Language of document : ECLI:EU:T:2005:347

SENTENZA TAL-QORTI TAL-PRIM'ISTANZA (ir-Raba' Awla)

5 ta' Ottubru 2005?(1)

" Approssimazjoni tal-liġijiet – Dispożizzjonijiet nazzjonali li jidderogaw minn miżura ta' armonizzazzjoni – Projbizzjoni ta' l-utilizzazzjoni ta' organiżmi modifikati ġenetikament fl-Awstrija ta' Fuq – Kundizzjonijiet ta' applikazzjoni ta' l-Artikolu 95(5) KE "

Fil-kawżi magħquda T‑366/03 u T‑235/04

Land Oberösterreich, rappreżentat minn F. Mittendorfer, Avukat,

ir-Repubblika ta' l-Awstrija, rappreżentata minn H. Hauer u H. Dossi, bħala aġenti, b'indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

partijiet rikorrenti

vs

il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, rappreżentata minn M. Patakia u U. Wölker, bħala aġenti, b'indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

konvenuta

li għandha bħala suġġett talba għal annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni 2003/653/KE tat-2 ta' Settembru 2003, li tirrigwarda dispożizzjonijiet nazzjonali li jipprojbixxu l-utilizzazzjoni ta' organiżmi modifikati ġenetikament fil-provinċja ta' l-Awstrija ta' Fuq skond id-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 95(5) tat-Trattat KE (ĠU L 230, p. 34),

IL-QORTI TAL-PRIM'ISTANZA
TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ (ir-Raba' Awla),

komposta minn H. Legal, President, P. Lindh u V. Vadapalas, Imħallfin,

Reġistratur : C. Kristensen, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-17 ta' Marzu 2005,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-kuntest ġuridiku

  Artikolu 95 KE

1        L-Artikolu 95(4) sa (7) jipprovdi:

"4. Jekk, wara l-adozzjoni mill-Kunsill jew mill-Kummissjoni ta' miżuri ta' armonizzazzjoni, Stat Membru jħoss li jkun meħtieġ li jżomm id-dispożizzjonijiet nazzjonali fuq il-bażi ta' neċessitajiet maġġuri msemmija fl-Artikolu 30, jew li għandhom x'jaqsmu mal-ħarsien ta' l-ambjent jew ta' l-ambjent tax-xogħol, dan għandu jgħarraf lill-Kummissjoni b'dawn id-dispożizzjonijiet kif ukoll dwar ir-raġuni għaliex għandhom jinżammu.

5. Aktar minn hekk, mingħajr preġudizzjoni għall-paragrafu 4, jekk, wara l-adozzjoni mill-Kunsill jew mill-Kummissjoni ta' miżura ta' armonizzazzjoni, Stat Membru jħoss li jkun meħtieġ li jintroduċi dispożizzjonijiet nazzjonali ibbażati fuq prova xjentifika ġdida, li għandha x'taqsam mal-ħarsien ta' l-ambjent jew ta' l-ambjent tax-xogħol fuq il-bażi ta' xi problema speċifika għal dak l-Istat Membru li toriġina mill-adozzjoni ta' miżura ta' armonizzazzjoni, dan għandu jinforma lill-Kummissjoni bid-dispożizzjonijiet li jkollu l-ħsieb jintroduċi kif ukoll bil-bażi għall-introduzzjoni tagħhom.

6. Il-Kummissjoni għandha, fi żmien sitt xhur min-notifika msemmija fil-paragrafi 4 u 5, tapprova jew tiċħad id-dispożizzjonijiet nazzjonali involuti, wara li tkun ivverifikat jekk humiex, jew le mezz ta' diskriminazzjoni arbitrarja jew ta' restrizzjoni moħbija fuq il-kummerċ bejn Stati Membri u jekk joħolqux, jew le ostakolu għall-funzjonament tas-suq intern.

Fin-nuqqas ta' deċiżjoni mill-Kummissjoni matul dan il-perijodu, id-dispożizzjonijiet nazzjonali msemmija fil-paragrafi 4 u 5 għandhom ikunu meqjusa bħala li kienu approvati.

Meta tkun iġġustifikata mill-komplessità tal-materja u meta m'hemmx periklu għas-saħħa umana, il-Kummssjoni tista' tgħarraf lill-Istat Membru kkonċernat li l-perijodu msemmi f'dan il-paragrafu jista' jittawwal b'perijodu ieħor sa sitt xhur.

7. Meta, bis-saħħa tal-paragrafu 6, xi Stat Membru jkun awtorizzat li jżomm jew jintroduċi dispożizzjonijiet nazzjonali li jidderogaw minn miżura ta' armonizzazzjoni, il-Kummissjoni għandha immedjatament teżamina jekk tipproponix adattament għal dik il-miżura."

 Id-Direttiva 90/220

2        Id-Direttiva tal-Kunsill 90/220/KEE tat-23 ta' April 1990, dwar ir-rilaxx intenzjonat fl-ambjent ta' organiżmi modifikati ġenetikament (ĠU L 117, p. 15), hija ntiża, skond l-Artikolu 1(1), li tressaq id-dispożizzjonijiet leġiżlattivi, regolamentari u amministrattivi ta' l-Istati Membri u sabiex tipproteġi s-saħħa tal-bniedem u l-ambjent għal dak li jikkonċerna, minn naħa, ir-rilaxx intenzjonat ta' organiżmi modifikati ġenetikament (iktar 'il quddiem "GMOs") fl-ambjent u, min-naħa l-oħra, it-tqegħid fis-suq ta' prodotti li jikkonsistu jew li jkun fihom il-GMOs, maħsuba sussegwentement għal rilaxx intenzjonat fl-ambjent.

3        L-Artikolu 4 tad-Direttiva 90/220 kien jobbliga l-Istati Membri sabiex jieħdu l-miżuri kollha xierqa sabiex jevitaw l-effetti negattivi għas-saħħa tal-bniedem u l-ambjent li setgħu jirriżultaw mir-rilaxx intenzjonat jew it-tqegħid fis-suq ta' GMOs.

4        Il-parti C tad-Direttiva 90/220 (Artikoli 10 sa 18) kien fiha dispożizzjonijiet speċifiċi li kienu jikkonċernaw it-tqegħid fis-suq ta' prodotti li fihom il-GMOs. Skond l-Artikolu 11(5) ta' din id-Direttiva, li kien jinqara flimkien ma' (1) ta' l-istess Artikolu, ebda prodott li kellu fih il-GMOs ma seta' jiġi rilaxxat fl-ambjent qabel ma l-awtorità kompetenti ta' l-Istat Membru li fih il-prodott ikun ser jitqiegħed fis-suq għall-ewwel darba ikun ta l-kunsens tiegħu bil-miktub wara n-notifikazzjoni li kellha tiġi ppreżentata lilu mill-fabbrikant jew l-importatur fil-Komunità. L-Artikolu 11(1) sa (3) ta' din id-Direttiva kien jispeċifika l-kontenut obbligatorju ta' din in-notifikazzjoni, li kellha tippermetti b'mod partikolari lill-awtorità nazzjonali li tipproċedi għal evalwazzjoni tar-riskji imposta mill-Artikolu 10(1). Din l-evalwazzjoni tar-riskji kellha tippreċedi kwalunkwe kunsens.

