Language of document : ECLI:EU:T:2005:364

SENTENZA TAL-QORTI TAL-PRIM'ISTANZA (it-Tielet Awla Estiża)

tad-19 ta' Ottubru 2005 (*)

Għajnuna mill-Istat – Użu ħażin ta' għajnuna – Riskju li tiġi evitata l-ordni ta' rkupru – Rkupru ta' għajnuna minn kumpanniji li xtraw l-attiv ta' l-operat mingħand il-benefiċjarju inizjali"

Fil-kawża T-324/00

CDA Datenträger Albrechts GmbH, stabbilita f'Albrechts (il-Ġermanja), irrappreżentata minn T. Schmidt-Kötters u D. Uwer, avukati, b'indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

rikorrenti

sostnuta mir-

ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, irrappreżentata minn W.-D. Plessing u T. Jürgensen, bħala aġenti, assistiti minn R. Bierwagen, avukat,

intervenjenti

vs

il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn K.-D. Borchardt u V. Kreuschitz, bħala aġenti, assistiti minn C. Koenig, b'indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

konvenuta

sostnuta minn

ODS Optical Disc Service GmbH, stabbilita fl-Amburgu (il-Ġermanja), irrappreżentata minn I. Brinker u U. Soltész, Avukati, b'indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

intervenjenti

li għanda bħala suġġett talba għall-annullament tad-Deċiżjoni 2000/797/KE tal-Kummissjoni tal-21 ta' Ġunju 2000, dwar l-għajnuna mill-Istat tal-Ġermanja favur CDA Compact Disc Albrechts GmbH (Thuringe) (ĠU L 318, p. 62),

IL-QORTI TAL-PRIM'ISTANZA
TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ (it-Tielet Awla Estiża),

komposta minn J. Azizi, President, R. García-Valdecasas, J. D. Cooke, Jaeger u F. Dehousse, Imħallfin,

Reġistratur: D. Christensen, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-5 ta' Mejju 2004,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 IL-kuntest ġuridiku

1       L-Artikolu 87 KE jistipola :

"1. Bla ħsara ta' kull deroga kontemplata f’dan it-Trattat, kull għajnuna, ta' kwalunkwe forma, mogħtija minn Stat Membru jew permezz ta’ riżorsi ta’ l-Istat, li twassal għal distorsjoni jew theddida ta' distorsjoni għall-kompetizzjoni billi tiffavorixxi ċerti impriżi jew ċerti produtturi għandha, safejn tolqot il-kummerċ bejn l-Istati Membri, tkun inkomaptibbli mas-suq komuni [...]"

2       L-Artikolu 88 jipprovdi :

"1. Il-Kummissjoni għandha teżamina kostantement ma' l-Istati Membri s-sistemi kollha ta’ għajnuna li jeżiżtu f’dawk l-Istati. Hija għandha tipproponi lil dawn ta' l-aħħar kull miżura xierqa meħtieġa għall-iżvilupp progressiv u għall-funzjonament tas-suq komuni.

Jekk, wara li ssejjaħ lill-partijiet interessati biex jissottomettu l-kummenti tagħhom, il-Kummissjoni ssib li miżura ta’ għajnuna mogħtija minn Stat, jew permezz tar-riżorsi ta’ Stat, m’hijiex kompatibbli mas-suq komuni skond l-Artikolu 87, jew li dik l-għajnuna tkun użata ħażin, hija għandha tieħu deċiżjoni li tirrikjedi lill-Istat interessat li jabolixxi dik l-għajnuna jew li jimmodifikaha fit-terminu preskritti mill-Kummissjoni.[...]"

3       Skond l-Artikolu 5 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 tat-22 ta' Marzu 1999 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni ta’ l-Artikolu [88] KE (ĠU L 83, p.1)

"1. Fejn il-Kummissjoni tikkunsidra li l-informazzjoni provvduta mill-Istat Membru kkonċernat [...] m’hijiex kompluta, għandha titlob l-informazzjoni addizzjonali kollha meħtieġa. Fejn Stat Membru jirrispondi għal din it-talba, il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Istat Membru dwar ir-riċevuta tar-risposta.

2. Fejn l-Istat Membru kkonċernat ma jipprovdix l-informazzjoni mitluba fil-perjodu preskritt mill-Kummissjoni jew jipprovdi informazzjoni li m’hijiex kompluta, il-Kummissjoni għandha tibgħat fakkar, filwaqt li jippermetti perjodu addizzjonali xieraq li fih għandha tkun provvduta l-informazzjoni.

[...]"

4       Barra minn dan, l-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 659/1999 jipprovdi :

"1. Id-deċiżjoni li tinbeda l-proċedura ta’ investigazzjoni formali għandha tiġbor fil-qosor l-kwistjonijiet relevanti tal-fatti u liġi, għandha tinkludi stima preliminari tal-Kummissjoni dwar il-karattru tal-miżura proposta u għandha tqiegħed id-dubji dwar il-kompatibilità tagħha mas-suq komuni. Id-deċiżjoni għandha ssejjaħ lill-Istat Membru kkonċernat u lil partijiet interessati oħra sabiex jissottomettu l-kummenti f’perjodu preskritt li normalment m’għandux ikun aktar minn xahar. F’każijiet ġustifikati, il-Kummissjoni għandha testendi l-perjodu preskritt.

[...]"

5       Skond l-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 659/1999 :

"1. Fejn il-Kummissjoni għandha fil-pussess tagħha informazzjoni minn kwalunkwe sors li jirrigwarda allegata għajnuna kontra l-liġi, għandha teżamina dik l-informazzjoni mingħajr dewmien.

2. Jekk meħtieġ, għandha titlob l-informazzjoni mill-Istat Membru kkonċernat. [...] Artikolu 5(1) u (2) għandhom japplikaw [...] mutatis mutandis.

3. Fejn, minkejja kif imfakkar skond Artikolu 5(2), l-Istat Membru kkonċernat ma jipprovdix l-informazzjoni meħtieġa fil-perjodu preskritt mill-Kummissjoni, jew fejn tipprovdi informazzjoni mhux kompluta, il-Kummissjoni għandha permezz ta’ deċiżjoni teħtieġ li l-informazzjoni tkun provvduta (minn hawn ‘l quddiem imsejjħa ‘inġunzjoni ta’ informazzjoni’). Id-deċiżjoni għandha tispeċifika liema informazzjoni hi meħtieġa u tippreskrivi perjodu xieraq li fih għandha tingħata."

6       L-Artikolu 13(1) tar-Regolament Nru 659/1999 jipprovdi :

"L-eżami ta’ għajnuna llegali possibli għandu jirriżulta f’deċiżjoni skond Artikolu 4(2), (3) jew (4). Fil-każ ta’ deċiżjonijiet sabiex tinbeda l-proċedura ta’ investigazzjoni formali, il-proċeduri għandhom jingħalqu permezz ta’ deċiżjoni skond Artikolu 7. Jekk Stat Membru jonqos milli jikkonforma ma’ inġunzjoni ta’ informazzjoni, dik id-deċiżjoni għandha tittieħed abbażi ta’ l-informazzjoni disponibbli."

7       L-Artikolu 14 ta' l-istess Regolament jistipola :

"1. Fejn jittieħdu deċiżjonijiet negattivi f’każijiet ta’ għajnuna llegali, il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi li l-Istat Membru kkonċernat għandu jieħu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex jirkupra l-għajnuna mill-benefiċarju (minn hawn ‘l quddiem imsejjħa ‘deċiżjoni ta’ rkupru’). Il-Kummissjoni m’għandhiex teħtieġ ir-rkupru ta’ l-għajnuna jekk dan ikun kuntrarju għal prinċipju ġenerali tal-liġi tal-Komunità.

L-għajnuna li ser tkun rikuperata skond deċiżjoni ta’ rkupru għandha tinkludi l-imgħax f’rata xierqa ffissata mill-Kummissjoni. L-imgħax għandu jkun pagabbli mid-data li fiha l-għajnuna llegali kienet fid-disposizzjoni tal-benefiċarju sad-data li fiha kienet irkuprata.

Mingħajr preġudizzju għall-ebda ordni tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej skond Artikolu 185 tat-Trattat, ir-rkupru għandu jsir mingħajr dewmien u f’konformità mal-proċeduri tal-liġi nazzjonali ta’ l-Istat Membru kkonċernat, sakemm jippermettu għall-esekuzzjoni mmedjata u effettiva tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni. Għal dan l-effett u fl-eventwalità ta’ proċedura quddiem il-qrati nazzjonali, l-Istati Membri kkonċernati għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa li huma disponibbli fis-sistemi legali rispettivi tagħhom, li jinkludu miżuri provisjonali, mingħajr preġudizzju għall-liġi tal-Komunità."

8       Barra minn hekk, l-Artikolu 16 tar-Regolament Nru 659/1999, intitolat "Użu ħażin ta’ għajnuna", jipprovdi :

"Mingħajr preġudizzju għal Artikolu 23, il-Kummissjoni tista f’każijiet ta’ użu ħażin ta’ għajnuna tiftaħ il-proċedura għal investigazzjoni formali skond Artikolu 4(4). Artikoli 6,7,9 u 10, Artikolu 11(1), Artikoli 12, 13, 14 u 15 għandhom jgħoddu mutatis mutandis."

9       Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni adottat, fl-1994, Linji Gwida Komunitarji Dwar Għajnuna mill-Istat Biex Jiġu Salvati u Ristrutturati Ditti f'Diffikultà (ĠU C 368, p. 12) emendati fl-1997 (ĠU C 283, p.2) (iktar 'il quddiem il-"linji gwida dwar l-għajnuna għas-salvataġġ u għar-ristrutturazzjoni")

 Fatti fl-oriġini tal-kawża

10     Permezz tad-Deċiżjoni 2000/796/KE tal-21 ta' Ġunju 2000 dwar l-għajnuna mill-Istat tal-Ġermanja favur CDA Compact Disc Albrechts GmbH (Thuringe) (iktar 'il quddiem id-"deċiżjoni kkontestata"), il-Kummissjoni ddeċidiet fuq il-legalita ta' għajnuna finanzjarja li ngħatat minn diversi entitajiet pubbliċi Ġermaniżi matul is-snin 1991 sa 1995 favur fabbrika li tipproduċi diski kompatti (iktar 'il quddiem "is-CDs") u aċċessorji tas-CDs, stabbilita f'Albrechts, fil-Land ta' Thuringe (iktar 'il quddiem il-"fabbrika tas-CDs f'Albrechts").

A –  Il-kuntest ġenerali

11     Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ddistingwiet bejn tlett fażijiet, jiġifieri, l-ewwel nett, il-fażi meta ġiet stabbilita l-impriża, it-tieni nett, il-fażi ta' ristrutturazzjoni ta' l-impriża u, fl-aħħar nett, ix-xiri mill-ġdid ta' l-attiv ta' l-impriża mill-kumpannija MediaTec Datenträger GmbH (iktar 'il quddiem "MTDA").

