Language of document : ECLI:EU:T:2005:365

SENTENZA TAL-QORTI TAL-PRIM'ISTANZA (it-Tielet Awla)

19 ta' Ottubru 2005

" Sajd – Konservazzjoni tar-riżorsi tal-baħar – Stabbiltá relattiva ta' l-attivitajiet ta' sajd ta' kull Stat Membru – Skambju ta' kwoti ta' sajd – Trasferiment lir-Repubblika Franċiża ta' parti mill-kwota ta' sajd ta' l-inċova allokata lir-Repubblika Portugiża – Annullament tad-dispożizzjonijiet li jawtorizzaw dan it-trasferiment – Tnaqqis għar-Renju ta' Spanja tal-possibbiltajiet ta' sajd effettiv – Responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Komunità – Regola ta' dritt li tagħti drittijiet lil individwi – Dannu reali "

Fil-kawża T-415/03

Cofradía de pescadores de « San Pedro » de Bermeo, stabbilita f'Bermeo (Spanja), u r-rikorrenti l-oħra li jidhru fl-Anness ta' din is-sentenza, rappreżentati minn  E. Garayar Gutiérrez, G. Martínez-Villaseñor,  A. García Castillo u M. Troncoso Ferrer, Avukati,

rikorrenti

vs

il-Kunsill ta' l-Unjoni Ewropea, rappreżentat minn M. Balta u F. Florindo Gijón, bħala aġenti,

konvenut

sostnut mill-

Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, inizjalment rappreżentata minn T. van Rijn u S. Pardo Quintillán, wara minn van Rijn u F. Jimeno Fernández, bħala aġenti, b'indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

u

r-Repubblika Franciża, rappreżentata minn G. de Bergues u A. Colomb, bħala aġenti, b'indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

intervenjenti

li għandha bħala suġġett rikors għal kumpens għal danni intiż sabiex jagħmel tajjeb għad-dannu allegatament subit mir-rikorrenti wara l-awtorizzazzjoni mill-Kunsill għat-trasferiment lir-Repubblika Franciża ta' parti mill-kwota ta' sajd ta' l-inċova allokata lir-Repubblika Portugiża,

IL-QORTI TAL-PRIM'ISTANZA
TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ (it-Tielet Awla),

komposta minn M. Jaeger, President, V. Tiili u O. Czúcz, Imħallfin,

Reġistratur: J. Palacio González, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedrua bil-miktub u wara s-seduta tas-17 ta' Marzu 2005,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-kuntest ġuridiku u l-fatti li wasslu għall-kawża

1.     Qbid totali permissibbli

1       L-Artikolu 161(1)(f) ta' l-Att li jikkonċerna l-kundizzjonijiet ta' l-Adeżjoni tar-Renju ta' Spanja u tar-Repubblika Portugiża u l-aġġustamenti għat-Trattati (ĠU 1985, L 302, iktar 'il quddiem l-"Att ta' Aċċessjoni") kien alloka lir-Renju ta' Spanja 90% tat-total permissibbli ta' qbid (iktar 'il quddiem il-"QTP") ta' inċova fid-diviżjoni VIII ta' l-ibħra koperti mill-Kunsill Internazzjonali ta' l-Esplorazzjoni tal-Baħar (iktar 'il quddiem l-"arja ICES VIII") jiġifieri il-Golf ta' Gaskonja, 10% kienu ġew assenjati lir-Repubblika Franċiża. Barra minn hekk, skond il-prinċipju ta' stabbiltà relattiva ta' l-attivitajiet tas-sajd ta' kull Stat Membru, għal kull wieħed mill-istokk ikkonċernati (iktar 'il quddiem il-"prinċipju ta' stabbiltà relattiva"), mogħtija għall-ewwel darba, fl-Artikolu 4(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 170/83 tal-25 ta' Jannar 1983, li jistabbilixxi sistema Komunitarja ta' konservazzjoni u ta' amministrazzjoni tar-riżorsi tas-sajd (ĠU L 24, p. 1), il-QTP ta' inċova tad-diviżjonijiet IX u X ta' l-ibħra koperti mill-Kunsill Internazzjonali ta' l-Esplorazzjoni tal-Baħar (iktar 'il quddiem, rispettivament, l-"arja ICES IX" u l-"arja ICES X") u tad-diviżjoni 34.1.1 tal-pjan imfassal mill-Kumitat tas-Sajd għall-Atlantiku Ċentrali tal-Lvant (iktar 'il quddiem l-"arja CECAF 34.1.1"), li jinsab fil-Punent u f'Nofsinhar il-Lbiċ tal-peniżola ta' l-Iberja, ġie maqsum bejn ir-Renju ta' Spanja u r-Repubblika Portugiża, għal madwar 48% għar-Renju ta' Spanja u 52% għar-Repubblika Portugiża

2       Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3760/92 ta' l-20 ta' Diċembru 1992, jistabbilixxi sistema Komuntarja ta' sajd u ta' l-akwakultura (ĠU L 389, p. 1), adottatat fuq il-bażi ta' l-Artikolu 43 tat-Trattat KE, li jipprovdi, skond it-termini ta' l-Artikolu 2(1):

"Għal dak li jikkonċerna l-attivitajiet ta' sfuttament, l-għanijiet ġenerali tal-politika komuni tas-sajd huma li jipproteġu u li jikkonservaw ir-riżorsi akwatiċi tal-baħar ħajjin, disponibbli u aċċessibbli, u li jipprovdu għall-isfruttament razzjonali u responsabbli fuq bażi sostenibbli, fil-kundizzjonijiet ekonomiċi u soċjali xierqa għas-settur, filwaqt li jiġu kkunsidrati l-konsegwenzi tagħhom għall-ekosistema tal-baħar u li jiġu kkunsidrati b'mod partikolari l-bżonnijiet kemm tal-produtturi u kif ukoll dawk tal-konsumaturi.

Għal dan il-għan, sistema Komunitarja ta' amministrazzjoni ta' l-attivitajiet ta' sfuttament hija stabbilita, li għandha tippermetti li tilħaq għal zmien twil ekwilibriju bejn ir-riżorsi u l-isfruttament fiż-żoni differenti tas-sajd." [traduzzjoni mhux uffiċjali]

3       Artikolu 4 tar-Regolament Nru 3760/92 jipprovdi:

"1. Sabiex jassigura l-isfruttament razzjonali u responsabbli tar-riżorsi fuq bażi sostenibbli, il-Kunsill jiddeċiedi, ħlief fil-każ ta' dispożizzjonijiet kuntrarji, skond il-proċedura prevista fl-Artikolu 43 tat-Trattat, li jistabbilixxi miżuri Komunitarji li jistabbilixxu l-kundizzjonijiet ta' aċċess għall-ibħra u riżorsi u ta' l-eżerċizzju ta' l-attivitatjiet ta' sfruttament. Dawn il-miżuri għandhom jiġu mfassla fid-dawl ta' l-analiżi bijoloġiċi, soċjo-ekonomiċi u tekniċi disponibbli u b'mod partikolari tar-relazzjonijiet stabbiliti mill-Kumitat stabbilit fl-Artikolu 16.

2. Dawn id-dispożizzjonijiet jistgħu b'mod partikolari jinkludu, għal kull pixkerija jew grupp ta' pixkeriji, miżuri sabiex:

[…] [traduzzjoni mhux uffiċjali]

b) jillimitaw ir-rati ta' sfruttament;

c) jistabbilixxu limiti kwantitattivi għall-qbid;

[…]"

4       L-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 3760/92 jgħid li, skond l-Artikolu 4, ir-rata ta' sfruttament setgħet tiġi regolata permezz ta' limitu, għal perijodu kkonċernat, tal-volum tal-qbid awtorizzat u, jekk ikun il-każ, mix-xogħol tas-sajd.

5       Skond l-Artikolu 8(4)(i) u (ii) ta' l-istess Regolament, il-Kunsill li ddeċieda b'maġġoranza kwalifikata fuq proposta tal-Kummissjoni, iddetermina għal kull pixkerija jew grupp ta' pixkeriji, każ b'każ, il-QTP u/jew il-permissibbiltà totali tax-xogħol tas-sajd, jekk kien il-każ fuq bażi ta' bosta snin, u qasam il-possibbiltajiet tas-sajd bejn l-Istati Membri b'mod li jiggarantixxi r-rispett tal-prinċipju ta' stabbiltà relattiva. Madankollu, fuq talba ta' l-Istati Membri direttament ikkonċernati, seta' jiġi kkunsidrat l-iżvilupp ta "mini-kwoti" u ta' l-iskambji regolari ta' kwoti li kienu ġew stabbiliti mill-1983, bil-kundizzjoni tar-rispett ta' l-ekwilibriju globali tal-partijiet.

6       Il-premessi numru ħdax u erbatax tar-Regolament Nru 3760/92 kienu jiddefinixxu l-prinċipju ta' stabbiltà relattiva kif ġej:

"Billi għat-tipi ta' riżorsi li għalihom għandhom jiġu limitati r-rati ta' sfruttament, għandhom jinqasmu bejn l-Istati Membri l-possibbiltajiet ta' sajd Komunitarju taħt il-forma ta' disponibbiltajiet ta' sajd espressi fi kwoti allokati u, jekk ikun il-każ, f'termini tax-xogħol tas-sajd; [traduzzjoni mhux uffiċjali]

Billi l-konservazzjoni u l-amministrazzjoni tar-riżorsi għandhom jikkontribwixxu għal stabbiltà akbar ta' l-attivitajiet tas-sajd u għandhom jiġu evalwati fuq il-bażi ta' qsim ta' referenzi li jirriflettu l-orjentamenti mogħtija mill-Kunsill; [traduzzjoni mhux uffiċjali]

Billi […] li din l-istabbiltà, magħrufa s-sitwazzjoni bioloġika temporanja ta' l-istokk, ghandu jikkunsidra l-bżonnijiet partikolari tar-reġjuni fejn il-popolazzjonijiet huma partikolarment dipendenti fuq is-sajd u l-attivitajiet konnessi […][traduzzjoni mhux uffiċjali]

Billi huwa f'dan is-sens li għandu jiġi mifhum il-kunċett ta' stabbiltà relattiva mixtieqa". [traduzzjoni mhux uffiċjali]

7       Fuq il-bażi ta' l-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 3760/92, il-Kunsill iddetermina il-QTP ta' ċerti stokk ta' ħut għas-snin 1995 sa 2001 filwaqt li adotta r-Regolamenti segwenti:

–       ir-Regolament (KE) tal-Kunsill Nru 3362/94 ta' l-20 ta' Diċembru 1994 li jistabbilixxi, għal ċerti stokkijiet u gruppi ta' stokkijiet ta' ħut, il-QTP għal 1995 u ċerti kundizzjonijiet li fihom huma jistgħu jinstadu (ĠU L 363, p. 1), emendat, b'mod partikolari, permezz tar-Regolament tal-Kunsill Nru 746/95 tal-31 ta' Marzu 1995 (ĠU L 74, p. 1);

–       ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 3074/95 tat-22 ta' Diċembru 1995 li jistabbilixxi, għal ċerti stokkijiet u gruppi ta' stokkijiet ta' ħut, il-QTP għal 1996 u ċerti kundizzjonijiet li fihom huma jistgħu jinstadu (ĠU L 330, p. 1);

–       ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 390/97 ta' l-20 ta' Diċembru 1996 li jistabbilixxi, għal ċerti stokkijiet u gruppi ta' stokkijiet ta' ħut, il-QTP għal 1997 u ċerti kundizzjonijiet li fihom huma jistgħu jinstadu (ĠU 1997, L 66, p. 1);

–       ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 45/98 tad-19 ta' Diċembru 1997 li jistabbilixxi, għal ċerti stokkijiet u gruppi ta' stokkijiet ta' ħut, il-QTP għal 1998 u ċerti kundizzjonijiet li fihom huma jistgħu jinqstadu (ĠU 1998, L 12, p. 1);

–       ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 48/1999 tat-18 ta' Diċembru 1998 li jistabbilixxi, għal ċerti stokkijiet u gruppi ta' stokkijiet ta' ħut, il-QTP għal 1999 u ċerti kundizzjonijiet li fihom huma jistgħu jinstadu (ĠU 1999, L 13, p. 1);

–       ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2742/1999 tas-17 ta' Diċembru 1999 li jistabbilixxi, għal 2000, il-possibbiltajiet ta' sajd u l-kundizzjonijiet marbuta għal ċerti stokkijiet ta' ħut u gruppi ta' stokkijiet ta' ħut, applikabbli għall-ibħra Komunitarji u, għal bastimenti Komunitarji, fl-ibħra soġġetti għal limitazzjonijiet ta' qbid, u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 66/98 (ĠU L 341, p. 1);

–       ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2848/2000 tal-15 ta' Diċembru 2000 li jistabbilixxi, għal 2001, il-possibbiltajiet ta' sajd u l-kundizzjonijiet marbuta għal ċerti stokkijiet ta' ħut u gruppi ta' stokkijiet ta' ħut, applikabbli fl-ibħra komunitarji u, għal bastimenti Komunitarji, fl-ibħra soġġetti għal limitazzjonijiet ta' qbid (ĠU L 334, p. 1).

8       Fir-rigward ta' l-arja ICES VIII, kull wieħed minn dawn ir-Regolamenti stabbilixxa QTP ta' inċova ta' 33 000 tunnellata maqsuma fi 29 700 tunnellata għar-Renju ta' Spanja u 3 300 tunnellata għar-Repubblika Franċiża, mingħajr distinzjoni tal-postijiet fejn sar il-qbid. Fil-fatt, jekk, fl-ewwel verżjoni tiegħu, ir-Regolament Nru 2742/1999 kien jipprovdi QTP ta' 16 000 tunnellata, maqsuma fi 14 400 tunnellata għar-Renju ta' Spanja u 1 600 tunnellata għar-Renju Franċiż, dan ir-Regolament, kif emendat permezz tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1446/2000 tas-16 ta' Ġunju 2000 (ĠU L 163, p. 3) kien ukoll stabbilixxa QTP ta' 33 000 tunnellata.

9       Fir-rigward ta' l-arja ICES IX, ta' l-arja ICES X u ta' l-arja Cecaf 34.1.1, għas-snin 1995 sa 1998, il-ħames kategorija ta' l-Anness I tar-Regolament Nru 746/95, it-tlettex-il kategorija ta' l-Anness tar-Regolament Nru 3074/95, l-erbatax-il kategorija ta' l-Anness I tar-Regolament Nru 390/97 u l-ħmistax-il kategorija ta' l-Anness I tar-Regolament Nru 45/98 kienu kull wieħed stabbilixxew QTP ta' inċova ta' 12 000 tunnellata maqsuma fi 5 740 tunnellata għar-Renju ta' Spanja u 6 260 tunnellata għar-Repubblika Portugiża. Għas-sena 1999, il-ħmistax-il kategorija ta' l-Anness I tar-Regolament Nru 48/1999 stabbilixxa QTP ta' inċova ta' 13 000 tunnellata maqsuma fi 6 220 tunnellata għar-Renju ta' Spanja u ta' 6 780 tunnellata għar-Repubblika Portugiża. Fl-aħħarnett, għas-snin 2000 u 2001, id-disa' kategorija ta' l-Anness I D tar-Regolament Nru 2742/1999 u d-disa' kategorija ta' l-Anness I D tar-Regolament Nru 2848/2000 kienu kull wieħed stabbilixxu QTP ta' inċova ta' 10 000 tunnellata maqsuma fi 4 780 tunnellata għar-Renju ta' Spanja u ta' 5 220 tunnellata għar-Repubblika Portugiża.

