Language of document : ECLI:EU:F:2007:225

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU (It-Tieni Awla)

13 ta’ Diċembru 2007

Kawża F-65/05

Paulo Sequeira Wandschneider

vs

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

“Servizz pubbliku – Uffiċjali – Evalwazzjoni – Rapport ta’ l-iżvilupp tal-karriera – Proċedura ta’ evalwazzjoni 2003 – Rikors għal annullament – Motivazzjoni – Żball manifest ta’ evalwazzjoni”

Suġġett: Rikors, ippreżentat skond l-Artikoli 236 KE u 152 KEE, li permezz tiegħu P. Sequeira Wandschneider jitlob b’mod partikolari l-annullament tar-rapport tiegħu ta’ l-iżvilupp tal-karriera li sar għall-perijodu ta’ l-1 ta’ Jannar 2003 sal-31 ta’ Diċembru sussegwenti u l-kundanna tal-Kummissjoni sabiex tħallsu s-somma ta’ EUR 2 500, li tista’ tiżdied, bħala kumpens għad-danni materjali u morali li huwa ġarrab minħabba r-rapport ta’ l-iżvilupp tal-karriera 2003.

Deċiżjoni: Ir-rikors huwa miċħud. Kull parti għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

Sommarju

1.      Uffiċjali – Evalwazzjoni – Rapport ta’ evalwazzjoni – Redazzjoni – Tardività

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 43)

2.      Uffiċjali – Evalwazzjoni – Rapport ta’ l-iżvilupp tal-karriera – Intervent ta’ l-uffiċjali li jikkontrofirma r-rapport fil-proċedura ta’ evalwazzjoni

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 43)

3.      Uffiċjali – Evalwazzjoni – Rapport ta’ l-iżvilupp tal-karriera – Kompożizzjoni tal-Kumitat Konġunt ta’ Evalwazzjoni

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 43)

4.      Uffiċjali – Evalwazzjoni – Rapport ta’ l-iżvilupp tal-karriera – Rwol ta’ l-evalwatur ta’ l-appell

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 43)

5.      Uffiċjali – Evalwazzjoni – Rispett tad-drittijiet tad-difiża

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 43)

6.      Uffiċjali – Evalwazzjoni – Rapport ta’ l-iżvilupp tal-karriera – Rigress fl-evalwazzjoni meta mqabbla ma’ l-evalwazzjoni preċedenti

(Regolament tal-Persunal, Artikolu 43)

1.      Rapport ta’ evalwazzjoni ma jistax jiġi annnullat, ħlief f’ċirkustanzi eċċezzjonali, għall-unika raġuni li kien redatt tard. Fil-każ li d-dewmien fir-redazzjoni ta’ rapport ta’ evalwazzjoni jkun jista’ jagħti, jekk ikun il-każ, dritt għal kumpens favur l-uffiċjal kkonċernat, dan m’għandux jaffettwa l-validità tar-rapport ta’ evalwazzjoni, u lanqas, konsegwentement, jiġġustifika l-annullament tiegħu.

Il-ksur ta’ obbligu li jikkonċerna l-proċedura ta’ evalwazzjoni ma jikkostitwixxix irregolarità sostanzjali, tali li tivvizzja l-validità ta’ rapport ta’ evalwazzjoni, ħlief jekk, fin-nuqqas ta’ tali irregolarità, ir-rapport ta’ evalwazzjoni definittiv seta’ jkollu kontenut differenti.

(ara l-punti 37 u 39)

Referenza:

Il-Qorti tal-Prim’ Istanza: 9 ta’ Marzu 1999, Hubert vs Il-Kummissjoni, T‑212/97, ĠabraSP p. I‑A‑41 u II‑185, punt 53; 7 ta’ Mejju 2003, Den Hamer vs Il-Kummissjoni, T‑278/01, ĠabraSP p. I‑A‑139 u II‑665, punt 32, u l-ġurisprudenza ċċitata.

