Language of document :

Appell ippreżentat fit-23 ta’ Frar 2021 minn Universität Bremen mid-digriet mogħti mill-Qorti Ġenerali (It-Tmien Awla) fis-16 ta’ Diċembru 2020 fil-Kawża T-660/19, Universität Bremen vs L-Aġenzija Eżekuttiva għar-Riċerka

(Kawża C-110/21 P)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Partijiet

Appellant: Universität Bremen (rappreżentant: C. Schmid, Hochschullehrer)

Parti oħra fil-proċedura: L-Aġenzija Eżekuttiva għar-Riċerka (REA)

Talbiet

L-appellanti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla d-digriet tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea (It-Tmien Awla) tas-16 ta’ Diċembru 2020 fil-Kawża T-660/19, Universität Bremen vs L-Aġenzija Eżekuttiva għar-Riċerka;

tibgħat il-kawża lura quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex tingħata deċiżjoni, jekk ikun il-każ minn Awla differenti;

tikkonstata li r-rappreżentanza ta’ Universität Bremen mill-għalliem universitarju (Hochschullehrer) Christoph Schmid fil-Kawża T-660/19 hija valida skont is-seba’ paragrafu tal-Artikolu 19 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea;

sussidjarjament, fil-każ li tiġi miċħuda rappreżentanza valida mill-għalliem universitarju msemmi, tikkonstata li Universität Bremen għandha d-dritt li l-proċedura fil-Kawża T-660/19 titkompla fl-istat attwali tagħha quddiem il-Qorti Ġenerali b’avukat rappreżentant li jissodisfa r-rekwiżiti tat-tielet u tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 19 tal-Istatut;

tirriżerva d-deċiżjoni finali dwar l-ispejjeż għad-deċiżjoni finali tal-Qorti Ġenerali, bil-kundizzjoni li l-konvenuta fl-ewwel istanza tbati l-ispejjeż marbuta mar-rikors preċedenti u mal-appell, irrispettivament mid-deċiżjoni finali tal-Qorti Ġenerali jew, sussidjarjament, tiddeċiedi li kull parti għandha tbati l-ispejjeż tagħha marbuta mal-proċedura preċedenti; tordna li, fiż-żewġ każijiet, il-konvenuta fl-ewwel istanza tirrimborsa lill-appellanti l-ispejjeż ta’ rappreżentanza marbuta mal-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali.

Aggravji u argumenti prinċipali

L-appellanti ssostni li d-digriet appellat huwa vvizzjat bi żball sa fejn jiddikjara manifestament inammissibbli r-rikors tagħha għall-annullament tad-Deċiżjoni Ares (2019) 4590599 tal-Aġenzija Eżekuttiva għar-Riċerka (REA) tas-16 ta’ Lulju 2019 minħabba li r-rappreżentanza mill-għalliem universitarju Christoph Schmid hija invalida skont l-Artikolu 126 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali. Dan id-digriet tal-Qorti Ġenerali huwa vvizzjat bi żball ta liġi. L-ewwel, il-Qorti Ġenerali naqset milli tikkunsidra li, skont id-dritt tal-pajjiż ta’ oriġini tagħhom, l-għalliema universitarji li jistgħu jidhru bħala rappreżentanti ġuridiċi skont il-formulazzjoni u l-istruttura tas-seba’ paragrafu tal-Artikolu 19 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea jinsabu f’pożizzjoni pprivileġġata u ma huwiex meħtieġ li jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-kunċett ta’ rappreżentant li jkun avukat indipendenti fis-sens tat-tielet u tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 19 tal-Istatut. It-tieni, b’mod sussidjarju, il-Qorti Ġenerali kien imissha fi kwalunkwe każ tat indikazzjoni li kien hemm problemi ta’ ammissibbiltà, kif meħtieġ mid-dritt fundamentali għal smigħ xieraq taħt l-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u taħt l-Artikolu 6(1) tal-KEDB kif ukoll mill-prinċipju ta’ proporzjonalità; alternattivament, tali informazzjoni kellha tiġi indikata, minn tal-inqas, fuq is-sit internet tal-Qorti Ġenerali, pereżempju taħt “Check-list – Rikors”.

____________