Language of document : ECLI:EU:C:2020:77

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

BOBEK

ippreżentati fis‑6 ta’ Frar 2020(1)

Kawża C581/18

RB

vs

TÜV Rheinland LGA Products GmbH,

Allianz IARD S.A.

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Oberlandesgericht Frankfurt am Main (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Frankfurt am Main, il-Ġermanja))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Mezzi mediċi – Proteżijiet tas-sider difettużi – Assigurazzjoni għar-responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-użu ta’ mezzi mediċi – Limitazzjoni territorjali – Sitwazzjonijiet purament interni – Artikolu 18 TFUE – Applikabbiltà tad-dritt tal-Unjoni”






I.      Introduzzjoni

1.        Pazjenta Ġermaniża rċeviet, fil-Ġermanja, proteżijiet tas-sider difettużi mmanifatturati minn Poly Implant Prothèse SA (iktar ’il quddiem “PIP”), impriża Franċiża li issa hija falluta. Il-pazjenta qiegħda tfittex kumpens quddiem il-qrati Ġermaniżi minn Allianz IARD SA, l-assiguratur Franċiż ta’ PIP. Fi Franza, il-manifatturi ta’ mezzi mediċi huma taħt obbligu legali li jkunu assigurati għar-responsabbiltà ċivili fir-rigward tad-dannu sostnut minn terzi li jirriżulta mill-attivitajiet tagħhom. Dan l-obbligu wassal lil PIP sabiex tikkonkludi kuntratt ta’ assigurazzjoni ma’ Allianz, li inkluda klawżola territorjali li tillimita l-kopertura għal dannu kkawżat f’territorju Franċiż biss. Għalhekk, il-mezzi mediċi ta’ PIP li ġew esportati lejn Stat Membru ieħor u li ġew użati hemmhekk ma humiex koperti mill-kuntratt ta’ assigurazzjoni.

2.        F’dan il-kuntest, l-Oberlandesgericht Frankfurt am Main (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Frankfurt am Main, il-Ġermanja) tistaqsi jekk il-fatt li PIP kienet assigurata minn Allianz għal dannu kkawżat mill-mezzi mediċi tagħha fit-territorju Franċiż biss, b’esklużjoni għal dak potenzjalment ikkawżat fi Stati Membri oħra, huwiex kompatibbli mal-Artikolu 18 TFUE u l-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni minħabba n-nazzjonalità inkluża fih.

II.    Il-kuntest ġuridiku

A.      Id-dritt tal-Unjoni

3.        L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 18 TFUE jipprovdi li:

“Fil-kamp ta’ l-applikazzjoni tat-Trattati, u mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet speċjali inklużi hemm kull diskriminazzjoni minħabba ċittadinanza għandha tiġi projbita.”

4.        Skont l-Artikolu 34 TFUE:

“Restrizzjonijiet kwantitattivi fuq l-importazzjoni u kull miżura li għandha effett ekwivalenti għandhom ikunu projbiti bejn l-Istati Membri.”

5.        Skont l-Artikolu 35 TFUE:

“Restrizzjonijiet kwantitattiva fuq l-esportazzjoni u kull miżura li ghandha effett ekwivalenti għandhom ikunu projbiti bejn l-Istati Membri.”

6.        L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 56 TFUE jaqra kif ġej:

“Fil-qafas tad-dispożizzjonijiet ta’ hawn taħt, ir-restrizzjonijiet fuq il-liberta’ li jiġu provduti servizzi fl-Unjoni għandhom jiġu projbiti fir-rigward ta’ ċittadini ta’ Stati Membri li jkunu stabbiliti fi Stat Membru li ma jkunx dak tal-persuna li lilha jingħataw is-servizzi.”

B.      Id-dritt Franċiż

7.        L-Artikolu L.1142‑2 tal-Code de la santé publique (il-Kodiċi tas-Saħħa Pubblika) (2) jipprovdi li:

“Il-professjonisti tas-saħħa li għandhom prattika privata, l-istabbilimenti tas-saħħa, is-servizzi tas-saħħa u l-korpi msemmija fl-Artikolu L. 1142‑1, u kull persuna ġuridika oħra, minbarra l-Istat, li teżerċita attivitajiet ta’ prevenzjoni, ta’ dijanjożi jew ta’ kura kif ukoll il-produtturi, l-operaturi u l-fornituri ta’ prodotti tas-saħħa, fl-istat finali tagħhom, imsemmija fl-Artikolu L. 5311‑1 bl-esklużjoni tal-punt 5, bla ħsara għad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu L. 1222‑9, u tal-punti 11, 14 u 15, użati għal dawn l-attivitajiet, huma obbligati li jkollhom assigurazzjoni intiża li tkopri r-responsabbiltà ċivili jew amministrattiva tagħhom li tista’ tirriżulta minn danni mġarrba minn terzi u minn korrimenti personali, li jseħħu fil-kuntest ta’ din l-attività.

Il-Ministru responsabbli għas-saħħa jista’, b’ordni, jagħti deroga mill-obbligu ta’ assigurazzjoni stabbilit fl-ewwel paragrafu lil stabbilimenti tas-saħħa pubblika li għandhom riżorsi finanzjarji disponibbli li huma suffiċjenti sabiex jippermettulhom jikkumpensaw għad-dannu b’mod ekwivalenti għal dak li jirriżulta minn kuntratt ta’ assigurazzjoni.

Il-kuntratti ta’ assigurazzjoni konklużi skont l-ewwel paragrafu jistgħu jipprovdu limiti massimi ta’ garanzija […]

[…]

Fil-każ ta’ nuqqas ta’ osservanza tal-obbligu ta’ assigurazzjoni previst f’dan l-artikolu, il-korp dixxiplinari kompetenti jista’ jordna sanzjonijiet dixxiplinari.”

8.        Skont l-Artikolu L. 252‑1 tal-Code des assurances (il-Kodiċi tal-Assigurazzjoni) (3):

“Kwalunkwe persuna suġġetta għall-obbligu ta’ assigurazzjoni stabbilit fl-Artikolu L. 1142‑2 tal-Kodiċi tas-Saħħa Pubblika li, wara li tkun ippruvat tagħmel kuntratt ta’ assigurazzjoni ma’ kumpannija tal-assigurazzjoni fi Franza li jkopri r-riskji ta’ responsabbiltà ċivili msemmija f’dan l-artikolu, u li għal darbtejn tkun ġiet miċħuda lilha l-kopertura, tista’ tippreżenta talba quddiem bureau central de tarification [(Uffiċċju Ċentrali tat-Tariffikazzjoni, iktar ’il quddiem il-“BCT”)], li l-kriterji ta’ stabbiliment u r-regoli ta’ operazzjoni tiegħu għandhom jiġu stabbiliti b’digriet adottat fil-Conseil d’État [(il-Kunsill tal-Istat)].

L-Uffiċċju Ċentrali tat-Tariffikazzjoni għandu jkollu r-rwol li jistabbilixxi l-ammont tal-primjum li permezz tiegħu l-kumpannija tal-assigurazzjoni kkonċernata hija marbuta li tiggarantixxi r-riskju propost lilha. Huwa jista’, skont il-kundizzjonijiet stabbiliti b’digriet tal-Kunsill tal-Istat, jiddetermina l-ammont tal-eċċess li l-parti assigurata għandha tħallas.

L-Uffiċċju Ċentrali tat-Tariffikazzjoni għandu jagħti parir lir-rappreżentant tal-Istat tad-dipartiment meta persuna suġġetta għall-obbligu ta’ assigurazzjoni skont l-Artikolu L. 1142‑2 tal-Kodiċi tas-Saħħa Pubblika tikkostitwixxi riskju ta’ assigurazzjoni ogħla min-normal. Huwa għandu jinforma b’dan lill-professjonist ikkonċernat. F’dan il-każ, huwa għandu jistabbilixxi l-ammont tal-primjum ta’ kuntratt li t-tul tiegħu ma jistax jaqbeż is-sitt xhur.

Kwalunkwe klawżola kuntrattwali ta’ assigurazzjoni mill-ġdid li tipprova teskludi ċerti riskji tal-garanzija ta’ assigurazzjoni mill-ġdid bħala riżultat tal-ammont tal-primjum stabbilit mill-Uffiċċju Ċentrali tat-Tariffikazzjoni hija nulla u bla effett.”

III. Il-fatti, il-proċedura u d-domandi preliminari

9.        PIP kienet manifattriċi ta’ proteżijiet tas-sider stabbilita fi Franza. L-impriża Olandiża Rofil Medical Nederland B.V. (iktar ’il quddiem “Rofil”) ikkummerċjalizzat dawn il-proteżijiet. Hija ppakkjathom u pprovdiethom flimkien ma’ fuljett informattiv. TÜV Rheinland LGA Products GmbH (iktar ’il quddiem “TÜV Rheinland”), fil-kapaċità tagħha bħala “korp innotifikat” fis-sens tad-Direttiva 93/42/KEE (4), ġiet ikkummissjonata minn PIP sa minn Ottubru 1997 sabiex twettaq l-evalwazzjoni ta’ konformità skont l-istandards Ġermaniżi, Ewropej u oħrajn internazzjonali. Għal dan l-għan, TÜV Rheinland wettqet diversi awditi ta’ superviżjoni ta’ PIP bejn l‑1997 u l‑2010.

10.      Fil-ħarifa tal‑2006, l-appellanti fil-proċedura prinċipali għamlet operazzjoni fil-Ġermanja, li matulha tqiegħdu fiha proteżijiet tas-sider ikkummerċjalizzati minn Rofil. Sussegwentement ġie kkonfermat li minflok il-materjal “NuSil” deskritt fid-dokumenti tal-prodott u speċifikat u approvat fil-portata tal-awtorizzazzjoni tal-kummerċjalizzazzjoni, dawn il-proteżijiet ġew mimlija b’silikon industrijali mhux awtorizzat.

11.      F’Marzu 2010, l-awtoritajiet tas-saħħa Franċiżi skoprew għall-ewwel darba, waqt spezzjoni, li PIP kienet qiegħda illegalment tuża silikon industrijali. F’April 2010, l-awtoritajiet Ġermaniżi rrakkomandaw li t-tobba li użaw proteżijiet tas-silikon ta’ PIP għandhom jinformaw lill-pazjenti kkonċernati u ma jibqgħux jużaw dawn il-proteżijiet tas-sider. Fl‑2012, ġiet irrakkomandata t-tneħħija sħiħa ta’ dawn il-proteżijiet.

12.      PIP falliet u ġiet illikwidata fl‑2011. F’Diċembru 2013, il-fundatur tal-impriża ngħata sentenza ta’ erba’ snin ħabs minn qorti Franċiża għall-manifattura u l-bejgħ ta’ prodotti li kienu perikolużi għas-saħħa.

13.      L-appellanti ppreżentat rikors fil-qrati Ġermaniżi kontra t-tabib li għamlilha l-operazzjoni, kontra TÜV Rheinland, u kontra Allianz.

14.      Hija sostniet li kellha talba diretta kontra Allianz skont id-dritt Franċiż. Skont l-Artikolu L.1142‑2 tal-Kodiċi tas-Saħħa Pubblika, il-manifatturi ta’ mezzi mediċi għandhom l-obbligu jikkonkludu kuntratt ta’ assigurazzjoni ma’ kumpannija tal-assigurazzjoni (iktar ’il quddiem l-“obbligu ta’ assigurazzjoni”). Din l-assigurazzjoni għar-responsabbiltà ċivili tipprovdi lil terzi li jkunu sostnew dannu talba diretta (Direktanspruch) kontra l-kumpannija tal-assigurazzjoni.

15.      Skont l-Artikolu L.252‑1 tal-Kodiċi tal-Assigurazzjoni, kwalunkwe persuna suġġetta għall-obbligu ta’ assigurazzjoni li, wara li tkun ippruvat tagħmel kuntratt ta’ assigurazzjoni ma’ kumpannija tal-assigurazzjoni fi Franza li jkopri riskji ta’ terzi li msemmija f’dan l-artikolu, u li għal darbtejn tkun ġiet miċħuda lilha l-kopertura, tista’ tippreżenta talba quddiem il-BCT. Il-BCT sussegwentement għandu jistabbilixxi l-ammont tal-primjum li għalih il-kumpannija tal-assigurazzjoni kkonċernata hija marbuta li tiggarantixxi r-riskju li jiġi propost lilha.

16.      Fl-2005, il-BCT obbliga lil AGF IARD, il-predeċessur ta’ Allianz, sabiex sabiex tipprovdi lil PIP kopertura tal-assigurazzjoni. Il-BCT stabbilixxa l-ammont tal-primjum tal-assigurazzjoni fid-dawl tad-dħul mill-bejgħ ta’ PIP fit-territorju Franċiż. Fit-termini kuntrattwali speċjali tal-kuntratt ta’ assigurazzjoni, taħt it-titolu “Kamp ta’ applikazzjoni ġeografiku”, ġie miftiehem li l-kopertura tapplika esklużivament għal każijiet ta’ dannu li jirriżulta fi Franza metropolitana u fit-territorji Franċiżi extra-Ewropej (iktar ’il quddiem il-“limitazzjoni territorjali”). Il-BCT ma oġġezzjonax għall-limitazzjoni territorjali. Ġie pprovdut ukoll li, fil-każ ta’ serje ta’ danni, l-ammont massimu ta’ kopertura għal kull każ ta’ dannu huwa ta’ EUR 3 000 000 u l-ammont massimu ta’ kopertura għal kull sena assigurata huwa ta’ EUR 10 000 000.

17.      Ir-rikors tal-appellanti ġie miċħud mill-qorti tal-ewwel istanza. Hija appellat minn din is-sentenza fl-Oberlandesgericht Frankfurt am Main (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Frankfurt am Main, il-Ġermanja), il-qorti tar-rinviju, fir-rigward tal-konstatazzjonijiet fis-sentenza tal-ewwel istanza li jirrigwardaw TÜV Rheinland u Allianz, iżda mhux li jirrigwardaw ir-responsabbiltà tat-tabib li wettaq l-operazzjoni. Quddiem il-qorti tar-rinviju, l-appellanti qiegħda titlob l-annullament tas-sentenza fir-rigward ta’ TÜV Rheinland u Allianz. Hija qiegħda titlob ukoll li TÜV Rheinland u Allianz jiġu ordnati jikkumpensawha għad-danni.

18.      Skont l-appellanti, il-qorti tal-ewwel istanza wettqet żball ta’ liġi meta kkonstatat li l-limitazzjoni territorjali tal-kopertura tal-assigurazzjoni għat-territorju Franċiż kienet legali u meta eskludiet kwalunkwe ksur tal-moviment liberu tal-merkanzija.

19.      Id-domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju lill-Qorti tal-Ġustizzja jikkonċernaw biss ir-responsabbiltà potenzjali ta’ Allianz. Il-qorti tar-rinviju għandha dubji dwar il-kompatibbiltà tal-limitazzjoni territorjali inkwistjoni mal-Artikolu 18 TFUE. Skont din il-qorti, hemm aspett transkonfinali fil-limitazzjoni territorjali li jimmaterjalizza meta dannu jseħħ barra minn Franza. L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 18 TFUE huwa applikabbli għaliex il-projbizzjonijiet speċifiċi ta’ diskriminazzjoni stabbiliti f’dispożizzjonijiet oħra tat-Trattat FUE ma japplikawx għall-kawża inkwistjoni. Il-limitazzjoni territorjali hija indirettament diskriminatorja minħabba n-nazzjonalità għaliex normalment din taffettwa pazjenti barranin, daqslikieku taffettwahom kundizzjoni ta’ residenza. Iktar minn hekk, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 18 TFUE jista’ jiġi invokat f’tilwim bejn partijiet privati. Il-BCT jista’ jiġi kkritikat ukoll għan-nuqqas tiegħu li joġġezzjona għal-limitazzjoni nazzjonali.

