Language of document : ECLI:EU:T:2013:113

Kawża T‑370/11

Ir-Repubblika tal-Polonja

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Ambjent — Direttiva 2003/87/KE — Skema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra — Regoli tranżitorji li jikkonċernaw l-allokazzjoni armonizzata ta’ kwoti ta’ emissjonijiet mingħajr ħlas mill-2013 — Punti ta’ riferiment li għandhom jiġu applikati għall-kalkolu tal-allokazzjoni ta’ kwoti ta’ emissjonijiet — Ugwaljanza fit-trattament — Proporzjonalità”

Sommarju — Sentenza tal-Qorti Ġenerali (Is-Seba’ Awla) tas-7 ta’ Marzu 2013

1.      Atti tal-istituzzjonijiet — Għażla tal-bażi legali — Għażla li għandha tkun ibbażata fuq elementi oġġettivi li jistgħu jkunu suġġetti għal stħarriġ ġudizzjarju

(Artikolu 5 TUE)

2.      Stati Membri — Kompetenzi rriżervati — Determinazzjoni tal-kundizzjonijiet ta’ sfruttament tar-riżorsi tal-enerġija, tal-għażla bejn sorsi differenti ta’ enerġija u tal-istruttura tal-provvista tal-enerġija — Kompetenza tal-Unjoni li tadotta miżuri fil-qasam tal-ambjent

(L-inċiż (ċ) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 192(2) TFUE u t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 194(2) TFUE)

3.      Dritt tal-Unjoni Ewropea — Prinċipji — Ugwaljanza fit-trattament — Kunċett — Limiti

(Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikoli 20 u 21)

4.      Ambjent — Elaborazzjoni tal-politika tal-Unjoni — Setgħa diskrezzjonali tal-leġiżlatur tal-Unjoni — Portata — Limiti — Osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità

(Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2003/87, Artikolu 10a(1))

5.      Ambjent — Tniġġis atmosferiku — Direttiva 2003/87 — Skema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjoni ta’ gassijiet serra — Sistema tranżitorja ta’ allokazzjoni ta’ kwoti mingħajr ħlas — Assenza ta’ distinzjoni bejn l-installazzjonijiet li jaqgħu taħt is-sistema ta’ skambju skont il-kombustibbli użat — Ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament — Assenza

(Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2003/87, Artikolu 10a(1); Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2011/278)

6.      Ambjent — Tniġġis atmosferiku — Direttiva 2003/87 — Skema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjoni ta’ gassijiet serra — Sistema tranżitorja ta’ allokazzjoni ta’ kwoti mingħajr ħlas — Sistema tranżitorja ta’ allokazzjoni ta’ kwoti mingħajr ħlas — Użu ta’ rendiment ta’ riferiment tal-gass naturali — Ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament — Assenza

(Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2003/87, Artikolu 10a(1); Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2011/278)

7.      Ambjent — Tniġġis atmosferiku — Direttiva 2003/87 — Pjan nazzjonali ta’ allokazzjonijiet ta’ kwoti ta’ emissjoni ta’ gassijiet serra (PNA) — Tqassim tal-kompetenzi bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri — Kompetenzi tal-Istati Membri — Perijodi ta’ skambju tal-kwoti mill-2013 — Marġni ta’ diskrezzjoni tal-Istati membri fl-eżerċizzju tal-kompetenzi tagħhom — Limiti

(Direttivi tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2003/87, Artikoli 9(3) u 10a(1) u 2009/29, it-tmien premessa)

8.      Ambjent — Tniġġis atmosferiku — Direttiva 2003/87 — Għan — Tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra — Osservanza tal-għanijiet sussidjarji u tal-istrumenti ddefiniti mid-Direttiva

(Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2003/87, kif emendata bid-Direttiva 2009/29, it-tieni, it-tielet, il-ħames u s-seba’ premessi, u l-ewwel u t-tieni subparagrafi tal-Artikolu 1)

9.      Proċedura ġudizzjarja — Rikors promotur — Rekwiżiti proċedurali — Espożizzjoni sommarja tal-motivi invokati

(Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 21 u l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 53; Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, Artikolu 44(1)(ċ))

