Language of document :

Rikors ippreżentat fl-24 ta’ Awissu 2021 – PV vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-78/21)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Rikorrent: PV (rappreżentant: D. Birkenmaier, avukat)

Konvenut: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrent jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tiddikjara dan ir-rikors ammissibbli u fondat;

konsegwentement,

tannulla d-deċiżjonijiet li ġejjin: iċ-ċaħda tat-talba inizjali D/191/20 tal-20 ta’ Lulju 2020, iċ-ċaħda tal-ilment R/458/20 tad-29 ta’ Jannar 2021, iċ-ċaħda tal-ilment R/137/21 tal-1 ta’ Lulju 2021 kif ukoll iċ-ċaħda tal-ilment R/512/20 tas-26 ta’ Frar 2021 fl-aspetti kollha tagħhom fuq il-bażi tal-prinċipju ġenerali tad-dritt “fraus omnia corrompit”, ta’ manuvri frawdolenti kkaratterizzati jew ta’ qerda ta’ drittijiet soċjali kif ipprojbit mill-Artikolu 34 tal-Karta;

tannulla ċ-ċaħda tal-ilment R/512/20 tas-26 ta’ Frar 2021, b’riżultat ta’ ksur tal-Artikolu 41(2)(a) tal-Karta;

tattribwixxi l-kumpensi li ġejjin fuq il-bażi tal-Artikoli 268 u 340 TFUE:

tordna l-ħlas għad-danni morali ta’ EUR 100 000 u għad-danni materjali ta’ EUR 47 221.02 li jirriżultaw miċ-ċaħda ta’ dawn id-deċiżjonijiet ikkontestati u stmati għal total ta’ EUR 147 221.02 bla ħsara għal kull evalwazzjoni mill-ġdid flimkien mal-interessi moratorji u kumpensatorji sal-jum tal-ħlas komplet tagħhom;

u fi kwalunkwe każ,

tikkundanna lill-konvenuta għall-ispejjeż kollha, inklużi għal dawk tal-assistenza ġudizzjarja.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tiegħu, ir-rikorrent jinvoka għaxar motivi.

L-ewwel motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikoli 1, 3, 4 u 31(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”) kif ukoll tal-Artikoli 1e(2) u 12a tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem ir-“Regolamenti tal-Persunal”).

It-tieni motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ġenerali tad-dritt “fraus omnia corrumpit” u tal-Artikolu 41(1) tal-Karta minħabba l-użu ta’ firma falza fid-deċiżjoni ta’ tneħħija tad-drittijiet għal pensjoni kollha tar-rikorrent.

It-tielet motiv, ibbażat fuq aġir frawdolenti u fuq użu ħażin ta’ fondi li taw lok għal ksur mill-ġdid tal-prinċipju “fraus omnia corrumpit”.

Ir-raba’ motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikoli 59 u 60 tar-Regolamenti tal-Persunal, fuq ksur tal-prinċipju ta’ legalità u ta’ ordni pubbliku mill-Uffiċċju “Amministrazzjoni u Ħlas tal-Intitolamenti Individwali” (PMO) tal-Kummissjoni li ma għandux il-kompetenza jneħħi d-drittijiet għal pensjoni permezz ta’ sanzjoni arbitrarja adottata kontra individwu wieħed.

Il-ħames motiv, ibbażat fuq ksur ikkaratterizzat tal-Artikolu 34 tal-Karta b’qerda tad-drittijiet soċjali u bi ksur tal-Artikolu 77 tar-Regolamenti tal-Persunal b’kosnegwenza li tneħħew id-drittijiet għal pensjoni.

Is-sitt motiv, ibbażat fuq ksur tar-regola tad-dritt “ne bis in idem” u tal-Artikolu 50 tal-Karta, kif ukoll tal-Artikolu 9(3) tal-Anness IX tar-Regolamenti tal-Persunal.

Is-seba’ motiv, ibbażat fuq ksur ikkaratterizzat tal-Artikolu 41(2)(a) tal-Karta u fuq ksur tad-dritt għal smigħ.

It-tmien motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, sa fejn is-sanzjoni ta’ tneħħija minn pożizzjoni hija l-iktar sanzjoni ħarxa prevista mir-Regolamenti tal-Persunal u li magħha l-Kummissjoni żiedet, barra minn hekk, tneħħija għal għomru tad-drittijiet għal pensjoni kollha.

Id-disa’ motiv, ibbażat fuq użu ħażin ta’ poter mid-dipartimenti tal-PMO, minħabba li d-deċiżjoni ta’ tnaqqis tad-drittijiet għal pensjoni “pro tempore” tista’ tiġi adottata biss mill-Awtorità tal-Ħatra komposta minn tliet partijiet fil-qafas ta’ proċedura dixxiplinari ta’ tneħħija minn pożizzjoni, konformement mal-Artikolu 9(1)(h) tal-Anness IX tar-Regolamenti tal-Persunal.

L-għaxar motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament u tal-Artikolu 20 tal-Karta. Ir-rikorrent isostni li uffiċjal li tneħħa minn pożizzjoni għal raġunijiet infinitament iktar gravi minn dawk tar-rikorrent ġarrab sanzjoni ħafna iżgħar fir-rigward tal-ħlasijiet dovuti fuq il-pensjoni statutorja tiegħu.

____________