20.      Huwa f’dan il-kuntest fattwali u legali li l-Oberlandesgericht Frankfurt am Main (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Frankfurt am Main) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      Id-destinatarji tal-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni prevista fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 18 TFUE huma esklużivament l-Istati Membri u l-korpi tal-Unjoni jew ukoll l-individwi (effett dirett orizzontali tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 18 TFUE)?

2)      Fil-każ li r-risposta għall-ewwel domanda tkun fin-negattiv u l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 18 TFUE ma japplikax għar-relazzjonijiet bejn l-individwi: l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 18 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li din id-dispożizzjoni tipprekludi limitazzjoni tal-kopertura għal dannu li seħħ fi Franza metropolitana u fit-territorji extra-Ewropej Franċiżi, peress li l-awtorità Franċiża kompetenti, il-[BCT] ma oġġezzjonax għall-klawżola korrispondenti, minkejja li din il-klawżola tmur kontra l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 18 TFUE peress li tinkludi diskriminazzjoni indiretta abbażi tan-nazzjonalità?

3)      Fil-każ li r-risposta għall-ewwel domanda tkun fl-affermattiv: taħt liema kundizzjonijiet tista’ tiġi ġġustifikata diskriminazzjoni indiretta f’każijiet ta’ effett fil-konfront ta’ terzi? B’mod partikolari: limitazzjoni territorjali tal-kopertura ta’ assigurazzjoni għal dannu li seħħ fi Stat Membru partikolari tista’ tiġi ġġustifikata bl-argument tal-limitazzjoni tal-obbligu ta’ kopertura tal-kumpannija tal-assigurazzjoni kif ukoll tal-ammont tal-primjum, meta l-poloz tal-assigurazzjonijiet ikkonċernati jipprovdu fl-istess waqt li, fil-każ ta’ serje ta’ danni, il-kopertura għal kull każ ta’ dannu u l-kopertura għal kull sena assigurata huma limitati f’termini ta’ ammonti?

4)      Fil-każ li r-risposta għall-ewwel domanda tkun fl-affermattiv: l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 18 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li jekk, kuntrarjament għall-ewwel paragrafu tal-Artikolu 18 TFUE, l-assiguratur ikun kopra biss id-dannu li seħħ fi Franza metropolitana u fit-territorji extra-Ewropej Franċiżi, hemm lok għal projbizzjoni tal-oġġezzjoni li l-ħlas ma setax iseħħ peress li l-kopertura massima kienet diġà ntlaħqet, fil-każ li d-dannu jkun seħħ barra mill-imsemmija territorji?”

21.      Ġew ippreżentati sottomissjonijiet bil-miktub minn Allianz (iktar ’il quddiem il-“konvenuta”), mill-Gvern Daniż, milm-Gvern Finlandiż u mill-Kummissjoni Ewropea. Il-konvenuta, il-Gvern Franċiż u l-Kummissjoni pparteċipaw fis-seduta li nżammet fit‑8 ta’ Ottubru 2019.

IV.    Evalwazzjoni

22.      Il-qorti tar-rinviju tagħmel erba’ domandi ffukati fuq il-konsegwenzi legali li jkunu jirriżultaw minn ksur tal-Artikolu 18 TFUE fiċ-ċirkustanzi ta’ din il-kawża. Permezz tal-ewwel u tat-tieni domanda, il-qorti tar-rinviju tfittex li tikkonstata jekk l-Artikolu 18 TFUE jistax b’mod dirett jiġi invokat orizzontalment mill-appellanti kontra Allianz jew vertikalment (jew, pjuttost, dijagonalment) kontra r-Repubblika Franċiża, minħabba li l-BCT, bħala emanazzjoni tal-Istat, ma opponiex il-limitazzjoni territorjali tal-kopertura tal-assigurazzjoni. It-tielet u r-raba’ domanda jikkonċernaw il-portata preċiża tal-Artikolu 18 TFUE f’kawża bħal din, fejn il-kuntratt inkwistjoni jipprevedi, apparti l-limitazzjoni territorjali, limitu tal-kopertura massima (għal kull każ ta’ dannu u għal kull sena assigurata).

23.      L-erba’ domandi kollha jaqsmu suppożizzjoni taċita, jiġifieri li l-limitazzjoni territorjali inkwistjoni mhux biss taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, iżda li hija wkoll diskriminatorja minħabba n-nazzjonalità u kuntrarja għall-Artikolu 18 TFUE.

24.      Madankollu, qabel ma nidħol f’diskussjoni tal-konsegwenzi ta’ ksur, huwa neċessarju li nagħmel pass lura, jew pjuttost żewġ passi lura, fil-proċess ta’ raġunar, u niżgura jekk kienx hemm fil-fatt ksur fl-ewwel lok. Liema obbligu speċifiku jew dispożizzjoni speċifika tad-dritt tal-Unjoni ġew miksura billi tħalliet din il-limitazzjoni territorjali għal kopertura tal-assigurazzjoni għal mezzi mediċi difettużi? Sabiex nindirizza din id-domanda, l-ewwel huwa neċessarju li neżamina (i) jekk il-kawża taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, jiġifieri, jekk il-Qorti tal-Ġustizzja għandhiex ġurisdizzjoni li tirrispondi d-domandi tal-qorti tar-rinvju, u, fl-affermattiv, (ii) liema dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni tista’ twassal għal konstatazzjoni ta’ (in)kompatibbiltà fir-rigward tal-limitazzjoni territorjali inkwistjoni.

25.      Nirrikonoxxi li (i) u (ii) normalment ma jiġux eżaminati separatament fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja. Dan jista’ jinftiehem fid-dawl tal-fatt li, ladarba obbligu konkret tad-dritt tal-Unjoni jkun ġie identifikat skont (ii), isegwi li (i) ġie ssodisfatt, mingħajr il-bżonn li jiġi speċifikament indirizzat. Madankollu, din il-kawża hija pjuttost stramba. Filwaqt li, fid-dawl tal-ġurisprudenza tradizzjonalment pjuttost ġeneruża dwar libertajiet fundamentali, il-kawża inkwistjoni tidher li taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni (A), hemm diffikultà distinta fl-identifikazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni li tipprekludi l-limitazzjoni nazzjonali tal-obbligu ta’ assigurazzjoni (B).

A.      Taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni?

26.      Il-konvenuta u l-Gvern Franċiż iqisu li l-kawża inkwistjoni ma taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni. Skont il-konvenuta, mill-perspettiva ta’ pazjenta Ġermaniża li għamlet operazzjoni fil-Ġermanja, din il-kawża hija purament sitwazzjoni interna. Il-Kummissjoni tidher li hija tal-istess fehma dwar, b’mod partikolari, l-applikabbiltà tal-Artikolu 18 TFUE. B’kuntrast, il-Gvern Finlandiż huwa tal-fehma li, minkejja li l-assigurazzjoni inkwistjoni f’din il-kawża ma hijiex speċifikament irregolata mid-dritt tal-Unjoni, is-sitwazzjoni inkwistjoni taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni. Dan għaliex is-sitwazzjoni hija marbuta mal-moviment transkonfinali tal-merkanzija u l-provvista ta’ servizzi u minħabba li d-dritt sekondarju tal-Unjoni jirregola kemm il-mezzi mediċi kif ukoll ir-responsabbiltà għal prodotti difettużi.

27.      B’mod wiesa’ jiena naqbel mal-fehma tal-Gvern Finlandiż. Fil-fehma tiegħi, minkejja l-inċertezza rigward l-applikabbiltà in concreto tal-Artikolu 18 TFUE – jew kwalunkwe dispożizzjoni oħra tad-dritt tal-Unjoni – huwa sempliċement impossibbli, fid-dawl tal-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, li jiġi ddikjarat li s-sitwazzjoni f’din il-kawża taqa’ lil hinn mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni għall-għanijiet tal-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja.

28.      Sabiex tkun applikabbli l-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja, jeħtieġ li jkun hemm rabta suffiċjentement ċara u diretta bejn il-kawża inkwistjoni u waħda mil-libertajiet fundamentali (il-moviment liberu tal-merkanzija, tal-persuni, tas-servizzi jew tal-kapital) (1) u/jew jeħtieġ li jkun hemm dispożizzjoni potenzjalment applikabbli tad-dritt (sekondarju) tal-Unjoni li għandha bżonn interpretazzjoni għall-kawża inkwistjoni (2).

1)      Libertajiet fundamentali u moviment liberu

29.      Fil-kuntest tal-libertajiet fundamentali, l-applikabbiltà tad-dritt tal-Unjoni tiddependi fuq iċ-ċirkustanzi fattwali konkreti tat-tilwima: element transkonfinali effettiv huwa neċessarju sabiex ikun applikabbli d-dritt tal-Unjoni. Jekk le, is-sitwazzjoni normalment titqies “purament interna” (5). Id-dritt tal-Unjoni dwar il-libertajiet fundamentali mhux suppost japplika għal sitwazzjoni fejn l-elementi kollha huma limitati għal Stat Membru wieħed (6). Leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, li tapplika mingħajr distinzjoni għal ċitadini ta’ dan l-Istat u għal ċittadini ta’ Stati Membri oħra, “tista’ ġeneralment taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet dwar il-libertajiet fundamentali stabbiliti mit-Trattat biss sal-punt li tapplika għal sitwazzjonijiet relatati ma’ kummerċ fl-[Unjoni] ”(7).

30.      Huwa veru li matul is-snin, il-ġurisprudenza dwar id-dispożizzjonijiet tal-libertajiet fundamentali kompliet tespandi l-kamp ta’ applikazzjoni tagħhom. Il-ġurisprudenza bdiet tkopri mhux biss ostakoli reali (fis-sens li diġà ġew materjalizzati), iżda wkoll dissważjoni jew li l-eżerċizzju tal-libertajiet jiġi magħmul inqas attraenti (8). B’mod ugwali, is-sempliċi potenzjalità transkonfinali hija suffiċjenti, li ma għandhiex għalfejn neċessarjament tiġi stabbilita fil-kawża individwali (9). Il-potenzjalità transkonfinali tibqa’ fil-livell ta’ ipoteżi raġonevolment konċepibbli: għalhekk, fil-kuntest ta’ servizzi, il-fatt li, pereżempju, xi destinatarji ta’ servizz probabbilment jiġu minn Stat Membru ieħor huwa biżżejjed sabiex ikunu applikabbli r-regoli tat-Trattat dwar is-servizzi (10).

31.      Dawn it-tip ta’ kawżi naturalment iqajmu l-kwistjoni ta’ sa fejn il-loġika tal-potenzjalità tista’ tiġġebbed, sabiex kwalunkwe u kull kwistjoni relatata, pereżempju, ma’ merkanzija jew persuni tista’ finalment tiġi koperta mid-dritt tal-Unjoni. Għall-merkanzija, it-tweġiba ngħatat fis-sentenza Keck (11). Għal-libertajiet l-oħra, it-tweġiba forsi għadha pendenti (12), iżda ħaġa waħda hija ċara: id-diskussjoni hija normalment iffukata fuq l-evalwazzjoni tal-(in)kompatibbiltà ta’ miżuri ta’ Stat Membru mad-dritt tal-Unjoni, jiġifieri, fil-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja. Ma jiġrix ta’ sikwit li l-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li ma għandhiex ġurisdizzjoni jekk hemm element transkonfinali fil-kawża li huwa raġonevolment konċepibbli (u mhux kompletament ipotetiku (13)) fir-rigward ta’ xi waħda mill-erba’ libertajiet.

32.      Reċentement, fis-sentenza Ullens de Schooten (14), il-Qorti tal-Ġustizzja kkonsolidat il-ġurisprudenza tagħha dwar l-assenza ta’ sitwazzjoni transkonfinali (sitwazzjoni purament interna), li twassal sabiex il-kawża ma taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni. Dik is-sentenza fakkret li, indipendentement minn kull element transkonfinali effettiv, sitwazzjoni speċifika taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, l-ewwel nett, meta “ma setax jiġi eskluż li ċittadini stabbiliti fi Stati Membri oħrajn kienu jew setgħu jkunu interessati li jagħmlu użu minn dawn il-libertajiet biex jeżerċitaw attivitajiet fit-territorju tal-Istat Membru li ppromulga l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni”; it-tieni nett, meta “d-deċiżjoni li din il-qorti [tar-rinviju] ser tadotta wara s-sentenza tagħha [tal-Qorti tal-Ġustizzja] mogħtija preliminarjament ser tipproduċi l-istess effetti fir-rigward ta’ dawn iċ-ċittadini tal-aħħar [ta’ Stati Membri oħra]”; it-tielet nett, “meta d-dritt nazzjonali jimponi lill-qorti tar-rinviju li tagħti lil ċittadin tal-Istat Membru li din il-qorti taqa’ taħtu l-istess drittijiet bħal dawk li ċittadin ta’ Stat Membru ieħor jislet mid-dritt tal-Unjoni fl-istess sitwazzjoni”; u r-raba’ nett, meta “d-dispożizzjonijiet ta’ dan id-dritt [tal-Unjoni] saru applikabbli mil-leġiżlazzjoni nazzjonali li, fir-rigward tas-soluzzjonijiet li ngħataw għal sitwazzjonijiet li l-elementi kollha tagħhom huma limitati ġewwa Stat Membru wieħed biss, hija konformi mal-approċċ ipprovdut mid-dritt tal-Unjoni” (15).

33.      Huwa madankollu ċar li x-xenarji miġbura fis-sentenza Ullens de Schooten ma jeżawrixxux is-sitwazzjonijiet kollha li jistgħu jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni (16). Din il-kawża kienet ikkonċernata biss bl-allegazzjonijiet ta’ potenzjalità transkonfinali għall-għanijiet tal-invokazzjoni tar-regoli tal-moviment liberu tat-Trattat fil-kuntest ta’ talba għal responsabbiltà tal-Istat għal ksur ta’ dritt tal-Unjoni. Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja pprovdiet risposta fir-rigward tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat invokati.

34.      Is-sitwazzjoni l-oħra li tipikament taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni hija fejn, anki fl-assenza ta’ kwalunkwe element transkonfinali, il-qasam inkwistjoni huwa rregolat minn dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni.

2)      Miżura (ta’ armonizzazzjoni) tad-dritt (sekondarju) tal-Unjoni?

35.      Hemm dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni (tipikament dispożizzjoni ta’ armonizzazzjoni tad-dritt sekondarju) li tista’ tkun applikabbli għall-kawża inkwistjoni u li tista’ teħtieġ interpretazzjoni? Id-dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni tkopri l-qasam legali li fih it-tilwima fil-proċedura prinċipali qiegħda tiżvolġi? Hemm regola legali f’din id-dispożizzjoni li tista’ tiġi interpretata fis-sens li tirrigwarda s-sitwazzjoni fil-proċedura prinċipali? Jekk iva, mela l-kawża x’aktarx taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni għall-finijiet tal-interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni.

36.      Dan ix-xenarju huwa fil-biċċa l-kbira indipendenti mill-eżistenza ta’ kwalunkwe element transkonfinali. Numru ta’ miżuri ta’ armonizzazzjoni tad-dritt sekondarju tal-Unjoni huma applikabbli għal sitwazzjonijiet purament interni, minkejja li l-bażi tat-Trattat tagħhom huma dispożizzjonijiet relatati mal-moviment liberu u mal-istabbiliment tas-suq intern (17). Huwa għalhekk immaterjali, għall-għanijiet tal-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja, jekk is-sitwazzjoni hijiex fattwalment u purament interna, jiġifieri, jekk il-fatti kollha humiex ikkonfinati fi Stat Membru wieħed.

