Language of document : ECLI:EU:T:2005:369

SENTENZA TAL-QORTI TAL-PRIM'ISTANZA (l-Ewwel Awla)

(*) 25 ta' Ottubru 2005

" Uffiċjali – Remunerazzjoni – Benefiċċju ta' l-espatrijazzjoni – Artikolu 4(1)(a) ta' l-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal – Servizzi mwettqa għal Stat ieħor – Kunċett ta' residenza abitwali– Motivazzjoni – Prinċipju ta' trattament indaqs"

Fil-kawża T-298/02

Anna Herrero Romeu, uffiċjal tal-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, residenti fi Brussell (il-Belġju), irrappreżentata minn J. García-Gallardo Gil-Fournier, J. Guillem Carrau, D. Domínguez Pérez u A. Sayagués Torres, avocats,

rikorrenti

vs

il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn J. Currall, bħala aġent, assistit minn J. Rivas-Andrés u J. Gutiérrez Gisbert, avocats, b'indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

konvenuta

li għandha bħala suġġett talba għall-annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni ta' l-10 ta' Ġunju 2002 li tirrifjuta lir-rikorrenti il-ħlas tal-benefiċċju ta' l-espatrijazzjoni previst fl-Artikolu 4 ta' l-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal ta’ l-Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej kif ukoll mill-benefiċċji marbuta miegħu,

IL-QORTI TAL-PRIM'ISTANZA
TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ (l-Ewwel Awla),

komposta minn J. D. Cooke, President, R. García-Valdecasas u V. Trstenjak, Imħallfin,

Reġistratur: J. Palacio González, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduti tas-16 u tas-17 ta' Frar 2005,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-kuntest ġuridiku

1       L-Artikolu 69 tar-Regolamenti tal-Persunal ta’ l-Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej (iktar 'il quddiem ir-"Regolamenti"), fil-verżjoni tagħhom applikabbli għall-kawża preżenti, jistipola li l-benefiċċju ta' l-espatrijazzjoni huwa ekwivalenti għal 16% tat-total tas-salarju bażiku u tal-benefiċċju tal-familja kif ukoll tal-benefiċċju tat-tfal dipendenti li l-uffiċjal għandu dritt għalihom.

2       Skond l-Artikolu 4(1) ta' l-Anness VII tar-Regolamenti:

" Il-benefiċċju ta' l-espatrijazzjoni ekwivalenti għal 16% ta' l-ammont totali tas-salarju bażiku kif ukoll tal-benefiċċju tal-familja u tal-benefiċċju tat-tfal dipendenti mħallsa lill-uffiċjal għandu jingħata:

a)       lill-uffiċjal :

–       li m'għandu u li qatt ma kellu n-nazzjonalità ta' l-Istat li fit-territorju tiegħu jinstab il-post ta' l-impjieg tiegħu

u

–       li matul l-aħħar ħames snin, li jintemmu sitt xhur qabel id-dħul fis-seħħ tas-servizz tiegħu, ma għex b'mod abitwali jew ma eżerċitax l-attività professjonali prinċipali tiegħu fit-territorju Ewropew ta' l-imsemmi Stat. Sabiex tapplika din id-dispożizzjoni, ċirkustanzi li jirriżultaw minn servizzi mwettqa għal Stat Membru ieħor jew għal organizzazzjoni internazzjonali m'għandhomx jiġu kkunsidrati.;

[…] " [Traduzzjoni mhux uffiċjali]

 Il-fatti li taw bidu għar-rikors

3       Ir-rikorrenti, ta' nazzjonalità Spanjola, eżerċitat l-attività professjonali tagħha, bejn Jannar 1993 u Novembru 2001, fi ħdan id-Delegazzjoni tal-Patronat Català Pro Europa (iktar 'il quddiem il-"Patronat"), fi Brussell - entità inkarigata li tmexxi l-interessi tal-Gvern tal-Komunità Awtonoma ta' Katalunja (Comunidad Autónoma de Cataluña) fi ħdan l-istituzzjonijiet komunitarji fi Brussell- bis-saħħa ta' kuntratt iffirmat fil-15 ta' Jannar 1993, mal-Patronat.

4       Fis-16 ta' Novembru 2001, ir-rikorrenti daħlet fis-servizz mal-Kummissjoni. Il-perijodu ta' ħames snin imsemmi fit-tieni subinċiż ta' l-Artikolu 4(1)(a) ta' l-Anness VII tar-Regolamenti għall-finijiet tal-benefiċċju ta' l-espatrijazzjoni, imsejjaħ il-"perijodu ta' riferiment", kien, f'dan il-każ, bejn is-16 ta' Mejju 1996 u l-15 ta' Mejju 2001.

5       Fid-19 ta' Novembru 2001, ir-rikorrenti kellha intervista mad-Dipartiment tad-Direttorat Ġenerali (DĠ) "Persunal u Amministrazzjoni" sabiex jiġu stabbiliti d-drittijiet tagħha u sabiex tiġi kkompletata l-kartella personali tagħha tad-dħul fis-servizz. Waqt din il-laqgħa, hija ġiet oralment infurmata li l-benefiċċju ta' l-espatrijazzjoni, fuq bażi provviżorja, ma setax jingħatalha. Il-kartella personali tagħha li ġiet miftuħa dak in-nhar kienet ukoll tindika li l-benefiċċju ma kienx ingħatalha.

6       Fit-18 ta' Jannar 2002, ir-rikorrenti bagħtet nota lill-kap tad-Dipartiment ta' l-"Ipproċessar tad-Drittijiet Individwali" tad-DĠ "Persunal u Amministrazzjoni" fejn talbitu jindikalha d-dispożizzjonijiet eżistenti dwar il-benefiċċji ta' uffiċjali ġodda li qabel kienu jaħdmu mad-delegazzjonijiet ta' rappreżentanza tar-reġuni fi Brussell. Peress illi r-rikorrenti ma rċeviet ebda risposta għal din in-nota mill-Kummissjoni, hija tenniet it-talba tagħha permezz ta' ittra ta' l-14 ta' Frar 2002.

7       Fl-14 ta' Frar 2002, ir-rikorrenti ressqet ilment, skond l-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti, kontra d-deċiżjoni tad-19 ta' Novembru 2001.

8       Permezz ta' deċiżjoni t at ta' l-10 ta' Ġunju 2002, l-Awtorità tal-Ħatra (iktar 'il quddiem l-"AĦ") ċaħdet l-ilment tar-rikorrenti. Minn din id-deċiżjoni jirriżulta li l-benefiċċju ta' l-espatrijazzjoni u l-benefiċċji marbuta miegħu ġew miċħuda lir-rikorrenti skond l-Artikolu 4(1)(a) ta' l-Anness VII tar-Regolamenti, minħabba li hija kienet għexet u eżerċitat l-attività professjonali tagħha fi Brussell matul il-perijodu ta' ħames snin li ntemm sitt xhur qabel id-dħul fis-servizz tagħha. B'mod aktar preċiż, l-AĦ qieset li l-attività professjonali tagħha ma' l-Uffiċċju tal-Patronat ma setgħatx tkun imqabbla ma' "servizzi mwettqa għal Stat ieħor" fis-sens ta' l-eċċezzjoni prevista fl-imsemmi Artikolu 4, u li għaldaqstant, ma setgħatx tiġi meqjusa.

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

9       Permezz ta' talba ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim'Istanza fl-1 ta' Ottubru 2002, ir-rikorrenti ressqet dan ir-rikors.

10     Fuq rapport ta' l-Imħallef Relatur, il-Qorti tal-Prim'Istanza (l-Ewwel Awla) iddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali. Fil-kuntest tal-miżuri ta' organizzazzjoni tal-proċedura, il-Qorti tal-Prim'Istanza stiednet lill-partijiet kif ukoll lir-Renju ta' Spanja jippreżentaw ċerti dokumenti u jwieġbu għal ċerti domandi bil-miktub. Il-partijiet u r-Renju ta' Spanja ssodisfaw dawn it-talbiet fit-termini mogħtija.

11     Is-sottomissjonijiet orali u t-tweġibiet tal-partijiet għall-mistoqsijiet magħmula mill-Qorti tal-Prim'Istanza nstemgħu waqt is-seduta tas-16 u tas-17 ta' Frar 2005.

12     Ir-rikorrenti titlob lill-Qorti tal-Prim'Istanza:

–       tannulla d-deċiżjoni ta' l-10 ta' Ġunju 2002 li tirrifjutalha l-ħlas tal-benefiċċju ta' l-espatrijazzjoni u l-benefiċċji marbuta miegħu;

–       tikkundanna lill-Kummissjoni tbati l-ispejjeż kollha, inklużi l-ispejjeż li jirriżultaw mill-fażi amministrattiva tal-proċedura.

13     Il-Kummissjoni titlob lill-Qorti tal-Prim'Istanza:

–       tiċħad ir-rikors bħala mhux fondat;

–       tikkundanna lir-rikorrenti tbati l-ispejjeż tagħha.