5        L-Artikolu 16 tad-Direttiva 20/220 kien jipprovdi:

"1. Meta Stat Membru għandu raġunijiet validi sabiex jikkunsidra li prodott li ġie propjament innotifikat u rċieva kunsens bil-miktub skond din id-Direttiva, jikkostitwixxi riskju lis-saħħa tal-bniedem jew l-ambjent, dak l-Istat Membru jista' proviżorjament jirrestrinġi jew jipprojbixxi l-użu u/jew il-bejgħ fuq it-territorju tiegħu. Huwa għandu immedjatament jinforma lil Kummissjoni b'dan u lill-Istati Membri l-oħra u jagħti r-raġunijiet għad-deċiżjoni tiegħu.

2. Fi żmien tlett xhur, deċiżjoni tittieħed fuq il-materja skond il-proċedura prevista fl-Artikolu 21."

 Id-Direttiva 2001/18

6        Wara bosta emendi, id-Direttiva 90/220 ġiet imħassra u sostitwita permezz tad-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2001/18/KE tat-12 ta' Marzu 2001 dwar ir-rilaxx intenzjonat fl-ambjent ta' organiżmi modifikanti ġenetikament u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 90/220/KEE (ĠU L 106, p. 1). Hija ssegwi l-istess għanijiet.

7        Ir-rilaxx intenzjonat jew it-tqegħid fis-suq ta' GMOs huwa suġġett għal proċedura ta' awtorizzazzjoni. Kwalunkwe persuna li tixtieq tikseb awtorizzazzjoni għandha tipproċedi minn qabel għal evalwazzjoni tar-riskji sanitarji u ambjentali. Skond l-Artikolu 4(3) tad-Direttiva 2001/18:

"L-Istati Membri u fejn xieraq il-Kummissjoni għandhom jassiguraw li effetti potenzjali ħżiena fuq is-saħħa tal-bniedem u l-ambjent, li jistgħu jseħħu direttament jew indirettament minn trasferiment ta' ġeni minn GMOs għall-organiżmi oħra, huma stmati akkuratament fuq bażi ta' każ b'każ. Din l-istima ssir skond l-Anness II u tieħu akkont ta' l-impatt ambjentali skond in-natura ta' l-organiżmu introdott u l-ambjent li jirċevieh."

8        Id-Direttiva 2001/18 tistabbilixxi żewġ sistemi distinti għat-tqiegħid fis-suq ta' GMOs kemm bħala jew fi prodotti u r-rilaxx intenzjonat tagħhom għal skopijiet oħra barra li jitqiegħdu fis-suq.

9        L-awtorizzazzjonijiet li ngħataw qabel is-17 ta' Ottubru 2002 skond id-Direttiva 90/220 għat-tqegħid fis-suq ta' GMOs kemm bħala jew fi prodotti jistgħu jiġu mġedda qabel is-17 ta' Ottubru 2006, skond proċedura semplifikata msemmija fl-Artikolu 17(2) sa (9) tad-Direttiva 2001/18.

10      L-Artikolu 23 tad-Direttiva 2001/18, intitolat "Klawżola ta' salvagwardja", jgħid kif ġej:

"1. Fejn Stat Membru, b'riżultat ta' informazzjoni ġdida jew addizzjonali li ssir disponnibbli mid-data tal-kunsens u [li] taffettwa l-istima ta' riskju ambjentali jew [l-]eżami mill-ġdid ta' [l-]informazzjoni eżistenti [fuq bażi ta'] għarfien xjentifiku [ġdid jew] addizzjonali, għandu raġunijiet iktar dettaljati biex [j]ikkunsidra li GMO bħal[a] jew fi prodott li ġie proprjament notifikat [kif suppost] u li rċieva kunsens bil-miktub skond id-Direttiva jikkostitwixxi riskju [għas]-saħħa tal-bniedem jew l-ambjent, dak l-Istat Membru jista' proviżorjament jirrestrinġi jew jipprojbixxi l-użu u/jew bejgħ ta' [dak i]l-GMO bħal[a] jew fi prodott fit-territorju tiegħu.

L-Istat Membru għandu jassigura li fil-każ ta' riskju gravi, miżuri ta' emerġenza, bħal sospensjoni jew terminazzjoni ta' tpoġġija fis-suq, jiġu applikati, inkluż informazzjoni lill-pubbliku.

L-Istat Membru għandu immedjatament jinforma lil[l-] Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra b[l-]azzjonijiet li ttieħdu skond dan l-Artikolu u jagħti raġunijiet għad-deċiżjoni [tiegħu], u [j]agħti ir-reviżjoni [tiegħu] ta' [l-i]stima ta' riskju ambjentali, u [j]indika jekk u kif il-kondizzjonijiet tal-kunsens għandhom jiġu emendati jew [li] l-kunsens għandu jiġi mitmum, u, fejn xieraq, l-informazzjoni ġdida jew addizzjonali li fuqha hija bbażata d-deċiżjoni [tiegħu].

2. Deċiżjoni tittieħed fuq il-kwistjoni fi żmien 60 ġurnata skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 30(2) […]"

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

11      Fit-13 ta' Marzu 2003, ir-Repubblika ta' l-Awstrija nnotifikat lil Kummissjoni bil-Oberösterriechisches Gentechnik-Verbotsgessetz 2002, abbozz ta' liġi tal-Land Oberösterreich li jipprojbixxi l-inġinerija ġenetika (iktar 'il quddiem il-"miżura nnotifikata"). Il-miżura nnotifikata kienet intiża sabiex tipprojbixxi l-produzzjoni taż-żerriegħa u ta' pjanti komposta minn jew li jkollhom fihom il-GMOs kif ukoll it-trobbija u l-introduzzjoni fl-ambjent, għal kaċċa jew għas-sajd, ta' annimali transġeniċi. In-notifikazzjoni kellha bħala għan li tikseb, fuq il-bażi ta' l-Artikolu 95(5) KE, deroga mid-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2001/18. Hija kellha s-sostenn ta' rapport intitolat "GVO freie Bewirtschaftungsgebiete: Konzeption und Analyse von Szenarien und Umsetzungsschritten" (Reġjuni agrikoli mingħajr GMOs: kunċett u analiżi ta' possibbiltajiet u miżuri ta' implementazzjoni).

12      Il-Kummissjoni talbet lill-Awtorità Ewropea għas-Sigurtà fl-Ikel (EFSA) sabiex tagħti opinjoni, konformement mad-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 29(1) u ta' l-Artikolu 22(5)(c) tar-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 178/2002 tat-28 ta' Jannar 2002 li jistabbilixxi l-prinċipji ġenerali u l-ħtiġijiet tal-liġi dwar l-ikel, li jistabbilixxi l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel u jistabbilixxi l-proċeduri fi kwistjonijiet ta' sigurtà ta' l-ikel (ĠU L 31, p. 1), fuq il-karatteristika konklużiva ta' l-elementi xjentifiċi invokati mir-Repubblika ta' l-Awstrija.

13      Bl-opinjoni tagħha ta' l-4 ta' Lulju 2003 (iktar 'il quddiem l-"opinjoni ta' l-EFSA"), l-EFSA, fis-sustanza, waslet għal konklużjoni li dawn l-elementi ma kien fihom ebda prova xjentifika ġdida li tista' tiġġustifika l-projbizzjoni tal-GMOs fil-Land Oberösterreich.

14      Kien f'dawn iċ-ċirkustanzi li l-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni 2003/653/KE tat-2 ta' Settembru 2003 dwar id-dispożizzjonijiet nazzjonali li jipprojbixxu l-utilizzazzjoni ta' GMOs fil-provinċja ta' l-Awstrija ta' Fuq skond id-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 95(5) tat-Trattat KE (ĠU L 230, p. 34, iktar 'il quddiem id-"deċiżjoni kkontestata").