37.      Fl-assenza ta’ kwalunkwe element transkonfinali effettiv jew potenzjali, fattur ta’ konnessjoni suffiċjenti sabiex jkun applikabbli d-dritt tal-Unjoni huwa l-eżistenza ta’ regoli legali rilevanti, potenzjalment applikabbli, stabbiliti fid-dritt (sekondarju) tal-Unjoni li ma jagħmlu l-ebda distinzjoni bejn attivitajiet b’aspett barrani u attivitajiet li ma għandhom l-ebda aspett bħal dan (18). Għalhekk, sakemm l-għan tal-miżura jkun espressament limitat għal sitwazzjonijiet li għandhom dimensjoni transkonfinali, l-eżistenza ta’ miżuri ta’ armonizzazzjoni u l-bżonn li jiġu interpretati fir-rigward tal-kawża inkwistjoni jistgħu jikkostitwixxu rabta suffiċjenti sabiex ikun applikabbli d-dritt tal-Unjoni (19).

38.      Fil-fehma tiegħi, sabiex kwistjoni taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, huwa suffiċjenti li jkun hemm regoli tad-dritt sekondarju tal-Unjoni li jirregolaw b’mod ġenerali s-suġġett jew il-kwistjonijiet inkwistjoni. Għalhekk ma huwiex neċessarju, fl-istadju ta’ verifika tal-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja, li jiġu identifikati b’mod ċar u inekwivoku regola speċifika jew obbligu speċifiku fid-dritt tal-Unjoni li japplikaw għall-kawża.

39.      Eżempju reċenti li ġej minn qasam differenti tad-dritt tal-Unjoni jista’ juri l-punt. Is-sentenza Moro (20) kkonċernat id-domanda jekk id-dritt tal-Unjoni jopponix dispożizzjoni tad-dritt Taljan li tipprovdi li mhux possibbli li tintalab sanzjoni nnegozjata wara li l-ammissjoni mill-persuna ħatja ma saritx qabel ma kien beda l-proċess. Din id-domanda qamet bħala kwistjoni ta’ interpretazzjoni tad-Direttiva 2012/13, dwar id-dritt għall-informazzjoni fi proċeduri kriminali (21), b’mod partikolari l-Artikolu 6 (dritt għal informazzjoni dwar l-akkuża). B’mod ġenerali, ftit kien hemm dubju li d-direttiva setgħet tapplika ratione materiae għal din t-tip ta’ sitwazzjoni. Jekk din id-direttiva ħolqitx xi obbligi speċifiċi għall-Istati Membri fil-kuntest speċifiku tal-proċedura prinċipali kienet sussegwentement kwistjoni għad-diskussjoni dwar il-merti tal-kawża, iktar milli kwistjoni ta’ ammissibbiltà jew ta’ ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja (22).

40.      Fil-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Moro (23), jien ippruvajt ukoll nenfasizza l-konsegwenza pjuttost partikolari li tkun tirriżulta jekk ma ssirx distinzjoni ċara bejn il-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni (u l-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja) u d-diskussjoni dwar l-identifikazzjoni ta’ obbligu speċifiku li jirriżulta mid-dispożizzjonijiet tiegħu (l-evalwazzjoni ta’ kwistjoni fuq il-merti) f’tipi simili ta’ kawżi. Jekk dawn iż-żewġ kwistjonijiet jitħallew isiru waħda, mela allura d-diskussjoni kollha dwar il-merti tal-kawża sseħħ waqt l-evalwazzjoni tal-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja.

41.      Fil-qosor, il-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad il-ġurisdizzjoni fejn is-sitwazzjoni inkwistjoni tkun, fl-aspetti kollha, ikkonfinata fi Stat Membru wieħed (24), jew fejn ikun ovvju li l-ebda dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, speċjalment dawk irreferiti lill-Qorti tal-Ġustizzja għall-interpretazzjoni, ma tista’ tapplika (25). Minkejja li dawn iż-żewġ sitwazzjonijiet xi drabi jistgħu jiġu sovrapposti f’kawża individwali (pereżempju, fejn hemm strument tad-dritt sekondarju tal-Unjoni li jirregola sitwazzjoni transkonfinali), għandu jiġi nnotat, bħala konklużjoni, li l-loġika li fuqha huma bbażati hija differenti. L-eżistenza ta’ element transkonfinali (u l-assenza ta’ sitwazzjoni purament interna) hija evalwazzjoni ċirkostanzjali li tirrigwarda l-fatti ta’ kull kawża. B’kuntrast, l-eżistenza (jew in-nuqqas tagħha) ta’ miżura ta’ armonizzazzjoni tal-Unjoni hija evalwazzjoni normativa ta’ qasam legali partikolari: hemm miżuri tad-dritt tal-Unjoni li huma potenzjalment applikabbli għall-kawża inkwistjoni?

3)      Din il-kawża

42.      Evalwata fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet indikati preċedentement, din il-kawża ssib lilha nnifisha fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni almenu abbażi ta’ tliet aspetti: (1) element transkonfinali fil-kuntest tal-moviment liberu tal-merkanzija u l-konsegwenza tiegħu f’termini ta’ responsabbiltà; (ii) il-potenzjalità fir-rigward tal-libertà li wieħed jirċievi servizzi (ta’ assigurazzjoni) minn Stat Membru ieħor; u, (iii) is-suġġett normativ tal-kawża, jiġifieri ir-responsabbiltà tal-manifatturi għal prodotti u mezzi mediċi difettużi bħala merkanzija fis-suq intern, li t-tnejn huma parzjalment armonizzati mid-dritt sekondarju tal-Unjoni.

43.      L-ewwel nett, il-mezzi mediċi li allegatament ikkawżaw dannu lill-appellanti kienu tqiegħdu fis-suq madwar l-Unjoni Ewropea: ġew prodotti fi Franza, u sussegwentement ikkummerċjalizzati fil-Pajjiżi l-Baxxi minn impriża Olandiża, li eventwalment bigħethom fil-Ġermanja. Ċertament, id-domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju jirrigwardaw, b’xi mod jew ieħor, id-dannu sussegwenti li din il-merkanzija apparentament difettuża kkawżat fi Stat Membru wieħed lil residenti ta’ dak l-Istat Membru. Madankollu, diffiċli jiġi miċħud li d-dannu kien, b’xi mod, konsegwenza ta’ kummerċ ta’ merkanzija fl-Unjoni. B’mod ugwali, id-domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju speċifikament jistaqsu dwar il-kamp ta’ applikazzjoni tar-responsabbiltà ta’ manifattur residenti fi Stat Membru u l-involviment tal-awtoritajiet pubbliċi fis-sistema ta’ responsabbiltà u ta’ assigurazzjoni obbligatorja.

44.      It-tieni nett, kif bla dubju kien hemm moviment liberu upstream bejn l-Istati Membri (minħabba li l-merkanzija li kkawżat id-dannu ċċaqalqet), kien hemm ukoll l-allegat element transkonfinali potenzjali downstream. Jekk il-klawżola territorjali fil-fatt kellha titqies inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni, l-appellanti li tinsab fil-Ġermanja tista’, ipotetikament, tfittex kumpens mill-konvenuta li tinsab fi Franza, u għalhekk tfittex aċċess għal assigurazzjoni transkonfinali bħala l-parti leża (26). Minkejja li jkolli nammetti li nqis dan il-fattur ta’ konnessjoni, b’kuntrast mal-ewwel wieħed, pjuttost dubjuż, huwa wkoll ġust li jingħad li fil-ġurisprudenza preċedenti tagħha dwar il-moviment liberu, il-Qorti tal-Ġustizzja adottat approċċ pjuttost ġeneruż lejn l-inklużjoni ta’ xenarji remoti fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-erba’ libertajiet.

45.      It-tielet nett, is-suġġett ta’ din il-kawża jolqot kwistjonijiet li kienu s-suġġett ta’ xi armonizzazzjoni, inkluża r-responsabbiltà għal merkanzija jew mezzi mediċi difettużi. Id-Direttiva 85/374/KEE (27) stabbilixxiet il-prinċipju ta’ responsabbiltà mingħajr ħtija tal-produtturi ta’ prodotti difettużi. Min-naħa tagħha, id-Direttiva 93/42 armonizzat dispożizzjonijiet nazzjonali dwar is-sigurtà u l-protezzjoni tas-saħħa ta’ pazjenti u utenti ta’ mezzi mediċi. Din id-direttiva tirregola t-tqegħid fis-suq ta’ dawk il-mezzi u tistabbilixxi standards sabiex tipproteġi kontra r-riskji assoċjati mad-disinn, il-manifattura u l-ippakkjar ta’ mezzi mediċi.

46.      Hemm xi dispożizzjoni minn dawn l-istrumenti tad-dritt sekondarju li tkopri (jew jistgħu, ikkunsidrati weħidhom jew flimkien, jiġu interpretati li jkopru) il-kwistjoni ta’ assigurazzjoni għar-responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-użu ta’ mezzi mediċi mill-pazjenti? Jista’ jitfakkar li l-evalwazzjoni, għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-ġurizdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja, tikkonċerna s-suġġett kopert mill-istrumenti inkwistjoni, b’mod partikolari l-kamp ta’ applikazzjoni tagħhom ratione materiae, meta mqabbla mas-suġġett tat-tilwima. B’kuntrast, l-eżistenza jew l-assenza ta’ obbligi speċifiċi hija kwistjoni għall-interpretazzjoni ta’ dawn l-istrumenti (28).

47.      Bħala konsegwenza, għandu jiġi konkluż li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni tindirizza din it-talba għal deċiżjoni preliminari.

48.      Din il-konklużjoni ma hijiex affettwata mill-fatt, repetutament enfasizzat mill-konvenuta u mill-Gvern Franċiż, li l-appellanti, li qiegħda tfittex il-benefiċċju tal-assigurazzjoni marbuta mal-proteżijiet tas-sider inkwistjoni fi Franza, ma eżerċitatx hija stess id-dritt tagħha ta’ moviment liberu. Hija ċittadina Ġermaniża li rċeviet proteżijiet tas-sider fil-Ġermanja. Għaldaqstant la kien hemm moviment liberu ta’ persuni (l-appellanti ma ċċaqalqitx), u lanqas moviment liberu ta’ servizzi (mediċi) (l-operazzjoni twettqet fil-Ġermanja fuq residenti Ġermaniża).

49.      Iktar milli jirribattu l-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja li diġà ġiet stabbilita abbażi tat-tliet elementi elenkati iktar ’il fuq, dawn l-argumenti huma sintomatiċi ta’ problema differenti preżenti f’din il-kawża. Fid-deċiżjoni tar-rinviju tagħha, il-qorti tar-rinviju tinvoka biss l-Artikolu 18 TFUE, mingħajr ma tidentifika espliċitament liema dispożizzjoni oħra tad-dritt primarju jew sekondarju tal-Unjoni setgħet ġiet miksura bir-restrizzjoni territorjali tal-assigurazzjoni. Għalhekk, b’xi mod, din tħalliet għall-immaġinazzjoni għal dak li jirrigwarda liema mil-libertajiet speċifiċi (merkanzija, servizzi jew persuni) setgħet potenzjalment tapplika, u b’liema konstellazzjoni speċifika, fejn fil-fatt partijiet differenti ppreżentaw argumenti relatati ma’ libertajiet fundamentali dfifferenti. Dan sussegwentement iqajjem id-domanda vera ta’ din il-kawża: hemm xi dispożizzjoni speċifika tad-dritt tal-Unjoni li fil-fatt tipprekludi restrizzjoni territorjali bħal din? Jekk le, jista’ l-Artikolu 18 TFUE, fih innifsu, jirrappreżenta dispożizzjoni bħal din?

B.      Liema dispożizzjoni speċifika tad-dritt tal-Unjoni?

50.      Permezz tad-domandi tagħha, il-qorti tar-rinviju tinvoka biss l-Artikolu 18 TFUE. Skont din id-dispożizzjoni, “[f]il-kamp ta’ l-applikazzjoni tat-Trattati, u mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet speċjali inklużi hemm kull diskriminazzjoni minħabba ċittadinanza għandha tiġi projbita”. Skont ġurisprudenza stabbilita, l-Artikolu 18 TFUE, li jistabbilixxi l-prinċipju ġenerali ta’ nondiskriminazzjoni minħabba n-nazzjonalità, huwa intiż li “japplika b’mod awtonomu biss f’sitwazzjonijiet irregolati mid-dritt tal-Unjoni li għalihom it-Trattat ma jipprevedix regoli speċifiċi ta’ nondiskriminazzjoni” (29).

51.      Għalhekk, ir-rwol tal-Artikolu 18 TFUE huwa wieħed residwu. Kif l-Avukat Ġenerali Jacobs darba qal, il-funzjoni ta’ din id-dispożizzjoni hija li “tagħlaq kwalunkwe lacunae li tħalliet mid-diżpożizzjonijiet iktar speċifiċi tat-Trattat” (30). L-Artikolu 18 TFUE japplika biss meta l-ebda dispożizzjoni speċifika (lex specialis) li tipprojbixxi diskriminazzjoni minħabba n-nazzjonalità ma tkun applikabbli.

52.      Lil hinn minn tali funzjoni residwa tal-għeluq ta’ lacunae, hemm rwol indipendenti għall-Artikolu 18 TFUE? Ladarba l-Artikolu 18 TFUE huwa ddefinit f’relazzjoni ma’ dispożizzjonijiet oħra (“mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet speċjali inklużi [fit-Trattati]”), huwa neċessarju li jiġu eżaminati dispożizzjonijiet oħra tad-dritt tal-Unjoni potenzjalment rilevanti li jinkludu projbizzjonijiet speċifiċi ta’ diskriminazzjoni minħabba n-nazzjonalità, anki mingħajr ma tqajmu espliċitament mill-qorti tar-rinviju (31), qabel ma nħarsu lejn l-Artikolu 18 TFUE (32). Fl-għażla tal-libertajiet fundamentali potenzjalment rilevanti, il-Qorti tal-Ġustizzja ma tiħux deċiżjoni fl-astratt, iżda fid-dawl tal-kawża quddiemha (33).

53.      Għaldaqstant, qabel ma nduru għall-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 18 TFUE bħala dispożizzjoni awtonoma (4), ser nesplora, l-ewwel nett, jekk hemmx xi dispożizzjonijiet speċifiċi tad-dritt sekondarju li huma rilevanti (1), l-implikazzjonijiet u l-portata tar-regoli dwar il-moviment liberu tal-merkanzija fil-kawża preżenti (2), u l-possibbiltà li pazjenti leżi fi Stati Membri oħra jirċievu servizzi ta’ assigurazzjoni (3).

1.      Id-dritt sekondarju: responsabbiltà fuq livell tal-prodotti u mezzi mediċi

54.      Skont l-Artikolu 1 tad-Direttiva 85/374 “[i]l-produttur jinżamm responsabbli għal ħsara kkawżata minn difett fil-prodott tiegħu”. Fejn prodott difettuż jikkawża dannu lil konsumatur, il-produttur jista’ jinżamm responsabbli anki mingħajr negliġenza jew ħtija. Minkejja li d-Direttiva 85/374 tistabbilixxi sistema stretta (jew oġġettiva) ta’ responsabbiltà għal produtturi, hija silenzjuża dwar assigurazzjoni obbligatorja. Għalhekk, kif diġà ġie kkonfermat fir-rigward ta’ kwistjonijiet oħra li jistgħu potenzjalment jirriżultaw minn din id-direttiva, iżda li hija ma tipprevedix għalihom espliċitament, id-direttiva ma għandhiex l-għan li tarmonizza l-qasam tar-responsabbiltà għal prodotti difettużi lil hinn mill-punti li hija tirregola (34).

