Language of document : ECLI:EU:T:2005:360

SENTENZA TAL-QORTI TAL-PRIM'ISTANZA (l-Ewwel Awla Estiża)

18 ta' Ottubru 2005 (*)

" Rikors għal annullament – Ammissibbiltà – Ir-raba inċiż ta' l-Artikolu 230 KE – Persuni fiżiċi jew morali – Atti li jirrigwardahom direttament – Fond Ewropew ta’ Żvilupp Reġjonali (ERDF) – Deċiżjoni tal-Kummissjoni dwar it-tneħħija u t-talba għal rimbors ta' għajnuna finanzjarja – Artikolu 24 tar-Regolament (KEE) Nru 4253/88 – Żball manifest ta' evalwazzjoni "

Fil-kawża T-60/03

Regione Siciliana, inizjalment irrappreżentata minn G. Aiello, wara minn A. Cingolo, avvocati dello Stato, b'indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

rikorrenti

vs

il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn E. de March u L. Flynn, bħala aġenti, b'indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

konvenuta

li għandha bħala suġġett l-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2002) 4905 tal-11 ta' Diċembru 2002, dwar it-tneħħija ta' l-għajnuna mogħtija lir-Repubblika Taljana bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (87) 2090 026 tas-17 ta' Diċembru 1987, dwar l-għoti ta' għajnuna mill-Fond Ewropew ta’ Żvilupp Reġjonali bħala investiment fl-infrastrutturi, ta' l-ammont ta' jew ogħla minn 15–il miljun EUR fl-Italja (reġjun : Sqallija), u għall-irkupru tal-ħlas bil-quddiem iddepożitat mill-Kummissjoni bħala għajnuna, 

IL-QORTI TAL-PRIM'ISTANZA
TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ (l-Ewwel Awla Estiża),

komposta minn  B. Vesterdorf, President ta' l-Awla, J. D. Cooke, R. García-Valdecasas u I. Labucka u V. Trstenjak, Imħallfin,

Reġistratur: E. Coulon,

wara li rat l-proċedura bil-miktub, u wara s-seduta tat-12 ta' Mejju 2005,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-kuntest leġiżlattiv

1       Il-Fond Ewropew ta’ Żvilupp Reġjonali (ERDF) ġie stabbilit bir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 724/75 tat-18 ta' Mejju 1975 (ĠU L 73, p. 1), kif emendat diversi drabi u ssostitwit, mill-1 ta' Jannar 1985, bir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1787/84 tad-19 ta' Ġunju 1984, dwar l-ERDF (ĠU L 169, p. 1). Fl-1988, is-sistema tiegħu ġiet irriformata bir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2052/88 ta' l-24 ta' Ġunju 1988, rigward il-missjonijiet tal-fondi għal finijiet strutturali, l-effettività tagħhom kif ukoll il-Koordinament ta' l-interventi tagħhom u dawk tal-Bank Ewropew ta' l-Investiment u ta' strumenti finanzjarji oħra eżistenti (Ġu L 185, p. 9). Fid-19 ta' Diċembru 1988, il-Kunsill adotta r-Regolament (KEE) Nru 4253/88 dwar dispożizzjonijiet ta' applikazzjoni tar-Regolament Nru 2052/88 għal dak li jirrigwarda l-koordinazzjoni bejn l-interventi ta' fondi strutturali differenti, min-naħa, u bejn dawn u dawk tal-Bank Ewropew ta' l-Investiment u ta' strumenti finanzjarji oħra eżistenti, min-naħa l-oħra (ĠU L 374, p. 1). Ir-Regolament Nru 4253/88 ġie emendat b'mod partikolari bir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2082/93 ta' l-20 ta' Lulju 1993 (ĠU L 193, p. 20).

2       L-Artikolu 24 tar-Regolament Nru 4253/88 kif emendat, intitolat " Tnaqqis, sospensjoni jew tneħħija ta' l-għajnuna ", jiddisponi :

" 1.      Jekk it-twettiq ta' azzjoni jew ta' miżura tidher li ma tiġġustifikax l-għajnuna finanzjarja mogħtija la parzjalment u lanqas kollha kemm hi, il-Kummissjoni tipproċedi għal eżami approprjat tal-każ fil-kuntest ta' l-assoċjazzjoni, billi b'mod partikolari titlob lill-Istat Membru jew lill-awtoritajiet deżinjati minn din għat-twettiq ta' l-azzjoni jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom fit-terminu previst.

2.      Wara dan l-eżami, il-Kummissjoni tista' tnaqqas jew tissospendi l-għajnuna għall-azzjoni jew il-miżura kkonċernata jekk l-eżami jikkonferma l-eżistenza ta' irregolarità jew ta' modifika importanti li taffettwa n-natura jew iċ-ċirkustanzi tat-twettieq ta' l-azzjonijiet jew tal-miżura u li għaliha l-awtorizazzjoni tal-Kummisjoni mhux mitluba.

3.      Kull somma li tkun ġiet imħallsa indebitament u li trid tiġi rkuprata għandha titħallas lura lill-Kummissjoni. Jiżdiedu l-imgħax mas-somom li ma jitħallsux lura fi zmien xieraq […] "

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

3       BPermezz ta' talba li waslet lill-Kummissjoni fit-23 ta' Settembru 1986, ir-Repubblika Taljana talbet l-għoti ta' għajnuna ta' l-ERDF skond ir-Regolament Nru 1787/84, għal investiment infrastrutturali fi Sqallija (l-Italja), rigward it-tielet parti tal-bini ta' diga fuq il-Gibbesi. It-talba kienet tipprevedi l-bini ta' xogħolijiet annessi ma' l-istruttura tad-diga u tindika ż-żewġ raġunijiet għad-diga, liema ilmijiet kellhom iservu biex, b'mod partikolari, jipprovdu b'mod affidabbli ilma liċ-ċentru industrijali ta' Licata li għad irid jitwettaq u, bl-istess mod, it-tisqija ta' xi 1000 ettaru ta' art agrikola.

4       Permezz tad-Deċiżjoni C (87) 2090 026 tas-17 ta' Diċembru 1987 dwar l-għoti ta' għajnuna mill-ERDF bħala investiment fl-infrastrutturi ta' l-ammont ta' jew ogħla minn 15 miljun [EUR] fl-Italja (reġjun : Sqallija), il-Kummissjoni tat lir-Repubblika Taljana għajnuna mill-ERDF sa' l-ammont massimu ta' 94 490 620 056 liri Taljani (LIT) (madwar 48,8 miljun EUR) fil-kuntest ta' l-intervent Nru 86.05.03.008 (iktar 'il quddiem id-" Deċiżjoni ta' l-għoti "). Ir-Repubblika Taljana rċeviet bil-quddiem 75 592 496 044 LIT (madwar 39 miljun EUR) bħala din l-għajnuna.

5       Permezz ta' ittra tat-23 ta' Mejju 2000, l-awtoritajiet Taljani ttrażmettew lill-Kummissjoni rapport miktub mid-dipartimenti Taljani fuq l-interventi suġġetti għal din l-għajnuna. Skond dan ir-rapport, ix-xogħol fuq l-istruttura tad-diga kien ġie konkluż fil-11 ta' Novembru 1992. Madankollu d-diga għad mhijiex funzjonali, il-ġibjuni ta' l-ilma għadhom ma twettqux u l-akwedott kien għadu ma tlestiex. Minbarra dan, l-awtoritajiet Taljani kkommettew ruħhom li jippreżentaw it-talba tagħhom għal ħlas tal-bqija ta' l-għajnuna finanzjarja qabel il-31 ta' Marzu 2001.

6       Permezz ta' l-istess komunikazzjoni, l-awtoritajiet Taljani ttrażmettew lill-Kummissjoni nota tas-17 ta' Jannar 2000 tar-rikorrenti, li biha dan ta' l-aħħar formalment ikkometta ruħu li jeffettwa x-xogħolijiet neċessarji biex id-diga ssir funzjonali u tkun tista' tintuża.

7       Permezz ta' ittra tad-19 ta' Diċembru 2000, il-Kummissjoni talbet informazzjonijiet supplementari lill-awtoritajiet Taljani. B'mod partikolari riedet tikseb elementi relativi għat-talba ta' proroga tat-terminu ta' l-ippreżentar tat-talba ta' ħlas tal-bqija ta' l-ammont, għad-dispożizzjonijiet adottati mir-rikorrenti sabiex jinkiseb u jiġi użat ix-xogħol, u għar-rapport ta' l-istat fuq it-twettiq tax-xogħolijiet b'indikazzjoni tad-data effettiva jew prevista tat-tmiem tax-xogħolijiet u ta' meta l-opra tkun tista' tintuża.

8       Permezz ta' ittra tad-29 ta' Marzu 2001, l-awtoritajiet Taljani ppreżentaw lill-Kummissjoni t-talba tagħhom għall-ħlas tal-bqija ta' ammont u ttrażmettew nota tal-5 ta' Marzu 2001 maħruġa mir-rikorrenti. Jirriżulta minn din in-nota li l-Ente minerario Siciliano (amministrazzjoni tal-minjieri Sqallin, kuntrattur tad-diga) kien ġie xolt, li ċ-ċentru industrijali ta' Licata qatt ma twettaq u li, għalhekk, id-destinazzjoni inizjali ta' l-ilmijiet tad-diga jrid jiġi mmodifikat. Ġie mitlub studju sabiex jiġi ddefinit l-użu potenzjali ta' l-ilmijiet tal-ġibjun.

9       Fuq il-bażi ta' dawn l-elementi, il-Kummissjoni ddeċidiet tibda l-proċedura ta' eżami previst mill-Artikolu 24 tar-Regolament Nru 4253/88 u permezz ta' l-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni ta' l-għoti.

10     Permezz ta' ittra tas-26 ta' Settembru 2001, il-Kummissjoni ttrażmettiet lir-Repubblika Taljana l-elementi li jistgħu jikkostitwixxu irregolarità u li jiġġustifikaw deċiżjoni eventwali tat-tneħħija ta' l-għajnuna. B'mod partikolari, il-Kummissjoni indikat li m'għandhiex għad-dispożizzjoni informazzjoni fuq id-data preċiża jew indikativa li fiha x-xogħol ikun funzjonali u użat kollu kemm hu. Bl-istess mod indikat li d-destinazzjoni tax-xogħol ġie emendat meta mqabbel ma' dak li jirriżulta mid-deċiżjoni ta' l-għoti. Hija stiednet lill-awtoritajiet Taljani, lill-Presidenza tar-Regione Sicilia u l-benefiċjarju finali jifformulaw l-osservazzjonijiet tagħhom f'terminu ta' xahrejn u ppreċiżat li, ħlief f'ċirkustanzi eċċezzjonali, eventwali dokumenti kkomunikati wara din id-data ma kienux ser jittieħdu in kunsiderazzjoni.

