Language of document : ECLI:EU:C:2021:657

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

2 ta’ Settembru 2021 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Direttiva 2004/38/KE – Artikolu 13(2) – Dritt ta’ residenza tal-membri tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni – Żwieġ bejn ċittadin tal-Unjoni u ċittadin ta’ pajjiż terz – Żamma, f’każ ta’ divorzju, tad-dritt ta’ residenza ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz li huwa vittma ta’ atti ta’ vjolenza domestika mwettqa mill-konjuġi tiegħu – Obbligu li tintwera l-eżistenza ta’ riżorsi suffiċjenti – Assenza ta’ tali obbligu fid-Direttiva 2003/86/KE – Validità – Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Artikoli 20 u 21 – Ugwaljanza fit-trattament – Differenza fit-trattament skont jekk l-isponsor huwiex ċittadin tal-Unjoni jew ċittadin ta’ pajjiż terz – Assenza ta’ komparabbiltà tas-sitwazzjonijiet”

Fil-Kawża C‑930/19,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Conseil du contentieux des étrangers (il-Kunsill għall-Kwistjonijiet dwar Barranin, il-Belġju), permezz ta’ deċiżjoni tat‑13 ta’ Diċembru 2019, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl‑20 ta’ Diċembru 2019, fil-proċedura

X

vs

État belge,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn K. Lenaerts, President, R. Silva de Lapuerta (Relatriċi), Viċi Presidenta, J.-C. Bonichot, A. Prechal, M. Vilaras, N. Piçarra u A. Kumin, Presidenti ta’ Awla, M. Safjan, D. Šváby, S. Rodin, K. Jürimäe, P. G. Xuereb, L. S. Rossi, I. Jarukaitis u J. Passer, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Szpunar,

Reġistratur: M. Krausenböck, Amministratriċi,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas‑7 ta’ Diċembru 2020,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal X, minn J. Wolsey u E. Didi, avocats,

–        għall-Gvern Belġjan, minn L. Van den Broeck, M. Jacobs, u C. Pochet, bħala aġenti, assistiti minn E. Derriks, K. de Haes u G. van Witzenburg, avocats,

–        għall-Parlament Ewropew, minn D. Warin u R. van de Westelaken, bħala aġenti,

–        għall-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, minn S. Boelaert u R. Meyer, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn C. Cattabriga u E. Montaguti, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat‑22 ta’ Marzu 2021,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-validità tal-Artikolu 13(2) tad-Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑29 ta’ April 2004 dwar id-drittijiet taċ-ċittadini ta’ l-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju ta’ l-Istati Membri u li temenda r-Regolament (KEE) Nru 1612/68 u li tħassar id-Direttivi 64/221/KEE, 68/360/KEE, 72/194/KEE, 73/148/KEE, 75/34/KEE, 75/35/KEE, 90/364/KEE, 90/365/KEE u 93/96/KEE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 5, p. 46), fir-rigward tal-Artikoli 20 u 21 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn X u État belge (l-Istat Belġjan), dwar iż-żamma tad-dritt ta’ residenza tiegħu fit-territorju Belġjan.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

 Id-Direttiva 2004/38

3        Skont il-premessi 1 sa 3, 5, 10 u 15 tad-Direttiva 2004/38:

“(1)      Iċ-ċittadinanza ta’ l-Unjoni tikkonferixxi lil kull ċittadin ta’ l-Unjoni d-dritt primarju u individwali li jiċċaqlaq u jgħix liberament fit-territorju ta’ l-Istati Membri, bla ħsara għallimitazzjonijiet u għall-kondizzjonijiet stabbiliti fit-Trattat [FUE] u għall-miżuri adottati fl-applikazzjoni ta’ l-istess.

(2)      Il-moviment liberu tal-persuni jikkostitwixxi wieħed mil-libertajiet fundamentali fis-suq intern, li jinkludi żona mingħajr fruntieri interni, fejn il-libertà hi żgurata skond id-disposizzjonijiet tat-Trattat [FUE].

(3)      Iċ-ċittadinanza ta’ l-Unjoni għandha tkun l-istatus fondamentali taċ-ċittadini ta’ l-Istati Membri meta huma jeżerċitaw d-dritt tagħhom ta’ moviment liberu u ta’ residenza. Hu għalhekk neċessarju li jiġu kkodifikati u riveduti l-istrumenti komunitarji eżistenti li jittrattaw separament lill-ħaddiema, lill-persuni li jaħdmu għal rashom kif ukoll lill-istudenti u lill-persuni oħrajn mhux attivi sabiex jissimplifikaw u jsaħħu d-dritt ta’ moviment liberu u residenza taċ-ċittadini kollha ta’ l-Unjoni.

[…]

(5)      Id-dritt taċ-ċittadini kollha ta’ l-Unjoni li jiċċaqalu u jgħixu liberament fit-territorju ta’ l-Istati Membri għandu, jekk se jiġi eżerċitat taħt il-kondizzjonijiet objettivi tal-libertà u d-dinjità, jingħata wkoll lill-membri tal-familja tagħhom, irrispettivament miċ-ċittadinanza. […]

[…]

(10)      Dawk il-persuni li jeżerċitaw id-dritt tagħhom ta’ residenza m’għandhomx, madankollu, ikunu ta’ piż mhux raġonevoli fuq is-sistema ta’ għajnuna soċjali ta’ l-Istat Membru ospitanti matul il-perjodu inizjali ta’ residenza. Għalhekk, id-dritt ta’ residenza għaċ-ċittadini ta’ l-Unjoni u għall-membri tal-familja tagħhom għal perjodi li jaqbżu t-tliet xhur għandu jkun bla ħsara għal kondizzjonijiet.

[…]

(15)      Il-membri tal-familja għandhom ikunu ġuridikament protetti fil-każ ta’ mewt taċ-ċittadin ta’ l-Unjoni, ta’ divorzju, ta’ annullament taż-żwieġ jew tat-tmiem ta’ l-unjoni reġistrata. Għandhom għalhekk jittieħdu miżuri li jiżguraw li f’ċirkostanzi bħal dawn, bir-rispett dovut għall-ħajja familjari u għad-dinjità umana, u f’ċerti kondizzjonijiet li jostakolaw abbuż, il-membri tal-familja li qed jgħixu diġà fit-territorju ta’ l-Istat Membru ospitanti jżommu d-dritt tagħhom ta’ residenza esklussivament fuq bażi personali.”

4        Taħt l-intestatura “Suġġett”, l-Artikolu 1 tad-Direttiva 2004/38 jipprovdi:

“Din id-Direttiva tistabbilixxi:

a)      il-kondizzjonijiet li jirregolaw l-eżerċizzju tad-dritt tal-moviment liberu u ta’ residenza fit-territorju ta’ l-Istati Membri miċ-ċittadini ta’ l-Unjoni u mill-membri tal-familja tagħhom;

b)      id-dritt ta’ residenza permanenti fit-territorju ta’ l-Istat Membru taċ-ċittadini ta’ l-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom;

ċ)      il-limiti għad-drittijiet stabbiliti f’(a) u (b) minħabba raġunijiet ta’ politika pubblika, sigurtà pubblika jew saħħa pubblika.”

5        L-Artikolu 7 ta’ din id-direttiva, intitolat “Dritt ta’ residenza ta’ aktar minn tliet xhur”, jipprevedi, fil-paragrafi 1 u 2 tiegħu:

“1.      Iċ-ċittadini kollha ta’ l-Unjoni għandhom id-dritt ta’ residenza fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor għal perjodu ta’ aktar minn tliet xhur jekk huma:

a)      ħaddiema jew nies li jaħdmu għal rashom fl-Istat Membru ospitanti; jew

b)      għandhom biżżejjed riżorsi għalihom u għall-membri tal-familja tagħhom biex ma jkunux ta’ piż fuq is-sistema ta’ l-għajnuna soċjali ta’ l-Istat Membru ospitanti matul il-perjodu tagħhom ta’ residenza u għandhom assigurazzjoni ta’ mard komprensiva fl-Istat Membru ospitanti; jew

ċ)      –      miktuba f’istitut privat jew pubbliku, akkreditat jew finanzjat mill-Istat Membru ospitanti skond il-bażi tal-leġislazzjoni jew tal-prattika amministrattiva tiegħu, għall-iskop prinċipali li jiġi segwit kors ta’ studju, inkluż taħriġ professjonali; u

–        għandhom assigurazzjoni ta’ mard komprensiva fl-Istat Membru ospitanti u jassiguraw lill-awtorità nazzjonali rilevanti, permezz ta’ dikjarazzjoni jew b’mezzi oħrajn ekwivalenti li jagħżlu huma, li għandhom riżorsi suffiċjenti għalihom u għall-membri tal-familja tagħhom biex ma jkunux ta’ piż fuq is-sistema ta’ l-għajnuna soċjali ta’ l-Istat Membru ospitanti matul il-perjodu tagħhom ta’ residenza; jew

d)      membri tal-familja li qed jakkumpanjaw jew li se jingħaqdu ma’ ċittadin ta’ l-Unjoni li jissoddisfa l-kondizzjonijiet imsemmija fil-punti (a), (b) jew (ċ).

2.      Id-dritt ta’ residenza previst fil-paragrafu 1 għandu jkun estiż għall-membri tal-familja li mhumiex ċittadini ta’ Stat Membru, li jakkumpanjaw jew li jingħaqdu maċ-ċittadin ta’ l-Unjoni fl-Istat Membru ospitanti, sakemm dan iċ-ċittadin ta’ l-Unjoni jissodisfa l-kondizzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1 (a), (b) jew (ċ).”