1.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punt 14)

2.      Huwa veru li, skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 194(2) TFUE, il-miżuri stabbiliti b’mod konformi mal-proċedura prevista fl-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu, u li jkunu neċessarji sabiex jintlaħqu l-għanijiet tal-politika tal-Unjoni fil-qasam tal-enerġija msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu, ma jistgħux jaffettwaw id-dritt ta’ Stat Membru li jiddetermina l-kundizzjonijiet tal-użu tar-riżorsi tiegħu tal-enerġija, l-għażla tiegħu bejn sorsi differenti tal-enerġija u l-istruttura ġenerali tal-provvista tal-enerġija tiegħu. Madankollu ma jeżisti xejn li jippermetti l-preżunzjoni li t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 194(2) TFUE jistabbilixxi projbizzjoni ġenerali sabiex ma jiġix mittiefes dan id-dritt u li hija applikabbli fil-politika tal-Unjoni fil-qasam tal-ambjent. Fil-fatt, minn naħa, l-Artikolu 194 TFUE huwa dispożizzjoni ġenerali applikabbli fil-kuntest tal-enerġija biss u, għaldaqstant, jiddefinixxi kompetenza settorjali. Min-naħa l-oħra, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 194(2) TFUE jagħmel riferiment espress għall-inċiż (ċ) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 192(2) TFUE. Fil-fatt, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 194(2) TFUE jipprevedi li l-projbizzjoni sabiex ma jiġix mittiefes id-dritt ta’ Stat Membru li jiddetermina l-kundizzjonijiet tal-użu tar-riżorsi tiegħu tal-enerġija, l-għażla tiegħu bejn sorsi differenti tal-enerġija u l-istruttura ġenerali tal-provvista tal-enerġija tiegħu, tapplika mingħajr preġudizzju għall-inċiż (ċ) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 192(2) TFUE. Għalkemm huwa veru li din id-dispożizzjoni tal-aħħar hija biss ta’ natura proċedurali, xorta jibqa’ l-fatt li hija tipprevedi regoli speċifiċi relatati mal-politika tal-Unjoni fil-qasam tal-ambjent. Isegwi li d-dritt imsemmi fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 194(2) TFUE ma huwiex applikabbli f’dan il-każ, peress li d-deċiżjoni kkontestata tikkostitwixxi miżura adottata mill-Unjoni fil-kuntest tal-politika tagħha fil-qasam tal-ambjent.

(ara l-punt 17)

3.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 30, 33)

4.      Il-Kummissjoni għandha, fil-kuntest tal-eżerċizzju tal-kompetenzi mogħtija lilha fil-qasam tal-ambjent, setgħa diskrezzjonali kbira, li jimplika għaliha għażliet ta’ natura politika, ekonomika u soċjali, u li fiha hija tintalab tagħmel evalwazzjonijiet kumplessi mwettqa fid-dawl tal-għan ġenerali tat-tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra permezz ta’ skema ta’ skambju ta’ kwoti b’mod effettiv fir-rigward tal-ispejjeż u tal-effiċjenza ekonomika. Hija biss in-natura manifestament inadegwata ta’ miżura adottata f’dan il-kamp, meta mqabbla mal-għan li l-istituzzjonijiet kompetenti għandhom jilħqu, li tista’ taffettwa l-legalità ta’ tali miżura. Fir-rigward tal-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ proporzjonalità fis-sens strett, anki jekk din tkun xierqa u neċessarja sabiex jintlaħqu l-għanijiet segwiti b’mod leġittimu, id-deċiżjoni tal-Kummissjoni ma għandhiex tikkawża inkonvenjenzi sproporzjonati meta mqabbla mal-għanijiet inkwistjoni.

(ara l-punti 36, 65, 89, 100)

5.      Fil-kuntest tal-iskema tal-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra, kif stabbiliti bid-Direttiva 2003/87, li tistabbilixxi skema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra ġewwa l-Komunità, l-ugwaljanza fit-trattament tal-installazzjonijiet li jinsabu f’sitwazzjonijiet differenti minħabba l-użu ta’ karburanti differenti waqt id-determinazzjoni tal-punti ta’ riferiment ta’ prodott għall-finijiet tal-allokazzjoni tal-kwoti fid-deċiżjoni 2011/278, li tiddefinixxi regoli tranżitorji li jikkonċernaw l-allokazzjoni armonizzata ta’ kwoti ta’ emissjonijiet mingħajr ħlas mill-2013, tista’ titqies li hija oġġettivament iġġustifikata.

Fil-fatt, id-distinzjoni tal-imsemmija punti ta’ riferiment ta’ prodott abbażi tal-karburant użat ma tinkoraġġixxix lill-installazzjonijiet industrijali li jużaw karburant li jarmi ħafna CO2 sabiex ifittxu soluzzjonijiet li jippermettu t-tnaqqis fl-emissjonijiet tagħhom, iżda, bil-kontra, tħeġġeġ iż-żamma tal-istatus quo, u dan imur kontra t-tielet subparagrafu tal-Artikolu 10a(1) tad-Direttiva 2003/87. Barra minn hekk, tali distinzjoni timplika r-riskju ta’ tisħiħ fl-emissjonijiet, peress li l-installazzjonijiet industrijali li jużaw karburant li ma jarmix ħafna CO2 jistgħu jitwasslu sabiex jissostitwixxu dan tal-aħħar b’karburant li jarmi iktar CO2 sabiex ikunu jistgħu jiksbu iktar kwoti ta’ emissjonijiet mingħajr ħlas.

Barra minn hekk, l-introduzzjoni ta’ fattur addizzjonali, li jikkonsisti fit-teħid inkunsiderazzjoni tal-karburant użat, ma tinkoraġġixxix l-armonizzazzjoni sħiħa fi ħdan l-Unjoni tal-miżuri ta’ eżekuzzjoni relatati mal-allokazzjoni armonizzata tal-imsemmija kwoti, imma jkollu bħala konsegwenza regoli differenti minħabba persuni ġodda għall-installazzjonijiet tal-istess settur jew settur relatat. Fil-fatt, l-introduzzjoni ta’ fattur ta’ korrezzjoni skont il-karburant użat jista’ jirriżulta fi trattament differenti tas-setturi skont l-Istat Membru. F’dan ir-rigward, minħabba l-assenza ta’ tali fattur ta’ korrezzjoni, l-ebda installazzjoni ma tikseb vantaġġ kompetittiv permezz ta’ kwantità ikbar ta’ kwoti mingħajr ħlas minħabba l-karburant użat.

(ara l-punti 39, 41-44, 81)

6.      Fil-kuntest tal-iskema ta’ skambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra, kif stabbiliti bid-Direttiva 2003/87, li tistabbilixxi skema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra ġewwa l-Komunità, l-użu mill-Kummissjoni ta’ gass naturali bħala karburant ta’ riferiment sabiex tiddefinixxi dawk il-punti ta’ riferiment ta’ sħana u ta’ kombustibbli għall-finijiet tal-allokazzjoni tal-kwoti fid- Deċiżjoni 2011/278, li tiddetermina regoli tranżitorji madwar l-Unjoni kollha għal allokazzjoni armonizzata mingħajr ħlas mill-2013, tista’ titqies li hija oġġettivament iġġustifikata.

Fil-fatt, l-għażla tal-gass naturali, bħala karburant li jarmi ftit CO2, hija intiża sabiex jitnaqqsu l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra. B’mod iktar preċiż, l-għażla hija intiża sabiex tinkoraġġixxi l-użu ta’ tekniki effiċjenti sabiex jitnaqqsu l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra u sabiex jittejjeb ir-rendiment tal-enerġija, kif previst mit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 10a(1) tad-Direttiva 2003/87.

Barra minn hekk, l-għażla li jintuża r-rendiment ta’ kombustibbli ieħor ma kinitx tippermetti li jiġi evitat il-fatt li l-installazzjonijiet li jinsabu f’sitwazzjonijiet differenti minħabba l-użu ta’ karburanti differenti jiġu ttrattati b’mod ugwali. Fil-fatt, li kieku dawn il-punti ta’ riferiment kienu bbażati fuq karburant li jarmi iktar CO2 mill-gass naturali, dan kien sempliċiment jirriżulta f’punti ta’ riferiment tas-sħana u tal-karburanti iktar għoljin. Dan jista’ jwassal biss għal żieda, għall-istess fattur, tan-numru ta’ kwoti ta’ emissjonijiet mingħajr ħlas allokati lill-installazzjonijiet kollha kkonċernati, u għalhekk bl-istess mod, lill-installazzjonijiet li jużaw karburant li jarmi inqas CO2.

(ara l-punti 49, 50, 58, 106)

7.      Jekk huwa minnu li l-Istati Membri għandhom ċertu marġni ta’ diskrezzjoni għat-traspożizzjoni tad-Direttiva 2003/87, li tistabbilixxi skema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra ġewwa l-Komunità, u l-elaborazzjoni ta’ pjanijiet nazzjonali ta’ allokazzjoni ta’ kwoti qabel il-bidu tat-tieni perijodu ta’ skambju ta’ kwoti, jiġifieri l-perijodu sal-2012, dan ma huwiex il-każ għall-perijodi ta’ skambju mill-2013. Issa, ir-regoli introdotti bid-Direttiva 2009/29, li temenda d-Direttiva 2003/87, għall-perijodi ta’ skambju mill-2013 biddlu mill-qiegħ il-metodi għall-kalkolu tal-allokazzjoni.

Fil-fatt, bil-kontra tal-punt 1 tal-Anness III tad-Direttiva 2003/87, fil-verżjoni tagħha qabel l-emenda bid-Direttiva 2009/29, l-Artikolu 10a(1) tad-Direttiva 2003/87 ma għadux jirreferi għall-politika nazzjonali tal-enerġija. Min-naħa l-oħra, skont il-premessa 8 tad-Direttiva 2009/29, wara t-tieni perijodu ta’ skambju, il-leġiżlatur qies li kien essenzjali li tiġi implementata skema iktar armonizzata ta’ skambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet sabiex jiġu sfruttati aħjar il-vantaġġi ta’ skambju ta’ kwoti, biex tiġi evitata d-distorsjoni tal-kompetizzjoni fis-suq intern, u biex tiġi ffaċilitata r-rabta bejn is-sistemi differenti ta’ skambju.

(ara l-punti 51-53, 56)

8.      Mit-tieni paragrafu tal-Artikolu 1 u mill-premessa 3 tad-Direttiva 2003/87, li tistabbilixxi skema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra ġewwa l-Komunità, jirriżulta li, wara li ġiet emendata bid-Direttiva 2009/29, id-Direttiva 2003/87 tipprevedi tnaqqis ikbar ta’ gassijiet serra sabiex tilħaq livelli ta’ tnaqqis meqjusa li huma xjentifikament meħtieġa biex jimpedixxu bidla perikoluża fil-klima.

Dan il-għan għandu jintlaħaq filwaqt li jiġu osservati numru ta’ għanijiet sussidjarji u bl-użu ta’ ċerti strumenti. L-istrument prinċipali għal dan il-għan huwa kkostitwit minn skema ta’ skambju ta’ drittijiet ta’ emissjoni ta’ gassijiet serra, kif jirriżulta mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 1 tad-Direttiva 2003/87 u mill-premessa 2 ta’ din tal-aħħar. L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva jtenni li din l-iskema tiffavorixxi t-tnaqqis ta’ dawn l-emissjonijiet b’mod effettiv fir-rigward tal-ispejjeż u tal-effiċjenza ekonomika. L-għanijiet sussidjarji l-oħra li din l-iskema għandha tissodisfa huma, b’mod partikolari, hekk kif huwa espost fil-premessi 5 u 7 ta’ din id-direttiva, iż-żamma tal-iżvilupp ekonomiku u tal-impjiegi, kif ukoll dak tal-integrità tas-suq intern u tal-kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni.

(ara l-punti 68, 69)

9.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punt 113)