Language of document : ECLI:EU:T:2015:486

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla)

14 ta’ Lulju 2015 (*)

“Trade mark komunitarja — Applikazzjoni għat-trade mark Komunitarja verbali Lembergerland — Raġuni assoluta għal rifjut — Trade mark għal inbid li tinkludi indikazzjonijiet ġeografiċi — Artikolu 7(1)(j) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009”

Fil-Kawża T‑55/14,

Genossenschaftskellerei Rosswag-Mühlhausen eG, stabbilita f’Vaihingen-sur-l’Enz (il-Ġermanja), irrappreżentata minn H. Steffan, avukat,

rikorrenti,

vs

L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI), irrappreżentat minn A. Poch, bħala aġent,

konvenut,

li għandha bħala suġġett appell ippreżentat kontra d-deċiżjoni tal-Ewwel Bord tal-Appell tal-UASI tal-14 ta’ Novembru 2013 (Każ R 566/2013‑1), dwar talba għar-reġistrazzjoni tas-sinjal verbali Lembergerland bħala trade mark Komunitarja,

IL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla),

komposta minn H. Kanninen, President, I. Elikánová u E. Buttigieg (Relatur), Imħallfin,

Reġistratur: E. Coulon,

wara li rat ir-rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-21 ta’ Jannar 2014,

wara li rat ir-risposta ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-10 ta’ April 2014,

wara li rat li l-partijiet ma ressqu l-ebda talba għall-iffissar ta’ seduta fi żmien xahar min-notifika tal-għeluq tal-proċedura bil-miktub, u li għaldaqstant iddeċidiet, fuq ir-rapport tal-Imħallef Relatur u skont l-Artikolu 135a tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Qorti Ġenerali tat-2 ta’ Mejju 1991, li tiddeċiedi l-kawża mingħajr il-fażi orali tal-proċedura,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Fit-22 ta’ Awwissu 2012, ir-rikorrenti, Genossenschaftskellerei Rosswag-Mühlhausen eG, ippreżentat applikazzjoni għal reġistrazzjoni ta’ trade mark Komunitarja mal-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI) skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009, tas-26 ta’ Frar 2009, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU L 78, p. 1).

2        It-trade mark li tagħha ġiet mitluba r-reġistrazzjoni hija s-sinjal verbali Lembergerland.

3        Il-prodotti li għalihom saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni jaqgħu taħt il-klassi 33 tal-Ftehim ta’ Nice dwar il-Klassifikazzjoni Internazzjonali ta’ Prodotti u Servizzi għall-finijiet tar-Reġistrazzjoni ta’ trade marks, tal-15 ta’ Ġunju 1957, kif rivedut u emendat, u jikkorrispondu għad-deskrizzjoni segwenti: “Xarbiet alkoħoliċi (minbarra birer)”.

4        Permezz ta’ deċiżjoni tat-30 ta’ Jannar 2013, l-eżaminatur ċaħad l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni għall-prodotti indikati fil-punt 3 iktar ’il fuq, fuq il-bażi li t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni kienet inammissibbli minħabba raġuni assoluta għal rifjut skont l-Artikolu 7(1)(j) tar-Regolament 207/2009.

5        Fil-25 ta’ Marzu 2013, ir-rikorrenti ppreżentat appell quddiem l-UASI, skont l-Artikoli 58 sa 64 tar-Regolament 207/2009, kontra d-deċiżjoni tal-eżaminatur.