10     Il-proċeduri ta' amministrazzjoni tal-QTPs u ta' kwoti ġew definiti permezz tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2847/93 tat-12 ta' Ottubru 1993, li jistabbilixxi sistema ta' kontroll applikabbli għal politika komuni tas-sajd (ĠU L 261, p. 1), li jipprovdi, skond it-termini ta' l-Artikolu 21:

"1. Kull qbid ta' stokk jew ta' grupp ta' stokk soġġett għal kwota, effettwati minn bastimenti tas-sajd Komunitarji, huma attribwiti għall-kwota applikabbli għall-Istat Membru li l-bastiment ikun itajjar il-bandiera tiegħu, għall-stokk jew grupp ta' stokk in kwistjoni, ikun xi jkun il-post tal-ħatt.

2. Kull Stat Membru jistabbilixxi d-data li fiha l-qbid ta' stokk jew ta' grupp ta' stokk soġġett għal kwota, effettwati permezz ta' bastimenti tas-sajd li jtajru l-bandiera tiegħu jew huma reġistrati fuq it-territorju tiegħu, ikun meqjus li eżawrixxa l-kwota li hija applikabbli għalihom fir-rigward ta' dan l-istokk jew grupp ta' stokk. Dan jipprojbixxi provviżorjament, sa minn din id-data, is-sajd ta' ħut ta' dan l-istokk jew ta' dan il-grupp ta' stokk minn dawn il-bastimenti […] Din il-miżura hija nnotifikata mingħajr dewmien lil Kummissjoni, li tinforma lill-Istati Membri l-oħra b'dan.

3. Wara notifika magħmula skond il-paragrafu 2 jew mill-inizjattiva tagħha stess, il-Kummissjoni tistabbilixxi, fuq il-bażi ta' l-informazzjoni disponibbli, id-data li fiha huwa meqjus li għal stokk jew grupp ta' stokk, il-qbid soġġett għal QTP, kwota jew forma oħra ta' limitazzjoni kwantitattiva u effettwat minn bastimenti li jtajru l-bandiera ta' Stat Membru jew reġistrati fi Stat Membru eżawrixxa l-kwota, l-allokament jew li parti li jkollu dan l-Istat Membru jew, jekk ikun il-każ, il-Komunità.

l-okkazzjoni tal-kunsiderazzjoni tas-sitwazzjoni msemmija fl-ewwel sub-paragrafu, il-Kummissjoni tavża l-Istati Membri kkonċernati bil-prospettivi ta' waqfien ta attività ta' sajd minħabba l-eżawriment ta' QTP.

Il-bastimenti tas-sajd Komunitarji għandhom jieqfu jistadu stokk jew ta' grupp ta' stokk soġġett għal kwota jew għal QTP fid-data li fiha l-kwota attribwita lil dan l-Istat għall-istokk jew grupp ta' stokk in kwistjoni hija meqjusa li ġiet eżawrita jew fid-data li fiha l-QTP għall-ispeċi li jikkostitwixxu dan l-istokk jew grupp ta' stokk huwa meqjus li ġie eżawrit […]"[traduzzjoni mhux uffiċjali]


2.      Skambji ta' kwoti

11     Skond it-termini ta' l-Artikolu 9(1) tar-Regolament Nru 3760/92, l-Istati Membri, wara li jinnotifikaw lil Kummissjoni, setgħu jiskambjaw kull jew parti mid-disponibbiltajiet ta' sajd li kienu ġew allokati lilhom.

12     Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 685/95 tas-27 ta' Marzu 1995 dwar l-amministrazzjoni tax-xogħol tas-sajd li għandu x'jaqsam ma' ċerti arji u riżorsi tas-sajd tal-Komunità (ĠU L 71, p. 5), adottat fuq il-bażi ta' l-Artikolu 43 tat-Trattat KE jgħid, fl-Artikolu 11(1), li l-Istati Membri interessati għandhom jiskambjaw il-possibbiltajiet tas-sajd allokati lilhom taħt il-kundizzjonijiet imsemmija fil-punt 1 ta' l-Anness IV.

13     Skond it-termini tal-punt 1, 1.1 ta' dan l-Anness:

"Skambji bejn Franza u l-Portugall ser jiġu mġedda b'mod taċitu għall-perijodu 1995 sa 2002, bla ħsara għall-possibbiltà ta' emenda annwali tal-kundizzjonijiet tagħhom minn kull Stat Membru fiż-żmien ta' stabbiliment annwali ta' QTPs u kwoti.

Skambji jirrigwardaw il-QTPs li ġejjin:

i)      QTP komuni għal inċova li qed tiġi stabbilita għal arji ICES VIII u IX, 80% tal-possibbiltajiet tas-sajd tal-Portugal ser jiġu trasferiti kull sena lejn Franza. Kwantitajiet għandhom jinstadu esklussivament f'ibħra taħt is-sovranità jew ġurisdizzjoni ta' Franza;

[…]" [traduzzjoni mhux uffiċjali]

14     Skond it-termini tal-punt 1, 1.2 ta' l-istess Anness:

"Skambji bejn Spanja u Franza, ibbażati fuq il-ftehim bilaterali tal-1992 dwar inċova, għandhom jiġu mħaddma mill-1995 b'prospett multiannwali, waqt li jinżammu f'kunsiderazzjoni l-interessi taż-żewġ Stati Membri, inkluż b'mod partikolari l-livell ta' skambju annwali ta' kwoti, il-miżuri ta' kontroll u l-problemi tas-suq, bla ħsara għall-possibbiltà ta' emenda annwali tal-kundizzjonijiet tagħhom minn kull Stat Membru waqt l-iffissar annwali ta' QTPs u kwoti.

Skambji jirrigwardaw il-QTPs li ġejjin:

[…]

ix)      fil-każ tal-QTP għal inċova f'arja ICES VIII, 9 000 tunnellata ta' possibbiltajiet tas-sajd ta' Spanja ser jiġu trasferiti lil Franza kull sena."

15     Għal dak li jikkonċerna l-QTP ta' inċova għal arja ICES IX, għal arja ICES X u għal arja Cecaf 34.1.1, il-ħames kategorija ta' l-Anness I tar-Regolament Nru 746/95, it-tlettax-il kategorija ta' l-Anness tar-Regolament Nru 3074/95, l-erbatax il-kategorija ta' l-Anness I tar-Regolament Nru 390/97, il-ħmistax-il kategorija ta' l-Anness I tar-Regolament Nru 45/98 u t-taqsima ħmistax ta' l-Anness I tar-Regolament Nru 48/1999 kienu kull wieħed jippreċiżaw, fin-nota 3 tagħhom li, b'deroga għar-regola li l-kwoti ta' inċova attribwiti f'din iż-żona ma setgħux jinstadu ħlief fl-ibħra soġġetti għas-sovranità jew għall-ġurisdizzjoni ta' l-Istat Membru kkonċernat jew fl-ibħra internazzjonali ta' l-arja kkunsidrata, il-kwota tar-Repubblika Portugiża setgħet "tinstad sa 5 008 tunnellata fl-ibħra ta' taħt iż-żona ICES VIII li QTP li taqa' taħt is-sovranità jew il-ġurisdizzjoni ta' Franza".

16     Bl-istess mod, id-disa' kategorija ta' l-Anness I D tar-Regolament Nru 2742/1999, kienet tippreċiża, fin-nota 2 tiegħu, li l-kwota tar-Repubblika Portugiża setgħet "tinstad sa 3 000 tunnellata fl-ibħra taħt l-arja ICES VIII li taqa' taħt is-sovranità jew il-ġurisdizzjoni ta' Franza".

17     Fl-aħħar nett, id-disa kategorija ta' l-Anness I D tar-Regolament Nru 2848/2000 kienet tippreċiża, fin-nota 2 tagħha, li l-kwota tar-Repubblika Portugiża setgħet "tinstad sa 80% fl-ibħra taħt l-arja ICES VIII li taqa' taħt is-sovranità jew tal-ġurisdizzjoni ta' Franza", li kienet tirrappreżenta 4 176 tunnellata.

18     Permezz ta' rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti fid-9 ta' Ġunju 1995, ir-Renju ta' Spanja, skond l-ewwel paragrafu ta' l-Artikolu 173 tat-Trattat KE jitlob l-annullament tat-tieni sentenza wara (i) tal-punt 1, 1.1 ta' l-Anness IV tar-Regolament Nru 685/95 kif ukoll il-ħames il-kategorija ta' l-Anness I tar-Regolament Nru 746/95. Il-Qorti ċaħdet dan ir-rikors bħala infondat (sentenza tal-Qorti tal-5 ta' Ottubru 1999, Spanja vs Kunsill, C-179/95, Ġabra p. I-6475, iktar 'il quddiem is-"sentenza tal-5 ta' Ottubru 1999").

19     Permezz ta' rikorsi ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim'Istanza fil-11 ta' Marzu 2000 u s-27 ta' Marzu 2000, 62-il sidien ta' bastimenti tal-provinċiji ta' l-Asturji, tal-Koronja, ta' Pontevedra u ta' Luogo u t-tlett federazzjonijiet ta' sidien ta' bastimenti tal-provinċji ta' Guipúzcoa, ta' Cantabria u ta' Biscaye, min-naħa, talbu l-annullament, skond ir-raba' paragrafu ta' l-Artikolu 230, KE, id-disa' kategorija ta' l-Anness I D tar-Regolament Nru 2742/1999 u, min-naħa l-oħra, invokaw l-illegalità, skond l-Artikolu 241 KE, tat-tieni sentenza wara (i) tal-punt 1, 1.1 ta' l-Anness IV tar-Regolament Nru 685/95. Dawn ir-rikorsi ġew miċħuda bħala inammissibbli (digriet tal-Qorti tal-Prim'Istanza tad-19 ta' Settembru 2001, Federación de Cofradías de Pescadores de Guipúzcoa et vs Kunsill, T-54/00 u T-73/00, Ġabra p. II-2691, iktar 'il quddiem id-"digriet tad-19 ta' Settembru 2001").

20     Permezz tas-sentenza tat-18 ta' April 2002, Spanja vs Kunsill (C-61/96, C-132/97, C-45/98, C-27/99, C-81/00 u C-22/01, Ġabra p. I-3439, iktar 'il quddiem is-"sentenza tat-18 ta' April 2002"), il-Qorti annullat, billi laqgħet i-talba tar-Renju ta' Spanja, in-nota 3 tat-tlettax-il-kategorija ta' l-Anness tar-Regolament Nru 3074/95, in-nota 3 ta' l-erbatax-il kategorija ta' l-Anness I tar-Regolament Nru 390/97, in-nota 3 tal-ħmistax-il kategorija ta' l-Anness I tar-Regolament Nru 45/98, in-nota 3 tal-ħmistax-il kategorija ta' l-Anness I tar-Regolament Nru 48/1999, in-nota 2 tad-disa kategorija ta' l-Anness I D tar-Regolament Nru 2742/1999 u n-nota 2 tad-disa' kategorija ta' l-Anness I D tar-Regolament Nru 2848/2000 (iktar 'il quddiem id-"dispożizzjonijiet annullati").

 Il-Proċedura

21     B'rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim'Istanza fit-18 ta' Diċembru 2003, 98-il sidien ta' bastimenti tal-provinċji Spanjoli ta' Guipúzcoa u ta' Biscaye kif ukoll ħdax-il assoċjazzjoni ta' sajjieda ("Cofradías de pescadores") tal-provinċji ta' Guipúzcoa u ta' Biscaye fir-rigward kemm f'isem 59-il sid ta' bastimenti membri u f'isimhom stess (iktar 'il quddiem ir-"rikorrenti") ressqu dan ir-rikors fuq il-bażi ta' l-Artikolu 235 KE u tat-tieni paragrafu ta' l-Artikolu 288KE.

22     Skond l-Artikolu 44(6) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim'Istanza ir-rikorrenti, fuq talba tar-Reġistratur, ipproċedew għar-regolarizzazzjoni ta' ċerti annessi tar-rikors tagħhom permezz ta' atti ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim'Istanza fis-6 u fit-13 ta' Jannar 2004.

23     B'atti ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim'Istanza fid-29 ta' Marzu u fid-29 ta' April 2004, il-Kummissjoni u r-Repubblika Franċiża, rispettivament, talbu li jintervjenu sabiex isostnu t-talbiet tal-Kunsill.

24     B'digrieti rispettivament tas-17 ta' Mejju u tal-15 ta' Ġunju 2004, il-Kummissjoni u r-Repubblika Franċiża ġew ammessi sabiex jintervjenu.

25     Fuq ir-rapport ta' l-Imħallef Relatur, il-Qorti tal-Prim'Istanza (it-Tielet Awla) iddeċidiet li tiftaħ il-fażi orali u, fil-kuntest tal-miżuri ta' organizzazzjoni tal-proċedura, stiednet lill-partijiet sabiex iressqu ċerti dokumenti u sabiex jirrispondu għal domandi bil-miktub. Il-partijiet irrispondew għal dawn id-domandi fit-terminu mogħti.

26     Instemgħu is-sottomissjonijiet u r-risposti tal-partijiet għad-domandi orali matul is-seduta bil-miftuħ tas-17 ta' Marzu 2005.

27     Matul is-seduta, ir-rappreżentanti tar-rikorrenti rrevokaw mill-lista tar-rikorrenti is-sittax-il sid ta' bastimenti titolari tal-vapuri segwenti: Gure Leporre, Lezoko Gurutze, Ortube Berria, Waksman.

28     Fil-31 ta' Mejju 2005, ir-rikorrenti ressqu diversi dokumenti u talbu li tiġi ordnata perizja sabiex jiġi eżaminat l-effett illegali tat-trasferiment u ta' l-allegat sfruttament żejjed ta' l-inċova fuq is-sitwazzjoni attwali tas-sajd. Il-Kunsill u l-Kummissjoni ppreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom, rispettivament, fil-5 ta' Settembru u l-4 ta' Lulju 2005.

 It-talbiet tal-partijet

29     Ir-rikorrenti talbu lil Qorti tal-Prim' Istanza:

–       tikkonstata li, bit-trasferiment, fl-applikazzjoni tar-Regolamenti Nru 3074/95, Nru 390/97, Nru 45/98, Nru 48/1999, Nru 2742/1999 u Nru 2848/2000, ta' parti mill-kwota ta' inċova allokata għar-Repubblika Portugiża fl-arja ICES IX għar-Repubblika Franċiża b'tali mod li l-kwota tista' tinstad fl-arja ICES VIII, il-Kunsill ġab ir-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Komunità;

–       tikkundanna l-Kunsill għall-ħlas ta' kumpens għad-dannu subit u, jekk ikun il-każ, li jitħallas l-interessi għad-dewmien;

–       tikkundanna lill-Kunsill għall-ispejjeż, kif ukoll il-Kummissjoni u r-Repubblika Franċiża għall-ispejjeż tagħhom stess.