1.     Il-fażi meta ġiet stabbilita l-impriża (mill-1990 sa l-1992)

12     Jirriżulta mid-deċiżjoni kkontestata li l-fabbrika tas-CDs f'Albrecht twaqqfet bis-saħħa ta' kuntratt ta' joint venture konkluż fl-20 ta' Frar 1990 bejn, min-naħa l- "VBE" (ta' proprjeta nazzjonali) kombinat Robotron, stabbilita f'Dresda fil-Land ta' Saxe (iktar 'il quddiem "Robotron"), u, min-naħa l-oħra, il-kumpannija R. E. Pilz GmbH & Co. Beteiligungs KG (iktar 'il quddiem "PBK"), kumpannija li tifforma parti mill-grupp Pilz stabbilit f'Kranzberg fil-Land tal-Bavarja (iktar 'il quddiem il-"grupp Pilz"). Robotron kellha żewġ terzi tal-kapital ta' l-impriża komuni, li dak iż-żmien kienet imsemmija "Pilz & Robotron GmbH & Co. Beteiligungs KG" (iktar 'il quddiem l-"impriża komuni"), u PBK kellha terz tal-kapital. L-impriża komuni kellha bħala għan il-fabrikazzjoni ta' CDs, ta' kaxxi tas-CDs u ta' aċċessorji. Is-sur Reiner Pilz, il-managing director tal-grupp Pilz, kien jieħu ħsieb ukoll l-amministrazzjoni tagħhom.

13     Sabiex tilħaq l-għan ta' l-impriża tagħha, l-impriża komuni kkonkludiet, fid-29 ta' Awissu 1990, kuntratt ġenerali ta' turnkey mal-kumpannija Pilz GmbH & Co. Construction KG, kumpannija tal-grupp Pilz (iktar 'il quddiem "Pilz Construction"), għall-bini ta' fabbrika li tipproduċi s-CDs għall-prezz li jinkludi kollox ta' 235,525 miljun mark Ġermaniż (DEM). Ma' dawn l-ispejjeż kellhom jiġu miżjuda ukoll l-ispejjeż tat-tgħamir tat-terren, stmat għal 7.5 miljuni ta' DEM.

14     Barra minn dan, b'kuntratt addizzjonali tas-26 ta' Mejju 1992, iż-żewġ soċji ta' l-impriża komuni kkonkludew kuntratt li kien jipprevedi ż-żieda fil-kapaċità produttiva ta' CDs u ta' kaxxi tas-CDs. Is-somma totali tas-servizzi u tal-fornituri meħtieġa għal dan il-għan telgħet għal 39 miljun DEM.

15     Sabiex jiffinanzjaw dawn l-investimenti, l-impriża komuni, Robotron u PBK isselfu l-ammonti meħtieġa minn konsorzju ta' banek. Dawn il-krediti bankarji kienu kemm parzjalment, kif ukoll totalment koperti minn garanziji tal-Treuhandanstalt, aġenzija pubblika inkarikata mill-finanzjament għall-privatizazzjoni ta' impriżi fl-ex Repubblika Demokratika Ġermaniża (iktar 'il quddiem it-"THA"), u tal-Land tal-Bavière. Minn barra dan, il-Land ta' Thuringe u l-Land tal-Bavière, din ta' l-aħħar permezz tal-Bayerische Landesanstalt für Aufbaufinanzierung, aġenzija tal-Land tal-Bavière għall-finanzjament ta' l-infrastrutturi (iktar 'il quddiem il-"LfA"), taw sussidji u konċessjonijiet għall-investiment lill-impriża komuni.

16     Min barra dan, matul il-fażi meta ġiet stabbilita l-fabbrika tas-CDs f'Albrechts, il-proprjeta ta' l-ishma fil-kapital ta' l-impriża komuni ġew trasferiti diversi drabi. L-ewwel, minħabba l-istralċ ta' Robotron minn THA fl-1992, l-ishma ta' l-impriża komuni li din il-kumpannija kellha reġgħu inbigħu lil PBK. Wara, PBK ittrasferiet kważi l-ishma kollha li hija kellha fl-impriża komuni lill-kumpannija Pilz GmbH & Co. Compact Disc KG, kumpannija oħra li tifforma parti mill-grupp Pilz (iktar 'il quddiem "Pilz Compact Disc"), b'tali mod li l-impriża komuni saret sussidjarja ta' din ta' l-aħħar. Fl-aħħar, fl-24 ta' Novembru 1992, wara dan it-trasferiment u wara t-trasferiment ta' l-uffiċju prinċipali tagħha f'Albrechts, l-impriża komuni bidlet l-isem tagħha f'Pilz Albrechts GmbH (iktar 'il quddiem "PA""). Immedjatament wara dan it-trasferiment hija ġiet integrata fis-sistema ta' ġestjoni ċentralizzata tal-fondi tal-grupp Pilz.

2.     Il-fażi ta' ristrutturazzjoni (mill-1993 sa' l-1998)

17     Il-fabbrika li tipproduċi s-CDs bdiet topera fl-1993. Minn meta bdiet topera, hija ltaqgħat ma' diffikultajiet serji u għamlet ħafna dejn.

18     Sabiex tiġi rrettifikata din is-sitwazzjoni, fis-7 ta' Marzu 1994 ġie adottat ftehim għar-ristrutturazzjoni bejn il-grupp Pilz (li jinkludi PA), il-banek u l-entitajet pubbliċi [it-THA, il-LfA, it-Thüringer Industriebeteiligungsgesellschaft (iktar 'il quddiem it-"TIB") u t-Thüringer Aufbaubank (iktar 'il quddiem it-"TAB")] li kienu pparteċipaw fil-finanzjament tal-bini tal-fabbrika tas-CDs f'Albrechts. Fil-kuntest ta' dan il-ftehim, il-biċċa l-kbira tal-krediti bankarji li kienu intiżi għall-bini tal-fabbrika għall-produzzjoni tas-CDs ġew, kompletament jew in parti, imħallsa lura. Minn barra dan, fuq il-bażi tal-ftehim għar-ristrutturazzjoni, il-kapital ta' PA ġie akkwistat mit-TIB – sa 98% ta' l-ishma – u mit-TAB – sa 2% ta' l-ishma -, b'effett retroattiv mill-1 ta' Jannar 1994, u PA, b'riżultat ta' dan, ma baqgħatx tifforma parti mill-grupp Pilz. Minn Ottubru 1994, din il-kumpannija bidlet ukoll isimha għal CDA Compact Disk Albrechts GmbH (iktar 'il quddiem "CD Albrechts"). Min-naħa l-oħra, it-TAB u l-LfA, fl-1994 u fl-1995 taw diversi krediti lil-CD Albrechts.

19     Kien ukoll matul is-sena 1994 li l-awtoritajiet Ġermaniżi ndunaw li parti kbira mill-għajnuna finanzjarja li kienet ingħatat sabiex ikun finanzjat il-bini tal-fabbrika tas-CDs f'Albrechts kienet ġiet użata mażin, b'mod partikolari fil-kuntest tas-sistema ta' ġestjoni ċentraliżżata tal-fondi li kienet teżisti fi ħdan il-grupp Pilz, għall-benefiċċju tal-kumpanniji oħra ta' dan il-grupp. Barra minn dan, fil-25 ta' Lulju 1995, tnediet proċedura ta' stralċ fuq il-beni tal-kumpanniji kollha tal-grupp Pilz. Fl-aħħar nett, is-sur Reiner Pilz ġie kkundannat għall-piena ta' priġunerija għal falliment frawdolenti u għal reati oħra.

3.     Ix-xiri mill-ġdid ta' l-attiv minn MTDA

20     B'effett mill-1 ta' Jannar 1998, MTDA, kumpannija kompletament sussidjarja tat-TIB li kienet topera prinċipalment fil-qasam tal-produzzjoni ta' meżżi li jaħżnu d-data ta' high performance, b'mod partikolari s-CDs li jistgħu jiġu rreġistrati (CD-ROM) u d-DVD, xtrat lura xi uħud mill-attiv li kien ta' CD Albrechts, jiġifieri attiv fiss , attiv kurrenti, attiv li jista' jinbiegħ malajr kif ukoll l-għarfien tekniku u d-distribuzzjoni.

21     Simultanjament ma' dan ix-xiri lura, l-isem ta' CD Albrechts ġie mibdul f' LCA Logistik Centre Albrechts GmbH (iktar 'il quddiem "LCA") u dak ta' MTDA f'CDA Datenträger Albrechts GmbH (iktar 'il quddiem "CDA"). Madankollu LCA baqgħet il-proprjetarja ta' l-art meċessarja sabiex il-kumpannija tkun tista' topera, il-bini li fih tinstab l-infrastruttura teknika kif ukoll dik loġistika. Barra minn dan, LCA u CDA kkonkludew kuntratt fuq l-iskambju ta' servizzi li jipprovdi, min-naħa, kuntratt ta' kera-ġestjoni [kirja ta' negozju fejn min ikun fil-kera imexxi n-negozju għar-riskju tiegħu] b'kera ta' 800 000 DEM fis-sena u, min-naħa l-oħra, kuntratt ta' provista ta' servizzi stmat għal madwar 3 miljun DEM fis-sena, li jiddependi fuq il-volum ta' bejgħ.

22     Fl-aħħar nett, fit-22 ta' Settembru 2000, LCA talbet li tiġi stralċjata fil-kuntest ta' proċedura ta' stralċ.

B –  Svolġiment tal-proċedura amministrattiva

23     Wara li saret taf mill-gazzetti li l-awtoritajiet Ġermaniżi kienu taw għajnuna għall-bini tal-fabbrika tas-CDs f'Albrechts, il-Kummissjoni, f'Ottubru 1994, talbet lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja sabiex tipprovdiha b'informazzjoni fuq din l-għajnuna. Wara dan, kien hemm skambju intens ta' ittri u seħħew diversi laqgħat bejn l-awtoritajiet Ġermaniżi u l-Kummissjoni.

24     Permezz ta' ittra tas-17 ta' Lulju 1998 (iktar 'il quddiem id-"deċiżjoni ta' ftuħ tal-proċedura"), il-Kummissjoni infurmat lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja bid-deċiżjoni tagħha li tiftaħ, safejn din l-għajnuna hija kkonċernata, il-proċedura formali ta' eżami prevista fl-Artikolu 88(2), KE. Ma' din l-ittra kienet annessa lista ta' mistoqsijiet għall-awtoritajiet Ġermaniżi. Id-deċiżjoni ta' ftuħ tal-proċedura ġiet ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej tal-15 ta' Diċembru 1998 [Komunikazzjoni tal-Kummissjoni indirizzata, fl-applikazzjoni ta' l-Artikolu 88 (2) KE, lill-Istati Membri l-oħra u lil kull min sata jkun interessat fir-rigward ta' l-għajnuna mogħtija mill-Gvern Ġermaniż għall-ħolqien ta' CD Albrechts Gmbh, f'Thuringe (li qabel kien il-grupp Pilz, Bavarja), ĠU C 390, p. 7]

25     L-awtoritajiet Ġermaniżi rreaġew għad-deċiżjoni ta' ftuħ tal-proċedura billi bagħtu diversi ittri li kien fihom informazzjoni supplementari. Diversi laqgħat oħra reġa seħħew bejn dawn l-awtoritajiet u r-rapreżentanti tal-Kummissjoni.

26     Madankollu, billi kienet tqis li l-informazzjoni mibgħuta mill-awtoritajiet Ġermaniżi ma kinitx tipprovdi risposta sodisfaċenti għall-mistoqsijiet tagħha, il-Kummissjoni, b'ittra tat-22 ta' Lulju 1999, eżiġiet li dawn jitwieġbu sa mhux aktar tard mill-31 ta' Awissu 1999. Wara li talbu, permezz ta' ittra tat-22 ta' Lulju 1999, L-awtoritajiet Ġermaniżi talbu l-estensjoni ta' dan it-terminu ta' żmien u wara li fit-23 ta' Settembru kellhom laqgħa ġdida mar-rapreżentanti tal-Kummissjoni 1999 fi Brussell, huma ppreżentaw informazzjoni supplementari.