 Id-dritt

 Fuq is-suġġett tal-kontroversja

14     Għalkemm it-talbiet tar-rikorrenti huma intiżi għall-annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni ta' l-10 ta' Ġunju 2002 li tiċħad l-ilment imressaq fl-14 ta' Frar 2002, skond l-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti, kontra d-deċiżjoni tad-19 ta' Novembru 2001, dan ir-rikors għandu bħala effett li, skond ġurisprudenza kostanti, iressaq quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza l-att kontenzjużkontenzjus li kontrih l-ilment ġie ppreżentat (sentenzi tal-Qorti tal-Prim'Istanza tad-9 ta' Lulju 1997, Echauz Brigaldi et vs il-Kummissjoni, T-156/95, ĠabraSP p. I-A-171 u II-509, punt 23, u tal-15 ta' Diċembru 1999, Latino vs il-Kummissjoni, T-300/97, ĠabraSP p. II-1263, punt 30). Minn din jirriżulta li dan ir-rikors huwa xorta waħda intiż għall-annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni tad-19 ta' Novembru 2001 li tirrifjuta lir-rikorrenti l-ħlas tal-benefiċċju ta' l-espatrijazzjoni u tal-benefiċċji marbuta miegħu. 

A –  Fuq il-benefiċċju ta' l-espatrijazzjoni

15     Ir-rikorrenti tinvoka, essenzjalment, erba' raġunijiet sabiex issostni r-rikors tagħha. Permezz ta' l-ewwel raġuni tagħha, hija ssostni l-ksur ta' l-Artikolu 4(1)(a) ta' l-Anness VII tar-Regolamenti. It-tieni raġuni hija bbażata fuq żball fl-evalwazzjoni tal-fatti. It-tielet raġuni tirriżulta mill-ksur ta' l-obbligu ta' motivazzjoni. Fl-aħħar nett, ir-raba' raġuni hija bbażata fuq il-ksur tal-prinċipju ta' trattament indaqs.  

1.     Fuq l-ewwel raġuni, ibbażata fuq il-ksur ta' l-Artikolu 4(1)(a) ta' l-Anness VII tar-Regolamenti.

 L-argumenti tal-partijiet

16     Ir-rikorrenti ssostni li hija għandha dritt għall-benefiċċju ta' l-espatrijazzjoni u li l-Kummissjoni interpretat b'mod żbaljat l-eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 4(1)(a) ta' l-Anness VII tar-Regolamenti. L-attività professjonali tagħha fi ħdan il-Patronat ta' Brussell għandha tiġi kkunsidrata bħala "servizzi mwettqa għal Stat ieħor", f'dan il-każ, l-Istat ta' Spanja u, għaldaqstant, dan il-perijodu ta' xogħol għandu jkun "newtralizzat" permezz ta' l-eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 4(1)(a) ta' l-Anness VII tar-Regolamenti u m'għandux jiġi meqjus sabiex jiġi determinat il-perijodu ta' riferiment.

17     Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti ssostni li l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja stabbiliet kunċett komunitarju ta' Stat li josserva parzjalment il-kunċett ta' Stat, kif previst fis-sistema legali interna ta' kull Stat Membru. Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja ikkunsidrat li l-awtoritajiet pubbliċi inklużi fil-kunċett ta' Stat huma kemm il-gvern ċentrali kif ukoll l-awtoritajiet ġudizzjarji u leġiżlattivi, l-entitajiet deċentralizzati kif ukoll ċerti korpi kkunsidrati bħala mnissla mill-Istat (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-26 ta' Frar 1986, Marshall, 152/84, Ġabra p. 723, u ta' l-10 ta' Marzu 1987, il-Kummissjoni vs l-Italja, 199/85, Ġabra p. 1039). Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li l-Istat iwettaq ukoll kemm funzjonijiet tradizzjonali ta' sovranità jew ta' awtorità kif ukoll funzjonijiet ta' politika ta' intervent ekonomiku, li huma eżerċitati kemm mill-awtoritajiet pubbliċi kif ukoll minn korpi ta' dritt pubbliku jew ta' dritt privat (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-17 ta' Diċembru 1980, il-Kummissjoni vs il-Belġju, 149/79, Ġabra p. 3881, u tat-30 ta' Jannar 1985, il-Kummissjoni vs Franza, 290/83, Ġabra p. 439). 

18     Fit-tieni lok, ir-rikorrenti tesprimi kunsiderazzjonijiet relatati mal-kunċett ta' Stat fis-sistema legali Spanjola. Għaldaqstant, hija tfakkar illi l-Kostituzzjoni Spanjola stabbiliet sistema legali profondament deċentralizzat, imsejjaħ "Stat ta' l-Awtonomiji", li huwa kkaratterizzat minn tqassim ta' kompetenzi bejn l-Amministrazzjoni Ċentali u l-Komunitajiet Awtonomi. Fil-livell ta' kompetenzi fil-qasam ta' dritt komunitarju, it-Tribunal Constitucional (Qorti Kostituzzjonali Spanjola) kien ikkunsidra li l-Unjoni Ewropea ma kinitx żona internazzjonali u li l-kwistjonijiet li jirreferu għas-sistema legali komunitarja għandhom ikunu trattati bħal kwistjonijiet ta' sistema nazzjonali. B'mod partikolari, it-Tribunal Constitucional kien afferma, fid-deċiżjoni Nru 165/1994 tiegħu, tas-26 ta' Mejju 1994 (anness B.2 mad-difiża), li b'differenza għar-relazzjonijiet internazzjonali fejn il-gvern ċentrali għandu l-kompetenza esklużiva, "il-komunitajiet awtonomi huma direttament ikkonċernati mill-attività tal-Komunitajiet Ewropej". Għaldaqstant, it-tqassim ta' kompetenzi tobbliga lill-komunitajiet awtonomi jsegwu l-iżvilupp ta' l-attivitajiet leġiżlattivi ta' l-istituzzjonijiet Ewropej, peress illi, fil-biċċa l-kbira tal-każijiet, dawn huma l-awtoritajiet inkarigati li jittrasponu l-leġiżlazzjoni komunitarja u li jsofru, barra minn dan, l-effetti diretti tagħha, fatt li jiġġustifika l-preżenza ta' l-uffiċċji ta' rappreżentanza tal-komunitajiet awtonomi fi ħdan l-Unjoni Ewropea.

19     Barra minn hekk, ir-rikorrenti tesponi d-diversi strumenti li nħolqu bil-għan li jiffaċilitaw it-tmexxija ta' l-affarijiet Ewropej mill-Gvern Ċentrali Spanjol u mill-Komunitajiet Awtonomi, bħall-" t Conferencia para los asuntos relativos a las Comunidades Europeas (CARCE) " (konferenza għall-attivitajiet relatati mal-Komunitajiet Ewropej), li ġiet stabbilita fl-1992 bil-għan li titkabbar il-kooperazzjoni bejn il-Gvern Ċentrali u l-Komunitajiet Awtonomi fl-oqsma komunitarji. Bis-saħħa tal-ftehim adottati f'dan il-kuntest, il-Komunitajiet Awtonomi, bdew jipparteċipaw mill-1988, għall-laqgħat tal-Kumitati ta' Konsulenza ppreseduti mill-Kummissjoni, u barra minn hekk, il-persunal tal-Komunitajiet Awtonomi u tar-Rappreżentanza Permanenti tar-Renju ta' Spanja jorganizzaw laqgħat settorjali tekniċi bil-għan illi jiġi żgurat il-monitoraġġ tax-xogħolijiet tal-Kunsill u l-inizjattivi leġiżlattivi komunitajri. Barra minn hekk, il-persunal li jaħdem mad-Delegazzjonijiet tal-Komunitajiet Awtonomi huwa soġġett għall-istess sistema ta' assigurazzjoni kontra l-mard (aċċess għas-sigurtà soċjali Spanjola permezz tal-formoli E 111 u E 106) u għall-istess sistema ta' taxxa (Artikolu 19 tal-Konvenzjoni konkluża fl-1970 bejn ir-Rejnu ta' Spanja u r-Renju tal-Belġju sabiex tiġi evitata t-tassazzjoni doppja, iktar 'il quddiem "il-kovenzjoni dwar it-tassazzjoni doppja") tal-persunal diplomatiku tar-Rappreżentanza Permanenti tar-Renju ta' Spanja.

20     Fit-tielet lok, ir-rikorrenti ssostni li, fil-każ tal-Komunità Awtonoma ta' Katalunja, il-Patronat huwa l-istituzzjoni ta' dritt pubbliku stabbilita fl-1982 mill-Gvern Katalan, fid-dawl tas-sħubija tar-Renju ta' Spanja mal-Komunitajiet Ewropej u li, minn din id-data, issegwi u tipparteċipa fl-iżvilupp leġiżlattiv komunitarju, billi tippromwovi l-interessi u tmexxi l-preokkupazzjonijiet u l-aspettativi ta' l-imsemmija Komunità Awtonoma. Għaldaqstant, din l-istituzzjoni tifforma parti integrali mill-amministrazzjoni tal-Komunità Awtonoma ta' Katalunja u, konsegwentement ta' l-Istat ta' Spanja, li hija r-raġuni għaliex is-servizzi li r-rikorrenti pprovdiet għall-Patronat għandhom natura ta' servizzi mwettqa għall-Gvern Spanjol.