11     Permezz ta' ittra tad-29 ta' Novembru 2001, ir-Repubblika Taljana ttrażmettiet lill-Kummissjoni l-osservazzjonijiet tar-rikorrenti. B'mod partikolari, jirriżulta minn dawn l-osservazzjonijiet li l-ebda data, lanqas provviżorja, ma ġiet stabbilita għall-użu tax-xogħol, li l-għanjiet tagħhom kienu ġew effettivament immodifikati.

12     Permezz ta' ittra tal-21 ta' Frar 2002, b'data wara t-terminu stabbilit mill-Kummissjoni (ara l-punt punt 10 iktar 'il fuq), ir-rikorrenti kkomunikat informazzjonijiet oħra fuq l-istat li fih wasslet il-proġett kif ukoll fuq kalendarju li jipprevedi t-tmiem tax-xogħolijiet qabel it-2 ta' Frar 2003.

13     Il-Kummissjoni kkunsidrat li dawn l-informazzjonijiet ta' l-aħħar jikkonfermaw l-eżistenza ta' numru ta' irregolaritajiet skond l-Artikolu 24 tar-Regolament Nru 4253/88 u adottat, fil-11 ta' Diċembru 2002, id-Deċiżjoni C (2002) 4095 , dwar it-tneħħija ta' l-għajnuna stabbilita għar-Repubblika Taljana bid-Deċiżjoni ta' l-għoti u għall-irkupru tal-ħlas bil-quddiem magħmul mill-Kummissjoni bħala għajnuna (iktar 'il quddiem id-" Deċiżjoni kkontestata ").

14     Il-premessi 14 u 15 tad-Deċiżjoni kkontestata jaqraw kif ġej :

" (14) L-eżami ta' l-elementi msemmija kkonfermaw l-eżistenza ta' irregolaritajiet skond [l-Artikolu 24 tar-Regolament Nru 4253/88] :

–       l-eżami tal-każ ikkonferma li x-xogħolijiet li ma ntemmux u li mhuwiex possibbli li tipprevedi, llanqas approssimativament, id-data li fiha d-diga ssir funzjonali u użata […]

–       l-eżami tal-każ, minbarra dan, ukoll ikkonferma li l-għanjiet u d-destinazzjoni tax-xogħol saritilhom modifika sostanzjali meta mqabbel ma' dak indikat fid-Deċiżjoni ta' l-għoti, waqt li ma ntalbetx approvazzjoni minn qabel mill-Kummissjoni ;

–       l-argumenti tar-Regione [Sqalli] ma jiġġustifikawx l-elementi in kwistjoni fl-ittra tal-Kummissjoni tas-26 ta' Settembru 2001 dwar il-proċedura ta' l-għoti tal-kuntratt u r-rispett tal-prinċipji ta' tmexxija finanzjarja tajba ;

(15) Billi ġew ikkonstatati dawn l-irregolaritajiet jeħtieġ jinġab fit-tmiem l-għoti u tipproċedi […] għall-irkupru tal-ħlas bil-quddiem ".

15     Permezz tad-Deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni neħħiet l-għajnuna mogħtija lir-Repubblika Taljana, il-fondi rriservati għall-ħlas tal-bqija ta' l-ammont (madwar 9.8 miljun EUR) u talbet il-ħlas lura ta' l-ammonti mogħtija bil-quddiem (madwar 39 miljun EUR).

 Il-proċedura u l-konklużjonijiet tal-partijiet

16     Permezz tat-talba ddepożitata fir-reġistru tal-Qorti tal-Prim'Istanza fl-20 ta' Frar 2003, ir-rikorrenti ppreżentat dan ir-rikors.

17     Fuq ir-rapport ta' l-Imħallef Relatur, il-Qorti tal-Prim'Istanza (l-Ewwel Awla Estiza) iddeċidiet li tibda l-proċedura orali. Fil-kuntest tal-miżuri ta' organizzazzjoni tal-proċedura, il-Qorti tal-Prim'Istanza qiegħdet domandi bil-miktub lir-rikorrenti u lill-Kummissjoni, bħala tweġiba orali matul is-seduta. Bl-istess mod il-Qorti tal-Prim'Istanza stiednet lir-Repubblika Taljana twieġeb bil-miktub numru ta' domandi. Ir-Repubblika Taljana kkonformat ruħha ma' dawn it-talbiet.

18     wWaqt is-smigħ tat-12 ta' Mejju 2005 instemgħu l-partijiet permezz tat-tweġibiet għad-domandi bil-miktub u orali. Wara li semgħet lill-partijiet, il-Qorti tal-Prim'Istanza ddeċidiet li żżid mal-fajl żewġ ittri tal-Kummissjoni indirizzati lir-rikorrenti, waħda bid-data ta' l-4 ta' Awwissu 2003, l-oħra bid-data ta' l-24 ta' Ottubru 2003, u kkomunikati minn din ta' l-aħħar fil-kuntest tal-kawżi konnessi T-392/03 u T-435/03 li fihom jidhru l-istess partijiet fir-rigward tat-twettiq tad-Deċiżjoni kkontestata.

19     Ir-rikorrenti titlob lill-Qorti tal-Prim'Istanza sabiex :

–       tannulla d-deċiżjoni kkontestata ;

–       tikkundanna lill-Kummissjoni tbati l-ispejjeż.

20     Il-Kummissjoni tilob lill-Qorti tal-Prim'Istanza sabiex :

–       l-ewwel nett tiddikjara r-rikors bħala inammissibbli ;

–       sussidjarjament, tirrifjuta r-rikors fuq il-mertu ;

–       f'kull każ, tikkundanna lir-rikorrenti tbati l-ispejjeż.

 Fid-dritt

21     Waqt is-seduta, interrogata f'dan is-sens mill-Qorti tal-Prim'Istanza, il-Kummissjoni rrikonoxxiet li t-tielet inċiż tal-premessa 14 tad-Deċiżjoni kkontestata, dwar il-konstatazzjoni ta' irregolaritajiet skond l-Artikolu 24 tar-Regolament Nru 4253/88 (ara punt 14 iktar 'il fuq), bl-ebda mod ma' ġġustifika l-adozzjoni ta' din id-Deċiżjoni. Issa, ir-raġunijiet u l-argumenti mqajma fit-talba u relativi għal dan l-inċiż ma jistgħux, għal dan biss, jiġġustifikaw l-annullament tad-Deċiżjoni kkontestata, safejn din hija bl-istess mod ibbażata fuq l-irregolaritajiet ikkonstatati fl-ewwel u t-tieni inċiżi ta' din il-premessa. Għar-raġunijiet li jirrigwardaw l-ekonomija fil-proċeduri, għalhekk il-Qorti tal-Prim'Istanza mhux ser teżamina r-raġunijiet u l-argumenti fuq imsemmija.

1.     Fuq l-ammissibbiltà

 Argumenti tal-partijiet

22     Il-Kummissjoni teċċepixxi l-inammissibbiltà ta' dan ir-rikors għall-motiv li r-rikorrenti nieqsa mid-dritt li taġixxi.

23     Il-Kummissjoni ma tikkuntestax il-fatt li r-rikorrenti hija individwalment ikkonċernata permezz tad-Deċiżjoni kkontestata skond ir-raba' inċiż ta' l-Artikolu 230 KE. Min-naħa l-oħra hija tqis li r-rikorrenti mhijiex direttament ikkonċernata mid-Deċiżjoni kkontestata.

24     L-ewwel nett, il-Kummissjoni tindika li, fl-ebda mument, ma eżistew xi konnessjonijiet ġuridiċi diretti bejnha u r-rikorrenti.

25     Issa, wieħed mill-prinċipji fundamentali tal-politika strutturali, sa mill-oriġini, kien li l-Kummissjoni u l-Istati Membri huma flimkien responsabbli tal-programmazzjoni ta' l-azzjonijiet strutturali, waqt li l-Istati Membri huma biss responsabbli tat-twettiq ta' din il-politika.

26     Għalhekk, f'dak li jirrigwarda l-attivitajiet tal-ERDF waqt il-perijodu ta' programmazzjoni 1985-1988, li matulu d-Deċiżjoni ta' l-għoti ġiet adottata, dan il-prinċipju ġie rifless f'numru ta' dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1787/84, li kien fis-seħħ f'dak iż-żmien. Għalhekk, il-Kummissjoni indikat li, fil-kawża preżenti, l-Istat Membru interessat ippreżenta talba speċifika lill-Kummissjoni, li adottat id-Deċiżjoni ta' l-għoti (Artikolu 22). Waqt it-twettiq tal-proġett, l-Istat Membru jrid jippreżenta kull tliet xhur informazzjoni lill-Kummissjoni, b'mod partikolari li tindika l-ispejjeż reali (Artikolu 28). Il-Kummissjoni tista' tagħti lok għall-ħlas bil-quddiem fuq talba ta' l-Istat Membru (Artikolu 31).

27     Il-Kummissjoni tiddeduċi li l-Istati Membri huma l-uniċi interlokuturi tagħha fis-sistema tat-tmexxija deċentralizzata li tikkostitwixxi waħda mill-karatteristiċi fundamentali tal-fondi strutturali għall-perijodu pertinenti. L-Istati Membri jikkostitwixxu skrin bejn il-Kummissjoni u l-benefiċjarju finali ta' l-għajnuna, billi l-ħlasijiet ikunu magħmulha lill-awtoritajiet nazzjonali u li dawn jibqgħu bl-għażla li jiddeċiedu l-konsegwenzi għall-benefiċjarju finali tat-tneħħija ta' l-għajnuna stipulata. Għalhekk, skond il-Kummissjonu u kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, ir-Repubblika Taljana tiddisponi minn diskrezzjoni f'dak li jirrigwarda it-twettiq tad-Deċiżjoni kkontestata.

28     F'dan ir-rigward, bi tweġiba għall-argument tar-rikorrenti li jgħid li din ġa tat lura, fil-kuntest ta' kumpens, is-somom mogħtija bħala għajnuna finanzjarja li tneħħiet permezz tad-Deċiżjoni kkontestata (arar l-punt 40 iktar 'il quddiem), il-Kummissjoni indikat li dan il-kumpens, tad-9 ta' Novembru 2003, seħħ bejn debitu tal-Ministeru ta' l-Ekonomija u tal-Finanzji Taljan, destinatarju tan-nota ta' debitu għall-irkupru ta' l-għajnuna mneħħija, u ħlas għal dan l-istess ministeru.

29     Huwa fid-dawl ta' dawn il-kunsiderazzjonijiet preliminari li jeħtieġ li jiġi ddeterminat jekk ir-rikorrenti, li, kuntrarjament għar-Repubblika Taljana, mhijiex destinatarja tad-Deċiżjoni kkontestata, hija direttament ikkonċernata minn din skond ir-raba' paragrafu ta' l-Artikolu 230 KE.