27     Barra minn hekk, wara li skada t-terminu ta' żmien previst fid-deċiżjoni ta' ftuħ tal-proċedura, il-kumpannija CDA kif ukoll il-kumpannija Point Group Ltd., kompetituri ta' CDA, ippreżentaw ruħhom bħala partijiet interessati u ssottomettew osservazzjonijiet lill-Kummissjoni.

28     Fl-aħħar nett, fil-21 ta' Ġunju 2000, il-Kummissjoni għalqet il-proċedura billi adottat id-deċiżjoni kkontestata.

C –  Konstatazzjoni tal-fatti u kunsiderazzjonijiet ġuridiċi

29     Il-Kummissjoni kkunsidrat separatament l-għajnuna finanzjarja mogħtija mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja rispettivament waqt il-fażi meta ġiet stabbilita l-impriża, waqt il-fażi ta' ristrutturazzjoni u, fl-aħħar nett, fil-kuntest tax-xiri lura ta' ċertu attiv ta' CD Albrechts minn MTDA.

1.     Għajnuna finanzjarja mogħtija mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja matul il-fażi meta ġiet stabbilita l-impriża.

30     Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni identifikat ħames għajnuniet finanzjarji li ngħataw matul il fażi meta ġiet stabbilita l-impriża. F'tabella sinottika li tidher fit-23 premessa tad-deċiżjoni kkontestata, hija ddeskriviethom kif ġej:

Natura ta' l-għajnuna finanzjarja

Ammont ta' DEM f'miljuni

Benefiċjarju

Mogħtija minn

Data

Bażi ġuridika

1

Garanzija ta' kopertura ta' 100% (għall-ewwel 80 %) li tkopri 52.7 miljun DEM

54.7

PBK

LfA

1991

Liġi dwar it-twaqqif ta' Garanziji u Depożiti kawtelatorji pubbliċi ta' l-Istat Ħieles tal-Bavarja

2

Sussidji u konċessjonijiet fiskali għall-investiment

19.42

Impriża komuni

LfA

1991/ 1992

Skema konġunta għat-"Titjib ta' l-istruttura ekonomika reġjonali", liġi fuq il-konċessjonijiet fiskali għall-investiment

3

Kanċellazzjoni tad-dejn

3.0

PBK

LfA

1994

Xejn

4

Depożitu kawtelatorju 100%

190.0

Robotron, impriża komuni

THA

1992

Sistema THA

5

Sussidji u konċessjonijiet fiskali għall-investiment

63.45

Impriża komuni sa mill-24.11.1992, PA

Thuringe

1991 sa 1993

Skema konġunta għat-"Titjib ta' l-istruttura ekonomika reġjonali", liġi fuq il-konċessjonijiet fiskali għall-investiment

Total

330,57


31     Minn din it-tabella jirriżulta, l-ewwel nett li, fl-1992, it-THA tagħat, garanzijja ta' 100 % għall-ammont ta' 190 miljun DEM, li kienet tkopri l-parti l-kbira tal-krediti bankarji mogħtija lil Robotron u lill-impriża komuni. Skond il-Kummissjoni, din il-garanzijja għanda titqies bħala għajnuna mill-Istat inkompatibbli mas-suq komuni safejn din ma nagħtatx konformement mall-kundizzjonijiet imsemmija fis-sistema ta' l-għajnuniet approvati mill-Kummissjoni rispettivament permezz ta' l-ittra SG(91) D/17825, tas-26 ta' Settembru 1991 (iktar 'il quddiem "l-ewwel sistema tat-THA"), u permezz ta' ittra SG(92) D/17613, tat-8 ta' Diċembru 1992 (iktar 'il quddiem "it-tieni sistema tat-THA"). Hija tikkunsidra madankollu li, mill-190 miljun DEM inizjalment garantiti, 120 miljun DEM li effettivament tħallsu mit-THA bħala garanzija, biss għandhom jitħallsu lura.

32     It-tieni nett, il-Kummissjoni kkonstatat li, sal-31 ta' Diċembru 1993, il-Land ta' Thuringe kien ta' lill-impriża komuni, umbgħad lil PA, skond l-"Investitionszulagengesetz" (liġi fuq l-konċessjonijiet fiskali għall-investiment) u l-għoxrin u l-wieħed u għoxrin "Rahmenpläne der Gemeinschaftsaufgabe ‘Verbesserung der regionalen Wirtschaftstruktur' " (programmi-qafas adottati, għas-snin 1992 u 1993, b'applikazzjoni tal-liġi tas-6 ta' Ottubru 1969 dwar l-iskema konġunta għat-"titjib ta' l-istrutturi ekonomiċi reġjonali", iktar 'il quddiem "is-sistema SK"), sussidji u konċessjonijiet għall-investiment li jammontaw għal total ta' 63.45 miljun DEM. Issa, skond il-Kummissjoni, din l-għajnuna intiża għar-reġjun kienet ingħatat inġustament skond l-iskema konġunta u skond il-liġi fuq il-konċessjonijiet fiskali għall-investiment u, għaldaqstant, peress li kienet inkompatibbli mas-suq komuni, kellha titħallas lura. Meta titqies id-deċiżjoni tal-Land ta' Thuringe li ordnat ir-restituzzjoni ta' somma ta' 32.5 miljun DEM, il-Kummissjoni tikkunsidra li għad trid tiġi rkuprata s-somma ta' 30.95 miljun DEM.

33     It-tielet nett, il-Kummissjoni kkonstatat li, fl-1991 u fl-1992, il-Land tal-Bavarja, permezz tal-LfA, kien ta' lill-impriża komuni sussidji u konċessjonijiet għall-investiment li jammontaw għal total ta' 19.42 miljun DEM. Issa, safejn dawn is-sussidji u konċessjonijiet kienu ġew miżapproprjati għall-benefiċċju tal-kumpanniji tal-grupp Pilz, il-Kummissjoni tikkunsidra li dawn ġew mogħtija inġustament skond is-sistema SK u tal-liġi fuq il-konċessjonijiet fiskali għall-investiment. Skond il-Kummissjoni, din hija, għalhekk, għajnuna inkompatibbli mat-Trattat KE.

34     Ir-raba nett, il-Kummissjoni kkonstatat li l-Land tal-Bavarja kien waqqaf, b'applikazzjoni tal-"Richtlinien für die Übernahme von Staatsbürgschaften im Bereich der gewerblichen Wirtschaft" (Direttivi li jirregolaw it-twaqqif ta' garanziji pubbliċi għas-settur ta' l-industrija, ippubblikati permezz ta' l-avviz tal-Ministeru tal-Finanzi tal-Bavarja L 6811-1/7- 43358, tas-7 ta' Awissu 1973, iktar 'il quddiem il-"leġiżlazzjoni dwar l-għoti ta' garanziji mil-Land tal-Bavarja"), garanzija minn 80 sa 100 % fuq il-krediti bankarji għal ammont totali ta' 54.7 miljun DEM finalment miksub minn PBK. Skond il-Kummissjoni, l-awtoritajiet Ġermaniżi, minkejja t-talba għal informazzjoni li tidher fid-deċiżjoni ta' ftuħ tal-proċedura, ma pprovdewx elementi ddetaljati biżżejjed li jippermettu li jiġu mneħħija d-dubji li hija kellha f'dak li jirrigwarda l-legalita ta' l-operazzjonijiet li jirrigwardaw l-garanzija mogħtija mil-Land tal Bavarja (l-LfA). Minn barra dan, meta jitqies il-fatt li l-għajnuna in kwistjoni ma servitx għall-finanzjament ta' l-investiment, iżda ġiet misapproprjata, hija tqis li din il-garanzija għanda titqies bħala għajnuna inkompatibbli [mat-trattat KE].

35     Il-ħames nett, il-Kummissjoni kkunsidrat li l-kanċellazzjoni min-naħa tal-LfA tad-dejn ta' 3 miljun DEM li kien inħoloq fir-rigward ta' PBK minħabba l-ħlas ta' din is-somma lill-banek skond il-garanzija msemmija fil-punt 34 kienet tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat. Skond il-Kummissjoni, din l-għajnuna hija inkompatibbli mas-suq komuni safejn din ingħatat mingħajr ebda bażi ġuridika.

36     Fid-dawl ta' dawn il-konstatazzjonijiet, il-Kummissjoni kkonkludiet li, matul il-fażi meta ġiet stabbilita l-fabbrika tas-CDs f'Albrechts, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja kienet tagħat, bi ksur ta' l-Artikolu 88(3), KE, għajnuna mill-Istat li tammonta għal total ta' 260.57 miljun DEM. Din l-għajnuna hija magħmula minn għajnuna finanzjarja tal-Land ta' Thuringe li tammonta għall-63.45 miljun DEM, tal-LfA li tammonta għal 77.12 miljun DEM (54.5 miljun taħt forma ta' garanzija, 19.42 miljun DEM taħt forma ta' konċessjonijiet għall-investiment u 3 miljun DEM taħt forma ta' kanċellazzjoni tad-dejn), u tat-THA li tammonta għal 120 miljun DEM.

37     37     Skond il-Kummissjoni, din l-għajnuna hija inkompatibbli prinċipalment minħabba l-fatt li din tagħat benefiċċju lill-kumpanniji li kienu jiffurmaw parti mill-grupp Pilz u li, minħabba dan il-fatt, ġiet użata b'mod ħażin skond it-tifsira ta' l-Artikolu 88 (2), KE.

2.     Għajnuna finanzjarja mogħtija matul il-fażi ta' ristrutturazzjoni

38     Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni identifikat u kklassifikat bħala għajnuna tnax-il għajnuna finanzjarja li ngħataw matul il fażi ta' ristrutturazzjoni ta' l-impriża. F'tabella sinottika li tidher fid-39 premessa tad-deċiżjoni kkontestata, din l-għajnuna hija ppreżentati kif ġej:

Natura ta' l-għajnuna

Ammont ta' DEM f'miljuni

Benefiċjarju

Mogħtija minn

Data

Bażi ġuridika

1

Kreditu

25.0

PA

TAB

Ottubru 1993

Xejn

2

Kreditu

20.0

PA

TAB

Marzu 1994

Xejn

3

Prezz tax-xiri

3.0

PBK

TIB

Marzu 1994

Xejn

4

Sussidju

12.0

PA

TIB

Marzu 1994

Xejn

5

Kapital awtorizzat

33.0

PA

TIB (98 %) TAB (2 %)

Marzu 1994

Xejn

6

Kreditu

2.0

PA

LfA

Marzu 1994

Xejn

7

Self ta' soċju

3.5

PA

TIB

April 1994

Xejn

8

Kreditu

15.0

Grupp Pilz

LfA

Ġunju 1994

Xejn

9

Kreditu

15.0

CD Albrechts

TAB

Ottubru 1994

Xejn

10

Kreditu

7.0

CD Albrechts

LfA

Diċembru 1994

Xejn

11

Kreditu

9.5

CD Albrechts

TAB

Jannar 1995

Xejn

12

Interessi

21.3

Wara l- 1993

Total 

166.3


39     Primarjament, il-Kummissjoni kkonstatat li, f'Ottubru 1993, it-TAB kienet tagħat lil PA kreditu ta' 25 miljun DEM sabiex ikun kopert n-nuqqas ta' fondi ta' din il-kumpannija, iżda li dawn il-fondi kienu, permezz tas-sistema ta' ġestjoni ċentralizzata tal-fondi tal-grupp Pilz, ingħataw direttament lill-kumpanniji l-oħra ta' dan il-grupp.

40     It-tieni nett, il-Kummissjoni kkonstatat li, f'Marzu 1994, it-TAB kienet tagħat lil PA kreditu ta' 20 miljun DEM sabiex tħallas lura l-krediti bankarji garantiti mit-THA, iżda dawn il-fondi ukoll kienu ingħataw direttament lill-kumpanniji li kienu jiffurmaw parti mill-grupp Pilz permezz tas-sistema ta' ġestjoni ċentralizzata tal-fondi.