21     Ir-rikorrenti żżid li, anki jekk mhemmx dubju li l-kunċett ta' Stat għandu jkun soġġett għal interpretazzjoni awtonoma, kunċett ibbażat fuq is-sistemi legali nazzjonali ta' l-Istati Membri ma jinterpretax b'mod żbaljat l-eċċezzjoni ta' l-Artikolu 4 ta' l-Anness VII tar-Regolamenti, peress illi l-Kummissjoni stess ammettiet waqt l-intervista tad-dħul fis-servizz li, fil-każ ta' Stati federali, is-servizzi pprovduti mill-persunal ta' entitajiet reġjonali jidħlu fil-kamp ta' applikazzjoni ta' l-eċċezzjoni. Barra minn hekk, kunċett awtonomu bħal dan ma jwassalx sabiex jiġi affermat li kull entità muniċipali tipprovdi servizzi għall-Istat, peress illi b'differenza għal dawn l-entitajiet, il-kompetenzi tal-komunitajiet awtonomi ma kinux ġew mogħtija mill-Istat, iżda huma kompetenzi proprji, previsti fil-Kostituzzjoni Spanjola. Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti tippreċiża li hija mhijiex qed tippretendi li tassimila l-istat tagħha ma' dak tal-korp diplomatiku, iżda ma' dak tal-persunal ta' rappreżentanza permanenti li ma tiffurmax parti mill-korp diplomatiku. Issa, kieku l-immunità diplomatika kienet element determinanti, ma kienx ikun hemm ebda raġuni li tiġi applikata l-eċċezzjoni msemmija iktar 'il fuq lill-persunal kollu ta' tali rappreżentanza bħal din kif qed tagħmel il-Kummissjoni.

22     Il-Kummissjoni tikkunsidra li, anki jekk huwa veru li l-komunitajiet awtonomi Spanjoli għandhom numru ta' kompetenzi proprji li ġew trasferiti lilhom direttament mill-amministrazzjoni ġenerali ta' l-Istat b'applikazzjoni tal-Kostituzzjoni Spanjola, dan ma jfissirx li l-komunitajiet awtonomi huma Stati u lanqas li x-xogħol mwettaq fi ħdan il-Patronat għandu jiġi kkunsidrat bħala servizzi mwettqa għal Stat, fis-sens ta' l-eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 4 ta' l-Anness VII tar-Regolamenti.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

23     Skond ġurisprudenza kostanti, il-ġustifikazzjoni għall-benefiċċju ta' l-espatrijazzjoni hija li tikkumpensa l-ispejjeż u l-iżvantaġġi partikulari li jirriżultaw mill-eżerċizzju permanenti ta' funzjonijiet f'pajjiż li miegħu l-uffiċjal ma jkunx stabbilixxa rabtiet għal tul ta' żmien qabel ma jkun daħal fis-servizz (sentenzi tal-Qorti tal-Prim'Istanza tat-30 ta' Marzu 1993, Vardakas vs il-Kummissjoni, T‑4/92, Ġabra p. II‑357, punt 39; ta' l-14 ta' Diċembru 1995, Diamantaras vs il-Kummissjoni, T‑72/94, ĠabraSP p. I‑A‑285 u II‑865, punt 48, u tat-28 ta' Settembru 1999, J vs il-Kummissjoni, T‑28/98, ĠabraSP p. I‑A‑185 u II‑973, punt 32). Sabiex rabtiet li jdumu fiż-żmien bħal dawn ikunu jistgħu jiġu stabbiliti u għaldaqstant itelfu lill-uffiċjal il-benefiċċju ta' l-espatrijazzjoni, il-leġiżlatur jeżiġi illi l-uffiċjal ikun kellu r-residenza abitwali tiegħu jew ikun eżerċita l-attività professjonali prinċipali tiegħu matul perijodu ta' ħames snin fil-pajjiż tal-post ta' l-impjieg tiegħu (sentenza Diamantaras vs il-Kummissjoni, ċitata iktar 'il fuq, punt 48).

24     Hemm ukoll lok li jiġi mfakkar li hija prevista eċċezzjoni fit-tieni subinċiz ta' l-Artikolu 4(1)(a) ta' l-Anness VII tar-Regolamenti favur persuni li jkunu wettqu servizzi għal Stat ieħor jew għal organizzazzjoni internazzjonali matul il-perijodu ta' riferiment ta' ħames snin li intemm sitt xhur qabel id-dħul tagħhom fis-servizz. Il-ġustifikazzjoni għal din l-eċċezzjoni tinstab fil-fatt li, f'kundizzjonijiet bħal dawn, dawn il-persuni ma jkunux jistgħu jiġu kkunsidrati bħala li jkunu stabbilew rabtiet li jdumu fiż-żmien mal-pajjiż ta' impjieg minħabba n-natura temporanja tas-sekondar tagħhom f'dan il-pajjiż (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta' Jannar 1981, Vutera vs il-Kummissjoni, 1322/79, Ġabra p. 127, punt 8, u tat-2 ta' Mejju 1985, De Angelis vs il-Kummissjoni, 246/83, Ġabra p. 1253, punt 13).

25     Ir-rikorrenti daħlet fis-servizz mal-Kummissjoni fis-16 ta' Novembru 2001 u, għaldaqstant, il-perijodu ta' riferiment li għandu jittieħed in kunsiderazzjoni sabiex jiġi applikat l-Artikolu 4 ta' l-Anness VII tar-Regolamenti huwa dak bejn is-16 ta' Mejju 1996 u l-15 ta' Mejju 2001. Il-partijiet jaqblu li, matul dan il-perijodu ta' riferiment, ir-rikorrenti eżerċitat l-attivita professjonali tagħha fi ħdan id-delegazzjoni tal-Patronat fi Brussell.

26     Il-kwistjoni li tqum f'din il-kawża hija li jiġi determinat jekk ix-xogħol imwettaq mir-rikorrenti għad-delegazzjoni tal-Patronat fi Brussell għandux jiġi kkunsidrat, kif issostni r-rikorrenti, bħala servizzi mwettaq għal Stat, taħt l-Artikolu 4(1)(a) ta' l-Anness VII tar-Regolamenti.

27     Skond ġurisprudenza kostanti, mill-eżiġenzi kemm ta' applikazzjoni uniformi tad-dritt komunitarju kif ukoll tal-prinċipju ta' trattament ugwali, jirriżulta li t-termini ta' dispożizzjoni ta' dritt komunitarju li ma tinkludi ebda referenza espliċita għall-leġiżlazzjoni ta' l-Istati Memrbi sabiex jiġi determinat is-sens u l-iskop tagħha, għandhom normalment ikollhom interpretazzjoni awtonoma u uniformi fil-Komunità kollha, li għandha tinstab billi jitqiesu l-kuntest tad-dispożizzjoni u l-għan li l-leġiżlazzjoni in kwistjoni trid tilħaq. Fin-nuqqas ta' referenza espliċita, l-applikazzjoni tad-dritt komunitarju tista' madankollu timplika, skond il-każ, referenza għad-dritt ta' l-Istati Membri meta l-qorti komunitarja ma tkunx tista' tiddeduċi mid-dritt komunitarju jew mill-prinċipji ġenerali tad-dritt komunitarju l-elementi li jippermettulha tippreċiża l-kontenut u l-iskop ta' din id-dispożizzjoni permezz ta' interpretazzjoni awtonoma (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-18 ta' Jannar 1984, Ekro, 327/82, Ġabra p. 107, punt 11; sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tat-18 ta' Diċembru 1992, Díaz García vs il-Parlament, T‑43/90, Ġabra p. II‑2619, punt 36; tat-28 ta' Jannar 1999, D vs il-Kunsill, T‑264/97, ĠabraSP p. I‑A‑1 u II‑1, punti 26 u 27, ikkonfermata permezz tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-31 ta' Mejju 2001, D u Żvezja vs il-Kunsill, C‑122/99 P u C‑125/99 P, Ġabra p. I‑4319).

28     F'dan il-każ, id-dritt komunitarju u, b'mod partikolari, ir-Regolamenti jagħtu indikazzjonijiet suffiċjenti li jippermettu li jiġi ppreċiżat l-iskop ta' l-Artikolu 4 ta' l-Anness VII tar-Regolamenti, u għaldaqstant, li tiġi stabbilita interpretazzjoni awtonoma tal-kunċett ta' Stat fir-rigward tad-diversi liġijiet nazzjonali, kif il-partijiet stess ammettew fis-sottomissjonijiet bil-miktub tagħhom.

29     Fl-ewwel lok, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, mill-iskema ġenerali tat-Trattat, jirriżulta b'mod ċar li l-kunċett ta' Stat Membru, skond id-dispożizzjonijiet istituzzjonali, jirreferi biss għall-awtoritajiet governattivi ta' l-Istati Membri u ma jistax ikun estiż għall-gvernijiet ta' reġjuni jew ta' komunitajiet awtonomi, irrispettivamenti mill-kompetenzi li huma mogħtija lilhom. Jekk jiġi ammess il-kuntrarju, l-ekwilibriju istituzzjonali previst mit-trattati li jiddeterminaw, b'mod partikolari, il-kundizzjonijiet li fihom l-Istati Membri, jiġifieri l-Istati partijiet għat-trattati kostituttivi u għat-trattati ta' sħubija, jipparteċipaw fil-funzjonament ta' l-istituzzjonijiet komunitarji, jiġi mgħedded (digrieti tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-21 ta' Marzu 1997, Région wallonne vs il-Kummissjoni, C‑95/97, Ġabra p. I‑1787, punt 6, u ta' l-1 ta' Ottubru 1997, Regione Toscana vs il-Kummissjoni, C‑180/97, Ġabra p. I‑5245, punt 6).