30     Il-Kunsill, sostnut mill-Kummissjoni u r-Repubblika Franċiża, talab lil Qorti tal-Prim'Istanza:

–       tiċħad ir-rikors bħala inammissibbli għal dak li jikkonċerna l-assoċjazzjonijiet ta' sajjieda ta' Guipúzcoa u ta' Biscaye, li jaġixxu, skond il-każ, għan-nom tal-membri tagħhom jew għan-nom tagħhom stess, is-sidien tal-vapuri Dios te salve, Gure Leporre, Lezoko Gurutze, Ortube Berria, Tuku Tuku u Waksman, kif ukoll għal dak li jikkonċerna d-danni li saru qabel it-18 ta' Diċembru 1998;

–       fi kwalunkwe każ, tiċħad ir-rikors bħala infondat;

–       tikkundanna r-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Id-dritt

31     Il-Kunsill, sostnut mill-Kummissjoni u r-Repubblika Franċiża, talab l-inammissibbiltà parzjali tar-rikors fil-punt li tressqet mill-assoċjazzjonijiet ta' sajjieda ta' Guipúzcoa, ta' Biscaye u minn ċerti sidien ta' bastimenti rikorrenti. Barra minn hekk, il-Kunsill eċċepixxa l-inammissibbiltà parzjali tar-rikors minħabba l-preskrizzjoni.

32     Jirriżulta mis-sentenza tal-Qorti tas-26 ta' Frar 2002, Kunsill vs Boehringer (C-23/00 P, Ġabra I-1873, punt 52), li l-Qorti tal-Prim'Istanza kellha l-kompetenza li tikkunsidra dak li titlob amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja fiċ-ċirkostanzi tal-kawża. F'dan il-każ, il-Qorti tal-Prim'Istanza tikkunsidra xieraq li l-ewwel tagħti deċiżjoni fuq il-mertu tar-rikors.

33     Għas-sostenn ta' dan ir-rikors, ir-rikorrenti jsostnu li l-kunidzzjonijiet li għalihom huwa soġġett id-dritt għal kumpens, skond it-tieni paragrafu l-Artikolu 288, KE, huma sodisfatti.

34     Għandu jiġi mfakkar li, skond ġurisprudenza kostanti, fil-qasam tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Komunità, għall-imġieba illeċita ta' l-istituzzjonijiet tagħha, dritt għal kumpens huwa rikonoxxut meta tlett kundizzjonijiet huma preżenti flimkien, jiġifieri li r-regola ta' dritt miksura kellha bħala għan li tagħti drittijiet lil individwi u li l-ksur tagħha huwa gravi biżżejjed, li d-dannu reali jiġi stabbilit, u, fl-aħħar nett, li teżisti rabta kawżali diretta bejn il-ksur imputabbli lill-Komunità u d-dannu subit mill-persuni milquta (sentenzi tal-Qorti tal-Prim'Istanza ta' l-14 ta' Novembru 2002, Rica Foods u Free Trade Foods vs Kummissjoni, T-332/00 u T-350/00, Ġabra p. II-4755, punt 222, u ta' l-10 ta' April 2003, Travelex Group and Financial Services u Interpayment vs Kummissjoni, T-195/00, Ġabra p. II-1677, punt 54; ara wkoll, b'mod partikolari, is-sentenzi tal-Qorti ta' l-4 ta' Lulju 2000, Bergaderm u Goupil vs Kummissjoni, C-352/98 P, Ġabra I-5291, punt 42; ta' l-10 ta' Diċembru 2002, Kummissjoni vs Camar u Tico, C-312/00 P, Ġabra p. I-11355, punt 53, u ta' l-10 ta' Lulju 2003, Kummissjoni vs Fresh Marine, C-472/00 P, Ġabra p. I-7541, punt 25).

35     Skond il-ġurisprudenza, meta waħda mill-kundizzjonijiet sabiex ikun hemm ir-responsabbiltà mhux kuntrattwali ta' l-istituzzjonijiet Komunitarji ma tiġix sodisfatta, ir-rikors għandu jiġi miċħud kollu kemm hu, mingħajr ma jkun hemm bżonn li jiġu eżaminati l-kundizzjonijiet l-oħra (sentenzi tal-Qorti ta' l-14 ta' Ottubru 1999, Atlanta vs Kummissjoni u Kunsill, C-104/97 P, Ġabra p. I-6983, punt 65, u tal-Qorti tal-Prim'Istanza tat-28 ta' Novembru 2002, Scan Office Design vs Kummissjoni, T-40/01, Ġabra p. II-5043, punt 18).

36     F'dan il-każ, għandu jiġi vverifikat jekk dawn it-tlett kundizzjonijiet humiex sodisfatti.

1.     Fuq il-ksur suffiċjentement gravi ta' regola ta' dritt li tagħti drittijiet lil individwi

 L-argumenti tal-partijiet

37     Ir-rikorrenti jallegaw li meta awtorizza l-flotta Portugiża sabiex tistad fl-arja ICES VIII, skond dispożizzjonijiet annullati, il-Kunsill għamel ksur suffiċjentement gravi ta' regoli ta' dritt li jagħtu drittijet lil individwi.

38     Għal dak li jikkonċerna, fl-ewwel lok, il-karattru suffiċjentement gravi tal-ksur, ir-rikorrenti jfakkru li l-kriterju deċiżiv f'dan ir-rigward huwa dak tan-nuqqas manifest u serju ta' l-istituzzjoni Komunitarja kkonċernatata li tosserva l-limiti li jiġu imposti fuq il-poter tagħha ta' diskrezzjoni. Meta l-istituzzjoni in kwistjoni ma jkollhiex ħlief marġni ta' diskrezzjoni konsiderevolment imnaqqas, kważi ineżistenti, is-sempliċi ksur tad-dritt Komunitraju jista' jkun biżżejjed sabiex jiġi stabbilit l-eżistenza ta' ksur suffiċjentement gravi (sentenzi Bergaderm u Goupil vs Kummissjoni, punt 34 iktar 'il fuq, punti 41 u 42, u Kummissjoni vs Camar u Tico, punt 34, iktar 'il fuq, punt 53).

39     F'dan il-każ, ir-rikorrenti josservaw li, meta adotta id-dispożizzjonijiet annullati, il-Kunsill kiser, kif ukoll jirriżulta mis-sentenza tat-18 ta' April 2002, il-prinċipju ta' stabbiltà relattiva previst mill-Artikolu 8(4)(ii) tar-Regolament Nru 3760/92, u l-Artikolu 161(1)(f), ta' l-Att ta' Adeżjoni. Barra minn hekk, ir-rikorrenti jsostnu li l-Kunsill, b'dan il-fatt, min-naħa, kiser il-prinċipji ta' aspettativi leġittimi u taċ-ċertezza legali, minħabba li s-sitwazzjoni tal-flotta Spanjola awtorizzata li tistad l-inċova fl-arja ICES VIII ġiet mibdula minn azzjoni ta' istituzzjoni Komunitarja, li ma kellhiex il-kompentenza sabiex tagħmel dan it-tibdil u li aġixxiet permezz ta' metodi differenti minn dawk previsti għal emenda ta' trattat internazzjonali bħal ma huma Att ta' Adeżjoni u, min-naħa l-oħra, ikkommettiet abbuż ta' poter meta żiedet il-QTP fl-arja ICES VIII mingħajr ma stabbilixxiet QTP ġdid fuq il-bażi ta' informazzjoni xjentifika u teknika ġdida, kif previst fir-Regolament Nru 3760/92, u billi ma użatx il-proċeduri previsti għal dan il-għan, li kienu jirrikjedu bilfors l-emenda ta' l-Att ta' Adeżjoni.

40     Skond ir-rikorrenti, id-dannu subit minħabba dan il-ksur jirriżulta min-nuqqas ta' osservazzjoni tal-limiti imposti mil-leġiżlazzjoni fis-seħħ applikabbli għall-qsim tal-possibbiltajiet ta' sajd. Dawn il-limiti kienu ċari u preċiżi u ma kienu jħallu lil Kunsill ebda marġni ta' diskrezzjoni. L-ewwel limitu kien jikkonsisti fil-ħtieġa li jadotta miżuri li m'għandhomx bħala effett li jbiddlu sitwazzjoni ġuridika maħluqa minn trattat internazzjonali, f'dan il-każ l-Att ta' Adeżjoni, jiġifieri l-fatt li r-Renju ta' Spanja għandha dritt għal 90% tal-QTP ta' inċova fl-arja ICES VIII. It-tieni limitu kien jirriżulta mit-tieni sentenza wara (i) tal-punt 1, 1.1 ta' l-Anness IV tar-Regolament Nru 685/95 u ta' l-Artikolu 8(4)(ii) tar-Regolament Nru 3760/92, li ma kienu jikkonferixxu lil Kunsill ebda poter ta' deċiżjoni sabiex jawtorizza skambju ta' kwota, l-awtorizzazzjoni kienet soġġetta għall-fatt li jkunu sodisfatti l-kundizzjonijiet kollha stabbiliti minn dawn id-dispożizzjonijiet, jiġifieri l-stabbiliment ta' QTP komuni u t-talba ta' l-Istati kkonċernati. F'dawn il-kundizzjonijiet, kien ikun diffiċli tikkunsidra li l-Kunsill kellu poter diskrezzjonali.

41     F'dan ir-rigward, ir-rikorrenti jippreċiżaw li huma ma jikkontestaw la l-eżerċizzju mill-Kunsill tal-poter tiegħu li jistabbilixxi l-QTPs skond iż-żona, la l-poter tiegħu li jgħaqqad l-amministrazzjoni ta' arji distinti u li jistabbilixxi QTP komuni, u lanqas li jawtorizza in abstracto t-trasferimenti ta' kwoti. Dak li huwa in kwistjoni f'dan il-każ huwa l-mod li bih it-trasferiment ta' kwoti bejn ir-Repubblika Franċiża u r-Repubblika Portugiża kien ġie awtorizzat in concreto, meta l-prinċipju ta' stabbiltà relattiva jeskludi kull poter diskrezzjonali.

42     Skond ir-rikorrenti, peress li l-Kunsill ma kellux poter wiesgħa ta' evalwazzjoni sabiex ibiddel il-kwota ta' inċova allokata lir-Renju ta' Spanja, huwa ma setax jitlob, kuntrarjament għal dak li jsostni, li l-ksur ikun ukoll ta' natura gravi u manifesta.

43     Fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-livell ta' ċarezza u ta' preċiżjoni tar-regola, ir-rikorrenti jsostnu li mhuwiex relevanti li tiġi invokata allegata diverġenza bejn is-sentenza tal-5 ta' Ottubru 1999 u s-sentenza tat-18 ta' April 2002, minħabba fiċ-ċarezza assoluta tad-dispożizzjonijiet annullati.

44     Fir-rigward, sussegwentement, tal-karattru allegatament skużabbli ta' l-iżball ta' dritt magħmul mill-Kunsill, ir-rikorrenti jsostnu li d-dispożizzjonijiet in kwistjoni fis-sentenza tal-5 ta' Ottubru 1999 mhumiex id-dispożizzjonijiet annullati. Ir-Regolament Nru 685/95, li kien is-suġġett ta' l-ewwel sentenza, ma kellux fih, fil-fatt, regolamentazzjoni kompleta tas-sistema ta' trasferiment tal-kwoti li ġiet eżaminata fit-tieni rikors, l-iskambju ta' kwota ddikjarata illegali kienet jippresupponi l-eżistenza ta' dritt ta' sajd tar-Repubblika Portugiża fl-arja ICES VIII. Madankollu, dan id-dritt ta' sajd ġie stabbilit biss mid-dispożizzjonijiet annullati. B'hekk ma kienx hemm diverġenza ta' interpretazzjoni ġurisprudenzjali ta' dispożizzjoni simili. Skond ir-rikorrenti, is-sentenza tal-5 ta' Ottubru 1999 tikkonferma, bil-kontra, fil-punti 51 u 52, il-fatt li trasferiment li ma jirrispettax l-ekwilibriju totali tal-partijiet, jiġifieri l-kwoti skond l-arja fl-applikazzjoni tal-prinċipju ta' stabbiltà relativa, ma jistax ikun legali. Fil-punt 45 tas-sentenza tat-18 ta' April 2002, il-Qorti tal-Ġustizzja kienet ikkonfermat, preċiżament, il-karattru imperattiv tar-rispett tal-kwoti nazzjonali li hija kundizzjoni għal trasferiment bejn żoni differenti. L-awtorizzazzjoni tal-Kunsill għal trasferiment ta' kwoti ta' inċova fl-arja ICES VIII bejn ir-Repubblika Portugiża u r-Repubblika Franċiża, mingħajr ma stabbilixxa primarjament QTP komuni għaż-żoni kkonċernati, kien jikkostitwixxi, minbarra dan, żball mhux żkużabbli, sakemm dan kien sar bi ksur tar-regolamenti adottati mill-Kunsill.

45     Fir-rigward, fl-aħħar nett, tal-karatteristika intenzjonata tal-ksur, ir-rikorrenti jsostnu li l-Kunsill kien għal kollox konxju mill-fatt li huwa rrikorra għal mezz ġuridiku sabiex iċaħħad ir-Renju ta' Spanja mid-drittijiet tagħha għal kwota ta' inċova ekwivalenti għal 90% tal-possibbiltajiet ta' sajd fl-arja ICES VIII, minħabba li, kif ukoll jirriżulta mill-punt 36 tas-sentenza tat-18 ta' April 2002 u mill-punt 25 tas-sentenza tal-5 ta' Ottubru 1999, il-Kunsill stabbilixxa huwa stess li ma jistax legalment ibiddel il-qsim tal-kwoti mingħajr ma jkun irċieva minn qabel ir-rinunzja tar-Renju ta' Spanja għall-kwota tagħha ta' inċova u lanqas, fin-nuqqas ta' dan, jiġġustifika żieda konsiderevoli tal-QTP fi proporzjon ekwivalenti għal għaxar darbiet tal-possibbiltajiet ta' sajd ta' l-inċova li kien jipproponi li jirrikonoxxi lir-Repubblika Franċiża fl-arja ICES VIII.

46     B'konsekwenza ta' dan, il-Kunsill, filwaqt li adotta d-dispożizzjonijiet illegali in kwistjoni, kien għamel gravi biżżejjed tad-dritt Komunitarju

47     Għal dak li jikkonċerna l-argument tal-Kummissjoni li l-Qorti tal-Ġustizzja ma kinitx iddeċidiet fis-sentenza tat-18 ta' April 2002 fuq il-prinċipju ta' ċertezza legali u ta' protezzjoni ta' aspettativi leġittimi, ir-rikorrenti jsostnu li għandhom id-dritt li jinvokaw l-argumenti ġuridiċi kollha li jidhrilhom xierqa għas-sostenn ta' l-allegazzjonijiet tagħhom, li kienu ġew miżmuma mill-Qorti fil-kuntest tar-rikors għal annullament jew le. Fl-opinjoni tagħhom, ir-rikors għal annullament kien indipendenti mir-rikors għal responsabbiltà, l-unika rabta eżistenti bejn ir-rikors għal annullament imressaq mir-Renju ta' Spanja u din il-proċedura huwa l-fatt li d-deċiżjoni mogħtija fl-ewwel rikors kienet solviet il-kwistjoni ta' l-eżistenza ta' aġir illegali min-naħa tal-Kunsill b'tali mod li wieħed mill-kriterji mitluba sabiex ikun hemm ir-responsabbiltà tal-Komunità għandu jiġi kkunsidrat bħala sodisfatt.

48     Għal dak li jikkonċerna l-argument tal-Kummissjoni li r-Regolamenti adottati mill-Kunsill li jistabbilixxu l-QTP għandhom natura annwali u jistgħu leġittimament ivarjaw minn sena għal oħra, b'tali mod li ma jkunux kisru l-prinċipji ta' ċertezza legali u ta' l-aspettativi leġittimi, ir-rikorrenti jsostnu li l-għan ta' din il-kawża huwa l-qsim tal-kwoti allokati lill-Istati Membri ladarba l-QTP ikun stabbilit, li kellu, fi kwalunkwe każ u għal kull sena fejn trasferiment illegali ġie awtorizzat ikun għall-arja ICES VIII, fil-proporzjoni ta' 90/10 bejn il-kwota allokata lir-Renju ta' Spanja u dik allokata lir-Repubblika Franċiża, li ma kienx il-każ.

49     Għal dak li jikkonċerna, fit-tieni lok, il-ksur tar-regoli ta' dritt li jagħtu d-drittijiet lil individwi, ir-rikorrenti l-ewwel nett isostnu li l-prinċipju ta' stabbiltà relattiva miksur mill-Kunsill fid-dispożizzjonijiet annullati permezz tas-sentenza tat-18 ta' April 2002 jikkostitwixxi regola superjuri ta' dritt.

50     Skond ir-rikorrenti, l-Artikolu 161(1)(f) ta' l-Att ta' Adeżjoni fih wieħed mill-prinċipji fundamentali tal-politika komuni tas-sajd. Barra minn hekk, ir-Regolamenti li d-dispożizzjonijiet tagħhom kienu ġew annullati kienu strumenti ta' applikazzjoni annwali tar-Regolamenti Nru 3760/92 u Nru 685/95. Għaldaqstant, għalkemm dan kien jirrigwarda regoli ta' l-istess livell, dawn ir-Regolamenti kellhom jirrispettaw, fl-għan tagħhom u fil-kontenut tagħhom, il-prinċipji stabbilti f'dawn l-aħħar regolamenti, li jiddeterminaw l-għanijiet stabbiliti mil-liġi oriġinarja, b'mod partikolari mill-Artikolu 33 KE.

51     F'dan ir-rigward, ir-rikorrenti jippreċiżaw li l-possibbiltà li jċedu d-drittijiet ta' sajd allokati mill-Kunsill jirriżulta wkoll mill-implementazzjoni tal-prinċipju ta' stabbiltà relattiva. Fi kwalunkwe każ, dak li kien in kwistjoni f'dan il-każ kien l-allokazzjoni preliminari ta' kwoti. Madankollu, kif ukoll jirriżulta mill-punt 47 tas-sentenza tat-18 ta' April 2002, skambju tad-disponibbiltajiet ta' sajd jippreżupponi li dawn kienu ġew primarjament allokati b'konformità mal-prinċipju ta' stabbiltà relattiva u kien jirrikejdi talba mill-Istati Membri kkonċernati. Il-Qorti kienet barra minn hekk irrikonoxxiet li l-prinċipju ta' stabbiltà relattiva hija regola superjuri ta' dritt billi annullat id-dispożizzjonijiet li kienu ġew ikkontestati quddiemha.

52     Sussegwentement, ir-rikorrenti jsostnu li l-Att ta' Adeżjoni billi jagħti lir-Renju ta' Spanja 90% tal-qbid ta' inċova fl-arja ICES VIII, il-prinċipju ta stabbiltà relattiva, li joffri garanziji supplimentari li jikkonċernaw il-manteniment ta' din il-parti, kif ukoll il-limitazzjonijiet imposti fuq il-Kunsill permezz ta' l-Artikolu 8(4)(ii) tar-Regolament Nru 3760/92, jiġifieri l-eżistenza ta' talba ta' l-Istat ikkonċernat, u permezz tat-tieni sentenza wara (i) tal-punt 1, 1.1 ta' l-Anness IV tar-Regolament Nru 685/95, jiġifieri l-istabbiliment ta' QTP uniku, joħloq drittijiet li huma tagħhom stess id-destinatarji, jew għall-anqas aspettativa leġittima ta' dawn id-drittijet. Fil-fatt, jekk kwota ta' 90% tal-QTP ta' inċova għall-arja in kwistjoni tappartjeni lir-Renju ta' Spanja, id-destinatarji tad-drittijet ta' sajd ta' din l-ispeċi f'din l-arja huma operaturi ekonomiċi li jeffettwaw il-qbid, f'dan il-każ ir-rikorrenti u l-intrapriżi l-oħra propjetarji ta' bastimenti mgħammra għas-sajd.

53     F'dan ir-rigward, primarjament, ir-rikorrenti josservaw li, skond it-tnax u l-erbatax il-premessa tar-Regolament Nru 3760/92, il-qsim tal-kwoti għandu jsir fuq il-bażi ta' l-importanza ta' l-attivitajiet ta' sajd tradizzjonali, tal-bżonnijiet partikolari tar-reġjuni li fihom il-popolazzjonijiet huma partikolarment dipendenti fuq is-sajd u ta' l-industriji konnessi kif ukoll tas-sitwazzjoni bioloġika temporanja ta' l-istokk, li juri li s-sitwazzjoni partikolari ta' l-aġenti ekonomiċi mgħammra sabiex joperaw fl-arja ICES VIII kif ukoll id-drittijiet tagħhom ittieħdu in konsiderazzjoni matul l-istabbiliment tal-QTP ta' inċova f'din l-arja.

54     Ir-rikorrenti jikkunsidraw li r-rikonoxximent ta' dritt jew aspettativa leġittima ta' dritt li jirriżulta mill-prinċipju ta' stabbiltà relattiva favur ir-rikorrenti hija l-unika interpretazzjoni konċiljabbli mar-ratio legis tar-regola, jiġifieri l-manteniment tal-livell ta' ħajja tal-popolazzjonijiet in kwistjoni u mhux l-"arrikkiment" tal-patrimonju ġuridiku ta' l-Istati permezz tar-rikonoxximent lil dawn ta' l-aħħar ta' dritt li tiegħu il-valur ekonomiku huwa inkontestabbli, f'dan il-każ id-dritt għal possibbiltajiet ta' sajd. B'konsegwenza ta' dan, l-Istat kellu jkun biss dak li jżomm it-titlu fiduċarju tal-possibbiltajiet ta' sajd ta' inċova attribwit bl-applikazzjoni tal-prinċipju ta' stabbiltà relattiva, li jidher fl-Att ta' Adeżjoni taħt il-forma ta' kwota, il-bastimenti tas-sajd għall-inċova tal-flotta Spanjola fl-ibħra tal-Golf ta' Gaskonja li huma rreġistrati fil-lista kkonċernata u awtorizzati li jeżerċitaw fih l-attivitajiet tagħhom bħala benefiċarji ekonomiċi reali tal-possibbiltajiet ta' sajd in kwistjoni.

55     Għal dak li jikkonċerna l-argument tal-Kummissjoni li l-Qorti tal-Prim'Istanza kienet diġa ddeċidiet fis-sentenza tagħha tas-6 ta' Diċembru 2001, Area Cova et vs Kunsill u Kummissjoni (T-196/99, Ġabra p. II-3597), li l-prinċipju ta' stabbiltà relattiva ma jistax jikkonferixxi drittijiet suġġettivi lil individwi fejn il-ksur kien jagħti dritt għal kumpens, ir-rikorrenti jsostnu li l-frażi ċitata mill-Kummissjoni hija raġunament obiter dictum, magħmula mill-Qorti tal-Prim'Istanza f'kuntest li fih l-applikazzjoni tal-prinċipju ta' stabbiltà relattiva ma kienx in kwistjoni. Dikjarazzjoni bħal din ma kinitx tikkostitwixxi ir-ratio decidendi tas-sentenza u, b'konsegwenza ta' dan, l-affermazzjoni li tinsab fiha ma tistax fi kwalunkwe każ tiġi kkunsidrata li tikkostitwixxi ġurisprudenza għall-finijiet imfittxija mill-Kummissjoni.

56     Ir-rikorrenti jfakkru, minbarra dan, li l-Qorti tal-Prim'Istanza stabbiliet b'mod ċar li l-persuni kkonċernati setgħu, fi kwalunkwe każ, fejn huma kkunsidraw lilhom infushom vittmi ta' dannu li jirriżulta direttament mid-disa' kategorija ta' l-Anness I D tar-Regolament Nru 2742/1999, jikkontestaw din id-dispożizzjoni fil-kuntest ta' proċedura għal responsabbiltà mhux kuntrattwali prevista fl-Artikoli 235 KE u 288 KE (digriet tad-19 ta' Settembru 2001, punt 85).

57     Huma jsostnu li jekk jiġi aċċettat l-argument tal-Kummissjoni, il-prinċipju ta' dritt għal protezzjoni ġurisdizzjonali effettiv jiġi miksur. L-att illeċitu tal-Kunsill, fil-fatt, kien ser jibqa' fi kwalunkwe każ mhux sanzjonat, minħabba li d-danni li hu kkawża ma jistgħux jissewwew, ikkunsidrat li Stat ma jistax jitlob kumpens. Is-sidien ta' bastimenti rikorrenti jsibu ruħhom imċaħda minn dritt ta' sajd – jew, għall-anqas, ta' l-aspettativa leġittima ta' dan id-dritt – li d-dritt Komunitajru stess jirrikonoxxilhom u, b'konsegwenza ta' dan, tal-qbid li għalihom l-eżerċizzju ta' dan id-dritt kien iwassal, u li madankollu ikun ġie realizzat mill-flotta benefiċjarja tat-trasferiment. Fl-aħħar nett, l-attibuzzjoni effettiva tad-disponibbiltajiet ta' sajd ladarba l-kwoti jkunu skambjati tkun saret, mingħajr sanzjoni, bi ksur tad-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 161, paragrafu 1(f) ta' l-Att ta' Adeżjoni.

58     Fit-tieni lok, ir-rikorrenti jkaffkru li, skond l-Artikolu 33 KE, wieħed mill-għanijiet imfittxa mill-politika agrikola komuni hija li tassigura livell ta' ħajja ġusta għall-popolazzjoni agrikola, b'mod partikolari billi jogħla d-dħul ta' dawk li jaħdmu fl-agrikoltura. Sabiex jaslu għal dan il-għan, il-finalità tal-kwoti kien jikkonsisti f'li jassigura lil kull Stat Membru parti mill-QTP Komunitarja fuq il-bażi tal-kriterji msemmija iktar 'il fuq. Madankollu, ir-rikorrenti jsostnu li huma l-bastimenti tas-sajd li jtajru l-bandiera ta' kull Stat Membjru jew li huma reġistrati fihom l-uniċi li jistgħu jieħdu mill-kwoti allokati lil dan l-Istat Membru (sentenza tal-Qorti ta' l-14 ta' Diċembru 1989, Jaderow, C-216/87, Ġabra p. 4509, punt 16).

59     Fit-tielet lok, ir-rikorrenti jsostnu li, skond il-liġi Spanjola Nru 3/2001, min-naħa, il-qsim tal-possibbiltajiet ta' sajd bejn il-vapuri jista' jikkonkretizza ruħu f'volum ta' qbid u jseħħ fuq il-bażi ta' l-attività ta' sajd eżerċitata storikament u, min-naħa l-oħra, l-aġġustament jew it-tnaqqis tal-possibbiltajiet ta' sajd imposti mill-Unjoni Ewropea jew minn trattati internazzjonali għandhom jaffettwaw b'mod proporzjonali kull vapur, skond prinċipju ta' ekwità, b'mod li l-pożizzjonijiet relattivi ta' kull operatur jiġu kkonservati. Minn dan isegwi li t-tnaqqis tal-kwota ta' inċova allokata lir-Renju ta' Spanja kellha riperkussjonijiet negattivi fuq id-drittijet miksuba mir-rikorrenti.

60     Il-Kunsill, sostnut mill-Kummissjoni, jsostni li l-ewwel kundizzjoni sabiex dritt għal kumpens jiġi rikonoxxut mid-dritt Komunitarju mhuwiex sodisfatt, minħabba li, min-naħa, ir-regoli ta' dritt miksura mill-Kunsill ma kellhomx bħala għan li jagħtu drittijiet lil individwi u, min-naħa l-oħra, dan il-ksur ma kienx gravi biżżejjed.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

61     Kif ġie mfakkar fil-punt 34 iktar 'il fuq, l-ewwel kundizzjoni sabiex dritt għal kumpens jiġi rikonoxxut mid-dritt Komunitarju jikkonċerna ksur ta' regola ta' dritt mill-istituzzjoni Komunitarja kkonċernata, regola ta' dritt li għandha jkollha bħala għan li tagħti drittijiet lil individwi u li l-ksur tagħha għandu jkun biżżejjed gravi.

62     F'dawn il-kundizzjonijiet, għandu jiġi suċċessivament eżaminat jekk il-Kunsill, billi adotta l-aġir ikkontestat, kiser regola ta' dritt u, jekk fl-affermattiv, jekk din ir-regola għandhiex bħala għan li tagħti drittijiet lil individwi u jekk il-ksur tagħha hijiex biżżejjed gravi.

 Fuq l-illegalità ta' l-aġir ikkontestata tal-Kunsill

63     Primarjament, għandu jiġi ddeterminat bi preċiżjoni l-aġir tal-Kunsill, li l-illeċità tagħha hija allegata mir-rikorrenti.

64     Huwa kostanti li, permezz ta' dan ir-rikors, ir-rikorrenti jridu jieħdu l-kumpens għad-dannu li sarilhom permezz tad-dispożizzjonijiet annullati, li permezz tagħhom il-Kunsill kien awtorizza ir-Repubblika Portugiża, għal perijodu bejn 1996 u 2001, li tistad parti mill-kwota tagħha ta' inċova fl-ibħra ta' l-arja ICES VIII li taqa' taħt is-sovranità jew il-ġurisdizzjoni tar-Repubblika Franċiża. Hija din l-awtorizzazzjoni ta' sajd mogħtija lir-Repubblika Portugiża fl-arja ICES VIII li ġiet iddikjarata illegali mill-Qorti fis-sentenza tat-18 ta' April 2002.

65     Għandu jiġi mfakkar li d-dispożizzjonijiet annullati intiżi sabiex jimplimentaw it-tieni sentenza wara (i) tal-punt 1, 1.1 ta' l-Anness IV tar-Regolament Nru 685/95, fejn skond dan, fil-kuntest ta' ftehim ta' skambju ta' possibbiltajiet ta' sajd li jiġġedded b'mod taċitu għall-perijodu bejn 1995 u 2002, ir-Repubblika Portugiża ċediet lir-Repubblika Franċiża 80% tal-possibbiltajiet tagħha ta' sajd fl-arja ICES IX sabiex din il-kwantità tinstad esklużivament fl-ibħra taħt is-sovranità jew taħt il-ġurisdizzjoni tar-Repubblika Franċiża fl-arja ICES VIII. Għalkemm ir-Repubblika Portugiża ma kellhiex id-drittijiet ta' sajd fl-arja ICES VIII, id-dispożizzjonijiet annullati kellhom bħala għan li joħolqu dawn id-drittijiet.

66     Għandu jiġi enfasizzat li, jekk, fis-sentenza tat-18 ta' April 2002, il-Qorti annullat l-awtorizzazzjoni mogħtija mill-Kunsill lir-Repubblika Portugiża li tistad parti mill-kwota tagħha ta' inċova fl-arja ICES VIII, min-naħa l-oħra, hija ma ddeċidietx fuq il-legalità tal-waqfien tat-trasferiment mir-Repubblika Portugiża tal-possibbiltajiet tagħha ta' sajd għall-inċova fl-arja ICES VIII lir-Repubblika Franċiża, dan it-trasferiment kien ġie awtorizzat fis-sentenza tagħha tal-5 ta' Ottubru 1999.

67     Fil-fatt, f'din is-sentenza, il-Qorti kienet ċaħdet ir-raġunijiet għal annullament imressqa mir-Renju ta' Spanja fir-rigward tad-dispożizzjoni li tipprovdi għal dan it-trasferiment, jiġifieri it-tieni sentenza wara (i) tal-punt 1, 1.1 ta' l-Anness IV tar-Regolament Nru 685/95. Il-kompatibbiltà ta' din id-dispożizzjoni mad-dritt Komunitarju kien ġie definittivament deċiż permezz tas-sentenza tal-5 ta' Ottubru 1999, li għandha fir-rigward ta' dan il-punt ta' awtorità res judicata (ara, b'mod partikolari, il-konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali M. Alber fis-sentenza tat-18 ta' April 2002, Ġabra p. I-3441, punti 47 u 79).

68     Min-naħa l-oħra għandu jiġi eżaminat jekk l-awtorizzazzjoni illegali mogħtija lir-Repubblika Portugiża li tistad parti mill-kwota tagħha ta' inċova fl-arja ICES VIII tikkostitwixxi aġir li jista' jagħti lok għal kumpens. F'dan ir-rigward, ir-rikorrenti jsostnu li l-aġir tal-Kunsill li wassal għad-dannu li huma sofrew kiser il-prinċipju ta' stabbiltà relattiva, l-Att ta' Adeżjoni, il-prinċipji ta' certezza legali u l-aspettativa leġittima, u li dan l-aġir jikkostitwixxi abbuż ta' poter.

 - Fuq il-ksur tal-prinċipju ta' stabbiltà relattiva.

69     Għandu jiġi mfakkar li, permezz ta' sentenza tat-18 ta' April 2002, il-Qorti ddeċidiet li, billi awtorizzat, permezz tad-dispożizzjonijiet annullati, lir-Repubblika Portugiża li tistad parti tal-kwota tagħha ta' inċova fl-arja ICES VIII bejn 1996 u 2001, il-Kunsill kiser il-prinċipju ta' stabbiltà relattiva minħabba li Spanja ma rċevietx 90% tal-possibbiltajiet ta' sajd li kienu ġew allokati lilha fl-arja ICES VIII.

 Fuq il-ksur l-ieħor allegat mir-rikorrenti

70     Ir-rikorrenti jsostnu li l-aġir ikkontestat tal-Kunsill kiser, minbarra l-prinċipju ta' stabbiltà relattiva, l-Att ta' Adeżjoni, il-prinċipji ta' certezza legali u l-aspettativa leġittima, u li dan l-aġir kkostitwixxa abbuż ta' poter.

71     Huwa veru li, fis-sentenza tagħha tat-18 ta' April 2002, il-Qorti ma kkonstatatx li l-Kunsill kien ikkommetta l-ksur u l-abbuż indikat iktar 'il fuq.

72     Madankollu, għandu jiġi mfakkar li, skond ġurisprudenza kostanti, rikors għal kumpens għal danni huwa indipendenti mir-rikors għal annullament (digriet tal-Qorti tal-21 ta' Ġunju 1993, Van Parijs et. vs Kunsill u Kummissjoni, C-257/93, Ġabra p. I-3335, punti 14 u 15, u s-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tas-16 ta' April 1997, Hartmann vs Kunsill u Kummissjoni, T-20/94, Ġabra p. II-595, punt 115) b'mod li l-annullament ta' l-att li wassal għad-danni jew il-konstatazzjoni dwar l-invalidità tiegħu mhijiex neċessarja sabiex wieħed ikun jista' jippreżenta rikors għal kumpens għal danni.

73     Madankollu, l-eżistenza ta' dritt għal kumpens skond id-dritt Komunitarju jiddependi min-natura ta' l-allegati ksur, minħabba li l-applikazzjoni tat-tieni paragrafu ta' l-Artikolu 288 KE, jirrikjedi li l-allegat ksur ikun gravi biżżejjed u li r-regola ta' dritt misura tagħti drittijiet lil individwi.

74     B'konsegwenza ta' dan, għandu jiġi eżaminat jekk l-aġir ikkonstatat tal-Kunsill kiser, barra l-prinċipju ta' stabbiltà relattiva, l-Att ta' Adeżjoni, il-prinċipji ta' certezza legali u l-aspettativa leġittima, u jekk dan l-aġir jikkostitwixxix abbuż ta' poter.

75     Fl-ewwel lok, għandu jiġi kkonstatat li l-ksur ta' l-Att ta' Adeżjoni huwa stabbilit minħabba li billi awtorizza r-Repubblika Portugiża sabiex tistad parti mill-kwota tagħha ta' inċova fl-arja ICES VIII, il-Kunsill, kif ikkonstatat il-Qorti fil-punt 42 tas-sentenza tat-18 ta' April 2002, ċaħad lir-Renju ta' Spanja 90% tal-possibbiltajiet ta' sajd tal-QTP ta' inċova fl-arja ICES VIII li kienu ġew allokati lilha. Fil-fatt, l-allokazzjoni lir-Renju ta' Spanja ta' 90% tal-possibbiltajiet ta' sajd tal-QTP ta' inċova f'din iż-żona hija prevista mill-Artikolu 161(1)(f) ta' l-Att ta' Adeżjoni.

76     Fir-rigward, sussegwentement, tal-prinċipji ta' certezza legali u l-aspettativa leġittima, il-Qorti tal-Prim'Istanza tikkonstata, min-naħa l-oħra, li l-ksur tagħhom ma kienx ġie stabbilit. L-argument tar-rikorrenti jibbaża ruħu fil-fatt fuq il-premessa li l-Kunsill ma setax legalment, fi kwalunkwe każ, jawtorizza r-Repubblika Portugiża sabiex tistad l-inċova fl-arja ICES VIII. Iżda din il-premessa hija żbaljata. F'dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li, fis-sentenza tat-18 ta' April 2002, il-Qorti ddeċidiet:

"44      Id-dispożizzjonijiet ikkontestati ma jistgħux jiġu ġġustifikati taħt l-Artikolu 11(1) li għandu jinqara flimkien mat-tieni sentenza wara (i) tal-punt 1, 1.1 ta' l-Anness IV tar-Regolament Nru 685/95, billi din l-aħħar dispożizzjoni tipprovdi li, ladarba QTP komuni ta' inċova hija stabbilita għall-arji ICES VIII u IX, 80% tal-possibbiltajiet ta' sajd tal-Portugal huma ċeduti annwalment lil Franza, u dawn għandhom jinstadu esklużivament fl-ibħra taħt is-sovranità jew il-ġurisdizzjoni ta' Franza.

45      Il-konstatazzjoni li t-trasferiment lir-Repubblika Franċiża tal-possibbiltajiet ta' sajd tar-Repubblika Portugiża kien ġie effettwat fil-kuntest ta' QTP komuni li jkopri l-arji ICES VIII u IX, li tidher fil-punti 51 u 52 tas-(sentenza tal-5 ta' Ottubru 1999), tirriżulta mhux eżatta. Sabiex tiġi ssoodisfatta l-kundizzjoni dwar l-istabbiliment ta' QTP komuni ta' inċova għall-arji ICES VIII u IX, li għalihom it-tieni sentenza wara (i) tal-punt 1, 1.1 ta' l-Anness IV tar-Regolament Nru 685/95 jissoġġetta l-iskambju tal-possibbiltajiet ta' sajd bejn ir-Repubblika Portugiża u r-Repubblika Franċiża, il-Kunsill kellu jistabbilixxi QTP ta' inċova biss għall-arji ICES VIII u ICES IX, X, Cecaf 34.1.1, ħaġa li huwa m'għamilx, kif huwa rrikonoxxa fid-dokumenti tiegħu. L-allegati amministrazzjoni komuni ta' żewġ QTP distinti, allegata mill-Kunsill, ma setgħetx fil-fatt tissodisfa din il-kundizzjoni. Barra minn hekk mhuwiex ikkontestat f'dan il-każ li ż-żewġ QTP jirrigwardaw żewġ stokkijiet bioloġikament differenti.

[…]

47      Id-dispożizzjonijiet ikkontestati ma setgħux jiġu ġġustifikati lanqas taħt l-Artikoli 8(4)(ii) u 9(1) tar-Regolament Nru 3760/92, li jipprovdu l-konklużjoni tal-ftehim relattivi għal skambji ta' kwoti. Fil-fatt, l-Artikolu 8(4)(ii) jipprovdi espressament li talba ta' l-Istati Membri direttament ikkonċernati hija neċessarja sabiex jiġi kkunsidrat dan l-iskambju mill-Kunsill. Madankollu, f'dan il-każ, din it-talba ma saritx mir-Renju ta' Spanja, li huwa wkoll ikkonċernat minħabba li l-iskambju ta' kwoti kellu bħala konsegwenza żieda tal-possibbiltajiet ta' sajd ta' l-inċova fl-arja ICES VIII. Fir-rigward ta' l-Artikolu 9(1), għandu jiġi kkonstatat li skambju tad-disponibbiltajiet ta' sajd, kif previst minn dan l-Artikolu, jippresupponi li dawn primarjament jiġu allokati b'konformità mal-prinċipju ta' stabbiltà relattiva. Iżda, dan ma kienx il-każ għas-snin 1996 sa 2001, kif jirriżulta mill-punt 42 ta' din is-sentenza."

77     Minn dan jirriżulta li l-Kunsill għandu, bħala prinċipju, id-dritt, skond it-tieni sentenza wara (i) tal-punt 1, 1.1 ta' l-Anness IV tar-Regolament Nru 685/95 u l-Artikolu 8(4)(ii) tar-Regolament Nru 3760/92, li jawtorizza r-Repubblika Portugiża li tistad l-inċova fl-arja ICES VIII, sakemm QTP komuni ta' inċova kien ġie stabbilit għall-arja ICES VIII u għall-arja ICES IX, jew sakemm l-Istati Membri kollha direttament ikkonċernati jagħmlu t-talba.

78     B'konsegwenza ta' dan, ir-rikorrenti ma jistgħux jallegaw li l-prinċipju ta' ċertezza legali kien ġie miksur mid-dispożizzjonijiet annullati, minħabba li l-kuntest regolamentari applikabbli kien jagħti l-poter, bħala prinċipju, lill-Kunsill sabiex jadotthom. Għal din ir-raġuni, ir-rikorrenti ma kienux għaldaqstant iġġustifikati li jqiegħdu l-aspettativa leġittima tagħhom fiż-żamma ta' sitwazzjoni eżistenti, minħabba li din setgħet tiġi modifikata mill-Kunsill permezz tal-poter ta' diskrezzjoni tiegħu, u dan speċjalment f'qasam bħal dak tal-politika agrikola komuni, li fih l-istituzzjonijiet għandhom poter wiesgħa ta' diskrezzjoni (ara' b'mod partikolari, s-sentenza Area Cova et vs Kunsill u Kummissjoni, punt 55 iktar 'il fuq, punt 122).

79     Fir-rigward, fl-aħħar nett, ta' l-allegat abbuż ta' poter, għandu jiġi mfakkar li, skond il-ġurisprudenza, att mhuwiex ivvizzjat minn abbuż ta' poter ħlief jekk jidher, fuq il-bażi ta' indikazzjonijiet oġġettivi, relevanti u konkordanti, li ttieħed bl-għan esklużiv, jew għall-anqas determinanti, li jwassal għal finijiet differenti minn dawk eċċepiti mill-istituzzjoni konvenuta jew li jonqos milli juża proċedura speċjalment prevista mit-Trattat (sentenza Rica Foods u Free Trade Foods vs Kummissjoni, punt 34 iktar 'il fuq, punt 200).

80     Madankollu, f'dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ma jressqu ebda indizju li minnu jirrizulta li d-dispożizzjonijiet annullati ma ġewx adottati sabiex "jassiguraw sfruttament aħjar tal-possibbiltajiet ta' sajd għall-inċova", kif tipprovdi r-raba' premessa tar-Regolament Nru 746/95.

81     Jirriżulta minn dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha li l-aġir ikkontestat tal-Kunsill huwa illegali, minħabba li jikser il-prinċipju ta' stabbiltà relattiva u l-Att ta' Adeżjoni.

82     F'dawn il-kundizzjonijiet, għandu jiġi sussegwentement eżaminat jekk ir-regoli ta' dritt miksura mill-Kunsill kellhom bħala għan li jikkonferixxu drittijiet lil individwi, u, jekk ikun il-każ, jekk dan il-ksur huwa gravi biżżejjed.

 Fuq l-eżistenza ta' regola ta' dritt li tagħti drittijiet lil individwi

83     Skond il-ġurispurdenza, sabiex ikun hemm ir-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Komunità, l-illegalità li qed tiġi kkontestata għandha tikkonċerna l-ksur ta' regola ta' dritt li għandha bħala għan li tagħti drittijiet lil individwi (sentenzi Bergaderm u Goupil vs Kummissjoni, punt 34 iktar 'il fuq, punt 42, u Kummissjoni vs Camar u Tico, punt 33 iktar 'il fuq, punt 53).

84     B'hekk għandu jiġi eżaminat kemm il-prinċipju ta' stabbiltà relattiva u l-Artikolu 161(1)(f) ta' l-Att ta' Adeżjoni jistgħu jiġu kkunsdrati li għandhom bħala għan li jagħtu drittijiet lil individwi.

85     F'dan ir-rigward, għandu jiġu nnutat, primarjament, li, kuntrarajment għal dak li jsostni l-Kunsill, ftit jimporta li r-regola miksura tikkostitwixxi jew le regola superjura ta' dritt (ara', b'mod partikolari, sentenza Bergaderm u Goupil vs Kummissjoni, punt 34 iktar 'il fuq, punti 41, 42 u 62). L-argumenti mressqa mill-partijiet fuq dan il-punt huma, għaldaqstant, mingħajr effett.

86     Sussegwentement, għandu jiġi indikat li l-ġurisprudenza kkunsidrat li regola ta' dritt għandha bħala għan li tagħti drittijiet lill-individwi meta l-ksur jikkonċerna dispożizzjoni li toħloq drittjiet li l-qrati nazzjonali għandhom jipproteġu, b'mod li jkollha effett dirett (sentenza tal-Qorti tal-5 ta' Marzu 1996, Brasserie du pêcheur u Factortame, C-46/93 u C-48/93, Ġabra p. I-1029, punt 54), li joħolqu vantaġġ li jista' jiġi kkunsidrat dritt akkwistat (ara', b'mod partikolari, sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tad-29 ta' Jannar 1998, Dubois u Fils vs Kunsill u Kummissjoni, T-113/96, Ġabra p. II-125, punti 63 sa 65), li għandu bħala funzjoni li jipproteġi l-interessi ta' l-individwi (sentenza tal-Qorti tal-25 ta' Mejju 1978, HNL et vs Kunsill u Kummissjoni, 83/76 u 94/76, 4/77, 15/77 u 40/77, Ġabra p. 1209, punt 5) jew li jipproċedi għall-attribwizzjoni ta' drittjiet għall-individwi li l-kontenut tiegħu jista' jiġi adegwatament identifikat (sentenza tal-Qorti tat-8 ta' Ottubru 1996, Dillenkofer et, C-178/94, C-179/97, C-188/94 sa C-190/94, Gabra p. I-4845, punt 22).