41     It-tielet nett, il-Kummissjoni kkonstatat li, f'Marzu 1994, it-TIB kienet ħallset 3 miljun DEM lil PBK għax-xiri ta' l-ishma ta' PA li din il-kumpannija kellha.

42     Ir-raba' nett, il-Kummissjoni kkonstatat li, f'Marzu 1994, it-TIB kienet tagħat sussidju taħt forma ta' kontribuzzjoni lill-kapital ta' PA, li kien jammonta għal total ta' 12-il miljun DEM.

43     Il-ħames nett, il-Kummissjoni kkonstatat li, f'Marzu 1994, it-TIB u t-TAB rispettivament kienu xtraw 98 u 2 % tal-kapital awtorizzat ta' PA, li kien jammonta għal 33 miljun DEM.

44     Is-sitt nett, il-Kummissjoni kkonstatat li, f'Marzu ta' l-1994, il-Land tal-Bavarja kien awtorizza, permezz tal-LfA, kreditu ta' 2 miljun DEM lil PA.

45     Is-seba nett, il-Kummissjoni kkonstatat li, f'April 1994, it-TIB kienet awtorizzat self ta' soċju ta' 3.5 miljun DEM lil PA.

46     It-tmien nett, il-Kummissjoni kkonstatat li, f'Ġunju 1994, il-LfA kienet tagħat kreditu ta' l-operat ta' 15-il miljun DEM lill-grupp Pilz intiż bħala kreditu temporanju sakemm jinstab xerrej għall-fabbrika tas-CDs f'Albrechts.

47     Id-disa' nett, il-Kummissjoni kkonstatat li, f'Ottubru 1994, it-TAB kienet tagħat kreditu ta' 15-il miljun DEM lil-CD Albrechts. Hija osservat li, għalkemm kienu ġew imħallsa lil-CD Albrechts, dawn il-fondi kienu intużaw għall-provvista ta' servizzi lill-impriżi tal-grupp Pilz, servizzi li dawn qatt ma ħallsu, b'tali mod li dawn ta' l-aħħar biss kienu bbenefikaw.

48     L-għaxar nett, il-Kummissjoni kkonstatat li, f'Diċembru 1994, il-Land tal Bavarja kien awtorizza, permezz tal-LfA, kreditu ġdid ta' 7 miljun DEM lil-CD Albrechts.

49     Il-ħdax nett, il-Kummissjoni kkonstatat li, f'Jannar 1995, it-TAB kienet tagħat kreditu ta' 9.5 miljun DEM lil-CD Albrechts.

50     It-tnax nett, il-Kummissjoni kkonstatat li, skond l-informazzjoni mogħtija mill-awtoritajiet Ġermaniżi, matul il-perijodu bejn l-aħħar ta' l-1993 sa' l-1998 PA u CD Albrechts kienu bbenefikaw minn benefiċċji taħt il-forma ta' interessi li jammontaw għal 21.3 miljun DEM.

51     Skond il-Kummissjoni, it-tnax-il għajnuna finanzjara deskritta iktar 'il fuq, li tammonta għal total ta' 166.3 miljun DEM, għandha tiġi meqjusa bħala għajnuna mill-Istat illegali u inkompatibbli mas-suq komuni. Fil-fatt safejn din l-għajnuna kienet ta' benefiċċju għat-TIB u t-TAB wara li dawn il-kumpanniji kienu saru ekonomikament responsabbli għall-fabbrika tas-CDs f'Albrechts, din setgħet biss tiġi approvata mill-Kummissjoni fuq il-bażi ta' l-Artikolu 87(3),KE u konformement mal-linji gwida dwar l-għajnuna għas-salvataġġ u r-ristrutturazzjoni. Issa, skond il-Kummissjoni, huwa ċar li l-imsemmija għajnuna ma tissodisfax dawn il-linji gwida, peress li l-informazzjoni li hija għandha ma tippermettix li jiġi stabbilit li din ġiet mogħtija fil-kuntest ta' pjan ta' ristrutturazzjoni viabbli li jinkludi miżuri interni konkreti li jippermettu lill-Kummissjoni tikkonstata li f'terminu ta' żmien raġionevoli il-profitabbilità u l-viabbiltà fuq żmien twil ta' l-impriża jerġgħu jiġu stabbiliti mill-ġdid. Barra minn dan, ma ppreżenta ruħu ebda xerrej privat li kien dispost li jixtri l-attwali kumpanniji LCA u CDA, b'tali mod li, fin-nuqqas ta' investiment privat, m'huwiex possibbli li jiġi determinat jekk l-għajnuna hijiex proporzjonata ma' l-ispejjeż tar-ristrutturazzjoni.

3.     Fuq l-irkupru ta' l-għajnuna

52     B'applikazzjoni ta' l-Artikolu 14(1) tar-Regolament Nru 659/1999, il-Kummissjoni ddeċidiet li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja għandha titlob il-ħlas lura ta' l-għajnuna illegali u inkompatibbli mas-suq komuni li ġiet mħallsa kemm matul il-fażi ta' stabbiliment kif ukoll matul il-fażi ta' ristruttutazzjoni tal-fabbrika tas-CDs f'Albrechts.

53     Barra minn dan, il-Kummissjoni enfasizzat li, sabiex jiġi assigurat li d-deċiżjoni tagħha tiġi osservata u sabiex tiġi żgurata l-eliminazzjoni ta' kull distorsjoni tal-kompetizzjoni, hija kellha, jekk ikun hemm bżonn, teżiġi li l-proċedura ta' rkupru ta' l-għajnuna ma tkunx limitata għad-destinatarju inizjali ta' l-għajnuna, iżda tkun estiża għall-impriża li kompliet l-attivitajiet tiegħu permezz tal-mezzi ta' produzjoni li ġew trasferiti. Hija indikat li, sabiex jiġi kkunsidrat jekk impriża effettivament tkomplix l-attività tad-destinatarju inizjali ta' l-għajnuna, hija ħadet in kunsiderazzjoni numru ta' elementi, fosthom is-suġġett tat-trasferiment, il-prezz tax-xiri, l-identità tas-soċjii u l-proprjetarji ta' l-impriza preċedenti u dik tax-xerrej, id-data ta' meta seħħ it-trasferiment u l-karattru kummerċjali ta' dan. Issa, hija qieset li, fil-każ in kwistjoni, mingħajr ebda dubbju LCA u CDA ibbenefikaw mill-għajnuna li ġiet mogħtija preċedentement lil PBK, lill-impriża komuni u lil PA, peress li dawn kienu qegħdin jużaw l-attiv u l-infrastruttura ta' dawk l-impriżi sabiex ikomplu l-attività. Għaldaqstant, hija ddeċidiet li din l-għajnuna għandha tingħata lura minn LCA, minn CDA u mill-impriżi l-oħra kollha li l-attiv ta' l-impriża komuni, ta' PA u ta' PBK kienu jew għad iridu jkunu trasferiti lilhom peress li dawn għandhom jiġu kkunsidrati bħala "beneficjarji" ta' din l-għajnuna.

4.     Il-parti dispożittiva tad-deċiżjoni kkontestata

54     Fid-dawl ta' dawn il-kunsiderazzjonijiet, il-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni li ġejja :

"Artikolu 1

1. L-għajnuna mill-Istat li tammonta għal 260.57 miljun DEM mogħtija mi[r-Repubblika Federatli ta]l-Ġermanja [lil PBK, lill-impriża komuni u lil PA] intiżi għall-bini, l-isfruttament u l-konsolidazzjoni tal-fabbrika tas-CDs f'Albrechts (Thuringe), intużat f'setturi oħra tal-grupp Pilz.

L-għajnuna tikkonsisti f'63.45 miljun DEM mogħtija mil-[Land] ta' Thuringe, fl-ammont ta', f'77.12 miljun DEM mogħtija mil-[LfA] u f'120 miljun DEM mogħtija mit-THA.

L-użu ħażin huwa kostitwit mill-applikazzjoni ta' l-għajnuna b'mod inġust fis-sens ta' l-Artikolu 88(2), [...] KE. Konsegwentement, l-għajnuna hija inkompatibbli mat-Trattat KE.

2. Konformement ma' l-Artikolu 87(1), [...] KE, l-għajnuna li tammonta għal 166.3 miljun DEM intiża għar-ristrutturazzjoni ta' [CD Albrechts] m'hijiex kompatibbli mad-dispożizzjonijiet tat-trattat KE.

Artikolu 2

1. I[r-Repubblika Federali ta]l-Ġermanja għandha tieħu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex teħtieġ mingħand il-benefiċjarju l-ħlas lura ta' l-għajnuna msemmija fl-Artikolu 1 u li ġiet mogħtija lilu illegalment.

2. L-irkupru għandu jseħħ skond il-proċeduri [tal-liġi] nazzjonali. Is-sommom li għandhom jiġu rkuprati għandhom ikollhom magħhom l-interessi li jibdew jiddekorru mid-data ta' l-għotja ta' l-għajnuna lill-benefiċjarju sa meta din tiġi effettivament imħallsa lura. Dawn l-interessi huma kkalkolati fuq il-bażi tar-rata ta' referenza applikabbli għall-kalkolu ta' l-ekwivalenti tas-sussidju ta' l-għajnuna b'għan reġjonali.

3. Għal-finijiet ta' dan l-Artikolu, it-terminu "benefiċjarju" jinkludi lil [CDA] u lil [LCA], kif ukoll l-impriżi l-oħra kollha li l-attiv u/jew l-infrastruttura [ta' PBK], [ta' l-impriża komuni] jew [ta' PA] ġew jew għad iridu jkunu trasferiti lilhom b'tali mod li l-konsegwenzi ta' din id-deċiżjoni jkunu evitati [...]"

 Il-proċedura u talbiet tal-partijiet

55     Permezz ta' rikors ippreżentat fir-registru tal-Qorti tal-Prim'Istanza fis-16 ta' Ottubru 2000, CDA ressqet rikors intiżi għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata. Dan ir-rikors ġie rreġistrat bin-numru T-324/00.

56     Permezz ta' Digriet tat-28 ta' Mejju 2001 tal-President tat-Tilet Awla Estiża tal-Qorti tal-Prim'Istanza, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tħalliet tintervjeni sabiex issostni t-talbiet ta' CDA u OSD Optical Disc Service GmbH (iktar 'il quddiem "OSD"), impriża kompetitriċi ta' CDA, tħalliet tintervjeni sabiex issostni t-talbiet tal-Kummissjoni.

57     OSD u r-Repubblika Federali tal-Ġermanja ppreżentaw is-sottomissjonijiet ta' intervent tagħhom rispettivament fid-29 ta' Awissu u fit-3 ta' Settembru 2001. Fl-24 ta' Ottubru 2001, CDA u l-Kummissjoni ppreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom fuq is-sottomissjonijiet ta' l-intervent ta' OSD u tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja.

58     Permezz ta' digriet tat-30 ta' Settembru 2002, il-Qorti tal-Prim'Istanza (it-Tilet Awla Estiża) iddeċidiet li tisospendi l-proċeduri sakemm tingħata s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawżi C-328/99, l-Italja vs il-Kummissjoni, u C-399/00, SIM 2 Multimedia vs il-Kummissjoni. Fid-dawl tas-sentenza mogħtija fit-8 ta' Mejju 2003 f'dawn il-kawżi magħquda, il-Qorti tal-Prim'Istanza talbet lill-partijiet sabiex jagħtu l-osservazzjonijiet tagħhom fuq il-konsegwenzi għar-rikors preżenti. Dawn l-osservazzjonijiet ġew ippreżentati fit-23 u fl-24 ta' Ġunju 2003.