15      Skond id-deċiżjoni kkontestata, ir-Repubblika ta' l-Awstrija la pprovdiet provi xjentifiċi ġodda u lanqas ma wriet li kien hemm, fil-Land Oberösterreich, problema speċifika li dehret wara l-adozzjoni tad-Direttiva 2001/18 u li ħolqot il-ħtieġa ta' l-introduzzjoni tal-miżura nnotifikata. Peress illi l-kundizzjonijiet definiti fl-Artikolu 95(5) KE ma kinux ġew sodisfatti, il-Kummissjoni ċaħdet it-talba għal deroga tar-Repubblika ta' l-Awstrija.

 Proċedura u konklużjonijiet tal-partijiet

16      B'talba ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim'Istanza fit-3 ta' Novembru 2003, il-Land Oberösterreich ressaq rikors reġistrat taħt in-Numru T-366/03.

17      B'talba ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti fit-13 ta' Novembru 2003, ir-Repubblika ta' l-Awstrija ressqet rikors li għalih ġie attribwit in-Numru tal-Kawża C-492/03.

18      B'digriet tal-Qorti tat-8 tat-Ġunju 2003, din il-kawża reġgħet intbagħtet lil Qorti tal-Prim'Istanza, skond id-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 2 tad-deċiżjoni tal-Kunsill 2004/407/KE, Euratom tas-26 ta' April 2004 li temenda l-Artikoli 51 u 54 tal-Protokoll dwar l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja (ĠU L 132, p. 5). Din ġiet reġistrata taħt in-Numru T-235/04.

19      B'deċiżjoni tal-President tar-Raba' Awla tal-Qorti tal-Prim'Istanza tat-22 ta' Frar 2005, wara li nstemgħu il-partijiet, il-kawżi T-366/03 u T-235/04 ingħaqdu għall-finijiet tal-proċedura orali u tas-sentenza, skond l-Artikolu 50 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim'Istanza.

20      Fuq ir-rapport ta' l-Imħallef Relatur, il-Qorti tal-Prim'Istanza (ir-Raba' Awla) ddeċidiet sabiex tiftaħ il-proċedura orali u, fil-kuntest tal-miżuri ta' organizzazzjoni tal-proċedura previsti fl-Artikolu 64 tar-Regoli tal-Proċedura, ressqet bil-miktub xi domandi lir-Repubblika ta' l-Awstrija u l-Kummissjoni.

21      Instemgħu it-talbiet u r-risposti tat-partijiet għad-domandi mressqa mill-Qorti tal-Prim'Istanza fis-seduta tas-17 ta' Mejju 2005.

22      Fil-kawża T-366/03, il-Land Oberösterreich talab lil Qorti tal-Prim'Istanza:

–        li tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        li tikkundanna l-Kummissjoni għall-ispejjeż.

23      Fil-kawża T-235/04, ir-Repubblika ta' l-Awstrija talbet lil Qorti tal-Prim'Istanza:

–        li tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        li tikkundanna l-Kummissjoni għall-ispejjeż.

24      Fil-kawżi T-366/03 u T-235/04, il-Kummissjoni talbet lil-Qorti tal-Prim'Istanza:

–        li tiċħad ir-rikorsi;

–        li tikkundanna r-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Dwar l-ammissibbiltà tar-rikors imressaq mil-Land Oberösterreich

25      Għalkemm il-Kummissjoni ma kinitx ikkontestat l-ammissibbiltà tar-rikors imressaq mill-Land Oberösterreich, għandu jiġi mfakkar li d-deċiżjoni kkontestata kienet ġiet indirizzata lir-Repubblika ta' l-Awstrija. Sabiex tevalwa l-ammissibbiltà tar-rikors fil-kawża T-366/03, il-Qorti tal-Prim'Istanza hija tal-fehma li huwa utli li tivverifika, ex officio, jekk din tikkonċerna direttament u individwalment il-Land Oberösterreich skond ir-raba' inċiż ta' l-Artikolu 230, KE.

26      Il-Land Oberösterreich isostni li huwa għandu interess propju sabiex jaġixxi li huwa distint minn dak tar-Repubblika ta' l-Awstrija. Huwa jsostni, f'dan ir-rigward, li kostituzzjonalment, il-mizura nnotifikata tirriżulta mill-kompetenza eslużiva tiegħu. Minnbarra dan, huwa jafferma li huwa direttament u individwalment ikkonċernat mid-deċiżjoni kkontestata fejn ir-rikors fil-kawża T-366/03 ikun ammissibbli. Fir-rigward, b'mod aktar partikolari, ta' l-interess individwali tiegħu, il-Land Oberösterreich isostni li d-deċiżjoni kkontestata tfixkel il-poteri awtonomi tiegħu fil-qasam leġiżlattiv, minkejja l-fatt li l-miżura nnotifikata kienet fi stat ta' abbozz.

27      Skond ġurisprudenza kostanti, is-suġġetti li mhumiex id-destinatarji ta' deċiżjoni ma jistgħux jallegaw li huma kkonċernati individwalment skond ir-raba' inċiż ta' l-Artikolu 230, ħlief jekk din id-deċiżjoni taffettwhom minħabba ċerti karatteristiċi li huma partikolari għalihom jew minnħabba sitwazzjoni ta' fatt li tikkaratterizzhom fir-rigward ta' kull persuna ohra u, minħabba dan il-fatt, tindividwalizzhom b'mod li jixxiebaħ għal dak li jista' jkun id-destinatarju ta' din id-deċiżjoni (sentenzi tal-Qorti tal-15 ta' Lulju 1963, Plaumann vs Kummissjoni, 25/62, Ġabra p. 197, 223, u tat-28 ta' Jannar 1986, COFAZ et vs Kummissjoni, 169/84, Ġabra p. 391, punt 22). Fil-fatt, l-għan ta' din id-dispożizzjoni huwa sabiex tassigura protezzjoni ġuridika indaqs għal min, mingħajr ma jkun id-destinatarju tal-kawża, huwa fil-fatt ikkonċernat minnha bħallikieku kien id-destinatarju (sentenza tal-Qorti tal-11 ta' Lulju 1984, Commune de Differdange e.a. vs Kummissjoni, 222/83, Ġabra p. 2889, punt 9).

28      F'dan il-każ, il-Land Oberösterreich huwa l-awtur ta' abbozz ta' liġi li jirriżulta mill-kompetenza proprja tiegħu u li ghaliha r-Repubblika ta' l-Awstrija talbet deroga skond l-Artikolu 95(5) KE. Id-deċiżjoni kkontestata b'hekk għandha bħala konsegwenza, mhux biss li taffettwa att li tiegħu l-Land Oberösterreich huwa l-awtur, imma minbarra dan, li ma jħallix lil dan ta' l-aħħar li jeżerċita kif huwa jifhem il-kompetenzi tiegħu li tagħtih l-ordni kostituzzjonali ta' l-Awstrija. Minn dan isegwi li l-Land Oberösterriech huwa individwalment ikkonċernat mid-deċiżjoni kkontestata, skond ir-raba' inċiż ta' l-Artikolu 230, KE (ara', b'mod partikolari, is-sentenzi tal-Qorti tal-Prim'Istanza tat-30 ta' April 1998, Vlaamse Gewest vs Kummissjoni, T-214/95, Ġabra p. II-717, punti 29 u segwenti, u tat-23 ta' Ottubru 2002, Diputación Floral de Álava et vs Kummissjoni, T-346/99, T-347/99 u T-348/99, Ġabra p. II-4259, punt 37).

