Language of document :

Rikors ippreżentat fit-8 ta' Lulju 2011 - Il-Polonja vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-370/11)

Lingwa tal-kawża: il-Pollakk

Partijiet

Rikorrenti: Ir-Republika tal-Polonja [rappreżentant: M. Szpunar, Podsekretarz Stanu (il-viċi segretarju tal-Istat)]

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob lill-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannula fl-intier tagħha d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni, tas-27 ta' April 2011, li tiddetermina regoli tranżitorji madwar l-Unjoni kollha għal allokazzjoni armonizzata mingħajr ħlas tal-kwoti tal-emissjonijiet skont l-Artikolu 10a tad-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (notifikata bid-dokument numru C(2011) 2772) (ĠU L 130, 17.5.2011, p. 1);

tikkundanna lill-Kummissjoni Ewropea għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka l-motivi li ġejjin

L-ewwel motiv ibbażat fuq

ksur tat-tieni suparagrafu tal-Artikolu 194(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, flimkien mal-Artikoli 192(2)(c) (TFUE), peress li ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-ispeċifiċità tal-Istati Membri individwali fir-rigward tal-karburant, kif ukoll peress li ddefinixxiet il-parametri ta' riferiment tal-prodotti billi użat bħala kejl l-effiċjenza tal-prestazzjoni tal-gass naturali u użat dan il-karburant bħala riferiment;

It-tieni motiv ibbażat fuq

ksur tal-prinċipju ta' trattament ugwali kif ukoll tal-Artikolu 191(2) u (3) tat-TFUE, peress li ma ħaditx inkunsiderazzjoni, fit-teħid tad-deċiżjoni kkontestata, in-numru kbir ta' sitwazzjonijiet fir-reġjuni varji tal-Unjoni Ewropea;

It-tielet motiv ibbażat fuq

ksur tal-Artikolu 5(4) tat-TFUE (il-prinċipju ta' proporzjonalità) peress li ffissat, fid-deċiżjoni kkontestata, il-parametri ta' riferiment f'livell l-iktar restrittiv, lil hinn minn dak li hu meħtieġ biex jinkisbu l-għanijiet tad-Direttiva 2003/87/KE;

It-tielet motiv ibbażat fuq

ksur tal-Artikolu 10a, moqri flimkien mal-Artikolu 1 tad-Direttiva 2003/87/KE, u l-inkompetenza tal-Kummissjoni Ewropea fl-adozzjoni tal-miżura kkontestata.

____________