30     Fit-tieni lok, skond ġurisprudenza kostanti, id-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti, li għandhom biss bħala għan li jirregolaw ir-relazzjonijiet ġuridiċi bejn l-istituzzjonijiet u l-uffiċjali billi jistabbilixxu drittijiet u obbligi reċiproki, jinkludu terminoloġija preċiża li l-estenzjoni tagħha, permezz ta' analoġija, għal każijiet li mhumiex imsemmija espliċitament hija eskluża (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-16 ta' Marzu 1971, Bernardi vs il-Parlament, 48/70, Ġabra p. 175, punti 11 u 12, u ta' l-20 ta' Ġunju 1985, Klein vs il-Kummissjoni, 123/84, Ġabra p. 1907, punt 23; sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tad-19 ta' Lulju 1999, Mammarella vs il-Kummissjoni, T‑74/98, ĠabraSP p. I‑A‑151 u II‑797, punt 38).

31     Fl-Artikolu 4 ta' l-Anness VII tar-Regolamenti, il-leġiżlatur għażel it-terminu "Stat" meta kien hemm diġà, fiż-żmien li fih ir-Regolamenti kienu ġew adottati, Stati Membri li bi struttura federali jew reġjonali, bħar-Repubblika Federali tal-Ġermanja, u mhux biss stati bi struttura interna ta' natura ċentralizzata. Għaldaqstant, jekk il-leġiżlatur komunitarju kien ried jintroduċi s-subdiviżjonijiet politiċi jew l-awtoritajiet lokali f'dan l-imsemmi Artikolu, huwa kien jagħmel dan espliċitament. Jista' jiġi kkunsidrat li l-awturi tar-Regolamenti ma kellhomx l-intenzjoni li jinkludu s-subdiviżjonijiet politiċi ta' stat, bħal mhuma l-gvernijiet tar-reġjuni, komunitajiet awtonomi jew entitajiet lokali oħra fl-espressjoni "servizzi mwettqa għal Stat ieħor" imsemmija fl-istess Artikolu.

32     Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha jirriżulta li l-kunċett ta' "Stat" previst fl-Artikolu 4 ta' l-Anness VII tar-Regolamenti jikkonċerna biss l-Istat, bħala persuna ġuridika u suġġett unitarju tad-dritt internazzjonali u l-korpi governattivi tiegħu. Interpretazzjoni bħal dik proposta mir-rikorrenti tista' twassal, kif issostni l-Kummissjoni, sabiex l-entitajiet pubbliċi kollha b' personalità ġuridika tagħhom li l-gvern ċentrali jkun ittrasferixxielhom kompetenzi interni, inklużi l-muniċipalijiet jew kull entità li amministrazzjoni tkun iddelegatilha ċerti funzjonijiet jiġu kkunsidrati bħala Stati.

33     Għaldaqstant, hemm lok li l-espressjoni "servizzi mwettqa għal Stat ieħor" imsemmija fl-Artikolu 4 ta' l-Anness VII tar-Regolamenti tkun interpretata bħala li ma tirreferix għas-servizzi mwettqa għall-gvernijiet tas-subdiviżjonijiet politiċi ta' l-Istati.

34     Minn dak li jippreċedi jirriżulta li s-servizzi li r-rikorrenti wettqet għad-delegazzjoni tal-Patronat fi Brussell ma jistgħux jiġu kkunsidrati bħala servizzi mwettqa għal Stat taħt l-Artikolu 4 ta' l-Anness VII tar-Regolamenti.

35     Din l-evalwazzjoni ma tistax titpoġġa in kwistjoni mill-argument tar-rikorrenti bbażat fuq l-eżistenza ta' kunċett awtonomu ta' Stat fid-dritt komunitarju li jinkludi l-entitajiet deċentralizzati. Anki jekk huwa ċar li, konformement mal-ġurisprudenza invokata mir-rikorrenti fil-kuntest ta' konstatazzjoni ta' nuqqas ta' Stat li jwettaq obbligu, hemm lok li jiġi kkunsidrat li l-awtoritajiet ta' Stat li għandhom l-obbligu li jassiguraw li r-regoli tad-dritt komunitarju jiġu rrispettati huma kemm l-awtoritajiet ċentrali u l-awtoritajiet ta' stat federali kif ukoll l-awtoritajiet territorjali jew deċentralizzati ta' l-imsemmi Stat fil-kuntest tal-kompetenzi rispettivi tagħhom, għandu xorta waħda jiġi mfakkar li r-rikors li bih il-Qorti tal-Ġustizzja tista' tikkonstata li Stat Membru naqas li jwettaq xi wieħed mill-obbligi tiegħu jista' jitressaq biss kontra l-gvern ta' dan ta' l-aħħar, anki jekk in-nuqqas jirriżulta minn azzjoni jew nuqqas ta' azzjoni ta' l-awtoritajiet ta' stat federali, ta' reġjun jew ta' komunità awtonoma (digriet Région wallonne vs il-Kummissjoni, ċitat iktar 'il fuq, punt 7, u Regione Toscana vs il-Kummissjoni, ċitata iktar 'il fuq, punt 7). Għaldaqstant din il-ġurisprudenza ma tistax tiġi invokata b'mod validu sabiex issostni l-argument favur l-interpretazzjoni wiesa' tal-kunċett ta' "Stat" imressaq mir-rikorrenti.

36     Bl-istess mod, l-argumenti mressqa mir-rikorrenti bbażati fuq il-kompetenzi tal-komunitajiet awtonomi fis-sistema legali Spanjola kif ukoll it-termini tad-deċiżjoni tat-Tribunal Constitucional Spanjol għandhom jiġu miċħuda. Huwa veru li l-komunitajiet awtonomi għandhom kompetenzi li ġew mogħtija lilhom konformement mal-Kostituzzjoni Spanjola u li d-deċiżjoni tat-Tribunal Constitucional tas-26 ta' Mejju 1994, ċitata iktar 'il fuq, tistipola li, bis-saħħa ta' dawn il-kompetenzi, huma għandhom interess isegwu u jinfurmaw ruħhom bl-attività ta' l-istituzzjonijiet komunitarji u jistgħu jkollhom uffiċċji fi Brussell sabiex jagħmlu dan. Madankollu, għandu jingħad li d-deċiżjoni tat-Tribunal Constitucional tirregola problema ta' dritt intern Spanjol fuq il-bażi tal-Kostituzzjoni Spanjola u li, f'din il-perspettiva, hija tfakkar b'mod ċar li t-trattati kostituttivi jipprevedu l-parteċipazzjoni ta' l-Istati Membri biss fl-attività komunitarja u li din teskludi l-eżistenza ta' relazzjonijiet bejn entitajiet li jaqgħu taħt l-Istat, bħal mhuma l-komunitajiet awtonomi u l-istituzzjonijiet komunitarji, li jistgħu b'xi mod iwasslu għar-responsabbiltà ta' l-Istat Spanjol. Barra minn hekk, skond it-Tribunal Constitucional, relazzjonijiet bħal dawn mhumiex possibbli minħabba l-istruttura nfisha ta' l-Unjoni Ewropea. F'kull każ, bis-saħħa ta' l-Artikolu 220 KE, l-interpretazzjoni tad-dritt komunitarju taqa', finalment, taħt il-qrati komunitarji.

37     Barra minn dan, għandu jiġi nnotat li l-missjoni tad-delegazzjonijiet tal-komunitajiet awtonomi Spanjoli fi Brussell hija li jmexxu l-interessi ta' l-amministrazzjonijiet li huma jirrapreżentaw, interessi li mhux neċessarjament jikkoinċidu ma' l-interessi ta' komunitajiet awtonomi oħra u ma' dawk tar-Renju ta' Spanja, bħala Stat.

38     Ir-rikorrenti lanqas ma tista' tagħmel użu mill-fatt li hija kienet soġġetta għall-istess sistema ta' assigurazzjoni kontra l-mard u għall-istess sistema ta' tassazzjoni tal-persunal li jaħdem mar-Rappreżentanza Permanenti tar-Renju ta' Spanja fi Brussell.

39     Hemm lok li jiġi mfakkar, min-naħa, li l-konvenzjoni dwar it-tassazzjoni doppja, adottata xi snin wara r-Regolamenti, tipprevedi fl-Artikolu 19(1) tagħha li "r-remunerazzjonijiet, inklużi l-pensjonijiet, imħallsa minn Stat kontraenti jew minn xi wieħed mis-subdiviżjonijiet politiċi jew awtoritajiet lokali tiegħu […] lil persuna fiżika għas-servizzi pprovduti għal dan l-Istat jew għal xi waħda mis-subdiviżjonijiet jew awtoritajiet lokali tiegħu, huma taxxabbli biss f'dan l-imsemmi Stat". Għaldaqstant, din il-konvenzjoni tagħmel distinzjoni bejn is-servizzi pprovduti lil Stat u s-servizzi pprovduti lil subdiviżjoni politika ta' Stat, distinzjoni li l-Artikolu 4 ta' l-Anness VII tar-Regolamenti ma jagħmilx.