6        Permezz ta’ deċiżjoni tal-14 ta’ Novembru 2013, l-Ewwel Bord tal-Appell tal-UASI ċaħad l-appell (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”). Huwa rrileva li t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni fiha l-indikazzjoni ġeografika Lemberg, protetta fl-Unjoni Ewropea għall-inbejjed li joriġinaw mill-Afrika t’Isfel taħt l-Artikolu 8(b)(ii) tal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika tal-Afrika t’Isfel dwar il-kummerċ tal-inbid (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11 Vol. 40, p. 203) (iktar ’il quddiem “Ftehim bejn il-Komunità u r-Repubblika tal-Afrika t’Isfel”) moqri flimkien mal-Anness II tal-istess ftehim, mingħajr ma l-inbid kopert mit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, madankollu, kien joriġina minn dak il-post. Huwa sab li t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni ma kienx sempliċement terminu fittizju ġdid meta mqabbel mal-indikazzjoni ġeografika Lemberg u li, biex jiġġustifika r-rifjut ta’ reġistrazzjoni fuq il-bażi msemmija fl-Artikolu 7(1)(j) tar-Regolament 207/2009, kien ikun biżżejjed li hija kienet tinkludi jew kienet komposta minn elementi li jippermettu li tkun identifikata b’ċertezza din l-indikazzjoni ġeografika. Huwa qies ukoll li l-fatt li t-terminu “Lemberg” jirreferi għal “proprjetà” (vinja) u mhux għal reġjun jew għal territorju ma kien bl-ebda mod joħloq xi dubju dwar il-fatt li hija kienet tirrigwarda indikazzjoni ġeografika protetta konformement mal-Ftehim bejn il-Komunità u r-Repubblika tal-Afrika t’Isfel. Huwa rrileva li r-riferimenti magħmula mir-rikorrenti għall-indikazzjonijiet ġeografiċi protetti l-oħra taħt l-istess Ftehim kienu irrilevanti għall-evalwazzjoni f’dan il-każ tal-applikazzjoni għal reġistrazzjoni. Fl-aħħar nett, il-Bord tal-Appell ikkonstata li l-Artikolu 6b tal-Konvenzjoni ta’ Pariġi għall-Protezzjoni tal-Proprjetà Industrijali, tal-20 ta’ Marzu 1883, kif rivedut u emendat (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Pariġi”) ma kienx applikabbli f’dan il-każ, peress li jipprovdi biss il-projbizzjoni ta’ reġistrazzjoni ta’ trade marks li jikkonċernaw l-emblemi tal-Istat, l-imbolli uffiċjali ta’ kontroll u l-emblemi ta’ organizzazzjonijiet intergovernattivi.

 It-talbiet tal-partijiet

7        Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        tordna lill-UASI tirreġistra t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni;

–        tikkundanna lill-UASI għall-ispejjeż.

8        L-UASI jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Fuq id-dritt

9        Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka motiv wieħed, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 7(1)(j) tar-Regolament Nru 207/2009, u ssostni li huwa żbaljat li l-Bord tal-Appell irrifjuta r-reġistrazzjoni tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni taħt din id-dispożizzjoni. Minn naħa, hija essenzjalment targumenta li d-denominazzjoni Lemberg li tindika vinja waħda biss ma tistax tiġi kkunsidrata bħala li tikkostitwixxi indikazzjoni ġeografika, b’mod partikolari fis-sens tar-Regolament tal-Kunsill 479/2008, tad-29 ta’ April 2008, dwar l-organizzazzjoni komuni tas-suq tal-inbid, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 1493/1999, (KE) Nru 1782/2003, (KE) Nru 1290/2005, (KE) Nru 3/2008 u li jħassar ir-Regolamenti (KEE) Nru 2392/86 u (KE) Nru 1493/1999 (ĠU L 148, p.1). Min-naħa l-oħra hija ssostni li t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni tikkonsisti f’terminu fittizju, li ma jaqbilx mal-isem Lemberg u għalhekk ma huwiex ser iqarraq lill-pubbliku rilevanti dwar “l-eżistenza ta’ rabta bejn l-utent u l-organizzazzjoni” taħt il-Konvenzjoni ta’ Pariġi.

10      L-UASI jikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

11      Skont l-Artikolu 7(1)(j) tar-Regolament Nru 207/2009 ma għandhomx jiġu rreġistrati it-trade marks għal inbejjed li jkunu jinkludu jew jikkonsistu f’indifikazzjoni ġeografika li tidentifika nbejjed meta dawn l-inbejjed ma jkollhomx dik l-oriġini.