6        L-Artikolu 13 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Żamma tad-dritt ta’ residenza mill-membri ta’ familja f’każ ta’ divorzju, ta’ annullament ta’ żwieġ, jew ta’ tmiem ta’ unjoni reġistrata”, jipprovdi:

“1.      Mingħajr preġudizzju għat-tieni sottoparagrafu, id-divorzju, l-annullament taż-żwieġ taċ-ċittadin ta’ l-Unjoni jew it-tmiem ta’ l-unjoni reġistrata, kif imfissra fil-punt 2(b) ta’ l-Artikolu 2, m’għandhomx jaffettwaw id-dritt ta’ residenza tal-membri tal-familja tiegħu li huma ċittadini ta’ Stat Membru.

Qabel jinkiseb id-dritt ta’ residenza permanenti, il-persuni kkonċernati għandhom jilħqu l-kondizzjonijiet stabbiliti fil-punti (a), (b), (ċ) jew (d) ta’ l-Artikolu 7(1).

2.      Mingħajr preġudizzju għat-tieni sottoparagrafu, id-divorzju, l-annullament taż-żwieġ taċ-ċittadin ta’ l-Unjoni jew it-tmiem ta’ l-unjoni reġistrata, kif imfissra fil-punt 2(b) ta’ l-Artikolu 2 ma jfissirx telf tad-dritt ta’ residenza tal-membri tal-familja taċ-ċittadin ta’ l-Unjoni li m’għandhomx ċittadinanza ta’ Stat Membru fejn:

a)      qabel il-bidu tal-proċeduri ta’ divorzju jew ta’ annullament jew it-tmiem ta’ l-unjoni reġistrata […] iż-żwieġ jew l-unjoni reġistrata damu minn ta’ l-inqas tliet snin, inkluż sena fl-Istat Membru ospitanti; […]

[…]

ċ)      dan hu ġustifikat minn ċirkostanzi b’mod partikolari diffiċli, bħall-fatt li tkun vittma ta’ vjolenza domestika matul iż-żwieġ jew l-unjoni reġistrata; […]

[…]

Qabel jinkiseb id-dritt ta’ residenza permanenti, id-dritt ta’ residenza tal-persuni kkonċernati għandu jibqa s-suġġett tal-ħtieġa li huma jkunu jistgħu juru li huma ħaddiema jew li huma persuni li jaħdmu għal rashom jew li għandhom biżżejjed riżorsi għalihom u għall-membri tal-familja tagħhom biex ma jkunux ta’ piż fuq is-sistema ta’ għajnuna soċjali fl-Istat Membru ospitanti matul il-perjodu ta’ residenza tagħhom u li għandhom assigurazzjoni ta’ mard komprensiva fl-Istat Membru ospitanti, jew li huma membri min-nukleu familjari, diġà kkostitwit fl-Istat Membru ospitanti, ta’ persuna li tissoddisfa dawn il-ħtiġiet. “Riżorsi biżżejjed’ huma dawk indikati fl-Artikolu 8(4).

Dawn il-membri tal-familja għandhom iżommu d-dritt ta’ residenza esklussivament b’titlu personali.”

7        Taħt it-titolu “Disposizzjonijiet nazzjonali aktar favorevoli”, l-Artikolu 37 tal-istess direttiva jipprovdi:

“Id-disposizzjonijiet ta’ din id-Direttiva m’għandhomx jolqtu xi liġijiet, regoli jew disposizzjonijiet amministrattivi stabbiliti minn Stat Membru li jistgħu jkunu aktar favorevoli għall-persuni koperti minn din id-Direttiva.”

 Id-Direttiva 2003/86/KE

8        Skont il-premessi 3, 4, 6 u 15 tad-Direttiva tal-Kunsill 2003/86/KE tat‑22 ta’ Settembru 2003 dwar id-dritt għal riunifikazzjoni tal-familja (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 224):

“(3)      Il-Kunsill Ewropew, fil-laqgħa speċjali tiegħu f’Tampere fl-15 u 16 ta’ Ottubru 1999, irrikonoxxa l-ħtieġa għall-armonizzazzjoni ta’ leġislazzjoni nazzjonali dwar il-kondizzjonijiet għall-ammissjoni u residenza ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi. F’dan il-kuntest, iddikjara b’mod partikolari li l-Unjoni Ewropea għandha tiżgura trattament ġust liċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li legalment joqogħdu fit-territorju ta’ l-Istati Membri u li politika ta’ integrazzjoni iktar vigoruża għandu jkollha l-għan li tagħtihom drittijiet u obbligi komparabbli ma’ dawk taċ-ċittadini ta’ l-Unjoni Ewropea. […]

(4)      Ir-riunifikazzjoni tal-familja hija mezz neċessarju biex il-ħajja tal-familja ssir. Hija tgħin biex toħloq stabbilita soċjokulturali li tiffaċilita l-integrazzjoni ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi fl-Istati Membri, li sservi wkoll biex tippromwovi koeżjoni ekonomika u soċjali, għan fundamentali tal- Komunita ddikjarat fit-Trattat [KE].

[…]

(6)      Biex tkun protetta l-familja u tkun stabbilita u ppreżervata l-ħajja tal-familja, il-kondizzjonijiet materjali biex ikun eżerċitat id-dritt għar-riunifikazzjoni tal-familja għandhom ikunu ddeterminati fuq il-bażi ta’ kriterji komuni.

[…]

(15)      L-integrazzjoni ta’ membri tal-familja għandha tkun promossa. Għal dak il-għan, huma għandhom jingħataw status indipendenti minn dak tal-isponsor, b’mod partikulari f’każijiet ta’ tifrik ta’ żwiġijiet u partnerships, u aċċess għal edukazzjoni, impjieg u formazzjoni professjonali fuq l-istess termini bħall-persuna li magħha jingħaqdu mill-ġdid, taħt il-kondizzjonijiet relevanti.”

9        L-Artikolu 15 tal-istess direttiva jipprovdi:

“[…]

3.      Fil-każ ta’ rmulija, divorzju, separazzjoni, jew mewt ta’ qraba ta’ l-ewwel grad fil-linja diretta axxendenti, permess ta’ residenza awtonomu jista’ jinħareġ, wara applikazzjoni, jekk rikjest, lil persuni li jkunu daħlu minħabba riunifikazzjoni tal-familja. Stati Membri għandhom jippreskrivu disposizzjonijiet li jiżguraw l-għoti ta’ permess ta’ residenza awtonomu fil-każ ta’ ċirkustanzi partikolarment diffiċli.

4.      Il-kondizzjonijiet konnessi ma’ l-għoti u t-tul tal-permess ta’ residenza awtonomu jkunu stabbiliti b’liġi nazzjonali.”

 Id-dritt Belġjan

10      L-Artikolu 42c(1) u (4) tal-loi sur l’accès au territoire, le séjour, l’établissement et l’éloignement des étrangers (il-Liġi dwar l-Aċċess għat-Territorju, ir-Residenza, l-Istabbiliment u t-Tneħħija tal-Barranin), tal‑15 ta’ Diċembru 1980 (Moniteur belge tal‑31 ta’ Diċembru 1980, p. 14584), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“Liġi tal‑15 ta’ Diċembru 1980”), li huwa intiż sabiex jittrasponi fid-dritt Belġjan l-Artikolu 13(2) tad-Direttiva 2004/38, jipprevedi li l-Ministru li għandu aċċess għat-territorju, ir-residenza, l-istabbiliment u t-tneħħija tal-barranin fil-kompetenzi tiegħu (iktar ’il quddiem il-“Ministru”), jew id-delegat tiegħu, jista’ jtemm, fil-ħames snin wara r-rikonoxximent tad-dritt ta’ residenza tagħhom, id-dritt ta’ residenza tal-membri tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni Ewropea li ma humiex huma stess ċittadini tal-Unjoni u li jirrisjedu bħala membri tal-familja ta’ dan iċ-ċittadin tal-Unjoni, meta ż-żwieġ maċ-ċittadin tal-Unjoni li huma akkumpanjaw jew ingħaqdu miegħu jinħall jew ma jkunx għad hemm ħajja tad-dar komuni, sakemm il-membru tal-familja kkonċernat ma jurix l-eżistenza ta’ sitwazzjoni partikolarment diffiċli, bħall-fatt li kien vittma ta’ atti ta’ vjolenza domestika fil-kuntest taż-żwieġ jew tas-sħubija rreġistrata u sa fejn il-persuna kkonċernata turi li hija ħaddiema impjegata jew mhux impjegata fil-Belġju, jew li għandha riżorsi suffiċjenti sabiex ma ssirx piż għas-sistema ta’ assistenza soċjali Belġjana matul ir-residenza tagħha, u li għandha assigurazzjoni għall-mard li tkopri r-riskji kollha fil-Belġju, u li hija membru ta’ familja diġà kkostitwita f’dan l-Istat Membru ta’ persuna li tissodisfa dawn il-kundizzjonijiet.

11      L-Artikolu 11(2) tal-Liġi tal‑15 ta’ Diċembru 1980, li hija intiża sabiex tittrasponi fid-dritt Belġjan l-Artikolu 15(3) tad-Direttiva 2003/86, jipprevedi li l-Ministru jew id-delegat tiegħu jistgħu jtemmu, fil-ħames snin ta’ wara, skont il-każ, il-ħruġ tal-permess ta’ residenza jew il-ħruġ tad-dokument li jiċċertifika li l-applikazzjoni għal permess ta’ residenza kienet ġiet ippreżentata, għad-dritt ta’ residenza tal-membri tal-familja ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz, awtorizzat jew ammess għar-residenza, meta huma ma jkollhomx jew ma kellhomx iktar ħajja konjugali jew tal-familja effettiva, sakemm il-membru tal-familja kkonċernat ma jipprovax li kien vittma ta’ vjolenza domestika matul iż-żwieġ jew matul is-sħubija.

 Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

12      Ir-rikorrent fil-kawża prinċipali, X, ċittadin Alġerin, iżżewweġ ċittadina Franċiża fis‑26 ta’ Settembru 2010 f’Alġeri (l-Alġerija) qabel mar il-Belġju, fit‑22 ta’ Frar 2012, b’viża għal soġġorn qasir, sabiex jingħaqad mal-konjuġi tiegħu, li kienet tirrisjedi fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru.

13      Fl‑20 ta’ April 2012, twieldet tifla mill-unjoni bejn ir-rikorrent fil-kawża prinċipali u l-konjuġi tiegħu, li, bħal ommha, għandha n-nazzjonalità Franċiża.

14      Fis‑7 ta’ Mejju 2013, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali ppreżenta applikazzjoni għal permess ta’ residenza bħala membru tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni, fil-kwalità tiegħu ta’ konjuġi ta’ ċittadina Franċiża, permess li nħariġlu, fit‑13 ta’ Diċembru ta’ wara, validu sat‑3 ta’ Diċembru 2018.

15      Wara kważi ħames snin ta’ żwieġ li sentejn minnhom kienu ħajja flimkien fil-Belġju, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali kien ġie mġiegħel jitlaq id-domiċilju konjugali, minħabba atti ta’ vjolenza domestika li kien vittma tagħhom min-naħa tal-konjuġi tiegħu. Huwa stabbilixxa ruħu l-ewwel f’“rifuġju”, qabel ma sab akkomodazzjoni f’Tournai (il-Belġju), fejn iddomiċilja ruħu fit‑22 ta’ Mejju 2015. Barra minn hekk, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali ressaq ilment fit‑2 ta’ Marzu 2015 għall-atti ta’ vjolenza domestika li kien vittma tagħhom.

16      Wara relazzjoni ta’ koabitazzjoni stabbilita fit‑30 ta’ Ottubru 2015, u li kkonkludiet minħabba l-assenza ta’ koabitazzjoni tar-rikorrent fil-kawża prinċipali u tal-konjuġi tiegħu, b’din tal-aħħar tirrisjedi fi Franza ma’ binthom mill‑10 ta’ Settembru 2015, il-Gvern Belġjan, b’deċiżjoni tat‑2 ta’ Marzu 2016, temm id-dritt ta’ residenza tar-rikorrent fil-kawża prinċipali billi ordnalu li jitlaq it-territorju Belġjan. Madankollu din id-deċiżjoni ġiet annullata permezz ta’ sentenza tal-Conseil du contentieux des étrangers (il-Kunsill għall-Kwistjonijiet dwar Barranin, il-Belġju), tas‑16 ta’ Settembru 2016.

17      Permezz ta’ ittra tal‑10 ta’ Marzu 2017, l-Istat Belġjan talab informazzjoni addizzjonali mingħand ir-rikorrent fil-kawża prinċipali, li kellha tinkludi prova tal-mezzi ta’ sussistenza tiegħu u tal-pussess ta’ assigurazzjoni għall-mard. Fit‑2 ta’ Mejju ta’ wara, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali informa lill-Istat Belġjan li kien vittma ta’ atti ta’ vjolenza domestika mwettqa mill-konjuġi tiegħu u talab iż-żamma tad-dritt ta’ residenza tiegħu fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru, skont l-Artikolu 42quater(4)(4) tal-Liġi tal‑15 ta’ Diċembru 1980.

18      Permezz ta’ deċiżjoni tal‑14 ta’ Diċembru 2017, l-Istat Belġjan temm id-dritt ta’ residenza tar-rikorrent fil-kawża prinċipali, minħabba li, minkejja li kien f’sitwazzjoni diffiċli, huwa ma kienx ipproduċa l-prova li kellu riżorsi suffiċjenti sabiex jieħu ħsieb il-bżonnijiet tiegħu stess. Madankollu, din id-deċiżjoni ma kinitx tordnalu jitlaq mit-territorju Belġjan. Fis‑26 ta’ Jannar 2018, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali ppreżenta rikors kontra din id-deċiżjoni quddiem il-qorti tar-rinviju, il-Conseil du contentieux des étrangers (il-Kunsill għall-Kwistjonijiet dwar Barranin).

19      Din il-qorti tirrileva li l-Artikolu 42quater(4) tal-Liġi tal‑15 ta’ Diċembru 1980, li jikkostitwixxi t-traspożizzjoni fid-dritt Belġjan tal-Artikolu 13(2) tad-Direttiva 2004/38, jissuġġetta, fil-każ ta’ divorzju jew ta’ tmiem tal-ħajja tad-dar komuni tal-konjuġi, iż-żamma tad-dritt ta’ residenza ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz li kien vittma ta’ atti ta’ vjolenza domestika mwettqa mill-konjuġi tiegħu ċittadin tal-Unjoni, għal ċerti kundizzjonijiet, fosthom, b’mod partikolari, dik li jkollu riżorsi suffiċjenti u assigurazzjoni għall-mard, filwaqt li, fl-istess ċirkustanzi, l-Artikolu 11(2) tal-Liġi tal‑15 ta’ Diċembru 1980, li ttraspona fid-dritt Belġjan l-Artikolu 15(3) tad-Direttiva 2003/86, ma jissuġġettax l-għoti ta’ permess ta’ residenza awtonomu lil ċittadin ta’ pajjiż terz li jkun ibbenefika mid-dritt għar-riunifikazzjoni tal-familja ma’ ċittadin ta’ pajjiż terz residenti legalment fil-Belġju ħlief bil-prova tal-eżistenza ta’ atti ta’ vjolenza domestika.

20      Għalhekk, il-qorti tar-rinviju tqis li ċ-ċittadini ta’ pajjiż terz li kienu vittmi ta’ atti ta’ vjolenza domestika mwettqa mill-konjuġi tagħhom, jiġu ttrattati b’mod differenti skont jekk ibbenefikawx minn riunifikazzjoni tal-familja ma’ ċittadin tal-Unjoni jew ma’ ċittadin ta’ pajjiż terz, u li differenza bħal din fit-trattament toriġina mid-dispożizzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq tad-Direttivi 2004/38 u 2003/86.

21      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Conseil du Contentieux des Étrangers (il-Kunsill għall-Kwistjonijiet dwar Barranin) iddeċieda li jissospendi l-proċeduri quddiemu u li jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“L-Artikolu 13(2) tad-[Direttiva 2004/38] jikser l-Artikoli 20 u 21 tal-[Karta], sa fejn dan jipprevedi li d-divorzju, l-annullament taż-żwieġ jew it-tmiem ta’ unjoni rreġistrata ma jwassalx għat-telf tad-dritt ta’ residenza tal-membri tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni li ma għandhomx in-nazzjonalità ta’ Stat Membru – b’mod partikolari meta sitwazzjonijiet partikolarment diffiċli jeżiġu dan, per eżempju l-fatt li kienu vittma ta’ vjolenza domestika meta ż-żwieġ jew l-unjoni rreġistrata kienu għadhom fis-seħħ –, iżda biss bil-kundizzjoni li l-persuni kkonċernati juru li huma ħaddiema impjegati jew li jaħdmu għal rashom jew li għandhom biżżejjed riżorsi għalihom u għall-membri tal-familja tagħhom biex ma jkunux ta’ piż fuq is-sistema ta’ assistenza soċjali fl-Istat Membru ospitanti matul il-perjodu ta’ residenza tagħhom u li għandhom assigurazzjoni ta’ mard komprensiva fl-Istat Membru ospitanti, jew li huma membri tal-familja, diġà kkostitwit fl-Istat Membru ospitanti, ta’ persuna li tissodisfa dawn ir-rekwiżiti, filwaqt li l-Artikolu 15(3) tad-[Direttiva 2003/86], li jipprevedi l-istess possibbiltà ta’ żamma ta’ dritt ta’ residenza, ma jissuġġettax din iż-żamma għal din il-kundizzjoni tal-aħħar?”

22      Permezz ta’ ittra tad‑9 ta’ Settembru 2020, li waslet fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fis‑17 ta’ Settembru ta’ wara, bi tweġiba għat-talba għal informazzjoni li l-Qorti tal-Ġustizzja kienet indirizzat lill-qorti tar-rinviju fl‑14 ta’ Awwissu preċedenti, din tal-aħħar indikat li r-rikorrent fil-kawża prinċipali kien ressaq talba għal divorzju fil‑5 ta’ Lulju 2018 u li d-divorzju tal-persuna kkonċernata u tal-konjuġi tiegħu kien ingħata fl‑24 ta’ Lulju ta’ wara.

 Fuq il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja

23      Il-Gvern Belġjan isostni li l-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tirrispondi għad-domanda magħmula, għar-raġuni li, l-ewwel, il-qorti tar-rinviju tqajjem dubji dwar il-validità tal-Artikolu 13(2) tad-Direttiva 2004/38 fir-rigward mhux ta’ regola tad-dritt tal-Unjoni, iżda ta’ dispożizzjoni legali stabbilita mil-leġiżlatur nazzjonali fil-kuntest tal-kompetenza rrikonoxxuta lilu mill-Artikolu 15(2) u (3) tad-Direttiva 2003/86, it-tieni, in-nuqqas ta’ osservanza tal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 13(2) tad-Direttiva 2004/38 jippreġudika r-regoli ta’ tqassim ta’ kompetenzi bejn l-Unjoni u l-Istati membri u, it-tielet, id-dispożizzjonijiet tal-Karta ma jistgħux iwasslu għal bidla fil-kompetenzi tal-Unjoni, u, għaldaqstant, sabiex jidħlu fuq il-kompetenzi li, fl-istat attwali tad-dritt tal-Unjoni, jappartjenu lill-Istati Membri, bħal dawk li jikkonċernaw il-kundizzjonijiet ta’ residenza taċ-ċittadini ta’ pajjiż terz li ma jissodisfawx il-kundizzjoni li jkunu membri tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni.