59     Fuq rapport ta' l-Imħallef Relatur, il-Qorti tal-Prim'Istanza staqsiet lill-partijiet jagħtu l-opinjoni tagħhom fuq l-adegwatezza li dan ir-rikors jiġi eventwalment magħqud mar-rikors ippreżentat mil-Land ta' Thuringe u rreġistrat fir-reġistru tal-Qorti tal-Prim'Istanza bin-numru T-318/00, peress li kienu jitrattaw ma' l-istess suġġett. Wara li l-osservazzjonijiet tal-partijiet kienu riċevuti, il-kawżi ġew magħquda, permezz ta' digriet tat-8 ta' Marzu 2004, għall-finijiet tas-seduta u tas-sentenza.

60     Fuq rapport ta' l-Imħallef Relatur, il-Qorti tal-Prim'Istanza ddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali u, fil-kuntest ta' miżuri ta' organizazzjoni tal-proċedura previsti fl-Artikolu 64 tar-Regoli ta' Proċedura tal-Qorti tal-Prim'Istanza, stiednet lill-partijiet jippreżentaw ċerti dokumenti u għamlitilhom mistoqsijiet bil-miktub.

61     L-argumenti tal-partijiet u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet magħmula lilhom mill-Qorti tal-Prim'Istanza instemgħu fis-seduta tal-5 ta' Mejju 2004.

62     Permezz ta' digriet tat-23 ta' Lulju 2004, il-kawżi T-318/00 u T-324/00 ma baqgħux magħquda għall-finijiet tas-sentenza.

63     CDA titlob lill-Qorti tal-Prim'Istanza sabiex :

–       Prinċipalment, tannulla l-Artikoli 1 u 2 tad-deċiżjoni kkontestata;

–       alternattivament, tannulla l-Artikoli 1 u 2 tad-deċiżjoni kkontestata safejn dawn jiddikjaraw ċerti għajnuniet inkompatibbli mat-Trattat KE u jordnaw l-irkupru ta' din l-għajnuna mingħand l-impriżi l-oħra kollha li l-attiv u/jew l-infrastruttura ta' PBK, ta' l-impriża komuni u ta' PA għad iridu jkunu trasferiti lilhom.

–       tordna lill-Kummissjoni tbati l-ispejjeż, minn barra l-ispejjeż tal-parti intervenjenti ODS, li għanda tbatihom din.

64     Ir-Repubblika Federali Ġermaniża, parti intervenjenti, titlob lill-Qorti tal-Prim'Istanza :

–       tannulla d-deċiżjoni kkontestata.

65     Il-Kummissjoni, sostnuta minn ODS, titlob lill-Qorti tal-Prim'Istanza :

–       tiċħad ir-rikors ;

–       tikkundanna lil CDA tbati l-ispejjeż

 Fid-dritt

I –  Osservazzjonijiet preliminari

66     Sabiex isostni r-rikors tagħha, CDA ressqet diversi raġunijiet ibbażati rispettivament fuq il-ksur tal-prinċipju tar-rispett tad-drittijiet tad-difiża, il-ksur ta' l-obbligu ta' motivazzjoni, il-konstatazzjoni żbaljata ta' ċerti fatti, il-ksur tal-prinċipju ta' amministrazzjoni tajba moqri flimkien ma' l-Artikolu 287 KE, il-ksur ta' l-Artikolu 87(1) KE u ta' l-Artikolu 88(2) KE kif ukoll tad-dispożizzjonijiet għall-implimentazzjoni tagħhom, in-nuqqas ta' ġurisdizzjoni tal-Kummissjoni, il-ksur tal-paragrafu 4 ta' l-Artikolu 249 KE, il-ksur tad-dritt għall-proprjeta, il-ksur tal-prinċipju ta' proporzjonalita u, fl-aħħar nett, il-ksur tal-prinċipju ta' ċertezza legali u ta' "prinċipju ta' ċertezza".

67     Fir-rikors tagħha, CDA ppreċiżat li t-talba tagħha għall-annullament hija intiża, prinċipalment, kontra l-ordni ta' rkupru li tidher fl-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata safejn din tordna lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tirkupra l-għajnuna deskritta fl-Artikolu 1 mingħand CDA u mingħand impriżi oħra li l-attiv u/jew l-infrastruttura ta' PBK, ta' l-impriża komuni u ta' PA ġew jew għad iridu jkunu trasferiti lilhom.

68     Konsegwentement, il-Qorti tal-Prim'Istanza tiddeċiedi li teżamina, qabel kollox, il-motivi mressqa minn CDA sabiex tipprova l-illegalita ta' l-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata u, b'mod partikolari, il-motiv ibbażat fuq il-ksur ta' l-Artikolu 87(1) KE u ta' l-Artikolu 88(2) KE.

II –  Fuq il-motiv ibbażat fuq il-ksur ta' l-Artikolu 87(1), KE, u ta' l-Artikolu 88(2), KE.

A –  L-argumenti tal-partijiet

69     CDA, sostnuta mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, issostni li l-Kummissjoni kisret l-Artikolu 87(1) KE u l-Artikolu 88(2) KE, safejn, skond l-Artikolu 2 (1) u (3) tad-deċiżjoni kkontestata, hija tobbliga lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja titlob il-ħlas lura ta' l-għajnuna mingħand LCA, CDA u mingħand l-impriżi kollha "li l-attiv u/jew l-infrastruttura ta' [PBK], ta' [l-impriża komuni] jew [ta' PA] ġew jew għad iridu jkunu trasferiti lilhom b'tali mod li l-konsegwenzi tad- [...] deċiżjoni jkunu evitati"

70     Hija ssostni, sostanzjalment, li l-Kummissjoni ma tistax teżiġi mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja li din tirkupra għajnuna mingħand impriżi li ma ħadux benefiċċju mill-għajnuna in kwistjoni. Hija tosserva li, l-ewwel nett, l-għajnuna ġiet miżapproprjata, fil-parti l-kbira tagħha, għall-benefiċċju ta' l-impriżi tal-grupp Pilz, li, it-tieni nett, kif ikkonstatat il-Kummissjoni fil-premessa 103 tad-deċiżjoni kkontestata, MTDA, li wara saret CDA, ma ħaditx benefiċċju mill-għajnuna fil-kuntest tax-xiri ta' l-attiv ta' CD Albrechts, li wara saret LCA, peress li hija ħallset prezz konformi mas-suq, u li, it-tielet nett, parti mill-għajnuna ġiet mogħtija direttament lill-grupp Pilz.

71     Barra minn dan, hija ssostni li l-Kummissjoni ma tistax teżiġi l-irkupru ta' għajnuna mingħand terzi billi tillimita ruħha li tallega sitwazzjoni ta' riskju li jiġi evitat l-irkupru. Hija tosserva, qabel kollox, li l-Kummissjoni ma tistax timponi ordni ta' rkupru fuq terz mingħajr ma turi li dan ta' l-aħħar kien ħa benefiċċju mill-għajnuna. Barra minn dan, hija tqis li l-kriterji oġġettivi li l-Kummissjoni tuża sabiex issostni l-eżistenza ta' sitwazzjoni ta' riskju li jiġi evitat l-irkupru – is-suġġett tat-trasferiment, il-preżż tax-xiri, l-identità tas-soċji jew tad-detenturi tal-kapital ta' l-impriża l-qadima u tax-xerrej, id-data ta' meta seħħ it-trasferiment u l-karattru kummerċjali ta' dan –, li jissemew fil-premessa 118 tad-deċiżjoni kkontestata, ma ġewx sodisfatti fil-każ in eżami.

72     Il-Kummissjoni, sostnuta minn ODS, tikkontesta l-argumenti kollha tal-Land ta' Thuringe intiżi li juru li hija kisret l-Artikolu 87(1), KE u l-Artikolu 88(2), KE, meta eżiġiet mingħand ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja li hija titlob il-ħlas lura ta' l-għajnuna lil-LCA, lill-CDA u lill-impriżi kollha li lilhom l-attiv jew l-infrastruttura ta' l-impriża komuni ġie jew għad irid jiġi trasferit sabiex jevitaw l-osservanza tad-deċiżjoni kkontestata.

73     Hija tagħmel osservazzjonijiet, qabel kollox, f'termini ġenerali fuq l-opinjoni tagħha dwar id-determinazzjoni tas-suġġetti li għandhom iħallsu lura l-għajnuna fil-każ ta' ċessjoni ta' l-ishma tal-kumpannija benefiċjarja jew ta' l-attiv ta' din ta' l-aħħar. F'dan ir-rigward hija tibda billi tosserva li l-kwistjoni ma tippreżentax problemi partikolari fil-każ ta' ċessjoni ta' l-ishma, peress li l-kumpannija benefiċjarja tkompli teżisti u hija biss il-proprjeta tagħha li tinbidel. Skond il-Kummissjoni, mill-ġurisprudenza jirriżulta li, f'din l-ipoteżi, l-obbligu ta' ħlas lura jibqa' fuq it-tmexxija tal-kumpannija li tkun irċiviet l-għajnuna jew tal-werrieta tagħha, indipendentement mit-tibdiliet li jkunu seħħu fl-istruttura tal-proprjetà u ta' l-eventwali kunsiderazzjoni ta' l-obbligu ta' rkupru fid-determinazzjoni tal-kundizzjonijiet tal-bejgħ. Hija tosserva, fil-fatt li, fit-tkomplija ta' l-eżerċizzju ta' l-attivita ssussidjata, din il-kumpannija tkompli tieħu benefiċċju mill-għajnuna, u b'hekk ittawwal id-distorsjoni tal-kompetizzjoni. Wara dan, hija tqis li lanqas m'għandu jkun hemm diffikultajiet fil-każ fejn l-attiv tal-kumpannija benefiċjarja jkunu trasferit lill-impriżi ta' l-istess grupp. Hija tosserva fil-fatt li, f'tali każ, flimkien mall-kumpannija benefiċjarja, ikunu obbligati li jroddu lura l-għajnuna l-impriżi tal-grupp li, grazzi għat-trasferiment ta' dan l-attiv, setgħu jieħdu benefiċċju mill-effetti favorevoli li jirriżultaw mill-għajnuna, u minn dan jieħdu benefiċċju ekonomiku. Min-naħa l-oħra, f'dak li jirrigwarda l-bejgħ lill-impriżi terzi ta' attiv tal-kumpannija benefiċjarja, il-Kummissjoni tagħmel distinzjoni skond jekk dawn il-beni nbigħux separatament jew "flimkien". Skond hija, meta l-beni jinbigħu separatament, bil-prezz tas-suq, ix-xerrejja mhumiex marbutin iħallsu lura l-għajnuna, peress li, wara l-bejgħ separat ta' l-attiv, l-attivita sovvenzjonata ma tibqaxx teżisti, l-għajnuna mogħtija qabel il-bejgħ ma tibqax, minħabba f'hekk, iktar suxxettibli li tkun ta' svantaġġ għall-konkorrenti tal-kumpannija benefiċjarja. Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni tikkunsidra li s-sitwazzjoni tippreżenta ruħha b'mod differenti meta l-attiv jinbiegħ "flimkien" b'tali mod li jippermetti lix-xerrej li jkompli l-attivita tal-kumpannija benefiċjarja. Fil-fatt, skond il-Kummissjoni, f'din l-ipoteżi, it-tkomplija ta' l-attivita sovvenzjonata tista' ittawwal id-distorsjoni tal-kompetizzjoni, b'tali mod li tkun meħtieġa viġilanza partikolari sabiex ikun evitat li l-bejgħ tal-beni tal-kumpannija benefiċjarja jkun jista' jagħti lok għar-riskju sostanzjali li jiġi evitat l-obbligu ta' ħlas lura permezz tat-tpoġġija "għall-kenn" tal-beni mibjugħa. Hija ssostni li tali riskju jista' jiġi eskluż biss meta, barra minn meta jseħħ bil-prezz tas-suq, il-bejgħ "flimkien" tal-kumpannija benefiċjarja jseħħ fil-kuntest ta' proċedura mingħajr kundizzjonijiet u miftuħa għall-konkorrenti kollha ta' din il-kumpannija.

74     Fid-dawl ta' dawn il-prinċipji, il-Kummissjoni tqis li hija kellha d-dritt teżiġi l-irkupru ta' l-għajnuna mingħand LCA u CDA, għaliex:

–       CDA kompliet l-attivitajiet ekonomiċi tal-benefiċjarju inizjali ta' l-għajnuna billi użat il-mezzi ta' produzzjoni "ikkontaminati" li hija ħadet ġewwa l-grupp ta' impriżi marbutin taħt il-kontroll tat-TIB;

–       CDA u LCA baqgħu jieħdu benefiċċju mill-għajnuna illegali li nagħtat lill-impriża komuni – kif ukoll lill-werrieta tagħha –, safejn id-distorsjoni tal-kompetzzjoni ikkawżata mill-għoti ta' din l-għajnuna kompliet tipproduċi l-effetti tagħha għal CDA u LCA;

–       Il-prezz tax-xiri bl-ammont totali ta' 35.3 miljun DEM, mogħti fil-forma ta' xiri tal-passiv, f'kull każ baqgħa f'wieħed u l-istess grupp ta' impriżi minħabba l-kontroll li t-TIB teżerċita fl-istess ħin fuq CDA u fuq LCA;

–       fil-każ ta' grupp ta' impriżi integrati ekonomikament, il-prezz tax-xiri jiġi kkunsidrat li jkun kontra l-obbligu impost fuqu li jevita r-riskju li jiġu evitati d-deċiżjonijiet tagħha u ta' l-obbligu li għandhom l-Istati Membri li jishru sabiex jiġu rispettati d-dispożizzjonijiet tad-deċiżjonijiet tagħha.

75     Fl-aħħar lok, il-Kummissjoni tosserva li CDA kienet żbaljata meta sostniet li din ta' l-ewwel ma setgħetx teżiġi mingħandha u mingħand LCA l-irkupru ta' l-għajnuna li tħallset direttament jew li ġiet miżapproprjata għall-benefiċċju tal-grupp Pilz. Hija tosserva, fil-fatt, li din l-għajnuna daħlet fil-kamp ta' l-attivitajiet tal-impriża komuni u tal-werrieta tagħha, anke jekk, wara dan, din ġiet immedjatament imqassma sabiex tkun ta' benefiċċju għall-kumpanniji l-oħra tal-grupp Pilz. Skond il-Kummissjoni, mhuwiex importanti wisq li din l-għajnuna ma kinitx realment ta' benefiċċju għall-impriża komuni. Hija, fil-fatt, tosserva li, fis-sentenza ta' l-20 ta' Marzu 1997, Alcan Deutschland (C-24/95, Ġabra p. I-1591), il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li l-objezzjoni bbażata fuq l-għajbien ta' l-arrikkiment ma tikkostitwixxix raġuni valida sabiex wieħed jopponi ruħu għall-irkupru ta' l-għajnuna. Hija tqis li ir-raġunament tal-Qorti tal-Ġustizzja jista' jiġi traspost għal każ bħal dak in eżami, fejn il-mekkaniżmi tat-trasferiment ta' attiv fi ħdan grupp ta' imprizi għandu bejn wieħed u ieħor bħala għan l-għajbien ta' l-arrikkiment fit-tmexxija tal-benefiċjarju inizjali ta' l-għajnuna. Skond il-Kummissjoni, f'tali każ, huwa eskluż li tiġi kkunsidrata l-objezzjoni ta' l-għajbien ta' l-arrikkiment u jiġi attribwit, bil-kontra ta' dan, il-benefiċċju illegali lill-impriżi tal-grupp li kienu oriġinalment irċevew l-għajnuna li tagħha huma kienu destinatarji. Bl-istess mod, hija tqis li t-TIB u l-impriżi affiljati lanqas ma jistgħu jqajjmu din l-objezzjoni, peress li l-miżapproprjazzjoni ta' l-għajnuna mill-grupp Pilz huwa ukoll imputabbli lill-impriża komuni u lill-werrieta tagħha.

B –  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

76     B'mod preliminari, hemm lok li jiġi mfakkar li, konformement mad-dritt komunitarju, meta il-Kummissjoni tikkonstata li għajnuna tkun inkompatibbli mas-suq komuni, hija tista' tordna lill-Istat Membru li jirkupra din l-għajnuna mingħand il-benefiċjarji (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-12 ta' Lulju 1973, il-Kummissjoni vs il-Ġermanja, 70/72, Ġabra p.813, punti 13 u 20, u tad-29 ta' April 2004, l-Ġermanja vs il-Kummissjoni, C-277/00, għada ma ġietx ippublikata fil-Ġabra, punt 73).

77     Is-soppressjoni ta' għajnuna illegali permezz ta' rkupru hija l-konsegwenza loġika tal-konstatazzjoni ta' l-illegalita' tagħha u hija intiża sabiex terġa tistabbilixxi s-sitważżjoni anteċedenti (sentenza l-Ġermanja vs il-Kummissjoni, punt 76 iktar 'il fuq, punt 74).

78     Dan l-objettiv jintlaħaq malli l-għajnuna in kwistjoni, miżjuda jekk ikun hemm bżonn bl-interessi għad-dewmien fil-ħlas, tkun imħallsa lura mill-benefiċjarju jew, fi-kliem ieħor, mill-impriżi li effettivament gawdew minnha (ara, f'dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-21 ta' Marzu 1991, l-Italja vs il-Kummissjoni, C-303/88, Ġabra p. I-1433, punti 57 u 60). B'din ir-restituzzjoni, il-benefiċjarju jitlef fil-fatt il-benefiċċju li kien gawda fis-suq fir-rigward tal-kompetituri tiegħu u s-sitwazzjoni anterjuri għall-ħlas ta' l-għajnuna tiġi ristabbilita (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ta' l-4 ta' April 1995, il-Kummissjoni vs l-Italja, C-350/93, Ġabra p. I-699, punt 22).

79     Minn dan isegwi li l-objettiv prinċipali intiż mill-ħlas lura ta' għajnuna mill-Istat mgħotija illegalment huwa li jelimina d-distorsjoni tal-kompetizzjoni kkawżat mill-benefiċċu miksub bl-għajnuna illegali (sentenza l-Ġermanja vs il-Kummissjoni, punt 176 iktar 'il fuq, punt 76).

80     Huwa fid-dawl ta' dawn il-kunsiderazzjonijiet generali li għanda tiġi eżaminata l-legalità ta' l-ordni ta' rkupru li tidher fl-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata.

81     F'dan ir-rigward, għanda tiġi eżaminata separatament il-legalità ta' din l-ordni fejn teżiġi l-irkupru ta' l-għajnuna mingħand LCA, min-naħa, u mingħand CDA, min-naħa l-oħra. Fil-fatt, huwa kostanti li, bil-kontra ta' LCA, li għanda tiġi kkunsidrata bħala l-werrieta diretta ta' l-impriża komuni u ta' PA, dan mhuwix il-każ ta' CDA. Fid-deċiżjoni kkontestata, l-estensjoni ta' l-ordni ta' rkupru għal din ta' l-aħħar hija, fil-fatt, ibbażata fuq l-eżistenza ta' sitwazzjoni ta' riskju li tiġi evitata l-ordni ta' rkupru.

82     F'dak li jirrigwarda l-irkupru ta' l-għajnuna mingħand LCA, CDA ssostni li din l-ordni hija illegali, safejn din tinkludi għajnuna li ġiet imħallsa direttament lill-grupp Pilz, min-naħa, u ta' għajnuna li, għalkemm imħallsa lill-impriża komuni u lil PA, giet miżapproprjata għall-benefiċċju ta' dan il-grupp, min-naħa l-oħra.

83     F' dan ir-rigward, hemm lok li jiġi kkonstatat li, kif jirriżulta mit-tabella li tidher fil-premessi 32 u 39 tad-deċiżjoni kkontestata, l-għajnuna deskritta fl-Artikolu 1 ta' din id-deċiżjoni tinkludi effettivament numru konsiderevoli ta' għajnuniet li ngħataw direttament lill-grupp Pilz u lil PBK, impriża ta' dan il-grupp. Hekk hu l-każ b'mod partikolari għall-għajnuniet mogħtija lil-PBK fl-ambitu tal-garanzija tal-Land tal-Bavarja li jammontaw għall-54.7 miljun DEM, l-għajnuniet mogħtija lil-PBK fl-ambitu tal-kanċellazzjoni tad-dejn li jammontaw għal 3 miljun DEM, l-għajnuniet mogħtija lil PBK fl-ambitu tal-prezz tax-xiri ta' l-ishma ta' PA li jammontaw għal 3 miljun DEM u l-għajnuniet mogħtija lill-grupp Pilz fl-ambitu tal-kreditu ta' 15-il miljun DEM.

84     Dwar l-ewwel żewġ għajnuniet, huwa kostanti li, għalkemm ingħataw direttament lil PBK, dawn l-għajnuniet kienu destinati għall-finanzjament tal-bini tal-fabbrika tas-CDs f'Albrechts, b'tali mod li, bl-eċċezzjoni tal-miżapproprjazzjoni ta' dawn il-miżuri għall-benefiċċju ta' impriżi oħra tal-grupp Pilz, il-Kummissjoni kellha raġun, fil-prinċipju, tordna l-irkupru mingħand LCA (ara, f'dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-3 ta' Lulju 2003, il-Belġju vs il-Kummissjoni, C-457/00, Ġabra p. I-6931, punti 55 sa 62).

85     Dwar il-prezz tax-xiri ta' 3 miljun DEM u l-kreditu ta' 15 il-miljun DEM, hemm lok li jiġi kkonstatat li din l-għajnuna ingħatat direttament lill-grupp Pilz u ma kinitx destinata għar-ristrutturazzjoni ta' l-impriża komuni u ta' PA. Huwa għalhekk eskluż li dawn ta' l-aħħar jistgħu jiġu kkunsidrati bħala li kellhom it-tgawdija effettiva ta' din l-għajnuna. Din il-konklużjoni mhijiex effettwata bil-fatt li, hekk kif ikkonstatatu l-Kummissjoni fil-premessa 37 tad-deċiżjoni kkontestata, il-kreditu ta' 15-il miljun DEM kellu jservi għas-sostenn tal-grupp Pilz fl-istennija ta' xerrej għal PA. Fil-fatt, barra milli l-Kummissjoni ma pprovdiet l-ebda element ta' prova li ssostni din l-affermazzjoni, ma ġiex stabbilit li PA effettivament ħadet benefiċċju minn din l-għajnuna.

86     Konsegwentement, safejn hija tordna mingħand LCD, l-irkupru ta' l-għajnuna deskritta fl-Artikolu 1, u magħha tinkludi l-għajnuna mogħtija lil PBK fl-ambitu tal-prezz tax-xiri ta' 3 miljun DEM, l-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata mhuwiex konformi mal-prinċipji li jirregolaw l-irkupru ta' l-għajnuna illegali mill-Istat.