12      Il-protezzjoni ta’ indikazzjonijiet ġeografiċi f’dak li jirrigwarda l-inbejjed huwa msejjes, minn naħa, fir-Regolamenti tal-Unjoni, speċjalment dawk li jikkonċernaw l-organizzazzjoni komuni tas-suq tal-inbid u, min-naħa l-oħra, fil-konvenzjonijiet bilaterali konklużi bejn l-Unjoni u Stati terzi dwar il-kummerċ fl-inbid [ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-11 ta’ Mejju 2010, Abadía Retuerta vs UASI, (CUVÉE PALOMAR), T‑237/08, Ġabra EU:T:2010:185, punti 73 u 104 sa 108].

13      Skont l-Artikolu 8(b)(ii) tal-Ftehim bejn il-Komunità u r-Repubblika tal-Afrika t’Isfel huma protetti fl-Unjoni, fir-rigward tal-inbejjed li joriġinaw fl-Afrika t’Isfel, l-indikazzjonijiet ġeografiċi elenkati fl-Anness II. L-Anness II, “Lista ta’ indikazzjonijiet ġeografiċi”, tal-istess ftehim, punt B, “Indikazzjoni ġeografika għall-inbejjed li joriġinaw fl-Afrika t’Isfel”, punt B 2, “Ismijiet tar-reġjuni, żoni, distretti, stati”, punt B 2.3, “Ir-reġjun Coastal”, punt B 2.3.7, “Iż-żona Tulbagh”, punt B 2.3.7(b) “Stati”, isemmi b’mod espliċitu Lemberg.

14      Il-Bord tal-Appell ikkonkluda fil-punti 13 u 18 tad-deċiżjoni kkontestata li Lemberg kienet indikazzjoni ġeografika protetta taħt l-imsemmi ftehim. Meta qies li t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għal “xarbiet alkoħoliċi” (minbarra birer) fil-klassi 33, tinkludi din l-indikazzjoni ġeografika protetta għall-inbejjed mingħajr ma l-inbid li hija tindika kien madankollu joriġina mill-post ta’ provenjenza indikat mill-imsemmija indikazzjoni ġeografika, il-Bord tal-Appell ikkonferma d-deċiżjoni tal-eżaminatur li tirrifjuta skont l-Artikolu 7(1)(j) tar-Regolament 207/2009 r-reġistrazzjoni li għaliha saret l-applikazzjoni għall-prodotti li jaqgħu taħt il-klassi 33.

15      Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti tikkontesta din l-evalwazzjoni, billi targumenta li t-terminu “Lemberg” tindika vinja waħda u, għaldaqstant, ma tistax titqies bħala indikazzjoni ġeografika. Hija tirreferi f’dan ir-rigward b’mod partikolari għad-definizzjoni ta’ “indikazzjoni ġeografika” li hemm fl-Artikolu 34(1)(b) tar-Regolament Nru 479/2008.

16      F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar, bħal fil-każ tal-Bord tal-Appell, li Lemberg hija indikazzjoni ġeografika protetta fit-territorju tal-Unjoni għall-inbejjed li joriġinaw mill-Afrika t’Isfel taħt id-dispożizzjonijiet tal-Ftehim bejn il-Komunità u r-Repubblika tal-Afrika t’Isfel, invokata fil-punt 13 iktar ’il fuq. Kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, il-fatt li din id-denominazzjoni tirreferi għal “estate” (stabbiliment ta’ dwieli għall-inbid) u mhux għal reġjun, komun jew distrett ma jikkontestax il-fatt li huma protetti b’mod espliċitu bħala indikazzjoni ġeografika taħt dan il-ftehim.

17      Fil-fatt, kif jargumenta l-UASI, ma hemm xejn fl-istess ftehim li jippermetti li jiġi kkunsidrat li l-istabbilimenti ta’ dwieli għall-inbid elenkati fl-Anness II ma jgawdux mill-istess protezzjoni taħt l-Artikolu 8(b)(ii) tal-Ftehim, bħar-reġjuni, id-distretti (distretti), jew ir-reġjuni fejn jagħmlu l-inbid (żoni) li huma wkoll imsemmija fih.