30     Il-Kummissjoni tfakkar il-ġurisprudenza kostanti li tgħid li miżura, biex ikollha effett dirett fuq persuna li mhijiex id-destinatarju, trid tipproduċi effetti ġuridiċi diretti fuq is-sitwazzjoni ġurdika ta' l-interessat u l-applikazzjoni tagħha jrid ikollha natura purament awtomatika u toħroġ biss mir-regolament Komunitarju, bl-esklużjoni ta' regolamenti intermedjarji oħra (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-5 ta' Mejju 1998, Dreyfus vs il-Kummissjoni, C‑386/96 P, Ġabra p. I‑2309, punt 43, u sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tat-13 ta' Diċembru 2000, DSTV vs il-Kummissjoni, T‑69/99, Ġabra p. II‑4309, punt 24).

31     Meta l-att ikkontestat huwa applikat mill-awtoritajiet nazzjonali li huma destinatarji, hemm lok li jiġi vverifikat jekk l-applikazzjoni ta' l-att ma tħalli l-ebda diskrezzjoni lil dawn l-awtoritajiet (sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tal-15 ta' Settembru 1998, Oleifici Italiani u Fratelli Rubino vs il-Kummissjoni, T‑54/96, Ġabra p. II‑3377, punt 56). Bl-istess mod, li persuna ser tkun direttament effettwata meta huwa possibbli għad-destinatarji ta' l-att li ma jagħtix segwitu hija purament teorika, billi l-jedd tagħhom li minnha joħorġu konsegwenzi konformi ma' din ta' l-aħħar hija bla dubju (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-17 ta' Jannar 1985, Piraiki-Patraiki et al vs il-Kummissjoni, 11/82, Ġabra p. 207, punti 8 sa 11, u Dreyfus vs il-Kummissjoni, iċċitata iktar 'il fuq, punt 44).

32     F'dan il-kuntest, il-Kummissjoni tqis li l-Qorti tal-Prim'Istanza ġa ddeċidiet, fid-digriet tagħha tal-25 ta' April 2001, Coillte Teoranta vs il-Kummissjoni (T‑244/00, Ġabra p. II‑1275, iktar 'il quddiem id-" digriet Coillte Teoranta "), li d-Deċiżjoni li jiġu esklużi ċertu spejjez ta' ffinanzjar mogħtija mill-Fond Agrikolu Ewropew ta' Gwida u Garanzija (EAGGF), taqsima " Garanzija ", ma pproduċietx effetti diretti fuq is-sitwazzjoni ġuridika tal-benefiċjarju ta' l-għajnuna.

33     Skond il-Kummissjoni, id-digriet Coillte Teoranta, maħruġa fil-qasam tal- EAGGF, tapplika bl-istess mod għall-fondi strutturali, u għalhekk għall-ERDF, minħabba l-fatt li t-tmexxija tal-fondi strutturali tibbaża ruħha fuq il-prinċipju tas-separazzjoni tar-rapporti ġuridiċi bejn, min-naħa, il-Kummissjoni u l-Istati Membri u, min-naħa l-oħra, bejn l-Istati Membri u l-benefiċjarji ta' l-għajnuna Komunitarja. Dan ir-raġunament huwa validu kull darba li r-responsabbilità prinċipali tal-kontroll ta' l-ispejjeż effettwati fil-kuntest tas-sistema ta' tmexxija deċentralizzata, kif inhu l-każ b'mod partikolari ta' l-ERDF u ta' l-EAGGF, jaqa' taħt l-Istati Membri.

34     Il-Kummissjoni wkoll tippreċiża li r-referenza magħmula mill-Qorti tal-Prim'Istanza, fil-punt 45 tad-digriet Coillte Teoranta, għas-sitwazzjoni differenti li toħroġ fil-każ ta' deċiżjonijiet ta' inammissibbiltà għall-finanzjament mill-Fond Soċjali Ewropew (ESF), irid ikun intiż bħala referenza għal perijodu li matulu, kuntrarjament għas-sitwazzjoni preżenti, kienu jeżistu konnessjonijiet diretti bejn il-Kummissjoni u l-benefiċjarji tal-finanzjament ESF. Il-Kummissjoni temmen li dan ir-rinviju jirrigwarda s-sistema ġuridika ddefinita fir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2950/83 tas-17 ta' Ottubru 1983, dwar l-applikazzjoni tad-Deċiżjoni 83/516/KEE dwar il-missjonijiet ta' l-ESF (ĠU L 289, p. 1), li jirregola lill-ESF waqt il-perijodu ta' programmazzjoni 1984‑1988 u li jipprevedi rapport ġuridiku dirett bejn il-Kummissjoni u l-benefiċjarji. Skond il-Kummissjoni, in-nuqqas ta' rapport dirett ta' dan it-tip jagħmel din is-sistema ġuridika nettament differenti minn dik applikabbli għall-fondi strutturali, inkluż l-ERDF, waqt il-perijodu ta' programmazzjoni 1985‑1988.

35     Il-Kummissjoni tqis li din id-differenza bejn is-sistemi applikabbli waqt il-perijodi differenti ta' programmazzjoni jeskludu wkoll, fil-każ in kwistjoni, li l-benefiċjarji jiġu rrikonoxxuti bħala li għandhom id-dritt li jikkontestaw id-deċiżjonijiet ta' tnaqqis ta' l-għajnuna, skond il-punti 46 sa 48 tas-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tas-6 ta' Diċembru 1994, Lisrestal et vs il-Kummissjoni (T‑450/93, Ġabra p. II‑1177), ikkonfermata mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha ta' l-24 ta' Ottubru 1996, Kummission vs Lisrestal et (C‑32/95 P, Ġabra p. I‑5373). Matul il-perijodu ta' programmazzjoni 1984-1988, kien hemm, fis-sustanza, tmexxija diretta żgurata mill-Kummissjoni. Min-naħa l-oħra, fil-kuntest tar-Regolament Nru 1787/84 li serva bħala bażi għad-Deċiżjoni ta' l-għoti, il-Kummissjoni kellha rwol ta' sorveljanza. Billi l-Kummissjoni ma kellha l-ebda rwol ieħor fl-azzjonijiet ta' rkupru meħuda mill-Istati Membri u billi, kif il-Qorti tal-Prim'Istanza indikat fil-punti 47 u 48 tad-digriet Coillte Teoranta, l-azzjonijiet eventwali għal irkupru huma bbażati fuq id-dritt nazzjonali u mhumiex konsegwenza awtomatika tad-deċiżjonijiet ta' esklużjoni ta' ċertu spejjeż ta' finanzjament Komunitarju, l-analiżi fis-sentenza Lisrestal et vs il-Kummissjoni, iċċitata iktar 'il fuq, mhijiex valida għad-deċiżjonijiet meħuda fuq il-bażi tar-Regolament Nru 4253/88 u dwar proġetti ffinanzjati mill-fondi strutturali.

36     Bi tweġiba għall-argument tar-rikorrenti li jgħid li d-digriet Coillte Teoranta mhuwiex applikabbli minħabba l-fatt li hija enti pubblika u mhux persuna (ara l-punt 42 iktar 'il fuq), il-Kummissjoni tirreplika li dan l-argument ma jikkonvinċix fil-miżura fejn il-Qorti tal-Prim'Istanza ma tipproċedix għal tali distinzjoni f'dan id-digriet.

37     Minbarra dan, il-Kummissjoni ma tikkontestax li, fis-sentenza tagħha tad-9 ta' Lulju 2003, Vlaams Fonds voor de Sociale Integratie van Personen met een Handicap vs il-Kummissjoni (T‑102/00, Ġabra p. II‑2433, iktar 'il quddiem is-" sentenza Vlaams Fonds "), il-Qorti tal-Prim'Istanza ddeċidiet li d-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tnaqqas jew tneħħi għajnuna finanzjarja mogħtija mill-ESF tista' tikkonċerna direttament u individwalment il-benefiċjarji ta' tali konkors. Madankollu, il-Kummissjoni tqis li din l-affermazzjoni ġiet magħmula inċidentalment, fil-miżura fejn il-Qorti tal-Prim'Istanza ma ġietx mitluba tiddeċiedi fuq id-domanda jekk ir-rikorrenti kinitx direttament ikkonċernata mid-deċiżjoni kontroversjali in kwistjoni. Bl-istess mod, l-attenzjoni tagħha ma ġietx miġbuda fuq il-preċedent ikkostitwit mid-digriet Coillte Teoranta. Il-Kummissjoni żżid li l-ġurisprudenza ċċitata iktar 'il fuq mill-Qorti tal-Prim'Istanza fis-sentenza Vlaams Fonds tirreferi għal perijodu ieħor ta' programmazzjoni li waqtu r-regolament tal-fondi strutturali ma kienx għadu bbażat fuq sistema ta' tmexxija deċentralizzata. F'dawn iċ-ċirkustanzi, il-preċedent ikkostitwit bid-digriet Coillte Teoranta huwa aktar pertinenti milli s-sentenza Vlaams Fonds, f'dak li jirrigwarda r-rapporti bejn il-benefiċjarji finali u l-Kummissjoni fl-operazzjonijiet immexxija b'mod deċentralizzat mill-Istati Membri.

38     Ir-rikorrenti tqis, min-naħa tagħha, li r-rikors huwa ammissibbli u żżid li d-dispożizzjonijiet tat-trattat KE dwar id-drittijiet ta' rikors tal-persuni mhuwiex suġġett ta' interpretazzjoni restrittiva. B'mod partikolkari tirreferi għas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta' Lulju 1963, Plaumann vs il-Kummissjoni (25/62, Ġabra p. 197). Hemm ukoll lok li tiġi rrikonoxxuta l-kwalità li biha wieħed jaġixxi lill-persuni kollha li, filwaqt li għandhom il-personalità ġuridika mitluba minn dawn id-dispożizzjonijiet, huma individwalment u direttament ikkonċernati bl-att ikkontestat. Skond ir-rikorrenti, din is-soluzzjoni tiġi bl-istess mod imposta meta r-rikorrenti hija entità pubblika li timplementa dawn iċ-ċirkustanzi. F'dan ir-rigward, hija tirreferi għas-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tal-15 ta' Ġunju 1999, Regione autonoma Friuli-Venezia Giulia vs il-Kummissjoni (T‑288/97, Ġabra p. II‑1871).