24      F’dan ir-rigward, mill-Artikolu 19(3)(b) TUE u mill-punt (b) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 267 TFUE jirriżulta li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni sabiex tagħti deċiżjoni preliminari dwar l-interpretazzjoni u l-validità tal-atti adottati mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni, mingħajr ebda eċċezzjoni, peress li dawn l-atti għandhom ikunu totalment kompatibbli mad-dispożizzjonijiet tat-Trattati u mal-prinċipji kostituzzjonali li jirriżultaw minnhom kif ukoll mad-dispożizzjonijiet tal-Karta (sentenza tal‑14 ta’ Mejju 2019, M et (Revoka tal-istatus ta’ refuġjat), C‑391/16, C‑77/17 u C‑78/17, EU:C:2019:403, punt 71 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

25      F’dan il-każ, billi jqisu li, fir-rigward tal-kundizzjonijiet għaż-żamma, b’mod partikolari, fil-każ ta’ divorzju, tad-dritt ta’ residenza taċ-ċittadini ta’ pajjiż terz li kienu vittmi ta’ atti ta’ vjolenza domestika mwettqa mill-konjuġi tagħhom, is-sistema stabbilita fl-Artikolu 13(2) tad-Direttiva 2004/38 f’dak li jikkonċerna ċ-ċittadini ta’ pajjiż terz li l-konjuġi tagħhom huwa ċittadin tal-Unjoni hija inqas favorevoli minn dik stabbilita fl-Artikolu 15(3) tad-Direttiva 2003/86 f’dak li jikkonċerna ċ-ċittadini ta’ pajjiż terz li l-konjuġi tagħhom huwa wkoll ċittadin ta’ pajjiż terz, u l-qorti tar-rinviju tistieden lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tagħti deċiżjoni dwar il-validità tal-Artikolu 13(2) tad-Direttiva 2004/38 fir-rigward tal-Artikoli 20 u 21 tal-Karta, li jistabbilixxu l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ nondiskriminazzjoni.

26      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni sabiex tirrispondi d-domanda magħmula.

 Fuq id-domanda preliminari

27      Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 13(2) tad-Direttiva 2004/38 huwiex validu fir-rigward tal-Artikoli 20 u 21 tal-Karta.

28      B’mod partikolari, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk, billi ssuġġetta, fil-każ ta’ divorzju, iż-żamma tad-dritt ta’ residenza taċ-ċittadini ta’ pajjiż terz li kienu vittmi ta’ atti ta’ vjolenza domestika mwettqa mill-konjuġi tagħhom ċittadin tal-Unjoni għall-kundizzjonijiet stabbiliti fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 13(2) tad-Direttiva 2004/38, fosthom, b’mod partikolari, il-kundizzjoni dwar in-natura suffiċjenti tar-riżorsi, filwaqt li l-Artikolu 15(3) tad-Direttiva 2003/86 ma jimponix tali kundizzjonijiet għall-finijiet tal-għoti, fl-istess ċirkustanzi, ta’ permess ta’ residenza awtonomu għaċ-ċittadini ta’ pajjiż terz li kienu vittmi ta’ atti ta’ vjolenza domestika mwettqa mill-konjuġi tagħhom ukoll ċittadin ta’ pajjiż terz, il-leġiżlatur tal-Unjoni stabbilixxa differenza fit-trattament bejn dawn iż-żewġ kategoriji ta’ ċittadini ta’ pajjiż terz li kienu vittmi ta’ atti ta’ vjolenza domestika, għad-dannu tal-ewwel waħda fosthom, bi ksur tal-Artikoli 20 u 21 tal-Karta.

29      L-ewwel, għandu jiġi rrilevat li, mingħajr ma eċċepixxew formalment l-inammissibbiltà tad-domanda preliminari magħmula mill-qorti tar-rinviju, il-Kummissjoni Ewropea, fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, u l-Parlament Ewropew, fl-osservazzjonijiet orali tiegħu, esprimew dubji fir-rigward tal-applikabbiltà tal-punt (ċ) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 13(2) ta’ din id-Direttiva 2004/38 f’ċirkustanzi bħal dawk tal-kawża prinċipali.

30      Dawn id-dubji huma bbażati fuq is-sentenza tat‑30 ta’ Ġunju 2016, (C‑115/15, EU:C:2016:487, punt 51), li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li din id-dispożizzjoni għandha tiġi interpretata fis-sens li ċittadin ta’ pajjiż terz, iddivorzjat minn ċittadin tal-Unjoni li mingħandu ssubixxa atti ta’ vjolenza domestika matul iż-żwieġ, ma jistax jibbenefika miż-żamma tad-dritt ta’ residenza tiegħu fl-Istat Membru ospitanti, fuq il-bażi ta’ din id-dispożizzjoni, meta l-bidu tal-proċedura ġudizzjarja ta’ divorzju huwa sussegwenti għat-tluq tal-konjuġi li huwa ċittadin tal-Unjoni minn dan l-Istat Membru.

31      Issa, hekk kif ġie rrilevat fil-punti 16 u 22 ta’ din is-sentenza, għalkemm ir-rikorrent fil-kawża prinċipali kien vittma, matul iż-żwieġ tiegħu, ta’ atti ta’ vjolenza domestika mwettqa mill-ex konjuġi tiegħu, ċittadina tal-Unjoni, fatt li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju, din tirrisjedi, mat-tifla tagħhom, fi Franza mill‑10 ta’ Settembru 2015. Il-proċedura ġudizzjarja ta’ divorzju nbdiet biss kważi tliet snin wara t-tluq ta’ dawn tal-aħħar mill-Belġju, jiġifieri fil‑5 ta’ Lulju 2018, u wasslet għad-divorzju fl‑24 ta’ Lulju ta’ wara.

32      Huwa f’dan il-kuntest li għandu jiġi ddeterminat il-kamp ta’ applikazzjoni tal-punt (ċ) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 13(2) tad-Direttiva 2004/38 qabel ma tiġi evalwata l-validità tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 13(2) ta’ din id-direttiva fir-rigward tal-motivi msemmija mill-qorti tar-rinviju.

33      F’dan ir-rigward, l-ewwel, jirriżulta mill-kliem użat kemm fit-titolu, kif ukoll fil-formulazzjoni tal-Artikolu 13(2) tad-Direttiva 2004/38 li ż-żamma tad-dritt ta’ residenza li minnu jibbenefikaw, fuq il-bażi ta’ din id-dispożizzjoni, il-membri tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni li ma għandhomx in-nazzjonalità ta’ Stat Membru hija prevista b’mod partikolari f’każ ta’ divorzju u li, konsegwentement, meta l-kundizzjonijiet imsemmija f’din id-dispożizzjoni jkunu ssodisfatti, tali divorzju ma jwassalx għat-telf ta’ tali dritt ta’ residenza (sentenza tat‑30 ta’ Ġunju 2016, NA, C‑115/15, EU:C:2016:487, punt 40).

34      Sussegwentement, fir-rigward tal-kuntest ta’ din id-dispożizzjoni, l-Artikolu 13(2) tad-Direttiva 2004/38 jikkostitwixxi deroga mill-prinċipju li mhux iċ-ċittadini kollha ta’ pajjiż terz jisiltu drittijiet ta’ dħul u ta’ residenza fi Stat Membru minn din id-direttiva, iżda unikament dawk li huma “membri tal-familja” fis-sens tal-punt 2 tal-Artikolu 2 tal-imsemmija direttiva, ta’ ċittadin tal-Unjoni li jkun eżerċita d-dritt ta’ moviment liberu tiegħu billi jistabbilixxi ruħu fi Stat Membru li ma huwiex l-Istat Membru li għandu n-nazzjonalità tiegħu, liema prinċipju kien ġie stabbilit fil-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja (sentenza tat‑30 ta’ Ġunju 2016, NA, C‑115/15, EU:C:2016:487, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata).

35      Fil-fatt, l-Artikolu 13(2) tad-Direttiva 2004/38 ikopri l-każijiet eċċezzjonali fejn id-divorzju ma jwassalx għat-telf tad-dritt ta’ residenza taċ-ċittadini kkonċernati ta’ pajjiż terz ikkonċernat, taħt id-Direttiva 2004/38, minkejja li, wara d-divorzju tagħhom, dawn iċ-ċittadini ma jissodisfawx iktar il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 7(2) ta’ din id-direttiva u, b’mod partikolari, il-kundizzjoni ta’ “membru tal-familja” ta’ ċittadin tal-Unjoni, fis-sens tal-punt 2(a) tal-Artikolu 2 tal-imsemmija direttiva (sentenza tat‑30 ta’ Ġunju 2016, NA, C‑115/15, EU:C:2016:487, punt 42).