2.      Mill-Artikolu 2(3) tad-dispożizzjonijiet ġenerali ta’ implementazzjoni ta’ l-Artikolu 43 tar-Regolamenti tal-Persunal adottati mill-Kummissjoni, li jipprovdi li r-rapport ta’ l-iżvilupp tal-karriera għandu jiġi kontrofirmat mill-uffiċjal li jikkontrofirma r-rapport wara li jkun ġie redatt mill-evalwatur, u mill-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 8(8) ta’ l-imsemmija dispożizzjonijiet ġenerali ta’ implementazzjoni, li jipprovdi li l-evalwatur u l-uffiċjal li jikkontrofirma r-rapport għandhom jiffinalizzaw dan ir-rapport, jirriżulta li l-uffiċjal li jikkontrofirma r-rapport għandu jitqies bħala evalwatur fis-sens sħiħ tal-kelma. Konsegwentement, il-fatt li sistema informatika tgħid li l-uffiċjal li jikkontrofirma r-rapport temm l-evalwazzjoni ma jistax jintuża sabiex jiġi konkluż li l-evalwatur ħalla l-funzjonijiet tiegħu lill-uffiċjal li jikkontrofirma r-rapport.

(ara l-punt 51)

Referenza:

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 25 ta’ Ottubru 2005, Fardoom u Reinard vs Il‑Kummissjoni, T‑43/04, ĠabraSP p. I‑A‑329 u II‑1465, punt 64

3.      Il-preżenza, waqt is-seduta tal-Kumitat Konġunt ta’ Evalwazzjoni, li matulha kien ġie eżaminat l-appell ta’ uffiċjal mir-rapport ta’ l-iżvilupp tal-karriera li jikkonċernah, ta’ membru li miegħu dan l-imsemmi uffiċjal, preċedentement, kellu rapporti kunfliġġenti ma tistax tikkomprometti l-indipendenza tagħha, peress li dan il-membru, li kien biss membru supplenti ta’ l-imsemmi Kumitat, ma pparteċipax għall-vot u xejn ma jindika li huwa seta’, sempliċiment bil-preżenza tiegħu, jinfluwenza r-riżultat ta’ dan il-vot. Dan japplika wkoll għal membru ieħor li kien irċieva, qabel din is-seduta, kopja ta’ nota mingħand l-ewwel membru li tqiegħed fid-diskussjoni dan l-uffiċjal, dan m’huwiex bizzejjed sabiex jiġi stabbilit li dan il-membru approva, anke impliċitament, il-kontenut ta’ din in-nota, kif ukoll għal terz membru tal-Kumitat li għandu l-istess uffiċjali li jikkontrofirma r-rapport bħal dan l-uffiċjal, dan ma jimplikax li dan il-membru ma setax jagħti opinjoni b’indipendenza kompleta, sakemm, skond l-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 9(7) tad-dispożizzjonijiet ġenerali ta’ implementazzjoni ta’ l-Artikolu 43 tar-Regolamenti tal-Persunal adottati mill-Kummissjoni, l-opinjoni tal-Kumitat hija mibgħuta lill-persuna impjegata, lill-evalwatur, lill-uffiċjali li jikkontrofirma r-rapport u lill-evalwatur ta’ l-appell mingħajr ma jissemmew il-pożizzjonijiet rispettivi adottati minn kull membru tal-Kumitat.

(ara l-punti 64 sa 66)

4.      Mit-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 9(7) tad-dispożizzjonijiet ġenerali ta’ implementazzjoni ta’ l-Artikolu 43 tar-Regolamenti tal-Persunal adottati mill-Kummissjoni, jirriżulta li r-rwol ta’ l-evalwatur ta’ l-appell m’għandux jiġi konfuż ma’ dak ta’ l-evalwatur jew ta’ l-uffiċjal li jikkontrofirma r-rapport u li l-evalwatur ta’ l-appell jista’ għaldaqstant, fil-każ li l-Kumitat Konġunt ta’ Evalwazzjoni ma jkunx għamillu rakkomandazzjonijiet, jillimita ruħu li jadotta definittivament ir-rapport ta’ l-iżvilupp tal-karriera mingħajr ma jiġġustifika d-deċiżjoni tiegħu permezz ta’ motivazzjoni dettaljata.