55.      Sa fejn huma kkonċernati d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 93/42 dwar mezzi mediċi, it-Taqsima 6 tal-Anness XI ta’ din id-direttiva teħtieġ biss li korpi nnotifikati “[jkollhom] assigurazzjoni għar-responsabbilta ċivili, għajr jekk din ir-responsabbilità tiġi meħuda mill-Istat taħt il-leġislazzjoni domestika jew jekk l-Istat Membru nnifsu iwettaq l-ispezzjonijiet direttament”. Din id-dispożizzjoni ġiet interpretata mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Schmitt (35), fejn il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li skont id-dritt tal-Unjoni kif inhu bħalissa, huma l-Istati Membri li għandhom jistabbilixxu l-kundizzjonijiet li taħthom nuqqas kolpevoli ta’ korp innotifikat milli jwettaq l-obbligi tiegħu skont il-proċedura rigward id-dikjarazzjoni ta’ konformità tal-KE stabbilita mid-Direttiva 93/42 jista’ jirriżulta f’responsabbiltà min-naħa tiegħu fil-konfront tal-utenti finali ta’ mezzi mediċi.

56.      Din il-pożizzjoni apparentament ma nbidlitx wisq bil-leġiżlazzjoni reċenti fil-forma tar-Regolament (UE) 2017/745 dwar mezzi mediċi (36). Minkejja li naturalment ma hijiex applikabbli ratione temporis għall-kawża inkwistjoni, xorta jaf ikun tajjeb li jiġi nnotat li, minkejja li ġie adottat wara l-iskandlu ta’ PIP (37), ir-rekwiżiti l-oħra f’dan ir-regolament jirrigwardaw biss ir-responsabbiltà tal-korp innotifikat (38). Huwa jibqa’ silenzjuż dwar l-obbligi ta’ assigurazzjoni tal-manifatturi. Skont l-Artikolu 10(16) tar-Regolament 2017/745, il-manifatturi għandhom biss “[i]kollhom fis-seħħ miżuri biex jipprovdu kopertura finanzjarja suffiċjenti fir-rigward tar-responsabbiltà potenzjali tagħhom skont id-Direttiva 85/374/KEE, mingħajr preġudizzju għal aktar miżuri protettivi taħt il-liġi nazzjonali.” Din id-dispożizzjoni tistabbilixxi wkoll li “[p]ersuna fiżika jew ġuridika tista’ titlob kumpens għal dannu kkawżat minn apparat difettuż f’konformità mal-liġi applikabbli nazzjonali u tal-Unjoni.”

57.      Minkejja li l-Artikolu 10(16) jista’ jiġi interpretat, bi sforz, li potenzjalment jinkludi wkoll assigurazzjoni għar-responsabbiltà ċivili, hemm mezzi oħra li permezz tagħhom jista’ jiġi żgurat li l-manifattur ikollu disponibbli “kopertura finanzjarja suffiċjenti fir-rigward tar-responsabbiltà potenzjali tagħhom” apparti obbligu ta’ assigurazzjoni. Iktar minn hekk, ir-riferiment fl-Artikolu 10(16) għad-dritt nazzjonali jagħmilha ċara li l-leġiżlatur tal-Unjoni ma kellux l-intenzjoni jipprevedi soluzzjoni armonizzata f’dan ir-rigward, bħal assigurazzjoni obbligatorja għar-responsabbiltà ċivili li għandha ssir mill-manifatturi kollha ta’ mezzi mediċi.

58.      Għalhekk, l-ebda waħda minn dawn id-direttivi ma tinkludi dispożizzjonijiet speċifiċi dwar assigurazzjoni għar-responsabbiltà ċivili għall-utent finali ta’ mezzi mediċi, li hija l-kwistjoni speċifika mqajma f’din il-kawża. B’differenza minn, pereżempju, il-qasam tal-assigurazzjoni għall-vetturi (39), fejn ġie stabbilit obbligu ta’ assigurazzjoni għall-vetturi li jkopri t-territorju kollu tal-Unjoni Ewropea, l-intenzjoni tal-leġiżlatur tal-Unjoni ma kinitx manifestament li jarmonizza l-leġiżlazzjoni tal-Istati Membri fir-rigward tal-assigurazzjoni għar-resposabbiltà ċivili li tirriżulta mill-użu ta’ mezzi mediċi. Għaldaqstant, ladarba din il-kwistjoni baqgħet intenzjonalment mhux irregolata mid-dritt sekondarju tal-Unjoni, il-kawża inkwistjoni għandha tiġi eżaminata fid-dawl tad-dritt primarju tal-Unjoni (40).

2.      Moviment liberu tal-merkanzija

59.      Fil-ġurisprudenza dwar il-moviment liberu, il-Qorti tal-Ġustizzja ma qagħditx lura milli tikkaratterizza miżuri nazzjonali bħala restrizzjonijiet għall-moviment liberu li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 34 TFUE (41) (jew l-Artikolu 35 TFUE). Madankollu, anki b’dan l-approċċ espansjonista lejn l-identifikazzjoni ta’ regoli li jistgħu jimpedixxu l-moviment liberu tas-servizzi bejn l-Istati Membri (1), jiena xorta nsibha impossibbli nikklassifika regola nazzjonali tal-Istat Membru ta’ orġini jew tas-sede (f’dan il-każ Franza), li ma tikkonċernax il-moviment liberu tal-merkanzija b’xi mod konvenzjonali iżda l-kundizzjonijiet ta’ użu sussegwenti, bħala miżura li timpedixxi l-moviment liberu ta’ din il-merkanzija (2).

1)      Ħruġ, dħul u aċċess: il-moviment liberu tal-merkanzija fl-Unjoni Ewropea

60.      Fir-rigward ta’ ostakoli għall-ħruġ, li tipikament jikkonċernaw regoli tal-Istati Membri tas-sede, skont il-Qorti tal-Ġustizzja, miżura nazzjonali applikabbli għall-operaturi kollha li joperaw fit-territorju nazzjonali li fil-fatt taffettwa l-esportazzjoni tal-prodotti mis-suq tal-Istat Membru ta’ esportazzjoni iktar mill-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti fis-suq nazzjonali tal-imsemmi Stat Membru, taqa’ taħt il-projbizzjoni stabbilita fl-Artikolu 35 TFUE (42).

61.      Fir-rigward ta’ ostakoli għad-dħul, li tipikament jiġu stabbiliti mir-regoli tal-Istat Membru ospitanti, l-Artikolu 34 TFUE jolqot firxa wiesgħa ta’ miżuri li jvarjaw minn ostakoli diskriminatorji (43), għal ostakoli fiżiċi għall-kummerċ (44) u rekwiżiti tal-prodotti (bħal dawk li jikkonċernaw l-isem, il-forma, id-dimensjonijiet, il-piż, il-kompożizzjoni, il-preżentazzjoni, l-ittikkettjar, jew l-ippakkjar), anki jekk dawn ir-rekwiżiti huma applikati indistintament għall-prodotti kollha u ma humiex intiżi li jirregolaw il-kummerċ tal-merkanzija bejn l-Istati Membri (45).

62.      L-iktar dikjarazzjoni mill-ġdid reċenti ta’ din l-aħħar linja ġurisprudenzjali saret fis-sentenza Il‑Kummissjoni vs L‑Italja u fis-sentenza Mickelsson u Roos (46), fir-rigward ta’ miżuri nazzjonali dwar l-użu ta’ prodotti fl-Istat Membru ospitanti. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li apparti miżuri li għandhom l-għan jew l-effett li jittrattaw prodotti ġejjin minn Stati Membri oħra inqas favorevolment, kwalunkwe miżuri oħra li jostakolaw l-aċċess għall-prodotti li oriġinaw fi Stati Membri oħra għas-suq ta’ Stat Membru huma wkoll koperti mill-Artikolu 34 TFUE, peress li “projbizzjoni ta’ użu ta’ prodott fit-territorju ta’ Stat Membru għandha impatt kunsiderevoli fuq l-aġir tal-konsumaturi li, min-naħa tiegħu, għandu impatt fuq l-aċċess ta’ dan il-prodott għas-suq ta’ dan l-Istat Membru” (47).

63.      Mhux faċli li jiġi identifikat element komuni fil-ġurisprudenza rikka tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-moviment liberu tal-merkanzija (48). Madankollu, għall-finijiet ta’ din il-kawża, jistħoqqilhom jiġu enfasizzati tliet elementi.

64.      L-ewwel nett, il-moviment liberu tal-merkanzja jikkonċerna il-movimenti transkonfinali u r-regoli li jipprevjenu dħul jew ħruġ. Għalhekk hija l-mobbiltà jew il-moviment liberu tal-merkanzija li hija inkwistjoni, tipikament fir-rigward tal-abbiltà tal-merkanzija li tippenetra s-suq tal-Istat Membru ospitanti. L-Artikoli 34 u 35 TFUE jolqtu dispożizzjonijiet nazzjonali li jostakolaw id-dħul jew il-ħruġ ta’ merkanzija.

65.      Madankollu, ir-regoli dwar il-moviment liberu ma humiex hemm sabiex jirregolaw l-użu jew il-konsum sussegwenti tal-merkanzija fl-Istat Membru ospitanti. Għalhekk, ladarba l-merkanzija tkun ħarġet minn Stat Membru u daħlet f’ieħor, ikun seħħ “moviment transkonfinali”. Filwaqt li din il-merkanzija tkun qiegħda tiċċirkula liberament fit-territorju tal-Istat Membru ospitanti, hija għandha tosserva r-regoli ta’ dan l-Istat Membru fl-eżerċizzju tal-awtonomija regolatorja tiegħu.

66.      It-tieni nett, huwa ġust li jiġi ammess li minkejja li r-regoli dwar il-moviment liberu tal-merkanzija ma humiex intenzjonati li jirregolaw l-użu sussegwenti fl-Istat Membru ospitanti, hemm livell ta’ esaġerazzjoni. Il-ġurisprudenza dwar il-moviment liberu tal-merkanzija tolqot b’mod ċar ċerti kundizzjonijiet tal-użu, il-konsum jew regoli oħra nazzjonali applikabbli tal-Istat Membru ospitanti. Iżda xorta nissuġġerixxi li dawn l-istanzi ta’ esaġerazzjoni għandhom biss u proprjament jikkonċernaw projbizzjonijiet totali fuq ċerti attivitajiet jew prattiki li (kważi) totalment jipprevjenu l-użu u l-kummerċjalizzazzjoni ta’ ċerti prodotti jew l-aċċess effettiv tagħhom għas-suq (49).

67.      It-tielet nett, preċiżament sabiex tiġi limitata tali esaġerazzjoni mhux mixtieqa, kien hemm is-sentenza Keck (50), kif ukoll il-limitazzjoni tal-portata tal-Artikoli 34 u 35 TFUE permezz tar-rekwiżit tal-prossimità.

68.      Min-naħa l-waħda, il-Qorti tal-Ġustizzja llimitat il-portata tal-Artikolu 34 TFUE billi eskludiet ċerti arranġamenti ta’ bejgħ mill-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu. Skont il-linja ġurisprudenzjali tas-sentenza Keck (51), dispożizzjonijiet nazzjonali li jirrestrinġu jew jipprojbixxu arranġamenti ta’ bejgħ ma jitqisux li potenzjalment jostakolaw kummerċ fl-Unjoni, sakemm japplikaw għall-operaturi kummerċjali rilevanti kollha li joperaw fit-territorju nazzjonali u sakemm jaffettwaw bl-istess mod, fid-dritt u fil-fatti, il-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti nazzjonali u ta’ dawk minn Stati Membri oħra.

69.      Min-naħa l-oħra, il-Qorti tal-Ġustizzja tillimita l-portata tal-Artikoli 34 u 35 TFUE b’test tan-natura remota. Hija ġurisprudenza stabbilita li dawn l-artikoli ma jkoprux miżura li tapplika mingħajr distinzjoni u li l-għan tagħha ma huwiex li tirregola l-kummerċ fil-merkanzija ma’ Stati Membri oħra, u li l-effetti restrittivi tagħha fuq il-moviment liberu tal-merkanzija huma wisq inċerti u indiretti sabiex l-obbligu li hija tistabbilixxi jitqies li għandu natura li jostakola l-kummerċ bejn l-Istati Membri (52).

70.      Minkejja li jidhru taħt titoli differenti, is-sentenza Keck u r-rekwiżit tal-prossimità (jew l-assenza tan-natura remota) jaqsmu bejniethom l-istess loġika: jeskludu mill-portata tal-Artikolu 34 TFUE b’mod partikolari r-regoli nazzjonali kollha li ma jikkonċernawx il-moviment liberu tal-merkanzija jew il-passi immedjatament sussegwenti jew korrelatati li għandhom impatt ċar fuq l-aċċess, li għalhekk jostakolaw l-aċċess innifsu.

2)      Assenza ta’ kopertura tal-assigurazzjoni u “impatt konsiderevoli fuq l-aġir tal-konsumaturi”

71.      B’dan il-kuntest analitiku f’moħħna, jidher li r-regoli dwar il-moviment liberu tal-merkanzija ma jipprovdux bażi sabiex wieħed jipprova jikkumpensa għall-assenza ta’ regoli fl-Istat Membru ospitanti dwar assigurazzjoni obbligatorja għar-responsabbiltà ċivil tal-manifatturi ta’ mezzi mediċi billi, effettivament, jiġu importati dawn ir-regoli li jeżistu fl-Istat Membru tas-sede li minnu l-merkanzija ċċaqalqet.

72.      Din il-konklużjoni hija iktar enfasizzata minn żewġ karatteristiċi partikolari ta’ din il-kawża.

73.      L-ewwel nett, din il-kawża ma ġietx ippreżentata minn persuna li normalment tkun rikorrenti f’dan it-tip ta’ tilwim: manifattur tal-merkanzija inkwistjoni, importatur jew operatur kummerċjali. L-ebda manifattur ta’ mezzi mediċi ma sostna li l-obbligu ta’ assigurazzjoni inkwistjoni jikkostitwixxi ostakolu għall-ħruġ (għall-manifatturi Franċiżi) jew għad-dħul (għall-manifatturi barranin) (53). Naturalment, dan lanqas ma huwa l-argument tal-appellanti. Hija ma ssostnix li r-regoli inkwistjoni jkunu jimpedixxu l-ħruġ ta’ mezzi mediċi prodotti fi Franza, u li b’hekk ikollhom impatt fuq l-utenti (Ġermaniżi) ta’ dawn il-prodotti. Minflok, il-prodott, ladarba ttrasportat minn Franza, ġewwa l-Pajjiżi l-Baxxi u lejn il-Ġermanja, ikkawża dannu lill-appellanti bħala pazjenta, jiġifieri, bħala l-utent finali tal-prodott.

74.      It-tieni nett, il-qorti tar-rinviju f’din il-kawża hija qorti tal-Istat Membru ospitanti (il-Ġermanja) li qiegħda tistaqsi dwar il-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru tas-sede (Franza), li ma huwiex normali fil-kuntest tar-regoli dwar il-moviment liberu (54). Normalment, f’dan il-kuntest, irrispettivament minn jekk ikunux inkwistjoni allegati ostakoli għad-dħul jew għall-ħruġ, miżuri tal-Istat ta’ oriġini (li allegatament jimpedixxu l-ħruġ) huma kkontestati fil-qrati tal-Istat ta’ oriġini, filwaqt li miżuri tal-Istat ospitanti (li allegatament jimpedixxu d-dħul) huma kkontestati fil-qrati tal-Istat ospitanti. Għaldaqstant, li kieku din il-kawża kienet kawża “normali” ta’ moviment liberu, il-qorti tar-rinviju kienet tkun qorti Franċiża mitluba tevalwa jekk ir-regoli Franċiżi jammontawx għal ostakolu għall-ħruġ, jew il-qorti tar-rinviju (Ġermaniża) kienet tagħmel domandi rigward il-kompatibbiltà tad-dritt Ġermaniż mad-dritt tal-Unjoni.