36      Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-iskop tal-Artikolu 13(2) tad-Direttiva 2004/38, din id-dispożizzjoni tissodisfa l-għan, stabbilit fil-premessa 15 ta’ din id-direttiva, li tiġi offruta protezzjoni ġuridika lill-membri tal-familja fil-każ ta’ divorzju, ta’ annullament taż-żwieġ jew ta’ tmiem tas-sħubija rreġistrata, billi għal dan il-għan jittieħdu l-miżuri sabiex jiġi żgurat li, f’tali ċirkustanzi, il-membri tal-familja li jirrisjedu diġà fit-territorju tal-Istat Membru ospitanti jżommu d-dritt ta’ residenza tagħhom fuq bażi individwali (sentenza tat‑30 ta’ Ġunju 2016, NA, C‑115/15, EU:C:2016:487, punt 45).

37      F’dan ir-rigward, mix-xogħol preparatorju tad-Direttiva 2004/38 u, b’mod iktar partikolari, mill-espożizzjoni tal-motivi tal-proposta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jirrisjedu liberament fit-territorju tal-Istati Membri (COM (2001) 257 final), jirriżulta li, skont id-dritt tal-Unjoni preċedenti għad-Direttiva 2004/38, il-konjuġi ddivorzjat setà jiġi mċaħħad mid-dritt ta’ residenza fl-Istat Membru ospitanti (sentenza tat‑30 ta’ Ġunju 2016, NA, C‑115/15, EU:C:2016:487, punt 46).

38      F’dan il-kuntest, din il-proposta għal direttiva tispeċifika li d-dispożizzjoni prevista, li saret l-Artikolu 13(2) tad-Direttiva 2004/38, għandha l-għan li toffri ċerta protezzjoni ġuridika liċ-ċittadini ta’ pajjiż terz li d-dritt ta’ residenza tagħhom huwa marbut mar-rabta tal-familja rrappreżentata miż-żwieġ u li, minħabba dan il-fatt, jistgħu jiġu rrikattati b’theddida ta’ divorzju, u li tali protezzjoni hija meħtieġa biss f’każ ta’ deċiżjoni finali ta’ divorzju, peress li, f’każ ta’ separazzjoni de facto, bl-ebda mod ma huwa affettwat id-dritt ta’ residenza tal-konjuġi ċittadin ta’ pajjiż terz (sentenza tat‑30 ta’ Ġunju 2016, NA, C‑115/15, EU:C:2016:487, punt 47).

39      Fil-fatt, sakemm iż-żwieġ jippersisti, il-konjuġi, ċittadin ta’ pajjiż terz, iżomm il-kwalità tiegħu ta’ membru tal-familja taċ-ċittadin tal-Unjoni, kif iddefinit fil-punt 2 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2004/38, u jibbenefika f’dan ir-rigward minn dritt idderivat ta’ residenza fl-Istat Membru ospitanti jew, jekk ikun il-każ, fl-Istat Membru li ċ-ċittadin tal-Unjoni għandu n-nazzjonalità tiegħu (sentenza tat‑12 ta’ Marzu 2014, O. u B. C‑456/12, EU:C:2014:135, punt 61).

40      Minn dak li ntqal preċedentement jirriżulta mill-formulazzjoni, mill-kuntest u mill-iskop tal-Artikolu 13(2) tad-Direttiva 2004/38 li l-implimentazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, inkluż id-dritt ibbażat fuq il-punt (ċ) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 13(2) tad-Direttiva 2004/38, hija suġġetta għad-divorzju tal-persuni kkonċernati (sentenza tat‑30 ta’ Ġunju 2016, NA, C‑115/15, EU:C:2016:487, punt 48).

41      Fil-punt 62 tas-sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2015, Singh et (C‑218/14, EU:C:2015:476), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, fl-ipoteżi fejn, qabel il-bidu tal-proċedura ġudizzjarja ta’ divorzju, iċ-ċittadin tal-Unjoni jitlaq l-Istat Membru fejn jirrisjedi l-konjuġi tiegħu, għall-finijiet li jistabbilixxi ruħu fi Stat Membru ieħor jew f’pajjiż terz, id-dritt idderivat ta’ residenza taċ-ċittadin ta’ pajjiż terz, abbażi tal-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 2004/38, ikun intemm mat-tluq taċ-ċittadin tal-Unjoni u ma jistax jinżamm iktar abbażi tal-punt (a) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 13(2) ta’ din id-direttiva.

42      Madankollu, fil-każ previst fil-punt (ċ) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 13(2) tad-Direttiva 2004/38, li jiġi rikjest għaż-żamma tad-dritt ta’ residenza taċ-ċittadin ta’ pajjiż terz li kien vittma ta’ atti ta’ vjolenza domestika mwettqa mill-konjuġi tiegħu li huwa ċittadin tal-Unjoni li l-proċedura ġudizzjarja ta’ divorzju tinbeda qabel it-tluq ta’ dan iċ-ċittadin tal-Unjoni mill-Istat Membru ospitanti jista’ joffri lil dan tal-aħħar mezz ta’ pressjoni li jmur manifestament kontra l-għan li tiġi żgurata l-protezzjoni tal-vittma ta’ tali atti u li jesponi minħabba dan il-fatt, u hekk kif l-Avukat Ġenerali sostna fil-punti 87 u 88 tal-konklużjonijiet, lil din il-vittma għal rikatt għad-divorzju jew għat-tluq.

43      Għaldaqstant, kuntrarjament għal dak li ġie deċiż fil-punt 51 tas-sentenza tat‑30 ta’ Ġunju 2016, NA (C‑115/15, EU:C:2016:487), għandu jiġi kkunsidrat li, għall-finijiet taż-żamma tad-dritt ta’ residenza abbażi tal-punt (ċ) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 13(2) tad-Direttiva 2004/38, il-proċedura ġudizzjarja ta’ divorzju tista’ tinbeda wara t-tluq taċ-ċittadin tal-Unjoni mill-Istat Membru ospitanti. Madankollu, sabiex tiġi ggarantita ċ-ċertezza legali, ċittadin ta’ pajjiż terz li kien vittma ta’ atti ta’ vjolenza domestika mwettqa mill-konjuġi tiegħu li huwa ċittadin tal-Unjoni li l-proċedura ġudizzjarja ta’ divorzju tiegħu ma nbdietx qabel it-tluq ta’ dan tal-aħħar mill-Istat Membru ospitanti ma jistax jinvoka ż-żamma tad-dritt ta’ residenza tiegħu abbażi ta’ din id-dispożizzjoni ħlief sa fejn din il-proċedura tinbeda f’terminu raġonevoli wara tali tluq.

44      Fil-fatt, għandu jitħalla liċ-ċittadin ikkonċernat tal-pajjiż terz, konjuġi ta’ ċittadin tal-Unjoni, iż-żmien suffiċjenti sabiex jeżerċita l-għażla bejn iż-żewġ possibbiltajiet li d-Direttiva 2004/38 toffrilu sabiex iżomm dritt ta’ residenza skont din id-direttiva li huma jew il-ftuħ ta’ proċedura ġudizzjarja ta’ divorzju sabiex jibbenefika minn dritt ta’ residenza personali skont il-punt (ċ) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 13(2) tal-imsemmija direttiva, jew l-istabbiliment tiegħu fl-Istat Membru fejn jirrisjedi ċ-ċittadin tal-Unjoni sabiex jinżamm id-dritt idderivat tiegħu ta’ residenza. F’dan ir-rigward, għandu jingħad ukoll li l-konjuġi ma għandux neċessarjament jgħix b’mod permanenti maċ-ċittadin tal-Unjoni sabiex ikollu dritt idderivat ta’ residenza (sentenzi tat‑13 ta’ Frar 1985, Diatta, 267/83, EU:C:1985:67, punti 20 u 22, kif ukoll tat‑8 ta’ Novembru 2012, Iida, C‑40/11, EU:C:2012:691, punt 58).

45      F’dan il-każ, hekk kif ġie rrilevat fil-punt 31 ta’ din is-sentenza, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali ma ngħaqadx mal-konjuġi tiegħu fl-Istat Membru ta’ oriġini tagħha. Huwa beda l-proċedura ġudizzjarja ta’ divorzju fil‑5 ta’ Lulju 2018, jiġifieri kważi tliet snin wara t-tluq tal-konjuġi tiegħu u ta’ binthom mill-Istat Membru ospitanti, li ma jidhirx li jikkorrispondi għal terminu raġonevoli.

46      Madankollu u fi kwalunkwe każ, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li, skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali li hija intiża sabiex tittrasponi l-Artikolu 13(2) tad-Direttiva 2004/38, ċittadin ta’ pajjiż terz li jsib ruħu fis-sitwazzjoni tar-rikorrent fil-kawża prinċipali jibbenefika miż-żamma tad-dritt ta’ residenza tiegħu, bla ħsara għall-osservanza tal-obbligu stabbilit fit-tieni subparagrafu ta’ dan l-artikolu.

47      F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma jidhirx b’mod manifest li d-domanda magħmula, sa fejn tirrigwarda l-validità tal-Artikolu 13(2) tad-Direttiva 2004/38, ma għandha ebda rabta mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali.

48      Għaldaqstant, id-domanda magħmula mill-qorti ta’ rinviju hija ammissibbli.

 Fuq il-validità tal-Artikolu 13(2) tad-Direttiva 2004/38

49      Hemm lok li l-ewwel jiġi vverifikat jekk l-Artikoli 20 u 21 tal-Karta humiex rilevanti meta, hekk kif il-qorti tar-rinviju tistaqsi, għandu jiġi eżaminat jekk l-Artikolu 13(2) tad-Direttiva 2004/38 jistax iwassal għal diskriminazzjoni taċ-ċittadini ta’ pajjiż terz, vittmi ta’ atti ta’ vjolenza domestika, li l-konjuġi tagħhom huwa ċittadin tal-Unjoni, meta mqabbla ma’ dawk li l-konjuġi tagħhom huwa wkoll ċittadin ta’ pajjiż terz.

