Language of document : ECLI:EU:T:2021:285

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (L-Għaxar Awla Estiża)

19 ta’ Mejju 2021 (*)

“Għajnuna mill-Istat – Spanja – Miżuri ta’ rikapitalizzazzjoni intiżi li jsostnu l-impriżi sistemiċi u strateġiċi għall-ekonomija Spanjola fil-kuntest tal-pandemija tal-COVID-19 – Deċiżjoni li ma jitqajmux oġġezzjonijiet – Qafas temporanju tal-għajnuna mill-Istat – Miżura intiża li tirrimedja disturb serju tal-ekonomija ta’ Stat Membru – Miżura intiża għall-ekonomija kollha ta’ Stat Membru – Prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni – Libertà li jiġu pprovduti servizzi u libertà ta’ stabbiliment – Proporzjonalità – Kriterju tal-istabbiliment fi Spanja tal-benefiċjarji tal-għajnuna – Assenza ta’ bbilanċjar tal-effetti benefiċi tal-għajnuna mal-effetti negattivi tagħha fuq il-kundizzjonijiet tal-kummerċ u fuq iż-żamma ta’ kompetizzjoni mhux distorta – Artikolu 107(3)(b) TFUE – Kunċett ta’ ‘skema ta’ għajnuna’ – Obbligu ta’ motivazzjoni”

Fil-Kawża T‑628/20,

Ryanair DAC, stabbilita fi Swords (L-Irlanda), irrappreżentata minn F.-C. Laprévote, E. Vahida, V. Blanc, I.-G. Metaxas-Maranghidis u S. Rating, avukati,

rikorrenti

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn L. Flynn, S. Noë u F. Tomat, bħala aġenti,

konvenuta

sostnuta minn

Ir-Renju ta’ Spanja, irrappreżentat minn L. Aguilera Ruiz u S. Centeno Huerta, bħala aġenti,

u minn

Ir-Repubblika Franċiża, irrappreżentata minn P. Dodeller u T. Stehelin, bħala aġenti,

intervenjenti,

li għandha bħala suġġett talba bbażata fuq l-Artikolu 263 TFUE u intiża għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2020) 5414 finali tal‑31 ta’ Lulju 2020, dwar l-għajnuna mill-Istat SA.57659 (2020/N) – Spanja COVID-19 – Fond ta’ Rikapitalizzazzjoni,

IL-QORTI ĠENERALI (L-Għaxar Awla Estiża),

komposta minn A. Kornezov (Relatur), President, E. Buttigieg, K. Kowalik-Bańczyk, G. Hesse u M. Stancu, Imħallfin,

Reġistratur: I. Pollalis, Amministratur,

wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura u wara s-seduta tal‑24 ta’ Frar 2021,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Fl‑20 ta’ Lulju 2020, ir-Renju ta’ Spanja kkomunika lill-Kummissjoni Ewropea, skont l-Artikolu 108(3) TFUE, skema ta’ għajnuna intiża għall-ħolqien tal-Fond ta’ Appoġġ għas-Solvenza tal-Impriżi Strateġiċi (iktar ’il quddiem il-“Fond”), sabiex isostni s-solvenza tal-impriżi vijabbli, ikkunsidrati li huma sistemiċi jew strateġiċi għall-ekonomija Spanjola, li għandhom diffikultajiet temporanji minħabba l-pandemija tal-COVID-19.

2        Il-Fond jipprovdi finanzjament permezz tax-xiri ta’ strumenti finanzjarji u ta’ titoli maħruġa minn impriżi mhux finanzjarji stabbiliti fi Spanja, mingħajr limitazzjoni abbażi ta’ daqs jew ta’ settur ekonomiku. Huwa amministrat minn Bord tad-Diretturi li jieħu d-deċiżjonijiet dwar l-applikazzjonijiet għall-għajnuna u jistabbilixxi l-kundizzjonijiet għall-finanzjament pubbliku mogħti lill-benefiċjarji. Is-Sociedad Española de Participaciones Industriales (il-Kumpannija Holding Industrijali Spanjola, iktar ’il quddiem is-“SEPI”), kumpannija holding pubblika li tamministra l-ishma tal-Istat Spanjol, hija inkarigata b’mod partikolari bl-evalwazzjoni preliminari tal-applikazzjonijiet, tal-użu tal-fondi u tar-reġistrazzjoni tat-titoli akkwistati mill-Istat. Il-Bord tad-Diretturi jippreżenta, għall-approvazzjoni, lill-Kunsill tal-Ministri Spanjol id-deċiżjonijiet dwar l-għoti tal-finanzjament pubbliku. Il-Bord tad-Diretturi tal-Fond huwa kumitat interministerjali ppresedut mill-President tas-SEPI u kompost, barra minn hekk, minn rappreżentanti tal-Ministeri għall-Ekonomija, għall-Finanzi, għall-Industrija u għall-Enerġija.

3        Il-baġit tal-iskema ta’ għajnuna huwa ffissat għal EUR 10 biljun, iffinanzjati mill-baġit tal-Istat. L-appoġġ mill-Fond ser jaqbeż, bħala prinċipju, EUR 25 miljun għal kull benefiċjarju. Madankollu, l-appoġġ lil hinn minn EUR 250 miljun għal kull benefiċjarju jiġi kkomunikat individwalment lill-Kummissjoni. L-operazzjonijiet temporanji ta’ appoġġ iffinanzjati mill-Fond ser jingħataw sat‑30 ta’ Ġunju 2021.

4        Sabiex jibbenefikaw mill-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni, l-impriżi għandhom jissodisfaw diversi kriterji kumulattivi ta’ eliġibbiltà, fosthom essenzjalment:

–        għandhom ikunu impriżi mhux finanzjarji li huma stabbiliti u li għandhom il-postijiet prinċipali tan-negozju tagħhom fi Spanja;

–        għandhom ikunu ta’ importanza sistemika jew strateġika minħabba l-appartenenza tagħhom għal settur ta’ attività partikolari, minħabba r-rabtiet tagħhom mas-saħħa pubblika u mas-sigurtà pubblika jew inkella minħabba l-influwenza tagħhom fuq l-ekonomija kollha, minħabba l-attivitajiet ta’ innovazzjoni tagħhom, in-natura essenzjali tas-servizzi pprovduti jew ir-rwol tagħhom fit-twettiq tal-għanijiet fuq perijodu ta’ żmien medju fl-oqsma tat-tranżizzjoni ekoloġika, tad-diġitalizzazzjoni, taż-żieda fil-produttività u l-kapital uman;

–        għandhom ikunu qegħdin jiffaċċjaw riskju ta’ waqfien tal-operat tagħhom jew ikollhom diffikultajiet serji li jkomplu bin-negozju tagħhom mingħajr appoġġ pubbliku temporanju;

–        il-waqfien sfurzat tal-operat tagħhom ikollu impatt negattiv u kbir fuq l-attività jew fuq l-impjiegi fil-livell nazzjonali jew reġjonali;

–        għandhom juru l-vijabbiltà tagħhom fuq perijodu ta’ żmien medju u twil bil-preżentazzjoni ta’ pjan ta’ vijabbiltà li jindika l-mod kif l-impriża tista’ tegħleb il-kriżi u b’deskrizzjoni tal-użu propost tal-għajnuna pubblika;

–        għandhom jippreżentaw skeda provviżorja ta’ rimbors tal-appoġġ tal-Istat mill-Fond;

–        ma għandhomx ikunu jitqiesu li diġà kienu sitwazzjoni ta’ diffikultà fil‑31 ta’ Diċembru 2019.

5        Barra minn hekk, l-impriżi li jixtiequ jibbenefikaw mill-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni għandhom juru, abbażi ta’ provi xierqa, li finanzjament privat permezz tal-banek jew tas-swieq finanzjarji ma huwiex disponibbli għalihom jew huwa disponibbli għalihom bi spiża li tostakola l-vijabbiltà tagħhom.

6        Fil‑31 ta’ Lulju 2020, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni C(2020) 5414 finali dwar l-għajnuna mill-Istat SA.57659 (2020/N) – Spanja COVID-19 – Fond ta’ rikapitalizzazzjoni (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), li permezz tagħha hija kkonkludiet li l-miżura inkwistjoni kienet tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE u li hija kienet kompatibbli mas-suq intern, konformement mal-Artikolu 107(3)(b) TFUE u mal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni, tad‑19 ta’ Marzu 2020, intitolata “Qafas Temporanju għal miżuri ta’ għajnuna mill-Istat biex jingħata sostenn lill-ekonomija matul it-tifqigħa preżenti tal-COVID-19” (ĠU 2020, C 91 I, p. 1), kif emendata fit‑3 ta’ April 2020 (ĠU 2020, C 112 I, p. 1), fit‑13 ta’ Mejju 2020 (ĠU 2020, C 164, p. 3) u fid‑29 ta’ Ġunju 2020 (ĠU 2020, C 218, p. 3) (iktar ’il quddiem il-“Qafas Temporanju”) u għalhekk, ma qajmitx oġġezzjonijiet fir-rigward tagħha.

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

7        B’att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis‑16 ta’ Ottubru 2020, ir-rikorrenti, Ryanair DAC, ippreżentat dan ir-rikors.

8        Permezz ta’ att separat, ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-istess jum, ir-rikorrenti talbet li dan ir-rikors jiġi deċiż bi proċedura mħaffa, skont l-Artikoli 151 u 152 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali. Permezz ta’ deċiżjoni tal‑10 ta’ Novembru 2020, il-Qorti Ġenerali (L-Għaxar Awla) laqgħet it-talba għal proċedura mħaffa.

9        Il-Kummissjoni ppreżentat ir-risposta fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit‑30 ta’ Novembru 2020.

10      Skont l-Artikolu 106(2) tar-Regoli tal-Proċedura, fl‑14 ta’ Diċembru 2020, ir-rikorrenti ppreżentat talba motivata għal seduta għas-sottomissjonijiet orali.

11      Fuq proposta tal-Għaxar Awla, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, skont l-Artikolu 28 tar-Regoli tal-Proċedura, li tirreferi l-kawża quddiem kulleġġ ġudikanti estiż.

12      B’atti ppreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit‑18 ta’ Diċembru 2020, ir-Renju ta’ Spanja u r-Repubblika Franċiża talbu li jintervjeni f’din il-kawża sabiex isostnu t-talbiet tal-Kummissjoni.

13      Permezz ta’ deċiżjonijiet tat‑12 ta’ Jannar 2021, il-President tal-Għaxar Awla tal-Qorti Ġenerali awtorizza l-interventi tar-Renju ta’ Spanja u tar-Repubblika Franċiża.

14      Permezz ta’ miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura nnotifikati fl‑14 ta’ Jannar 2021, ir-Renju ta’ Spanja u r-Repubblika Franċiża ġew awtorizzati, skont l-Artikolu 154(3) tar-Regoli tal-Proċedura, jippreżentaw nota ta’ intervent. Fit‑28 u fid‑29 ta’ Jannar 2021, ir-Repubblika Franċiża u r-Renju ta’ Spanja bagħtu rispettivament in-noti ta’ intervent tagħhom lir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali.

15      Fil-kuntest ta’ miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura fis-sens tal-Artikolu 89 tar-Regoli tal-Proċedura, il-Qorti Ġenerali stiednet, fil-5 ta’ Frar 2021, lill-Kummissjoni u lir-Renju ta’ Spanja sabiex iwieġbu żewġ mistoqsijiet waqt is-seduta. Il-Kummissjoni u r-Renju ta’ Spanja rrispondew għal din it-talba.

16      Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

17      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

18      Ir-Renju ta’ Spanja u r-Repubblika Franċiża jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha tiċħad ir-rikors bħala inammissibbli jew, sussidjarjament, bħala infondat fl-intier tiegħu.

 Fid-dritt

19      Għandu jitfakkar li l-qorti tal-Unjoni Ewropea għandha d-dritt tevalwa, skont iċ-ċirkustanzi ta’ kull każ, jekk amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja tiġġustifikax li rikors jiġi miċħud fil-mertu, mingħajr ma tiddeċiedi minn qabel dwar l-ammissibbiltà tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑26 ta’ Frar 2002, Il-Kunsill vs Boehringer, C‑23/00 P, EU:C:2002:118, punti 51 u 52, u tal‑14 ta’ Settembru 2016, Trajektna luka Split vs Il-Kummissjoni, T‑57/15, mhux ippubblikata, EU:T:2016:470, punt 84). Għaldaqstant, fid-dawl, b’mod partikolari, tal-kunsiderazzjonijiet li wasslu għall-proċedura mħaffa ta’ din il-kawża u tal-importanza li tingħata, kemm għar-rikorrenti kif ukoll għall-Kummissjoni u għar-Repubblika Franċiża, tweġiba rapida fil-mertu, għandha tiġi eżaminata qabelxejn il-fondatezza tar-rikors, mingħajr ma tingħata deċiżjoni minn qabel dwar l-ammissibbiltà tiegħu.

20      Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka ħames motivi, ibbażati, l-ewwel wieħed, fuq ksur tal-prinċipji ta’ nondiskriminazzjoni, ta’ libertà li jiġu pprovduti servizzi u ta’ libertà ta’ stabbiliment, it-tieni wieħed, fuq ksur tal-obbligu ta’ bbilanċjar tal-effetti benefiċi tal-għajnuna mal-effetti negattivi tagħha fuq il-kundizzjonijiet tal-kummerċ u fuq iż-żamma ta’ kompetizzjoni mhux distorta, it-tielet wieħed, fuq il-klassifikazzjoni żbaljata tal-miżura inkwistjoni bħala skema ta’ għajnuna, ir-raba’ wieħed, fuq ksur tad-drittijiet proċedurali tagħha u, il-ħames wieħed, ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni.

 Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipji ta’ nondiskriminazzjoni, ta’ libertà li jiġu pprovduti servizzi u ta’ libertà ta’ stabbiliment

21      L-ewwel motiv jinkludi, essenzjalment, erba’ partijiet, ibbażati, l-ewwel parti, fuq il-fatt li l-iskema ta’ għajnuna tikser il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni, it-tieni parti, fuq il-fatt din la hija neċessarja u lanqas proporzjonata sabiex jintlaħaq l-għan tagħha, it-tielet parti, fuq il-fatt li tirrestrinġi l-libertà li jiġu pprovduti servizzi u, ir-raba’ parti, fuq il-fatt li r-restrizzjoni stabbilita b’dan il-mod ma hijiex iġġustifikata.

 Fuq l-ewwel żewġ partijiet tal-ewwel motiv, ibbażati fuq ksur tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni

22      Ir-rikorrenti ssostni li d-deċiżjoni kkontestata tikser il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni, peress li l-miżura inkwistjoni hija diskriminatorja fir-rigward tal-impriżi mhux stabbiliti u li ma għandhomx il-postijiet prinċipali tan-negozju tagħhom fi Spanja, li huma esklużi mill-benefiċċju tal-għajnuna, minkejja li dawn jistgħu wkoll ikollhom importanza sistemika u strateġika għall-ekonomija Spanjola, bħalma huwa l-każ tar-rikorrenti. Issa, tali differenza fit-trattament la hija neċessarja u lanqas proporzjonata mal-għan imfittex, sa fejn l-impriżi mhux stabbiliti u li ma għandhomx il-postijiet prinċipali tan-negozju tagħhom fi Spanja, iżda li joperaw f’dan l-Istat Membru, iltaqgħu mal-istess diffikultajiet ikkawżati mill-pandemija tal-COVID-19, sa fejn il-ħruġ tagħhom mis-suq Spanjol iwassal għal diffikultajiet soċjali u jfixkel serjament l-ekonomija Spanjola u sa fejn miżura alternattiva u mhux diskriminatorja tkun tikkonsisti fl-għoti tal-għajnuna skont l-ishma tas-suq tal-impriżi kkonċernati.

23      Il-Kummissjoni, sostnuta mir-Renju ta’ Spanja u mir-Repubblika Franċiża, tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

24      Skont l-Artikolu 107(3)(b) TFUE tista’ titqies li hija kompatibbli mas-suq intern l-għajnuna intiża b’mod partikolari li tirrimedja disturb serju tal-ekonomija ta’ Stat Membru.

25      Skont il-ġurisprudenza, mill-istruttura ġenerali tat-Trattat jirriżulta li l-proċedura prevista fl-Artikolu 108 TFUE ma għandha qatt twassal għal riżultat li jmur kontra d-dispożizzjonijiet speċifiċi tat-Trattat. Għalhekk, għajnuna mill-Istat li, minħabba ċerti modalitajiet tagħha, tikser dispożizzjonijiet oħrajn tat-Trattat ma tistax tiġi ddikjarata mill-Kummissjoni li hija kompatibbli mas-suq intern. Bl-istess mod, għajnuna mill-Istat li, minħabba ċerti modalitajiet tagħha, tikser il-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, bħall-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, ma tistax tiġi ddikjarata mill-Kummissjoni li hija kompatibbli mas-suq intern (sentenzi tal‑15 ta’ April 2008, Nuova Agricast, C‑390/06, EU:C:2008:224, punti 50 u 51, u tat-22 ta’ Settembru 2020, L-Awstrija vs Il-Kummissjoni, C‑594/18 P, EU:C:2020:742, punt 44).

26      F’din il-kawża, għandu jiġi kkonstatat li wieħed mill-kriterji ta’ eliġibbiltà għall-benefiċċju tal-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni, jiġifieri dak dwar l-istabbiliment tal-benefiċjarji fi Spanja u li l-postijiet prinċipali tan-negozju tagħhom ikunu jinsabu fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru, għandu bħala konsegwenza trattament differenti tal-impriżi stabbiliti u li għandhom il-postijiet prinċipali tan-negozju tagħhom fi Spanja, li jistgħu jibbenefikaw mill-imsemmija skema ta’ għajnuna jekk huma jkunu jissodisfaw, barra minn hekk, il-kriterji l-oħra ta’ eliġibbiltà, minn dawk stabbiliti jew li għandhom il-postijiet prinċipali tan-negozju tagħhom fi Stat Membru ieħor, li ma jistgħux jibbenefikaw minnha.

27      Jekk, kif tiddikjara r-rikorrenti, din id-differenza fit-trattament tista’ tiġi assimilata ma’ diskriminazzjoni, għandu jiġi vverifikat jekk din hijiex iġġustifikata minn għan leġittimu u jekk hijiex neċessarja, xierqa u proporzjonata sabiex dan jintlaħaq. Bl-istess mod, sa fejn ir-rikorrent tirreferi għall-ewwel paragrafu tal-Artikolu 18 TFUE, għandu jiġi enfasizzat li, skont din id-dispożizzjoni, hija pprojbita kull diskriminazzjoni eżerċitata minħabba n-nazzjonalità fil-qasam ta’ applikazzjoni tat-Trattati “mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet speċjali inklużi hemm”. Għaldaqstant, għandu jiġi vverifikat jekk din id-differenza fit-trattament hijiex permessa fir-rigward tal-Artikolu 107(3)(b) TFUE, li jikkostitwixxi l-bażi legali tad-deċiżjoni kkontestata. Dan l-eżami jinvolvi, minn naħa, li l-għan tal-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni ikun jissodisfa r-rekwiżiti ta’ din id-dispożizzjoni tal-aħħar u, min-naħa l-oħra, li l-modalitajiet tal-għoti tal-għajnuna ma jkunux imorru lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq dan l-għan.

28      Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-għan tal-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni, għandu jitfakkar li r-Renju ta’ Spanja bbaża din il-miżura fuq l-Artikolu 107(3)(b) TFUE (punt 5 tad-deċiżjoni kkontestata). L-imsemmija skema hija intiża għalhekk li tirrimedja d-disturb serju tal-ekonomija Spanjola kkawżat mill-pandemija tal-COVID-19, kif jirriżulta mill-punti 57 u 58 tad-deċiżjoni kkontestata, li jikkorrispondi għal wieħed mill-każijiet imsemmija fl-Artikolu 107(3)(b) TFUE. L-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni tiżgura li l-impriżi kkunsidrati li huma sistemiċi jew strateġiċi għall-ekonomija Spanjola jkollhom finanzjament estern suffiċjenti sabiex ikunu jistgħu jistabbilixxu mill-ġdid l-istruttura tal-kapital tagħhom waqt li l-funzjonament tas-swieq ta’ kreditu u ta’ kapital ikun serjament imfixkel mill-pandemija tal-COVID-19.

29      Għandu jiġi kkunsidrat li, peress li l-eżistenza kemm ta’ disturb serju għall-ekonomija Spanjola minħabba l-pandemija tal-COVID-19 kif ukoll tal-effetti negattivi sinjifikattivi ta’ din tal-aħħar fuq l-ekonomija Spanjola huma stabbiliti suffiċjentement skont il-liġi fid-deċiżjoni kkontestata, l-għan tal-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni kien jissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti mill-Artikolu 107(3)(b) TFUE.

30      Barra minn hekk, il-kriterju tal-importanza strateġika u sistemika tal-benefiċjarji tal-għajnuna jirrifletti b’mod konkret l-għan tal-għajnuna inkwistjoni, jiġifieri li jiġi rrimedjat disturb serju tal-ekonomija Spanjola fis-sens tal-Artikolu 107(3)(b) TFUE.

31      Fit-tieni lok, fir-rigward tal-eżami li l-modalitajiet tal-għoti tal-għajnuna ma jkunux jeċċedu dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan tal-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni u jkunu jissodisfaw il-kundizzjonijiet stabbiliti mill-Artikolu 107(3)(b) TFUE, għandhom isiru l-kunsiderazzjonijiet li ġejjin.

32      L-ewwel nett, fir-rigward tan-natura xierqa u neċessarja tal-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni, għandu jiġi rrilevat li, f’dan il-każ, din ġiet adottata b’applikazzjoni b’mod partikolari tal-punt 3.11 tal-Qafas Temporanju intitolat “Miżuri ta’ rikapitalizzazzjoni”, li l-paragrafi 44 u 45 tiegħu jipprevedu dan li ġej:

“44.      Dan il-Qafas Temporanju jippreżenta l-kriterji skont ir-regoli tal-UE dwar l-għajnuna mill-Istat, li abbażi tagħhom l-Istati Membri jistgħu jipprovdu sostenn pubbliku fil-forma ta’ ekwità u/jew strumenti kapitali ibridi lill-impriżi li jiffaċċjaw diffikultajiet finanzjarji minħabba t-tifqigħa tal-COVID-19. Huwa għandu l-għan li jiżgura li t-tfixkil tal-ekonomija ma jirriżultax fi ħruġ bla bżonn mis-suq ta’ impriżi li kienu vijabbli qabel it-tifqigħa tal-COVID-19. Għaldaqstant, ir-rikapitalizzazzjonijiet ma jridux jaqbżu l-minimu meħtieġ biex tiġi żgurata l-vijabbiltà tal-benefiċjarju, u jentieġ li ma jmorrux lil hinn mir-restawr tal-istruttura tal-kapital tal-benefiċjarju għal dik li kienet teżisti qabel it-tifqigħa tal-COVID-19. Impriżi kbar iridu jirrappurtaw dwar kif l-għajnuna li rċevew tappoġġja l-attivitajiet tagħhom f’konformità mal-objettivi tal-UE u l-obbligi nazzjonali marbuta mat-trasformazzjoni ekoloġika u diġitali, inkluż l-għan tal-UE tan-newtralità klimatika sal-2050.

45.      Fl-istess ħin, il-Kummissjoni tenfasizza li l-għoti ta’ appoġġ pubbliku nazzjonali fil-forma ta’ ekwità u/jew strumenti kapitali ibridi, bħala parti minn skemi jew f’każijiet individwali, jenħtieġ li jitqies biss jekk ma tkunx tista’ tinstab soluzzjoni xierqa oħra. Barra minn hekk, jenħtieġ li l-ħruġ ta’ tali strumenti jkun soġġett għal kundizzjonijiet stretti minħabba li huma distorsivi ħafna għall-kompetizzjoni bejn l-impriżi. Għalhekk, interventi bħal dawn iridu jkunu soġġetti wkoll għal kundizzjonijiet ċari fir-rigward tad-dħul, tar-remunerazzjoni u tal-ħruġ tal-Istat mill-ekwità tal-impriżi kkonċernati, id-dispożizzjonijiet ta’ governanza u miżuri xierqa li jillimitaw id-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni. B’dan l-isfond, il-Kummissjoni tinnota li t-tfassil ta’ miżuri ta’ sostenn nazzjonali b’mod li jissodisfa l-għanijiet ta’ politika tal-UE relatati mat-trasformazzjoni ekoloġika u diġitali tal-ekonomiji tagħhom jippermetti tkabbir aktar sostenibbli fit-tul, u jippromwovi t-trasformazzjoni għall-objettiv miftiehem tal-UE tan-newtralità klimatika sal-2050.”

33      Konsegwentement, ir-Renju ta’ Spanja, bl-adozzjoni tal-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni, ried jimplimenta miżuri ta’ rikapitalizzazzjoni, b’applikazzjoni tal-punt 3.11 tal-Qafas Temporanju, fil-forma ta’ self parteċipattiv, ta’ dejn ibridu jew ta’ strumenti oħra li jistgħu jinbidlu f’kapital proprju (“strumenti kapitali ibridi”), ta’ sottoskrizzjonijiet ta’ azzjonijiet (“strumenti ta’ ekwità”), ta’ self subordinat jew ta’ strument ieħor ta’ kapital (il-paragrafu 15 tad-deċiżjoni kkontestata) għal ċerti impriżi li jkunu qegħdin jiffaċċjaw diffikultajiet temporanji minħabba l-effetti negattivi tal-pandemija tal-COVID-19.

34      Ir-rikorrenti ssostni, essenzjalment, li la huwa xieraq u lanqas neċessarju li l-għajnuna tingħata biss lill-impriżi stabbiliti fi Spanja u li għandhom il-post prinċipali tan-negozju tagħhom f’dan l-Istat Membru.

35      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat, qabelxejn, li l-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni tikkonsisti fl-għoti, mill-Istat Spanjol, ta’ fondi proprji jew ta’ strumenti ibridi, li permezz tagħhom, essenzjalment, dan l-Istat Membru jidħol temporanjament fil-kapital tal-impriżi kkonċernati, kif jirriżulta mill-paragrafu 45 tal-Qafas Temporanju. Fid-dawl tan-natura tal-miżuri ta’ rikapitalizzazzjoni inkwistjoni, huwa leġittimu li l-Istat Membru kkonċernat ifittex li jiżgura l-preżenza stabbli tal-impriżi li jistgħu jibbenefikaw mill-imsemmija skema fit-territorju tiegħu u rabta fit-tul bejnhom u l-ekonomija tiegħu. Fil-fatt, l-awtoritajiet ta’ dan l-Istat Membru għandhom ikunu jistgħu jikkontrollaw, b’mod kontinwu u effikaċi, il-mod kif din l-għajnuna tintuża kif ukoll l-osservanza tal-klawżoli ta’ governanza u tal-miżuri l-oħra kollha imposti sabiex jillimitaw id-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni. Barra minn hekk, huma għandhom ikunu jistgħu jorganizzaw u jissorveljaw il-ħruġ sussegwenti tal-Istat Spanjol mill-kapital ta’ dawn l-impriżi b’mod organizzat. Għal dan il-għan, l-Istat Membru kkonċernat għandu jkollu l-kompetenza li jintervjeni, f’każ ta’ bżonn, sabiex jimponi l-osservanza tal-kundizzjonijiet u tal-impenji relatati mal-għoti tal-finanzjament pubbliku inkwistjoni.