87     Għandu, wara dan, jiġi eżaminat l-argument ta' CDA li l-ordni ta' rkupru hija illegali safejn tikkonċerna għajnuna li, għalkemm destinata għall-impriża komuni u għal PA, ġiet miżapproprjata għall-benefiċċju ta' l-impriżi tal-grupp Pilz.

88     F'dan ir-rigward, hemm lok li jiġi osservat li d-deċiżjoni kkontestata fiha numru kbir ta' konstatazzjonijiet dwar il-miżapproprjazzjoni, għall-benefiċċju tal-grupp Pilz, ta' l-għajnuna deskritta fl-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata. Ukoll, jirriżulta b'mod partikolari mill-premessi 27, 33, 38 u 63 sa 75 tad-deċiżjoni kkontestata li parti kbira mill-għajnuna mogħtija għall-bini, il-konsolidazzjoni u r-ristrutturazzjoni tal-fabbrika tas-CDs f'Albrechts ġiet miżapproprjata favur l-impriżi ta' dan il-grupp. Jirriżulta ukoll minn dawn il-konstatazzjonijiet li l-miżapproprjazzjoni ta' l-għajnuna seħħet permezz tal-fatturazzjoni żejda tas-servizzi mogħtija fil-kuntest tal-bini tal-fabbrika, permezz tas-sistema ta' ġestjoni ċentralizzata tal-fondi li kienet teżisti fi ħdan il-grupp Pilz kif ukoll bin-nuqqas ta' ħlas ta' prodotti li ġew kunsinnati u ta' servizzi li kienu ngħataw mill-impriża komuni u minn PA favur il-grupp Pilz.

89     Bl-istess mod, għandu jiġi kkonstatat li l-att ta' l-akkuża tal-prokuratur pubbliku tal-Landgericht Mühlhausen, li ġie ppreżentat mill-awtoritajiet Ġermaniżi fil-kuntest tal-proċedura amministrattiva, fiħ numru ta' elementi li jippermettu li tiġi determinat, minn ta' l-inqas b'mod approssimattiv, il-medda tal-miżapproprjazzjoni ta' l-għajnuna favur il-grupp Pilz. Bil-kontra ta' dak li ssostni l-Kummissjoni, il-fatt biss li dan l-att jirrigwarda mġieba illegali li twettqet fil-kuntest ta' l-għoti ta' sussidji u konċessjonijiet għall-investiment tal-Land ta' Thuringe ma jippermettix, bħala tali, li jkun konkluż li l-elementi li jinstabu fiħ mhumiex relevanti għall-evalwazzjonijiet li l-Kummissjoni hija marbuta li tgħamel. Fil-fatt, dan l-att fiħ, b'mod partikolari fid-deskrizzjoni tad-diversi mekkaniżmi użati fil-kuntest tal-frodi u ta' l-evalwazzjoni tal-valur ta' l-investimenti li ġew realizzati, indikazzjonijiet preċiżi u utli għall-evalwazzjoni tal-medda tal-miżapproprjazzjoni.

90     F'dawn iċ-ċirkostanzi, hemm lok li jiġi kkunsidrat li, minn ta' l-anqas meta adottat id-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kellha numru ta' indizji validi u konkordanti li minnhom kien jirriżulta li l-impriża komuni u PA ma kellhomx it-tgawdija effettiva tal-parti l-kbira ta' l-għajnuna destinata għall-bini, il-konsolidament u r-ristrutturazzjoni tal-fabbrika tas-CDs f'Albrechts. Barra minn dan, dawn l-indizji kienu jippermettu li jiġi determinat, minn ta' l-anqas b'mod approssimattiv, il-medda tal-miżapproprjazzjoni.

91     Huwa minnu li, kif tafferma l-Kummissjoni, ma jirriżultax mid-dokumenti tal-proċess li l-awtoritajiet Ġermaniżi kienu pprovdew indikazzjonijiet preċiżi dwar il-parti ta' l-għajnuna li ġiet miżapproprjata għall-benefiċċju tal-grupp Pilz.

92     Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li, għalkemm kellha l-mezzi neċessarji sabiex tagħmel dan (ara, f'dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-13 ta' April 1994, il-Ġermanja u Pleuger Worthington vs il-Kummissjoni, C-324/90 u C-342/90, Ġabra p. I-1173, punt 29), minn l-ebda dokument tal-proċess ma jirriżulta li hija talbet lill-awtoritajiet Ġermaniżi sabiex jipprovdulha indikazzjonijiet preċiżi fuq dan il-punt. Issa, kif jirriżulta mid-deċiżjoni ta' ftuħ tal-proċedura, hija kient taf, għall-inqas wara l-1997, bil-miżapproprjazzjoni tal-parti l-kbira ta' l-għajnuna. Għaldaqstant, hija ma tistax tallega li, fid-dawl ta' l-informzzjoni li kellha meta adottat id-deċiżjoni kkontestata, hija kellha d-dritt li teżiġi l-irkupru mingħand LCA ta' l-għajnuna deskritta fl-Artikolu 1, f'dak li jirrigwarda dik li hija kienet taf jew li ma setgħetx ma tkunx taf li din ma kinitx ta' benefiċċju għall-impriża komuni u għal PA.

93     Bl-istess mod, hemm lok li jiġi miċhud l-argument tal-Kummissjoni li l-firxa ta' l-ordni ta' rkupru li tidher fl-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata hija ġustifikata minħabba l-appartenenza ta' l-impriża komuni u tas-suċċessuri tagħha fi grupp ta' impriżi marbutin li fi ħdanu kien jeżistu mekkaniżmi interni ta' trasferiment ta' attivi. Fil-fatt, barra mill-fatt li l-impriża komuni għamlet parti mill-grupp Pilz biss fil-perjodu li jmur minn ottubru 1992 sat-tmiem ta' Diċembru 1993, jirriżulta b'mod ċar mill-konstatazzjonijiet riprodotti fid-deċiżjoni kkontestata li, fil-każ in eżami, il-mekkaniżmi ta' trasferiment li kienu jeżistu fi ħdan dan il-grupp intużaw biss għad-detriment ta' din l-impriża u mhux għal ġid tagħha. Għalhekk ma jistax jiġi allegat li, minħabba l-appartenenza tagħha f'dan il-grupp, l-impriża komuni kellha t-tgawdija effettiva ta' l-għajnuna li tagħha hija ma kinitx il-benefiċjarja.

94     Għaldaqstant, safejn hija tordna mingħand LCA, l-irkupru ta' l-għajnuniet deskritta fl-Artikolu 1, u tinkludi magħhom dawk li ġie stabbilit li din l-impriża ma ħaditx benefiċċju effettiv minnhom, l-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata mhuwiex konfromi mall-prinċipji li jirregolaw l-irkupru ta' l-għajnuna illegali mill-Istat.

95     Wara dan, safejn l-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata jordna l-irkupru ta' l-għajnuna deskritta fl-Artikolu 1 ta' l-imsemmija deċiżjoni mingħand CDA, jirriżulta minn din id-deċiżjoni li l-Kummissjoni, essenzjalment, ibbażat il-kunsiderazzjonijiet tagħha fuq l-eżistenza ta' rieda li jiġu evitati l-konsegwenzi ta' din id-deċiżjoni, li, skond il-Kummissjoni, jirriżulta oġġettivament mill-fatt li CDA gawdiet minn għajnuna li kienet ingħatat preċedentement lil PBK, lill-impriża komuni, lil PA u li CD Albrechts, safejn hija tuża l-attiv ta' dawn l-impriżi u tkompli, minn barra dan, l-attivitajiet tagħhom.

96     Dan l-argument ma jistax ikun milqugħ.

97     Huwa minnu li, kif wara kollox jirriżulta mill-iskambju ta' korrispondenza bejn l-awtoritajiet Ġermaniżi u l-Kummissjoni fil-kuntest tal-proċedura amministrattiva, it-trasferiment ta' parti mill-attiv ta' LCA lil CDA kellu bħala għan li jsalva din il-parti ta' l-impriża ta' LCA sabiex jassiguralha l-possibbiltà ta' żvilupp mħarsa mill-inċertezzi ġuridiċi u ekonomiċi li kienu jheddu l-għejxien ta' LCA. Bl-istess mod, diversi elementi li tressqu mill-Kummissjoni u ODS fil-kuntest ta' din il-kawża jippermettu li jiġi konkluż li, wara t-trasferiment ta' l-attiv, CDA effettivament kompliet l-attivitajiet ta' l-impriża komuni, ta' PA u ta' CD Albrechts.

98     Madankollu, dan l-element ma jippermettix, bħala tali, li tiġi ppruvata l-eżistenza ta' rieda li jiġu evitati l-effetti ta' l-ordni ta' rkupru fil-każ in eżami.

99     Din il-konklużjoni timponi ruħha iktar u iktar meta, kif ġie kkonstatat fil-premessa 103 tad-deċiżjoni kkontestata, CDA ħallset prezz tax-xiri konformi mas-suq għat-teħid lura ta' l-attiv ta' LCA, b'tali mod li din l-operazzjoni ma timplikax li CDA ħadet it-tgawdija effettiva tal-benefiċċju ta' kompetizzjoni marbut mal-benefiċju ta' l-għajnuna mogħtija lil LCA (ara, f'dan is-sens, is-sentenza l-Ġermanja vs il-Kummissjoni, punt 76 iktar 'il fuq, punt 92).

100   F'dan il-każ ipotetiku, wieħed ma jistax jikkunsidra li, kif issostni l-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, wara x-xiri lura ta' l-attiv minn CDA, LCA baqgħet bħall "qoxra vojta li fir-rispett tagħha ma kienx possibbli li jintalab il-ħlas lura ta' l-għajnuna illegali".

101   Fil-fatt, fir-rigward tal-fatt li, f'dan il-każ, LCA kienet tinstab fi proċess ta' stralċ wara l-ftuħ ta' proċedura ta' falliment f'Ottubru 2000, hemm lok li jiġi mfakkar li mill-ġurisprudenza dwar impriżi li ħadu benefiċċju minn għajnuna u li fallew jirriżulta li r-ristabbiliment tas-sitwazzjoni anterjuri u l-eliminazzjoni tad-distorsjoni tal-kompetizzjoni li tirriżulta mill-għajnuna mogħtija illegalment jistgħu, bħala prinċipju, jintlaħqu permezz ta' dħul fil-passiv ta' l-impriża li tkun tpoġġiet għall-istralċ ta' obbligu dwar il-ħlas lura ta' l-għajnuna kkonċernata, minbarra safejn din l-għajnuna kienet ta' benefiċċju għal impriża oħra. Fil-fatt, skond din il-ġurisprudenza, tali dħul ikun biżżejjed sabiex jassigura l-eżekuzzjoni ta' deċiżjoni li tordna l-irkupru ta' għajnuna mill-Istat li tkun inkompatibbli mas suq komuni (ara, f'dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta' Jannar 1986, il-Kummissjoni vs il-Belġju, 52/84, Ġabra p. 89, punt 14, u tal-21 ta' Marzu 1990 il-Belġju vs il-Kummissjoni, C-142/87, Ġabra p. I-959, punti 60 u 62).

102   Wara dan, CDA u r-Repubblika Federali tal-Ġermanja affermaw, mingħajr ma ġew ikkuntestati mill-Kummissjoni, li, min-naħa, kienet biss parti mill-attiv li nbiegħet lil CDA, jiġifieri attiv fiss, attiv kurrenti, attiv li jista' jinbiegħ malajr, l-għarfien tekniku u d-distribuzzjoni u li, min-naħa l-oħra, dan il-metodu ta' kif wieħed jipproċedi ppermetta li tinkiseb somma iktar għolja minn dik li kienet tinkiseb kieku l-attiv in kwistjoni nbiegħ separatament.