50      L-ewwel, fir-rigward tal-Artikolu 21 tal-Karta, id-differenza fit-trattament li l-Artikolu 13(2) tad-Direttiva 2004/38 jistabbilixxi hija bbażata fuq in-nazzjonalità tal-konjuġi awtur tal-atti ta’ vjolenza domestika, għandu jitfakkar li l-Artikolu 21(2) tal-Karta, li jipprovdi li “[fil]-kamp ta’ applikazzjoni tat-Trattati u mingħajr preġudizzju għal kull dispożizzjoni speċifika tagħhom, kull diskriminazzjoni minħabba n-nazzjonalità hi pprojbita”, jikkorrispondi, skont l-Ispjegazzjonijiet dwar il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali (ĠU 2007, C 303, p. 17), għall-ewwel paragrafu tal-Artikolu 18 TFUE u għandu japplika konformement ma’ din l-aħħar dispożizzjoni.

51      Issa, hekk kif il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 18 TFUE jikkonċerna s-sitwazzjonijiet li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li fihom ċittadin ta’ Stat Membru jissubixxi trattament diskriminatorju meta pparagunat maċ-ċittadini nazzjonali ta’ Stat Membru ieħor, abbażi biss tan-nazzjonalità tiegħu, u ma huwiex intiż sabiex japplika fil-każ ta’ eventwali differenza fit-trattament bejn iċ-ċittadini tal-Istati Membri u dawk tal-pajjiżi terzi (sentenza tal‑4 ta’ Ġunju 2009, Vatsouras u Koupatantze, C‑22/08 u C‑23/08, EU:C:2009:344, punt 52).

52      Għaldaqstant, din id-dispożizzjoni lanqas ma hija intiża sabiex tapplika fil-każ ta’ eventwali differenza fit-trattament bejn żewġ kategoriji ta’ ċittadini ta’ pajjiż terz, bħaż-żewġ kategoriji ta’ vittmi ta’ atti ta’ vjolenza domestika msemmija, rispettivament, fl-Artikolu 13(2) tad-Direttiva 2004/38 u fl-Artikolu 15(3) tad-Direttiva 2003/86.

53      Isegwi li l-Artikolu 21 tal-Karta huwa irrilevanti għall-finijiet tal-eżami ta’ validità mitlub mill-qorti tar-rinviju.

54      F’dak li jirrigwarda, it-tieni, l-Artikolu 20 tal-Karta, dan l-artikolu, li jipprovdi li “[k]ull persuna hija ugwali f’għajnejn il-liġi”, ma jipprevedi ebda limitazzjoni speċifika tal-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu u għaldaqstant japplika għas-sitwazzjonijiet kollha rregolati mid-dritt tal-Unjoni, bħal dawk li jaqgħu taħt id-Direttivi 2004/38 u 2003/86 (ara, f’dan is-sens, l-Opinjoni 1/17 (CETA UE-Kanada), tat‑30 ta’ April 2019, EU:C:2019:341, punt 171 u l-ġurisprudenza ċċitata).

55      Għaldaqstant, l-Artikolu 20 tal-Karta huwa rilevanti għall-finijiet tal-eżami tal-validità mitlub mill-qorti tar-rinviju.

56      F’dawn iċ-ċirkustanzi, huwa biss fir-rigward tal-Artikolu 20 tal-Karta li hemm lok li tiġi evalwata l-validità tal-Artikolu 13(2) tad-Direttiva 2004/38.

57      Hekk kif jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-ugwaljanza f’għajnejn il-liġi, stabbilita fl-Artikolu 20 tal-Karta, hija prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni li jeżiġi li sitwazzjonijiet komparabbli ma jiġux ittrattati b’mod differenti u li sitwazzjonijiet differenti ma jiġux ittrattati b’mod ugwali, sakemm differenza fit-trattament ma tkunx oġġettivament iġġustifikata (sentenza tas‑17 ta’ Ottubru 2013, Schaible, C‑101/12, EU:C:2013:661, punt 76 u l-ġurisprudenza ċċitata).

58      Ir-rekwiżit dwar in-natura komparabbli tas-sitwazzjonijiet, sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, għandu jiġi evalwat fir-rigward tal-elementi kollha li jikkaratterizzawhom u, b’mod partikolari, fid-dawl tas-suġġett u tal-għan li għandu jintlaħaq mill-att li jistabbilixxi d-distinzjoni inkwistjoni, peress li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni, għal dan il-għan, prinċipji u għanijiet tal-qasam li taħtu jaqa’ dan l-att. Sakemm is-sitwazzjonijiet ma jkunux komparabbli, differenza fit-trattament tas-sitwazzjonijiet ikkonċernati ma tiksirx l-ugwaljanza f’għajnejn il-liġi stabbilita fl-Artikolu 20 tal-Karta (Opinjoni 1/17, CETA UE-Kanada, tat‑30 ta’ April 2019, EU:C:2019:341, punt 177 u l-ġurisprudenza ċċitata).

59      F’dan il-każ, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar il-validità tal-Artikolu 13(2) tad-Direttiva 2004/38, sa fejn dan jistabbilixxi sistema differenti minn dik prevista fl-Artikolu 15(3) tad-Direttiva 2003/86, filwaqt li t-tnejn li huma japplikaw, fil-fehma tagħha, f’sitwazzjonijiet identiċi.

60      F’dan ir-rigward, fil-każ, l-ewwel, tas-sistema stabbilita fl-Artikolu 13(2) tad-Direttiva 2004/38, l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 13(2) ta’ din id-direttiva jipprevedi li d-divorzju ma jwassalx għat-telf tad-dritt ta’ residenza tal-membri tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni li ma għandhomx in-nazzjonalità ta’ Stat Membru, b’mod partikolari meta sitwazzjonijiet partikolarment diffiċli jeħtieġu dan, bħall-fatt li kienu vittma ta’ atti ta’ vjolenza domestika meta ż-żwieġ kien għadu jeżisti. Hekk kif huwa ppreċiżat fit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 13(2) tal-imsemmija direttiva, dawn il-membri tal-familja jżommu d-dritt ta’ residenza tagħhom esklużivament fuq bażi personali.

61      Il-benefiċċju taż-żamma tad-dritt ta’ residenza ta’ dawn il-membri tal-familja, qabel il-kisba ta’ dritt ta’ residenza permanenti huwa, madankollu, suġġett għall-kundizzjonijiet stabbiliti fit-tieni subparagafu tal-Artikolu 13(2) tad-Direttiva 2004/38, jiġifieri li l-persuna kkonċernata turi kemm li hija ħaddiema kif ukoll li għandha, għaliha nnifisha u għall-membri tal-familja tagħha, riżorsi suffiċjenti sabiex ma ssirx piż għas-sistema ta’ assistenza soċjali tal-Istat Membru ospitanti matul it-tul tar-residenza tagħhom, u li huma kompletament koperti minn assigurazzjoni għall-mard f’dan l-Istat membru, kif ukoll li hija membru tal-familja, diġà kkostitwita fl-imsemmi Stat Membru, ta’ persuna li tissodisfa dawn ir-rekwiżiti.

62      Għandu jiġi rrilevat li dawn il-kundizzjonijiet jikkorrispondu għal dawk stabbiliti fil-punti (a), (b) u (d) tal-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2004/38, li ċ-ċittadini tal-Unjoni stess huma obbligati jissodisfaw sabiex jibbenefikaw minn dritt ta’ residenza temporanja, għal tul ta’ żmien ta’ iktar minn tliet xhur, fit-territorju tal-Istat Membru ospitanti.

63      Fl-aħħar nett, mill-premessa 10 ta’ din id-direttiva jirriżulta li l-istess kundizzjonijiet huma intiżi, b’mod partikolari, sabiex jiġi evitat li dawn il-persuni ma jsirux piż mhux raġonevoli għas-sistema ta’ assistenza soċjali tal-Istat Membru ospitanti.

64      Fir-rigward, fit-tieni lok, tas-sistema stabbilita fl-Artikolu 15(3) tad-Direttiva 2003/86, minn din id-dispożizzjoni jirriżulta li, fil-każ ta’ divorzju, permess ta’ residenza awtonomu jista’ jinħareġ, jekk meħtieġ fuq talba, lill-persuni li jkunu daħlu abbażi tar-riunifikazzjoni tal-familja u li l-Istati Membri jadottaw id-dispożizzjonijiet li jiggarantixxu l-għoti ta’ permess ta’ residenza awtonomu fil-każ ta’ “ċirkustanzi partikolarment diffiċli”. F’dan ir-rigward, il-paragrafu 3 tal-punt 5 tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill tat‑3 ta’ April 2014 dwar gwida għall-applikazzjoni tad-Direttiva 2003/86/KE (COM(2014) 210 final), jiċċita bħala eżempju ta’ “ċirkostanzi diffiċli partikolari” l-każijiet ta’ vjolenza domestika.

65      L-Artikolu 15(4) ta’ din id-direttiva jispeċifika li l-kundizzjonijiet applikabbli għall-għoti u għat-tul ta’ dan il-permess ta’ residenza awtonomu huma ddefiniti mid-dritt nazzjonali.

66      B’hekk jidher li l-Artikolu 13(2) tad-Direttiva 2004/38 u l-Artikolu 15(3) tad-Direttiva 2003/86 jistabbilixxu sistemi u kundizzjonijiet differenti.

