Language of document :

Rikors ippreżentat fit-3 ta’ Settembru 2013 – Marchiani vs Il-Parlament

(Kawża T-479/13)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Rikorrent: Jean-Charles Marchiani (Toulon, Franza) (rappreżentant: C.-S. Marchiani, avukat)

Konvenut: Il-Parlament Ewropew

Talbiet

tannulla d-deċiżjoni tas-Segretarju Ġenerali tal-4 ta’ Lulju 2013;

tannulla n-nota ta’ debitu tal-5 ta’ Lulju 2013;

tikkundanna lill-Parlament Ewropew għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

B’dan ir-rikors, ir-rikorrent jikkontesta d-deċiżjoni tal-Parlament Ewropew li jiġu rkuprati s-somom irċevuti mir-rikorrent bejn l-2001 u l-2004 bħala allowances ta’ assistenza parlamentari.

Insostenn tar-rikors tiegħu, ir-rikorrent jinvoka sitt motivi.

L-ewwel motiv, ibbażat fuq irregolarità fil-proċedura, peress li d-deċiżjoni tas-Segretarju Ġenerali tal-Parlament tal-4 ta’ Lulju 2013 tmur kontra d-deċiżjoni tal-Uffiċċju tal-Parlament Ewropew tad-19 ta’ Mejju u tad-9 ta’ Lulju 2008 li timplementa l-istatut tad-deputati fil-Parlament Ewropew, kif ukoll kontra l-prinċipju tal-kontradittorju u r-rispett tad-drittijiet tad-difiża.It-tieni motiv, ibbażat fuq applikazzjoni żbaljata tar-Regolamenti dwar l-ispejjeż u l-allowances tal-membri tal-Parlament (ir-Regolament IAM).It-tielet motiv, ibbażat fuq żball ta’ evalwazzjoni tal-provi fil-fajl.Ir-raba’ motiv, ibbażat fuq nuqqas ta’ imparzjalità tas-Segretarju Ġenerali tal-Parlament Ewropew fl-adozzjoni tad-deċiżjoni tal-4 ta’ Lulju 2013.Il-ħames u s-sitt motivi, ibbażati fuq il-preskrizzjoni tas-somom li huma s-suġġett tal-irkupru.