenza jipprekludi l-ħlas ta’ “kummissjoni ta’ ftuħ” għall-provvista, mill-bejjiegħ jew mill-fornitur, ta’ servizzi li fir-rigward tagħhom huwa ma jipprovdix speċifikazzjonijiet, la fir-rigward tal-kontenut tagħhom u lanqas fir-rigward tal-ħin iddedikat għalihom, punt li jipprekludi lill-konsumatur milli jivverifika, minn naħa, li l-ammont ta’ din il-kummissjoni huwa konformi ma dak li ġie miftiehem jew ma dak li ġie stabbilit fil-lista ta’ prezzijiet jew, fi kwalunkwe każ, li dan huwa raġonevoli fid-dawl tat-tip ta’ servizz u, min-naħa l-oħra, li l-ebda servizz ma kien sovrappost, li l-konsumatur ma huwiex qiegħed iħallas għal servizzi li r-remunerazzjoni tagħhom hija diġà integrata fl-interessi ordinarji, u li l-bejjiegħ jew il-fornitur ma huwiex qiegħed jiffattura xi servizz ieħor darbtejn?

Il-prinċipju ta’ trasparenza jipprekludi lill-bejjiegħ jew lill-fornitur milli, meta jirreklama r-rata tal-interessi proposta fil-każ ta’ self ipotekarju intiż għall-konsumaturi, ma jirreklamax ukoll l-eżistenza tal-“kummissjoni ta’ ftuħ” li għandha titħallas b’mod obbligatorju meta l-kuntratt irreklamat jiġi konkluż, b’mod partikolari meta din il-kummissjoni tikkostitwixxi perċentwali magħrufa, stabbilita minn qabel u fissa tal-ammont misluf, irrispettivament mill-ammont ta’ dan is-self?

Jekk l-eżami tal-applikazzjoni għas-self u l-proċessi relatati miegħu, il-ġbir u l-analiżi tal-informazzjoni dwar is-solvenza tal-applikant u dwar il-kapaċità tiegħu li jirrimborsa s-self matul it-terminu kollu tiegħu, u l-evalwazzjoni tal-garanziji ppreżentati huma wħud mis-servizzi rremunerati permezz tal-kummissjoni ta’ ftuħ meta l-applikazzjoni għal self tiġi approvata u meta jiġi ffirmat il-kuntratt ta’ self, u jekk dawn l-istess servizzi ma jiġux iffatturati meta l-applikazzjoni għal self tiġi miċħuda, għandu jitqies li dawn huma servizzi inerenti għall-attività bankarja, li jifformaw parti mill-protokoll ta’ sigurtà tal-istituzzjoni [ta’ kreditu], u li l-ispiża tagħhom għandha tiġi sostnuta mill-imsemmija istituzzjoni, hekk kif previst fid-Direttiva 2014/17/UE 1 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Frar 2014 dwar kuntratti ta’ kreditu għall-konsumaturi marbutin ma’ proprjetà immobbli residenzjali u li temenda d-Direttivi 2008/48/KE u 2013/36/UE u r-Regolament (UE) Nru 1093/2010?

Jekk jirriżulta li l-kummissjoni ta’ ftuħ tirremunera servizzi li ma humiex relatati mal-attività proprja tal-istituzzjoni mutwanti, li hija r-raġuni għalfejn dawn jitħallsu separatament mill-interessi ordinarji, l-imsemmija istituzzjoni għandha, għalhekk, tipprovdi lill-konsumatur il-fattura relatata magħhom billi tindikahom b’mod diżaggregat flimkien mal-VAT korrispondenti għal kull provvista ta’ servizzi?