29      Minnbarra dan, għalkemm id-deċiżjoni kkontestata kienet ġiet indirizzata lir-Repubblika ta' l-Awstrija, din ma eżerċitat ebda poter ta' evalwazzjoni matul il-komunikazzjoni tagħha lil Land Oberösterreich, tant li dan ta' l-aħħar huwa wkoll direttament ikkonċernat mid-deċiżjoni kkontestata, skond ir-raba' inċiż ta' l-Artikolu 230, KE (ara, b'mod partikolari, is-sentenza tal-Qorti tat-13 ta' Mejju 1971, International Fruit Company et vs Kummissjoni, 41/70 sa 44/70, Ġabra p. 411, punti 25 sa 28).

30      Minn dan isegwi li l-Land Oberösterriech għandha l-kompetenza sabiex titlob l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata.

 Fuq il-mertu

31      Ir-rikorrenti jressqu erba' raġunijiet fir-rigward tal-ksur, rispettivament, tal-prinċipju tal-kontradittorju, ta' l-obbligu ta' motivazzjoni, ta' l-Artikolu 95(5)KE u tal-prinċipju ta' prekawzjoni.

 Fuq l-ewwel raġuni, fir-rigward tal-ksur tal-prinċipju tal-kontradittorju

 L-argumenti tal-partijiet

32     Ir-rikorrenti jakkużaw lil Kummissjoni li ma semgħethomx qabel ma adottat id-deċiżjoni kkontestata.

33     Għalkemm il-Qorti kienet iddeċidiet li l-prinċipju tal-kontradittorju kien inapplikabbli għall-proċedura prevista fl-Artikolu 95 KE (is-sentenza tal-Qorti ta' l-20 ta' Marzu 2003, Danimarka vs Kummissjoni, C-3/00, Ġabra p. I-2643), ir-rikorrenti jsostnu li ċ-ċirkustanzi ta' dan il-każ jitlob risposta differenti.

34     Primarjament, is-sentenza Danimarka vs Kummissjoni, iċċitata iktar 'il fuq, kienet tikkonċerna talba għal deroga skond l-Artikolu 95(4) KE, rigward miżura nazzjonali li dak iż-żmien kienet fis-seħħ. F'dan il-każ, peress illi l-miżura nnotifikata kienet għadha fi stat ta' abbozz, il-Kummissjoni setgħet, mingħajr ma tfixkel la l-funzjoni tas-suq intern u lanqas l-interess ta' l-Istat Membru applikant, issegwi l-proċedura, skond it-tielet paragrafu ta' l-Artikolu 95(6), KE, sabiex tisma' r-rikorrenti.

35     Fit-tieni lok, kuntrarjament għal dak li għamlet fil-kawża li tagħat lok għas-sentenza Danimarka vs Kummissjoni, ċitata iktar 'il fuq, il-Kummissjoni ma kinitx ikkuntentat ruħha, f'dan il-każ, li tiddeċiedi fuq in-notifikazzjoni, imma talbet perizja lil EFSA, li fuqa tistrieħ id-deċiżjoni kkontesta. Il-Kummissjoni kellha b'hekk tisma' r-rikorrenti fuq l-opinjoni ta' l-EFSA qabel ma ta id-deċiżjoni kkontestata. Kieku kienet tagħthom l-opportunità, huma setgħu jirrifjutaw din l-opinjoni u lill-Kummissjoni tieħu deċiżjoni differenti.

36     Il-Kummissjoni tikkontesta dawn l-argumenti. Hija ssostni li l-Land Oberösterreich ma jistax jinvoka d-dritt li jinstema', minħabba li ma kienx parti mill-proċedura in kwistjoni, li kienet tikkonċerna esklużivament ir-Repubblika ta' l-Awstrija. Hija ssostni, minbarra dan, li l-prinċipju tal-kontradittorju mhuwiex applikabbli għall-proċedura ta' l-Artikolu 95(5) KE (sentenza Danimarka vs Kummissjoni, iċċitata iktar 'il fuq, punt 50).

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

37     Il-Qorti ddeċidiet li l-prinċipju tal-kontradittorju ma japplikax għall-proċedura msemmija fl-Artikolu 95(4) KE (sentenza Danimarka vs Kummissjoni, iċċitata iktar 'il fuq, punt 50). Għandu jiġi eżaminat jekk, bħalma qed jallegaw ir-rikorrenti, il-proċedura prevista fl-Artikolu 95(5) KE issegwix regola differenti.

38     F'dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li, fis-sentenza Danimarka vs Kummissjoni, iċċitata iktar 'il fuq, il-Qorti ibbażat ruħha fuq il-fatt li l-proċedura prevista fl-Artikolu 95(4) KE kienet ġiet applikata mhux minn istituzzjoni komunitarja, imma minn Stat membru, u li d-deċiżjoni ta' l-istituzzjoni komuntarja ittieħdet biss bħala risposta għal din l-inizjattiva. Fil-fatt, din il-proċedura tirreferi għall-approvazzjoni tad-dispożizzjonijiet nazzjonali derogatorji għal miżura ta' armonizzazzjoni adottata fil-livell komunitarju. Permezz tat-talba tiegħu, dan l-Istat għandu ħafna zmien sabiex jesprimi ruħu fuq id-deċiżjoni li tagħha huwa jitlob l-adozzjoni, kif jirriżulta espressament mill-Artikolu 95(4) KE, li jobbliga lil dan l-Istat jindika r-raġunijiet taż-żamma tad-dispożizzjonijiet nazzjonali in kwistjoni. Min-naħa tagħha, il-Kummissjoni għandha tkun fil-pożizzjoni, fiż-żmien li ingħatalha, li tikseb l-informazzjoni li tidher li tkun meħtieġa, mingħajr ma tkun obbligata li tisma' mill-ġdid l-Istat Membru applikant (sentenza Danimarka vs Kummissjoni, iċċitata iktar 'il fuq, punti 47 u 48).

39     Skond is-sentenza Danimarka vs Kummissjoni (iċċitata iktar 'il fuq, punt 49), dawn l-elementi huma sostnuti, min-naħa, it-tieni inċiż ta' l-Artikolu 95(6), KE, fejn skond dan, id-dispożizzjonijiet nazzjonali derogatorji huma kkunsidrati bħala approvati jekk il-Kummissjoni ma tiddeċiedix sa ċertu terminu. Min-naħa l-oħra, skond it-tielet inċiż ta' dan il-paragrafu, il-proroga ta' dan it-terminu mhuwiex possibbli f'każ ta' periklu għas-saħħa tal-bniedem. Il-Qorti iddeduċiet minn dawn l-elementi li l-awturi tat-Trattat xtaqu li, kemm fl-interess ta' l-Istat Membru applikant kif ukoll fl-interess tal-funzjoni tajba tas-suq intern, il-proċedura prevista fl-Artikolu 95(4)KE għandha tiġi konkluża malajr. Il-Qorti ddeċidiet li dan l-għan seta' jkun diffiċilment konċiljabbli ma rekwiżit li kien jimponi l-iskambji mtawla ta' informazzjoni u ta' argumenti (sentenza Danimarka vs Kummissjoni, iċċitata iktar 'il fuq, punt 49).