67      Hemm lok, għalhekk, li jiġi vverifikat jekk, minn naħa, iċ-ċittadini ta’ pajjiż terz, konjuġi ta’ ċittadin tal-Unjoni, li kienu vittmi ta’ atti ta’ vjolenza domestika mwettqa minn dan tal-aħħar u li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 13(2) tad-Direttiva 2004/38, u, min-naħa l-oħra, iċ-ċittadini ta’ pajjiż terz, konjuġi ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz, li kienu vittmi ta’ atti ta’ vjolenza domestika mwettqa minn dan tal-aħħar u li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 15(3) tad-Direttiva 2003/86, jinsabux f’sitwazzjoni komparabbli f’dak li jikkonċerna ż-żamma tad-dritt ta’ residenza tagħhom fi Stat Membru, fir-rigward tal-elementi kollha li jikkaratterizzaw iż-żewġ sitwazzjonijiet.

 Fuq l-għanijiet tal-Artikolu 13(2) tad-Direttiva 2004/38 u tal-Artikolu 15(3) tad-Direttiva 2003/86

68      Fir-rigward tal-iskop li għandu jintlaħaq mill-punt (ċ) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 13(2) tad-Direttiva 2004/38, hekk kif ġie rrilevat fil-punti 36 sa 38 ta’ din is-sentenza, din id-dispożizzjoni hija intiża sabiex tipproteġi, fil-każ ta’ divorzju, annullament ta’ żwieġ jew tmiem ta’ sħubija rreġistrata, ċittadin ta’ pajjiż terz, li jkun issubixxa atti ta’ vjolenza domestika min-naħa tal-konjuġi tiegħu jew tas-sieħeb tiegħu, ċittadin tal-Unjoni, meta ż-żwieġ jew is-sħubija rreġistrata kienu għadhom jeżistu, billi tagħtih dritt ta’ residenza personali fl-Istat Membru ospitanti.

69      Id-Direttiva 2003/86 tikkondividi dan l-istess skop ta’ protezzjoni tal-membri tal-familja li huma vittmi ta’ vjolenza domestika peress li tipprevedi, fl-Artikolu 15(3) tagħha, li, f’każ b’mod partikolari ta’ divorzju jew ta’ separazzjoni, permess ta’ residenza awtonomu jista’ jinħareġ lill-persuni li jkunu daħlu permezz tar-riunifikazzjoni tal-familja u li l-Istati Membri jadottaw dispożizzjonijiet li jiggarantixxu l-għoti ta’ dan il-permess ta’ residenza f’każ ta’ sitwazzjoni partikolarment diffiċli.

70      Għaldaqstant, il-punt (ċ) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 13(2) tad-Direttiva 2004/38 u l-Artikolu 15(3) tad-Direttiva 2003/86 jikkondividu l-għan li tiġi żgurata protezzjoni tal-membri tal-familja li huma vittmi ta’ vjolenza domestika. Madankollu, hekk kif jirriżulta mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 58 ta’ din is-sentenza, il-komparabbiltà tas-sitwazzjonijiet għandha tiġi evalwata fir-rigward tal-elementi kollha li jikkaratterizzawhom.

 Fuq l-oqsma li jaqgħu taħthom id-Direttivi 2004/38 u 2003/86

71      Fir-rigward tal-oqsma li jaqgħu taħthom id-Direttivi 2004/38 u 2003/86, għandu jiġi nnotat li d-Direttiva 2004/38 ġiet adottata fuq il-bażi tal-Artikoli 12, 18, 40, 44 u 52 KE, li saru rispettivament l-Artikoli 18, 21, 46, 50 u 59 TFUE, jiġifieri fil-qasam tal-moviment liberu tal-persuni, u b’hekk tagħmel parti mill-għan tal-Unjoni, imsemmi fl-Artikolu 3 TUE, li jiġi stabbilit suq intern, li jinkludi spazju mingħajr fruntieri interni li fih din il-libertà fundamentali hija żgurata skont id-dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE.

72      Hemm lok li jitfakkar li mill-premessi 1 u 2 tad-Direttiva 2004/38 jirriżulta li ċ-ċittadinanza tal-Unjoni tagħti lil kull ċittadin tal-Unjoni dritt fundamentali u individwali li jiċċaqlaq u li jirrisjedi liberament fit-territorju tal-Istati Membri, bla ħsara għal-limitazzjonijiet u għar-restrizzjonijiet stabbiliti mit-Trattati u għall-miżuri adottati fid-dawl tal-applikazzjoni tagħhom, inkwantu l-moviment liberu tal-persuni jikkostitwixxi, barra minn hekk, waħda mil-libertajiet fundamentali tas-suq intern, stabbilit fl-Artikolu 45 tal-Karta (sentenza tat‑22 ta’ Ġunju 2021, Ordre des barreaux francophones et germanophone et (Miżuri restrittivi għat-tneħħija), C‑718/19, EU:C:2021:505, punt 54 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

73      Id-dritt ta’ moviment liberu u ta’ residenza libera fit-territorju tal-Istati Membri huwa, barra minn hekk, mogħti lill-membri tal-familja taċ-ċittadini tal-Unjoni, tkun xi tkun in-nazzjonalità tagħhom.

74      F’dan il-kuntest, għandu jitfakkar li d-drittijiet li jingħataw liċ-ċittadini ta’ pajjiż terz mid-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li jikkonċernaw iċ-ċittadinanza tal-Unjoni ma humiex drittijiet awtonomi ta’ dawn iċ-ċittadini, iżda drittijiet idderivati mill-eżerċizzju tal-libertà ta’ moviment u ta’ residenza minn ċittadin tal-Unjoni. L-iskop u l-ġustifikazzjoni ta’ dawn id-drittijiet idderivati huma bbażati fuq il-konstatazzjoni li r-rifjut ta’ rikonoxximent ta’ tali drittijiet huwa ta’ natura li jippreġudika l-libertà ta’ moviment taċ-ċittadin tal-Unjoni, billi jiddisswadih milli jeżerċita d-drittijiet tiegħu ta’ dħul u ta’ residenza fit-territorju tal-Istat Membru ospitanti (sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2015, Singh et, C‑218/14, EU:C:2015:476, punt 50 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

75      Fir-rigward tad-Direttiva 2003/86, din tal-aħħar ġiet adottata abbażi tal-Artikolu 63(3)(a) KE, li sar l-Artikolu 79 TFUE, jiġifieri abbażi tal-politika komuni tal-immigrazzjoni tal-Unjoni, politika intiża li tiżgura, fl-istadji kollha, ġestjoni effikaċi tal-flussi migratorji, trattament ġust taċ-ċittadini ta’ pajjiż terz li jirrisjedu regolarment fit-territorju tal-Istati Membri, kif ukoll prevenzjoni tal-immigrazzjoni illegali u tat-traffikar tal-bnedmin u ġlieda msaħħa kontrihom.

76      F’dan ir-rigward, hekk kif enfasizza l-Avukat Ġenerali fil-punt 122 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-ġurisdizzjoni tal-Unjoni fil-qasam tal-migrazzjoni hija ġurisdizzjoni ta’ armonizzazzjoni. Regoli komuni huma, għalhekk, adottati permezz ta’ direttivi, bħad-Direttiva 2003/86, li l-Istati Membri huma obbligati jittrasponu fid-dritt intern tagħhom, fejn madankollu jistgħu jilleġiżlaw fuq il-kwistjonijiet mhux koperti mid-dritt tal-Unjoni u jidderogaw mir-regoli komuni sa fejn dan id-dritt jippermetti dan.

 Fuq l-għanijiet tad-Direttivi 2004/38 u 2003/86

77      Fir-rigward tal-għanijiet tad-Direttivi 2004/38 u 2003/86, għandu jiġi rrilevat li, konformement mal-Artikolu 1 tad-Direttiva 2004/38, din tal-aħħar tikkonċerna l-kundizzjonijiet għall-eżerċizzju tad-dritt taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom li jiċċaqilqu u li jirrisjedu liberament fit-territorju tal-Istati Membri, id-dritt ta’ residenza permanenti, fit-territorju tal-Istati Membri, taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom, u l-limitazzjonijiet għal dawn id-drittijiet minħabba raġunijiet ta’ ordni pubbliku, ta’ sigurtà pubblika jew ta’ saħħa pubblika.

78      Fil-fatt, hekk kif dan jirriżulta mill-formulazzjoni stess tal-Artikoli 20 u 21 TFUE, id-dritt taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom li jiċċaqilqu u li jirrisjedu liberament fit-territorju tal-Istati Membri ma huwiex inkundizzjonat, iżda suġġett għal-limitazzjonijiet u għall-kundizzjonijiet previsti mit-Trattat FUE kif ukoll mid-dispożizzjonijiet adottati għall-applikazzjoni tiegħu (sentenza tat‑22 ta’ Ġunju 2021, Ordre des barreaux francophones et germanophone et. (Miżuri restrittivi għat-tneħħija), C‑718/19, EU:C:2021:505, punt 45 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). Huwa, għalhekk, mid-Direttiva 2004/38 li l-leġiżlatur tal-Unjoni rregola, konformement ma’ dawn l-artikoli tat-Trattat FUE, dawn il-limitazzjonijiet u dawn il-kundizzjonijiet.

79      F’dak li jirrigwarda d-Direttiva 2003/86, din tal-aħħar għandha bħala għan, konformement mal-Artikolu 1 tagħha, moqri flimkien mal-premessa 6 tagħha, li tistabbilixxi, skont kriterji komuni, il-kundizzjonijiet materjali li fihom jiġi eżerċitat id-dritt għar-riunifikazzjoni tal-familja li għandhom iċ-ċittadini ta’ pajjiż terz li jirrisjedu legalment fit-territorju tal-Istati Membri.

