Language of document :

Rikors ippreżentat fil-11 ta' Ġunju 20112 - Siegenia-Aubi u Noraa vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-257/12)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Rikorrenti: Siegenia-Aubi KG (Wilnsdorf, il-Ġermanja) u Noraa GmbH (Wilnsdorf, il-Ġermanja) (rappreżentanti: T. Caspary u J. van Kann, avukati)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea C(2012) 2069 finali, tat-28 ta' Marzu 2012 (Każ COMP/39452 - Mekkaniżmi ta' ftuħ għal twieqi u għal bibien tal-ħġieġ), sa fejn tikkonċerna lir-rikorrenti;

sussidjarjament, tnaqqas b'mod xieraq l-ammont tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti fid-deċiżjoni kkontestata, skont l-Artikolu 261 TFUE;

tikkundanna lill-konvenuta għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti jinvokaw tmien motivi.

L-ewwel nett, fil-konstatazzjonijiet tagħha l-konvenuta kisret il-prinċipji ta' oneru tal-prova (Artikolu 2 tar-Regolament Nru 1/2003), livell ta' prova u l-obbligu li timmotiva d-deċiżjoni tagħha. B'mod partikolari, il-konvenuta ma rnexxilhiex turi suffiċjentement l-eżistenza tal-allegati "effetti sinjal" fuq it-teknoloġiji u l-materjal kollu tal-mekkaniżmi ta' ftuħ fiż-Żona Ekonomika Ewropea (iktar 'il quddiem, iż-"ŻEE") kollha tal-prezzijiet Ġermaniżi għal sistemi tidwir u mejla (tilt-and-turn), u b'hekk naqqset b'mod illeċitu l-oneru tal-prova tal-konvenuta.

It-tieni nett, il-konvenuta żbaljat fil-liġi meta assumiet li l-allegata kollużjoni kienet taffettwa ż-ŻEE kollha, jew naqset li ġġib provi suffiċjenti f'dak ir-rigward.

It-tielet nett, il-konvenuta żbaljat fil-liġi meta assumiet li l-allegat ksur kien jirrigwarda t-teknoloġiji u l-materjal kollu tal-mekkaniżmi ta' ftuħ, u naqset milli tipprovdi provi suffiċjenti f'dak ir-rigward.

Ir-raba' nett, il-konvenuta żbaljat fil-liġi meta assumiet li seħħet kollużjoni fuq prezzijiet fl-2002, u naqset milli tipprovdi provi suffiċjenti f'dak ir-rigward. Minħabba dan, il-Linji Gwida fuq il-multi ġew applikati b'mod żbaljat fil-liġi, sa fejn hija assumiet b'mod żbaljat li l-ksur dam mill-1999 sal-2007. Barra minn hekk, il-konvenuta kisret l-Artikolu 25 tar-Regolament Nru 1/2003, għaliex fatti li seħħew qabel l-2002 huma preskritti.

Il-ħames nett, il-konvenuta żbaljat fil-liġi meta attribwiet lill-konvenuti l-aġir ta' kumpannija li fiha huma kellhom biss sehem minoritarju, u b'hekk kisret ir-regoli fuq l-attribuzzjoni tal-azzjonijiet ta' sussidjarji lill-kumpannija parent, kif ukoll l-obbligu ta' motivazzjoni.

Is-sitt nett, meta aġġustat il-multa, il-konvenuta kisret il-prinċipji ta' ugwaljanza fit-trattament, ta' proporzjonalità, ta' amministrazzjoni tajba, u l-obbligu ta' motivazzjoni. Barra minn hekk, il-konvenuta aġixxiet kontra l-kliem, il-loġika u l-iskop tal-Linji Gwida fuq il-multi.

Is-seba' nett, meta stabbiliet is-serjetà tal-ksur, il-konvenuta kisret il-prinċipji ta' proporzjonalità u ta' amministrazzjoni tajba, kif ukoll il-punti 20, 23, u 25 tal-Linji Gwida fuq il-multi, u l-obbligu ta' motivazzjoni.

It-tmien nett, meta stabbiliet ċirkustanzi attenwanti, il-konvenuta kisret il-prinċipji ta' ugwaljanza fit-trattament, il-punt 29 tal-Linji Gwida fuq il-multi u l-obbligu ta' motivazzjoni. B'mod partikolari, il-konvenuta naqset li tieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li l-aġir tar-rikorrenti ma kienx intenzjonali u li huma kkooperaw attivament.

____________