36      Il-kriterju ta’ eliġibbiltà relatat mal-fatt li l-benefiċjarji tal-għajnuna għandhom ikunu stabbiliti fi Spanja u li jkollhom il-postijiet prinċipali tan-negozju tagħhom fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru jirrifletti għalhekk in-neċessità, għall-Istat Membru kkonċernat, li jiżgura ċerta stabbiltà tal-preżenza tagħhom u tar-rabta fit-tul tagħhom mal-ekonomija Spanjola. Fil-fatt, l-imsemmi kriterju jeżiġi mhux biss li l-benefiċjarju jkollu s-sede tiegħu fit-territorju Spanjol, iżda wkoll li l-postijiet prinċipali tan-negozju tiegħu jkunu jinsabu f’dan it-territorju, li juri preċiżament li l-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni hija intiża li ssostni l-impriżi li huma verament u għal żmien twil ankrati fl-ekonomija Spanjola, li huwa koerenti mal-għan tal-iskema li hija intiża li tirrimedja d-disturb serju ta’ din l-ekonomija.

37      Għall-kuntrarju, l-eżistenza ta’ tali rabta stabbli u fit-tul mal-ekonomija Spanjola hija, bħala prinċipju, inqas probabbli f’dak li jirrigwarda kemm is-sempliċi fornituri ta’ servizzi, li l-provvista tagħhom tista’, mid-definizzjoni tagħha stess, tieqaf fi żmien qasir ħafna, jekk mhux saħansitra immedjatament, kif ukoll l-impriżi stabbiliti fi Spanja, iżda li għandhom il-postijiet prinċipali tan-negozju tagħhom barra mit-territorju ta’ dan l-Istat Membru, b’tali mod li hemm inqas probabbiltà li finanzjament pubbliku eventwali intiż li jsostni l-attivitajiet tagħhom ikun jista’ jikkontribwixxi sabiex jiġi rrimedjat id-disturb serju tal-ekonomija ta’ dan l-Istat Membru.

38      Sussegwentement, għandu jiġi rrilevat li n-neċessità li tiġi żgurata l-eżistenza ta’ rabta stabbli u sostenibbli mal-ekonomija Spanjola tal-benefiċjarji tal-għajnuna inkwistjoni hija l-bażi tal-iskema inkwistjoni kollha, kif jirriżulta kemm mill-kriterji l-oħra ta’ eliġibbiltà kif ukoll mill-modalitajiet tal-għoti tagħha.

39      Fil-fatt, għandu jiġi kkonstatat li l-benefiċċju tal-għajnuna inkwistjoni huwa rriżervat għall-impriżi kkunsidrati li għandhom importanza sistemika jew strateġika għall-ekonomija Spanjola. Billi r-Renju ta’ Spanja ffoka, b’dan il-mod, l-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni, huwa għażel li jsostni biss l-impriżi li għandhom rwol essenzjali għall-ekonomija tiegħu, peress li d-diffikultajiet tagħhom jaffettwaw serjament, minħabba l-importanza sistemika u strateġika tagħhom, l-istat ġenerali tal-ekonomija Spanjola. Għaldaqstant, l-impriżi li ma humiex ikkunsidrati li huma sistemiċi jew strateġiċi għall-ekonomija Spanjola huma mċaħħda mill-possibbiltà li jibbenefikaw mill-għajnuna inkwistjoni, minkejja li huma jkunu stabbiliti fi Spanja u jkollhom il-postijiet prinċipali tan-negozju tagħhom fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru.

40      Diversi kriterji oħra ta’ eliġibbiltà jirriflettu wkoll il-ħtieġa, għall-Istat Spanjol, li jiżgura l-eżistenza ta’ rabta fit-tul, jiġifieri, fuq perijodu ta’ żmien medju u twil, bejn il-benefiċjarji tal-għajnuna u l-ekonomija tiegħu. Għalhekk, il-kriterju dwar l-importanza sistemika u strateġika tal-benefiċjarji jirreferi b’mod partikolari għar-“ir-rwol tagħhom fit-twettiq tal-għanijiet fuq perijodu ta’ żmien medju fl-oqsma tat-tranżizzjoni ekoloġika, tad-diġitalizzazzjoni, taż-żieda fil-produttività u l-kapital uman”. Kriterju ieħor ta’ eliġibbiltà jeżiġi li l-benefiċjarji jistabbilixxu l-vijabbiltà tagħhom fuq perijodu ta’ żmien medju u twil bil-preżentazzjoni ta’ pjan ta’ vijabbiltà li jindika l-mod kif l-impriża tkun tista’ tegħleb il-kriżi u b’deskrizzjoni tal-użu propost tal-għajnuna pubblika (punt 10(d) tad-deċiżjoni kkontestata). Barra minn hekk, l-impriżi kkonċernati għandhom jippreżentaw skeda provviżorja għar-rimbors tal-appoġġ tal-Istat mill-Fond u tal-miżuri li ser jittieħdu sabiex tiġi osservata din l-iskeda (punt 10(e) tad-deċiżjoni kkontestata). Dawn il-kriterji jirriflettu għalhekk b’mod konkret in-neċessità, minn naħa, li l-benefiċjarju inkwistjoni jkun integrat b’mod stabbli fl-ekonomija Spanjola u jibqa’ hekk integrat fuq perijodu ta’ żmien medju u twil, sabiex ikun jista’ jwettaq l-għanijiet ta’ żvilupp imsemmija iktar ’il fuq, u, min-naħa l-oħra, li l-awtoritajiet Spanjoli jkunu f’pożizzjoni li jikkontrollaw l-osservanza u l-implimentazzjoni tal-impenji tagħhom.

41      L-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni tinkludi wkoll sensiela ta’ restrizzjonijiet ex post intiżi li jillimitaw id-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni u jiżguraw il-ġestjoni effettiva tal-benefiċjarji kif ukoll il-mod kif l-għajnuna tintuża (punti 36 sa 39 tad-deċiżjoni kkontestata), u timponi obbligi ta’ trasparenza u ta’ preżentazzjoni ta’ rendikonti lill-awtoritajiet nazzjonali fuq l-użu tal-għajnuna inkwistjoni (punt 40 tad-deċiżjoni kkontestata). Għalhekk, pereżempju, sakemm ma jkunux irrimborsaw l-għajnuna miksuba, il-benefiċjarji huma pprojbiti milli jieħdu riskji eċċessivi jew li jwettqu espansjoni kummerċjali aggressiva ffinanzjata mill-għajnuna. Bl-istess mod, huma ma jistgħux jirreklamaw l-investiment magħmul mill-Fond għal finijiet kummerċjali. Huwa wkoll ipprojbit għall-benefiċjarji, sakemm ma jkunux irrimborsaw mill-inqas 75 % tal-għajnuna, li jwettqu ċerti konċentrazzjonijiet jew akkwisti (punti 78 sa 81 tad-deċiżjoni kkontestata). Barra minn hekk, sakemm l-għajnuna ma tkunx ġiet kompletament irrimborsata, il-benefiċjarji ma jistgħux iħallsu dividendi (punt 82 tad-deċiżjoni kkontestata) u limitu massimu huwa impost fuq ir-remunerazzjonijiet tad-diretturi tagħhom (punt 83 tad-deċiżjoni kkontestata). Barra minn hekk, jekk wara perijodu ta’ sitt snin mid-data tal-injezzjoni tal-kapital mill-Fond, is-sehem tal-azzjonijiet miżmuma minn dan tal-aħħar ma jitnaqqasx taħt il-15 %, il-benefiċjarju jkollu jippreżenta pjan ta’ ristrutturazzjoni lill-awtoritajiet Spanjoli, li min-naħa tagħhom, jikkomunikawh lill-Kummissjoni għal approvazzjoni (punt 89 tad-deċiżjoni kkontestata). Ser jiġi stabbilit ukoll mekkaniżmu sabiex jiġi evitat ir-riskju li l-benefiċjarju jixtri l-azzjonijiet tal-Istat, permezz ta’ terzi, bi prezzijiet inferjuri għal dawk tal-investiment nominali tal-Istat (punti 35 u 74 tad-deċiżjoni kkontestata). Dawn ir-restrizzjonijiet ex post juru, huma wkoll, in-neċessità u l-obbligu tal-awtoritajiet Spanjoli li jikkontrollaw, b’mod kontinwu, diversi aspetti tal-attivitajiet tal-benefiċjarji. Għal dan il-għan, huma għandhom ikollhom is-setgħa li jintervjenu, jekk ikun il-każ, sabiex jimponu l-osservanza tagħhom.

42      Għalhekk jidher li, bl-applikazzjoni tal-kriterji ta’ eliġibbiltà u r-restrizzjonijiet ex post imfakkra fil-punti 34 sa 40 iktar ’il fuq, ir-Renju ta’ Spanja pprova, essenzjalment, jaċċerta ruħu mill-eżistenza ta’ rabta perenni u reċiproka bejn il-benefiċjarji tal-għajnuna u l-ekonomija tiegħu, bħala parti minn viżjoni ta’ żvilupp ekonomiku fuq perijodu medju u fit-tul.

43      Għalhekk, bil-limitazzjoni tal-benefiċċju tal-għajnuna unikament għall-impriżi li għandhom importanza sistemika jew strateġika għall-ekonomija Spanjola, stabbiliti fi Spanja u li għandhom il-postijiet prinċipali tan-negozju tagħhom fit-territorju tagħha, minħabba rabtiet stabbli u reċiproċi li jorbtuhom mal-ekonomija tagħha, l-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni hija kemm xierqa kif ukoll neċessarja sabiex jintlaħaq l-għan li jiġi rrimedjat id-disturb serju tal-ekonomija ta’ dan l-Istat Membru.

44      It-tieni nett, fir-rigward tan-natura proporzjonata tal-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni, ir-rikorrenti tqis, essenzjalment, li impriża jista’ jkollha wkoll importanza sistemika u strateġika għall-ekonomija Spanjola, anki jekk ma tkunx stabbilita fi Spanja, b’tali mod li l-għan imfittex mill-imsemmija skema jkun jista’ jintlaħaq billi jitqies bħala kriterju ta’ eliġibbiltà mhux dak tal-Istat Membru ta’ stabbiliment, iżda kriterju ieħor dwar l-ishma tas-suq tal-impriżi kkonċernati.

45      F’dan ir-rigward, għalkemm ma huwiex eskluż li impriża li ma tkunx stabbilita fi Spanja u li ma jkollhiex il-postijiet prinċipali tan-negozju tagħha f’dan l-Istat Membru jista’ madankollu jkollha, f’ċerti ċirkustanzi partikolari, importanza sistemika jew strateġika għall-ekonomija Spanjola, għandu jitfakkar li l-għoti ta’ fondi pubbliċi fil-kuntest tal-Artikolu 107(3)(b) TFUE jippreżupponi li l-għajnuna mogħtija mill-Istat Membru kkonċernat, għalkemm f’diffikultà serja, tista’ tirrimedja d-disturb tal-ekonomija tiegħu, li jippreżupponi li s-sitwazzjoni ġenerali tal-impriżi li jistgħu jippermettu l-istabbiliment mill-ġdid tal-imsemmija ekonomija għandha tittieħed inkunsiderazzjoni, fatt li juri r-relevanza tal-kriterju ta’ rabta stabbli u fit-tul mal-ekonomija tal-imsemmi Stat.

46      Fil-fatt, minn naħa, in-neċessità ta’ rabta stabbli u fit-tul tal-benefiċjarji tal-għajnuna fl-ekonomija Spanjola, li fuqha hija bbażata l-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni, tkun nieqsa jew tkun għall-inqas iddgħajfet li kieku r-Renju ta’ Spanja kien adotta kriterju ieħor li jippermetti l-eliġibbiltà ta’ impriżi li joperaw fit-territorju Spanjol bħala sempliċi fornituri ta’ servizzi, bħar-rikorrenti, peress li provvista ta’ servizzi tista’, mid-definizzjoni tagħha stess, tieqaf fi żmien qasir ħafna, jekk mhux saħansitra immedjatament, kif imfakkar fil-punt 36 iktar ’il fuq. Għalhekk, xejn ma jiggarantixxi lir-Renju ta’ Spanja li l-kontribuzzjoni għall-ekonomija tiegħu tal-impriżi mhux stabbiliti u li ma għandhomx il-postijiet prinċipali tan-negozju tagħhom fit-territorju tiegħu tinżamm wara l-kriżi, jekk jiġi preżunt li l-benefiċċju tal-miżuri ta’ rikapitalizzazzjoni jkun ingħatalhom.