Il-prinċipju ta’ trasparenza jipprekludi lill-bejjiegħ jew lill-fornitur, li impona l-ħlas ta’ kummissjoni ta’ ftuħ bħala l-prezz għal sensiela ta’ servizzi speċifiċi ħafna, milli ma jipprevedix tariffa li tinkludi l-prezz fis-siegħa ta’ kull wieħed minn dawn is-servizzi u milli ma jikkomunikax din it-tariffa lill-konsumatur qabel il-konklużjoni tal-kuntratt, b’tali mod li dan ikun jista’, minn naħa, ikun jaf minn qabel l-ispiża finali tal-kuntratt tiegħu ta’ self u, min-naħa l-oħra, iqabbel il-prezz ta’ dawn is-servizzi mal-prezz propost minn bejjiegħa jew fornituri oħra?

Il-fatt li l-bejjiegħ jew il-fornitur jiffattura sensiela ta’ servizzi speċifiċi ħafna, indispensabbli għall-konklużjoni tal-kuntratt previst miż-żewġ partijiet, billi jnaqqas perċentwali tal-ammont totali tas-self mogħti, b’tali mod li servizz identiku, ipprovdut mill-istess numru ta’ persuni u matul l-istess perijodu, kien iffatturat bħala “kummissjoni ta’ ftuħ” f’ammonti differenti skont l-ammont tas-self mogħti f’kull każ, huwa konformi mal-prinċipju ta’ trasparenza?

L-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 93/13/KEE 1 tal-5 ta’ April 1993 dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur jipprekludi stħarriġ ta’ trasparenza li skontu l-klawżola relatata mal-kummissjoni ta’ ftuħ tirriżulta inġusta skont jekk l-ammont tagħha jaqbiżx jew le ċifra speċifika li tirriżulta minn statistika dwar l-ammonti ta’ din il-kummissjoni, li nkisbet fuq l-internet?

L-Artikoli 6(1) u 7(1) tad-Direttiva 93/13 jipprekludu ġurisprudenza nazzjonali li tgħid li n-natura sproporzjonata tal-kummissjoni ta’ ftuħ għandha tiġi ddeterminata abbażi ta’ dawk li dak iż-żmien kienu, skont l-istatistika, l-ammonti tal-kummissjonijiet ta’ ftuħ applikati fi Spanja, kummissjonijiet ta’ ftuħ li kienu imposti f’mument fejn, fi Spanja, il-klawżoli li kienu jinkludu dawn il-kummissjonijiet ta’ ftuħ ma kinux suġġetti għal stħarriġ tan-natura inġusta tagħhom?

Il-prinċipju ta’ effettività jipprekludi li, fil-kuntratti konklużi qabel it-traspożizzjoni mir-Renju ta’ Spanja tad-Direttiva 2014/17 fid-dritt nazzjonali, il-bejjiegħ jew il-fornitur jiffattura kummissjoni ta’ ftuħ li tirremunera l-eżami tas-solvenza tal-mutwatarju potenzjali u tal-vijabbiltà tat-tranżazzjoni, meta, wara t-traspożizzjoni ta’ din id-direttiva, tali eżamijiet ma jistgħux iktar ikunu jinvolvu spejjeż għall-mutwatarju potenzjali?

L-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 93/13 għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi ġurisprudenza nazzjonali, bħal dik stabbilita mit-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema) fis-sentenza 816/2023, tad-29 ta’ Mejju 2023, li tgħid li l-istħarriġ tan-natura inġusta tal-klawżola relatata mal-“kummissjoni ta’ ftuħ” la jeżiġi li din tispeċifika liema huma s-servizzi rremunerati permezz ta’ din il-kummissjoni u lanqas b’liema prezz dawn jiġu ffatturati, u fis-sens li jipprekludi li dan l-istħarriġ tan-natura inġusta jkun limitat għal verifika ta’ jekk l-imsemmija klawżola tindikax b’mod ċar l-ammont dovut mill-konsumatur u jekk dan jaqbiżx il-limitu stabbilit sabiex ikun jista’ jitqies li huwa sproporzjonat?

____________

1     ĠU 2014, L 60, p. 34, u rettifika fil-ĠU 2015, L 246, p. 11.

1     ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 288