40     Min-naħa l-oħra, f'dak li jikkonċerna s-sistema ta' assigurazzjoni kontra l-mard, il-formoli E 106 u E 111 jiċċertifikaw biss id-dritt ta' persuna li tibbenefika mill-kura tas-saħħa f'pajjiż għajr minn dak li fih hija normalment assigurata jew li fih hija kienet assigurata preċedentement. Barra minn hekk, f'dak li jikkonċerna l-formola E 106, hemm lok li jiġi nnotat, li din il-formola hija maħruġa mhux biss lid-diplomatiċi u lill-membri l-oħra tar-Rappreżentanza Permanenti tar-Renju ta' Spanju ma' l-Unjoni Ewropea, iżda wkoll lil numru ta' kategoriji oħra ta' persuni li jaħdmu barra mit-territorju Spanjol.

41     Fl-aħħar nett, f'dak li jikkonċerna l-argument tar-rikorrenti bbażat fuq il-parteċipazzjoni tar-rappreżentanti tal-Komunitajiet Awtonomi fil-Kumitati ta' Konsulenza tal-Kumissjoni, hemm lok li jiġi osservat li l-eċċezzjoni msemmija fit-tieni subinċiż ta' l-Artikolu 4(1)(a) ta' l-Anness VII tar-Regolamenti ma tistax tkun illimitata biss għall-persuni li jkunu ffurmaw parti mill-persunal ta' Stat ieħor jew ta' organizzazzjoni internazzjonali, peress illi din tikkonċerna "[i]ċ-ċirkustanzi li jirriżultaw minn servizzi mwettqa għal Stat ieħor jew għal organizzazzjoni internazzjonali" (sentenzi tal-Qorti tal-Prim'Istanza Diamantaras vs il-Kummissjoni, ċitata iktar 'il fuq, punt 52, u tat-3 ta' Mejju 2001, Liaskou vs il-Kunsill, T‑60/00, ĠabraSP p. I‑A‑107 u II‑489, punt 49). Il-benefiċċju ta' l-eċċezzjoni prevista fl-imsemmi Artikolu 4 jeżiġi, madankollu, li l-persuna kkonċernata tkun kellha rabtiet ġuridiċi diretti ma' l-Istat jew ma' l-organizzazzjoni internazzjonali in kwistjoni, li huwa konformi ma' l-awtonomija li minnha jgawdu l-Istati u l-istituzzjonijiet fl-organizzazzjoni interna tad-dipartimenti tagħhom, li tippermettilhom jistiednu persuni terzi li ma jiffurmawx parti mill-istruttura ta' ġerarkija tagħhom joffru s-servizzi tagħhom sabiex ikun assigurat it-twettiq ta' xogħolijiet speċifiċi (sentenzi tal-Qorti tal-Prim'Istanza tat-22 ta' Marzu 1995, Lo Giudice vs il-Parlament, T‑43/93, ĠabraSP p. I‑A‑57 u II‑189, punt 36, u tal-11 ta' Settembru 2002, Nevin vs il-Kummissjoni, T‑127/00, ĠabraSP p. I‑A‑149 et II‑781, punt 51).

42     F'dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li r-rikorrenti espliċitamenti irrikonoxxiet waqt is-seduta li hija qatt ma ngħaqdet jew iffurmat parti mid-delegazzjoni Spanjola li kienet tipparteċipa fil-laqgħat tal-korpi tal-Kunsill u tal-Kummissjoni li seħħew matul il-perijodu ta' riferiment li japplika fil-każ tagħha. Ir-rikorrenti lanqas ma invokat li hija eventwalment żammet xi rabta ġuridika diretta mal-gvern ċentrali tal-Istat Spanjol li kienet tippermetti li jiġi kkunsidrat li hija wettqet servizzi għall-Istat Spanjol waqt dan l-imsemmi perijodu.

43     F'dawn iċ-ċirkustanzi, ma jistax jiġi kkunsidrat li r-rikorrenti pprovdiet servizzi għal Stat skond l-Artikolu 4 ta' l-Anness VII tar-Regolamenti.

44     Fid-dawl ta' dak li jippreċedi, l-ewwel raġuni għandha tiġi miċħuda.

2.     Fuq it-tieni raġuni, ibbażata fuq żball fl-evalwazzjoni tal-fatti

 L-argumenti tal-partijiet

45     Ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni wettqet żball fl-evalwazzjoni tal-fatti, peress illi r-residenza abitwali tagħha u ċ-ċentru ta' interessi tagħha, matul il-perijodu ta' riferiment previst fl-Artikolu 4 ta' l-Anness VII tar-Regolamenti, kienu dejjem jinstabu fi Spanja u mhux fil-Belġju. Ir-residenza fi Brussell matul l-eżerċizzju ta' l-attività professjonali tagħha fl-Uffiċċju tal-Patronat kienet biss provviżorja u sekondarja, b'tali mod li r-rikorrenti għandha dritt għall-benefiċċju ta' espatrijazzjoni previst fl-Artikolu 4 ta' l-Anness VII tar-Regolamenti. Sabiex issostni din il-pretensjoni, ir-rikorrenti tinvoka l-elementi li ġejjin li jippruvaw li ċ-ċentru ta' interessi tagħha u r-residenza abitwali tagħha kienu dejjem f'Barċellona (Spanja):

–       ir-residenza prinċipali f'Barċellona, fid-domiċilju tal-familja tagħha, u id-domiċilju fil-kunsill muniċipali ta' Barċellona, fejn hija rreġistrata fir-reġistri elettorali, teżerċita d-drittijiet tagħha ta' votant u ġġedded il-karta ta' l-identita tagħha;

–       il-kuntratt tax-xogħol Spanjol, iffirmat f'Barċellona u rregolat mill-leġiżlazzjoni Spanjola fil-qasam tad-dritt fiskali u soċjali;

–       il-ħlas tat-taxxi fi Spanja fejn hija tippreżenta d-dikjarazzjoni annwali tagħha bħala ħaddiema bil-paga Spanjola soġġetta għall-Artikolu 19 tal-konvenzjoni dwar it-tassazzjoni doppja;

–       l-assigurazzjoni medika rregolata mid-dritt Spanjol fuq il-bażi tal-formola E 111, umbgħad tal-formola E 106, bħala, persunal sekondat fi Brussell;

–       il-kont bankarju miftuħ u l-assigurazzjoni fuq il-ħajja maħruġa f'Barċellona;

–       is-self ipotekarju konkluż f'Barċellona, għax-xiri ta' appartament f'din il-belt.

46     Ir-rikorrenti iżżid li r-rabtiet miżmuma ma' Spanja huma iktar importanti minn dawk abitwalment miżmuma mal-pajjiż ta' residenza tal-ġenituri tagħha, peress illi hija wettqet l-istudji universitarji u postuniversitarji tagħha f'Barċellona u hija eżerċitat ukoll attività professjonali f'din il-belt qabel ma ġiet assenjata mill-Patronat lid-delegazzjoni fi Brussell. Barra minn hekk, il-fatt li hija kienet tirċievi "somma komplementari ta' l-espatrijazzjoni", konformement mal-kuntratt mal-Patronat, bl-ebda mod ma jfisser li hija kienet tirrisjedi fi Brussell, peress illi din is-somma kienet preċiżament intiża sabiex tikkumpensa lir-rikorrenti għal soġġorn temporanju u mhux definittiv fi Brussell u kienet iġġustifikata minn nuqqas ta' rabtiet li jdumu fiż-żmien fil-Belġju.

47     Il-Kummissjoni tikkunsidra li l-ilment għandu jiġi miċħud bħala mhux fondat, peress illi r-rikorrenti, b'mod abitwali, għexet u eżerċitat l-attività professjonali tagħha fi Brussell, minn wara l-1993 u matul il-perijodu kollu ta' riferiment previst fl-Artikolu 4 ta' l-Anness VII tar-Regolamenti, mingħajr ma l-elementi invokati minnha mhuma ta' natura tali li juru l-kuntrarju.