40     Il-Qorti tal-Prim'Istanza tikkunsidra li dan ir-raġunament jista' jiġi traspost għall-proċedura prevista fl-Artikolu 95(5) KE. Fil-fatt, jekk jiġi segwit dak li jinsab fl-Artikolu 95(4) KE, din il-proċedura hija miftuħa għat-talba ta' Stat Membru intiża għall-approvazzjoni ta' dispożizzjonijiet nazzjonali li jidderogaw minn miżura ta' armonizzazzjoni adottata fil-livell komunitarju. Fiż-żewġ każijiet, il-proċedura hija applikata minn Stat Membru notifikant, li għandu ħafna żmien sabiex jesprimi ruħu fuq id-deċiżjoni li tagħha huwa jitlob l-adozzjoni. Bl-istess mod, iż-żewġ proċeduri għandhom, fl-interess ta' l-Istat Membru applikant u tal-funzjoni tajba tas-suq intern, jiġu konklużi malajr.

41     Kuntrarjament għal dak li jallegaw ir-rikorrenti, il-fatt li l-proċedura ta' l-Artikolu 95(5) KE tikkonċerna miżuri nazzjonali li għadhom fi stat ta' abbozz ma jippermettix li ssir id-distinzjoni mill-proċedura prevista fil-paragrafu 4 ta' l-istess Artikolu sal-punt li wieħed jikunsidra li l-prinċipju tal-kontradittorju ikun applikabbli għalih. F'dan ir-rigward, ir-rikorrenti ma jistgħux b'mod validu jargumentaw mill-fatt li l-obbligu ta' ħeffa seta' kien inqas fir-rigward ta' l-eżaminazzjoni ta' miżura nazzjonali li għadha ma daħlitx fis-seħħ, fejn il-Kummissjoni setgħet faċilment ittawwal it-terminu ta' sitt xhur previst fl-Artikolu 95(6) KE, sabiex tipproċedi għas-smiegħ tal-partijiet.

42     Fl-ewwel lok, dan l-argument imur kontra l-kitba ta' l-Artikolu 95(6) KE. Min-naħa, dan japplika indistintament għat-talbiet ta' deroga li jikkonċernaw miżuri nazzjonali fis-seħħ, imsemmija fl-Artikolu 95(4) KE, u għat-talbiet li jikkonċernaw miżuri fi stat ta' abbozz, li għalihom l-Artikolu 95(5)KE huwa applikabbli. Min-naħa l-oħra, il-fakultà ta' proroga tat-terminu ta' deċiżjoni ta' sitt xhur, previst fit-tielet paragrafu ta' din id-dispożizzjoni, tista' tiġi eżerċitata biss mill-Kummissjoni jekk il-kumplessità tat-talba mressqa tirrikjedi dan u fin-nuqqas ta' periklu għas-saħħa tal-bniedem. B'hekk jidher li t-tielet inċiż ta' l-Artikolu 95(6), KE ma jippermettix lil Kummissjoni li tiddifferixxi t-terminu tad-deċiżjoni b'sitt xhur bil-għan biss li tippermetti li tisma' l-Istat Membru li ressqilha talba għal deroga skond l-Artikolu 95(5) KE.

43     Fit-tieni lok, l-argument tar-rikorrenti mhuwiex konformi ma' l-ispirtu ġenerali ta' l-Artikolu 95(5)KE. Iċ-ċirkustanza fejn din id-dispożizzjoni tikkunsidra miżura nazzjonali li għadha mhijiex fis-seħħ ma tnaqqasx l-interess sabiex tara' l-Kummissjoni tiddeċiedi malajr dwar it-talba ta' deroga li tressqet quddiemha. Fil-fatt, il-konklużjoni ta' malajr ta' din il-proċedura hija mixtieqa mill-awturi tat-Trattat sabiex iżżomm l-interess ta' l-Istat Membru applikant li jiġi infurmat fuq ir-regoli applikabbli, kif ukoll fl-interess tal-funzjoni tajba tas-suq intern.

44     Fuq dan l-aħħar punt, għandu jiġi enfasizzat li, sabiex jiġi evitat li jkun ta' tfixkil għal karatteristika restrittiva u għall-applikazzjoni uniformi tad-dritt komunitarju, il-proċeduri previsti fl-Artikoli 95(4) u (5) KE huma intiżi t-tnejn li huma sabiex jiggarantixxu li ebda Stat Membru ma japplika regolamentazzjoni nazzjonali li tidderoga mir-regoli li armonizzaw mingħajr ma jkunu preliminarjament ħadu l-approvazzjoni tal-Kummissjoni. Issa, minn dan il-punt, is-sistema applikabbli għal miżuri nazzjonali nnotifikati skond l-Artikolu 95(4)KE mhijiex differenti b'mod sinjifikattiv minn dak applikabbli għal miżuri nazzjonali li għadhom fi stat ta' abbozz u ġew innotifikati skond l-Artikolu 95(5)KE. Fiż-żewġ proċeduri, fil-fatt, il-miżuri nazzjonali in kwistjoni huma inapplikabbli tant li l-Kummissjoni ma tatx id-deċiżjoni tagħha fuq l-għoti ta' deroga. Fil-kuntest ta' l-Artikolu 95(5) KE, din is-sitwazzjoni tirriżulta min-natura stess tal-miżuri in kwistjoni, li għadhom fi stat ta' abbozz. Fir-rigward ta' l-Artikolu 95(4) KE, din is-sitwazzjoni tirriżulta mill-iskop tal-proċedura li hija tistabbilixxi. Il-Qorti fil-fatt fakkret li l-miżuri fir-rigward ta' l-approssimazzjoni tad-dispożizzjonijiet leġiżlattivi, regolamentari u amministrattivi ta' l-Istati Membri li għandhom bħala għan l-istabbiliment u l-funzjoni tas-suq intern ikunu nieqsa mill-effett tagħhom jekk l-Istati Membri jikkonservaw il-fakultà li japplikaw unilateralment regolamentazzjoni nazzjonali li tidderoga minnhom. Stat Membru mhuwiex, għaldaqstant, awtorizzat li japplika d-dispożizzjonijiet nazzjonali nnotifikati skond l-Artikolu 95(4) KE ħlief wara li jkun ġab mill-Kummissjoni deċiżjoni ta' approvazzjoni (ara, permezz ta' analoġija flimkien mal-proċedura ta' l-Artikolu 100 A(4) tat-Trattat KE, is-sentenzi tal-Qorti tas-17 ta' Mejju 1994, Franza vs Kummissjoni, C-41/93, Ġabra p. I-1829, punti 29 u 30, u ta' l-1 ta' Ġunju 1999, Kortas, C-319/97, Ġabra p. I-3143, punt 28).

45     Fir-rigward, fl-aħħar nett, ta' l-argument tar-rikorrenti li ċ-ċirkustanzi tal-kawża preżenti huma differenti minn dawk li taw lok għas-sentenza Danimarka vs Kummissjoni, iċċitata iktar 'il fuq, li fiha l-Kummissjoni ma llimitatx ruħha li tiddeċiedi fuq il-bażi ta' l-informazzjoni mibgħuta mir-Repubblika ta' l-Awstrija, imma talbet lil EFSA sabiex tipproduċi perizja, li fuqha tistrieħ id-deċiżjoni kkontestata, dan għandu jiġi miċħud. Peress illi l-prinċipju tal-kontradittorju mhuwiex applikabbli għall-proċedura in kwistjoni, dan l-argument fil-fatt huwa inapplikabbli.