75.      Madankollu, fil-kawża inkwistjoni, qorti Ġermaniża xorta qiegħda tfittex gwida mill-Qorti tal-Ġustizzja fuq kwistjoni rigward regoli Franċiżi, f’kawża mressqa minn utent finali tal-merkanzija. Skont il-loġika tar-regoli dwar il-moviment liberu tal-merkanzija, id-domanda hija għalhekk, essenzjalment, jekk il-fatt li l-assigurazzjoni obbligatorja marbuta mal-mezzi mediċi li huma mmanifatturati fi Franza ma “tivvjaġġax” ma’ din il-merkanzija jikkostitwixxix ostakolu għall-moviment liberu mill-perspettiva ta’ utent finali ibbażat fi Stat Membru ieħor.

76.      Għal din id-domanda, ir-risposta tiegħi hija “le” ċara. Il-fatt li l-assigurazzjoni ma “tivvjaġġax” mal-merkanzija, anki jekk hija obbligatorja fl-Istat Membru tas-sede għall-użu sussegwenti ta’ din il-merkanzija f’dak l-Istat Membru, ma hijiex kwistjoni li hija koperta mill-Artikolu 34 jew mill-Artikolu 35 TFUE.

77.      Nirrikonoxxi li sensiela pjuttost twila ta’ kawżalità ipotetika tista’ tiġi mmanifestata sabiex tagħmel dawn ir-regoli nazzjonali (jew, minflok, l-assenza ta’ tali regoli) problematiċi mill-perspettiva tal-moviment liberu tal-merkanzija. Skont, pereżempju, is-sentenza Mickelsson u Roos, jista’ jiġi ssuġġerit li l-fatt li l-assigurazzjoni hija limitata għat-territorju tal-Istat Membru tas-sede biss jista’ jkollu “impatt konsiderevoli fuq l-aġir tal-konsumaturi” fl-Istat Membru ospitanti, u għalhekk topera bħala ostakolu għall-aċċess tas-suq (55). Naturalment, mezzi mediċi ma humiex merkanzija ordinarja. Il-konsumaturi x’aktarx iwettqu riċerka fi-dettall qabel jixtru mezz mediku u qabel ma jiġi impjantat f’ġisimhom. Għalhekk, jista’ jiġi ssuġġerit li konsumatriċi Ġermaniża tista’ tiskopri li l-manifattriċi ta’ dawn il-mezzi mediċi speċifiċi hija assigurata għar-responsabbiltà ċivili biss fit-territorju Franċiż, u b’hekk tkun taf li jekk il-mezzi mediċi jkunu difettużi u jekk il-manifattriċi tfalli, hija ma tkunx tista’ tirkupra kwalunkwe dannu minħabba li hemm klawżola ta’ limitazzjoni territorjali fil-kuntratt li l-manifattriċi Franċiża għandha mal-assiguratriċi tagħha fi Franza. F’xenarju bħal dan ta’ għarfien perfett, kważi ta’ provvidenza, konsumatriċi Ġermaniża tista’ għalhekk potenzjalment tiġi dissważa milli tixtri tali prodott minn Franza, u l-moviment transkonfinali tal-merkanzija jista’ fil-fatt jiġi affettwat.

78.      Madankollu, in-numru ta’ “jekk” f’dawn il-premessi juri għalfejn xenarju bħal dan huwa wisq remot u ipotetiku biex ikollu xi ħaġa li għandha x’taqsam mar-regoli dwar il-moviment liberu tal-merkanzija. Li kieku din il-loġika kellha tiġi milqugħa, quod non, kwalunkwe regola nazzjonali tal-Istat Membru tas-sede – almenu dawk iktar favorevoli minn dawk tal-Istat Membru ospitanti – tista’ potenzjalment tiġi diskussa.

79.      F’ċertu sens, din is-sitwazzjoni hija iktar remota u ipotetika f’termini ta’ aċċess għas-suq tal-Istat Membru ospitanti (jew anki l-ħruġ mis-suq domestiku) milli l-linja famuża (jew infami) ta’ kawżi rigward il-kwistjoni tal-“ftuħ tal-ħwienet nhar ta’ Ħadd” (56), li wasslet għas-sentenza Keck. Fil-kawżi dwar il-ftuħ tal-ħwienet nhar ta’ Ħadd, projbizzjoni applikabbli b’mod ġenerali għal ħwienet li jiftħu nhar ta’ Ħadd kellha impatt ċar fuq il-volum globali ta’ bejgħ, inkluż il-bejgħ ta’ merkanzija minn Stati Membri oħra. F’din il-kawża, is-sensiela ta’ “jekk” hija pjuttost itwal.

80.      Isegwi li r-regoli tat-Trattat dwar il-moviment liberu tal-merkanzija ma humiex applikabbli għall-kundizzjonijiet li jikkonċernaw l-użu sussegwenti tal-merkanzija fl-Istat Membru ospitanti, sakemm dawn il-kundizzjonijiet ma jostakolawx direttament u immedjatament l-aċċess għas-suq ta’ dan l-Istat Membru. Mill-perspettiva tal-utent finali, obbligu tal-manifattur li jagħmel assigurazzjoni għar-responsabbiltà ċivili għal prodotti difettużi, jew l-assenza ta’ tali obbligu, jikkonċerna esklużivament il-kundizzjonijiet tal-użu sussegwenti tal-merkanzija fit-territorju tal-Istat Membru ospitanti u la jikkonċerna direttament u immedjatament il-ħruġ tal-merkanzija mill-Istat Membru tas-sede u lanqas l-aċċess għas-suq tal-Istat Membru ospitanti.

3.      Libertà li wieħed jirċievi servizzi (ta’ assigurazzjoni) minn Stat Membru ieħor

81.      Il-libertà li jiġu pprovduti servizzi ma jidhirx li hija rilevanti f’din il-kawża. L-ewwel nett, ma hijiex fattwalment inkwistjoni fil-proċedura prinċipali minħabba li l-appellanti hija l-utent finali ta’ mezz mediku u mhux il-fornitriċi ta’ servizzi. It-tieni nett, ir-regoli inkwistjoni ma jaffettwawx il-libertà li jiġu pprovduti servizzi, kemm jekk servizzi mediċi jew dawk ta’ assigurazzjoni. Sa fejn hija kkonċernata l-libertà li jiġu pprovduti servizzi ta’ assigurazzjoni, kif iddikjarat mill-Gvern Franċiż, il-limitazzjoni territorjali tal-obbligu ta’ assigurazzjoni inkwistjoni ma tipprevjenix kumpanniji tal-assigurazzjoni milli jkopru mezzi mediċi prodotti fi Franza iżda użati fi Stat Membru ieħor. Manifatturi u kumpanniji tal-assigurazzjoni jistgħu fil-fatt jiddeċiedu, fl-eżerċizzju tal-libertà kuntrattwali tagħhom, dwar il-kamp ta’ applikazzjoni territorjali tal-kuntratt tal-assigurazzjoni, lil hinn mill-minimu legali meħtieġ mid-dritt Franċiż, jiġifieri kopertura fit-territorju Franċiż.

82.      Madankollu, skont il-Qorti tal-Ġustizzja, il-libertà li jiġu pprovduti servizzi tinkludi l-libertà tad-destinatarji li jmorru fi Stat Membru ieħor sabiex jirċievu servizz. L-appellanti tista’ ipotetikament tirċievi żewġ tipi ta’ servizzi: servizzi mediċi u dawk ta’ assigurazzjoni. Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kkonfermat li persuni li jirċievu trattament mediku jistgħu jitqiesu destinatarji ta’ servizzi (57).

83.      Madankollu, l-appellanti rċeviet servizzi mediċi fil-Ġermanja, mhux fi Franza. Għalhekk, sakemm il-ġurisprudenza dwar destinatarji ta’ servizzi ma tiġix iddefinita mill-ġdid sabiex tinkludi “vjaġġar mingħajr moviment”, sempliċement ma kien hemm l-ebda element transkonfinali.

84.      L-unika xenarju li jifdal ikun li nifhmu l-pożizzjoni tal-appellanti bħala destinatarja potenzjali ta’ servizzi ta’ assigurazzjoni. Tali servizzi jkollhom tabilħaqq natura transkonfinali fis-sens li residenti Ġermaniża tkun qiegħda titlob kumpens bħala parti leża fi Franza, kontra assiguratur Franċiż. L-eżistenza tal-limitazzjoni territorjali għalhekk tkun tippreżenta ostakolu għal li wieħed jirċievi servizzi ta’ assigurazzjoni liberament minn barra.

85.      Hemm numru ta’ problemi b’tali kostruzzjoni. Ikkunsidrati flimkien, dawn il-problemi jġebbdu l-libertà li wieħed jirċievi servizzi lil hinn mil-limiti loġiċi tagħha.

86.      Huwa veru li hemm is-sentenza Cowan (58). Dik il-kawża kkonċernat ċittadin Britanniku li kien qiegħed ifittex kumpens mill-Istat Franċiż għal ħsara riżultanti minn aggressjoni sostnuta minnu, bħala turist, waqt li kien qiegħed Pariġi. Il-leġiżlazzjoni Franċiża llimitat il-kumpens għal ċittadini Franċiżi u ċittadini barranin residenti fi Franza. Il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li, “fejn id-dritt Komunitarju jiggarantixxi għal persuna naturali l-libertà li tmur fi Stat Membru ieħor, il-protezzjoni ta’ dik il-persuna mill-ħsara fl-Istat Membru inkwistjoni, fuq l-istess bażi bħal dik ta’ ċittadini u persuni residenti hemmhekk, hija korollarja ta’ dik il-libertà ta’ moviment. Isegwi li l-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni hija applikabbli għad-destinatarji ta’ servizzi fis-sens tat-Trattat fir-rigward tal-protezzjoni kontra r-riskju ta’ aggressjoni u d-dritt li jinkiseb kumpens finanzjarju previst mid-dritt nazzjonali meta dan ir-riskju jimmaterjalizza” (59).

87.      Iżda hemm differenzi kruċjali. L-ewwel nett, I. W. Cowan kien fil-fatt eżerċità d-dritt tiegħu ta’ moviment liberu (mir-Renju Unit għal Franza), minkejja li sempliċement bħala turist. Il-Qorti tal-Ġustizzja espliċitament iddikjarat li kien “korollarju” ta’ dan il-moviment il-fatt li I. W. Cowan kien intitolat jirċievi servizzi fl-Istat Membru li kien qiegħed jospitah. Huwa għaldaqstant irnexxielu jikkontesta l-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru ospitanti, quddiem qorti ta’ dak l-Istat Membru ospitanti. It-tieni nett, il-loġika li fuqha hija bbażata s-sentenza Cowan kienet, fi żmien meta ċ-ċittadinanza tal-Unjoni ma kinitx teżisti (60), li tiżgura li “konsumatur li qiegħed jivvjaġġa” jista’ jgawdi l-istess benefiċċji u servizzi fl-Istat Membru ospitanti bħala ċittadin jew residenti ta’ dak l-Istat.

88.      Din is-sitwazzjoni hija differenti. L-ewwel nett, l-appellanti ma ċċaqalqitx. It-tieni nett, hija ma hijiex qiegħda tikkontesta l-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru tagħha (il-Ġermanja), iżda (indirettament) dik ta’ Franza, quddiem il-qorti ta’ Stat Membru ieħor.

89.      Iktar minn hekk, id-diffikultà intellettwali b’kostruzzjoni bħal din hija għal darba oħra r-relazzjoni remota u ipotetika tagħha ma’ xi regola ċara tad-dritt tal-Unjoni. Il-perspettiva tal-moviment liberu tas-servizzi tesponi l-problema vera ta’ din il-kawża b’mod ċar ħafna: l-assenza ta’ xi regola ċara tad-dritt tal-Unjoni li tipprevjeni l-limitazzjoni territorjali inkwistjoni, li twassal għal serje ta’ ipoteżi u konġetturi dwar kif tinħoloq regola bħal din wara l-fatt. Il-fatt li dan l-argument iqiegħed il-karrettun qabel iż-żiemel huwa iktar apparenti fir-rigward tal-provvista potenzjali tas-servizzi: peress li l-appellanti tista’ potenzjalment titlob id-danni mill-konvenuta jekk il-klawżola ta’ limitazzjoni territorjali titneħħa mill-kuntratt tal-assigurazzjoni, u tista’ għaldaqstant tirċievi servizzi ta’ assigurazzjoni bħala l-parti leża, il-limitazzjoni territorjali tal-kopertura tal-assigurazzjoni bilfors li hija inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni. Skont din il-linja ta’ ħsieb, il-konklużjoni (mixtieqa) titħalla tidderieġi l-analiżi, anki fl-assenza ta’ regola applikabbli tad-dritt tal-Unjoni.

90.      Fil-fehma tiegħi, ma huwiex possibbli li jittieħed approċċ bħal dan. Għalhekk għandu jiġi konkluż li, fiċ-ċirkustanzi ta’ din il-kawża, l-appellanti ma tistax tistrieħ fuq il-libertà li jiġu pprovduti servizzi.

4.      L-Artikolu 18 TFUE

91.      Ikkunsidrajtha essenzjali, fil-partijiet preċedenti ta’ dawn il-konklużjonijiet, li neżamina pjuttost fid-dettall id-dispożizzjonijiet sostantivi l-oħra kollha tat-Trattat jew tad-dritt sekondarju li jistgħu potenzjalment jinkludu projbizzjoni li tapplika f’din il-kawża. Iżda jidher li ma hemm l-ebda dispożizzjoni oħra tad-dritt tal-Unjoni, żgur mhux waħda li ġiet miġjuba għall-attenzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja waqt dawn il-proċeduri, li tista’ tipprekludi limitazzjoni territorjali f’kuntratt tal-assigurazzjoni konkluż minn manifattur ta’ mezzi mediċi jekk invokata minn pazjent leż fi Stat Membru ieħor.

92.      Din id-diskussjoni ddettaljata ta’ regoli tal-Unjoni potenzjalment applikabbli, b’mod partikolari dawk dwar il-moviment liberu, ma kinitx biss meħtieġa min-natura relazzjonali, sussidjarja tal-Artikolu 18 TFUE (61); hija kienet ukoll neċessarja sabiex jinftiehem kompletament sa fejn il-portata tal-Artikolu 18 TFUE tista’ tasal, jekk interpretat li jistabbilixxi minnu nnifsu projbizzjoni ġenerali, awtonoma ta’ diskriminazzjoni fil-kamp ta’ applikazzjoni tat-Trattati.

93.      F’din it-taqsima tal-għeluq, l-ewwel ser nispjega għalfejn il-Qorti tal-Ġustizzja, f’(ħafna) mill-ġurisprudenza reċenti tagħha, ma tatx interpretazzjoni daqshekk vasta lill-Artikolu 18 TFUE (1). Sussegwentement ser nindika l-mod kif l-Artikolu 18 TFUE jista’ fil-fatt, fil-kuntest ta’ din il-kawża, jitqies u jiġi applikat bħala dispożizzjoni awtonoma, li tipproduċi obbligi eżekuttivi irrispettivament minn dispożizzjonijiet oħra tad-dritt tal-Unjoni (2). Ser nagħlaq billi nispjega għalfejn, minkejja li għandi ammont kbir ta’ simpatija morali għall-kawża tal-appellanti, inqis li jekk l-Artikolu 18 TFUE jingħata interpretazzjoni b’dan il-mod, ikun problematiku ħafna f’termini strutturali. Dan iwassal sabiex l-Artikolu 18 TFUE jinbidel f’dispożizzjoni ta’ armonizzazzjoni bla limiti, bil-konsegwenza li tiġi mfixkla d-diviżjoni ta’ kompetenzi bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri u jinħolqu kunflitti problematiċi bejn sistemi legali fis-suq intern (3).

1)      L-Artikolu 18 TFUE u l-każ ta’ ċittadin tal-Unjoni li jeżerita d-dritt tiegħu ta’ moviment liberu

94.      L-Artikolu 18 TFUE jista’ jiġi invokat “fis-sitwazzjonijiet kollha li jaqgħu taħt il-qasam ta’ applikazzjoni ratione materiae tad-dritt tal-Unjoni”. Fost dawn is-“sitwazzjonijiet kollha li jaqgħu taħt il-qasam ta’ applikazzjoni ratione materiae tad-dritt tal-Unjoni”, il-Qorti tal-Ġustizzja ammettiet b’mod partikolari li “s-sitwazzjoni ta’ ċittadin tal-Unjoni li uża l-libertà ta’ moviment tiegħu taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 18 TFUE, li jikkonferma l-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni minħabba n-nazzjonalità” (62).

95.      Huwa veru li, fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-Artikolu 18 TFUE, il-Qorti tal-Ġustizzja ma hijiex stretta ħafna fl-evalwazzjoni tal-eżistenza effettiva ta’ moviment. Hemm fergħat ta’ ġurisprudenza, b’mod partikolari dawk l-iktar reċenti li jinkludu ċ-ċittadinanza tal-Unjoni, fejn l-eżerċizzju effettiv tad-dritt ta’ moviment liberu mill-parti inkwistjoni mhux faċilment apparenti (63). Madankollu, b’mod ġenerali, xi moviment minn ċittadin tal-Unjoni jew, f’numru minn dawn il-kawżi, minn persuni relatati mill-viċin ma’ ċittadin tal-Unjoni, tibqa’ kundizzjoni. Is-sempliċi residenza fi Stat Membru ma hijiex suffiċjenti sabiex japplika l-Artikolu 18 TFUE (64). Huma biss dawk il-persuni li attwalment iċċaqalqu li jistgħu jinvokaw din id-dispożizzjoni (65).

96.      Apparti miċ-ċittadinanza tal-Unjoni, li huwa fil-kuntest tagħha li l-Artikolu 18 TFUE l-iktar li jiġi invokat, il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet ukoll, fi ftit kawżi, li l-Artikolu 18 TFUE jista’ japplika fejn is-sitwazzjoni inkwistjoni tikkonċerna miżura nazzjonali li tittrasponi strument tad-dritt sekondarju tal-Unjoni (66); jew fid-dawl tal-effetti tas-suġġett dwar kummerċ fl-Unjoni ta’ merkanzija u servizzi meta l-libertà kummerċjali tkun inkwistjoni (67); jew fejn is-sitwazzjoni hija speċifikament irregolata minn miżuri ta’ armonizzazzjoni tal-Unjoni, bħal pereżempju fis-sentenza International Jet Management (68).

97.      Din is-sentenza tal-aħħar, li tgħid li l-Artikolu 18 TFUE japplika minħabba l-eżistenza ta’ miżuri ta’ armonizzazzjoni tal-Unjoni, għandha, madankollu, titqiegħed f’perspettiva. F’kuntrast mal-evalwazzjoni wiesgħa u ġenerali tas-suġġett tad-dritt sekondarju tal-Unjoni bl-għan li tiġi stabbilita l-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja (69), sabiex l-Artikolu 18 TFUE jkun applikabbli bħala obbligu sostantiv u eżekuttiv, il-punt inkwistjoni (jew is-suġġett fis-sens dejjaq) kellu jkun speċifikament armonizzat sabiex jitqies li jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tad-dritt tal-Unjoni u b’hekk tiġi skattata l-applikazzjoni tal-Artikolu 18 TFUE.

2)      L-Artikolu 18 TFUE li indipendentement joħloq obbligu sostantiv

98.      L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 18 TFUE jistabbilixxi tliet kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tiegħu fi kwalunkwe każ: (1) is-sitwazzjoni għandha taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tat-Trattati, (ii) għandha tkun mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe dispożizzjonijiet speċjali inklużi fihom, u (iii) għandu jkun hemm diskriminazzjoni minħabba n-nazzjonalità.

99.      Fir-rigward tal-ewwel kundizzjoni, fid-dawl tal-approċċ ġeneruż lejn il-moviment liberu fil-ġurisprudenza, il-kawża inkwistjoni għandha titqies li taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni (70). Madankollu, jista’ wkoll jiġi ssuġġerit li jekk, wara eżaminazzjoni fid-dettall tad-dritt primarju u sekondarju tal-Unjoni, jirriżulta li fil-fatt ma hemm l-ebda dispożizzjoni speċifika tad-dritt tal-Unjoni li teħtieġ l-assigurazzjoni obbligatorja tal-manifatturi ta’ mezzi mediċi għar-responsabbilta ċivili u li, fil-kuntest ta’ din il-kawża, l-ebda obbligu bħal dan ma jista’ jiġi dedott minn xi waħda mil-libertajiet fundamentali, mela l-kawża terġa’ taqa’ kompletament ’il barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni u l-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja. Għandi d-dubji dwar l-onestà intellettwali ta’ kostruzzjoni bħal din (71), iżda jista’ wkoll ikollha riperkussjonijiet interessanti għall-applikabbiltà tal-Artikolu 18 TFUE nnifsu.

100. Fir-rigward tat-tieni kundizzjoni, ma hemm l-ebda dispożizzjonijiet speċjali dwar is-suġġett speċifiku tal-obbligu ta’ assigurazzjoni u l-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu, la fit-Trattati u lanqas fid-dritt sekondarju.

101. Fir-rigward tat-tielet kundizzjoni, l-eżistenza ta’ kundizzjonijiet iktar favorevoli għar-responsabbiltà tal-manifatturi f’xi Stati Membri u mhux f’oħrajn tista’ tidher, mad-daqqa tal-għajn, li hija xenarju klassiku ta’ diskriminazzjoni indiretta minħabba n-nazzjonalità. Naturalment, id-diskriminazzjoni inkwistjoni ma tikkonċernax l-aċċess għas-servizzi mediċi: kif repetutament u korrettement ġie ddikjarat mill-Gvern Franċiż, jekk nisa Ġermaniżi kellhom jirċievu trattament mediku fi Franza, huma jiġu koperti wkoll mill-assigurazzjoni obbligatorja.

102. L-aċċess għas-servizzi mediċi ma huwiex il-kwistjoni f’din il-kawża. Minflok, jista’ jingħad li d-diskriminazzjoni tinsab fid-differenza tat-trattament fl-aċċess ta’ kumpens taħt il-polza ta’ assigurazzjoni. Minkejja l-fatt li d-dannu ġie kkawżat mill-istess moviment liberu fl-Unjoni Ewropea tal-merkanzija difettuża, l-aċċess għal kumpens huwa differenti skont fejn il-pazjent inkwistjoni jkun għamel l-operazzjoni. Ma hemm l-ebda dubju li ħafna ċittadini Franċiżi x’aktarx jagħmlu operazzjoni bħal din fi Franza, u ħafna Ġermaniżi fil-Ġermanja. Għalhekk, huwa ħafna inqas probabbli li pazjenti Ġermaniżi qatt jirċievu xi kumpens mill-kopertura tal-assigurazzjoni.

103. Barra minn hekk, permezz ta’ diskriminazzjoni indiretta minħabba n-nazzjonalità, Franza tista’ wkoll tiġi akkużata talli indirettament qiegħda tippromwovi l-provvista ta’ servizzi mediċi fit-territorju tagħha, billi tagħmilha iktar diffiċli għal ċittadini minn Stati Membri oħra li jirċievu l-benefiċċju tal-assigurazzjoni minħabba li, għal dan l-għan, huma jkollhom isiefru Franza sabiex jagħmlu operazzjoni. B’kuntrast, nisa Franċiżi jistgħu jiksbu kumpens mill-polza tal-assigurazzjoni iktar faċilment minn nisa barranin, minħabba li dawn x’aktarx jagħmlu operazzjoni fit-territorju Franċiż (72).

104. Għalhekk, wieħed jista’ potenzjalment isostni li t-tliet kundizzjonijiet kollha li jwasslu għall-applikazzjoni tal-Artikolu 18 TFUE jidher li huma preżenti. Hemm tliet argumenti oħra li jistgħu jitqiesu ta’ sostenn għall-applikazzjoni tal-Artikolu 18 TFUE f’kawża bħal din.

105. L-ewwel nett, jekk id-dritt tal-Unjoni jipprevedi u jeżegwixxi l-moviment liberu tal-merkanzija, jista’ jiġi sostnut li huwa wkoll għandu jipprevedi u jeżegwixxi responsabbiltà ugwali għal kawżi li fihom din il-merkanzija tirriżulta li hija difettuża. Il-merkanzija sikwit iġġorr riskji, u l-kummerċ ħieles jippermetti li dawn ir-riskji jiċċirkulaw u potenzjalment joħolqu dannu kullimkien. Jidher ġust li l-pazjenti kollha, kullimkien fl-Unjoni Ewropea, li jsofru konsegwenzi negattivi minn prodotti difettużi prodotti fi Stat Membru għandu jkollhom iċ-ċans li jiksbu kumpens adegwat.

106. It-tieni nett, u parzjalment marbut mal-ewwel punt, il-protezzjoni tal-konsumatur kienet fuq quddiem nett tat-tfassil tal-politika tal-Unjoni fi snin reċenti. L-Artikolu 12 TFUE għamel ir-rekwiżiti tal-protezzjoni tal-konsumatur applikabbli b’mod trasversali, sabiex jittieħdu inkunsiderazzjoni fid-definizzjoni u l-implimentazzjoni ta’ politiki oħra tal-Unjoni. Għalhekk, il-moviment liberu għandu jirrifletti u jaħdem għal livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumatur, kif stabbilit fl-Artikolu 38 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”).

107. It-tielet nett, għandha tiġi kkunsidrata ċ-ċittadinanza tal-Unjoni. F’ċertu sens, il-ġurisprudenza iktar qadima dwar l-Artikolu 18 TFUE, ċertament dik dwar il-moviment liberu tal-persuni (73), tista’ titqies bħala prekursur taċ-ċittadinanza tal-Unjoni Madankollu, il-fatt li ġiet stabbilita ċ-ċittadinanza tal-Unjoni, li hija neċessarjament marbuta mad-dinjità ugwali skont id-dritt tal-Unjoni (l-Artikolu 1 u l-Artikolu 20 tal-Karta), jagħmilha superflwa li joqgħod isir eżami fid-dettall ta’ min eżattament iċċaqlaq, fejn u għal kemm, jew min jista’ jkun dipendenti fuq min.

108. Dawn l-argumenti kollha kkunsidrati flimkien, flimkien mal-konsegwenzi ċertament koroh li l-prodotti difettużi inkwistjoni kellhom għall-appellanti, jistgħu jwasslu għas-suġġeriment li l-imperattiv ta’ protezzjoni ugwali taċ-ċittadini-konsumaturi kollha Ewropej jipprekludi regola nazzjonali li, effettivament, tillimita l-kopertura tal-assigurazzjoni għal persuni li jkunu għamlu operazzjoni fit-territorju tal-Istat Membru, u għalhekk indirettament tillimita l-kopertura għal ċittadini ta’ dan l-Istat Membru.

3)      L-osservanza tal-loġika regolatorja tas-suq intern

109. Minkejja li suġġeriment bħal dan jista’ jiġi mifhum kompletament f’termini morali fil-kuntest speċifiku ta’ din il-kawża individwali, ikun, madankollu, kompletament ħażin f’termini strutturali. Dan iwassal sabiex l-Artikolu 18 TFUE jinbidel f’dispożizzjoni bla limiti, li bis-saħħa tagħha kwalunkwe kwistjoni, irrispettivament minn kemm hija remotament marbuta ma’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, tkun tista’ tiġi armonizzata b’mezzi ġudizzjarji. Dan iwassal ukoll sabiex jeqleb il-kompetenza regolatorja fis-suq intern rasha ’l isfel, u jiġġenera kunflitti futuri irrikonċiljabbli ta’ kompetenza bejn l-Istati Membri.

110. Il-prinċipju tat-tluq għar-regolamentazzjoni tas-suq intern huwa l-osservanza tad-diversità regolatorja fi kwistjonijiet li ma humiex espliċitament armonizzati mid-dritt tal-Unjoni. Fil-fatt, l-armonizzazzjoni impliċita tista’ xi drabi tesdenti għal dan il-qasam. Ċerti regoli tal-Istati Membri li ma ġewx preċedentement armonizzati mil-leġiżlazzjoni jistgħu jiġu ddikjarati inkompatibbli ma’ xi waħda mill-erba’ libertajiet.

111. Dak li jirriżulta b’mod ċar mid-diskussjoni dwar il-moviment liberu tal-merkanzija (74) u tas-servizzi (75) huwa li l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dawn il-libertajiet diġà huwa kunsiderevoli. Iżda huwa ċar ukoll mid-diskussjoni ta’ din il-kawża li jekk l-Artikolu 18 TFUE jitħalla jopera bħala obbligu awtonomu u sostantiv bil-mod implikat mill-qorti tar-rinviju fid-domandi tagħha, il-portata tiegħu kieku jwassal lil hinn minn kwalunkwe limitu li l-ġurisprudenza dwar il-moviment liberu qatt ikkontemplat, inkluża l-ġurisprudenza dwar il-merkanzija qabel is-sentenza Keck. Interpretata b’dan il-mod, ma jkun hemm l-ebda limitu għall-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 18 TFUE: din id-dispożizzjoni tiġi mibdula f’formola ta’ Dassonville esaġerata. Fid-dinja interkonnessa tal-lum, f’xi mument, ikun hemm inevitabbilment xi tip ta’ interazzjoni ma’ merkanzija, servizzi jew persuni minn Stati Membri oħra. Li kieku dan kien biżżejjed sabiex jiskatta l-applikazzjoni indipendenti tal-Artikolu 18 TFUE, kull regola fi Stat Membru tkun taqa’ taħt din id-dispożizzjoni.

112. Biex nieħdu biss eżempju wieħed (76): immaġina kieku, waqt li jiena qiegħed nabbozza dawn il-konklużjonijiet, inkorri – nittamaw mhux serjament iżżejjed – għaliex il-kompjuter li fuqu qiegħed nittajpja jisplodi. Il-partijiet varji tal-kompjuter x’aktarx ġew prodotti fi Stat Membru ieħor li ma huwiex il-Lussemburgu, u iktar probabbli, f’epoka ta’ katini ta’ provvista integrati, f’diversi Stati Membri, jekk mhux anki f’pajjiżi terzi. Fl-assenza ta’ xi termini kuntrattwali speċifiċi li jikkonċernaw id-dritt u l-ġurisdizzjoni applikabbli bejn il-produttur ta’ dan il-kompjuter u jien, għaldaqstant bis-suppożizzjoni li kieku japplikaw regoli normali dwar id-delitt, id-dritt applikabbli li jirregola kwalunkwe talba għad-danni x’aktarx ikun id-dritt Lussemburgiż, bħala d-dritt tal-Istat fejn seħħ l-inċident. Għandu jkolli mbagħad, li kieku kelli nsib id-dritt Lussemburgiż mhux sodisfaċenti għall-kawża tad-danni tiegħi, il-possibbiltà li ninvoka l-Artikolu 18 TFUE sabiex ninvoka d-dritt tal-post ta’ produzzjoni tal-kompjuter, jew forsi anki l-post ta’ produzzjoni ta’ kwalunkwe wieħed mill-komponenti tal-kompjuter, u li jkolli t-talba tiegħi infurzata quddiem qorti Lussemburgiża?

113. Dan ix-xenarju jenfasizza t-tema komuni li diġà tirriżulta mid-diskussjoni dwar moviment liberu potenzjali tal-merkanzija u tas-servizzi: ir-regoli dwar il-moviment liberu, kif ukoll l-Artikolu 18 TFUE, loġikament ikopru biss il-moviment liberu tal-merkanzija jew is-servizzi bejn il-fruntieri, inkluż id-dħul u l-ħruġ. Sakemm mhux espressament armonizzati mil-leġiżlatur tal-Unjoni, ir-regoli dwar l-użu sussegwenti tagħhom huma kwistjoni għall-Istati Membri fejn jintużaw. Dan jinkludi wkoll kwistjonijiet potenzjali ta’ responsabbiltà, inklużi kwistjonijiet ta’ assigurazzjoni obbligatorja, ukoll fejn mhux espressament armonizzati (77).