48     Skond il-Kummissjoni, l-elementi invokati mir-rikorrenti huma sempliċiment rabtiet abitwali li kull persuna żżomm mal-pajjiż ta' oriġini tagħha, li ma jippermettux li jiġi stabbilit li ċ-ċentru permanenti ta' l-interessi tagħha jinstab fi Spanja. Barra minn hekk, il-ħlas ta' taxxa fuq id-dħul fi Spanja jirriżulta sempliċiment mill-applikazzjoni ta' l-Artikolu 19 tal-konvenzjoni dwar it-tassazzjoni doppja u l-aċċess għall-kura tas-saħħa fil-Belġju fuq il-bażi tal-formoli E 111 u E 106 jippruvaw preċiżament li r-rikorrenti kienet tirrisjedi fil-Belġju. Barra minn hekk, ir-rikorrenti stess kienet affermat fir-rikors tagħha li l-kuntratt tax-xogħol tagħha kien jipprovdi għall-għotja ta' benefiċċju ta' espatrijazzjoni marbut ma' l-istat tagħha ta' persunal sekondat fi Brussell. Kieku dan kien jikkonċerna sempliċiment soġġorni provviżorji u mhux residenza effettiva, tali kumpens ma kienx ikollu sens.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

49     L-Artikolu 4(1)(a) ta' l-Anness VII tar-Regolamenti jiddisponi li l-benefiċċju ta' l-espatrijazzjoni huwa mogħti lill-uffiċjal li m'għandux u li qatt ma kellu in-nazzjonalità ta' l-Istat li fit-territorju tiegħu jinstab il-post ta' l-impjieg tiegħu u li matul l-aħħar ħames snin, li jintemmu sitt xhur qabel id-dħul fis-seħħ tas-servizz tiegħu, ma għex b'mod abitwali jew ma eżerċitax l-attività professjonali prinċipali tiegħu fit-territorju ta' l-imsemmi Stat.

50     Sabiex jiġu determinati sitwazzjonijiet bħal dawn , il-ġurisprudenza affermat li l-Artikolu 4 ta' l-Anness VII tar-Regolamenti għandu jiġi interpretat bħala li jeħtieġ bħala kriterju essenzjali, f'dak li jikkonċerna l-għotja tal-benefiċċju ta' l-espatrijazzjoni, ir-residenza abitwali ta' l-uffiċjal, qabel id-dħul fis-servizz tiegħu. Barra minn hekk, il-kunċett ta' espatrijazzjoni jiddependi wkoll fuq is-sitwazzjoni personali ta' l-uffiċjal, jiġifieri kemm huwa integra fil-post ġdid tiegħu, li jista' jiġi stabbilit, per eżempju, permezz tar-residenza abitwali tiegħu jew permezz ta' l-eżerċizzju preċedenti ta' attività professjonali prinċipali (sentenza De Angelis vs il-Kummissjoni, ċitata iktar 'il fuq, punt 13; sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tat-8 ta' April 1992, Costacurta Gelabert vs il-Kummissjoni, T‑18/91, Ġabra p. II‑1655, punt 42; ara wkoll, f'dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-9 ta' Ottubru 1984, Witte vs il-Parlament, 188/83, Ġabra p. 3465, punt 8).

51     Ir-residenza abitwali hija l-post fejn il-persuna kkonċernata stabbiliet, bl-intenzjoni li dan ikun ta' natura stabbli, iċ-ċentru permanenti jew abitwali ta' l-interessi tagħha. Sabiex tiġi determinata r-residenza abitwali, għandhom jiġu kkunsidrati l-elementi kollha ta' fatt li jikkostitwixxu din ir-residenza u, b'mod partikolari, ir-residenza nfisha tal-persuna kkonċernata (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta' Settembru 1994, Magdalena Fernández vs il-Kummissjoni, C‑452/93 P, Ġabra p. I‑4295, punt 22 ; sentenzi tal-Qorti tal-Prim'Istanza ta' l-10 ta' Lulju 1992, Benzler vs il-Kummissjoni, T‑63/91, Ġabra p. II‑2095, punt 17, u tat-28 ta' Settembru 1993, Magdalena Fernández vs il-Kummissjoni, T‑90/92, Ġabra p. II‑971, punt 27).

52     Hemm lok li jiġi mfakkar li l-perijodu ta' riferiment li għandu jiġi kkunsidrat għall-applikazzjoni ta' l-Artikolu 4(1)(a) ta' l-Anness VII huwa bejn is-16 ta' Marzu 1996 u l-15 ta' Mejju 2001, peress li r-rikorrenti kienet daħlet fis-servizz sitt xhur wara din l-aħħar data, jiġifieri fis-16 ta' Novembru 2001.

53     Issa, mid-dokumenti ta' l-inkartament jirriżulta b'mod ċar li, mill-15 ta' Jannar 1993 sa Novembru 2001, ir-rikorrenti kienet tirrisjedi, u kienet teżerċita l-attività professjonali prinċipali tagħha b'mod abitwali fi Brussell.

54     Għaldaqstant, ir-rikorrenti affermat fl-ilment tagħha kif ukoll fin-nota tagħha tat-18 ta' Jannar 2002, li sal-15 ta' Novembru 2001, hija kienet ħadmet, għal perijodu ta' tmien snin, mad-Delegazzjoni tal-Gvern ta' Katalunja fi ħdan l-istituzzjonijiet komunitarji fi Brussell.

55     Il-kuntratt tax-xogħol konkluż bejn ir-rikorrenti u l-Patronat datat il-15 ta' Jannar 1993, u li rregola l-provvista ta' servizzi tar-rikorrenti lill-Patronat sad-dħul tagħha fis-servizz mal-Kummissjoni, jiġifieri kważi disa' snin, kien jindika, fit-tieni premessa tiegħu, li r-rikorrenti kienet impjegata bħala membru tal-persunal amministrattiv li jipprovdi s-servizzi tiegħu "lill-uffiċċju ta' l-entità fi Brussell" .

56     Is-seba' klawsola tal-kuntratt kienet tipprovdi li r-rikorrenti kellha tirċievi benefiċċju supplimentari, marbut mal-fatt li l-provvista ta' servizzi "[saret] fil-Belġju", u kellha żewġ biljetti ta' l-ajru minħabba li hija kienet tipprovdi s-servizzi tagħha barra mill-pajjiż, jiġifieri għall-vjaġġ Brussell-Barċellona-Brussell. Fir-rikors tagħha, ir-rikorrenti stess ammettiet li hija kienet tirċievi l-benefiċċju supplimentari "minħabba l-espatrijazzjoni, bħala persunal sekondat mar-rappreżentanza ta' Brussell". Issa, dawn il-benefiċċji huma mogħtija sabiex jikkumpensaw għad-diffikultajiet li neċessarjament jinvolvi l-fatt li wieħed jgħix u jaħdem f'pajjiż ieħor għajr milli fil-pajjiż tiegħu, kif ukoll għall-għoli tal-ħajja iktar elevat.

57     It-tmien klawsola tal-kuntratt kienet tindika li r-rati tas-salarjir r previsti fil-kuntratt kienu jiġu riveduti, b'mod partikolari, skond "iż-żieda fl-IPK ([i]ndiċi tal-[p]rezzijiet għall-[k]onsumatur) approvata uffiċjalment […] fil-Belġju". Fl-aħħar nett, l-għaxar klawsola tal-kuntratt kienet tagħti ħamest ijiem addizzjonali minħabba l-provvista ta' servizzi tar-rikorrenti fil-Belġju.

58     Mill-elementi preċedenti jirriżulta li, konformement ma' l-obbligi stabbiliti fil-kuntratt tagħha mal-Patronat, ir-rikorrenti kienet impjegata, mill-bidu tar-relazzjoni professjonali tagħha ma' din l-entità, sabiex tkun sekondata fi Brussell. Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li, matul il-perijodu ta' riferiment, ir-rikorrenti għexet u eżerċitat l-attività professjonali prinċipali tagħha, skond l-Artikolu 4(1)(a) ta' l-Anness VII tar-Regolamenti, fi Brussell, fejn hija kienet ittrasferiet iċ-ċentru ta' interessi tagħha.

59     Barra minn hekk, l-elementi invokati mir-rikorrenti sabiex turi li ċ-ċentru ta' interessi tagħha kien fi Spanja matul il-perijodu tar-referenzi mhumiex tali li jqiegħdu f'dubju l-konklużjoni stipulata fil-punt preċedenti.

60     Fil-fatt, anki jekk jiġi aċċettat li uħud mill-elementi mressqa mir-rikorrenti juru ż-żamma ta' numru ta' rabtiet ma' Spanja, il-fatt li wieħed ikollu ċertifikat ta' residenza jew ta' domiċilju fil-muniċipju ta' Barċellona, li jkun irreġistrat fir-reġistri elettorali ta' din il-belt, li jeżerċita hemmhekk drittijiet politiċi u li jkun domiċiljat hemmhekk għal finijiet ta' taxxa ma jippermettix li jiġi stabbilit li ċ-ċentru permanenti ta' l-interessi tiegħu jkun għadu fi Spanja (ara, f'dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Prim'Istanza tat-28 ta' Settembru 1993, Magdalena Fernández vs il-Kummissjoni, ċitata iktar 'il fuq, punt 30, u tas-27 ta' Settembru 2000, Lemaître vs il-Kummissjoni, T‑317/99, ĠabraSP p. I‑A‑191u II‑867, punt 57).

61     Bl-istess mod, il-fatt li wieħed ikollu interessi u beni patrimonjali fi Spanja, bħal mhuma ż-żamma ta' kont bankarju u ta' kuntratt ta' assigurazzjoni fuq il-ħajja jew il-proprjetà ta' beni immobbli f'Barċellona waħdu mhuwiex minnu nnifsu ta' natura li juri, li ċ-ċentru permanenti ta' l-interessi tar-rikorrenti jinstab f'dan il-pajjiż (ara, f'dan ir-rigward, is-sentenzi tal-Qorti tal-Prim'Istanza, Magdalena Fernández vs il-Kummissjoni, ċitata iktar 'il fuq, punt 30, u Liaskou vs il-Kunsill, ċitata iktar 'il fuq, punt 63). Barra minn hekk, f'dak li jikkonċerna l-akkwist ta' appartament f'Barcellona, hemm lok li jiġi nnotat li r-rikorrenti ma tikkontestax il-fatt li dan l-akkwist seħħ fl-1989, jiġifieri ħafna qabel ma hija ġiet sekondata fi Brussell f'Jannar 1993 u ħafna qabel il-bidu tal-perijodu ta' riferiment, f'Mejju 1996.