47      Min-naħa l-oħra, il-fatt li r-rikorrenti hija l-ikbar kumpannija tal-ajru fi Spanja, li għandha madwar 20 % tas-suq f’dan l-Istat Membru, jew ukoll li l-ħruġ tagħha minn dan is-suq iwassal għal diffikultajiet soċjali, ma jfissirx li l-Kummissjoni wettqet żball ta’ evalwazzjoni meta kkunsidrat li l-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni kienet kompatibbli mas-suq intern. Fil-fatt, dan l-argument huwa bbażat fuq is-sitwazzjoni speċifika tar-rikorrenti fis-suq tat-trasport bl-ajru tal-passiġġieri fi Spanja, filwaqt li l-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni hija intiża sabiex issostni l-ekonomija Spanjola kollha, mingħajr distinzjoni abbażi tas-settur ekonomiku kkonċernat, b’tali mod li r-Renju ta’ Spanja ħa inkunsiderazzjoni l-istat globali tal-ekonomija tiegħu u l-prospetti ta’ żvilupp ekonomiku fuq perijodu ta’ żmien medju u fit-tul, u mhux is-sitwazzjoni speċifika ta’ impriża partikolari jew oħra.

48      Għaldaqstant, bil-previżjoni ta’ modalitajiet għall-għoti tal-benefiċċju fuq il-bażi ta’ skema ta’ għajnuna ta’ portata ġenerali u multi-settorjali, l-Istat Membru inkwistjoni seta’ leġittimament jibbaża ruħu fuq kriterji ta’ eliġibbiltà intiżi li jidentifikaw impriżi li huma kemm ta’ importanza sistemika jew strateġika għall-ekonomija tiegħu kif ukoll li għandhom rabta permanenti u stabbli ma’ din tal-aħħar.

49      Fir-rigward tal-iskema ta’ għajnuna alternattiva ssuġġerita mir-rikorrenti, ibbażata fuq kriterju ta’ eliġibbiltà relatat mal-ishma fis-suq tal-impriżi kkonċernati, għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza, il-Kummissjoni ma għandhiex tiddeċiedi b’mod astratt fuq il-miżuri alternattivi kollha li jistgħu jiġu kkunsidrati, peress li, għalkemm l-Istat Membru kkonċernat għandu jesponi b’mod iddettaljat ir-raġunijiet li wasslu għall-adozzjoni tal-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni, b’mod partikolari, fir-rigward tal-kriterji ta’ eliġibbiltà adottati, huwa ma huwiex obbligat juri, b’mod konkret, li ebda miżura immaġinabbli oħra, mid-definizzjoni tagħha stess ipotetika, ma tista’ tippermetti li jiġi żgurat l-għan imfittex b’mod aħjar. Meta l-imsemmi Stat Membru ma huwiex suġġett għal tali obbligu, ir-rikorrenti ma tistax titlob lill-Qorti Ġenerali timponi fuq il-Kummissjoni tissostitwixxi ruħha għall-awtoritajiet nazzjonali f’dan il-kompitu ta’ prospettar normattiv sabiex teżamina kull miżura alternattiva possibbli (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Mejju 2019, Scor vs Il-Kummissjoni, T‑135/17, mhux ippubblikata, EU:T:2019:287, punt 94 u l-ġurisprudenza ċċitata).

50      Fi kwalunkwe każ, il-kriterju ta’ eliġibbiltà rrakkomandat mir-rikorrenti, ibbażat fuq l-ishma tas-suq tal-impriżi kkonċernati, ma jiħux inkunsiderazzjoni b’mod suffiċjenti l-għanijiet li jridu jintlaħqu mill-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni li hija intiża sabiex tirrimedja d-disturb serju tal-ekonomija Spanjola, meħuda b’mod kumplessiv, fid-diversità tagħha u minn perspettiva ta’ żvilupp ekonomiku sostenibbli. F’dan ir-rigward, jidher li l-leġiżlatur Spanjol ma riedx jadotta kriterji ta’ eliġibbiltà bbażati fuq id-daqs jew l-ishma tas-suq tal-benefiċjarji, iżda pjuttost fuq kunsiderazzjonijiet ta’ żvilupp ekonomiku fuq perijodu ta’ żmien medju u twil tal-ekonomija Spanjola, permezz tal-adozzjoni ta’ kriterji li huma iktar kwalitattivi milli kwantitattivi.

51      Il-Kummissjoni, fid-deċiżjoni kkontestata, għalhekk approvat skema ta’ għajnuna intiża effettivament li tirrimedja d-disturb serju tal-ekonomija ta’ Stat Membru u li ma teċċedix, fil-modalitajiet tal-għoti tagħha, dak li kien neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan tal-imsemmija skema. Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat, fid-dawl tal-prinċipji mfakkra fil-punt 27 iktar ’il fuq, li l-imsemmija skema ma tiksirx il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni u l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 18 TFUE sempliċement minħabba l-fatt li tiffavorixxi lill-impriżi stabbiliti fi Spanja u li għandhom il-postijiet prinċipali tan-negozju tagħhom f’dan l-Istat Membru.

52      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-għan tal-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni jissodisfa r-rekwiżiti tad-deroga prevista mill-Artikolu 107(3)(b) TFUE u li l-modalitajiet tal-għoti tal-għajnuna ma jmorrux lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq dan l-għan.

53      Konsegwentement, l-ewwel żewġ partijiet tal-ewwel motiv għandhom jiġu miċħuda.

 Fuq l-aħħar żewġ partijiet tal-ewwel motiv, ibbażati fuq ksur tal-prinċipji ta’ libertà li jiġu pprovduti servizzi u ta’ libertà ta’ stabbiliment

54      Ir-rikorrenti tfakkar, minn naħa, li restrizzjoni għal-libertà ta’ stabbiliment u għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi hija legali jekk tkun iġġustifikata minn raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali, nondiskriminatorja, neċessarja u proporzjonata għall-għan ta’ interess ġenerali mfittex u, min-naħa l-oħra, li dawn il-kundizzjonijiet ikunu kumulattivi u li restrizzjoni ssir inġustifikata jekk anki waħda biss minnhom ma tkunx issodisfatta. Issa, f’dan il-każ, l-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni hija qabelxejn diskriminatorja, peress li tittratta lill-impriżi b’mod differenti skont l-Istat Membru fejn huma stabbiliti. Sussegwentement, ma hijiex proporzjonata, peress li tmur lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan tagħha, billi dan tal-aħħar jista’ jintlaħaq mingħajr ma tiġi ppreġudikata l-libertà ta’ stabbiliment u l-libertà li jiġu pprovduti servizzi li kieku l-iskema kienet tibbenefika lill-impriżi kollha li joperaw fi Spanja, irrispettivament mill-Istat li fih huma stabbiliti, b’teħid inkunsiderazzjoni pereżempju tas-sehem rispettiv tagħhom tas-suq.

55      Fl-aħħar nett, l-għan ta’ interess ġenerali li jiġi rrimedjat id-disturb serju tal-ekonomija Spanjola kkawżat mill-pandemija tal-COVID-19 ma jiġġustifikax l-għoti ta’ għajnuna biss lill-impriżi stabbiliti fi Spanja, peress li ċerti impriżi li joperaw fi Spanja taħt il-libertà li jiġu pprovduti servizzi, bħar-rikorrenti, huma importanti wkoll għall-ekonomija tagħha. Għall-kuntrarju, il-fatt li l-kumpanniji nazzjonali biss jiġu megħjuna jwassal għall-frammentazzjoni tas-suq intern u l-eliminazzjoni tal-kompetituri tal-Istati Membri l-oħra, idgħajjef il-kompetizzjoni, jaggrava d-danni kkawżati mill-pandemija tal-COVID-19, iwassal sabiex tiġi ppreġudikata l-istruttura tas-settur tal-ajru u jirrestrinġi d-drittijiet tat-trasportaturi tal-Unjoni li jipprovdu liberament servizzi ta’ trasport bl-ajru fi ħdan is-suq intern irrispettivament mill-Istat Membru li jkun ħareġ il-liċenzja tagħhom.

56      Preliminarjament, għandu jsir riferiment, sa fejn ir-rikorrenti tibbaża l-argument tagħha fuq l-eżistenza ta’ diskriminazzjoni li tirriżulta mill-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni u ta’ assenza ta’ proporzjonalità li tikkaratterizza lil din tal-aħħar, għall-eżami tal-ewwel żewġ partijiet tal-ewwel motiv.

57      Sussegwentement, għandu jitfakkar li, minn naħa, id-dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE dwar il-libertà ta’ stabbiliment huma intiżi li jiżguraw il-benefiċċju tat-trattament nazzjonali fl-Istat Membru ospitanti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2015, Finanzamt Linz, C‑66/14, EU:C:2015:661, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata).

58      Min-naħa l-oħra, il-libertà li jiġu pprovduti servizzi tipprekludi l-applikazzjoni ta’ kwalunkwe leġiżlazzjoni nazzjonali li jkollha bħala effett li tirrendi l-provvista ta’ servizzi bejn Stati Membri iktar diffiċli mill-provvista ta’ servizzi purament interni fi Stat Membru, indipendentement mill-eżistenza ta’ diskriminazzjoni bbażata fuq in-nazzjonalità jew ir-residenza (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Frar 2003, Stylianakis, C‑92/01, EU:C:2003:72, punt 25).

59      Għalkemm l-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni ma tirrigwardax speċifikament is-settur tat-trasport bl-ajru, għandu jiġi rrilevat li r-rikorrenti tilmenta dwar allegata restrizzjoni għal-libertà ta’ stabbiliment u għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi prinċipalment fis-settur tat-trasport bl-ajru. F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li, skont l-Artikolu 58(1) TFUE, il-libertà li jiġu pprovduti servizzi, fil-qasam tat-trasport, hija rregolata mid-dispożizzjonijiet tat-titolu dwar it-trasport, jiġifieri t-Titolu VI tat-Trattat FUE. Il-libertà li jiġu pprovduti servizzi fil-qasam tat-trasport hija għalhekk suġġetta, fi ħdan id-dritt primarju, għal sistema legali partikolari (sentenza tat‑18 ta’ Marzu 2014, International Jet Management, C‑628/11, EU:C:2014:171, punt 36). Konsegwentement, l-Artikolu 56 TFUE, li jistabbilixxi l-libertà li jiġu pprovduti servizzi, ma japplikax bħala tali għall-qasam tat-trasport bl-ajru (sentenza tal‑25 ta’ Jannar 2011, Neukirchinger, C‑382/08, EU:C:2011:27, punt 22).

60      Huwa għalhekk unikament abbażi tal-Artikolu 100(2) TFUE li jistgħu jiġu adottati miżuri ta’ liberalizzazzjoni tas-servizzi tat-trasport bl-ajru (sentenza tat‑18 ta’ Marzu 2014, International Jet Management, C‑628/11, EU:C:2014:171, punt 38). Issa, kif ġustament tirrileva r-rikorrenti, il-leġiżlatur tal-Unjoni adotta r-Regolament Nru 1008/2008 tal‑24 ta’ Settembru 2008 dwar regoli komuni għall-operat ta’ servizzi ta’ l-ajru fil-Komunità (ĠU 2008, L 293, p. 3) abbażi ta’ din id-dispożizzjoni, li għandha preċiżament l-għan li tiddefinixxi l-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni, fis-settur tat-trasport bl-ajru, tal-prinċipju ta’ libertà li jiġu pprovduti servizzi (ara, b’analoġija, is-sentenza tas‑6 ta’ Frar 2003, Stylianakis, C‑92/01, EU:C:2003:72, punti 23 u 24).

61      Issa, għalkemm huwa minnu li, minħabba d-definizzjoni tal-kopertura tal-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni, ir-rikorrenti hija mċaħħda mill-aċċess għal miżuri ta’ rikapitalizzazzjoni mogħtija mir-Renju ta’ Spanja, hija ma tistabbilixxix kif din l-esklużjoni hija ta’ natura li tiddiswadiha milli tistabbilixxi ruħha fi Spanja jew milli tipprovdi servizzi minn u lejn Spanja. Ir-rikorrenti b’mod partikolari baqgħet ma identifikatx il-punti ta’ fatt jew ta’ liġi li jagħmlu li l-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni tipproduċi effetti restrittivi li jmorru lil hinn minn dawk li jagħtu lok għall-projbizzjoni tal-Artikolu 107(1) TFUE, iżda li, kif ġie deċiż fil-kuntest tal-ewwel żewġ partijiet tal-ewwel motiv, huma madankollu neċessarji u proporzjonati sabiex jiġi rrimedjat id-disturb serju tal-ekonomija Spanjola kkawżat mill-pandemija tal-COVID-19, konformement mar-rekwiżiti tal-Artikolu 107(3)(b) TFUE.

62      Barra minn hekk, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni vverifikat jekk l-implimentazzjoni tal-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni kinitx kompatibbli mal-libertajiet fundamentali ta’ moviment u b’mod partikolari mal-moviment liberu tal-kapital u mal-libertà ta’ stabbiliment. F’dan ir-rigward, hija rrilevat li ebda wieħed mill-kriterji ta’ eliġibbiltà, u b’mod partikolari dawk relatati mal-importanza sistemika jew strateġika tal-benefiċjarji għall-ekonomija Spanjola u għall-fatt li l-postijiet prinċipali tan-negozju tagħhom għandhom ikunu fi Spanja, ma jista’ jiġi interpretat jew applikat bħala li jissuġġetta l-benefiċċju tal-għajnuna għaċ-ċaqliq lejn Spanja tan-negozju tagħhom imwettaq fi Stat Membru ieħor (punti 46, 59 u 60 tad-deċiżjoni kkontestata). Ir-rikorrenti ma tikkontestax din l-evalwazzjoni.

63      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha jirriżulta li l-ebda parti tal-ewwel motiv ma tista’ tintlaqa’ u, għaldaqstant, li l-imsemmi motiv għandu jiġi miċħud.

 Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ bbilanċjar tal-effetti benefiċi tal-għajnuna mal-effetti negattivi tagħha fuq il-kundizzjonijiet tal-kummerċ u fuq iż-żamma ta’ kompetizzjoni mhux distorta

64      L-ewwel nett, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni ma ssodisfatx l-obbligu tagħha, meta hija teżamina l-kompatibbiltà ta’ għajnuna, li tibbilanċja l-effetti pożittivi mistennija minnha f’termini ta’ twettiq tal-għanijiet stabbiliti fl-Artikolu 107(3)(b) TFUE mal-effetti negattivi tagħha f’termini ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni u ta’ effett fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri, li jikkostitwixxi żball manifest ta’ evalwazzjoni tal-fatti u għalhekk motiv suffiċjenti għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata. It-tieni nett, il-Qafas Temporanju jorbot lill-Kummissjoni u jikkostitwixxi t-tieni bażi legali distinta li timponi fuq il-Kummissjoni l-obbligu li twettaq dan l-ibbilanċjar. It-tielet nett, fil-każ li l-Qafas Temporanju jiġi interpretat fis-sens li ma jipprevedix tali obbligu ta’ bbilanċjar, ir-rikorrenti tqajjem eċċezzjoni ta’ illegalità fir-rigward tiegħu skont l-Artikolu 277 TFUE, minħabba li l-imsemmi qafas ikun għalhekk kuntrarju għall-Artikolu 107(3)(b) TFUE.

65      Il-Kummissjoni, sostnuta mir-Renju ta’ Spanja u mir-Repubblika Franċiża, tikkontesta dan l-argument.

66      Skont l-Artikolu 107(3)(b) TFUE: “[i]t-tipi ta’ għajnuna li ġejjin jistgħu jkunu kunsidrati bħala kompatibbli mas-suq intern: għajnuna maħsuba […] sabiex tirrimedja taħwid serju fl-ekonomija ta’ Stat Membru.” Mill-formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni jirriżulta li l-awturi tagħha kkunsidraw li kien fl-interess tal-Unjoni kollu li wieħed jew l-ieħor mill-Istati Membri tagħha jkun f’pożizzjoni li jegħleb kriżi kbira, jew saħansitra eżistenzjali, li seta’ biss ikollu konsegwenzi serji fuq l-ekonomija tal-Istati Membri l-oħra kollha jew parti minnhom, u għalhekk fuq l-Unjoni bħala tali. Din l-interpretazzjoni testwali tal-kliem tal-Artikolu 107(3)(b) TFUE hija kkonfermata mill-paragun tiegħu mal-Artikolu 107(3)(c) TFUE, li jikkonċerna “għajnuna maħsuba sabiex tiffaċilita l-iżvilupp ta’ ċerti attivitajiet jew ta’ ċerti reġjuni ekonomiċi, basta dik l-għajnuna ma tfixkilx il-kondizzjonijiet tal-kummerċ sa grad li jkun kuntrarju għall-interess komuni”, sa fejn il-formulazzjoni ta’ din l-aħħar dispożizzjoni tinkludi kundizzjoni, relatata mal-wiri ta’ assenza ta’ bidla fil-kundizzjonijiet tal-kummerċ sa grad li jmur kontra l-interess komuni, li ma jidhirx fl-Artikolu 107(3)(b) TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑22 ta’ Settembru 2020, L-Awstrija vs Il-Kummissjoni, C‑594/18 P, EU:C:2020:742, punti 20 u 39).

67      Għalhekk, sakemm il-kundizzjonijiet stabbiliti mill-Artikolu 107(3)(b) TFUE jkunu ssodisfatti, jiġifieri, f’dan il-każ, li l-Istat Membru kkonċernat ikun effettivament ikkonfrontat b’disturb serju tal-ekonomija tiegħu u l-għajnuna adottata sabiex jiġi rrimedjat dan id-disturb tkun, minn naħa, neċessarja għal dan il-għan u, min-naħa l-oħra, xierqa u proporzjonata, l-imsemmija miżuri huma preżunti li jiġu adottati fl-interess tal-Unjoni, b’tali mod li ma huwiex meħtieġ minn din id-dispożizzjoni li l-Kummissjoni tibbilanċja l-effetti benefiċi tal-għajnuna mal-effetti negattivi tagħha fuq il-kundizzjonijiet tal-kummerċ u fuq iż-żamma ta’ kompetizzjoni mhux distorta, għall-kuntrarju ta’ dak li huwa stabbilit fl-Artikolu 107(3)(c) TFUE. Fi kliem ieħor, tali bbilanċjar ma jkunx iġġustifikat fil-kuntest tal-Artikolu 107(3)(b) TFUE, peress li r-riżultat tiegħu huwa preżunt pożittiv. Il-fatt li Stat Membru jirnexxielu jirrimedja għal disturb serju fl-ekonomija tiegħu jista’ biss jibbenefika lill-Unjoni b’mod ġenerali u b’mod partikolari lis-suq intern.

68      Għandu għalhekk jiġi kkonstatat li ma huwiex meħtieġ mill-Artikolu 107(3)(b) TFUE li l-Kummissjoni tibbilanċja l-effetti benefiċi tal-għajnuna mal-effetti negattivi tagħha fuq il-kundizzjonijiet tal-kummerċ u fuq iż-żamma ta’ kompetizzjoni mhux distorta, għall-kuntrarju ta’ dak li huwa previst mill-Artikolu 107(3)(c) TFUE, iżda biss li hija tivverifika jekk l-għajnuna inkwistjoni hijiex neċessarja, xierqa u proporzjonata sabiex tirrimedja d-disturb serju tal-ekonomija tal-Istat Membru kkonċernat. Konsegwentement, għandu jiġi miċħud l-argument tar-rikorrenti li l-obbligu ta’ bbilanċjar jirriżulta min-natura eċċezzjonali tal-għajnuna kompatibbli, inkluża dik iddikjarata bħala kompatibbli skont l-Artikolu 107(3)(b) TFUE. Għall-istess raġunijiet, hija ma tistax tinvoka s-sentenza tad-19 ta’ Settembru 2018, HH Ferries et vs Il-Kummissjoni (T‑68/15, EU:T:2018:563, punti 210 sa 214), sa fejn il-Qorti Ġenerali ma ħaditx inkunsiderazzjoni fiha l-konsegwenzi tad-differenza fil-formulazzjoni bejn l-Artikolu 107(3)(b) u l-Artikolu 107(3)(c) TFUE, enfasizzata mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tat‑22 ta’ Settembru 2020, L-Awstrija vs Il-Kummissjoni (C‑594/18 P, EU:C:2020:742, punti 20 u 39).

69      Ir-rikorrenti lanqas ma tista’ tinvoka n-natura obbligatorja ta’ bbilanċjar abbażi tal-Qafas Temporanju, bl-argument li dan jorbot lill-Kummissjoni u jipprovdi għal bażi oħra li hija distinta mill-obbligu ta’ din tal-aħħar f’dan ir-rigward, peress li tali obbligu ma jinsabx fil-Qafas Temporanju. B’mod partikolari, il-punt 1.2 tal-imsemmi qafas li tirreferi għalih ir-rikorrenti, dwar “[i]l-ħtieġa ta’ koordinazzjoni Ewropea eqreb tal-miżuri nazzjonali ta’ għajnuna” fih paragrafu wieħed biss, il-punt 10, li ma jinkludi l-ebda provvediment f’dan ir-rigward. Fir-rigward tal-paragrafu 16a tal-imsemmi qafas, invokat ukoll mir-rikorrenti, l-ibbilanċjar imsemmi fl-imsemmi punt jikkonċerna l-applikazzjoni tal-Artikolu 107(3)(c) TFUE u mhux dik tal-Artikolu 107(3)(b) TFUE. Għaldaqstant, ir-rikorrenti ma tistax tinvokah.

70      Għaldaqstant, peress li l-Artikolu 107(3)(b) TFUE ma jeżiġix tali bbilanċjar, dan ma huwiex kuntrarju għall-Qafas Temporanju, li lanqas ma jimponi tali bbilanċjar, b’tali mod li l-eċċezzjoni ta’ illegalità għandha wkoll tiġi miċħuda.

71      It-tieni motiv għandu għaldaqstant jiġi miċħud bħala infondat.

 Fuq it-tielet motiv, ibbażat, essenzjalment, fuq il-klassifikazzjoni żbaljata tal-għajnuna bħala skema ta’ għajnuna

72      Ir-rikorrenti ssostni, essenzjalment, li l-Kummissjoni wettqet żball ta’ liġi meta kklassifikat il-miżura inkwistjoni bħala skema ta’ għajnuna. Fil-fehma tagħha, il-kriterji ta’ eliġibbiltà huma vagi u astratti, b’tali mod li l-awtoritajiet Spanjoli inkarigati mill-għażla sussegwenti tal-benefiċjarji għandhom marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’. Barra minn hekk, il-kompożizzjoni tal-Bord tad-Diretturi turi li s-selezzjoni tal-benefiċjarji hija purament politika, fl-assenza ta’ mezzi tekniċi li jippermettu li tiġi ddefinita l-kwalità tal-benefiċjarju potenzjali tal-għajnuna. Issa, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti Ġenerali (sentenza tal‑14 ta’ Frar 2019, il-Belġju u Magnetrol International vs Il-Kummissjoni, T‑131/16 u T‑263/16, taħt appell, EU:T:2019:91), miżura tiġi kklassifikata bħala skema ta’ għajnuna meta l-awtoritajiet nazzjonali inkarigati mill-implimentazzjoni tagħha ma jkollhomx marġni ta’ diskrezzjoni fir-rigward tad-determinazzjoni tal-elementi essenzjali tal-għajnuna inkwistjoni u fir-rigward tal-opportunità tal-għoti tagħha, li ma huwiex il-każ hawnhekk.

73      Il-Kummissjoni u r-Renju ta’ Spanja jikkontestaw l-argumenti tar-rikorrenti.

74      Mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-għajnuna inkwistjoni ġiet ikklassifikata bħala skema ta’ għajnuna u mhux bħala għajnuna individwali (punt 1 tad-deċiżjoni kkontestata).

75      Skont l-Artikolu 1(d) tar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/1589 tat‑13 ta’ Lulju 2015 li jistabblixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 108 tat-[TFUE] (ĠU 2015, L 248, p. 9), skema ta’ għajnuna “tfisser kull att li fuq il-bażi tiegħu, mingħajr ma jkunu meħtieġa miżuri ta’ implimentazzjoni oħra, jistgħu jingħataw għajnuniet individwali lill-impriżi li jkunu definiti fl-att b’mod ġenerali u astratt u kull att li fuq il-bażi tiegħu għajnuna li ma tkunx konnessa ma’ proġett speċifiku tista’ tingħata lil waħda jew ħafna impriżi għal perjodu ta’ żmien indefinit u/jew għal ammont indefinit”.

76      F’dan il-każ, huwa paċifiku li l-għajnuna inkwistjoni ma hijiex marbuta ma’ proġett speċifiku u ma tingħatax għal perijodu indeterminat jew għal ammont indeterminat fis-sens tat-tieni ipoteżi msemmija fl-Artikolu 1(d) tar-Regolament 2015/1589, b’tali mod li din it-tieni ipoteżi hija irrilevanti f’dan il-każ.

77      F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi vverifikat jekk l-għajnuna inkwistjoni tikkostitwixxix skema ta’ għajnuna fis-sens tal-ewwel ipoteżi msemmija fl-Artikolu 1(d) ta’ dan ir-regolament.

78      Hija ġurisprudenza stabbilita li, fil-każ speċifiku ta’ skema ta’ għajnuna, il-Kummissjoni tista’ tillimita ruħha għall-eżami tal-karatteristiċi tal-iskema inkwistjoni sabiex tevalwa, fil-motivi tad-deċiżjoni, jekk, minħabba l-modalitajiet previsti minn din l-iskema, din tal-aħħar tiżgurax vantaġġ għall-benefiċjarji meta mqabbla mal-kompetituri tagħhom u jekk hijiex ta’ natura li tagħti vantaġġ lil impriżi li jipparteċipaw fil-kummerċ bejn l-Istati Membri. Għaldaqstant, il-Kummissjoni, f’deċiżjoni li tirrigwarda tali skema, ma hijiex obbligata twettaq analiżi tal-għajnuna mogħtija f’kull każ individwali fuq il-bażi ta’ tali skema. Huwa biss fl-istadju tal-irkupru tal-għajnuna li jkun neċessarju li tiġi vverifikata s-sitwazzjoni individwali ta’ kull impriża kkonċernata (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad‑9 ta’ Ġunju 2011, Comitato “Venezia vuole vivere” et vs Il-Kummissjoni, C‑71/09 P, C‑73/09 P u C‑76/09 P, EU:C:2011:368, punt 63; tat‑13 ta’ Ġunju 2013, HGA et vs Il-Kummissjoni, C‑630/11 P sa C‑633/11 P, EU:C:2013:387, punt 114; tad‑29 ta’ Lulju 2019, Azienda Napoletana Mobilità, C‑659/17, EU:C:2019:633, punt 27 u tal‑4 ta’ Marzu 2021, Il-Kummissjoni vs Fútbol Club Barcelona, C‑362/19 P, EU:C:2021:169, punt 65).

79      Għaldaqstant, fil-każ ta’ tali skema ta’ għajnuna, għandha ssir distinzjoni bejn l-adozzjoni ta’ din l-iskema, minn naħa, u l-għoti ta’ għajnuna fuq il-bażi tal-imsemmija skema, min-naħa l-oħra (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑8 ta’ Diċembru 2011, France Télécom vs Il-Kummissjoni, C‑81/10 P, EU:C:2011:811, punt 22 u tal‑4 ta’ Marzu 2021, Il-Kummissjoni vs Fútbol Club Barcelona, C‑362/19 P, EU:C:2021:169, punt 66).