87     Għandu jiġi mfakkar li, skond l-Artikolu 8(4)(i) u (ii) tar-Regolament Nru 3760/92, il-Kunsill qassam il-possibbiltajiet ta' sajd bejn l-Istati Membri b'mod li jiggarantixxi l-istabbiltà relattiva ta' l-attivitajiet ta' sajd ta' kull Stat Membru għal kull wieħed mill-istokk ikkonċernati. Fl-applikazzjoni ta' dan il-prinċipju, l-Artikolu 161(1)(f) ta' l-Att ta' Adeżjoni jalloka lir-Renju ta' Spanja parti mid-90% tal-QTP ta' inċova fl-arja ICES VIII, mentri l-bqija ta' 10% kien allokat lil Franza. Kien dan il-qsim li l-Kunsill kiser meta adotta d-dispożizzjonijiet annullati minħabba li dawn kellhom bħala effett li r-Renju ta' Spanja ma rċevietx 90% tal-possibbiltajiet ta' sajd ta' inċova f'din l-arja.

88     F'dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li, fis-sentenza Area Cova et vs Kunsill u Kummissjoni, punt 55 iktar 'il fuq (punt 152), il-Qorti tal-Prim'Istanza diġa ddeċidiet li, billi l-prinċipju ta' stabbiltà relattiva m' għandux bħala għan ħlief ir-relazzjonijiet bejn l-Istati Membri, huwa ma setax jikkonferixxi drittijiet suġġettivi lil individwi li l-ksur tagħhom kien jagħtihom dritt għal kumpens fuq il-bażi tat-tieni paragrafu ta' l-Artikolu 288, KE.

89     Fil-fatt, il-prinċipju ta' stabbiltà relattiva jirrifletti kriterju ta' qsim bejn l-Istati Membri tal-possibbiltajiet ta' sajd Komunitarju taħt il-forma ta' kwoti allokati lill-Istati Membri. Kif il-Qorti ddeċidiet (sentenza tal-Qorti tat-13 ta' Ottubru 1992, Portugal u Spanja vs Kunsill, C-63/90 u 67/90, Ġabra p. I-5073, punt 28), il-prinċipju ta' stabbiltà relattiva ma jikkonferixxix, għaldaqstant, lis-sajjieda ebda garanzija ta' qbid ta' kwantità stabbilita ta' ħut, minħabba li l-kundizzjoni ta' stabbiltà relattiva għandha tinftiehem bħala li tfisser biss iż-żamma ta' dritt għal perċentwali stabbilit għal kull Stat Membru f'dan il-qsim.

90     Barra minn hekk, għandu jiġi enfasizzat ukoll li, skond l-Artikolu 9(1) tar-Regolament Nru 3760/92, l-Istati Membri setgħu jagħmlu skambju bejniethom ta' kull jew parti mid-disponibbiltajiet ta' sajd li kien ġie allokat lilhom, bħalma juru l-fatti ta' dan il-każ. Lanqas il-proċedura li għandha tiġi rispettata għar-realizzazzjoni ta' tali skambju ma turi evidenza li tippermetti li tikkonkludi dwar l-eżistenza ta' drittijiet li tagħhom kienu titolari s-sajjieda ta' l-Istat Membru li kien qed jittrasferixxxi.

91     Bl-istess mod, kif il-Qorti tal-Prim'Istanza ddeċidiet fil-punt 54 tad-digriet tad-19 ta' Settembru 2001, l-Artikolu 161(1)(f) ta' l-Att ta' Adeżjoni għandu biss bħala għan li jipprovdi l-qsim tal-kwota ta' inċova fl-arja ICES VIII u ma fih ebda referenza għas-sitwazzjoni tas-sajjieda ta' inċova fiż-żewġ pajjiżi li jistgħu jistadu f'din l-arja u lanqas, a fortiori, l-obbligu tal-Kunsill li jikkunsidra s-sitwazzjoni partikolari ta' dawn is-sajjieda meta jawtorizza trasferiment ta' kwota ta' inċova f'żona kontigwa ma' din iż-żona.

92     Minn dan isegwi li l-għoti lir-Renju ta' Spanja, skond il-prinċipju ta' stabbiltà relattiva, ta' parti mid-90% ta' QTP ta' inċova fl-arja ICES VIII ma jagħtix, minnu nnifsu, lis-sajjieda Spanjoli ebda dritt li jistadu l-inċova f'din l-arja, billi tali possibbiltajiet eventwali ta' sajd jirriżultaw biss mil-leġiżlazzjoni nazzjonali li tiddetermina l-kundizzjonijiet ta' eżerċizzju tas-sajd għall-inċova f' arja ICES VIII.

93     F'dawn il-kundizzjonijiet, għandu jiġi kkunsidrat li l-prinċipju ta' stabbiltà relattiva u l-Artikolu 161(1)(f) ta' l-Att ta' Adeżjoni jidentifikaw bi biżżejjed preċiżjoni l-Istati bħala titolari tad-drittjiet ta' sajd u jiddefinixxu l-kontenut ta' dawn id-drittijet b'mod li dawn ir-regoli ta' dritt m'għandhomx bħala għan li jagħtu drittijiet lill-individwi skond il-ġurisprudenza iċċitata iktar 'il fuq.

94     Żgur li, bħalma sostnew ir-rikorrenti, skond it-tlettax il-kunsiderazzjoni tar-Regolament Nru 3760/92, l-istabbiltà relattiva prevista minn dan ir-Regolament għandha tikkunsidra l-bżonnijiet partikolari tar-reġjuni fejn il-popolazzjonijiet tagħhom huma partikolarment dipendenti fuq is-sajd u ta' l-attiviatjiet konnessi. Kif il-Qorti ddeċidiet, minn dan jirriżulta li l-finalità tal-kwoti ta' sajd tikkonsisti f'li tassigura lil kull Stat Membru parti mill-QTP Komunitarji, iddeterminat essenzjalment fuq il-bażi tal-qbid li minnhom l-attivitajiet ta' sajd tradizzjonali, u l-popolazzjonijiet lokali dipendenti fuq is-sajd u l-industriji konnessi ta' dan l-Istat Membru ibbenefikaw qabel l-istabbiliment tas-sistema tal-kwoti (sentenza tal-Qorti tad-19 ta' Frar 1998, NIFPO u Northern Ireland Fishermen's Federation, C-4/96, Ġabra p. I-681, punt 47; ara' b'mod partikolari, għal dak li jikkonċerna r-Regolament Nru 170/83, is-sentenzi tal-Qorti ta' l-14 ta' Diċembru 1989, Agegate, C-3/87, Ġabra p. 4459, punt 24, u Jaderow, punt 58 iktar 'il fuq, punt 23).

95     Il-Qorti tikkunsidra, b'konsegwenza ta' dan, li hija responsabbiltà tal-Kunsill, waqt il-qsim tal-possibbiltajiet ta' sajd bejn l-Istati Membri, li tikkonċilja, għal kull wieħed mill-istokk ikkonċernati, l-interessi li kull Stat Membru jirrappreżenta, għal dak li jikkonċerna b'mod partikolari l-attivitajiet tradizzjonali tiegħu ta' sajd u, jekk ikun il-każ, il-popolazzjonijiet tiegħu kif ukoll l-industriji lokali dipendenti mis-sajd (sentenza NIFPO u Northern Ireland Fishermen's Federation, punt 94 iktar 'il fuq, punt 48).

96     Madankollu, għandu jiġi mfakkar li, fil-punt 153 tas-sentenza Area Cova et vs Kunsill u Kummissjoni, punt 55 iktar 'il fuq, il-Qorti tal-Prim'Istanza iddeċidiet wkoll li d-drittijiet tradizzjonali ta' sajd huma mogħtija lill-Istati, b'esklużjoni ta' sidien ta' bastimenti individwi, b'mod li dawn ma jistgħux jieħdu vantaġġ minn dritt suġġettiv li l-ksur tiegħu kien jagħtihom dritt għal kumpens fuq il-bażi tat-tieni paragrafu ta' l-Artikolu 288KE.

97     Minn dan isegwi li l-prinċipju ta' stabbiltà relattiva u l-Artikolu 161(1)(f) ta' l-Att ta' Adeżjoni m'għandhomx bħala għan li jagħti drittijiet lill-individwi skond il-ġurisprudenza iċċitata. B'konsegwenza ta' dan, mingħajr ma jkun hemm għalfejn li jiġi eżaminat il-karattru biżżejjed gravi tal-ksur ta' dawn ir-regoli mill-Kunsill, għandu jiġi konkluż li l-ewwel kundizzjoni sabiex dritt għal kumpens jiġi rikonoxxut mid-dritt Komunitarju mhuwiex sodisfatt f'dan il-każ.

2.      Fuq l- allegat dannu

 L-argumenti tal-partjiet

98     Ir-rikorrenti jsostnu li l-illegalità kkontestata lil Kunsill ikkawżatilhom erba' tipi ta' danni.

99     Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti josservaw li d-dispożizzjonijiet annullati għandhom bħal effett immedjat li jċaħħdu lill-fotta Spanjola tal-Golf ta' Gaskonja mid-dritt ta' sajd ta' 90% tal-qbid fil-"QTP ġdid", ikkalkulat billi jiżdied il-QTP formalment approvat għal kull sena fl-arja ICES VIII u t-tunnellata supplementarji ta' inċova attribwita lill-flotta Franċiża fl-arja ICES VIII wara t-trasferiment tal-kwota Portugiża mill-arja ICES IX, li l-Kunsill kien awtorizza. Fil-fatt, l-inċova li tinstad fl-arja ICES VIII kienet tikkostitwixxi l-unika unità ta' amministrazzjoni differenzjata. Għal kull qabda li saret fil-baħar minn unità ta' sajd kellu jitnaqqas mill-QTP ta' l-arja ICES VIII, u ma tkunx aktar disponibbli għall-unitajiet l-oħra ta' sajd tal-flotta awtorizzata li tistad fihom.

100   Skond ir-rikorrenti, dan id-dannu kien reali u ċert. Fil-fatt, jekk 90% tal-QTP ta' inċova fl-arja ICES VIII li huwa stabbilit kull sena mill-Kunsill jappartjeni lill-flotta Spanjola u t-trasferiment ta' kwoti bejn iż-żoni kien illegali, żieda tal-QTP mingħajr ma jiġi kkunsidrat il-prinċipju ta' stabbiltà relattiva kien iwassal inevitabbilment għal konklużjoni li, matul il-perijodu fejn din iż-żieda ta' fatt tal-QTP kien fis-seħħ, il-flotta Spanjola u b'hekk ir-rikorrenti kienu ġew miċħuda minn parti tad-drittijiet ta' sajd li kienu ġew allokati lilhom fil-QTP realment eżistenti matul dawn is-snin, li seta' jiġi kkalkulati flimkien mal-QTP ta' inċova stabbilit fir-regolamenti, jiġifieri 33 000 tunnellata annwali, li jikkorrispondu għal trasferiment awtorizzat, jiġifieri 5 008 tunnellata matul is-snin 1996, 1997, 1998 u 1999, 3 000 tunnellata fi 2000, u 4 176 tunnellata fi 2001. Dan id-dannu kien ġie kkawżat direttament lir-rikorrenti, minħabba li huma kienu jibbenefikaw mid-drittijiet ta' sajd fuq il-kwoti.

101   Żgur li, kif jammettu r-rikorrenti, sabiex id-dannu jiġi kkostitwit, l-inċova għandha tinstad u huwa probabbli li l-flotta Spanjola ma kienitx stadet it-totalità tal-kwota allokata lir-Renju ta' Spanja, anke fin-nuqqas ta' trasferiment. Madankollu, huwa ċert li kien hemm trasferiment u li l-inċova instadu mhux mill-flotta Spanjola, imma mill-flotta Franċiża, u dan lil hinn mill-kwota allokata lir-Repubblika Franċiża.

102   Fuq il-bażi ta' evalwazzjoni ekonomika tad-dannu tagħhom effettwat mill-Instituto Tecnológico Pesquero y Alimentario (iktar 'il quddiem ir-"rapport AZTI"), li huwa anness mar-rikors, ir-rikorrenti josservaw li t-trasferiment illegali ta' kwoti kien wassal għal żieda medja ta' 4 500 tunnellata fis-sena biex jinstad fl-arja ICES VIII, żieda li ġiet ikkalkulata billi tnaqqas mit-total tal-qbid effettwat mill-flotta Franċiża il-kwota tal-QTP li kien jappartjeni lilha mingħajr ma t-trasferiment ġie ddikkjarat illegali. Ir-rikorrenti jikkalkulaw il-valur totali ta' l-eċċess tal-qbid tal-flotta Franċiża meta mqabbel mal-kwota li hija setgħet tiddisponi fin-nuqqas ta' trasferiment bejn 1996 u 2001 għal EUR51 722 830.

103   Ir-rikorrenti jippreċiżaw f'dan ir-rigward li r-rikors tagħhom ma jirrigwardax l-eċċess tal-possibbiltajiet ta' sajd tal-flotta Franċiża, imma l-eċċess tal-qbid magħmul fir-rigward tal-possibbiltajiet ta' sajd li jappartjenu lil din il-flotta. Id-dannu subit ma setgħax jiddependi, bħalma sostna l-Kunsill, mill-fatt jekk il-flotta Spanjola tistadx jew le kwantità ta' inċova qrib il-limitu tal-qbid stabbilit mir-regolamenti, imma minn fatt inkontestabbli, jiġifieri l-qbid eċċessiv magħmul mill-flotta Franċiża għar-raġuni tat-trasferiment illegali tal-kwoti.

104   Fit-tieni lok, ir-rikorrenti josservaw li l-illegalità magħmula mill-Kunsill ikkawżatilhom dannu ulterjuri minħabba li dan wassal għal bidla fil-kundizzjonijiet ta' suq fil-komunità awtonoma tal-pajjiżi Baski matul il-perijodu in kwistjoni, tant li kemm it-talba u kie ukoll il-prezzijiet kienu mnaqqsa. Fuq il-bażi tar-rapport AZTI, ir-rikorrenti ikkalkulaw id-dannu totali tagħhom f'dan ir-rigward, għall-perijodu bejn 1996 u 2001, għal EUR 3 953 989.

105   Fit-tielet lok, ir-rikorrenti jressqu li l-illegalità kkontestata lil Kunsill dagħjfet il-pożizzjoni kompetittiva tal-flotta Spanjola meta mqabbla mar-rinforz tal-flotta Franċiża b'mod li Franza kienet fil-pożizzjoni li ssostni l-flotta tagħha li topera fis-sajd in kwistjoni grazzi l-aktar, għat-trasferimenti tal-possibbiltajiet ta' sajd annullati mill-Qorti. Ir-rikorrenti jibbażaw ruħhom f'dan ir-rigward fuq tlett parametri relevanti li jippermettu li titkejjel l-attività tal-flotta Franċiża, jiġifieri l-evoluzzjoni tan-numru ta' bastimenti ta' sajd u l-prattika użata, it-total tal-qbid u l-limitazzjonijiet indiretti tax-xogħol tas-sajd li jirriżulta mill-eżawriment prematur tal-kwota Franċiża tal-QTP ta' inċova ta' l-arja ICES VIII. Minn dan isegwi, min-naħa l-oħra, li l-kapaċità tal-flotta Spanjola tal-Golf ta' Gaskonja tkun serjament kompromessa għal żmien medju u għal żmien twil, mill-fatt ta' l-isfruttament żejjed tar-riżorsi komuni fiż-żona tal-Golf ta' Biscaye u tat-tnaqqis ta' l-istokk ta' inċova ta' l-arja ICES VIII li jirriżulta minnha. Dan iwassal kemm għal tnaqqis tal-possibbiltajiet ta' qbid effettiv għall-flotta indipendentement mill-QTP stabbilit, u kif ukoll għal riskju sinjifikanti tat-tnaqqis tal-QTP ta' inċova Komunitarja għal dan it-tip ta' sajd.

106   Fir-raba' lok, ir-rikorrenti jsostnu li t-trasferiment ta' possibbiltajiet ta' sajd favur il-flotta Franċiża fl-arja ICES VIII hija waħda mill-kawżi prinċipali ta' l-isfruttament żejjed tar-riżorsi, minħabba li tippermetti lil din il-flotta li tistad pratikament matul is-sena kollha. Bħala prova, ir-rikorrenti jsostnu li l-flotta Spanjola ma kinitx fil-pożizzjoni li teżawrixxi l-kwota tagħha tal-QTP ta' inċova matul l-aħħar snin, għar-raġuni tal-qbid eċċessiv magħmul fuq dan l-istokk mill-flotta Franċiża. Id-dannu reali u ċert ikkawżat lil flotta Spanjola mill-fatt ta' l-isfruttament żejjed tar-riżorsi mill-flotta Franċiża kien ser jiġi kkonkretizzat sal-ġurnata ta' llum minħabba l-impossibbiltà li jirrealizza qbid aktar importanti. Dan jikkonsisti fil-futur f'possibbiltajiet inferjuri ta' qbid effettiv, minħabba li l-istokk ta' inċova tnaqqas, fatt li jaffettwa l-vijabilità ekonomika għal żmien medju u għal żmien twil tal-flotta Spanjola.

107   Skond ir-rikorrenti, l-indeboliment tal-pożizzjoni kompetittiva tal-flotta Spanjola u l-isfruttament żejjed tar-riżorsi huma danni reali u ċerti, indipendentement mill-fatt li l-kalkolu preċiż tagħhom għandu jiġi effettwat ulterjorment u separatament.

108   Fir-rigward tal-kritika mressqa mill-Kunsill fir-rigward tal-metodu użat fir-rapport AZTI, ir-rikorrenti jsostnu, min-naħa, li kull evalwazzjoni ta' lucrum cessans jew ta' damnum emergens jimplika neċessarjament evalwazzjoni preliminari tal-benefiċċji li setgħu jiġu realizzati kieku l-fatt li joħloq id-dannu ma kienx sar u, min-naħa l-oħra, li r-rapport AZTI uża l-metodu li l-ekonomisti jikkunsidraw bħala xjentifikament l-aktar validu sabiex jattribwixxu għal kull bastiment tal-flotta Spanjola li jappartjeni lil wieħed mir-rikorrenti il-parti tiegħu tad-dannu globali. Jekk il-Kunsill jixtieq jikkontesta l-kwalità ta' dan il-metodu jew is-sistema xjentifika tiegħu, huwa għandu jesponi dawn ir-raġunijiet.

109   Il-Kunsill isostni li r-rikorrenti ma ressqux il-prova li huma ssubbixxew kwalunkwe dannu.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

110   Skond il-ġurisprudenza, sabiex ikun hemm ir-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Komunità skond it-tieni paragrafu ta' l-Artikolu 288, KE, il-persuna milquta għandha tistabbilixxi d-dannu reali allegat. Dan id-dannu għandu jkun reali u ċert (sentenza tal-Qorti tas-27 ta' Jannar 1982, Burra Wührer et vs Kunsill u Kummissjoni, 256/80, 257/80, 265/80, 267/80 u 5/81, Ġabra p. 85, punt 9; sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tat-2 ta' Lulju 2003, Hameico Stuttgart et vs Kunsill u Kummissjoni, T-99/88, Ġabra p. II-21995, punt 67) kif ukoll valutat (sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tas-16 ta' Jannar 1996, Candiotte vs Kunsill, T-108/95, Ġabra p. II-87, punt 54). Min-naħa l-oħra, dannu purament ipotetiku u indeterminat ma jagħtix dritt għal kumpens (ara, b'mod partikolari, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tal-11 ta' Lulju 1997, Oleifici Italiani vs Kummissjoni, T-267/94, Ġabra p. II-1239, punt 73).

111   Hija responsabbiltà tal-rikorrenti li jressqu elementi ta' prova lil qorti sabiex tistabbilixxi l-eżistenza u d-daqs tad-dannu tagħha (sentenzi tal-Qorti tal-Prim'Istanza tad-9 ta' Jannar 1996, Koelman vs Kummissjoni, T-575/93, Ġabra p. II-1, punt 97, u tat-28 ta' April 1998, Dorsch Consult vs Kunsill u Kummissjoni, T-184/95, Ġabra p. II-667, punt 60 ara' b'mod partikolari s-sentenza tal-Qorti tal-21 ta' Mejju 1976, Roquette Frères vs Kummissjoni, 26/74, Ġabra p. 677, punti 22 sa 24).

112   Għaldaqstant għandu jiġi eżaminat jekk ir-rikorrenti wrewx li sofrew dannu reali u ċert.

113   Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti jsostnu li huma sofrew dannu minħabba li huma kienu ġew miċħuda mid-dritt li jistadu 90% tal-qbid tal-"QTP ġdid" ikkalkulat billi tiġi miżjuda l-kwota trasferita mal-QTP stabbilit għall-arja ICES VIII. Fir-rikors tagħhom, ir-rikorrenti jsostnu li d-dannu tagħhom f'dan ir-rigward kien ekwivalenti għall-valur ta' l-eċċess tal-qbid effettwat mill-flotta Franċiża meta mqabbel mal-kwota legali tagħha.

114   Għandu jiġi mfakkar li, fil-punt 42 tas-sentenza tat-18 ta' April 2002, il-Qorti kkonstatat li, minħabba l-awtorizzazzjoni mogħtija lir-Repubblika Portugiża li tistad parti mill-kwota tagħha ta' inċova fl-arja ICES VIII, ir-Renju ta' Spanja, jekk dan ġie effettivament allokat 90% tal-QTP ta' inċova stabbilit għal din iż-żona, min-naħa l-oħra ma rċeviex, bi ksur tal-prinċipju ta' stabbiltà relattiva, 90% tal-possibbiltajiet ta' sajd ta' l-inċova f'din iż-żona. Fil-fatt, l-awtorizzazzjoni mogħtija lir-Repubblika Portugiża li tistad parti mill-kwota tagħha ta' inċova fl-arja ICES VIII żiedet il-possibbiltajiet ta' sajd ta' l-inċova f'din l-arja, mingħajr ma r-Renju ta' Spanja kien fil-pożizzjoni li jiddisponi minn 90% ta' din il-kwota supplimentari ta' inċova.

115   Barra minn hekk, huwa wkoll kostanti li ż-żieda tal-possibbiltajiet ta' sajd ta' l-inċova fl-arja ICES VIII bejn 1996 u 2001 ippermettiet lir-Repubblika Franċiża, minħabba t-trasferiment mir-Repubblika Portugiża tal-kwota tagħha f'din l-arja skond l-Anness IV tar-Regolament Nru 685/95, li teffettwa żieda ta' qbid ta' inċova f'din iż-żona.

116   Madankollu, kuntrarjament għal dak li jsostnu r-rikorrenti, ebda miċ-ċirkostanzi ċitati iktar 'il fuq ma juru li huma sofrew dannu reali u ċert.

117   Fil-fatt, għandu jiġi mfakkar li, bħalma l-Qorti diġa ddeċidiet, il-prinċipju ta' stabbiltà relattiva jfisser biss iż-żamma ta' perċentwali stabbilit tal-volum ta' qbid disponibbli għal kull wieħed mill-istokk ikkonċernati, volum li jista' jevolvi, u mhux il-garanzija ta' kwantità stabbilita ta' qbid (sentenza tal-Qorti tas-16 ta' Junju 1987, Romkes, 46/86, Ġabra p. 2671, punt 17).

118   Minn dan isegwi li l-kwota ta' 90% tal-QTP stabbilit għall-arja ICES VIII allokat lir-Renju ta' Spanja jikkostitwixxi biss limitu teoretiku ta' qbid massimu li m'għandux, fi kwalunkwe każ, nqabeż mill-flotta Spanjola. Din il-kwota tfisser, min-naħa l-oħra, xejn ħlief li l-flotta Spanjola tiġi assigurata li tistad effettivament 90% tal-QTP ta' inċova fl-arja ICES VIII. F'dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li, jekk il-partijiet ma jiftehmux fuq il-kwistjoni jekk l-awtoritajiet Spanjoli kellhom poter diskrezzjonali għall-għoti tad-drittijiet ta' sajd, min-naħa l-oħra, huwa stabbilit li s-sajjieda attivi fl-arja ICES VIII mhumiex titolari ta' ebda kwota individwali mogħtija mill-awtoritajiet Spanjoli fuq il-bażi tal-leġiżlazzjoni nazzjonali.

119   F'dawn il-kundizzjonijiet, is-sempliċi fatt li r-rikorrenti ma rċevewx 90% tal-possibbiltajiet ta' sajd ta' l-inċova fl-arja ICES VIII wassal biss għal dannu teoretiku u ipotetiku, fejn ir-realtà tiddependi mill-qbid effettiv magħmul mill-flotta Spanjola. Ir-rikorrenti jirrikonoxxu dan, għaldaqstant, b'mod espliċitu, meta huma jindikaw, fir-risposta tagħhom, li "l-fotta Spanjola ma kinitx probabbilment tistad it-totalità tal-kwota tagħha fin-nuqqas ta' trasferiment".

120   Fir-rigward taċ-ċirkostanza li l-flotta Franċiża kienet eċċediet il-qbid meta mqabbel mal-kwota inizjali tagħha qabel it-trasferiment, hija ma tipprova xejn, minnha nfisha, li l-flotta Spanjola sofriet dannu fis-sens ta' inqas qbid. Fil-fatt, mill-mument li l-parti allokata mill-QTP ta' inċova jikkostitwixxi limitu teoretiku massimu, l-uniku fatt li l-flotta Franċiża tistad aktar ma jurix, kuntrarjament għal dak li jallegaw ir-rikorrenti, li l-flotta Spanjola stadet inqas jew li hija kienet imfixla milli tistad aktar.

121   Minn dan isegwi li ċ-ċirkostanzi invokati fir-rikors ma jagħtux prova ta' l-eżistenza ta' dannu reali u ċert.

122   Fi kwalunkwe ipoteżi, il-valur ta' l-eċċess Franċiż, evalwat għal 51 722 830 EUR ma jurix id-daqs tad-dannu subit mir-rikorrenti. Fil-fatt, ma teżisti ebda konnessjoni bejn il-volum ta' qbid effettivament magħmul mill-flotta Franċiza kollha u l-volum ta' qbid li r-rikorrenti kienu setgħu jirrealizzaw.

123   Fejn id-dannu allegat mir-rikorrenti jibbaża ruħu fuq il-fatt biss li l-flotta Franċiża effettwat qbid eċċessiv meta mqabbel mal-kwota legali tagħha, għandhom jiġu miċħuda l-argumenti ppreżentati mir-rikorrenti.

124   Sussegwentement, għandu jiġi osservat li d-dannu ipotetiku invokat mir-rikorrenti kien jippreżenta natura reali u ċerta kieku kien jidher li l-qbid ta' inċova effettwat mill-flotta Franċiża fl-arja ICES VIII fuq il-kwota supplimentari allokata lir-Repubblika Portugiża f'din iż-żona kienet tirrestrinġi l-possibbiltajiet effettivi, għall-flotta Spanjola attiva f'din iż-żona, li tistad l-inċova billi twaqqafha milli tagħmel qbid addizzjonali fil-limitu tad-90% ta' possibbiltajiet ta' sajd fl-arja ICES VIII, filwaqt li tiġi kkunsidrata l-kwota li r-Repubblika Portugiża kienet ġiet awtorizzata li tistad f'din iż-żona.

125   F'dan ir-rigward, madankollu għandu jiġi kkonstatat li, jekk ir-rikorrenti indikaw l-kwantitajiet eċċessivi li nstadu mill-flotta Franċiża meta mqabbla mal-kwota li hija għandha legalment fl-arja ICES VIII, min-naħa l-oħra, huma ma kkwantifikawx, fi kwalunkwe mument, il-volum ta' qbid addizzjonali li huma setgħu jirrealizzaw fin-nuqqas tad-dispożizzjonijiet annullati.

126   Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li mhuwiex ikkonstatat li, matul il-perijodu li jinkludi l-1996 u 2001, ir-Renju ta' Spanja qatt ma eżawriet il-kwota tagħha ta' 90% tal-QTP stabbilit inizjalment għall-arja ICES VIII, kwota li tikkorrispondi, għal kull wieħed mis-snin in kwistjoni, għal 29 700 tunnellata ta' inċova.

127   Sakemm il-flotta Spanjola, għal ebda mis-snin in kwistjoni, ma eżawrietx il-kwota tagħha ta' inċova fl-arja ICES VII, il-fatt li l-flotta Franċiża, fir-rigward tagħha, eċċediet il-kwota li kienet ġiet legalment allokata lilha m'għandhiex rilevanza biex turi li l-flotta Spanjola sofriet dannu, minħabba li, fi kwalunkwe każ, din il-flotta kellha l-possibbiltà li tistad għal aktar inċova fl-arja ICES VIII fil-kuntest tal-QTP stabbilit għal din l-arja.

128   F'dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li r-rikorrenti ma kienux, għaldaqstant, sostnew li l-flotta Spanjola setgħet irrestrinġiet lilha nnifisha fil-qbid tagħha sabiex tibda hija stess matul is-sena kollha mingħajr ma teċċedi l-kwota ta' 29 700 tunnellata, b'mod li kieku din il-flotta kienet ġiet informata li hija kellha kwota supplimentari ta' inċova, hija setgħet tistad aktar.

129   Barra minn hekk, minħabba li f'dan il-każ il-parti mhux utilizzata tal-possibbiltajiet ta' sajd dejjem eċċediet 25% tal-kwota, li waslet ukoll għal 50% bejn 1996 u 1998, ma jistax jiġi sostnut li l-flotta Spanjola kienet applikatat kwalunkwe limitu fl-attivitajiet tagħha ta' sajd għall-inċova.

130   Fi kwalunkwe ipoteżi, anki jekk tissupponi li l-eċċess tal-qbid magħmul mill-flotta Franċiża fl-arja ICES VIII jkun ta' natura li juri li l-flotta Spanjola kienet ristretta fil-possibbiltajiet tagħha li tistad, għandu jiġi kkonstatat li f'dan il-każ ir-rikorrenti ma setgħux jibbażaw ruħhom fuq ebda dannu reali u ċert f'dan ir-rigward. Fil-fatt, il-possibbiltajiet ta' sajd ta' inċova mhux utilizzat mill-flotta Spanjola fil-kwota allokata lir-Renju ta' Spanja matul il-perijodu inkluż bejn 1996 u 2001 kien dejjem wassal għal volum superjuri għall-eċċess ta' qbid magħmul mill-flotta Franċiża f'din iż-żona matul dan il-perijodu, kif iddeterminat mir-rikorrenti.

131   Għaldaqstant, anki jekk il-qbid Franċiż kien ġie effettwat għad-detriment tal-qbid Spanjol, jidher li r-rikorrenti kien għad kellhom possibbiltajiet ta' sajd mhux eżawriti u allokati lir-Renju ta' Spanja fil-limitu ta' 90% tal-QTP stabbilit għaż-żona qabel it-trasferiment awtorizzat mid-dispożizzjonijiet annullati, jiġifieri 29 700 tunnellata.

132   L-impossibbiltà għall-flotta Spanjola li teżawrixxi l-kwota allokata lir-Renju ta' Spanja, jew li għal lanqas tutilizza parti sostanzjali minnha, huwa wkoll ivverifikat mill-fatt li, skond it-tieni sentenza wara (ix) tal-punt 1, 1.1 ta' l-Anness IV tar-Regolament Nru 685/95, ir-Renju ta' Spanja aċċetta li jittrasferixxi lir-Repubblika Franċiża, fuq bażi annwali, 9 000 tunnellata (12 000 tunnellata fl-2000) tal-possibbiltajiet tiegħu ta' sajd tal-QTP ta' inċova fl-arja ICES VIII minn, skond l-informazzjoni fil-figuri mressqa mill-Kunsill u l-Kummissjoni, 1996, b'mod li l-kwota effettiva li tagħha seta jiddisponi r-Renju ta' Spanja f'din iż-żona sa mill-1996, fil-verità, għoliet mhux għal 29 700 tunnellata, imma għal 20 700 tunnellata (17 700 tunnellata fl-2000), Barra minn hekk, waqt li r-rikorrrenti jsostnu, permezz ta' dan ir-rikors, li huma kienu sofrew dannu mill-fatt li r-Repubblika Franċiża kienet ġiet awtorizzata li tistad madwar 5 000 tunnellata supplimentari fl-arja ICES VIII minbarra l-kwota inizjali ta' 3 300 tunnellata allokati skond l-Att ta' Adeżjoni, jidher li, fl-istess żmien, ir-Renju ta' Spanja ċediet madwar terz mill-kwota li kienet ġiet allokata lilu f'din l-arja mill-Att ta' Adeżjoni.

133   Għal dawn ir-raġunijiet, ir-rikorrenti ma setgħux jallegaw li sofrew restrizzjoni tal-possibbiltajiet tagħhom ta' sajd effettiv fl-arja ICES VIII. Dan huwa, barra minn hekk, ikkonfermat mill-fatt li, skond l-informazzjoni mogħtija mill-Kunsill, mhux ikkontestatata mir-rikorrenti, jidher li kemm fl-1994, jiġifieri qabel ma r-Repubblika Portuguiża kellha l-awtorizzazzjoni li tistad l-inċova fl-arja ICES VIII, u kif ukoll fl-2002, jiġifieri wara l-annullament ta' din l-awtorizzazzjoni, ir-Renju ta' Spanja kien il-bogħod milli jeżawrixxi l-kwota tiegħu, il-qbid ta' inċova effettwat fl-arja VIII f'dawn is-snin għola, rispettivament, għal 11 230 u għal 7 700 tunnellata. Jirriżulta li r-rikorrenti ma kienux għaldaqstant, sofrew ebda restrizzjoni reali u ċerta tal-possibbiltajiet tagħhom ta' sajd matul il-perijodu in kwistjoni.

134   B'konsegwenza ta' dan, għar-raġunijiet kollha hawn fuq esposti, għandu jiġi konkluż li la l-fatt li r-rikorrenti ma kienux ibbenefikaw minn 90% tal-possibbiltajiet ta' sajd li jappartjeni lir-Renju ta' Spanja fl-arja ICES VIII u lanqas il-fatt li l-flotta Franċiża kienet għamlet eċċess ta' qbid f'din l-arja ma juri li r-rikorrenti kienu sofrew dannu reali u ċert li jisa' jagħti lok għal kumpens fil-kuntest ta' dan ir-rikors.

135   Fit-tieni lok, ir-rikorrenti jsostnu li l-illegalità kkontestata lil Kunsill kienet twassal għal tnaqqis tal-prezzijiet u tad-domanda.

136   F'dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li ebda element fil-proċess, u b'mod partikolari ebda informazzjoni mressqa fir-rapport AZTI, ma juri r-realtà ta' dan it-tnaqqis. B'mod partikolari, għandu jiġi mfakkar li r-rapport jillimita ruħu sabiex jippreżenta, skond ċart li tidher ukoll fir-rikors, l-evalwazzjoni ta' "telf" finanzjarju allegatament subit mill-flotta Spanjola, billi juri formuli matematiċi fejn il-parametri mhumiex spjegati, mingħajr ma jipproponi elementi li jikkonċernaw il-prezzijiet tas-suq matul il-perijodu in kwistjoni. Barra minn hekk, fid-dawl ta' l-elementi mressqa mill-partijiet wara domanda bil-miktub imressqa mill-Qorti tal-Prim'Istanza, jidher li l-prezz medju ta' l-inċova ma naqsax mill-1996 sa 2001. Għaldaqstant, l-argumenti tar-rikorrenti li l-illegalità kkontestata lil Kunsill wasslet għal tnaqqis tal-prezzjijiet u tad-domanda ma setgħux japplikaw.

137   Fit-tielet lok, ir-rikorrenti allegaw li sofrew dannu mill-fatt ta' l-indeboliment tal-pożizzjoni kompetittiva tagħhom meta mqabbla mal-flotta Franċiża.

138   F'dan ir-rigward, kif il-Kunsill jsostni ġustament, ir-rikorrenti ma ressqu ebda element konkret ta' natura li jipprova l-allegat indeboliment tal-pożizzjoni kompetittiva tagħhom, imma jillimitaw ruħhom sabiex jifformulaw affermazzjonijiet vagi u ġenerali. Ir-rikors tar-rikorrenti huwa, għaldaqstant, infondat fuq dan il-punt.

139   Fir-raba' lok, ir-rikorrenti jsostnu li huma sofrew dannu mill-fatt ta' l-isfruttament żejjed u tat-tnaqqis tar-riżorsi.

140   Għandu jiġi kkonstatat ukoll li r-rikorrenti ma ressqu ebda element konkret ta' natura li jsostni l-allegazzjoni tagħhom fir-rigward tat-tnaqqis tar-rizorsi, imma jillimitaw ruħhom f'dan ir-rigward sabiex jifformulaw affermazzjonijiet vagi u ġenerali. L-iktar u l-iktar huma jsostnu li t-tnaqqis jista' jkun muri mill-fatt li r-Renju ta' Spanja qatt ma seta' jeżawrixxi l-kwota tiegħu. Madankollu, din l-allegazzjoni waħidha tidher bla bażi, minħabba li l-QTP għal perijodu in kwistjoni, li kien ġie stabbilit kull sena billi ġie kkunsidrat, skond id-dispożizzjonijiet ta' l-Artikoli 4 u 8 tar-Regolament Nru 3760/92, l-istat tar-riżorsi naturali, fid-dawl ta' l-opinjoni xjentifika disponisbbli, ma ġiex emendat matul il-perijodu in kwistjoni, iżda inżamm għal 33 000 tunnellata.

141   Fl-aħħarnett, minħabba li r-rikorrenti qed jitolbu l-kumpens ta' dannu futur, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li huma ma stabilixxewx li dan id-dannu allegat kien imminenti u prevedibbli b'ċertezza suffiċjenti (ara, b'mod partikolari, is-sentenza Hameico Sttutgart et vs Kunsill u Kummissjoni, punt 110 iktar 'il fuq, punt 63).

142   Ir-rikorrenti jallegaw, f'dan ir-rigward, li l-QTP ta' inċova seta' jitnaqqas għal 11 000 tunnellata fl-2003. Madankollu, din l-affermazzjoni hija żbaljata. Fil-fatt, jirriżulta mill-Anness I D tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2341/2002 ta' l-20 ta' Diċembru 2002, li jistabbilixxi, għal 2003, il-possibbiltajiet ta' sajd u l-kundizzjonijiet marbuta għal ċerti stokk tal-baħar u gruppi ta' stokk tal-baħar, applikabbli fl-ibħra Komunitarji u, għal bastimenti Komunitarji, fl-ibħra soġġetti għal limitazzjonijiet ta' qbid (ĠU L 356, p. 12), li l-QTP ta' inċova għall-arja ICES VIII relattiva għas-sena 2003 ġiet stabbilita għal 33 000 tunnellata. Barra minn hekk, għandu jiġi mfakkar li dan il-QTP ġie miżmum għal 33 000 tunnellata kemm fl-2002 (Anness I D tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2555/2001 tat-18 ta' Diċembru 2001, li jistabbilixxi, għal 2002, il-possibbiltajiet ta' sajd u l-kundizzjonijiet marbuta għal ċerti stokk tal-baħar u gruppi ta' stokk tal-baħar, applikabbli fl-ibħra Komunitarji u, għal bastimenti Komunitarji, fl-ibħra soġġetti għal limitazzjonijiet ta' qbid (ĠU L 347, p. 1) kif ukoll fl-2004 [Anness I B tar-Regolament tal-Kunsill Nru 2287/2003 tad-19 ta' Diċembru 2003, li jistabbilixxi, għal 2004, il-possibbiltajiet ta' sajd u l-kundizzjonijiet marbuta għal ċerti stokk tal-baħar u gruppi ta' stokk tal-baħar, applikabbli fl-ibħra Komunitarji u, għal bastimenti Komunitarji, fl-ibħra soġġetti għal limitazzjonijiet ta' qbid (ĠU L 344 p. 1)].

143   Fl-aħħarnett, għal dak li jikkonċernat t-talba għal miżuri istruttorji mressqa mir-rikorrenti fil-31 ta' Mejju 2005, għandu jiġi mfakkar li talba għal miżuri istruttorji ppreżentata wara l-għeluq tal-proċedura orali ma tistax tiġi milqugħa ħlief jekk tirrigwarda fatti ta' natura li jeżerċitaw influwenza deċiżiva fuq is-soluzzjoni tal-kwistjoni u li l-parti kkonċernata ma setgħetx tressaq qabel l-għeluq tal-proċedura orali (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fit-8 ta' Lulju 1999, Hoechst vs il-Kummissjoni, C-227/92 P, Ġabra p. I-4443, punt 104). F'dan il-każ, għandu jiġi osservat, minn naħa, li r-rikorrenti lanqas ma ressqu ġustifikazzjoni waħda sabiex jistabbilixxu li, waqt il-preżentata tar-rikors, huma ma setgħux isostnu l-affermazzjoni tagħhom dwar l-isfruttament żejjed u t-tnaqqis tar-riżorsi. B'mod partikolari, huma ma jispjegawx għalfejn ma kienx possibbli għalihom, fir-rikors jew għall-anqas fir-replika, li jitolbu perizja. Minn dan isegwi li t-talba hija inammissibbli.

144   Minbarra dan, għandu jiġi kkonstatat li, fi kwalunkwe każ, it-talba għal miżuri istruttorji mhijiex relevanti. Fil-fatt, għandu jiġi osservat li ebda wieħed mid-dokumenti mressqa mir-rikorrenti ma jistabbilixxi jew iressqa ipoteżi li t-tnaqqis tal-qbid jew l-istat bijoloġiku ħażin ta' l-istokk fl-2005 kienu kkawżati minħabba d-dispożizzjonijiet annullati permezz tas-sentenza tat-18 ta' April 2002 jew minħabba sfruttament żejjed ta' l-inċova. Kuntrarjament, jirriżulta mir-rapport "Arrantza 2003", maħruġ mill-Istituto Tecnológico Pesquero y Alimentario, anness mal-kontro-replika, li ċ-ċiklu ta' ħajja ta' l-inċova hija qasira ferm u l-popolazzjoni ta' l-inċova tvarja ħafna, b'tali mod li jista' jkun hemm, minn sena għall-oħra, perijodi ta' kriżi fil-popolazzjoni tagħha, jiġifieri perijodi ta' nuqqas. Għalhekk skond dan ir-rapport, fl-2002, il-biomass ta' riprodutturi tinsab fil-limiti bijoloġiċi li m'humiex fil-periklu, li ġie kkalkulat għal 56 000 tunnellata, jiġifieri aktar mill-biomass ta' prekawzjoni ta' 36 000 tunnellata. F'dawn il-kundizzjonijiet, id-dokumenti mressqa mir-rikorrenti ma setgħux ikollhom influwenza deċiżiva fuq is-soluzzjoni tal-kwistjoni.

145   Għaldaqstant għandha tiġi miċħuda t-talba għal miżuri istruttorji mressqa mir-rikorrenti.

146   Għal dawn ir-raġunijiet kollha, għandu jiġi konkluż li r-rkorrenti ma ressqux il-prova tar-realtà tad-danni li huma jallegaw.

147   Minħabba li r-rikorrenti ma ppruvawx la l-eżistenza ta' ksur biżżejjed gravi ta' regola ta' dritt li tagħti drittijiet lil individwi u lanqas ir-realtà tad-dannu allegat, għandu jiġi konkluż li r-responsabbiltà tal-Komunità ma toħroġx, jekk il-kundizzjoni relattiva għar-rabta kawżali bejn l-illegalità kkontestata u d-dannu invokat ma tkunx stabbilita.

148   Jirriżulta minn dak kollu li jippreċedi li r-rikors imressaq mir-rikorrenti għandu jiġi miċħud bħala mhux fondat, mingħajr ma jkun hemm bżonn li jiġi deċiż fuq l-argumenti li jikkonċernaw l-ammissibbiltá.

 Fuq l-ispejjeż

149   Skond l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, kull parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress illi r-rikorrenti tilfu, huma għandhom jiġu kkundannati li jħallsu l-ispejjeż, konformement mat-talba tal-konvenut.

150   B' applikazzjoni ta' l-Artikolu 87(4) tar-Regoli ta' Proċedura, l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet intervenjenti fil-kawża, għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

Għal dawn il-motivi:

IL-QORTI TAL-PRIM'ISTANZA (it-Tielet Awla)

taqta' u tiddeċiedi

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Ir-rikorrenti għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom kif ukoll dawk magħmula mill-Kunsill.

3)      Ir-Repubblika Franċiża u l-Kummissjoni għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom.

Jaeger Tiili Czúcz

Mogħtija f'seduta bil-miftuħ fil-Lussemburgu

Reġistratur

 

      il-President

E. Coulon

 

      M. Jaeger