46     Barra minn hekk, għandu jiġi enfasizzat li l-inapplikabbiltà tal-prinċipju tal-kontradittorju ma jfissirx li l-Kummissjoni għandha l-obbligu li tiddeċiedi fuq il-bażi ta' l-elementi mressqa biss in sostenn tat-talba għal deroga. Jirriżulta, kuntrarjament għas-sentenza Danimarka vs Kummissjoni, iċċitata iktar 'il fuq (punt 48), li l-Kummissjoni għandha tkun fil-pożizzjoni, fit-terminu li jkun ingħatalha, li tikseb l-informazzjoni li tidher li tkun meħtieġa, mingħajr ma jkollha l-obbligu li tisma' mill-ġdid l-Istat Membru applikant.

47     Minn dan isegwi li l-ewwel raġuni għandha tiġi miċħuda bħala inapplikabbli, mingħajr ma jkun meħieġ li tiddeċiedi fuq il-punt speċifiku, jiġifieri, jekk il-Land Oberösterreich, għalkemm terza persuna fil-proċedura amministrattiva, jistax jinvoka l-ksur tal-prinċipju tal-kontradittorju.

 Fuq it-tieni raġuni, fir-rigward ta' l-obbligu ta' motivazzjoni

 L-argumenti tal-partijiet

48     Skond ir-rikorrenti, id-deċiżjoni kkontestata ma tissodisfax ir-rekwiżiti ta' l-Artikolu 253KE. Id-deċiżjoni kkontestata naqset li tiddeċiedi dwar iż-żmien tal-miżura nnotifikata, limitat għal tliet snin. Din it-talba kienet għaldaqstant kruċjali sabiex tevalwa l-proporzjonalità ta' din il-miżura. Fil-fatt, it-tiġdid ta' l-awtorizzazjoni mogħtija fuq il-bażi tad-Direttiva 90/220 għandha ssir fid-dawl tal-kriterji l-aktar stretti tad-Direttiva 2001/18, u dan qabel is-17 ta' Ottubru 2006. Ir-rikorrenti jsostnu li t-tul tal-validità tal-miżura nnotifikata kien limitat għal tliet snin sabiex jikkoinċidi ma' din id-data ta' skadenza u sabiex jevitaw li, qabel l-iskadenza tal-moratorju deċiż mill-Kummissjoni fl-1999, il-GMOs ma jirrispondux għall-eżiġenzi ta' protezzjoni ta' l-ambjent tad-Direttiva 2001/181 sabiex jiġu utilizzati fuq it-territorju tal-Land Oberösterriech. Il-Kummissjoni kellha tirrispondi għall-argumenti tan-notifikazzjoni li skond dawn il-livell ta' protezzjoni ambjentali li jirriżulta mid-Direttiva 2001/18 ma kienx biżżejjed.

49     Il-Kummissjoni tikkontesta li kisret l-Artikolu 253 KE. Hija ssostni li mhuwiex meħieġ li hija tiddeċiedi fid-dettal fuq it-tul limitat tal-miżura nnotifikata, peress illi din iċ-ċirkustanza kienet irrilevanti fir-rigward tal-kundizzjonijiet ta' l-Artikolu 95(5) KE.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

50     Skond ġurisprudenza kostanti, il-raġuni meħtieġa mill-Artikolu 253 KE għandha tiġi adattata għan-natura ta' l-att in kwistjoni u għandha turi b'mod ċar u mingħajr ekowivoċi r-raġunament ta' l-istituzzjoni, awtur ta' l-att, b'mod li tippermetti lill-interessati li jsiru jafu l-ġustifikazzjonijiet tal-miżura meħuda u għal Qorti komunitarja sabiex teżerċita l-kontroll tagħha (sentenza tal-Qorti tat-2 ta' April 1998, Kummissjoni vs Sytraval u Brink's France, C-367/95 P, Ġabra p. I-1719, punt 63, u tad-29 ta' April 2004, Olanda vs Kummissjoni, C-159/01, Ġabra p. I-4461, punt 65).

51     Il-kwistjoni jekk il-raġuni ta' att kienx jissodisfa r-rekwiżiti ta' l-Artikolu 253KE għandha tiġi evalwata fir-rigward mhux biss tal-formulazzjoni tiegħu, imma wkoll fil-kuntest tiegħu kif ukoll tar-regoli ġuridiċi kollha relatati mas-suġġett ikkonċernat (sentenzi tal-Qorti ta' l-14 ta' Frar 1990, Delacre et vs Kummissjoni, C-350/88, Ġabra p. I-395, punti 15 u 16, u tad-19 ta' Settembru 2002, Spanja vs Kummissjoni, C-114/00, Ġabra p. I-7657, punti 62 u 63).

52     Jekk il-Kummissjoni hija marbuta li tagħti r-raġuni tad-deċiżjonijiet tagħha filwaqt li ssemmi l-elementi ta' fatt u ta' drittt li minnhom tiddependi l-ġustifikazjoni legali tal-miżura u l-kunsiderazzjonijiet li jwassluha li tieħu d-deċiżjoni tagħha, hija m'għandhiex obbligu li tiddiskuti l-punti kollha ta' fatt u ta' dritt li ġew imressqa matul il-proċedura amministrattiva (sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tas-27 ta' Novembru 1997, Kayersberg vs Kummissjoni, T-290/94, Ġabra p. II-2137, punt 150).

53     Sabiex tirrispetta l-obbligu ta' raġuni previst mill-Artikolu 253 KE, deċiżjoni adottata mill-Kummissjoni fuq il-bażi ta' l-Artikolu 95(5) KE għandha jkun fiha indikazzjoni biżżejjed u rilevanti ta' l-elementi meħuda in konsiderazjoni sabiex tiddetermina jekk humiex sodisfatti l-kundizzjonijiet imressqa minn dan l-artikolu għall-għoti ta' deroga.

54     L-Artikolu 95(5) KE jirrikjedi li l-introduzzjoni ta' dispożizzjonijiet nazzjonali li jidderogaw miżura ta' armonizzazzjoni jkunu bbażati fuq provi xjentifiċi ġodda li għandhom x'jaqsmu mal-ħarsien ta' l-ambjent jew ta' l-ambjent tax-xogħol fuq il-bażi ta' xi problema speċifika għal dak l-Istat Membru li toriġina mill-adozzjoni ta' miżura ta' armonizazzjoni, u li d-dispożizjonijiet previsti kif ukoll ir-raġunijiet ta' l-adozzjoni tagħhom jiġu nnotifikati lill-Kummissjoni. Fir-rigward tal-fatti ta' kundizzjonijiet kumulattivi, huma għandhom kollha jiġu sodisfatti taħt piena ta rifjut tat-talba għal deroga mill-Kummissjoni (sentenza tal-Qorti tal-21 ta' Jannar 2003, Ġermanja vs Kummissjoni, C-512/99, Ġabra p. I-845, punti 80 u 81).

55     F'dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni żviluppat l-argumentazzjoni tagħha b'mod dettaljat u ċirkustanzjali, li jippertmetti lid-destinatarju tad-deċiżjoni kkontestata li jsir jaf ir-raġunijiet tagħha ta' fatt u ta' dritt u għal Qorti tal-Prim' Istanza sabiex teżerċita l-kontroll ta' legalità tagħha.