(ara l-punt 77)

5.      Ir-rispett tad-drittijiet tad-difiza, f’kull proċedura mibdija kontra persuna u li tista’ twassal għal att li jikkawża dannu lil din ta’ l-aħħar, jikkostitwixxi prinċipju fundamentali tad-dritt Komunitarju. Dan il-prinċipju jitlob li l-persuna kkonċernata tkun f’pożizzjoni li tgħarraf l-opinjoni tagħha fir-rigward ta’ dak kollu li tista’ tiġi akkużata bih fl-att in kwistjoni. Dan l-għan jintlaħaq, b’mod partikolari, permezz tad-dispożizzjonijiet ġenerali ta’ implementazzjoni ta’ l-Artikolu 43 tar-Regolamenti tal-Persunal adottati mill-Kummissjoni li l-għan tagħhom huwa li jiżguraw ir-rispett tal-prinċipju tal-kontradittorju matul il-proċedura kollha ta’ evalwazzjoni ta’ l-uffiċjali. Rikorrent li seta’ jressaq l-ilmenti tiegħu f’kull stadju ta’ din il-proċedura ma jistax jallega li d-drittijiet tiegħu tad-difiża kienu ġew miksura.

(ara l-punti 87 sa 90)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: 10 ta’ Lulju 1986, Il-Belġju vs Il-Kummissjoni, 234/84, Ġabra p. 2263, punt 27; 3 ta’ Ottubru 2000, Industrie des poudres sphériques vs Il-Kunsill, C‑458/98 P, Ġabra p. I‑8147, punt 99; 5 ta’ Ottubru 2000, Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni, C‑288/96, Ġabra p. I‑8237, punt 99; 9 ta’ Novembru 2006, Il-Kummissjoni vs De Bry, C‑344/05 P, Ġabra p. I‑10915, punt 37

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 8 ta’ Marz 2005, Vlachaki vs Il-Kummissjoni, T‑277/03, ĠabraSP p. I‑A‑57 u II‑243, punt 64

6.      L-amministrazzjoni hija obbligata timmotiva r-rapporti ta’ evalwazzjoni b’mod suffiċjenti u dettaljat u tagħti l-possibbiltà lill-persuna kkonċernata tifformula osservazzjonijiet fuq din il-motivazzjoni, u r-rispett ta’ dawn ir-rekwiżiti huwa iktar u iktar importanti meta l-evalwazzjoni tagħraf rigress meta mqabla ma’ l-evalwazzjoni preċedenti. Il-kummenti ta’ l-amministrazzjoni fuq il-kompetenzi ta’ l-uffiċjal huma suffiċjentement preċiżi u argumentati peress li dawn jippermettu lil dan ta’ l-aħħar jifhem li r-rigress fil-punti jirriżulta direttament mill-insuffiċjenzi li huwa wera matul il-perijodu ta’ prova.

Fil-kuntest tar-redazzjoni tar-rapporti ta’ l-iżvilupp tal-karriera, l-għan tal-kummenti deskrittivi inklużi f’tali rapport huwa li jiġġustifikaw l-evalwazzjonijiet espressi f’punti. Dawn il-kummenti deskrittivi jservu bħala bażi għar-redazzjoni ta’ l-evalwazzjoni, li tikkostitwixxi t-traskrizzjoni f’punti tagħhom, u jippermettu lill-uffiċjal jifhem il-punti miksuba. Konsegwentement, f’tali rapport, il-kummenti deskrittivi għandhom ikunu koerenti meta mqabbla ma’ l-evalwazzjonijiet espressi f’punti. Fid-dawl tas-setgħa diskrezzjonali wiesgħa mogħtija lill-evalwaturi fid-deċiżjonijiet relattivi għax-xogħol tal-persuni li huma inkarigati jevalwaw, inkoerenza fir-rapport ta’ l-iżvilupp tal-karriera ma tistax madankollu tiġġustifika l-annullament tiegħu ħlief fil-każ li din tkun manifesta.

(ara l-punti 96, 112 u 116)

Referenza:

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 16 ta’ Lulju 1992, Della Pietra vs Il-Kummissjoni, T‑1/91, Ġabra p. II‑2145, punti 30 u 32 ;Hubert vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 79; Den Hamer vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 69; 16 ta’ Mejju 2006, Magone vs Il-Kummissjoni, T‑73/05, ĠabraSP p. I-A-2-107 u p. II‑A‑2‑485, punt 53; 25 ta’ Ottubru 2006, Carius vs Il-Kummissjoni, T‑173/04, Ġabra SP p. I-A-2-243 u p. II‑A‑2‑1269, punt 106