Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Corte dei Conti (l-Italja) fl-10 ta’ Ġunju 2021 – Federazione Italiana Triathlon vs Istituto Nazionale di Statistica - ISTAT, Ministrero dell’Economia e delle Finanze

(Kawża C-364/21)

Lingwa tal-kawża: it-Taljan

Qorti tar-rinviju

Corte dei Conti

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: Federazione Italiana Triathlon

Konvenuti: Istituto Nazionale di Statistica - ISTAT, Ministrero dell’Economia e delle Finanze

Parti oħra fil-proċedura: Procura generale della Corte dei conti

Domandi preliminari

Ir-regola tal-applikabbiltà diretta tar-Regolament (UE) Nru 549/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Mejju 2013 dwar is-sistema Ewropea tal-kontijiet nazzjonali u reġjonali fl-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem “ESA 2010”) 1 u l-prinċipju tal-effett utli ta’ dan ir-regolament u tad-Direttiva tal-Kunsill 2011/85/UE tat-8 ta’ Novembru 2011 dwar ir-rekwiżiti għal oqfsa baġitarji tal-Istati Membri 2 jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li abbażi tagħha l-ġurisdizzjoni tal-qorti nazzjonali fuq l-applikazzjoni tal-ESA 2010 tiġi limitata biss għall-finijiet tal-leġiżlazzjoni nazzjonali fil-qasam tal-limitazzjoni tal-ispiża pubblika u li twaqqaf l-effet utli prinċipali tas-sistema tad-dritt tal-Unjoni Ewropea, jiġifieri l-verifika tat-trasparenza u tal-affidabbiltà tal-bilanċi baġitarji, li jippermetti li tiġi vverifikata t-trajjettorja ta’ konverġenza tal-Italja lejn it-twettiq tal-objettiv baġitarju ta’ terminu medju?

Ir-regola tal-applikabbiltà diretta tal-ESA 2010 u l-prinċipju tal-effett utli ta’ dan ir-regolament u tad-Direttiva 2011/85, għal dak li jirrigwarda s-separazzjoni organizzazzjonali bejn l-awtoritajiet baġitarji u l-organi ta’ kontroll, jipprekludu li leġiżlazzjoni nazzjonali li abbażi tagħha l-ġurisdizzjoni ta’ qorti nazzjonali fuq l-applikazzjoni tal-ESA 2010 tiġi limitata biss għall-finijiet tal-leġiżlazzjoni nazzjonali fil-qasam tal-limitazzjoni tal-ispiża pubblika, u li twaqqaf b’hekk kwalunkwe kontroll indipendenti fir-rigward tal-identifikazzjoni tal-entitajiet li jikkontribwixxu għall-awditjar tal-kontijiet tal-amministrazzjoni pubblika Taljana (kif iddefinita għall-finijiet tad-dritt tal-Unjoni), li jippermetti li tiġi vverifikata t-trajjettorja ta’ konverġenza tal-Italja lejn it-twettiq tal-objettiv baġitarju ta’ terminu medju?

Il-prinċipju tal-Istat tad-dritt, fil-forma ta’ effettività tal-protezzjoni ġudizzjarja u tal-ekwivalenza tar-rimedji legali, jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li:

tipprekludi kull stħarriġ ġudizzjarju fuq l-applikabbiltà tal-ESA 2010, magħmul mill-ISTAT għall-finijiet tad-definizzjoni tal-portata tas-settur S.13 u għaldaqstant, dwar l-eżattezza, it-trasparenza u l-affidabbiltà tal-bilanċi baġitarji, li jippermetti li tiġi vverifikata t-trajjettorja ta’ konverġenza tal-Italja lejn it-twettiq tal-objettiv baġitarju ta’ terminu medju (ksur tal-prinċipju tal-effettività tal-protezzjoni ġudizzjarja);

tesponi lir-rikorrenti, jekk l-interpretazzjoni tar-regola li hija proposta mill-amministrazzjonijiet konvenuti kellha titqies bħala eżatta, anki permezz ta’ interpretazzjoni awtentika, għall-oneru doppju li tagħmel azzjoni legali u, għaldaqstant, għal riskju ta’ deċiżjonijiet kontradittorji dwar l-eżistenza ta’ status legali skont id-dritt tal-Unjoni, fatt li jagħmel impossibbli l-protezzjoni effettiva tad-dritt tagħha ratione temporis, fit-terminu meħtieġ sabiex teżegwixxi l-obbligi li jirriżultaw [mid-deċiżjoni li jagħti dan l-istatus kontenzjuż] (jiġifieri matul is-sena finanzjarja) u xxejjen iċ-ċertezza legali fir-rigward tal-eżistenza tal-istatus ta’ amministrazzjoni pubblika;

dejjem jekk l-interpretazzjoni tar-regola li hija proposta mill-amministrazzjonijiet konvenuti kellha titqies bħala eżatta, anki permezz ta’ interpretazzjoni awtentika, tipprevedi li hija qorti li ma hijiex dik li għaliha l-kostituzzjoni Taljana tirriżerva l-ġurisdizzjoni fuq id-dritt baġitarju li għandha ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi dwar l-eżattezza tad-definizzjoni tal-baġit?

____________

1     ĠU 2013, L 174, p. 1.

2     ĠU 2011, L 306, p. 41.