80      Barra minn hekk, l-Avukata Ġenerali Kokott ippreċiżat li l-kunċett ta’ skema fis-sens tal-Artikolu 1(d) tar-Regolament 2015/1589 għandu jiġi interpretat b’mod wiesa’. Fil-fehma tagħha, l-effett utli tal-verifika tal-għajnuna jimmilita favur tali interpretazzjoni wiesgħa, sa fejn l-Artikolu 1(d) ta’ dan ir-regolament jirrigwarda numru kbir ta’ każijiet simili. Issa, l-effettività tal-kompiti tal-Kummissjoni f’dan il-qasam tkun kompromessa jekk l-Istati Membri jew il-persuni kkonċernati jkunu jistgħu jostakolaw il-verifika ta’ skema ta’ għajnuna astratta billi jittrasferixxu din il-verifika mill-isfera leġiżlattiva għal-livell amministrattiv. Il-Kummissjoni jkollha għalhekk teżamina separatament id-deċiżjonijiet kollha, anki jekk ikunu simili (ara, f’dan is-sens, il-konklużjonijiet tal-Avukata Ġenerali Kokott fil-kawża Il-Kummissjoni vs Il-Belġju u Magnetrol International, C‑337/19 P, EU:C:2020:990, punti 64 u 65).

81      Fid-dawl ta’ dan, għandu jiġi vverifikat jekk, konformement mal-formulazzjoni tal-ewwel ipoteżi tal-Artikolu 1(d) tar-Regolament 2015/1589, fl-ewwel lok, id-dispożizzjonijiet tad-dritt Spanjol identifikati mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata bħala li jikkostitwixxu l-bażi legali tal-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni jippermettux minnhom infushom, jiġifieri mingħajr ma jkun hemm bżonn ta’ miżuri supplimentari ta’ implimentazzjoni, l-għoti individwali ta’ għajnuna lil impriżi li jkunu applikaw għaliha u jekk, fit-tieni lok, l-imsemmija dispożizzjonijiet jiddefinixxux b’mod ġenerali u astratt il-benefiċjarji tal-għajnuna.

82      Fl-ewwel lok, għandu jiġi rrilevat li, f’dan il-każ, skont il-punt 7 tad-deċiżjoni kkontestata, il-bażi legali tal-miżura inkwistjoni hija r-Real Decreto-ley 25/2020, de 3 de julio, de medidas urgentes para apoyar la reactivación económica y el empleo (id-Digriet-Liġi Irjali 25/20, tat‑3 ta’ Lulju 2020, dwar il-Miżuri Urġenti ta’ Appoġġ għall-Irkupru Ekonomiku u għall-Impjieg, iktar ’il quddiem ir-“RDL”) u l-Acuerdo del Consejo de Ministros sobre el funcionamiento del Fondo de Apoyo a la Solvencia de las Empresas Estratégicas (il-Ftehim tal-Kunsill tal-Ministri dwar il-Funzjonament tal-Fond ta’ Appoġġ għas-Solvenza tal-Impriżi Strateġiċi, iktar il quddiem l-“ACM”).

83      F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali tikkonstata li r-RDL u l-ACM jikkostitwixxu atti ta’ portata ġenerali li jirregolaw il-karatteristiċi kollha tal-għajnuna inkwistjoni. Konformement mal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 78 iktar ’il fuq, dan jippermetti lill-Kummissjoni tillimita ruħha li teżamina, fil-motivi tad-deċiżjoni kkontestata, il-karatteristiċi ta’ din il-miżura, kif jirriżultaw mill-atti msemmija iktar ’il fuq, u li tivverifika, fuq din il-bażi, jekk l-imsemmija miżura tiżgurax vantaġġ lill-benefiċjarji meta mqabbla mal-kompetituri tagħhom u jekk hijiex ta’ natura li tagħti vantaġġ lil impriżi li jipparteċipaw fil-kummerċ bejn l-Istati Membri, mingħajr ma tkun obbligata li twettaq analiżi tal-għajnuna mogħtija f’kull każ individwali abbażi ta’ din l-iskema.

84      Fil-fatt, ir-RDL u l-ACM jirregolaw il-forma tal-għajnuna, l-ammont tagħha, il-perijodu ta’ applikabbiltà tagħha, il-kriterji ta’ eliġibbiltà tal-benefiċjarji kif ukoll il-korpi inkarigati bl-applikazzjoni tagħha u l-proċedura li għandha tiġi segwita.

85      Għalhekk, fir-rigward tal-forma tal-għajnuna, mill-Artikolu 3(1) u (3) tal-Anness II tal-ACM jirriżulta li l-għajnuna tista’ tieħu l-forma ta’ self parteċipattiv, ta’ dejn ibridu jew ta’strumenti oħra li jistgħu jinbidlu f’kapital proprju (“strumenti kapitali ibridi”), ta’ sottoskrizzjonijiet ta’ azzjonijiet (“strumenti ta’ ekwità”), ta’ self subordinat jew ta’ strument ieħor ta’ kapital (paragrafu 15 tad-deċiżjoni kkontestata). Fir-rigward tal-baġit totali tal-għajnuna, dan huwa ffissat, skont l-Artikolu 2(3) tar-RDL, għal EUR 10 biljun, filwaqt li, skont rispettivament il-paragrafu 3 tal-Appendiċi tal-ACM u l-paragrafu 4.1 tal-Anness II tal-ACM, l-ammont minimu tal-għajnuna individwali mogħtija fuq din il-bażi huwa ffissat, bħala prinċipju, għal EUR 25 miljun għal kull benefiċjarju, fejn l-għajnuna ta’ ammont ogħla minn EUR 250 miljun għandha tiġi kkomunikata individwalment lill-Kummissjoni, kif jeżiġi, barra minn hekk, il-paragrafu 51 tal-Qafas Temporanju (punt 14 tad-deċiżjoni kkontestata). Fir-rigward tal-perijodu ta’ applikabbiltà tal-għajnuna inkwistjoni, il-finanzjament tal-Fond jista’ jingħata sa mhux iktar tard mit‑30 ta’ Ġunju 2021, skont l-Appendiċi tal-ACM (punt 10 tad-deċiżjoni kkontestata). L-Artikolu 2 tal-Anness II tal-ACM jipprevedi, barra minn hekk, lista eżawrjenti ta’ tlettax-il kriterju ta’ eliġibbiltà kumulattiv għall-benefiċċju tal-għajnuna. Bl-istess mod, id-dispożizzjonijiet rilevanti tar-RDL u tal-ACM jindikaw il-korpi responsabbli għall-applikazzjoni tal-għajnuna u jirregolaw il-proċedura li għandha tiġi segwita għall-għoti tal-għajnuna. B’mod partikolari, il-Fond huwa amministrat minn Bord tad-Diretturi, li jikkostitwixxi kumitat interministerjali ppresedut mill-President tas-SEPI u kompost, barra minn hekk, minn rappreżentanti tal-Ministeri għall-Ekonomija, għall-Finanzi, għall-Industrija u għall-Enerġija. Is-SEPI hija inkarigata, b’mod partikolari, li tevalwa b’mod partikolari, l-applikazzjonijiet għall-għajnuna, tuża l-fondi u tirreġistra t-titoli akkwistati. Il-Bord tad-Diretturi għandu jiddeċiedi, permezz ta’ riżoluzzjoni, dwar l-eżitu tal-applikazzjonijiet għal għajnuna kif ukoll il-kundizzjonijiet tal-finanzjament mogħti li jkunu preskritti fi ftehim li għandu jiġi ffirmat mal-benefiċjarju. Il-Bord tad-Diretturi għandu jippreżenta l-imsemmija ftehimiet għall-approvazzjoni lill-Kunsill tal-Ministri (punti 8 u 9 tad-deċiżjoni kkontestata).

86      It-tieni nett, fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk id-dispożizzjonijiet tar-RDL u tal-ACM jippermettux l-għoti individwali tal-għajnuna, “mingħajr ma jkunu meħtieġa miżuri ta’ implimentazzjoni oħra”, fis-sens tal-Artikolu 1(d) tar-Regolament 2015/1589, għandu jiġi rrilevat li l-kriterju dwar il-“[…] ħtieġa [ta’] miżuri ta’ implimentazzjoni oħra” jimplika li l-għoti individwali tal-għajnuna jista’ jsir biss permezz ta’ miżuri oħra “supplimentari”, li jiżdiedu mad-dispożizzjonijiet li jistabbilixxu l-għajnuna inkwistjoni, billi jiġu speċifikati jew ikkompletati.

87      F’dan il-każ, il-Qorti Ġenerali tikkonstata li l-Artikolu 2(15) tar-RDL jipprevedi espressament li l-funzjonament, il-mobilizzazzjoni tar-riżorsi u l-likwidazzjoni tal-Fond, kif ukoll il-kriterji ta’ eliġibbiltà u l-proċeduri li għandhom jiġu segwiti għandhom jiġu ddeterminati fl-ACM, “mingħajr il-ħtieġa ta’ dispożizzjoni normattiva ulterjuri”. Kif ikkonferma r-Renju ta’ Spanja waqt is-seduta, mingħajr ma ġie kontradett mir-rikorrenti fuq dan il-punt, ma jeżisti ebda att ieħor, ta’ kwalunkwe natura, li jiżdied mad-dispożizzjonijiet rilevanti tar-RDL u tal-ACM, b’tali mod li jikkompletahom jew jippreċiżahom. Għalhekk, l-għoti individwalizzat tal-għajnuna inkwistjoni jsir biss abbażi tad-dispożizzjonijiet tar-RDL u tal-ACM, mingħajr ma jkun hemm bżonn ta’ miżuri supplimentari ta’ implimentazzjoni.

88      Barra minn hekk, għandu jiġi enfasizzat li s-sempliċi fatt li ċerta proċedura għandha tiġi segwita għall-finijiet tal-għoti individwali tal-għajnuna, li l-impriżi li jixtiequ jibbenefikaw minnha għandhom jagħmlu t-talba u l-korpi inkarigati mill-applikazzjoni tal-għajnuna għandhom jeżaminawha u, jekk ikun il-każ, jagħtu l-kunsens tagħhom, ma jimplikax l-eżistenza ta’ miżuri supplimentari ta’ implimentazzjoni fis-sens tal-Artikolu 1(d) tar-Regolament 2015/1589.

89      Barra minn hekk, ir-rikorrenti ma tidentifika ebda miżura ta’ applikazzjoni supplimentari fis-sens tal-Artikolu 1(d) tar-Regolament 2015/1589, li tikkompleta jew tippreċiża d-dispożizzjonijiet rilevanti tar-RDL u tal-ACM.

90      Għaldaqstant, għandu jiġi konkluż li d-dispożizzjonijiet tad-dritt Spanjol identifikati mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata bħala l-bażi legali tal-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni waħidhom jippermettu, jiġifieri mingħajr ma jkun hemm bżonn ta’ miżuri supplimentari ta’ implimentazzjoni, l-għoti individwali tal-għajnuna lil impriżi li jkunu applikaw għalihom.

91      Fit-tieni lok, fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk l-imsemmija dispożizzjonijiet jiddefinixxux b’mod ġenerali u astratt il-benefiċjarji tal-għajnuna, il-Qorti Ġenerali tikkonstata li l-benefiċjarji tal-għajnuna inkwistjoni ma humiex imsemmija b’isimhom, iżda huma ddefiniti, skont l-Artikolu 2 tal-Anness II tal-ACM, abbażi ta’ lista eżawrjenti ta’ tlettax-il kriterju kumulattiv ta’ applikazzjoni ġenerali, li wħud minnhom ġew miġbura fil-qosor fil-punt 4 iktar ’il fuq.

92      Minn dan isegwi li d-dispożizzjonijiet tal-ACM jiddefinixxu b’mod ġenerali u astratt il-benefiċjarji tal-għajnuna, fatt li, barra minn hekk, ma huwiex ikkontestat mir-rikorrenti.

93      Barra minn hekk, waqt is-seduta, fuq il-kwistjoni dwar jekk, fil-fehma tagħha, l-għajnuna inkwistjoni kellhiex tiġi kklassifikata bħala miżura individwali u mhux bħala skema ta’ għajnuna, ir-rikorrenti wieġbet li din l-għajnuna la hija waħda u lanqas l-oħra, iżda li hija tip ta’ għajnuna “sui generis” jew “indefinibbli”. Madankollu, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat f’dan ir-rigward li, għalkemm ir-Regolament 2015/1589 jagħmel distinzjoni bejn l-iskemi ta’ għajnuna u l-għajnuna individwali, huwa ma jipprevedi, għall-kuntrarju, ebda tip ieħor ta’ għajnuna lil hinn minn dawn iż-żewġ kategoriji ta’ għajnuna (ara, f’dan is-sens, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Wathelet fil-kawża Il-Kummissjoni vs Franza u IFP Énergies nouvelles, C‑438/16 P, EU:C:2017:951, punti 79 u 80).

94      Konsegwentement, il-Qorti Ġenerali tikkonkludi li l-kundizzjonijiet previsti mill-Artikolu 1(d) tar-Regolament 2015/1589 huma ssodisfatti, b’tali mod li l-Kummissjoni setgħet tikklassifika, mingħajr ma twettaq żball ta’ liġi, l-għajnuna inkwistjoni bħala skema ta’ għajnuna.

