Language of document :

Rikors ippreżentat fit-23 ta' Marzu 2010 - Pieno žvaigždės vs UASI - Fattoria Scaldasole (Iogurt.)

(Kawża T-135/10)

Lingwa tar-rikors: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: AB "Pieno žvaigždės" (Vilnius, il-Litwanja) (rappreżentanti: I. Lukauskienė u R. Žabolienė, avukati)

Konvenut: L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni)

Parti oħra quddiem il-Bord tal-Appell: Fattoria Scaldasole Srl (Monguzzo, l-Italja)

Talbiet tar-rikorrenti

tannulla d-deċiżjoni tat-Tieni Bord tal-Appell tal-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade Marks u Disinni), tat-18 ta' Jannar 2010, fil-Każ R 1070/2009-2; u

tikkundanna lill-konvenut għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Applikant għat-trade mark Komunitarja: Il-parti l-oħra quddiem il-Bord tal-Appell

Trade mark Komunitarja kkonċernata: It-trade mark figurattiva "Iogurt.", għal prodotti fil-klassi 29

Proprjetarju tat-trade mark jew tas-sinjal invokat insostenn tal-oppożizzjoni: Ir-rikorrenti

Trade mark jew sinjal invokat insostenn tal-oppożizzjoni: It-trade mark figurattiva Litwana rreġistrata "jogurtas" għal prodotti fil-klassi 29; It-trade mark figurattiva Komunitarja rreġistrata "jogurt" għal prodotti fil-klassi 29

Deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni: Oppożizzjoni miċħuda kollha kemm hi

Deċiżjoni tal-Bord tal-Appell: Appell meqjus bħala li ma ġiex ippreżentat

Motivi invokati: Ksur tal-Artikolu 60 tar-Regolament tal-Kunsill Nru 207/2009, moqri flimkien mal-Artikolu 8 tar-Regolament tal-Kunsill Nru 2869/95 1, peress li l-Bord tal-Appell iddeċieda b'mod żbaljat li l-miżata tal-appell ma kinitx tħallset fit-terminu previst ta' xahrejn mid-data tan-notifika tad-deċiżjoni appellata.

____________

1 - Ir-Regolament tal-Kummissijoni (KEE) Nru 2869/95 tat-13 ta' Diċembru 1995, dwar id-drittijiet pagabbli lill-Uffiċċju tal-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (it-Trademarks u d-Disinji) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 9, Vol. 1, p. 291)