Language of document : ECLI:EU:F:2015:62

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU
TAL-UNJONI EWROPEA

(It-Tieni Awla)

18 ta’ Ġunju 2015

Kawża F‑50/14

Dana‑Maria Pondichie

vs

Il‑Kummissjoni Ewropea

“Servizz pubbliku — Membru tal-persunal bil-kuntratt — Remunerazzjoni — Allowance tal-espatrijazzjoni — Kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 4(1)(a) tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal — Residenza abitwali — Assenzi sporadiċi u temporanji”

Suġġett:      Rikors, ippreżentat skont l-Artikolu 270 TFUE, applikabbli għat-Trattat KEEA bis-saħħa tal-Artikolu 106a tiegħu, li permezz tiegħu D.‑M. Pondichie titlob l-annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea, tat-3 ta’ Ottubru 2013, li tirrifjuta li tagħtiha l-allowance tal-espatrijazzjoni skont l-Artikolu 4(1)(a) tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea fil-verżjoni tagħhom li dak iż-żmien kienet applikabbli (iktar ’il quddiem ir-“Regolamenti tal-Persunal”).

Deċiżjoni:      Id-deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea, tat-3 ta’ Ottubru 2013, li tirrifjuta li tagħti lil D.‑M. Pondichie l-allowance tal-espatrijazzjoni skont l-Artikolu 4(1)(a) tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal hija annullata. Il-Kummissjoni Ewropea għandha tbati l-ispejjeż tagħha u hija kkundannata tbati l-ispejjeż sostnuti minn D.‑M. Pondichie.

Sommarju

Uffiċjali — Remunerazzjoni — Allowance tal-espatrijazzjoni — Skop — Kundizzjoni għall-għoti — Assenza ta’ residenza abitwali jew ta’ attività professjonali prinċipali fl-Istat Membru ta’ assenjazzjoni matul il-perijodu ta’ referenza — Kunċett ta’ residenza abitwali — Assenza sporadika u ta’ tul qasir mill-imsemmi Stat — Ċirkustanza li ma taffettwax in-natura abitwali tar-residenza — Perijodu ta’ studji universitarji segwit minn perijodu ta’ prova jew ta’ impjieg — Preżunzjoni konfutabbli tar-rieda li tiċċaqlaq ir-residenza abitwali

(Regolamenti tal-Persunal, Anness VII, Artikolu 4(1)(a))

L-għan tal-għoti tal-allowance tal-espatrijazzjoni, prevista fl-Artikolu 4(1) tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal, huwa li jiġu kkumpensati l-piżijiet u l-iżvantaġġi speċifiċi li jirriżultaw mid-dħul fis-servizz tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni għall-uffiċjali u għall-membri tal-persunal li, minħabba f’hekk, ikunu obbligati jbiddlu r-residenza mill-pajjiż tad-domiċilju tagħhom għall-pajjiż ta’ assenjazzjoni.

Għalkemm l-Artikolu 4(1)(a) tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal huwa bbażat, sabiex jiġu ddeterminati l-każijiet ta’ espatrijazzjoni, fuq il-kunċetti ta’ residenza abitwali u ta’ attività professjonali prinċipali tal-persuna kkonċernata qabel id-dħul fis-servizz tagħha, dan huwa bil-għan li jiġu stabbiliti kriterji sempliċi u oġġettivi. Minn dan jirriżulta, minn naħa, li din id-dispożizzjoni għandha tiġi interpretata fis-sens li tadotta bħala kriterju, fir-rigward tal-għoti tal-allowance tal-espatrijazzjoni, ir-residenza abitwali tal-persuna kkonċernata matul il-perijodu ta’ referenza u li, min-naħa l-oħra, il-kunċett ta’ espatrijazzjoni jiddependi mis-sitwazzjoni suġġettiva tal-uffiċjal, jiġifieri l-grad ta’ integrazzjoni tiegħu fl-ambjent il-ġdid tiegħu, li jista’ jiġi stabbilit, pereżempju, permezz tar-residenza abitwali tiegħu jew tal-eżerċizzju preċedenti ta’ attività professjonali prinċipali.

Ir-residenza abitwali hija l-post fejn l-uffiċjal jew il-membru tal-persunal ikkonċernat ikun iffissa, bir-rieda li jagħtih natura stabbli, iċ-ċentru permanenti jew abitwali tal-interessi tiegħu, bil-kundizzjoni li għall-finijiet tad-determinazzjoni tar-residenza abitwali għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-elementi fattwali kollha li jikkostitwixxu din tal-aħħar u, b’mod partikolari, ir-residenza effettiva tal-persuna kkonċernata.

L-uffiċjal jew il-membru tal-persunal ikkonċernat jitlef il-benefiċċju tal-allowance tal-espatrijazzjoni biss jekk huwa kellu r-residenza abitwali tiegħu jew eżerċita l-attività professjonali prinċipali tiegħu fil-pajjiż tal-post ta’ assenjazzjoni tiegħu matul il-perijodu ta’ referenza kollu, bil-kundizzjoni li assenzi sporadiċi u ta’ tul qasir mill-pajjiż ta’ assenjazzjoni ma jistgħux jitqiesu li huma suffiċjenti sabiex ittellfu lir-residenza tar-rikorrent fl-Istat ta’ assenjazzjoni n-natura abitwali tagħha.

Madankollu, fil-każ ta’ perijodu ta’ studju segwit minn perijodu ta’ prova jew ta’ impjieg fl-istess post, il-preżenza kontinwa tal-persuna kkonċernata fil-pajjiż ikkonċernat tista’ toħloq il-preżunzjoni, li ċertament tista’ tiġi kkonfutata, ta’ eventwali rieda min-naħa tiegħu li jċaqlaq iċ-ċentru permanenti jew abitwali tal-interessi tiegħu, u għalhekk ir-residenza abitwali tiegħu, lejn dan il-pajjiż.

(ara l-punti 32 sa 35 u 39)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: sentenza Magdalena Fernández vs Il‑Kummissjoni, C‑452/93 P, EU:C:1994:332, punt 21

Il-Qorti tal-Prim Istanza: sentenzi Magdalena Fernández vs Il‑Kummissjoni, T‑90/92, EU:T:1993:78, punt 29; Reichert vs Il‑Parlament, T‑18/98, EU:T:2000:113, punt 25; Liaskou vs Il‑Kunsill, T‑60/00, EU:T:2001:129, punt 52; E vs Il‑Kummissjoni, T‑251/02, EU:T:2004:357, punt 53; Salazar Brier vs Il‑Kummissjoni, T‑83/03, EU:T:2005:371, punt 65; De Bustamante Tello vs Il‑Kunsill, T‑368/03, EU:T:2005:372, punt 52; F vs Il‑Kummissjoni, T‑324/04, EU:T:2007:140, punt 86; u Asturias Cuerno vs Il‑Kummissjoni, T‑473/04, EU:T:2007:184, punt 73

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: sentenzi Tzvetanova vs Il‑Kummissjoni, F‑33/09, EU:F:2010:18, punt 57; Mioni vs Il‑Kummissjoni, F‑28/10, EU:F:2011:23, punti 22 u 32; u Bourtembourg vs Il‑Kummissjoni, F‑6/12, EU:F:2012:175, punti 28 u 29