Language of document :

Rikors ippreżentat fid-9 ta' Mejju 2007 - Organisation des Modjahedines du peuple d'Iran vs Il-Kunsill (Kawża T-157/07)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: Organisation des Modjahedines du peuple d'Iran (Auvers sur Oise, Franza) (irrappreżentati minn: J.P. Spitzer, avukat, u D. Vaughan QC)

Konvenut: Il-Kunsill ta' l-Unjoni Ewropea

Talbiet tar-rikorrenti

Tannulla d-deċiżjonijiet tal-Kunsill li għadhom fis-seħħ:

li ma tirrevedix fi żmien sitt xhur jew wara d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2006/379 dwar ir-rikorrenti;

li żżomm sa din id-data u wara lir-rikorrenti fuq lista ta' l-organizzazzjonijiet terroristiċi stabbilita bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2006/379 tad-29 ta' Mejju 2006 b'effett mid-data tad-deċiżjoni minkejja s-sentenza ta' din il-Qorti fil-Kawża T-228/02 tat-12 ta' Diċembru 2006 u l-obbligi tal-Kunsill skond l-Artikolu 233 KE.

Tordna lill-konvenut, kif il-Qorti tal-Ġustizzja jidrilha xieraq, sabiex jaġixxi skond l-obbligi legali tiegħu.

Tordna li l-konvenut iħallas lir-rikorrenti danni li jammontaw għal EUR 1 090 000 kif stabbilit fl-Anness 18 (u danni ulterjuri) u l-imgħax.

Tordna li l-konvenut ibati l-ispejjeż tar-rikorrenti.

Motivi u argumenti prinċipali

Ir-rikorrenti titlob l-annullament ta' ċerti ittri mill-Kunsill u tagħmel talba għad-danni billi l-Kunsill ma rrivediex wara sitt xhur il-lista fid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2006/3791 tal-persuni, gruppi u entitajiet li għalihom japplika r-Regolament (KE) Nru 2580/20012 dwar miżuri restrittivi speċifiċi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet bil-għan li jiġi miġġieled it-terroriżmu, jiġifieri l-iffriżar tal-fondi u rizorsi finanzjarji oħra, u billi l-Kunsill żamm lir-rikorrenti fuq din il-lista.

Skond ir-rikorrenti, il-Kunsill kien obbligat jirrevedi l-lista ta' persuni inklużi f'kull lista ta' organizzazzjonijiet terroristiċi u jagħmel dan regolarment u għall-inqas darba kull sitt xhur. Ir-rikorrenti ssostni li l-Kunsill m'għamilx hekk fir-rigward ta' l-inklużjoni ta' l-isem tar-rikorrenti fil-lista ta' l-organizzazzjonijiet terroristiċi.

Ir-rikorrenti ssostni wkoll li, wara s-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tat-12 ta' Diċembru 2006 fil-Kawża T-228/02 Organisation des Modjahedines du peuple d'Iran vs Il-Kunsill, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, il-Kunsill kien obbligat ineħħi l-isem tar-rikorrenti minn din il-lista.

____________

1 - Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2006/379/KE tad-29 ta' Mejju 2006 li timplementa l-Artikolu 2(3) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2580/2001 dwar miżuri restrittivi speċifiċi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet bil-għan li jiġi miġġieled it-terroriżmu u li tħassar id-Deċiżjoni 2005/930/KE (ĠU 2006 L 144, p. 21).

2 - Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2580/2001 tas-27 ta' Diċembru 2001, dwar miżuri restrittivi speċifiċi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet bil-għan li jiġi miġġieled it-terroriżmu (ĠU 2001 L 344, p. 70).