114. Fi kliem ieħor, il-fatt li l-merkanzija darba ġiet minn Stat Membru ieħor ma hijiex raġuni suffiċjenti sabiex tissuġġerixxi li kwalunkwe kwistjoni li sussegwentement tikkonċerna din il-merkanzija hija koperta wkoll mid-dritt tal-Unjoni. Jekk tiġi milqugħa din il-loġika, b’interpretazzjoni dubjuża tal-Artikolu 18 TFUE, il-moviment tal-merkanzija fl-Ewropa terġa’ (għal darba oħra) ssir reminixxenti tal-partikolariżmu legali medjevali (78), fejn kull prodott, bħal persuna, iġorr miegħu l-liġijiet tiegħu. Il-merkanzija ssir bħall-bebbux, li jġorr miegħu id-djar tiegħu fil-forma tal-leġiżlazzjoni tal-pajjiz ta’ oriġini tagħha, sabiex tiġi applikata fuqha mill-produzzjoni tagħha sad-distruzzjoni tagħha.

115. Konsegwenza bħal din mhux biss tneħħi kwalunkwe territorjalità (normali) fl-applikazzjoni tal-liġijiet, iżda tiġġenera wkoll kunflitti ta’ sistemi regolatorji bejn l-Istati Membri. Fil-fatt, interpretazzjoni espansjonista bħal din tal-Artikolu 18 TFUE tista’ tagħmel il-leġiżlazzjoni tal-Istati Membri kollha potenzjalment applikabbli fl-istess territorju mingħajr kriterji ċari u oġġettivi dwar liema leġiżlazzjoni għandha tipprevali f’tilwima partikolari, fejn il-vittma tista’ tagħżel l-iktar leġiżlazzjoni favorevoli (79).

116. F’dan il-kuntest, huwa utli li titfakkar partikolarità oħra ta’ din il-kawża, jiġifieri li minkejja li l-Istat ta’ oriġini tal-merkanzija, jew l-Istat Membru tas-sede (Franza), adotta regoli rigward l-użu sussegwenti tagħha fit-territorju tiegħu (assigurazzjoni obbligatorja għal operazzjonijiet imwettqa fit-territorju tiegħu), l-Istat li fih intużat il-merkanzija, l-Istat Membru ospitanti (il-Ġermanja), ma jidhirx li adotta xi regoli f’dan ir-rigward (80).

117. Imma x’kien jiġri kieku r-regoli dwar il-kwistjoni ġew adottati fil-Ġermanja? F’każ bħal dan, ikun ġust li wieħed jassumi li ħadd ma kien jiddubita li r-regoli Ġermaniżi jkunu applikabbli, kompletament u esklużivament, fir-rigward ta’ dannu potenzjali li jseħħ fit-territorju Ġermaniż. Ma huwiex probabbli li xi ħadd ikun qiegħed ifittex sabiex jissostitwixxi r-regoli Franċiżi potenzjalment iktar favorevoli bir-regoli Ġermaniżi dwar il-kwistjoni, li, f’dan il-punt, ma għandha l-ebda konnessjoin mad-dritt Franċiż.

118. Dan jerġa’ jenfasizza għalfejn l-Artikolu 18 TFUE ma jistax jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi l-limitazzjoni għat-territorju nazzjonali tal-obbligu ta’ assigurazzjoni għar-responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-użu ta’ mezzi mediċi. A fortiori, din id-dispożizzjoni ma tistax tiġi interpretata li tobbliga lill-konvenuta jew lir-Repubblika Franċiża jagħtu kumpens lill-appellanti fuq il-bażi ta’ effett dirett.

119. Fil-qosor, l-Artikolu 18 TFUE ma jistax jiġi interpretat fis-sens li joħloq, fih innifsu, obbligu awtonomu, indipendenti u sostantiv li ma huwiex diġà inkluż f’xi waħda mill-erba’ libertajiet jew speċifikament previst minn xi miżura oħra tad-dritt tal-Unjoni. B’mod partikolari, din id-dispożizzjoni żgur ma għandhiex tiġi applikata b’mod li jwassal anki iktar ’il bogħod mill-portata diġà pjuttost komprensiva tal-erba’ libertajiet tal-moviment.

120. Bħala konklużjoni, ninnota li din il-kawża hija l-konsegwenza tal-fatt li d-dritt tal-Unjoni ma armonizzax il-kwistjoni ta’ assigurazzjoni għar-responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-użu ta’ mezzi mediċi u li, apparentement, id-dritt Ġermaniż lanqas ma inkluda dispożizzjonijiet f’dan is-sens. Jista’ jiġi mfakkar li, f’kuntest mhux kompletament differenti, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kkonstatat fis-sentenza Schmitt li huwa d-dritt nazzjonali li għandu jiddeċiedi dwar il-kundizzjonijiet għar-responsabbiltà ta’ korpi nnotifikati fil-konfront tal-utenti finali ta’ mezzi mediċi (81). Huma wkoll l-Istati Membri, kif inhu bħalissa d-dritt tal-Unjoni, li għandhom jirregolaw poloz ta’ assigurazzjoni applikabbli għal mezzi mediċi użati fit-territorju tagħhom, anki meta dawn il-mezzi huma importati minn Stat Membru ieħor.

121. F’dan ir-rigward, l-Istati Membri ċertament li huma liberi, fl-assenza ta’ armonizzazzjoni, li jiddeċiedu li jintroduċu livell ogħla ta’ protezzjoni tal-pazjenti u tal-utenti ta’ mezzi mediċi permezz ta’ poloz ta’ assigurazzjoni iktar favorevoli li japplikaw fit-territorju tagħhom (82). Għalhekk, il-limitazzjoni territorjali inkwistjoni f’din il-kawża kienet għażla leġiżlattiva leġittima ta’ Franza (83). Dan il-fatt diffiċilment jista’ jitbiddel jew, minflok, jintuża kontra dan l-Istat Membru, bis-suġġeriment li din l-għażla leġiżlattiva għandha sussegwentement tiġi estiża għat-territorju ta’ kwalunkwe Stat Membru ieħor li naqas milli jdaħħal regoli simili.

V.      Konklużjoni

122. Nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domandi magħmula mill-Oberlandesgericht Frankfurt am Main (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Frankfurt am Main, il-Ġermanja) bil-mod segwenti:

–        L-Artikolu 18 TFUE ma jipprekludix, minnu nnifsu, il-limitazzjoni għat-territorju ta’ Stat Membru ta’ obbligu ta’ assigurazzjoni għar-responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-użu ta’ mezzi mediċi.


1      Lingwa oriġinali: l-Ingliż.


2      Kif emendat mil-Liġi Nru 2002‑1577 tat‑30 ta’ Diċembru 2002.


3      Stabbilit mil-Liġi Nru 2002‑303 tal‑4 ta’ Marzu 2002.


4      Direttiva tal-Kunsill tal‑14 ta’ Ġunju 1993 dwar mezzi mediċi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 12, p. 82).


5      Ara, pereżempju, is-sentenza bikrija tat‑28 ta’ Marzu 1979, Saunders (175/78, EU:C:1979:88, punt 11).


6      Ara, pereżempju, is-sentenza tat‑30 ta’ Ġunju 2016, Admiral Casinos & Entertainment (C‑464/15, EU:C:2016:500, punt 21).


7      Ara, pereżempju, is-sentenzi tal‑11 ta’ Settembru 2003, Anomar et (C‑6/01, EU:C:2003:446, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata); tad‑19 ta’ Lulju 2012, Garkalns (C‑470/11, EU:C:2012:505, punt 21); u tal‑11 ta’ Ġunju 2015, Berlington Hungary et (C‑98/14, EU:C:2015:386, punt 24). Enfasi miżjuda minni.


8      Ara, pereżempju, is-sentenza tat‑30 ta’ Novembru 1995, Gebhard (C‑55/94, EU:C:1995:411, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata).


9      Ara, pereżempju, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑10 ta’ Mejju 1995, Alpine Investments  (C‑384/93, EU:C:1995:126, punti 23 sa 28); tal‑15 ta’ Diċembru 1995; Bosman  (C‑415/93, EU:C:1995:463, punti 88 sa 91); tad‑9 ta’ Settembru 2004, Carbonati Apuani  (C‑72/03, EU:C:2004:506, punti 22 sa 26); u tal‑10 ta’ Frar 2009, Il‑Kummissjoni vs L‑Italja (C‑110/05, EU:C:2009:66, punt 58).


10      Ara, pereżempju, is-sentenza tal‑11 ta’ Ġunju 2015, Berlington Hungary et (C‑98/14, EU:C:2015:386, punt 27); jew, għal loġika simili fil-kuntest tal-moviment liberu tal-ħaddiema, ara reċentement, pereżempju, is-sentenza tal‑10 ta’ Ottubru 2019, Krah (C‑703/17, EU:C:2019:850, punti 42 sa 54).


11      Sentenza tal‑24 ta’ Novembru 1993, Keck u Mithouard (C‑267/91 u C‑268/91, EU:C:1993:905).


12      Għal perspettiva kritika, ara, fil-kuntest tal-ħaddiema, l-konklużjonijiet tiegħi fi Krah (C‑703/17, EU:C:2019:450) u, dwar l-istabbiliment, dawk f’Hornbach-Baumarkt (C‑382/16, EU:C:2017:974).


13      Ara, f’dan is-sens, fil-kuntest ta’ servizzi, id-digriet tal‑4 ta’ Ġunju 2019, Pólus Vegas (C‑665/18, mhux ippubblikat, EU:C:2019:477, punti 16 sa 24).


14      Sentenza tal‑15 ta’ Novembru 2016 (C‑268/15, EU:C:2016:874).


15      Ibid., punti 50 sa 53 (bir-referenzi għall-fergħat varji ta’ ġurisprudenza li s-sentenza ġabet flimkien).


16      Ara, għal fehmiet kritiċi dwar is-sentenza Ullens de Schooten u, b’mod iktar ġenerali, il-kategorija ta’ “sitwazzjonijiet purament interni”, pereżempju, Dubout, É., “Voyage en eaux troubles: vers une épuration des situations ‘purement’ internes? CJUE, gde ch., 15 novembre 2016, Ullens de Schooten, aff. C‑268/15, ECLI:EU:C:2016:874”, Revue des affaires européennes, 4, 2016, p. 679; u Iglesias Sánchez, S., “Purely Internal Situations and the Limits of EU Law: Consolidated Case-Law or a Notion to be Abandoned?”, European Constitutional Law Review, Vol. 14, 2018, l-ewwel ħarġa, p. 7.


17      Ara, pereżempju, is-sentenza tal‑20 ta’ Mejju 2003, Österreichischer Rundfunk et (C‑465/00, C‑138/01 u C‑139/01, EU:C:2003:294, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata), kif ukoll is-sentenza tas‑6 ta’ Novembru 2003, Lindqvist (C‑101/01, EU:C:2003:596, punti 40 u 41).


18      Ara, pereżempju, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑30 ta’ Jannar 2018, X u Visser (C‑360/15 u C‑31/16, EU:C:2018:44, punti 98 sa 110).


19      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑13 ta’ Ġunju 2019, Moro (C‑646/17, EU:C:2019:489, punti 29 sa 37).


20      Sentenza tat‑13 ta’ Ġunju 2019 (C‑646/17, EU:C:2019:489).


21      Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU 2012, L 142, p. 1).


22      Sentenza tat‑13 ta’ Ġunju 2019, Moro (C‑646/17, EU:C:2019:489, punti 29 sa 37).


23      C‑646/17, EU:C:2019:95, punti 29 u 76 sa 81, inkluża n-nota ta’ qiegħ il-paġna 29.


24      Ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑1 ta’ April 2008, Il‑Gvern tal‑Komunità Franċiża u Il‑Gvern tal‑Vallonja (C‑212/06, EU:C:2008:178, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata).


25      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑30 ta’ Ġunju 2016, Admiral Casinos & Entertainment (C‑464/15, EU:C:2016:500, punti 19 sa 22 u l-ġurisprudenza ċċitata).


26      Fis-sottomissjonijiet bil-miktub u fis-seduta għas-sottomissjonijiet orali, saret xi diskussjoni dwar il-fatt li l-appellanti la hija l-assiguratriċi u lanqas l-assigurata, u għalhekk ma hijiex proprja parti tal-kuntratt ta’ assigurazzjoni u għaldaqstant ma hijiex involuta f’xi servizzi ta’ assigurazzjoni. Jien naħseb li dan l-argument mhux totalment konvinċenti, minħabba li kwistjonijiet ta’ assigurazzjoni, tkun xi tkun il-kostruzzjoni dogmatika tagħhom, dejjem jikkonċernaw mid-definizzjoni tagħhom iktar partijiet minn sempliċement l-assiguratur u l-assigurat, bħal (jew b’mod partikolari) il-parti leża jew il-benefiċjarju jew id-detentur tal-polza (jekk persuni differenti) – ara, b’analoġija, pereżempju, l-Artikolu 13 tar-Regolament (UE) Nru 1215/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑12 ta’ Diċembru 2012 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali (ĠU 2012, L 351, p. 1).


27      Direttiva tal-Kunsill tal‑25 ta’ Lulju 1985 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi ta’ l-Istati Membri dwar responabbiltà għall-prodotti difettużi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 1, p. 257).


28      Iktar ’il fuq, punti 35 sa 40.


29      Ara, pereżempju, is-sentenzi tat‑18 ta’ Lulju 2017, Erzberger (C‑566/15, EU:C:2017:562, punt 25 u l-ġurisprudenza ċċitata); tas‑26 ta’ Ottubru 2017, I  (C‑195/16, EU:C:2017:815, punt 70); u tat‑18 ta’ Ġunju 2019, L‑Awstrija vs Il‑Ġermanja (C‑591/17, EU:C:2019:504, punt 39). Enfasi miżjuda minni.


30      Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Jacobs fil-Kawżi Magħquda Phil Collins et (C‑92/92 u C‑326/92, EU:C:1993:276, punt 12).


31      Li, anki indipendentement mill-kuntest speċjali tal-kostruzzjoni tal-Artikolu 18 TFUE, fil-fatt ma jkunux problema – ara pereżempju, is-sentenza tad‑29 ta’ Ottubru 2015, Nagy (C‑583/14, EU:C:2015:737, punt 20).


32      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑14 ta’ Lulju 1994, Peralta (C‑379/92, EU:C:1994:296, punt 18).


33      Ara f’dan is-sens, pereżempju, is-sentenzi tat‑22 ta’ Ġunju 1999, ED (C‑412/97, EU:C:1999:324, punti 13 sa 14), u tal‑21 ta’ Ġunju 2016, New Valmar  (C‑15/15, EU:C:2016:464, punt 31).


34      Sentenzi tal‑20 ta’ Novembru 2014, Novo Nordisk Pharma (C‑310/13, EU:C:2014:2385, punt 24 u l-ġurisprudenza ċċitata), u tal‑21 ta’ Ġunju 2017, W et (C‑621/15, EU:C:2017:484, punt 21).


35      Sentenza tas‑16 ta’ Frar 2017 (C‑219/15, EU:C:2017:128, punti 56 u 59).


36      Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑5 ta’ April 2017, li jemenda d-Direttiva 2001/83/KE, ir-Regolament (KE) Nru 178/2002 u r-Regolament (KE) Nru 1223/2009 u li jħassar id-Direttivi tal-Kunsill 90/385/KEE u 93/42/KEE (ĠU 2017, L 117, p. 1, rettifika fil-ĠU 2019, L 334, p. 165).