18      Barra minn hekk, kif ġie osservat ġustament mill-UASI, fir-rigward tad-definizzjoni ta’ “indikazzjoni ġeografika” fl-Artikolu 3(b) tal-Ftehim bejn il-Komunità u r-Repubblika tal-Afrika t’Isfel tirreferi għall-Artikolu 22(1) tal-Ftehim dwar l-aspetti ta’ drittijiet ta’ proprjetà intellettwali għall-kummerċ fl-Anness 1C tal-Ftehim li jistabilixxi l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO), iffirmat f’Marrakesh fil-15 ta’ April 1994 u approvat permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill Nru 94/800/KE, tat-22 ta’ Diċembru 1994, dwar il-konklużjoni f’isem il-Komunità Ewropea, fejn għandhom x’jaqsmu affarijiet fil-kompetenza tagħha, tal-ftehimiet milħuqa fin-negozjati multilaterali fl-Urugwaj (1986-1994) (ĠU L 336, p. 1) (iktar ’il quddiem il-“Ftehim TRIPS”). Din l-aħħar dispożizzjoni tipprovdi li għandu jiġi mifhum permezz ta’ indikazzjonijiet ġeografiċi “indikazzjonijiet li jidentifikaw li prodott ġej minn territorju ta’ Membru, jew ta’ reġjun jew lokalità f’dak it-territorju, fejn kwalità, reputazzjoni jew karatteristika oħra partikolari tal-prodott tista’ tiġi attribwita essenzjalment għall-oriġini ġeografika tagħha”. Ma hemm l-ebda bażi biex jiġi konkluż li “lokalità” taħt din id-dispożizzjoni ma tistax tkun kkostitwita minn stabbiliment ta’ dwieli għall-inbid jew li jkun xieraq li tillimita tali “lokalità” għal territorju bbażat fuq id-daqs jew fuq il-forma ta’ diviżjoni amministrattiva formali tagħha.

19      Spjegazzjoni etimoloġika ta’ lokalità speċifika, il-karatteristiċi ġeografiċi u storiċi ta’ lokalitajiet speċifiċi, l-eżempji differenti ta’ lokalitajiet speċifiċi li jġibu l-isem Lemberg fil-Ġermanja, invokati mir-rikorrenti, u n-nota dwar l-oriġini tal-isem Lemberg bħala li tirreferi għal belt li tinsab fl-Ukraina ma humiex tali li jikkontradixxu l-konklużjoni li Lemberg hija indikazzjoni ġeografika protetta taħt il-Ftehim bejn il-Komunità u r-Repubblika tal-Afrika t’Isfel, kif jirriżulta mill-punti 16 sa 18 hawn fuq.

20      Huwa l-istess fir-rigward tal-argument li r-rikorrenti tipprova tiġbed mid-definizzjoni ta’ “indikazzjoni ġeografika” li tinsab fl-Artikolu 34(1)(b) tar-Regolament 479/2008. Fil-fatt, Lemberg ma hijiex indikazzjoni ġeografika protetta taħt l-Artikolu 36 tar-Regolament 479/2008, iżda bis-saħħa tal-Ftehim konkluż bejn il-Komunità u r-Repubblika tal-Afrika t’Isfel, li jirreferi, fir-rigward tad-definizzjoni ta’ “indikazzjoni ġeografika” għall-Artikolu 22(1) tal-Ftehim TRIPS, kif ġie mfakkar fil-punt 18 hawn fuq. Minn dan isegwi li r-Regolament 479/2008 ma huwiex rilevanti f’dan il-każ għall-għan li jiġi evalwat jekk Lemberg għandhiex titiqies bħala indikazzjoni ġeografika fis-sens tal-Artikolu 7(1)(j) tar-Regolament 207/2009. Fi kwalunkwe każ, id-definizzjoni ta’ “indikazzjoni ġeografika” li tinsab fl-Artikolu 34(1)(b) tar-Regolament 479/2008 ma hijiex kontradittorja għall-Artikolu 22(1) tal-Ftehim TRIPS, hekk kif ġie ġustament sostnut mill-UASI.