56     Fil-fatt, il-Kummissjoni bbażat ruħha fuq tliet elementi prinċipali sabiex tiċħad it-talba tar-Repubblika ta' l-Awstrija. Hija, mall-ewwel, ikkonstatat li dan l-Istat Membru ma kienx wera li l-miżura nnotifikata kienet iġġustifikata fir-rigward tal-provi xjentifiċi ġodda dwar il-protezzjoni ta' l-ambjent (kunsiderazzjonijiet 63 sa 68 tad-deċiżjoni kkontestata). Il-Kummissjoni, minnbarra dan, ikkunsidrat li l-miżura nnotifikata ma kinitx iġġustifikata minħabba problema speċifika għar-Repubblika ta' l-Awstrija (kunsiderazjonijiet 70 u 71 tad-deċiżjoni kkontestata). Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni ċaħdet l-argumenti ta' l-awtoritajiet Awstrijaċi li kienu jiġġustifikaw il-miżuri nazzjonali permezz ta' rikors prinċipali ta' prekawzjoni, fejn ikkunsidrat li dawn kienu wisq ġenerużi u mhux biżżejjed fondati (il-kunsiderazjonijiet 72 u 73 tad-deċiżjoni kkontestata).

57     Fir-rigward tad-domanda jekk il-Kummissjoni kinitx kisret l-Artikolu 253 KE meta naqset li tiddeċiedi fuq l-argumenti mressqa mir-Repubblika ta' l-Awstrija li fihom, fis-sustanza, sostniet li l-miżura nnotifikata kienet ġustifikata minn livell insuffiċjenti ta' protezzjoni ta' l-ambjent sa l-iskadenza taż-żmien stabbilit fl-Artikolu 17(1)(b) tad-Direttiva 2001/18, għat-tiġdid ta' l-awtorizzazjonijiet mogħtija qabel is-17 ta' Ottubru 2002 skond id-Direttiva 90/220 għat-tqegħid fis-suq ta' GMOs kemm bħala jew fi prodotti, għandu jiġi kkonstatat li d-deċiżjoni kkontestata ma tieħux espressament pożizzjoni fuq dan il-punt. Mandankollu, ebda lakuna ma tista' tiġi imputata għal nuqqas ta' raġuni, imma għan-natura tar-raġunament li ħadet il-Kummissjoni sabiex turi r-raġunijiet ta' fatt u ta' dritt li jiġġustifikaw id-deċiżjoni kkontestata. Il-Kummissjoni kienet uriet ir-raġunijiet li għalihom hija kienet ikkunsidrat li n-notifikazjoni ma kinitx issodisfat il-kundizzjonijiet ta' l-Artikolu 95(5) KE li kienu kkunsidraw l-eżistenza ta' provi xjentifiċi ġodda fir-rigward tal-protezzjoni ta' l-ambjent u ta' problema speċifika għall-Istat Membru kkonċernat, hija ma kellhiex l-obbligu li tirrispondi għall-argumenti tar-Repubblika ta' l-Awstrija li kienu jikkonċernaw il-livell ta' protezzjoni ta' l-ambjent affettwat mid-Direttiva 2001/18 sas-17 ta' Ottubru 2006.

58     Din ir-raġuni għandha, għaldaqstant, tiġi miċħuda bħala infondata.

 Fuq it-tielet raġuni, fir-rigward tal-ksur ta' l-Artikolu 95(5) KE

 L-argumenti tal-partijiet

59     Ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni kellha tilqa' t-talba tar-Repubblika ta' l-Awstrija, jekk il-kundizzjonijiet ta' l-Artikolu 95(5) KE kienu sodisfatti. Huma jsostnu li l-miżura nnotifikata kienet intenzjonata biex tipproteġi l-ambjent; li din kienet ibbażata fuq provi xjentifiċi ġodda, li hija kienet iġġustifikata minn problema speċifika għall-Awstrija u li hija kienet konformi mal-prinċipju ta' proporzjonalità.

60     Il-Kummissjoni tikkritika dawn l-argumenti

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

61     L-Artikolu 95 KE li, skond it-Trattat ta' Amsterdam, jibdel u jemenda l-Artikolu 100 A tat-Trattat KE, jagħmel distinzjoni skond jekk id-dispożizzjonijiet innotifikati huma dispożizzjonijiet nazzjonali li kienu jeżistu qabel l-armonizzazjoni jew jekk huma dispożizjonijiet nazzjonali li l-Istat Membru kkonċernat jixtieq jintroduċi. Fl-ewwel każ, previst fl-Artikolu 95(4) KE, il-ħtieġa li jżomm id-dispożizjonijiet nazzjonali li kienu diġa jeżistu għandom jiġu ġġustifikati fuq il-bażi ta' neċessitajiet maġġuri msemmija fl-Artikolu 30, jew li għandhom x'jaqsmu mal-ħarsien ta' l-ambjent jew ta' l-ambjent tax-xogħol. Fit-tieni każ, previst fl-Artikolu 95(5) KE, l-introduzzjoni ta' dispożizzjonijiet nazzjonali ġodda għandha tkun ibbażata fuq provi xjentifiċi li għandhom x'jaqsmu mal-ħarsien ta' l-ambjent jew ta' l-ambjent tax-xogħol fuq il-bażi ta' xi problema speċifika għal dak l-Istat Membru li toriġina mill-adozzjoni tal-miżura ta' armonizazzjoni.

62     Id-differenza bejn iż-żewġ ipoteżi previsti fl-Artikolu 95 KE twassal għall-eżistenza, fl-ewwel ipoteżi, ta' dispożizzjonijiet nazjonali li kienu jeżistu qabel il-miżura ta' armonizzazzjoni. Dawn għaldaqstant kienu magħrufa mill-leġiżlatur komunitarju, li ma setax jew li qatt ma jispira ruħu minnhom għall-armonizzazjoni. Għaldaqstant għandu jiġi kkunsidrat aċċettabbli li l-Istat Membru jista' jitlob li r-regoli tiegħu jibqgħu fis-seħħ. Għal dan il-għan, it-Trattat KE jirrikjedi li dawn il-miżuri ikunu ġġustifikati minħabba rekwiżiti importanti msemmija fl-Artikolu 30 KE jew relatati mal-protezzjoni ta' l-ambjent tax-xogħol jew ta' l-ambjent. Min-naħa l-oħra, fit-tieni ipoteżi, l-adozzjoni ta' leġiżlazzjoni nazzjonali ġdida tista' tipperikola aktar l-armonizzazzjoni. L-istituzzjonijiet komunitarji ma setgħux, min-natura stess tiegħu, jieħdu in kunsiderazjoni t-test nazzjonali matul l-iżvilupp ta' miżura ta' armonizzazzjoni. F'dan il-każ, ir-rekwiżiti msemmija fl-Artikolu 30 KE ma jittieħdux in konsiderazzjoni u huma biss huma aċċettati bħala raġunijiet fir-rigward tal-protezzjoni ta' l-ambjent jew ta' l-ambjent tax-xogħol, bil-kundizzjoni li l-Istat Membru jġib provi xjentifiċi ġodda u li l-bżonn li jintroduċi dispożizzjonijiet nazzjonali ġodda jirriżulta minn problema speċifika ta' l-Istat ikkonċernat u wara l-adozzjoni tal-miżura ta' armonizzazzjoni (sentenzi Ġermanja vs Kummissjoni, iċċitati iktar 'il fuq, punti 40 u 41, u Danimarka vs Kummissjoni, iċċitata iktar 'il fuq, punti 56 sa 58).

63     Hija r-responsabbiltà ta' l-Istat Membru li jinvoka l-Artikolu 95(5) KE, li jagħti prova li l-kundizzjonijiet ta' applikazjoni ta' din id-dispożizzjoni ingħaqdu (konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali M. Tizzano dwar is-sentenza Ġermanja vs Kummissjoni, iċċitata iktar 'il fuq, Ġabra p. I-847, punt 71; ara wkoll, b'analoġija ma' l-Artikolu 95(4) KE, is-sentenza Danimarka vs Kummissjoni, iċċitata iktar 'il fuq, punt 84).