39     Skond ir-rikorrenti, id-deċiżjoni kkontestata, li hi tirrikonoxxi li mhijiex formalment indirizzata lilha, madankollu tikkonċernaha direttament billi direttament teffettwa s-sitwazzjoni ġuridika tagħha. Fil-fatt, id-destinatarju tad-deċiżjoni kkontestata, jiġifieri r-Repubblika Taljana, ma jiddisponi minn ebda diskrezzjoni fir-rigward tat-twettiq tiegħu li jikkonsisti fis-sempliċi ripetizzjoni ta' somom mħallsa qabel mill-ERDF. Għal dan il-għan, l-ebda attività normattiva supplementari ma tkun neċessarja. Ir-rikorrenti tqis li, skond il-ġurisprudenza kostanti Komunitarja, dawn iċ-ċirkustanzi huma biżżejjed sabiex jistabbilixxu l-kwalità tal-persuni li jaġixxu (sentenza Dreyfus vs il-Kummissjoni, iċċitata iktar 'il fuq).

40     Barra dan, ir-rikorrenti tqis li ġa ħallset lura, fil-kuntest ta' kumpens, is-somom bħala għajnuna li tneħħew bid-deċiżjoni kkontestata, inklużi l-interessi moratorji.

41     F'dawn iċ-ċirkustanzi, il-fatt li rapporti diretti bejn ir-rikorrenti u l-Kummissjoni ma eżistewx mhuwiex pertinenti, fil-miżura fejn huwa ċar, fid-Deċiżjoni ta' l-għoti, li r-rikorrenti hija manifestament il-benefiċjarja ta' l-għajnuna ta' l-ERDF. Wara kollox, f'dan ir-rigward jeħtieġ jitqies li r-rikorrenti kellha, kuntrarjament għal dak li ssostni l-Kummissjoni, numru ta' kuntatti diretti ma' dan ta' l-aħħar waqt il-fażi ta' l-eżami li tippreċedi d-Deċiżjoni ta' l-għoti. Waqt dan il-perijodu, diskussjonijiet fil-fond twettqu bejn il-Kummissjoni u r-rikorrenti.

42     Minbarra dan, il-ġurisprudenza invokata mill-Kummissjoni (digriet Coillte Teoranta) mhuwiex applikabbli. Fil-fatt, ir-rikorrenti mhijiex persuna, iżda enti territorjali pubblika, jiġifieri emanazzjoni ta' l-Istat Taljan.

43     F'dan ir-rigward, jeħtieġ titfakkar is-sentenza Vlaams Fonds, li fil-punt 60 tal-motivi taqra kif ġej :

" Skond il-ġurisprudenza [...] kostanti, deċiżjoni tal-Kummissjoni li tnaqqas jew tneħħi għajnuna finanzjarja mogħtija mill-ESF tista' tikkonċerna direttament u individwalment il-benefiċjarji ta' tali għajnuna u li tikkawżalhom dannu, minkejja l-fatt li l-Istat Membru kkonċernat huwa l-uniku interlokutur ta' l-ESF fil-proċedura amministrattiva. Fil-fatt, huma l-benefiċjarji ta' l-għajnuna li jissubixxu l-konsegwenzi ekonomiċi tad-deċiżjoni ta' tnaqqis jew ta' tneħħija, billi huma responsabbli prinċipalment għar-rimbors tas-somom mogħtija indebitament (ara, f'dan is-sens, is-sentenza Lisrestal et vs il-Kummissjoni, iċċitata iktar 'il fuq, punti 43 sa 48, tal-ġurisprudenza ċċitata)."

 Kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

44     Id-deċiżjoni kkontestata li tneħħi l-għajnuna li tagħha r-rikorrenti hija huwa l-benefiċjarja ġiet indirizzata lill-Istat Membru kkonċernat, jiġifieri r-Repubblika Taljana. Taħt ir-raba' paragrafu ta' l-Artikolu 230 KE, "kull persuna fisika jew legali tista’ [...] tippresenta rikors [...] kontra deċiżjoni li għalkemm, fil-forma ta’ [...] deċiżjoni indirizzata lil xi persuna oħra, tirrigwarda direttament u individwalment lil dik il-persuna". Peress li l-interess individwali tar-rikorrenti mhuwiex ikkontestat fil-kawza, jeħtieġ jiġi eżaminat jekk ir-rikorrenti hijiex direttament ikkonċernata bid-Deċiżjoni kkontestata.

45     Jeħtieġ jitfakkru ż-żewġ kriterji kumulattivi għall-interess dirett tas-suġġett skond ir-raba' inċiż ta' l-Artikolu 230 KE, li joħorġu minn ġurisprudenza konstanti.

46     L-ewwel nett, l-att in kwistjoni jrid jipproduċi direttament l-effetti fuq is-sitwazzjoni ġuridika tal-persuna. It-tieni nett, dan l-att ma jrid iħalli l-ebda diskrezzjoni lid-destinatarji tiegħu li għandhom l-inkariku jwettquh, li għandu natura purament awtomatika u li joħroġ mill-uniku Regolament Komunitarju mingħajr applikazzjoni ta' regoli intermedjarji oħra (sentenza Dreyfus vs il-Kummissjoni, iċċitata iktar 'il fuq, punt 43 ; DSTV vs il-Kummissjoni, iċċitata iktar 'il fuq, punt 24, u d-digriet tal-Qorti tal-Prim'Istanza tas-6 ta' Ġunju 2002, SLIM Sicilia vs il-Kummissjoni, T‑105/01, Ġabra p. II‑2697, punt 45 ; ara wkoll, f'dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-13 ta' Mejju 1971, International Fruit Company et vs il-Kummissjoni, 41/70 sa 44/70, Ġabra p. 411, punti 23 sa 29, u tas-6 ta' Marzu 1979, Simmenthal vs il-Kummissjoni, 92/78, Ġabra p. 777, punti 25 u 26). Il-kundizzjoni mitluba mit-tieni kriterju hija bl-istess mod sodisfatta meta l-possibbiltà għall-Istat Membru li ma jagħtix segwitu għall-att in kwistjoni huwa purament teoriku, billi r-rieda li jinħarġu xi konklużjonijiet skond din ta' l-aħħar mhijiex dubitata (sentenza Dreyfus vs il-Kummissjoni, iċċitata iktar 'il fuq, punt 44 ; ara wkoll, f'dan is-sens, sentenza Piraiki-Patraiki et vs il-Kummissjoni, iċċitata iktar 'il fuq, punti 8 sa 10).

47     Bl-annullament kollu ta' l-għajnuna, id-Deċiżjoni kkontestata, prinċipalment, kif ġie wkoll muri fil-punt 15 iktar 'il fuq, tirrevoka l-obbligu għall-Kummissjoni li tħallas l-ammont ta' l-għajnuna (9,8 miljun EUR) u timponi r-rimbors tal-ħlasijiet bil-quddiem imħallsa lir-Repubblika Taljana u mogħtija lir-rikorrenti (madwar 39 miljun EUR).

48     Il-Qorti tal-Prim'Istanza tikkunsidra li tali deċiżjoni neċessarjament ipproduċiet effetti direttament fuq is-sitwazzjoni ġuridika tar-rikorrenti, u dan taħt diversi aspetti. Minbarra dan, id-Deċiżjoni kkontestata ma tħalli l-ebda diskrezzjoni lill-awtoritajiet Taljani, peress li dan it-twettiq għandu natura purament awtomatika u li toħroġ mill-uniku Regolament Komunitarju mingħajr applikazzjoni ta' regoli intermedjarji oħra.

49     Prinċipalment jeħtieġ jitfakkar li ladarba id-Deċiżjoni ta' l-għoti ġiet adottata u nnotifikata lir-Repubblika Taljana, ir-rikorrenti tista' tikkunsidra, sabiex jitwettaq il-proġett li huwa suġġett ta' għajnuna, u bir-riżerva tar-rispett tal-kundizzjonijiet li joħorġu minn din id-Deċiżjoni ta' l-għoti u r-Regolament applikabbli għall-ERDF, li s-somma ta' l-għajnuna (madwar 48,8 miljun EUR) hija kollu kemm hi għad-dispożizzjoni tiegħu. Fuq din il-bażi, ir-rikorrenti tista' tippjana u tqassam l-ispejjeż tagħha fit-twettiq tat-tielet taqsima tax-xogħol fuq id-diga fuq il-Gibbesi.

50     Minbarra dan, l-awtoritajiet nazzjonali Taljani, bħar-rikorrenti, kienu wkoll marbuta mill-kundizzjonijiet u mir-Regolamenti msemmija. Anki s-somom mogħtija bil-quddiem mill-Kummissjoni bħala għajnuna li dwarha tirrigwarda l-kawża jridu jkunu obbligatorjament użati sabiex titwettaq it-tielet taqsima tad-diga fuq il-Gibbesi. La d-dritt Komunitarju lanqas id-dritt nazzjonali ma jawtorizza lill-awtoritajiet Taljani li jneħħu lir-rikorrenti somom ta' għajnuna jew jużawhom għal skopijiet oħra. Għalhekk, sakemm il-kundizzjonijiet u r-Regolament imsemmi jiġu rrispettati, l-awtoritajiet Taljani mhumiex awtorizzati jitolbu rimbors lir-rikorrenti, l-anqas parzjali, ta' dawn is-somom.

51     Għalhekk jeħtieġ jitqies, kif ir-rikorrenti tikkonferma waqt is-seduta bi tweġiba għad-domandi tal-Qorti tal-Prim'Istanza, li din ta' l-aħħar, bejn l-1987 u l-1992, wettqet il-biċċa l-kbira tal-proġett suġġett għall-għajnuna mneħħija, u li dawn ix-xogħolijiet ġew iffinanzjati esklużivament minn riżorsi tar-rikorrenti stess u mill-għajnuna Komunitarja wkoll mneħħija.

52     Huwa fid-dawl ta' dawn il-kunsiderazzjonijiet preliminari li d-domanda li tkun taf jekk ir-rikorrenti hijiex direttament ikkonċernata permezz tad-Deċiżjoni kkontestata trid tkun eżaminata.

53     L-ewwel nett, fir-rigward tal-bidla fis-sitwazzjoni ġuridika tar-rikorrenti, id-Deċiżjoni kkontestata kellha bħala l-ewwel effett dirett u immedjat li timmodifika s-sitwazzjoni patrimonjali tagħha billi tiċħdilha l-bqija ta' l-għajnuna (madwar 9,8 miljun EUR) li kien qad baqa' jitħallsu mill-Kummissjoni. Il-bqija ta' l-għajnuna mhuwiex ser jingħata lir-Repubblika Taljana mill-Kummissjoni, billi l-għajnuna hija annullata. Għalhekk, l-awtoritajiet Taljani ma jistgħux jgħaddu l-ammont lir-rikorrenti. Waqt li, qabel l-adozzjoni tad-Deċiżjoni kkontestata, ir-rikorrenti setgħat toqgħod b'ċertu ċertezza fuq din is-somma fil-kuntest tat-twettiq tal-proġett, minħabba f'din id-Deċizjoni hi kellha bilfors, l-ewwel nett, tikkonstata li ġiet imċaħħda minnha u, it-tieni nett, li tfittex finanzjament flokha sabiex taffronta l-obbligi kuntrattwali fil-kuntest tat-twettiq tax-xogħol tat-tielet taqsima tad-diga fuq il-Gibbesi.

54     Id-Deċiżjoni kkontestata direttament biddlet is-sitwazzjoni ġuridika tar-rikorrenti anki f'dak li jirrigwarda l-obbligu li jħallsu lura s-somom mogħtija bħala ħlas bil-quddiem (madwar 39 miljun EUR). Fil-fatt, id-Deċiżjoni kkontestata għandha bħala effett li direttament tbiddel l-istatut ġuridiku tar-rikorrenti minn kreditriċi li mhux ikkuntestat f'dak ta' debitriċi, għallinqas potenzjalment, ta' dawn is-somom. Dan minħabba li d-Deċiżjoni kkontestata ġġib fit-tmiem l-impossibbiltà li fiha jinstabu l-awtoritajiet nazzjonali, kemm bħala dritt Komunitarju kemm bħala dritt nazzjonali, li jeżiġu min-naħa tar-rikorrenti r-rimbors tal-ħlas mogħti bil-quddiem. Fi kliem ieħor, id-Deċiżjoni kkontestata għandha bħala t-tieni effett dirett u awtomatiku li timmodifika s-sitwazzjoni ġuridika tar-rikorrenti fir-rigward ta' l-awtoritajiet nazzjonali.

55     Billi din tbiddel direttament, u minn daqshekk b'mod sensibbli, is-sitwazzjoni ġuridika tar-rikorrenti, kif jirriżulta mill-punti 53 u 54 iktar 'il fuq, id-Deċiżjoni kkontestata effettivament tissodisfa l-kundizzjonijiet dwar l-ewwel kriterju, msemmi iktar 'il fuq fil-punt 46, li jgħid li suġġett irid ikun direttament interessat.

56     F'dak li jirrigwarda, in segwitu, il-kriterju ta' applikabbiltà awtomatika tad-Deċiżjoni kkontestata, jeħtieġ jitqies huwa mekkanikament, permezz tagħha stess, li d-Deċiżjoni kkontestata tiżviluppa fir-rigward tar-rikorrenti l-effett doppju indikat fil-punti 53 u 54 iktar 'il fuq.

57     Dan l-effett doppju tad-Deċiżjoni kkontestata joħroġ biss mir-Regolament Komunitarju, mid-dispożizzjonijiet magħquda tat-tielet inċiż ta' l-Artikolu 211 KE u tar-raba' paragrafu ta' l-Artikolu 249 KE. F'dan ir-rigward, l-awtoritajiet nazzjonali ma jiddisponu minn ebda diskrezzjoni fl-obbligu tagħhom li jwettqu din id-Deċiżjoni.

58     Il-konklużjonijiet tal-punti 56 u 57 iktar 'il fuq mhumiex mqiegħda f'diskussjoni permezz ta' l-argument tal-Kummissjoni li jħid li l-awtoritajiet nazzjonali jistgħu teorikament jiddeċiedu li jilliberaw lir-rikorrenti mill-konsegwenzi finanzjarji li d-Deċiżjoni kkontestata direttament titfa' fuqha, billi tiffinanzja permezz ta' riżorsi statali, min-naħa, il-ħlas ta' l-ammont ta' l-għajnuna Komunitarja maħruġa u, min-naħa l-oħra, ir-rimbors tal-ħlas Komunitarju mogħti bil-quddiem li r-rikorrenti rċeviet, jew biss wieħed minn dawn it-tnejn.

59     Fil-fatt, deċiżjoni nazzjonali eventwali ta' finanzjament ta' dan it-tip ma jneħħi l-ebda applikabbiltà awtomatika lid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni. Hi tibqa' ġuridikament estranja għall-applikazzjoni, fid-dritt Komunitarju, tad-Deċizjoni kkontestata. Din id-deċiżjoni nazzjonali għandha bħala effett li tqiegħed mill-ġdid lir-rikorrenti fis-sitwazzjoni li kienet tinsab fiha qabel l-adozzjoni tad-Deċiżjoni kkuntestat, billi tipprovoka min-naħa tagħha t-tieni bidla fis-sitwazzjoni ġuridika tar-rikorrenti emendata fl-ewwel lok, u b'mod awtomatiku, mid-Deċiżjoni kkontestata. Din it-tieni bidla fis-sitwazzjoni ġuridika tar-rikorrenti toħroġ biss mid-deċiżjoni nazzjonali, u mhux mill-esklużjoni ta' din id-Deċiżjoni kkontestata.

60     Fi kliem ieħor, l-adozzjoni ta' deċiżjoni nazzjonali li tiffinanzja tkun indispensabbli preċiżament biex twaqqaf l-effetti awtomatiċi tad-Deċiżjoni kkontestata.

61     F'dan ir-rigward, il-fatti tal-kawża huma differenti determinanti mill-fatti li oriġinaw id-digriet Coillte Teoranta invokat mill-Kummissjoni (ara l-punti 32 sa 34 iktar 'il fuq). Fil-fatt, permezz tad-deċiżjoni kkontestata in kwistjoni Coillte Teoranta, il-Kummissjoni ċaħħdet it-talba ta' l-Istat Membru kkonċernat, destinatarju ta' din id-Deċiżjoni, li tfittex li ammonti li kienet ġa tat lill- benefiċjarju jmorru f'idejn l-EAGGF bħala spejjeż eleġibbli għal koiffinanzjar Komunitarju. Kuntrarjament għas-sitwazzjoni f'din il-kawża, id-Deċiżjoni kkontestata li tat lok għad-digriet Coillte Teoranta għalhekk ma wasslitx awtomatikament u mekkanikament għall-għoti ta' ħlas li kien għadu dovut lill-benefiċjarju. Minbarra dan, kienet biss l-adozzjoni ta' deċiżjoni nazzjonali wara d-Deċiżjoni kkontestata tal-Kummissjoni li setgħat tobbliga lill-benefiċjarja tħallas lura l-ammonti li ġa rċeviet.

62     L-argument tal-Kummissjoni msemmi fil-punt 58 iktar 'il fuq jagħmel applikazzjoni żbaljata tal-kunċett ta' effett dirett fis-sens tal-ġurisprudenza kostanti mfakkra fil-punt 46 iktar 'il fuq, jiġifieri jaqleb il-kunċett. Fil-fatt, l-eżistenza ta' tali possibbiltà ta' finanzjament mill-awtoritajiet Taljani ma tfissirx li d-deċiżjoni kkontestata trid titwettaq mid-destinatarju tagħha biss qabel ma' tiżviluppa l-effetti tagħha fir-rigward tar-rikorrenti.

63     Billi ma tħalli l-ebda diskrezzjoni lill-awtoritajiet Taljani, għaliex għandha natura purament awtomatika u li toħroġ biss mir-Regolament Komunitarju mingħajr applikazzjoni ta' regoli intermedjarji oħra, kif jirriżulta mill-punti 56 sa 62 iktar 'il fuq, id-Deċiżjoni kkontestata għalhekk effettivament tissodisfa l-kundizzjonijiet dwar it-tieni kriterju li suġġett ikun direttament interessat, imfakkar fil-punt 46 iktar 'il fuq.

64     L-argument invokat mill-Kummissjoni (ara punti 24 sa 27 iktar 'il fuq) li jgħid li s-separazzjoni tar-rapporti ġuridiċi, min-naħa, bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri u, min-naħa l-oħra, bejn l-Istati Membri u l-benefiċjarji, ma tħallix li r-rikorrenti tkun fi kwalunkwe mod direttament interessata, ma tistax tintlaqa'.

65     Fil-fatt, skond ġurisprudenza kostanti (ara, f'dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-11 ta' Novembru 1981, IBM vs il-Kummissjoni, 60/81, Ġabra p. 2639, punt 9 ; is-sentenzi tal-Qorti tal-Prim'Istanza ta' l-24 ta' Marzu 1994, Air France vs il-Kummissjoni, T‑3/93, Ġabra p. II‑121, punt 43, u ta' l-4 ta' Marzu 1999, Assicurazioni Generali u Unicredito vs il-Kummissjoni, T‑87/96, Ġabra p. II‑203, punt 37), hemm lok li, biex tistabbilixxi jekk l-att ta' istituzzjoni Komunitarja teffettwa direttament, b'mod partikolari fis-sens ta' l-Artikolu 230 KE, tiġi eżaminata n-natura effettiva sabiex tiġi vverifikata jekk, indipendentament mill-forma, għandhiex effett immedjat fuq l-interessi ta' din il-persuna, billi tbiddel b'mod konsiderevoli s-sitwazzjoni ġuridika tiegħu.

66     Issa, jirriżulta mill-punti 47 sa 63 iktar 'il fuq li s-sitwazzjoni ġuridika tar-rikorrenti hija direttament effettwata mid-Deċiżjoni kkontestata.

67     Sussidjarjament, jeħtieġ jitqies li, kif ir-rikorrenti ġustament tqis, rapporti diretti eżistew bejnha u l-Kummissjoni, per eżempju waqt il-fażi ta' preparazzjoni ta' l-għoti ta' l-għajnuna, jew bl-ittra mibgħuta direttament lir-rikorrenti tas-26 ta' Settembru 2001 (ara l-punt 10 iktar 'il fuq). F'dan ir-rigward, il-Qorti tal-Prim'Istanza qieset li r-rapporti diretti komplew wara l-adozzjoni tad-Deċiżjoni kkontestata, kif jirriżulta miż-żewġ ittri tal-Kummissjoni direttament indirizzati lir-rikorrenti u miżjuda fl-inkartament (ara l-punt 18 iktar 'il fuq). Fl-ewwel ittra, bid-data ta' l-4 ta' Awwissu 2003, il-Kummissjoni stiednet fil-fatt lir-rikorrenti tħallas is-somma ta' madwar 39 miljun EUR biż-żieda ta' l-interessi talli tħallset tard bħala ħlas lura tas-somom mogħtija bil-quddiem fil-kuntest tal-proġett in kwistjoni. Bl-istess mod, fit-tieni ittra, bid-data ta' l-24 ta' Ottobru 2003, il-Kummissjoni indikat lir-rikorrenti li pproċediet għall-kumpens bejn diversi krediti u dejn tal-Kummissjoni dwar proġetti li jirrigwardaw ir-rikorrenti, fosthom il-proġett dwar it-tielet taqsima tad-diga fuq il-Gibbesi. F'dawn iċ-ċirkustanzi, l-approċċ formali tal-Kummissjoni ma jintlaqgħax.

68     Iż-żewġ kriterji mfakkra fil-punt 46 iktar 'il fuq huma sodisfatti, għalhekk jeħtieġ li l-inammissibbiltà tiġi miċħuda.

2.     Fuq il-mertu

69     Ir-rikorrenti tinvoka żewġ raġunijiet in sostenn tar-rikors tagħha. L-ewwel raġuni toħroġ mill-ksur ta' l-Artikolu 24 tar-Regolament Nru 4253/88 u t-tieni minn żball manifest ta' evalwazzjoni fl-applikazzjoni ta' din id-dispożizzjoni.

 Fuq l-ewwel raġuni, li toħroġ mill-ksur ta' l-Artikolu 24 tar-Regolament Nru 4253/88

70     Ir-rikorrenti tinvoka tliet argumenti in sostenn ta' l-ewwel raġuni. L-ewwel nett, it-test ta' l-Artikolu 24 tar-Regolament Nru 4253/88 ma jipprevedix l-ipoteżi tat-tneħħija ta' l-għajnuna. In segwitu, l-istat mhux operazzjonali u li ma jistax jintuża ta' dan ix-xogħol ma jiġġustifikax it-tneħħija ta' l-għajnuna in kwistjoni fir-rigward ta' l-Artikolu 24 tar-Regolament Nru 4253/88 u tad-Deċiżjoni ta' l-għoti. Fl-aħħar, il-kundizzjonijiet għaż-żamma ta' l-għajnuna in kwistjoni huma sodisfatti fir-rigward ta' l-Artikolu 24 tar-Regolament Nru 4253/88.

 Fuq l-ewwel argument in sostenn ta' l-ewwel raġuni 

–       Argumenti tal-partijiet

71     Ir-rikorrenti tfakkar li, permezz tad-Deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni neħħiet interament l-għajnuna. Issa, it-tneħħija ta' l-għajnuna Komunitarja mhijiex prevista ħlief fit-titolu ta' l-Artikolu 24 tar-Regolament Nru 4253/88, u mhux fl-istess test ta' l-Artikolu. Fil-fatt, kif il-Kummissjoni ammettiet hi stess, l-Artikolu 24 (2) jipprevedix biss it-tnaqqis jew is-sospensjoni ta' l-għajnuna, u dan taħt ċertu kundizzjonijiet preċiżi. Huwa biss l-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni ta' l-għoti li jipprevedi t-tneħħija ta' l-għajnuna in kwistjoni, iżda dan fl-ipoteżi mhux espressament imsemmija fid-Deċiżjoni kkontestata. F'dawn iċ-ċirkustanzi, id-Deċiżjoni kkontestata, f'dak li hija bbażata fuq interpretazzjoni estensiva biss ta' l-Artikolu 24 tar-Regolament Nru 4253/88 filwaqt li t-tneħħija ta' l-għajnuna, li għandha n-natura ta' sanzjoni, titlob għall-kuntrarju interpretazzjoni ristrettiva ta' din id-dispożizzjoni, hija mingħajr bażi ġuridika.

72     Il-Kummissjoni tirribatti li, f'każ ta' diverġenzi bejn il-forma ta' dispożizzjoni u t-titolu, jeħtieġ li wieħed u l-ieħor jiġu interpretati b'mod li t-termini kollha jkollhom effett utli. Minbarra dan, interpretazzjoni sistematika ta' l-Artikolu 24, u b'mod partikolari ta' l-ewwel paragrafu tiegħu, tippermetti li jiġi konkluża l-possibbiltà li titneħħa totalment għajnuna, b'mod li r-riferenza fl-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni ta' l-għoti ma tkunx neċessarja. Wara kollox, li tingħaraf biss lill-Kummissjoni s-setgħa li tnaqqas l-ammont ta' l-għajnuna proporzjonalment ma' l- irregolaritajiet mwettqa jista' jinkoraġġixxi l-frodi, fil-miżura fejn biss is-somom li jkunu ġew riċevuti b'mod indebitu jkunu jridu jiġu mħallsa lura.

–       Kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

73     Il-kundizzjonijiet li fihom għajnuna tista' titneħħa joħorġu mhux mir-regoli tal-proċedura, iżda minn dawk sostanzjali (sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tat-28 ta' Jannar 2004, Euroagri vs il-Kummissjoni, T‑180/01, li għada ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punti 36 u 37). Dawn l-aspetti għalhekk huma, bħala prinċipju, irregolati permezz tar-Regolament applikabbli fil-mument ta' l-għoti ta' l-għajnuna. Kif ukoll fakkret il-Qorti tal-Prim'Istanza fl-istess sentenza, it-tneħħija ta' l-għajnuna Komunitarja minħabba f'irregolaritajiet li jirrigwardaw il-benefiċjarji għandhom in-natura ta' sanzjoni meta ma tkunx limitata għar-ripetizzjoni ta' l-ammonti dovuti mħallsa minħabba f'dawn l-irregolaritajiet. Għalhekk huwa ammissibbli biss jekk hija ġġustifikata tajjeb fir-rigward tar-Regolament applikabbli fil-mument ta' l-għoti ta' l-għajnuna fil-mument tad-Deċiżjoni ta' tneħħija.

74     F'dawn iċ-ċirkustanzi, id-dispożizzjonijiet pertinenti rigward it-tneħħija ta' l-għajnuna huma dawk tar-Regolament Nru 1787/84, fis-seħħ fil-waqt ta' l-addozzjoni tad-Deċiżjoni ta' l-għoti, u tar-Regolament Nru 4253/88, fil-verżjoni tiegħu applikabbli waqt l-addozzjoni tad-Deċiżjoni kkontestata, jiġifieri hekk kif emendata permezz tar-Regolament Nru 2082/93.

75     L-Artikolu 32(1) tar-Regolament Nru 1787/84 jipprevedi t-tnaqqis jew it-tneħħija ta' l-għajnuna. L-Artikolu 24 tar-Regolament Nru 4253/88, fil-verżjoni tiegħu emendata permezz tar-Regolament Nru 2082/93, jipprevedi t-tneħħija ta' l-għajnuna fit-titolu u bl-istess mod, b'mod indirett, fl-ewwel paragrafu tiegħu, li jevoka n-nuqqas ta' ġustifikazzjoni ta' parti jew tat-totalità ta' l-għajnuna finanzjarja.

76     F'dak li jirrigwarda l-ifformular ta' l-Artikolu 24(2), li ma jipprevedix espressament it-tneħħija ta' l-għajnuna, huwa biżżejjed li jitqies li ġurisprudenza kostanti (sentenzi tal-Qorti tal-Prim'Istanza tat-12 ta' Ottubru 1999, Conserve Italia vs il-Kummissjoni, T‑216/96, Ġabra p. II‑3139, punt 92 ; ta' l-14 ta' Ġunju 2001, Hortiplantvs il-Kummissjoni, T‑143/99, Ġabra p. II‑1665, punt 40 ; tas-26 ta' Settembru 2002, Sgaravatti Mediterranea vs il-Kummissjoni, T‑199/99, Ġabra p. II‑3731, punti 130 u 131, u tal-11 ta' Marzu 2003, Conserve Italia vs il-Kummissjoni, T‑186/00, Ġabra p. II‑719, punti 74 u 78) jagħti l-possibbiltà lill-Kummissjoni li tneħħi l-għajnuna fuq il-bażi ta' l-Artikolu 24(2) tar-Regolament Nru 4253/88.

77     F'dawn iċ-ċirkustanzi, l-ewwel argument in sostenn ta' l-ewwel raġuni mhuwiex fondat u għandu jiġi miċħud.

 Fuq it-tieni argument in sostenn ta' l-ewwel raġuni

–       Argumenti tal-partijiet

78     Skond ir-rikorrenti, li l-Kummissjoni teżiġi li x-xogħol ikollu natura kollha kemm hi funzjonali u li tista' jintuża' ma jirriżultax la mid-Deċiżjoni ta' l-għajnuna u lanqas mill-Artikolu 24 tar-Règolament Nru 4253/88. Il-Kummissjoni ma esprimietx dan ħlief fil-mument ta' l-ippreżentar tat-talba ta' ħlas definittiv. Għal dan il-għan, li teżiġi dan daqshekk tard irid jiġi kkunsidrat infondat ġuridikament, u dan meta r-rikorrenti ġa kienet intrabtet mis-17 ta' Jannar 2000 li tiżgura l-funzjonalità tax-xogħol li ġiet koiffinanzjata mill-ERDF fl-iqsar żmien.

79     L-ewwel nett, il-Kummissjoni tirribatti li r-rikorrenti ma tikkontestax iċ-ċirkustanzi li d-diga ma titħaddimx u lanqas tiġi użata fid-data tad-Deċiżjoni kkontestata. Wara dan, hi tfakkar sostanzjalment li l-kriterju operazzjonali tax-xogħol sallum iffinanzjat huwa u jibqa' essenzjalment fis-sistema tal-fondi strutturali, b'mod partikolari għal raġunijiet marbuta ma' l-effikaċja politika ta' koeżjoni ekonomika u soċjali ddefinita permezz tat-trattat, liema programmazzjoni tikkostitwixxi element ċentrali tagħha. Tmexxija finanzjarja tajba tal-fondi strutturali minbarra dan timponi lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri li tirrispetta l-programmazzjoni stabbilita u li tkun tista' tneħħi l-kontribuzzjonijiet għall-proġetti li ma jitħaddmux.

–       Kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

80     Kif il-Kummissjoni fakkret waqt is-smigħ, id-Deċiżjoni ta' l-għoti ta' għajnuna Komunitarja trid tinqara flimkien mat-talba ta' għajnuna korrispondenti (ara, b'analoġija, sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza ta' l-14 ta' Lulju 1997, Interhotel vs il-Kummissjoni, T‑81/95, Ġabra p. II‑1265, punt 42). Issa, jirriżulta mill-inkartament, b'mod partikolari mit-talba għall-għajnuna ppreżentata mir-Repubblika Taljana, msemmija fil-punt 3 iktar 'il fuq, li din it-talba, li fuq il-bażi tagħha ttieħdet id-Deċiżjoni ta' l-għoti, tindika li t-tielet taqsima tax-xogħol tad-diga fuq il-Gibbesi trid twassal għan-natura operattiva tax-xogħol.

81     Kif il-Kummissjoni ġustament tfakkar fis-sottomissjonijiet tagħha, l-Artikolu 18(1) tar-Regolament Nru 1787/84, li fuqu d-Deċiżjoni ta' l-għoti ġiet adottata, jipprevedi li " l-iffinanzjar ta' investiment fl-infrastruttura jirrigwarda [...] infrastrutturi li jikkontribwixxu għall-iżvilupp tar-reġjun jew taż-żona li jinstabu fihom".

82     F'dan ir-rigward, mill-ewwel jeħtieġ jitfakkar li, sabiex jiġi ggarantit tħaddim tajjeb tas-sistemi ta' fondi strutturali Komunitarji u t-tmexxija finanzjarja tajba tagħhom, it-twettiq ta' tali proġett koiffinanzjat f'dan il-kuntest irid jimmira lejn in-natura operzzjonali ta' dan il-proġett, peress li din l-eżiġenza hija l-bażi tad-Deċiżjoni li tagħti l-finanzjament Komunitarju.

83     Issa, huwa fatt li d-diga la kienet operattiva u la setgħat tiġi użata fid-data tad-Deċiżjoni kkontestata. F'tali ċirkustanzi, hija manifestament inkompatibbli mad-dispożizzjoni ċċitatata iktar 'il fuq li tawtorizza l-benefiċjarju ta' l-għajnuna in kwistjoni li jżomm il-finanzjament Komunitarju mogħti għat-twettiq tax-xogħol waqt li, speċifikament, dan ix-xogħol mhuwiex utilizzabbli. Tali approċċ ma jkunx kompatibbli ma' l-għan ta' tmexxija tajba tal-fondi strutturali Komunitarji.

84     F'dawn iċ-ċirkustanzi, it-tieni argument in sostenn ta' l-ewwel raġuni mhuwiex fondat u jrid jiġi miċħud.

 Fuq it-tielet argument in sostenn ta' l-ewwel raġuni

–       Argumenti tal-partijiet

85     Skond ir-rikorrenti, il-kundizzjonijiet għaż-żamma ta' l-għajnuna in kwistjoni jinstabu fl-Artikolu 24 tar-Regolament Nru 4253/88 fil-miżura fejn in-natura tax-xogħol u l-kundizzjonijiet ta' tħaddim ta' l-azzjoni eliġibbli mhumiex effettwati u fejn il-bidla fid-destinazzjoni tax-xogħol hija suġġetta għat-talba ta' approvazzjoni indirizzata lill-Kummissjoni.

86     Ir-rikorrenti hija ta' l-opinjoni li l-bidla fil-għan jew fid-destinazzjoni tax-xogħol ma tikkostitwixxix, skond l-Artikolu 24(1) tar-Regolament Nru 4253/88, ċirkustanza tat-tip li tnaqqas jew li tissospendi għajnuna finanzjarja, anki jekk il-Kummissjoni ħadet in kunsiderazzjoni din il-bidla fid-Deċiżjoni kkontestata.

87     Ir-rikorrenti żżid li l-anness tad-Deċiżjoni ta' l-għoti stess jagħti deskrizzjoni tax-xogħol, iżda mhux indikazzjoni ta' l-għan tiegħu.

88     Issa, skond ir-rikorrenti, il-fatt li l-ġibjuni ta' l-ilma ta' dan ix-xogħol huma minn issa kollha kemm huma użati għat-tisqija, u mhux aktar għat-tkessiħ tat-tagħmir industrijali wkoll, mhuwiex tali li jbiddel in-natura tax-xogħol in kwistjoni, li hija dik li tikkostitwixxi ġibjuni ta' l-ilma fl-interess ġenerali. F'dan ir-rigward, ir-rikorrenti ssemmi, mingħajr ma' l-Kummissjoni tikkontestaha, li minn dejjem kien previst li l-ġibjuni ta' l-ilma tad-diga in kwistjoni kienu ddestinati għat-tisqija ta' madwar 1000 ettaru ta' art. Huwa l-fatt li ċ-ċentru industrijali ta' Licata ma nfetaħx, liema ftuħ kien previst f'Licata mill-1986, li wassal biex l-għan ta' tisqija jkun predominanti. Dan l-istat ta' fatt ġie kkomunikat lill-Kummissjoni, bil-preċiżazzjoni dak iż-żmien li x-xogħol iżomm l-funzjoni soċjo-ekonomika tiegħu fil-kuntest ta' l-iżvilupp reġjunali. F'dan ir-rigward, jeħtieġ jiġi kkunsidrat li d-diga, li tinstab f'reġjun li tbati b'mod ċar min nuqqas ta' ilma għall-użu privat, agrikolu u industrijali, tista', permezz tal-kwalità ta' l-ilma tagħha, tissodisfa numru ta' eżiġenzi, li jinkludu ilma għax-xorb, u li jinkludiha f'sistema komplessiva u aktar wiesgħa ta' interventi f'dak li jirrigwarda l-ilma koiffinanzjat mill-ERDF. Ir-rikorrenti żżid li studju speċifiku ġie mitlub għall-użu ta' l-ilma u għall-ivvalutar tad-diga in kwistjoni.

89     Bl-istess mod, ir-rikorrenti kkunsidrat li l-bidla tad-destinazzjoni tax-xogħol ma teffettwax il-kundizzjonijiet tax-xogħol ta' l-azzjoni, anki jekk dawn ta' l-aħħar iqisu l-iffunzjonar tax-xogħol, u mhux id-destinazzjoni tagħha.

90     Skond ir-rikorrenti, id-Deċiżjoni kkontestata hija wkoll żbaljata għaliex ma tieħux in kunsiderazzjoni l-fatt li l-awtoritajiet Taljani kkomunikaw lill-Kummissjoni dokumenti in sostenn tal-bidla in kwistjoni fid-destinazzjoni tax-xogħol.

91     Il-Kummissjoni tfakkar li l-Artikolu 24 tar-Regolament Nru 4253/88 jista' jiġi invokat fuq il-bażi ta' irregolarità, b'mod partikolari ta' bidla importanti li teffettwa t-twettiq tal-miżura kkonċernata.

92     Hija żżid li kkonstatat l-eżistenza ta' irregolarità konsistenti f'bidla sostanzjali ta' l-għanjiet u tad-destinazzjoni tax-xogħol ipparagunat ma' dak previst fid-Deċiżjoni ta' l-għoti, mingħajr ma' l-approvazzjoni preliminari tiegħu kienet ġiet mitluba.

93     Il-Kummissjoni in segwitu tfakkar li d-Deċiżjoni ta' l-għoti ġiet adottata fuq il-bażi tar-Regolament Nru 1787/84. Id-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 22(3) ta' dan ir-Regolament, li jipprevedu d-deskrizzjoni tax-xogħol koiffinanzjat mill-fondi Komunitarji, huma superfluwi jekk ser jiġi kkunsidrat li tali deskrizzjoni hija purament indikativa. L-istess għandu jingħad għad-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 28(1)(b) ta' l-istess Regolament, li jgħid li t-talba ta' ħlas finali jinkludi b'mod partikolari dikjarazzjoni li tgħid li l-investiment huwa konformi mal-proġett inizjali.

94     Issa, jirriżulta mit-talba ta' l-għajnuna ta' l-ERDF ippreżentata lill-Kummissjoni mill-awtoritajiet Taljani skond l-Artikolu 22(3) tar-Regolament Nru 1787/84 li d-deskrizzjoni tad-diga u ta' l-użu tagħha previst jagħmlu parti integrali mit-talba. Il-Kummissjoni żżid li l-għajnuna ġiet mogħtija billi b'mod partikolari jittieħed in kunsiderazzjoni t-tul taż-żmien, il-karatteristiċi tekniċi u l-għanjiet tax-xogħol, ippreżentati fit-talba. F'dan ir-rigward, it-tisqija ta' madwar 1000 ettaru ta' art agrikola, skond il-Kummissjoni, ma kienx previst ħlief fuq titolu komplementari.

95     F'dawn iċ-ċirkustanzi, il-bidla fil-proġett, la darba l-iffinanzjar kien miksub, għal użu differenti minn dak previst, huwa inkompatibbli man-nozzjoni ta' l-iżvilupp reġjunali koerenti u konverġenti li huwa l-bażi tal-kunċett ta' programmazzjoni. L-għajnuna in kwistjoni ġiet attribwita fuq il-bażi tal-premessa li tgħid li l-ġibjuni ta' l-ilma mid-diga huwa l-ewwel nett effettwati biex jipprovdi ilma għaċ-ċentru industrijali li jrid jitwettaq.

96     Jirriżulta li bidla fid-destinazzjoni ta' l-ilma tad-diga tiġġustifika t-tneħħija ta' l-għajnuna skond l-Artikolu 24 tar-Regolament Nru 4253/88.

97     Il-Kummissjoni tirribatti li l-argument tar-rikorrenti (ara punt 90 iktar 'il fuq) li jgħid li ma ħadietx in kunsiderazzjoni, fid-Deċiżjoni kkontestata, il-fatt li l-awtoritajiet Taljani kkomunikaw lill-Kummissjoni il-bidla in kwistjoni tad-destinazzjoni tax-xogħol, huwa infondat. Fil-fatt il-Kummissjoni qatt ma tat l-approvazzjoni tagħha għall-bdil tad-destinazzjoni tax-xogħol, li minn barra dan, ġie kkomunikat ferm tard, jiġifieri fid-29 ta' Marzu 2001. Wara kollox, ir-rikorrenti qatt ma talbet l-approvazzjoni ta' din il-bidla. Il-Kummissjoni tqis li l-komunikazzjoni ta' tali informazzjoni dwar il-bidla ta' destinazzjoni tax-xogħol mhuwiex ekwivalenti għal talba ta' approvazzjoni. Bil-kontra, l-informazzjoni li ġiet ikkomunikata lilha fid-29 ta' Marzu 2001 wasslitu biex jibda, f'Settembru 2001, il-proċedura għat-tneħħija ta' l-għajnuna. Il-konferma mir-rikorrenti ta' dawn l-informazzjonijiet, fid-29 ta' Novembru 2001, wasslet għall-addozzjoni, fil-11 ta' Diċembru 2002, tad-Deċiżjoni kkontestata.

98     Minbarra dan, l-argument tar-rikorrenti huwa bbażat fuq interpretazzjoni żbaljata ta' l-Artikolu 24 tar-Regolament Nru 4253/88, li jgħid li il-Kummissjoni ma tistax la tnaqqas lanqas tneħħi l-għajnuna għar-raġuni li l-awtoritajiet nazzjonali ma talbux l-approvazzjoni. Issa, l-interessi finanzjarji tal-Komunità huma mqiegħda fil-periklu jekk il-Kummissjoni ma tistax tnaqqas jew tneħħi għajnuna għas-sempliċi raġuni li ġiet informata tal-bidla tal-proġett. Tali interpretazzjoni tirrendi l-approvazzjoni ta' din l-istess bidla inutli.

–       Kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

99     L-ewwel nett għandu jiġi rrilevat li, kif il-Kummissjoni ġustament fakkret, l-għan tax-xogħol in kwistjoni huwa indikat fit-talba ta' l-għajnuna ta' l-ERDF ippreżentata mir-Repubblika Taljana.

100   Minbarra dan, il-Kummissjoni ġustament issostni li mhuwiex biżżejjed li tiġi informata bil-bidliet li twettqu għad-destinazzjoni ta' xogħol li huwa koiffinanzjat mill-ERDF, iżda wkoll li hi trid tagħti l-kunsens tagħha fuq dawn il-bidliet. Fil-fatt, il-Qorti tal-Prim'Istanza ġa ddeċidiet li l-Kummissjoni tista' tneħħi għajnuna f'każ ta' irregolarità, b'mod partikolari fil-każ ta' bidla importanti ta' l-azzjoni li teffettwa n-natura tagħha jew il-kundizzjonijiet tat-twettiq tagħha mingħajr l-approvazzjoni preliminari tal-Kummissjoni tkun ġiet mitluba (sentenza tat-12 ta' Ottubru 1999, Conserve Italia vs il-Kummissjon, iċċitata iktar 'il fuq, punt 92).

101   Issa, jirriżulta mill-inkartament li r-rikorrenti kkuntentat ruħha li tinforma tard lill-Kummissjoni bil-bidla tad-destinazzjoni tal-ġibjuni ta' l-ilma tax-xogħol in kwistjoni. Evidentement, din l-informazzjoni ma tikkostitwix talba għal approvazzjoni.

102   Id-Deċiżjoni ta' l-għotja u t-talba ta' finanzjament korrispondenti quddiemhom iridu jinqraw flimkien, kif huwa mfakkar fil-punt 81 iktar 'il fuq, min-naħa, u d-destinazzjoni tax-xogħol ġiet mibdula b'mod importanti mingħajr l-approvazzjoni preliminari tal-Kummissjoni, billi l-għan predominanti li jipprovdi ilma liċ-ċentru ta' Licata mhuwiex miksub, min-naħa l-oħra, jeħtieġ jiġi konkluż li t-tneħħija ta' għajnuna hija ġġustifikata taħt l-Artikolu 24 tar-Regolament Nru 4253/88.

103   F'dawn iċ-ċirkustanzi, it-tielet argument in sostenn ta' l-ewwel mhuwiex fondat u jrid jiġi miċħud, li jwassal biex l-ewwel raġuni tkun miċħuda kollha kemm hi.

 Fuq it-tieni raġuni, dwar żball manifest ta' evalwazzjoni ta' l-Artikolu 24 tar-Regolament Nru 4253/88

 Argumenti tal-partijiet

104   Ir-rikorrenti ssostni li l-evalwazzjoni predominanti tal-Kummissjoni, li tgħid li x-xogħolijiet ma twettqux u li d-data li fiha d-diga kellha natura funzjonali u li setgħat tintuża' mhuwiex determinabbli, lanqas b'mod indikattiv, huwa żbaljat.

105   Hija tqis, kontrarjament, li r-riżultat tad-dokumentazzjoni mgħoddija lill-Kummissjoni, u b'mod partikolari taċ-ċertifikat tat-twettiq tax-xogħolijiet, li x-xogħol kien twettaq fl-4 ta' Novembru 1992, billi d-diga tirriżulta mwettqa kollha kemm hi. Hija żżid li din iċ-ċirkustanza ġiet rikonoxxuta fil-premessa 6 tad-Deċiżjoni kkontestata.

106   Ir-rikorrenti tkompli billi tindika li l-aħħar xogħolijiet, li d-Deċiżjoni kkontestata ssemmi bħala li għad iridu jintemmu, huma totalment sekondarji. Dawn ma jeskludux twettiq effettiv tad-diga. Iċ-ċertifikat ta' twettiq tax-xogħolijiet jikkonferma dawn l-affermazzjonijiet.

107   Wara kollox, ir-rikorrenti ssostni li dan iċ-ċertifikat ma jsemmix, kuntrarjament għall-indikazzjonijiet tal-premessa 6 tad-Deċiżjoni kkontestata, il-" ġibjuni provviżorji " mhux imwettqa.

108   Ir-rikorrenti żżid li s-Servizio nazionale dighe (Dipartiment Taljan tad-digi), wara t-tmiem tax-xogħolijiet, talab biss it-twettiq tax-xogħolijiet ta' kisi fuq in-naħa xellugija tad-diga.

109   Ir-rikorrenti kkonkludiet li x-xogħlijiet dwar it-twettiq tad-diga fuq il-Gibbesi twettqu f'Novembru 1992 u li l-interventi msemmija mitluba mis-Servizio nazionale dighe kellhom natura marġinali meta mqabbla ma' l-ewwel funzjoni tad-diga li qabel kollox tibqa' ġibjun ta' l-ilma. Għalhekk, dan id-dipartiment dejjem ikkunsidra, abbażi ta' kontrolli semestrali tal-funzjonalità ta' l-installazzjonijiet, ikkonfermati minn ċertifikati ta' effikaċja għal dan il-għan, li d-diga tlestiet.

110   Il-Kummissjoni tikkuntesta li x-xogħolijiet intemmu fl-1992 u li l-operazzjonijiet effettwati għat-tħaddim tad-diga kienu ta' natura sekondarja.

111   In sostenn ta' l-affermazzjoni tagħha, il-Kummissjoni ssemmi l-ittra ta' l-awtoritajiet Taljani lill-Kummissjoni, bid-data tat-23 ta' Mejju 2000, li magħha kellha ċertifikat tat-tmiem tax-xogħolijiet, li minnha jirriżulta li l-ġibjuni provviżorji ma twettqux u li l-akwedott ma tlestiex. Il-Kummissjoni żżid, bl-ittra tad-19 ta' Diċembru 2000, li talbet informazzjonijiet supplementari lill-awtoritajiet Taljani b'mod partikolari dwar it-tlestija u d-data, effettiva jew mistennija, tat-tħaddim tad-diga. Bl-ittra tal-21 ta' Frar 2001, ir-rikorrenti kkomunikat kalendarju li bih ix-xogħolijiet kellhom jitlestew fit-2 ta' Frar 2003.

112   Il-Kummissjoni żżid li x-xogħolijiet in kwistjoni ma jinkludux biss il-bini ta' l-istruttura tad-diga, iżda bl-istess mod il-bidla tal-Gibbesi, il-kanal ta' restituzzjoni, l-akwedott, kif ukoll xogħol ieħor. Minbarra dan, l-awtoritajiet Taljani wrew, fit-talba tagħhom għal għajnuna, l-għanijiet tax-xogħol li kien jikkonsisti fil-bini għall-iżvilupp industrijali tar-reġjun ikkonċernat. Jirriżulta li x-xogħol jrid jitwettaq fl-elementi kollha tiegħu u jaħdem biex l-għanjiet previsti jitwettqu. F'dawn iċ-ċirkustanzi, id-distinzjoni magħmula mir-rikorrenti bejn ix-xogħol prinċipali u sekondarju ma' għandu l-ebda sens.

113   F'dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kummissjoni setgħat tikkonstata, fid-data ta' l-adozzjoni tad-Deċiżjoni kkontestata, li x-xogħolijiet previsti taħt l-għajnuna in kwistjoni ma twettqux totalment

 Kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

114   L-ewwel nett irid jitqies li l-premessa 6 tad-Deċiżjoni kkontestata ssemmi biss li x-xogħolijiet ta' l-istruttura tad-diga ntemmu, u mhux tad-diga kollha kemm hi.

115   Minbarra dan, jirriżulta mill-inkartament, u b'mod partikolari miċ-ċertifikat ta' twettiq tax-xogħolijiet mehmuż ma' l-ittra tat-23 ta' Mejju 2000 indirizzata mill-awtoritajiet Taljani lill-Kummissjoni, li l-Kummissjoni ġustament qieset li l-ġibjuni provviżorji u l-akwedott ma twettqux, fejn dawn ix-xogħolijiet kienu jagħmlu parti integranti mill-proġett in kwistjoni.

116   F'dawn iċ-ċirkustanzi, jeħtieġ jiġi konkluż li x-xogħolijiet li huma s-suġġett ta' l-għajnuna preżenti ta' l-ERDF ma twettqux meta ġiet adottata d-Deċiżjoni kkontestata.

117   Għaldaqshekk, it-tieni raġuni hija infondata u għandha tiġi miċħuda.

118   Fir-rigward ta' dak kollu li hawn hawn fuq, jeħtieġ li r-rikors jiġi miċħud.

 Dwar l-ispejjeż

119   Skond l-Artikolu 87(2) tar-Regoli ta' Proċedura tal-Qorti tal-Prim'Istanza, il-parti li titlef għandha tiġi ordnata tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Madankollu skond l-ewwel subparagrafu ta' l-Artikolu 87(3) jipprevedi li l-Qorti tal-Prim'Istanza tista' taqsam l-ispejjeż jekk il-partijiet ikunu telliefa rispettivament fuq kap jew aktar tat-talbiet tagħhom. It-tieni subparagrafu ta' l-Artikolu 87(3) jipprevedi li l-Qorti tal-Prim'Istanza tista tikkundanna lil parti, anki jekk rebbieħa, sabiex tħallas lura lill-parti l-oħra l-ispejjeż illi tkun ikkawżatilha u li tqis fiergħa jew vessatorji.

120   F'din il-kawża, il-Kummissjoni tilfet għal dak li jikkonċerna l-ammissibbiltà. Minbarra dan, parti ta' l-ispejjeż ikkawżati mir-rikorrenti għall-ippreżentar tat-talba tagħha saru minħabba fformular, li setgħa sar aħjar, tad-Deċiżjoni kkontestata (ara l-punt 21 iktar 'il fuq). Għalhekk il-Qorti tal-Prim'Istanza tqis ekwu li l-Kummissjoni tbati nofs l-ispejjeż. Għaldaqshekk, għandu jiġi deċiż li r-rikorrenti ssostni l-ispejjeż tagħha kif ukoll nofs l-ispejjeż tal-Kummissjoni.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI TAL-PRIM'ISTANZA (l-Ewwel Awla Estiża),

taqta' u tiddeciedi :

1)      L-eċċezzjoni ta' inammissibbiltà hija miċħuda.

2)      Ir-rikors huwa miċħud bħala infondat.

3)      Ir-rikorrenti għandha tbati l-ispejjeż tagħha u nofs l-ispejjeż sostnuti mill-Kummissjoni. Il-Kummissjoni għandha tbati nofs l-ispejjeż tagħha.

Vesterdorf

Cooke

García-Valdecasas

Labucka

 

      Trstenjak

Mogħtija fil-Qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu fit-18 ta' Ottubru

Reġistratur

 

      il-President

E. Coulon

 

      B. Vesterdorf


* Lingwa tal-kawża: it-Taljan.