95      Din il-konklużjoni ma tistax tiġi kkontestata mill-eżempji ċċitati mir-rikorrenti.

96      L-ewwel nett, l-argument tar-rikorrenti bbażat fuq il-kompożizzjoni tal-Bord tad-Diretturi tal-Fond sabiex issostni li l-għażla tal-benefiċjarji hija purament waħda politika u li l-imsemmi bord huwa nieqes minn mezzi tekniċi li jippermettulu jiddefinixxi l-kwalità tal-benefiċjarju potenzjali tal-għajnuna huwa infondant fil-fatti. Fil-fatt, jirriżulta b’mod partikolari mill-Artikolu 2 tal-Anness II tal-ACM li l-applikazzjonijiet għal għajnuna huma, qabelxejn, eżaminati u evalwati mis-SEPI, li tivverifika, bl-assistenza ta’ esperti indipendenti, li l-kriterji kollha ta’ eliġibbiltà jkunu ssodisfatti u li l-informazzjoni ppreżentata mill-applikanti tkun vera u suffiċjenti. Għaldaqstant, din hija evalwazzjoni teknika tal-applikazzjonijiet għal għajnuna, magħmula mis-SEPI, li tikkostitwixxi stadju indispensabbli tal-proċedura għall-għoti tal-għajnuna. Issa, ir-rikorrenti tinjora dan l-istadju tal-proċedura. Għaldaqstant, hija ma tistax validament issostni li l-imsemmija proċedura ma hija bbażata fuq ebda mezz tekniku li jippermetti li tiġi ddefinita l-kwalità tal-benefiċjarju potenzjali tal-għajnuna.

97      Barra minn hekk, is-sempliċi fatt li l-Bord tad-Diretturi huwa kompost minn rappreżentanti ta’ ministeri differenti inkarigati li jieħdu deċiżjonijiet fil-qasam ikkonċernat bl-ebda mod ma jostakola l-klassifikazzjoni tal-miżura inkwistjoni bħala skema ta’ għajnuna. Minn naħa, huwa kompletament normali, fid-dawl tal-implikazzjonijiet baġitarji inkwistjoni għall-Istat Spanjol u tad-disturb serju tal-ekonomija Spanjola li l-għajnuna inkwistjoni hija intiża li tirrimedja, li l-membri tal-imsemmi bord ikunu jokkupaw pożizzjonijiet fi ħdan l-imsemmija ministeri. Min-naħa l-oħra, ikun spekulattiv li jiġi dedott, mill-kompożizzjoni tal-Bord tad-Diretturi biss, li l-għoti tal-għajnuna huwa r-riżultat ta’ opportuniżmu politiku. Fil-fatt, ebda element li għandha l-Qorti Ġenerali ma juri li dan huwa l-każ. Għall-kuntrarju, kif enfasizza r-Renju ta’ Spanja, id-deċiżjonijiet tal-Bord tad-Diretturi, kif ukoll l-approvazzjoni sussegwenti tal-Kunsill tal-Ministri, jittieħdu abbażi tal-evalwazzjoni teknika tal-applikazzjonijiet, magħmula mis-SEPI. Barra minn hekk, waqt is-sessjonijiet tiegħu, il-Bord tad-Diretturi jista’ wkoll jiġi assistit mis-servizzi tekniċi tas-SEPI li wettqet l-analiżi u l-evalwazzjoni tal-applikazzjonijiet, kif previst mill-Artikolu 8(3) tal-Anness III tal-ACM.

98      Fi kwalunkwe każ, ir-rikorrenti ma tressaq ebda prova konkreta li tista’ turi li t-teħid ta’ deċiżjonijiet fuq l-applikazzjonijiet għal għajnuna huma determinati abbażi ta’ raġunijiet ta’ opportuniżmu politiku.

99      It-tieni nett, skont ir-rikorrenti, il-kriterji ta’ eliġibbiltà huma vagi u astratti, b’tali mod li l-Bord tad-Diretturi għandu marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ għall-finijiet tal-applikazzjoni tagħhom.

100    Fir-rikors, ir-rikorrenti ma tippreċiżax għal-liema kriterji, fost it-tlettax-il kriterju ta’ eliġibbiltà, hija qegħda tirreferi permezz ta’ dan l-argument. Madankollu, il-qari sħiħ tat-tielet motiv tagħha jagħti x’jifhem li jidher li huwa intiż prinċipalment għall-kriterju dwar l-importanza strateġika u sistemika tal-benefiċjarju tal-għajnuna, li huwa l-uniku kriterju msemmi espressament f’din il-parti tar-rikors, kif ikkonfermat ir-rikorrenti waqt is-seduta.

101    F’dan ir-rigward, għandu, qabel kollox, jiġi enfasizzat li hija n-natura stess ta’ skema ta’ għajnuna li l-kriterji ta’ eliġibbiltà jkunu fformulati b’mod ġenerali u astratt, b’tali mod li jkunu jistgħu jiġu applikati għal numru indefinit ta’ benefiċjarji. Dan jgħodd iktar u iktar fir-rigward ta’ għajnuna, bħal dik inkwistjoni, li hija applikabbli għall-ekonomija kollha ta’ Stat Membru.

102    Sussegwentement, l-imsemmi kriterju jelenka diversi indikazzjonijiet konkreti li jistgħu jippreċiżaw u jidentifikaw l-applikazzjoni tiegħu, bħalma huma, b’mod partikolari, l-appartenenza tal-impriża inkwistjoni għas-setturi tas-saħħa pubblika jew tas-sigurtà pubblika, ir-rwol tagħha fit-twettiq tal-għanijiet fuq perijodu ta’ żmien medju ta’ tranżizzjoni ekoloġika jew ta’ diġitalizzazzjoni, l-impriżi innovattivi, jew ukoll impriżi li jipprovdu servizzi ta’ natura essenzjali.

103    Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti lanqas ma tista’ tislet argument mis-sentenza tal‑14 ta’ Frar 2019, Il-Belġju u Magnetrol International vs Il-Kummissjoni (T‑131/16 u T‑263/16, taħt appell, EU:T:2019:91, punt 87). Fil-fatt, minn naħa, il-kawża li tat lok għal din is-sentenza kienet ikkaratterizzata mill-fatt li l-parti l-kbira tal-elementi essenzjali tal-għajnuna inkwistjoni ma kinux jirriżultaw mill-atti tad-dritt Belġjan li fuqhom kienet ibbażata l-imsemmija miżura. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti Ġenerali eżaminat jekk il-Kummissjoni kinitx stabbilixxiet b’mod suffiċjenti fid-dritt, l-eżistenza ta’ approċċ sistematiku min-naħa tal-amministrazzjoni Belġjana li seta’ huwa stess jiġi kklassifikat bħala skema ta’ għajnuna. Issa, b’differenza għal din il-kawża, f’dan il-każ, il-karatteristiċi kollha tal-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni jirriżultaw mill-atti li fuqhom hija bbażata din l-iskema (ara l-punti 84 sa 87 iktar ’il fuq), li, barra minn hekk, ma hija bl-ebda mod ibbażata fuq approċċ sistematiku min-naħa tal-amministrazzjoni, kwistjoni li lanqas titqajjem f’din il-kawża.

104    Min-naħa l-oħra, u fi kwalunkwe każ, il-kundizzjoni stabbilita mill-Qorti Ġenerali fil-punt 87 tas-sentenza tal‑14 ta’ Frar 2019, Il-Belġju u Magnetrol International vs Il-Kummissjoni (T‑131/16 u T‑263/16, taħt appell, EU:T:2019:91), li għaliha tirreferi r-rikorrenti u li, sabiex għajnuna tiġi kklassifikata bħala skema ta’ għajnuna, l-awtoritajiet responsabbli mill-applikazzjoni tal-imsemmija skema ma għandhomx ikollhom marġni ta’ diskrezzjoni fir-rigward tad-determinazzjoni tal-elementi essenzjali tal-għajnuna inkwistjoni u fir-rigward tal-opportunità tal-għoti tagħha, hija ssodisfatta f’dan il-każ.

105    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li din il-kundizzjoni hija intiża, fir-realtà, li tiżgura li d-dispożizzjonijiet li jistabbilixxu l-għajnuna inkwistjoni jkunu jinkludu l-elementi rilevanti kollha għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà tagħha mas-suq intern, li teżenta lill-Kummissjoni mill-ħtieġa li twettaq analiżi tal-għajnuna mogħtija f’kull każ individwali, kif previst mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 78 iktar ’il fuq. Fil-fatt, li kieku l-awtoritajiet nazzjonali kellhom marġni ta’ diskrezzjoni li jippermettilhom jiddeterminaw, jemendaw, iżidu jew jidderogaw mill-elementi essenzjali tal-għajnuna inkwistjoni, il-Kummissjoni ma tkunx f’pożizzjoni li tevalwa l-kompatibbiltà tagħha mas-suq intern mingħajr ma teżamina l-kundizzjonijiet konkreti tal-għoti f’kull każ individwali.

106    Dan madankollu ma huwiex il-każ hawnhekk. Kif ġie rrilevat fil-punt 80 iktar ’il fuq, l-Artikolu 2 tal-Anness II tal-ACM jinkludi l-lista eżawrjenti tal-kriterji ta’ eliġibbiltà li għandhom jiġu ssodisfatti kumulattivament. L-awtoritajiet inkarigati mill-implimentazzjoni ta’ din l-iskema ma jistgħu għalhekk la jżidu kriterji oħra ta’ eliġibbiltà, la jidderogaw minnha, u lanqas, barra minn hekk, jemendaw il-kontenut tagħha. Għalhekk, huma marbuta li jagħtu l-għajnuna meta l-kriterji kollha jkunu osservati u sakemm il-baġit totali tal-miżura ma jkunx eżawrit, jew li jirrifjutaw l-għoti tal-għajnuna meta wieħed minn dawn il-kriterji ma jkunx issodisfatt. F’dan ir-rigward, huma għalhekk ma għandhom l-ebda marġni ta’ diskrezzjoni, iżda jaġixxu fil-kuntest ta’ kompetenza limitata.

107    Ċertament, waqt l-evalwazzjoni ta’ wħud mill-kriterji ta’ eliġibbiltà, bħal dak relatat mal-importanza strateġika jew sistemika tal-impriża inkwistjoni, l-awtoritajiet responsabbli mill-implimentazzjoni tal-iskema inkwistjoni jistgħu jintalbu jwettqu evalwazzjonijiet, kultant kumplessi, ta’ numru kbir ta’ fatturi rilevanti. Madankollu, il-fatt li tali evalwazzjonijiet għandhom isiru ma jostakolax, bħala tali, il-klassifikazzjoni tal-miżura inkwistjoni bħala skema ta’ għajnuna fis-sens tal-Artikolu 1(d) tar-Regolament 2015/1589, fid-dawl, minn naħa, tal-kriterji ta’ eliġibbiltà espressament stabbiliti fid-dispożizzjonijiet li jistabbilixxu l-għajnuna li l-awtoritajiet nazzjonali ma jistgħux jidderogaw minnhom, li ma jistgħux jibdlu l-kontenut tagħhom jew li għalihom huma ma jistgħux iżidu oħrajn u, min-naħa l-oħra, tal-fatt li l-imsemmija kriterji ta’ eliġibbiltà, li wħud minnhom ġew indikati fil-punt 4 iktar ’il fuq, jagħtu fihom infushom indizji konkreti li jiggwidaw l-evalwazzjonijiet li l-awtoritajiet nazzjonali għandhom iwettqu.

108    Fir-rikors tagħha, ir-rikorrenti tikkritika wkoll il-paragrafu 21 tad-deċiżjoni kkontestata minħabba li “s-setgħa tal-Bord tad-Diretturi li jiddeċiedi f’kull każ dwar il-portata tad-deċiżjonijiet ta’ impriża suġġetti għal awtorizzazzjoni minn qabel, li huma inklużi fil-ftehim dwar l-għajnuna finanzjarja pubblika temporanja hija wkoll nieqsa minn kull kriterju oġġettiv”. Madankollu, dan l-argument jirriżulta minn qari parzjali tad-deċiżjoni kkontestata. Fil-fatt, fil-paragrafu 20 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni rrilevat li, meta jakkwista azzjonijiet, l-Istat għandu drittijiet ta’ veto f’dak li jikkonċerna ċerti deċiżjonijiet strateġiċi tal-impriża. Il-Kummissjoni madankollu enfasizzat li l-eżerċizzju tal-imsemmija drittijiet ta’ veto huwa strettament limitat għall-għan ta’ ritorn għall-vijabbiltà tal-benefiċjarju kif ukoll għal kwistjonijiet suġġetti għal awtorizzazzjoni amministrattiva, bħat-tkeċċija ta’ ħaddiema, l-għażla tal-metodi ta’ produzzjoni li jniġġsu inqas jew anki s-soluzzjonijiet ta’ diġitalizzazzjoni. L-imsemmija setgħa tal-Bord tad-Diretturi ma hijiex, konsegwentement, “nieqsa minn kull kriterju oġġettiv”, kif tqis ir-rikorrenti.

109    Waqt is-seduta, ir-rikorrenti żiedet ukoll li l-awtoritajiet Spanjoli għandhom marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ fir-rigward tad-determinazzjoni tal-ammont u tal-forma tal-għajnuna. Madankollu, dan l-argument ma ġiex invokat fir-rikors u r-rikorrenti ma ppreżentat l-ebda ġustifikazzjoni għall-preżentazzjoni tardiva tagħha. Lanqas ma jista’ jitqies bħala estensjoni tat-tielet motiv, li fil-kuntest tiegħu r-rikorrenti ssemmi biss l-allegat marġni ta’ diskrezzjoni tal-awtoritajiet Spanjoli fir-rigward tal-għażla tal-benefiċjarji u s-setgħa tal-Bord tad-Diretturi li jiddeċiedu dwar il-portata tad-deċiżjonijiet ta’ impriża suġġetti għal awtorizzazzjoni minn qabel. Għalhekk dan għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑1 ta’ Frar 2007, Sison vs Il-Kunsill, C‑266/05 P, EU:C:2007:75, punt 95; tas‑16 ta’ Settembru 2020, BP vs FRA, C‑669/19 P, mhux ippubblikata, EU:C:2020:713, punt 15, u tas‑27 ta’ Settembru 2012, Ballast Nedam Infra vs Il-Kummissjoni, T‑362/06, EU:T:2012:492, punt 137).