37      Ara l-proposta tal-Kummissjoni għal Regolament dwar mezzi mediċi (COM(2012) 542 final). Ara wkoll ir-Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal‑14 ta’ Ġunju 2012 dwar il-proteżijiet tas-sider difettużi magħmulin minn ġel tas-silikon manifatturati mill-kumpanija Franċiża PIP (2012/2621(RSP)).


38      Il-punt 1.4.2. tal-Anness VII tar-Regolament 2017/745 jistabbilixxi: “L-ambitu u l-valur finanzjarju globali tal-assigurazzjoni ta’ responsabbiltà għandhom jikkorrispondu mal-livell u l-ambitu ġeografiku tal-attivitajiet tal-korp notifikat u jkunu proporzjonati mal-profil tar-riskju tal-apparati ċċertifikati mill-korp notifikat.”


39      Artikoli 3 u 6 tad-Direttiva 2009/103/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑16 ta’ Settembru 2009 dwar l-assigurazzjoni kontra responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-użu ta’ vetturi bil-mutur u l-infurzar tal-obbligu ta’ assigurazzjoni kontra din ir-responsabbiltà (ĠU 2009, L 263, p. 11).


40      Ara f’dan is-sens, pereżempju, is-sentenzi tal‑11 ta’ Lulju 2002, Carpenter (C‑60/00, EU:C:2002:434, punt 36); tal‑10 ta’ Lulju 2014, Il‑Kummissjoni vs Il‑Belġju (C‑421/12, EU:C:2014:2064, punt 63 u l-ġurisprudenza ċċitata); u tal‑14 ta’ Lulju 2016, Promoimpresa et (C‑458/14 u C‑67/15, EU:C:2016:558, punti 59 sa 62).


41      Billi tiftaħ bil-kamp ta’ applikazzjoni wiesa’ ta’ “kull leġiżlazzjoni kummerċjali tal-Istati Membri li tista’ tostakola, direttament jew indirettament, attwalment jew potenzjalment, il-kummerċ intra-Komunitarju […]”. Sentenza tal‑11 ta’ Lulju 1974, Dassonville (8/74, EU:C:1974:82, punt 5).


42      Ara pereżempju, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑16 ta’ Diċembru 2008, Gysbrechts u Santurel Inter (C‑205/07, EU:C:2008:730, punti 40 sa 43), u tal‑21 ta’ Ġunju 2016, New Valmar (C‑15/15, EU:C:2016:464, punt 36).


43      Ara, pereżempju, is-sentenza tal‑24 ta’ Novembru 1982, Il‑Kummissjoni vs L‑Irlanda (249/81, EU:C:1982:402, punti 28 sa 29).


44      Pereżempju, ir-rekwiżit għal ċertifikat ta’ awtentiċità maħruġ mill-Istat Membru ta’ esportazzjoni ilu mis-sentenza tal‑11 ta’ Lulju 1974, Dassonville (8/74, EU:C:1974:82).


45      Ara, pereżempju, is-sentenza tal‑14 ta’ Frar 2008, Dynamic Medien (C‑244/06, EU:C:2008:85, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata).


46      Sentenza tal‑10 ta’ Frar 2009, Il‑Kummissjoni vs L‑Italja (C‑110/05, EU:C:2009:66), li kkonċernat projbizzjoni fuq l-użu ta’ mutur flimkien ma’ trejler fl-Italja; u s-sentenza tal‑4 ta’ Ġunju 2009, Mickelsson u Roos (C‑142/05, EU:C:2009:336), li kkonċernat leġiżlazzjoni Svediża li llimitat l-użu ta’ dgħajjes personali fl-Isvezja.


47      Sentenza tal‑10 ta’ Frar 2009, Il‑Kummissjoni vs L‑Italja (C‑110/05, EU:C:2009:66, punti 37 u 56), u s-sentenza tal‑4 ta’ Ġunju 2009, Mickelsson u Roos (C‑142/05, EU:C:2009:336, punti 24 u 26).


48      Ara, pereżempju, Barnard, C., “Fitting the Remaining Pieces into the Goods and Persons Jigsaw?” European Law Review, 2001, Vol. 26, p. 35; Snell, J., “The Notion of Market Access: A Concept or A Slogan?”, Common Market Law Review 2010, Vol. 47, p. 437; Ritleng, D., “L’accès au marché est-il le critère de l’entrave aux libertés de circulation?”, f’Dubout, É., Maitrot de la Motte, A., (eds), L’unité des libertés de circulation. In varietate concordia, Coll. Droit de l’Union européenne, Bruylant, Brussell, 2013, p. 159‑183; Nic Shuibhne, N., The Coherence of EU Free Movement Law, Studies in European Law, Oxford University Press, Oxford, 2013, p. 210‑256.


49      Eżempji magħrufa sew f’din il-kategorija huma projbizzjoni totali fuq ir-reklamar ta’ xorb alkoħoliku, sentenza tat‑8 ta’ Marzu 2001, Gourmet International Products (C‑405/98, EU:C:2001:135, punt 21 u 25), jew il-projbizzjoni fuq il-bejgħ ta’ lentijiet tal-kuntatt għajr fi ħwienet speċjalizzati f’mezzi mediċi, b’mod partikolari permezz tal-internet, sentenza tat‑2 ta’ Diċembru 2010, Ker-Optika (C‑108/09, EU:C:2010:725, punti 54 u 55). Ara wkoll is-sentenza tal‑14 ta’ Frar 2008, Dynamic Medien (C‑244/06, EU:C:2008:85, punti 31 sa 34).


50      Sentenza tal‑24 ta’ Novembru 1993, Keck u Mithouard (C‑267/91 u C‑268/91, EU:C:1993:905).


51      Sentenza tal‑24 ta’ Novembru 1993, Keck u Mithouard (C‑267/91 u C‑268/91, EU:C:1993:905, punt 16). Ara wkoll is-sentenzi tal‑15 ta’ Diċembru 1993, Hünermund et (C‑292/92, EU:C:1993:932, punt 21); tat‑28 ta’ Settembru 2006, Ahokainen u Leppik (C‑434/04, EU:C:2006:609, punt 19); u tal‑14 ta’ Frar 2008, Dynamic Medien (C‑244/06, EU:C:2008:85, punt 29).


52      Ara, pereżempju, is-sentenzi tas‑7 ta’ Marzu 1990, Krantz  (C‑69/88, EU:C:1990:97, punt 11); tat‑13 ta’ Ottubru 1993, CMC Motorradcenter (C‑93/92, EU:C:1993:838, punt 12); u tal‑14 ta’ Lulju 1994, Peralta (C‑379/92, EU:C:1994:296, punt 24). Iżda ara s-sentenza tal‑21 ta’ Ġunju 2016, New Valmar  (C‑15/15, EU:C:2016:464, punti 45 sa 46).


53      Pereżempju, li kieku operatur kummerċjali kellu jikkontesta regola tal-Istat Membru ospitanti li tagħmel l-importazzjoni ta’ merkanzija suġġetta għal assigurazzjoni obbligatorja, dan ikun każ ferm differenti, li x’aktarx jaqa’ kompletament taħt l-Artikolu 34 TFUE.


54      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑16 ta’ Diċembru 1981, Foglia (244/80, EU:C:1981:302, punt 30), fejn il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li “l-Qorti tal-Ġustizzja […] għandha turi attenzjoni speċjali meta, fi proċeduri bejn individwi, issirilha domanda bl-għan li tippermetti lill-qorti nazzjonali tiddeċiedi jekk il-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru ieħor hijiex skont id-dritt tal-[Unjoni]”. Ara wkoll is-sentenza tal‑21 ta’ Jannar 2003, Bacardi-Martini u Cellier des Dauphins (C‑318/00, EU:C:2003:41).


55      Iktar ’il fuq, punt 62 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


56      Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tas‑16 ta’ Diċembru 1992, B & Q (C‑169/91, EU:C:1992:519, punti 9 sa 10). Ara, iktar reċentement, is-sentenza tat‑23 ta’ Frar 2006, A-Punkt Schmuckhandel  (C‑441/04, EU:C:2006:141, punt 21), fejn il-Qorti tal-Ġustizzja ma kkunsidratx il-projbizzjoni ta’ bejgħ fuq l-għatba tal-bieb bħala miżura b’effett ekwivalenti, anki jekk x’aktarx hija tillimita l-volum totali ta’ bejgħ tal-prodotti rilevanti fl-Istat Membru kkonċernat u tista’, konsegwentement, taffettwa l-volum ta’ bejgħ ta’ dawn il-prodotti minn Stati Membri oħra.


57      Ara s-sentenza tal‑31 ta’ Jannar 1984, Luisi u Carbone (286/82 u 26/83, EU:C:1984:35, punt 16), fejn il-Qorti tal-Ġustizzja espliċitament inkludiet persuni li jirċievu trattament mediku bħala destinatarji ta’ servizzi.


58      Sentenza tat‑2 ta’ Frar 1989 (186/87, EU:C:1989:47).


59      Ibid., punt 17.


60      Illum, xenarji tat-tip Cowan jaqgħu b’mod iktar naturali taħt ċittadinanza tal-Unjoni. Ara, pereżempju, is-sentenza tas‑26 ta’ Ottubru 2017, I (C‑195/16, EU:C:2017:815, punti 69 sa 72). Ara wkoll l-konklużjonijiet tiegħi f’dik il-kawża (EU:C:2017:374, punti 64 sa 75).


61      Indikat iktar ’il fuq fil-punti 50 sa 52 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


62      Ara, pereżempju, is-sentenzi tal‑24 ta’ Novembru 1998, Bickel u Franz (C‑274/96, EU:C:1998:563, punt 26); tal‑10 ta’ April 2018, Pisciotti (C‑191/16, EU:C:2018:222, punt 34); tat‑13 ta’ Novembru 2018, Raugevicius (C‑247/17, EU:C:2018:898, punt 27); u tat‑13 ta’ Ġunju 2019, TopFit u Biffi (C‑22/18, EU:C:2019:497, punt 29). Enfasi miżjuda minni.


63      Ara pereżempju, is-sentenzi tat‑2 ta’ Ottubru 2003, Garcia Avello (C‑148/02, EU:C:2003:539); tad‑19 ta’ Ottubru 2004, Zhu u Chen (C‑200/02, EU:C:2004:639); u tat‑2 ta’ Marzu 2010, Rottmann (C‑135/08, EU:C:2010:104), fejn l-Artikolu 18 TFUE japplika anki fejn il-moviment huwa ta’ membru ieħor tal-familja, bħall-ġenituri meta ċ-ċittadini tal-Unjoni jkunu tfal.


64      Għal perspettiva kritika, ara, pereżempju, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Sharpston fil-kawża Ruiz Zambrano (C‑34/09, EU:C:2010:560, punti 77 sa 90).


65      L-istess japplika għall-Artikolu 45 TFUE li “[mhux] applikabbli għal ħaddiema li qatt ma jkunu eżerċitaw il-libertà tagħhom li jiċċaqilqu ġewwa l-Unjoni u ma jkollhomx l-intenzjoni li jagħmlu dan”. Sentenza tat‑18 ta’ Lulju 2017, Erzberger (C‑566/15, EU:C:2017:562, punt 28).


66      Ara, pereżempju, is-sentenza tal‑5 ta’ Settembru 2012, Lopes Da Silva Jorge (C‑42/11, EU:C:2012:517, punt 39).


67      Sentenza tal‑20 ta’ Ottubru 1993, Phil Collins et (C‑92/92 u C‑326/92, EU:C:1993:847, punt 24). Jidher li fil-punti 17 sa 28 ta’ din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja kienet lesta tibbaża l-applikazzjoni ta’ dak li kien l-Artikolu 7 KEE fuq ipoteżi astratta, li tiġi ssodisfatta b’lista ta’ dispożizzjonijiet tat-Trattat li skonthom il-kwistjoni tal-protezzjoni ta’ proprjetà letterarja u artistika, minkejja li mhix armonizzata mid-dritt tal-KEE, tista’ titqiegħed f’dubju.


68      Ara, pereżempju, is-sentenza tat‑18 ta’ Marzu 2014 (C‑628/11, EU:C:2014:171, punti 34 sa 62), fejn il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat b’mod partikolari li “s-servizzi ta’ trasport bl-ajru pprovduti bejn pajjiż terz u Stat Membru minn trasportatur bl-ajru li għandu liċenzja operattiva maħruġa minn Stat Membru ieħor kienu s-suġġett ta’ leġiżlazzjoni ta’ dritt sekondarju”.


69      Diskussa iktar ’il fuq, f’punti 35 sa 41.


70      Iktar ’il fuq, punti 28 sa 49.


71      Iktar ’il fuq, punt 40.


72      Ara pereżempju, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑1 ta’ April 2008, Il‑Gvern tal‑Komunità Franċiża u Il‑Gvern tal‑Vallonja (C‑212/06, EU:C:2008:178, punti 49 sa 50 u l-ġurisprudenza ċċitata), fir-rigward ta’ kundizzjonijiet ta’ residenza.


73      Sentenza tat‑2 ta’ Frar 1989, Cowan (186/87, EU:C:1989:47).


74      Iktar ’il fuq, punti 59 sa 80.


75      Iktar ’il fuq, punti 81 sa 90.


76      Naturalment, purament fittizju u ssemplifikat, mingħajr l-ebda intenzjoni li jidħol fil-kwistjonijiet ta’ dritt applikabbli skont l-Artikolu 5 tar-Regolament (KE) Nru 864/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑11 ta’ Lulju 2007 dwar il-liġi applikabbli għall-obbligazzjonijiet mhux kuntrattwali (“Ruma II”) (ĠU 2007, L 199, p. 40).


77      Iktar ’il fuq, punti 54 sa 58.


78      Kien id-dritt modern li gradwalment biss asserixxa l-esklużività territorjali fuq il-partikolariżmu legali medjevali – ara, pereżempju, Lesaffer, R., European Legal History: A Cultural and Political Perspective,  Cambridge University Press, Cambridge, 2009, p. 168 sa 169, 269 et seq., u 277 et seq., jew Romano, S., L’Ordre juridique, Dalloz, 1975, p. 77 et seq.


79      Għalhekk jiżdied livell ieħor ta’ kumplessità u (nuqqas ta’) prevedibbiltà f’sistema li, sa fejn hija kkonċernata l-għażla tad-dritt applikabbli u l-forum għall-konsumatur, ma hijiex sempliċi jew ċara kif inhi – għal stħarriġ mill-ġdid reċenti ara, pereżempju, Risso, G., “Product liability and protection of EU consumers: is it time for a serious reassessment?” Journal of Private International Law, 2019, vol. 15, l-ewwel ħarġa, p. 210.


80      Jew almenu ma ġewx miġjuba għall-attenzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja, minħabba li l-qorti tar-rinviju hija silenzjuża dwar din il-kwistjoni u l-Gvern Ġermaniż ma ssottometta l-ebda osservazzjoni f’din il-kawża.


81      Sentenza tas‑16 ta’ Frar 2017 (C‑219/15, EU:C:2017:128).


82      Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑13 ta’ Frar 1969, Wilhelm et (14/68, EU:C:1969:4, punt 13); tal‑14 ta’ Lulju 1981, Oebel (C‑155/80, EU:C:1981:177, punt 9); u tal‑14 ta’ Lulju 1994, Peralta (C‑379/92, EU:C:1994:296, punti 48 u 52).


83      Ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑18 ta’ Lulju 2017, Erzberger (C‑566/15, EU:C:2017:562, punti 36 u 40), rigward limitazzjoni għat-territorju Ġermaniż tad-dritt Ġermaniż rigward id-dritt tal-vot u li wieħed joħroġ bħala kandidat għall-elezzjoni bħala r-rappreżentant tal-ħaddiema fl-organu ta’ sorveljanza ta’ kumpannija.