80      Għalhekk, permezz tad-Direttiva 2003/86, il-leġiżlatur tal-Unjoni ried jiżgura l-approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet nazzjonali dwar il-kundizzjonijiet ta’ ammissjoni u ta’ residenza taċ-ċittadini ta’ pajjiż terz, hekk kif jirriżulta mill-premessa 3 ta’ din id-direttiva.

 Fuq l-għanijiet tad-Direttivi 2004/38 u 2003/86

81      Fir-rigward tal-għanijiet tad-Direttivi 2004/38 u 2003/86, għandu jiġi rrilevat li, hekk kif jirriżulta mill-premessi 3 u 4 tad-Direttiva 2004/38, din tal-aħħar hija intiża li tiffaċilita l-eżerċizzju tad-dritt fundamentali u individwali ta’ moviment liberu u ta’ residenza libera fit-territorju tal-Istati Membri li huwa mogħti direttament liċ-ċittadini tal-Unjoni permezz tal-Artikolu 21(1) TFUE u sabiex issaħħaħ dan id-dritt fundamentali (sentenza tat‑2 ta’ Ottubru 2019, Bajratari, C‑93/18, EU:C:2019:809, punt 47 u l-ġurisprudenza ċċitata).

82      It-twettiq tal-għan li jiġi ffaċilitat l-eżerċizzju tad-dritt fundamentali ta’ kull ċittadin tal-Unjoni li jiċċaqlaq u li jirrisjedi liberament jeħtieġ ċertament li jintlaħqu wkoll l-għanijiet ta’ protezzjoni tal-ħajja tal-familja tiegħu u ta’ integrazzjoni tal-familja tiegħu fl-Istat Membru ospitanti. Għalhekk, l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2004/38 jagħti dritt ta’ residenza lill-membri tal-familja ta’ dan iċ-ċittadin. Bl-istess mod, kien ġie deċiż li kundizzjonijiet favorevoli għall-integrazzjoni fl-Istat Membru ospitanti tal-membri tal-familja taċ-ċittadini tal-Unjoni jikkontribwixxu għat-twettiq tal-għan ta’ moviment liberu (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑17 ta’ April 1986, Reed, 59/85, EU:C:1986:157, punt 28, u tas‑6 ta’ Ottubru 2020, Jobcenter Krefeld, C‑181/19, EU:C:2020:794, punt 51). Madankollu, dawn l-għanijiet ta’ protezzjoni u ta’ integrazzjoni huma sekondarji meta pparagunati mal-għan ewlieni ta’ din id-direttiva li huwa li jiġi ffaċilitat il-moviment liberu taċ-ċittadini tal-Unjoni.

83      Fir-rigward tad-Direttiva 2003/86, din tal-aħħar għandha bħala għan ewlieni li tiffaċilita l-integrazzjoni taċ-ċittadini ta’ pajjiż terz fl-Istati Membri billi tippermetti ħajja tal-familja permezz tar-riunifikazzjoni tal-familja, hekk kif jirriżulta mill-premessa 4 tagħha (sentenza tal‑21 ta’ April 2016, Khachab, C‑558/14, EU:C:2016:285, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata).

 Fuq is-setgħa diskrezzjonali rrikonoxxuta lill-Istati Membri fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-kundizzjonijiet stabbiliti fid-Direttivi 2004/38 u 2003/86

84      Fir-rigward tas-setgħa diskrezzjonali rrikonoxxuta lill-Istati Membri fil-kuntest tal-applikazzjoni tad-Direttiva 2004/38, din is-setgħa hija limitata, bla ħsara għall-implimentazzjoni tal-Artikolu 37 tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2021, The Department for Communities in Northern Ireland, C‑709/20, EU:C:2021:602, punt 83).

85      Min-naħa l-oħra, is-setgħa diskrezzjonali rrikonoxxuta lill-Istati Membri fil-kuntest tad-Direttiva 2003/86 hija wiesgħa fir-rigward, preċiżament, tal-kundizzjonijiet għall-għoti, abbażi tal-Artikolu 15(3) ta’ din id-direttiva, ta’ permess ta’ residenza awtonomu, fil-każ ta’ divorzju, liċ-ċittadin ta’ pajjiż terz li jkun daħal fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat abbażi tar-riunifikazzjoni tal-familja li kien vittma ta’ atti ta’ vjolenza domestika mwettqa matul iż-żwieġ mill-isponsor.

86      Fil-fatt, għalkemm huwa minnu li din id-dispożizzjoni timponi fuq l-Istati Membri li jadottaw dispożizzjonijiet li jiggarantixxu, f’tali ipoteżi, l-għoti ta’ tali permess ta’ residenza liċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikkonċernat, xorta jibqa’ l-fatt li, hekk kif ġie rrilevat fil-punt 65 ta’ din is-sentenza, l-Artikolu 15(4) tal-imsemmija direttiva jippreċiża li l-kundizzjonijiet applikabbli għall-għoti u għat-tul ta’ dan il-permess ta’ residenza awtonomu huma ddefiniti mid-dritt nazzjonali.

87      Għalhekk, billi introduċa, fl-Artikolu 15(4) tad-Direttiva 2003/86, riferiment għad-dritt nazzjonali, il-leġiżlatur tal-Unjoni indika li kien xtaq iħalli għad-diskrezzjoni ta’ kull Stat Membru li jiddetermina b’liema kundizzjonijiet permess ta’ residenza awtonomu kellu jinħareġ, f’każ ta’ divorzju, lil ċittadin ta’ pajjiż terz li jkun daħal fit-territorju tiegħu skont ir-riunifikazzjoni tal-familja u li kien vittma ta’ atti ta’ vjolenza domestika mwettqa matul iż-żwieġ mill-konjuġi tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑7 ta’ Novembru 2018, C u A, C‑257/17, EU:C:2018:876, punt 49 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

88      Fi kwalunkwe każ, is-setgħa diskrezzjonali rrikonoxxuta lill-Istati Membri ma għandhiex tintuża minnhom b’mod li tippreġudika l-għan ta’ din id-direttiva u l-effett utli tagħha jew li tikser il-prinċipju ta’ proporzjonalità (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑9 ta’ Lulju 2015, K u A, C‑153/14, EU:C:2015:453, punti 50 u 51, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

89      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li, minkejja l-fatt li l-punt (ċ) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 13(2) tad-Direttiva 2004/38 u l-Artikolu 15(3) tad-Direttiva 2003/86 it-tnejn għandhom l-għan li jiżguraw protezzjoni tal-membri tal-familja li huma vittmi ta’ vjolenza domestika, is-sistemi stabbiliti minn dawn id-direttivi jaqgħu taħt oqsma differenti fejn fosthom il-prinċipji, is-suġġetti u l-għanijiet tagħhom huma wkoll differenti. Barra minn hekk, il-benefiċjarji tad-Direttiva 2004/38 igawdu minn status differenti u minn drittijiet ta’ natura differenti minn dawk li jistgħu jinvokaw il-benefiċjarji tad-Direttiva 2003/86, u s-setgħa diskrezzjonali rrikonoxxuta lill-Istati Membri sabiex japplikaw il-kundizzjonijiet stabbiliti f’dawn id-direttivi ma hijiex l-istess. Hija b’mod partikolari għażla magħmula mill-awtoritajiet Belġjani fil-kuntest tal-implimentazzjoni tas-setgħa diskrezzjonali wiesgħa li ġiet irrikonoxxuta lilhom mill-Artikolu 15(4) tad-Direttiva 2003/86 li wasslet għat-trattament differenti li r-rikorrent fil-kawża prinċipali jilmenta dwaru.

90      Għaldaqstant, għandu jiġi kkunsidrat li, fir-rigward taż-żamma tad-dritt ta’ residenza tagħhom fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat, iċ-ċittadini ta’ pajjiż terz, konjuġi ta’ ċittadin tal-Unjoni, li kienu vittmi ta’ atti ta’ vjolenza domestika mwettqa minn dan tal-aħħar u li jaqgħu taħt id-Direttiva 2004/38, minn naħa, u ċ-ċittadini ta’ pajjiż terz, konjuġi ta’ ċittadin ieħor ta’ pajjiż terz, li kienu vittmi ta’ atti ta’ vjolenza domestika mwettqa minn dan tal-aħħar u li jaqgħu taħt id-Direttiva 2003/86, min-naħa l-oħra, ma jinsabux f’sitwazzjoni komparabbli għall-finijiet tal-applikazzjoni eventwali tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament li d-dritt tal-Unjoni, u, b’mod partikolari, l-Artikolu 20 tal-Karta, jiżgura l-osservanza tiegħu.

91      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha msemmija iktar ’il fuq, għandu jiġi kkonstatat li l-eżami tad-domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju ma żvela ebda element ta’ natura li jaffettwa l-validità tal-Artikolu 13(2) tad-Direttiva 2004/38 fir-rigward tal-Artikolu 20 tal-Karta.

 Fuq l-ispejjeż

92      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

L-eżami tad-domanda preliminari magħmula mill-qorti tar-rinviju ma żvela ebda element ta’ natura li jaffettwa l-validità tal-Artikolu 13(2) tad-Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad29 ta’ April 2004 dwar id-drittijiet taċ-ċittadini ta’ l-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju ta’ l-Istati Membri u li temenda r-Regolament (KEE) Nru 1612/68 u li tħassar id-Direttivi 64/221/KEE, 68/360/KEE, 72/194/KEE, 73/148/KEE, 75/34/KEE, 75/35/KEE, 90/364/KEE, 90/365/KEE u 93/96/KEE, fir-rigward tal-Artikolu 20 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.