62     Fl-aħħar nett, l-aċess għall-kura tas-saħħa fil-Belġju permezz tal-formoli E 111 u E 106 kif ukoll il-ħlas ta' remunerazzjonijiet u ta' taxxi fi Spanja b'applikazzjoni ta' l-Artikolu 19 tal-konvenzjoni dwar it-tassazzjoni doppja, minflok juru, kif issostni r-rikorrenti, li matul il-perijodu ta' riferiment, iċ-ċentru ta' interessi tagħha kien fi Spanja, juru preċiżamenti li hija kienet telqet għall-perijodu twil barra mit-territorju Spanjol u, għaldaqstant, li hija għexet u ħadmet, b'mod abitwali, f'pajjiż ieħor, f'dan il-każ, fil-Belġju.  

63     Minn dak li jippreċedi jirriżulta li l-Kummissjoni ma wettqet ebda żball fl-evalwazzjoni tal-fatti f'dak li jikkonċerna s-sitwazzjoni personali tar-rikorrenti, u ġustament ikkonkludiet li hija ma kellhiex dritt għall-benefiċċju ta' l-espatrijazzjoni.

64     It-tieni raġuni għandha għaldaqstant tiġi miċħuda

3.     Fuq it-tielet raġuni, ibbażata fuq il-ksur ta' l-obbligu ta' motivazzjoni

 L-argumenti tal-partijiet

65     Ir-rikorrenti ssostni li l-motivazzjoni tad-deċiżjoni ta' l-10 ta' Ġunju 2002 hija manifestament insuffiċjenti. Il-Kummissjoni ma talbitx informazzjoni supplimentari u staħbiet wara klawsola ta' stil li ma tippermettix li wieħed jifhem ir-raġunijiet li għalihom il-fatti partikolari invokati ma jiġġustifikawx l-għotja tal-benefiċċju ta' l-espatrijazzjoni.

66     Il-Kummissjoni ssostni li r-raġuni għandha tiġi miċħuda bħala mhux fondata, peress illi d-deċiżjoni ta' l-10 ta' Ġunju 2002 tesponi b'mod ċar ir-raġunijiet li għalihom il-benefiċċju ta' l-espatrijazzjoni, u l-benefiċċji marbuta miegħu, ġew miċħuda lir-rikorrenti.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

67     Għandu jiġi mfakkar li l-obbligu ta' motivazzjoni għandu bħala għan, min-naħa, li jipprovdi lill-persuna kkonċernata indikazzjoni suffiċjenti sabiex tevalwa l-fondatezza tad-deċiżjoni meħuda mill-amministrazzjoni u l-opportunità li din tressaq rikors quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza u, min-naħa l-oħra li tippermetti lil din ta' l-aħħar teżerċita l-istħarriġ tagħha. L-estenzjoni ta' tali obbligu għandu jiġi evalwat skond kundizzjonijiet konkreti, b'mod partikolari, tal-kontenut ta' l-att, tan-natura tal-motivi invokati u ta' l-interess li d-destinatarju jista' jkollu li jingħata spjegazzjonijiet (sentenzi tal-Qorti tal-Prim'Istanza tas-26 ta' Jannar 1995, Pierrat vs il-Qorti tal-Ġustizzja, T‑60/94, ĠabraSP p. I‑A‑23 u II‑77, punti 31 u 32; tad-9 ta' Marzu 2000, Vicente Nuñez vs il-Kummissjoni, T‑10/99, ĠabraSP p. I‑A‑47 u II‑203, punt 41, u tal-31 ta' Jannar 2002, Hult vs il-Kummissjoni, T‑206/00, ĠabraSP p. I‑A‑19 u II‑81, punt 27).

68     F'din il-kawża, hemm lok li jiġi rrilevat li d-deċiżjoni ta' l-10 ta' Ġunju 2002 li tiċħad l-ilment tar-rikorrenti turi mingħajr dubju ta' xejn li din ta' l-aħħar m'għandhiex dritt għall-ħlas tal-benefiċċju ta' l-espatrijazzjoni, peress illi l-attività professjonali tagħha fi ħdan l-Uffiċċju tal-Patronat fi Brussell bejn il-15 ta' Jannar 1993 u l-15 ta' Novembru 2001 ma tistax taqa' taħt l-eċċezzjoni dwar is-"servizzi mwettqa għal Stat ieħor", stabbilita fl-Artikolu 4(1)(a) ta' l-Anness VII tar-Regolamenti, filwaqt li tindika r-raġunijiet għal tali evalwazzjoni. Barra minn hekk, id-deċiżjoni ta' l-10 ta' Ġunju 2002 tindika b'mod espliċitu li, fid-dawl tan-nuqqas ta' possibbiltà li jiġi "newtralizat" il-perijodu ta' riferiment li għandu jitqies (mis-16 ta' Mejju 1996 sal-15 ta' Mejju 2001), id-dipartiment kompetenti ġustament irrifjuta lir-rikorrenti l-ħlas tal-benefiċċju ta' l-espatrijazzjoni, peress illi din għexet u eżerċitat l-attivitajiet professjonali tagħha, matul dan il-perijodu ta' riferiment, fi Brussell. Għaldaqstant, l-ispjegazzjonijiet mogħtija mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni ta' l-10 ta' Ġunju 2002 jissodisfaw ampjament ir-rekwiżiti ta' l-obbligu ta' motivazzjoni.

69     Barra minn hekk, ir-rikorrenti tirrikonoxxi, fl-ilment tagħha u fir-rikors tagħha (punt 17), li hija kienet ġiet infurmata, matul l-intervista tagħha mad-DĠ "Persunal u Amministrazzjoni" intiża sabiex jiġu stabbiliti d-drittijiet tagħha ta' dħul fis-servizz, bil-fatt li l-Uffiċċju tal-Patronat fi Brussell, bħala delegazzjoni tal-Gvern ta' Katalunja fl-istituzzjonijiet komunitarji ma setax jiġi kkunsidrat bħala dipartiment ta' Stat skond l-Artikolu 4 ta' l-Anness VII tar-Regolamenti. 

70     Minn dan jirriżulta li r-rikorrenti kienet mgħarrfa sewwa bir-raġunijiet li għalihom l-AĦ irrifjutatilha l-ħlas tal-benefiċċju ta' l-espatrijazzjoni.

71     Minn dan jirriżulta li r-raġuni bbażata fuq ksur ta' l-obbligu ta' motivazzjoni għandha tiġi miċħuda bħala mhux fondata.

4.     Fuq ir-raba' raġuni, ibbażata fuq il-ksur tal-prinċipju ta' trattament indaqs

 L-argumenti tal-partijiet

72     Ir-rikorrenti ssostni li hija qed tiġi ddiskriminata meta mqabbla ma' uffiċjali oħra li ħadmu, matul il-perijodu ta' riferiment, ma' delegazzjoni ta' rappreżentanza tar-reġjuni ta' Stati Membri oħra fi Brussell, bħal dawk tal-Länder jew tal-"federazzjonijiet tal-muniċipji tar-Renju Unit", u li fir-rigward tagħhom ġie rikonoxxut il-benefiċċju ta' l-eċċezzjoni ta' "servizzi mwettqa għal Stat ieħor" prevista fl-Artikolu 4(1) ta' l-Anness VII tar-Regolamenti.

73     Ir-rikorrenti tfakkar li l-prinċipju ta' trattament indaqs huwa prinċpju ġenerali tad-dritt komunitarju applikabbli fil-qasam tas-servizz pubbliku. Dan il-prinċipju ma jkunx osservat meta żewġ kategoriji ta' persuni li jinstabu f'sitwazzjonijiet ta' fatt jew ta' dritt li mhumiex sostanzjalment differenti jkunu s-suġġett ta' trattament differenti jew meta sitwazzjonijiet distinti jkunu trattati bl-istess mod (sentenzi tal-Qorti tal-Prim'Istanza tat-2 ta' April 1998, Apostolidis vs il-Qorti tal-Ġustizzja, T‑86/97, ĠabraSP p. I‑A‑167 u II‑521, punt 61, u ta' l-1 ta' Ġunju 1999, Rodríguez Pérez et vs il-Kummissjoni, T‑114/98 u T‑115/98, ĠabraSP p. I‑A‑97 u II‑529, punt 75). Ir-rikorrenti tikkwota l-każ ta' W, li ħadem għal aktar minn ħames snin mad-Delegazzjoni ta' Land Ġermaniż fi Brussell, permezz ta' kuntratt ta' ħaddiem pubbliku konkluż fil-Ġermanja li kien jipprevedi s-sekondar fi Brussell, u lil min il-Kummissjoni kkonċediet il-benefiċċju ta' l-espatrijazzjoni.