103   Din il-konklużjoni mhijiex effettwata mill-fatt li l-prezz tax-xiri tħallas fil-forma ta' xiri tal-passiv. Għandu, fil-fatt, jiġi osservat li din il-forma ta' ħlas ma kelliex effetti negattivi fuq is-sitwazzjoni tal-kredituri, peress li t-tnaqqis ta' l-attiv tal-kumpannija ġie kkumpensat bi tnaqqis ekwivalenti tal-passiv tagħha. Barra minn hekk, matul is-seduta, CDA affermat, mingħajr ma ġiet ikkontradixxuta f'dan ir-rigward mill-Kummissjoni, li l-valur ta' l-attiv fiss ta' LCA huwa relattivament importanti, b'tali mod li wieħed ma jistax jikkunsidra li, wara x-xiri minn CDA ta' parti mill-attiv tagħha, din l-impriża saret "qoxra vojta".

104   Ir-referenza mill-Kummissjoni fil-premessa 118 tad-deċiżjoni kkontestata ma tippermettix li tiġi mdgħajfa din l-analiżi. Għandu, fil-fatt, jiġi kkonstatat li, f'din il-premessa, il-Kummissjoni tesponi, b'mod ġeneriku u illustrattiv, il-kriterji li hija tapplika sabiex tiddetermina jekk operazzjoni speċifika taħbix sitwazzjoni ta' riskju li tiġi evitata l-ordni ta' rkupru. Min-naħa l-oħra, din is-silta ma fiha l-ebda applikazzjoni ta' dawn il-kriterji għal dan il-każ.

105   Għaldaqstant, hemm lok li jiġi konkluż li, fid-dawl biss tal-konstatazzjonijiet tal-fatti riprodotti fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ma tistax tikkonkludi l-eżistenza ta' rieda li jiġu evitati l-effetti ta' l-ordni ta' rkupru fil-każ in eżami.

106   Fir-rigward ta' l-elementi l-oħra ta' fatt li ġew ippreżentati mill-Kummissjoni fil-kuntest ta' l-osservazzjonijiet bill-miktub tagħha u waqt is-seduta, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li dawn ma jidhru mkien fid-deċiżjoni kkontestata u li, għalhekk, ma jistgħux jiġu invokati sabiex jiġġustifikaw l-estensjoni ta' l-ordni ta' rkupru għal CDA.

107   Għandu jintqal ukoll li l-Qorti tal-Prim'Istanza tqis li dawn id-diversi elementi xorta waħda ma jippermettux li tintwera l-eżistenza ta' sitwazzjoni ta' riskju li tiġi evitata l-ordni ta' rkupru fil-każ in eżami.

108   F'dan ir-rigward, hemm lok li tiġi miċħuda l-allegazzjoni tal-Kummissjoni li tgħid li x-xiri ta' l-attiv minn CDA ma jikkorrispondix mal-loġika ekonomika. Għandu, fil-fatt, jiġi kkonstatat li, fil-kuntest tal-proċedura amministrattiva, l-awtoritajiet Ġermaniżi u CDA enfasizzaw għal diversi drabi li x-xiri ta' parti mill-attiv ta' LCA minn CDA kien jissodisfa din il-loġika. Iżda, għalkemm "in-natura kummerċjali tat-trasferiment [ta' l-attiv]" jikkostitwixxi wieħed mill-aspetti li hija tikkunsidra sabiex tiddetermina l-eżistenza ta' riskju li tiġi evitata l-ordni ta' rkupru, il-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata m'għamlet l-ebda kunsiderazzjoni ta' natura li ddgħajjef il-pożizzjoni ta' l-awtoritajiet Ġermaniżi u ta' CDA.

109   Bl-istess mod, għandu jiġi enfasizzatt li l-fatt biss li LCA u CDA kienu mmexxija mill-istess persuna meta nxtara l-attiv f'Jannar 1998 u li, wara din l-operazzjoni, CDA ppreżentat ruħha, fis-suq, bħala s-suċċessur ta' l-impriża komuni u ta' PA, ma jippermettix li jiġi konkluż li x-xiri ta' l-attiv ta' LCA kellu bħala għan li jirraġġira l-ordni ta' rkupru li tidher fl-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata. Dawn l-elementi, fil-fatt, mhumiex biżżejjed sabiex juru li CDA ġabet ruħha bl-intenzjoni li tostakola t-twettieq tad-deċiżjoni kkontestata.

110   Fl-aħħar nett, hemm lok li tiġi miċħuda l-allegazzjoni tal-Kummissjoni li tgħid li x-xiri "kollu f'daqqa" ta' l-attiv ta' LCA ma sarx wara proċedura miftuħa u trasparenti u li ċerti kompetituri ta' LCA kienu b'hekk ġew imħollija barra mix-xiri ta' l-attiv li permezz tigħhu l-imsemmija kumpannija kienet teżerċita l-attivitajiet issussidjati. Fil-fatt, kemm id-deċiżjoni kkontestata kemm ċerti dokumenti tal-proċess u d-dikjarazzjonijiet li saru mil-Land ta' Thuringe u minn CDA, matul is-seduta tal-5 ta' Mejju 2004, kontrarjament, juru li x-xiri ta' l-attiv ta' LCA minn CDA ma sarx immedjatament, iżda qabel kien hemm tentattivi li fallew sabiex LCA kollha kemm hi tinbiegħ lil terzi, fosthom il-kumpannija prinċipali tal-parti intervenjenti, ODS (ara, f'dan is-sens, is-sentenza l-Ġermanja vs il-Kummissjoni, punt 76 iktar 'il fuq, punt 95).

111   Fir-rigward ta' dak li ntqal iktar il-fuq, hemm lok li jiġi konkluż li l-Kummissjoni ma stabbilietx l-eżistenza ta' operazzjoni intiża biex jiġu evitati l-konsegwenzi tad-deċiżjoni kkontestata, biżżejjed sabiex toħloq obbligu fuq CDA li tħallas lura l-għajnuna illegali mogħtija lill-impriża komuni u lill-werrieta tagħha.

112   Konsegwentement, safejn hija tordna l-irkupru mingħand CDA ta' l-għajnuna mogħtija lil PBK, lill-impriza komuni, lil PA u lil CD Albrechts, id-deċiżjoni kkontestata mhijiex konformi mal-prinċipji li jirregolaw l-irkupru ta' l-għajnuna mill-Istat illegali.

113   Konklużjoni simili timponi ruħha fejn l-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata jordna l-irkupru ta' l-għajnuna deskritta fl-Artikolu 1 mingħand "l-impriżi l-oħra kollha li lilhom l-attiv u/jew l-infrastruttura ta' [PBK], [ta' l-impriża komuni] u [ta' PA] ġew jew għad iridu jiġu trasferiti b'tali mod li l-konsegwenzi ta' [l-imsemmija] deċiżjoni jiġu evitati". Ikun biżżejjed, fil-fatt, li jiġi kkonstatat li l-estensjoni ta' l-ordni ta' rkupru lil dawn l-impriżi jistrieħ fuq l-istess motivi bħal dawk ta' l-estensjoni ta' din l-ordni lil CDA

114   Fid-dawl ta' dak kollu li ntqal iktar 'il fuq, għandu jiġi milqugħ dan l-argument.

115   Fid-dawl ta' dak kollu li ntqal iktar 'il fuq, hemm lok li l-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata jiġi annullat safejn dan jordna l-irkupru ta' l-għajnuna deskritta fl-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata mingħand il-kumpanniji CDA u LCA kif ukoll mingħand l-impriżi l-oħra kollha li lilhom l-attiv jew l-infrastruttura tal-kumpanniji PBK, ta' l-impriża komuni u ta' PA ġew jew għad iridu jiġu trasferiti b'tali mod li l-konsegwenzi ta' l-imsemmija deċiżjoni jiġu evitati.

116    F'dawn iċ-ċirkustanzi, m'hemmx lok li jiġu eżaminati l-motivi l-oħra mmressqa mir-rikorrenti sabiex tistabilixxi l-illegalità ta' l-ordi ta' rkupru li tidher fl-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata.

117   Barra minn dan, għandu jiġi enfasizzat li kif jirriżulta b'mod partikolari mill-punti 2 sa 5 tar-rikors, ir-rikors ta' CDA huwa intiż, prinċipalment, kontra d-deċiżjoni kkontestata safejn din, skond l-Artikolu 2(3) tagħha testendi l-ordni ta' rkupru ta' għajnuna għal CDA kif ukoll għall-impriżi l-oħra li l-attiv u/jew l-infrastruttura ta' PBK, ta' l-impriża komuni u ta' PA ġew jew għad iridu jkunu trasferiti. Issa, safejn din il-parti tad-deċiżjoni kkontestat hija annulata, mhuwiex aktar neċessarju li tingħata deċiżjoni fuq il-motivi kollha mressqa minn CDA fir-rigward ta' l-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata.

 Fuq l-ispejjeż

118   Skond l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li l-Kummissjoni tilfet, hemm lok li hija tiġi kkundannata tbati l-ispejjeż kif ġie mitlub minn CDA.

119   Skond it-tielet paragrafu ta' l-Artikolu 87(4) il-Qorti tal-Prim'Istanza tista' tordna li parti intervenjenti għandha tbati l-ispejjeż tagħha. Fil-każ in eżami, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u ODS għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI TAL-PRIM'ISTANZA (it-Tielet Awla Estiża)

taqta' u tiddeciedi li :

1)      L-Artikolu 2(3) tad-deċiżjoni 2000/796/KE tal-Kummissjoni, tal-21 ta' Ġunju 2000, dwar l-għajnuna mill-Istat tal-Ġermanja favur CDA Compact Disk Albrechts GmbH (Thuringe) huwa annullat.

2)      M'hemmx lok li tingħata deċiżjoni fuq il-kumplament tat-talba għall-annullament.

3)      Il-Kummissjoni għanda tbati l-ispejjeż tagħha kif ukoll dawk ta CDA Datenträger Albrechts GmbH. Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u ODS Optical Disc Service GmbH għandhom ibgħatu l-ispejjeż tagħhom stess.

Azizi

García-Valdecasas

Cooke

Jaeger

 

      Dehousse

Mogħtija fil-Qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu

E. Coulon

 

       J. Azizi

Reġistratur

 

       President

Werrej

IL-kuntest ġuridiku

Fatti fl-oriġini tal-kawża

A –  Il-kuntest ġenerali

1.  Il-fażi meta ġiet stabbilita l-impriża (mill-1990 sa l-1992)

2.  Il-fażi ta' ristrutturazzjoni (mill-1993 sa' l-1998)

3.  Ix-xiri mill-ġdid ta' l-attiv minn MTDA

B –  Svolġiment tal-proċedura amministrattiva

C –  Konstatazzjoni tal-fatti u kunsiderazzjonijiet ġuridiċi

1.  Għajnuna finanzjarja mogħtija mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja matul il-fażi meta ġiet stabbilita l-impriża.

2.  Għajnuna finanzjarja mogħtija matul il-fażi ta' ristrutturazzjoni

3.  Fuq l-irkupru ta' l-għajnuna

4.  Il-parti dispożittiva tad-deċiżjoni kkontestata

Il-proċedura u talbiet tal-partijiet

Fid-dritt

I –  Osservazzjonijiet preliminari

II –  Fuq il-motiv ibbażat fuq il-ksur ta' l-Artikolu 87(1), KE, u ta' l-Artikolu 88(2), KE.

A –  L-argumenti tal-partijiet

B –  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

Fuq l-ispejjeż



* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.