110    It-tielet nett, fir-rikors, ir-rikorrenti ssostni wkoll li “l-Kummissjoni Ewropea ċaħdet lilha nnifisha mid-diskrezzjoni tagħha fil-monitoraġġ tal-għajnuna mill-Istat u wettqet żball ta’ liġi billi awtorizzat lil Spanja teżerċita diskrezzjoni l-għażla tal-benefiċjarji tal-iskema ta’ għajnuna”. Mistoqsija, waqt is-seduta, dwar il-portata eżatta ta’ dan l-argument, minn naħa, ir-rikorrenti ammettiet li dan kien jikkoinċidi ma’ dak li jirrigwarda l-klassifikazzjoni tal-miżura inkwistjoni bħala skema ta’ għajnuna. Min-naħa l-oħra, hija żiedet li, permezz tal-imsemmi argument, hija akkużat lill-Kummissjoni b’użu ħażin ta’ poter. Madankollu, użu ħażin ta’ poter eventwali jikkostitwixxi motiv distint ta’ dritt, li ma tqajjimx fir-rikors u ma jistax, għaldaqstant, jitqajjem, mingħajr ebda ġustifikazzjoni, għall-ewwel darba waqt is-seduta. Tali motiv ġdid huwa għalhekk tardiv u inammissibbli, skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 109 iktar ’il fuq.

111    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, it-tielet motiv għandu jiġi miċħud bħala infondat.

 Fuq ir-raba’ motiv, ibbażat fuq ksur tad-drittijiet proċedurali tar-rikorrenti

112    Ir-raba’ motiv, dwar il-protezzjoni tad-drittijiet proċedurali tar-rikorrenti minħabba l-assenza ta’ ftuħ ta’ proċedura ta’ investigazzjoni formali mill-Kummissjoni minkejja l-eżistenza allegata ta’ dubji serji, għandu, fir-realtà, natura sussidjarja, fil-każ fejn il-Qorti Ġenerali ma tkunx eżaminat l-evalwazzjoni tal-għajnuna bħala tali. Fil-fatt, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li tali motiv huwa intiż li jippermetti lil parti kkonċernata li tiġi kkunsidrata bħala ammissibbli, f’din il-kwalità, li tippreżenta rikors skont l-Artikolu 263 TFUE, li nkella kien ikun rrifjutat lilha (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑24 ta’ Mejju 2011, Il-Kummissjoni vs Kronoply u Kronotex, C‑83/09 P, EU:C:2011:341, punt 48, u tas‑27 ta’ Ottubru 2011, L-Awstrija vs Scheucher-Fleisch et, C‑47/10 P, EU:C:2011:698, punt 44). Issa, il-Qorti Ġenerali eżaminat l-ewwel tliet motivi tar-rikors, relatati mal-evalwazzjoni tal-għajnuna bħala tali, b’tali mod li tali motiv huwa mċaħħad mill-għan indikat tiegħu

113    Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li dan il-motiv huwa nieqes minn kontenut awtonomu. Fil-fatt, fil-kuntest ta’ tali motiv, ir-rikorrenti tista’ tinvoka, għall-finijiet taż-żamma tad-drittijiet proċedurali li hija tibbenefika minnhom fil-kuntest tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali, biss motivi ta’ natura li juri li l-evalwazzjoni tal-informazzjoni u tal-elementi li l-Kummissjoni kellha jew seta’ jkollha, waqt il-fażi preliminari ta’ investigazzjoni tal-miżura nnotifikata, kellha tqajjem dubji fir-rigward tal-kompatibbiltà ta’ din tal-aħħar mas-suq intern (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑22 ta’ Diċembru 2008, Régie Networks, C‑333/07, EU:C:2008:764, punt 81; tad‑9 ta’ Lulju 2009, 3F vs Il-Kummissjoni, C‑319/07 P, EU:C:2009:435, punt 35, u tal‑24 ta’ Mejju 2011, Il-Kummissjoni vs Kronoply u Kronotex, C‑83/09 P, EU:C:2011:341, punt 59), bħan-natura insuffiċjenti jew mhux kompluta tal-eżami mwettaq mill-Kummissjoni waqt il-proċedura ta’ investigazzjoni formali jew l-eżistenza ta’ lmenti minn partijiet terzi. Issa, għandu jiġi rrilevat li r-raba’ motiv jirriproduċi b’mod konċiż l-argumenti mqajma fil-kuntest tal-ewwel u tat-tielet motiv mingħajr ma juri elementi speċifiċi dwar eventwali diffikultajiet serji.

114    Għal dawn il-motivi, għandu jiġi kkonstatat li, peress li l-Qorti Ġenerali eżaminat il-mertu tal-imsemmija motivi, ma huwiex neċessarju li tiġi eżaminata l-fondatezza ta’ dan il-motiv.

 Fuq il-ħames motiv, ibbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni

115    Ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni naqset mill-obbligu tagħha ta’ motivazzjoni billi naqset milli tevalwa jekk l-esklużjoni tal-impriżi mhux stabbiliti fi Spanja mill-benefiċċju tal-għajnuna kinitx konformi mal-prinċipji ta’ nondiskriminazzjoni, ta’ libertà li jiġu pprovduti servizzi u ta’ libertà ta’ stabbiliment.

116    Il-Kummissjoni, sostnuta mir-Renju ta’ Spanja u mir-Repubblika Franċiża, titlob li l-ħames motiv jiġi miċħud.

117    Għandu jitfakkar f’dan ir-rigward li, għalkemm il-motivazzjoni ta’ att tal-Unjoni meħtieġa mit-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE għandha turi b’mod ċar u inekwivoku r-raġunament tal-awtur tal-att inkwistjoni b’mod li tippermetti lill-partijiet interessati jsiru jafu l-ġustifikazzjonijiet tal-miżura meħuda u lill-Qorti Ġenerali teżerċita l-istħarriġ tagħha, ma huwiex madankollu meħtieġ li hija tispeċifika l-punti ta’ liġi u ta’ fatt kollha rilevanti. L-osservanza tal-obbligu ta’ motivazzjoni għandha, barra minn hekk, tiġi evalwata mhux biss fid-dawl tal-formulazzjoni tal-att, iżda wkoll tal-kuntest tiegħu kif ukoll tar-regoli ġuridiċi kollha li jirregolaw il-qasam ikkonċernat (ara s-sentenza tas‑7 ta’ Frar 2018, American Express, C‑304/16, EU:C:2018:66, punt 75 u l-ġurisprudenza ċċitata).

118    F’dan il-każ, fir-rigward tan-natura tal-att inkwistjoni, id-deċiżjoni kkontestata ġiet adottata wara l-fażi preliminari ta’ investigazzjoni tal-għajnuna stabbilita mill-Artikolu 108(3) TFUE, li għandha biss l-għan li tippermetti lill-Kummissjoni tasal għal opinjoni preliminari dwar il-kompatibbiltà parzjali jew totali tal-għajnuna kkonċernata, mingħajr ma tinfetaħ il‑proċedura ta’ investigazzjoni formali prevista fil-paragrafu 2 ta’ dan l-artikoli, li, fir-rigward tagħha, hija intiża sabiex tippermetti lill-Kummissjoni jkollha għarfien sħiħ dwar l-informazzjoni kollha marbuta ma’ din l‑għajnuna

119    Issa, tali deċiżjoni, li tittieħed fi żmien qasir, għandha tinkludi biss ir‑raġunijiet għalfejn il-Kummissjoni tikkunsidra li ma jeżistux diffikultajiet serji ta’ evalwazzjoni tal-kompatibbiltà tal-għajnuna kkonċernata mas-suq intern (sentenza tat‑22 ta’ Diċembru 2008, Régie Networks, C‑333/07, EU:C:2008:764, punt 65).

120    Fir-rigward tal-kuntest li minnu tagħmel parti d-deċiżjoni kkontestata, dan huwa kkaratterizzat mill-pandemija tal-COVID-19 u l-urġenza estrema li fiha l-Kummissjoni, qabel kollox, adottat il-Qafas Temporanju, sabiex tipprovdi kemm lill-Istati Membri kif ukoll lill-impriżi milquta mill-konsegwenzi tal-imsemmija pandemija ċertu numru ta’ indikazzjonijiet, sussegwentement, eżaminat il-miżuri li ġew ikkomunikati lilha mill-imsemmija Stati, b’mod partikolari b’applikazzjoni ta’ dan il-qafas, u, fl-aħħar nett, adottat id-deċiżjonijiet relatati ma’ dawn tal-aħħar, fosthom id-deċiżjoni kkontestata. F’dan ir-rigward, mill-punti 1 sa 6 iktar ’il fuq jirriżulta li għaddew biss ħdax-il jum bejn il-komunikazzjoni tal-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni u l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata.

121    Issa, minkejja n-natura tad-deċiżjoni kkontestata u taċ-ċirkustanzi eċċezzjonali li jikkaratterizzaw l-adozzjoni tagħha, għandu jiġi rrilevat li madankollu din tinkludi 92 punt u tippermetti li jinftiehmu l-motivi ta’ fatt u ta’ liġi li abbażi tagħhom il-Kummissjoni ddeċidiet li ma tqajjimx oġġezzjonijiet dwar l-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni. Għalhekk, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni esponiet, anki xi drabi fil-qosor, fid-dawl tal-urġenza, ir-raġunijiet għalfejn l-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni kienet tissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti mill-Artikolu 107(3)(b) TFUE.

122    Fir-rigward, b’mod partikolari, tal-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata fir-rigward tal-esklużjoni tal-impriżi mhux stabbiliti fi Spanja mill-benefiċċju tal-għajnuna, għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha l-okkażjoni tiddeċiedi li l-obbligu ta’ motivazzjoni huwa limitat, bħala prinċipju, għar-raġunijiet għalfejn kategorija partikolari ta’ operaturi tibbenefika minn miżura partikolari, iżda ma timplikax li tiġi ġġustifikata l-esklużjoni tal-operaturi l-oħra kollha li ma jinsabux f’sitwazzjoni paragunabbli. Fil-fatt, peress li n-numru ta’ kategoriji esklużi mill-benefiċċju ta’ miżura huwa potenzjalment illimitat, ma jistax ikun meħtieġ mill-Kummissjoni li tipprovdi motivazzjoni speċifika għal kull waħda minnhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑15 ta’ April 2008, Nuova Agricast, C‑390/06, EU:C:2008:224, punt 81). F’dan il-każ, fir-rigward ta’ skema ta’ għajnuna intiża sabiex tapplika għall-ekonomija sħiħa ta’ Stat Membru, b’tali mod li n-numru ta’ operaturi esklużi mill-benefiċċju ta’ din l-iskema jista’ potenzjalment ikun illimitat, l-obbligu ta’ motivazzjoni tal-Kummissjoni ma jimponix fuqha l-obbligu li teżamina jekk kollha jew uħud mill-operaturi esklużi b’dan il-mod jinsabux f’sitwazzjoni paragunabbli għal dik tal-benefiċjarji tal-għajnuna u li tiġġustifika, jekk ikun il-każ, l-esklużjoni ta’ dawn l-operaturi kollha mill-benefiċċju tal-għajnuna.

123    Barra minn hekk, u fi kwalunkwe każ, peress li d-deċiżjoni kkontestata tesponi, minn naħa, il-karatteristiċi tal-iskema ta’ għajnuna, inklużi l-kriterji ta’ eliġibbiltà għall-benefiċċju tagħha, u, min-naħa l-oħra, anki fil-qosor, ir-raġunijiet għalfejn il-Kummissjoni kkunsidrat li l-imsemmija skema ma kinitx tikser il-libertajiet fundamentali ta’ moviment (ara, b’mod partikolari, il-paragrafi 46, 59 u 60 tad-deċiżjoni kkontestata), hija tippermetti kemm lir-rikorrenti teżerċita d-dritt tagħha għal rimedju effettiv, kif jirriżulta mill-ewwel motiv tagħha, li juri li hija setgħet tifhem il-portata tad-deċiżjoni kkontestata f’dan ir-rigward, kif ukoll lill-Qorti Ġenerali teżerċita l-istħarriġ tagħha.

124    Għaldaqstant, il-ħames motiv għandu jiġi miċħud.

125    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, ir-rikors għandu jiġi miċħud kollu kemm hu.

 Fuq l-ispejjeż

126    Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li r-rikorrenti tilfet, hija għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż tagħha kif ukoll għal dawk sostnuti mill-Kummissjoni, konformement mat-talbiet ta’ din tal-aħħar.

127    Ir-Renju ta’ Spanja u r-Repubblika Franċiża għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom, skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura.

Għal dawn ir-raġunijiet,

IL-QORTI ĠENERALI (L-Għaxar Awla Estiża)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Ryanair DAC hija kkundannata tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha kif ukoll dawk sostnuti mill-Kummissjoni Ewropea.

3)      Ir-Renju ta’ Spanja u r-Repubblika Franċiża għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

Kornezov

Buttigieg

Kowalik-Bańczyk

Hesse

 

      Stancu

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fid-19 ta’ Mejju 2021.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.