74     Il-Kummissjoni hi ta' l-opinjoni li r-raġuni għandha tiġi miċħuda bħala mhux fondata, peress illi hija ma wettqet ebda diskriminazzjoni. F'dak li jikkonċerna l-każ partikolari ta' W, il-fatti li r-rikorrenti esponiet mhumiex eżatti, peress illi, anki jekk kien veru li l-uffiċjal in kwistjoni kien kiseb il-ħlas tal-benefiċċju ta' l-espatrijazzjoni, din l-għotja kienet ibbażata fuq in-nuqqas ta' residenza u ta' eżerċizzju ta' l-attività professjonali tiegħu fi Brussell matul parti mill-perijodu ta' riferiment li kien japplika fil-każ tiegħu u mhux fuq il-bażi tan-newtralizzazzjoni tal-perijodu ta' xogħol mal-Land Ġermaniz. Il-Kummissjoni tibqa' għad-dispożizzjoni tal-Qorti tal-Prim'Istanza sabiex tgħaddi, jekk dan jiġi meqjus bħala neċessarju, id-dokumenti rilevanti li jiġġustifikaw din l-affermazzjoni.

75     Il-Kummissjoni ssostni li, f'kull każ, ħadd ma jista' jinvoka favur tiegħu illegalità li tkun saret favur ħaddieħor (sentenza Witte vs il-Parlament, ċitata iktar 'il fuq, punt 15, u sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tat-22 ta' Frar 2000, Rose vs il-Kummissjoni, T-22/99, ĠabraSP p. I‑A‑27 u II‑115, punt 39).

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

76     Hija ġurisprudenza kostanti li l-prinċipju ta' trattament indaqs huwa prinċipju fundamentali tad-dritt komunitarju. Dan il-prinċipju jeħtieġ li s-sitwazzjonijiet komparabbli ma jiġux trattati b'mod differenti, sakemm trattament differenti mhuwiex oġġettivament ġustifikat (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-19 ta' Ottubru 1977, Ruckdeschel et, 117/76 u 16/77, Ġabra. p. 1753, punt 7; tat-8 ta' Ottubru 1980, Überschär, 810/79, Ġabra p. 2747, punt 16, u tas-16 ta' Ottubru 1980, Hochstrass vs il-Qorti tal-Ġustizzja, 147/79, Ġabra p. 3005, punt 7; sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tas-26 ta' Settembru 1990, Beltrante et vs il-Kunsill, T‑48/89, Ġabra p. II‑493, punt 34). Għaldaqstant, hemm ksur tal-prinċipju ta' trattament indaqs meta żewġ kategoriji ta' persuni, li s-sitwazzjoni fattwali u ġuridika tagħhom ma jkollhiex xi differenzi essenzjali, jingħataw trattament differenti jew meta sitwazzjonijiet differenti jiġu trattati bl-istess mod (sentenzi tal-Qorti tal-Prim'Istanza tal-15 ta' Marzu 1994, La Pietra vs il-Kummissjoni, T‑100/92, ĠabraSP p. I‑A‑83 u II‑275, punt 50, u tas-16 ta' April 1997, Kuchlenz-Winter vs il-Kummissjoni, T‑66/95, Ġabra p. II‑637, punt 55).

77     Hemm lok li jiġi mfakkar li, kif ġustament issostni l-Kummissjoni, il-prinċipju ta' trattament indaqs ma jistax jiġi invokat fil-kuntest tar-rispett tal-legalità (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-13 ta' Lulju 1972, Besnard et vs il-Kummissjoni, 55/71 sa 76/71, 86/71, 87/71 u 95/71, Ġabra p. 543, punt 39, u sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tat-28 ta' Settembru 1993, Magdalena Fernández vs il-Kummissjoni, ċitata iktar 'il fuq, punt 38) u li ħadd ma jista' jinvoka favur tiegħu illegalità li tkun saret favur ħaddieħor (sentenza Witte vs il-Parlament, ċitata iktar 'il fuq, punt 15, u sentenza Rose vs il-Kummissjoni, ċitata iktar 'il fuq, punt 39).

78     F'din il-kawża, fil-kuntest ta' l-eżami tar-raġuni bbażata fuq il-ksur ta' l-Artikolu 4(1)(a) ta' l-Anness VII tar-Regolamenti, kien ġie deċiż li hemm lok li l-espressjoni "servizzi mwettqa għal Stat ieħor" imsemmija f'din id-dispożizzjoni tiġi interpretat bħala li ma tirreferix għas-servizzi pprovduti lill-gvernijiet tas-subdiviżjonijiet politiċi ta' l-Istati.

79     Għaldaqstant, anki f'każ li l-Kummissjoni effettivament ikkonċediet lill-uffiċjal in kwistjoni l-benefiċċju ta' l-espatrijazzjoni minħabba l-fatt li l-perijodu ta' xogħol mad-delegazzjoni tar-rappreżentanza ta' Land fi Brussell kien kopert mill-eċċezzjoni ta' "servizzi mwettqa għal Stat ieħor", irregolarità bħal din ma tistax tkun invokata b'mod validu mir-rikorrenti sabiex issostni allegazzjoni ta' ksur tal-prinċipju ta' trattament indaqs.

80     F'kull każ, hemm lok li jiġi osservat li, b'risposta għall-mistoqsija bil-miktub tal-Qorti tal-Prim'Istanza fuq il-politika li hija applikat f'dan il-qasam matul l-aħħar għaxar snin, il-Kummissjoni fermament sostniet illi hija qatt ma segwit prattika amministrattiva li tikkonsisti fin-newtralizzazzjoni tal-perijodi ta' xogħol mwettqa għad-delegazzjonijiet tar-rappreżentanza ta' l-istati federali li jinstabu fi Brussell u li tikkonċedi, fuq din il-bażi, il-ħlas tal-benefiċċju ta' l-espatrijazzjoni lill-uffiċjali li qabel ikunu ħadmu f'dawn id-delagazzjonijiet matul il-perijodu ta' riferiment rispettiv tagħhom. Barra minn hekk, fir-risposta tagħha lill-Qorti tal-Prim'Istanza, il-Kummissjoni reġgħet insistiet li l-każ ta' W, invokat mir-rikorrenti sabiex tiġġustifika allegat ksur tal-prinċipju ta' trattament indaqs huwa żbaljat, peress illi l-benefiċċju ta' l-espatrijazzjoni kien ingħatalu minħabba li huwa ma kienx irrisjeda fi Brussell matul il-perijodu kollu ta' riferiment li kien japplika fir-rigward tiegħu. Issa, waqt l-udjenza, ir-rikorrenti la kkontestat u lanqas ma rreaġiexxit għall-ispjegazzjonijiet mogħtija mill-Kummissjoni fir-rigward ta' l-ineżattezza tal-fatti invokati li jikkonċernaw is-sitwazzjoni ta' W.

81     F'dawn iċ-ċirkustanzi, u mingħajr mhuwa neċessarju li l-Kummissjoni tintalab tipproduċi l-fajl personali ta' l-uffiċjal in kwistjoni, hemm lok li jiġi kkonstatat li ma ġie stabbilit ebda ksur tal-prinċpju ta' trattament indaqs.

82     Għaldaqstant, ir-raġuni bbażata fuq il-ksur tal-prinċipju ta' trattament inqas ma tistax tiġi milqugħa. 

B –  Fuq il-benefiċċji marbuta mal-benefiċċju ta' l-espatrijazzjoni

83     Ir-rikorrenti titlob li tiġi applikata l-ġurisprudenza, li bis-saħħa tagħha, il-benefiċċju ta' l-għajxien għal kull ġurnata kalendarja u l-benefiċċju għall-istabbiliment huma awtomatikament dovuti lilha f'kaz li jiġi rikonoxxut id-dritt tagħha għall-benefiċċju ta' l-espatrijazzjoni (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-28 ta' Mejju 1998, il-Kummissjoni vs Lozano Palacios, C‑62/97 P, Ġabra p. I-3273).

84     Peress li l-Qorti tal-Prim'Istanza kkonstatat illi r-rikorrenti m'għandhiex id-dritt li tirċievi l-benefiċċju ta' l-espatrijazzjoni, hemm lok li din it-talba tiġi miċħuda. 

85     Mill-kunsiderazzjonijiet kollha li jippreċedu jirriżulta li r-rikors, fit-totalità tiegħu, għandu jiġi miċħud bħala mhux fondat.

 Fuq l-ispejjeż

86     Skond l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura kull parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Madankollu, skond l-Artikolu 88 ta' l-istess Regoli, fil-kawżi bejn il-Komunitajiet u l-impjegati tagħhom, l-istituzzjonijiet għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom. Peress illi r-rikorrenti tilfet, hemm lok li jiġi deċiż li kull parti tbati l-ispejjeż tagħha.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI TAL-PRIM'ISTANZA (l-Ewwel Awla)

taqta' u tiddeciedi li :

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Kull parti għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

Cooke

García-Valdecasas

Trstenjak

Mogħtija fil-Qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu fil-25 ta' Ottubru 2005

E. Coulon

 

      R. García-Valdecasas

Reġistratur

 

      President


* Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol.