Language of document :

Rikors ippreżentat fit-13 ta' Novembru 2009 - Westfälisch-Lippischer Sparkassen- und Giroverband vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-457/09)

Lingwa tal-kawża: Il-Ġermaniż

Partijiet

Rikorrenti: Westfälisch-Lippischer Sparkassen- und Giroverband (Münster, il-Ġermanja) (rappreżentanti: A. Rosenfeld u I. Liebach, avukati)

Konvenuta: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

Talbiet tar-rikorrenti

tannulla d-deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2009) 3900 finali rettifikata, tat-12 ta' Mejju 2009, dwar l-għajnuna mill-Istat C 43/2008 (ex N 390/2008) li l-Ġermanja għandha l-intenzjoni tagħti għar-ristrutturar ta' WestLB AG;

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Ir-rikorrenti tikkkontesta d-deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2009) 3900 finali rettifikata, tat-12 ta' Mejju 2009, dwar l-għajnuna mill-Istat li l-Ġermanja għandha l-intenzjoni tagħti għar-ristrutturar ta' WestLB AG [C 43/2008 (N 390/2008)]. F'din id-deċiżjoni, il-Kummissjoni tqis li, sakemm jiġu osservati ċerti kundizzjonijiet, l-għajnuna nnotifikata fil-forma ta' garanzija ta' EUR 5 biljun hija kompatibbli mas-suq komuni.

Ir-rikorrenti, li għandha sehem f'WestLB AG, issostni r-rikors tagħha għal annullament bil-motivi li ġejjin:

ksur tal-prinċipju tal-kolleġġjalità skont l-Artikolu 219 KE, għaliex id-deċiżjoni kkontestata ma ġietx adottata mill-Kummissjoni inkwantu korp effettivament kompetenti iżda mill-Kummissarju tal-Kompetizzjoni;

ksur tal-Artikolu 87(1) KE għaliex l-element li jikkostitwixxi distorsjoni tal-kompetizzjoni ma ġiex eżaminat;

applikazzjoni żbaljata tat-tieni alternattiva tal-Artikolu 87(3)(b) KE, għaliex id-deċiżjoni kkontestata tinjora l-fatti, kif ukoll il-kontenut u l-istruttura normattiva ta' din id-dispożizzjoni, ma wettqitx l-ibbilanċjar tal-interessi u l-eżami ta' proporzjonalità neċessarji jew wettqithom b'mod insuffiċjenti, hija żbaljata taħt diversi aspetti fl-evalwazzjoni u tistabbilixxi kundizzjonijiet sproporzjonati;

ksur tal-prinċipju ta' proporzjonalità;

ksur tal-obbligu li jiġi żgurat it-trattament ugwali, għaliex id-deċiżjoni kkontestata ma tittrattax b'mod ugwali lil WestLB AG u lil dawk li għandhom ishma fiha jekk tiġi mqabbla mad-deċiżjonijiet adottati qabel il-kriżi finanzjarja u ma' dawk adottati fil-kriżi finanzjarja preżenti, mingħajr l-eżistenza ta' raġuni effettiva li tiġġustifika dan;

ksur tal-Artikolu 295 KE, għaliex ir-rekwiżit li tiġi rrinunzjata l-pożizzjoni ta' azzjonist tippreġudika d-dritt ta' proprjetà, iggarantit u mħares mill-Ġermanja, tal-azzjonisti f'WestLB AG;

ksur tal-Artikolu 7(4) tar-Regolament (KE) Nru 656/1999 1, għaliex ma tingħata l-ebda bażi ta' dritt materjali suffiċjentement stabbilita għal dan l-intervent;

ksur tal-obbligu ta' motivazzjoni skont l-Artikolu 253 KE.

____________

1 - Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999, tat-22 ta' Marzu 1999, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu [88 KE] (Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kap. 8 Vol. 1 p. 339 - 347)