21      Fit-tieni lok, ir-rikorrenti ssostni li t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, Lembergerland, ma taqbilx mal-indikazzjoni ġeografika Lemberg, imsemmija fil-Ftehim bejn il-Komunità u r-Repubblika tal-Afrika t’Isfel, iżda tikkostitwixxi terminu fittizju ġdid, magħmul minn żewġ kelmiet magħżula bl-addoċċ, u sebgħa biss minn tlettax-il ittra jikkoinċidu mal-indikazzjoni ġeografika. Skont ir-rikorrenti, it-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għandha tifsira unika peress li tiddeskrivi “pajjiż ta’ muntanji u għadajjar” u ma tfittix li toħloq “l-impressjoni li ġejja mill-iżgħar stabbiliment tad-dwieli għall-inbid fil-provinċja ta’ Western Cape, li jinsab fl-Afrika t’Isfel”.

22      F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar, hekk kif għamel il-Bord tal-Appell fil-punt 16 tad-deċiżjoni kkontestata, li skont il-ġurisprudenza, sabiex tapplika r-raġuni għal rifjut imsemmija fl-Artikolu 7(1)(j) tar-Regolament 207/2009, huwa biżżejjed li t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni tinkludi jew tikkonsisti minn indikazzjoni ġeografika jew evidenza li tidentifika pożittivament l-indikazzjoni ġeografika inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza CUVÉE PALOMAR, punt 12 iktar ’il fuq, EU:T:2010:185, punti 125 u 131).

23      F’dan il-każ, is-sinjal li għalih saret l-applikazzjoni hija l-kelma komposta Lembergland li tinkludi b’mod partikolari l-indikazzjoni ġeografika protetta Lemberg, li huwa identifikabbli b’mod ċar f’dan is-sinjal, li barra minn hekk ma huwiex ikkontestat mir-rikorrenti.

24      Madankollu, ir-rikorrenti ssostni, essenzjalment, li t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, meħuda kollha kemm hi, ma hijiex probabbli li toħloq konfużjoni mal-indikazzjoni ġeografika inkwistjoni, peress li għandha tifsira differenti minn din (ara l-punt 21 iktar ’il fuq).

25      Madankollu, kif ġie korrettement irrilevat mill-Bord tal-Appell fil-punt 17 tad-deċiżjoni kkontestata billi jsir riferiment għar-raba’ premessa tar-Regolament tal-Kunsill Nru 3288/94, tat-22 ta’ Diċembru 1994, li jemenda r-Regolament (KE) Nru 40/94 dwar it-trade mark tal-Komunità għall-implimentazzjoni tal-ftehim milħuq fil-qafas tal-Uruguay Round (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 185), li introduċiet l-Artikolu 7(1)(j) tar-Regolament (KE) Nru 40/94 tal-Kunsill, tal-20 ta’ Diċembru 1993, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 146) [li sar l-Artikolu 7(1)(j) tar-Regolament Nru 207/2009], ir-reġistrazzjoni ta’ trade mark għandha tiġi rrifjutata jekk ikun fiha jew tikkonsisti minn indikazzjoni ġeografika irrispettivament mill-kwistjoni jekk is-sinjal li saret l-applikazzjoni għaliha aktarx iqarraq lill-konsumatur dwar il-provenjenza tal-inbejjed indikati minnu.

26      Fil-fatt, ir-raba’ premessa tar-Regolament Nru°3288/94 tippreċiża li l-Artikolu 23(2) tal-Ftehim TRIPS jipprovdi għar-rifjut ta’ reġistrazzjoni jew għal dikjarazzjoni ta’ invalidità ta’ trade marks li jkunu jinkludu jew jikkonsistu f’indikazzjonijiet ġeografiċi foloz għall-inbid, irrispettivament mill-kundizzjoni li huma tan-natura li jqarrqu bil-pubbliku. Għaldaqstant, ir-raġuni għal rifjut prevista mill-Artikolu 7(1)(j) tar-Regolament Nru 207/2009 tapplika mingħajr il-ħtieġa ta’ jekk it-trade mark li għaliha qed tintalab ir-reġistrazzjoni jew le aktarx tqarraq il-pubbliku jew jekk hija timplikax probabbiltà ta’ konfużjoni għaliha rigward l-oriġini tal-prodott (sentenza CUVÉE PALOMAR, punt 12 iktar ’il fuq, EU:T:2010:185, punti 119 u 120).

27      F’dan il-kuntest għandu wkoll jiġi miċħud bħala irrilevanti l-argument tar-rikorrenti li r-reġistrazzjoni tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni ma tistax tiġi rrifjutata, peress li “ma huwiex probabbli li tqarraq bil-pubbliku dwar l-eżistenza ta’ rabta bejn l-utent u l-organizzazzjoni” skont l-Artikolu 6b(1)(c) tal-Konvenzjoni ta’ Pariġi. Fil-fatt, kif irrileva l-Bord tal-Appell fil-punt 23 tad-deċiżjoni kkontestata, din id-dispożizzjoni ma hijiex applikabbli f’dan il-każ, peress li l-Artikolu 6b tal-Konvenzjoni ta’ Pariġi jirrigwarda biss il-projbizzjoni tal-użu bħala trade marks ta’ armi, bnadar jew emblemi oħra tal-Istat tal-pajjiżi tal-Unjoni, sinjali u bolol uffiċjali ta’ kontroll u ta’ garanzija adottati minnhom kif ukoll dawk ta’ organizzazzjonijiet intergovernattivi internazzjonali, u mhux il-protezzjoni ta’ indikazzjonijiet ġeografiċi.

28      Fi kwalunkwe każ, kuntrarjament għal dak li tallega r-rikorrenti, l-ittri addizzjonali fis-sinjal li għalih saret l-applikazzjoni ma jagħtuhx karattru fittizju fir-rigward tal-indikazzjoni ġeografika Lemberg, peress li t-terminu “lemberger” huwa bil-Ġermaniż, aġġettiv magħmul mit-terminu “Lemberg” u t-terminu “Land” tfisser f’din l-istess lingwa “reġjun, territorju”, li jippermetti li wieħed jifhem li s-sinjal li għalih saret l-applikazzjoni jirreferi għal “reġjun ta’ Lemberg” jew “territorju ta’ Lemberg”, kif irrilevat ġustament l-UASI. Għalhekk, it-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni ma għandha l-ebda tifsira unika u awtonoma li tiddistingwi ruħha b’mod sinjifikattiv minn dik tal-indikazzjoni ġeografika Lemberg.

29      Minn dan isegwi li, kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, l-Bord tal-Appell ġustament ikkunsidra li t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, Lembergerland, hija kkostitwita minn jew tinkludi l-indikazzjoni ġeografika Lemberg, protetta taħt il-Ftehim bejn il-Komunità u r-Repubblika tal-Afrika t’Isfel għall-inbejjed li għandhom din il-provenjenza. Il-prodotti koperti mit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni jinkludu l-inbid, anki jekk ir-rikorrenti ma ssostnix li dan joriġina minn Lemberg. Għalhekk, il-Bord tal-Appell ġustament ikkunsidra li t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni kienet inammissibbli minħabba raġuni assoluta għal rifjut skont l-Artikolu 7(1)(j) tar-Regolament Nru 207/2009.

30      Din il-konklużjoni ma tistax tiġi kkontestata mill-argumenti l-oħra tar-rikorrenti.

31      Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti tindika li l-Bord tal-Appell ma eżaminax ir-reġistrazzjoni tat-trade mark Lembergerland fil-Ġermanja.

32      F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, is-sistema Komunitarja tat-trade marks hija sistema indipendenti, magħmula minn ġabra ta’ regoli u li tħaddan għanijiet li huma speċifiċi għaliha, billi l-applikazzjoni tagħha hija indipendenti minn kull sistema nazzjonali. L-UASI, u jekk ikun il-każ, il-qrati tal-Unjoni ma humiex marbuta li jimxu fuq deċiżjoni meħuda fuq livell ta’ Stat Membru tal-Unjoni li taċċetta n-natura reġistrabbli tal-istess sinjal bħala trade mark nazzjonali. Ir-reġistrazzjonijiet eżistenti fl-Istati Membri tal-Unjoni jikkostitwixxu biss fatt li jista’ jittieħed inkunsiderazzjoni fil-kuntest ta’ reġistrazzjoni ta’ trade mark Komunitarja, it-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għandha tiġi evalwata biss fuq il-bażi tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni rilevanti. Minn dan isegwi li l-UASI ma hijiex obbligata li tirreġistra t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni minħabba l-eżistenza ta’ deċiżjoni ta’ reġistrazzjoni mill-awtorità nazzjonali kompetenti fuq trade marks [ara f’dan is-sens, is-sentenzi CUVÉE PALOMAR, punt 12 iktar ’il fuq, EU:T:2010:185, punti 137 u 138 u l-ġurisprudenza ċċitata. u tas-16 ta’ Mejju 2013, Restion vs UASI (EQUIPMENT), T‑356/11, EU:T:2013:253, punt 74 u l-ġurisprudenza ċċitata].

33      Għalhekk, kif irrileva l-UASI, il-fatt li t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni tkun ġiet irreġistrata fil-Ġermanja ma jfissirx li tista’ tiġi kkontestata l-legalità tad-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell.

34      Fit-tieni lok, ir-rikorrenti ssostni li l-UASI kisret il-prinċipju ta’ ugwaljanza. Hija tosserva li, fil-Ftehim bejn il-Komunità u r-Repubblika tal-Afrika t’Isfel, huma msemmija diversi indikazzjonijiet ġeografiċi magħmula minn jew li fihom l-element “fisch” jew “sonne” meta hemm ħafna trade marks irreġistrati għal prodotti fil-klassi 33, li jinkludu wieħed minn dawn iż-żewġ elementi.

35      F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li d-deċiżjonijiet li l-Bordijiet tal-Appell huma mitluba jieħdu skont ir-Regolament Nru 207/2009 fir-rigward tar-reġistrazzjoni ta’ sinjal bħala trade mark Komunitarja jaqgħu taħt l-eżerċizzju ta’ kompetenza relatata u mhux ta’ setgħa diskrezzjonali. Konsegwentement, kif ġustament osserva l-UASI, il-legalità tad-deċiżjonijiet tal-Bordijiet tal-Appell għandhom jiġu evalwati biss abbażi ta’ dan ir-regolament, kif interpretat mill-qrati tal-Unjoni, mhux fuq il-bażi ta’ deċiżjonijiet preċedenti għal din [ara s-sentenzi tas-26 ta’ April 2007, Alcon vs UASI, C‑412/05 P, Ġabra EU:C:2007:252, punt 65 u l-ġurisprudenza ċċitata u tat-2 ta’ Mejju 2012, Universal Display vs UASI (UniversalPHOLED), T‑435/11, EU:T:2012:210, punt 37 u l-ġurisprudenza iċċitata].

36      Barra minn hekk, l-osservanza tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament għandu jiġi kkonċiljat mal-prinċipju ta’ legalità (sentenza tal-10 ta’ Marzu 2011, Agencja Wydawnicza Technopol vs UASI, C‑51/10 P, Ġabra EU:C:2011:139, punt 75). Barra minn hekk, minħabba raġunijiet ta’ ċertezza legali u ta’ amministrazzjoni tajba, l-eżami ta’ kull applikazzjoni għal reġistrazzjoni għandha tkun stretta u kompluta, u sseħħ f’kull każ konkret (sentenza Agencja Wydawnicza Technopol vs UASI, iċċitata iktar ’il fuq, EU:C:2011:139, punt 77).

37      F’dan il-każ, għandu jiġi rrilevat, minn naħa, li l-Bord tal-Appell ma wettaqx żball meta kkunsidra li l-kundizzjonijiet stabbiliti mill-Artikolu 7(1)(j) tar-Regolament Nru 207/2009 ġew issodisfatti kif jirriżulta mill-punt 29 iktar ’il fuq. Min-naħa l-oħra, it-trade marks Komunitarji li tirreferi għalihom ir-rikorrenti, mingħajr ma madankollu tippreżenta eżempji konkreti, jista’ jkun fihom indikazzjonijiet ġeografiċi li jikkonsistu minn jew fihom l-element “fisch” jew “sonne”, u mhux “Lemberg”. Madankollu, il-proċeduri quddiem il-Bord tal-Appell ma kinux ikkonċentrati fuq l-indikazzjonijiet ġeografiċi li jikkonsistu minn jew li fihom l-element “fisch” jew “sonne”, protetti wkoll mill-Ftehim bejn il-Komunità u r-Repubblika tal-Afrika t’Isfel, u kif ġustament irrilevat mill-Bord tal-Appell fil-punt 20 tad-deċiżjoni kkontestata. Iċ-ċirkustanzi fattwali ma kinux, fi kwalunkwe każ, paragunabbli ma’ dan il-każ.

38      Minn dan isegwi li r-rikorrenti ma tistax tinvoka, sabiex tinvalida l-konklużjoni li wasal għaliha l-Bord tal-Appell fid-deċiżjoni kkontestata, id-deċiżjonijiet preċedenti tal-UASI dwar ir-reġistrazzjoni bħala trade marks Komunitarji ta’ sinjali li fihom l-elementi “fisch” jew “sonne”, (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Agencja Wydawnicza Technopol vs UASI, punt 36 iktar ’il fuq, EU:C:2011:139, punti 78 u 79, u UniversalPHOLED, punt 35 iktar ’il fuq, EU:T:2012:210, punt 39).

39      Fit-tielet lok, ir-rikorrenti tosserva li l-protezzjoni tal-indikazzjoni ġeografika tal-Afrika t’Isfel Lemberg ma waqqfitx il-vinja Awstrijaka ta’ St. Magdalena am Lemberg li tkun ukoll protetta bħala indikazzjoni ġeografika bl-istess Ftehim bejn il-Komunità u r-Repubblika tal-Afrika t’Isfel. Hija tikkonkludi li t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għandha tkun irreġistrata fuq l-istess prinċipji li wasslu li jiġi kkunsidrat li ż-żewġ indikazzjonijiet msemmija iktar ’il fuq ma humiex f’kunflitt.

40      F’dan ir-rigward, il-Bord tal-Appell ġustament irrileva, fil-punt 21 tad-deċiżjoni kkontestata, li anki jekk wieħed jassumi li teżisti omonimija bejn l-imsemmija indikazzjonijiet ġeografiċi, skont l-Artikolu 7(4)(a) tal-Ftehim bejn il-Komunità u r-Repubblika tal-Afrika t’Isfel, għandu jiġi kkunsidrat li ż-żewġ indikazzjonijiet kienu protetti minħabba l-użu tradizzjonali u konsistenti minnhom u l-fatt li ma kinux ta’ natura li jqarrqu lill-konsumatur. Din l-evalwazzjoni għandha tiġi kkonfermata. Bl-istess mod, il-Bord tal-Appell ġustament indika li, fi kwalunkwe każ, din l-allegata kwistjoni legali, madankollu ma kinitx is-suġġett ta’ dawn il-proċeduri.

41      Jirriżulta minn dak li ntqal iktar ’il fuq li hemm lok li tiċħad il-motiv uniku u, għalhekk, ir-rikors fl-intier tiegħu, mingħajr ma jkun neċessarju li tingħata deċiżjoni dwar l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-UASI fit-tieni kap tat-talbiet.

 Fuq l-ispejjeż

42      Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li r-rikorrenti tilfet, hemm lok li hija tiġi kkundannata għall-ispejjeż, kif mitlub mill-Kummissjoni.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Genossenschaftskellerei Rosswag-Mühlhausen eG hija kkundannata għall-ispejjeż.

Kanninen

Pelikánová

Buttigieg

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fl-14 ta’ Lulju 2015.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.