64     Skond l-Artikolu 95(5) KE, hija r-responsabbiltà f'dan il-każ tar-Repubblika ta' l-Awstrija li turi, fuq il-bażi ta' provi xjentifiċi ġodda, li l-livell ta' protezzjoni ta' l-ambjent assigurat permezz tad-Direttiva 2001/18 ma kienx aċċettabbli meta tiġi kkunsidrata l-problema speċifika għal dak l-Istat Membru u li toriġina mill-adozzjoni tad-Direttiva 2001/18. B'hekk għandha tiġi eżaminata mill-ewwel it-talba jekk il-Kummissjoni b'mod żbaljat kinitx ikkunsidrat li r-Repubblika ta' l-Awstrija ma kinitx uriet l-eżistenza ta' problema speċifika li oriġinat mill-adozzjoni tad-Direttiva 2001/18.

65     Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ċaħdet l-argumenti tar-Repubblika ta' l-Awstrija li kienu juru l-eżistenza ta' problema speċifika skond l-Artikolu 95(5) KE, għar-raġuni li kien jirriżulta b'mod ċar min-notifikazzjoni li d-daqs zgħir ta' l-impriżi agrikoli, iktar milli problema tal-Land Oberösterreich biss, kienet karatteristika komuni, preżenti fl-Istati Membri kollha. Il-Kummissjoni wkoll adottat il-konklużjoniiet ta' l-EFSA, b'mod partikolari dawk li skond huma, min-naħa, il-"provi xjentifiċi ppreżentati ma fihom ebda informazzjoni xjentifika ġdida jew unikament lokali li tikkonċerna l-impatt fuq l-ambjent jew fuq is-saħħa tal-bniedem, ta' prodotti tar-raba' jew ta' annimali modifikati ġenetikament eżistenti jew futuri" u, min-naħa l-oħra, ma kien ippreżenta "ebda element xjentifiku li jagħti prova li din iż-żona ta' l-Awstrija kellha ekosistemi partikolari jew uniċi, li kienu jeħtieġu evalwazzjoni tar-riskji distinta minn dawk li saru għall-Awstrija kollha jew għal żoni oħra simili fl-Ewropa" (kunsiderazzjonijiet 70 u 71 tad-deċiżjoni kkontestata).

66     Għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ma ġabux elementi ta' provi li jippermettu li jiġi ddubitat il-mertu ta' dawn l-evalwazjonijiet fir-rigward ta' l-eżistenza ta' problema speċifika, imma dawn illimitaw ruħhom li jenfasizzaw id-daqs żgħir ta' l-impriżi agrikoli u l-importanza tal-produzzjoni organika fil-Land Oberösterreich.

67     B'mod partikolari, ir-rikorrenti ma ressqux provi intiżi sabiex jikkonfutaw il-konklużjonijiet ta' l-EFSA fejn skond dawn ir-Repubblika ta' l-Awstrija ma stabbilitx li t-territorju tal-Land Oberösterriech fih ekosistemi partikolari jew uniċi, li jeħtieġu evalwazjoni tar-riskji distinta minn dawk għall-Awstrija kollha jew għal żoni oħra simili fl-Ewropa. Mistiedna matul is-seduta sabiex jesprimu ruħhom dwar il-kobor tal-problema kkawżata mill-GMOs fuq it-territorju tal-Land Oberösterreich, ir-rikorrenti ma kienux fil-pożizzjoni li jinkidaw jekk il-preżenza ta' dawn l-organiżmi kienet ukoll instabet hemmekk. Il-Land Oberösterreich ippreċiża li l-adozzjoni tal-miżura nnotifikata kienet twassal għal biża' li jkunu jridu jbatu l-preżenza tal-GMOs għar-raġuni ta' l-iskadenza mħabbra ta' ftehim li skond dan l-Istati Membri kienu temporanjament impenjaw ruħhom li ma jagħtux awtorizzazzjonijiet għal dawn l-organiżmi. Minn dawn il-kunsiderazzjonijiet, minħabba l-karattru tagħhom ta' ordni ġenerali, huma mhumiex adattati li jannullaw l-evalwazjonijiet konkreti li jinsabu fid-deċiżjoni kkontestata.

68     Għaldaqstant, għandu jiġi miċħud l-argument li r-rikorrenti kienu kkontestaw l-evalwazzjonijiet imressqa mill-Kummissjoni fuq il-kundizzjoni li tirrigwarda l-eżistenza ta' problema speċifika ta' l-Istat Membru notifikanti.

69     Peress illi l-kundizzjonijiet meħtieġa mill-Artikolu 95(5) KE kienu kumulattivi, huwa biżżejjed li wieħed minn dawn il-kundizzjonijiet ma jkunux sodisfatt sabiex it-talba għal deroga tkun miċħuda (sentenza Ġermanja vs Kummissjoni, ċitata iktar 'il fuq, punt 81). Peress illi r-rikorrenti ma kienux irnexxielhom juru li wieħed mill-kundizzjonijiet meħtieġa mill-Artikolu 95(5) KE kien ġie sodisfatt, għandha tiġi miċħuda t-tielet raġuni bħala infondata, mingħajr ma jkun meħtieġ li jiġi deċiż fuq l-ilmenti u l-argumenti l-oħra.

 Fuq ir-raba' raġuni, fir-rigwrd tal-ksur tal-prinċipju ta' prekawzjoni

70     Ir-rikorrenti jakkużaw lil Kummissjoni li hija injorat li l-miżura nnotifikata kienet miżura ta' azzjoni preventiva skond l-Artikolu 174(2) KE, iġġustifikata mill-prinċipju ta' prekawzjoni, bħal ma l-Kummissjoni tikkontesta.

71     Il-Qorti tal-Prim'Istanza tikkonstata li din il-raġuni hija mingħajr effett. Fil-fatt, il-Kummissjoni kellha quddiemha talba skond l-Artikolu 95(5) KE. Hija kienet iddeċidiet li l-kundizzjonijiet ta' applikazzjoni ta' dan l-artikolu ma kienux ingħaqdu. Il-Qorti tal-Prim'Istanza kkonstatat, skond l-eżami tat-tielet raġuni, li d-deċiżjoni kkontestata ma kinitx żbaljata. Il-Kummissjoni b'hekk ma setgħet tagħmel xejn, fi kwalunkwe każ, ħlief li tiċħad id-domanda li ġiet imressqa quddiemha.

72     Ir-raba' raġuni għandu b'hekk jiġi miċħud.

73     Fid-dawl ta' dak kollu li jippreċedi, għandu jiġi miċħud ir-rikorsi kollu kemm huma.

 Fuq l-ispejjeż

74     Skond l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba.

75     Peress illi f'dan il-każ ir-rkorrenti tilfu l-argumenti tagħhom, huma għandhom jiġu kkundannati jbatu l-ispejjeż tal-kawża tal-Kummissjoni, skond it-talbiet tagħha f'dan is-sens.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI TAL-PRIM'ISTANZA (ir-Raba' Awla)

taqta' u tiddeċiedi li:

1)      Ir-rikorsi huwa miċħuda

2)      Ir-rikorrenti huma kkundannati jbatu l-ispejjeż.

Legal

Lindh

Vadapalas

mogħtija fil-Qorti bil-miftugħ fil-Lussemburgu, fil-5 ta' Ottubru 2005

H. Jung

 

      H. Legal

Reġistratur                                                                  il-President


1? Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż